Brussell, 31.5.2023

COM(2023) 281 final

2023/0170(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex isiru jew jibqgħu partijiet, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-UE għandha l-għan li toħloq, iżżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni, l-aċċess għall-ġustizzja u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali.

Dan l-għan għandu jinkludi wkoll il-protezzjoni transfruntiera ta’ adulti li, minħabba indeboliment jew insuffiċjenza tal-fakultajiet personali tagħhom, ma jkunux jistgħu jipproteġu l-interessi tagħhom (“adulti”). Adult huwa persuna li għalqet 18-il sena.

L-għadd ta’ adulti f’sitwazzjonijiet bħal dawn fl-UE qiegħed kulma jmur jiżdied minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-inċidenza assoċjata ta’ mard relatat mal-età, u l-għadd dejjem jikber ta’ persuni b’diżabilità. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn jgħixu, jistgħu jkunu taħt miżura ta’ protezzjoni meħuda minn qorti jew minn awtorità amministrattiva, jew jistgħu jkunu appoġġati minn parti terza li jkunu appuntaw minn qabel (permezz tas-setgħat ta’ rappreżentanza) għall-ġestjoni tal-interessi tagħhom.

L-adulti jista’ jkollhom bżonn ta’ ġestjoni tal-assi jew tal-proprjetà immobbli tagħhom f’pajjiż ieħor, jissottoponu ruħhom għal kura medika ta’ emerġenza jew ippjanata barra mill-pajjiż, jew jirrilokaw f’pajjiż ieħor għal diversi raġunijiet.

F’dawk is-sitwazzjonijiet transfruntiera, l-adulti jkollhom iħabbtu wiċċhom mar-regoli kumplessi u xi drabi kunfliġġenti tal-Istati Membri. Dawn jinkludu d-deċiżjoni dwar liema qorti jew awtorità oħra kompetenti biex tieħu miżuri ta’ protezzjoni għandha ġuriżdizzjoni, liema liġi tapplika għall-każ tagħhom, u kif tirrikonoxxi jew tagħti effett lil deċiżjoni meħuda jew lis-setgħat ta’ rappreżentanza stabbiliti barra mill-pajjiż. Dan iwassal għal sitwazzjonijiet li fihom l-adulti, il-familji tagħhom u r-rappreżentanti tagħhom jesperjenzaw inċertezza legali sinifikanti fir-rigward ta’ liema regoli japplikaw għall-każ tagħhom u dwar l-eżitu tal-proċeduri u l-formalitajiet li jkun hemm bżonn iwettqu. Sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni tagħhom tibqa’ effettiva bejn il-fruntieri jew li jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom barra mill-pajjiż, spiss ikollhom jgħaddu minn proċedimenti twal u li jiswew il-flus. F’xi każijiet, il-protezzjoni tagħhom u s-setgħat fdati lir-rappreżentant tagħhom fl-aħħar mill-aħħar ma jiġux rikonoxxuti, la mill-qrati u lanqas minn atturi mhux ġudizzjarji bħall-banek, il-persunal mediku jew l-aġenti tal-proprjetà immobbli.

Fit-13 ta’ Jannar 2000, taħt l-awspiċji tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (HCCH, the Hague Conference on Private International Law), l-organizzazzjoni intergovernattiva li l-iskop tagħha huwa li “taħdem għall-unifikazzjoni progressiva tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat” 1 , ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti (il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti). Din il-Konvenzjoni tipprovdi korp komprensiv ta’ regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri protettivi, u dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għas-setgħat ta’ rappreżentanza li jagħtu effett lil tali setgħat f’kuntest transfruntiera. Tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Kontraenti u bejn l-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Kontraenti.

Din il-Konvenzjoni hija ġeneralment meqjusa bħala strument tad-dritt internazzjonali privat effiċjenti u flessibbli li huwa adegwat għall-użu tiegħu fil-livell globali. Il-ħidma reċenti mwettqa taħt il-Kummissjoni Speċjali dwar l-operat prattiku tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti 2 dalwaqt se tipprovdi lill-prattikanti b’għodod utli għall-applikazzjoni kif suppost tagħha, bħall-Manwal Prattiku.

Madankollu, 12-il Stat Membru tal-UE biss huma attwalment parti għal dik il-Konvenzjoni 3 . Ir-ratifika tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u l-adeżjoni magħha huwa objettiv tal-UE li ilu stabbilit sew.

Sa mill-2008, il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti ġiet approvata b’mod espliċitu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 4 , mill-Parlament Ewropew 5 u mill-Kummissjoni Ewropea 6 . Ratifika wiesgħa tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti mill-Istati Membri, u lil hinn minnha, hija essenzjali sabiex titħaddem b’mod effettiv. Il-Parlament appoġġa b’mod attiv ir-ratifika tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri kollha, kif ukoll inizjattiva leġiżlattiva possibbli tal-UE biex tikkomplementa l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti.

Mill-5 sat-8 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni u l-HCCH organizzaw konferenza konġunta internazzjonali biex jippromwovu r-ratifika tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u jeżaminaw in-nuqqasijiet possibbli li jkunu jeħtieġu azzjoni ulterjuri 7 .

Fit-3 ta’ Mejju 2021, il-Ministri tal-Ġustizzja taċ-Ċekja, ta’ Franza u tas-Slovenja kitbu lill-Kummissjoni biex jitolbuha tħaffef il-ħidma preparatorja tagħha rigward inizjattiva leġiżlattiva.

F’Ġunju 2021, ġew adottati konklużjonijiet tal-Kunsill 8 li, fost l-oħrajn, stiednu lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti malajr kemm jista’ jkun u xprunaw lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa possibbli għal qafas legali fl-UE biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni u tippreżenta proposti leġislattivi, f’każ ta’ bżonn.

Fl-2021–2022, il-Presidenzi tal-Portugall, ta’ Franza u taċ-Ċekja organizzaw diversi avvenimenti biex iqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni.

Minkejja dawn l-attivitajiet, ir-ratifika tal-Konvenzjoni miexja bil-mod wisq. F’xi Stati Membri, l-abbozz ta’ liġi li timplimenta r-ratifika ilu pendenti għal snin fil-parlament, jew ma ġiex ippreżentat mill-gvern minkejja l-konklużjoni tal-ħidma preparatorja. Stati Membri oħra qegħdin japplikaw il-Konvenzjoni parzjalment fil-prattika (b’mod partikolari r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni u l-liġi applikabbli) mingħajr ma jieħdu l-ebda inizjattiva biex jirratifikaw formalment il-Konvenzjoni. Dan jimplika l-appuntar ta’ Awtorità Ċentrali sabiex il-kooperazzjoni bejn l-Istati Kontraenti ssir effettiva.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta inizjattiva bl-għan li tawtorizza lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex Parti għall-Konvenzjoni biex jirratifikawha jew jaderixxu magħha. Fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2022 issir referenza għal din l-inizjattiva: Se nipproponu miżuri […] biex insaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar il-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

Peress li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti hija miftuħa għall-iffirmar u r-ratifika għall-Istati li kienu Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fit-2 ta’ Ottubru 1999 9 (l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni), l-Istati Membri li ġejjin se jkollhom jiffirmaw kif ukoll jirratifikaw il-Konvenzjoni: Il-Bulgarija, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Polonja se jkollhom biss jirratifikaw il-Konvenzjoni peress li diġà ffirmawha. Il-Litwanja se jkollha taderixxi magħha, peress li ilha Membru tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat mit-23 ta’ Ottubru 2001.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Bħalissa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni transfruntiera tal-adulti. Madankollu, din il-proposta hija parti minn pakkett bi proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ miżuri, strumenti awtentiċi u setgħat ta’ rappreżentanza u kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili relatati mal-protezzjoni tal-adulti. Il-proposta tipprevedi l-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ wħud mir-regoli tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u tistabbilixxi regoli komplementari biex tiffaċilita kooperazzjoni intra‑UE saħansitra eqreb f’dan il-qasam.

Din il-proposta tikkonċerna r-ratifika u l-adeżjoni għal dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex Parti għall-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti, li hija l-uniku strument internazzjonali li jittratta kwistjonijiet tad-dritt internazzjonali privat li jikkonċernaw il-protezzjoni transfruntiera tal-adulti.

Iż-żewġ proposti jikkonċernaw id-dritt internazzjonali privat, qasam ta’ politika żviluppat sew fl-UE. Fil-fatt, sa mis-sena 2000, l-UE adottat għadd ta’ atti leġiżlattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transfruntiera. Madankollu, l-ebda att leġiżlattiv minn dawn ma jirregola l-aspetti transfruntiera tal-kapaċità ġuridika tal-persuni 10 jew il-protezzjoni tal-adulti li, minħabba “indeboliment jew insuffiċjenza tal-fakultajiet personali tagħhom” 11 , ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom.

Ir-Regolament propost japplika fl-Istati Membri, filwaqt li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti tkun applikabbli fir-rigward ta’ Stati mhux tal-UE li huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni. Peress li l-adulti fl-UE jista’ jkollhom relazzjonijiet fir-rigward kemm tal-Istati Membri kif ukoll ta’ Stati mhux tal-UE (pereżempju s-sjieda ta’ proprjetà fihom jew li jkollhom rabtiet personali hemmhekk), qafas koerenti tad-dritt internazzjonali privat applikabbli għall-protezzjoni tal-adulti kemm fl-Istati tal-UE kif ukoll f’dawk mhux tal-UE li huma parti għall-Konvenzjoni huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-adulti f’sitwazzjonijiet internazzjonali.

Għaldaqstant, iż-żewġ proposti jikkomplementaw lil xulxin u għal din ir-raġuni huma ppreżentati flimkien.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li, mill-adozzjoni tagħha fl-2006, tirrappreżenta l-pedament internazzjonali għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

L-Artikolu 3(c) tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti fih dispożizzjonijiet li allegatament jiffavorixxu jew jawtorizzaw miżuri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet sostituttiv (l-aktar minħabba l-użu tat-terminu “tutela, kurazija u istituzzjonijiet analogi”). Tqajmet il-kwistjoni dwar jekk dan jistax jiffavorixxi jew jippermetti r-rikonoxximent ta’ miżuri li jistabbilixxu t-teħid ta’ deċiżjonijiet sostituttiv minflok it-teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġat, u jekk dan jiksirx id-dritt għall-awtonomija u l-ugwaljanza tal-adulti.

Il-konsistenza u l-komplementarjetà tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti mad-drittijiet stabbiliti fil-UNCRPD ġew rikonoxxuti f’diversi okkażjonijiet, pereżempju fil-Konklużjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet (Konklużjonijiet 2 u 3) adottati fl-2018 fil-Konferenza Konġunta KE-HCCH imsemmija hawn fuq 12 .

Il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti hija strument tad-dritt internazzjonali privat. Hija newtrali fir-rigward tad-dritt sostantiv, li ma tippreskrivi ebda tip ta’ miżura, u fil-preambolu tagħha, tqiegħed l-interess tal-adulti u r-rispett tad-dinjità u tal-awtonomija tagħhom bħala kunsiderazzjonijiet primarji. Billi tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera u tneħħi l-ostakli legali u prattiċi, tippromwovi wħud mill-objettivi importanti tal-UNCRPD. Fost dawn hemm dawk tal-Artikolu 12 dwar ir-rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi u tal-Artikolu 32 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali, li għalihom il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti tistabbilixxi sistema ta’ Awtoritajiet Ċentrali.

Barra minn hekk, mhux il-persuni kollha b’diżabilità huma adulti bi bżonn ta’ protezzjoni transfruntiera fis-sens tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti, iżda biss dawk li mhumiex f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi personali jew finanzjarji tagħhom. Min-naħa l-oħra, mhux l-adulti kollha li l-fakultajiet psikosoċjali tagħhom huma ridotti huma persuni b’diżabilità.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-Kumitat tal-UNCRPD, fir-rapport tiegħu tal-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-UNCRPD fl-UE, esprima tħassib dwar l-ostakli li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità meta jiċċaqilqu minn Stat Membru għall-ieħor. Il-Kumitat irrakkomanda li l-UE “tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li l-persuni kollha b’diżabilità u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment bl-istess mod bħal ħaddieħor” 13 .

Ġie kkummissjonat studju legali mir-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità 14 , u saret dikjarazzjoni konġunta relatata 15 mir-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-Espert Indipendenti dwar it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni akbar fl-età. Dawn iċċaraw il-kwistjoni billi kkonkludew li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti tħalli biżżejjed marġni għall-interpretazzjoni u t-titjib prattiku, u tista’ tevolvi biex tirrifletti l-modernizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali. Ir-Rapporteur Speċjali jfakkar li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti fiha dispożizzjonijiet biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt mal-UNCRPD u li ż-żewġ strumenti jistgħu u għandhom jissupplimentaw lil xulxin. L-UE u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom jużaw il-marġni disponibbli għall-interpretazzjoni b’tali mod li jiżguraw il-konformità ma’ din il-Konvenzjoni.

Meta japplikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti, l-Istati Kontraenti li huma wkoll Partijiet għall-UNCRPD huma marbuta li jirrispettaw il-UNCRPD u l-prinċipji stabbiliti fiha. Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li l-konvenzjonijiet internazzjonali jiffurmaw parti integrali mid-dritt tal-Unjoni u għalhekk l-implimentazzjoni tagħhom ikollha tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni 16 .

F’Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030 17 . Dan jindirizza b’mod partikolari l-kwistjoni tat-“titjib tal-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni legali, il-libertà u s-sigurtà” għall-persuni b’diżabilità. Biex jinkiseb dan l-eżitu, fost id-diversi inizjattivi, huwa ddikjarat b’mod espliċitu li “il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex timplimenta l-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 dwar il-protezzjoni internazzjonali tal-adulti vulnerabbli f’konformità mal-UNCRPD inkluż permezz ta’ studju dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f’sitwazzjonijiet transfruntiera, b’mod partikolari dawk b’diżabilità intellettwali, biex twitti t-triq għar-ratifika tagħha mill-Istati Membri kollha” 18 .

L-istudju legali tal-Kummissjoni twettaq fl-2021 19 u, fost l-oħrajn, ikkonkluda li r-ratifika tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti mill-Istati Membri kollha tindirizza wħud mill-problemi marbuta mal-lakuni u l-inkonsistenzi sinifikanti, li jeżistu fil-protezzjoni transfruntiera tal-adulti.

Ladarba din id-Deċiżjoni tiġi adottata mill-Kunsill, il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti ssir parti mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant jista’ jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-dawl kemm tal-prinċipji ġenerali tal-UE — is-salvagwardja tal-moviment liberu tal-persuni, l-aċċess għall-ġustizzja, u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali — kif ukoll tal-UNCRPD.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta tirrigwarda l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti Stati Membri biex jirratifikaw konvenzjoni internazzjonali jew jaderixxu magħha fl-interess tal-UE. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji ċivili u kummerċjali hija rregolata mill-Artikolu 81 TFUE, li huwa għaldaqstant il-bażi ġuridika tal-kompetenza tal-UE f’dan il-qasam. Għalhekk, il-bażi ġuridika applikabbli hija l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) flimkien mal-bażi ġuridika sostantiva tal-Artikolu 81(2) TFUE.

L-Artikolu 81(3) TFUE ma huwiex applikabbli minħabba li l-protezzjoni transfruntiera tal-adulti ma hijiex materja tal-liġi tal-familja.

It-terminu “liġi tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 81(3) TFUE jrid jiġi interpretat b’mod awtonomu irrispettivament mid-definizzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.

Sa issa, il-leġiżlazzjoni tal-UE interpretat in-nozzjoni b’mod pjuttost strett u llimitatu għar-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet familjali, bħall-kwistjonijiet matrimonjali, ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, jew l-obbligi ta’ manteniment.

Ma huwiex rari li l-adulti jibbenefikaw mill-protezzjoni provduta mill-membri tal-familja. F’xi Stati Membri, il-protezzjoni legali tal-adulti vulnerabbli hija attribwita ex lege lill-konjuġi jew lill-membri tal-familja. Madankollu, il-familja tal-adult, jekk tabilħaqq l-adult ikollu familja, hija biss kuntest wieħed li fih il-protezzjoni tista’ tiġi żgurata. L-involviment tal-membri tal-familja ma huwiex rekwiżit neċessarju, u lanqas ma huwa rregolat minn regoli skont id-dritt internazzjonali privat. Minflok, it-tħassib kruċjali b’rabta mal-protezzjoni tal-adulti jirrigwarda l-appoġġ provdut, u l-iżgurar tad-drittijiet tal-adulti għad-dinjità, l-awtodeterminazzjoni, in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni soċjali, irrispettivament mir-relazzjonijiet familjali tagħhom.

Ta’ min wieħed jinnota li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti ma fiha l-ebda referenza għar-relazzjonijiet familjali (bħal “ġenitur”, “tfal” jew “konjuġi”), kuntrarjament għar-Regolamenti tal-UE li jkopru kwistjonijiet tal-liġi tal-familja.

Ir-Regolament propost se jikkomplementa l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u se jinkorpora xi regoli tal-Konvenzjoni, b’mod partikolari dawk dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali u l-liġi applikabbli, u se jagħmilhom direttament applikabbli fl-Istati Membri.

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE, hemm riskju li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti jaf taffettwa jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni jaf jiġi affettwat jew mibdul mill-impenji internazzjonali meta tali impenji jikkonċernaw qasam li huwa diġà kopert fil-biċċa l-kbira minn tali regoli jew fid-dawl ta’ żviluppi prevedibbli tad-dritt tal-Unjoni, bħal f’dan il-każ 20 .

Għalhekk, il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 3(2) TFUE.

 

L-UE tista’ tobbliga għalhekk lill-Istati Membri biex jissieħbu fil-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti jew jibqgħu partijiet għaliha.

Peress li l-Istati biss jistgħu jsiru partijiet għall-Konvenzjoni, li ma tinkludix klawżola li tippermetti lill-UE ssir parti, l-Istati Membri jistgħu jirratifikawha jew jaderixxu magħha kif ukoll jibqgħu partijiet li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 21 .

Diġà ttieħdet inizjattiva simili fl-2008 biex ċerti Stati Membri jiġu awtorizzati jirratifikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal jew jaderixxu magħha 22 .

Minħabba l-Protokoll Nru 21, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri legali adottati fil-qasam tal-ġustizzja la jorbtu lill-Irlanda u lanqas japplikaw fiha. Madankollu, ladarba tiġi ppreżentata proposta f’dan il-qasam, l-Irlanda tista’ tinnotifika x-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tal-miżura u, ladarba l-miżura tiġi adottata, tista’ tinnotifika x-xewqa tagħha li taċċetta din il-miżura.

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija abbozzata skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li diġà ġew adottati li jawtorizzaw lill-Istati Membri jissieħbu f’konvenzjoni internazzjonali. Ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv ta’ azzjoni koerenti tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni transfruntiera tal-adulti billi tiżgura, għall-Istati Membri li għadhom mhumiex Parti għall-Konvenzjoni, li dawn jirratifikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti jew jaderixxu magħha f’perjodu ta’ żmien indikat.

Huwa mifhum ukoll li l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-adozzjoni tar-regoli skont il-liġi sostantiva li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-adulti.

Għalhekk il-proposta tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Għażla tal-istrument

Peress li l-proposta tikkonċerna ftehim internazzjonali li għandu jiġi ratifikat u għandha ssir adeżjoni miegħu fl-interess tal-Unjoni minn ċerti Stati Membri, l-uniku strument applikabbli huwa Deċiżjoni tal-Kunsill, skont l-Artikolu 218(6).

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta, flimkien mal-proposta parallela għal Regolament dwar il-kwistjoni, kienet preċeduta minn konsultazzjonijiet intensi u mifruxa mal-partijiet ikkonċernati.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa 23 u s-sejħa għall-evidenza 24 twettqu fil-bidu tal-2022. Il-maġġorparti tar-rispondenti, inklużi l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw lill-avukati u lin-nutara, appoġġaw inizjattiva tal-UE li tobbliga lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti. Appellaw ukoll għal strument tal-UE li jissupplimenta l-Konvenzjoni. NGO partikolari, organizzazzjoni komprensiva għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, esprimiet tħassib fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-adulti b’diżabilità, jekk strument tal-UE jkun jiffavorixxi ċ-ċirkolazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda fi ksur tal-UNCRPD u tad-drittijiet fundamentali tal-adulti b’diżabilità. Din hija kwistjoni rikorrenti dwar ir-relazzjoni bejn il-UNCRPD u l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti, li ġiet indirizzata mill-istudju u d-dikjarazzjoni konġunta msemmija fin-noti 14 u 15 f’qiegħ il-paġna.

Bħala parti mill-istrateġija ta’ konsultazzjoni, fid-29 ta’ Settembru 2022 ġiet organizzata laqgħa informali online mal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, fis-27 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni organizzat laqgħa online ma’ esperti mill-Istati Membri biex tipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-inizjattiva dwar il-protezzjoni tal-adulti u biex twettaq skambju tal-fehmiet inizjali.

Fl-aħħar nett, matul il-laqgħa li saret fis-7 u fit-8 ta’ Novembru 2022, in-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (EJN-civil) ġie kkonsultat dwar ir-rwol possibbli tiegħu f’inizjattiva tal-ġejjieni.

Fil-qosor, fl-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni setgħu jiġu identifikati appoġġ qawwi u feedback pożittiv kumplessiv dwar il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti. Barra minn hekk, il-konsultazzjonijiet urew ħtieġa prattika, u appoġġ mill-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati, għal miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fl-2021 sar studju legali 25 . L-awturi tal-istudju kkonkludew kif ġej: (i) jeżistu lakuni u inkonsistenzi sinifikanti fil-protezzjoni transfruntiera tal-adulti (regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent tas-setgħat ta’ rappreżentanza, in-nuqqas ta’ ċertezza legali u problemi prattiċi għall-awtoritajiet); (ii) ir-ratifika ġenerali tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti fl-UE tindirizza direttament xi wħud minn dawn il-problemi, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati mhux tal-UE; u (iii) strument tal-UE jsaħħaħ ulterjorment il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u jiffaċilita ħajjithom u l-ħidma tal-awtoritajiet responsabbli.

Fl-istudju li jakkumpanja r-Rapport dwar l-Inizjattiva Leġiżlattiva 26 (2016) tal-Parlament Ewropew u fir-Rapport tal-Istitut Ewropew tal-Liġi 27 (2020) inġabar ukoll għarfien espert addizzjonali dwar is-suġġett tal-protezzjoni transfruntiera tal-adulti.

Valutazzjoni tal-impatt

Fl-2022 twettqet valutazzjoni tal-impatt biex jiġu mistħarrġa d-diversi opzjonijiet ta’ politika disponibbli fl-UE biex tittejjeb il-protezzjoni transfruntiera tal-adulti u biex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom.

Peress li din il-proposta tikkonċerna biss ir-ratifika tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u l-adeżjoni magħha minn ċerti Stati Membri, spjegazzjoni aktar dettaljata tas-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt se tingħata fil-proposta ta’ akkumpanjament għal Regolament. Huwa xieraq li l-analiżi attwali tiġi limitata għall-indikazzjoni tal-għażla politika finali.

Dan jinkludi Regolament li jikkumplementa l-Konvenzjoni, u r-ratifika tal-Konvenzjoni u l-adeżjoni magħha minn dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex Parti għaliha. Dan jiżgura li r-regoli xierqa tad-Dritt Internazzjonali Privat għall-protezzjoni tal-adulti f’sitwazzjonijiet transfruntiera jkunu applikabbli mhux biss fil-livell tal-UE, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u l-Istati mhux tal-UE. Huwa mistenni wkoll li r-ratifika mill-Istati Membri kollha tinkoraġġixxi aktar Stati mhux tal-UE biex jissieħbu fil-Konvenzjoni.

Drittijiet fundamentali

L-objettiv ġenerali tal-azzjoni proposta huwa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-adulti f’konformità mal-Artikolu 6 TFUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-UNCRPD.

F’sitwazzjonijiet transfruntiera, dan ikun jinvolvi b’mod partikolari l-esproprjazzjoni jew iċ-ċaħda tal-aċċess għall-proprjetà tal-adult barra mill-pajjiż, l-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja, u l-iżgurar tal-awtodeterminazzjoni u l-awtonomija tal-adulti.

Billi tarmonizza r-regoli tad-dritt internazzjonali privat, il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti tgħaqqad sistemi legali differenti biex tiffaċilita, fl-ambitu tal-Konvenzjoni, ir-rispett nondiskriminatorju għad-drittijiet tal-adulti, il-protezzjoni tal-interessi tagħhom, u l-eżerċitar tal-kapaċità ġuridika tagħhom.

Il-preambolu tal-Konvenzjoni jirrifletti dawn il-valuri: jafferma li r-rispett kemm għad-dinjità kif ukoll għall-awtonomija tal-adult għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet primarji. Dawn il-prijoritajiet huma stabbiliti wkoll fil-preambolu tal-UNCRPD.

Skont ir-regoli tal-Konvenzjoni, jekk miżura ta’ protezzjoni tittieħed fi Stat Kontraenti wieħed minn awtorità kompetenti, dik il-miżura għandu jibqa’ jkollha effett fi Stat Kontraenti ieħor, pereżempju jekk l-adult ifettillu jiċċaqlaq minn Stat Kontraenti għall-ieħor. Il-Konvenzjoni tinkludi wkoll salvagwardji li jippermettu li l-miżuri ma jiġux rikonoxxuti jew eżegwiti jekk, pereżempju, il-miżura tkun ittieħdet minn awtorità li l-ġuriżdizzjoni tagħha ma kinitx ibbażata fuq, jew skont waħda mir-raġunijiet previsti mill-Konvenzjoni jew jekk ir-rikonoxximent tal-miżura jkun imur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat rikjest 28 . F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali tal-adult ikkonċernat mill-miżura jista’ jiġġustifika r-rifjut tar-rikonoxximent.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-Deċiżjoni proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Peress li l-proposta tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jirratifikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti jew jaderixxu magħha, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha huwa primarjament immirat għar-rispett minn dawk l-Istati Membri tal-perjodu ta’ żmien biex jirratifikaw il-Konvenzjoni jew jaderixxu magħha, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Madankollu, ladarba l-Istati Membri kollha jkunu Parti għall-Konvenzjoni, huwa ppjanat li jitwettqu diversi azzjonijiet biex titqajjem kuxjenza dwar il-Konvenzjoni u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tagħha. Barra minn hekk, se jiġu adottati pożizzjonijiet koordinati tal-UE bħala parti mit-tħejjija għal Kummissjonijiet Speċjali tal-ġejjieni dwar l-operat tal-Konvenzjoni; dan se jippermetti lill-UE twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument mill-Istati Membri.

2023/0170 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri biex isiru jew jibqgħu partijiet, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(2) flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 29 ,

Billi:

(1)L-Unjoni stabbiliet l-objettiv għaliha li toħloq, iżżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali li fih il-moviment liberu tal-persuni u l-aċċess għall-ġustizzja jkunu żgurati.

(2)Sabiex tilħaq dan l-objettiv, l-Unjoni adottat għadd ta’ atti leġiżlattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transfruntiera. L-Unjoni hija wkoll Parti, minnha nnifisha jew permezz tal-Istati Membri tagħha li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni, għal diversi Konvenzjonijiet internazzjonali fl-istess qasam.

(3)Madankollu, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-materja tal-protezzjoni transfruntiera tal-adulti li, minħabba indeboliment jew insuffiċjenza tal-fakultajiet personali tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom, jew li jaf ikunu jirrikjedu li l-appoġġ fl-eżerċitar tal-kapaċità ġuridika tagħhom provdut lilhom fi Stat Membru wieħed jissokta fl-Unjoni kollha.

(4)Jistgħu jfeġġu diversi diffikultajiet għall-adulti f’sitwazzjonijiet transfruntiera, inkluż meta dawn l-adulti jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor jew meta jkollhom proprjetà jew assi fi Stat Membru ieħor. Jistgħu jfeġġu diffikultajiet pereżempju meta miżuri meħuda fi Stat Membru wieħed bl-għan li jiġu protetti l-adulti, ikun hemm bżonn li jiġu invokati fi Stati Membri oħra, jew meta s-setgħat ta’ rappreżentanza mogħtija mill-adulti li għandhom jiġu eżerċitati mir-rappreżentanti tagħhom meta l-adulti ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom ikun bżonn li jiġu invokati suċċessivament barra mill-pajjiż. Dawn id-diffikultajiet jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi serji fuq iċ-ċertezza legali f’negozjati transfruntiera u fuq id-drittijiet u l-benesseri tal-adulti u fuq ir-rispett għad-dinjità tagħhom. B’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali tal-adulti, bħall-aċċess għall-ġustizzja, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u għall-awtonomija, id-dritt għall-proprjetà u għall-moviment liberu, jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv.

(5)Għaldaqstant huma neċessarji regoli uniformi tad-dritt internazzjonali privat li jirregolaw sitwazzjonijiet transfruntiera biex itejbu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-adulti b’indeboliment jew b’insuffiċjenza tal-kapaċitajiet personali tagħhom. Fil-livell internazzjonali, il-Konvenzjoni tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti (“il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti”) tinkludi tali regoli. Il-Konvenzjoni tipprevedi regoli dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni ta’ dawn l-adulti, dwar il-liġi applikabbli għas-setgħat ta’ rappreżentanza u r-regoli dwar il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Partijiet Kontraenti tagħha.

(6)Skont il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti, l-Istati sovrani biss jistgħu jkunu parti għaliha. Għal din ir-raġuni, l-Unjoni ma tistax tikkonkludi dik il-Konvenzjoni.

(7)Ir-ratifika tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u l-adeżjoni magħha mill-Istati Membri kollha huwa objettiv li ilu sew fil-mira tal-Unjoni Ewropea.

(8)Sal-lum il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Latvja, Malta, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja huma Parti għall-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti. L-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Polonja ffirmawha biss.

(9)Fi [...], il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal Regolament dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tal-miżuri, l-istrumenti awtentiċi u s-setgħat ta’ rappreżentanza u kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili relatati mal-protezzjoni tal-adulti (ir-“Regolament propost”). Il-proposta tipprevedi l-applikazzjoni ta’ wħud mir-regoli tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti bejn l-Istati Membri u tistabbilixxi regoli komplementari sabiex tiffaċilita kooperazzjoni intra-UE saħansitra eqreb f’dan il-qasam. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament propost jissovrapponu l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u huma marbuta mill-qrib magħha.

(10)Għal din ir-raġuni, hemm riskju li l-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti jaf taffettwa jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost. Għalhekk, il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(11)Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri li għadhom mhumiex partijiet għall-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti biex jiffirmaw jew jirratifikaw il-Konvenzjoni, jew jaderixxu magħha, fl-interess tal-Unjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza wkoll lill-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti biex jibqgħu partijiet għaliha.

(12)L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (“UNCRPD”).

(13)Skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kompetenza li jiġu adottati regoli sostantivi u proċedurali fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti hija tal-Istati Membri. Bħala Partijiet kontraenti għall-UNCRPD, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-liġijiet sostantivi u proċedurali nazzjonali tagħhom dwar it-trattament tal-adulti jkunu konsistenti mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem ipprovduti mill-UNCRPD, inklużi l-miżuri ta’ “tutela” u “kurazija” kif ukoll l-inkapaċità kif imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti.

(14)Ir-regoli tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti jenħtieġ li jiġu applikati b’mod konsistenti mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem skont il-UNCRPD.

(15)Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ rispett ta’ dan l-obbligu jaffettwa wkoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri meħuda minn pajjiżi terzi.

(16)[[F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.] JEW

(17)F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat [, b’ittra ta’…,] ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

(18)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-Istati Membri biex isiru jew jibqgħu partijiet għall-Konvenzjoni tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti (“il-Konvenzjoni”), fl-interess tal-Unjoni, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

2.It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2  

 Il-Bulgarija, [l-Irlanda], Spanja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, u l-Iżvezja għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika jew tal-adeżjoni tagħhom mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands, li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala depożitarju tal-Konvenzjoni [24 xahar wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni].

Artikolu 3  

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Artikolu 1 tal- Istatut tal-Konferenza tal-Aja.
(2)     https://www.hcch.net/en/news-archive/details/?varevent=884
(3)    Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Latvja, Malta, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja.
(4)    Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Protezzjoni Legali għal Adulti Vulnerabbli” (14667/08 (Presse 299), 24.X.2008), il-Kunsill stieden lill-Istati Membri li ma kinux għadhom ħadu azzjoni biex “jibdew malajr
kemm jista’ jkun jew isegwu attivament il-proċeduri tal-iffirmar u/jew ir-ratifika
” tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u stieden lill-Istati Membri “li għadhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni interna [dwar is-sħubija mal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti] biex jikkonkludu dawn il-konsultazzjonijiet fl-iqsar żmien possibbli”. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il- “Il-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni
taċ-ċittadini”, adottati fl-2009, il-Kunsill Ewropew esprima x-xewqa li l-Istati Membri jissieħbu mal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti “
mill-aktar fis possibbli”.
(5)    Ara “Il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjonijiet transkonfinali” (P6_TA(2008)0638), ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjonijiet transkonfinali (2008/2123(INI)) (2010/C 45 E/13). Fil-paragrafi 1–4, ir-riżoluzzjoni appellat għar-ratifika tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti mill-Istati Membri u talbet li l-Kummissjoni tagħmel proposta leġiżlattiva dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, biex tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet operazzjonali u l-aqwa prattiki fir-rigward tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti, u biex tivvaluta l-adeżjoni possibbli tal-Komunità Ewropea kollha kemm hi mal-Konvenzjoni. Ta’ min wieħed jinnota li r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2008 talbet lill-Kummissjoni tippreżenta proposta “hekk kif tinkiseb esperjenza biżżejjed dwar l-operat tal-Konvenzjoni tal-Aja”. Fl-1 ta’ Ġunju 2017 ġiet adottata Riżoluzzjoni ulterjuri mill-Parlament Ewropew li tappella lill-Istati Membri biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti u biex jippromwovu l-awtodeterminazzjoni tal-adulti billi jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom leġiżlazzjoni dwar mandati ta’ inkapaċità.
(6)    Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma, Brussell, 20.4.2010, KUMM(2010) 171 finali. Il-paragrafu 13 tal-pjan ta’ azzjoni tal-2010 għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, taħt it-titolu “Garanzija tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali / Gruppi Vulnerabbli” jirreferi għall-fatt li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jsiru parti għall-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti.
(7)    Il-Konferenza Konġunta KE-HCCH dwar il-Protezzjoni Transfruntiera tal-Adulti Vulnerabbli, Brussell, 5-7 ta’ Diċembru 2018, https://www.hcch.net/en/news-archive/details/?varevent=654 .
(8)     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli madwar l-Unjoni Ewropea (7 ta’ Ġunju 2021).
(9)    L-Artikolu 53:(1) Il-Konvenzjoni għandha tinfetaħ għall-iffirmar mill-Istati li kienu Membri tal-Konferenza tal-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat meta saret it-Tmintax-il Sessjoni tagħha.(2) Għandha tiġi ratifikata, aċċettata jew approvata u l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands, id-depożitarju tal-Konvenzjoni.
(10)    L-unika eċċezzjoni hija regola dwar il-kapaċità tal-persuni fiżiċi fil-kuntest ta’ obbligi kuntrattwali transfruntiera fil-materji ċivili u kummerċjali stipulata fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I).
(11)    L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti.
(12)     88f10f24-81ad-42ac-842c-315025679d40.pdf (hcch.net)
(13)    Concluding observations on the initial report of the European Union: Committee on the Rights of Persons with Disabilities, (2015) draft prepared by the Committee .
(14)    Studju dwar “Interpreting the 2000 Hague Convention on the International Protection of Adults Consistently with the UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities (CRPD)” .
(15)     Joint statement by the Special Rapporteur on the rights of persons with disabilities, Gerard Quinn, and the Independent Expert on the enjoyment of all human rights by older persons, Claudia Mahler – Reflections on the Hague Convention (2000) on the International Protection of Adults , 8 ta’ Lulju 2021.
(16)    Ara pereż., id-Digriet tad-9 ta’ Novembru 2021, il-Kawża C-255/20, Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio delle Dogane di Gaeta vs Punto Nautica Srl, il-punt 33, ECLI:EU:C:2021:926.
(17)     Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030
(18)    Ara l-paragrafu 5.1 tal-Istrateġija.
(19)     Study on the cross-border legal protection of vulnerable adults in the Union, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni(europa.eu)
(20)    Ara b’mod partikolari l-Opinjoni 1/13 il-punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(21)    L-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata.
(22)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2008 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal u li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja, ĠU L 151, 11.6.2008, p. 36.
(23)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12965-Kooperazzjoni-gudizzjarja-civili-protezzjoni-mal-UE-kollha-g%C4%A7al-adulti-vulnerabbli_mt
(24)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12965-Civil-judicial-cooperation-EU-wide-protection-for-vulnerable-adults/public-consultation_mt
(25)     Study on the cross-border legal protection of vulnerable adults in the Union, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni (europa.eu)
(26)     Protection of Vulnerable Adults – European Added Value Assessment
(27)     The Protection of Adults in International Situations ,   rapport tal-Istitut Ewropew tal-Liġi.
(28)    Ara l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni HCCH tal-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Adulti għal lista ta’ raġunijiet disponibbli għal awtorità kompetenti biex tirrifjuta, fuq bażi diskrezzjonali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ miżura.
(29)    ĠU C , , p. .

Brussell, 31.5.2023

COM(2023) 281 final

ANNESS

tal-

proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tawtorizza lill-Istati Membri biex isiru jew jibqgħu partijiet, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti


ANNESS

KONVENZJONI DWAR IL-PROTEZZJONI

INTERNAZZJONALI TAL-ADULTI

(Konkluża fit-13 ta’ Jannar 2000)

L-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni preżenti,

Filwaqt li jqisu l-ħtieġa li tiġi prevista l-protezzjoni f’sitwazzjonijiet internazzjonali ta’ adulti li, minħabba indeboliment jew insuffiċjenza tal-kapaċitajiet personali tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom,

Filwaqt li jixtiequ jevitaw kunflitti bejn is-sistemi legali tagħhom fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri għall-protezzjoni tal-adulti,

Filwaqt li jfakkru fl-importanza ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-adulti,

Filwaqt li jaffermaw li l-interessi tal-adulti u r-rispett għad-dinjità u l-awtonomija tagħhom għandhom ikunu ta’ kunsiderazzjonijiet primarji,

Qablu dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin –

kapitolu i – il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni

Artikolu 1

(1)    Din il-Konvenzjoni tapplika għall-protezzjoni f’sitwazzjonijiet internazzjonali ta’ adulti li, indeboliment jew insuffiċjenza tal-kapaċitajiet personali tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi tagħhom.

(2)    L-objettivi tagħha huma –

(a)    li tistabbilixxi l-Istat li l-awtoritajiet tiegħu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult;

(b)    li tiddetermina liema liġi għandha tiġi applikata minn dawn l-awtoritajiet fl-eżerċitar tal-ġuriżdizzjoni tagħhom;

(c)    li tistabbilixxi l-liġi applikabbli għar-rappreżentanza tal-adulti;

(d)    li tipprevedi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali miżuri ta’ protezzjoni fl-Istati Kontraenti kollha;

(e)    li tistabbilixxi t-tali kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Kontraenti skont il-bżonn biex jintlaħqu l-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 2

(1)    Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, adult huwa individwu li għalaq it-18-il sena.

(2)    Il-Konvenzjoni tapplika wkoll għal miżuri fil-konfront ta’ adult li jkun għadu ma għalaqx it-18-il sena f’dak iż-żmien li jkunu ttieħdu l-miżuri.

Artikolu 3

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jindirizzaw b’mod partikolari –

(a)    id-determinazzjoni tal-inkapaċità u l-istituzzjoni ta’ reġim protettiv;

(b)    it-tqegħid ta’ adult taħt il-protezzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva;

(c)    il-kustodja, il-kurazija u reġimi simili;

(d)    in-nomina u l-funzjonijiet ta’ kwalunkwe persuna jew korp li jkollu akkarigu l-persuna jew il-proprjetà tal-adult, li jirrappreżenta jew jassisti lill-adult;

(e)    it-tqegħid tal-adult fi stabbiliment jew f’post ieħor fejn tista’ tingħata protezzjoni;

(f)    l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni tal-proprjetà tal-adult jew id-disponiment minnha;

(g)    l-awtorizzazzjoni ta’ intervent speċifiku għall-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult.

Artikolu 4

(1)    Il-Konvenzjoni ma tapplikax għal –

(a) l-obbligi ta’ manteniment;

(b)    il-formazzjoni, l-annullament u x-xoljiment taż-żwieġ jew kwalunkwe relazzjoni simili, kif ukoll is-separazzjoni legali;

(c)    ir-reġimi tal-proprjetà fir-rigward ta’ żwieġ jew kwalunkwe relazzjoni simili;

(d)    it-trusts jew is-suċċessjoni;

(e)    is-sigurtà soċjali;

(f)    il-miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali fi kwistjonijiet ta’ saħħa;

(g)    il-miżuri meħuda fir-rigward ta’ persuna bħala riżultat ta’ reati penali mwettqa minn dik il-persuna;

(h)    id-deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ ażil u dwar l-immigrazzjoni;

(i)    il-miżuri diretti unikament għas-sikurezza pubblika.

(2)    Il-paragrafu 1 ma jaffettwax, fir-rigward tal-kwistjonijiet msemmija fih, l-intitolament ta’ persuna li taġixxi bħala rappreżentant tal-adult.

kapitolu ii – il-ġuriżdizzjoni

Artikolu 5

(1)    L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tal-adult ikollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu miżuri mmirati għall-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult.

(2)    F’każ ta’ bidla tar-residenza abitwali tal-adult għal Stat Kontraenti ieħor, l-awtoritajiet tal-Istat tar-residenza abitwali ġdida jkollhom ġuriżdizzjoni.

Artikolu 6

(1)    Għall-adulti li jkunu rifuġjati u dawk li, minħabba disturbi fil-pajjiż tagħhom, ikunu internazzjonalment spostati, l-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti li dawn l-adulti jkunu preżenti fit-territorju tiegħu kaġun tal-ispostament tagħhom ikollhom il-ġuriżdizzjoni prevista fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1.

(2)    Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti japplikaw ukoll għall-adulti li r-residenza abitwali tagħhom ma tkunx tista’ tiġi stabbilita.

Artikolu 7

(1)    Ħlief għal adulti li jkunu rifuġjati jew li, minħabba disturbi fl-Istat tan-nazzjonalità tagħhom, ikunu internazzjonalment spostati, l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti li l-adult ikollu n-nazzjonalità tiegħu, ikollhom il-ġuriżdizzjoni li jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult jekk iqisu li jkunu jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jivvalutaw l-interessi tal-adult, u wara li jkunu taw il-pariri tagħhom lill-awtoritajiet li jkollhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6, il-paragrafu 2.

(2)    Din il-ġuriżdizzjoni ma għandhiex tiġi eżerċitata jekk l-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6, il-paragrafu 2, jew l-Artikolu 8 jkunu infurmaw lill-awtoritajiet li l-adult ikollu n-nazzjonalità tiegħu li huma ħadu l-miżuri li tirrikjedi s-sitwazzjoni jew iddeċidew li ma għandha tittieħed l-ebda miżura jew li quddiemhom ikollhom proċedimenti pendenti.

(3)    Il-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu fi tmiemhom malli l-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6, il-paragrafu 2, jew l-Artikolu 8 ikunu ħadu l-miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni jew iddeċidew li ma għandha tittieħed l-ebda miżura. Dawn l-awtoritajiet għandhom jinfurmaw b’dan lill-awtoritajiet li jkunu ħadu miżuri f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 8

(1)    L-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6, jekk iqisu li dan ikun fl-interess tal-adult, jistgħu, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba mill-awtorità ta’ Stat Kontraenti ieħor, jitolbu lill-awtoritajiet ta’ wieħed mill-Istati msemmija fil-paragrafu 2 sabiex jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult. It-talba tista’ tkun relatata mal-aspetti kollha jew ma’ xi aspetti ta’ din il-protezzjoni.

(2)    L-Istati Kontraenti li l-awtoritajiet tagħhom jistgħu jiġu indirizzati kif previst fil-paragrafu preċedenti huma –

(a)    Stat li l-adult ikollu n-nazzjonalità tiegħu;

(b)    l-Istat tar-residenza abitwali preċedenti tal-adult;

(c)    Stat li fih ikun hemm il-proprjetà tal-adult;

(d)    l-Istat li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ġew magħżula bil-miktub mill-adult biex jieħdu miżuri mmirati għall-protezzjoni tiegħu jew tagħha;

(e)    l-Istat tar-residenza abitwali ta’ persuna li tkun qrib tal-adult li tkun lesta li tieħu l-protezzjoni tiegħu jew tagħha akkarigu tagħha;

(f)    l-Istat li l-adult ikun preżenti fit-territorju tiegħu, fir-rigward tal-protezzjoni tal-persuna tal-adult.

(3)    F’każ li l-awtorità nnominata skont il-paragrafi preċedenti ma taċċettax il-ġuriżdizzjoni tagħha, l-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6 iżommu l-ġuriżdizzjoni.

Artikolu 9

L-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti li fih ikun hemm il-proprjetà tal-adult, ikollhom il-ġuriżdizzjoni biex jieħdu miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ dik il-proprjetà, sakemm dawn il-miżuri jkunu kompatibbli ma’ dawk meħuda mill-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 5 sa 8.

Artikolu 10

(1)    Fil-każijiet kollha ta’ urġenza, l-awtoritajiet ta’ kull Stat Kontraenti, li fit-territorju tiegħu jkun preżenti l-adult jew il-proprjetà li tappartjeni għall-adult, ikollhom il-ġuriżdizzjoni biex jieħdu kull miżura ta’ protezzjoni neċessarja.

(2)    Il-miżuri meħudin skont il-paragrafu preċedenti fir-rigward ta’ adult li abitwalment jkun residenti fi Stat Kontraenti għandhom jiġu fi tmiemhom malli l-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 5 sa 9 jkunu ħadu l-miżuri li tirrikjedi s-sitwazzjoni.

(3)    Il-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 fir-rigward ta’ adult li abitwalment ikun residenti fi Stat mhux Kontraenti għandhom jiġu fi tmiemhom f’kull Stat Kontraenti malli l-miżuri li tirrikjedi s-sitwazzjoni u meħuda mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor jiġu rikonoxxuti fl-Istat Kontraenti inkwistjoni.

(4)    L-awtoritajiet li ħadu miżuri skont il-paragrafu 1 għandhom, jekk possibbli, jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tal-adult bil-miżuri meħuda.

Artikolu 11

(1)    Bħala eċċezzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti, li l-adult ikun preżenti fit-territorju tiegħu jkollhom il-ġuriżdizzjoni biex jieħdu miżuri ta’ natura temporanja għall-protezzjoni tal-persuna tal-adult li jkollhom effett territorjali limitat għall-Istat inkwistjoni, sakemm dawn il-miżuri jkunu kompatibbli ma’ dawk diġà meħudin mill-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 5 sa 8, u wara li jkunu taw il-pariri tagħhom lill-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 5.

(2)    Il-miżuri meħudin skont il-paragrafu preċedenti fir-rigward ta’ adult li abitwalment jkun residenti fi Stat Kontraenti għandhom jiġu fi tmiemhom malli l-awtoritajiet li għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 5 sa 8 jkunu ħadu deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni li jaf tkun tirrikjedi s-sitwazzjoni.

Artikolu 12

Soġġetti għall-Artikolu 7, il-paragrafu 3, il-miżuri meħudin f’applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 jibqgħu fis-seħħ f’konformità mat-termini tagħhom, anki jekk bidla fiċ-ċirkostanzi tkun eliminat il-bażi li fuqha kienet stabbilita l-ġuriżdizzjoni, sakemm l-awtoritajiet li jkollhom il-ġuriżdizzjoni skont il-Konvenzjoni ma jkunux immodifikaw, bidlu jew itterminaw dawn il-miżuri.

kapitolu iii – il-liġi applikabbli

Artikolu 13

(1)    Fl-eżerċitar tal-ġuriżdizzjoni tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, l-awtoritajiet tal-Istati Kontraenti għandhom japplikaw il-liġi tagħhom stess.

(2)    Madankollu, sa fejn ikun meħtieġ fir-rigward tal-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult, huma jistgħu eċċezzjonalment japplikaw jew jieħdu inkunsiderazzjoni l-liġi ta’ Stat ieħor li s-sitwazzjoni jkollha rabta sostanzjali miegħu.

Artikolu 14

Meta miżura meħuda fi Stat Kontraenti wieħed tkun implimentata fi Stat Kontraenti ieħor, il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha jkunu rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor.

Artikolu 15

(1)    L-eżistenza, il-portata, il-modifika u l-estinzjoni tas-setgħat ta’ rappreżentanza mogħtija minn adult, skont ftehim jew inkella permezz ta’ att unilaterali, li jridu jiġu eżerċitati meta tali adult ma jkunx f’pożizzjoni li jipproteġi l-interessi tiegħu jew tagħha, huma rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-adult fil-mument tal-ftehim jew tal-att, sakemm waħda mil-liġijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma tkunx ġiet indikata b’mod espliċitu bil-miktub.

(2)    L-Istati Membri li l-liġijiet tagħhom jistgħu jiġu indikati huma –

(a)    Stat li l-adult ikollu n-nazzjonalità tiegħu;

(b)    l-Istat ta’ residenza abitwali preċedenti tal-adult;

(c)    Stat li fih ikun hemm il-proprjetà tal-adult, fir-rigward ta’ dik il-proprjetà.

(3)    Il-mod dwar kif jiġu eżerċitati dawn is-setgħat ta’ rappreżentanza huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li fih jiġu eżerċitati.

Artikolu 16

Meta s-setgħat ta’ rappreżentanza msemmija fl-Artikolu 15 ma jiġux eżerċitati b’mod suffiċjenti biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-persuna jew il-proprjetà ta’ adult, dawn jistgħu jiġu revokati jew modifikati permezz ta’ miżuri meħuda minn awtorità li jkollha ġuriżdizzjoni skont il-Konvenzjoni. Meta tali setgħat ta’ rappreżentanza jiġu revokati jew immodifikati, il-liġi msemmija fl-Artikolu 15 jenħtieġ li tiġi kkunsidrata sa fejn ikun possibbli.

Artikolu 17

(1)    Il-validità ta’ tranżazzjoni bejn parti terza u persuna oħra li tkun intitolata li taġixxi bħala rappreżentant ta’ adult skont il-liġi tal-Istat fejn it-tranżazzjoni kienet ġiet konkluża, ma tistax tiġi kkontestata, u l-parti terza ma tistax tinżamm responsabbli, għall-unika raġuni li l-persuna l-oħra ma kinitx intitolata li taġixxi bħala rappreżentant tal-adult skont il-liġi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, ħlief jekk il-parti terza kienet taf jew kellha tkun taf li din il-kapaċità kienet irregolata mil-liġi tal-aħħar.

(2)    Il-paragrafu preċedenti japplika biss jekk it-tranżazzjoni ssir bejn persuni preżenti fit-territorju tal-istess Stat.

Artikolu 18

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu japplikaw anki jekk il-liġi indikata minnhom tkun il-liġi ta’ Stat mhux Kontraenti.

Artikolu 19

F’dan il-Kapitolu, it-terminu “liġi” jfisser il-liġi li tkun fis-seħħ fi Stat minbarra r-regoli tiegħu dwar l-għażla tal-liġi.

Artikolu 20

Dan il-Kapitolu ma jipprevjenix l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Istat li fih l-adult irid jiġi protett meta l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun obbligatorja irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli.

Artikolu 21

L-applikazzjoni tal-liġi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu tista’ tiġi rrifjutata biss jekk din l-applikazzjoni tkun manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku.

kapitolu iv – ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni

Artikolu 22

(1)    Il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti għandhom jiġu rikonoxxuti skont l-operazzjoni tal-liġi fl-Istati Kontraenti l-oħra kollha.

(2)    Ir-rikonoxximent jista’ madankollu jiġi rrifjutat –

(a)    jekk il-miżura ttieħdet minn awtorità li l-ġuriżdizzjoni tagħha ma kinitx ibbażata fuq, jew skont waħda mir-raġunijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II;

(b)    jekk il-miżura ttieħdet, ħlief f’każ ta’ urġenza, fil-kuntest ta’ proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv, mingħajr ma tkun ingħatat opportunità lill-adult li jinstema’, bi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-proċedura tal-Istat rikjest;

(c)    jekk tali rikonoxximent ikun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat rikjest, jew ikun f’kunflitt ma’ dispożizzjoni tal-liġi ta’ dak l-Istat li tkun obbligatorja irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli;

(d)    jekk il-miżura tkun inkompatibbli ma’ miżura meħuda aktar tard fi Stat mhux Kontraenti li kien ikollu l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 5 sa 9, meta din il-miżura meħuda aktar tard tissodisfa r-rekwiżiti għar-rikonoxximent fl-Istat rikjest;

(e)    jekk ma jkunx hemm konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 33.

Artikolu 23

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22, il-paragrafu 1, kull persuna interessata tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti jiddeċiedu dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ miżura meħuda fi Stat Kontraenti ieħor. Il-proċedura hija rregolata mil-liġi tal-Istat rikjest.

Artikolu 24

L-awtorità tal-Istat rikjest hija marbuta bis-sejbiet ta’ fatt li fuqhom l-awtorità tal-Istat fejn tkun ittieħdet il-miżura, ibbażat il-ġuriżdizzjoni tagħha.

Artikolu 25

(1)    Jekk miżuri meħuda fi Stat Kontraenti wieħed u eżegwibbli hemmhekk jirrikjedu eżekuzzjoni fi Stat Kontraenti ieħor, dawn għandhom, fuq talba minn parti interessata, jiġu ddikjarati eżegwibbli jew reġistrati għall-fini ta’ eżekuzzjoni f’dak l-Istat l-ieħor skont il-proċedura prevista fil-liġi tal-Istat tal-aħħar.

(2)    Kull Stat Kontraenti għandu japplika proċedura sempliċi u rapida għad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jew għar-reġistrazzjoni.

(3)    Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jew reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2.

Artikolu 26

Mingħajr preġudizzju għal rieżami skont il-bżonn fl-applikazzjoni tal-Artikoli preċedenti, ma għandu jkun hemm l-ebda rieżami tal-merti tal-miżura meħuda.

Artikolu 27

Miżuri meħuda fi Stat Kontraenti wieħed u ddikjarati eżegwibbli, jew reġistrati għall-fini ta’ eżekuzzjoni, fi Stat Kontraenti ieħor, għandhom jiġu eżegwiti fl-Istat tal-aħħar daqslikieku jkunu ttieħdu mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat. L-eżekuzzjoni sseħħ f’konformità mal-liġi tal-Istat rikjest sal-punt previst minn din il-liġi.

kapitolu v – il-kooperazzjoni

Artikolu 28

(1)    Stat Kontraenti għandu jinnomina Awtorità Ċentrali għall-qadi tad-dmirijiet imposti mill-Konvenzjoni fuq dawn l-awtoritajiet.

(2)    L-Istati Federali, l-Istati b’aktar minn sistema legali waħda jew Stati b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu liberi li jinnominaw aktar minn Awtorità Ċentrali waħda u li jispeċifikaw il-portata territorjali jew personali tal-funzjonijiet tagħhom. Meta Stat ikun innomina aktar minn Awtorità Ċentrali waħda, għandu jinnomina l-Awtorità Ċentrali li kull komunikazzjoni tista’ tiġi indirizzata lilha biex tiġi trażmessa lill-Awtorità Ċentrali adatta f’dak l-Istat.

Artikolu 29

(1)    L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom jikkooperaw flimkien u jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati tagħhom sabiex jinkisbu l-finijiet tal-Konvenzjoni.

(2)    Huma għandhom, b’rabta mal-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, jieħdu l-passi adatti biex jipprovdu informazzjoni dwar il-liġijiet u s-servizzi disponibbli fl-Istati tagħhom li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-adulti.

Artikolu 30

L-Awtorità Ċentrali ta’ Stat Kontraenti, jew direttament jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi jew korpi oħra, għandha tieħu l-passi adatti kollha biex –

(a)    tiffaċilita l-komunikazzjonijiet, b’kull mezz, bejn l-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjonijet li l-Konvenzjoni tapplika għalihom;

(b)    tipprovdi, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Kontraenti ieħor, assistenza biex jiġu individwati l-inħawi fejn ikun jinsab adult meta jkun jidher li l-adult jista’ jkun preżenti u fi bżonn ta’ protezzjoni fit-territorju tal-Istat rikjest.

Artikolu 31

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti jistgħu jħeġġu, direttament jew permezz ta’ korpi oħrajn, l-użu ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew mezzi simili biex jinstabu soluzzjonijiet bi ftehim għall-protezzjoni tal-persuna jew il-proprjetà ta’ adult f’sitwazzjonijet li l-Konvenzjoni tapplika għalihom.

Artikolu 32

(1)    Meta miżura ta’ protezzjoni tkun ikkontemplata, l-awtoritajiet kompetenti skont il-Konvenzjoni, jekk is-sitwazzjoni ta’ adulti tirrikjedi dan, jistgħu jitolbu kwalunkwe awtorità ta’ Stat Kontraenti ieħor li jkollha informazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tal-adult biex tikkomunika tali informazzjoni.

(2)    Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li talbiet skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet tiegħu permezz tal-Awtorità Ċentrali tiegħu biss.

(3)    L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti ieħor biex jassistu fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni meħuda taħt din il-Konvenzjoni.

Artikolu 33

(1)    Jekk awtorità li jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 5 sa 8 tikkontempla t-tqegħid tal-adult fi stabbiliment jew f’post ieħor fejn tista’ tingħata protezzjoni, u jekk dan it-tqegħid għandux iseħħ fi Stat Kontraenti ieħor, din għandha l-ewwel tikkonsulta mal-Awtorità Ċentrali jew ma’ awtorità kompetenti oħra tal-Istat tal-aħħar. Għal dan l-għan, tittrażmetti rapport dwar l-adult flimkien mar-raġunijiet għat-tqegħid propost.

(2)    Id-deċiżjoni dwar it-tqegħid ma tistax issir fl-Istat rikjest jekk l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra tal-Istat rikjest tindika l-oppożizzjoni tagħha fi żmien raġonevoli.

Artikolu 34

F’kull każ fejn l-adult ikun espost għal periklu serju, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Kontraenti fejn ikunu ttieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-adult jew ikunu qegħdin jiġu kkunsidrati, jekk ikunu infurmati li r-residenza tal-adult nbidlet għal Stat ieħor jew li l-adult jinsab fi Stat ieħor, għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat l-ieħor dwar il-periklu involut u l-miżuri meħuda jew li qegħdin jiġu kkunsidrati.

Artikolu 35

Awtorità ma għandhiex titlob jew tittrażmetti informazzjoni skont dan il-Kapitolu jekk il-fatt li tagħmel hekk, fl-opinjoni tagħha, x’aktarx li jpoġġi lill-persuna jew il-proprjetà ta’ adult f’periklu, jew jikkostitwixxi theddida serja għal-libertà jew il-ħajja ta’ membru tal-familja tal-adult.

Artikolu 36

(1)    Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jimponu tariffi raġonevoli għall-forniment ta’ servizzi, l-Awtoritajiet Ċentrali u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ Stati Kontraenti għandhom iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

(2)    Kull Stat Kontraenti jista’ jagħmel ftehimiet ma’ Stat Kontraenti ieħor jew aktar rigward l-allokazzjoni tat-tariffi.

Artikolu 37

Kull Stat Kontraenti jista’ jagħmel ftehimiet ma’ Stat Kontraenti ieħor jew aktar bl-għan li jtejjeb l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu fir-relazzjonijiet reċiproċi ta’ bejniethom. L-Istati li kkonkludew ftehim bħal dan għandhom jibagħtu kopja lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.

kapitolu vi – id-dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 38

(1)    L-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti fejn tkun ittieħdet miżura ta’ protezzjoni jew tkun ġiet ikkonfermata setgħa ta’ rappreżentanza, jistgħu jipprovdu lill-persuna inkarigata bil-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tal-adult, fuq talba, b’ċertifikat li jindika l-kapaċità li fiha dik il-persuna tkun intitolata li taġixxi u s-setgħat mogħtija.

(2)    Il-kapaċitajiet u s-setgħat indikati fiċ-ċertifikat huma meqjusa li jappartjenu lil dik il-persuna mid-data taċ-ċertifikat, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.

(3)    Kull Stat Kontraenti għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti biex ifasslu ċ-ċertifikat.

Artikolu 39

Id-data personali miġbura jew trażmessa skont il-Konvenzjoni għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet trażmessa.

Artikolu 40

L-awtoritajiet li għandhom tiġi trażmessa l-informazzjoni għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tagħha, f’konformità mal-liġi tal-Istat tagħhom.

Artikolu 41

Id-dokumenti kollha mibgħuta jew ikkonsenjati skont din il-Konvenzjoni għandhom ikunu eżenti mil-leġiżlazzjoni jew minn kull formalità analoga.

Artikolu 42

Kull Stat Kontraenti jista’ jinnomina l-awtoritajiet fejn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati skont l-Artikolu 8 u l-Artikolu 33.

Artikolu 43

(1)    In-nomini msemmija fl-Artikolu 28 u l-Artikolu 42 għandhom jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat sa mhux aktar tard mid-data tad-depożitu tal-istrument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni jew tal-adeżjoni magħha. Kull modifika tagħhom għandha wkoll tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju Permanenti.

(2)    Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 32, il-paragrafu 2, għandha ssir lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.

Artikolu 44

Stat Kontraenti li fih japplikaw sistemi legali jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti għall-protezzjoni tal-persuna jew il-proprjetà tal-adult, ma għandux ikun marbut li japplika r-regoli tal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ kunflitti unikament bejn it-tali sistemi legali jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti.

Artikolu 45

B’rabta ma’ Stat li fih japplikaw żewġ sistemi legali jew settijiet ta’ regoli tal-liġi jew aktar f’unitajiet territorjali differenti, fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li taqa’ taħt din il-Konvenzjoni –

(a)    kull referenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat għandha titqies bħala li tirreferi għar-residenza abitwali f’unità territorjali;

(b)    kull referenza għall-preżenza tal-adult f’dak l-Istat għandha titqies bħala li tirreferi għall-preżenza f’unità territorjali;

(c)    kull referenza għall-post tal-proprjetà tal-adult f’dak l-Istat għandha titqies bħala li tirreferi għall-post tal-proprjetà tal-adult f’unità territorjali;

(d)    kull referenza għall-Istat tan-nazzjonalità tal-adult għandha titqies bħala li tirreferi għall-unità territorjali magħżula mil-liġi ta’ dak l-Istat jew, fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti, għall-unità territorjali li l-adult ikollu l-eqreb rabta magħha;

(e)    kull referenza għall-Istat li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ġew magħżula mill-adult għandha titqies

   bħala li tirreferi għall-unità territorjali jekk l-adult ikun għażel l-awtoritajiet ta’ din l-unità territorjali;

   bħala li tirreferi għall-unità territorjali li l-adult ikollu l-eqreb rabta magħha jekk l-adult ikun għażel l-awtoritajiet tal-Istat mingħajr ma jispeċifika unità territorjali partikolari fl-Istat;

(f)    kull referenza għal-liġi ta’ Stat li s-sitwazzjoni jkollha konnessjoni sostanzjali magħha għandha titqies bħala referenza għal-liġi ta’ unità territorjali li s-sitwazzjoni jkollha konnessjoni sostanzjali magħha;

(g)    kull referenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità tal-Istat li fih il-miżura ttieħdet għandha titqies bħala referenza għal-liġi jew proċedura fis-seħħ fit-tali unità territorjali jew awtorità tal-unità territorjali li fiha din il-miżura tkun ittieħdet;

(h)    kull referenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità tal-Istat rikjest għandha titqies bħala referenza għal-liġi jew proċedura fis-seħħ fit-tali unità territorjali jew awtorità tal-unità territorjali li fiha jkun qiegħed jintalab ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni;

(i)    kull referenza għall-Istat fejn miżura ta’ protezzjoni għandha tiġi implimentata għandha titqies bħala li tirreferi għall-unità territorjali fejn il-miżura se tiġi implimentata;

j)    kull referenza għal entitajiet jew awtoritajiet tal-Istat, apparti l-Awtoritajiet Ċentrali, għandha titqies bħala li tirreferi għal dawk awtorizzati li jaġixxu fl-unità territorjali rilevanti;

Artikolu 46

Għall-fini li tiġi identifikata l-liġi applikabbli skont il-Kapitolu III, b’rabta ma’ Stat li jkun magħmul minn żewġ unitajiet territorjali jew aktar, li kull waħda minnhom ikollha s-sistema legali jew is-settijiet ta’ regoli tal-liġi tagħha, fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, japplikaw ir-regoli li ġejjin –

(a)    jekk ikun hemm regoli fis-seħħ fit-tali Stat li jidentifikaw liema liġi tal-unità territorjali hija applikabbli, tapplika l-liġi ta’ dik l-unità;

(b)    fin-nuqqas ta’ tali regoli, tapplika l-liġi tal-unità territorjali rilevanti kif definita fl-Artikolu 45.

Artikolu 47

Għall-fini li tiġi identifikata l-liġi applikabbli skont il-Kapitolu III, b’rabta ma’ Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew settijiet ta’ regoli tal-liġi jew aktar applikabbli għal kategoriji differenti ta’ persuni fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, japplikaw ir-regoli li ġejjin –

(a)    jekk ikun hemm regoli fis-seħħ fit-tali Stat li jidentifikaw liema waħda fost it-tali liġijiet hija applikabbli, tapplika dik il-liġi;

(b)    fin-nuqqas ta’ dawn ir-regoli, tapplika l-liġi tas-sistema jew tas-sett ta’ regoli tal-liġi li magħhom l-adult ikollu l-eqreb rabta.

Artikolu 48

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti, din il-Konvenzjoni tissostitwixxi l-Convention concernant l'interdiction et les mesures de protection analogues, iffirmata f’The Hague fis-17 ta’ Lulju 1905.

Artikolu 49

(1)    Il-Konvenzjoni ma taffettwa l-ebda strument internazzjonali ieħor li l-Partijiet Kontraenti jkunu Partijiet għalih u li jkun fih dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni, sakemm ma ssirx xi dikjarazzjoni kuntrarja mill-Istati Partijiet għal dan l-istrument.

(2)    Din il-Konvenzjoni ma taffettwax il-possibbiltà għal Stat Kontraenti wieħed jew aktar li jikkonkludu ftehimiet li jkun fihom, fir-rigward ta’ adulti li jkunu residenti abitwali f’xi wieħed mill-Istati Partijiet għal dawn il-ftehimiet, dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni.

(3)    Il-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi minn Stat Kontraenti wieħed jew aktar dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma jaffettwawx, fir-relazzjoni ta’ dawn l-Istati ma’ Stati Kontraenti oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

(4)    Il-paragrafi preċedenti japplikaw ukoll għal-liġijiet uniformi bbażati fuq rabtiet speċjali ta’ natura reġjonali jew ta’ natura oħra bejn l-Istati kkonċernati.

Artikolu 50

(1)    Il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-miżuri biss jekk dawn jittieħdu fi Stat wara li l-Konvenzjoni tkun iddaħħlet fis-seħħ f’dak l-Istat.

(2)    Il-Konvenzjoni għandha tapplika għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tagħha bejn l-Istat fejn ittieħdu l-miżuri u l-Istat rikjest.

(3)    Il-Konvenzjoni għandha tapplika mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha fi Stat Kontraenti għas-setgħat ta’ rappreżentazzjoni mogħtija preċedentement taħt il-kundizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 15.

Artikolu 51

(1)    Kull komunikazzjoni mibgħuta lill-Awtorità Ċentrali jew lil awtorità oħra ta’ Stat Kontraenti għandha tkun bil-lingwa oriġinali, u għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat l-ieħor jew, meta dan ma jkunx fattibbli, traduzzjoni għall-Franċiż jew l-Ingliż.

(2)    Madankollu, Stat Kontraenti jista’, billi jagħmel riżerva f’konformità mal-Artikolu 56, joġġezzjona għall-użu tal-Ingliż jew inkella tal-Franċiż, iżda mhux tat-tnejn li huma.

Artikolu 52

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat għandu jikkonvoka, f’intervalli regolari, Kummissjoni Speċjali bl-iskop li teżamina t-tħaddim fil-prattika tal-Konvenzjoni.

kapitolu vii – il-klawżoli finali

Artikolu 53

(1)    Il-Konvenzjoni għandha tinfetaħ għall-iffirmar mill-Istati li kienu Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fit-2 ta’ Ottubru 1999.

(2)    Għandha tiġi ratifikata, aċċettata jew approvata u l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands, id-depożitarju tal-Konvenzjoni.

Artikolu 54

(1)    Kwalunkwe Stat ieħor jista’ jaderixxi mal-Konvenzjoni wara li din tkun daħlet fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 57, il-paragrafu 1.

(2)    L-istrument ta’ adeżjoni għandu jiġi ddepożitat mad-depożitarju.

(3)    Din l-adeżjoni għandu jkollha effett biss fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li ma jkunux ressqu oġġezzjoni għall-adeżjoni tiegħu fis-sitt xhur ta’ wara li jirċievu n-notifika msemmija fis-sottoparagrafu (b) tal-Artikolu 59. It-tali oġġezzjoni tista’ titressaq ukoll mill-Istati fil-mument meta dawn jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni wara adeżjoni. Kull oġġezzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju.

Artikolu 55

(1)    Jekk Stat ikollu żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom japplikaw sistemi legali differenti b’rabta ma’ kwistjonijiet trattati f’din il-Konvenzjoni, jista’ fil-mument tal-firma, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jiddikjara li l-Konvenzjoni għandha tiġi estiża għall-unitajiet territorjali kollha tiegħu jew biss għal wieħed jew aktar minnhom, u jista’ jimmodifika din id-dikjarazzjoni billi jissottometti dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe mument.

(2)    Kull dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju u għandha tiddikjara espressament l-unitajiet territorjali li għalihom tapplika l-Konvenzjoni.

(3)    Jekk Stat ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Konvenzjoni tiġi estiża għall-unitajiet territorjali kollha ta’ dak l-Istat.

Artikolu 56

(1)    Kull Stat jista’, mhux aktar tard mill-mument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jew fil-mument li jagħmel id-dikjarazzjoni skont it-termini tal-Artikolu 55, jagħmel ir-riżerva prevista fl-Artikolu 51, il-paragrafu 2. L-ebda riżerva oħra ma għandha tkun permessa.

(2)    Kwalunkwe Stat jista’ fi kwalunkwe mument jirtira r-riżerva li jkun għamel. L-irtirar għandu jiġi nnotifikat lid-depożitarju.

(3)    Ir-riżerva għandha tieqaf milli jkollha effett fl-ewwel jum tat-tielet xahar kalendarju wara n-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 57

(1)    Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara li jiddekorru tliet xhur mid-depożitu tat-tielet strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 53.

(2)    Wara dan, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ –

(a)    għal kull Stat ieħor li jirratifikaha, jaċċettaha jew japprovaha sussegwentement, fl-ewwel jum tax-xahar wara li jiddekorru tliet xhur wara d-depożitu tal-istrument tagħha ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni;

(b)    għal kull Stat li jaderixxi, fl-ewwel jum tax-xahar wara li jiddekorru tliet xhur wara li jiddekorri l-perjodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 54, il-paragrafu 3;

(c)    għal unità territorjali li għaliha tkun ġiet estiża l-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 55, fl-ewwel ġurnata jum tax-xahar wara li jiddekorru tliet xhur min-notifika msemmija f’dak l-Artikolu.

Artikolu 58

(1)    Stat Parti għall-Konvenzjoni jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lid-depożitarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal ċerti unitajiet territorjali li għalihom tapplika l-Konvenzjoni.

(2)    Id-denunzja ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar wara li jiddekorru tnax-il xahar wara li d-depożitarju jirċievi n-notifika. Meta fin-notifika jiġi speċifikat perjodu itwal sabiex id-denunzja ssir effettiva, din issir effettiva malli jiddekorri dan il-perjodu itwal.

Artikolu 59

Id-depożitarju għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Dritt Internazzjonali Privat u lill-Istati li aderew f’konformità mal-Artikolu 54 b’dan li ġej –

(a)    il-firem, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet u l-approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53;

(b)    l-adeżjonijiet u l-oġġezzjonijiet imressqa għall-adeżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 54;

(c)    id-data li fiha l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 57;

(d)    id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32, il-paragrafu 2, u l-Artikolu 55;

(e)    il-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 37;

(f)    ir-riżerva msemmija fl-Artikolu 51, il-paragrafu 2, u l-irtirar imsemmi fl-Artikolu 56, il-paragrafu 2;

(g)    id-denunzji msemmija fl-Artikolu 58.

B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji ta’ hawn taħt, debitament awtorizzati li jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul f’The Hague, fit-13-il jum ta’ Jannar 2000, bl-Ingliż u bil-Franċiż, biż-żewġ testi jkunu awtentiċi ndaqs, b’kopja unika li għandha tiġi ddepożitata fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju tan-Netherlands, u li għandha tintbagħat kopja ċertifikata tagħha, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, lil kull Stat Membru tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.