Brussell, 1.9.2023

COM(2023) 502 final

2023/0307(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda u tikkoreġi d-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mħarrġa fir-Rumanija

(Test b’rilevanza għaż-ZEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-rikonoxximent rapidu u effiċjenti tal-kwalifiki professjonali għall-aċċess għall-professjonijiet regolati huwa essenzjali biex jaħdmu l-libertajiet fundamentali tas-suq intern għaċ-ċittadini tal-UE. Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (“id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali”) tistabbilixxi r-regoli dwar ir-rikonoxximent transfruntier tal-kwalifiki għall-aċċess għall-professjonijiet regolati, kif ukoll ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għal diversi professjonijiet, inklużi l-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali.

Skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, l-Istati Membri huma obbligati, wara applikazzjoni mid-detentur u mingħajr kundizzjonijiet addizzjonali, li jirrikonoxxu l-kwalifiki tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li jkollhom iċ-ċittadini tal-UE li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi skont id-Direttiva jekk il-prova ta’ dawk il-kwalifiki tkun elenkata fl-Anness rilevanti. Din il-prova hija relatata ma’ taħriġ li jkun beda wara d-data ta’ referenza, li normalment jikkorrispondi għad-data tal-adeżjoni tal-pajjiż li fih inkisbet il-kwalifika mal-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma marbuta li jirrikonoxxu ċerti kwalifiki li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi jekk l-applikant jista’ jagħti prova tal-għadd speċifiku ta’ snin ta’ esperjenza professjonali, kif stabbilit skont id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet miksuba. Fl-aħħar nett, għal dawk li ma jistgħux jibbenefikaw minn ebda waħda minn dawn iż-żewġ possibbiltajiet, tapplika, fil-prinċipju, is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent. Skont din is-sistema, jekk ikun hemm differenzi sostanzjali bejn il-kwalifiki tal-applikant u dawk meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti li ma jistgħux ikunu koperti mill-għarfien u l-ħiliet miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu jew permezz tal-apprendiment tul il-ħajja, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob miżuri ta’ kumpens mill-applikant fil-forma ta’ test tal-aptitudni jew perjodu ta’ adattament qabel ma jagħti aċċess għall-professjoni regolata. Jekk iċ-ċittadin tal-UE ma jkunx jista’ jibbenefika minn xi reġim ta’ rikonoxximent skont id-Direttiva 2005/36/KE, fil-prinċipju, l-applikazzjoni trid tiġi vvalutata mill-Istat Membru ospitanti skont ir-regoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE).

L-organizzazzjoni tar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali matul l-adeżjoni mal-UE hija proċess kumpless. Tinvolvi l-adattament ta’ programmi ta’ taħriġ eżistenti biex jiġi żgurat li, mid-data tal-adeżjoni, l-istudenti jkunu jistgħu jirreġistraw biss f’korsijiet ta’ taħriġ konformi. Barra minn hekk, l-individwi li jkunu bdew taħriġ mhux konformi qabel id-data ta’ referenza jkollhom jissodisfaw rekwiżiti addizzjonali qabel ma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent transfruntier.

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li l-kwalifiki tagħhom ma ssodisfawx ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ mal-adeżjoni, ir-Rumanija stabbiliet programm ta’ aġġornament wara rakkomandazzjoni introdotta fil-premessa 36 tad-Direttiva 2013/55/UE li emendat id-Direttiva 2005/36/KE.

Ir-Rumanija introduċiet il-programm permezz tal-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministru għas-Saħħa 2 . Dan ġie approvat mill-Ordni Rumena Nru 5114/2014 tal-Infermiera, tal-Qwiebel u tal-Assistenti Mediċi u mill-Ordni tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali 3 .

Qabel it-tnedija tiegħu, il-kontenut tal-programm ġie diskuss mal-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. L-esperti analizzaw it-taħriġ li r-Rumanija kienet tat fil-passat fil-livelli ta’ edukazzjoni postsekondarja u edukazzjoni għolja biex jiddeterminaw sa liema punt issodisfaw ir-rekwiżiti minimi skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Il-korsijiet ta’ aġġornament ġew sussegwentement imfassla biex jitneħħew il-lakuni identifikati. Biex jiġi implimentat il-programm ta’ aġġornament fil-livell postsekondarju, bejn l-2013 u l-2014, il-Ministeru Rumen għall-Edukazzjoni Nazzjonali, il-Ministeru għas-Saħħa, l-Ordni Rumena tal-Infermiera, tal-Qwiebel u tal-Assistenti Mediċi u l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Akkreditazzjoni tal-Isptarijiet organizzaw tmien sessjonijiet ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” b’esperti minn diversi Stati Membri.

Il-programm ta’ aġġornament beda fis-sena akkademika 2014/2015. Skont il-Ministeru Rumen għall-Edukazzjoni u r-Riċerka, sa tmiem is-sena akkademika 2018/2019, 23 gradwat tal-edukazzjoni għolja u aktar minn 3 000 gradwat postsekondarju kienu lestew dan il-programm.

Ir-Rumanija ppreżentat l-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġornament lill-Istati Membri fil-Grupp ta’ Koordinaturi għar-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali f’Marzu u f’Mejju 2018.

Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, kif applikabbli bħalissa, ma tobbligax lill-Istati Membri ospitanti jirrikonoxxu l-kwalifiki tal-infermiera li jkunu lestew b’suċċess il-programm ta’ aġġornament. Ir-regoli attwali sempliċement jobbligaw lill-Istat Membru ospitanti jikkunsidra l-programm ta’ aġġornament bħala prova tal-ħiliet u l-għarfien addizzjonali miksuba fuq bażi ta’ każ b’każ bħala parti mill-proċess ta’ rikonoxximent skont is-sistema ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni tipprevedi reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet miksuba tad-Direttiva għall-infermiera Rumeni wara l-valutazzjoni tar-riżultati tal-programm ta’ aġġornament. Il-valutazzjoni ġiet ippubblikata f’rapport tal-Kummissjoni fl-11 ta’ Mejju 2020 4 .

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi emendar immirat għar-regoli dwar id-drittijiet miksuba speċjali stabbiliti fl-Artikolu 33(a) tad-Direttiva 2005/36/KE biex tiffaċilita l-proċess ta’ rikonoxximent għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li lestew il-programm ta’ aġġornament Rumen. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi li dawn l-infermiera għandhom jibbenefikaw minn rikonoxximent skont id-drittijiet miksuba speċjali mingħajr il-ħtieġa li jagħtu prova tal-esperjenza professjonali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-drittijiet miksuba speċjali, inkluża l-possibbiltà li jiġi segwit programm ta’ aġġornament, ġew introdotti għall-infermiera u l-qwiebel Pollakki li bdew jew li lestew it-taħriġ tagħhom qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE. Il-proposta attwali hija konsistenti mal-approċċ meħud fil-passat.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 46, 53(1) u 62 tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE.

L-għan tad-Direttiva ma setax jintlaħaq b’mod suffiċjenti permezz ta’ azzjoni mill-Istati Membri peress li din inevitabbilment kienet tirriżulta f’rekwiżiti diverġenti li joħolqu ostakli għall-mobbiltà transfruntiera tal-professjonisti inkwistjoni u trattament mhux ugwali. Il-bidliet fir-reġim legali attwali jfissru l-emendar ta’ Direttiva eżistenti, li jista’ jinkiseb biss mid-dritt tal-UE. Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-prinċipju tal-proporzjonalità jirrikjedi li kwalunkwe azzjoni tkun immirata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi. L-emendi proposti jikkonformaw ma’ dan il-prinċipju minħabba li huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li jkunu lestew b’suċċess il-programm ta’ aġġornament Rumen.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

L-Istati Membri ġew ikkonsultati fl-2018 permezz tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Koordinaturi għar-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali 5 . L-esperti tal-Istati Membri analizzaw l-informazzjoni u d-dokumenti pprovduti mir-Rumanija dwar l-implimentazzjoni tal-programm u bagħtu feedback dwar ir-riżultati tal-programm lill-Kummissjoni. Ir-Rumanija wieġbet b’mod sodisfaċenti għall-mistoqsijiet u għal-kummenti mill-Istati Membri. L-ebda Stat Membru ma oġġezzjona għall-proposta li l-gradwati għandhom jibbenefikaw minn reġim ta’ rikonoxximent aktar favorevoli minn dak attwalment previst fid-dispożizzjoni dwar id-drittijiet miksuba, jiġifieri, mingħajr il-ħtieġa li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit dwar l-esperjenza professjonali speċifika.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja kbira. F’termini ta’ riżorsi amministrattivi meħtieġa fl-Istati Membri għall-ipproċessar tat-talbiet ta’ rikonoxximent, din l-inizjattiva se tgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv attwali. Minflok is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent li tieħu aktar ħin, id-dispożizzjonijiet emendati dwar id-drittijiet miksuba se japplikaw għall-gradwati tal-programm ta’ aġġornament, li jippermetti proċess ta’ rikonoxximent awtomatiku.

5.SPJEGAZZJONI FID-DETTALL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA

5.1. Dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali li japplikaw bħalissa għall-prova Rumena tal-kwalifiki bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali

Skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku jekk: (i) ikollhom prova Rumena tal-kwalifiki bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali kif elenkati fil-punt 5.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva; u (ii) it-taħriġ tagħhom ikun beda wara d-data tal-adeżjoni tal-1 ta’ Jannar 2007 u jissodisfa r-rekwiżiti minimi skont id-Direttiva.

Iċ-ċittadini tal-UE bi prova tal-kwalifiki Rumeni bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li t-taħriġ tagħhom ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi huma eliġibbli għar-rikonoxximent skont id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet miksuba stabbiliti fl-Artikolu 33(a) tad-Direttiva jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu. Jiġifieri, il-prova tal-kwalifiki tagħhom tkun waħda minn dawk elenkati f’dan l-Artikolu: (a) Certificat de competențe profesionale de asistent medical generalist b’edukazzjoni postsekondarja miksuba minn școală postliceală, li jattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Jannar 2007; jew (b) Diplomă de absolvire de asistent medical generalist bi studji ta’ edukazzjoni ogħla fi żmien qasir, li tattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Ottubru 2003;
jew (c)
Diplomă de licență de asistent medical generalist bi studji ta’ edukazzjoni ogħla fi żmien twil, li tattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Ottubru 2003. Barra minn hekk, iridu juru li għandhom esperjenza professjonali kif speċifikat fl-istess Artikolu, jiġifieri, billi jipprovdu ċertifikat li jiddikjara li kienu effettivament u legalment qed jeżerċitaw attivitajiet ta’ infermiera reponsabbli għall-kura ġenerali fir-Rumanija, u li kienu responsabbli bis-sħiħ għall-ippjanar, għall-organizzazzjoni u għat-twettiq tal-kura tal-pazjenti bħala infermiera, għal perjodu ta’ mill-inqas 3 snin konsekuttivi matul il-5 snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat.

Iċ-ċittadini tal-UE bi prova tal-kwalifiki professjonali bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li tħarrġu fir-Rumanija iżda ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 21(1) jew l-Artikolu 33(a) tad-Direttiva jkollhom il-kwalifiki tagħhom ivvalutati mill-Istati Membri ospitanti skont is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent. Din il-valutazzjoni titwettaq f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tad-Direttiva. Skont is-sistema ġenerali, jekk ikun hemm differenzi sostanzjali fit-taħriġ bejn il-kwalifiki tal-applikant u dawk meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, u tali lakuni ma jkunux jistgħu jiġu kkumpensati mill-esperjenza professjonali jew l-apprendiment tul il-ħajja, l-Istat Membru ospitanti jista’ jimponi miżuri ta’ kumpens fil-forma ta’ test tal-aptitudni jew perjodu ta’ adattament.

Jekk iċ-ċittadin tal-UE li għandu kwalifiki Rumeni ma jkunx jista’ jibbenefika minn xi reġim ta’ rikonoxximent skont id-Direttiva, l-applikazzjoni trid tiġi vvalutata mill-Istat Membru ospitanti skont ir-regoli tat-TFUE u l-każistika rilevanti tal-QĠUE.

5.2. Dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

5.2.1. Rikonoxximent iffaċilitat skont id-drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-gradwati tal-programm ta’ aġġornament Rumen

Il-Kummissjoni tipproponi li tirrevedi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet miksuba applikabbli għall-kwalifiki Rumeni bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali (l-Artikolu 33(a) tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali). Ir-reviżjoni tqis ir-riżultati tal-programmi ta’ aġġornament ipprovduti fil-livelli ta’ edukazzjoni postsekondarja u ta’ edukazzjoni għolja u tiżgura li l-gradwati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet miksuba mingħajr il-ħtieġa li jagħtu prova tal-esperjenza professjonali. Għal dan l-għan, qed jiġi propost li jiżdied paragrafu ġdid mal-Artikolu 33(a) tad-Direttiva.

Il-paragrafu l-ġdid propost (il-paragrafu 3) jirreferi fil-punt (a) għall-prova tal-kwalifiki li abbażi tagħha l-infermiera tħallew jattendu l-programmi ta’ aġġornament, jiġifieri l-prova elenkata fl-Artikolu 33(a) tad-Direttiva, kif ukoll għall-prova tal-livell postsekondarju msemmija fl-Artikolu 4 tal-Ordni Rumena Nru 5114 tal-15 ta’ Diċembru 2014: ((a) Diplomă de absolvire a Şcolii Tehnice Sanitare (1978); b) Diplomă/Certificat de absolvire a Şcolii Postliceale/Certificat de competenţe profesionale (liceu sanitar plus curs de echivalare şcoală postliceală cu durata de 1 an); c) Diplomă de absolvire a Şcolii Postliceale Sanitare (1991 - 1994); d) Certificat de absolvire a Şcolii Postliceale Sanitare (1992 - 1995); e) Certificat de competenţe profesionale (2006 - 2009)).

Għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja, il-programm ġie offrut minn skejjel postsekondarji vokazzjonali pubbliċi u privati akkreditati. Fir-rigward tat-taħriġ attwali, l-Anness I tal-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 fih ħames kurrikuli distinti ta’ aġġornament imfassla apposta għad-detenturi ta’ kull kwalifika postsekondarja elenkata bħala prova fl-Artikolu 4 tal-Ordni Nru 5114 tal-15 ta’ Diċembru 2014.

Għall-gradwati tal-edukazzjoni għolja, il-programm ġie offrut minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja akkreditati. L-Anness II tal-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 fih kurrikulu wieħed imfassal apposta għal dawn il-gradwati.

Il-paragrafu 3 il-ġdid propost tal-Artikolu 33(a) jirreferi fil-punt (b) għal żewġ tipi ta’ prova tal-kwalifiki maħruġa għall-gradwati tal-programm ta’ aġġornament, skont liema mill-kategoriji ta’ hawn fuq jappartjenu: ċertifikat għall-aġġornament tal-ħiliet professjonali (certificatul de revalorizare a competenţelor profesionale) għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja u lawrja ta’ Baċellerat (diplomă de licenţă) għall-gradwati tal-edukazzjoni għolja.

5.2.2. Rikonoxximent skont id-drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-infermiera Rumeni li ma segwewx il-programm ta’ aġġornament

Id-drittijiet miksuba speċjali applikabbli bħalissa, stabbiliti fl-Artikolu 33(a) tad-Direttiva 2005/36/KE, jippermettu liċ-ċittadini tal-Istati Membri li għandhom il-prova tal-kwalifiki stabbilita f’dan l-Artikolu jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki Rumeni tagħhom fi Stat Membru ieħor jekk jipprovdu ċertifikat tal-esperjenza professjonali li jissodisfa l-kriterji speċifikati. Dawn id-drittijiet miksuba għandhom ikomplu japplikaw għall-infermiera fis-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 33(a) li ma jkunux segwew il-programm ta’ aġġornament.

5.2.3. Applikazzjoni tas-sistema ġenerali (il-Kapitolu I tat-Titolu III tad-Direttiva)

F’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tapplika għall-professjonijiet kollha mhux koperti mill-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva. Is-sistema tapplika wkoll fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 10 fejn l-applikant, minħabba raġunijiet speċifiċi u eċċezzjonali, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Kapitoli. Skont l-Artikolu 10(b), tali każijiet jinkludu, għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, sitwazzjoni fejn l-applikant ma jissodisfax ir-rekwiżiti għall-prattika professjonali effettiva u legali msemmija fl-Artikolu 33. L-Artikolu 33 jikkonċerna d-drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali filwaqt li l-Artikolu 33(a) jikkonċerna d-drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mħarrġa fir-Rumanija. Dan tal-aħħar ma jissemmiex b’mod speċifiku fl-Artikolu 10(b). Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju dwar l-applikabbiltà tas-sistema ġenerali għall-infermiera li ma jistgħux jibbenefikaw mid-drittijiet miksuba skont l-Artikolu 33(a), il-Kummissjoni tipproponi li tiżdied referenza għall-Artikolu 33(a) fl-Artikolu 10(b).

2023/0307 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda u tikkoreġi d-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mħarrġa fir-Rumanija

(Test b’rilevanza għaż-ZEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46, 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 ,
id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet miksuba japplikaw għar-rikonoxximent ta’ ċerti kwalifiki professjonali bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali maħruġa fir-Rumanija.

(2)L-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li t-taħriġ tagħhom ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti minimi skont id-Direttiva 2005/36/KE u li beda qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent skont l-Artikolu 33a tad-Direttiva 2005/36/KE jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fiha. Jekk ma jiġux issodisfati dawn ir-rekwiżiti, l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tiġi vvalutata mill-Istat Membru ospitanti skont is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tad-Direttiva 2005/36/KE.

(3)Ma hemm l-ebda referenza speċifika għall-Artikolu 33a tad-Direttiva 2005/36/KE fl-Artikolu 10(b) tagħha minħabba żball. Sabiex ikun ċar li l-Artikoli 10 sa 14 tad-Direttiva 2005/36/KE japplikaw fis-sitwazzjoni fejn l-infermiera ma jissodisfawx ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 33a, dan l-iżball jenħtieġ li jiġi kkoreġut.

(4)Ir-Rumanija stabbiliet programm speċjali ta’ aġġornament biex tippermetti lill-parteċipanti jaġġornaw il-kwalifiki professjonali tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi kollha ta’ taħriġ stabbiliti għall-professjoni ta’ infermier responsabbli għall-kura ġenerali fid-Direttiva 2005/36/KE. Għal dan l-għan, ir-Rumanija kkollaborat minn qabel ma’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.

(5)Ir-Rumanija introduċiet il-programm permezz tal-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministru għas-Saħħa 8 . Dan ġie approvat mill-Ordni Rumena Nru 5114/2014 tal-Infermiera, tal-Qwiebel u tal-Assistenti Mediċi u mill-Ordni tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali 9 .

(6)Dak il-programm speċjali ta’ aġġornament ġie stabbilit għad-detenturi tal-prova tal-kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 33a tad-Direttiva 2005/36/KE, kif ukoll għad-detenturi ta’ prova ta’ ċerti kwalifiki postsekondarji elenkati fl-Artikolu 4 tal-Ordni Nru 5114/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali.

(7)Ir-Rumanija ppreżentat ir-riżultati tal-programm ta’ aġġornament speċjali fl-2018 lill-grupp ta’ esperti rilevanti (il-Grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali) u, wara il-konsultazzjonijiet, l-ebda Stat Membru ma oġġezzjona għall-proposta li l-gradwat jenħtieġ li jibbenefikaw minn reġim ta’ rikonoxximent aktar favorevoli.

(8)Fil-11 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat, skont l-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2005/36/KE, rapport dwar ir-riżultati tal-programm ta’ aġġornament speċjali 10 . Ir-rapport jikkonkludi li r-Rumanija implimentat il-programm ta’ aġġornament innegozjat minn qabel mal-Istati Membri biex tippermetti lill-parteċipanti tiegħu jtejbu l-kwalifiki tagħhom biex jilħqu r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE.

(9)Sabiex il-programm ta’ aġġornament speċjali jiġi inkluż fil-kriterji għar-rikonoxximent skont id-drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mħarrġa fir-Rumanija, jixraq li jiġi adattat l-Artikolu 33a tad-Direttiva 2005/36/KE sabiex l-infermiera bi prova rilevanti tat-tlestija tal-programm ikunu jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent mingħajr il-ħtieġa li jagħtu prova tal-esperjenza professjonali fir-Rumanija, kif inhu l-każ bħalissa.

(10)Għalhekk, id-Direttiva 2005/36/KE jenħtieġ li tiġi emendata u kkoreġuta skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2005/36/KE hija emendata u kkoreġuta kif ġej:

(1)fl-Artikolu 10, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    għal tobba b’taħriġ bażiku, tobba speċjalizzati, infermiera responsabbli għas-saħħa ġenerali, tobba dentisti, tobba dentisti speċjalizzati, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti, meta l-migrant ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ prattika professjonali effettiva u legali msemmija fl-Artikoli 23, 27, 33, 33a, 37, 39, 43 u 49;”

(2)l-Artikolu 33(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33a

Drittijiet miksuba li huma speċifiċi għall-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mħarrġa fir-Rumanija

1.    Fir-rigward tal-kwalifika Rumena bħala infermier responsabbli għall-kura ġenerali, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet miksuba stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 biss għandhom japplikaw.

2.    Fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li kienu mħarrġa bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali fir-Rumanija u li t-taħriġ tagħhom ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 31, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala prova suffiċjenti kwalunkwe prova tal-kwalifiki formali minn din li ġejja bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, bil-kundizzjoni li l-prova tkun akkumpanjata minn ċertifikat li jiddikjara li dawk iċ-ċittadini tal-Istat Membru kienu effettivament u legalment qed jeżerċitaw attivitajiet ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali fir-Rumanija, u li kienu responsabbli bis-sħiħ għall-ippjanar, għall-organizzazzjoni u għat-twettiq tal-kura tal-pazjenti bħala infermiera, għal perjodu ta’ mill-inqas 3 snin konsekuttivi matul il-5 snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat:

(a)    Certificat de competențe profesionale de asistent medical generalist b’edukazzjoni postsekondarja miksuba minn școală postliceală, li jattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Jannar 2007;

(b)    Diplomă de absolvire de asistent medical generalist bi studji ta’ edukazzjoni ogħla fi żmien qasir, li tattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Ottubru 2003;

(c)    Diplomă de licență de asistent medical generalist bi studji ta’ edukazzjoni ogħla fi żmien twil, li tattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Ottubru 2003.

3.    L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-prova tal-kwalifiki formali li ġejja bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali:

(a)    il-prova tal-kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll il-prova tal-kwalifiki formali ta’ livell postsekondarju elenkata fl-Artikolu 4 tal-Ordni Nru 5114/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġija għall-organizzazzjoni, għat-twettiq u għat-tlestija tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 5 tas-6 ta’ Jannar 2015), sakemm tali prova tkun akkumpanjata minn waħda minn dawn li ġejjin:

(b)    il-prova tal-kwalifiki formali miksuba abbażi ta’ programm ta’ aġġornament speċjali:

(i)    Diplomă de licenţă  imsemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministru għas-Saħħa tal-11 ta’ Awwissu 2014 dwar l-approvazzjoni tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja u tal-edukazzjoni għolja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 624 tas-26 ta’ Awwissu 2014), flimkien ma’ suppliment għad-diploma li jiddikjara li l-istudent ikun lesta l-programm ta’ aġġornament speċjali, jew

(ii)    Certificatul de revalorizare a competenţelor profesionale imsemmi fl-Artikolu 3(1) u fl-Anness 3 tal-Ordni Konġunta tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministru għas-Saħħa Nru 4317/943/2014 tal-11 ta’ Awwissu 2014 u fl-Artikolu 16 tal-Ordni Nru 5114/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġija għall-organizzazzjoni, għat-twettiq u għat-tlestija tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 5 tas-6 ta’ Jannar 2015).”.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok daħħal id-data: sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(2)    L-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministru għas-Saħħa tal-11 ta’ Awwissu 2014 dwar l-approvazzjoni tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja u tal-edukazzjoni għolja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 624 tas-26 ta’ Awwissu 2014).
(3)    L-Ordni Nru 5114/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġija għall-organizzazzjoni, għat-twettiq u għat-tlestija tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 5 tas-6 ta’ Jannar 2015).
(4)    COM/2020/191 final u SWD/2020/79 final .
(5)    ĠU L 79, 20.3.2007, p. 38-39.
(6)    ĠU C , , p. .
(7)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(8)    L-Ordni Konġunta Nru 4317/943/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali u tal-Ministru għas-Saħħa tal-11 ta’ Awwissu 2014 dwar l-approvazzjoni tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja u tal-edukazzjoni għolja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 624 tas-26 ta’ Awwissu 2014).
(9)    L-Ordni Nru 5114/2014 tal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġija għall-organizzazzjoni, għat-twettiq u għat-tlestija tal-programm ta’ aġġornament speċjali għat-taħriġ inizjali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għall-gradwati tal-edukazzjoni postsekondarja (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija Nru 5 tas-6 ta’ Jannar 2015).
(10)    COM/2020/191 final u SWD/2020/79 final.