Brussell, 12.10.2023

COM(2023) 470 final

2023/0352(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju - EGF/2023/002 BE/Makro


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 .

2.Fit-3 ta’ Lulju 2023, il-Belġju ssottometta applikazzjoni EGF/2023/002 BE/Makro għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji f’Makro Cash & Carry Belgium NV (Makro) fil-Belġju.

3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2023/002 BE/Makro

Stat Membru

Il-Belġju

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2 2 )

Il-Provinċja ta’ Antwerp (BE21),

il-Provinċja ta’ Flanders tal-Lvant (BE23), il-Provinċja tal-Brabant Fjamming (BE25), il-Provinċja ta’ Hainaut (BE32), u

l-Provinċja ta’ Liège (BE33)

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

It-3 ta’ Lulju 2023

Data tal-konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni

It-3 ta’ Lulju 2023

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

Is-17 ta’ Lulju 2023

Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

It-8 ta’ Awwissu 2023

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

Is-17 ta’ Ottubru 2023

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691


Intrapriża primarja

Makro Cash & Carry Belgium


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Settur(i) ta’ attività ekonomika

(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 3

Id-Diviżjoni 47 (Negozju bl-imnut, għajr ta’ vetturi bil-mutur u muturi)

Perjodu ta’ referenza (4 xhur):

Mill-10 ta’ Jannar 2023 sal-10 ta’ Mejju 2023

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

1 431

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

1 431

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

421

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

3 233 822

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 4 (EUR)

0 093 500

Baġit totali (EUR)

3 327 322

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)

2 828 223

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fit-3 ta’ Lulju 2023, il-Belġju ssottometta l-applikazzjoni EGF/2023/002 BE/Makro fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stipulati fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691. Fis-17 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Belġju. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni mimlija li fiha l-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fis-17 ta’ Ottubru 2023.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 1 431 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom f’Makro waqfet. L-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 47 NACE Reviżjoni 2 (Negozju bl-imnut, għajr ta’ vetturi bil-mutur u muturi). Is-sensji jinsabu fir-reġjuni NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Antwerp (BE21), il-Provinċja ta’ Flanders tal-Lvant (BE23), il-Provinċja tal-Brabant Fjamming (BE25), il-Provinċja ta’ Hainaut (BE32), u l-Provinċja ta’ Liège (BE33).

Kriterji ta’ intervent

6.Il-Belġju ssottometta l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni jtul mill-10 ta’ Jannar 2023 sal-10 ta’ Mejju 2023.

8.Matul il-perjodu ta’ referenza kien hemm 1 431 ħaddiem issensjat f’Makro. 

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

9.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 431.

Deskrizzjoni tal-eventi li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

11.L-event li wassal għal dawn is-sensji huwa l-falliment tal-intrapriża.

12.Fl-1970, Makro Cash & Carry Belgium NV fetħet ħwienet għall-ħaddiema indipendenti, għall-prattikanti ta’ professjoni libera u għall-professjonisti tal-ospitalità li jbigħu prodotti tal-ikel u mhux tal-ikel. Fl-2017, wara madwar 10 snin ta’ diffikultajiet finanzjarji, l-intrapriża ddeċidiet li tiftaħ l-aċċess tal-ħwienet Makro tagħha anke għall-klijenti ġenerali, filwaqt li ħwienet Metro tagħha baqgħu limitati għall-professjonisti tas-servizzi tal-ikel u tax-xorb (lukandi, restoranti u caterers).

13.Minkejja d-deċiżjoni, it-telf ammonta għal EUR 67 miljun fis-sena finanzjarja 2018/2019 u EUR 44 miljun fl-2019/2020 5 .

14.Il-bejgħ ta’ Makro kompla jonqos: EUR 738 miljun fl-2018/2019, EUR 714-il miljun fl-2019/2020 u EUR 646 miljun fl-2020/2021 6 . Matul il-pandemija, is-settur tal-ospitalità waqqaf l-attività għal diversi xhur u dan affettwa l-linja tal-bejgħ ta’ Makro għall-professjonisti tas-servizzi tal-ikel u tax-xorb. Il-linja tal-bejgħ ta’ Makro għall-klijenti ġenerali kienet affettwata wkoll minħabba l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet mhux tal-ikel u tal-ixkafef mhux tal-ikel fis-supermarkets, li wassal għal tnaqqis fil-bejgħ u għal użu akbar tal-kummerċ elettroniku, li komplew wara li tneħħew il-miżuri restrittivi.

15.Fl-1 ta’ Settembru 2022, Makro applikat għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz tat-trasferiment tal-impriżi skont l-awtorità ġudizzjarja quddiem il-Qorti tan-Negozji ta’ Antwerp. Beda proċess ta’ sejħa għall-offerti għall-intrapriża.

16.Il-linja tal-bejgħ ta’ Makro għall-professjonisti tas-servizzi tal-ikel u tax-xorb (bil-marka Metro) kienet tikkonsisti fi 11-il ħanut, disa’ minnhom inbiegħu lil Sligro Food Group u wieħed lill-bejjiegħ bl-ingrossa tal-ikel Van Zon, fi tmiem l-2022. L-400 impjieg fil-ħwienet ta’ Metro nżammu kollha, flimkien mal-100 impjieg fil-kwartieri ġenerali. L-impjegati ta’ ħanut wieħed li ma nxtrax ġew offruti impjieg f’faċilità fil-qrib ta’ Sligro-ISPC f’Antwerp 7 .

17.Il-linja tal-bejgħ ta’ Makro għall-klijenti ġenerali (bil-marka Makro) kienet tikkonsisti f’sitt iħwienet. Ir-riċevituri rrifjutaw l-unika offerta għall-ħwienet Makro peress li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tas-sottomissjoni tal-offerti u ma kinitx tajba 8 . Makro ġiet iddikjarata falluta fl-10 ta’ Jannar 2023 9 u ġew issensjati 1 431 ħaddiem.

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u tal-impjiegi

18.Il-ħwienet Makro għall-klijenti ġenerali kienu fi Flanders (erbat iħwienet) u f’Wallonia (żewġt iħwienet). It-territorji affettwati mis-sensji huma l-provinċji Fjammingi ta’ Antwerp, ta’ Flanders tal-Lvant u tal-Brabant Fjamming, u fir-reġjun ta’ Wallonia l-provinċji ta’ Hainaut u Liège.

19.Minħabba d-differenzi bejn is-swieq tax-xogħol Fjamming u dak ta’ Wallonia, l-impatt territorjali tas-sensji jvarja.

20.Fl-ewwel kwart tal-2023 ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 8,5 % għal 8,8 % f’Wallonia u naqset minn 3,3 % għal 3,1 % fi Flanders meta mqabbla mar-raba’ kwart tal-2022, filwaqt li l-varjazzjoni sena wara sena turi żieda fiż-żewġ reġjuni (b’0,4 punti perċentwali f’Wallonia u b’0,3 punti perċentwali fi Flanders) 10 .

21.Fil-livell nazzjonali, nofs (50,5 %) in-nies li kienu qiegħda fl-ewwel kwart tal-2022, sena wara għadhom qiegħda; 26 % jinsabu barra mis-suq tax-xogħol (inattivi) u 24 % biss reġgħu sabu impjieg. Madankollu hemm differenzi reġjonali: il-perċentwal ta’ dawk li sena wara għadhom qiegħda huwa kemxejn ogħla f’Wallonia (55,1 %) mill-medja nazzjonali iżda jonqos għal 36,4 % fi Flanders 11 12 .

22.Fl-ewwel kwart tal-2023, ir-rata ta’ impjieg fi Flanders kienet 77,3 % b’bidla sena wara sena ta’ 0,7 pp. Ir-rata ta’ impjieg f’Wallonia kienet 65 % (12,3-il pp inqas minn Flanders) bi tnaqqis sena wara sena ta’ 0,9 pp 13 .

23.Il-ħaddiema akbar fl-età qed jaffaċċjaw aktar ostakli għall-impjieg. Fl-ewwel kwart tal-2023 kien hemm differenza ta’ 18,7 pp bejn ir-rata ta’ impjieg għall-grupp ta’ età ta’ 20-54 (76,4 %) u r-rata ta’ impjieg għall-grupp ta’ età ta’ 55+ (56,8 %). F’Marzu 2023, fis-suq tax-xogħol ta’ Wallonia l-persuni li jfittxu xogħol irreġistrati li għandhom 50 sena jew aktar kienu jirrappreżentaw madwar 25 % tat-total tal-persuni li jfittxu xogħol 14 . Tnejn minn kull tliet ħaddiema ssensjati minn Makro (65 %) għandhom aktar minn 50 sena.

Filwaqt li l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat it-tfittxija għal aktar ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol Belġjan 15 , il-forza tax-xogħol ta’ Makro hija essenzjalment magħmula minn kaxxiera u ħaddiema f’imħażen. Għal dawn il-ħaddiema huwa aktar diffiċli li jerġgħu jiġu integrati f’impjieg.

24.Il-Belġju applika għal kofinanzjament mill-FEG biss b’appoġġ għall-eks ħaddiema ta’ Makro f’Wallonia. L-awtoritajiet reġjonali Fjammingi jqisu li ma hemmx bżonn li jiżdied l-appoġġ disponibbli għall-eks ħaddiema ta’ Makro fi Flanders bil-kofinanzjament mill-FEG, minħabba s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol reġjonali tiegħu.

Applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)

25.Il-Belġju ddeskriva kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.

26.Il-Belġju rrapporta li l-liġi tax-xogħol nazzjonali 16 dwar il-ġestjoni attiva tar-ristrutturar tirrikjedi li l-intrapriżi li jkunu għaddejjin minn ristrutturar iwaqqfu unità tal-impjiegi (cellule pour l’emploi) 17 , li l-għan tagħha jkun li tipprovdi lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja fil-kuntest ta’ sensji kollettivi, bi 30 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament f’perjodu ta’ 3 xhur (60 siegħa f’6 xhur għall-ħaddiema li għandhom 45 sena jew aktar). Madankollu, dan ir-rekwiżit ma japplikax fil-każ ta’ falliment.

27.Il-leġiżlazzjoni reġjonali ta’ Wallonia 18 tipprevedi appoġġ speċifiku għall-ħaddiema ssensjati, fil-forma ta’ unità ta’ riallokazzjoni (cellule de reconversion) 19 mis-Servizz Pubbliku Reġjonali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali (Forem), fuq talba tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema. L-unità ta’ riallokazzjoni ma tikkostitwix obbligu għall-impjegatur, u lanqas għal Forem. L-implimentazzjoni tal-miżuri kofinanzjati mill-FEG se tiġi ġestita permezz ta’ din l-unità ta’ riallokazzjoni.

28.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jassistu lill-ħaddiema ssensjati, il-Belġju rrapporta li l-unità ta’ riallokazzjoni twaqqfet fl-1 ta’ Frar 2023, ftit wara s-sensji.

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

29.Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

30.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

31.Il-Belġju indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom u mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691.

32.Bil-għan li jitħejja pakkett sod ta’ miżuri mfassla apposta biex jappoġġa l-isforzi tal-ħaddiema ta’ Makro biex jerġgħu lura għax-xogħol, fis-27 ta’ Jannar, fit-2 ta’ Marzu, fl-20 ta’ Marzu u fil-5 ta’ Mejju 2023, Forem, it-trade unions (FGTB 20 u CSC 21 ), u sħab oħrajn iltaqgħu biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema. Il-konsulenti soċjali li akkumpanjaw lill-ħaddiema wara li ngħataw is-sensja ġew ikkonsultati wkoll. Dawn il-laqgħat irriżultaw f’pakkett ikkoordinat ta’ miżuri tal-FEG li jikkonforma mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691.

Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti

Benefiċjarji fil-mira

33.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 421. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell ta’ edukazzjoni hija kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji mistennija

Ġeneru:

Irġiel:

189

(44,9 %)

Nisa:

232

(55,1 %)

Mhux binarji

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

Taħt it-30 sena:

2

(0,5 %)

Bejn it-30 u l-54 sena:

229

(54,4 %)

Iktar minn 54 sena:

190

(45,1 %)

Livell ta’ edukazzjoni

Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas 22  

87

(20,7 %)

Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell 23 jew postsekondarja 24

297

(70,5 %)

Edukazzjoni terzjarja 25

37

(8,8 %)

Miżuri proposti

34.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat personalizzat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:

Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament: Tul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, il-ħaddiema se jiġu offruti gwida individwali u servizzi ta’ tiftix ta’ impjieg flimkien ma’ appoġġ mill-ħaddiema soċjali. Se tingħata attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli f’sitwazzjoni ta’ distress psikoloġiku, dejn, jew diżabilità rikonoxxuta permezz ta’ professjonisti speċjalizzati fl-assistenza ta’ dawn il-gruppi.

Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali: Il-ħaddiema se jkollhom aċċess għall-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem u s-sħab tiegħu. Barra minn hekk, wara t-tfassil tal-profili u l-ftehim dwar proġetti individwali mal-konsulent vokazzjonali, se jiġi offrut taħriġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati.

Appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju. Il-miżura hija mmirata għall-ħaddiema li jixtiequ jkollhom impjieg indipendenti. Din se tinkludi fażi ta’ dijanjożi u gwida, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija, sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-potenzjal għall-ħolqien tan-negozju permezz ta’ dijanjożi ekonomika territorjali u networking ma’ intraprendituri rilevanti u ma’ coaches iċċertifikati fil-ħolqien ta’ negozju.

Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju. Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni b’impjieg indipendenti se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 15 000. Il-kontribuzzjoni se titħallas f’żewġ pagamenti, abbażi ta’ dokumenti ta’ sostenn li juru l-bidu u l-iżvilupp tal-attività tan-negozju.

Inċentivi u benefiċċji: (1) Benefiċċji għat-tiftix ta’ impjieg u għat-taħriġ. Il-ħaddiema se jirċievu EUR 2 fis-siegħa għall-parteċipazzjoni effettiva f’taħriġ jew f’attivitajiet għat-tiftix ta’ impjieg. (2) Bonus għat-titjib tal-ħiliet tal-IT. Il-ħaddiema li jsegwu l-modulu għall-aċċess għall-awtonomija diġitali se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 400 kundizzjonali għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom u t-tlestija tat-taħriġ. Il-bonus għandu l-għan li jnaqqas l-illitteriżmu diġitali billi jħeġġeġ lill-ħaddiema preċedenti ta’ Makro jtejbu l-ħiliet tal-IT tagħhom. (3) Bonus għat-titjib tal-ħiliet fil-lingwi. Il-ħaddiema li jsegwu modulu ta’ taħriġ intensiv tal-lingwa organizzat minn Forem jew kors ta’ immersjoni fil-lingwa f’intrapriża biex itejbu l-ħiliet tal-lingwa Olandiża, Ingliża jew Ġermaniża tagħhom bħala parti minn tfittxija speċifika ta’ impjieg se jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 500. L-objettiv tal-bonus huwa li jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-lingwa transdixxiplinarji biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fl-impjiegi. (4) Benefiċċju għar-ritorn lejn l-iskola. Se jingħata benefiċċju ta’ EUR 350 lil ħaddiema li jibdew studji sekondarji u terzjarji full-time mill-anqas għal sena, jew taħriġ kwalifikanti mill-anqas ta’ 3 xhur biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi li hemm domanda għalihom u li għalihom ir-reklutaġġ huwa diffiċli, li huma relatati ma’ funzjonijiet kritiċi 26 , jew li fihom hemm żbilanċ sinifikanti bejn il-ġeneri. (5) Benefiċċju għall-ħolqien ta’ negozju. Sabiex il-ħaddiema jiġu appoġġati waqt it-twaqqif tan-negozju tagħhom, se jingħata benefiċċju ta’ kull xahar ta’ EUR 350 għal massimu ta’ 12-il xahar.

35.It-taħriġ biex tinkiseb l-awtonomija diġitali u l-bonus għat-titjib tal-ħiliet tal-IT msemmija hawn fuq, flimkien ma’ modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi huma f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-modulu dwar l-ekonomija ċirkolari u l-użu effiċjenti tar-riżorsi żviluppat għal dawk li kienu ħaddiema ta’ Swissport (EFG/2020/005 BE) 27 , issa huwa parti mill-offerta ta’ taħriġ standard ta’ Forem kofinanzjata mill-FSE+. Għalhekk, dan ma huwiex ibbaġitjat f’din il-proposta. Barra minn hekk, l-ekonomija effiċjenti fir-riżorsi hija fil-qalba tal-offerta ta’ taħriġ taċ-ċentru ta’ taħriġ “Ambjent” ta’ Forem 28 .

36.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli, stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

37.Fir-rigward tal-attivitajiet li diġà twettqu għall-assistenza tal-ħaddiema ssensjati, il-Belġju informa li l-obbligu legali tal-impjegatur li jipprovdi servizzi ta’ rikollokament lill-ħaddiema ssensjati ma japplikax peress li l-intrapriża falliet. Madankollu, l-appoġġ lill-ħaddiema permezz tal-unità ta’ riallokazzjoni beda 3 ġimgħat wara s-sensji.

38.Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

Baġit stmat

39.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 3 327 322, li jinkludu nefqa ta’ EUR 3 233 822 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 93 500 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.

40.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 828 223 (85 % tal-kostijiet totali).

41.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), ir-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju speċifika li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti minn Wallonia.

Miżuri

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant 
(EUR) 29

Kostijiet totali stmati

(EUR) 30  

Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Servizzi ta’ informazzjoni, gwida okkupazzjonali u assistenza għar-rikollokament
(
reconversion: accompagnement/orientation/mobilisation)

421

5 350

2 252 335

Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali
(
formations et modules spécifiques)

421

944

397 367

Appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju
(
dispositif d'accompagnement à l'entrepreneuriat) 

50

2 660

132 982

Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju
(
bourse de lancement)

12

10 000

120 000

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

2 902 684

(89,76

 %)

Benefiċċji u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Inċentivi u benefiċċji
(
allocation de recherche d'emploi et de formation, prime numérique, prime langue, allocation de reprise d'études, allocation d'entrepreneuriat) 

421

787

331 138

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

331 138

(10,24 %)

Attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

0 31

2. Ġestjoni

43 400

3. Informazzjoni u pubbliċità

15 000

4. Kontroll u rapportar

35 100

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

93 500

(2,81 %)

Kostijiet totali (a + b + c):

3 327 322

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-kostijiet totali)

2 828 223

42.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri huma kundizzjonali għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.

43.Il-Belġju, f’konformità mal-Artikolu 7(2), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691, ikkonferma li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema indipendenti, għan-negozji l-ġodda u għall-akkwiżizzjoni maġġoritarja mill-impjegati ma humiex se jaqbżu t-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

44.Il-Belġju beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Frar 2023. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Frar 2023 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

45.Il-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fl-1 ta’ Jannar 2023. Għalhekk, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-10 ta’ Jannar 2023 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

46.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jimmaniġġaw u jikkontrollaw l-FSE+.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

47.Il-Belġju ta l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,

kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

48.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 32 .

49.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mmobilizzat il-FEG għall-ammont ta’ EUR 2 828 223, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

50.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 33 .

Atti relatati

51.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 2 828 223 għal-linja baġitarja rilevanti.

52.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 34 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.

2023/0352 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju - EGF/2023/002 BE/Makro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 35 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 36 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ event ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)Il-FEG ma jistax jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 37 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(3)Fit-3 ta’ Lulju 2023, il-Belġju ssottometta applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’Makro Cash & Carry Belgium NV fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies li tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38  

(4)Għalhekk, jenħtieġ li jiġi mmobilizzat il-FEG biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 828 223 fir-rigward tal-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2023, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’
EUR 2 828 223 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 39*

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1-56.
(3)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(4)    F’konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691.
(5)     RTBF.be
(6)     MetroAG.de
(7)     Sligro-ISPC
(8)     Retaildetail.be
(9)    Moniteur Belge Nº15, 16.1.2023, p. 6674
(10)     Statbel. Emploi et chômage (14.6.2023) .
(11)    Fir-reġjun ta’ Brussell-Kapitali 61 %.
(12)     Statbel. Transitions sur le marché du travail (14.6.2023) .
(13)     Statbel. Emploi et chômage (14.6.2023) .
(14)    Le Forem, « Emploi du temps. Photo locale de la demande d’emploi ». Mars 2023.
(15)    Bodart, V. & B. Van der Linden (2022), Crise du COVID-19. Rebond économique et difficultés de recrutement en Belgique. Regards économiques 168, UCLouvain.
(16)    Id-Digriet Reġju (Arrêté Royal) tal-10 ta’ Novembru 2006 li jemenda d-Digriet Reġju tad-9 ta’ Marzu 2006.
(17)     Forem. Event ta’ ristrutturar: unitajiet ta’ impjieg .
(18)    Id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonia tad-29 ta’ Jannar 2004, kif emendat bid-Digriet tat-30 ta’ April 2009.
(19)     Forem. Event ta’ ristrutturar: unitajiet ta’ riallokazzjoni .
(20)    Fédération générale du travail de Belgique.
(21)    Conféderation des syndicats chrétiens.
(22)    ISCED 0-2
(23)    ISCED 3
(24)    ISCED 4
(25)    ISCED 5-8
(26)     Lista ta’ impjiegi li hemm domanda għalihom u li diffiċli jiġu koperti jew li huma marbuta ma’ funzjonijiet kritiċi. « Métiers en tension de recrutement en Wallonie. Liste des métiers/fonctions critiques et en pénurie ». Le Forem 2020 .
(27)    COM(2021) 212
(28)     www.formation-environnement.be
(29)    Biex jiġu evitati d-deċimali, il-kostijiet stmati għal kull ħaddiem ġew ittondjati. Madankollu, l-ittondjar ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura, li jibqa’ bħalma hemm fl-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju.
(30)    It-totali ma jaqblux minħabba l-ittondjar.
(31)    L-attivitajiet ta’ tħejjija huma ffinanzjati mill-baġit operatorju ta’ Forem għal rikonverżjonijiet kollettivi. Mhu mitlub l-ebda kofinanzjament.
(32)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(33)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 29.
(34)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(35)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(36)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 29
(37)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(38)    COM(2023) 470
(39) *    Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.