IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.6.2023
COM(2023) 353 final
ANNESS
għall-
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
Konferenza intergovernattiva fuq strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
Issoktar tal-ħames sessjoni
New York, l-20 ta’ Frar sat-3 ta’ Marzu 2023
L-abbozz tal-ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
Dan id-dokument fih it-test finali tal-abbozz tal-ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali kif maqbul mill-grupp ta’ ħidma informali miftuħ, stabbilit mill-Konferenza intergovernattiva dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-uniformità tat-terminoloġija fit-test kollu tal-abbozz tal-ftehim u jiġu armonizzati l-verżjonijiet fis-sitt lingwi uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-laqgħa tagħha tat-3 ta’ Mejju 2023.
PREAMBOLU
Il-Partijiet għal dan il-Ftehim,
Filwaqt li jfakkru d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, inkluż l-obbligu li jiġi protett u ppreservat l-ambjent marin,
Filwaqt li jenfasizzaw il-bżonn li jiġi rrispettat il-bilanċ tad-drittijiet, tal-obbligi u tal-interessi stabbiliti fil-Konvenzjoni,
Filwaqt li jirrikonoxxu l-bżonn li jiġu indirizzati, b’mod koerenti u kooperattiv, it-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità tal-ekosistemi tal-oċean, minħabba, partikolarment, l-impatti tat-tibdil klimatiku fuq l-ekosistemi marini, bħat-tisħin u d-deossiġenazzjoni tal-oċeani, kif ukoll l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, it-tniġġis, inkluż it-tniġġis mill-plastik, u l-użu insostenibbli,
Filwaqt li huma konxji mill-ħtieġa li r-reġim globali komprensiv fil-qafas tal-Konvenzjoni jindirizza aħjar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali,
Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza li jingħata kontribut għar-realizzazzjoni ta’ ordni ekonomiku internazzjonali ġust u ekwitabbli li jqis l-interessi u l-bżonnijiet tal-umanità kollha kemm hi u, partikolarment, l-interessi u l-bżonnijiet speċjali tal-Istati li qed jiżviluppaw, kemm ta’ dawk kostali kif ukoll ta’ dawk mingħajr kosta,
Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li l-appoġġ għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija marina huma elementi essenzjali għall-ilħuq tal-objettivi tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali,
Filwaqt li jfakkru d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,
Filwaqt li jaffermaw li xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jnaqqas jew ineħħi d-drittijiet eżistenti tal-Popli Indiġeni, inkluż kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, jew, kif xieraq, tal-komunitajiet lokali,
Filwaqt li jirrikonoxxu l-obbligu stabbilit fil-Konvenzjoni li jivvalutaw, sa fejn ikun prattikabbli, l-effetti potenzjali fuq l-ambjent marin ta’ attivitajiet taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll ta’ Stat meta l-Istat ikollu motivi raġonevoli sabiex jemmen li tali attivitajiet jistgħu jikkawżaw tniġġis sostanzjali jew bidliet sinifikanti u ta’ ħsara fl-ambjent marin,
Filwaqt li huma konxji tal-obbligu stabbilit fil-Konvenzjoni sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li t-tniġġis li jirriżulta minn inċidenti jew minn attivitajiet ma jinfirixx lil hinn miż-żoni fejn jiġu eżerċitati d-drittijiet sovrani f’konformità mal-Konvenzjoni,
Filwaqt li jixtiequ jaġixxu bħala kustodji tal-oċean f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali f’isem il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri billi jipproteġu, jieħdu ħsieb u jiżguraw l-użu responsabbli tal-ambjent marin, iżommu l-integrità tal-ekosistemi tal-oċeani u jikkonservaw il-valur inerenti tad-diversità bijoloġika taż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali,
Filwaqt li jirrikonoxxu li l-ġenerazzjoni u l-utilizzazzjoni ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, u l-aċċess għaliha, flimkien mal-kondiviżjoni ġusta u ekwitabbli tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-utilizzazzjoni tagħha, jikkontribwixxu għar-riċerka u għall-innovazzjoni u għall-objettiv ġenerali ta’ dan il-Ftehim,
Filwaqt li jirrispettaw is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Istati kollha,
Filwaqt li jfakkru li l-istatus ġuridiku ta’ dawk li ma humiex partijiet għall-Konvenzjoni jew għal kwalunkwe ftehim relatat ieħor huwa rregolat bir-regoli tad-dritt tat-trattati,
Filwaqt li jfakkru wkoll li, kif stabbilit fil-Konvenzjoni, l-Istati huma responsabbli għall-issodisfar tal-obbligi internazzjonali tagħhom dwar il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent marin u jistgħu jkunu responsabbli f’konformità mad-dritt internazzjonali,
Filwaqt li huma impenjati li jiksbu żvilupp sostenibbli,
Filwaqt li jaspiraw li jiksbu parteċipazzjoni universali,
Ftiehmu kif ġej:
PARTI I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Użu ta’ termini
Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:
1.
“Għodda ta’ ġestjoni abbażi taż-żona” tfisser għodda, inkluż żona marina protetta, għal żona definita ġeografikament li permezz tagħha settur jew attivitajiet wieħed jew aktar jiġu ġestiti bl-għan li jintlaħqu objettivi partikolari ta’ konservazzjoni u ta’ użu sostenibbli f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
2.
“Żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali” tfisser l-ibħra internazzjonali u ż-Żona.
3.
“Bijoteknoloġija” tfisser kwalunkwe applikazzjoni tekonoloġika li tuża sistemi bijoloġiċi, organiżmi ħajjin, jew derivattivi tagħhom, sabiex jagħmlu jew jimmodifikaw prodotti jew proċessi għal użu speċifiku.
4.
“Ġbir in situ”, fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini, tfisser il-ġbir jew il-kampjunar ta’ riżorsi ġenetiċi marini f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
5.
“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982.
6.
“Impatti kumulattivi” tfisser l-impatti kombinati u inkrementali li jirriżultaw minn attivitajiet differenti, inklużi attivitajiet magħrufin tal-passat u tal-preżent u raġonevolment prevedibbli, jew mir-ripetizzjoni ta’ attivitajiet simili maż-żmien, u l-konsegwenzi tat-tibdil klimatiku, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-impatti relatati.
7.
“Valutazzjoni tal-impatt ambjentali” tfisser proċess sabiex jiġu identifikati u evalwati l-impatti potenzjali ta’ attività bl-għan li jipprovdi informazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
8.
“Riżorsi ġenetiċi marini” tfisser kwalunkwe materjal ta’ oriġini minn pjanti, annimali jew mikrobi marini, jew ta’ oriġini marini oħra li jkun fih unitajiet funzjonali ta’ eredità ta’ valur fattwali jew potenzjali.
9.
“Żona marina protetta” tfisser żona marina ddefinita ġeografikament li hija deżinjata u ġestita sabiex jintlaħqu objettivi fit-tul speċifiċi ta’ konservazzjoni tad-diversità bijoloġika u tista’ tippermetti, fejn xieraq, l-użu sostenibbli dment li dan ikun konsistenti mal-objettivi ta’ konservazzjoni.
10.
“Teknoloġija tal-baħar” tinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni u data, ipprovduti f’format faċli għall-utent, dwar xjenzi marini u operazzjonijiet u servizzi marini relatati; manwali, linji gwida, kriterji, standards u materjali ta’ referenza; tagħmir tal-kampjunar u tal-metodoloġija; faċilitajiet u tagħmir osservatorji għal osservazzjonijiet, analiżi u esperimentazzjoni in situ u fil-laboratorju; kompjuter u software tal-kompjuter, inkluż mudelli u tekniki ta’ mmudellar; bijoteknoloġija relatata; u kompetenza esperta, għarfien, ħiliet, għarfien prattiku tekniku, xjentifiku u ġuridiku u metodi analitiċi relatati mal-konservazzjoni u mal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina.
11.
“Parti” tfisser Stat jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li tat il-kunsens tagħha sabiex tkun marbuta b’dan il-Ftehim u li għaliha dan il-Ftehim daħal fis-seħħ.
12.
“Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani ta’ reġjun partikolari li lilha l-Istati Membri fiha jkunu għaddew il-kompetenza fir-rigward ta’ materji li huma rregolati b’dan il-Ftehim u li tkun ġiet debitament awtorizzata, f’konformità mal-proċeduri interni tagħha, sabiex tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taderixxi ma’ dan il-Ftehim.
13.
“Użu sostenibbli” tfisser l-użu ta’ komponenti tad-diversità bijoloġika b’mod u b’rata li ma jwasslux għal tnaqqis fit-tul tad-diversità bijoloġika, u b’hekk dan iżomm il-potenzjal tiegħu sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-ġejjieni.
14.
“Utilizzazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi marini” tfisser it-twettiq ta’ riċerka u ta’ żvilupp dwar il-kompożizzjoni ġenetika u/jew bijokimika ta’ riżorsi ġenetiċi marini, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-bijoteknoloġija, kif definit fil-paragrafu 3 aktar ’il fuq.
Artikolu 2
Objettiv ġenerali
L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, għall-preżent u fit-tul, permezz tal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni u aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali.
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan il-Ftehim japplika għal żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
Artikolu 4
Eċċezzjonijiet
Dan il-Ftehim ma japplika għall-ebda bastiment tal-gwerra, inġenju tal-ajru militari jew awżiljarju navali. Ħlief għall-Parti II, dan il-Ftehim ma japplikax għal bastimenti jew għal inġenji tal‑ajru oħrajn li huma proprjetà ta’ jew operati minn Parti u użati, għalissa, biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern. Madankollu, kull Parti għandha tiżgura, billi tadotta miżuri xierqa li ma jkunux ifixklu l-operazzjonijiet jew il-kapaċitajiet operazzjonali ta’ dawn il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru li jkunu proprjetà tagħha jew operati minnha, li dawn il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru jaġixxu b’mod konsistenti, sa fejn ikun raġonevoli u prattiku, ma’ dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Relazzjoni bejn dan il-Ftehim u l-Konvenzjoni u l-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti
1.
Dan il-Ftehim għandu jkun interpretat u applikat fil-kuntest tal-Konvenzjoni u b’mod konsistenti magħha. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jippreġudika d-drittijiet, il-ġuriżdizzjoni u d-dmirijiet tal-Istati skont il-Konvenzjoni, inkluż fir-rigward taż-żona ekonomika esklużiva u l-blata kontinentali fi ħdan u lil hinn minn 200 mil nawtiku.
2.
Dan il-Ftehim għandu jiġi interpretat u applikat b’mod li ma jimminax l-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti u li jippromwovi l-koerenza u l-koordinazzjoni ma’ dawk l-istrumenti, l-oqfsa u l-korpi.
3.
L-istatus legali ta’ dawk li ma humiex partijiet għall-Konvenzjoni jew għal kwalunkwe ftehim relatat ieħor fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti ma huwiex affettwat minn dan il-Ftehim.
Artikolu 6
Mingħajr preġudizzju
Dan il-Ftehim, li jinkludi kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet jew ta’ kwalunkwe korp sussidjarju tagħha, u ta’ kwalunkwe att, miżura jew attività mwettqa fuq il-bażi tiegħu, għandu jkun mingħajr preġudizzju u ma għandux jiġi invokat bħala bażi għall-asserzjoni jew għan-negazzjoni ta’ kwalunkwe rivendikazzjoni għal sovranità, għal drittijiet sovrani jew għal ġuriżdizzjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwim relatat miegħu.
Artikolu 7
Prinċipji u approċċi ġenerali
Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji u mill-approċċi li ġejjin:
(a)
Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;
(b)
Il-prinċipju tal-wirt komuni tal-umanità li huwa stipulat fil-Konvenzjoni;
(c)
Il-libertà tar-riċerka xjentifika marina, flimkien ma’ libertajiet oħrajn tal-ibħra internazzjonali;
(d)
Il-prinċipju tal-ekwità u tal-kondiviżjoni ġusta u ekwitabbli tal-benefiċċji;
(e)
Il-prinċipju prekawzjonarju jew l-approċċ prekawzjonarju, kif xieraq;
(f)
Approċċ ekosistemiku;
(g)
Approċċ integrat għall-ġestjoni tal-oċeani;
(h)
Approċċ li jibni r-reżiljenza tal-ekosistemi, inkluż għall-effetti negattivi tat-tibdil klimatiku u għall-aċidifikazzjoni tal-oċeani, u jżomm u jerġa’ jistabbilixxi l-integrità tal-ekosistema, inklużi s-servizzi taċ-ċiklaġġ tal-karbonju li jirfdu r-rwol tal-oċean fil-klima;
(i)
L-użu tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli;
(j)
L-użu ta’ għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, fejn disponibbli;
(k)
Ir-rispett, il-promozzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-obbligi rispettivi tagħhom, kif applikabbli, relatati mad-drittijiet tal-Popli Indiġeni jew, kif xieraq, tal-komunitajiet lokali meta tittieħed azzjoni sabiex jiġu indirizzati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(l)
In-nontrasferiment, direttament jew indirettament, ta’ dannu jew ta’ perikli minn żona għal oħra u n-nontrasformazzjoni ta’ tip wieħed ta’ tniġġis f’oħra fit-teħid ta’ miżuri għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis u għall-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent marin;
(m)
Ir-rikonoxximent sħiħ taċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;
(n)
Ir-rikonoxximent tal-interessi u tal-bżonnijiet speċjali ta’ pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw.
Artikolu 8
Kooperazzjoni internazzjonali
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw skont dan il-Ftehim għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz tat-tisħiħ u t-titjib tal-kooperazzjoni mal-istrumenti u mal-oqfsa fost l-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u mal-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fosthom, fil-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jippromwovu, kif xieraq, l-objettivi ta’ dan il-Ftehim meta jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qafas ta’ strumenti jew ta’ oqfsa legali rilevanti oħrajn, jew fil-kuntest ta’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali oħra.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka xjentifika marina u fl-iżvilupp u fit-trasferiment tat-teknoloġija marina konsistenti mal-Konvenzjoni b’appoġġ għall-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
PARTI II
RIŻORSI ĠENETIĊI MARINI, INKLUŻ IL-KONDIVIŻJONI ĠUSTA U EKWITABBLI TAL-BENEFIĊĊJI
Artikolu 9
Objettivi
L-objettivi ta’ din il-Parti huma:
(a)
Il-kondiviżjoni ġusta u ekwitabbli tal-benefiċċji li jinħolqu minn attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(b)
Il-bini u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-Partijiet, partikolarment l-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw, l-Istati ġeografikament żvantaġġati, l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, l-Istati Afrikani kostali, l-Istati arċipelaġiċi u l-pajjiżi b’introjtu medju li qed jiżviluppaw, sabiex iwettqu attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(c)
Il-ġenerazzjoni ta’ għarfien, ta’ fehim xjentifiku u ta’ innovazzjoni teknoloġika, inkluż permezz tal-iżvilupp u t-twettiq ta’ riċerka xjentifika marina, bħala kontributi fundamentali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(d)
L-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija marina f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
Artikolu 10
Applikazzjoni
1.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw għal attivitajiet fir-rigward ta’ riżorsi ġenetiċi marini u ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali miġbura u ġġenerata wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għall-Parti rispettiva. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandha testendi għall-utilizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi marini u għall-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali miġbura jew iġġenerata qabel id-dħul fis-seħħ, sakemm Parti ma tagħmilx eċċezzjoni bil-miktub skont l-artikolu 70 meta tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taderixxi ma’ dan il-Ftehim.
2.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti ma għandhomx japplikaw għal:
(a)
Sajd regolat skont id-dritt internazzjonali rilevanti u l-attivitajiet relatati mas-sajd; jew
(b)
Ħut jew riżorsi marini ħajjin oħrajn magħrufin li ttieħdu f’attivitajiet tas-sajd u relatati mas-sajd minn żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, ħlief fejn tali ħut jew riżorsi marini ħajjin oħrajn ikunu regolati bħala utilizzazzjoni skont din il-Parti.
3.
L-obbligi f’din il-Parti ma għandhomx japplikaw għall-attivitajiet militari ta’ Parti, inklużi l-attivitajiet militari minn bastimenti u inġenji tal‑ajru tal-gvern involuti f’servizz mhux kummerċjali. L-obbligi f’din il-Parti fir-rigward tal-utilizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandhom japplikaw għall-attivitajiet mhux militari ta’ Parti.
Artikolu 11
Attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
1.
L-attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali jistgħu jitwettqu mill-Partijiet kollha, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, u minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-qafas tal-ġuriżdizzjoni tal-Partijiet. Attivitajiet bħal dawn għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni fl-attivitajiet kollha fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
3.
Il-ġbir in situ ta’ riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandu jitwettaq b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-Istati kostali f’żoni fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-interessi ta’ Stati oħrajn f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, f’konformità mal-Konvenzjoni. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw, kif xieraq, inkluż permezz ta’ modalitajiet speċifiċi għall-operat tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament iddeterminat skont l-Artikolu 51, bl-għan li jimplimentaw dan il-Ftehim.
4.
L-ebda Stat ma għandu jirrivendika jew jeżerċita s-sovranità jew id-drittijiet sovrani fuq ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali. Ma għandha tiġi rrikonoxxuta l-ebda rivendikazzjoni jew eżerċizzju ta’ sovranità jew ta’ drittijiet sovrani bħal dawn.
5.
Il-ġbir in situ ta’ riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali ma għandux jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għal kwalunkwe rivendikazzjoni għal kwalunkwe parti mill-ambjent marin jew għar-riżorsi tiegħu.
6.
L-attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali huma fl-interess tal-Istati kollha u għall-benefiċċju tal-umanità kollha, partikolarment għall-benefiċċju tal-avvanz tal-għarfien xjentifiku tal-umanità u għall-promozzjoni tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina, filwaqt li jitqiesu partikolarment l-interessi u l-bżonnijiet tal-Istati li qed jiżviluppaw.
7.
L-attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandhom jitwettqu esklużivament għal finijiet paċifiċi.
Artikolu 12
Notifika dwar attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
1.
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika neċessarji sabiex jiżguraw li l-informazzjoni tiġi nnotifikata lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament f’konformità ma’ din il-Parti.
2.
L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi nnotifikata lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament sitt xhur qabel jew mill-aktar fis possibbli qabel il-ġbir in situ ta’ riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali:
(a)
In-natura u l-objettivi li skont dawn jitwettaq il-ġbir, inkluż, kif xieraq, kwalunkwe programm(i) li jifforma parti minnu;
(b)
Is-suġġett tar-riċerka jew, jekk ikunu magħrufin, ir-riżorsi ġenetiċi marini li għandhom ikunu fil-mira jew li għandhom jinġabru, u l-iskopijiet li għalihom se jinġabru dawn ir-riżorsi;
(c)
Iż-żoni ġeografiċi li fihom għandu jsir il-ġbir;
(d)
Sommarju tal-metodu u tal-mezzi li għandhom jintużaw għall-ġbir, inkluż l-isem, it-tunnellaġġ, it-tip u l-klassi tal-bastimenti, it-tagħmir xjentifiku u/jew il-metodi ta’ studju użati;
(e)
Informazzjoni dwar kwalunkwe kontribuzzjoni oħra għall-programmi ewlenin proposti;
(f)
Id-data mistennija tal-ewwel dehra u tat-tluq finali tal-bastimenti tar-riċerka, jew tal-varar tat-tagħmir u tat-tneħħija tiegħu, kif xieraq;
(g)
L-isem/ismijiet tal-istituzzjoni(ijiet) sponsor u tal-persuna responsabbli mill-proġett;
(h)
L-opportunitajiet għax-xjenzati tal-Istati kollha, partikolarment għax-xjenzati mill-Istati li qed jiżviluppaw, sabiex ikunu involuti fil-proġett jew assoċjati miegħu;
(i)
L-estent sa fejn jitqies li l-Istati li jistgħu jeħtieġu u jitolbu assistenza teknika, partikolarment l-Istati li qed jiżviluppaw, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw jew jiġu rrappreżentati fil-proġett;
(j)
Pjan għall-ġestjoni tad-data mħejji skont il-governanza tad-data miftuħa u responsabbli, filwaqt li titqies il-prattika internazzjonali kurrenti.
3.
Man-notifika msemmija fil-paragrafu 2 aktar ’il fuq, il-Mekkaniżmu ta’ Koordinament għandu awtomatikament jiġġenera identifikatur tal-lottijiet standardizzat “BBNJ”.
4.
Fejn ikun hemm bidla materjali fl-informazzjoni pprovduta lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament qabel il-ġbir pjanat, l-informazzjoni aġġornata għandha tiġi nnotifikata lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u mhux aktar tard mill-bidu tal-ġbir in situ, fejn ikun prattikabbli.
5.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja, flimkien mal-identifikatur tal-lottijiet standardizzat “BBNJ”, tiġi nnotifikata lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament malli ssir disponibbli, iżda mhux aktar tard minn sena mill-ġbir in situ ta’ riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali:
(a)
Ir-repożitorju jew id-databażi fejn tiġi jew se tiġi ddepożitata informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini;
(b)
Fejn ir-riżorsi ġenetiċi marini kollha miġburin in situ jkunu ddepożitati jew jinżammu jew se jiġu ddepożitati jew jinżammu;
(c)
Rapport li jagħti dettalji dwar iż-żona ġeografika li minnha nġabru r-riżorsi ġenetiċi marini, inkluża informazzjoni dwar il-latitudni, il-lonġitudni u l-fond tal-ġbir, u, sa fejn disponibbli, is-sejbiet mill-attività mwettqa;
(d)
Kwalunkwe aġġornament neċessarju għall-pjan għall-ġestjoni tad-data pprovdut skont il-paragrafu (2)(j) aktar ’il fuq.
6.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi marini u informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali li jinsabu f’repożitorji jew f’databażijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala li joriġinaw minn żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, f’konformità mal-prattika internazzjonali kurrenti u sa fejn ikun prattikabbli.
7.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li r-repożitorji, sa fejn ikun prattikabbli, u d-databażijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom iħejju, fuq bażi biennali, rapport aggregat dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi marini u informazzjoni ta’ sekwenza diġitali marbutin mal-identifikatur tal-lottijiet standardizzat “BBNJ” tagħhom, u jagħmlu r-rapport disponibbli għall-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji stabbilit skont l-artikolu 15.
8.
Fejn ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, u fejn prattikabbli, l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar tali riżorsi jkunu soġġetti għall-utilizzazzjoni, li tinkludi l-kummerċjalizzazzjoni, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja, li tinkludi l-identifikatur tal-lottijiet standardizzat “BBNJ”, jekk disponibbli, tiġi nnotifikata lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament malli tali informazzjoni ssir disponibbli:
(a)
Fejn ir-riżultati tal-utilizzazzjoni, bħal pubblikazzjonijiet, privattivi mogħtijin, jekk disponibbli u sa fejn ikun possibbli, u prodotti żviluppati, ikunu jistgħu jinstabu;
(b)
Fejn jkunu disponibbli, id-dettalji tan-notifika ta’ wara l-ġbir għall-Mekkaniżmu ta’ Koordinament relatati mar-riżorsi ġenetiċi marini li kienu s-suġġett tal-utilizzazzjoni;
(c)
Fejn jinżamm il-kampjun oriġinali li jkun is-suġġett tal-utilizzazzjoni;
(d)
Il-modalitajiet previsti għall-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi marini u għall-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini li jkunu qegħdin jintużaw, u pjan ta’ ġestjoni tad-data għall-istess;
(e)
Ladarba kummerċjalizzati, informazzjoni, jekk disponibbli, dwar il-bejgħ ta’ prodotti rilevanti u kwalunkwe żvilupp ulterjuri.
Artikolu 13
Għarfien tradizzjonali tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi marini f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika, fejn rilevanti u kif xieraq, bl-għan li jiżguraw li l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi marini f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali li jħaddnu l-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali jiġi aċċessat biss bil-kunsens ħieles, minn qabel u informat jew bl-approvazzjoni u bl-involviment ta’ dawn il-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali. L-aċċess għal tali għarfien tradizzjonali jista’ jiġi ffaċilitat mill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament. L-aċċess għal tali għarfien tradizzjonali u l-użu tiegħu għandhom isiru skont it-termini miftehmin reċiprokament.
Artikolu 14
Kondiviżjoni ġusta u ekwitabbli tal-benefiċċji
1.
Il-benefiċċji li jirriżultaw minn attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandhom jiġu kondiviżi b’mod ġust u ekwitabbli f’konformità ma’ din il-Parti u jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
2.
Il-benefiċċji mhux monetarji għandhom jiġu kondiviżi f’konformità ma’ dan il-Ftehim fil-forma ta’, fost l-oħrajn:
(a)
L-aċċess għall-kampjuni u għall-ġabriet ta’ kampjuni f’konformità mal-prattika internazzjonali kurrenti;
(b)
L-aċċess għal informazzjoni ta’ sekwenzi diġitali f’konformità mal-prattika internazzjonali kurrenti;
(c)
L-aċċess miftuħ għal data xjentifika traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli (FAIR) f’konformità mal-prattika internazzjonali kurrenti u mal-governanza tad-data miftuħa u responsabbli;
(d)
L-informazzjoni li tinsab fin-notifiki, flimkien mal-identifikaturi tal-lottijiet standardizzati “BBNJ”, provduti f’konformità mal-Artikolu 12, f’formoli aċċessibbli u li jistgħu jiġu mfittxija pubblikament;
(e)
It-trasferiment tat-teknoloġija marina f’konformità mal-modalitajiet rilevanti previsti fil-Parti V ta’ dan il-Ftehim;
(f)
Il-bini tal-kapaċitajiet, inkluż permezz tal-finanzjament ta’ programmi ta’ riċerka, u opportunitajiet ta’ sħubija, partikolarment dawk direttament rilevanti u sostanzjali, għal xjenzati u għal riċerkaturi fi proġetti ta’ riċerka, kif ukoll inizjattivi dedikati, partikolarment għal Stati li qed jiżviluppaw, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali ta’ Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;
(g)
Aktar kooperazzjoni teknika u xjentifika, partikolarment ma’ xjenzati minn Stati li qed jiżviluppaw u ma’ istituzzjonijiet xjentifiċi fihom;
(h)
Forom oħrajn ta’ benefiċċji kif iddeterminat mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji stabbilit skont l-artikolu 15.
3.
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika neċessarji sabiex jiżguraw li r-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, flimkien mal-identifikaturi tal-lottijiet standardizzati “BBNJ” tagħhom, soġġetti għall-utilizzazzjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jiġu ddepożitati f’repożitorji u databażijiet aċċessibbli għall-pubbliku, miżmumin fil-livell nazzjonali jew internazzjonali, mhux aktar tard minn tliet snin mill-bidu ta’ utilizzazzjoni bħal din, jew malli jsiru disponibbli, filwaqt li titqies il-prattika internazzjonali kurrenti.
4.
L-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi marini u għall-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali fir-repożitorji u databażijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Parti jista’ jkun soġġett għal kundizzjonijiet raġonevoli, kif ġej:
(a)
Il-bżonn li tiġi ppreservata l-integrità fiżika tar-riżorsi ġenetiċi marini;
(b)
Il-kostijiet raġonevoli assoċjati maż-żamma tal-bank tal-ġeni, il-bijorepożitorju jew id-databażi rilevanti li fihom jinżamm il-kampjun, id-data jew l-informazzjoni;
(c)
Il-kostijiet raġonevoli assoċjati mal-għoti ta’ aċċess għar-riżorsa, għad-data jew għall-informazzjoni dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini;
(d)
Kundizzjonijiet raġonevoli oħrajn f’konformità mal-objettivi ta’ dan il-Ftehim; u opportunitajiet għal tali aċċess skont termini ġusti u l-aktar favorevoli, inkluż fuq termini konċessjonali u preferenzjali, jistgħu jiġu pprovduti lir-riċerkaturi u lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka minn Stati li qed jiżviluppaw.
5.
Il-benefiċċji monetarji mill-utilizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi marini u tal-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, inkluża l-kummerċjalizzazzjoni, għandhom jiġu kondiviżi b’mod ġust u ekwitabbli, permezz tal-mekkaniżmu finanzjarju stabbilit skont l-artikolu 52, għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
6.
Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet żviluppati għandhom jagħmlu kontribuzzjonijiet annwali għall-fond speċjali msemmi fl-artikolu 52. Ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ Parti għandha tkun ta’ 50 fil-mija tal-kontribuzzjoni vvalutata ta’ dik il-Parti għall-baġit adottat mill-Konferenza tal-Partijiet skont l-artikolu 47, il-paragrafu 6(e). Pagament bħal dan għandu jkompli sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet skont il-paragrafu 7 ta’ hawn taħt.
7.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi dwar il-modalitajiet għall-kondiviżjoni ta’ benefiċċji monetarji mill-utilizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi marini u tal-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji stabbilit skont l-artikolu 15. Jekk l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens ikunu ġew eżawriti, għandha tiġi adottata deċiżjoni b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u votanti. Il-pagamenti għandhom isiru permezz tal-fond speċjali stabbilit skont l-artikolu 52. Il-modalitajiet jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:
(a)
Pagamenti mal-ilħuq ta’ objettiv intermedju;
(b)
Pagamenti jew kontribuzzjonijiet relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, inkluż il-pagament ta’ perċentwal tad-dħul mill-bejgħ ta’ prodotti;
(c)
Tariffa skalata, imħallsa fuq bażi perjodika, ibbażata fuq sett diversifikat ta’ indikaturi li jkejlu l-livell aggregat ta’ attivitajiet minn Parti;
(d)
Forom oħrajn kif deċiżi mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji.
8.
Parti tista’ tagħmel dikjarazzjoni fiż-żmien li fih il-Konferenza tal-Partijiet tadotta l-modalitajiet li jiddikjaraw li dawk il-modalitajiet ma għandhomx jidħlu fis-seħħ għal dik il-Parti għal perjodu ta’ mhux aktar minn erba’ snin, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni neċessarja. Parti li tagħmel dikjarazzjoni bħal din għandha tkompli tagħmel il-pagament stabbilit fil-paragrafu 6 hawn fuq sakemm jidħlu fis-seħħ il-modalitajiet il-ġodda.
9.
Meta tiddeċiedi dwar il-modalitajiet għall-kondiviżjoni ta’ benefiċċji monetarji mill-użu ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali skont il-paragrafu 7 aktar ’il fuq, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji, filwaqt li jiġi rikonoxxut li tali modalitajiet għandhom jagħtu appoġġ reċiproku u jkunu adattabbli għal strumenti oħrajn ta’ aċċess u kondiviżjoni ta’ benefiċċji.
10.
Il-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji stabbilit skont l-artikolu 15, għandha tirrieżamina u tivvaluta, fuq bażi biennali, il-benefiċċji monetarji mill-utilizzazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi marini u tal-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali. L-ewwel rieżami għandu jsir mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Ir-rieżami għandu jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali msemmijin fil-paragrafu 6 aktar ’il fuq.
11.
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika neċessarji, kif xieraq, bl-għan li jiżguraw li l-benefiċċji li jirriżultaw minn attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u mill-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jinqasmu f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
Artikolu 15
Kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji
1.
B’dan qed jiġi stabbilit kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji. Dan għandu jservi, fost l-oħrajn, bħala mezz sabiex jiġu stabbiliti linji gwida għall-kondiviżjoni ta’ benefiċċji, f’konformità mal-artikolu 14, sabiex tiġi pprovduta t-trasparenza u sabiex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta u ekwitabbli kemm tal-benefiċċji monetarji kif ukoll ta’ dawk mhux monetarji.
2.
Il-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji għandu jkun magħmul minn 15-il membru li jkollhom kwalifiki xierqa f’oqsma relatati, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet tal-kumitat. Il-membri għandhom jiġu nnominati mill-Partijiet u jiġu eletti mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu l-bilanċ bejn il-ġeneri u d-distribuzzjoni ġeografika ekwitabbli u li tiġi prevista rappreżentanza fil-kumitat mill-Istati li qed jiżviluppaw, inkluż mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, minn Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u minn pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw. It-termini ta’ referenza u l-modalitajiet għall-operat tal-kumitat għandhom jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet.
3.
Il-kumitat jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet dwar kwistjonijiet relatati ma’ din il-Parti, inkluż dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
Linji gwida jew kodiċi ta’ kondotta għall-attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali f’konformità ma’ din il-Parti;
(b)
Miżuri għall-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħudin f’konformità ma’ din il-Parti;
(c)
Ir-rati jew il-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta’ benefiċċji monetarji f’konformità mal-artikolu 14;
(d)
Kwistjonijiet relatati ma’ din il-Parti fir-rigward tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament;
(e)
Kwistjonijiet relatati ma’ din il-Parti fir-rigward tal-mekkaniżmu finanzjarju stabbilit skont l-Artikolu 52;
(f)
Kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma’ din il-Parti li l-Konferenza tal-Partijiet tista’ titlob li tiġi indirizzata mill-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji.
4.
Kull Parti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji, permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament, l-informazzjoni meħtieġa skont dan il-Ftehim, li għandha tinkludi:
(a)
Miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u ta’ politika dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni ta’ benefiċċji;
(b)
Id-dettalji ta’ kuntatt u informazzjoni rilevanti oħra dwar il-punti fokali nazzjonali;
(c)
Informazzjoni oħra meħtieġa skont id-deċiżjonijiet meħudin mill-Konferenza tal-Partijiet.
5.
Il-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji jista’ jikkonsulta u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ strumenti u ma’ oqfsa legali rilevanti u ma’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti dwar attivitajiet taħt il-mandat tiegħu, inklużi l-kondiviżjoni ta’ benefiċċji, l-użu ta’ informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini, l-aħjar prattiki, l-għodod u l-metodoloġiji, il-governanza tad-data u t-tagħlimiet meħudin.
6.
Il-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 5 aktar ’il fuq.
Artikolu 16
Monitoraġġ u trasparenza
1.
Il-monitoraġġ u t-trasparenza tal-attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u l-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandhom jinkisbu permezz ta’ notifika lill-Mekkaniżmu ta’ Koordinament, permezz tal-użu ta’ identifikaturi tal-lottijiet standardizzati “BBNJ” f’konformità ma’ din il-Parti u skont il-proċeduri adottati mill-Konferenza tal-Partijiet kif irrakkomandat mill-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji.
2.
Il-Partijiet għandhom perjodikament jissottomettu rapporti lill-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji dwar l-implimentazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet f’din il-Parti dwar attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali u l-kondiviżjoni ta’ benefiċċji minnhom, f’konformità ma’ din il-Parti.
3.
Il-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji għandu jħejji rapport ibbażat fuq l-informazzjoni riċevuta permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament u jagħmilha disponibbli għall-Partijiet, li jistgħu jissottomettu kummenti. Il-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji għandu jissottometti r-rapport, inkluż il-kummenti li jirċievi, għall-kunsiderazzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet. Il-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat dwar l-aċċess u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji, tista’ tiddetermina linji gwida xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu, li għandhom iqisu l-kapaċitajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tal-Partijiet.
PARTI III
MIŻURI BĦAL GĦODOD TA’ ĠESTJONI ABBAŻI TAŻ-ŻONA, INKLUŻ ŻONI MARINI PROTETTI
Artikolu 17
Objettivi
L-objettivi ta’ din il-Parti huma:
(a)
Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ żoni li jeħtieġu protezzjoni, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ sistema komprensiva ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, b’networks ekoloġikament rappreżentattivi u konnessi sew ta’ żoni marini protetti;
(b)
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni fl-użu ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, fost l-Istati, strumenti u oqfsa legali rilevanti u korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti;
(c)
Il-protezzjoni, il-preservazzjoni, ir-restawr u ż-żamma tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, inkluż bil-ħsieb li jittejbu l-produttività u s-saħħa tagħhom, u tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-istressuri, inklużi dawk relatati mat-tibdil klimatiku, mal-aċidifikazzjoni tal-oċeani u mat-tniġġis tal-baħar;
(d)
L-appoġġ għas-sigurtà tal-ikel u għal objettivi soċjoekonomiċi oħrajn, inkluż il-protezzjoni tal-valuri kulturali;
(e)
L-appoġġ lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, lill-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw, lill-Istati ġeografikament żvantaġġati, lill-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, lill-Istati Afrikani kostali, lill-Istati arċipelaġiċi u lill-pajjiżi b’introjtu medju li qed jiżviluppaw, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija marina fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ, fil-ġestjoni u fl-infurzar ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti.
Artikolu 18
Żona ta’ applikazzjoni
L-istabbiliment ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żoni marini protetti, ma għandu jinkludi l-ebda żona fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali u ma għandux jiġi invokat bħala bażi għall-affermazzjoni jew għan-negazzjoni ta’ kwalunkwe rivendikazzjoni ta’ sovranità, ta’ drittijiet sovrani jew ta’ ġuriżdizzjoni, inkluż inkwantu kwalunkwe tilwima relatata magħha. Il-Konferenza tal-Partijiet ma għandhiex tikkunsidra għal proposti ta’ deċiżjonijiet għall-istabbiliment ta’ tali għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, u fl-ebda każ tali proposti ma għandhom jiġu interpretati bħala rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kwalunkwe rivendikazzjoni għas‑sovranità, għad-drittijiet sovrani jew għall-ġuriżdizzjoni.
Artikolu 19
Proposti
1.
Proposti dwar l-istabbiliment ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, skont din il-Parti għandhom jiġu sottomessi mill-Partijiet, individwalment jew kollettivament, lis-segretarjat.
2.
Il-Partijiet għandhom jikkollaboraw u jikkonsultaw, kif xieraq, mal-partijiet konċernati rilevanti, inklużi l-Istati u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, mal-komunità xjentifika, mas-settur privat, mal-Popli Indiġeni u mal-komunitajiet lokali, għall-iżvilupp ta’ proposti, kif stabbilit f’din il-Parti.
3.
Il-proposti għandhom jiġu fformulati fuq il-bażi tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, fuq il-bażi tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, filwaqt li jitqies l-approċċ prekawzjonarju u approċċ ekosistemiku.
4.
Il-proposti fir-rigward taż-żoni identifikati għandhom jinkludu l-elementi ewlenin li ġejjin:
(a)
Deskrizzjoni ġeografika jew spazjali taż-żona li hija s-suġġett tal-proposta b’referenza għall-kriterji indikattivi speċifikati fl-Anness I;
(b)
Informazzjoni dwar kwalunkwe wieħed mill-kriterji speċifikati fl-Anness I, kif ukoll kwalunkwe kriterju li jista’ jiġi żviluppat u rivedut ulterjorment f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ hawn taħt applikat fl-identifikazzjoni taż-żona;
(c)
L-attivitajiet tal-bniedem fiż-żona, inklużi l-użi minn Popli Indiġeni u minn komunitajiet lokali, u l-impatt possibbli tagħhom, jekk ikun hemm;
(d)
Deskrizzjoni tal-istat tal-ambjent marin u tal-bijodiversità fiż-żona identifikata;
(e)
Deskrizzjoni tal-objettivi ta’ konservazzjoni u, fejn xieraq, ta’ użu sostenibbli li għandhom jiġu applikati għaż-żona;
(f)
Abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni li jinkludi l-miżuri proposti u li jiddeskrivi l-attivitajiet proposti ta’ monitoraġġ, riċerka u rieżami sabiex jintlaħqu l-objettivi speċifikati;
(g)
Id-durata taż-żona u l-miżuri proposti, jekk ikun hemm;
(h)
Informazzjoni dwar kwalunkwe konsultazzjoni mwettqa mal-Istati, inklużi Stati kostali adjaċenti u/jew korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, jekk ikun hemm;
(i)
Informazzjoni dwar għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, implimentati fil-qafas tal-istrumenti u tal-oqfsa legali rilevanti u ta’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti;
(j)
Il-kontribut xjentifiku rilevanti u, fejn disponibbli, l-għarfien tradizzjonali tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali.
5.
Il-kriterji indikattivi għall-identifikazzjoni ta’ tali oqsma għandhom jinkludu, kif rilevanti, dawk speċifikati fl-Anness I u jistgħu jiġu żviluppati u riveduti aktar kif ikun neċessarju mill-Korp Xjentifiku u Tekniku għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet.
6.
Aktar rekwiżiti rigward il-kontenut tal-proposti, inkluż il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ kriterji indikattivi kif speċifikat fil-paragrafu 5 hawn fuq, u gwida dwar il-proposti speċifikati fil-paragrafu 4(b) ta’ hawn fuq għandhom jiġu elaborati mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, kif neċessarju, għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet.
Artikolu 20
Pubbliċità u rieżami preliminari tal-proposti
Malli jirċievi proposta bil-miktub, is-segretarjat għandu jagħmel il-proposta disponibbli għall-pubbliku u jibgħatha lill-Korp Xjentifiku u Tekniku għal rieżami preliminari. L-iskop tar-rieżami huwa li jiżgura li l-proposta jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 19, inklużi l-kriterji indikattivi deskritti f’din il-Parti u fl-Anness I. L-eżitu ta’ dak ir-rieżami għandu jsir disponibbli għall-pubbliku u għandu jintbagħat lill-proponent mis-segretarjat. Il-proponent għandu jerġa’ jittrażmetti l-proposta lis-segretarjat, wara li jkun ikkunsidra r-rieżami preliminari mill-Korp Xjentifiku u Tekniku. Is-segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet u jagħmel dik il-proposta ritrażmessa disponibbli għall-pubbliku u jiffaċilita l-konsultazzjonijiet skont l-artikolu 21.
Artikolu 21
Konsultazzjonijiet dwar il-proposti u valutazzjoni tagħhom
1.
Il-konsultazzjonijiet dwar il-proposti sottomessi skont l-artikolu 19 għandhom ikunu inklużivi, trasparenti u miftuħin għall-partijiet konċernati rilevanti kollha, inklużi l-Istati u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali, kif ukoll is-soċjetà ċivili, il-komunità xjentifika, il-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali.
2.
Is-segretarjat għandu jiffaċilita l-konsultazzjonijiet u jiġbor il-kontribut kif ġej:
(a)
L-Istati, partikolarment l-Istati kostali adjaċenti, għandhom jiġu nnotifikati u mistiedna jissottomettu, fost l-oħrajn:
(i)
Il-fehmiet dwar il-merti u l-ambitu ġeografiku tal-proposta;
(ii)
Kwalunkwe kontribut xjentifiku rilevanti ieħor;
(iii)
Informazzjoni dwar kwalunkwe miżura jew attività eżistenti f’żoni adjaċenti jew relatati fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali u lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(iv)
Il-fehmiet dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tal-proposta għal żoni fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(v)
Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra;
(b)
Korpi ta’ strumenti u ta’ oqfsa legali rilevanti u korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti għandhom jiġu nnotifikati u mistiedna jissottomettu, fost l-oħrajn:
(i)
Il-fehmiet dwar il-merti tal-proposta;
(ii)
Kwalunkwe kontribut xjentifiku rilevanti ieħor;
(iii)
Informazzjoni dwar kwalunkwe miżura eżistenti adottata minn dak l-istrument, qafas jew korp għaż-żona rilevanti jew għal żoni adjaċenti;
(iv)
Il-fehmiet dwar kwalunkwe aspett tal-miżuri u elementi oħrajn għal abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni identifikat fil-proposta li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ dak il-korp;
(v)
Il-fehmiet dwar kwalunkwe miżura addizzjonali rilevanti li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dak l-istrument, il-qafas jew il-korp;
(vi)
Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra;
(c)
Il-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali b’għarfien tradizzjonali rilevanti, il-komunità xjentifika, is-soċjetà ċivili u partijiet konċernati rilevanti oħrajn għandhom jiġu mistiedna jissottomettu, fost l-oħrajn:
(i)
Il-fehmiet dwar il-merti tal-proposta;
(ii)
Kwalunkwe kontribut xjentifiku rilevanti ieħor;
(iii)
Kwalunkwe għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali;
(iv)
Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.
3.
Il-kontribuzzjonijiet riċevuti skont il-paragrafu 2 ta’ hawn fuq għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku mis-segretarjat.
4.
F’każijiet fejn il-miżura proposta taffettwa żoni li huma kompletament mdawra miż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Istati, il-proponenti għandhom:
(a)
Iwettqu konsultazzjonijiet immirati u proattivi, inkluż notifika minn qabel, ma’ Stati bħal dawn;
(b)
Iqisu l-fehmiet u l-kummenti tat-tali Stati dwar il-miżura proposta u jipprovdu tweġibiet bil-miktub li jindirizzaw speċifikament dawn il-fehmiet u l-kummenti u, fejn xieraq, jirrevedu l-miżura proposta kif xieraq.
5.
Il-proponent għandu jqis il-kontributi riċevuti matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni, kif ukoll il-fehmiet u l-informazzjoni mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, u, kif xieraq, jirrevedi l-proposta kif xieraq jew iwieġeb għall-kontributi sostantivi mhux riflessi fil-proposta.
6.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni għandu jkun marbut biż-żmien.
7.
Il-proposta riveduta għandha tiġi sottomessa lill-Korp Xjentifiku u Tekniku, li għandu jivvaluta l-proposta u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet.
8.
Il-modalitajiet għall-proċess ta’ konsultazzjoni u ta’ valutazzjoni, inkluż id-durata, għandhom jiġu elaborati aktar mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, kif ikun neċessarju, fl-ewwel laqgħa tiegħu, għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw.
Artikolu 22
Stabbiliment ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti
1.
Il-Konferenza tal-Partijiet, fuq il-bażi tal-proposta finali u tal-abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni, filwaqt li jitqiesu l-kontributi u l-input xjentifiku riċevuti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni stabbilit skont din il-Parti, u l-parir xjentifiku u r-rakkomandazzjonijiet tal-Korp Xjentifiku u Tekniku:
(a)
Għandha tieħu deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, u miżuri relatati;
(b)
Tista’ tieħu deċiżjonijiet dwar miżuri kompatibbli ma’ dawk adottati minn strumenti u minn oqfsa legali rilevanti u minn korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni ma’ dawk l-istrumenti, l-oqfsa u l-korpi;
(c)
Tista’, fejn il-miżuri proposti jkunu fi ħdan il-kompetenzi ta’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali oħrajn, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet f’dan il-Ftehim u lill-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali sabiex tippromwovi l-adozzjoni ta’ miżuri rilevanti permezz ta’ tali strumenti, oqfsa u korpi, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.
2.
Fit-teħid ta’ deċiżjonijiet skont dan l-artikolu, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, u mhux timminahom.
3.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tagħmel arranġamenti għal konsultazzjonijiet regolari sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-istrumenti u mal-oqfsa legali rilevanti u mal-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, u fosthom, fir-rigward tal-għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, kif ukoll il-koordinazzjoni fir-rigward tal-miżuri relatati adottati fil-qafas ta’ tali strumenti u oqfsa u minn tali korpi.
4.
Fejn il-kisba tal-objettivi u l-implimentazzjoni ta’ din il-Parti jkunu jeħtieġu hekk, sabiex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tikkunsidra u, soġġetta għall-paragrafi 1 u 2 ta’ hawn fuq, tista’ tiddeċiedi, kif xieraq, li tiżviluppa mekkaniżmu rigward għodod ta’ ġestjoni eżistenti bbażati fuq iż-żona, inklużi żoni marini protetti, adottati minn strumenti u minn oqfsa legali rilevanti jew minn korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti.
5.
Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Konferenza tal-Partijiet f’konformità ma’ din il-Parti ma għandhomx jimminaw l-effettività tal-miżuri adottati fir-rigward ta’ żoni fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali u għandhom isiru b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u għad-dmirijiet tal-Istati kollha, f’konformità mal-Konvenzjoni. F’każijiet li fihom il-miżuri proposti taħt din il-Parti jaffettwaw jew jistgħu jkunu raġonevolment mistennijin jaffettwaw l-ilma superjaċenti fuq qiegħ il-baħar u fuq is-sottoswol ta’ żoni ta’ sottomarini li fuqhom Stat kostali jeżerċita drittijiet sovrani f’konformità mal-Konvenzjoni, tali miżuri għandhom iqisu kif xieraq id-drittijiet sovrani tat-tali Stati kostali. Għandhom isiru konsultazzjonijiet għal dak l-għan, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti.
6.
F’każijiet li fihom għodda ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żona marina protetta, stabbilita fil-qafas ta’ din il-Parti sussegwentement taqa’, kompletament jew parzjalment, fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali ta’ Stat kostali, il-parti fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandha tieqaf immedjatament milli tkun fis-seħħ. Il-parti li jifdal f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm il-Konferenza tal-Partijiet, fil-laqgħa segwenti tagħha, tirrieżamina u tiddeċiedi jekk għandhiex temenda jew tirrevoka l-għodda ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żona marina protetta, kif ikun neċessarju.
7.
Mal-istabbiliment jew mal-emenda għall-kompetenza ta’ strument jew ta’ qafas legali rilevanti jew ta’ korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti, kwalunkwe għodda ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żona marina protetta, jew il-miżuri relatati adottati mill-Konferenza tal-Partijiet fil-qafas ta’ din il-Parti li sussegwentement jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ tali strument, qafas jew korp, kompletament jew parzjalment, għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-Konferenza tal-Partijiet tirrieżamina u tiddeċiedi, f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ dak l-istrument, il-qafas jew il-korp, sabiex tinżamm, tiġi emendata jew revokata l-għodda ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żona marina protetta, u miżuri relatati, kif xieraq.
Artikolu 23
Teħid ta’ deċiżjonijiet
1.
Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet skont din il-Parti għandhom jittieħdu b’kunsens.
2.
Jekk ma jintlaħaq l-ebda kunsens, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-qafas ta’ din il-Parti għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u votanti, u qabel dan il-Konferenza tal-Partijiet għandha tkun iddeċidiet, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u votanti li jkunu ġew eżawriti l-isforzi kollha sabiex jintlaħaq kunsens.
3.
Id-deċiżjonijiet meħudin skont din il-Parti għandhom jidħlu fis-seħħ 120 jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha jkunu ttieħdu u għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet kollha.
4.
Matul il-perjodu ta’ 120 jum previst fil-paragrafu 3 hawn fuq, kwalunkwe Parti tista’, permezz ta’ notifika bil-miktub lis-segretarjat, tagħmel oġġezzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata skont din il-Parti, u dik id-deċiżjoni ma għandhiex tkun vinkolanti fuq dik il-Parti. Oġġezzjoni għal deċiżjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika bil-miktub lis-segretarjat u, wara dan, id-deċiżjoni għandha tkun vinkolanti għal dik il-Parti 90 jum wara d-data tan-notifika li tiddikjara li l-oġġezzjoni ġiet irtirata.
5.
Parti li tagħmel oġġezzjoni skont il-paragrafu 4 ta’ hawn fuq għandha tipprovdi lis-segretarjat, bil-miktub, fil-ħin li tagħmel l-oġġezzjoni tagħha, l-ispjegazzjoni tar-raġunijiet għall-oġġezzjoni tagħha, li għandha tkun ibbażata fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)
Id-deċiżjoni tkun inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim jew mad-drittijiet u mad-dmirijiet tal-Parti li toġġezzjona f’konformità mal-Konvenzjoni;
(b)
Id-deċiżjoni tiddiskrimina b’mod inġustifikat fil-forma jew fil-fatt kontra l-Parti li toġġezzjona;
(c)
Il-Parti ma tistax tikkonforma fil-prattika mad-deċiżjoni fiż-żmien tal-oġġezzjoni wara li tagħmel l-isforzi raġonevoli kollha sabiex tagħmel dan.
6.
Parti li tagħmel oġġezzjoni skont il-paragrafu 4 ta’ hawn fuq għandha, sa fejn ikun prattikabbli, tadotta miżuri jew approċċi alternattivi li jkunu ekwivalenti fl-effett għad-deċiżjoni li għaliha tkun oġġezzjonat u ma għandhiex tadotta miżuri u lanqas tieħu azzjonijiet li jimminaw l-effettività tad-deċiżjoni li tkun oġġezzjonat għaliha sakemm tali miżuri jew azzjonijiet ma jkunux essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-Parti li toġġezzjona f’konformità mal-Konvenzjoni.
7.
Il-Parti li toġġezzjona għandha tirrapporta quddiem il-laqgħa ordinarja li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet wara n-notifika tagħha skont il-paragrafu 4 aktar ’il fuq, u perjodikament wara dan, dwar l-implimentazzjoni tagħha tal-paragrafu 6 aktar ’il fuq, sabiex tinforma l-monitoraġġ u r-rieżami skont l-artikolu 26.
8.
Oġġezzjoni għal deċiżjoni magħmula f’konformità mal-paragrafu 4 aktar ’il fuq tista’ tiġġedded biss jekk il-Parti li toġġezzjona tqis li tkun għadha neċessarja, kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni, permezz ta’ notifika bil-miktub lis-segretarjat. Tali notifika bil-miktub għandha tinkludi spjegazzjoni tar-raġunijiet għall-oġġezzjoni inizjali tagħha.
9.
Jekk ma tasal l-ebda notifika ta’ tiġdid skont il-paragrafu 8 aktar ’il fuq, l-oġġezzjoni għandha titqies awtomatikament irtirata u, wara dan, id-deċiżjoni għandha tkun vinkolanti għal dik il-Parti 120 jum wara li dik l-oġġezzjoni tiġi rtirata awtomatikament. Is-segretarjat għandu jinnotifika lill-Parti 60 jum qabel id-data li fiha l-oġġezzjoni tiġi rtirata awtomatikament.
10.
Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet adottati skont din il-Parti, u l-oġġezzjonijiet għal dawk id-deċiżjonijiet, għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku mis-segretarjat u għandhom jiġu trażmessi lill-Istati kollha u lill-istrumenti u lill-oqfsa legali rilevanti u lill-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti.
Artikolu 24
Miżuri ta’ emerġenza
1.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tieħu deċiżjonijiet sabiex tadotta miżuri f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, li għandhom jiġu applikati fuq bażi ta’ emerġenza, jekk ikun neċessarju, meta fenomenu naturali jew diżastru kkawżat mill-bniedem ikun ikkawża, jew x’aktarx li jikkawża ħsara serja jew irriversibbli lill-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-ħsara serja jew irriversibbli ma tiġix aggravata.
2.
Il-miżuri adottati skont dan l-artikolu għandhom jitqiesu neċessarji biss jekk, wara konsultazzjoni ma’ strumenti jew ma’ oqfsa legali rilevanti jew ma’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti, il-ħsara serja jew irriversibbli ma tkunx tista’ tiġi ġestita fil-ħin permezz tal-applikazzjoni tal-artikoli l-oħra ta’ dan il-Ftehim jew permezz ta’ strument jew qafas legali rilevanti jew korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti.
3.
Il-miżuri adottati fuq bażi ta’ emerġenza għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, fuq l-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali u għandhom iqisu l-approċċ prekawzjonarju. Miżuri bħal dawn jistgħu jiġu proposti mill-Partijiet jew irrakkomandati mill-Korp Xjentifiku u Tekniku u jistgħu jiġu adottati intersessjonalment. Il-miżuri għandhom ikunu temporanji u jridu jitqiesu mill-ġdid għal deċiżjoni fil-laqgħa li jkun imiss tal-Konferenza tal-Partijiet wara li jkunu ġew adottati.
4.
Il-miżuri għandhom jintemmu sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħhom jew għandhom jintemmu qabel mill-Konferenza tal-Partijiet malli jiġu sostitwiti b’għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, u miżuri relatati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Parti, jew permezz ta’ miżuri adottati minn strument jew minn qafas legali rilevanti jew minn korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti, jew permezz ta’ deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet meta ċ-ċirkostanzi li kienu jesiġu l-miżura ma jibqgħux jeżistu.
5.
Il-proċeduri u l-gwida għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ emerġenza, inkluż il-proċeduri ta’ konsultazzjoni, għandhom jiġu elaborati mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, kif ikun neċessarju, għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet mal-ewwel opportunità tagħha. Proċeduri bħal dawn għandhom ikunu inklużivi u trasparenti.
Artikolu 25
Implimentazzjoni
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-attivitajiet taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom li jseħħu f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali jitwettqu konsistentement mad-deċiżjonijiet adottati fil-qafas ta’ din il-Parti.
2.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta miżuri aktar stretti fir-rigward taċ-ċittadini u tal-bastimenti tagħha jew fir-rigward ta’ attivitajiet taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha minbarra dawk adottati fil-qafas ta’ din il-Parti, f’konformità mad-dritt internazzjonali u b’appoġġ għall-objettivi tal-Ftehim.
3.
L-implimentazzjoni tal-miżuri adottati skont din il-Parti ma għandhiex timponi piż sproporzjonat fuq il-Partijiet li huma Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw jew pajjiżi l-anqas żviluppati, direttament jew indirettament.
4.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu, kif xieraq, l-adozzjoni ta’ miżuri fi ħdan l-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti li huma membri fihom, sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-Konferenza tal-Partijiet fil-qafas ta’ din il-Parti.
5.
Il-Partijiet għandhom iħeġġu lil dawk l-Istati li huma intitolati li jsiru Partijiet għal dan il-Ftehim, partikolarment dawk li l-attivitajiet, il-bastimenti jew iċ-ċittadini tagħhom joperaw f’żona li hija s-suġġett ta’ għodda stabbilita ta’ ġestjoni bbażata fuq iż-żona, inkluż żona marina protetta, sabiex jadottaw miżuri li jappoġġaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet dwar għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, stabbiliti fil-qafas ta’ din il-Parti.
6.
Parti li ma hijiex parti għal jew parteċipant fi strument jew f’qafas legali rilevanti, jew membru ta’ korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti, u li b’xi mod ieħor ma taqbilx li tapplika l-miżuri stabbiliti fil-qafas ta’ tali strumenti u oqfsa u minn tali korpi ma għandhiex tiġi rrilaxxata mill-obbligu ta’ kooperazzjoni, f’konformità mal-Konvenzjoni u ma’ dan il-Ftehim, fil-konservazzjoni u fl-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
Artikolu 26
Monitoraġġ u rieżami
1.
Il-Partijiet għandhom, individwalment jew kollettivament, jirrapportaw lill-Konferenza tal-Partijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inkluż żoni marini protetti, stabbiliti fil-qafas ta’ din il-Parti u ta’ miżuri relatati. Dawn ir-rapporti, kif ukoll l-informazzjoni u r-rieżami msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 hawn taħt, rispettivament, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mis-segretarjat.
2.
L-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti għandhom jiġu mistiedna jipprovdu informazzjoni lill-Konferenza tal-Partijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jkunu adottaw sabiex jiksbu l-objettivi ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, stabbiliti fil-qafas ta’ din il-Parti.
3.
L-għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi ż-żoni marini protetti, stabbiliti fil-qafas ta’ din il-Parti, inklużi miżuri relatati, għandhom jiġu mmonitorjati u rieżaminati perjodikament mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, filwaqt li jitqiesu r-rapporti u l-informazzjoni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq, rispettivament.
4.
Fir-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 hawn fuq, il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu jivvaluta l-effettività tal-għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi ż-żoni marini protetti, stabbiliti fil-qafas ta’ din il-Parti, inklużi miżuri relatati u l-progress magħmul fil-kisba tal-objettivi tagħhom, u jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet.
5.
Wara r-rieżami, il-Konferenza tal-Partijiet għandha, kif ikun neċessarju, tieħu deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar l-emenda, l-estensjoni jew ir-revoka ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi ż-żoni marini protetti, u kwalunkwe miżura relatata adottata mill-Konferenza tal-Partijiet, fuq il-bażi tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, filwaqt li tqis l-approċċ prekawzjonarju u l-approċċ ekosistemiku.
PARTI IV
VALUTAZZJONI TAL-IMPATT AMBJENTALI
Artikolu 27
Objettivi
L-objettivi ta’ din il-Parti huma:
(a)
L-operazzjonalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għal żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali billi jiġu stabbiliti proċessi, limiti u rekwiżiti oħrajn għat-twettiq u għar-rapportar tal-valutazzjonijiet mill-Partijiet;
(b)
L-iżgurar li l-attivitajiet koperti minn din il-Parti jiġu vvalutati u jitwettqu għall-prevenzjoni, għall-mitigazzjoni u għall-ġestjoni tal-impatti negattivi sinifikanti għall-fini tal-protezzjoni u tal-preservazzjoni tal-ambjent marin;
(c)
L-appoġġ għall-kunsiderazzjoni tal-impatti kumulattivi u tal-impatti f’żoni fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(d)
Tipprovdi għal valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi;
(e)
Il-kisba ta’ qafas ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali koerenti għall-attivitajiet f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(f)
Il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Partijiet, partikolarment l-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw, l-Istati ġeografikament żvantaġġati, l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, l-Istati Afrikani kostali, l-Istati arċipelaġiċi u l-pajjiżi b’introjtu medju li qed jiżviluppaw, sabiex iħejju, iwettqu u jevalwaw valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi b’appoġġ tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 28
Obbligu sabiex jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-impatti potenzjali fuq l-ambjent marin tal-attivitajiet ippjanati taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom li jseħħu f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali jiġu vvalutati kif stabbilit f’din il-Parti qabel ma jiġu awtorizzati.
2.
Meta Parti b’ġuriżdizzjoni jew b’kontroll fuq attività ppjanata li għandha titwettaq f’żoni marini fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tiddetermina li l-attività tista’ tikkawża tniġġis sostanzjali jew bidliet sinifikanti u ta’ ħsara fl-ambjent marin f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, dik il-Parti għandha tiżgura li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ tali attività f’konformità ma’ din il-Parti jew li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont il-proċess nazzjonali tal-Parti. Parti li twettaq valutazzjoni bħal din skont il-proċess nazzjonali tagħha għandha:
(a)
Tagħmel l-informazzjoni rilevanti disponibbli permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament, fil-ħin, matul il-proċess nazzjonali;
(b)
Tiżgura li l-attività tiġi mmonitorjata b’mod konsistenti mar-rekwiżiti tal-proċess nazzjonali tagħha;
(c)
Tiżgura li r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u kwalunkwe rapport ta’ monitoraġġ rilevanti jsiru disponibbli permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament kif stabbilit f’dan il-Ftehim.
3.
Malli jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) hawn fuq, il-Korp Xjentifiku u Tekniku jista’ jipprovdi kummenti lill-Parti b’ġuriżdizzjoni jew b’kontroll fuq l-attività ppjanata.
Artikolu 29
Relazzjoni bejn dan il-Ftehim u l-proċessi ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali fil-qafas tal-istrumenti u tal-oqfsa legali rilevanti u tal-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti
1.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards u/jew tal-linji gwida żviluppati skont l-Artikolu 38 fi strumenti u f’oqfsa legali rilevanti u f’korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti li huma membri fihom.
2.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiżviluppa mekkaniżmi fil-qafas ta’ din il-Parti għall-Korp Xjentifiku u Tekniku sabiex tikkollabora ma’ strumenti u ma’ oqfsa legali rilevanti u ma’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti li jirregolaw l-attivitajiet f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali jew jipproteġu l-ambjent marin.
3.
Meta jiżviluppa jew jaġġorna l-istandards jew il-linji gwida għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali mill-Partijiet għal dan il-Ftehim skont l-artikolu 38, il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu, kif xieraq, jikkollabora mal-istrumenti u mal-oqfsa legali rilevanti u mal-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti.
4.
Ma huwiex neċessarju li jitwettaq skrinjar jew valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ attività ppjanata f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, dment li l-Parti b’ġuriżdizzjoni jew b’kontroll fuq l-attività ppjanata tiddetermina:
(a)
Li l-impatti potenzjali tal-attività jew tal-kategorija ta’ attività ppjanata jkunu ġew ivvalutati skont ir-rekwiżiti ta’ strumenti jew ta’ oqfsa legali rilevanti oħrajn jew minn korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti;
(b)
Li:
(i)
il-valutazzjoni li diġà saret għall-attività pjanata tkun ekwivalenti għal dik meħtieġa skont din il-Parti, u li r-riżultati tal-valutazzjoni jingħataw kunsiderazzjoni; jew
(ii)
ir-regolamenti jew l-istandards tal-istrumenti jew tal-oqfsa legali rilevanti jew tal-korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti li jirriżultaw mill-valutazzjoni tfasslu sabiex jipprevjenu, jimmitigaw jew jimmaniġġjaw l-impatti potenzjali taħt il-limitu għall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fil-qafas ta’ din il-Parti, u dawn ġew irrispettati.
5.
Meta tkun twettqet valutazzjoni tal-impatt ambjentali għal attività pjanata f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali skont strument jew qafas legali rilevanti jew korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti, il-Parti konċernata għandha tiżgura li r-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jiġi ppubblikat permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament.
6.
Sakemm l-attivitajiet pjanati li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4(b)(i) hawn fuq ma jkunux soġġetti għal monitoraġġ u għal rieżami fil-qafas ta’ strument jew ta’ qafas legali rilevanti jew ta’ korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti, il-Partijiet għandhom jimmonitorjaw u jirrieżaminaw l-attivitajiet u jiżguraw li r-rapporti ta’ monitoraġġ u ta’ rieżami jiġu ppubblikati permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament.
Artikolu 30
Limiti u fatturi għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali
1.
Meta attività ppjanata jista’ jkollha aktar minn effett minuri jew tranżitorju fuq l-ambjent marin, jew l-effetti tal-attività ma jkunux magħrufin jew ikunu mifhumin ħażin, il-Parti b’ġuriżdizzjoni jew b’kontroll fuq l-attività għandha twettaq skrinjar tal-attività skont l-artikolu 31, billi tuża l-fatturi stipulati fil-paragrafu 2 hawn taħt, u:
(a)
L-iskrinjar għandu jkun dettaljat biżżejjed sabiex il-Parti tivvaluta jekk għandhiex motivi raġonevoli sabiex temmen li l-attività ppjanata tista’ tikkawża tniġġis sostanzjali jew bidliet sinifikanti u ta’ ħsara lill-ambjent marin u għandu jinkludi:
(i)
Deskrizzjoni tal-attività ppjanata, inklużi l-iskop, il-post, id-durata u l-intensità tagħha; u
(ii)
Analiżi inizjali tal-impatti potenzjali, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-impatti kumulattivi u, kif xieraq, l-alternattivi għall-attività pjanata;
(b)
Jekk jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-iskrinjar li l-Parti għandha raġunijiet raġonevoli sabiex temmen li l-attività tista’ tikkawża tniġġis sostanzjali jew bidliet sinifikanti u ta’ ħsara fl-ambjent marin, għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti.
2.
Meta jiddeterminaw jekk l-attivitajiet pjanati taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom jissodisfawx il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-fatturi mhux eżawrjenti li ġejjin:
(a)
It-tip ta’ attività u t-teknoloġija użati għall-attività u l-mod li bih għandha titwettaq;
(b)
Id-durata tal-attività;
(c)
Il-lokal tal-attività;
(d)
Il-karatteristiċi u l-ekosistema tal-lokal (inklużi ż-żoni ta’ sinifikat jew ta’ vulnerabbiltà ekoloġika jew bijoloġika partikolari);
(e)
L-impatti potenzjali tal-attività, inklużi l-impatti kumulattivi potenzjali u l-impatti potenzjali f’żoni fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(f)
Il-punt sa fejn l-effetti tal-attività ma humiex magħrufin jew mifhumin tajjeb;
(g)
Kriterji ekoloġiċi jew bijoloġiċi rilevanti oħrajn.
Artikolu 31
Proċess għall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċess għat-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont din il-Parti jinkludi l-passi li ġejjin:
(a)
Skrinjar. Il-Partijiet għandhom iwettqu skrinjar, tempestivament, sabiex jiddeterminaw jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt ambjentali fir-rigward ta’ attività ppjanata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha, f’konformità mal-Artikolu 30, u jagħmlu d-determinazzjoni tagħha disponibbli għall-pubbliku:
(i)
Jekk Parti tiddetermina li valutazzjoni tal-impatt ambjentali ma tkunx meħtieġa għal attività pjanata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha, hija għandha tagħmel l-informazzjoni rilevanti, inkluż skont l-artikolu 30, il-paragrafu 1(a), disponibbli għall-pubbliku permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament skont dan il-Ftehim;
(ii)
Abbażi tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, abbażi tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, Parti tista’ tirreġistra l-fehmiet tagħha dwar l-impatti potenzjali ta’ attività pjanata li dwarha tkun saret determinazzjoni f’konformità mas-subparagrafu (a)(i) aktar ’il fuq, mal-Parti li tkun għamlet id-determinazzjoni u l-Korp Xjentifiku u Tekniku, fi żmien 40 jum mill-pubblikazzjoni tagħha;
(iii)
Jekk il-Parti li rreġistrat il-fehmiet tagħha esprimiet preokkupazzjonijiet dwar l-impatti potenzjali ta’ attività pjanata li dwarha tkun saret id-determinazzjoni, il-Parti li tkun għamlet dik id-determinazzjoni għandha tqis dawk il-preokkupazzjonijiet u tista’ tirrieżamina d-determinazzjoni tagħha;
(iv)
Wara li jiġu kkunsidrati l-preokkupazzjonijiet irreġistrat minn Parti skont is-subparagrafu (a)(ii) ta’ hawn fuq, il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu jikkunsidra u jista’ jevalwa l-impatti potenzjali tal-attività pjanata abbażi tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, abbażi tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali u, kif xieraq, jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parti li tkun għamlet id-determinazzjoni wara li dik il-Parti tingħata opportunità li twieġeb għall-preokkupazzjonijiet reġistrati u wara li titqies it-tali tweġiba;
(v)
Il-Parti li tkun għamlet id-determinazzjoni skont is-subparagrafu (a)(i) ta’ hawn fuq għandha tqis kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-Korp Xjentifiku u Tekniku;
(vi)
Ir-reġistrazzjoni tal-fehmiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Korp Xjentifiku u Tekniku għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament;
(b)
Ambitjar. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li impatti ambjentali ewlenin u kwalunkwe impatt assoċjat, bħall-impatti ekonomiċi, soċjali, kulturali u fuq is-saħħa tal-bniedem, inklużi l-impatti kumulattivi potenzjali u l-impatti f’żoni fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali, kif ukoll alternattivi għall-attività ppjanata, jekk ikun hemm, għandhom jiġu inklużi fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali li għandhom jitwettqu skont din il-Parti. L-ambitu għandu jiġi ddefinit bl-użu tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali;
(c)
Valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjoni. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-impatti tal-attivitajiet pjanati, inkluż l-impatti kumulattivi u l-impatti f’oqsma fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali, jiġu vvalutati u evalwati bl-użu tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali;
(d)
Prevenzjoni, mitigazzjoni u ġestjoni tal-effetti avversi potenzjali. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li:
(i)
Jiġu identifikati u analizzati miżuri għall-prevenzjoni, għall-mitigazzjoni u għall-ġestjoni tal-effetti avversi potenzjali tal-attivitajiet pjanati taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom sabiex jiġu evitati impatti avversi sinifikanti. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu l-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi għall-attività pjanata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom;
(ii)
Fejn ikun xieraq, dawn il-miżuri jiġu inkorporati fi pjan ta’ ġestjoni ambjentali;
(e)
Il-Partijiet għandhom jiżguraw in-notifika u l-konsultazzjoni pubblika f’konformità mal-artikolu 32;
(f)
Il-Partijiet għandhom jiżguraw it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’konformità mal-artikolu 33.
2.
Il-Partijiet jistgħu jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali konġunti, partikolarment għall-attivitajiet pjanati taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll ta’ Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw.
3.
Għandu jinħoloq roster ta’ esperti fil-qafas tal-Korp Xjentifiku u Tekniku. Il-Partijiet b’restrizzjonijiet fil-kapaċità jistgħu jitolbu pariri u assistenza mingħand dawk l-esperti sabiex iwettqu u jevalwaw l-iskrinjar u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għal attività pjanata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom. L-esperti ma jistgħux jinħatru għal parti oħra tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-istess attività. Il-Parti li talbet il-pariri u l-assistenza għandha tiżgura li tali valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali jiġu sottomessi lilha għar-rieżami u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
Artikolu 32
Notifika u konsultazzjoni pubbliċi
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw notifika pubblika tempestiva ta’ attività ppjanata, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament u permezz tas-segretarjat, u l-opportunitajiet pjanati u effettivi bi skadenza, sa fejn ikunu prattikabbli, għall-parteċipazzjoni mill-Istati kollha, partikolarment l-Istati kostali adjaċenti u kwalunkwe Stat ieħor adjaċenti, l-attività meta dawn ikunu potenzjalment l-aktar Stati affettwati, u l-partijiet konċernati fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. In-notifika u l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni, inkluż permezz tas-sottomissjoni tal-kummenti, għandhom isiru matul il-proċess kollu ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali, kif xieraq, inkluż meta jiġi identifikat l-ambitu ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 31(1)(b), u meta jkun tħejja abbozz tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 33, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi awtorizzata l-attività.
2.
L-Istati potenzjalment l-aktar affettwati għandhom jiġu ddeterminati billi jitqiesu n-natura u l-effetti potenzjali fuq l-ambjent marin tal-attività ppjanata u għandhom jinkludu:
(a)
L-Istati kostali li l-eżerċitar tad-drittijiet sovrani tagħhom għall-finijiet ta’ esplorazzjoni, ta’ sfruttament, ta’ konservazzjoni jew ta’ ġestjoni tar-riżorsi naturali jistgħu raġonevolment jitqiesu li jkunu affettwati mill-attività;
(b)
L-Istati li, fiż-żona tal-attività pjanata, iwettqu attivitajiet umani li jinkludu attivitajiet ekonomiċi, li jistgħu raġonevolment jitqiesu li jkunu affettwati.
3.
Il-Partijiet konċernati f’dan il-proċess jinkludu l-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali b’għarfien tradizzjonali rilevanti, il-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, is-soċjetà ċivili, il-komunità xjentifika u l-pubbliku.
4.
F’konformità mal-Artikolu 48, il-paragrafu 3, in-notifika u l-konsultazzjoni pubbliċi għandhom ikunu inklużivi u trasparenti, jitwettqu f’waqthom u jkunu mmirati u proattivi meta jinvolvu Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw.
5.
Kummenti sostantivi riċevuti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, inkluż minn Stati kostali adjaċenti u minn kwalunkwe Stat ieħor biswit l-attività ppjanata meta dawn ikunu potenzjalment l-aktar Stati affettwati, għandhom jiġu kkunsidrati u jitwieġbu jew jiġu indirizzati mill-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-kummenti dwar l-impatti potenzjali f’oqsma fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali u jipprovdu tweġibiet bil-miktub, kif xieraq, li jindirizzaw speċifikament dawn il-kummenti, inkluż rigward kwalunkwe miżura addizzjonali maħsuba sabiex tindirizza dawk l-impatti potenzjali. Il-Partijiet għandhom jippubblikaw il-kummenti riċevuti u t-tweġibiet jew id-deskrizzjonijiet tal-mod li bih ġew indirizzati.
6.
Fejn attività pjanata taffettwa żoni tal-ibħra internazzjonali li jkunu kompletament imdawrin miż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Istati, il-Partijiet għandhom:
(a)
Iwettqu konsultazzjonijiet immirati u proattivi, inkluża notifika minn qabel, ma’ Stati tal-madwar bħal dawn;
(b)
Iqisu l-fehmiet u l-kummenti ta’ dawk l-Istati tal-madwar dwar l-attività pjanata u jipprovdu tweġibiet bil-miktub li jindirizzaw speċifikament dawn il-fehmiet u l-kummenti u, kif xieraq, jirrevedu l-attività pjanata skont dan.
7.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont dan il-Ftehim. Minkejja dan, il-Partijiet ma għandhomx ikunu meħtieġa jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali jew proprjetarja. Il-fatt li informazzjoni kunfidenzjali jew proprjetarja tkun ġiet redatta għandu jiġi indikat fid-dokumenti pubbliċi.
Artikolu 33
Rapporti ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw it-tħejjija ta’ rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali għal kwalunkwe valutazzjoni bħal din imwettqa skont din il-Parti.
2.
Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali għandu jinkludi, tal-anqas, l-informazzjoni li ġejja: deskrizzjoni tal-attività ppjanata, inkluż il-post fejn tinsab; deskrizzjoni tar-riżultati tal-eżerċizzju tal-ambitjar; valutazzjoni tax-xenarju bażi tal-ambjent marin li x’aktarx jiġi affettwat; deskrizzjoni tal-impatti potenzjali, inkluż l-impatti kumulattivi potenzjali u kwalunkwe impatt f’żoni fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali; deskrizzjoni tal-miżuri potenzjali ta’ prevenzjoni, ta’ mitigazzjoni u ta’ ġestjoni; deskrizzjoni tal-inċertezzi u tal-lakuni fl-għarfien; informazzjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika; deskrizzjoni tal-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi raġonevoli għall-attività pjanata; deskrizzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu, inkluż pjan ta’ ġestjoni ambjentali; u sommarju mhux tekniku.
3.
Il-Parti għandha tagħmel l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali disponibbli permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament matul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, sabiex tipprovdi opportunità għall-Korp Xjentifiku u Tekniku sabiex iqis u jevalwa r-rapport.
4.
Il-Korp Xjentifiku u Tekniku, kif xieraq u tempestivament, jista’ jagħmel kummenti lill-Parti dwar l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Il-Parti għandha tqis kwalunkwe kumment magħmul mill-Korp Xjentifiku u Tekniku.
5.
Il-Partijiet għandhom jippubblikaw ir-rapporti tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament. Is-segretarjat għandu jiżgura li l-Partijiet kollha jiġu nnotifikati fil-ħin meta r-rapporti jiġu ppubblikati permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament.
6.
Ir-rapporti finali tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, fuq il-bażi tal-prattiki, tal-proċeduri u tal-għarfien rilevanti skont dan il-Ftehim, għall-fini tal-iżvilupp ta’ linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki.
7.
Selezzjoni tal-informazzjoni ppubblikata użata fil-proċess tal-iskrinjar sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex titwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali, f’konformità mal-Artikoli 30 u 31, għandha titqies u tiġi rrieżaminata mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, abbażi tal-prattiki, tal-proċeduri u tal-għarfien rilevanti skont dan il-Ftehim, għall-fini tal-iżvilupp ta’ linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki.
Artikolu 34
Teħid ta’ deċiżjonijiet
1.
Parti, li attività pjanata taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha, għandha tkun responsabbli sabiex tiddetermina jekk tistax tipproċedi.
2.
Meta jiġi ddeterminat jekk l-attività ppjanata tistax tipproċedi skont din il-Parti, għandha titqies bis-sħiħ valutazzjoni tal-impatt ambjentali mwettqa f’konformità ma’ din il-Parti. Deċiżjoni li tawtorizza l-attività pjanata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll ta’ Parti għandha ssir biss meta, b’kont meħud tal-miżuri ta’ mitigazzjoni jew ta’ ġestjoni, il-Parti tkun iddeterminat li għamlet l-isforzi raġonevoli kollha sabiex tiżgura li l-attività tkun tista’ titwettaq b’mod konsistenti mal-prevenzjoni ta’ impatti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent marin.
3.
Id-dokumenti tad-deċiżjonijiet għandhom jiddeskrivu b’mod ċar kwalunkwe kundizzjoni ta’ approvazzjoni relatata mal-miżuri ta’ mitigazzjoni u mar-rekwiżiti ta’ segwitu. Id-dokumenti tad-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppubblikati, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament.
4.
Fuq it-talba ta’ Parti, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tipprovdi pariri u assistenza lil dik il-Parti meta tiddetermina jekk attività ppjanata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha tistax tipproċedi.
Artikolu 35
Monitoraġġ tal-impatti tal-attivitajiet awtorizzati
Billi jużaw l-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, l-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, il-Partijiet għandhom iżommu taħt sorveljanza l-impatti ta’ kwalunkwe attività f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali li jawtorizzaw jew li fihom jinvolvu rwieħhom sabiex jiddeterminaw jekk dawn l-attivitajiet aktarx li jniġġsu jew ikollhom impatti avversi fuq l-ambjent marin. B’mod partikolari, kull Parti għandha timmonitorja l-impatti ambjentali u kwalunkwe impatt assoċjat, bħall-impatti ekonomiċi, soċjali, kulturali u fuq is-saħħa tal-bniedem, ta’ attività awtorizzata taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-approvazzjoni tal-attività.
Artikolu 36
Rapportar dwar l-impatti tal-attivitajiet awtorizzati
1.
Il-Partijiet, kemm jekk jaġixxu individwalment kif ukoll kollettivament, għandhom jirrapportaw perjodikament dwar l-impatti tal-attività awtorizzata u r-riżultati tal-monitoraġġ meħtieġ skont l-artikolu 35.
2.
Ir-rapporti ta’ monitoraġġ għandhom jiġu ppubblikati, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament, u l-Korp Xjentifiku u Tekniku jista’ jikkunsidra u jevalwa r-rapporti ta’ monitoraġġ.
3.
Ir-rapporti ta’ monitoraġġ għandhom jiġu kkunsidrati mill-Korp Xjentifiku u Tekniku, abbażi tal-prattiki, tal-proċeduri u tal-għarfien rilevanti skont dan il-Ftehim, għall-fini tal-iżvilupp ta’ linji gwida dwar il-monitoraġġ tal-impatti tal-attivitajiet awtorizzati, inkluża l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki.
Artikolu 37
Rieżami tal-attivitajiet awtorizzati u tal-impatti tagħhom
1.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-impatti tal-attività awtorizzata mmonitorjata skont l-artikolu 35 jiġu rieżaminati.
2.
Jekk il-Parti b’ġuriżdizzjoni jew b’kontroll fuq l-attività tidentifika impatti avversi sinifikanti li jew ma kinux previsti fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, fin-natura jew fis-severità, jew li jirriżultaw minn ksur ta’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-approvazzjoni tal-attività, il-Parti għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tawtorizza l-attività, tinnotifika lill-Konferenza tal-Partijiet, lil Partijiet oħrajn u lill-pubbliku, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament, u:
(a)
Tirrekjedi li jiġu proposti u implimentati miżuri għall-prevenzjoni, għall-mitigazzjoni u/jew għall-ġestjoni ta’ dawk l-impatti jew tieħu kwalunkwe azzjoni oħra neċessarja u/jew twaqqaf l-attività, kif ikun xieraq; u
(b)
Tevalwa tempestivament kwalunkwe miżura implimentata jew azzjoni meħuda skont is-subparagrafu (a) ta’ hawn fuq.
3.
Abbażi tar-rapporti riċevuti skont l-Artikolu 36, il-Korp Xjentifiku u Tekniku jista’ jinnotifika lill-Parti li awtorizzat l-attività jekk iqis li l-attività jista’ jkollha impatti avversi sinifikanti li jew ma kinux previsti fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew li jirriżultaw minn ksur ta’ kwalunkwe kundizzjoni ta’ approvazzjoni tal-attività awtorizzata u, kif ikun xieraq, jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parti.
4.
(a)
Abbażi tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, Parti tista’ tirreġistra l-preokkupazzjonijiet tagħha, mal-Parti li awtorizzat l-attività u mal-Korp Xjentifiku u Tekniku, li l-attività awtorizzata jista’ jkollha impatti avversi sinifikanti li jew ma kinux previsti fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, fin-natura jew fis-severità, jew li jirriżultaw minn ksur ta’ kwalunkwe kundizzjoni ta’ approvazzjoni tal-attività awtorizzata;
(b)
Il-Parti li tkun awtorizzat l-attività għandha tqis dawn il-preokkupazzjonijiet;
(c)
Meta jiġu kkunsidrati l-preokkupazzjonijiet irreġistrati minn Parti, il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu jikkunsidra u jista’ jevalwa l-kwistjoni abbażi tal-aħjar xjenza u informazzjoni xjentifika disponibbli u, fejn disponibbli, abbażi tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali u jista’ jinnotifika lill-Parti li awtorizzat l-attività, jekk iqis li tali attività jista’ jkollha impatti avversi sinifikanti li jew ma kinux previsti fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew li jirriżultaw minn ksur ta’ kwalunkwe kundizzjoni ta’ approvazzjoni tal-attività awtorizzata u, wara li dik il-Parti tingħata l-opportunità li twieġeb għall-preokkupazzjonijiet irreġistrati u filwaqt li titqies din it-tweġiba u kif ikun xieraq, jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parti li awtorizzat l-attività;
(d)
Ir-reġistrazzjoni ta’ preokkupazzjonijiet, ta’ kwalunkwe notifika maħruġa u ta; kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula mill-Korp Xjentifiku u Tekniku għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament;
(e)
Il-Parti li awtorizzat l-attività għandha tqis kwalunkwe notifika maħruġa u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula mill-Korp Xjentifiku u Tekniku.
5.
L-Istati kollha, partikolarment l-Istati kostali adjaċenti u kwalunkwe Stat ieħor adjaċenti għall-attività meta jkunu potenzjalment l-aktar Stati affettwati, u l-partijiet konċernati għandhom jinżammu informati permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament u jistgħu jiġu kkonsultati fil-proċessi ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ rieżami fir-rigward ta’ attività awtorizzata skont dan il-Ftehim.
6.
Il-Partijiet għandhom jippubblikaw, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament:
(a)
Rapporti dwar ir-rieżami tal-impatti tal-attività awtorizzata;
(b)
Dokumenti tad-deċiżjonijiet, inkluż rekord tar-raġunijiet għad-deċiżjoni mill-Parti, meta Parti tkun biddlet id-deċiżjoni tagħha li tawtorizza l-attività.
Artikolu 38
Standards u/jew linji gwida li għandhom jiġu żviluppati mill-Korp Xjentifiku u Tekniku b’rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali
1.
Il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu jiżviluppa standards jew linji gwida għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet dwar:
(a)
Id-determinazzjoni ta’ jekk is-sollijiet għat-twettiq ta’ skrinjar jew ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Artikolu 30 ġewx issodisfati jew inqabżux għall-attivitajiet pjanati, inkluż fuq il-bażi tal-fatturi mhux eżawrjenti stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu;
(b)
Il-valutazzjoni tal-impatti kumulattivi f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali u kif dawk l-impatti għandhom jitqiesu fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali;
(c)
Il-valutazzjoni tal-impatti, f’żoni fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali, tal-attivitajiet pjanati f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali u kif dawk l-impatti għandhom jitqiesu fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali;
(d)
Il-proċess ta’ notifika u ta’ konsultazzjoni pubbliċi skont l-artikolu 32, inkluż id-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali jew proprjetarja;
(e)
Il-kontenut meħtieġ tar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-informazzjoni ppubblikata użata fil-proċess tal-iskrinjar skont l-artikolu 33, inkluż l-aħjar prattiki;
(f)
Il-monitoraġġ u r-rapportar dwar l-impatti tal-attivitajiet awtorizzati kif stabbilit fl-Artikoli 35 u 36, inkluż l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki;
(g)
It-twettiq ta’ valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi.
2.
Il-Korp Xjentifiku u Tekniku jista’ jiżviluppa wkoll standards u linji gwida għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet, inkluż dwar:
(a)
Lista indikattiva mhux eżawrjenti ta’ attivitajiet li jeħtieġu jew ma jeħtiġux valutazzjoni tal-impatt ambjentali, kif ukoll kwalunkwe kriterju relatat ma’ dawk l-attivitajiet, li għandhom jiġu aġġornati perjodikament;
(b)
It-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali mill-Partijiet għal dan il-Ftehim f’żoni identifikati bħala li jeħtieġu protezzjoni jew attenzjoni speċjali.
3.
Kwalunkwe standard għandu jiġi stabbilit f’anness għal dan il-Ftehim, f’konformità mal-artikolu 74.
Artikolu 39
Valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi
1.
Il-Partijiet għandhom, individwalment jew f’kooperazzjoni ma’ Partijiet oħrajn, jikkunsidraw li jwettqu valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi għal pjanijiet u programmi relatati ma’ attivitajiet taħt il-ġuriżdizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom, li għandhom jitwettqu f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, sabiex jivvalutaw l-effetti potenzjali ta’ tali pjanijiet jew programmi, kif ukoll tal-alternattivi, fuq l-ambjent marin.
2.
Il-Konferenza tal-Partijiet tista’ twettaq valutazzjoni ambjentali strateġika ta’ żona jew reġjun sabiex tiġbor u tissintesizza l-aħjar informazzjoni disponibbli dwar iż-żona jew ir-reġjun, tivvaluta l-impatti kurrenti u potenzjali futuri u tidentifika lakuni fid-data u l-prijoritajiet ta’ riċerka.
3.
Meta jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali skont din il-Parti, il-Partijiet għandhom iqisu r-riżultati tal-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi rilevanti mwettqin skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ hawn fuq, fejn disponibbli.
4.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiżviluppa gwida dwar it-twettiq ta’ kull kategorija ta’ valutazzjoni ambjentali strateġika deskritta f’dan l-artikolu.
PARTI V
BINI TAL-KAPAĊITAJIET U T-TRASFERIMENT TAT-TEKNOLOĠIJA MARINA
Artikolu 40
Objettivi
L-objettivi ta’ din il-Parti huma:
(a)
Tingħata assistenza lill-Partijiet, partikolarment lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sabiex jilħqu l-objettivi tagħha;
(b)
Jiġu abilitati l-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni inklużivi, ekwitabbli u effettivi fl-attivitajiet imwettqin skont dan il-Ftehim;
(c)
Tiġi żviluppata l-kapaċità xjentifika u teknoloġika marina, inkluż fir-rigward tar-riċerka, tal-Partijiet, partikolarment tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, fir-rigward tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz tal-aċċess għat-teknoloġija marina minn Stati Partijiet li qed jiżviluppaw, u t-trasferiment tat-teknoloġija marina lilhom;
(d)
Iż-żieda, id-disseminazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(e)
B’mod aktar speċifiku, l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, lill-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw, lill-Istati ġeografikament żvantaġġati, lill-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, lill-Istati Afrikani kostali, lill-Istati arċipelaġiċi u lill-pajjiżi b’introjtu medju li qed jiżviluppaw, permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija marina skont dan il-Ftehim, fil-kisba tal-objettivi relatati ma’:
(i)
Riżorsi ġenetiċi marini, inkluż il-kondiviżjoni ta’ benefiċċji, kif riflessi fl-artikolu 9;
(ii)
Miżuri bħall-għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, kif riflessi fl-artikolu 17;
(iii)
Valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, kif riflessi fl-artikolu 27.
Artikolu 41
Kooperazzjoni fil-bini tal-kapaċitajiet u fit-trasferiment tat-teknoloġija marina
1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, direttament jew permezz ta’ strumenti u oqfsa legali rilevanti u korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, sabiex jassistu lill-Partijiet, partikolarment lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, fil-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp u t-trasferiment tax-xjenza marina u tat-teknoloġija marina.
2.
Meta jipprovdu l-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina skont dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-livelli kollha u fil-forom kollha, inkluż permezz ta’ sħubijiet mal-partijiet konċernati rilevanti kollha u bl-involviment tagħhom, bħal, fejn xieraq, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, u l-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali bħala detenturi ta’ għarfien tradizzjonali, kif ukoll permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti.
3.
Meta jagħtu effett lil din il-Parti, il-Partijiet għandhom jagħtu rikonoxximent sħiħ lir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw, l-Istati ġeografikament żvantaġġati, l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, l-Istati Afrikani kostali, l-Istati arċipelaġiċi u l-pajjiżi b’introjtu medju li qed jiżviluppaw. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-forniment ta’ bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina ma jkunux kundizzjonali fuq rekwiżiti onerużi ta’ rapportar.
Artikolu 42
Modalitajiet għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina
1.
Il-Partijiet, fil-kapaċitajiet tagħhom, għandhom jiżguraw il-bini tal-kapaċitajiet għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw u għandhom jikkooperaw sabiex jiksbu t-trasferiment tat-teknoloġija marina, partikolarment għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw li jeħtiġuha u jitolbuha, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
2.
Il-Partijiet għandhom jipprovdu, fl-estent tal-kapaċitajiet tagħhom, riżorsi sabiex jappoġġaw tali bini tal-kapaċitajiet u żvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija marina u sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal sorsi oħrajn ta’ appoġġ, filwaqt li jqisu l-politiki, il-prijoritajiet, il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom.
3.
Il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina għandhom ikunu proċess xprunat mill-pajjiż, trasparenti, effettiv u iterattiv li jkun parteċipatorju, trażversali u reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru. Kif xieraq, għandha tibni fuq il-programmi eżistenti u mhux tidduplikahom, u tkun iggwidata mit-tagħlimiet meħudin, inklużi dawk mill-bini tal-kapaċitajiet u mit-trasferiment tal-attivitajiet tat-teknoloġija marina fil-qafas ta’ strumenti u ta’ oqfsa legali rilevanti u ta’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti. Sa fejn ikun possibbli, hija għandha tqis dawn l-attivitajiet bl-għan li timmassimizza l-effiċjenza u r-riżultati.
4.
Il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina għandhom ikunu bbażati fuq u jkunu risponsivi għall-ħtiġijiet u għall-prijoritajiet tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, identifikati permezz ta’ valutazzjonijiet tal-bżonnijiet fuq bażi ta’ kull każ individwali, fuq bażi subreġjonali jew reġjonali. Dawn il-bżonnijiet u l-prijoritajiet jistgħu jiġu awtovalutati jew iffaċilitati permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tal-kumitat tat-teknoloġija marina u l-Mekkaniżmu ta’ Koordinament.
Artikolu 43
Modalitajiet addizzjonali għat-trasferiment tat-teknoloġija marina
1.
Il-Partijiet jikkondividu viżjoni fit-tul tal-importanza li jwettqu bis-sħiħ l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija għal kooperazzjoni u għal parteċipazzjoni inklużivi, ekwitabbli u effettivi fl-attivitajiet imwettqin skont dan il-Ftehim u sabiex jilħqu bis-sħiħ l-objettivi tiegħu.
2.
It-trasferiment tat-teknoloġija marina mwettaq skont dan il-Ftehim għandu jsir skont termini ġusti u l-aktar favorevoli, inkluż skont termini konċessjonali u preferenzjali, u f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet miftehmin reċiprokament kif ukoll mal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
3.
Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jħeġġu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali għat-trasferiment tat-teknoloġija marina lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jistgħu jinkludu l-għoti ta’ inċentivi lill-intrapriżi u lill-istituzzjonijiet.
4.
It-trasferiment tat-teknoloġija marina għandu jqis id-drittijiet kollha fuq tali teknoloġiji u għandu jitwettaq b’kunsiderazzjoni xierqa għall-interessi leġittimi kollha, inklużi, fost l-oħrajn, id-drittijiet u d-dmirijiet tad-detenturi, tal-fornituri u tar-riċevituri tat-teknoloġija marina u filwaqt li jitqiesu partikolarment l-interessi u l-bżonnijiet tal-Istati li qed jiżviluppaw għall-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.
5.
It-teknoloġija marina trasferita skont din il-Parti għandha tkun xierqa, rilevanti u, sa fejn ikun possibbli, affidabbli, affordabbli, aġġornata, ambjentalment soda u disponibbli f’forma aċċessibbli għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati.
Artikolu 44
Tipi ta’ bini tal-kapaċitajiet u tat-trasferiment tat-teknoloġija marina
1.
B’appoġġ għall-objettivi stabbiliti fl-artikolu 40, it-tipi ta’ bini tal-kapaċitajiet u tat-trasferiment tat-teknoloġija marina jistgħu jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, appoġġ għall-ħolqien jew għat-titjib tal-kapaċitajiet umani, ta’ ġestjoni finanzjarja, xjentifiċi, teknoloġiċi, organizzazzjonali, istituzzjonali u ta’ kapaċitajiet oħrajn tar-riżorsi tal-Partijiet, bħal:
(a)
Il-kondiviżjoni u l-użu tad-data, ta’ informazzjoni, ta’ għarfien u ta’ riżultati tar-riċerka rilevanti;
(b)
Id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, inkluż fir-rigward tal-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, f’konformità mal-kunsens liberu, minn qabel u informat ta’ dawn il-Popli Indiġeni u, kif xieraq, tal-komunitajiet lokali;
(c)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-infrastruttura rilevanti, inklużi t-tagħmir u l-kapaċità tal-persunal għall-użu u għall-manutenzjoni tagħha;
(d)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u tal-oqfsa jew tal-mekkaniżmi regolatorji nazzjonali;
(e)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riżorsi tal-ġestjoni umana u finanzjarja u tal-kompetenza esperta teknika permezz ta’ skambji, kollaborazzjoni fir-riċerka, appoġġ tekniku, edukazzjoni u taħriġ u t-trasferiment tat-teknoloġija marina;
(f)
L-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ manwali, ta’ linji gwida u ta’ standards;
(g)
L-iżvilupp ta’ programmi tekniċi, xjentifiċi u ta’ riċerka u ta’ żvilupp;
(h)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u tal-għodod teknoloġiċi għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għas-sorveljanza effettivi tal-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
2.
Aktar dettalji dwar it-tipi ta’ bini tal-kapaċitajiet u tat-trasferiment tat-teknoloġija marina identifikati f’dan l-artikolu huma elaborati fl-Anness II.
3.
Il-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tal-kumitat tat-teknoloġija marina, għandha tirrieżamina, tivvaluta u tiżviluppa aktar u tipprovdi, perjodikament, kif ikun neċessarju, gwida dwar il-lista indikattiva u mhux eżawrjenti tat-tipi ta’ bini tal-kapaċitajiet u tat-trasferiment tat-teknoloġija marina elaborata fl-Anness II, sabiex tirrifletti l-progress teknoloġiku u l-innovazzjoni u sabiex twieġeb u tadatta għall-bżonnijiet evolventi tal-Istati, tas-subreġjuni u tar-reġjuni.
Artikolu 45
Monitoraġġ u rieżami
1.
Il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina mwettqin f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti għandhom jiġu mmonitorjati u rieżaminati perjodikament.
2.
Il-monitoraġġ u r-rieżami msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq għandhom jitwettqu mill-kumitat għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina taħt l-awtorità tal-Konferenza tal-Partijiet u għandhom ikunu mmirati lejn:
(a)
Il-valutazzjoni u r-rieżami tal-bżonnijiet u tal-prijoritajiet tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw f’termini ta’ bini tal-kapaċitajiet u ta’ trasferiment tat-teknoloġija marina, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw u għaċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, f’konformità mal-artikolu 42, il-paragrafu 4;
(b)
Ir-rieżami tal-appoġġ meħtieġ, ipprovdut u mobilizzat, kif ukoll il-lakuni fl-issodisfar tal-bżonnijiet valutati tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fir-rigward ta’ dan il-Ftehim;
(c)
L-identifikazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ fondi taħt il-mekkaniżmu finanzjarju stabbilit skont l-artikolu 52 sabiex jiġu żviluppati u implimentati l-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina, inkluż għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet;
(d)
Il-kejl tal-prestazzjoni fuq il-bażi ta’ indikaturi miftehmin u r-rieżami ta’ analiżijiet ibbażati fuq ir-riżultati, inkluż dwar l-output, l-eżiti, il-progress u l-effettività tal-bini tal-kapaċitajiet u tat-trasferiment tat-teknoloġija marina skont dan il-Ftehim, kif ukoll is-suċċessi u l-isfidi;
(e)
It-twettiq ta’ rakkomandazzjonijiet għal attivitajiet ta’ segwitu, inkluż dwar kif il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina jistgħu jissaħħu aktar sabiex jippermettu lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali ta’ Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, isaħħu l-implimentazzjoni tagħhom tal-Ftehim sabiex jilħqu l-objettivi tiegħu.
3.
Meta jappoġġaw il-monitoraġġ u r-rieżami tal-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina, il-Partijiet għandhom jissottomettu rapporti lill-kumitat għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu f’format u f’intervalli li għandhom jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina. Meta jissottomettu r-rapporti tagħhom, il-Partijiet għandhom iqisu, fejn applikabbli, il-kontribut minn korpi reġjonali u subreġjonali dwar il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina. Ir-rapporti sottomessi mill-Partijiet, kif ukoll kwalunkwe kontribut mill-korpi reġjonali u subreġjonali dwar il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment tat-teknoloġija marina, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiżgura li l-obbligi ta’ rapportar għandhom jiġu ssimplifikati u mhux onerużi, partikolarment għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, inkluż f’termini ta’ kostijiet u ta’ rekwiżiti ta’ żmien.
Artikolu 46
Bini tal-kapaċitajiet u trasferiment tat-teknoloġija marina
1.
B’dan qed jiġi stabbilit kumitat għat-titjib tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina.
2.
Il-kumitat għandu jikkonsisti f’membri li jkollhom il-kwalifiki u l-kompetenza esperta xierqa, sabiex iservu oġġettivament fl-aħjar interess tal-Ftehim, innominati mill-Partijiet u eletti mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu l-bilanċ bejn il-ġeneri u d-distribuzzjoni ġeografika ekwitabbli u jiġi pprovdut għar-rappreżentanza fil-kumitat tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw. It-termini ta’ referenza u l-modalitajiet għall-operat tal-kumitat għandhom jiġu deċiżi mill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel laqgħa tagħha.
3.
Il-kumitat għandu jissottometti rapporti u rakkomandazzjonijiet li l-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra u tieħu azzjoni dwarhom kif xieraq.
PARTI VI
ARRANĠAMENTI ISTITUZZJONALI
Artikolu 47
Konferenza tal-Partijiet
1.
Il-Konferenza tal-Partijiet hija hawnhekk stabbilita.
2.
L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha tissejjaħ mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Wara, il-laqgħat ordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom isiru f’intervalli regolari li għandhom jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet. Il-laqgħat straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet jistgħu jsiru fi żminijiet oħrajn, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura.
3.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha normalment tiltaqa’ fis-sede tas-segretarjat jew fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
4.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, b’kunsens, tadotta, fl-ewwel laqgħa tagħha, regoli ta’ proċedura għaliha nnifisha u għall-korpi sussidjarji tagħha, regoli finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tagħha u l-finanzjament tas-segretarjat u kwalunkwe korp sussidjarju u, wara, regoli ta’ proċedura u regoli finanzjarji għal kwalunkwe korp sussidjarju ieħor li tista’ tistabbilixxi. Sakemm jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura, għandhom ikunu japplikaw ir-regoli ta’ proċedura tal-konferenza intergovernattiva dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
5.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tagħmel kull sforz sabiex tadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet b’kunsens. Ħlief jekk ikun previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, jekk ikunu ġew eżawriti l-isforzi kollha sabiex jintlaħaq il-kunsens, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet dwar kwistjonijiet ta’ sustanza għandhom jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u votanti, u d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ proċedura għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-Partijiet preżenti u votanti.
6.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha żżomm l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim taħt rieżami u evalwazzjoni u, għal dan l-għan, għandha:
(a)
Tadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(b)
Tirrieżamina u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(c)
Tippromwovi, inkluż billi tistabbilixxi proċessi, kooperazzjoni u koordinazzjoni xierqa ma’ u fost l-istrumenti u l-oqfsa legali rilevanti u l-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, bl-għan li tippromwovi l-koerenza fost l-isforzi lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(d)
Tistabbilixxi dawk il-korpi sussidjarji li tqis neċessarji sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(e)
Tadotta baġit b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u votanti jekk l-isforzi kollha sabiex jintlaħaq kunsens ikunu ġew eżawriti, b’tali frekwenza u għal tali perjodu finanzjarju kif tista’ tiddetermina;
(f)
Twettaq funzjonijiet oħrajn identifikati f’dan il-Ftehim jew kif jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu.
7.
Il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tiddeċiedi li titlob lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar sabiex jagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni legali dwar il-konformità ma’ dan il-Ftehim ta’ proposta quddiem il-Konferenza tal-Partijiet dwar kwalunkwe kwistjoni fil-kompetenza tagħha. Talba għal opinjoni konsultattiva ma għandhiex tintalab dwar kwistjoni fil-kompetenzi ta’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali oħrajn, jew fuq kwistjoni li neċessarjament tinvolvi l-kunsiderazzjoni simultanja ta’ kwalunkwe tilwima dwar is-sovranità jew drittijiet oħrajn fuq it-territorju kontinentali jew insulari fuq l-art jew rivendikazzjoni għal dan, jew l-istatus legali ta’ żona fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali. It-talba għandha tindika l-ambitu tal-kwistjoni legali li dwarha qiegħda tintalab l-opinjoni konsultattiva. Il-Konferenza tal-Partijiet tista’ titlob li tali opinjoni tingħata b’urġenza.
8.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u minn hemm ’il quddiem f’intervalli li għandhom jiġu ddeterminati minnha, tivvaluta u tirrieżamina l-adegwatezza u l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u, jekk ikun neċessarju, tipproponi mezzi għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet sabiex jiġu indirizzati aħjar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
Artikolu 48
Trasparenza
1.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tippromwovi t-trasparenza fi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u f’attivitajiet oħrajn imwettqin skont dan il-Ftehim.
2.
Il-laqgħat kollha tal-Konferenza tal-Partijiet u tal-korpi sussidjarji tagħha għandhom ikunu miftuħin għall-osservaturi li jipparteċipaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Konferenza tal-Partijiet. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tippubblika u żżomm rekord pubbliku tad-deċiżjonijiet tagħha.
3.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tippromwovi t-trasparenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż permezz tad-disseminazzjoni pubblika ta’ informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali b’għarfien tradizzjonali rilevanti, tal-komunità xjentifika, tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet konċernati rilevanti oħrajn, u l-konsultazzjoni ma’ dawn, kif xieraq u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
4.
Rappreżentanti ta’ Stati li ma humiex parti f’dan il-Ftehim, korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, Popli Indiġeni u komunitajiet lokali b’għarfien tradizzjonali rilevanti, il-komunità xjentifika, is-soċjetà ċivili u partijiet konċernati rilevanti oħrajn b’interess fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Konferenza tal-Partijiet jistgħu jitolbu li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet u tal-korpi sussidjarji tagħha. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jipprovdu għal parteċipazzjoni bħal din u ma għandhomx ikunu ristrettivi mingħajr bżonn f’dan ir-rigward. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jipprovdu wkoll sabiex rappreżentanti bħal dawn ikollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti kollha.
Artikolu 49
Korp Xjentifiku u Tekniku
1.
Il-Korp Xjentifiku u Tekniku huwa hawnhekk stabbilit.
2.
Il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu jkun magħmul minn membri li jservu fil-kapaċità esperta tagħhom u fl-aħjar interess tal-Ftehim, innominati mill-Partijiet u eletti mill-Konferenza tal-Partijiet, bi kwalifiki idonei, b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa ta’ kompetenza esperta multidixxiplinari, inklużi kompetenza xjentifika u teknika rilevanti u kompetenza fl-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, tal-bilanċ bejn il-ġeneri u tar-rappreżentanza ġeografika ekwitabbli. It-termini ta’ referenza u l-modalitajiet għall-operat tal-Korp Xjentifiku u Tekniku, inkluż il-proċess tal-għażla tiegħu u t-termini tal-mandati tal-membri, għandhom jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel laqgħa tagħha.
3.
Il-Korp Xjentifiku u Tekniku jista’ juża pariri xierqa li joħorġu minn strumenti u minn oqfsa legali rilevanti u minn korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, kif ukoll minn xjenzati u minn esperti oħrajn, kif jista’ jkun meħtieġ.
4.
Taħt l-awtorità u taħt il-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet, u b’kont meħud tal-kompetenza esperta multidixxiplinari msemmija fil-paragrafu 2 ta’ hawn fuq, il-Korp Xjentifiku u Tekniku għandu jipprovdi parir xjentifiku u tekniku lill-Konferenza tal-Partijiet, iwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu skont dan il-Ftehim u funzjonijiet oħrajn bħal dawn li jistgħu jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet u jipprovdi rapporti lill-Konferenza tal-Partijiet dwar il-ħidma tiegħu.
Artikolu 50
Segretarjat
1.
B’dan huwa stabbilit segretarjat. Fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tagħmel arranġamenti għall-funzjonament tas-segretarjat, inkluża d-deċiżjoni dwar is-sede tiegħu.
2.
Sakemm is-segretarjat jibda bil-funzjonijiet tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz tad-Diviżjoni għall-Affarijiet tal-Oċean u għad-Dritt Marittimu tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Legali tas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu jwettaq il-funzjonijiet tas-segretarjat skont dan il-Ftehim.
3.
Is-segretarjat u l-Istat ospitanti jistgħu jikkonkludu ftehim dwar il-kwartieri ġenerali. Is-segretarjat għandu jgawdi l-kapaċità ġuridika fit-territorju tal-Istat ospitanti u jingħata tali privileġġi u immunitajiet mill-Istat ospitanti kif neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
4.
Is-segretarjat għandu:
(a)
Jipprovdi appoġġ amministrattiv u loġistiku lill-Konferenza tal-Partijiet u lill-korpi sussidjarji tagħha għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(b)
Jorganizza u jagħti servizz għal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet u ta’ kwalunkwe korp ieħor li jista’ jiġi stabbilit fil-qafas ta’ dan il-Ftehim jew mill-Konferenza tal-Partijiet;
(c)
Jiċċirkola tempestivament informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet pubblikament disponibbli u t-trażmissjoni tagħhom lill-Partijiet kollha, kif ukoll lill-istrumenti u lill-oqfsa legali rilevanti u lill-korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti;
(d)
Jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, kif xieraq, mas-segretarjat ta’ korpi internazzjonali rilevanti oħrajn u, partikolarment, jidħol f’arranġamenti amministrattivi u kuntrattwali bħal dawn li jistgħu jkunu meħtieġa għal dak l-għan u għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tiegħu, soġġett għall-approvazzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet;
(e)
Iħejji rapporti fuq l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim u jissottomettihom lill-Konferenza tal-Partijiet;
(f)
Jipprovdi assistenza fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jwettaq funzjonijiet oħrajn bħal dawn li jistgħu jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet jew assenjati lilu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 51
Mekkaniżmu ta’ Koordinament
1.
B’dan huwa stabbilit Mekkaniżmu ta’ Koordinament.
2.
Il-Mekkaniżmu ta’ Koordinament għandu jikkonsisti primarjament fi pjattaforma ta’ aċċess miftuħ. Il-modalitajiet speċifiċi għall-operat tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament għandhom jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet.
3.
Il-Mekkaniżmu ta’ Koordinament għandu:
(a)
Iservi bħala pjattaforma ċentralizzata li tippermetti lill-Partijiet jaċċessaw, jipprovdu u jiddisseminaw informazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet li jseħħu skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluża informazzjoni relatata ma’:
(i)
Riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, kif stabbilit fil-Parti II ta’ dan il-Ftehim;
(ii)
L-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi ż-żoni marini protetti;
(iii)
Valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;
(iv)
Talbiet għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina u l-opportunitajiet fir-rigward tagħhom, inklużi l-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-opportunitajiet ta’ taħriġ, informazzjoni dwar is-sorsi u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni u ta’ data teknoloġiċi għat-trasferiment tat-teknoloġija marina, opportunitajiet għal aċċess iffaċilitat għat-teknoloġija marina u d-disponibbiltà ta’ finanzjament;
(b)
Jiffaċilita t-tqabbil tal-bżonnijiet tal-bini tal-kapaċitajiet mal-appoġġ disponibbli u mal-fornituri għat-trasferiment tat-teknoloġija marina, inkluż entitajiet governattivi, mhux governattivi jew privati interessati li jipparteċipaw bħala donaturi fit-trasferiment tat-teknoloġija marina, u jiffaċilita l-aċċess għall-għarfien prattiku u kompetenza esperta relatati;
(c)
Jipprovdi rabtiet ma’ mekkaniżmi ta’ koordinament globali, reġjonali, subreġjonali, nazzjonali u settorjali rilevanti u ma’ banek tal-ġeni, ma’ repożitorji u ma’ bażijiet tad-data oħrajn, inklużi dawk li jappartjenu għall-għarfien tradizzjonali rilevanti tal-Popli Indiġeni u tal-komunitajiet lokali, u jippromwovi, fejn possibbli, rabtiet ma’ pjattaformi privati u mhux governattivi disponibbli għall-pubbliku għall-iskambju ta’ informazzjoni;
(d)
Jibni fuq istituzzjonijiet globali, reġjonali u sottoreġjonali ta’ koordinament, fejn applikabbli, meta jiġu stabbiliti mekkaniżmi reġjonali u subreġjonali taħt il-mekkaniżmu globali;
(e)
Irawwem trasparenza msaħħa, inkluż billi jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data u informazzjoni tax-xenarju ta’ referenza ambjentali relatati mal-konservazzjoni u mal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali bejn il-Partijiet u partijiet konċernati rilevanti oħrajn;
(f)
Jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni internazzjonali, inklużi l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni xjentifiċi u tekniċi;
(g)
Iwettaq funzjonijiet oħrajn tali li jistgħu jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet jew assenjati lilu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.
4.
Il-Mekkaniżmu ta’ Koordinament għandu jkun ġestit mis-segretarjat, mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni possibbli ma’ strumenti u ma’ oqfsa legali rilevanti oħrajn u ma’ korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti kif iddeterminat mill-Konferenza tal-Partijiet, inklużi l-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura, l-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.
5.
Fil-ġestjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinament, għandu jingħata rikonoxximent sħiħ għar-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, kif ukoll liċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati Partijiet gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, u l-aċċess tagħhom għall-mekkaniżmu għandu jiġi ffaċilitat sabiex dawk l-Istati jkunu jistgħu jużawh mingħajr ostakli jew piżijiet amministrattivi bla bżonn. Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar attivitajiet għall-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, għas-sensibilizzazzjoni dwar l-informazzjoni u għad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni f’dawk l-Istati u magħhom, kif ukoll għall-provvista ta’ programmi speċifiċi għal dawk l-Istati.
6.
Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta skont dan il-Ftehim u d-drittijiet għaliha għandhom jiġu rrispettati. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni li hija protetta mid-divulgazzjoni skont id-dritt domestiku ta’ Parti jew dritt applikabbli ieħor.
PARTI VII
RIŻORSI U MEKKANIŻMU FINANZJARJI
Artikolu 52
Finanzjament
1.
Kull Parti għandha tipprovdi, skont il-kapaċitajiet tagħha, riżorsi fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet li huma maħsubin sabiex jilħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, filwaqt li tqis il-politiki, il-prijoritajiet, il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħha.
2.
L-istituzzjonijiet stabbiliti skont dan il-Ftehim għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet ivvalutati tal-Partijiet.
3.
B’dan qed jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-forniment ta’ riżorsi finanzjarji adegwati, aċċessibbli, ġodda u addizzjonali u prevedibbli skont dan il-Ftehim. Il-mekkaniżmu għandu jassisti lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż permezz ta’ finanzjament b’appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina, u jwettaq funzjonijiet oħrajn kif stabbilit f’dan l-artikolu għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina.
4.
Il-mekkaniżmu għandu jinkludi:
(a)
Fond fiduċjarju volontarju stabbilit mill-Konferenza tal-Partijiet sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ Stati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw u Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, fil-laqgħat tal-korpi stabbiliti fil-qafas ta’ dan il-Ftehim;
(b)
Fond speċjali li għandu jiġi ffinanzjat permezz tas-sorsi li ġejjin:
(i)
Kontribuzzjonijiet annwali f’konformità mal-artikolu 14, il-paragrafu 6;
(ii)
Pagamenti f’konformità mal-artikolu 14, il-paragrafu 7;
(iii)
Kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Partijiet u minn entitajiet privati li jixtiequ jipprovdu riżorsi finanzjarji sabiex jappoġġaw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(c)
Il-fond fiduċjarju tal-Fond għall-Ambjent Dinji.
5.
Il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tikkunsidra l-possibbiltà li jiġu stabbiliti fondi addizzjonali, bħala parti mill-mekkaniżmu finanzjarju, sabiex jiġu appoġġati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, sabiex jiġu ffinanzjati r-riabilitazzjoni u r-restawr ekoloġiku tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
6.
Il-fond speċjali u l-fond fiduċjarju tal-Fond għall-Ambjent Dinji għandhom jintużaw sabiex:
(a)
Jiffinanzjaw proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet skont dan il-Ftehim, inklużi proġetti effettivi dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u l-attivitajiet u l-programmi tal-baħar, inkluż taħriġ relatat mat-trasferiment tat-teknoloġija marina;
(b)
Jassistu lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
(c)
Jappoġġaw programmi ta’ konservazzjoni u ta’ użu sostenibbli minn Popli Indiġeni u minn komunitajiet lokali bħala detenturi ta’ għarfien tradizzjonali;
(d)
Jappoġġaw konsultazzjonijiet pubbliċi fil-livelli nazzjonali, subreġjonali u reġjonali;
(e)
Jiffinanzjaw it-twettiq ta’ kwalunkwe attività oħra kif deċiż mill-Konferenza tal-Partijiet.
7.
Il-mekkaniżmu finanzjarju għandu jfittex li jiżgura li tiġi evitata d-duplikazzjoni, u li jiġu promossi l-komplementarjetà u l-koerenza, fost l-utilizzazzjoni tal-fondi fi ħdan il-mekkaniżmu.
8.
Ir-riżorsi finanzjarji mobilizzati b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim jistgħu jinkludu finanzjament ipprovdut permezz ta’ sorsi pubbliċi u privati, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, inklużi, iżda mhux limitati għal, kontribuzzjonijiet mill-Istati, minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, minn mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti fil-qafas ta’ strumenti globali u reġjonali, minn aġenziji donaturi, minn organizzazzjonijiet intergovernattivi, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, u permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati.
9.
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-mekkaniżmu għandu jiffunzjona taħt l-awtorità, fejn xieraq, u taħt il-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet u għandu jkun responsabbli quddiemha. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tipprovdi gwida dwar l-istrateġiji globali, il-politiki, il-prijoritajiet tal-programmi u l-eliġibbiltà għall-aċċess għar-riżorsi finanzjarji u għall-utilizzazzjoni tagħhom.
10.
Il-Konferenza tal-Partijiet u l-Fond għall-Ambjent Dinji għandhom jiftiehmu dwar l-arranġamenti sabiex jagħtu effett lill-paragrafi ta’ hawn fuq fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.
11.
B’rikonoxximent tal-urġenza li jiġu indirizzati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddetermina għan inizjali ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi sal-2030 għall-fond speċjali mis-sorsi kollha, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-modalitajiet istituzzjonali tal-fond speċjali u l-informazzjoni pprovduta permezz tal-kumitat għall-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina.
12.
L-eliġibbiltà għall-aċċess għall-finanzjament skont dan il-Ftehim għandha tkun miftuħa għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw skont il-bżonn. Il-finanzjament taħt il-fond speċjali għandu jitqassam skont kriterji ta’ kondiviżjoni ekwitabbli, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet għall-assistenza tal-Partijiet b’rekwiżiti speċjali, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw, l-Istati ġeografikament żvantaġġati, l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u l-Istati Afrikani kostali, l-Istati arċipelaġiċi u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’introjtu medju, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati. Il-fond speċjali għandu jkollu l-għan li jiżgura aċċess effiċjenti għall-finanzjament permezz ta’ proċeduri simplifikati ta’ applikazzjoni u ta’ approvazzjoni u prontezza mtejba tal-appoġġ għal tali Stati Partijiet li qed jiżviluppaw.
13.
Fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-kapaċità, il-Partijiet għandhom iħeġġu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jagħtu trattament preferenzjali lil, u jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi u r-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-pajjiżi mingħajr kosta li qed jiżviluppaw u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, fl-allokazzjoni ta’ fondi u ta’ assistenza teknika xierqa u l-utilizzazzjoni tas-servizzi speċjalizzati tagħhom għall-finijiet tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali.
14.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tistabbilixxi kumitat finanzjarju dwar ir-riżorsi finanzjarji. Għandu jkun magħmul minn membri li jkollhom kwalifiki u kompetenza esperta xierqa, filwaqt li jitqiesu l-bilanċ bejn il-ġeneri u d-distribuzzjoni ġeografika ekwitabbli. It-termini ta’ referenza u l-modalitajiet għall-operat tal-kumitat għandhom jiġu deċiżi mill-Konferenza tal-Partijiet. Il-kumitat għandu jirrapporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet perjodikament dwar l-identifikazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-fondi fil-qafas tal-mekkaniżmu. Għandu jiġbor ukoll informazzjoni u jirrapporta dwar il-finanzjament taħt mekkaniżmi u taħt strumenti oħrajn li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għall-kisba tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Minbarra l-kunsiderazzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, il-kumitat għandu jikkunsidra, fost l-oħrajn:
(a)
Il-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-Partijiet, partikolarment tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw;
(b)
Id-disponibbiltà u l-iżborż tempestiv tal-fondi;
(c)
It-trasparenza tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ ġestjoni dwar il-ġbir tal-fondi u l-allokazzjonijiet;
(d)
Ir-responsabbiltà tal-Istati Partijiet riċeventi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-użu miftiehem tal-fondi.
15.
Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tikkunsidra r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat finanzjarju u tieħu azzjoni xierqa.
16.
Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet għandha twettaq rieżami perjodiku tal-mekkaniżmu finanzjarju sabiex tivvaluta l-adegwatezza, l-effettività u l-aċċessibbiltà tar-riżorsi finanzjarji, inkluż għat-twettiq tal-bini tal-kapaċitajiet u għat-trasferiment tat-teknoloġija marina, partikolarment għall-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw.
PARTI VIII
IMPLIMENTAZZJONI U KONFORMITÀ
Artikolu 53
Implimentazzjoni
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika neċessarji, kif xieraq, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 54
Monitoraġġ tal-implimentazzjoni
Kull Parti għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim u għandha, f’format u f’intervalli li għandhom jiġu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet, tirrapporta lill-Konferenza dwar miżuri li tkun ħadet sabiex timplimenta dan il-Ftehim.
Artikolu 55
Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità
1.
B’dan qed jiġi stabbilit Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità sabiex jiffaċilita u jqis l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u jippromwovi l-konformità magħhom. Il-Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità għandu jkun ta’ natura faċilitattiva u jiffunzjona b’mod li jkun trasparenti, u ma jkunx avversarju u punittiv.
2.
Il-Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità għandu jikkonsisti f’membri li għandhom kwalifiki u esperjenza xierqa nnominati mill-Partijiet u eletti mill-Konferenza tal-Partijiet, filwaqt li jitqiesu l-bilanċ bejn il-ġeneri u rappreżentazzjoni ġeografika ekwitabbli.
3.
Il-Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità għandu jopera skont il-modalitajiet u r-regoli ta’ proċedura adottati mill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel laqgħa tagħha. Il-Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità għandu jqis kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u ta’ konformità fil-livelli individwali u sistemiċi, fost l-oħrajn, u jirrapporta perjodikament u jagħmel rakkomandazzjonijiet, kif xieraq filwaqt li jkun konxju taċ-ċirkostanzi nazzjonali rispettivi, lill-Konferenza tal-Partijiet.
4.
Matul il-ħidma tiegħu, il-Kumitat ta’ Implimentazzjoni u Konformità jista’ juża informazzjoni xierqa mingħand il-korpi stabbiliti fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll minn strumenti u minn oqfsa legali rilevanti u minn korpi globali, reġjonali, subreġjonali u settorjali rilevanti, skont kif jista’ jkun meħtieġ.
PARTI IX
SOLUZZJONI TA’ TILWIM
Artikolu 56
Prevenzjoni ta’ tilwim
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jipprevjenu t-tilwim.
Artikolu 57
Obbligazzjoni sabiex it-tilwim jissolva permezz ta’ mezzi bonarji
Il-Partijiet għandhom l-obbligu li jsolvu t-tilwim tagħhom dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ negozjar, domandi, medjazzjoni, konċiljazzjoni, arbitraġġ, soluzzjoni ġudizzjarja, rikors għal aġenziji jew għal arranġamenti reġjonali, jew mezzi bonarji oħrajn tal-għażla tagħhom stess.
Artikolu 58
Soluzzjoni tat-tilwim bi kwalunkwe mezz bonarju magħżul mill-Partijiet
Xejn f’din il-Parti ma jxekkel id-dritt ta’ kwalunkwe Parti għal dan il-Ftehim li taqbel fi kwalunkwe ħin li ssolvi tilwima bejniethom dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim bi kwalunkwe mezz bonarju tal-għażla tagħha stess.
Artikolu 59
Tilwim ta’ natura teknika
Fejn it-tilwim jikkonċerna materja ta’ natura teknika, il-Partijiet konċernati jistgħu jirreferu t-tilwima lil grupp ta’ esperti ad hoc stabbilit minnhom. Il-grupp għandu jikkonferixxi mal-Partijiet konċernati u għandu jimpenja ruħu li jsolvi t-tilwim malajr kemm jista’ jkun mingħajr ma jsir rikors għall-proċeduri vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-artikolu 60 ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 60
Proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim
1.
Tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut f’konformità mad-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim previsti fil-Parti XV tal-Konvenzjoni.
2.
Id-dispożizzjonijiet tal-Parti XV tal-Konvenzjoni u l-Annessi V, VI, VII u VIII tagħha għandhom jitqiesu bħala replikati għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwim li jinvolvi Parti għal dan il-Ftehim li ma tkunx Parti għall-Konvenzjoni.
3.
Kwalunkwe proċedura aċċettata minn Parti għal dan il-Ftehim li tkun ukoll Parti għall-Konvenzjoni skont l-artikolu 287 tal-Konvenzjoni għandha tapplika għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qafas ta’ din il-Parti, sakemm dik il-Parti, meta tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taderixxi ma’ dan il-Ftehim, jew f’xi ħin wara, tkun aċċettat proċedura oħra skont l-artikolu 287 tal-Konvenzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim skont din il-Parti.
4.
Kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula minn Parti għal dan il-Ftehim li tkun ukoll Parti għall-Konvenzjoni skont l-artikolu 298 tal-Konvenzjoni għandha tapplika għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qafas ta’ din il-Parti, sakemm dik il-Parti, meta tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taderixxi ma’ dan il-Ftehim, jew f’xi ħin wara, tkun għamlet dikjarazzjoni differenti skont l-artikolu 298 tal-Konvenzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim skont din il-Parti.
5.
Skont il-paragrafu 2 ta’ hawn fuq, Parti għal dan il-Ftehim li ma tkunx Parti għall-Konvenzjoni, meta tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taderixxi ma’ dan il-Ftehim, jew fi kwalunkwe ħin wara, għandha tkun libera li tagħżel, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub sottomessa lid-depożitarju, mezz wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin għas-soluzzjoni tat-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim:
(a)
It-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar;
(b)
Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;
(c)
Tribunal tal-arbitraġġ tal-Anness VII;
(d)
Tribunal speċjali tal-arbitraġġ tal-Anness VIII għal waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ tilwim speċifikati fit-tali Anness.
6.
Parti għal dan il-Ftehim li ma tkunx Parti għall-Konvenzjoni li ma tkunx ħarġet dikjarazzjoni għandha titqies li aċċettat l-opzjoni fil-paragrafu 5(c) aktar ’il fuq. Jekk il-partijiet f’tilwima jkunu aċċettaw l-istess proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima, din tista’ tiġi sottomessa biss għal dik il-proċedura, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor. Jekk il-partijiet f’tilwima ma jkunux aċċettaw l-istess proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima, din tista’ tiġi sottomessa biss għall-arbitraġġ skont l-Anness VII tal-Konvenzjoni, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor. L-Artikolu 287, il-paragrafi 6 sa 8, tal-Konvenzjoni għandu japplika għad-dikjarazzjonijiet magħmulin skont il-paragrafu 5 aktar ’il fuq.
7.
Parti għal dan il-Ftehim li ma tkunx Parti għall-Konvenzjoni tista’, meta tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taderixxi ma’ dan il-Ftehim, jew fi kwalunkwe ħin wara, mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw fil-qafas ta’ din il-Parti, tiddikjara bil-miktub li ma taċċettax waħda jew aktar mill-proċeduri previsti fil-Parti XV, it-taqsima 2, tal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ tilwim stabbiliti fl-artikolu 298 tal-Konvenzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim skont din il-Parti. L-Artikolu 298 tal-Konvenzjoni għandu japplika għal dikjarazzjoni bħal din.
8.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-proċeduri dwar is-soluzzjoni tat-tilwim li għalihom il-Partijiet qablu bħala parteċipanti fi strument jew f’qafas legali rilevanti, jew bħala membri ta’ korp globali, reġjonali, subreġjonali jew settorjali rilevanti dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ tali strumenti u oqfsa.
9.
Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jagħti ġuriżdizzjoni lil qorti jew lil tribunal fuq kwalunkwe tilwim li jikkonċerna jew li jinvolvi neċessarjament il-kunsiderazzjoni konkorrenti tal-istatus ġuridiku ta’ żona bħala fi ħdan il-ġuriżdizzjoni nazzjonali, u lanqas fuq xi tilwim dwar is-sovranità jew drittijiet oħrajn fuq it-territorju kontinentali jew insulari fuq l-art jew rivendikazzjoni għal dan ta’ Parti għal dan il-Ftehim, billi xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jiġi interpretat bħala li jillimita l-ġuriżdizzjoni ta’ qorti jew ta’ tribunal skont il-Parti XV, it-taqsima 2, tal-Konvenzjoni.
10.
Sabiex jiġi evitat id-dubju, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi invokat bħala bażi għall-affermazzjoni jew għan-negazzjoni ta’ kwalunkwe rivendikazzjoni ta’ sovranità, ta’ drittijiet sovrani jew ta’ ġuriżdizzjoni fuq żoni fuq l-art jew marittimi, inkluż inkwantu kwalunkwe tilwim relatat magħha.
Artikolu 61
Arranġamenti proviżorji
Sakemm isibu soluzzjoni għal tilwima f’konformità ma’ din il-Parti, il-partijiet għat-tilwima għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jidħlu f’arranġamenti proviżorji ta’ natura prattika.
PARTI X
NON-PARTI GĦAL DAN IL-FTEHIM
Artikolu 62
Non-Partijiet għal dan il-Ftehim
Il-Partijiet għandhom iħeġġu lil dawk li ma humiex parti għal dan il-Ftehim sabiex isiru Partijiet għalih u jadottaw liġijiet u regolamenti konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu.
PARTI XI
BONA FIDE U ABBUŻ TAD-DRITTIJIET
Artikolu 63
Bona fide u abbuż tad-drittijiet
Il-Partijiet għandhom iwettqu bona fide l-obbligi li jkunu daħlu għalihom fil-qafas ta’ dan il-Ftehim u għandhom jeżerċitaw id-drittijiet rikonoxxuti fih b’mod li ma jikkostitwixxix abbuż tad-dritt.
PARTI XII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 64
Dritt għall-vot
1.
Kull Parti għal dan il-Ftehim għandu jkollha vot wieħed, ħlief kif previst fil-paragrafu 2 hawn taħt.
2.
Organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li hija Parti għal dan il-Ftehim għandha, f’materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, teżerċita d-dritt tagħha li tivvota b’numru ta’ voti ugwali għan-numru ta’ Stati membri tagħha li huma Partijiet għal dan il-Ftehim. Tali organizzazzjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota, u viċi versa.
Artikolu 65
Firma
Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Istati kollha u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika minn [daħħal id-data] u għandu jibqa’ miftuħ għall-iffirmar fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sa [daħħal id-data].
Artikolu 66
Ratifika, approvazzjoni, aċċettazzjoni u adeżjoni
Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, għal approvazzjoni jew għal aċċettazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika. Għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika minn dak il-jum wara d-data li fiha l-Ftehim jingħalaq għall-iffirmar. L-istrumenti tar-ratifika, tal-approvazzjoni, tal-aċċettazzjoni u tal-adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 67
Diviżjoni tal-kompetenza tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika u tal-Istati membri tagħhom fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati b’dan il-Ftehim
1.
Kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li ssir Parti għal dan il-Ftehim mingħajr ma wieħed mill-Istati membri tagħha ma jkun Parti għandha tkun marbuta bl-obbligi kollha fil-qafas ta’ dan il-Ftehim. Fil-każ ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li jkollhom wieħed jew aktar mill-Istati membri tagħhom Parti għal dan il-Ftehim, l-organizzazzjoni u l-Istati membri tagħha għandhom jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi fil-qadi tal-obbligi tagħhom fil-qafas ta’ dan il-Ftehim. F’dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati membri ma għandhomx ikunu intitolati jeżerċitaw id-drittijiet fil-qafas ta’ dan il-Ftehim fl-istess waqt.
2.
Fl-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni, aċċettazzjoni jew adeżjoni, l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandha tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-materji regolati b’dan il-Ftehim. Kwalunkwe organizzazzjoni bħal din għandha tinforma lid-depożitarju, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-Partijiet dwar kwalunkwe modifika rilevanti fl-estent tal-kompetenza tiegħu.
Artikolu 68
Dħul fis-seħħ
1.
Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 120 jum wara d-data tad-depożitu tas-sittin strument ta’ ratifika, approvazzjoni, aċċettazzjoni jew adeżjoni.
2.
Għal kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li tirratifika, tapprova jew taċċetta dan il-Ftehim jew taderixxi miegħu wara d-depożitu tas-sittin strument ta’ ratifika, approvazzjoni, aċċettazzjoni jew adeżjoni, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-depożitu tal-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ approvazzjoni, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ adeżjoni, soġġetta għall-paragrafu 1 aktar ’il fuq.
3.
Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 aktar ’il fuq, kwalunkwe strument depożitat minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali ma’ dawk depożitati mill-Istati membri ta’ dik l-organizzazzjoni.
Artikolu 69
Applikazzjoni proviżorja
1.
Dan il-Ftehim jista’ jiġi applikat proviżorjament minn Stat jew minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li tagħti l-kunsens tagħha għall-applikazzjoni proviżorja billi tinnotifika lid-depożitarju bil-miktub fil-ħin tal-iffirmar jew tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, approvazzjoni, aċċettazzjoni jew adeżjoni tagħha. Applikazzjoni proviżorja bħal din għandha ssir effettiva mid-data meta n-notifika tiġi riċevuta mid-depożitarju.
2.
L-applikazzjoni proviżorja minn Stat jew minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika għandha tintemm mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għal dak l-Istat jew l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika jew man-notifika bil-miktub minn dak l-Istat jew l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika lid-depożitarju tal-intenzjoni tagħha li ttemm l-applikazzjoni proviżorja.
Artikolu 70
Riżervi u eċċezzjonijiet
Ma tista’ ssir l-ebda riżerva jew eċċezzjoni għal dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx permess espliċitament minn artikoli oħrajn ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 71
Dikjarazzjonijiet u stqarrijiet
L-Artikolu 70 ma jipprekludix lil Stat jew lil organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, meta tiffirma, tirratifika, tapprova, taċċetta jew taċċedi ma’ dan il-Ftehim, milli tagħmel dikjarazzjonijiet jew stqarrijiet, irrispettivament minn kif ikunu ifformulati jew imsemmijin, bl-għan, fost l-oħrajn, li tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, dment li dikjarazzjonijiet jew stqarrijiet bħal dawn ma jkollhomx l-għan li jeskludu jew li jimmodifikaw l-effett legali tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fl-applikazzjoni tagħhom għal dak l-Istat jew dik l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika.
Artikolu 72
Emenda
1.
Permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub indirizzata lis-segretarjat, Parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-Ftehim. Is-segretarjat għandu jiċċirkola komunikazzjoni bħal din lill-Partijiet kollha. Jekk, fi żmien sitt xhur mid-data taċ-ċirkolazzjoni tal-komunikazzjoni, mhux anqas minn nofs il-Partijiet iwieġbu favorevolment għat-talba, l-emenda proposta għandha tiġi kkunsidrata fil-laqgħa li ġejja tal-Konferenza tal-Partijiet.
2.
Emenda għal dan il-Ftehim adottata f’konformità mal-artikolu 47 għandha tiġi kkomunikata mid-depożitarju lill-Partijiet kollha għar-ratifika, l-approvazzjoni jew l-aċċettazzjoni.
3.
L-emendi għal dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet li jirratifikawhom, japprovawhom jew jaċċettawhom fit-tletin jum wara d-depożitu tal-istrumenti ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni minn żewġ terzi tan-numru ta’ Partijiet għal dan il-Ftehim fi żmien l-adozzjoni tal-emenda. Minn hemm ’il quddiem, għal kull Parti li tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta’ emenda wara d-depożitu tan-numru meħtieġ ta’ tali strumenti, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-depożitu tal-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.
4.
Emenda tista’ tipprovdi, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, li numru iżgħar jew akbar ta’ ratifiki, approvazzjonijiet jew aċċettazzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha milli meħtieġ skont dan l-artikolu.
5.
Għall-finijiet tal-paragrafi 3 u 4 aktar ’il fuq, kwalunkwe strument depożitat minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali ma’ dawk depożitati mill-Istati membri ta’ dik l-organizzazzjoni.
6.
Stat jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li ssir Parti għal dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ hawn fuq għandha, fin-nuqqas ta’ espressjoni ta’ intenzjoni differenti minn dak l-Istat jew l-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika:
(a)
Titqies bħala Parti għal dan il-Ftehim hekk kif emendat;
(b)
Titqies bħala Parti għall-Ftehim mhux emendat fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti li ma hijiex marbuta bl-emenda.
Artikolu 73
Denunzja
1.
Parti tista’, b’notifika bil-miktub inidirizzata lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tiddenunzja dan il-Ftehim u tista’ tindika r-raġunijiet tagħha. Nuqqas li wieħed jindika raġunijiet ma għandux jaffettwa l-validità tad-denunzja. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ sena wara d-data tar-riċevuta tan-notifika, sakemm in-notifika ma tispeċifikax data aktar tard.
2.
Id-denunzja bl-ebda mod ma għandha taffettwa l-obbligu ta’ xi Parti li tissodisfa xi obbligu misjub f’dan il-Ftehim li għalih tkun soġġetta fil-qafas tad-dritt internazzjonali independentement minn dan il-Ftehim.
Artikolu 74
Annessi
1.
L-Annessi jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim u, sakemm ma jkunx espressament stipulat mod ieħor, referenza għal dan il-Ftehim jew għal waħda mill-partijiet tiegħu tinkludi referenza għall-annessi relatati miegħu.
2.
Id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 72 relatati mal-emenda ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw ukoll għall-proposta, għall-adozzjoni u għad-dħul fis-seħħ ta’ anness ġdid għall-Ftehim.
3.
Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emenda għal kwalunkwe anness għal dan il-Ftehim sabiex tiġi kkunsidrata fil-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet. L-annessi jistgħu jiġu emendati mill-Konferenza tal-Partijiet. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 72, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward tal-emendi għall-annessi ta’ dan il-Ftehim:
(a)
It-test tal-emenda proposta għandu jkun ikkomunikat lis-segretarjat tal-anqas 150 jum qabel il-laqgħa. Is-segretarjat għandu, malli jirċievi t-test tal-emenda proposta, jikkomunikaha lill-Partijiet. Is-segretarjat għandu jikkonsulta lill-korpi sussidjarji rilevanti, kif meħtieġ, u għandu jikkomunika kwalunkwe tweġiba lill-Partijiet kollha mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa;
(b)
L-emendi adottati waqt laqgħa għandhom jidħlu fis-seħħ 180 jum wara l-għeluq ta’ dik il-laqgħa għall-Partijiet kollha, ħlief għal dawk li jkunu għamlu oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ hawn taħt.
4.
Matul il-perjodu ta’ 180 jum previst fil-paragrafu 3(b) hawn fuq, kwalunkwe Parti tista’, permezz ta’ notifika bil-miktub lid-depożitarju, tagħmel oġġezzjoni fir-rigward tal-emenda. Oġġezzjoni bħal din tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika bil-miktub lid-depożitarju, u wara dan, l-emenda għall-anness għandha tidħol fis-seħħ għal dik il-Parti fit-tletin jum wara d-data tal-irtirar tal-oġġezzjoni.
Artikolu 75
Depożitorju
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun id-depożitarju ta’ dan il-Ftehim u ta’ kwalunkwe emenda jew reviżjoni relatata miegħu.
Artikolu 76
Testi awtentiċi
It-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol ta’ dan il-Ftehim huma lkoll ugwalment awtentiċi.
ANNESS I
Kriterji indikattivi għall-identifikazzjoni taż-żoni
(a)
Uniċità;
(b)
Rarità;
(c)
Importanza speċjali għall-istadji tal-istorja tal-ħajja tal-ispeċijiet;
(d)
Importanza speċjali tal-ispeċijiet li jinsabu hemmhekk;
(e)
Importanza għal speċijiet jew għal abitati mheddin, periklolati jew li qed jonqsu;
(f)
Vulnerabbiltà, inkluż għat-tibdil klimatiku u għall-aċidifikazzjoni tal-oċeani;
(g)
Fraġilità;
(h)
Sensittività;
(i)
Diversità u produttività bijoloġiċi;
(j)
Rappreżentattività;
(k)
Dipendenza;
(l)
Naturalezza;
(m)
Konnettività ekoloġika;
(n)
Proċessi ekoloġiċi importanti li jseħħu hemmhekk;
(o)
Fatturi ekonomiċi u soċjali;
(p)
Fatturi kulturali;
(q)
Impatti kumulattivi u transkonfinali;
(r)
Rkupru u reżiljenza bil-mod;
(s)
Adegwatezza u vijabbiltà;
(t)
Replikazzjoni;
(u)
Sostenibbiltà tar-riproduzzjoni;
(v)
Eżistenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.
ANNESS II
Tipi ta’ bini tal-kapaċitajiet u tat-trasferiment tat-teknoloġija marina
Skont dan il-Ftehim, il-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferiment ta’ inizjattivi tat-teknoloġija marina jistgħu jinkludu iżda ma humiex limitati għal dawn:
(a)
Il-kondiviżjoni tad-data, tal-informazzjoni, tal-għarfien u tar-riċerka rilevanti, f’formati faċli għall-utent, inklużi:
(i)
Il-kondiviżjoni tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku marin;
(ii)
L-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(iii)
Il-kondiviżjoni tar-riżultati ta’ riċerka u ta’ żvilupp;
(b)
Id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, inkluż inkwantu ta’:
(i)
Riċerka xjentifika marina, xjenzi marini u operazzjonijiet u servizzi marini relatati;
(ii)
Informazzjoni ambjentali u bijoloġika miġbura permezz ta’ riċerka mwettqa f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali;
(iii)
Għarfien tradizzjonali rilevanti f’konformità mal-kunsens liberu, minn qabel u informat tad-detenturi ta’ tali għarfien;
(iv)
Stressuri fuq l-oċean li jaffettwaw il-bijodiversità marina ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, inklużi l-effetti avversi tat-tibdil klimatiku, bħat-tisħin u d-deossiġenazzjoni tal-oċeani, kif ukoll l-aċidifikazzjoni tal-oċeani;
(v)
Miżuri bħal strumenti ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti;
(vi)
Valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;
(c)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-infrastruttura rilevanti, inkluż it-tagħmir, bħal:
(i)
L-iżvilupp u l-istabbiliment tal-infrastruttura neċessarja;
(ii)
Il-forniment ta’ teknoloġija, inkluż it-tagħmir tal-kampjunar u tal-metodoloġija (eż., għall-kampjuni akwatiċi, ġeoloġiċi, bijoloġiċi jew kimiċi);
(iii)
L-akkwist tat-tagħmir neċessarju sabiex jiġu appoġġati u żviluppati aktar il-kapaċitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp, inkluż fil-ġestjoni tad-data, fil-kuntest ta’ attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marini u informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar ir-riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, miżuri bħal għodod ta’ ġestjoni abbażi taż-żona, inklużi żoni marini protetti, u t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;
(d)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u ta’ oqfsa jew ta’ mekkaniżmi regolatorji nazzjonali, inklużi:
(i)
L-oqfsa u l-mekkaniżmi ta’ governanza, ta’ politika u legali;
(ii)
Assistenza fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew ta’ politika nazzjonali, inklużi rekwiżiti regolatorji, xjentifiċi u tekniċi assoċjati fil-livell nazzjonali, subreġjonali jew reġjonali;
(iii)
Appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluż għall-monitoraġġ u għar-rapportar tad-data;
(iv)
Il-kapaċità li l-informazzjoni u d-data jiġu tradotti f’politiki effettivi u effiċjenti, inkluż billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għarfien neċessarju u l-akkwist tiegħu sabiex jiġu informati dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw;
(v)
L-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-organizzazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali rilevanti;
(vi)
L-istabbiliment ta’ ċentri xjentifiċi nazzjonali u reġjonali, inkluż bħala repożitorji tad-data;
(vii)
L-iżvilupp ta’ ċentri reġjonali ta’ eċċellenza;
(viii)
L-iżvilupp ta’ ċentri reġjonali għall-iżvilupp tal-ħiliet;
(ix)
Iż-żieda tar-rabtiet kooperattivi bejn l-istituzzjonijiet reġjonali, pereżempju, il-kollaborazzjoni Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar u l-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-ibħra reġjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;
(e)
L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riżorsi tal-ġestjoni umana u finanzjarja u tal-kompetenza esperta teknika permezz ta’ skambji, kollaborazzjoni fir-riċerka, appoġġ tekniku, edukazzjoni u taħriġ u t-trasferiment tat-teknoloġija marina, bħal:
(i)
Kollaborazzjoni u kooperazzjoni fix-xjenza marina, inkluż permezz tal-ġbir tad-data, l-iskambju tekniku, proġetti u programmi ta’ riċerka xjentifika, u l-iżvilupp ta’ proġetti konġunti ta’ riċerka xjentifika f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet fl-Istati li qed jiżviluppaw;
(ii)
Edukazzjoni u taħriġ f’dawn:
a.
Ix-xjenzi naturali u soċjali, kemm bażiċi kif ukoll applikati, sabiex tiġi żviluppata kapaċità xjentifika u ta’ riċerka;
b.
Teknoloġija, u applikazzjoni tax-xjenza u teknoloġija marini, sabiex jiġu żviluppati kapaċitajiet xjentifiċi u ta’ riċerka;
c.
Politika u governanza;
d.
Ir-rilevanza u l-applikazzjoni tal-għarfien tradizzjonali;
(iii)
L-iskambju ta’ esperti, inklużi esperti dwar l-għarfien tradizzjonali;
(iv)
Il-provvista ta’ finanzjament għall-iżvilupp ta’ riżorsi umani u ta’ kompetenza esperta teknika, inkluż permezz ta’ dawn:
a.
Il-provvista ta’ boroż ta’ studju jew ta’ għotjiet oħrajn għal rappreżentanti ta’ Stati Partijiet gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw f’workshops, fi programmi ta’ taħriġ jew fi programmi rilevanti oħrajn sabiex jiżviluppaw il-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom;
b.
Il-provvista ta’ kompetenza esperta u riżorsi finanzjarji u tekniċi, partikolarment għal Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, dwar valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;
(v)
L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ networking fost ir-riżorsi umani mħarrġin;
(f)
L-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ manwali, ta’ linji gwida u ta’ standards, inklużi:
(i)
Kriterji u materjali ta’ referenza;
(ii)
Standards u regoli tat-teknoloġija;
(iii)
Repożitorju għall-manwali u għall-informazzjoni rilevanti sabiex jiġu kondiviżi l-għarfien u l-kapaċità dwar kif għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, it-tagħlimiet meħudin u l-aħjar prattiki;
(g)
L-iżvilupp ta’ programmi tekniċi, xjentifiċi u ta’ riċerka u ta’ żvilupp, inklużi attivitajiet ta’ riċerka bijoteknoloġika.