Brussell, 11.7.2023

COM(2023) 407 final

2023/0268(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/864


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO) għall-perjodu 2024-2028 b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana

Bl-istabbiliment tan-NASCO, il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (Konvenzjoni NASCO) tfittex li tikkonserva, tirrestawra, ittejjeb u tiġġestixxi razzjonalment is-salamun selvaġġ tal-Atlantiku. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1983.

L-UE hija parti mill-Konvenzjoni NASCO, billi approvatha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE 1 .

2.2.Il-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana

Il-Kunsill tan-NASCO, appoġġjat mit-tliet Kummissjonijiet tan-NASCO (il-Kummissjoni tal-Amerika ta’ Fuq, il-Kummissjoni tal-Atlantiku tal-Grigal u l-Kummissjoni ta’ Greenland tal-Punent), huwa l-korp stabbilit mill-Konvenzjoni NASCO biex jikkonserva, jirrestawra, jtejjeb u jiġġestixxi razzjonalment is-salamun tal-Atlantiku permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali. Jadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni biex jiġu ġestiti r-riżorsi tas-sajd taħt il-kompetenza tiegħu.

Bħala membru tal-Kunsill tan-NASCO u tnejn mill-Kummissjonijiet tiegħu (il-Kummissjoni tal-Atlantiku tal-Grigal u l-Kummissjoni ta’ Greenland tal-Punent), l-Unjoni hija intitolata tipparteċipa u tivvota fid-deċiżjonijiet tiegħu. Il-Kunsill tan-NASCO jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’unanimità.

2.3.Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tan-NASCO

Il-Kunsill tan-NASCO għandu l-awtorità li jadotta miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar għas-sajd taħt ir-responsabbiltà tiegħu, li huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.

Fi qbil mal-Artikolu 13(2) tal-Konvenzjoni NASCO, il-miżuri jidħlu fis-seħħ 60 jum wara d-data li fiha l-partijiet kontraenti jiġu nnotifikati dwarhom min-NASCO, sakemm parti kontraenti ma tippreżentax oġġezzjoni fi żmien 60 jum min-notifika tal-miżura.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea

Il-pożizzjoni li tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat annwali tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) bħalissa hija stabbilita permezz ta’ approċċ b’żewġ saffi. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta’ gwida tal-pożizzjoni tal-UE fuq bażi pluriennali, u minn hemm ’il quddiem din il-pożizzjoni tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni li jridu jiġu endorsjati mill-Kunsill.

Għan-NASCO, dan l-approċċ huwa implimentat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 tal-14 ta’ Mejju 2019, li tistipula l-pożizzjoni tal-UE fin-NASCO għall-perjodu 2019-2023. Id-Deċiżjoni fiha prinċipji ġenerali, iżda kemm jista’ jkun tqis ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tan-NASCO. Barra minn hekk, tistipula l-proċess standard għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-UE kull sena kif mitlub mill-Istati Membri.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 inkorporat il-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , filwaqt li tqis ukoll l-objettivi stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd 3 . Barra minn hekk, aġġustat il-pożizzjoni tal-Unjoni għat-Trattat ta’ Liżbona.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 tipprevedi valutazzjoni, u fejn xieraq, reviżjoni tal-pożizzjoni tal-UE qabel il-laqgħa annwali tal-2024. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fin-NASCO għall-perjodu 2024-2028, u b’hekk tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864.

Fir-rigward tas-sajd, din ir-reviżjoni tqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew, notevolment l-Istrateġiji għall-Bijodiversità 4 , l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku 5 u “Mill-Għalqa sal-Platt” 6 . Tqis ukoll l-Istrateġija għall-Plastiks 7 u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 8 . Barra minn hekk, tqis ukoll il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 9 .

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

“Atti li jkollhom effetti legali” jinkludu atti li jkollhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni, u l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali, iżda huma “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 10 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill tan-NASCO, appoġġjat mill-Kummissjonijiet tiegħu, huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni NASCO.

L-atti li l-Kunsill tan-NASCO jintalab jadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti jistgħu jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni NASCO u huma kapaċi jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż:

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat 11 ;

·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 12 ; u

·ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni 13 .

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni NASCO.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Jekk l-att ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn il-miri jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-mira jew komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw is-sajd. Il-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-prinċipji li jiġu riflessi f’din il-pożizzjoni hija r-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Id-Deċiżjoni se tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864, li tkopri l-perjodu 2019-2023.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0268 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/864

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 886/82 14 , il-Komunità Ewropea kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (“Konvenzjoni NASCO”), li stabbilixxiet l-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (“NASCO”).

(2)Il-Kunsill tan-NASCO jadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni biex iġestixxi r-riżorsi tas-sajd taħt l-ambitu tiegħu. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada ’l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)F’konformità mal-Istrateġiji għall-Bijodiversità 16 , l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku 17 u “mill-Għalqa sal-Platt” 18 , huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. Ir-riskji li jirriżultaw mit-tibdil klimatiku u t-telf tal-bijodiversità ma jridux jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi marini f’saħħithom jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali.

(5)L-istrateġija għall-Plastiks 19 tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 20 jimmira li jnaqqas 50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u 30 % tal-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent.

(6)Skont il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 21 , il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marini huma prijoritajiet ewlenin taħt l-azzjoni esterna tal-UE. L-UE hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-UE tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta’ parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità.

(7)Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-NASCO hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 22 . Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi stabbilita Deċiżjoni ġdida għall-perjodu 2024-2028.

(8)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar tan-NASCO jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi li jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 23 ; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 24 ; u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 .

(9)Fid-dawl tan-natura evolventi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni NASCO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra preżentata qabel jew matul il-laqgħat tan-NASCO, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perjodu 2024-2028. Jenħtieġ li dawk il-pożizzjonijiet ikunu bi qbil mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO) hija stipulata fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għall-oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO għandha ssir f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kunsill tan-NASCO fl-2029.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/864 hija mħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (82/886/KEE) (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).

(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3)    COM(2011) 424, 13.7.2011.
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380).
(5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, (COM(2021) 82 final).
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381).
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, COM(2018) 28 final.
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021)400 final.
(9)    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli, JOIN(2022)28 final.
(10)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(11)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(12)    ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(13)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).
(15)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380).
(17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, (COM(2021) 82 final).
(18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381).
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, COM(2018) 28 final.
(20)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, COM(2021)400 final.
(21)    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli, JOIN(2022)28 final.
(22)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO), u li tħassar id-Deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fin-NASCO (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 54).
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(24)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(25)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

Brussell, 11.7.2023

COM(2023) 407 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/864



ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO)

1.PRINĊIPJI

Fil-qafas tan-NASCO, l-Unjoni għandha:

(a)tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1982 tan-NU dwar id-Dritt Marittimu u l-Artikolu 66 tagħha, mal-Ftehim tal-1993 għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa; u l-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat Portwarju;

(b)tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marini lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (BBNJ) u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15), partikolarment fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta’ 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta’ żoni marini protetti;

(c)tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-Istrateġiji għall-Bijodiversità u l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku, notevolment dwar il-protezzjoni tan-natura, u l-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt”, u Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja;

(d)issegwi fuq l-objettivi tal-Istrateġija għall-Plastiks u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, notevolment it-tnaqqis tal-plastik u t-tniġġis tal-baħar;

(e)taġixxi skont l-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fil-politika komuni tas-sajd, jiġifieri permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd u biex tillimita l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd, u biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet possibbli mhux mixtieqa, u telimina gradwalment l-iskartar, u timminimizza l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta’ sajd tal-Unjoni ekonomikament vijabbli u kompetittiv, sabiex jiġi pprovdut standard tal-għajxien ġust lil dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

(f)tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd 1 ;

(g)tkun konformi mal-objettivi tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-aġenda tal-UE għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 2 rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità marina, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta 3 ;

(h)taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri NASCO u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni NASCO;

(i)tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

(j)tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(k)timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fiż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u l-istandards;

(l)tippromwovi l-koordinazzjoni bejn in-NASCO, RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom u partikolarment tippromwovi koordinazzjoni ma’ OSPAR, li fiha l-Unjoni hija parti kontraenti;

(m)tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost RFMOs mhux tat-tonn bħalma hu l-proċess Kobe għal RFMOs tat-tonn.

2.ORJENTAZZJONIJIET

Fejn xieraq, l-Unjoni għandha tfittex li tappoġġa l-adozzjoni min-NASCO tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr sħiħ tal-bijodiversità, is-sostenibbiltà tal-istokkijiet, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil klimatiku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

(b)miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona regolatorja tan-NASCO abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, u l-approċċ prekawzjonarju, inkluż il-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin regolati minn NASCO, li jiksbu r-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet, li jġarrbu minn sajd eċċessiv sabiex l-isforz għas-sajd jinżamm f'konformità mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli;

(c)miżuri li jippromwovu l-ġbir tad-data, ir-riċerka xjentifika u d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni abbażi tax-xjenza, it-tisħiħ tal-kumitat tal-konformità tagħha, kultura ta’ konformità u rieżamijiet perjodiċi indipendenti tal-prestazzjoni;

(d)miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-żona tal-Konvenzjoni, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma’ RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid;

(e)miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona regolatorja tan-NASCO sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord;

(f)miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona regolatorja bi qbil mal-Konvenzjoni NASCO, filwaqt li jitqiesu l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikolarment l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

(g)miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta’ Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor (ALDFG) fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd;

(h)miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura;

(i)rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-estent permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

(j)approċċi komuni ma’ RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

(k)tiżviluppa approċċi relatati mal-indirizzar tal-impatti ta’ attivitajiet mhux tas-sajd fuq ir-riżorsi bijoloġiċi marini fiż-żona regolatorja;

(l)miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta’ ħidma tan-NASCO.

ANNESS II

Speċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni

fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana

Qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jista’ jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

Jekk matul laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

(1)    7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2)    JOIN/2022/28 final ta’ 24.06.2022.
(3)    15973/22 ta’ 13.12.2022.