Brussell, 12.9.2023

COM(2023) 540 final

2023/0327(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-dikjarazzjoni li trid issir skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 1 (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) b’rabta mad-dikjarazzjoni mill-Unjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor 2 (“id-Deċiżjoni Nru 1/2023”). Il-qafas ta’ Windsor 3 jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Qafas ta’ Windsor

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Fis-27 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit laħqu ftehim politiku fil-prinċipju dwar il-Qafas ta’ Windsor. Il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ li sar f’Londra fl-24 ta’ Marzu 2023 adotta l-arranġamenti l-ġodda relatati mal-Qafas ta’ Windsor u ż-żewġ Partijiet qablu li jaħdmu flimkien b’mod intensiv u leali biex jimplimentaw l-elementi kollha tal-Qafas ta’ Windsor.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit. Huwa kopresedut mill-Unjoni u mir-Renju Unit. L-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena jew fuq talba tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, u jistabbilixxi l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda tiegħu permezz ta’ kunsens reċiproku.

Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt huma stipulati fl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u prinċipalment huma:

·is-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim direttament jew permezz tal-ħidma tal-kumitati speċjalizzati li jirraportaw lilu;

·l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, inklużi emendi tal-Ftehim fil-każijiet previsti fih;

·il-prevenzjoni ta’ problemi u s-soluzzjoni ta’ tilwim li jistgħu jinqalgħu rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Konġunt, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 23(4)(a) tal-Qafas ta’ Windsor.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.L-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023

Skont l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 ta’ dik id-Deċiżjoni li jkopru l-moviment ta’ merkanzija mhux f’riskju li sussegwentement tiddaħħal fl-Unjoni, jiġifieri, l-Artikoli 5 sa 7 (ħlief għall-Artikoli 7(1)(a)(iii)), 8, 10, 13, 14, 15(1), (2) u (4) u 16 se jsiru applikabbli ladarba l-Unjoni u r-Renju Unit ikunu għamlu ċerti dikjarazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt. Id-dikjarazzjoni tal-Unjoni trid issir fis-sens li l-Unjoni hija sodisfatta:

(i) bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; kif ukoll

(ii)li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha huma maħruġa b’mod korrett; kif ukoll

(iii)li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni; kif ukoll

(iv)li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.

Id-dikjarazzjoni tar-Renju Unit għandha ssir fis-sens li l-importaturi kollha li jixtiequ joperaw skont l-Artikolu 7(1)(a)(ii) u l-Artikolu 7(1)(b)(ii) tad-Deċiżjoni ngħataw awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 9 u 11 u l-Anness III tad-Deċiżjoni.

3.2.Id-dikjarazzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023

Id-dikjarazzjoni tal-Unjoni tkopri erba’ punti: (i) aċċess mir-rappreżentanti tal-Unjoni għan-networks, għas-sistemi ta’ informazzjoni u għall-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u għall-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq 4 (“id-Deċiżjoni Nru 6/2020”); (ii) li r-reġistrazzjonijiet XI EORI korretti biss ikunu fis-seħħ; (iii) li r-Renju Unit ikun ħareġ gwida aġġornata dwar il-pakketti maħruġa mir-Renju Unit; u (iv) li r-Renju Unit ikun ħareġ dikjarazzjoni unilaterali dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija ttrasportata mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit. Dawn il-punti huma żviluppati fid-dettall minn hawn ’il quddiem.

Aċċess għall-IT

Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 6/2020, ir-Renju Unit ħoloq sistema (Sistema ta’ Aċċess tal-UE - EUAS) fejn id-data min-networks, mis-sistemi ta’ informazzjoni u mill-bażijiet tad-data rilevanti tar-Renju Unit u mill-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni tkun disponibbli għar-rappreżentanti tal-Unjoni. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni setgħu jittestjaw l-EUAS f’Novembru 2022. F’Diċembru 2022, ir-rappreżentanti tal-Unjoni ppreżentaw rapport ta’ test bi 22 rakkomandazzjoni li jindirizzaw ċerti nuqqasijiet identifikati tal-EUAS. Minn dawn it-22 rakkomandazzjoni, 19 jikkonċernaw kwistjonijiet fuq terminu qasir u medju li jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ aġġustamenti tekniċi u modifiki għall-EUAS; min-naħa l-oħra, it-tliet rakkomandazzjonijiet li fadal jistgħu jiġu indirizzati biss bl-implimentazzjoni ta’ bidliet strutturali fl-EUAS li jeħtieġu l-iżvilupp fit-tul ta’ sistema ġdida.

Għall-finijiet tal-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, l-Unjoni jeħtieġ li tkun sodisfatta bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 6/2020 fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet fuq terminu qasir u medju. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit jeħtieġ li jkun ħa passi preparatorji sostantivi xierqa sabiex jiżgura li r-rappreżentanti tal-Unjoni jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi ta’ informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fil-punt a) f’format aċċessibbli u b’tali mod li jkunu jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju inkluża l-identifikazzjoni tax-xejriet reċenti u storiċi. Il-kwistjonijiet fuq terminu qasir u medju, kif identifikati f’19 mit-22 rakkomandazzjoni ppreżentati fir-rapport mir-rappreżentanti tal-Unjoni ta’ Diċembru 2022, ġew indirizzati b’mod sodisfaċenti mir-Renju Unit. Is-sistema issa qed tiffunzjona f’livell aċċettabbli u tipprovdi lir-rappreżentanti tal-Unjoni b’informazzjoni rilevanti biex ikunu jistgħu janalizzaw id-data b’mod effiċjenti u jwettqu analiżi operazzjonali biex jimmonitorjaw il-fluss tal-merkanzija bejn il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u jagħżlu fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju operazzjonali vjeġġi li għalihom jistgħu jintalbu kontrolli mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Għal kwistjoni waħda fuq terminu qasir u medju (dwar il-kompletezza tad-data fl-EUAS), ir-rakkomandazzjoni rilevanti ġiet indirizzata mir-Renju Unit fl-ewwel stadju; ir-Renju Unit impenja ruħu għal titjib tekniku fuq skala akbar biex jindirizza l-preżentazzjoni tad-data, li għaddejja bħalissa u li se titlesta fil-ftit xhur li ġejjin. Peress li l-kwistjoni tal-kompletezza tad-data hija wiesgħa u orizzontali u jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet fil-futur hekk kif is-sistema tevolvi, ir-Renju Unit impenja ruħu li jiżgura progress sinifikanti fir-rigward tal-kompletezza tad-data meħtieġa, appoġġat minn proċess ta’ kontinwità tal-operat. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet fit-tul, ir-Renju Unit diġà pprovda soluzzjonijiet għal waħda minnhom li hija relatata mal-aċċess fattibbli għall-għodda ta’ rapportar tal-EUAS. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit ħa passi preparatorji sostantivi xierqa (jiġifieri, fil-qafas ta’ kuntratt eżistenti, ġew stabbiliti skeda ta’ żmien u pjan ta’ tfassil bl-istadji importanti kollha u l-ippjanar ta’ kontinġenza meħtieġa) biex jiżgura li l-kwistjonijiet l-oħra fit-tul, kif identifikati fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet li jifdal mit-22 rakkomandazzjoni ppreżentati fir-rapport mir-rappreżentanti tal-Unjoni ta’ Diċembru 2022, jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti fil-futur. Is-soluzzjonijiet fit-tul jeħtieġ li jtejbu b’mod sinifikanti l-latenza tad-data tas-Sistema tad-Dikjarazzjoni Doganali, li tirrikjedi trasformazzjonijiet interni kbar u tħejjija biex id-data ssir disponibbli fiċ-ċentru tad-data TAXUD għall-analiżi storika tar-riskju. Dawn se jippermettu wkoll lir-rappreżentanti tal-Unjoni jwettqu eżerċizzji ta’ analiżi tar-riskju abbażi tax-xejriet storiċi.

Għalhekk, l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni li tiddikjara li hija sodisfatta, skont it-tifsira tal-Artikolu 23(4)(a)(i) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 6/2020 dwar l-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi ta’ informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, filwaqt li tinnota li r-Renju Unit impenja ruħu li jiżgura progress sinifikanti fir-rigward tal-latenza u l-kompletezza tad-data meħtieġa, appoġġat minn proċess ta’ kontinwità tal-operat u li l-aċċess mir-rappreżentanti tal-Unjoni għal tali informazzjoni għad irid jiġi pprovdut f’format aċċessibbli b’tali mod li jippermettilhom iwettqu analiżi tar-riskju inkluż l-identifikazzjoni ta’ xejriet reċenti u storiċi.

XI EORI

In-negozji stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq biss jistgħu jiġu rreġistrati taħt numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) li jibda b’XI (kodiċi internazzjonali għall-Irlanda ta’ Fuq; minn hawn ’il quddiem: “numru XI EORI”), ħlief għal negozju involut f’ċerti operazzjonijiet doganali limitati li jseħħu b’rabta mal-Irlanda ta’ Fuq, skont l-Artikoli 5(31)(b), (5)(32) u 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. F’April 2023, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkuntattjaw negozji li ma kinux jidhru li għandhom stabbiliment fl-Irlanda ta’ Fuq, u talbuhom jagħtu prova li kienu intitolati li jkunu rreġistrati bin-numru XI EORI. Fejn dan ma kienx il-każ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit invalidaw ir-reġistrazzjonijiet ta’ tali negozji, proċess li issa tlesta.

Għalhekk, l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni li tiddikjara li hija sodisfatta, skont it-tifsira tal-Artikolu 23(4)(a)(ii) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, li r-reġistrazzjonijiet eżistenti kollha taħt in-numru XI EORI huma maħruġa b’mod korrett mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

Gwida dwar il-pakketti

Fid-9 ta’ Ġunju 2023, ir-Renju Unit ippubblika online 5 aktar dettalji u pubblikazzjonijiet dwar il-Qafas ta’ Windsor, inkluż fir-rigward tal-pakketti. Fit-8 ta’ Settembru 2023, ir-Renju Unit ħareġ gwida dettaljata aġġornata dwar il-moviment ta’ pakketti minn partijiet oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq 6 .

Għalhekk, l-Unjoni tinsab f’pożizzjoni li tiddikjara li hija sodisfatta, skont it-tifsira tal-Artikolu 23(4)(a)(iii) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2023.

Proċeduri ta’ esportazzjoni għal merkanzija ttrasportata mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit

Fl-24 ta’ Marzu 2023, ir-Renju Unit ħareġ fil-Kumitat Konġunt Dikjarazzjoni Unilaterali dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għal merkanzija li tiġi ttrasportata mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit 7 . L-Unjoni ħadet nota ta’ din id-Dikjarazzjoni Unilaterali 8 .

Għaldaqstant, l-Unjoni hija f’pożizzjoni li tiddikjara li hija sodisfatta, fis-sens tal-Artikolu 23(4)(a)(iv) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali msemmija f’dik id-dispożizzjoni.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Ħruġ.

L-Unjoni u r-Renju Unit jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet unilaterali fil-Kumitat Konġunt. Id-dikjarazzjoni unilaterali prevista mill-Unjoni li għandha ssir fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tikkostitwixxi att li għandu effetti legali, fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni fir-rigward tiegħu f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Id-dikjarazzjoni unilaterali li għandha ssir mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tirrigwarda l-Qafas ta’ Windsor, li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie konkluż abbażi tal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 50(2) TUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 50(2) TUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Fl-interess taċ-ċertezza legali u tat-trasparenza, huwa xieraq li d-dikjarazzjoni unilaterali mill-Unjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li tkun saret fil-Kumitat Konġunt. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li tkun saret id-dikjarazzjoni unilaterali li trid issir mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 23(4)(b) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023.

2023/0327 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-dikjarazzjoni li trid issir skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 10 tat-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)Skont l-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor 11 (“id-Deċiżjoni Nru 1/2023”), ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 għandhom japplikaw mit-30 ta’ Settembru 2023, dment li d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23(4) ittri (a) u (b) ikunu saru fil-Kumitat Konġunt.

(3)F’konformità mal-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Qafas ta’ Windsor 12 jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(4)L-Unjoni mistennija tagħmel dikjarazzjoni fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023. Dik id-dikjarazzjoni għandha ssir fis-sens li l-Unjoni hija sodisfatta: (i) bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 6/2020 permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt; u (ii) li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha huma maħruġa b’mod korrett; u (iii) li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2023; u (iv) li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”) fir-rigward tad-Dikjarazzjoni Unilaterali li għandha ssir mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Dikjarazzjoni Unilaterali mehmuż fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7 .
(2)     ĠU L 102, 17.4.2023, p. 61 .
(3)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87 .
(4)     ĠU L 443, 30.12.2020, p. 16 .
(5)     https://www.gov.uk/government/collections/the-windsor-framework-further-detail-and-publications .  
(6)     https://www.gov.uk/government/publications/moving-parcels-from-great-britain-to-northern-ireland-under-the-windsor-framework-from-30-september-2024 .
(7)     ĠU L 102, 17.4.2023, p. 96 .
(8)     ĠU L 102, 17.4.2023, p. 97 .
(9)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(10)     ĠU L 29, 31.1.2020, p.1.  
(11)     ĠU L 102, 17.4.2023, p. 61 .
(12)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87 .

Brussell, 12.9.2023

COM(2023) 540 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tad-dikjarazzjoni li trid issir skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt


ANNESS

ABBOZZ TA’ DIKJARAZZJONI UNILATERALI MILL-UNJONI FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ XX/2023

skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023

Skont l-Artikolu 23(4)(a) tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor (“id-Deċiżjoni Nru 1/2023”), l-Unjoni tiddikjara li hija sodisfatta:

(i)bl-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni li tinsab fin-networks, fis-sistemi ta’ informazzjoni u fil-bażijiet ta’ data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni msemmija fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, filwaqt li tinnota li r-Renju Unit impenja ruħu li jiżgura progress sinifikanti fir-rigward tal-latenza u l-kompletezza meħtieġa tad-data, appoġġat minn proċess tal-kontinwità tan-negozju, u li l-aċċess mir-rappreżentanti tal-Unjoni għal tali informazzjoni għadu jrid jiġi pprovdut f’format aċċessibbli b’tali mod li jippermettilhom iwettqu analiżi tar-riskji inkluża identifikazzjoni ta’ xejriet riċenti u storiċi; kif ukoll

(ii)li r-reġistrazzjonijiet XI EORI eżistenti kollha huma maħruġa b’mod korrett; kif ukoll

(iii)li r-Renju Unit ħareġ gwida ġdida għall-pakketti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2023; kif ukoll

(iv)li r-Renju Unit ħareġ id-dikjarazzjoni unilaterali tiegħu dwar il-proċeduri tal-esportazzjoni għall-merkanzija li toħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq lejn partijiet oħra tar-Renju Unit.