Brussell, 25.9.2023

COM(2023) 544 final

2023/0330(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE, li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tar-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 1 (ir-Regolament IUU).

•Kuntest ġenerali

Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU u hija r-riżultat ta' proċeduri ta’ analiżi u ta’ djalogu li twettqu skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament IUU li jipprevedi, inter alia, li l-pajjiżi kollha jenħtieġ li jaqdu dmirjiethom skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2016 (ĠU C 144, 23.4.2016, p. 14) li tinnotifika lir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2023 [C(2023,6303] (ĠU C XXXX, XX.XX.2023, p. …) li tidentifika lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul il-proċeduri ta’ analiżi u ta’ djalogu, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament IUU.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU.

Ir-Regolament IUU ma jinkludix dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Fil-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni, b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikat lil Trinidad u Tobago li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

Il-Kummissjoni bdiet démarches fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago. Dawn id-démarches kienu jikkonsistu, inter alia, minn azzjonijiet li jipprovdu raġunijiet għall-azzjonijiet tagħha, opportunità għall-pajjiż biex iwieġeb u jiċħad, id-dritt li jitlob u jipprovdi informazzjoni addizzjonali, il-pjanijiet ta’ azzjoni proposti bħala rimedju għas-sitwazzjoni kif ukoll żmien biżżejjed biex iwieġeb u żmien raġonevoli biex jirrettifika s-sitwazzjoni.

Fil-25 Settembru 2023, il-Kummissjoni, b’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, identifikat lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq is-sejbiet li kkonfermaw li Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq.

Għalhekk, qed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni.

Bażi ġuridika

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma ta’ azzjoni hija deskritta fir-Regolament IUU u ma tħalli l-ebda lok għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jkollhom iġorru l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista’ jkun u jkun proporzjonat mal-objettiv tal-proposta, ma hijiex applikabbli.

Għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: deċiżjoni.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

Mezzi oħra ma jkunux xierqa billi r-Regolament IUU ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2023/0330 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE, li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tar-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.INTRODUZZJONI U PROĊEDURA

(1)Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-“Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura biex jiġu identifikati pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kwalunkwe miżura ta’ emerġenza.

(3)Fl-24 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE 3 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

(4)F’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, b’Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 (id-“Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016”) 4 , il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago (“Trinidad u Tobago”) dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

(5)Fid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata din l-identifikazzjoni possibbli.

(6)Dik id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Trinidad u Tobago flimkien ma’ ittra li tistieden lil Trinidad u Tobago sabiex jimplimenta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta’ azzjoni sabiex jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati.

(7)Bid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu ma’ Trinidad u Tobago.

(8)B’mod partikolari, il-Kummissjoni stiednet lil Trinidad u Tobago biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni u biex jivvaluta l-implimentazzjoni tagħhom.

(9)Trinidad u Tobago ngħata l-opportunità li jwieġeb għad-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 kif ukoll għal informazzjoni rilevanti oħra kkomunikata mill-Kummissjoni, u li jippreżenta evidenza li tikkontradixxi jew li tikkompleta l-fatti msemmija f’dik id-Deċiżjoni. Trinidad u Tobago ġie żgurat dwar id-dritt tiegħu li jitlob, jew li jipprovdi, informazzjoni addizzjonali.

(10)Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha rilevanti. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati minn Trinidad u Tobago wara d-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Saru laqgħat fiżiċi kif ukoll virtwali bejn Trinidad u Tobago u l-Kummissjoni biex jiġu diskussi l-punti rilevanti. Trinidad u Tobago nżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(11)Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni stabbiliet li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti minn Trinidad u Tobago. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fil-pjan ta’ azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

(12)B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/xxx/UE 5 , li tidentifika lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU (id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-25 ta’ Settembru 2023”).

(13)Abbażi tal-proċess ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu mwettaq mill-Kummissjoni, inkluża l-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, u abbażi tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-25 ta’ Settembru 2023, jixraq li Trinidad u Tobago jitqiegħed fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

2.IDENTIFIKAZZJONI TA’ TRINIDAD U TOBAGO BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(14)Fid-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet ta’ Trinidad u Tobago u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

(15)Il-Kummissjoni rrieżaminat il-konformità ta’ Trinidad u Tobago f’konformità mas-sejbiet tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 u, fir-rigward tal-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm ’il quddiem minn Trinidad u Tobago, il-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rrettifikata.

(16)In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari mal-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat u aġġornat, in-nuqqas ta’ monitoraġġ effiċjenti u adegwat tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Trinidad u Tobago u n-nuqqas ta’ spezzjonijiet tas-sajd fil-port. In-nuqqasijiet identifikati huma marbuta, b’mod iktar ġenerali, man-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) 6 , fil-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA) 7 u fil-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd IUU (PSMA). 8  

(17)Għalhekk, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-25 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni identifikat lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

(18)Ma nstabet l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ Trinidad u Tobago li jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali huwa r-riżultat ta’ limitazzjonijiet tal-iżvilupp.

(19)Wara li ġew ikkunsidrati d-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-25 ta’ Settembru 2023, u l-proċess ta’ djalogu ma’ Trinidad u Tobago li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, ġie konkluż li l-azzjonijiet meħuda minn Trinidad u Tobago fid-dawl tad-dmirijiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera ma humiex suffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 94, 117, 118, u 119 tal-UNCLOS, mal-Artikoli 18, 19 u 23 tal-UNFSA u mal-Artikoli 6, 7, 8, 9 u 12 tal-PSMA.

(20)Għalhekk, Trinidad u Tobago naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

3.STABBILIMENT TA’ LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

(21)Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago, jenħtieġ li dak il-pajjiż jiġi inkluż, f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi emendata skont dan.

(22)L-inklużjoni ta’ Trinidad u Tobago fil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament IUU jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx. Fil-każ ta’ Trinidad u Tobago, dik il-projbizzjoni jenħtieġ li tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha definiti fl-Artikolu 2(8), tar-Regolament IUU, peress li n-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax ma huwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari.

(23)Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, jitqies neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward ta’ Trinidad u Tobago bħala pajjiż li ma jikkooperax. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(24)Jekk Trinidad u Tobago juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lil Trinidad u Tobago mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ tneħħija bħal din jenħtieġ li tqis ukoll jekk Trinidad u Tobago ħax miżuri konkreti biex ikun jista’ jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago għandha tiżdied mal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C 59, 19.2.2021, p. 1.
(2)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ April 2016 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 144, 23.4.2016, p. 14).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2023/xxx/UE tal-25 ta’ Settembru 2023 [C(2023) 6303] li tidentifika lil Trinidad u Tobago bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L xx, jj.xx.20ss, p. x).
(6)    ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.
(7)    ĠU L 189, 3.7.1998, p. 17.
(8)    ĠU L 191, 22.7.2011, p. 1.