Brussell, 22.9.2023

COM(2023) 541 final

2023/0328(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju b’rabta mal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limitu għall-iskart tal-merkurju, f’konformità mal-Artikolu 11, il-paragrafu 2, ta’ dik il-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP5) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (minn hawn ’il quddiem “skart ikkontaminat bil-merkurju”), kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2(c) ta’ dik il-Konvenzjoni.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Ftehim”) 1 hija l-qafas legali internazzjonali ewlieni maħsub biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-emissjonijiet antropoġeniċi u mir-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art. Il-Konvenzjoni tindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-merkurju mill-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju sar-rimi tal-iskart tal-merkurju.

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim bħalma huma l-Istati Membri kollha tagħha.

L-Artikolu 11, il-paragrafu 2 tal-Ftehim, jistipula li, għall-fini ta’ dan il-Ftehim, “l-iskart tal-merkurju” ifisser, sustanzi jew oġġetti (a) li jikkonsistu mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju jew (b) li fihom minnhom jew (c) li huma kkontaminati bihom, fi kwantità li taqbeż il-limiti li għandhom jiġu ddefiniti mill-Konferenza tal-Partijiet, u li jintremew jew li huma maħsuba jew meħtieġa li jintremew f’konformità mad-dritt nazzjonali jew mal-Ftehim. Din id-dispożizzjoni żżid li din id-definizzjoni ta’ “l-iskart tal-merkurju” teskludi l-iskart minerarju (materjal tal-art ta’ kopertura, skart tal-blat u żwiel), għajr l-iskart mill-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju, li jkun fih il-merkurju jew komposti tal-merkurju fi kwantità inqas mil-limiti li għandhom jiġu ddefiniti mill-Konferenza tal-Partijiet.

L-Artikolu 11, il-paragrafu 3 tal-Ftehim, jispeċifika li l-iskart li jikkwalifika bħala skart tal-merkurju skont l-Artikolu 11, il-paragrafu 2 tiegħu, irid jiġi mmaniġjat b’mod li jkun ambjentalment korrett (“ESM”). Fit-tielet laqgħa tagħha (25-29 ta’ Novembru 2019) 2 , il-COP adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 3 , li tipprevedi kif ġej:

Minn naħa, l-iskart kollu li jikkonsisti mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju jew li fih minnhom huwa “skart tal-merkurju” skont it-tifsira tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, irrispettivament mill-kontenut tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju tiegħu. Rigward il-materjal tal-art ta’ kopertura u l-iskart tal-blat mill-estrazzjoni għajr l-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu żviluppati limiti u dan jimplika li dawn fil-fatt jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

 

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż għaż-żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju (“żwiel mill-estrazzjoni minerarja”), peress li ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim mill-Partijiet, il-grupp ta’ esperti tekniċi, stabbilit mill-COP fit-tieni laqgħa tiegħu (19-23 ta’ Novembru 2018) 4 , għandu jkompli bid-diskussjonijiet dwar il-limiti applikabbli matul il-perjodu intersessjonali li jwassal għall-ħames laqgħa tiegħu.

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (“COP”) twettaq il-funzjonijiet assenjati lilha mill-Ftehim u, għal dak il-għan, għandha tqis u twettaq, fost l-oħrajn, kull azzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim, inkluż l-adozzjoni ta’ linji gwida rilevanti.

Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim u d-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri 5 adottati mill-COP fl-ewwel laqgħa tagħha (24-29 ta’ Settembru 2017) 6 , kull Parti għandha vot wieħed. Madankollu, bħala organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, l-Unjoni teżerċita d-dritt tagħha li tivvota dwar kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha b’numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma partijiet għall-Ftehim. L-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt għall-vot tagħha jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt għall-vot tiegħu, u viċe versa.

2.3.L-att previst tal-Konferenza tal-Partijiet

 

Il-grupp ta’ esperti tekniċi stabbilit skont id-Deċiżjoni MC-2/2 7 , li rċieva mandati estiżi bid-deċiżjonijiet MC-3/5 u MC-4/6 8 , iddiskuta l-limitu/i għall-iskart tal-merkurju li jaqa’ taħt is-subkategorija 2(c) tal-Artikolu 11. Wara li kkunsidra l-fehmiet kollha espressi mill-membri, il-grupp qabel li jirrakkomanda li l-Konferenza tal-Partijiet tistabbilixxi limitu għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, li jippreżenta tliet valuri ta’ limitu possibbli biex il-COP tieħu deċiżjoni dwarhom. Il-grupp qabel dwar rakkomandazzjonijiet oħra relatati mal-limitu/i.

Il-ħidma intersessjonali tal-esperti msemmija hawn fuq irriżultat f’rapport iddedikat żviluppat mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni 9 , li jinkludi rakkomandazzjonijiet għall-COP dwar il-limiti għall-iskart tal-merkurju għall-kunsiderazzjoni u għall-possibiltà li jiġu adottati fil-COP5.

Ir-rakkomandazzjonijiet lill-COP jinkludu l-istabbiliment ta’ limitu ta’ [25] [15] [10] mg/kg ta’ konċentrazzjoni totali ta’ merkurju għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew b’komposti tal-merkurju.

3.POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

Il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija li waqt il-ħames laqgħa tal-COP tiġi appoġġata l-adozzjoni tal-att previst li tkun konsistenti mal-acquis tal-UE.

Fil-fatt, filwaqt li l-att previst se jikkomplementa d-Deċiżjoni MC-3/5 billi jindirizza kategorija oħra tal-iskart tal-merkurju, jiġifieri skart ikkontaminat bil-merkurju, din il-pożizzjoni proposta hija konformi bis-sħiħ mal-pożizzjoni tal-UE adottata fid-dawl tal-COP3, li kienet strumentali fl-iżvilupp ta’ din id-Deċiżjoni u li diġà kopriet il-kwistjoni tal-limitu għat-tali skart. L-iskart tal-merkurju huwa rregolat fil-livell tal-UE, l-aktar mir-Regolament dwar il-Merkurju 10 , mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 11 , mid-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni 12 u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-lista Ewropea tal-iskart 13 .

Id-dritt tal-UE dwar l-iskart jiddependi fuq l-obbligu ewlieni stabbilit fl-Artikoli 13 u 17 tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart li abbażi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġjar tal-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Dawn id-dispożizzjonijiet jimplimentaw l-obbligu tal-ESM stabbilit fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 tal-Ftehim.

Tabilħaqq, filwaqt li l-UE kienet strumentali fir-rigward tal-iżvilupp tal-Ftehim, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-iskart tal-merkurju, u filwaqt li l-esperti tal-UE kkontribwew b’mod sinifikanti għad-diskussjonijiet intersessjonali tal-esperti msemmija hawn fuq, l-acquis tal-UE dwar l-iskart imur lil hinn mill-Artikolu 11 tal-Ftehim peress li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi f’din id-dispożizzjoni huwa rregolat fil-livell tal-UE u soġġett għall-immaniġġjar ambjentalment korrett irrispettivament mill-kontenut ta’ merkurju jew ta’ komposti tal-merkurju tiegħu.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa għax il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jimplimentaw l-att previst, la darba dan jiġi adottat. Fir-rigward tat-tliet valuri proposti, l-UE jenħtieġ li tistinka biex jintlaħaq qbil dwar valur uniku li għandu jiġi adottat mill-COP5. L-UE tista’ turi flessibbiltà fuq il-valur finali.

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett tal-“atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 14 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-COP hija korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju.

L-att previst li l-COP hija mitluba tadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali, għaliex il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li dan jiġi implimentat u jitħares.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.4.2. Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFEU flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0328 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju b’rabta mal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limitu għall-iskart tal-merkurju, f’konformità mal-Artikolu 11, il-paragrafu 2, ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju 15 (“il-Ftehim”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 16 u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (“il-Konferenza tal-Partijiet”) fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza.

(3)Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25-29 ta’ Novembru 2019, adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart li jikkonsisti mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju jew li fih minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 tal-Ftehim, u li teħtieġ li l-grupp ta’ esperti tekniċi, stabbilit mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tieni laqgħa tagħha tad-19-23 ta’ Novembru 2018, jiżviluppa limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż għaż-żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju.

(4)Matul it-tieni segment tar-raba’ laqgħa tagħha tal-21-25 ta’ Marzu 2022, il-Konferenza tal-Partijiet ma setgħetx tadotta Deċiżjoni dwar il-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2(c), tal-Ftehim. Minflok, id-Deċiżjoni MC-4/6 talbet lill-grupp ta’ esperti tekniċi biex ikompli l-ħidma tiegħu primarjament b’mezzi elettroniċi u biex jorganizza laqgħa wiċċ imb wiċċ ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti biex jindirizza l-iskart tal-merkurju li jaqa’ taħt il-paragrafu 2(c) tal-Artikolu 11, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, u biex jirrapporta dwar il-ħidma tiegħu lill-Konferenza tal-Partijiet fil-ħames laqgħa tagħha.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi din id-Deċiżjoni proposta, jekk tiġi approvata, se jkollha effetti legali peress li l-Partijiet għall-Ftehim se jkollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livelli nazzjonali u/jew reġjonali.

(6)L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Ftehim u għall-ħidma intersessjonali tal-esperti mnedija bid-Deċiżjoni MC-3/5 u dan wassal għar-rakkomandazzjonijiet; filwaqt li l-acquis tal-Unjoni diġà teħtieġ li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 tal-Ftehim, inkluż l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jiġi mmaniġġjat mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, irrispettivament mill-kontenut tal-merkurju tagħhom.

(7)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Ftehim għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill    

Il-President

(1)    Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (Test u Annessi), https://mercuryconvention.org/en/documents/minamata-convention-mercury-text-and-annexes
(2)     It-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP-3), Ġinevra, l-Iżvizzera, 25-29 ta’ Novembru 2019, https://mercuryconvention.org/en/meetings/cop3
(3)    Deċiżjoni adottata mit-tielet Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju – MC-3/5 - Limiti għall-iskart tal-merkurju, is-7 ta’ Jannar 2020,     https://mercuryconvention.org/sites/default/files/documents/decision/UNEP-MC-COP3-Dec5-MercuryWasteThresholds.EN.pdf
(4)    It-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP-2), Ġinevra, l-Iżvizzera, mid-19 sat-23 ta’ Novembru 2018https://mercuryconvention.org/en/meetings/cop2
(5)    Deċiżjoni adottata mill-ewwel Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju - MC-1/1: Regoli ta’ proċedura, it-22 ta’ Novembru 2017, https://mercuryconvention.org/sites/default/files/documents/decision/UNEP-MC-COP1-Dec1-RulesProcedure.EN.pdf
(6)    L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP-2), Ġinevra, l-Iżvizzera, mill-24 sad-29 ta’ Settembru 2017, https://mercuryconvention.org/en/meetings/cop1  
(7)    Deċiżjoni adottata mit-tieni Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju - MC-2/2: Il-limiti għall-iskart tal-merkurju, is-6 ta’ Diċembru 2018,https://mercuryconvention.org/sites/default/files/documents/decision/UNEP-MC-COP2-Dec2-MercuryWasteThresholds.EN.pdf
(8)    Deċiżjoni adottata mir-raba’ Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju - MC-4/6: Il-limiti għall-iskart tal-merkurju, it-8 ta’ April 2022, https://mercuryconvention.org/en/documents/mercury-waste-thresholds-1
(9)    UNEP/MC/WT.2/L.1 Abbozz ta’ rapport tal-laqgħa tal-grupp ta’ esportazzjoni teknika dwar il-limitu għall-iskart tal-merkurju, disponibbli fuq: https://mercuryconvention.org/sites/default/files/inline-files/2_L1_meeting_report_final.pdf  
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż
(11)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart
(12)    Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE7
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż
(14)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(15)    Kopja ċċertifikata tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju hija disponibbli hawnhekk: https://treaties.un.org/doc/Treaties/2013/10/20131010%2011-16%20AM/CTC-XXVII-17.pdf  
(16)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).