Strasburgu, 13.6.2023

COM(2023) 314 final

2023/0177(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2023) 241 final} - {SWD(2023) 204 final} - {SWD(2023) 207 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta hija parti integrali mill-istrateġija mġedda tal-Kummissjoni Ewropea għall-finanzi sostenibbli adottata f’Lulju 2021 1 .

L-investiment ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), jiġifieri, l-investiment li jqis il-fatturi ESG meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment (imsejħa wkoll investimenti sostenibbli), qed isir parti importanti mill-finanzjament ġenerali. B’mod partikolari, il-fondi ta’ investiment b’karatteristiċi jew objettivi sostenibbli żdiedu sew fl-għadd, fid-daqs u fit-tip ta’ kapital li jattiraw. F’dan il-kuntest, ġiet żviluppata ekosistema ta’ investiment ESG, inkluża, fost l-oħrajn, il-provvista ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Tali klassifikazzjonijiet ESG jiġu kkummerċjalizzati bħala li jipprovdu opinjoni dwar l-esponiment ta’ kumpanija jew entità għal fatturi ambjentali, soċjali u/jew ta’ governanza, u l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà.

Il-klassifikazzjonijiet ESG għandhom impatt dejjem aktar importanti fuq it-tħaddim tas-swieq kapitali u fuq il-fiduċja tal-investituri fi prodotti sostenibbli. B’mod partikolari, il-klassifikazzjonijiet ESG għandhom rwol abilitanti għall-funzjonament xieraq tas-suq tal-finanzi sostenibbli tal-UE billi jipprovdu sorsi kritiċi ta’ informazzjoni għall-istrateġiji ta’ investiment, għall-ġestjoni tar-riskju u għall-obbligi ta’ divulgazzjoni mill-investituri u mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Dawn jintużaw ukoll minn impriżi li jfittxu li jifhmu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet ta’ sostenibbiltà marbuta mal-attivitajiet tagħhom jew ma’ dawk tas-sħab tagħhom, u għal tqabbil mal-pari tagħhom.

Is-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG huwa mistenni li jkompli jikber b’mod sostanzjali fis-snin li ġejjin. It-tkabbir u ż-żieda fid-domanda għall-klassifikazzjonijiet ESG huma xprunati min-natura li qed tinbidel tar-riskji għall-kumpaniji, minn sensibilizzazzjoni dejjem tikber tal-investituri dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ dawk ir-riskji u mit-tkabbir fi prodotti ta’ investiment li espliċitament ifittxu li jissodisfaw ċerti standards ta’ sostenibbiltà jew li jilħqu ċerti objettivi ta’ sostenibbiltà. Dan huwa marbut ukoll mal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzi sostenibbli mressqa mill-UE mill-2018.

Madankollu, is-suq attwali tal-klassifikazzjoni ESG ibati minn nuqqasijiet u mhux qed jiffunzjona kif suppost, bil-ħtiġijiet tal-investituri u tal-entitajiet valutati fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ESG mhux qed jiġu ssodisfati u l-fiduċja fil-klassifikazzjonijiet qed tiġi mminata. Din il-problema għandha għadd ta’ aspetti differenti, prinċipalment (i) in-nuqqas ta’ trasparenza dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG, il-metodoloġiji tagħhom u s-sorsi tad-data tagħhom u (ii) in-nuqqas ta’ ċarezza dwar kif joperaw il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG. Il-klassifikazzjonijiet ESG ma jippermettux biżżejjed lill-utenti, lill-investituri u lill-entitajiet ikklassifikati jieħdu deċiżjonijiet infurmati fir-rigward tar-riskji, l-impatti u l-opportunitajiet relatati mal-ESG.

B’hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha fl-istrateġija mġedda għall-finanzi sostenibbli li tieħu azzjoni biex ittejjeb l-affidabbiltà, il-komparabbiltà u t-trasparenza tal-klassifikazzjonijiet ESG. B’mod aktar speċifiku, din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-klassifikazzjonijiet ESG, billi (i) ittejjeb it-trasparenza tal-karatteristiċi u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet ESG, u billi (ii) tiżgura aktar ċarezza dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-prevenzjoni tar-riskji ta’ kunflitt ta’ interess fil-livell tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG. Billi l-klassifikazzjonijiet ESG u d-data sottostanti jintużaw għad-deċiżjonijiet ta’ investiment u għall-allokazzjoni tal-kapital, l-objettiv ġenerali tal-inizjattiva huwa li tittejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ESG sabiex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment infurmati aħjar fir-rigward tal-objettivi ta’ sostenibbiltà. Hija se tippermetti wkoll lill-entitajiet ikklassifikati jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-ġestjoni tar-riskji ESG u l-impatt tal-operazzjonijiet tagħhom. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li jitrawmu l-fiduċja u l-kunfidenza fl-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG billi jiġi żgurat li s-suq jopera kif suppost u l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jipprevjenu u jimmaniġġaw il-kunflitti ta’ interess.

Din il-proposta ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-metodoloġiji għall-kalkolu tal-klassifikazzjonijiet ESG, iżda li żżid it-trasparenza tagħhom. Il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG se jibqgħu f’kontroll sħiħ tal-metodoloġiji li jużaw u se jkomplu jkunu indipendenti fl-għażla tagħhom, biex jiżguraw li varjetà ta’ approċċi jkunu disponibbli fis-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG (jiġifieri l-klassifikazzjonijiet ESG jistgħu jvarjaw bejniethom u jkopru oqsma differenti).

Din il-proposta għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-Suq Uniku Ewropew u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Huwa meħtieġ investiment sinifikanti fis-setturi kollha tal-ekonomija għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar is-sostenibbiltà ambjentali. Għandu jsir aktar faċli għall-investituri u l-impriżi li jidentifikaw investimenti ambjentalment sostenibbli u li jiżguraw li jkunu kredibbli.

Din l-inizjattiva ma hijiex inizjattiva tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-UE daħħlet fis-seħħ l-elementi kostitwenti għal qafas għall-finanzi sostenibbli 3 . Il-partijiet ikkonċernati issa qed jindikaw l-ineffiċjenzi tas-suq u l-lakuni regolatorji li fadal li jistgħu jxekklu l-iżvilupp tas-suq. Il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-fornituri tad-data jużaw l-informazzjoni ppubblikata mill-impriżi; id-disponibbiltà, l-akkuratezza u l-konsistenza ta’ din id-data huma kruċjali għall-kwalità tal-prodotti downstream li jiddependu fuqha. Skont id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) 4 u r-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE 5 , l-impriżi huma meħtieġa jipproduċu informazzjoni dwar fatturi ESG speċifiċi. Il-klassifikazzjonijiet ESG se jibnu fuq dan u jikkomplementawh billi jipprovdu sorsi kritiċi ta’ informazzjoni għal strateġiji ta’ investiment, ġestjoni tar-riskju u analiżi interna minn investituri u istituzzjonijiet finanzjarji. Il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jużaw id-data li ġejja mill-impriżi, u aktar ma tkun disponibbli data affidabbli, akkurata u standardizzata, inqas ikun hemm bżonn li jintużaw stimi biex jimtlew il-lakuni. Pereżempju, ir-rapporti dwar is-sostenibbiltà korporattiva se jiffaċilitaw il-valutazzjonijiet imwettqa mill-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG.

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti l-ġodda imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti fis-suq mil-leġiżlazzjoni dwar il-finanzi sostenibbli (bħas-CSRD, ir-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli 6 u r-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE) se jwasslu għal domanda akbar għall-klassifikazzjonijiet ESG.

Din l-inizjattiva tinteraġixxi wkoll mal-ħidma dwar l-istandards tal-bonds ekoloġiċi u l-parametri referenzjarji klimatiċi tal-UE. Fir-rigward tal-proposta għal Regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej 7 , l-emittenti ta’ standards futuri tal-bonds ekoloġiċi tal-UE huma meħtieġa jiddivulgaw l-allinjament tat-tassonomija tal-proġetti ffinanzjati mill-bonds tagħhom. Għal dak il-għan, huma jistgħu jfittxu klassifikazzjonijiet ESG biex jiksbu data sottostanti li tikkontribwixxi għall-valutazzjonijiet tal-proġetti tagħhom. L-informazzjoni divulgata fil-klassifikazzjonijiet ESG tgħin lill-investituri, inklużi l-investituri ta’ bonds ekoloġiċi, jivvalutaw aħjar il-prestazzjoni mhux finanzjarja ġenerali tal-impriżi.

Fir-rigward tar-Regolament dwar il-Parametru Referenzjarju tal-Klima tal-UE 8 , Regolament Delegat 9 jistabbilixxi lista ta’ fatturi ESG li għandhom jiġu ddivulgati mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji, għal dawk il-parametri referenzjarji li jsegwu l-objettivi ESG, skont it-tip ta’ assi sottostanti kkonċernati (eż. ekwità, introjtu fiss, titoli sovrani). Dawn se jkollhom jiksbu l-informazzjoni direttament mingħand l-impriżi (eż. permezz tar-rapporti annwali tagħhom) jew jiksbu din l-informazzjoni mingħand fornituri esterni ta’ klassifikazzjoni/data. Ir-Regolament Delegat jagħti lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji l-għażla li jiddivulgaw informazzjoni dwar il-klassifikazzjonijiet ESG tal-parametri referenzjarji. Informazzjoni aħjar dwar il-metodoloġiji użati għall-klassifikazzjonijiet ESG għandha tgħin biex l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiġu pprovduti b’ċarezza rigward il-kostitwenti tal-parametri referenzjarji. Klassifikazzjonijiet aħjar u aktar affidabbli se jibnu l-fiduċja tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji, u eventwalment itejbu l-adozzjoni ta’ dawk il-klassifikazzjonijiet bħala għodda affidabbli għat-tfassil ta’ parametri referenzjarji sinifikanti. Barra minn hekk, din se tgħin lill-utenti tal-parametri referenzjarji jiżguraw li huma jidentifikaw il-parametri referenzjarji li huma allinjati mal-istrateġija ta’ investiment tagħhom u tgħinhom jimplimentawha, filwaqt li jevitaw ir-riskji ta’ greenwashing. Dan ir-Regolament għandu jtejjeb ukoll il-fiduċja tal-investituri fil-parametri referenzjarji ESG u, b’hekk, ikompli jappoġġa l-investiment sostenibbli.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ miżuri ta’ finanzjament sostenibbli li huwa prijorità taħt il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Hija fiha miżuri maħsuba biex jisfruttaw is-setgħa trasformattiva tas-servizzi finanzjarji u biex jittrasferixxu l-kapital privat lejn investiment sostenibbli. Hija tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ swieq kapitali aktar integrati billi tagħmilha aktar faċli għall-investituri biex jibbenefikaw mis-suq uniku, filwaqt li jieħdu deċiżjonijiet informati aħjar. Pereżempju, il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) jagħti lill-partijiet ikkonċernati aċċess aktar faċli għad-data, u jista’ jservi wkoll bħala sors ta’ informazzjoni/data tal-input għall-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG, filwaqt li jnaqqas l-użu ta’ stimi, iżda wkoll jikkontribwixxi għal kwalità aħjar tal-klassifikazzjonijiet b’mod ġenerali.

Din il-proposta hija konformi wkoll mal-għanijiet ta’ politika ġenerali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa r-rispons tal-Unjoni għall-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent li jiddefinixxu l-ġenerazzjoni. Huwa għandu l-għan li jittrasforma l-Unjoni f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050.

Barra minn hekk, suq integrat u li jiffunzjona bis-sħiħ għall-kapital se jippermetti lill-ekonomija tal-UE tikber b’mod sostenibbli u tkun aktar kompetittiva, f’konformità mal-prijorità strateġika tal-Kummissjoni għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, iffokata fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tajbin għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment.

Din il-proposta tikkomplementa l-politiki ambjentali u klimatiċi eżistenti tal-UE billi tagħmel il-metodoloġiji għall-klassifikazzjonijiet ESG aktar trasparenti, li għandhom iwasslu għad-direzzjonar aktar effiċjenti tal-investiment lejn assi sostenibbli.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta taqa’ fil-qasam ta’ kompetenza kondiviża f’konformità mal-Artikolu 4(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jagħti lill-UE l-kompetenza biex tistabbilixxi dispożizzjonijiet xierqa għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

L-Artikolu 114 tat-TFUE jippermetti lill-Unjoni tieħu miżuri mhux biss biex telimina l-ostakli eżistenti għall-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali, iżda wkoll biex tipprevjeni l-ħolqien probabbli ta’ tali ostakli fil-futur. Dan jinkludi ostakli li jagħmluha diffiċli għall-parteċipanti fis-suq, bħall-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew l-investituri, biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-suq intern.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettiv ta’ din l-inizjattiva, li tittejjeb iċ-ċarezza fir-rigward tal-karatteristiċi u l-objettivi tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG, ma jistax jintlaħaq b’mod adegwat mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod indipendenti u, b’hekk, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE għall-funzjonament xieraq tas-swieq kapitali tal-UE.

Bħalissa ma hemm l-ebda qafas regolatorju tal-UE għall-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG. L-Istati Membri ma jirregolawx l-attivitajiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jew il-kundizzjonijiet li taħthom jipprovdu l-klassifikazzjonijiet ESG. Kull fornitur tal-klassifikazzjonijiet ESG isegwi r-regoli tiegħu stess, b’nuqqas ta’ ċarezza dwar x’jagħmel u kif jagħmel dan.

Is-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG huwa globali. Xi fornituri kbar tal-ESG għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE, filwaqt li ħafna oħrajn għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom barra mill-UE, iżda għandhom sussidjarji fl-UE.

Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni individwalment biex isaħħu l-affidabbiltà u t-trasparenza tal-klassifikazzjonijiet ESG, tali miżuri x’aktarx li jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Dan jista’ joħloq livelli diverġenti ta’ trasparenza, ostakli għall-parteċipanti fis-suq u sfidi għal dawk li joperaw b’mod transfruntier (kif jagħmlu fis-suq tal-UE, b’utenti f’għadd ta’ Stati Membri), minbarra li jillimita l-komparabbiltà bejn il-klassifikazzjonijiet. Inkella, mingħajr ebda regola dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG, is-sitwazzjoni attwali u l-kwistjonijiet ta’ trasparenza relatati mat-trasparenza jkomplu u jistgħu saħansitra jmorru għall-agħar.

B’investiment sostenibbli u klassifikazzjonijiet ESG li jattiraw attenzjoni dejjem akbar f’ġuriżdizzjonijiet madwar id-dinja, qed isir essenzjali għall-UE li timpenja ruħha mas-sħab tagħha abbażi ta’ approċċ armonizzat koerenti u komprensiv. L-inizjattiva ma tissostitwix il-leġiżlazzjoni nazzjonali, minħabba li bħalissa l-ebda Stat Membru ma għandu leġiżlazzjoni li tirregola l-funzjonament tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG.

Il-funzjonament tas-suq intern jittejjeb b’ċarezza akbar dwar l-operazzjonijiet tal-entitajiet li huma dejjem aktar importanti għad-direzzjonar tal-finanzi.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TFUE. Il-miżuri proposti huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi, kif ukoll huma l-aktar xierqa.

Il-proposta tiffoka fuq l-attivitajiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE. Hija tindirizza n-nuqqasijiet tas-suq, jiġifieri: (a) in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG, il-metodoloġiji użati u s-sorsi tad-data, u (b) in-nuqqas ta’ ċarezza dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-kontroll tagħhom.

Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tindirizza u tirrimedja kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet bl-aktar mod effettiv, jiġifieri billi: (1) toħloq sistema ta’ awtorizzazzjoni li tkun tapplika għall-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE, billi tissoġġettahom għal regoli proporzjonati li jirregolaw l-operazzjonijiet tagħhom u s-superviżjoni proporzjonata li għaddejja, u (2) titlob lill-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE jippubblikaw informazzjoni ewlenija dwar il-karatteristiċi u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet ESG, u jiddivulgaw informazzjoni metodoloġika granulari lill-abbonati tagħhom u lill-entitajiet ikklassifikati.

Din il-proposta ma tinkludix klassifikazzjonijiet interni żviluppati minn maniġers tal-assi jew minn istituzzjonijiet oħrajn, bħall-amministraturi tal-parametri referenzjarji, minħabba li dawn jintużaw għad-deċiżjonijiet u l-investimenti proprji, ma jaqdux l-istess skop u ma humiex soġġetti għal divulgazzjoni pubblika jew distribuzzjoni b’abbonament jew b’mezzi oħrajn.

B’riżultat ta’ dan, din l-inizjattiva se tkun immirata lejn persuni ġuridiċi li jipprovdu klassifikazzjonijiet ESG lill-pubbliku jew lill-abbonati. Hija mhux se tkopri istituzzjonijiet finanzjarji jew parteċipanti oħrajn fis-suq li jiżviluppaw klassifikazzjonijiet ESG għall-finijiet tagħhom stess jew għall-użu tagħhom stess.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi sistema li ttejjeb iċ-ċarezza fir-rigward tal-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG. Għal dak il-għan, hija tistabbilixxi regoli għall-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE. Il-proposta tfittex li tagħmilha aktar faċli li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-suq uniku Ewropew u li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Huwa meħtieġ regolament biex jintlaħqu dawn l-objettivi ta’ politika u dan huwa l-aħjar mod biex tittejjeb iċ-ċarezza fir-rigward tal-operazzjonijiet minn entitajiet li huma dejjem aktar importanti għad-direzzjonar tal-finanzjament.

Qafas regolatorju jkun allinjat mal-approċċ meħud għal parteċipanti oħrajn fis-suq finanzjarju u mal-leġiżlazzjoni rilevanti, eż. ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji tal-UE, ir-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu u l-proposta standard tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE li jipprevedu superviżjoni kontinwa u jistabbilixxu għadd ta’ rekwiżiti organizzazzjonali u rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċessi u d-dokumenti ta’ governanza. Għodod oħrajn, bħal miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti u kodiċijiet ta’ kondotta, jilħqu biss parzjalment l-objettivi ta’ din l-inizjattiva, billi ma jkun hemm l-ebda inċentiv biex jiġi prodott kodiċi ta’ kondotta rigoruż biżżejjed. Il-pressjonijiet eżistenti tas-suq jiddeterminaw ir-rigorożità u l-komprensività ta’ kodiċi, u dawk il-pressjonijiet urew li ma humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi. Barra minn hekk, kodiċi ta’ kondotta jkun volontarju. Xi fornituri jistgħu jagħżlu li ma jadottawhx, jew jistgħu jinħolqu kodiċijiet multipli tal-industrija. Iż-żewġ każijiet jimminaw kwalunkwe prospett ta’ ċarezza akbar fis-suq għall-utenti jew għall-entitajiet ikklassifikati.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Bħalissa ma hemm l-ebda reġim legali fil-livell tal-UE għall-klassifikazzjonijiet ESG.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni ġabret ammont sinifikanti ta’ evidenza minn sorsi differenti, inkluż studju kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA), konsultazzjoni tal-Kummissjoni u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u skambji mal-partijiet ikkonċernati. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) appoġġat ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni permezz ta’ sejħa għal evidenza ppubblikata fl-2022 u pprovdiet immappjar tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE. Il-Kummissjoni analizzat ukoll ir-rakkomandazzjonijiet u l-kodiċijiet internazzjonali eżistenti għall-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO). Total ta’ 168 organizzazzjoni u individwi privati wieġbu għall-konsultazzjoni mmirata li tappoġġa din l-inizjattiva, prinċipalment investituri, fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u kumpaniji elenkati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Sabiex tifhem aħjar il-problemi li s-suq qed jiffaċċja fil-prattika, u wara l-konsultazzjoni mmirata, il-Kummissjoni wettqet rieżami kbir tal-letteratura akkademika 10 , tal-analiżi tas-suq u tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ma’ għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin fis-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG.

Bejn April u Ottubru 2022, il-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali ma’ diversi partijiet ikkonċernati, inklużi 14-il fornitur differenti ta’ klassifikazzjonijiet ESG, utenti, u assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw, fost l-oħrajn, utenti tal-klassifikazzjoni, akkademiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, korpi pubbliċi u awtoritajiet superviżorji.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll telefonati regolari mal-ESMA għall-opinjoni u l-parir tagħha, inkluż dwar reġim potenzjali ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni għall-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG fil-livell tal-UE.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt 11 , li ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fis-16 ta’ Novembru 2022 u rċeviet opinjoni pożittiva b’riżervi fis-16 ta’ Diċembru.

Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li l-problema ewlenija hija doppja: filwaqt li l-investituri u l-impriżi jaraw kwistjonijiet dwar l-affidabbiltà, l-akkuratezza u l-puntwalità tal-klassifikazzjonijiet ESG, l-entitajiet ikklassifikati ma humiex ċerti liema kategoriji/kriterji jintużaw biex jivvalutawhom u kemm il-klassifikazzjonijiet ESG jirriflettu b’mod preċiż il-prestazzjoni attwali tagħhom u kif itejbuha.

Hemm diversi konsegwenzi ta’ din il-problema. Il-konsegwenzi mill-perspettiva ta’ utent huma:

(1)L-investituri ma jistgħux iqisu biżżejjed ir-riskji u l-opportunitajiet relatati mas-sostenibbiltà u oħrajn mhux finanzjarji fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom,

(2)L-investituri huma wkoll inqas kapaċi li jidderieġu r-riżorsi finanzjarji lejn l-impriżi u l-attivitajiet ekonomiċi li jindirizzaw u ma jaggravawx il-problemi soċjali u ambjentali,

(3)L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jibnu parametri referenzjarji bbażati fuq il-klassifikazzjonijiet ESG meta ma jkollhomx ċarezza sħiħa fuq kif dawn ġew ikkalkolati,

(4)L-impriżi ma jistgħux jikkunsidraw ir-riskji u l-opportunitajiet potenzjali kollha mill-attivitajiet tagħhom u jidderieġu l-investimenti kif xieraq.

Il-konsegwenza speċifika minn perspettiva ta’ entità kklassifikata hija li jistgħu jirċievu klassifikazzjoni ESG b’rabta ma’ elementi li huma skaduti jew mhux korretti, li jista’ jkollhom impatt fuq it-termini tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament.

Il-konsegwenza speċifika mill-perspettiva ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn hija li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, it-trade unions u partijiet ikkonċernati oħrajn huma inqas kapaċi li jżommu lill-impriżi responsabbli għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà u l-ambjent.

Il-problemi għandhom konsegwenzi negattivi għall-funzjonament tas-suq tal-finanzi sostenibbli tal-UE, li jħallu lakuna fil-qafas tal-finanzi sostenibbli tal-UE li ġie stabbilit biex jipprovdi aktar trasparenza u l-għodod sabiex il-kapital privat jiċċirkola lejn investimenti sostenibbli li huma meħtieġa b’mod urġenti għat-tranżizzjoni. Il-konsegwenzi usa’ huma li l-potenzjal tas-Suq Uniku Ewropew li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, ma huwiex utilizzat bis-sħiħ.

Ġew identifikati żewġ kawżi komplementari tal-problema:

(1)Nuqqas ta’ ċarezza dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u l-kontroll tagħhom.

(2)In-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG, il-metodoloġiji tagħhom u s-sorsi tad-data tagħhom (dan jinkludi kif jinħolqu u d-divulgazzjoni/it-trasparenza dwarhom), u

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkunsidrat firxa ta’ għażliet ta’ politika għal żewġ varjabbli ewlenin:

·aktar ċarezza dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u l-prevenzjoni tar-riskji ta’ kunflitt ta’ interess fil-livell tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, u

·il-ħtieġa li tittejjeb iċ-ċarezza tal-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG (jiġifieri xi jfissru u x’objettivi jsegwu, il-metodoloġiji u s-sorsi tad-data jew l-istimi użati għall-iżvilupp tagħhom).

Ġew analizzati diversi għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għaż-żewġ dimensjonijiet li ġejjin: entitajiet (fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG) u prodotti (klassifikazzjonijiet ESG). Fir-rigward tat-trattament regolatorju tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, it-tliet għażliet ikkunsidrati kienu kodiċi ta’ kondotta tal-industrija (Għażla 1), reġistrazzjoni u superviżjoni ħafifa (Għażla 2), u awtorizzazzjoni, rekwiżiti organizzazzjonali bbażati fuq il-prinċipji u superviżjoni bbażata fuq ir-riskju (Għażla 3). Fir-rigward tal-firxa tar-rekwiżiti ta’ trasparenza dwar il-klassifikazzjonijiet ESG u l-metodoloġiji tagħhom, iż-żewġ għażliet ikkunsidrati huma rekwiżiti minimi ta’ divulgazzjoni lill-pubbliku (Għażla 1) u rekwiżiti minimi ta’ divulgazzjoni lill-pubbliku u rekwiżiti ta’ divulgazzjoni aktar komprensivi lill-klijenti tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u lill-entitajiet ikklassifikati (Għażla 2). L-analiżi tqis ukoll bir-reqqa l-kosteffettività u l-koerenza tagħhom. L-għażliet li ġejjin ġew skartati fi stadju bikri: ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni fil-livell nazzjonali, l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, l-iffissar ta’ rekwiżiti minimi dwar il-kontenut tal-klassifikazzjonijiet ESG u mudelli dettaljati għar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-IOSCO tifforma l-bażi għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva, li tkopri kemm il-punteġġi kif ukoll il-klassifikazzjonijiet, u prodotti li huma taħlita tat-tnejn. Din l-inizjattiva timmira lejn l-entitajiet speċjalizzati li jipprovdu klassifikazzjonijiet ESG jew punteġġi lill-pubbliku jew lill-abbonati u ma tkoprix istituzzjonijiet finanzjarji jew parteċipanti oħrajn fis-suq li jiżviluppaw klassifikazzjonijiet ESG għall-finijiet tagħhom stess, minħabba li jużaw il-mudelli proprjetarji tagħhom stess u ma jipprovdux il-klassifikazzjonijiet ESG kummerċjalment lil parteċipanti oħrajn fis-suq finanzjarju.

Abbażi tat-tqabbil tal-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza, l-għażla ppreferuta tikkombina l-Għażla 3 dwar il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG (awtorizzazzjoni, rekwiżiti organizzazzjonali u superviżjoni) flimkien mal-Għażla 2 dwar il-klassifikazzjonijiet ESG (divulgazzjonijiet minimi tat-trasparenza lill-pubbliku ġenerali u divulgazzjonijiet aktar komprensivi lill-klijenti ta’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u entitajiet ikklassifikati). L-analiżi dettaljata sabet li l-kombinazzjoni ta’ tali għażliet tindirizza bis-sħiħ l-objettivi (kuntrarju għall-għażliet l-oħrajn) u tirriżulta fl-ogħla benefiċċji għall-utenti u għall-entitajiet ikklassifikati, kif ukoll għall-fornituri nfushom u għas-soċjetà. Minkejja li l-għażla ppreferuta tista’ tinvolvi kostijiet bil-quddiem ogħla, fuq perjodu ta’ żmien twil il-benefiċċji huma mistennija li jisbqu l-kostijiet.

L-għażla ppreferuta hija mistennija li ġġib benefiċċji ekonomiċi sinifikanti. Din l-inizjattiva tkun mistennija li tinfluwenza b’mod pożittiv il-funzjonament tas-swieq finanzjarji u l-kundizzjonijiet għall-investiment ESG. L-għażla ppreferuta għandha tippermetti lill-investituri, u lill-entitajiet ikklassifikati, jifhmu u jagħmlu għażliet ESG infurmati rigward il-klassifikazzjonijiet. Hija għandha tnaqqas ukoll il-kost tal-ġbir tal-informazzjoni u l-ħtieġa li jintużaw fornituri addizzjonali, biex b’hekk jitnaqqas il-kost tan-negozju. L-għażla ppreferuta tkun ukoll mhux diskriminatorja u tapplika bl-istess mod għall-parteċipanti fis-swieq domestiċi u mhux tal-UE. Din l-inizjattiva jista’ jkollha impatt fuq il-kompetittività ġenerali tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, li x’aktarx iżżid il-kost tan-negozju għalihom fuq perjodu ta’ żmien qasir, iżda ż-żieda fil-fiduċja fil-klassifikazzjonijiet ESG tista’ ttejjeb it-tkabbir tas-suq. Sabiex jittaffa t-tħassib potenzjali dwar it-telf ta’ aċċess għas-suq, jista’ jiġi previst perjodu tranżitorju, li jagħti lill-atturi iżgħar, b’mod partikolari, aktar żmien biex jaġġustaw. L-inizjattiva hija mistennija wkoll li jkollha impatti soċjali u ambjentali indiretti pożittivi, għalkemm marġinali.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva ma hijiex inizjattiva tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT).

Sabiex jittaffew il-kostijiet u l-impatti ta’ rekwiżiti ġodda skont dan ir-Regolament fuq fornituri iżgħar, qed jiġu proposti l-miżuri ta’ mitigazzjoni li ġejjin.

(1)Perjodu ta’ tranżizzjoni. Sabiex jittaffa t-tħassib potenzjali dwar it-telf ta’ aċċess għall-fornituri tas-suq minħabba l-proċess ta’ awtorizzazzjoni, il-fornituri jitħallew ikomplu joperaw bil-kundizzjoni li jinnotifikaw lill-ESMA u jsiru awtorizzati f’perjodu ta’ żmien iddeterminat minn qabel, jiġifieri l-perjodu tranżitorju.

(2)Aġġustament tat-tariffi superviżorji għad-daqs tal-fornitur. It-tariffi jitqassmu b’mod proporzjonali bejn il-fornituri abbażi tal-fatturat nett annwali tagħhom.

(3)Superviżjoni proporzjonata. L-ESMA adottat approċċ ibbażat fuq ir-riskju u xprunat mid-data biex twettaq is-superviżjoni 12 u tipprijoritizza l-attivitajiet superviżorji tagħha skont il-livell ta’ riskju identifikat u l-importanza/id-daqs tal-entitajiet issorveljati.

(4)Il-possibbiltà li entitajiet iżgħar u innovattivi japplikaw għal eżenzjoni minn firxa wiesgħa ta’ miżuri organizzattivi interni, jekk ikunu jistgħu juru li r-rekwiżiti huma sproporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom u għan-natura u l-firxa ta’ kwistjonijiet ivvalutati mill-prodott tagħhom (eż. analizzatur xprunat mid-data 13 jew analizzatur innovattiv li jħares ’il quddiem) 14 .

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk fl-Artikolu 16 (il-libertà ta’ intrapriża). Il-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi u tal-istabbiliment huwa wieħed mid-drittijiet u l-libertajiet bażiċi protetti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u huwa rilevanti għal din il-miżura.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta tagħti s-setgħa lill-ESMA biex twettaq funzjoni ġdida, jiġifieri li tawtorizza u tissorvelja l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jipprovdu s-servizzi tagħhom skont dan ir-Regolament. Din se tirrikjedi li l-ESMA timponi tariffi fuq il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, li għandhom ikopru l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni tagħha. Id-daqs tas-suq huwa ta’ 59 entità: 30 fornitur ESG ibbażati fl-UE (3 kbar, 6 ta’ daqs medju, 9 żgħar u 12 mikro); u 29 entità mhux tal-UE. Abbażi tal-istima li l-ESMA jkollha bżonn 1,7 ekwivalent full-time (FTEs) biex tissorvelja fornitur kbir ta’ klassifikazzjonijiet ESG u 0,2 FTEs biex tissorvelja fornitur żgħir ta’ klassifikazzjonijiet ESG, aħna kkalkolajna l-ħtieġa għal 20 FTE kull sena. Abbażi tal-istess stima, l-ESMA tkun teħtieġ 7 karigi ta’ persunal temporanju (AC) u 12-il kariga ta’ CA għall-awtorizzazzjoni ta’ 30 entità tal-UE u 29 entità mhux tal-UE, u s-superviżjoni ta’ 30 entità tal-UE u 29 entità mhux tal-UE li jibdew mis-sena N+1. Aħna nikkunsidraw li x’aktarx se jkun hemm l-ogħla livell ta’ xogħol ta’ darba fl-ewwel sena (sena N) relatat mal-awtorizzazzjoni. Għalhekk, huwa importanti li l-ESMA tingħata d-19 FTE mill-bidu nett, sabiex timmaniġġa dan il-perjodu.

Iż-żieda totali fil-kost annwali hija stmata li tkun madwar EUR 3,7-3,8 miljun. Dan il-kost mhux se jitħallas mill-baġit tal-UE, minħabba li l-proposta se tippermetti lill-ESMA timponi tariffi ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni fuq il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, sabiex tkopri l-kostijiet superviżorji kollha. Dan huwa simili għal oqsma oħrajn, fejn l-ESMA hija responsabbli għas-sorveljanza ta’ ċerti entitajiet (eż. aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu). Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara d-Dikjarazzjoni Leġiżlattiva Finanzjarja.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-azzjonijiet magħżula f’dan ir-Regolament jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika b’taħlita ta’ elementi speċifiċi ta’ monitoraġġ maħsuba biex titkejjel l-effiċjenza fl-implimentazzjoni u l-progress lejn objettivi speċifiċi, iżda wkoll għodod oħrajn ta’ monitoraġġ li jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali. Dawk l-elementi u l-għodod huma deskritti aktar hawn taħt. Sabiex timmonitorja l-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li torganizza stħarriġ perjodiku tal-investituri, tal-impriżi u tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

L-istħarriġ jiġbor data dwar: (1) il-perċezzjonijiet tal-utenti u tal-entitajiet ikklassifikati dwar il-bidliet fl-informazzjoni disponibbli b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi speċifiċi identifikati fit-Taqsima 4, u l-perċezzjonijiet dwar jekk dawk l-objettivi humiex qed jintlaħqu; u (2) il-kostijiet u l-benefiċċji tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-perspettiva ta’ fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Tali stħarriġ se jkun jiddependi mid-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji.

Il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi jista’ wkoll jiġi mmonitorjat permezz ta’ għadd ta’ indikaturi, bħall-għadd ta’ klassifikazzjonijiet ESG li saru disponibbli, it-tkabbir fl-użu tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-utenti u mill-emittenti u ż-żieda fil-korrelazzjoni ġenerali bejn il-klassifikazzjonijiet ESG.

Il-monitoraġġ tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali huwa, minnu nnifsu, konsiderevolment aktar kumpless, minħabba li huwa metodoloġikament diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-impatti tal-miżuri proposti fuq il-klassifikazzjonijiet ESG minn fatturi possibbli oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni tipproponi li timmonitorja l-progress fir-rigward tal-objettivi ġenerali billi:

timmonitorja x-xejriet fl-investimenti f’impriżi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, li jkopru aspetti ambjentali, soċjali u ta’ governanza 15 ;

tinvolvi ruħha ma’ superviżuri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex tivvaluta jekk it-tħassib ta’ greenwashing li jinvolvi l-klassifikazzjonijiet ESG huwiex qed jitnaqqas.

Jista’ jkun possibbli wkoll li jintuża l-istħarriġ propost tal-investituri, l-impriżi u l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG biex tinġabar evidenza dwar jekk il-partijiet ikkonċernati jipperċepux li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG huma aktar responsabbli għall-attivitajiet tagħhom.

Bħala superviżur tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG taħt din l-inizjattiva, l-ESMA tkun il-korp xieraq biex tqis l-iżviluppi u tenfasizza kwistjonijiet potenzjali ta’ tħassib, tikkollabora mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fl-Istat Membru fejn jintużaw il-klassifikazzjonijiet ESG u fejn il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikunu jinsabu u jkollhom l-operazzjonijiet tagħhom.

Barra minn hekk, diversi partijiet ikkonċernati, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, organizzazzjonijiet tan-negozju u awtoritajiet pubbliċi, x’aktarx jippubblikaw rapporti li jimmonitorjaw l-iżviluppi f’dan il-qasam, li se jkunu komplement utli għall-monitoraġġ imwettaq mill-Kummissjoni.

Kemm l-indikaturi ta’ hawn fuq kif ukoll l-istħarriġ se jgħinu biex jiġi evalwat jekk l-għażla ta’ politika ppreferuta hux se jirnexxila tilħaq l-objettivi speċifikati. Dawn l-indikaturi mbagħad se jservu bħala bażi għal evalwazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-inizjattiva. L-abbozz ta’ proposta se jkun fih ukoll impenn biex jiġu evalwati l-impatti tal-att leġiżlattiv il-ġdid. Il-Kummissjoni se tibda timmonitorja l-implimentazzjoni tal-għażla ta’ politika ppreferuta wara d-dħul fis-seħħ tal-inizjattiva.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta (li għandha timtela meta tintalab ċarezza dwar in-numerazzjoni/l-ordni mill-ġdid tal-artikoli)

It-Titolu I jistabbilixxi s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet applikabbli għar-Regolament. L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett tar-Regolament, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ approċċ regolatorju komuni biex jittejbu l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, li jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti lil impriżi finanzjarji Ewropej regolati u impriżi Ewropej. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ trasparenza relatati mal-klassifikazzjonijiet ESG u r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kondotta tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. L-Artikolu 2 huwa relatat mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li japplika għall-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG ipprovduti mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE. L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

It-Titolu II tar-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni.

L-Artikoli minn 4 sa 8 jistabbilixxu rekwiżiti relatati mal-proċess għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, inkluża s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, l-eżami tagħha, in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, rifjut jew irtirar ta’ awtorizzazzjoni mill-ESMA. L-Artikoli minn 9 sa 12 jistabbilixxu regoli dwar il-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG fl-UE minn fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 9 jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, filwaqt li l-Artikolu 10 ikopri r-rekwiżiti dwar l-approvazzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-Artikolu 11 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-proċess ta’ rikonoxximent. L-Artikolu 12 jikkonċerna l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 13 jintroduċi rekwiżit sabiex l-ESMA żżomm reġistru fuq is-sit web tagħha bil-fornituri awtorizzati kollha ta’ klassifikazzjonijiet ESG u jipprevedi rekwiżiti dwar l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni fuq il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP).

It-Titolu III tar-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji dwar l-integrità u l-affidabbiltà tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG.

Il-Kapitolu 1 jiddetermina r-rekwiżiti, il-proċessi u d-dokumenti organizzattivi dwar il-governanza għall-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG. L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, inkluża l-ħtieġa li jintużaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u li tiġi żgurata l-indipendenza tal-attivitajiet. L-Artikolu 15 jitlob li l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG jiġu separati minn għadd ta’ attivitajiet, inkluż il-forniment ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni, il-ħruġ u l-bejgħ ta’ klassifikazzjonijiet ta’ kreditu u l-iżvilupp ta’ parametri referenzjarji. L-Artikolu 16 jistabbilixxi f’aktar dettall l-obbligi għall-analisti tal-klassifikazzjoni, għall-impjegati u għal persuni oħrajn involuti fil-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG. L-Artikolu 17 jintroduċi rekwiżiti dwar iż-żamma tar-rekords relatati mal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG. L-Artikolu 18 imbagħad jistabbilixxi l-obbligi għall-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jkollhom proċedura indipendenti tal-ilmenti stabbilita biex jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jinnotifikawhom bl-ilmenti u li l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jevalwa b’mod oġġettiv il-merti ta’ kwalunkwe lment. L-Artikolu 19 jintroduċi rekwiżiti u salvagwardji relatati mal-esternalizzazzjoni ta’ xi funzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG lil partijiet terzi. L-Artikolu 20 jistabbilixxi eżenzjonijiet fuq ir-rekwiżiti ta’ governanza li jistgħu jingħataw mill-ESMA lil dawk il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li qegħdin jissodisfaw il-kriterji partikolarment relatati mad-daqs tagħhom.

Il-Kapitolu 2 ikopri r-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG. L-Artikolu 21 jintroduċi r-rekwiżiti ta’ trasparenza fuq l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG li għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku. L-Artikolu 22 jintroduċi rekwiżiti ta’ trasparenza fuq l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG li għandhom isiru disponibbli għall-abbonati tal-klassifikazzjonijiet ESG u għall-entitajiet ikklassifikati.

Il-Kapitolu 3 jistabbilixxi obbligi relatati mal-indipendenza u l-kunflitti ta’ interess tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. L-Artikolu 23 jitlob li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ governanza robusti li jinkludu struttura organizzattiva ċara bi rwoli u responsabbiltajiet definiti sewwa, trasparenti u konsistenti għall-persuni kollha involuti fil-forniment ta’ klassifikazzjoni ESG. L-Artikolu 24 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali mill-impjegati involuti fil-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG. L-Artikolu 25 jistabbilixxi l-obbligi li t-tariffi tal-klassifikazzjonijiet ESG li jintalbu lill-klijenti jkunu ġusti, raġonevoli, trasparenti, mhux diskriminatorji u bbażati fuq il-kostijiet attwali.

L-Artikoli minn 26 sa 39 tal-Kapitolu 4 jistabbilixxu s-setgħat tal-ESMA fir-rigward tas-superviżjoni tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Dawn jinkludu s-setgħa li tintalab informazzjoni b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, is-setgħa li jsiru investigazzjonijiet ġenerali u s-setgħa li jsiru spezzjonijiet fuq il-post. Il-kapitolu jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom l-ESMA tista’ teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha. Diversi dispożizzjonijiet jispeċifikaw il-miżuri superviżorji, il-multi u l-penali perjodiċi li tista’ timponi l-ESMA. L-ESMA għandha wkoll il-possibbiltà li timponi tariffi għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni.

Il-Kapitolu 5 jistabbilixxi prinċipji dwar il-kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

It-Titolu IV dwar l-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45.

It-Titolu V dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali jistabbilixxi d-data sa meta l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjoni, filwaqt li jipprevedi wkoll perjodu tranżitorju għall-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG żgħar u ta’ daqs medju li qed joffru s-servizzi tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Huwa jintroduċi wkoll perjodu tranżitorju għal parteċipanti ġodda fis-suq li huma fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG żgħar u ta’ daqs medju.

2023/0177 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 16 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli 17 , li għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli 18 torbot l-SDGs mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet u l-inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, fl-Unjoni u globalment, jikkunsidraw l-SDGs mill-bidu nett. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2017 19 ikkonfermaw l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effettiv u f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” 20 .

(2)It-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sostenibbiltà ilha għal żmien twil fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni u t-Trattati tal-Unjoni jagħtu rikonoxximent lid-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha.

(3)L-ilħuq tal-SDGs fl-Unjoni jirrikjedi d-direzzjonar tal-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli. Huwa importanti li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern għall-ilħuq ta’ dawk l-għanijiet. F’dak il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli għall-moviment effiċjenti tal-kapital lejn investimenti sostenibbli fis-suq intern u li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli bħal dawn.

(4)L-approċċ tal-UE għal tkabbir sostenibbli u inklużiv huwa msejjes fl-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn dan l-għan u politiki li ma jħallu lil ħadd jaqa’ lura. Barra minn hekk, l-acquis soċjali tal-UE, li jinkludi l-Istrateġiji tal-Unjoni tal-Ugwaljanza 21 , jipprovdi standards fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol, l-ugwaljanza, l-aċċessibbiltà, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

(5)F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” 22 , li jistabbilixxi l-istrateġija tagħha dwar il-finanzi sostenibbli. L-objettivi ta’ dak il-Pjan ta’ Azzjoni huma li l-fatturi ta’ sostenibbiltà jiġu integrati fil-ġestjoni tar-riskju u li l-flussi tal-kapital jiġu orjentati mill-ġdid lejn investiment sostenibbli biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(6)Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni kkummissjonat studju intitolat “Studju dwar il-Klassifikazzjonijiet, id-Data u r-Riċerka Relatati mas-Sostenibbiltà” 23 biex tqis l-iżviluppi fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi relatati mas-sostenibbiltà, tidentifika l-parteċipanti ewlenin fis-suq u tenfasizza n-nuqqasijiet potenzjali. Dak l-istudju pprovda inventarju u klassifikazzjoni tal-atturi tas-suq, il-prodotti u s-servizzi ta’ sostenibbiltà disponibbli fis-suq u analiżi tal-użu u tal-kwalità perċepita tal-prodotti u s-servizzi relatati mas-sostenibbiltà mill-parteċipanti fis-suq. L-istudju enfasizza n-nuqqas ta’ trasparenza u akkuratezza tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (“ESG”) u n-nuqqas ta’ ċarezza fuq l-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

(7)Fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ressqet strateġija sostenibbli mġedda. L-istrateġija mġedda għall-finanzi sostenibbli ġiet adottata fis-6 ta’ Lulju 2021 24 ..

(8)Bħala segwitu, il-Kummissjoni ħabbret fl-istrateġija mġedda għall-finanzi sostenibbli, konsultazzjoni pubblika dwar il-klassifikazzjonijiet ESG biex tikkontribwixxi għal valutazzjoni tal-impatt. Fil-konsultazzjoni pubblika li saret fl-2022, il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza tal-metodoloġiji u l-objettivi tal-klassifikazzjonijiet ESG u ċarezza fuq l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG.

(9)Fil-livell internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”) ħarġet rapport f’Novembru 2021 li fih sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG 25 .

(10)Il-klassifikazzjonijiet ESG għandhom rwol importanti fis-swieq kapitali globali, minħabba li l-investituri, il-mutwatarji u l-emittenti qed jużaw dejjem aktar dawk il-klassifikazzjonijiet ESG bħala parti mit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati u sostenibbli dwar l-investiment u l-finanzjament. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-ditti tal-investiment, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-impriżi tar-riassigurazzjoni, fost l-oħrajn, ta’ spiss jużaw dawk il-klassifikazzjonijiet ESG bħala referenza għall-prestazzjoni tas-sostenibbiltà jew għar-riskji u l-opportunitajiet tas-sostenibbiltà fl-attività tal-investiment tagħhom. Konsegwentement, il-klassifikazzjonijiet ESG għandhom impatt sinifikanti fuq l-operat tas-swieq u fuq il-fiduċja u l-kunfidenza tal-investituri u l-konsumaturi. Sabiex jiġi żgurat li l-klassifikazzjonijiet ESG użati fl-Unjoni jkunu indipendenti, oġġettivi u ta’ kwalità adegwata, huwa importanti li l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG jitwettqu f’konformità mal-prinċipji ta’ integrità, trasparenza, responsabbiltà u governanza tajba. Komparabbiltà aħjar u affidabbiltà akbar tal-klassifikazzjonijiet ESG itejbu l-effiċjenza ta’ dak is-suq li qed jikber malajr, u b’hekk jiffaċilitaw il-progress lejn l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.

(11)Il-klassifikazzjonijiet ESG għandhom rwol abilitanti għall-funzjonament xieraq tas-suq tal-finanzi sostenibbli tal-Unjoni billi jipprovdu informazzjoni importanti għall-istrateġiji ta’ investiment, il-ġestjoni tar-riskju u l-obbligi ta’ divulgazzjoni minn investituri u istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-klassifikazzjonijiet ESG jipprovdu informazzjoni materjali utli għad-deċiżjonijiet lill-utenti, u li l-utenti tal-klassifikazzjonijiet ESG jifhmu aħjar l-objettivi li jfittxu li jilħqu l-klassifikazzjonijiet ESG u xi kwistjonijiet u metriċi speċifiċi jkejlu dawk il-klassifikazzjonijiet.

(12)Huwa meħtieġ li jiġu rikonoxxuti d-diversi mudelli tan-negozju tas-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG. L-ewwel mudell tan-negozju huwa l-mudell ta’ ħlas mill-utent, fejn l-utenti huma prinċipalment investituri li jixtru klassifikazzjonijiet ESG għal deċiżjonijiet ta’ investiment. It-tieni mudell tan-negozju huwa l-mudell ta’ ħlas mill-emittent, fejn l-impriżi jixtru klassifikazzjonijiet ESG għall-valutazzjoni tar-riskji u tal-opportunitajiet bl-operazzjonijiet tagħhom.

(13)L-Istati Membri la jirregolaw u lanqas jissorveljaw l-attivitajiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew il-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Fl-iżgurar tal-allinjament mal-objettivi tal-SDGs u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u minħabba d-diverġenzi eżistenti, in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ regoli komuni, huwa probabbli li l-Istati Membri jadottaw miżuri u approċċi diverġenti, li jkollhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern u joħolqu ostakli għalih, u jkunu ta’ detriment għas-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG. Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joħorġu klassifikazzjonijiet ESG għall-użu ta’ istituzzjonijiet u impriżi finanzjarji fl-Unjoni jkunu soġġetti għal regoli differenti fi Stati Membri differenti. Standards u prattiki tas-suq diverġenti jagħmluha diffiċli li jkun hemm ċarezza fuq il-kostruzzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG u jippermettu t-tqabbil tagħhom, biex b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet tas-suq mhux uniformi għall-utenti, jikkawżaw ostakli addizzjonali fis-suq intern, u jirriskjaw li jfixklu d-deċiżjonijiet ta’ investiment.

(14)Dan ir-Regolament jikkomplementa l-qafas eżistenti tal-finanzi sostenibbli tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, jenħtieġ li l-klassifikazzjonijiet ESG jiffaċilitaw il-flussi ta’ informazzjoni sabiex jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment.

(15)Jenħtieġ li r-regoli dwar il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma japplikawx għal klassifikazzjonijiet ESG privati prodotti skont ordni individwali u pprovduti esklussivament lill-persuna li tkun għamlet l-ordni u li ma humiex maħsuba għal divulgazzjoni jew distribuzzjoni pubblika b’abbonament jew b’mezzi oħrajn. Lanqas ma jenħtieġ li dawn ir-regoli japplikaw għall-klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn impriżi finanzjarji Ewropej li jintużaw għal skopijiet interni. Jenħtieġ li l-klassifikazzjonijiet ESG żviluppati mill-awtoritajiet Ewropej jew nazzjonali u mill-banek ċentrali jiġu eżentati wkoll minn tali regoli. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li tali regoli ma japplikawx għall-forniment ta’ data ESG li ma tinkludix element ta’ klassifikazzjoni jew punteġġ u ma humiex soġġetti għal immudellar jew analiżi li jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ klassifikazzjoni ESG.

(16)Huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzati fl-Unjoni jkunu ta’ kwalità adegwata, ikunu soġġetti għal rekwiżiti xierqa u jiżguraw l-integrità tas-suq. Dawk ir-regoli jkunu japplikaw għall-klassifikazzjonijiet ESG ġenerali li jkopru fatturi Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza, u għal klassifikazzjonijiet li qed iħarsu biss lejn fattur Ambjentali, Soċjali jew ta’ Governanza uniku jew subkomponent ta’ dak il-fattur.

(17)Minħabba l-użu tal-klassifikazzjonijiet ESG minn fornituri li jinsabu barra mill-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti bbażati fuq liema fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni. Dan huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u l-infurzar xieraq. Għalhekk, qed jiġu proposti tliet reġimi possibbli għal dawk il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi: ekwivalenza, approvazzjoni u rikonoxximent. Bħala prinċipju ġenerali, jenħtieġ li s-superviżjoni u r-regolamentazzjoni f’pajjiż terz ikunu ekwivalenti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tal-Unjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG. Għalhekk, il-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jinsab f’pajjiż terz jistgħu jiġu offruti biss fl-Unjoni meta tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza tar-reġim ta’ pajjiż terz. Madankollu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv li jirriżulta minn waqfien f’daqqa possibbli tal-offerta fl-Unjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz, huwa meħtieġ ukoll li jiġu previsti ċerti mekkaniżmi oħrajn, jiġifieri l-approvazzjoni u r-rikonoxximent. Kwalunkwe fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG bi struttura ta’ grupp jenħtieġ li jkun jista’ juża l-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni għall-klassifikazzjonijiet ESG żviluppati barra mill-Unjoni, diment li jistabbilixxi, fi ħdan il-grupp, fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzat fl-Unjoni. Fornituri iżgħar ta’ klassifikazzjonijiet ESG, skont it-tifsira tal-limitu massimu tal-fatturat nett biex jiġu definiti impriżi żgħar fid-Direttiva 2013/34/UE 26 , li ġeneralment ma jkunux jappartjenu għal grupp, u li jista’ jkun li ma jkollhomx il-mezzi biex ikollhom entità ġuridika awtorizzata fl-Unjoni, jenħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu jew jibdew joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni u, għalhekk, jenħtieġ li jibbenefikaw minn reġim inqas strett, jiġifieri r-rikonoxximent. Meta l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat l-iskambju xieraq ta’ informazzjoni mal-awtorità kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz.

(18)Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ fiduċja tal-investituri u tal-konsumaturi fis-suq intern, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jipprovdu klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni jiġu awtorizzati. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet armonizzati għal tali awtorizzazzjoni u l-proċedura għall-għoti, is-sospensjoni u l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjoni.

(19)Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ informazzjoni lill-investituri u lil utenti oħrajn tal-klassifikazzjonijiet ESG, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjonijiet ESG u l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG tkun disponibbli fuq il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) 27 . Jenħtieġ li l-ESAP jipprovdi lill-pubbliku b’aċċess ċentralizzat faċli għal tali informazzjoni.

(20)Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-affidabbiltà tal-klassifikazzjonijiet ESG, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jużaw metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni li jkunu rigorużi, sistematiċi, oġġettivi, kontinwi u soġġetti għal validazzjoni. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jirrieżaminaw il-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet ESG fuq bażi kontinwa u mill-inqas kull sena.

(21)Sabiex tiġi żgurata trasparenza ta’ livell ogħla, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jiddivulgaw informazzjoni lill-pubbliku dwar il-metodoloġiji, il-mudelli u s-suppożizzjonijiet ewlenin tal-klassifikazzjoni li dawk il-fornituri jużaw fl-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom u f’kull wieħed mill-prodotti ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom. Fid-dawl tal-użi tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-investituri, jenħtieġ li l-prodotti ta’ klassifikazzjoni jiddivulgaw b’mod espliċitu liema dimensjoni tal-materjalità doppja l-klassifikazzjoni tindirizza, kemm jekk hijiex riskju finanzjarju materjali għall-entità kklassifikata u l-impatt materjali tal-entità kklassifikata fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà b’mod ġenerali, jew jekk tqisx wieħed biss minnhom. Jenħtieġ li dawn jiddivulgaw b’mod espliċitu jekk il-klassifikazzjoni tindirizzax dimensjonijiet oħrajn. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-metodoloġiji, il-mudelli u s-suppożizzjonijiet ewlenin tal-klassifikazzjoni lill-abbonati tal-klassifikazzjonijiet ESG. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tippermetti lill-utenti tal-klassifikazzjonijiet ESG iwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom stess meta jivvalutaw jekk għandhomx jiddependu jew le fuq dawk il-klassifikazzjonijiet ESG. Madankollu, jenħtieġ li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-mudelli ma tiżvelax informazzjoni kummerċjali sensittiva u ma tfixkilx l-innovazzjoni.

(22)Jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jiżguraw li jipprovdu klassifikazzjonijiet ESG li jkunu indipendenti, oġġettivi u ta’ kwalità adegwata. Huwa importanti li jiġu introdotti rekwiżiti organizzazzjonali li jiżguraw il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u jimmaniġġaw dawk il-kunflitti b’mod adegwat meta dawn ikunu inevitabbli. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jiddivulgaw il-kunflitti ta’ interess fil-ħin. Jenħtieġ li huma jżommu wkoll rekords tat-theddid sinifikanti kollu għall-indipendenza tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG u dik tal-impjegati tiegħu u ta’ persuni oħrajn involuti fil-proċess ta’ klassifikazzjoni, kif ukoll is-salvagwardji applikati biex jittaffa dak it-theddid. Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma jitħallewx joffru għadd ta’ servizzi oħrajn, inklużi servizzi ta’ konsulenza, klassifikazzjonijiet tal-kreditu, parametri referenzjarji, attivitajiet ta’ investiment, awditjar, jew attivitajiet bankarji, tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi evitat, identifikat, eliminat jew immaniġġat u divulgat kwalunkwe kunflitt ta’ interess u sabiex jiġu żgurati l-kwalità, l-integrità u r-reqqa tal-proċess ta’ klassifikazzjoni u rieżami ESG f’kull ħin, jenħtieġ li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jistabbilixxu politiki u proċeduri interni xierqa b’rabta mal-impjegati u ma’ persuni oħrajn involuti fil-proċess ta’ klassifikazzjoni. Jenħtieġ li tali politiki u proċeduri, b’mod partikulari, jinkludu mekkaniżmi ta’ kontroll intern u funzjoni ta’ konformità.

(23)Sabiex ikun hemm aktar ċarezza u tissaħħaħ il-fiduċja fl-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għas-superviżjoni kontinwa tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG fil-livell tal-Unjoni. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi f’termini ta’ superviżjoni kontinwa u jiġi eliminat ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju madwar l-Istati Membri, jenħtieġ li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tiġi fdata bir-responsabbiltà esklużiva għal tali awtorizzazzjoni u superviżjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tali responsabbiltà esklużiva tottimizza l-allokazzjoni tar-riżorsi superviżorji fil-livell tal-Unjoni, u b’hekk tagħmel lill-ESMA ċ-ċentru tas-superviżjoni.

(24)Jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq il-kompiti superviżorji tagħha b’mod effettiv. Għalhekk, jenħtieġ li hija tkun tista’ titlob tali informazzjoni mingħand il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, il-persuni involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, l-entitajiet ikklassifikati u partijiet terzi li lilhom il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG esternalizzaw funzjonijiet operattivi u persuni li b’xi mod ieħor huma relatati jew konnessi mill-qrib u sostanzjalment ma’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew ma’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG.

(25)Jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ twettaq il-kompiti superviżorji tagħha u, b’mod partikolari, sabiex il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jiġu mġiegħla jtemmu ksur, jipprovdu informazzjoni kompluta u korretta, jew jikkonformaw ma’ investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post. Sabiex jiġi żgurat li l-ESMA tkun tista’ twettaq dawk il-kompiti superviżorji, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ timponi penali jew pagamenti perjodiċi ta’ penali.

(26)Minħabba r-rwol tagħha li tawtorizza u tissorvelja l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, jenħtieġ li l-ESMA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta’ politika għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-ESMA tispeċifika aktar l-informazzjoni meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE u f’konformità mal-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 .

(27)Fir-rwol tagħha li tawtorizza u tissorvelja l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ titlob tariffi superviżorji lill-entitajiet taħt superviżjoni. Jenħtieġ li dawn it-tariffi jitħallsu mill-entitajiet taħt superviżjoni.

(28)Sabiex jiġu speċifikati aktar l-elementi tekniċi ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-proċedura li timponi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali, il-ġbir ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, u regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali u t-tip ta’ tariffi, il-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi, u l-mod li bih għandhom jitħallsu dawk it-tariffi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 29 . B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess żmien bħall-esperti tal-Istati Membri, u jenħtieġ li l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(29)Huwa meħtieġ li jkun hemm għadd ta’ miżuri li jappoġġaw fornituri iżgħar ta’ klassifikazzjonijiet ESG biex ikunu jistgħu jkomplu l-attivitajiet tagħhom, jew jidħlu fis-suq wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu l-possibbiltà li l-ESMA teżenta lill-fornituri iżgħar ta’ klassifikazzjonijiet ESG minn għadd ta’ rekwiżiti organizzazzjonali meta jissodisfaw ċerti kriterji. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi introdott reġim tranżitorju għall-ewwel xhur wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex tiġi ffaċilitata l-fażi inizjali ta’ applikazzjoni għal fornituri iżgħar ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li t-tariffi superviżorji jkunu proporzjonati mal-fatturat nett annwali tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikkonċernat.

(30)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, jiġifieri li jistabbilixxu reġim konsistenti u effettiv biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-vulnerabbiltajiet li joħolqu l-klassifikazzjonijiet ESG, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(31)Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

Titolu I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ regolatorju komuni biex jittejbu l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, u jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet ESG. Huwa għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, filwaqt li jikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u jipprevjeni l-greenwashing jew tipi oħrajn ta’ miżinformazzjoni, inklużi l-ħasil soċjali, bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza relatati mal-klassifikazzjonijiet ESG u r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kondotta tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament japplika għall-klassifikazzjonijiet ESG maħruġa minn fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-Unjoni li jiġu ddivulgati pubblikament jew li jitqassmu lil impriżi finanzjarji regolati fl-Unjoni, impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew awtoritajiet pubbliċi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

2.Dan ir-Regolament ma japplika għall-ebda waħda minn dawn li ġejjin:

(a)klassifikazzjonijiet ESG privati li ma humiex maħsuba għad-divulgazzjoni pubblika jew għad-distribuzzjoni;

(b)klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn impriżi finanzjarji regolati fl-Unjoni li jintużaw għal skopijiet interni jew għall-forniment ta’ servizzi u prodotti finanzjarji interni;

(c)il-forniment ta’ data ESG mhux ipproċessata li ma fihiex element ta’ klassifikazzjoni jew punteġġ, u li ma tkun soġġetta għall-ebda mmudellar jew analiżi li jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ klassifikazzjoni ESG;

(d)klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 ;

(e)prodotti jew servizzi li jinkorporaw element ta’ klassifikazzjoni ESG;

(f)opinjonijiet ta’ tieni parti dwar il-bonds tas-sostenibbiltà;

(g)klassifikazzjonijiet ESG prodotti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;

(h)klassifikazzjonijiet ESG minn fornitur awtorizzat ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti minn parti terza;

(i)klassifikazzjonijiet ESG prodotti minn banek ċentrali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)ma jitħallsux mill-entità kklassifikata;

(b)ma jiġux iddivulgati lill-pubbliku;

(c)jiġu pprovduti f’konformità mal-prinċipji, l-istandards u l-proċeduri li jiżguraw l-adegwatezza, l-integrità u l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni, kif previst minn dan ir-Regolament, u

(d)ma jkunux relatati mal-istrumenti finanzjarji maħruġa mill-Istati Membri tal-banek ċentrali rispettivi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“klassifikazzjoni ESG” tfisser opinjoni, punteġġ jew kombinazzjoni tat-tnejn, fir-rigward ta’ entità, strument finanzjarju, prodott finanzjarju, jew il-profil jew il-karatteristiċi ESG ta’ impriża jew skopertura għar-riskji ESG jew l-impatt fuq in-nies, is-soċjetà u l-ambjent, li huma bbażati fuq metodoloġija stabbilita u sistema ta’ klassifikazzjoni definita tal-kategoriji ta’ klassifikazzjoni u li huma pprovduti lil partijiet terzi, irrispettivament minn jekk tali klassifikazzjoni ESG hijiex espliċitament ittikkettata bħala “klassifikazzjoni” jew “punteġġ ESG”;

(2)“opinjoni” tfisser valutazzjoni li tkun ibbażat fuq metodoloġija bbażata fuq ir-regoli u sistema ta’ klassifikazzjoni definita tal-kategoriji ta’ klassifikazzjoni, li tinvolvi direttament analista tal-klassifikazzjoni fil-proċess tal-klassifikazzjoni jew fil-proċess tas-sistemi;

(3)“punteġġ” tfisser miżura derivata mid-data, bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq ir-regoli, u bbażata biss fuq sistema jew mudell statistiku jew algoritmiku stabbilit minn qabel, mingħajr ebda input analitiku sostanzjali addizzjonali minn analista;

(4)“fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG” tfisser persuna ġuridika li xogħolha jinkludi li toffri u tiddistribwixxi l-klassifikazzjonijiet jew il-punteġġi ESG fuq bażi professjonali;

(5)“impriża finanzjarja regolata fl-Unjoni” tfisser impriża, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, jiġifieri:

(i)    istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 ;

(ii)    ditta tal-investiment kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 ;

(iii)    maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) kif definit fl-Artikolu 4(1), punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 , inkluż maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kif definit fl-Artikolu 3, punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 , maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fl-Artikolu 3, punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 u maniġer tal-ELTIF kif definit fl-Artikolu 2, punt (12), tar-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 ;

(iv)    kumpanija maniġerjali ta’ impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif definita fl-Artikolu 2(1), punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 ;

(v)    impriża tal-assigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, punt (1), tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 ;

(vi)    impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, punt (4), tad-Direttiva 2009/138/KE;

(vii)    istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definita fl-Artikolu 1, punt (6), tad-Direttiva 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 ;

(viii)    istituzzjonijiet tal-pensjoni li joperaw skemi tal-pensjoni li huma kkunsidrati bħala skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 u mir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 , u kwalunkwe entità ġuridika stabbilita għall-fini ta’ investiment ta’ tali skemi tas-sigurtà soċjali;

(ix)    fond ta’ investiment alternattiv (AIF) ġestit minn AIFM kif definit fl-Artikolu 4(1), punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE jew AIF taħt superviżjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

(x)    UCITS kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(xi)    kontroparti ċentrali kif definita fl-Artikolu 2, punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 ;

(xii)    depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fl-Artikolu 2(1), punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 ;

(xiii)    veikolu bi skop speċjali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 211 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(xiv)    “entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni” kif definita fl-Artikolu 2, punt (2), tar-Regolament (UE) Nru 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 ;

(xv)    kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 212(1)(f) tad-Direttiva 2009/138/KE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta kif definita fl-Artikolu 212(1)(h) tad-Direttiva 2009/138/KE, li hija parti minn grupp tal-assigurazzjoni li huwa soġġett għal superviżjoni fil-livell tal-grupp skont l-Artikolu 213 ta’ dik id-Direttiva u li ma huwiex eżentat mis-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 214(2) ta’ dik id-Direttiva;

(xvi)    istituzzjoni ta’ pagament kif definita fl-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 ;

(xvii)    istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 2, punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 ;

(xviii)    fornitur ta’ servizz ta’ finanzjament kollettiv kif definit fl-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 ;

(xix)    fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi kif definit fl-Artikolu 3(1), punt (8), ta’ [il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi 48 ] fejn iwettaq servizz wieħed jew aktar tal-kriptoassi kif definit fl-Artikolu 3(1), punt (9), ta’ [il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi];

(xx)    repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet kif definit fl-Artikolu 2, punt (2), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(xxi)    repożitorju tat-titolizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 2, punt 23, tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(xxii)    amministratur ta’ parametri referenzjarji kif definit fl-Artikolu 3(1), punt (3), tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 ;

(xxiii)    aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kif definita fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009;

(6)“analist ta’ klassifikazzjoni” tfisser persuna li twettaq funzjonijiet analitiċi bil-għan li toħroġ klassifikazzjonijiet ESG;

(7)“entità kklassifikata” tfisser persuna ġuridika, strument finanzjarju, prodott finanzjarju jew awtorità pubblika jew korp irregolat bil-liġi pubblika li huwa espliċitament jew impliċitament ikklassifikat fil-klassifikazzjoni jew fil-punteġġ ESG, irrispettivament minn jekk tali klassifikazzjoni tkunx ġiet mitluba u irrispettivament minn jekk il-persuna ġuridika tkunx ipprovdiet informazzjoni għal tali klassifikazzjoni jew punteġġ ESG;

(8)“utent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, inkluża awtorità pubblika jew korp irregolat bil-liġi pubblika, li tingħatalha klassifikazzjoni ESG;

(9)“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet maħtura minn kull Stat Membru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament;

(10)“maniġment superjuri” tfisser il-persuna jew il-persuni li jidderieġu b’mod effettiv in-negozju tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG u l-membru jew il-membri tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

(11)“grupp ta’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG” tfisser grupp ta’ impriżi stabbiliti fl-Unjoni li jikkonsisti minn impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE, u impriżi marbuta ma’ xulxin b’relazzjoni u li l-okkupazzjoni tagħhom tinkludi l-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

TITOLU II

Forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni

Artikolu 4

Rekwiżiti biex jiġu pprovduti klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni

Kwalunkwe persuna ġuridika li tixtieq tipprovdi klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni għandha tkun soġġetta għal waħda minn dawn li ġejjin:

(a)awtorizzazzjoni maħruġa mill-ESMA kif imsemmi fl-Artikolu 5;

(b)deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 9;

(c)awtorizzazzjoni għall-approvazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 10;

(d)rikonoxximent kif imsemmi fl-Artikolu 11;

KAPITOLU 1

Awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni

Artikolu 5

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tiġi pprovduta klassifikazzjoni ESG

1.Il-persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni li jixtiequ jipprovdu klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjoni mal-ESMA.

2.L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha elenkata fl-Anness I u għandha tiġi sottomessa bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 50 għandu japplika mutatis mutandis għal kwalunkwe komunikazzjoni oħra bejn l-ESMA u l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u l-persunal tagħhom.

3.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar l-informazzjoni elenkata fl-Anness I.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa XX XXXX XXXX.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.Fornitur awtorizzat ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali f’kull ħin.

5.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar kwalunkwe bidla materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali, inkluż kwalunkwe ftuħ jew għeluq ta’ fergħa fl-Unjoni, mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 6

Eżami tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG mill-ESMA

1.Fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), l-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta. Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tistabbilixxi data tal-għeluq sa meta l-applikant għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

2.Wara li tkun ivvalutat jekk applikazzjoni hijiex kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lill-applikant bir-riżultat ta’ dik il-valutazzjoni.

3.Fi żmien 120 jum tax-xogħol min-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-ESMA għandha tadotta deċiżjoni motivata bis-sħiħ li tawtorizza jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni.

4.L-ESMA tista’ testendi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3 sa 140 jum tax-xogħol, b’mod partikolari meta l-applikant:

(a)jipprevedi l-approvazzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(b)jipprevedi l-użu ta’ esternalizzazzjoni; jew

(c)jitlob eżenzjoni mill-konformità skont l-Artikolu 20.

5.Id-deċiżjoni adottata mill-ESMA skont il-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 7

Deċiżjoni li tingħata jew tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti l-klassifikazzjonijiet ESG u n-notifika ta’ dik id-deċiżjoni

1.L-ESMA għandha tawtorizza lill-applikant bħala fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG meta wara l-eżami tal-applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 6 tikkonkludi li l-applikant jirrispetta l-kundizzjonijiet għall-forniment tal-klassifikazzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.L-ESMA għandha tinforma lill-applikant fi żmien 5 ijiem tax-xogħol b’dik id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu.

3.L-ESMA għandha tinforma lill-Kummissjoni, lill-EBA u lill-EIOPA bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 2.

4.L-awtorizzazzjoni għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

Artikolu 8

Irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni

1.L-ESMA għandha tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun irrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda klassifikazzjoni ESG għal 9 xhur qabel dak l-irtirar jew dik is-sospensjoni;

(b)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun kiseb l-awtorizzazzjoni tiegħu billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;

(c)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien awtorizzat;

(d)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG kiser serjament jew ripetutament dan ir-Regolament.

2.Id-deċiżjoni dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għandha tidħol fis-seħħ b’mod immedjat fl-Unjoni kollha.

KAPITOLU 2

Forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni minn fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi

Artikolu 9

Deċiżjoni dwar l-ekwivalenza

1.Fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz li jixtieq jipprovdi klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni għandu jkun jista’ jagħmel dan biss meta jkun inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 13 u diment li jkunu ġew irrispettati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun persuna ġuridika, ikun awtorizzat jew irreġistrat bħala fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG fil-pajjiż terz ikkonċernat, u jkun soġġett għal superviżjoni minn dak il-pajjiż terz;

(b)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun innotifika lill-ESMA li jixtieq jipprovdi klassifikazzjonijiet ESG fl-Unjoni u jkun informa lill-ESMA bl-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tiegħu fil-pajjiż terz;

(c)il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont il-paragrafu 2;

(d)l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 jkunu operattivi.

2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddikjara li l-qafas legali u l-prattika superviżorja ta’ pajjiż terz jiżguraw li:

(a)il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzati jew irreġistrati f’dak il-pajjiż terz ikunu konformi mar-rekwiżiti vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament,

(b)il-konformità mar-rekwiżiti vinkolanti msemmija fil-punt (a) tkun soġġetta għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f’dak il-pajjiż terz.

Għall-finijiet tal-punt (a), il-Kummissjoni għandha tqis jekk il-qafas legali u l-prattika superviżorja ta’ pajjiż terz jiżgurawx il-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO għall-Klassifikazzjonijiet ESG ippubblikati f’Novembru 2021.

Tali deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 47.

3.Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 45 biex tispeċifika l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għal:

(a)l-issodisfar effettiv fuq bażi kontinwa minn dak il-pajjiż terz ta’ kwalunkwe kundizzjoni stabbilita f’dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li għandha l-għan li tiżgura standards superviżorji u regolatorji ekwivalenti;

(b)il-kapaċità tal-ESMA li teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.    L-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas legali u l-prassi superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti f’konformità mal-paragrafu 2. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw dawn kollha li ġejjin:

(a)il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha mitluba mill-ESMA rigward il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzat jew irreġistrat f’dak il-pajjiż terz;

(b)il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront lill-ESMA meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tqis li l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzat jew irreġistrat f’dak il-pajjiż terz u li jkun issorveljat minn dik l-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz ikun qed jikser il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jew tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew liġi nazzjonali oħra f’dak il-pajjiż terz;

(c)il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inklużi spezzjonijiet fuq il-post.

Artikolu 10

Approvazzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz

1.Fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jinsab fl-Unjoni u li huwa awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 7 jista’ japprova l-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz li jappartjeni għall-istess grupp, diment li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jinsab fl-Unjoni jkun applika mal-ESMA għall-awtorizzazzjoni ta’ tali approvazzjoni;

(b)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jinsab fl-Unjoni jkun ivverifika u jista’ juri fuq bażi kontinwa lill-ESMA li l-forniment tal-klassifikazzjoni ESG li għandha tiġi approvata jissodisfa rekwiżiti li huma mill-inqas stretti daqs ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(c)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jinsab fl-Unjoni jkollu l-għarfien espert meħtieġ biex jimmonitorja l-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz b’mod effettiv, u biex jimmaniġġa kwalunkwe riskju assoċjat;

(d)ikun hemm raġuni oġġettiva għaliex il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi l-klassifikazzjoni ESG u għaliex dik il-klassifikazzjoni ESG għandha tiġi approvata għall-użu fl-Unjoni;

(e)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jinsab fl-Unjoni jipprovdi lill-ESMA fuq talba tagħha bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-ESMA tkun tista’ tissorvelja l-konformità mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ma’ dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa;

(f)meta fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, ikun hemm fis-seħħ arranġament ta’ kooperazzjoni xieraq bejn l-ESMA u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn ikun jinsab il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni;

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA tista’ tikkunsidra li l-konformità tal-forniment tal-klassifikazzjoni ESG li għandha tiġi approvata mar-rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO għall-klassifikazzjonijiet ESG hija ekwivalenti għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.Fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li japplika għall-approvazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprovdi lill-ESMA bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa lill-ESMA li, fiż-żmien tal-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dak il-paragrafu jkunu ssodisfati.

3.Fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni għal approvazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha teżamina l-applikazzjoni u tiddeċiedi jew li tawtorizza l-approvazzjoni jew inkella li tirrifjutaha. L-ESMA għandha tinnotifika pubblikament id-deċiżjoni li tapprova pprovduta minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz.

4.Klassifikazzjoni ESG approvata għandha titqies bħala klassifikazzjoni ESG ipprovduta mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li japprova. Il-fornitur li japprova ma għandux juża l-approvazzjoni bl-intenzjoni li jevita r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

5.Fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jkun approva klassifikazzjoni ESG ipprovduta minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz għandu jibqa’ kompletament responsabbli għal tali klassifikazzjoni ESG u għall-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

6.Meta l-ESMA jkollha raġunijiet fondati sewwa biex tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx issodisfati, hija għandu jkollha s-setgħa li titlob lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li japprova biex iwaqqaf l-approvazzjoni.

Artikolu 11

Rikonoxximent ta’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi

1.Sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwar l-ekwivalenza kif imsemmi fl-Artikolu 9 jew, meta tkun adottata, f’każ li d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza titħassar, il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi b’fatturat nett annwali fuq l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom ta’ inqas minn EUR 12-il miljun għal 3 snin konsekuttivi jistgħu jipprovdu klassifikazzjonijiet ESG lil impriżi finanzjarji regolati fl-Unjoni, diment li l-ESMA tkun irrikonoxxiet dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz f’konformità mal-paragrafi XX u YY.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiġu rikonoxxuti kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u japplikaw għar-rikonoxximent mal-ESMA. Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jistgħu jissodisfaw dik il-kundizzjoni billi japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO fuq il-klassifikazzjonijiet ESG, diment li tali applikazzjoni tkun ekwivalenti għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA tista’ tqis valutazzjoni minn awditur estern indipendenti jew ċertifikazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn ikun jinsab il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz.

3.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiġu rikonoxxuti kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollhom rappreżentant legali. Dak ir-rappreżentant legali għandu jkun persuna ġuridika li tinsab fl-Unjoni u maħtura espressament minn dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz biex taġixxi f’isem dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG fir-rigward tal-obbligi ta’ dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG skont dan ir-Regolament u, f’dak ir-rigward, tkun responsabbli lejn l-ESMA.

4.Il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi lill-ESMA, qabel ir-rikonoxximent imsemmi fil-paragrafu 1, bl-informazzjoni li ġejja:

(a)l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tissodisfa lill-ESMA li dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun stabbilixxa l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2;

(b)il-lista tal-klassifikazzjonijiet ESG attwali jew prospettivi tiegħu li huma maħsuba għall-forniment fl-Unjoni;

(c)fejn applikabbli, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tiegħu.

L-ESMA għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 jiġu ssodisfati fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

5.L-ESMA għandha tirrikonoxxi l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz kif imsemmi fil-paragrafu 1, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun ikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4;

(b)meta l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, l-ESMA għandha tfittex li tistabbilixxi arranġament ta’ kooperazzjoni xieraq mal-awtorità kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz fejn jinsab il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, sabiex tiżgura skambju effiċjenti ta’ informazzjoni;

6.Ma għandu jingħata l-ebda rikonoxximent meta l-eżerċitar effettiv mill-ESMA tal-funzjonijiet superviżorji tagħha skont dan ir-Regolament ikun ipprevenut jew mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz, jew inkella, fejn applikabbli, mil-limitazzjonijiet fis-setgħat ta’ superviżjoni u investigazzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz.

7.L-ESMA għandha timponi multi, f’konformità mal-Artikolu 30, tissospendi jew, fejn xieraq, tirtira r-rikonoxximent imsemmi fil-paragrafu 1 meta jkollha raġunijiet fondati sewwa, abbażi ta’ evidenza dokumentata, biex tikkunsidra li l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG:

(a)qed jaġixxi, jew kien qed jaġixxi, b’mod li huwa evidentement ta’ preġudizzju għall-interessi tal-utenti tal-klassifikazzjonijiet ESG tiegħu jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq;

(b)ikun kiser serjament ir-rekwiżiti applikabbli stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(c)ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew uża kwalunkwe mezz irregolari ieħor biex jikseb ir-rikonoxximent.

8.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-forma u l-kontenut tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u, b’mod partikolari, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni mitluba fil-paragrafu 4. L-ESMA għandha tissottomettihom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 12

Arranġamenti ta’ kooperazzjoni

1.Kwalunkwe arranġament ta’ kooperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 9(4), fl-Artikolu 10(1)(f) u fl-Artikolu 11(5)(b) għandu jkun soġġett għal garanziji ta’ segretezza professjonali li jkunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 44. L-iskambju ta’ informazzjoni mwettaq taħt tali arranġamenti ta’ kooperazzjoni għandu jkun maħsub għat-twettiq tal-kompiti tal-ESMA jew tal-awtoritajiet kompetenti.

2.Fir-rigward tat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz, l-ESMA għandha tapplika r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 .

KAPITOLU 3

Reġistru u aċċessibbiltà tal-informazzjoni

Artikolu 13

Reġistru tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u aċċessibbiltà tal-informazzjoni fuq il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP)

1.L-ESMA għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru li jkun fih informazzjoni dwar dawn kollha li ġejjin:

(a)l-identitajiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG awtorizzati skont l-Artikolu 7;

(b)l-identitajiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 u tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawk il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi;

(c)l-identitajiet tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li japprova u tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz approvat imsemmi fl-Artikolu 10 u, fejn applikabbli, tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li huma responsabbli għas-superviżjoni tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiż terz approvat;

(d)l-identitajiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 11 u, fejn applikabbli, tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawk il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ta’ pajjiżi terzi;

2.Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-ESMA u għandu jiġi aġġornat minnufih, kif meħtieġ.

3.Mill-1 ta’ Jannar 2028, meta jagħmel pubblika kwalunkwe informazzjoni skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 21(1), il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jissottometti dik l-informazzjoni lill-korp ta’ ġbir rilevanti msemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu fl-istess ħin għall-aċċessibbiltà fuq l-ESAP stabbilit skont ir-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

4.Dik l-informazzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)l-informazzjoni għandha titħejja f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data kif definit fl-Artikolu 2, punt (3), tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP] jew, fejn meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni, f’format li jista’ jinqara mill-magni, kif definit fl-Artikolu 2, punt (4), tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP];

(b)l-informazzjoni għandha tkun akkumpanjata bil-metadata li ġejja:

(1)l-ismijiet kollha tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jissottomettu l-informazzjoni;

(2)l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP];

(3)id-daqs tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP];

(4)it-tip ta’ informazzjoni kif klassifikata skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP];

(5)metadata li tispeċifika jekk l-informazzjoni tinkludix data personali.

5.Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b)(ii), il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jikseb l-identifikatur ta’ entità ġuridika kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP].

6.Sabiex l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 issir aċċessibbli fuq l-ESAP, il-korp tal-ġbir kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament tal-ESAP] għandu jkun l-ESMA.

7.Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 10(3), fl-Artikolu 33(1), fl-Artikolu 34 u fl-Artikolu 35 għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Għal dak l-iskop, il-korp ta’ ġbir kif definit fl-Artikolu 2, punt (2), ta’ dak ir-Regolament għandu jkun l-ESMA. Dik l-informazzjoni għandha titħejja f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data kif definit fl-Artikolu 2, punt 3, tar-Regolament (UE) XX/XXXX [ir-Regolament dwar l-ESAP], filwaqt li tkun tinkludi l-metadata fir-rigward tal-ismijiet u, fejn disponibbli, l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4) ta’ dak ir-Regolament, it-tip ta’ informazzjoni kif ikklassifikata skont l-Artikolu 7(4) ta’ dak ir-Regolament u jekk l-informazzjoni tinkludix data personali.

8.Għall-finijiet tal-iżgurar ta’ ġbir u amministrazzjoni effiċjenti tad-data sottomessa f’konformità mal-paragrafu 3, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika:

(a)kwalunkwe metadata oħra li għandha takkumpanja l-informazzjoni;

(b)l-istrutturar tad-data fl-informazzjoni;

(c)għal liema informazzjoni huwa meħtieġ format li jinqara mill-magni u liema format li jinqara mill-magni għandu jintuża.

Qabel ma tiżviluppa l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, l-ESMA għandha twettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Għall-finijiet tal-punt (c), l-ESMA għandha tivvaluta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ formati differenti li jinqraw mill-magni u twettaq testijiet xierqa fuq il-post.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

9.Jekk ikun meħtieġ, l-ESMA għandha tadotta linji gwida għall-entitajiet biex jiżguraw li l-metadata sottomessa f’konformità fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu, punt (a), tkun korretta.

TITOLU III

INTEGRITÀ U AFFIDABBILTÀ TAL-ATTIVITAJIET TA’ KLASSIFIKAZZJONI ESG

KAPITOLU 1

Rekwiżiti, proċessi u dokumenti organizzazzjonali dwar il-governanza

Artikolu 14

Prinċipji ġenerali

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tagħhom, inkluż mill-influwenzi jew ir-restrizzjonijiet politiċi u ekonomiċi kollha.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jkollhom fis-seħħ regoli u proċeduri li jiżguraw li l-klassifikazzjoni ESG tagħhom tiġi pprovduta u ppubblikata jew issir disponibbli f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jużaw sistemi, riżorsi u proċeduri li huma adegwati u effettivi biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

4.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jadottaw u jimplimentaw politiki u proċeduri bil-miktub li jiżguraw li l-klassifikazzjonijiet ESG tagħhom ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għalihom.

5.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jadottaw u jimplimentaw politiki u proċeduri interni ta’ diliġenza dovuta li jiżguraw li l-interessi kummerċjali tagħhom ma jfixklux l-indipendenza jew l-akkuratezza tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni.

6.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jadottaw u jimplimentaw proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi tajbin, mekkaniżmi ta’ kontroll intern, u arranġamenti ta’ kontroll u salvagwardja effettivi għas-sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

7.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jużaw metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni għall-klassifikazzjonijiet ESG li jipprovdu li jkunu rigorużi, sistematiċi, oġġettivi u kapaċi li jiġu vvalidati u għandhom japplikaw dawk il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni b’mod kontinwu.

8.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jirrieżaminaw il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 fuq bażi kontinwa u mill-inqas kull sena.

9.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, tar-riżorsi u tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 mill-inqas kull sena u jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas.

10.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jistabbilixxu u jżommu funzjoni ta’ sorveljanza permanenti u effettiva biex jiżguraw sorveljanza tal-aspetti kollha tal-forniment tal-klassifikazzjonijiet ESG tagħhom.

Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżviluppaw u jżommu proċeduri robusti fir-rigward tal-funzjoni ta’ sorveljanza tagħhom.

11.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jadottaw, jimplimentaw u jinforzaw miżuri biex jiżguraw li l-klassifikazzjonijiet ESG tagħhom ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha li tkun disponibbli għalihom u li tkun rilevanti għall-analiżi tagħhom f’konformità mal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tagħhom. Huma għandhom jadottaw l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni li jużaw biex jassenjaw il-klassifikazzjonijiet ESG tkun ta’ kwalità suffiċjenti u miksuba minn sorsi affidabbli. Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom isemmu b’mod espliċitu li l-klassifikazzjonijiet ESG tagħhom huma l-opinjoni tagħhom stess.

12.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni dwar il-kapital intellettwali, il-proprjetà intellettwali, l-għarfien espert jew ir-riżultati tal-innovazzjoni tagħhom li jikkwalifikaw bħala sigrieti kummerċjali kif definiti fl-Artikolu 2, punt 1, tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 .

13.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jagħmlu biss bidliet fil-klassifikazzjonijiet ESG tagħhom f’konformità mal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tagħhom ippubblikati skont l-Artikolu 21.

Artikolu 15

Separazzjoni tan-negozju u tal-attivitajiet

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma għandhom jipprovdu l-ebda waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)attivitajiet ta’ konsulenza ma’ investituri jew impriżi;

(b)il-ħruġ u l-bejgħ ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu;

(c)l-iżvilupp ta’ parametri referenzjarji;

(d)attivitajiet ta’ investiment;

(e)attivitajiet ta’ awditjar;

(f)attivitajiet bankarji, tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżguraw li l-forniment ta’ servizzi oħrajn għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ma joħloqx riskji ta’ kunflitti ta’ interess fl-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom.

Artikolu 16

Analisti tal-klassifikazzjoni, impjegati u persuni oħrajn involuti fil-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżguraw li l-analisti tal-klassifikazzjoni, l-impjegati u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom u li huma direttament involuti fil-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG, inklużi analisti direttament involuti fil-proċess ta’ klassifikazzjoni u persuni involuti fil-forniment ta’ punteġġi, ikollhom l-għarfien u l-esperjenza li huma meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet u tal-kompiti assenjati.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma jitħallewx jibdew jew jipparteċipaw f’negozjati rigward tariffi jew pagamenti ma’ kwalunkwe entità kklassifikata jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta mal-entità kklassifikata b’kontroll.

3.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhom jixtru jew ibigħu l-ebda strument finanzjarju maħruġ, garantit, jew appoġġat b’xi mod ieħor minn xi entità kklassifikata għajr parteċipazzjonijiet fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv, inklużi fondi ġestiti, u lanqas ma għandhom jinvolvu ruħhom f’xi tranżazzjoni f’tali strumenti finanzjarji.

4.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jipparteċipaw jew jinfluwenzaw b’xi mod ieħor id-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni ESG ta’ kwalunkwe entità kklassifikata meta dawk il-persuni:

(a)ikollhom strumenti finanzjarji tal-entità kklassifikata, minbarra parteċipazzjonijiet fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv;

(b)ikollhom strumenti finanzjarji ta’ kwalunkwe entità relatata ma’ entità kklassifikata, li l-pussess tagħhom jista’ jikkawża jew jista’ ġeneralment ikun ipperċepit li qed jikkawża kunflitt ta’ interess, minbarra parteċipazzjonijiet fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv;

(c)reċentement kellhom relazzjoni ta’ impjieg, negozju jew relazzjoni oħra mal-entità kklassifikata li tista’ tikkawża jew tista’ ġeneralment tkun ipperċepita li qed tikkawża kunflitt ta’ interess.

5.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fil-paragrafu 1:

(a)jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex jipproteġu l-proprjetà u r-rekords fil-pussess tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG minn frodi, serq jew użu ħażin, filwaqt li jqisu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG u n-natura u l-firxa tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG;

(b)ma jikkondividux informazzjoni kunfidenzjali li tkun ġiet fdata lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma’ xi persuna li ma tkunx involuta direttament fil-forniment ta’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, inklużi analisti tal-klassifikazzjoni u impjegati ta’ xi persuna direttament jew indirettament marbuta mal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG b’kontroll, u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha huma jew ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew huma taħt il-kontroll ta’, kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta mal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG b’kontroll;

(c)ma jużawx jew ma jikkondividux informazzjoni kunfidenzjali għal xi skop ieħor għajr il-forniment ta’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, inkluż għan-negozjar ta’ strumenti finanzjarji.

6.Persuni kif imsemmija fil-paragrafu 1 li jqisu li kwalunkwe persuna oħra kif imsemmija fil-paragrafu 1 tkun involuta f’imġiba li huma jqisu li hija illegali għandhom jinformaw minnufih lill-funzjoni ta’ kontroll tal-konformità b’dan. Il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jiżgura li tali rapportar ma jkollu l-ebda konsegwenza negattiva għall-persuna li tkun qed tirrapporta.

7.Meta analist tal-klassifikazzjoni jittermina l-impjieg tiegħu mal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG u jingħaqad ma’ entità kklassifikata li fiha kien involut fil-klassifikazzjoni, il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jirrieżamina x-xogħol tal-analist tal-klassifikazzjoni fuq sena qabel it-tluq tiegħu.

8.Il-persuni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jieħdu pożizzjoni maniġerjali ewlenija f’entità kklassifikata li fiha kienu involuti fil-klassifikazzjoni għal 6 xhur wara l-għoti ta’ tali klassifikazzjoni.

Artikolu 17

Rekwiżiti taż-żamma tar-rekords

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jirreġistraw l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom. Dawk ir-rekords għandu jkun fihom l-informazzjoni elenkata fl-Anness II.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għal mill-inqas 5 snin u f’tali forma li jkun possibbli li tiġi replikata u mifhuma bis-sħiħ id-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni ESG.

Artikolu 18

Mekkaniżmu ta’ trattament tal-ilmenti

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jkollhom fis-seħħ u jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom il-proċeduri biex jirċievu, jinvestigaw u jżommu rekords dwar l-ilmenti li jkunu saru.

2.Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li:

(a)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-politika dwar it-trattament tal-ilmenti li permezz tagħha jistgħu jiġu sottomessi lmenti dwar:

(1)is-sorsi tad-data użati għal klassifikazzjoni ESG speċifika;

(2)il-mod li bih tkun ġiet applikata l-metodoloġija ta’ klassifikazzjoni b’rabta ma’ klassifikazzjoni ESG speċifika;

(3)jekk klassifikazzjoni ESG speċifika hijiex rappreżentattiva tal-entità kklassifikata;

(4)bidla proposta fil-proċess ta’ determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ESG;

(5)deċiżjonijiet oħrajn b’rabta mal-klassifikazzjoni ESG;

(b)il-fatt li l-ilmenti jiġu investigati b’mod f’waqtu u ġust u li l-eżitu tal-investigazzjoni jiġi kkomunikat lill-ilmentatur f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, sakemm tali komunikazzjoni ma tmurx kontra l-objettivi tal-ordni pubbliku jew ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 ;

(c)il-fatt li l-inkjesta titwettaq b’mod indipendenti minn kwalunkwe persunal li kien involut fis-suġġett tal-ilment.

Artikolu 19

Esternalizzazzjoni

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma għandhomx jesternalizzaw funzjonijiet operazzjonali importanti meta tali esternalizzazzjoni tfixkel b’mod materjali l-kwalità tal-politiki u l-proċeduri ta’ kontroll intern tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, jew il-kapaċità tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) li tissorvelja l-konformità tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jesternalizzaw funzjonijiet jew kwalunkwe servizz jew attività li huma rilevanti għall-forniment ta’ klassifikazzjoni ESG għandhom jibqgħu kompletament responsabbli għat-twettiq tal-obbligi kollha skont dan ir-Regolament.

3.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jesternalizzaw funzjonijiet jew kwalunkwe servizz jew attività li huma rilevanti għall-forniment ta’ klassifikazzjoni ESG għandhom jibqgħu kompletament responsabbli għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Anness II.

Artikolu 20

Eżenzjonijiet fuq ir-rekwiżiti ta’ governanza

1.L-ESMA tista’ teżenta fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG fuq talba tiegħu milli jikkonforma ma’ xi wħud mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14 meta dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun jista’ juri li dawk ir-rekwiżiti ma humiex proporzjonati fid-dawl tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tiegħu u n-natura u l-firxa tal-ħruġ tal-klassifikazzjonijiet ESG u diment li:

(a)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun impriża żgħira jew ta’ daqs medju skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(b)il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun implimenta miżuri u proċeduri u, b’mod partikolari, mekkaniżmi ta’ kontroll intern, arranġamenti ta’ rapportar u miżuri li jiżguraw l-indipendenza tal-analisti tal-klassifikazzjoni u tal-persuni li japprovaw il-klassifikazzjonijiet ESG u li jiżguraw il-konformità effettiva ma’ dan ir-Regolament;

(c)id-daqs tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma jiġix iddeterminat b’tali mod li tiġi evitata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament minn fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew grupp ta’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

2.Fil-każ ta’ grupp ta’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, l-ESMA għandha tiżgura li mill-inqas wieħed mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG fil-grupp ma jkunx eżentat mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

KAPITOLU 2

Rekwiżiti tat-trasparenza

Artikolu 21

Divulgazzjoni lill-pubbliku tal-metodoloġiji, tal-mudelli u tas-suppożizzjonijiet ewlenin tal-klassifikazzjoni użati fl-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiddivulgaw fuq is-sit web tagħhom il-metodoloġiji, il-mudelli u s-suppożizzjonijiet ewlenin tal-klassifikazzjoni li jużaw fl-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG tagħhom, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Anness III, punt 1.

2.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar l-elementi li għandhom jiġu ddivulgati f’konformità mal-paragrafu 1.

3.L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa XX XXXX XXXX.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 22

Divulgazzjonijiet lill-abbonati tal-klassifikazzjonijiet ESG u lill-entitajiet ikklassifikati

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiddivulgaw, bħala minimu, l-informazzjoni msemmija fil-punt 2 tal-Anness III lill-abbonati tagħhom u lill-entitajiet ikklassifikati.

2.L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar l-elementi li għandhom jiġu ddivulgati f’konformità mal-paragrafu 1.

3.L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa XX XXXX XXXX.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU 3

Indipendenza u kunflitti ta’ interess

Artikolu 23

Indipendenza u evitar ta’ kunflitti ta’ interess

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti ta’ governanza robusti, inkluża struttura organizzattiva ċara bi rwoli u responsabbiltajiet definiti sewwa, trasparenti u konsistenti għall-persuni kollha involuti fil-forniment ta’ klassifikazzjoni ESG.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe klassifikazzjoni ESG ipprovduta ma tiġix affettwata minn xi kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali, jew minn xi relazzjoni kummerċjali, mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG innifsu jew mill-azzjonisti, mill-maniġers, mill-analisti tal-klassifikazzjoni, mill-impjegati jew minn xi persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, jew ta’ xi persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom b’kontroll.

3.Fejn ikun hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG minħabba l-istruttura tas-sjieda, l-interessi ta’ kontroll, jew l-attivitajiet ta’ dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, ta’ xi entità li għandha jew tikkontrolla l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, ta’ entità li hija proprjetà tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew li hija kkontrollata minnu, jew ta’ xi wieħed mill-affiljati tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, l-ESMA tista’ titlob lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jieħu miżuri biex itaffi dak ir-riskju. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta’ funzjoni ta’ sorveljanza indipendenti li tirrappreżenta lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-utenti tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-kontributuri għal tali klassifikazzjonijiet, b’mod ibbilanċjat.

Meta kunflitt ta’ interess kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jkunx jista’ jiġi ġestit b’mod adegwat, l-ESMA tista’ titlob lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG iwaqqaf l-attivitajiet jew ir-relazzjonijiet li joħolqu l-kunflitt ta’ interess, jew tista’ titlob lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jieqaf jipprovdi l-klassifikazzjonijiet ESG.

4.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiddivulgaw lill-ESMA l-kunflitti ta’ interess eżistenti jew potenzjali kollha, inklużi l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mis-sjieda jew mill-kontroll tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

5.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jistabbilixxu u joperaw politiki, proċeduri u arranġamenti organizzattivi effettivi għall-identifikazzjoni, id-divulgazzjoni, il-prevenzjoni, l-immaniġġar u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jirrieżaminaw u jaġġornaw regolarment dawk il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti. Dawk il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti għandhom jipprevjenu, jimmaniġġaw u jimmitigaw b’mod speċifiku l-kunflitti ta’ interess minħabba s-sjieda jew il-kontroll tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew minħabba interessi oħrajn fil-grupp tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, jew kunflitti ta’ interess li huma kkawżati minn persuni oħrajn li jeżerċitaw influwenza jew kontroll fuq il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG b’rabta mad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ESG.

6.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jirrieżaminaw l-operazzjonijiet tagħhom biex jidentifikaw kunflitti ta’ interess potenzjali mill-inqas kull sena.

Artikolu 24

Ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali mill-impjegati

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jiżguraw li l-impjegati tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tagħhom u li jkunu involuti direttament fil-forniment ta’ klassifikazzjoni ESG:

(a)ikollhom il-ħiliet li huma meħtieġa biex iwettqu l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom u jkunu soġġetti għal ġestjoni u superviżjoni effettivi;

(b)ma jkunux soġġetti għal influwenza mhux dovuta jew għal kunflitti ta’ interess;

(c) li l-kumpens u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawk il-persuni ma toħloqx kunflitti ta’ interess jew b’xi mod ieħor taffettwa l-integrità tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ESG;

(d)ma jkollhom l-ebda interess jew konnessjoni kummerċjali li jikkompromettu l-attivitajiet tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG;

(e)ikunu pprojbiti milli jikkontribwixxu għad-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni ESG permezz ta’ offerti ta’ akkwist jew ta’ bejgħ u tranżazzjonijiet fuq bażi personali jew f’isem il-parteċipanti fis-suq, ħlief meta tali kontribuzzjoni tkun meħtieġa espliċitament bħala parti mill-metodoloġija tal-klassifikazzjoni ESG u tkun soġġetta għal regoli speċifiċi stabbiliti hemmhekk;

(f)ikunu soġġetti għal proċeduri effettivi li jikkontrollaw l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ impjegati oħrajn involuti f’attivitajiet li jistgħu joħolqu riskju ta’ kunflitti ta’ interess jew ma’ partijiet terzi, meta dik l-informazzjoni tista’ taffettwa l-klassifikazzjoni ESG.

2.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ kontroll intern speċifiċi biex jiżguraw l-integrità u l-affidabbiltà tal-impjegat jew tal-persuna li tiddetermina l-klassifikazzjoni ESG, inkluża l-approvazzjoni interna mill-maniġment qabel it-tixrid tal-klassifikazzjoni ESG.

Artikolu 25

Trattament ġust, raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorju tal-utenti tal-klassifikazzjonijiet ESG

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG għandhom jieħdu passi li jkunu adegwati biex jiżguraw li t-tariffi imposti fuq il-klijenti jkunu ġusti, raġonevoli, trasparenti, mhux diskriminatorji u jkunu bbażati fuq il-kostijiet.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ESMA tista’ titlob lill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jipprovdulha evidenza ddokumentata, tista’ tieħu miżuri superviżorji f’konformità mal-Artikolu 33, u tista’ tiddeċiedi li timponi multi f’konformità mal-Artikolu 34 meta ssib li t-tariffi tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma humiex ġusti, raġonevoli, trasparenti, mhux diskriminatorji u mhumiex ibbażati fuq il-kostijiet attwali.

KAPITOLU 4

Superviżjoni mill-ESMA

Taqsima 1

Prinċipji ġenerali

Artikolu 26

Nuqqas ta’ interferenza mal-kontenut tal-klassifikazzjonijiet jew tal-metodoloġiji

Fit-twettiq ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament, l-ESMA, il-Kummissjoni jew kwalunkwe awtorità pubblika ta’ Stat Membru ma għandhomx jinterferixxu mal-kontenut tal-klassifikazzjonijiet jew tal-metodoloġiji ESG.

Artikolu 27

ESMA

1.F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha toħroġ u taġġorna linji gwida dwar il-kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet dettaljati relatati mad-delega tal-kompiti.

2.F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mal-EBA u mal-EIOPA, toħroġ u taġġorna linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-reġim ta’ approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament sa XX XXXX XXXX.

3.L-ESMA għandha tippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar il-miżuri superviżorji meħuda u l-penali imposti mill-ESMA skont dan ir-Regolament, inklużi multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Dak ir-rapport għandu jkun fih, b’mod partikolari, informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tas-suq tal-Klassifikazzjonijiet ESG u valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-reġimi tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11.

L-ESMA għandha tippreżenta r-rapport annwali msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

4.L-ESMA għandha tikkoopera mal-EBA u mal-EIOPA fit-twettiq tal-kompiti tagħha u għandha tikkonsulta mal-EBA u mal-EIOPA qabel ma toħroġ u taġġorna linji gwida u tissottometti abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji.

Artikolu 28

Awtoritajiet kompetenti

1.Sa XX XXXX XXXX, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom persunal adegwat, fir-rigward tal-kapaċità u l-għarfien espert, sabiex ikunu jistgħu japplikaw dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli minn 30 sa 32

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA jew lil xi uffiċjal tal-ESMA jew persuna oħra awtorizzata minnha mill-Artikoli minn 30 sa 32 ma għandhomx jintużaw biex tintalab id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 30

Talbiet għal informazzjoni

1.L-ESMA tista’, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, lill-persuni involuti f’attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, lill-entitajiet ikklassifikati, lill-partijiet terzi li lilhom il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operazzjonali u lil persuni li b’xi mod ieħor ikunu relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali ma’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew ma’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ESG, biex jipprovdu l-informazzjoni kollha li teħtieġ biex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament.

2.Meta tibgħat talba sempliċi għall-informazzjoni skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha:

(a)tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika għat-talba;

(b)tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)tispeċifika x’informazzjoni tkun meħtieġa;

(d)tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)tinforma lill-persuna li mingħandha tkun intalbet l-informazzjoni li ma hemm l-ebda obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni, iżda li kwalunkwe tweġiba għat-talba għall-informazzjoni ma għandhiex tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)tindika l-multa prevista fl-Artikolu 34, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa.

3.Meta titlob li tingħata informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a)tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika għat-talba;

(b)tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)tispeċifika x’informazzjoni tkun meħtieġa;

(d)tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)tindika l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35 meta l-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f)tindika l-multa prevista fl-Artikolu 34, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g)tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew ta’ assoċjazzjonijiet li ma jkollhom l-ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawk il-klijenti għandhom jibqgħu kompletament responsabbli jekk l-informazzjoni pprovduta mill-avukati ma tkunx kompluta, jew tkun skorretta jew qarrieqa.

5.L-ESMA għandha, mingħajr dewmien, tibgħat kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 31

Investigazzjonijiet ġenerali

1.Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1). Għal dak il-għan, l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(b)jieħdu jew jiksbu kopji ċċertifikati ta’, jew siltiet minn, tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c)isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 30(1) jew lir-rappreżentanti jew lill-persunal tagħha għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u mal-iskop tal-ispezzjoni u jżommu rekord tat-tweġibiet;

(d)jintervistaw lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens tagħha li tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)jitolbu rekords tat-traffiku tat-telefon u tad-data.

2.L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mal-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 35(1) meta l-produzzjoni tar-rekords, tad-data, tal-proċeduri jew ta’ xi materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 34, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu jkunu skorretti jew qarrieqa.

3.Il-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-investigazzjoni, il-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 3, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.Fi żmien xieraq qabel l-investigazzjoni, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-investigazzjoni bl-investigazzjoni u bl-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet fuq talba.

5.Jekk talba għar-rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-paragrafu 1(e) tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6.Meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 5, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-ESMA tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta tivverifika l-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari dawk relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament u mas-serjetà tal-ksur suspettat u man-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tingħata l-informazzjoni dwar il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 32

Spezzjonijiet fuq il-post

1.Sabiex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini kummerċjali tal-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 30(1). Meta t-twettiq tajjeb u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’ twettaq spezzjoni fuq il-post mingħajr avviż minn qabel.

2.L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini kummerċjali u art tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 31(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u l-kotba jew ir-rekords għall-perjodu tal-ispezzjoni u sa fejn ikun meħtieġ għaliha.

3.L-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn awtorizzati minnha biex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom wara l-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31 meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux ruħhom għall-ispezzjoni. Fi żmien xieraq qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tavża dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se ssir l-ispezzjoni.

4.Il-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal spezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tispeċifika d-data li fiha għandha tibda u tindika l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-ESMA għandha tieħu tali deċiżjonijiet wara li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se ssir l-ispezzjoni.

5.L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se ssir l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-ESMA u lil persuni oħrajn awtorizzati minnha. Għal dak il-għan, huma għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu wkoll jattendu l-ispezzjonijiet fuq il-post fuq talba.

6.L-ESMA tista’ wkoll titlob lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 31(1) f’isimha. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat bħall-ESMA kif stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 31(1).

7.Meta l-uffiċjali tal-ESMA u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna tkun qed topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, filwaqt li titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

8.Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

9.Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 8, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-ESMA tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tivverifika l-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari dawk relatati mar-raġunijiet li l-ESMA jkollha biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-ispezzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni dwar il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 2

Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

Artikolu 33

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.Meta l-ESMA ssib li fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament, hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-miżuri superviżorji li ġejjin:

(a)tirtira l-awtorizzazzjoni tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG;

(b)tipprojbixxi temporanjament lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG milli jipprovdi klassifikazzjonijiet ESG, sakemm il-ksur ikun intemm;

(c)tissospendi l-użu tal-klassifikazzjonijiet ESG ipprovduti mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, sakemm il-ksur ikun intemm;

(d)titlob lill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG itemm il-ksur;

(e)timponi multi skont l-Artikolu 34;

(f)toħroġ avviżi pubbliċi.

2.Il-miżuri superviżorji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.Meta tieħu l-miżuri superviżorji msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)id-durata u l-frekwenza tal-ksur;

(b)jekk ir-reat finanzjarju kienx ikkawżat, iffaċilitat jew inkella attribwibbli għall-ksur;

(c)jekk il-ksur ikunx sar intenzjonalment jew b’negliġenza;

(d)il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)is-saħħa finanzjarja tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, kif indikata mill-fatturat nett annwali totali tiegħu;

(f)l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri bl-imnut;

(g)l-importanza tal-profitti miksuba u tat-telf evitat mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew tat-telf għall-partijiet terzi derivat mill-ksur, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati tali profitti u telf;

(h)il-livell ta’ kooperazzjoni tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata r-restituzzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG;

(i)ksur preċedenti mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG;

(j)il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG biex tiġi evitata r-repetizzjoni tiegħu.

4.L-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur mingħajr dewmien żejjed. L-ESMA għandha tippubblika kwalunkwe azzjoni bħal din fuq is-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Il-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fiha dawn kollha li ġejjin:

(a)dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li jappella d-deċiżjoni;

(b)fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li jkun tressaq appell u li tispeċifika li tali appell ma jkollux effett sospensiv;

(c)dikjarazzjoni li tasserixxi li jkun possibbli għall-ESMA li tissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34

Multi

1.Meta l-ESMA ssib li fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant legali tiegħu, ikun kiser dan ir-Regolament intenzjonalment jew b’negliġenza, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa. L-ammont massimu tal-multa għandu jkun ta’ 10 % tal-fatturat nett annwali totali tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG, ikkalkolat abbażi tal-aktar rapporti finanzjarji disponibbli reċenti approvati mill-korp maniġerjali tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

2.Meta l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tkun meħtieġa tħejji kontijiet finanzjarji kkonsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat nett annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat nett annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti fil-qasam tal-kontabilità, skont l-aktar kontijiet ikkonsolidati disponibbli reċenti approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija.

3.Meta tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 33(3).

4.Minkejja l-paragrafu 3, meta l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikun ibbenefika finanzjarjament mill-ksur, direttament jew indirettament, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

5.Meta att jew ommissjoni ta’ fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikunu jikkostitwixxu aktar minn ksur wieħed ta’ dan ir-Regolament, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 2 u relatata ma’ wieħed mill-każijiet ta’ ksur.

Artikolu 35

Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.L-ESMA għandha, b’deċiżjoni, timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a)fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG itemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 33;

(b)il-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1):

(1)jipprovdu informazzjoni kompluta li tkun intalbet b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 30;

(2)jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, jipproduċu fl-intier tagħhom rekords, data, proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u jimlew u jikkoreġu informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 30;

(3)jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fuq il-post ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 32.

2.Pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. L-ESMA għandha timponi l-pagament perjodiku ta’ penali fuq bażi ta’ kuljum sakemm il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew il-persuna kkonċernata jikkonformaw mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3.Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena kontabilistika preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Dan għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali.

4.Pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ 6 xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu, l-ESMA għandha tirrieżamina l-miżura.

Artikolu 36

Divulgazzjoni, natura, infurzar u allokazzjoni tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u kull pagament perjodiku ta’ penali li hija tkun imponiet skont l-Artikoli 34 u 35, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji tal-Unjoni jew ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Tali divulgazzjoni ma għandux ikun fiha data personali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 54 .

2.Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 34 u 35 għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 34 u 35 għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi għandu jiġi regolat mir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn jitwettaq.

4.Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Taqsima 3

Proċeduri u rieżami

Artikolu 37

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.Meta l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji ta’ ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha taħtar uffiċjal tal-investigazzjoni indipendenti fi ħdan l-ESMA biex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut, direttament jew indirettament, fis-superviżjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG li magħhom ikun relatat il-ksur u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2.L-uffiċjal tal-investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment sottomess mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjoni, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3.L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 30 u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 31 u 32.

4.Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jkunu nġabru mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.Id-drittijiet ta’ difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

6.Mas-sottomissjoni tal-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjoni.

7.Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, fejn mitlub mill-persuni kkonċernati wara li jkun sema’ lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 38, il-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA għandu jivvaluta jekk persuna waħda jew aktar soġġetti għall-investigazzjoni jkunux ikkommettew il-ksur ikkonċernat u għandu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-konklużjoni li jkun twettaq tali ksur, jieħu miżura superviżorja kif imsemmija fl-Artikolu 33 u jimponi multa f’konformità mal-Artikolu 34.

8.L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

9.Il-Kummissjoni għandha tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta aktar regoli ta’ proċedura biex tiġi eżerċitata s-setgħa tal-ESMA li timponi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, u billi tadotta regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali.

Ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 45.

10.L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għal prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati meta, fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. L-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali meta liberazzjoni minn qabel jew kundanna li tirriżulta minn fatt identiku jew fatti li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata bħala riżultat tal-proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 38

Smigħ tal-persuni soġġetti għal investigazzjonijiet

1.Qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 33, 34 u 35, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom opportunità li jikkummentaw biss.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 33 sabiex jiġi evitat li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2.Id-drittijiet ta’ difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet. Huma għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġetti għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 39

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni bla limiti biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ESMA tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penali impost.

Taqsima 4

Tariffi u delega

Artikolu 40

Tariffi superviżorji

1.L-ESMA għandha timponi tariffi fuq il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG f’konformità mal-att delegat adottat skont il-paragrafu 2. Dawk it-tariffi għandhom ikopru bis-sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA relatata mas-superviżjoni tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG u r-rimborż ta’ kwalunkwe kost li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq tax-xogħol skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 41.

2.L-ammont ta’ tariffa individwali għandu jkun proporzjonat mal-fatturat nett annwali tal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikkonċernat.

Sa XX XXXX XXXX, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 45 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi, il-mod li bih għandhom jitħallsu u, fejn applikabbli, il-mod li bih l-ESMA għandha tirrimborża lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ kwalunkwe kost li setgħu ġarrbu fit-twettiq tax-xogħol skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti kif imsemmi fl-Artikolu 41.

KAPITOLU 5

Kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

Artikolu 41

Delega tal-kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1.Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru f’konformità mal-linji gwida maħruġa mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 30 u li jsiru investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikolu 31 u mal-Artikolu 32.

2.Qabel id-delega ta’ kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta mal-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a)il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat;

(b)l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu;

(c)it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3.L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti ddelegati f’konformità mal-att delegat adottat skont l-Artikolu 45.

4.L-ESMA għandha tirrieżamina kwalunkwe delega li ssir f’konformità mal-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. L-ESMA tista’ tirrevoka delega fi kwalunkwe ħin.

5.Delega tal-kompiti la għandha taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u lanqas tillimita l-kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata. L-ESMA ma għandhiex tiddelega r-responsabbiltajiet superviżorji, inklużi d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, il-valutazzjonijiet finali u d-deċiżjonijiet ta’ segwitu dwar il-ksur.

Artikolu 42

Skambju ta’ informazzjoni

L-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 43

Notifiki u talbiet għal sospensjoni mill-awtoritajiet kompetenti

1.Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ssib li fit-territorju tiegħu stess jew ta’ Stat Membru ieħor qed jitwettqu jew twettqu atti li jiksru dan ir-Regolament, għandha tinforma lill-ESMA b’dan. Awtorità kompetenti li tqis li jkun xieraq għal skopijiet investigattivi tista’ tissuġġerixxi lill-ESMA li tivvaluta l-ħtieġa li tuża s-setgħat skont l-Artikolu 30 b’rabta mal-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG involut f’dawk l-atti.

2.L-ESMA għandha tieħu azzjoni xierqa. L-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti notifikanti bl-eżitu u, sa fejn ikun possibbli, bi kwalunkwe żvilupp interim sinifikanti.

3.Awtorità kompetenti notifikanti ta’ Stat Membru li tqis li fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li huwa elenkat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 13 u li l-klassifikazzjonijiet ESG tiegħu jintużaw fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jkun kiser dan ir-Regolament b’tali mod li l-protezzjoni tal-investituri jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’dak l-Istat Membru jiġu affettwati b’mod sinifikanti, tista’ titlob lill-ESMA tissospendi l-forniment ta’ klassifikazzjonijiet ESG mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikkonċernat. L-awtorità kompetenti notifikanti għandha tipprovdi lill-ESMA bir-raġunijiet sħaħ għat-talba tagħha.

4.Meta l-ESMA tqis li t-talba msemmija fil-paragrafu 3 ma tkunx ġustifikata, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti notifikanti b’dan bil-miktub, filwaqt li tistabbilixxi r-raġunijiet għall-opinjoni tagħha. Meta l-ESMA tqis li t-talba hija ġustifikata, hija għandha tieħu l-miżuri xierqa biex issolvi l-kwistjoni.

Artikolu 44

Segretezza professjonali

1.L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-ESMA, għall-awtoritajiet kompetenti u għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-ESMA, għall-awtoritajiet kompetenti jew għal kwalunkwe persuna oħra li lilha l-ESMA tkun iddelegat xi kompiti, inklużi awdituri u esperti kkuntrattati mill-ESMA.

2.    L-informazzjoni kollha skambjata skont dan ir-Regolament bejn l-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti, l-EBA, l-EIOPA u l-BERS għandha titqies kunfidenzjali, ħlief:

(a)meta l-ESMA jew l-awtorità kompetenti jew awtorità oħra jew korp ieħor ikkonċernati jiddikjaraw fil-mument tal-komunikazzjoni li tali informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata;

(b)meta d-divulgazzjoni tkun meħtieġa għal proċedimenti ġudizzjarji;

(c)meta l-informazzjoni ddivulgata tintuża f’sommarju jew f’forma aggregata fejn il-parteċipanti individwali fis-swieq finanzjarji ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

TITOLU IV

ATTI DELEGATI U TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 45

Eżerċitar u revoka tad-delega u oġġezzjonijiet għall-atti delegati

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 5, 21, 22 u 40 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [UP: Jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ].

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5, 21, 22 u 40 tista’ tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 7, 33, 34 u 40 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

7.Jekk, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 6, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih. L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

8.Jekk jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għall-att delegat fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. F’konformità mal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.

Artikolu 46

Emendi fl-Annessi

Sabiex tqis l-iżviluppi, inklużi l-iżviluppi internazzjonali, fis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari b’rabta mal-finanzi sostenibbli, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 45, miżuri biex temenda l-Annessi.

Artikolu 47

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE 55 . Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 56 .

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 48

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG li pprovdew is-servizzi tagħhom fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jinnotifikaw lill-ESMA fi żmien 3 xhur jekk ikunu jridu jkomplu joffru s-servizzi tagħhom u japplikaw għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5. F’dak il-każ, huma għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjoni fi żmien 6 xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.B’deroga mill-ewwel paragrafu, il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikkategorizzati bħala impriża żgħira u ta’ daqs medju skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni fi żmien 24 xahar wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.Il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG ikkategorizzati bħala impriża żgħira u ta’ daqs medju skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/34/UE li jidħlu fis-suq wara [jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ] għandhom jinnotifikaw lill-ESMA qabel ma jibdew joffru s-servizzi tagħhom u għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar minn dik in-notifika.

Artikolu 49

Rieżami

1.Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa [5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

2.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta twettaq l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi tas-suq u l-evidenza rilevanti għad-dispożizzjoni tagħha.

3.Fejn il-Kummissjoni ssib li jkun xieraq, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emenda tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)

1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:

1.4.Objettiv(i)

1.4.1.Objettiv(i) ġenerali

1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi

1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija

1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni

1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni

1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva

1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta

2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija ta’ riskju ta’ żball (mal-ħlas u mal-għeluq)

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i

3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali

3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali

3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi

3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani

3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

Proposta għal Regolament [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill] dwar it-trasparenza u l-operazzjonijiet ta’ fornituri ta’ Klassifikazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG).

1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)

Qasam ta’ politika: Stabbiltà finanzjarja, servizzi finanzjarji u l-unjoni tas-swieq kapitali

1.3.Il-proposta tirrigwarda 

azzjoni ġdida

 azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 57  

 l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 fużjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida 

1.4.Objettiv(i)

1.4.1.Objettiv(i) ġenerali 

L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-Suq Uniku Ewropew u li hija tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Dan jista’ jinkiseb billi tittejjeb il-kapaċità tal-investituri li jieħdu deċiżjonijiet infurmati rigward is-sostenibbiltà tal-investimenti, kif ukoll billi l-kumpaniji jiġu megħjuna jifhmu l-prestazzjoni mil-lat ta’ sostenibbiltà tagħhom.

Billi l-klassifikazzjonijiet ESG u d-data sottostanti jintużaw għad-deċiżjonijiet ta’ investiment u għall-allokazzjoni tal-kapital, l-objettiv tal-inizjattiva huwa – billi tirregola l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG – li ttejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-klassifikazzjonijiet ESG sabiex l-investituri u l-kumpaniji kklassifikati jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati aħjar fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji ESG u l-impatti tal-investimenti jew l-operazzjonijiet tagħhom. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li jitrawmu l-fiduċja u l-kunfidenza fl-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG billi jiġi żgurat li s-suq jopera kif suppost u l-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG jipprevjenu u jimmaniġġaw il-kunflitti ta’ interess.

1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi 

Hemm żewġ objettivi speċifiċi, li jirrigwardjaw iż-żewġ kawżi tal-problema:

- Tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG (xi jfissru u liema objettivi jfittxu li jilħqu), il-metodoloġiji u s-sorsi tad-data jew l-istimi użati biex jinkisbu l-klassifikazzjonijiet ESG.

- Tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, kif ukoll jiġu żgurati l-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji ta’ kunflitti ta’ interess fil-livell tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija

Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.

Jenħtieġ li din il-Proposta ġġib trasparenza u ċarezza fl-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Jenħtieġ li dan ikun ta’ benefiċċju għall-utenti ta’ dawk il-klassifikazzjonijiet, iżda wkoll għall-kumpaniji kklassifikati u għal partijiet interessati oħrajn. Dan se jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u tal-istrateġija għall-finanzi sostenibbli.

Il-Proposta se jkollha impatti ekonomiċi diretti u indiretti sinifikanti fuq il-partijiet rilevanti. L-ewwel nett, il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG se jkunu soġġetti għal divulgazzjoni u għal rekwiżiti operazzjonali oħrajn, li jimplikaw kostijiet. Imbagħad, l-utenti tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-entitajiet ikklassifikati se jibbenefikaw minn aktar trasparenza dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG u l-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. L-awtoritajiet pubbliċi (ESMA) se jiġu affettwati wkoll, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tas-superviżjoni tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, anki jekk fi ħdan l-istruttura eżistenti tagħhom.

1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni 

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.

Ġew identifikati l-indikaturi tal-prestazzjoni li ġejjin:

Objettiv Nru 1

-    l-għadd ta’ klassifikazzjonijiet ESG magħmula disponibbli;

-    l-għadd ta’ klassifikazzjonijiet ESG li għandhom riskji finanzjarji u/jew objettivi tal-impatt;

-    l-informazzjoni magħmula disponibbli għall-pubbliku, online, mill-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ fuljetti/dokumenti ta’ informazzjoni eventwali;

-    il-punt sa fejn il-klassifikazzjonijiet/punteġġi ESG li jkejlu l-istess kostruzzjonijiet ivarjaw bejn aġenziji ta’ klassifikazzjoni differenti u, b’mod partikolari, jekk id-diverġenza tonqosx maż-żmien;

-    jekk il-korrelazzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG ma’ objettivi simili żdiditx.

Objettiv Nru 2

-    iż-żieda fl-użu tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-utenti u mill-emittenti;

-    l-ammont u s-sehem mis-suq tal-investiment ESG abbażi ta’ klassifikazzjonijiet ESG;

-    l-għadd ta’ skandli marbuta mal-klassifikazzjonijiet ESG.

1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva 

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

Din il-proposta hija parti integrali mill-istrateġija mġedda tal-Kummissjoni Ewropea għall-finanzi sostenibbli adottata f’Lulju 2021. Il-klassifikazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) għandhom rwol abilitanti għall-funzjonament xieraq tas-suq tal-finanzi sostenibbli tal-UE billi jipprovdu sorsi kritiċi ta’ informazzjoni għall-istrateġiji ta’ investiment, għall-ġestjoni tar-riskju u għall-obbligi ta’ divulgazzjoni mill-investituri u mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Dawn jintużaw ukoll minn kumpaniji li jfittxu li jifhmu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet ta’ sostenibbiltà marbuta mal-attivitajiet tagħhom jew ma’ dawk tas-sħab tagħhom, u kif jitqabblu mal-pari tagħhom fuq dawn il-kwistjonijiet.

Din il-proposta għandha l-għan li tisfrutta aħjar il-potenzjal tas-Suq Uniku Ewropew u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Is-suq attwali tal-klassifikazzjonijiet ESG ibati minn nuqqasijiet u mhux qed jiffunzjona kif suppost, bil-ħtiġijiet tal-utenti u tal-entitajiet ikklassifikati fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet ESG mhux qed jiġu ssodisfati u bil-fiduċja fil-klassifikazzjonijiet imminata. Din il-problema għandha għadd ta’ dimensjonijiet differenti, prinċipalment (i) in-nuqqas ta’ trasparenza dwar il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG, il-metodoloġiji tagħhom u s-sorsi tad-data tagħhom u (ii) in-nuqqas ta’ ċarezza dwar kif joperaw il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Għalhekk, il-klassifikazzjonijiet ESG ma jaqdux l-iskop tagħhom u ma jippermettux biżżejjed lill-utenti, lill-investituri u lill-entitajiet ikklassifikati jieħdu deċiżjonijiet infurmati fir-rigward tar-riskji, l-impatti u l-opportunitajiet relatati mal-ESG.

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.

Bħalissa ma hemm l-ebda qafas regolatorju tal-UE għall-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG. L-Istati Membri ma jirregolawx l-attivitajiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jew il-kundizzjonijiet li taħthom jikkonsenjaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom.

L-objettiv ta’ din l-inizjattiva, jiġifieri li ttejjeb iċ-ċarezza fuq il-karatteristiċi tal-klassifikazzjonijiet ESG, iżda wkoll l-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod indipendenti. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-swieq kapitali tal-UE u biex tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Hekk kif l-attenzjoni għall-investiment sostenibbli u l-klassifikazzjonijiet ESG qed tikber f’ġuriżdizzjonijiet madwar id-dinja, huwa importanti li l-UE timpenja ruħha mas-sħab tagħha abbażi ta’ approċċ Ewropew koerenti u komprensiv.

Għalkemm l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni individwalment biex isaħħu l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-klassifikazzjonijiet ESG, tali miżuri x’aktarx li jkunu differenti b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, li jista’ joħloq livelli diverġenti ta’ trasparenza, ostakli għall-parteċipanti fis-suq u sfidi għal dawk li joperaw b’mod transfruntier (kif dan huwa partikolarment il-każ għal dan is-suq, b’utenti f’għadd ta’ Stati Membri), minbarra li jillimitaw il-komparabbiltà bejn il-klassifikazzjonijiet. Dan jikkawża kwistjonijiet u konfużjoni għall-kumpaniji kklassifikati u għall-utenti tal-klassifikazzjoni bl-istess mod u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jwassal għal protezzjoni żbilanċjata tal-investituri fi Stati Membri differenti.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

Abbażi tal-esperjenza bis-superviżjoni tas-CRAs u tal-fatt li bħalissa l-klassifikazzjonijiet ESG ma humiex sistemikament importanti daqs il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, huma għalhekk se jkunu jeħtieġu livell aktar baxx ta’ intensità superviżorja minn dak li qed tuża bħalissa l-ESMA għas-CRAs. Għalhekk, meta mqabbel mal-kostijiet superviżorji għas-CRA, l-għadd ta’ FTEs tnaqqas b’aktar minn 50 %, fuq is-suppożizzjoni li l-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG jeħtieġu livell aktar baxx ta’ intensità superviżorja minn dak li qed tuża bħalissa l-ESMA għas-CRAs.

Madankollu, ir-rwol tal-klassifikazzjonijiet ESG fl-ekosistema finanzjarja u l-użu tagħhom għall-finijiet regolatorji x’aktarx li jikbru fil-futur qrib, biex b’hekk l-intensità tal-kompiti superviżorji x’aktarx li tikber ukoll.

Skont it-tqabbil mas-CRAs – bħalissa hemm 29 CRA rreġistrati jew iċċertifikati mill-ESMA, filwaqt li hemm 59 fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG li qegħdin joperaw fl-UE.

Mill-esperjenza eżistenti tar-reġistrazzjoni tas-CRAs, bħalissa huwa stmat li 0,5 FTE jkollu bżonn 6 xhur biex jirreġistra entità waħda, irrispettivament mid-daqs tagħha. L-esperjenza turi wkoll li ma huwiex probabbli li r-reġistrazzjoni ta’ entità tkun tista’ titlesta aktar malajr milli fi żmien 6 xhur.

It-tagħlimiet meħuda mir-regolamentazzjoni ta’ swieq ġodda/fornituri ġodda (bħas-CRAs jew l-Amministraturi tal-Parametri Referenzjarji), jindikaw li l-isforz ewlieni fl-ewwel sena/snin huwa li jiġu awtorizzati/irreġistrati l-entitajiet eżistenti, madankollu, mit-tieni sena ’l quddiem, minbarra r-reġistrazzjoni/l-awtorizzazzjoni, il-persunal ikun meħtieġ jissorvelja l-entitajiet awtorizzati/irreġistrati fis-snin preċedenti.

Bħala paragun, l-ESMA għandha 37 TA u 14-il CA (51 b’kollox) ibbaġitjati taħt is-subattività tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għall-2023. Dan jinkludi persunal ewlieni u servizzi ċentralizzati. L-ESMA ngħatat il-kompitu tas-superviżjoni diretta tas-CRAs fl-2011. It-tagħlimiet meħuda matul l-aħħar 12-il sena wrew li s-superviżjoni diretta tal-entitajiet teħtieġ persunal b’esperjenza li jiġi impjegat fuq bażi permanenti, għalhekk, fil-każ tas-superviżjoni tas-CRAs, l-għadd ta’ TAs jkun ħafna ogħla mill-għadd ta’ CAs.

1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

Il-Kummissjoni hija impenjata li tikseb tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija tal-UE, kif stabbilit fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew ta’ Diċembru 2019 u fl-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli.

Il-proposta dwar il-klassifikazzjonijiet ESG se tikkontribwixxi għal din l-aġenda billi ttejjeb it-trasparenza tal-operazzjonijiet ta’ tip importanti ta’ parteċipant fis-suq finanzjarju li se jgħin ukoll biex isiru investimenti privati fi proġetti u attivitajiet sostenibbli.

Din il-proposta leġiżlattiva hija kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni

L-ESMA tingħata l-kompiti li tagħti awtorizzazzjonijiet u li tissorvelja s-settur fuq bażi kontinwa, li jkun jeħtieġ aktar riżorsi. Iż-żieda totali fil-kost annwali hija stmata għal madwar EUR 3,7-3,8 miljun. Dan il-kost mhux se jitħallas mill-baġit tal-UE, minħabba li l-proposta se tinkludi dispożizzjoni li l-ESMA tkun tista’ timponi tariffi ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni fuq il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG 58 , sabiex tkopri l-kostijiet superviżorji kollha. Dan huwa simili għal oqsma oħrajn, fejn l-ESMA hija responsabbli għas-sorveljanza ta’ ċerti entitajiet (eż. aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu).

1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva

 durata limitata

   Proposta/inizjattiva fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

   Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS

 durata mhux limitata

Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2022 sal-2024,

segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.

1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i) 59   

 Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni permezz ta’

   aġenziji eżekuttivi

 Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

 Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:

◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

◻lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;

☑ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71;

◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;

◻ lill-korpi rregolati bil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sal-punt li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ lill-korpi rregolati bil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Kummenti

Mhux applikabbli

 

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI 

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar 

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

F’konformità mal-arranġamenti li diġà jeżistu, l-ASE jħejju rapporti regolari dwar l-attività tagħhom (inklużi r-rapportar intern lill-Maniġment Superjuri, ir-rapportar lill-Bordijiet u l-produzzjoni tar-rapport annwali) u jkunu suġġetti għal awditi mill-Qorti tal-Awdituri u mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-riżorsi u l-prestazzjoni tagħhom. Il-monitoraġġ u r-rapportar tal-azzjonijiet inklużi fil-proposta jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti li diġà jeżistu, kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit ġdid li jirriżulta minn din il-proposta.

2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll 

2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta

Il-ġestjoni se tkun indirettament permezz tal-ASE. Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament jiġi implimentat permezz ta’ tariffi ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni imposti mill-ESMA fuq il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

B’rabta mal-użu ġuridiku, ekonomiku, effiċjenti u effettiv tal-approprjazzjonijiet li jirriżultaw mill-proposta, huwa mistenni li l-proposta ma toħloqx riskji sinifikanti ġodda li ma jkunux koperti minn qafas ta’ kontroll intern eżistenti. Madankollu, sfida ġdida tista’ tkun relatata mal-iżgurar tal-ġbir f’waqtu tat-tariffi mingħand il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG.

2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija ta’ riskju ta’ żball (mal-ħlas u mal-għeluq) 

Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, kif previsti fir-Regolamenti dwar l-ASE, huma diġà implimentati. L-ASE jaħdmu flimkien mill-qrib mas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni biex jiżguraw li jintlaħqu l-istandards xierqa fl-oqsma kollha tal-qafas ta’ kontroll intern. Dawn l-arranġamenti se japplikaw ukoll fir-rigward tar-rwol tal-ASE skont il-proposta preżenti. Barra minn hekk, kull sena finanzjarja, il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, jagħti kwittanza lil kull ASE għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom.


2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet 

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.

Għall-fini tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) japplikaw għall-ASE mingħajr ebda restrizzjoni. L-ASE għandhom strateġija ddedikata kontra l-frodi u pjan ta’ azzjoni li jirriżulta minnha. L-azzjonijiet imsaħħa tal-ASE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi se jkunu konformi mar-regoli u l-gwida pprovduti mir-Regolament Finanzjarju (miżuri kontra l-frodi bħala parti minn ġestjoni finanzjarja tajba), mal-politiki ta’ prevenzjoni tal-frodi tal-OLAF, mad-dispożizzjonijiet ipprovduti mill-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011) 376), kif ukoll kif stabbilit fl-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE (Lulju 2012) u l-pjan direzzjonali relatat. Barra minn hekk, ir-Regolamenti li jistabbilixxu l-ASE, kif ukoll ir-Regolamenti Finanzjarji tal-ASE jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġits tal-ASE u r-regoli finanzjarji applikabbli, inklużi dawk immirati biex jipprevjenu l-frodi u l-irregolaritajiet.

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i 

·Linji baġitarji eżistenti

Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’  
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru  

Diff./mhux diff 60 .

mill-pajjiżi tal-EFTA 61

mill-pajjiżi kandidati 62

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

Mhux applikabbli

Diff.

LE

LE

LE

LE

·Linji baġitarji ġodda mitluba

Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’ 
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru  

Diff./Mhux diff.

mill-pajjiżi tal-EFTA

mill-pajjiżi kandidati

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

Mhux applikabbli

3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa 

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa 

miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

Numru

[Intestatura……………...………………………………………………………]

[Korp]: <…….>

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

Titolu 1:

Impenji

(1)

Pagamenti

(2)

Titolu 2:

Impenji

(1a)

Pagamenti

(2a)

Titolu 3:

Impenji

(3a)

Pagamenti

(3b)

TOTAL tal-approprjazzjonijiet 
għal [korp] <…….>

Impenji

=1+1a +3a

Pagamenti

=2+2a

+3b





Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

7

“Nefqa amministrattiva”

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

DĠ: <…….>

• Riżorsi Umani

• Nefqa amministrattiva oħra

TOTAL TAD-DĠ <…….>

Approprjazzjonijiet

TOTAL tal-approprjazzjonijiet 
skont l-INTESTATURA 7 
tal-qafas finanzjarju pluriennali 

(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)

miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

TOTAL tal-approprjazzjonijiet  
skont l-INTESTATURI 1 sa 7 
tal-qafas finanzjarju pluriennali 

Impenji

Pagamenti

3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-ESMA 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:

Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Indika l-objettivi u l-outputs

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

OUTPUTS

Tip 63

Kost medju

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru

Kost

Nru totali

Kost totali

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1: Inkorporazzjoni tal-entitajiet fis-sistema ta’ rapportar superviżorju

- Output

Entitajiet inkorporati

40

0,035

10

0,005

9

0,005

59

0,045

Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1

40

0,035

10

0,005

9

0,005

59

0,045

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2

- Output

- Output

Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2

KOST TOTALI

40

0,035

10

0,005

9

0,005

59

0,045

3.2.3.Impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-ESMA

3.2.3.1.Sommarju

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

Persunal temporanju (Gradi ta’ AD)

0,587

1,198

1,222

3,006

Persunal temporanju (Gradi ta’ AST)

0,098

0,200

0,203

0,501

Persunal bil-kuntratt

0,918

1,873

1,720

4,512

Esperti Nazzjonali Sekondati

TOTAL 64

1,603

3,271

3,145

8,020

Rekwiżiti tal-persunal (FTE):

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

Persunal temporanju (Gradi ta’ AD)

6

6

6

18

Persunal temporanju (Gradi ta’ AST)

1

1

1

3

Persunal bil-kuntratt

12

12

10

34

Esperti Nazzjonali Sekondati

TOTAL

19

19

17

 

3.2.3.2.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani għad-DĠ prinċipali

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

Stima li trid tingħata f’ammonti sħaħ (jew l-iktar l-iktar għal pożizzjoni deċimali waħda)

Sena 
N

Sena 
N+1

Sena N+2

Sena N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

·Pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal (uffiċjali u aġenti temporanji)

20 01 02 01 u 20 01 02 02 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)

01 01 01 01 (Riċerka indiretta)

10 01 05 01 (Riċerka diretta)

Persunal estern (f’unità ta’ Ekwivalenti Full-Time: FTE) 65

20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)

20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-Delegazzjonijiet)

Linja(i) baġitarja(i) (speċifika)  66

- fil-Kwartieri Ġenerali 67  

- fid-Delegazzjonijiet

01 01 01 02 (AC, END, INT – Riċerka indiretta)

10 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka diretta)

Linji baġitarji oħra (speċifika)

TOTAL

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

Uffiċjali u aġenti temporanji

Persunal estern

Id-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-kost għall-unitajiet FTE jenħtieġ li tiġi inkluża fit-Taqsima 3 tal-Anness V.

3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali 

   Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

Spjega liema riprogrammazzjoni hija meħtieġa, filwaqt li tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

Mhux applikabbli

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali. 68 .

Spjega x’inhu meħtieġ, filwaqt li tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

Mhux applikabbli

3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.

   Il-proposta/l-inizjattiva tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2023

2024

2025

2026

2027

Total

Stima tal-kostijiet koperti mit-tariffi superviżorji

1,911

3,833

3,685

9,430

TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati (inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-impjegatur)

1,911

3,833

3,685

9,430

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

   Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq dħul ieħor

indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa

miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali

Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva 69

Sena 
N

Sena 
N+1

Sena 
N+2

Sena 
N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu ………….

Għad-dħul “assenjat” mixxellanju, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.

Speċifika l-metodu biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul.



Anness għad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva

Suppożizzjonijiet Ġenerali:

·Il-leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ fit-tieni nofs tal-2024.

·Is-superviżjoni diretta u t-tariffi se jibdew 6 xhur wara, fl-2025.

·Il-kost tan-nefqa addizzjonali fuq il-persunal (it-Titolu I) ġie kkalkolat bl-użu tal-kostijiet medji tal-persunal applikabbli minn Jannar 2023 ta’ EUR 171 000 għal kull Membru tal-Persunal Temporanju u EUR 91 000 għal kull Membru tal-Persunal bil-Kuntratt (jiġifieri, il-kostijiet standard minbarra l-kost standard ta’ EUR 29 000 ta’ “habillage” għall-kostijiet tal-bini u tal-IT assoċjati ma’ FTEs addizzjonali).

Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli bħalissa għal Pariġi (118,7) ġie applikat għal dawn il-kostijiet standard, li mbagħad ġew indiċjati b’rata ta’ 2 % għas-snin wara l-2023 (kif inhi l-prattika standard meta jiġi pprogrammat il-baġit tal-Unjoni, b’kont meħud tal-fatt li f’xi snin l-inflazzjoni tista’ tkun inqas u f’oħrajn tista’ tkun aktar).

·Il-kost tal-infrastruttura addizzjonali u tan-nefqa operatorja (it-Titolu II) ġie kkalkolat bl-użu tal-allokazzjoni standard ta’ EUR 29 000 ta’ “habillage” għall-kostijiet tal-bini u tal-IT assoċjati ma’ FTEs addizzjonali, indiċjati b’rata ta’ 2 % għas-snin wara l-2023. Barra minn hekk, ġie inkluż kost standard ta’ EUR 2 500 għal kull FTE (indiċjat ukoll għal 2 % għas-snin wara l-2023) għal kostijiet amministrattivi oħrajn mhux koperti mill-allokazzjoni ta’ “habillage”.

L-impatt imbassar fuq il-baġit tal-Unjoni ġie stmat fuq il-bażi li ġejja:

Titolu I – Nefqa fuq il-Persunal

·Il-kalkoli huma bbażati fuq id-data li ġejja: hemm 59 entità li qegħdin joperaw fl-UE, li minnhom 30 jinsabu fl-UE u 29 jinsabu barra mill-UE. Għall-entitajiet mhux ibbażati fl-UE, se jkun hemm 3 modi kif dawn se jkunu jistgħu jipprovdu servizzi fl-UE: a) ekwivalenza b) approvazzjoni c) rikonoxximent. L-intensità tal-kompiti superviżorji se tvarja skont il-post fejn ikunu jinsabu l-fornituri (fl-UE vs mhux fl-UE).

Entitajiet ibbażati fl-UE: Fil-każ ta’ 30 fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG ibbażati fl-UE (3 kbar + 6 medji + 9 żgħar + 12 mikro): i) fis-sena (n), se jkun hemm bżonn 6 xhur għall-awtorizzazzjoni ta’ 30 entità bbażati fl-UE (CAs) + 6 xhur oħra ta’ superviżjoni ta’ dawk l-entitajiet li diġà kienu ġew awtorizzati (TAs); ii) fis-sena (n)+1, is-superviżjoni ta’ 30 entità; iii) fis-sena (n)+2, is-superviżjoni ta’ 30 entità.

·Suppożizzjonijiet ta’ fornituri tal-UE: Il-Kummissjoni tistma, abbażi tal-input mill-ESMA, li se jkun hemm bżonn 1,7 FTE għas-superviżjoni ta’ fornitur kbir ta’ klassifikazzjonijiet ESG u 0,2 FTE għas-superviżjoni ta’ fornitur żgħir ta’ klassifikazzjonijiet ESG. Dan huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-klassifikazzjonijiet ESG ma humiex sistemikament importanti daqs il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u, għalhekk, se jkunu jeħtieġu livell aktar baxx ta’ intensità superviżorja minn dak li qed tuża bħalissa l-ESMA għas-CRAs, biex b’hekk il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 50 % fin-numri ta’ FTE għas-CRAs.

·Suppożizzjonijiet ta’ fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG mhux ibbażati fl-UE:

Aħna kkunsidrajna għall-fornituri mhux tal-UE = 0,1 FTE (nofs iż-żmien allokat għal fornitur mikro ta’ klassifikazzjonijiet ESG ibbażat fl-UE), meta jitqiesu 29 fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG mhux ibbażati fl-UE, ikkunsidrajna tariffa fissa ta’ EUR 3 000 għal kull fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG mhux ibbażat fl-UE (nofs l-ammont ta’ tariffi imposti fuq is-CRAs iċċertifikati ta’ EUR 6 000).

·Għandu jiġi nnotat li l-bilanċ tal-persunal taħt il-mandat ta’ klassifikazzjoni ESG (aktar CAs vs TAs) huwa differenti mill-approċċ għas-CRAs. Fiż-żewġ każijiet, l-ESMA għandha mandat tas-superviżjoni diretta, madankollu, fil-każ tas-CRAs, hija għandha konsiderevolment aktar TAs minn CAs (37 TA u 14-il CA) sabiex tiżgura li jiġi impjegat persunal tas-sengħa u bl-esperjenza fuq bażi permanenti.

·Aħna nikkunsidraw li x’aktarx ikun hemm l-ogħla livell ta’ xogħol ta’ darba fl-ewwel sena (is-sena 2025) relatat mal-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, se jkun importanti li l-ESMA tingħata d-19-il FTE msemmija fuq mill-bidu, sabiex timmaniġġa dan l-ogħla livell. Għas-sena 2027, huwa probabbli li l-ammont kbir ta’ xogħol inizjali tar-reġistrazzjoni u tal-awtorizzazzjoni se jonqos, u l-għadd ta’ CAs temporanji jista’ jitnaqqas, sabiex b’hekk l-għadd totali ta’ FTEs ikun jista’ jitnaqqas għal 17. Madankollu, fis-sena 2027, l-ESMA se tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-entitajiet kollha rreġistrati u awtorizzati fis-snin 2025 u 2026, għalhekk, it-tnaqqis propost ma jistax ikun sostanzjali wisq.

·Meta mqabbel mal-għadd ta’ FTEs għas-superviżjoni diretta tas-CRAs, l-għadd ta’ FTEs għas-superviżjoni diretta tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG tnaqqas b’aktar minn 50 % (total ta’ 51 FTE għas-CRAs vs 19-il FTE fl-2025/2026 u 17-il FTE fl-2027 għall-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG). Dan jitqies bħala persunal minimu li jista’ jiggarantixxi s-superviżjoni diretta xierqa tas-suq ta’ 59 entità.

Titolu III – nefqiet operazzjonali

·Ġustifikazzjoni ta’ EUR 35 000 għall-inkorporazzjoni tal-entitajiet fis-sistema ta’ rapportar superviżorju. Dan il-kost huwa meħtieġ biex jinħoloq modulu fis-sistema li tuża l-ESMA għar-rapportar superviżorju msejjaħ BWise. Minħabba l-mandat il-ġdid tas-superviżjoni diretta, is-sistema ta’ rapportar superviżorju jeħtieġ li tiġi estiża. Minbarra l-kostijiet inizjali, se jkun hemm tariffa annwali rikorrenti għall-manutenzjoni ta’ EUR 5 000.

·Is-sistema ta’ rapportar tippermetti lill-ESMA tipproċessa d-dokumentazzjoni superviżorja li tirċievi mingħand l-entitajiet, u tgħin biex jitnaqqas ix-xogħol manwali tal-ftuħ u l-issejvjar ta’ dokumenti mehmuża mal-emails b’mod manwali. Għalhekk, hija tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-FTE.

Nefqa stmata li għandha tiġi koperta minn tariffi għall-kompiti superviżorji diretti kollha mwettqa mill-ESMA

EUR

ESMA

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

Titolu 1: Nefqa fuq il-persunal 

Impenji

(1)

1,603,618

3,271,382

3,145,675

8,020,675

Pagamenti

(2)

1,603,618

3,271,382

3,145,675

8,020,675

Titolu 2: Nefqa operatorja u infrastrutturali

Impenji

(1a)

273,105

557,134

534,849

1,365,088

Pagamenti

(2a)

273,105

557,134

534,849

1,365,088

Titolu 3: nefqa operazzjonali

Impenji

(3a)

35,000

5,000

5,000

45,000

Pagamenti

(3b)

35,000

5,000

5,000

45,000

TOTAL tal-approprjazzjonijiet

Impenji

=1+1a +3a

1,911,724

3,833,516

3,685,523

9,430,763

Pagamenti

=2+2a +3b

1,911,724

3,833,516

 

3,685,523

9,430,763

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli COM(2021) 390 final . 
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.
(3)    Dawn l-elementi kostitwenti huma: 1) sistema ta’ klassifikazzjoni, jew “tassonomija”, ta’ attivitajiet sostenibbli, 2) qafas ta’ divulgazzjoni għall-impriżi finanzjarji u mhux finanzjarji, u 3) għodod ta’ investiment, inklużi parametri referenzjarji, standards u tikketti.
(4)    Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
(7)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej, COM/2021/391 final.
(8)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi.
(9)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1816 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispjegazzjoni fid-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi f’kull parametru referenzjarju pprovdut u ppubblikat.
(10)    Ara t-Taqsima 2 dwar id-definizzjoni tal-problema tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(11)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2023) [XXX].
(12)     Approċċ ibbażat fuq ir-riskju u xprunat mid-data tal-ESMA meta twettaq is-superviżjoni .
(13)    Grupp żgħir ta’ analizzaturi esperti jiżviluppaw mudell ta’ klassifikazzjonijiet ESG xprunat mid-data, li għandu kopertura soda wiesgħa ħafna mill-ewwel jum.
(14)    Negozju innovattiv, iżda li ma jipproduċix dħul, li jieħu aktar minn seba’ snin mit-twaqqif sal-finalizzazzjoni tal-mudell tal-klassifikazzjonijiet ESG tiegħu.
(15)    Dan se jsir f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli, li se timmonitorja x-xejriet rigward il-flussi kapitali lejn investimenti sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.
(16)    ĠU C , , p. .
(17)    Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development (NU 2015).
(18)    COM(2016) 739 final.
(19)    CO EUR 17, KONKL. 5.
(20)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.
(21)    Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; Strateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ; Qafas strateġiku dwar ir-Rom; Strateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
(22)    Il-Kummissjoni Ewropea, Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, COM(2018) 97 final.
(23)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Studju dwar il-klassifikazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, id-data u r-riċerka, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2874/14850 .
(24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli COM(2021) 390 final .
(25)     Ir-Rapport tal-IOSCO dwar il-klassifikazzjonijiet ESG u l-fornituri ta’ prodotti tad-data , disponibbli fuq: https://www.iosco.org/library/pubdocs/pdf/IOSCOPD690.pdf .
(26)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(27)    Ir-Regolament (UE) XX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) li jipprovdi aċċess ċentralizzat għall-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà (ĠU L [...], […], p. […]).
(28)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(29)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(30)    Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).
(31)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(32)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(33)    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p 1).
(34)    Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(35)    Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(36)    Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).
(37)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(38)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(39)    Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).
(40)    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(41)    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).
(42)    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(43)    Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).
(44)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(45)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(46)    Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
(47)    Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).
(48)    COM/2020/593 final.
(49)    Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).
(50)    Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).
(51)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(52)    Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(53)    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).
(54)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(55)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat Ewropew tat-Titoli (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45)
(56)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(57)    Kif imsemmi fl-Artikolu 58(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(58)    Daqs relattiv tat-tariffi skont id-daqs tal-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG. It-trasferiment tal-kostijiet tas-superviżjoni fuq l-entitajiet taħt superviżjoni huwa prattika tipika fis-settur finanzjarju.
(59)    Id-dettalji tal-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jinsabu fuq is-sit BudgWeb: https://myintracomm.ec.europa.eu/budgweb/EN/man/budgmanag/Pages/budgmanag.aspx .
(60)    Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(61)    EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(62)    Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.
(63)    L-outputs huma l-prodotti u s-servizzi li jridu jiġu pprovduti (eż.: l-għadd ta’ skambji ta’ studenti ffinanzjati, l-għadd ta’ km ta’ toroq mibnija, eċċ.).
(64)    It-tariffi kollha ffinanzjati (inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-impjegatur)
(65)    AC = Persunal bil-Kuntratt; AL = Persunal Lokali; END = Espert Nazzjonali Sekondat; INT = persunal tal-aġenziji; JPD = Professjonisti Subalterni f’Delegazzjonijiet.
(66)    Sottolimitu għall-persunal estern kopert minn approprjazzjonijiet operazzjonali (li qabel kienu l-linji “BA”).
(67)    Prinċipalment għall-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA).
(68)    Ara l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2093/2020 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027.
(69)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (id-dazji doganali, l-imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 20 % għall-kostijiet tal-ġbir.

Strasburgu, 13.6.2023

COM(2023) 314 final

ANNESSI

ta'

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG)

{SEC(2023) 241 final} - {SWD(2023) 204 final} - {SWD(2023) 207 final}


ANNESS I
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)l-isem sħiħ tal-applikant, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni, is-sit web tal-applikant u, jekk ikun disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika (legal entity identifier, LEI);

(b)l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna ta’ kuntatt;

(c)l-istatus legali tal-applikant;

(d)l-istruttura tas-sjieda tal-applikant;

(e)l-identità tal-membri tal-maniġment superjuri tal-applikant u l-livell ta’ kwalifika, esperjenza u taħriġ tagħhom;

(f)l-għadd ta’ analisti, impjegati u persuni oħrajn direttament involuti fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni, u l-livell ta’ esperjenza u taħriġ tagħhom bħala ħaddiema tal-applikant u l-livell ta’ esperjenza u taħriġ tagħhom;

(g)deskrizzjoni tal-proċeduri u l-metodoloġiji użati għall-ħruġ u r-rieżami tal-klassifikazzjonijiet ESG implimentati mill-applikant;

(h)il-politiki jew il-proċeduri implimentati mill-applikant biex jidentifika, jimmaniġġa u jiżvela kwalunkwe kunflitt ta’ interess kif imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament;

(i)fejn applikabbli, dokumenti u informazzjoni relatati ma’ kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni eżistenti jew ippjanat għal attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament;

(j)fejn applikabbli, informazzjoni dwar attivitajiet oħra mwettqa mill-applikant, jew li l-applikant biħsiebu jipprovdi.



ANNESS II
Rekwiżiti organizzazzjonali

1.Informazzjoni dwar iż-Żamma tar-Reġistri

Il-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG għandhom iżommu rekords ta’ dan kollu li ġej:

(a)għal kull klassifikazzjoni ESG fil-forma ta’ opinjoni, l-identità tal-analisti tal-klassifikazzjoni li jipparteċipaw fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ESG, l-identità tal-persuni li approvaw il-klassifikazzjoni ESG, informazzjoni dwar jekk il-klassifikazzjoni ESG kinitx mitluba jew mhux mitluba, u d-data li fiha ttieħdet l-azzjoni ta’ klassifikazzjoni ESG;

(b)għal kull klassifikazzjoni ESG fil-forma ta’ punteġġ, l-identità tal-persuni responsabbli għall-iżvilupp tal-metodoloġija bbażata fuq ir-regoli, u l-identità tal-persuni li jkunu approvaw il-metodoloġija tal-klassifikazzjoni;

(c)ir-rekords dwar il-kontijiet li għandhom x’jaqsmu mal-miżati li jkunu tħallsu minn kwalunkwe entità kklassifikata jew parti terza relatata jew kwalunkwe utent tal-klassifikazzjonijiet;

(d)ir-rekords tal-kontijiet għal kull abbonat għall-klassifikazzjonijiet ESG;

(e)ir-rekords li jiddokumentaw il-proċeduri stabbiliti u l-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni użati mill-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG biex jiddetermina l-klassifikazzjonijiet ESG;

(f)ir-rekords interni u l-komunikazzjonijiet u l-fajls esterni, inklużi informazzjoni mhux pubblika u dokumenti ta’ ħidma, użati biex jiffurmaw il-bażi ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni ESG meħuda;

(g)rekords tal-proċeduri u l-miżuri implimentati mill-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG biex jikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(h)il-metodoloġija użata għad-determinazzjoni ta’ klassifikazzjoni ESG;

(i)bidliet fi proċeduri u metodoloġiji standard jew devjazzjonijiet minnhom;

(j)id-dokumenti kollha dwar kwalunkwe lment, fosthom dawk sottomessi mill-ilmentatur.

2.Esternalizzazzjoni

Meta l-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG jesternalizzaw funzjonijiet lil fornitur tas-servizzi jew kwalunkwe servizz jew attività rilevanti fil-forniment ta’ klassifikazzjoni ESG, il-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG għandu jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-fornitur tas-servizz ikollu l-abbiltà, il-kapaċità u kwalunkwe awtorizzazzjoni meħtieġa bil-liġi, biex iwettaq il-funzjonijiet, is-servizzi jew l-attivitajiet esternalizzati b’mod affidabbli u professjonali;

(b)il-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG jieħu azzjoni xierqa jekk jidher li l-fornitur tas-servizz jista’ ma jkunx qed iwettaq il-funzjonijiet esternalizzati b’mod effettiv u f’konformità mal-liġi applikabbli u r-rekwiżiti regolatorji;

(c)il-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG iżomm l-għarfien espert meħtieġ biex jissorvelja l-funzjonijiet esternalizzati b’mod effettiv u biex jimmaniġġja r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni;

(d)il-fornitur tas-servizzi jiżvela lill-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG kwalunkwe żvilupp li jista’ jkollu impatt materjali fuq il-kapaċità tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet esternalizzati b’mod effettiv u f’konformità mal-liġi applikabbli u r-rekwiżiti regolatorji;

(e)il-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG ikun jista’ jittermina l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni fejn meħtieġ;

(f)il-fornitur tal-klassifikazzjoni ESG jieħu passi raġonevoli, inklużi pjanijiet ta’ kontinġenza, biex jevita riskju operazzjonali bla bżonn relatat mal-parteċipazzjoni tal-fornitur tas-servizz fil-proċess ta’ determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ESG.



ANNESS III
Rekwiżiti ta’ divulgazzjoni

1.Divulgazzjonijiet minimi lill-pubbliku

F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament, il-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG għandhom, bħala minimu, jiżvelaw lill-pubbliku fuq is-sit web tagħhom u permezz tal-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (European Single Access Point, ESAP) dan li ġej:

(a)ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni użati (u l-bidliet fihom), inkluż jekk l-analiżi tħarisx lura jew tħares ’il quddiem;

(b)ħarsa ġenerali lejn il-proċessi tad-data (sorsi tad-data, inkluż jekk humiex pubbliċi jew mhux pubbliċi, u jekk jinkisbux minn dikjarazzjonijiet ta’ sostenibbiltà meħtieġa mid-Direttiva (UE) 2022/2464, stima tad-data tal-input f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà, frekwenza tal-aġġornamenti tad-data);

(c)informazzjoni dwar jekk u kif il-metodoloġiji huma bbażati fuq evidenza xjentifika;

(d)informazzjoni dwar l-objettiv tal-klassifikazzjonijiet, li timmarka b’mod ċar jekk il-klassifikazzjoni hijiex qed tivvaluta r-riskji, l-impatti jew xi dimensjonijiet oħra;

(e)l-ambitu tal-klassifikazzjoni – jiġifieri, hija klassifikazzjoni aggregata (li taggrega l-fatturi E u S u G), jew klassifikazzjoni ta’ fatturi individwali jew kwistjonijiet speċifiċi (eż. riskji ta’ tranżizzjoni);

(f)fil-każ ta’ klassifikazzjoni ESG aggregata, il-ponderazzjoni tat-tliet kategoriji ġenerali tal-fatturi ESG (eż. 33 % Ambjent, 33 % Soċjali, 33 % Governanza), u l-ispjegazzjoni tal-metodu ta’ ponderazzjoni, inkluż il-piż għal kull fattur E, S u G individwali;

(g)fi ħdan il-fatturi E, S jew G, l-ispeċifikazzjoni tas-suġġetti koperti mill-klassifikazzjoni/punteġġ ESG, u jekk jikkorrispondux għas-suġġetti mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà żviluppati skont l-Artikolu 29b tad-Direttiva 2013/34/UE;

(h)informazzjoni dwar jekk il-klassifikazzjoni hijiex espressa f’valuri assoluti jew relattivi,

(i)Fejn applikabbli, referenza għall-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fil-proċess tal-ġbir tad-data jew tal-klassifikazzjoni/tal-punteġġ;

(j)informazzjoni ġenerali dwar il-kriterji użati għall-istabbiliment tat-tariffi għall-klijenti, li tispeċifika d-diversi elementi kkunsidrati, bħall-involviment tal-analisti tad-data, it-tagħmir tal-IT, ix-xiri tad-data;

(k)kwalunkwe limitazzjoni fis-sorsi tad-data użati għall-kostruzzjoni tal-klassifikazzjonijiet ESG.

2.Divulgazzjonijiet addizzjonali lill-utenti tal-klassifikazzjoni ESG u lill-impriżi kklassifikati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE

Minbarra l-elementi msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament, il-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni li ġejja lill-impriżi finanzjarji regolati Ewropej u lill-impriżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE li huma soġġetti għal tali klassifikazzjoni:

(a)ħarsa ġenerali aktar granulari lejn il-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni użati (u l-bidliet fihom), inkluż:

(1)fejn applikabbli, evidenza xjentifika u suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-klassifikazzjonijiet,

(2)jekk l-analiżi tħares lura jew tħares ’il quddiem,

(3)liema metriċi ntgħażlu bħala rilevanti,

(4)il-KPIs rilevanti għal kull fattur E, S u G, u l-metodu ta’ ponderazzjoni,

(5)kwalunkwe nuqqas potenzjali tal-metodoloġiji,

(6)politiki għar-reviżjoni tal-metodoloġiji,

(7)l-aħħar data tar-reviżjoni;

(b)ħarsa ġenerali aktar granulari lejn il-proċessi tad-data, inkluż:

(1)spjegazzjoni aktar dettaljata tas-sorsi tad-data użati – inkluż jekk humiex pubbliċi jew mhux pubbliċi, li ssemmi jekk humiex derivati mill-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà żviluppati skont l-Artikolu 29b tad-Direttiva 2013/34/UE/it-Tassonomija/l-SFDR],

(2)fejn applikabbli l-użu tal-istima u l-medja tal-industrija u l-ispjegazzjoni tal-metodoloġija sottostanti,

(3)il-politiki għall-aġġornament tad-data u r-reviżjoni tad-data storika, id-data tal-aħħar aġġornamenti tad-data,

(4)kontrolli tal-kwalità tad-data,

(5)kwalunkwe pass meħud biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet fis-sorsi tad-data, fejn applikabbli;

(c)fejn applikabbli, informazzjoni dwar l-involviment ma’ entitajiet ikklassifikati;

(d)fejn applikabbli, spjegazzjoni ta’ kwalunkwe metodoloġija tal-IA użata fil-proċess tal-ġbir jew tal-klassifikazzjoni tad-data;

(e)f’każ ta’ informazzjoni ġdida maġġuri dwar entità kklassifikata li għandha l-possibbiltà li taffettwa r-riżultat ta’ klassifikazzjoni ESG, il-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG għandhom jinfurmaw kif ikunu qiesu dik l-informazzjoni u jekk emendawx il-klassifikazzjoni ESG korrispondenti.