Brussell, 12.9.2023

COM(2023) 521 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Komunità tal-Euratom ilha membru sħiħ tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) mill-1997. L-għan ewlieni tal-KEDO kien il-forniment ta’ żewġ reatturi nukleari li jużaw l-ilma ordinarju lill-RDPK (ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea - il-Korea ta’ Fuq), bħala parti minn sforzi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni fil-Peniżola Koreana. Billi l-RDPK naqset milli timplimenta l-obbligi tagħha tan-nonproliferazzjoni, l-attivitajiet operattivi tal-KEDO ntemmew, u s-segretarjat ingħalaq fil-31 ta’ Mejju 2007, 12-il sena wara l-ħolqien tiegħu. Minkejja dan, il-Bord Eżekuttiv tal-KEDO ddeċieda li ma jtemmx l-organizzazzjoni minnufih, iżda li jżommha għaddejja fil-forma ta’ entità vojta (qisu sempliċement skeletru, b’segretarjat impjegat fuq bażi temporanja), sabiex jippermettilha tiddefendi l-interessi finanzjarji u legali tagħha, kif ukoll tal-erba’ membri tagħha rrappreżentati fil-Bord Eżekuttiv (l-Euratom, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka). Il-kontinwazzjoni tal-KEDO fil-format tagħha ta’ entità vojta fil-fatt tippermetti li l-membri tagħha jsostnu pretensjonijiet finanzjarji kontra r-RDPK għal telf finanzjarju (li jammonta għal USD 1.89 biljun), li jkollhom protezzjoni legali kontra pretensjonijiet ta’ responsabbiltà jew ta’ kumpens u li jżommu s-sjieda tal-infrastruttura u assi oħra fir-RDPK. Għalhekk, il-Bord Eżekuttiv approva pjanijiet għall-operat kontinwu tas-Segretarjat li kienu jkopru l-perjodu ta’ ħames snin li ntemm fil-31 ta’ Mejju 2012, u mbagħad iddeċieda li jestendi t-tiġdid għal perjodi sussegwenti ta’ tliet snin li jintemmu fil-31 ta’ Mejju 2015, fil-31 ta’ Mejju 2018 u fil-31 ta’ Mejju 2021.

Qabel kien ġie stmat li l-konklużjoni finali għal dawn il-kwistjonijiet legali u finanzjarji setgħet tinkiseb sal-31 ta’ Mejju 2021. Għaldaqstant, is-sħubija tal-Komunità kellha ddum sa dik id-data, skont l-aħħar Ftehim bejn l-Euratom u l-KEDO. Madankollu, billi l-KEDO teħtieġ iktar żmien biex tiffinalizza l-kwistjonijiet pendenti tagħha, il-ħarsien kontinwu tal-interessi tal-Komunità jeżiġi li jiġi konkluż Ftehim ġdid bejn l-Euratom u l-KEDO. Għal dak l-għan, fit-13 ta’ April 2021, il-Kunsill approva direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni li jawtorizzawha tinnegozja, fuq bażi retroattiva, it-tiġdid tal-Ftehim bejn l-Euratom u l-KEDO lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2021, għal perjodu standard ta’ tliet snin bħal fit-tiġdid preċedenti. 

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta ttawwal il-validità tal-Ftehim preċedenti bejn il-Komunità l-Euratom u l-KEDO. Il-kontenut huwa konformi mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill adottati għall-istess skop 1 .

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

It-tiġdid tal-Ftehim bejn l-Euratom u l-KEDO jippermetti lill-Euratom tipproteġi l-interessi finanzjarji u legali tagħha bħala wieħed mill-membri tal-KEDO.

2.Negozjati

•Bażi ġuridika u konklużjonijiet

Il-bażi ġuridika proposta hija t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Abbażi tat-test propost mis-servizzi tal-Kummissjoni, issa ntlaħaq ftehim ad referendum mal-KEDO dwar it-test mehmuż, għat-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO). Fl-opinjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni, dan it-test huwa konsistenti mad-direttivi ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill fit-13 ta’ April 2021.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill japprova, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, it-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO), mehmuż fl-Anness.

•Sussidjarjetà

Il-proposta titlob għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-oqsma ta’ kompetenza tal-Euratom biss. Għalhekk, ma hemm l-ebda kunflitt mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

•Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li tittawwal is-sħubija tal-Euratom fil-KEDO, f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati maħruġa mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-proposta ma toħloq l-ebda kost finanzjarju għall-Komunità Euratom, għall-baġit tal-Unjoni, għall-gvernijiet nazzjonali, għall-awtoritajiet reġjonali jew lokali, għall-operaturi ekonomiċi u lanqas għaċ-ċittadini.

•Għażla tal-istrument

L-għażla tal-istrument hija konformi mal-Artikolu 101, it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li jipprevedi li l-ftehimiet bejn il-Komunità Euratom u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu konklużi mill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-Kunsill.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhu se jkun hemm l-ebda implikazzjoniji baġitarja.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euroatom), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) jenħtieġ li jiġi konkluż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) hija b’dan approvata.

It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ara d-Deċiżjoni Tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1945 tad-19 ta’ Novembru 2018 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO), ĠU L 304, 26.11.2019, p. 1–1; u d-Deċiżjoni tial-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1946 tad-19 ta’ Novembru 2018 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO), ĠU L 304, 26.11.2019, p. 4–4.

Brussell, 12.9.2023

COM(2023) 521 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)


ANNESS

FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA U L-ORGANIZZAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP TAL-ENERĠIJA FIL-PENIŻOLA KOREANA

IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA,

Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”, u

L-ORGANIZZAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP TAL-ENERĠIJA FIL-PENIŻOLA KOREANA,

Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-KEDO”,

Billi:

1.Il-KEDO twaqqfet skont il-Ftehim tad-9 ta’ Marzu 1995 dwar it-Twaqqif tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana, kif emendat fid-19 ta’ Settembru 1997, bejn il-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Korea, tal-Ġappun u tal-Istati Uniti tal-Amerika;

2.It-tmien Ftehim konkluż bejn il-Komunità u l-KEDO skada fil-31 ta’ Mejju 2021;

3.Wara d-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-proġett tal-KEDO tar-reatturi nukleari li jużaw l-ilma ordinarju, u wara d-deċiżjoni tal-2007 li jaqdi d-dmirijiet tas-Segretarjat b’persunal imnaqqas ħafna u b’faċilitajiet tal-uffiċċju minimi, fl-2021 il-Bord Eżekuttiv tal-KEDO ddeċieda li l-KEDO tkompli lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2021;

4.Kemm il-Komunità u kemm il-KEDO esprimew ix-xewqa li jkomplu l-kooperazzjoni tagħhom bl-għan li jimplimentaw it-tmiem tal-proġett tar-reatturi nukleari li jużaw l-ilma ordinarju, u li jsir ix-xoljiment b’mod ordnat tal-KEDO;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ qabel

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’xi Artikolu ta’ hawn taħt, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ qabel bejn il-Komunità u l-KEDO, li skada fil-31 ta’ Mejju 2021, għandhom jibqgħu japplikaw skont dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni tal-Komunità

Ma għandu jkun hemm l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-baġit tal-KEDO skont dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Durata

Dan il-Ftehim jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2022. Dan għandu jiġġedded awtomatikament kull sena għal perjodu ta’ sena oħra, sakemm parti ma tinnotifikax lill-parti l-oħra li tixtieq ittemm il-Ftehim mill-anqas xahar qabel id-data tal-iskadenza tiegħu. Jista’ jintemm ukoll b’effett immedjat wara l-irtirar mill-KEDO ta’ kwalunkwe wieħed mill-Membri l-oħra bħalissa rrappreżentati fil-Bord Eżekuttiv. Dan il-Ftehim ma għandux jiġġedded lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2024.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ mal-iffirmar tiegħu mill-Komunità u l-KEDO, u għandu jkun effettiv fuq bażi retroattiva mill-1 ta’ Ġunju 2021.

Magħmul fi Brussell fi    il-jum ta’    2023, f’żewġ kopji oriġinali

Għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Magħmul fi New York fi    il-jum ta’    2023, f’żewġ kopji oriġinali

Għall-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana