Brussell, 17.10.2023

COM(2023) 592 final

2023/0362(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2009/12/KE, 2009/33/KE u (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” ( 1 ), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu b’kostijiet minimi. Għaldaqstant, impenjat ruħha biex tagħti spinta ġdida lir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-infurzar korrett u ta’ monitoraġġ kif suppost tal-leġiżlazzjoni. B’mod kumplessiv, il-kostijiet tagħhom jiġu fil-biċċa l-kbira kkumpensati mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rapportar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji, anke minħabba l-iżviluppi organizzazzjonali u teknoloġiċi li jitolbu li r-rekwiżiti ta’ rapportar oriġinali jiġu aġġustati. Maż-żmien, l-akkumulazzjoni tagħhom tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, doppji, jew obsoleti, fi frekwenzi u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi tal-ġbir inadegwati.

Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma prijorità. F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika r-rekwiżiti fil-qasam ta’ politika tat-trasport u li jaffettwaw b’mod partikolari t-trasport bit-triq u l-avjazzjoni u se tikkontribwixxi għall-ambizzjoni ewlenija “Ekonomija għas-servizz tan-nies”.

Il-proposta se tirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rapportar permezz ta’ taħlita ta’ miżuri, b’mod partikolari billi tnaqqas il-frekwenza tar-rekwiżiti ta’ rapportar u tneħħi ċerti elementi mill-obbligu ta’ rapportar.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar huma applikabbli għall-awtoritajiet pubbliċi u jikkonċernaw dan li ġej:

·L-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-vetturi nodfa akkwistati skont id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 u l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull 5 snin minflok kull 3 snin.

·Jiġi ssimplifikat l-obbligu li l-Istati Membri jirrapportaw id-data relatata mat-trasport ta’ merkanzija perikoluża lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2022/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 . Barra minn hekk, ikollhom jirrapportaw din id-data kull sentejn, minflok kull sena. Il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill kull 4 snin, minflok kull 3 snin, u għalhekk issegwi żewġ settijiet ta’ rapporti riċevuti mill-Istati Membri.

·Jitħassru kemm l-obbligu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-lista tal-ajruporti soġġetti għall-obbligu li japplikaw ir-regoli dwar is-servizzi ta’ groundhandling skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE 4 , kif ukoll l-obbligu tal-Kummissjoni li tippubblika dik il-lista.

·Jitħassar l-obbligu li l-Istati Membri jippubblikaw il-lista tal-ajruporti soġġetti għar-regoli dwar l-imposti tal-ajruporti skont id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex ir-rekwiżiti ta’ rapportar jiġu razzjonalizzati. Dan huwa pass fi proċess kontinwu li jħares b’mod komprensiv lejn rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, bil-ħsieb li jivvaluta r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex jagħmilhom aktar effiċjenti.

Ir-razzjonalizzazzjoni li ġiet introdotta minn dawn il-miżuri mhux se taffettwa l-kisba tal-objettivi fil-qasam tal-politika, peress li ma jfixklux il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi sottostanti.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha hija adattata għall-użu tagħha, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u xxejjen il-piżijiet filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha. Għaldaqstant, il-proposta hija parti mill-Programm REFIT, li jnaqqas il-kumplessità tal-piżijiet tar-rapportar li jirriżultaw mill-ambjent legali tal-UE.

Filwaqt li ċerti rekwiżiti ta’ rapportar huma essenzjali, dawn jeħtieġ ikunu effiċjenti kemm jista’ jkun, jevitaw id-duplikazzjonijiet, ineħħu piżijiet mhux meħtieġa u jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet diġitali u interoperabbli.

Il-proposta attwali tirrazzjonalizza r-rekwiżiti ta’ rapportar u b’hekk tagħmel il-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u anqas ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi u, b’mod indirett, għall-kumpaniji.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2009/33/KE hija l-Artikolu 175(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), issa l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-bażi ġuridika tad-Direttiva 96/67/KE hija l-Artikolu 84(2) tat-TKE u dik tad-Direttiva 2009/12/KE hija l-Artikolu 80(2) tat-TKE li issa t-tnejn huma l-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Il-bażi ġuridika tad-Direttiva (UE) 2022/1999/KE hija l-Artikolu 91 tat-TFUE. Għalhekk, jenħtieġ li l-bażijiet ġuridiċi ta’ din id-Deċiżjoni emendatorja jkunu l-Artikoli 91, 100(2) u 192(1) tat-TFUE.

Sussidjarjetà 

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar ikkonċernati huma imposti mid-dritt tal-UE. Ir-razzjonalizzazzjoni tagħhom għalhekk issir l-aħjar fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-konsistenza tar-rapportar. Dan se jiżgura b’mod indirett kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji u l-aktar għall-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE, li se jkunu qed jibbenefikaw mir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw minn din il-proposta.

Proporzjonalità

Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv ta’ politika usa’. Għaldaqstant, il-proposta hija limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rapportar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda element sostanzjali tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

Għażla tal-istrument

Id-Deċiżjoni proposta temenda erba’ Direttivi li għandhom bażi ġuridika kompatibbli, u għalhekk dawn l-emendi huma adattati biex jiġu inklużi fi proposta leġiżlattiva waħda. Meta jitqies li l-emendi jikkonċernaw biss l-obbligi li l-Istati Membri jipprovdu d-data u għalhekk ma jirrikjedu l-ebda traspożizzjoni mill-Istati Membri, jitqies li l-aktar strument legali xieraq tkun Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Dawn il-proposti ġew identifikati wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi ta’ rapportar eżistenti u abbażi tal-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iskrutinju ta’ dawn il-piżijiet u tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati se jkompli għaddej.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni bil-ħsieb li jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatti sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari tal-awtoritajiet pubbliċi.

Id-Direttiva 2009/33/KE tistabbilixxi miri minimi għall-akkwist ta’ vetturi nodfa, espressi bħala perċentwali minimi ta’ vetturi nodfa fl-għadd totali ta’ vetturi tat-trasport bit-triq koperti minn kuntratti mogħtija matul żewġ perjodi ta’ referenza ta’ 5 snin. Huwa aktar razzjonali li l-Istati Membri jintalbu jirrapportaw din id-data wara perjodu ta’ referenza, u għalhekk kull 5 snin. Dan se jagħmel ukoll ir-rapportar inqas frekwenti u għalhekk inqas ta’ piż għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Id-Direttiva (UE) 2022/1999 tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu ċerta data dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża kull sena. Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika dan l-obbligu billi tneħħi r-rekwiżit li l-Istati Membri jipprovdu, jekk possibbli, il-volumi stabbiliti jew stmati ta’ merkanzija perikoluża li tinġarr bit-triq. Din id-data la tinġabar u lanqas tiġi rrapportata b’mod konsistenti mill-Istati Membri u fi kwalunkwe każ il-Kummissjoni għandha aċċess għal data simili pprovduta mill-Eurostat. Anke jekk il-forniment ta’ din id-data jkun soġġett għall-kapaċità li l-Istati Membri jiksbuha, it-tneħħija ta’ din id-dispożizzjoni teħles lill-amministrazzjoni nazzjonali mir-rekwiżit li tipprova tiksibha u potenzjalment teħles lill-kumpaniji mill-obbligu li jirrapportaw din id-data lill-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, skont din il-proposta, l-Istati Membri jkollhom jirrapportaw id-data simplifikata dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża kull sentejn, li tkopri s-sentejn li huma inklużi f’dak il-perjodu ta’ rapportar. B’riżultat ta’ dan, l-amministrazzjonijiet nazzjonali se jkollhom iwettqu dan l-eżerċizzju ta’ rapportar kull sentejn minflok kull sena, li huwa inqas ta’ piż għalihom.

Skont id-Direttiva 96/67/KE, l-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li jiddependi mil-livelli ta’ traffiku annwali tagħhom espress f’movimenti tal-passiġġieri u f’tunnellati ta’ merkanzija. Din l-informazzjoni dwar it-traffiku annwali hija disponibbli għall-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari għall-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling u tista’ tinkiseb direttament u faċilment mill-ajruporti, mill-assoċjazzjonijiet tal-ajruporti jew mill-Eurostat 6 . Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jinħelsu mill-piż li jirrapportaw din il-lista ta’ ajruporti lill-Kummissjoni annwalment.

Bl-istess mod, skont id-Direttiva 2009/12/KE, l-Istati Membri jridu jippubblikaw lista tal-ajruporti fit-territorju tagħhom li għalihom tapplika din id-Direttiva (jiġifieri l-ajruporti b’moviment ta’ aktar minn ħames miljun passiġġier jew l-ajruport bl-ogħla movimenti ta’ passiġġieri). Għall-istess raġunijiet tad-Direttiva 96/67/KE, din id-data tista’ faċilment tiġi aċċessata mill-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari mil-linji tal-ajru jew mill-assoċjazzjonijiet tal-linji tal-ajru, minħabba li l-ajruporti jippubblikawha fuq is-siti web tagħhom stess u jinkluduha spiss fir-rapporti annwali tagħhom, li huma disponibbli għall-pubbliku. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jinħelsu mill-piż tal-pubblikazzjoni ta’ din il-lista ta’ ajruporti.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1 li jemenda d-Direttiva 2009/12/KE

Jitħassar l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2009/12/KE dwar l-obbligu li l-Istati Membri jippubblikaw kull sena l-lista tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2 li jemenda l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/33/KE.

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/33/KE jipprevedi li sat-18 ta’ April 2026 u minn hemm ’il quddiem kull 3 snin, l-Istati Membri jridu jipprovdu rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 1 tal-proposta, minn hemm ’il quddiem se jkollhom jagħmlu dan kull 5 snin. L-Artikolu 10(3) jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sat-18 ta’ April 2027 u minn hemm ’il quddiem kull 3 snin. Skont il-proposta, minn hemm ’il quddiem se jkollha tagħmel dan kull 5 snin.

Artikolu 3 li jemenda l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2022/1999.

L-Artikolu 9(1) attwalment jipprevedi li l-Istati Membri jridu jipprovdu rapport annwali b’lista ta’ data dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża, inkluż, taħt il-punt (a) “jekk possibbli, il-volum stabbilit jew stmat ta’ merkanzija perikoluża li se jinġarru fit-triq, f’termini ta’ tunnellati t li se jinġarru jew ta’ tunnellati/kilometri;” Skont l-Artikolu 3(1) tal-proposta, dan il-punt (a) jitħassar. Barra minn hekk, l-Istati Membri jkollhom jipprovdu dawn ir-rapporti b’din id-data simplifikata kull sentejn, għal kull sena ta’ dak il-perjodu ta’ rapportar. L-Artikolu 9(2) jipprevedi li l-Kummissjoni trid tibgħat rapport lill-Parlament u lill-Kunsill kull 3 snin. Skont l-Artikolu 3(1) tal-proposta, hija jkollha tagħmel dan kull 4 snin mill-2025 ’il quddiem.

L-Artikolu 2(2) tal-proposta jemenda l-Anness III tad-Direttiva, billi jneħħi r-referenza għall-kwantità totali stmata ta’ merkanzija perikoluża ttrasportata bit-triq.

Artikolu 4 li jemenda d-Direttiva 96/67/KE

Jitħassar l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 96/67/KE dwar l-obbligu li kull sena l-Istati Membri jirrapportaw l-lista tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni, u li l-Kummissjoni tippubblika dik il-lista.

2023/0362 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2009/12/KE, 2009/33/KE u (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2) u 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 7 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 8 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

(2)Id-Direttivi 2009/12/KE 9 , 2009/33/KE 10 u (UE) 2022/1999 11 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE 12 fihom numru ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni, li għalhekk jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 13 .

(3)L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2009/12/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw fuq bażi annwali lista tal-ajruporti fit-territorju tagħhom li dik id-Direttiva tapplika għalihom. Id-Direttiva 2009/12/KE tapplika għall-ajruporti kummerċjali bi traffiku ta’ aktar minn ħames miljun moviment ta’ passiġġieri u għall-ajruporti bl-ogħla moviment ta’ passiġġieri f’kull Stat Membru. Peress li dik l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli mill-partijiet ikkonċernati tal-ajruporti, l-assoċjazzjonijiet tal-ajruporti u l-Eurostat, u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jixraq li jitneħħa dak l-obbligu ta’ pubblikazzjoni.

(4)Id-Direttiva 2009/33/KE tistabbilixxi miri minimi għall-akkwist ta’ vetturi nodfa, espressi bħala perċentwali minimi ta’ vetturi nodfa fl-għadd totali ta’ vetturi tat-trasport bit-triq koperti minn kuntratti mogħtija matul żewġ perjodi ta’ referenza. L-ewwel perjodu ta’ referenza huwa mit-2 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2025, u t-tieni wieħed mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030.

(5)L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/33/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-18 ta’ April 2026, u minn hemm ’il quddiem kull 3 snin. Ir-rapporti tal-Istati Membri għandhom jinkludu ċifri b’rabta mal-għadd u l-kategoriji ta’ vetturi akkwistati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2009/33/KE jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva sat-18 ta’ April 2027 u minn hemm ’il quddiem kull 3 snin, abbażi tar-rapporti sottomessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2).

(6)Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiġi razzjonalizzata l-iskeda tar-rapportar, jixraq li l-frekwenza tar-rapportar tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/33/KE titnaqqas u tiġi allinjata bis-sħiħ mal-perjodi ta’ referenza ta’ 5 snin previsti f’dik id-Direttiva. Peress li r-rapportar tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jibni fuq ir-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li tiġi adattata wkoll il-frekwenza ta’ dak ir-rapportar.

(7)L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2022/1999 jirrikjedi li għal kull sena kalendarja l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/1999. Minħabba l-benefiċċji limitati tar-rapportar annwali u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni oħra, u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiġi razzjonalizzata l-iskeda tar-rapportar, jixraq li titnaqqas il-frekwenza ta’ dawn ir-rapporti għal kull tieni sena kalendarja.

(8)Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn ir-rapporti, l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2022/1999 jirrikjedi li l-Istati Membri jinkludu, jekk possibbli, il-volum stabbilit jew stmat ta’ merkanzija perikoluża li se tinġarr bit-triq, f’tunnellati ttrasportati jew f’tunnellati/kilometri. Minħabba n-natura fakultattiva ta’ dan ir-rekwiżit, id-data rilevanti ma tinġabarx jew ma tiġix irrapportata b’mod konsistenti mill-Istati Membri. Sadanittant, l-Eurostat jipprovdi data ċara u konsistenti dwar it-trasport ta’ merkanzija perikoluża, li l-Kummissjoni sserraħ fuqha biex tfassal ir-rapport triennali għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill. Peress li l-Kummissjoni diġà għandha aċċess għal din id-data, jixraq li jitħassar l-obbligu li jiġi rrapportat il-volum totali ta’ merkanzija perikoluża li tinġarr bit-triq fl-Istat Membru sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

(9)L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2022/1999 jirrikjedi li l-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba fl-1999 u wara mill-inqas kull 3 snin, rapport b’rabta mal-applikazzjoni tagħha mill-Istati Membri. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiġi razzjonalizzata l-iskeda tar-rapportar, jixraq li jkun meħtieġ li dak ir-rapport jintbagħat kull 4 snin.

(10)L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 96/67/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li jiddependi mil-livelli ta’ traffiku annwali tagħhom espress f’movimenti tal-passiġġieri u f’tunnellati ta’ merkanzija. Jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tippubblika din il-lista ta’ ajruporti. Peress li dik l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli mill-partijiet ikkonċernati tal-ajruporti, l-assoċjazzjonijiet tal-ajruporti jew il-Eurostat, u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jixraq li jitneħħa dan l-obbligu ta’ rapportar u ta’ pubblikazzjoni.

(11)Għaldaqstant, id-Direttivi 2009/12/KE, 2009/33/KE, (UE) 2022/1999 u 96/67/KE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2009/12/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/12/KE, jitħassar il-paragrafu 3.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/33/KE

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/33/KE huwa emendat kif ġej:

(1) fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Sat-18 ta’ April 2026, u kull 5 snin minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni.”;

(2) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.  Sat-18 ta’ April 2027, u kull 5 snin wara, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva li jispeċifika l-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’dan ir-rigward, wara r-rapporti msemmija fil-paragrafu 2.”

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva (UE) 2022/1999

Id-Direttiva (UE) 2022/1999 hija emendata kif ġej:

(1) l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-aħħar rapport skont l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024 u għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.”;

(b) jiddaħħal il-punt 1a li ġej:

“1a. Mill-1 ta’ Jannar 2024, ir-rapporti għal kull sena kalendarja msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni kull sentejn, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara tmiem it-tieni sena u għandhom jinkludu d-dettalji li ġejjin:

(a)    in-numru ta’ kontrolli li jkunu saru;

(b)    in-numru ta’ vetturi kkontrollati skont il-post tar-reġistrazzjoni (vetturi rreġistrati fuq livell nazzjonali, fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi);

(c)    in-numru ta’ ksur ta’ regolamenti li jkunu ġew irreġistrati skont il-kategorija tar-riskju kif imsemmi fl-Anness II;

(d)    it-tip u n-numru ta’ penali imposti.

L-ewwel rapport skont l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sottomess sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026.”;

(c) fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mill-2025 ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas kull 4 snin.”

(2) L-Anness III huwa sostitwit bit-test li hemm fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Emenda għad-Direttiva 96/67/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/67/KE, jitħassar il-paragrafu 4.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2023)168.
(2)    Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.
(3)    Id-Direttiva (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq, ĠU L 274, 24.10.2022, p. 1
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.
(5)    Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11.
(6)    L-Eurostat jiġbor l-istatistika dwar it-trasport bl-ajru mill-awtoritajiet nazzjonali, bħall-Uffiċċju tal-Istatistika, il-Ministeru tat-Trasport, l-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili jew l-ajruporti, skont l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data organizzata f’kull pajjiż li jirrapporta. Is-sorsi tad-data oriġinali għall-awtoritajiet nazzjonali normalment ikunu l-ajruporti jew l-intrapriżi li jimmaniġġjaw xi ajruport kif ukoll il-linji tal-ajru. https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/avia_pa_esms.htm , https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/avia_gooa/default/table?lang=en
(7)    ĠU C , , p. .
(8)    ĠU C , , p. .
(9)    Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).
(10)    Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).
(11)    Id-Direttiva (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq (ĠU L 274, 24.10.2022, p. 1).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).
(13)    COM(2023)168.

Brussell, 17.10.2023

COM(2023) 592 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttivi 2009/12/KE, 2009/33/KE u (UE) 2022/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni


ANNESS

“ANNESS III

Mudell tal-formola standard għar-rapport li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni dwar il-ksur u l-penali

 

Pajjiż: _____________________ Sena: ________________

 

KONTROLLI TAT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA PERIKOLUŻA BIT-TRIQ

 

Post/pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vetturi (1)

Għadd totali

Pajjiż li fih sar il-kontroll

Pajjiżi terzi

Pajjiżi terzi

Għadd ta’ unitajiet tat-trasport ikkontrollati abbażi tal-kontenut tat-tagħbija (u l-ADR)

 

 

 

 

Għadd ta’ unitajiet tat-trasport li ma jikkonformawx mal-ADR

 

 

 

 

Għadd ta’ unitajiet tat-trasport immobilizzati

 

 

 

 

Għadd ta’ ksur innotat, skont il-kategorija tar-riskju (2)

Kategorija tar-riskju I

 

 

 

 

Kategorija tar-riskju II

 

 

 

 

Kategorija tar-riskju III

 

 

 

 

Għadd ta’ penali imposti, skont it-tip ta’ penali

Twissija

 

 

 

 

Multa

 

 

 

 

Oħrajn

 

 

 

 

Noti tal-qiegħ:

(1) Għall-fini ta’ dan l-Anness il-pajjiż tar-reġistrazzjoni huwa l-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura motorizzata.

(2) Meta jkun hemm diversi ksur f’unità tat-trasport, għandha tapplika biss l-aktar kategorija ta’ riskju serju skont l-Anness II.”