Brussell, 20.6.2023

COM(2023) 328 final

2023/0192(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tagħti s-setgħa lir-Repubblika Franċiża biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi Ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kollegament Fiss tal-Kanal huwa kollegament ferrovjarju uniku li jinvolvi struttura ta’ inġinerija waħdanija u kumplessa li tinsab parzjalment fit-territorju tar-Repubblika Franċiża u parzjalment f’pajjiż terz, jiġifieri r-Renju Unit.

Dan jirrikjedi rekwiżiti koerenti għas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja tul il-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu, kif ukoll kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza Franċiżi u Brittaniċi.

Biex jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal, fit-23 ta’ Marzu 2023, ir-Repubblika Franċiża talbet li tingħata s-setgħa li tinnegozja u tikkonkludi Ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”).

Dan il-Ftehim jittrasponi parzjalment ukoll il-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju (id-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ) għall-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża.

Għalhekk jixraq li r-Repubblika Franċiża tiġi awtorizzata li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi Ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal.

Il-Ftehim jenħtieġ li jiżgura li l-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża tkun irregolata mid-dritt tal-Unjoni, bil-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpretahom. Għalhekk f’dan il-Ftehim m’hemm xejn li jpoġġi f’dubju l-prinċipju tal-primazija tad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju tal-effett dirett jenħtieġ li jiġi rispettat ukoll, meta applikabbli. L-indipendenza tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-ferroviji u tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża jenħtieġ li tiġi żgurata.

Il-Ftehim jenħtieġ li jkun fih ukoll mekkaniżmu speċifiku li jippermetti l-emendar tiegħu f’każ ta’ bidliet tad-dritt tal-Unjoni fil-ġejjieni, b’mod partikolari tad-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798. Jenħtieġ li jinkludi wkoll l-għoti tas-setgħa għall-Kummissjoni li tippermettilha tawtorizza lir-Repubblika Franċiża temenda l-Ftehim biex tadattah f’każ ta’ emendi tat-tali Direttivi. Fir-rigward tal-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit, il-Ftehim jenħtieġ li jiżgura l-koerenza tar-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà, u b’hekk jikkontribwixxi għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal.

Fl-2020, ir-Repubblika Franċiża diġà kienet talbet l-għoti tas-setgħa tal-Unjoni biex tinnegozja Ftehim mar-Renju Unit li jiżgura l-applikazzjoni unifikata u dinamika tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, tul il-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu (inkluż il-parti li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit) sorveljat minn awtorità binazzjonali, jiġifieri l-Kummissjoni Intergovernattiva assistita mill-Awtorità tas-Sikurezza tagħha stabbilita bit-Trattat ta’ Canterbury. Ir-Repubblika Franċiża ingħatat is-setgħa li tagħmel dan permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 2 . In-negozjati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-deċiżjoni s’issa ma wasslu għall-ebda ftehim sodisfaċenti għaż-żewġ Partijiet. Għalhekk, qed jiġi propost għoti tas-setgħa alternattiv. Peress li Ftehim konkluż abbażi tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 jipprovdi mod aktar unifikat u għalhekk effiċjenti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-interoperabbiltà tul il-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu, din l-għażla jenħtieġ li ma tiġix eskluża u għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni proposta tkun mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-objettivi msemmija hawn fuq huma konsistenti kompletament mal-politika eżistenti fil-qasam tas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja, kif ukoll mad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal mhu se jirriżulta fl-ebda inkonsistenza ma’ xi politika oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikoli 2(1) u 91 tat-TFUE huma l-bażi ġuridika għal din il-proposta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Proporzjonalità

L-objettiv tal-proposta huwa li, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, jiġi awtorizzat in-negozjar ta’ Ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti għas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja tul il-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu.

Konsegwentement, id-Deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

Għażla tal-istrument

L-objettiv li jrid jintlaħaq huwa li jiġu żgurati rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà koerenti tul il-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu, inkluż il-parti li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit.

Għaldaqstant, jixraq li l-elementi tas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja jiġu inklużi fi Ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit, u għalhekk hemm il-ħtieġa li r-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa għal dan l-għan.

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill indirizzata lir-Repubblika Franċiża u li tagħtiha s-setgħa skont l-Artikolu 2(1) u 91 tat-TFUE biex tinnegozja u tikkonkludi Ftehim bħal dan mar-Renju Unit tirrappreżenta strument adegwat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni formali. Din il-proposta hija bbażata fuq talba mir-Repubblika Franċiża u l-għoti tas-setgħa propost ikun indirizzat lil dan l-Istat Membru biss.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija bbażata fuq talba mir-Repubblika Franċiża u l-għoti tas-setgħa propost ikun indirizzat lil dan l-Istat Membru biss. Dan jikkonċerna wkoll kwistjoni speċifika ħafna, limitata fil-kamp ta’ applikazjoni, jiġifieri l-koerenza tar-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà tul il-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

2023/0192 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tagħti s-setgħa lir-Repubblika Franċiża biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi Ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 4 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)It-Trattat bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Kollegament Fiss tal-Kanal, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”) stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim tal-Kollegament Fiss tal-Kanal.

(2)Minn tmiem il-perjodu tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 5 , il-maniġer tal-infrastruttura tal-Kollegament Fiss tal-Kanal u l-impriżi ferrovjarji li joperaw fil-Kollegament Fiss tal-Kanal huma soġġetti għal żewġ oqfsa legali separati fir-rigward tas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja.

(3)Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika Franċiża talbet l-għoti tas-setgħa mill-Unjoni biex tinnegozja u tikkonkludi Ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal. F’konformità mat-tali talba, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 tat is-setgħa lir-Repubblika Franċiża li tinnegozja Ftehim biex tiżgura l-applikazzjoni unifikata u dinamika tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , fil-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 stabbiliet il-kundizzjonijiet biex il-Kummissjoni Intergovernattiva tkun tista’ tkompli tissodisfa r-rwol tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli għall-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża.

(4)Peress li n-negozjati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni s’issa ma wasslu għall-ebda ftehim sodisfaċenti għaż-żewġ Partijiet, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Marzu 2023 ir-Repubblika Franċiża wriet l-intenzjoni tagħha li tinnegozja u tikkonkludi Ftehim differenti.

(5)Ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabilità ferrovjarja f’sitwazzjonijiet transfruntieri x’aktarx li jaffettwa qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa kopert mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mid-Direttivi (UE) 2016/798 9 u (UE) 2016/797, u r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għalhekk, kwalunkwe Ftehim bħal dan jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw u jikkonkludu tali Ftehim biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jagħmlu dan. Peress li l-Ftehim jikkonċerna oqsma koperti mid-dritt eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, jeħtieġ li t-tali setgħa tingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 tat-TFUE.

(6)Meta wieħed iqis il-uniċità tal-Kollegament Fiss tal-Kanal bħala kollegament ferrovjarju li jinvolvi struttura tal-inġinerija waħdanija u kumplessa li tinsab parzjalment fit-territorju tar-Repubblika Franċiża u parzjalment f’pajjiż terz, jixraq li r-Repubblika Franċiża tiġi awtorizzata li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi Ftehim internazzjonali mar-Renju Unit biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ regoli koerenti dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża, jiġifieri l-Etablissement Public de Sécurité Ferroviaire (“EPSF”) u l-awtorità tas-sikurezza nazzjonali tar-Renju Unit, jiġifieri l-Office of Rail and Road (“ORR”).

(7)Il-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża jenħtieġ li tibqa’ soġġetta għad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipji tal-primazija, u meta rilevanti, l-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni u l-kompetenzi rispettivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu salvagwardjati.

(8)It-tilwim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim jenħtieġ li ma jiġix ippreżentat lit-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury jew lil kwalunkwe mezz ieħor ta’ soluzzjoni tat-tilwim legalment vinkolanti.

(9)F’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/796, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji jenħtieġ li jibqa’ jkollha r-responsabbiltà unika għall-funzjonijiet u s-setgħat assenjati lilha u, f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-EPSF jenħtieġ li tibqa’ indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Konsegwentement, fir-rigward tal-kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim propost, ir-rwol tal-Kummissjoni Intergovernattiva u l-Awtorità tas-Sikurezza stabbiliti skont it-Trattat ta’ Canterbury jenħtieġ li jkun limitat għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-EPSF u l-ORR. L-atti regolatorji tal-Kummissjoni Intergovernattiva u tal-Awtorità tas-Sikurezza jew l-effetti tagħhom jenħtieġ li ma jaffettwawx l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EPSF, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(10)Sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat b’mod korrett f’kull ħin fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni tagħha taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’ċirkostanzi ta’ urġenza, ir-Repubblika Franċiża jenħtieġ li żżomm id-dritt li tissospendi jew ittemm unilateralment il-Ftehim.

(11)Sabiex jitqiesu l-bidliet possibbli tad-dritt tal-Unjoni fil-ġejjieni, b’mod partikolari d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi wkoll ir-regoli għall-emendar tiegħu. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża temenda l-Ftehim f’konformità mal-proċedura emendatorja stabbilita fih, sabiex tadattah għall-bidliet fid-dritt tal-Unjoni.

(12)Fid-dawl tal-iżviluppi possibbli fil-ġejjieni, dan l-għoti tas-setgħa jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħa mogħtija mill-Unjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi Ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-EPSF u l-ORR (“il-Ftehim”).

L-għoti tas-setgħa huwa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.Fir-rigward tal-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, il-Ftehim għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)Il-Ftehim għandu jkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett. Il-prinċipji tal-primazija u, meta applikabbli, l-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu żgurati.

(b)It-tilwim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim ma għandux jiġi ppreżentat lit-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury jew lil kwalunkwe mezz ieħor ta’ soluzzjoni tat-tilwim legalment vinkolanti.

(c)Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm id-dritt li tissospendi jew tiddenunzja unilateralment il-Ftehim, bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni kompleta, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

(d)Il-Ftehim għandu jipprevedi mekkaniżmu għall-emendar tiegħu, sabiex jiġi adattat għall-bidliet fid-dritt tal-Unjoni.

(e)L-indipendenza u s-setgħat rispettivi mogħtija bid-dritt tal-Unjoni lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-EPSF, bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/798, għandhom jiġu żgurati. B’mod partikolari,

l-atti tal-ORR għandhom jiġu rikonoxxuti għall-finijiet tal-Ftehim fi kwistjonijiet b’rabta ma’ Ftehim preċedenti li jkun ġie konkluż skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2012/34/UE 10 .

L-ekwivalenza tal-atti tal-ORR għandha tiġi rikonoxxuta biss meta dan ikun previst mill-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF).

Fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, il-kompiti u s-setgħat tal-Kummissjoni Intergovernattiva u tal-Awtorità tas-Sikurezza stabbiliti mit-Trattat ta’ Canterbury ma għandhomx jaffettwaw l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EPSF, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata b’mod regolari dwar in-negozjati mar-Renju Unit rigward il-Ftehim u, fejn ikun xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur.

Meta jitlestew in-negozjati, ir-Repubblika Franċiża għandha tippreżenta l-abbozz tal-Ftehim li jirriżulta minnhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew b’dan.

Fi żmien xahar min-notifika tal-abbozz tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2 humiex issodisfati. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li huma ssodisfati, ir-Repubblika Franċiża tista’ tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim korrispondenti.

Ir-Repubblika Franċiża għandha tipprovdi kopja tal-Ftehim iffirmat lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jew, meta l-ftehim irid jiġi applikat proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

Artikolu 4

Matul id-durata tal-Ftehim, ir-Repubblika Franċiża għandha tiżgura l-applikazzjoni kompleta, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fuq il-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Ir-Repubblika Franċiża għandha tieħu l-miżuri xierqa f’dak ir-rigward inkluż, fejn meħtieġ, is-sospensjoni jew id-denunzja tal-Ftehim.

Artikolu 5

1.Soġġetta għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, ir-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li temenda l-Ftehim, f’konformità mal-proċedura li għandha tiġi stabbilita fih, sabiex tadattah għall-bidliet fid-dritt tal-Unjoni fil-ġejjieni, u b’mod partikolari għall-emendi tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, dment li l-emendi ta’ dak il-Ftehim ikunu meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni kompleta, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

2.Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata b’mod regolari dwar kwalunkwe negozjati mar-Renju Unit rigward l-emendi tal-Ftehim u, fejn ikun xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur. Ir-Repubblika Franċiża għandha tippreżenta l-emendi previsti lill-Kummissjoni flimkien ma’ nota ta’ spjegazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew b’dan. Ir-Repubblika Franċiża għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar l-emendi previsti li tintalab mill-Kummissjoni.

3.Fi żmien [tliet] xhur min-notifika tal-emenda prevista u n-nota ta’ spjegazzjoni li takkumpanjaha, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 2 humiex issodisfati. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li huma ssodisfati, ir-Repubblika Franċiża tkun tista’ tipproċedi bl-emenda tal-Ftehim. Kopja tal-Ftehim emendat għandha tingħata lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tal-emenda, jew, meta l-emenda trid tiġi applikata proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja, ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102
(2)    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link, ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    ĠU L 29, 31.1. 2020, p.7.
(6)    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link, ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).
(8)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(9)    Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (riformulazzjoni), ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102
(10)    Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni), ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.