IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.5.2023
COM(2023) 258 final
2023/0156(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 198}
{SWD(2023) 140}
{SWD(2023) 141}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-unjoni doganali tal-UE hija storja ta’ suċċess vera tal-integrazzjoni u tal-prosperità Ewropej. Hija l-bażi u l-gwardjan tas-suq uniku tal-UE, u tippermetti li l-merkanzija tiċċaqlaq liberament fl-Unjoni. L-Unjoni titkellem b’vuċi waħda fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali bħala wieħed mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja. Il-funzjonament mingħajr xkiel tal-unjoni doganali huwa fundamentali għall-ekonomija u għall-prosperità tal-UE, u għall-kompetittività internazzjonali tagħha. Iċ-ċittadini u l-kumpaniji jibbenefikaw mill-kummerċ internazzjonali, filwaqt li, fl-istess ħin, it-tariffi doganali, il-kwoti, u miżuri kummerċjali oħrajn jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-produzzjoni industrijali u tal-impjiegi fl-unjoni u sabiex jipprovdu dħul għall-finanzi pubbliċi.
L-ekonomija tal-UE tinsab fi tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u, għalhekk, adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża li tistabbilixxi standards ambjentali, tas-sigurtà, soċjali u diġitali li jsawru l-mod kif in-negozji joperaw fi ħdan is-suq uniku u lil hinn minnu. Din l-aġenda ambizzjuża tirriskja li tiġi mminata jekk il-produzzjonijiet tal-Unjoni jiġu sostitwiti b’importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jirrispettawx dawn l-istandards. Mingħajr monitoraġġ u kontroll ċentrali mid-dwana tal-katina tal-provvista, l-Unjoni ma għandhiex viżibbiltà sħiħa dwar x’merkanzija tidħol u toħroġ mit-territorju tagħha. Dan idgħajjef mhux biss il-kredibbiltà tal-politiki settorjali tal-UE, iżda jillimita wkoll is-setgħa tal-UE bħala attur ġeopolitiku.
L-awtoritajiet doganali huma dejjem aktar mgħobbijin b’firxa dejjem akbar ta’ kompiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ambizzjuża ħafna msemmija hawn fuq li ġiet adottata fl-aħħar snin. Bħala riżultat ta’ dan, illum il-ġurnata l-awtoritajiet doganali jinsabu f’morsa bejn kompiti u kumplessità dejjem akbar minn naħa, u żieda qawwija trasportazzjonijiet ta’ valur baxx fil-kummerċ elettroniku min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, mingħajr superviżjoni ċentrali tal-katina tal-provvista, l-Unjoni ma għandhiex viżibbiltà u kontroll sħaħ li fuqhom il-merkanzija tidħol u toħroġ mis-suq uniku. Dan jamplifika l-isfidi inerenti għall-proċessi doganali, għad-data u għall-IT, u għall-governanza tal-unjoni doganali. Kif turi l-valutazzjoni tal-impatt, l-awtoritajiet doganali jissieltu fil-missjoni tagħhom sabiex jipproteġu, bi problemi fil-ġestjoni tar-riskju u fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, mal-awtoritajiet u mal-korpi tal-infurzar tal-liġi, mal-awtoritajiet tat-taxxa u ma’ sħab oħrajn. Barra minn hekk, huma problematiċi l-piż amministrattiv għall-kummerċ, id-diffikultajiet fit-twettiq ta’ kontrolli fuq il-merkanzija tal-kummerċ elettroniku, il-kwalità u l-aċċess limitati tad-data, kif ukoll id-diverġenzi fl-implimentazzjoni bejn l-Istati Membri.
Din ir-riforma ssaħħaħ il-kapaċità tad-dwana li tissorvelja u tikkontrolla liema merkanzija tidħol u toħroġ mill-unjoni doganali. Ir-riforma doganali hija deċiżjoni strateġika fit-tul, li għandha l-għan li tadatta b’mod flessibbli għall-bidliet fil-ktajjen tal-provvista u li tiddefendi aħjar l-interess finanzjarju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif ukoll is-sigurtà, is-sikurezza u l-interessi pubbliċi tal-UE.
F’dan l-isfond, fil-linji gwida politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen ħabbret: “Wasal iż-żmien li l-unjoni doganali tittieħed għal-livell li jmiss, u tiġi mgħammra b’qafas aktar b’saħħtu li jippermettilna nipproteġu aħjar liċ-ċittadini tagħna u lis-Suq Uniku tagħna. Se nipproponi pakkett ambizzjuż għal approċċ Ewropew integrat biex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju doganali u jiġu sostnuti l-kontrolli effettivi mill-Istati Membri”.
Bħala l-ewwel segwitu, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni Doganali, li jiddeskrivi azzjonijiet konkreti sabiex titħejja r-riforma. Kif imħabbar fil-pjan, u wara t-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU), li rrikonoxxiet il-progress, iżda identifikat ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-qafas dwar il-kummerċ elettroniku u l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni interim spjegat l-isfidi fl-iżvilupp ta’ 27 sistema tal-IT doganali nazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali ħabbar ukoll valutazzjoni tal-impatt tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi tar-riforma, u d-diskussjoni strateġika mal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali fi grupp ta’ riflessjoni dwar kif l-unjoni doganali ssir aktar aġli,teknoloġikament avvanzata u reżistenti għall-kriżijiet, li saret fl-2022.
Filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa għal bidla strutturali, il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta’ prospettiva dwar il-futur tad-dwana fl-UE 2040 flimkien mal-partijiet ikkonċernati, mal-akkademiċi u mas-sħab internazzjonali. Ir-rapport ta’ prospettiva irrakkomanda “li tiġi indirizzata l-isfida tal-governanza tal-unjoni doganali billi tingħata preferenza lil struttura konġunta u ċentrali sabiex l-Unjoni titkellem b’vuċi waħda, sabiex jiġu ingranati l-avvanzi teknoloġiċi u sabiex isir l-aktar użu effettiv tad-data doganali”. Barra minn hekk, ir-rapport indipendenti tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Doganali tal-UE kkonkluda li “għad hemm diverġenzi serji bejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri” u “llum il-livell ta’ protezzjoni taċ-ċittadini u tal-Istati Membri jiddependi fuq il-post fejn isiru l-kontrolli fuq il-merkanzija, u negozji frodulenti u negliġenti jgawdu vantaġġ sinifikanti b’riskju baxx fuq ditti u fuq individwi onesti u konformi”.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat sfidi għad-dwana f’rapporti speċjali. Rapport minnhom sab li armonizzazzjoni insuffiċjenti fil-kontrolli doganali xxekkel l-interessi finanzjarji tal-UE, u rrakkomanda: “lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali, u tiżviluppa u timplimenta kapaċità sħiħa ta’ analiżi u ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li d-dewmien fl-iżvilupp tal-IT doganali kien “b’mod partikolari minħabba t-tibdil fl-ambitu tal-proġetti, riżorsi insuffiċjenti allokati mill-UE u mill-Istati Membri, u proċess twil ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli.” Għall-kummerċ elettroniku, l-awdituri enfasizzaw l-isfidi fil-ġbir ta’ ammonti korretti ta’ VAT u ta’ dazji doganali. Rapport ieħor enfasizza nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva fil-proċeduri tal-importazzjoni, inklużi “approċċi li jvarjaw f’termini ta’ kontrolli doganali sabiex jiġu indirizzati s-sottovalwazzjoni, id-deskrizzjoni ħażina tal-oriġini u l-klassifikazzjoni ħażina u sabiex jiġu imposti penali doganali”, li jħallu impatt fuq l-għażla tal-uffiċċju doganali tan-negozjant.
Din ir-riforma tissimplifika l-KDU u tnaqqas il-burokrazija, f’konformità mal-programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT). Hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2022 taħt il-prijorità “Ekonomija għas-servizz tan-nies”.
Din ir-riforma tinkludi żewġ proposti leġiżlattivi addizzjonali li llum ġew adottati mill-Kummissjoni bħala parti minn pakkett wiesa’, b’mod partikolari sabiex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-VAT, minn naħa, u r-Regolament dwar l-Eżenzjoni mid-Dazji u n-Nomenklatura Magħquda, min-naħa l-oħra. Iż-żewġ emendi jikkomplementaw ir-riforma doganali fir-rigward tal-miżuri neċessarji sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija (tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku), jiġifieri permezz tat-tneħħija tal-livell limitu ta’ EUR 150, li meta jinqabeż isiru dovuti dazji doganali skont ir-regoli kurrenti.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-KDU huwa l-qafas legali u tal-IT ewlieni għall-proċessi doganali fit-territorju doganali tal-Unjoni. Din ir-riforma tirrevedi u tħassar l-att bażiku. Warajha ssegwi reviżjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni dettaljati u tal-atti delegati.
Ir-riforma hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni li tistabbilixxi d-dazji doganali bħala sors dirett tad-dħul tagħha, u mar-regoli dwar kif isiru disponibbli għall-Unjoni.
Il-proposta tiżgura allinjament sħiħ bejn il-VAT u t-trattament doganali tal-bejgħ B2C tal-kummerċ elettroniku relatat ma’ merkanzija mibgħuta minn pajjiżi terzi jew minn territorji. Dan l-allinjament jinvolvi l-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskadenzi applikabbli għad-determinazzjoni, għall-ġbir u għall-ħlas ta’ dazji u ta’ taxxi, l-obbligi ta’ rapportar relatati kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-bejjiegħa online, b’mod partikolari s-swieq. Ir-regoli sinkronizzati jippermettu lill-bejjiegħa online joffru prezz veru li jinkludi kollox meta jbigħu merkanzija online lill-konsumaturi fl-UE għall-merkanzija kollha importata minn pajjiżi terzi, ħlief meta l-merkanzija tkun soġġetta għal dazji tas-sisa armonizzati tal-UE u għal miżuri ta’ politika kummerċjali.
Fis-27 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit laħqu ftehim politiku fil-prinċipju dwar il-Qafas ta’ Windsor, sett komprensiv ta’ soluzzjonijiet konġunti mmirati sabiex jindirizzaw, b’mod definittiv, l-isfidi prattiċi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji fl-Irlanda ta’ Fuq. Is-soluzzjonijiet konġunti jkopru, fost affarijiet oħrajn, arranġamenti ġodda dwar id-dwana. Fl-24 ta’ Marzu 2023, il-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor, b’mod partikolari fil-qasam tad-dwana. Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tistipula li r-Renju Unit jista’ jinnotifika lill-Unjoni u, f’każ li ma tinstab l-ebda soluzzjoni, jissospendi ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi arranġamenti għall-moviment ta’ merkanzija mhux f’riskju li tidħol fl-Unjoni minn parti oħra tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq, jekk l-atti tal-Unjoni li jipprovdu għal faċilitazzjonijiet relatati ma’ dawn il-movimenti ta’ merkanzija ma jibqgħux fis-seħħ, kompletament jew parzjalment, b’tali mod li ma jibqgħux jipprovdu għall-istess livell ta’ faċilitazzjonijiet. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni doganali stabbilita f’dan ir-Regolament ma taffettwax il-livell tal-faċilitazzjonijiet imsemmijin fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2023.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-azzjoni doganali ssostni l-infurzar ta’ numru wiesa’ u li qiegħed jikber ta’ aktar minn 350 leġiżlazzjoni differenti tal-Unjoni, f’oqsma ta’ politika bħall-kummerċ, l-industrija, is-sigurtà, is-saħħa, l-ambjent u l-klima. Ir-riforma ssaħħaħ il-kapaċità tad-dwana li tipprovdi dan is-servizz, u tintroduċi qafas ta’ kooperazzjoni mas-sorveljanza tas-suq, mal-infurzar tal-liġi u ma’ awtoritajiet oħrajn, u aġenziji u korpi tal-Unjoni, inklużi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Ir-riforma hija konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari:
·Ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq, li jipprovdi l-qafas legali għall-kontrolli bbażati fuq ir-riskju ta’ ċerti prodotti mhux tal-ikel mibjugħin fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni sistematika u skambju ta’ informazzjoni bejn l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq u l-awtoritajiet doganali sabiex jiġu identifikati prodotti mhux sikuri jew mhux konformi milli jidħlu fis-suq uniku. Id-dwana tintalab ukoll timplimenta r-Regolament rivedut dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u r-regoli l-ġodda mmirati sabiex jipprojbixxu b’mod effettiv l-introduzzjoni fis-suq uniku ta’ prodotti magħmulin kompletament jew parzjalment b’xogħol furzat, ladarba jiġu adottati l-proposti rispettivi.
·Fil-qasam tal-leġiżlazzjoni ambjentali, l-awtoritajiet doganali huma involuti fl-infurzar ta’ diversi regoli, fost l-oħrajn dwar is-sustanzi kimiċi, il-protezzjoni ta’ speċijiet ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jimminimizzaw l-użu u l-emissjonijiet ta’ sustanzi perikolużi. L-awtoritajiet doganali jintalbu wkoll japplikaw regoli ġodda tal-Unjoni sabiex inaqqsu d-deforestazzjoni u jittrattaw il-vjeġġi ta’ skart. Barra minn hekk, il-proposta dwar Inizjattiva għal Prodotti Sostenibbli tistieden lill-awtoritajiet doganali sabiex jagħmlu kontroverifika tad-dikjarazzjoni doganali mal-informazzjoni dwar il-merkanzija importata li tinsab fil-passaport diġitali għall-prodotti maħluq ġdid, sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti introdotti fis-suq uniku. Il-proposta sabiex jiġi stabbilit Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri tgħin sabiex jiġi żgurat li l-objettivi klimatiċi tal-UE ma jiġux kompromessi mir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tħeġġeġ lill-produtturi f’pajjiżi terzi sabiex jagħmlu l-proċessi tal-produzzjoni tagħhom ekoloġiċi. Il-mekkaniżmu japplika għall-merkanzija importata, u d-dwana ssostni l-infurzar.
·Min-naħa tal-infurzar, il-bażi ġuridika għall-assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet nazzjonali u mal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola tipprevedi miżuri rilevanti. Dawn jinkludu r-regoli għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tal-frodi doganali u l-qafas ta’ kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet u l-korpi tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u tal-Unjoni mmirat lejn l-iżgurar tas-sigurtà fl-Unjoni kontra, pereżempju, it-traffikar tad-droga u t-traffikar illeċitu ta’ armi.
·L-Att il-ġdid dwar is-Servizzi Diġitali jistabbilixxi obbligi ċari għall-fornituri ta’ servizzi diġitali sabiex jindirizzaw il-kontenut illegali, li jirriżulta fi traċċabbiltà u f’kontrolli msaħħin fuq il-kummerċjanti fis-swieq online sabiex jiġi żgurat li l-prodotti introdotti fis-Suq Uniku jkunu sikuri.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 3(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-Unjoni Doganali hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-Unjoni biss tista’ tadotta leġiżlazzjoni doganali, filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.
Il-bażi ġuridika għal din l-inizjattiva hija l-Artikoli 33, 114 u 207 tat-TFUE.
L-Artikoli 33 u 114 tat-TFUE jagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill id-dritt li jieħdu miżuri sabiex isaħħu l-kooperazzjoni doganali bejn l-Istati Membri u bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern permezz tal-abolizzjoni tal-fruntieri interni u l-kisba tal-moviment liberu tal-merkanzija.
L-Artikolu 207 tat-TFUE jibni fuq il-premessa li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva jestendi lil hinn mill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali sabiex jinkludi l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-protezzjoni kontra l-kummerċ illeċitu bħala aspett importanti tal-politika kummerċjali, f’konformità mal-qafas internazzjonali applikabbli għall-politika kummerċjali ma’ pajjiżi terzi.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Peress li din il-proposta ssegwi fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Ir-regoli u l-proċessi doganali komuni stabbiliti fil-KDU huma implimentati mill-Istati Membri. Il-qafas eżistenti sab problemi f’termini ta’ implimentazzjoni uniformi u ta’ armonizzazzjoni, li jiġġeneraw frammentazzjoni tal-proċessi, tal-prattiki u tal-approċċi li tpoġġi lill-unjoni doganali f’riskju. Tali frammentazzjoni u konsegwenzi relatati ma jistgħux jiġu solvuti fil-livell nazzjonali. Għalhekk, huwa neċessarju sett ta’ regoli rivedut u komprensiv dwar il-proċessi doganali, il-ġestjoni komuni tad-data u l-governanza fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati u li għandhom jiġu implimentati bl-istess mod.
Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. L-elementi msemmijin hawn fuq isaħħu lil xulxin u jippermettu tnaqqis sinifikanti tal-piż kemm fuq l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fuq l-operaturi tas-settur privat, armonizzazzjoni effettiva tar-regoli u tal-prattiki, u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi relatati mad-dwana.
•Għażla tal-istrument
L-għażla tal-istrument (regolament) hija essenzjali minħabba li l-unjoni doganali trid tipprovdi ċertezza legali għall-kummerċ u għall-awtoritajiet pubbliċi. L-unjoni doganali jeħtieġ li tiżgura l-fluss mingħajr xkiel ta’ kummerċ leġittimu u fl-istess ħin tipprovdi għal intervent effettiv u bbażat fuq ir-riskju mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ elementi ewlenin tal-acquis tal-Unjoni, b’mod partikolari s-suq uniku, is-sigurtà tal-Unjoni u tal-baġit tal-Unjoni, permezz ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. L-istrument legali tal-KDU, li se jitħassar mir-riforma, huwa Regolament ukoll.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Fl-2022, il-Kummissjoni ppreżentat evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u tal-konsenja tas-sistemi tal-IT tal-KDU f’termini tal-effettività, tal-effiċjenza, tar-rilevanza, tal-koerenza mal-politiki relatati u tal-valur miżjud tal-UE. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni indika li s-suċċess tal-implimentazzjoni tal-KDU fil-perjodu 2016-2020 huwa parzjali.
L-ewwel nett, filwaqt li l-istat tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tqies li kien fit-triq it-tajba, għad hemm xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni tas-17-il sistema tal-IT stabbiliti mill-Kodiċi. Tmien sistemi ġew varati b’suċċess sal-2020 u qegħdin jaħdmu b’mod sodisfaċenti skont il-partijiet ikkonċernati, erba’ oħrajn ġew varati fl-2021 filwaqt li ħames sistemi għandhom jiġu implimentati gradwalment sal-aħħar tal-2025.
It-tieni, sar xi progress tanġibbli fit-titjib tal-ambjent doganali iżda ma tikkonċernax b’mod ugwali l-oqsma kollha analizzati fl-evalwazzjoni. Il-KDU kkontribwixxa għall-kjarifika u għall-armonizzazzjoni tar-regoli doganali, sabiex jitnaqqsu approċċi diverġenti madwar l-Istati Membri, bħal fl-oqsma tad-deċiżjonijiet doganali, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) u f’xi proċeduri speċjali. Madankollu, l-armonizzazzjoni ma hijiex suffiċjenti f’ċerti oqsma oħrajn, b’mod partikolari l-ġestjoni tar-riskju u l-monitoraġġ tal-istatus tal-AEOs, u l-interpretazzjonijiet varjati tar-regoli għadhom problema. Barra minn hekk, peress li ħafna mill-bidliet l-aktar sinifikanti introdotti mill-KDU, bħal xi simplifikazzjonijiet għall-proċess tal-iżdoganar tal-merkanzija (eż. l-iżdoganar ċentralizzat fil-livell tal-UE fl-importazzjoni u l-faċilitazzjonijiet kummerċjali relatati), jiddependu fuq proġetti tal-IT li għadhom għaddejjin, ħafna mill-benefiċċji antiċipati tal-KDU għad iridu jinkisbu.
It-tielet, l-evalwazzjoni żvelat li l-implimentazzjoni tal-KDU ma kinitx tisfrutta bis-sħiħ is-sinerġiji potenzjali mal-politiki relatati u li hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet doganali u amministrazzjonijiet nazzjonali rilevanti oħrajn inkarigati mill-applikazzjoni ta’ politiki oħrajn tal-Unjoni fil-fruntiera, b’mod partikolari fir-rigward ta’ merkanzija soġġetta għal projbizzjonijiet u għal restrizzjonijiet. Ġie rrapportat li koordinazzjoni insuffiċjenti għall-fini tal-allinjament tar-rekwiżiti, tal-istandards (b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir u tal-kondiviżjoni tad-data) u tal-proċeduri kienet ostaklu għad-diġitalizzazzjoni u rażżnet il-progress fl-implimentazzjoni ta’ simplifikazzjonijiet kruċjali.
L-evalwazzjoni qieset ukoll ir-rilevanza tal-KDU fir-rigward tal-aktar sfidi urġenti li d-dwana qiegħda tiffaċċja llum, bħall-kapaċità li jiġi ttrattat il-volum kbir ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ proċeduri doganali minn operazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni rrikonoxxiet li l-KDU kien maħsub għal mudell ta’ negozju prinċipalment ibbażat fuq il-kummerċ tradizzjonali, f’kuntest li fih il-bastimenti tal-merkanzija jċaqilqu kwantitajiet kbar ta’ merkanzija simili bil-baħar. Filwaqt li dan il-mudell illum il-ġurnata għadu jeżisti fil-biċċa l-kbira, iż-żieda drammatika fit-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku, li fihom kunsinni ta’ valur baxx jintbagħtu individwalment minn pajjiżi terzi lill-konsumaturi finali fl-Unjoni, tpoġġi lill-awtoritajiet doganali u l-leġiżlazzjoni doganali taħt pressjoni. Fl-2022, ġew iddikjarati 890 miljun tranżazzjoni tal-kummerċ elettroniku bid-dikjarazzjoni H7, li jirrappreżentaw 73 % tad-dikjarazzjonijiet doganali kollha tal-importazzjoni, iżda 0,5 % biss tal-valur kollu tal-importazzjonijiet. It-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku huma wkoll problematiċi fir-rigward tal-konformità mal-projbizzjonijiet u tar-restrizzjonijiet applikati fl-UE marbutin ma’ riskji mhux finanzjarji. Għal dawn ir-raġunijiet, l-evalwazzjonijiet issuġġerew li hija meħtieġa aktar azzjoni sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi fil-leġiżlazzjoni.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u ġbir tal-għarfien espert
Mill-20 ta’ Lulju sad-19 ta’ Settembru 2022 saret konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. Il-kwestjonarju kien disponibbli fuq il-pjattaforma tal-UE “Semma’ Leħnek” fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u rċieva 192 tweġiba. Fost il-bidliet u l-mekkaniżmi tal-politika li setgħu jiġu inklużi f’riforma tal-unjoni doganali, ir-rispondenti jaqblu bis-sħiħ li jiġu inklużi dawn li ġejjin, fl-ordni tal-preferenza:
1.Is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għal negozjanti affidabbli u fdati stabbiliti fl-Unjoni (69,47 %);
2.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u dawk mhux doganali (55,79 %), b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni (65,97 %), tal-koordinazzjoni operazzjonali (59,47 %) u tal-infurzar imtejjeb tal-projbizzjonijiet u tar-restrizzjonijiet (47,37 %);
3.Sħubija ġdida ma’ kummerċjanti fdati u ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn għall-ġestjoni aħjar tar-riskju, inkluża informazzjoni antiċipata msaħħa dwar il-merkanzija (53,16 %);
4.Il-provvista ta’ ambjent ta’ informazzjoni doganali fil-livell tal-Unjoni (54,21 %), li fih il-karatteristiċi l-aktar ivvantaġġjati jkunu provvista simplifikata ta’ data (li tippermetti l-użu mill-ġdid tad-data, tevita duplikazzjonijiet, eċċ.) għal 73,16 % tat-tweġibiet, il-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tad-data (64,21 %) u l-kunċett ta’ “tieqa unika” għat-trattament ta’ formalitajiet mhux doganali (63,16 %);
5.L-adattament tal-leġiżlazzjoni doganali għat-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku, pereżempju billi jissaħħu is-superviżjoni tal-flussi min-negozju għall-konsumatur u r-responsabbiltà tal-atturi involuti għar-regoli fiskali u mhux fiskali kollha (52,11 %);
6.35,79 % jaqblu bis-sħiħ dwar ir-riforma tal-governanza tal-unjoni doganali sabiex jiġi pprovdut għal livell tal-UE (bi 23 % oħra li għandhom it-tendenza li jaqblu, madwar 4,5 % li ma jaqblux, u l-bqija li ma pprovdewx opinjoni); iżda jekk ikun jeżisti livell tal-UE bħal dan, dan għandu jingħata l-kompitu b’mod partikolari tat-taħriġ tal-uffiċjali doganali (59,47 %), tal-ġestjoni tal-IT (51 %), tal-finanzjament tat-tagħmir doganali (44,74 %) u tar-rispons għall-kriżijiet tal-UE (41,5 %);
7.L-integrazzjoni tal-aġenda ekoloġika fl-aġenda doganali għandha assolutament tkun parti minn riforma għal 31 % biss, filwaqt li 27,8 % għandhom it-tendenza li jaqblu ma’ din u 6,31 % ma jaqblux.
Minbarra l-konsultazzjoni pubblika, ġiet organizzata firxa ta’ attivitajiet immirati ta’ konsultazzjoni sabiex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati esperti, kif ġej (ara l-Anness II tal-Valutazzjoni tal-Impatt għad-dettalji):
·Diskussjonijiet mal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali fil-kuntest tal-Grupp ta’ Riflessjoni dwar (i) ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief, il-ħtieġa u l-karatteristiċi ta’ sħubija ġdida mal-kummerċjanti u tas-superviżjoni doganali u tal-ġestjoni tar-riskju msaħħin; (ii) qafas ta’ kooperazzjoni msaħħa ma’ awtoritajiet oħrajn u aġenda doganali ekoloġika u (iii) paradigma u governanza ġodda tad-data.
·Diskussjoni mar-rappreżentanti kummerċjali fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċf’erba’ laqgħat dedikati dwar (i) il-ħtiġijiet tan-negozju u s-suġġerimenti għal reviżjoni tal-KDU, (ii) rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief, (iii) ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mal-partijiet ikkonċernati u (iv) l-elementi ewlenin tar-riforma.
·Konsultazzjoni mal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri fi Grupp ta’ Riflessjoni magħmul mid-Diretturi Ġenerali tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, stabbilit speċifikament sabiex janalizza d-diversi elementi kostitwenti tal-pakkett ta’ riforma;
·Il-konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet kummerċjali, mal-federazzjonijiet u mal-kumpaniji individwali fil-livell tal-Unjoni rrappreżentati fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ;
·Konsultazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaħdmu b’diversi rekwiżiti regolatorji dwar il-merkanzija applikabbli fil-fruntieri;
Barra minn hekk, l-evidenza li tappoġġa din l-inizjattiva inġabret minn sorsi ta’ dokumentazzjoni eżistenti, inklużi leġiżlazzjoni u dokumenti ta’ politika oħrajn, statistiki doganali u kummerċjali, evalwazzjonijiet u rapporti dwar politiki rilevanti u informazzjoni dwar inizjattivi relatati, kif elenkati fl-Anness I tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Għarfien espert estern użat għall-valutazzjoni tal-impatt inkluż fi tliet studji dwar l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-KDU, dwar il-programm tal-AEOs u dwar soluzzjonijiet għall-isfidi ppreżentati mill-kummerċ elettroniku.
L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni ppermettew il-ġbir ta’ informazzjoni u ta’ data kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, li ġew ipproċessati u analizzati sistematikament bl-użu ta’ tekniki xierqa. Id-data kwalitattiva (inkluż mis-sottomissjonijiet u mill-kontributi mibgħutin lill-Kummissjoni) ġiet ikkodifikata skont temi ewlenin, imbagħad ġiet irrieżaminata u analizzata minn angoli differenti u ppreżentata f’forma narrattiva. Id-data kwantitattiva (tweġibiet għall-istħarriġ) ġiet ipproċessata bl-użu tal-Excel u tal-għodda tad-dashboard tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni u ġiet analizzata bl-użu ta’ metodi statistiċi bħall-għadd tal-frekwenza, it-tabulazzjonijiet inkroċjati u xejriet sempliċi.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2022. Wara l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 2022, l-RSB ħareġ opinjoni negattiva fit-28 ta’ Ottubru 2020, li fiha ssuġġerixxa bosta oqsma għal aktar titjib. Ir-rapport rivedut ġie sottomess mill-ġdid fil-21 ta’ Diċembru 2022. Fis-27 ta’ Jannar 2023, il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi. Ir-reviżjoni indirizzat il-kwistjonijiet kollha identifikati għat-titjib mill-Bord, li kienu jinkludu ġustifikazzjoni aħjar tal-urġenza u tar-raġuni sabiex tittieħed azzjoni minn issa, ir-rabtiet mal-evalwazzjoni u mal-ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-koerenza ma’ inizjattivi oħrajn, id-delineazzjoni tax-xenarju ta’ referenza dinamiku (inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni Doganali), il-loġika tal-intervent, l-immappjar tal-objettivi, il-kontribut għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, il-mod kif kull għażla taħdem fil-prattika, il-punt sa kemm l-għażliet u l-miżuri jkunu kumulattivi u eżawrjenti, l-identifikazzjoni ta’ taħlitiet ta’ għażliet, il-fattibbiltà u r-riskji ta’ finanzjament, il-preżentazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji, l-analiżi tal-impatt inkluż fir-rigward tal-istrutturi ta’ governanza proposti, il-konsumaturi, u s-suppożizzjonijiet dwar il-kostijiet tal-IT, ir-riflessjoni tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, l-arranġamenti ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni, l-identifikazzjoni ta’ miżuri individwali fl-għażliet fil-proċessi doganali u l-kummerċjanti fdati, l-ispjegazzjoni tal-għażliet tal-kummerċ elettroniku inkluża t-tneħħija tal-livell limitu ta’ eżenzjoni ta’ EUR 150, l-approċċ ta’ “one in, one out”, id-delineazzjoni bejn il-kostijiet u l-benefiċċji u taċ-ċifri illustrattivi, l-analiżi tal-impatt tas-soluzzjonijiet ta’ governanza, l-impatti fuq il-konsumatur b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija tal-eżenzjoni mid-dazju ta’ EUR 150, u evalwazzjoni ex post.
Il-valutazzjoni tal-impatt, kif imtejba wara l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, iddistillat u ġabret fil-qosor il-ħames oqsma problematiċi ewlenin li fuqhom hija bbażata l-ħtieġa għal riforma:
1.Id-dwana titħabat fil-missjoni tagħha sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u r-rekwiżiti mhux finanzjarji li dejjem qegħdin jiżdiedu skont il-politiki settorjali (is-sikurezza tal-prodotti, is-sigurtà, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali, tal-pjanti, tal-ambjent, eċċ.). Peress li sehem żgħir biss mill-importazzjonijiet u mill-esportazzjonijiet jista’ jiġi kkontrollat fiżikament, id-dwana tiddependi fuq il-ġestjoni tar-riskju – madankollu, il-ġestjoni tar-riskju llum ma hijiex effettiva, uniformi jew komprensiva biżżejjed fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, id-dwana jeħtiġilha taħdem ma’ awtoritajiet oħrajn f’firxa wiesgħa ta’ sfidi, iżda l-kwalità u l-effettività ta’ din il-kooperazzjoni spiss ma jkunux ottimali u jvarjaw madwar l-UE.
2.Il-proċessi doganali kurrenti jirrikjedu li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni simili dwar il-merkanzija diversi drabi fil-katina tal-provvista lil awtoritajiet differenti permezz ta’ sistemi tal-IT multipli u mhux dejjem interoperabbli. Dan joħloq piż amministrattiv għall-operaturi leġittimi.
3.Il-mudell doganali kurrenti ma huwiex tajjeb għall-kummerċ elettroniku. Iż-żieda enormi fil-kummerċ elettroniku biddlet in-natura tal-kummerċ, minn merkanzija li tradizzjonalment tiddaħħal fl-Unjoni fi kwantitajiet kbar permezz tal-merkanzija, sa miljuni ta’ kunsinni żgħar li jiġu ttrasportati direttament lill-konsumaturi individwali. L-awtoritajiet doganali ma humiex ippreparati sabiex ilaħħqu maż-żieda fil-volumi ta’ merkanzija u ta’ dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, hemm evidenza tal-abbuż sistematiku tal-livell limitu ta’ EUR 150 li taħtu ma jiġux imposti dazji doganali; barra minn hekk, din l-eżenzjoni tiffavorixxi lil operaturi tal-kummerċ elettroniku ta’ pajjiżi terzi fuq il-kummerċ tradizzjonali u fuq il-bejjiegħa bl-imnut tal-UE, u b’hekk tfixkel il-kompetizzjoni.
4.Il-kwalità, l-aċċess u l-analiżi tad-data huma limitati. Għalkemm il-proċessi doganali huma diġitalizzati, u l-analiżi u l-kontrolli tar-riskju doganali jiddependu fuq id-data, id-data meħtieġa għat-twettiq tas-superviżjoni doganali, tal-analiżi tar-riskju u tal-kontrolli hija frammentata u duplikata f’diversi sistemi f’infrastruttura tal-IT doganali deċentralizzata. Dan jiswa ħafna flus għall-awtoritajiet doganali, ma huwiex flessibbli u jfixkel l-użu effiċjenti tad-data. In-nuqqas ta’ qafas legali komprensiv fil-KDU dwar l-iskambju u l-użu tad-data jfixkel ukoll il-kondiviżjoni tagħha bejn l-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni, awtoritajiet oħrajn jew pajjiżi sħab.
5.L-implimentazzjoni operazzjonali fl-Istati Membri tvarja b’mod sinifikanti fil-prattiki u fil-metodi ta’ kontroll, fl-implimentazzjoni tas-simplifikazzjonijiet, u fil-penali għall-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. Ma hemm l-ebda analiżi tar-riskju xierqa fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu ssorveljati kif jixraq il-flussi kummerċjali u jiġi identifikat il-kummerċ mhux konformi, u l-operaturi mhux konformi jistgħu jimmiraw lejn il-punti ta’ dħul tal-UE b’livelli aktar baxxi ta’ kontrolli.
Minħabba dawn il-problemi: (i) mhux id-dazji doganali kollha jinġabru – it-telf tad-dħul jimmina l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri; (ii) prodotti perikolużi, mhux konformi jew kontrafatti għadhom jidħlu jew joħorġu mis-suq uniku tal-UE, u (iii) prodotti illegali jiddaħħlu b’kuntrabandu fl-UE, filwaqt li jadattaw għal aktar attivitajiet ta’ kontroll tad-dwana f’pajjiż wieħed billi jsibu punti ta’ dħul oħrajn. Dawn il-konsegwenzi jimminaw il-kompetittività tal-industrija konformi, jissarrfu f’telf ta’ profitt, ta’ impjiegi u ta’ dħul ta’ negozji leġittimi inkluż b’mod partikolari ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u jqiegħdu f’riskju s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.
Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat il-fatturi ewlenin wara l-problemi bħala (i) l-inadegwatezza u l-kumplessità eċċessiva tal-proċessi doganali; (ii) id-diġitalizzazzjoni doganali frammentata u kumplessa, u (iii) l-istruttura frammentata ta’ governanza tal-unjoni doganali.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi u l-fatturi sottostanti, il-valutazzjoni tal-impatt identifikat tliet għażliet ta’ politika ewlenin, li fil-biċċa l-kbira jiddeterminaw sa liema punt l-unjoni doganali tikseb il-kapaċità mixtieqa ta’ ġbir, ta’ protezzjoni u ta’ simplifikazzjoni b’mod magħqud. Dawn huma:
·sa liema punt għandhom jiġu rriformati l-proċessi doganali?
·sa liema punt għandu jiġi rriformat l-approċċ tal-ġestjoni tad-data doganali?
·sa liema punt għandha tiġi rriformata l-governanza tal-Unjoni Doganali?
Il-valutazzjoni tal-impatt qieset erba’ għażliet, li kull waħda minnhom tipprovdi pakkett koerenti ta’ miżuri li jindirizzaw dawn it-tliet għażliet ta’ politika:
1. Għażla 1 – pakkett ta’ proċessi aktar sempliċi. Dan eżamina l-komponenti ewlenin u interdipendenti tal-proċess, b’mod partikolari l-passi tal-proċess infushom, ir-rwoli tal-atturi differenti u r-responsabbiltajiet ta’ konformità tagħhom, l-użu tad-data, it-trattament ta’ operaturi aktar affidabbli, it-trattament tal-flussi tal-kummerċ elettroniku, u l-mod kif jiġu applikati l-penali madwar l-UE għad-deterrenza tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-pakkett ikun qiegħed inaqqas u jissimplifika l-passi tal-proċess tal-importazzjoni, jiċċara r-responsabbiltajiet tal-atturi (b’mod partikolari tal-importaturi u tal-esportaturi), ineħħi l-eżenzjoni mid-dazju doganali għal merkanzija vvalutata sa EUR 150, u jipprevedi li l-pjattaformi elettroniċi jitqiesu bħala importaturi u jqisu d-dazji doganali għat-traffiku tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur, b’approċċ aktar sempliċi ta’ kalkolu tad-dazju. Jintroduċi approċċ ġdid ta’ Fiduċja u Verifika għas-sħubija mal-kummerċ, li bih ikunu disponibbli privileġġi addizzjonali (bħal anqas kontrolli doganali li jkunu aktar immirati, u l-possibbiltà ta’ “awtorilaxx” tal-merkanzija) għal kummerċjanti trasparenti u affidabbli. Jintroduċi approċċ komuni għall-penali amministrattivi. Itejjeb l-aċċess tal-Kummissjoni għad-data sabiex issostni l-ġestjoni tar-riskju. Dawn il-bidliet jitwettqu skont il-mudell kurrenti tad-diġitalizzazzjoni u l-istruttura eżistenti tal-governanza doganali, li, hekk kif ġie vvalutat, jillimita l-impatt tagħhom.
2.L-għażla 2 tkun tikkomplementa l-Għażla 1 b’Awtorità Doganali tal-UE li tikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tar-riskju, issostni l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli, u timmaniġġja l-programmi doganali. Dan il-pakkett ikun jiddependi fuq il-mudell tad-diġitalizzazzjoni kurrenti.
3.L-għażla 3 tkun toħloq Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, ġestita mill-Kummissjoni, sabiex jiġu implimentati l-proċessi doganali aktar sempliċi identifikati fl-Għażla 1, f’mudell ċentralizzat tal-IT. Il-pjattaforma tad-data tiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni minn atturi differenti, l-ipproċessar tagħha għall-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE u l-iskambju tagħha ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn. Fir-rigward tal-governanza, ir-rwol tal-Kummissjoni jissaħħaħ, b’mod partikolari fl-organizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju, madankollu soġġett għal-limitazzjonijiet tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni u għan-nuqqas ta’ mandat organizzazzjonali tagħha li tilħaq il-potenzjal sħiħ tal-ambjent il-ġdid tad-data.
4.L-Għażla 4 tinkludi proċessi doganali aktar sempliċi implimentati permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE ġestita minn Awtorità Doganali tal-UE inkarigata mill-ġestjoni tar-riskju operazzjonali u mill-ġestjoni tad-data (b’mod ulterjuri għall-Għażla 2) u li ssostni t-twettiq ta’ proċessi simplifikati.
L-Għażla 4 hija l-għażla ppreferuta. It-tliet elementi tagħha (proċessi doganali riformati, implimentati fi Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE ċentrali ġestita minn Awtorità Doganali tal-UE) isaħħu lil xulxin sabiex iwasslu riżultati aħjar u joħolqu sinerġiji madwar l-UE. Din hija l-aktar għażla effiċjenti, peress li l-investiment fl-istrutturi ċentrali jnaqqas b’mod sinifikanti l-kost għall-Istati Membri u għan-negozji. B’mod partikolari, għandha l-benefiċċji li ġejjin:
·Tissaħħaħ is-superviżjoni doganali. L-aċċess imtejjeb għad-data u l-ipproċessar imtejjeb tagħha permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE jagħmlu l-ġestjoni tar-riskju tal-UE aktar effiċjenti u jżidu l-kapaċità tad-dwana li tidentifika frodi billi tidentifika profili ta’ operaturi riskjużi li jaġixxu fil-livell tal-Unjoni. Jiġġeneraw dħul addizzjonali għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha. Aċċess imtejjeb għad-data u koordinazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet iżidu l-kapaċità doganali sabiex tiġi identifikata u titwaqqaf merkanzija li ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Unjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-konsumaturi.
·Jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kummerċ leġittimu. Il-proċessi riveduti huma aktar sempliċi, u d-data tinġabar darba mis-sors it-tajjeb permezz ta’ interfaċċa waħda fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Il-valutazzjoni stmat li l-iffrankar jista’ jammonta għal madwar EUR 1,2 biljun sa EUR 2,6 biljun fis-sena (b’kunsiderazzjoni tal-imposta miżjuda fuq id-dazju doganali għan-negozji li tirriżulta mit-tneħħija tal-livell limitu ta’ EUR 150 fuq it-traffiku tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur, stmata għal madwar EUR 1 biljun fis-sena).
·Iċ-ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet (IT, data u ġestjoni tar-riskju) fl-Awtorità Doganali tal-UE tirriżulta f’iiffrankar sinifikanti għan-nefqa doganali fuq l-IT tal-Istati Membri. Il-valutazzjoni stmat li dawn jistgħu jibdew f’madwar EUR 194 miljun u jiżdiedu fuq perjodu ta’ 15-il sena sa madwar EUR 2,3 biljun fis-sena. L-Awtorità Doganali tal-UE tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u awtoritajiet oħrajn.
·Il-kundizzjonijiet tal-kummerċ elettroniku jinżammu f’livell ekwu mal-kummerċ tradizzjonali. Il-proċessi riveduti jippermettu lill-atturi tal-kummerċ elettroniku jipprovdu informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja b’mod aktar sempliċi u jagħmluhom responsabbli għaliha; il-konsumaturi jibbenefikaw minn aktar trasparenza fil-prezzijiet u fit-tariffi.
·L-unjoni doganali taġixxi bħala entità waħda. Il-proċessi riveduti jitwasslu fi Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE ċentrali minn Awtorità Doganali ċentrali tal-UE sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha u jiġu evitati d-diverġenzi.
Fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali, din l-għażla mistennija ġġib benefiċċji sinifikanti billi tippermetti aktar lid-dwana biex tinforza leġiżlazzjoni li ssegwi għanijiet soċjali u ambjentali, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti l-oħrajn. B’mod partikolari:
·L-għażla ppreferuta, billi tgħaqqad il-mandat ta’ koordinazzjoni operazzjonali tal-Awtorità Doganali tal-UE mal-għodod u mal-proċessi tad-data pprovduti fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, tippermetti bl-aħjar mod il-kooperazzjoni strutturata madwar l-UE bejn il-politiki doganali u dawk soċjali u ambjentali rilevanti sabiex jittejbu l-eżiti tagħhom mill-azzjoni doganali fil-fruntiera.
·L-informazzjoni addizzjonali li l-operaturi jipprovdu lid-dwana għandha tkompli ttejjeb il-kapaċità tad-dwana sabiex tgħin fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni speċifika li ssegwi għanijiet soċjali, bħal-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi x-xogħol furzat, jew għanijiet ambjentali.
·It-tneħħija tal-eżenzjoni mid-dazju ta’ EUR 150 se ttemm il-prattika tal-qsim tal-ordnijiet ta’ valur għoli f’diversi kunsinni ta’ anqas minn EUR 150 għall-profitt mill-eżenzjoni mid-dazju, bl-effett ambjentali pożittiv konsegwenti fuq l-emissjonijiet tat-trasport.
·Infurzar aħjar tar-rekwiżiti tal-prodotti fuq il-merkanzija importata jista’ jwassal għal rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn l-Unjoni
Il-każijiet ta’ użu fil-valutazzjoni tal-impatt ikomplu juru kif ir-riforma se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ politika kurrenti rilevanti, inkluż fl-oqsma tal-ekodisinn u tal-prodotti sostenibbli, tal-emissjonijiet mill-konsumatur, tal-plastiks li jintużaw darba biss, tas-sustanzi kimiċi persistenti, u tat-tnaqqis tal-kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet mhux konformi li jaffettwaw l-industrija u l-impjiegi tal-UE, u attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq b’mod ġenerali.
Fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-valutazzjoni tal-impatt identifikat kif ir-riforma tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dawn permezz ta’ miżuri meħudin fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali fil-merkanzija u tal-ktajjen tal-provvista, li, b’mod partikolari, ikunu:
·itejbu l-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu, b’rabta mal-Għan 8;
·itejbu d-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-importazzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet li jiksru r-regoli rilevanti tal-UE dwar, pereżempju, l-iskart, is-sustanzi kimiċi, jew id-disinn ta’ prodotti sikuri u sostenibbli, b’rabta mal-Għan 12;
·isaħħu l-protezzjoni tal-ekosistemi territorjali (eż. l-importazzjonijiet li huma prodotti tad-deforestazzjoni) u l-protezzjoni tal-bijodiversità (permezz tal-għajnuna sabiex jiġi identifikat traffiku li jmur kontra s-CITES), b’rabta mal-Għan 15.
Il-proposta hija konsistenti bis-sħiħ mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” . Ittejjeb l-infurzar tal-politiki ambjentali u tissimplifika u tagħmel aktar effiċjenti t-twettiq ta’ operazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u s-superviżjoni tagħhom mill-operaturi ekonomiċi u mill-awtoritajiet pubbliċi rispettivament. Il-ġbir flimkien tar-riżorsi u tal-għodod fl-ambjent ċentrali jnaqqas b’mod partikolari d-duplikazzjoni tal-iżvilupp tas-sistemi u tal-attivitajiet amministrattivi, u b’hekk inaqqas iż-żmien globali mqatta’ fuq il-proċessi doganali u, kif jixraq, il-konsum tar-riżorsi.
Il-proposta hija mmexxija mill-prinċipji ta’ diġitali b’mod awtomatiku u privatezza prestabbilita. Tallinja mal-inizjattivi emblematiċi tal-Kummissjoni bħall-att dwar l-IA, l-Att dwar il-Governanza tad-Data, il-GDPR u l-EUDPR. Tipprovdi għal proċessi ċċentrati fuq l-utent lesti għall-awtomatizzazzjoni, li jippermettu li l-iskambji operazzjonali kollha mad-dwana jitwettqu b’mod elettroniku permezz ta’ interfaċċa waħda tal-UE b’diversi użi. Issostni l-prinċipju ta’ darba biss, il-prinċipji ta’ użu mill-ġdid tad-data u ta’ minimizzazzjoni tad-data billi tipprovdi li d-data, ladarba tiġi sottomessa, għandha tiġi integrata fi proċessi oħrajn, u billi tintegra l-approċċ tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana li jgħaqqad il-formalitajiet doganali u mhux doganali (ir-Regolament (UE) 2022/2399); filwaqt li tippermetti wkoll Politika mmexxija mid-data. Tipprovdi għal bidla fundamentali minn sistemi nazzjonali multipli bi proċess bejn il-pari lejn sett ċentrali flessibbli ta’ servizzi u sistemi li jippermettu li l-proċessi jiġu żviluppati u jinbidlu b’mod orħos, aktar konsistenti, aġli u flessibbli. Tappoġġa l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali billi tippermetti l-użu ta’ tekniki analitiċi avvanzati fl-operazzjonijiet doganali, u madwar l-UE u l-ġbir flimkien tar-riżorsi u l-iżvilupp b’sors miftuħ ta’ komponenti li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri kollha f’dak il-kuntest. L-abbozzar huwa “lest għall-qasam diġitali”, b’dispożizzjoni għall-għoti tas-setgħat u għad-delegazzjonijiet sabiex jiġu indirizzati aspetti tekniċi bħall-elementi tad-data u r-regoli.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
It-tnaqqis u s-simplifikazzjoni tal-proċessi doganali, u l-introduzzjoni ta’ portal uniku tal-UE għall-interazzjoni mad-dwana (il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE), huma mistennijin inaqqsu b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv meta mqabblin mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li huwa fis-seħħ bħalissa.
Fil-valutazzjoni tal-impatt, ġie stmat li bl-għażla ppreferuta, l-ispejjeż totali ffrankati mill-operaturi ekonomiċi jistgħu jammontaw sa EUR 26 biljun fuq 15-il sena (b’kunsiderazzjoni tal-imposta miżjuda fuq id-dazju doganali għan-negozji li tirriżulta mit-tneħħija tal-livell limitu ta’ EUR 150 fuq it-traffiku tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur, stmata għal madwar EUR 1 biljun fis-sena).
•
Drittijiet fundamentali
Id-dwana għandha esperjenza twila fil-ġbir u fl-ipproċessar ta’ data li fiha informazzjoni sensittiva għan-negozji, ta’ data finanzjarja u ta’ data personali. Ir-reviżjoni tal-kodiċi doganali tirrispetta bis-sħiħ id-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ data personali. Ir-riforma ttejjeb ukoll il-protezzjoni ta’ dan id-dritt, kif muri fil-valutazzjoni tal-impatt għall-għażla 4. Il-Pjattaforma tad-Data tintegra l-għodod u l-kontrolli tal-protezzjoni tad-data personali, li jippermettu lil kull kontrollur tad-data jiżgura d-drittijiet ta’ protezzjoni tad-data. Dan se jkollu impatt pożittiv ukoll għas-suġġetti tad-data li jkunu jistgħu jeżerċitaw drittijiethom b’mod simili ħafna fl-Istati Membri kollha.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Ir-riforma ssaħħaħ id-dwana fl-indirizzar tal-ġbir ta’ dazji mhux imħallsin, tas-sottovalwazzjoni u tal-frodi. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-eżenzjoni mid-dazju fuq merkanzija ta’ anqas minn EUR 150 tneħħi lakuna u ġġib dħul addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni stmat għal EUR 750 miljun fis-sena bil-prezzijiet kurrenti.
Gradwalment, il-ġbir tad-dazji jiċċaqlaq mill-post tad-dikjarazzjoni tal-merkanzija, lejn il-post fejn l-importatur jew l-esportatur ikun stabbilit fl-Unjoni. Dan jiffaċilita l-awditjar u l-ġbir tad-dazji u jissimplifika l-interazzjoni għall-importatur jew għall-esportatur, b’mod partikolari għall-SMEs. Filwaqt li din il-bidla ma għandha l-ebda impatt dirett fuq il-baġit ġenerali tal-UE jew fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE, tista’ gradwalment tbiddel id-distribuzzjoni tas-sehem tad-dazji doganali miżmumin mill-Istati Membri bħala kost tal-ġbir.
L-Awtorità Doganali tal-UE u l-iżvilupp tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE mhux se jeħtieġu żieda fil-baġit matul il-perjodu 2021-2027, peress li l-kostijiet ta’ madwar EUR 60 miljun matul l-ewwel sentejn se jiġu ffinanzjati fil-qafas tal-Programm Doganali 2021-2027. Wara l-2027, il-kostijiet totali tar-Riforma għall-baġit tal-UE huma stmati għal madwar EUR 1,855 biljun. Dan ikopri l-kost tal-kompiti inkarigati lill-Awtorità Doganali tal-UE b’din il-proposta kif ukoll lill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, mingħajr ma jiġi antiċipat il-ftehim dwar il-QFP u l-programmi ta’ wara l-2027.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-proġett tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (CUP)immexxi mill-Kummissjoni jiġbor u janalizza kull sena l-informazzjoni aggregata pprovduta mill-Istati Membri dwar l-attività, ix-xejriet, u l-prestazzjoni doganali fl-UE b’appoġġ ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. Eżitu ewlieni minnhom tal-analiżi huwa r-Rapport Annwali dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali indirizzat lill-Istati Membri biss, li jipprovdi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-iżviluppi ewlenin fl-Unjoni Doganali, fuq il-bażi tal-analiżi tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni marbutin mal-objettivi strateġiċi tal-UE: il-protezzjoni, il-kompetittività, il-faċilitazzjoni, il-kontroll u l-kooperazzjoni. L-indikaturi tas-CUP jindirizzaw diversi tipi ta’ attivitajiet, li jvarjaw mill-ammont ta’ dazji doganali miġburin, l-użu ta’ simplifikazzjonijiet, ir-rwol tal-AEOs fil-proċessi doganali, sa azzjonijiet fil-qasam tal-kontrolli doganali u d-detezzjoni tal-kummerċ illeċitu.
Il-ġbir tad-data tas-CUP bħalissa huwa volontarju, li jqajjem mistoqsijiet dwar il-kwalità, il-kompletezza u l-konsistenza tad-data, kif ukoll kwistjonijiet dwar is-sjieda tad-data u l-kunfidenzjalità. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli tiżviluppa l-kejl tas-CUP billi tintroduċi bażi ġuridika għal qafas strutturat għall-forniment u għall-analiżi ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni doganali sabiex jiġi prodott ir-rapport annwali. Barra minn hekk, il-bażi ġuridika għas-CUP fl-aħħar se toffri għodda għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni ta’ din l-inizjattiva, filwaqt li ttejjeb l-indikaturi fil-qasam tal-analiżi tar-riskju u tal-inputs u tal-outputs tal-kontroll, u l-protezzjoni, il-ġbir u l-eżiti tas-simplifikazzjoni. Dan se jindirizza n-nuqqas ta’ għodod effettivi għas-superviżjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, kif indikat fl-evalwazzjoni tal-KDU.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din ir-riforma ssaħħaħ il-kapaċità tad-dwana li tissorvelja u tikkontrolla liema merkanzija tidħol u toħroġ mill-Unjoni Doganali. Id-dwana tieħu approċċ strateġiku ġdid, xprunat mill-analiżi tad-data tal-informazzjoni dwar il-katina tal-provvista, sabiex ikollha azzjoni doganali mmirata u koordinata. Il-qafas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet doganali, tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, tal-awtoritajiet u tal-korpi tal-infurzar tal-liġi, tal-awtoritajiet tat-taxxa u ta’ sħab oħrajn huwa msaħħaħ. Fi sħubija ġdida mal-operaturi kummerċjali, il-piż amministrattiv jitnaqqas u jiġu ssimplifikati l-proċessi doganali. Pjattaforma ġdida tad-Data Doganali tal-UE tiffaċilita l-iskambju u l-kombinazzjoni ta’ informazzjoni f’ambjent ċentrali uniku. Awtorità Doganali ġdida tal-UE tmexxi analiżi tar-riskju ċentrali u ssostni lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li twassal għal azzjoni doganali koordinata. Dawn il-miżuri jħejju l-Unjoni Doganali għall-futur, b’volumi dejjem akbar ta’ kummerċ elettroniku u b’kumplessità dejjem akbar tal-projbizzjonijiet u tar-restrizzjonijiet.
Il-Kodiċi Doganali l-ġdid tal-Unjoni għandu struttura sempliċi u intwittiva. Ir-rwol u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali, tal-importatur, tal-esportatur u tat-trasportatur huma ddefiniti. L-informazzjoni tinġabar fil-Pjattaforma tad-Data Doganali l-ġdida tal-UE u tiġi pproċessata għall-analiżi tar-riskju. Din hija segwita minn titolu wieħed għad-dħul, u għall-ħruġ rispettivament. Titoli ġodda jintroduċu mekkaniżmu ta’ kriżi, l-Awtorità Doganali tal-UE u l-armonizzazzjoni minima komuni ta’ ksur doganali u sanzjonijiet mhux kriminali.
It-titolu I jintroduċi l-Kodiċi Doganali l-ġdid tal-Unjoni, li jibni fuq ħafna elementi tal-Kodiċi ta’ qablu. Il-missjoni tal-awtoritajiet doganali hija msaħħa, sabiex tirrifletti l-firxa wiesgħa ta’ servizzi doganali, li jibdew bil-ġbir tad-dazji, sal-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-ambjent u ta’ interessi pubbliċi oħrajn, il-ġlieda kontra l-kummerċ inġust, mhux konformi u illegali, kif ukoll is-sostenn ta’ flussi kummerċjali leġittimi. It-titolu fih id-definizzjonijiet rilevanti għall-proċessi doganali riveduti, l-aktar importanti fosthom tal-importatur u tal-esportatur, tal-importatur preżunt f’każ ta’ bejgħ mill-bogħod u tal-projbizzjonijiet u tar-restrizzjonijiet.
Ir-riforma tistinka għat-trasparenza u għar-responsabbiltà tal-atturi responsabbli u, min-naħa tagħha, toffri simplifikazzjonijiet tal-proċessi doganali. It-titolu II jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tal-importatur, tal-importatur preżunt u tal-esportatur lejn id-dwana. Fir-rigward tar-rwoli, dgħufija fis-sistema kurrenti hija li l-persuni li bħalissa huma responsabbli għad-dwana, bħad-dikjarant u t-trasportatur għandhom diffikultà akbar sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-konformità finanzjarja u mhux finanzjarja. F’dan l-isfond, l-aktar bidla xierqa fil-livell tar-rwoli hija li tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-konformità lill-importaturi u lill-esportaturi. Id-dwana teħtieġ li jkunu stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni (li kien diġà l-każ għad-dikjarant fl-Artikolu 170(2) tal-Kodiċi ta’ qabel) u li jirreġistraw mal-Istat Membru ta’ stabbiliment, bl-eċċezzjonijiet elenkati. Il-bejjiegħa online u l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku s’issa ma kinux involuti fil-formalitajiet doganali waqt l-importazzjoni. Filwaqt li jaġixxu bħala importaturi preżunti, se jkunu obbligati jipprovdu lill-awtoritajiet doganali mhux biss id-data neċessarja għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija mibjugħa lill-konsumaturi fl-UE, iżda wkoll l-informazzjoni li jeħtiġilhom jiġbru għall-finijiet tal-VAT. Ir-rwol tat-trasportatur li jdaħħal merkanzija fit-territorju doganali, u l-informazzjoni meħtieġa għal dak l-għan, huma ċċarati. L-iskema tal-operatur ekonomiku awtorizzat tkompli l-kooperazzjoni b’suċċess bejn in-negozju u d-dwana. Din is-sħubija tittieħed fil-livell li jmiss, bl-introduzzjoni ta’ status ġdid ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check). Dawn il-kummerċjanti fdati u trasparenti jagħtu lill-awtoritajiet doganali aċċess għas-sistemi elettroniċi tagħhom filwaqt li jżommu rekord tal-konformità tagħhom u tal-moviment tal-merkanzija tagħhom. Bħala kumpens, huma kisbu ċerti benefiċċji, b’mod partikolari l-possibbiltà li jirrilaxxaw il-merkanzija f’isem id-dwana u li jiddifferixxu l-ħlas tad-dejn doganali.
It-titolu III jippreżenta paradigma ġdida tad-data li tintegra u tissostitwixxi gradwalment is-sistemi doganali kurrenti tal-IT: it-trasformazzjoni minn 27 ambjent tal-IT b’ħafna sistemi f’kull Stat Membru favur sett ċentralizzat ta’ sistemi u ta’ servizzi. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE hija sett ta’ sistemi u ta’ servizzi f’ambjent żviluppat ċentralment li l-użu tagħhom huwa obbligatorju. Tiddefinixxi mill-ġdid kif tinġabar id-data doganali u data oħra, użata għas-superviżjoni doganali, u kondiviża mal-awtoritajiet sħab. Hija wkoll il-“magna” l-ġdida li tipproċessa, tikkollega u taħżen l-informazzjoni u twettaq analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE. Kollox ma’ kollox, dan jagħti lid-dwana viżjoni aħjar tal-katina tal-provvista għall-valutazzjoni tar-riskju tagħha u jippermetti li l-azzjoni Doganali ssir aktar immirata u strateġika. Barra minn hekk, jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, tar-regoli għall-aċċess għall-informazzjoni, għas-sigurtà tal-IT u għall-kunfidenzjalità b’mod orizzontali, koordinat u konsistenti.
It-titolu IV iżomm kunċetti essenzjali rigward l-ambitu tas-superviżjoni doganali għall-merkanzija li tkun se tiddaħħal jew tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni, sabiex titqiegħed taħt il-proċedura tal-użu aħħari jewtitqiegħed fi tranżitu intern. Jaġġusta l-identifikazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti sabiex jipprovdi għar-rwol tal-uffiċċju doganali responsabbli għall-post ta’ stabbiliment tal-importatur jew tal-esportatur. Is-superviżjoni doganali, il-kontrolli u l-miżuri ta’ mitigazzjoni se jkunu bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskju tal-katina kollha tal-provvista f’ħin reali, b’perspettiva tal-UE. Il-ġestjoni mtejba tar-riskju kemm fuq ir-riskji finanzjarji kif ukoll fuq dawk mhux finanzjarji hija fil-qalba tar-riforma. It-titolu IV jipprovdi deskrizzjoni ċara tal-proċess tal-ġestjoni tar-riskju, kemm għar-riskji finanzjarji kif ukoll għal dawk mhux finanzjarji u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-Awtorità Doganali tal-UE u tal-awtoritajiet doganali f’dan il-qasam. Dan jindirizza l-użu tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE fl-appoġġ tal-ġestjoni tar-riskju doganali u jipprevedi skambju komprensiv u użu ta’ informazzjoni rilevanti għall-ġestjoni u għall-kontrolli tar-riskju. L-awtoritajiet doganali nazzjonali jżommu r-riedni fil-ġestjoni nazzjonali tar-riskju u fit-twettiq tal-kontrolli doganali neċessarji. Fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju ġdida fil-livell tal-UE, l-Awtorità Doganali tal-UE toħroġ rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll tal-UE lill-awtoritajiet doganali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għall-kontrolli se jkollhom jiġu implimentati, jew ikollhom jiġu pprovduti r-raġunijiet dwar għaliex ir-rakkomandazzjoni ta’ kontroll ma tkunx ġiet applikata. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi kriterji u standards komuni tar-riskju u oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u tista’ tidentifika oqsma speċifiċi fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni oħra li jeħtieġu trattament ta’ prijorità għall-ġestjoni u għall-kontrolli tar-riskju doganali. It-titolu IV jipprevedi wkoll evalwazzjoni sistematika tal-implimentazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju sabiex jiġi sostnut titjib kontinwu.
It-titolu V fih il-proċeduri doganali differenti li jippermettu li kummerċjant jaħżen temporanjament il-merkanzija, jew li jirrilaxxaha għaċ-ċirkolazzjoni libera fis-Suq Uniku tal-UE. Fil-prinċipju, l-awtoritajiet doganali jibqgħu responsabbli għar-rilaxx tal-merkanzija u għat-tqegħid tal-merkanzija fi proċedura doganali. L-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) awtorizzati se jkunu jistgħu jirrilaxxaw il-merkanzija tagħhom mingħajr intervent doganali attiv, meta l-informazzjoni tkun disponibbli minn qabel u l-merkanzija ma tkunx intgħażlet għall-kontrolli. It-titolu jinkludi wkoll regoli ċari dwar il-proċess u l-konsegwenzi legali meta l-awtoritajiet doganali jkollhom bżonn jikkonsultaw awtoritajiet kompetenti oħrajn qabel ma jirrilaxxaw il-merkanzija, inkluża l-possibbiltà li l-importaturi jintalbu jkomplu jinformaw dwar id-distribuzzjoni tal-merkanzija wara li jkunu f’ċirkolazzjoni libera. F’kull xenarju, id-dwana tista’ twaqqaf il-moviment tal-merkanzija, tirrifjuta r-rilaxx tal-merkanzija, u fl-aħħar mill-aħħar għandha l-possibbiltà li tissekwestra l-merkanzija. It-titolu V fih ukoll dispożizzjonijiet tranżizzjonali, li jippermettu lill-proċessi doganali kurrenti jkomplu b’ċertezza legali matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u dment li s-sistemi l-ġodda għall-ġestjoni tad-data jkunu operazzjonali.
It-titolu VI jippreżenta l-proċess simplifikat il-ġdid sabiex il-merkanzija tiddaħħal fl-Unjoni Doganali, tnaqqis sinifikanti fil-kumplessità u fil-piż amministrattiv. Id-dwana tiġbor l-informazzjoni għall-analiżi tar-riskju, inkluża informazzjoni minn qabel dwar il-merkanzija u ta’ qabel it-tluq u tintervjeni meta jkun neċessarju. L-enfasi tal-amministrazzjonijiet doganali tinbidel mill-kunsinna individwali lejn is-superviżjoni tal-katina tal-provvista sabiex jiġu identifikati r-riskji. Id-dwana żżomm il-kapaċità li tintervjeni fuq kull kunsinna individwali, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Skont it-tip ta’ proċeduri doganali, hemm sett minimu ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni għad-dwana. Meta d-dwana jkollha l-informazzjoni rilevanti minn qabel u ma tara l-ebda riskju jew problema x’tindirizza, il-merkanzija tista’ timxi f’konformità mal-prinċipju ta’ valutazzjoni minn qabel u ta’ intervent biss meta u fejn ikun neċessarju. Id-dikjarazzjonijiet doganali multipli jiġu ssostitwiti gradwalment bl-użu ta’ data kummerċjali, wara perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex jiġu żviluppati s-sistemi neċessarji. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta aktar kmieni sabiex jissaħħu s-superviżjonijiet tal-katina tal-provvista tad-dwana. B’bini fuq l-esperjenza pożittiva b’“filing multiplu” fis-sistema ta’ kontroll tal-importazzjoni 2 (ICS2), atturi differenti fil-katina tal-provvista jistgħu jipprovdu l-parti tagħhom mill-informazzjoni rilevanti. Pereżempju, l-importatur jista’ jipprovdi l-informazzjoni rilevanti dwar il-prodott u t-tranżazzjoni, filwaqt li t-trasportatur jista’ jipprovdi l-informazzjoni dwar ir-rotta u l-wasla separatament.
Ir-regoli dwar l-esportazzjoni fit-titolu VII jirriflettu l-proċessi għad-dħul. L-esportatur huwa stabbilit fl-Unjoni u rreġistrat. Id-dwana tiġbor l-informazzjoni rilevanti u twettaq analiżi tar-riskju. Il-flussi kummerċjali leġittimi huma ffaċilitati u, fl-istess ħin, tissaħħaħ il-kapaċità doganali ta’ sorveljanza u ta’ infurzar tar-regoli.
It-titolu VIII iżomm il-proċeduri speċjali tal-Kodiċi ta’ qablu. Tinġabar informazzjoni rilevanti dwar proċeduri speċjali, bħat-tranżitu, il-proċessar attiv u passiv, id-dħul temporanju, l-użu finali jew iż-żoni ħilsin mid-dwana. F’konformità mal-approċċ ġenerali, jittejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-operatur ekonomiku responsabbli.
It-titolu IX jistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tat-tliet elementi, li jeħtieġ li jiġu ddeterminati li japplikaw id-dazji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni kif ukoll miżuri oħrajn applikabbli għall-kummerċ fil-merkanzija, bħad-dazji anti-dumping: klassifikazzjoni, valur u oriġini. Il-proposta ma timmodifikax dawn il-fatturi, li fil-biċċa l-kbira huma ddeterminati mir-regoli internazzjonali fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, kif ukoll mill-ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE. Madankollu, peress li dawn ir-regoli ġew identifikati bħala partikolarment kumplessi għall-kummerċ elettroniku, it-titolu se jipprovdi żewġ simplifikazzjonijiet li l-importatur jista’ jagħżel li japplika meta jiddetermina d-dazju doganali applikabbli għal tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur.
L-ewwel simplifikazzjoni tikkonċerna l-prova ta’ oriġini nonpreferenzjali li tista’ tiġi eżentata għall-merkanzija tal-kummerċ elettroniku jekk l-importatur jagħżel li juża t-trattament tariffarju simplifikat. Dan huwa neċessarju, peress li l-piż amministrattiv sabiex tinkiseb prova bħal din normalment ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-valur tal-merkanzija. It-tieni, u wkoll bil-kundizzjoni li l-importatur juża t-trattament tariffarju simplifikat, il-kostijiet tat-trasport sad-destinazzjoni finali tal-merkanzija għandhom jiġu inklużi fil-valur doganali. Dan l-approċċ jiżgura l-allinjament sħiħ tal-bażi tat-taxxa mad-dazju fuq l-importazzjoni u mal-VAT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur li fihom il-kostijiet tat-trasport tipikament jiġu ddeterminati sal-indirizz tal-konsumatur finali.
F’konformità mat-titolu X, id-dejn doganali jiġġarrab fil-ħin tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Peress li l-ħidma tal-awtoritajiet doganali qiegħda timxi minn enfasi fuq il-kunsinna lejn il-katina tal-provvista, il-ħidma tagħhom tiffoka wkoll aktar fuq l-importatur u fuq l-esportatur stabbiliti. Wara tranżizzjoni, id-dejn doganali jinħoloq fil-post fejn ikun irreġistrat l-importatur, y ngyx fejn tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali. Din hija simplifikazzjoni importanti għall-operaturi ekonomiċi u b’mod partikolari għall-SMEs, fil-qafas tas-sħubija l-ġdida mal-kummerċ. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet doganali jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jikkontrollaw u jawditjaw l-importaturi stabbiliti. Id-dazji doganali huma riżorsa proprja tradizzjonali tal-baġit tal-UE. L-Istati Membri jżommu sehem mid-dazji bħala kost tal-ġbir, li d-distribuzzjoni tagħhom tista’ tinbidel gradwalment bid-dispożizzjonijiet il-ġodda. Barra minn hekk, l-ammont ta’ dazji jiġi ddeterminat mill-importatur jew mill-esportatur, u mill-awtorità doganali responsabbli biss meta l-importatur ma jkunx għamel dan. Fil-kummerċ elettroniku, l-importatur preżunt iġarrab id-dejn doganali diġà fil-mument tal-ħlas tal-bejgħ, simili għad-dispożizzjonijiet dwar il-VAT. Madankollu, peress li dan jista’ jseħħ ferm qabel ma l-merkanzija tasal fiżikament fl-Unjoni, l-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku jistgħu jiġu awtorizzati jinnotifikaw id-dazju reali mġarrab u jkollhom pagamenti perjodiċi, miġburin mill-Istat Membru tal-istabbiliment u tar-reġistrazzjoni.
F’dawn l-aħħar snin, l-amministrazzjonijiet doganali wrew reżiljenza u reattività fit-trattament tal-kriżijiet. Is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jeħtieġu risponsi speċifiċi – li jistgħu jkunu aktar stretti, jew aktar flessibbli sabiex jippermettu eċċezzjonijiet – iżda jridu jiġu applikati b’mod simili madwar l-UE. It-titolu xi jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kriżijiet direttament fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Għal xenarji differenti ta’ kriżi, l-Awtorità Doganali tal-UE se tiżviluppa protokolli u proċeduri, bħall-applikazzjoni ta’ kriterji komuni tar-riskju, miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni u qafas ta’ kollaborazzjoni, u se tiżgura l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, wara deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.
S’issa, l-UE kienet nieqsa minn struttura ċara sabiex timmaniġġja operazzjonalment l-Unjoni Doganali li tkun lesta għall-isfidi ta’ żminijietna. Fit-titolu XII, ir-regolament jistabbilixxi l-Awtorità Doganali tal-UE, il-kompiti, ir-responsabbiltajiet u l-governanza tagħha. Il-Kummissjoni tista’ tinkariga lill-Awtorità sabiex tiżviluppa u topera l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Se twettaq il-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE u toħroġ rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll lill-awtoritajiet doganali nazzjonali. Iż-żewġ funzjonijiet huma fundamentali sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet doganali madwar l-Unjoni, u sabiex l-Unjoni Doganali tittieħed fil-livell li jmiss. L-Awtorità Doganali tal-UE se tikkoordina wkoll b’mod attiv l-azzjoni doganali madwar l-UE u timplimenta prijoritajiet politiċi għall-funzjonament tal-Unjoni Doganali. L-Awtorità Doganali tal-UE se tikkoopera fil-livell tal-UE ma’ aġenziji, ma’ korpi u ma’ networks oħrajn bħall-EUROPOL, il-FRONTEX jew l-ECHA. Dan se jiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, inklużi l-ħidma ta’ gruppi ta’ esperti, it-taħriġ u l-iskambju ta’ persunal bejn il-pajjiżi.
F’konformità mal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenza li tiddetermina l-post tas-sede ta’ aġenzija tal-UE taqa’ fuq il-leġiżlatura tal-UE, li jeħtiġilha taġixxi għal dak l-għan f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mid-dispożizzjonijiet rilevanti b’mod sostantiv tat-Trattati. Il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li tħalli l-isem tal-belt ospitanti miftuħ fil-proposta tagħha. Il-kriterji li għandhom jitqiesu sabiex isir kontribut għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u fuq il-bażi tal-Approċċ Komuni huma pprovduti fi premessa li tiddikjara r-raġunijiet għall-Artikolu rilevanti. L-għażla tas-sede għandha tkun ibbażata fuq proċess ta’ applikazzjoni trasparenti li għandu jiġi konkluż qabel it-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri minħabba li l-ospitar ta’ aġenzija deċentralizzata tal-UE jirrikjedi impenn ċar mill-Istat Membru inkwistjoni. Il-Kummissjoni lesta li tgħin fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji u se tikkoopera b’mod attiv mal-koleġiżlaturi dwar l-għażla tas-sede, fid-dawl tas-sentenza tal-QĠE tal-14 ta’ Lulju 2022 u f’konformità mar-responsabbiltà istituzzjonali tagħha.
Sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom, l-awtoritajiet doganali jikkooperaw mill-qrib u b’mod regolari mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, mal-awtoritajiet u mal-korpi tal-kontroll sanitarji u fitosanitarji, mal-awtoritajiet u mal-korpi tal-infurzar tal-liġi, mal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, mal-korpi tal-ħarsien tal-ambjent, mal-esperti dwar il-proprjetà kulturali, u ħafna awtoritajiet oħrajn inkarigati minn politiki settorjali. It-titolu XIII jipprevedi qafas ta’ kooperazzjoni ġdid għall-kollaborazzjoni strutturata bejn id-dwana u dawk l-awtoritajiet li jkopri erba’ oqsma: ir-regoli u l-leġiżlazzjoni, l-iskambju tad-data, il-bini ta’ strateġija u l-azzjoni koordinata. Kooperazzjoni bħal din se tiżviluppa strateġiji komuni ta’ superviżjoni u ta’ kontroll sabiex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi. L-azzjonijiet li d-dwana tista’ tieħu sabiex issostni oqsma ta’ politika oħrajn huma ddefiniti aħjar, sabiex il-leġiżlazzjoni settorjali tkun tista’ tirreferi għall-Kodiċi Doganali. Il-kooperazzjoni internazzjonali u d-diplomazija doganali huma aktar importanti, u l-kooperazzjoni mas-sħab hija msaħħa u tista’ tinkludi l-iskambju ta’ data doganali.
Il-prattiki nazzjonali dwar il-ksur doganali u s-sanzjonijiet tiegħu jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, u dan iwassal għal diverġenzi fit-trattament u għal distorsjonijiet tal-merkanzija. Fit-titolu XIV, ir-riforma tintroduċi bażi komuni minima ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet li jikkostitwixxu ksur doganali u bażi komuni minima ta’ sanzjonijiet mhux kriminali, kif ukoll prinċipji komuni, mingħajr ma tbiddel l-ordni ġuridiku proċedurali tal-Istati Membri, u tippermettilhom jipprevedu ksur doganali addizzjonali u jżidu sanzjonijiet nazzjonali. Ksur doganali li jikkonċerna aktar minn Stat Membru wieħed jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tiġbor id-deċiżjonijiet kollha marbutin mal-ksur doganali u mas-sanzjonijiet tagħhom għall-finijiet ta’ trasparenza.
Id-dispożizzjonijiet finali fit-titolu XV jinkludu skeda taż-żmien għall-issoktar tal-prattika kurrenti bid-dikjarazzjonijiet doganali għas-sistemi nazzjonali, u għat-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se tiġi żviluppata gradwalment, u l-approċċ il-ġdid għall-kummerċ elettroniku se jseħħ l-ewwel. Il-kummerċjanti jistgħu jibdew jużaw il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE minn Jannar 2032, u jkunu obbligati jagħmlu dan sal-2037, meta tkun operazzjonali fis-sħuħija tagħha. L-Awtorità Doganali tal-UE se tiġi stabbilita gradwalment u għandha tassumi l-kompiti tagħha mill-2028.
2023/0156 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 114 u 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-Unjoni u l-funzjonament tas-suq intern huma bbażati fuq l-unjoni doganali. Fl-interess kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tal-awtoritajiet doganali fl-Unjoni, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-Kodiċi”) ġabar f’att uniku leġiżlazzjoni doganali li kienet tinsab f’diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni differenti, li fiha r-regoli u l-proċeduri ġenerali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tat-tariffa u ta’ miżuri oħrajn introdotti fil-livell tal-Unjoni b’rabta mal-kummerċ f’merkanzija bejn l-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, u tad-dispożizzjonijiet relatati mal-ġbir tal-imposti fuq l-importazzjoni. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli permezz ta’ kompiti operazzjonali bħall-applikazzjoni ta’ proċeduri doganali, it-twettiq ta’ analiżi tar-riskju u ta’ kontrolli u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur doganali.
(2)L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 żvelat dgħufijiet f’diversi oqsma. Dawn jinkludu: l-azzjoni insuffiċjenti/ineffettiva fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha kontra riskji mhux finanzjarji applikabbli għall-merkanzija stabbilita mill-politiki tal-Unjoni minbarra l-leġiżlazzjoni doganali; il-kapaċità tal-awtoritajiet doganali li jittrattaw b’mod effettiv il-volum li dejjem jiżdied ta’ merkanzija importata minn pajjiż terz permezz ta’ bejgħ mill-bogħod (tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku); il-kapaċità tal-arkitettura tas-sistemi tal-IT maħluqa mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 sabiex tiddiġitalizza l-proċessi doganali sabiex ilaħħqu mal-pass tal-progress teknoloġiku, jiġifieri ma’ teknoloġiji bbażati fuq l-isfruttament tad-data; in-nuqqas ta’ strutturi effettivi ta’ governanza tal-unjoni doganali, li jirriżulta fi prattiki diverġenti u f’implimentazzjoni mhux uniformi tar-regoli fl-Istati Membri. Dawk id-dgħufijiet iwasslu għall-ħolqien ta’ ostakli għall-funzjonament xieraq tal-unjoni doganali u, għalhekk, tas-suq intern, minħabba r-riskji u t-theddid interni u esterni.
(3)Huwa xieraq li l-leġiżlazzjoni doganali tqis l-iżvilupp rapidu tax-xejriet kummerċjali globali, tat-teknoloġija, tal-mudelli tan-negozju u tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, inklużi ċ-ċittadini. Għalhekk, hemm bżonn li jsiru numru kbir ta’ emendi għar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dak ir-Regolament jitħassar u jinbidel.
(4)Sabiex jiġu previsti mezzi effettivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-unjoni doganali, jenħtieġ li jiġu riveduti u ssimplifikati numru ta’ regoli u ta’ proċeduri li jirregolaw kif il-merkanzija tiddaħħal jew tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi previst sett modern u integrat ta’ servizzi elettroniċi interoperabbli għall-ġbir, għall-ipproċessar u għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali (Pjattaforma tad-Data Doganali tal-Unjoni Ewropea, “Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE”). Jenħtieġ li Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea (“Awtorità Doganali tal-UE”) tiġi stabbilita bħala kapaċità operazzjonali ċentrali għall-governanza koordinata tal-unjoni doganali f’oqsma speċifiċi.
(5)Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, ir-rwol tal-awtoritajiet doganali evolva sabiex ikopri dejjem aktar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali li tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar merkanzija soġġetta għal superviżjoni doganali, b’mod partikolari r-rekwiżiti mhux finanzjarji dwar merkanzija li huma neċessarji sabiex din il-merkanzija tidħol u tiċċirkola fis-suq intern. Tali kompiti mhux finanzjarji żdiedu b’mod esponenzjali matul is-snin f’konformità mal-aspettattivi dejjem akbar tan-negozji u taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità, tas-sostenibbiltà, tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, tal-ambjent, tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri tal-Unjoni. Għandhom jiġu introdotti għodod ġodda, bħall-Passaport Diġitali tal-Prodotti, sabiex jiġi żgurat li leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali relatata mal-prodotti tkompli twieġeb għal dawn l-aspettattivi. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu riflessi n-numru u l-kumplessità dejjem akbar ta’ riskji mhux finanzjarji billi fil-missjoni tal-awtoritajiet doganali tiġi inkluża referenza speċifika għall-protezzjoni ta’ dawn l-interessi pubbliċi kollha u, meta applikabbli, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħrajn.
(6)Fid-dawl tal-evoluzzjoni tar-rwol tagħhom u tal-mudelli tan-negozju li joperaw fihom u sabiex l-awtoritajiet doganali “jaġixxu bħala wieħed” u jikkontribwixxu għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, huwa neċessarju li tiġi deskritta b’mod aktar preċiż il-missjoni li l-awtoritajiet doganali jridu jwettqu billi jiġu indikati b’mod aktar akkurat l-objettivi u l-kompiti tagħhom.
(7)Jenħtieġ li ċerti definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 952/2013 jiġu adattati sabiex jittieħed kont tal-kamp ta’ applikazzjoni usa’ ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu allinjati ma’ dawk stabbiliti f’atti oħrajn tal-Unjoni, u sabiex tiġi ċċarata terminoloġija li jkollha sens differenti f’setturi differenti. Jenħtieġ li fil-leġiżlazzjoni doganali jiġu inklużi definizzjonijiet ġodda sabiex jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ ċerti atturi fil-proċessi doganali. Fil-każ tal-importatur u tal-esportatur, jenħtieġ li definizzjonijiet ġodda jagħmlu lil dawk il-persuni responsabbli għall-konformità tal-merkanzija, inkluż għal riskji finanzjarji u mhux finanzjarji, sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni doganali. Fil-każ tal-kunċett il-ġdid ta’ importatur preżunt, jenħtieġ li definizzjonijiet ġodda jiżguraw li, f’xi każijiet, fil-kuntest ta’ bejgħ online minn barra l-Unjoni, operatur ekonomiku, għall-kuntrarju tal-konsumatur, jitqies bħala l-importatur u jassumi r-responsabbiltajiet korrispondenti. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll definizzjonijiet ġodda fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-dispożizzjonijiet tas-superviżjoni doganali, tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kontrolli doganali.
(8)Lil hinn mir-rwol tradizzjonali tagħhom li jiġbru d-dazji doganali, il-VAT u s-sisa u li japplikaw il-leġiżlazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom ukoll rwol kritiku fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni u, meta applikabbli, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali oħra dwar kwistjonijiet doganali. Jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta’ din il-“leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali” sabiex jinbena qafas effettiv għar-regolamentazzjoni tal-applikazzjoni u tas-superviżjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti partikolari dwar il-merkanzija. Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet ta’, fost l-oħrajn, moralità pubblika, ordni pubbliku jew sigurtà pubblika, il-protezzjoni ta saħħet u ħajjet il-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni ta’ wirt nazzjonali li għandu valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku u l-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali jew kummerċjali u ta’ interessi pubbliċi oħrajn, inklużi kontrolli dwar il-prekursuri tad-droga, merkanzija li tiksrer ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u flus kontanti. Il-kunċett ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jinkludi wkoll miżuri ta’ politika kummerċjali u miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tas-sajd, kif ukoll miżuri restrittivi adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE.
(9)Sabiex tiżdied iċ-ċarezza legali, jenħtieġ li jiġu emendati ċerti regoli dwar id-deċiżjonijiet doganali. L-ewwel nett, jixraq li jiġi ċċarat li l-awtorità doganali kompetenti għat-teħid ta’ deċiżjoni doganali hija dik tal-post fejn ikun stabbilit l-applikant, minħabba li l-istabbiliment isir il-prinċipju ewlieni li skontu ċerti operaturi ekonomiċi, f’ċerti kundizzjonijiet u f’perjodu ta’ żmien iddeterminat minn qabel, soġġetti għal rieżami, jistgħu jibbenefikaw mis-simplifikazzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament u jħallsu d-dazji doganali fejn ikunu stabbiliti. It-tieni, il-limitu ta’ żmien ta’ massimu ta’ 30 jum li sa dan applikant għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet doganali f’każijiet li dawn tal-aħħar iqisu li l-applikazzjoni għal deċiżjoni ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa, jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll għall-finijiet ta’ kompletezza u ta’ ċarezza legali.
(10)Il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ awtorità doganali li tieħu deċiżjoni mal-applikazzjoni fil-limiti ta’ żmien stabbiliti jenħtieġ li tiġi ċċarata. Jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll il-prinċipju li, f’każ bħal dan, l-applikazzjoni titqies bħala soġġetta għal deċiżjoni negattiva u li l-applikant jista’ jippreżenta appell, f’konformità mar-regola ġenerali dwar id-deċiżjonijiet doganali.
(11)Kif enfasizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, huwa mixtieq ukoll li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ monitoraġġ uniformi tal-konformità tal-kriterji u tal-obbligi stabbiliti fid-deċiżjonijiet doganali, billi jissaħħu d-dispożizzjonijiet rilevanti. Fuq naħa waħda, jenħtieġ li d-detenturi tad-deċiżjonijiet mhux biss jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fid-deċiżjoni rilevanti iżda wkoll jimmonitorjaw fuq bażi kostanti l-konformità tagħhom u jipprevedu organizzazzjoni interna meta tali attivitajiet ta’ [awto]monitoraġġ jistgħu jipprevjenu, jimmitigaw jew jirrimedjaw kwalunkwe żball possibbli fil-proċessi doganali tagħhom. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jimmonitorjaw regolarment l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet doganali mid-detenturi ta’ tali deċiżjonijiet, b’mod partikolari meta dawn ikunu stabbiliti għal anqas minn 3 snin u, għalhekk, ikunu potenzjalment aktar suxxettibbli li joħolqu riskji, sabiex jiġi żgurat li dik il-persuna tikkonforma mal-obbligi stabbiliti mid-deċiżjonijiet doganali. Dan huwa partikolarment rilevanti meta dawk il-persuni jibbenefikaw minn status speċifiku bħal dak ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) jew ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check), li jgawdi minn diversi faċilitazzjonijiet fil-proċessi doganali. Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jinnotifikaw lill-Awtorità Doganali tal-UE bid-deċiżjonijiet kollha meħudin mal-applikazzjoni u jinformaw lil dik l-Awtorità dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ, sabiex din l-informazzjoni tkun tista’ titqies għal finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.
(12)Minbarra d-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni tariffarja vinkolanti (deċiżjonijiet dwar il-BTI), jew id-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (deċiżjonijiet dwar il-BOI) adottati mill-awtoritajiet doganali mal-applikazzjoni u soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, id-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti dwar il-valwazzjoni (deċiżjonijiet dwar il-BVI) ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni doganali permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) …/….. Fl-interess tal-utenti tal-leġiżlazzjoni doganali, jixraq li jiġu stabbiliti r-regoli dwar dawk it-tliet tipi ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti fl-istess att legali.
(13)Id-drittijiet u l-obbligu tal-persuni li jkollhom responsabbiltà fuq il-merkanzija li tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni u toħroġ minnu jenħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod aktar ċar. L-ewwel obbligu għal persuni li jkollhom operazzjonijiet doganali regolari jenħtieġ li jkompli jiġi rreġistrat mal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn ikunu stabbiliti. Jenħtieġ li reġistrazzjoni unika tkun valida għall-unjoni doganali kollha iżda jenħtieġ li tkun aġġornata. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom l-obbligu li jinformaw lill-awtoritajiet doganali dwar kwalunkwe bidla fid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom. Il-persuni li għandhom responsabbiltà fuq il-merkanzija li tidħol u toħroġ mit-territorju doganali tal-Unjoni huma responsabbli għal kwalunkwe riskju ppreżentat mill-merkanzija għas-sikurezza u għas-sigurtà taċ-ċittadini, kif ukoll kwalunkwe riskju għas-saħħa u għall-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għall-ambjent jew għall-konsumaturi. Jenħtieġ li l-obbligi tal-importatur jiġu ddefiniti wkoll, b’mod partikolari l-obbligu li għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni u l-eċċezzjonijiet għal dak l-obbligu. Dawn jenħtieġ li jsegwu r-regoli eżistenti għad-dikjarant li għandu jkun stabbilit fl-Unjoni. B’mod simili, jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-obbligi tal-esportatur.
(14)L-obbligi tal-importaturi preżunti, li huma differenti mill-obbligi applikabbli għall-[bqija tal-]importaturi, jenħtieġ li jiġu ċċarati wkoll. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi pprovdut li l-importatur preżunt jenħtieġ li jipprovdi lill-awtoritajiet doganali mhux biss id-data neċessarja għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija mibjugħa iżda wkoll l-informazzjoni li l-importatur preżunt jeħtieġlu jiġbor għall-finijiet tal-VAT. Din l-informazzjoni hija dettaljata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011.
(15)L-operaturi ekonomiċi li jissodisfaw ċerti kriterji u kundizzjonijiet li għandhom jitqiesu bħala kummerċjanti konformi u affidabbli mill-awtoritajiet doganali jistgħu jingħataw l-istatus ta’ AEO u, b’hekk, jibbenefikaw minn faċilitazzjonijiet fil-proċessi doganali. Filwaqt li jiġi żgurat li l-kummerċjanti li jittrattaw il-biċċa l-kbira tal-kummerċ tal-Unjoni jkunu affidabbli, l-iskema tal-AEO tbati minn ċerti dgħufijiet aċċennati fl-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u fis-sejbiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Sabiex jiġi indirizzat dak it-tħassib, b’mod partikolari dwar il-prattiki u l-isfidi nazzjonali diverġenti rigward il-monitoraġġ tal-konformità tal-AEO, jenħtieġ li r-regoli jiġu emendati sabiex jiġi introdott l-obbligu tal-awtoritajiet doganali li jimmonitorjaw il-konformità tal-anqas kull 3 snin.
(16)Il-bidliet fil-proċessi doganali u l-mod kif joperaw l-awtoritajiet doganali jeħtieġu sħubija ġdida mal-operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-iskema tal-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check). Il-kriterji u l-kundizzjonijiet sabiex wieħed isir operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) jenħtieġ li jibnu fuq il-kriterji tal-AEO iżda jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-kummerċjant jitqies trasparenti għall-awtoritajiet doganali. Għalhekk, jixraq li l-kummerċjanti ta’ Fiduċja u ta’ Verifika jintalbu jagħtu lill-awtoritajiet doganali aċċess għas-sistemi elettroniċi tagħhom filwaqt li jżommu rekord tal-konformità tagħhom u tal-moviment tal-merkanzija tagħhom. Jenħtieġ li t-trasparenza tkun akkumpanjata minn ċerti benefiċċji, b’mod partikolari l-possibbiltà li l-merkanzija tiġi rrilaxxata f’isem id-dwana mingħajr in-neċessità ta’ intervent attiv tagħha, ħlief meta tkun meħtieġa approvazzjoni ta’ qabel ir-rilaxx minn leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali u li jiġi differit il-ħlas tad-dejn doganali. Peress li dan il-mod ta’ ħidma jenħtieġ li jissostitwixxi b’mod progressiv dak ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet doganali, jixraq li jiġi stabbilit l-obbligu tal-awtoritajiet doganali li jivvalutaw mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-AEO għas-simplifikazzjonijiet doganali sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.
(17)Il-bidliet fil-proċessi doganali jeħtieġu wkoll kjarifika tar-rwol tar-rappreżentanti doganali. Kemm ir-rappreżentanza diretta kif ukoll dik indiretta jenħtieġ li jibqgħu possibbli iżda jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-rappreżentant indirett ta’ importatur jew ta’ esportatur jassumi l-obbligi kollha tal-importaturi jew tal-esportaturi, mhux biss l-obbligu li jitħallas jew jiġi ggarantit id-dejn doganali iżda wkoll ir-rispett ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali. Għal dik ir-raġuni, ir-rappreżentanti doganali jeħtiġilhom ikunu residenti fit-territorju doganali tal-Unjoni fejn jirrappreżentaw importaturi jew esportaturi, sabiex tiġi żgurata responsabbiltà xierqa għall-aspetti finanzjarji u mhux finanzjarji. Għalhekk, l-użu ta’ rappreżentant doganali indirett stabbilit fl-Unjoni huwa alternattiva disponibbli u proporzjonata għall-importaturi u għall-esportaturi li ma għandhomx preżenza kummerċjali fl-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti doganali stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni fejn jirrappreżentaw persuni li ma humiex meħtieġa li jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni.
(18)Sabiex jiġi żgurat livell uniformi ta’ diġitalizzazzjoni u sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, jenħtieġ li tiġi stabbilita Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE bħala sett ta’ servizzi u ta’ sistemi elettroniċi ċentralizzati, siguri u reżiljenti għaċ-ċibersigurtà għal finijiet doganali. Jenħtieġ li l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tiżgura l-kwalità, l-integrità, it-traċċabbiltà u n-nonrifjut tad-data pproċessata fiha, sabiex la l-mittent u lanqas ir-riċevitur ma jkunu jistgħu aktar tard jikkontestaw l-eżistenza tal-iskambju tad-data. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u jenħtieġ li jikkonforma mar-regolamenti rilevanti għall-ipproċessar tad-data personali u għaċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jfasslu l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE b’mod konġunt. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll il-kompitu li tirregola, timplimenta u żżomm il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, li tista’ tiddelega lil korp ieħor tal-Unjoni.
(19)F’konformità mal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, jixraq li jiġi ċċarat li l-iskambju awtomatizzat ta’ informazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u minnha ma jeskludix ir-responsabbiltà ta’ dawk l-awtoritajiet jew ta’ dawk l-operaturi fir-rigward tal-proċessi doganali kkonċernati. Anke meta l-involviment tal-awtoritajiet doganali jkun limitat għal dik il-komunikazzjoni elettronika permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, jenħtieġ li jitqies li tiġi adottata miżura minn dawk l-awtoritajiet, daqslikieku l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tkun aġixxiet f’isem l-awtoritajiet imsemmijin.
(20)Jenħtieġ li l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tippermetti l-iskambju ta’ data ma’ sistemi oħrajn, ma’ pjattaformi, jew ma’ ambjenti bl-għan li tiżdied il-kwalità tad-data użata mid-dwana fit-twettiq tal-kompiti tagħha, kif ukoll għall-kondiviżjoni tad-data doganali rilevanti ma’ awtoritajiet oħrajn, bl-għan li tiżdied l-effettività tal-kontrolli fis-suq intern. F’konformità mal-approċċ stabbilit fir-Regolament (UE) .../… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fil-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE għandha trawwem l-interoperabbiltà transfruntiera u transsettorjali fl-Ewropa. Jenħtieġ li tisfrutta l-potenzjal tas-sorsi eżistenti ta’ informazzjoni dwar ir-riskju disponibbli fil-livell tal-Unjoni, bħas-sistemi ta’ twissija rapida għall-ikel u l-għalf (RASFF) u għall-prodotti mhux tal-ikel (Gate tas-Sikurezza), is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS), u l-Portal tal-Infurzar tal-PI. Jenħtieġ li ssostni l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni strateġika u operazzjonali, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni u l-interoperabbiltà, bejn id-dwana u awtoritajiet, korpi u servizzi oħrajn, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE għandha tipprovdi firxa wiesgħa ta’ analitika avvanzata tad-data, inkluż ukoll permezz tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Jenħtieġ li dik l-analiżi tad-data tkun faċilitatur għall-analiżi tar-riskju, għall-analiżi ekonomika, u għall-analiżi tat-tbassir sabiex jiġu antiċipati r-riskji possibbli bil-kunsinni li jaslu fl-Unjoni jew li jiċċaqilqu minnha. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni aħjar tal-flussi tal-kummerċ u mod simplifikat ta’ kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet minbarra d-dwana, il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE għandha tkun kapaċi tagħmel użu mill-qafas ta’ kollaborazzjoni tas-Sistema ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana u, meta dak il-qafas ma jkunx jista’ jintuża, toffri lil dawk l-awtoritajiet servizz speċifiku li permezz ta’ dan ikunu jistgħu jiksbu d-data rilevanti, jipprovdu u jikkondividu l-informazzjoni mal-awtoritajiet doganali u jiżguraw li r-rekwiżiti settorjali jiġu ssodisfati. Dan ikun neċessarju f’każ li l-awtoritajiet l-oħrajn ma jkollhomx sistema elettronika li tista’ tiġi federata mal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
(21)Flimkien mal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw l-applikazzjonijiet tagħhom stess sabiex jużaw data mil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Għal dak l-għan, u sabiex jitnaqqas iż-żmien għas-suq, l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lill-Awtorità Doganali tal-UE bil-finanzi u bil-mandat li tiżviluppa tali applikazzjonijiet. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tiżviluppa l-applikazzjonijiet għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha. Dan jista’ jsir billi jinħolqu applikazzjonijiet b’kodiċi b’sors miftuħ skont il-Qafas dwar il-Kondiviżjoni u l-Użu mill-Ġdid.
(22)Jenħtieġ li l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tippermetti l-fluss tad-data li ġej. L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jissottomettu jew jagħmlu disponibbli fiha d-data rilevanti kollha meħtieġa sabiex tiġi ssodisfata l-leġiżlazzjoni doganali. Dik id-data jenħtieġ li tiġi pproċessata fil-livell tal-Unjoni u jenħtieġ li tiġi arrikkita b’analiżi tar-riskju għall-Unjoni kollha. Id-data li tirriżulta għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li jużaw id-data sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Fl-aħħar nett, l-eżitu tal-kontrolli mwettqin wara l-irkupru tad-data mil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE jenħtieġ li jiġi rrapportat lura lil dik il-Pjattaforma tad-Data.
(23)Id-data sottomessa fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE hija fil-biċċa l-kbira data mhux personali sottomessa mill-operaturi ekonomiċi tal-merkanzija li jkunu qegħdin jinnegozjaw. Madankollu, id-data tinkludi wkoll data personali, b’mod partikolari l-ismijiet ta’ individwi li jaġixxu għal operatur ekonomiku jew awtorità. Sabiex jiġi żgurat li d-data personali u l-informazzjoni kummerċjali jkunu protetti bl-istess mod, jixraq li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ aċċess, regoli għall-kunfidenzjalità u kundizzjonijiet għall-użu tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi stabbilit liema entitajiet jistgħu jaċċessaw jew jipproċessaw id-data maħżuna jew inkella disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, minbarra l-persuni, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali u l-Awtorità Doganali tal-UE, l-ibbilanċjar tal-ħtiġijiet ta’ dawn l-entitajiet mal-ħtieġa li jiġi żgurat li d-data personali u kunfidenzjali miġbura għal skopijiet doganali tintuża għal skopijiet addizzjonali biss sal-minimu neċessarju.
(24)Li jiġi żgurat li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”) ikun jista’ jeżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ attivitajiet frawdolenti li qed jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni, jixraq li jkollha aċċess għad-data mill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE li jkun simili ħafna għall-aċċess mill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-OLAF ikun intitolat jipproċessa d-data f’konformità mal-kundizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inklużi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97. Sabiex jiġi żgurat li l-UPPE jkun jista’ jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu dwar kwistjonijiet relatati mad-dwana, jenħtieġ li jkun intitolat jitlob aċċess għad-data fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Sabiex jiġu ppreservati l-funzjonijiet li jitwettqu fis-sistemi tal-IT nazzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jew jiksbu l-possibbiltà li jipproċessaw id-data direttament fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE jew inkella li jieħdu d-data mil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u jipproċessawha b’mezzi differenti. Bħala tali, jenħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli għas-sikurezza alimentari f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-suq f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020 jiġu pprovduti bis-servizzi u bl-għodod it-tajbin fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE biex ikunu jistgħu jużaw id-data doganali rilevanti sabiex jikkontribwixxu għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali sabiex jimminimizzaw ir-riskji li prodotti mhux konformi jidħlu fl-Unjoni. Jixraq li l-Europol ikollha aċċess fuq talba għal data fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha kif speċifikati fir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-korpi u l-awtoritajiet l-oħrajn kollha tal-Unjoni u dawk nazzjonali, inkluża l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), jenħtieġ li jkollhom aċċess għal data mhux personali li tinsab fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
(25)Ir-regoli u d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u l-iskambju ta’ informazzjoni ma għandhomx jaffettwaw is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (“CIS”) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 u l-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
(26)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-modalitajiet għall-aċċess ta’ dawn l-awtoritajiet kollha fir-regoli ta’ implimentazzjoni, wara li tivvaluta s-salvagwardji eżistenti li kull awtorità jew kategorija ta’ awtoritajiet għandha fis-seħħ sabiex tiżgura t-trattament korrett ta’ data personali u kummerċjalment sensittiva.
(27)Huwa xieraq li l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE taħżen data personali għal perjodu massimu ta’ 10 snin. Dan il-perjodu huwa ġġustifikat fid-dawl tal-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jinnotifikaw id-dejn doganali sa 10 snin wara li jkunu rċevew l-informazzjoni neċessarja dwar konnseja, kif ukoll sabiex jiżguraw li l-Kummissjoni, l-Awtorità Doganali tal-UE, l-OLAF, id-dwana u l-awtoritajiet minbarra d-dwana jkunu jistgħu jivverifikaw l-informazzjoni fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE mal-informazzjoni maħżuna f’sistemi oħrajn u skambjata magħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan il-perjodu ta’ żmien jiġi allinjat mal-perjodu ta’ ħżin meħtieġ minn leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, meta tali leġiżlazzjoni tkun rilevanti għall-kontrolli doganali. Xieraq ukoll li kull meta tkun meħtieġa data personali għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi, ta’ investigazzjonijiet u matul il-kontrolli ta’ wara l-awtorizzazzjoni, il-perjodu taż-żamma jiġi sospiż sabiex jiġi evitat li d-data personali titħassar u ma tkunx tista’ tintuża għal dawk l-għanijiet.
(28)Jenħtieġ li l-protezzjoni ta’ data personali u ta’ data oħra fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tinkludi wkoll regoli dwar ir-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Għalhekk, xieraq li l-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni jew l-Awtorità Doganali tal-UE jkunu jistgħu jirrestrinġu d-dritt tas-suġġetti tad-data meta dan ikun neċessarju sabiex jiżguraw li ma jiġux ipperikolati l-attivitajiet ta’ infurzar, l-analiżi tar-riskju u l-kontrolli doganali. Barra minn hekk, restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu applikati wkoll meta jkunu neċessarji għall-fini tal-protezzjoni ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi wara attivitajiet ta’ infurzar. Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati kif xieraq kontra l-attivitajiet u l-prerogattivi tad-dwana u limitati għaż-żmien neċessarju sabiex jiġu ppreservati dawk il-prerogattivi.
(29)Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom.
(30)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi [...].
(31)Livell ta’ ġestjoni tar-riskju doganali fil-livell tal-Unjoni huwa fundamentali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tal-kontrolli doganali fl-Istati Membri. Bħalissa hemm qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju li jinkludi l-possibbiltà li jiġu identifikati oqsma komuni ta’ kontrolli ta’ prijorità u kriterji u standards komuni tar-riskju fil-qasam tar-riskju finanzjarju għat-twettiq tal-kontrolli doganali, iżda dan għandu nuqqasijiet sinifikanti. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ applikazzjoni armonizzata tal-kontrolli doganali u ta’ ġestjoni armonizzata tar-riskju li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, xieraq li jiġu rriveduti r-regoli sabiex jiġi stabbilit approċċ ta’ ġestjoni tar-riskju aktar solidu li jindirizza kemm ir-riskji finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji. Dan jinkludi l-indirizzar tal-isfidi strutturali dwar il-ġestjoni tar-riskju tar-riskji finanzjarji identifikati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. B’mod partikolari, xieraq li jiġi deskritt liema attivitajiet huma inklużi fil-ġestjoni tar-riskju doganali, f’approċċ ċikliku. Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, tal-Awtorità Doganali tal-UE u tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Huwa essenzjali wkoll li jiġi previst li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi oqsma komuni ta’ kontrolli ta’ prijorità u kriterji u standards komuni tar-riskju, u tkun tista’ tidentifika oqsma speċifiċi fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali li jistħoqqilhom prijorità għall-ġestjoni tar-riskju komuni u għall-kontrolli, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà.
(32)Għalhekk, xieraq li jiġu introdotti attivitajiet u dispożizzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat il-ġbir fil-livell tal-Unjoni ta’ data komprensiva rilevanti għall-ġestjoni tar-riskju inklużi r-riżultati u l-evalwazzjoni tal-kontrolli kollha. Dan jipprevedi analiżi tar-riskju komuni u l-kwistjoni ta’ rakkomandazzjonijiet korrispondenti ta’ kontroll tal-Unjoni għall-awtoritajiet doganali. Jenħtieġ li dawk ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll jiġu implimentati, jew jingħataw raġunijiet għaliex ma ġewx applikati. Jenħtieġ li tiġi prevista wkoll il-possibbiltà li tinħareġ struzzjoni li l-merkanzija destinata għall-Unjoni ma titħallhiex titgħabba jew tiġi ttrasportata. Jenħtieġ li l-analiżi tar-riskji u tat-theddid fil-livell tal-Unjoni tkun ibbażata fuq data aġġornata b’mod kostanti fil-livell tal-Unjoni u jenħtieġ li din tidentifika l-miżuri u l-kontrolli li għandhom jitwettqu fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul u tal-ħruġ tat-territorju tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà b’mod partikolari, jenħtieġ li l-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, meta possibbli, tikkontribwixxi għal analiżijiet strateġiċi u għal valutazzjonijiet tat-theddid imwettqin fil-livell tal-Unjoni u tibbenefika minnhom, inklużi dawk imwettqin mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) sabiex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni effiċjenti u effettiva tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.
(33)Il-proċess tat-tqegħid tal-merkanzija fi proċedura doganali jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jirrifletti r-rwoli u r-responsabbiltajiet il-ġodda tal-persuni involuti fil-proċedura. Għalhekk, ir-responsabbiltà għall-għoti tal-informazzjoni lill-awtoritajiet doganali għandha tittieħed mill-persuna responsabbli għall-merkanzija: l-importatur, l-esportatur jew id-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu, għall-kuntrarju tad-dikjarant. Jenħtieġ li jipprovdu jew jagħmlu disponibbli d-data lid-dwana malli din tkun disponibbli u fi kwalunkwe każ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija għal proċedura doganali, sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju u jieħdu l-miżuri xierqa. Peress li l-importaturi preżunti fil-kummerċ elettroniku għandhom volum ogħla ta’ tranżazzjonijiet u l-obbligu li jikkalkolaw id-dejn doganali fil-mument tal-bejgħ, għall-kuntrarju tal-mument li fih tiġi rrilaxxata l-merkanzija, xieraq li jiġi adattat it-twaqqit tal-obbligu ta’ rapportar tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-importaturi preżunti jipprovdu data dwar il-bejgħ tagħhom ta’ merkanzija li tkun se tiġi importata sa mhux aktar tard mill-jum wara l-aċċettazzjoni tal-ħlas. B’kuntrast ma’ dan, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex jimlew id-data dwar il-merkanzija rilaxxata tagħhom fi stadju aktar tard, peress li dawn il-kummerċjanti jikkondividu kontinwament data dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom mad-dwana u jenħtieġ li jitqiesu affidabbli. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu jkunu l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-valur doganali finali tal-merkanzija fil-mument tar-rilaxx minħabba li tkun marbuta ma’ kuntratt tal-futuri, jew il-ħtieġa li jinkisbu d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti mingħajr ma dawn ikollhom impatt fuq il-kalkolu tad-dejn doganali.
(34)Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess doganali għad-dħul ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm persuna waħda responsabbli għal dik il-merkanzija, jenħtieġ li atturi differenti fil-katina tal-provvista jipprovdu l-parti tagħhom mill-informazzjoni rilevanti dwar il-merkanzija kkonċernata u jassoċjawha ma’ kunsinna speċifika. Jenħtieġ li l-merkanzija tidħol biss jekk ikun hemm importatur stabbilit fl-Unjoni li jieħu r-responsabbiltà għal dik il-merkanzija. Jenħtieġ li l-importatur jipprovdi informazzjoni dwar il-merkanzija lid-dwana u l-proċedura doganali li jenħtieġ li titqiegħed fiha, fl-aktar stadju bikri possibbli, jekk possibbli qabel ma tasal fiżikament il-merkanzija. Fornitur ta’ servizzi jew aġent doganali jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi l-informazzjoni f’isem u għan-nom tal-importatur, iżda l-importatur jibqa’ responsabbli sabiex jiżgura l-konformità tal-merkanzija mar-riskji finanzjarji u mhux finanzjarji. It-trasportaturi li effettivament iġibu l-merkanzija jenħtieġ li jipprovdu wkoll xi informazzjoni dwar il-merkanzija qabel it-tagħbija jew il-wasla (“informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija”) u jenħtieġ li jassoċjaw l-informazzjoni tagħhom mal-informazzjoni tal-importatur meta din tkun ġiet sottomessa qabel, mingħajr ma neċessarjament ikollhom aċċess għad-data kollha li l-importatur ikun ipprovda. Barra minn hekk, meta jkunu involuti ktajjen tal-provvista u networks tat-trasport aktar kumplessi, jistgħu jkunu meħtieġa persuni oħrajn sabiex jimlew l-informazzjoni dwar il-merkanzija li tkun se tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni. L-importatur, it-trasportatur jew kwalunkwe persuna oħra li tissottometti informazzjoni lid-dwana jenħtieġ li tkun obbligata temendaha meta tkun taf li l-informazzjoni ma għadhiex korretta iżda qabel ma l-awtoritajiet doganali jkunu identifikaw irregolaritajiet li jixtiequ jikkontrollaw.
(35)L-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post tal-ewwel dħul tal-merkanzija jenħtieġ li jwettqu analiżi tar-riskju tal-informazzjoni disponibbli dwar dik il-merkanzija u jkunu intitolati jieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni jekk isibu riskju, inkluż li jitolbu kontrolli qabel it-tagħbija jew mal-wasla tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni, minn awtorità doganali oħra jew minn awtoritajiet oħrajn. Ġeneralment it-trasportatur ikun fl-aħjar pożizzjoni sabiex ikun jaf meta l-merkanzija tkun waslet u, għalhekk, jenħtieġ li jinnotifika lid-dwana dwar din il-wasla. Madankollu, meta jkunu involuti ktajjen tal-provvista u networks tat-trasport aktar kumplessi, jistgħu jkunu meħtieġa persuni oħrajn sabiex jinnotifikaw il-wasla tal-merkanzija lill-awtoritajiet doganali għall-analiżi tar-riskju tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali jkollhom informazzjoni minn qabel dwar il-merkanzija fuq il-merkanzija kollha miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li t-trasportatur ma jitħalliex iħott merkanzija li għaliha ma jkun hemm l-ebda informazzjoni, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkunux talbu lit-trasportatur jippreżenta l-merkanzija jew ma jkunx hemm sitwazzjoni ta’ emerġenza li tirrikjedi l-ħatt tal-merkanzija. B’kuntrast ma’ dan, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tad-dħul tal-merkanzija li għaliha l-awtoritajiet doganali jkollhom l-informazzjoni xierqa bil-quddiem dwar il-merkanzija, jenħtieġ li t-trasportatur ma jkunx meħtieġ jippreżenta l-merkanzija lid-dwana fil-każijiet kollha iżda biss meta l-awtoritajiet doganali jitolbu dan jew meta tkun teħtieġ hekk leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali.
(36)Jenħtieġ li l-merkanzija mhux tal-Unjoni li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni titqies li tkun f’ħażna temporanja mill-mument li t-trasportatur jinnotifika l-wasla tagħha sat-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali sakemm ma tkunx diġà tqiegħdet fi tranżitu. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni doganali xierqa, jenħtieġ li din is-sitwazzjoni tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li ma ddumx aktar minn 10 ijiem, ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Jekk l-importatur ikollu bżonn jaħżen il-merkanzija għal perjodu itwal, jenħtieġ li l-merkanzija tkun f’maħżen doganali, fejn il-merkanzija tista’ tinħażen mingħajr limitu ta’ żmien. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal postijiet ta’ ħżin temporanju jiġu kkonvertiti f’awtorizzazzjonijiet ta’ maħżen doganali jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti.
(37)Huwa neċessarju li jinżammu r-regoli li jiddeterminaw jekk il-merkanzija tkunx merkanzija tal-Unjoni jew mhux tal-Unjoni u jekk l-istatus tal-merkanzija tal-Unjoni jistax jiġi preżunt jew jeħtieġ li jiġi pprovat, b’mod partikolari meta l-merkanzija temporanjament titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni.
(38)Ladarba l-awtoritajiet doganali jkollhom l-informazzjoni neċessarja għall-proċedura rilevanti, fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, jenħtieġ li jiddeċiedu jekk għandhomx isiru aktar kontrolli fuq il-merkanzija, jirrilaxxawhiex, jirrifjutawhiex jew jissospendux ir-rilaxx tagħha jew iħallux iż-żmien jgħaddi sabiex il-merkanzija titqies rilaxxata. Jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jagħmlu dan f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn, meta jkun neċessarju. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jirrifjutaw ir-rilaxx tal-merkanzija meta jkollhom evidenza li l-merkanzija ma tikkonformax mar-rekwiżiti legali applikabbli. Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom bżonn jikkonsultaw lil awtoritajiet oħrajn sabiex jiddeterminaw jekk il-merkanzija tikkonformax jew le, jenħtieġ li jissospendu r-rilaxx tal-anqas sakemm issir il-konsultazzjoni. F’dawn il-każijiet, id-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet doganali dwar il-merkanzija jenħtieġ li tiddependi fuq it-tweġiba tal-awtoritajiet l-oħrajn. Sabiex jiġi evitat l-imblukkar kemm tal-kummerċjanti kif ukoll tal-awtoritajiet fil-każijiet li fihom il-konklużjoni dwar il-konformità tkun teħtieġ xi żmien, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jkollhom il-possibbiltà li jirrilaxxaw il-merkanzija bil-kundizzjoni li l-kummerċjant ikompli jinforma dwar il-post tal-merkanzija għal massimu ta’ 15-il jum. Fl-aħħar nett, sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-kummerċjanti li pprovdew l-informazzjoni fil-ħin mingħajr ma jobbligaw lill-awtoritajiet doganali jirreaġixxu għal kull kunsinna, jenħtieġ li l-merkanzija li ma tkunx intgħażlet għal kontroll wara perjodu ta’ żmien raġonevoli titqies bħala rilaxxata. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun intitolata tiddefinixxi dan il-perjodu ta’ żmien fir-regoli delegati, filwaqt li tadattaha, meta jkun neċessarju, għat-tip ta’ traffiku jew għat-tip ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera.
(39)Sal-punt li l-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jipprovdu aċċess sħiħ doganali għas-sistemi, għar-rekords u għall-operazzjonijiet tagħhom u jitqiesu affidabbli, jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrilaxxaw il-merkanzija tagħhom taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet doganali iżda mingħajr ma jistennew l-intervent tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jkunu jistgħu jirrilaxxaw merkanzija għal kwalunkwe proċedura ta’ dħul mal-wasla fid-destinazzjoni finali tal-merkanzija jew għal kwalunkwe proċedura ta’ ħruġ fil-post ta’ konsenja tal-merkanzija. Peress li l-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jitqiesu trasparenti, il-wasla u/jew il-konsenja jenħtieġ li jiġu rreġistrati kif xieraq fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Jenħtieġ li dawn l-operaturi jkunu obbligati jinformaw lill-awtoritajiet doganali meta tinqala’ problema sabiex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni finali dwar ir-rilaxx. Meta s-sistemi ta’ kontrolli interni tal-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) ikunu robusti biżżejjed, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu, f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn, jawtorizzaw lill-kummerċjanti jwettqu ċerti kontrolli waħedhom. Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jżommu l-possibbiltà li jikkontrollaw il-merkanzija fi kwalunkwe ħin.
(40)Xieraq li jiġu pprovduti miżuri sabiex tiġi rregolata t-tranżizzjoni minn sistema bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet doganali għal sistema bbażata fuq l-għoti ta’ informazzjoni lill-Pjattaforma tad-Data Doganali ċentrali tal-UE. Jenħtieġ li l-operaturi jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw dikjarazzjonijiet doganali sabiex jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jqiegħdu merkanzija taħt proċedura doganali matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, malli l-kapaċitajiet tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE jkunu disponibbli, jenħtieġ li l-operaturi jingħataw ukoll il-possibbiltà li jipprovdu jew jagħmlu disponibbli informazzjoni lill-awtoritajiet doganali permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, u jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali ma jibqgħux jawtorizzaw lil kwalunkwe operatur sabiex japplika għal simplifikazzjonijiet fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali. Fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet kollha ma jibqgħux validi, peress li d-dikjarazzjonijiet doganali ma humiex se jibqgħu jeżistu.
(41)L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom jitqiesu f’ċirkolazzjoni libera jekk il-formalitajiet tal-importazzjoni jkunu ġew irrispettati u jkunu ġew imposti dazji doganali jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti. Madankollu, jenħtieġ li r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ma jinftiehemx bħala prova ta’ konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali meta dawn tal-aħħar jimponu rekwiżiti speċifiċi għall-merkanzija li tkun se tinbiegħ jew tiġi kkonsmata fis-suq intern.
(42)Il-proċess tat-teħid ta’ merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi ssimplifikat f’konformità mal-proċess tad-dħul. Għalhekk, xieraq li jkun meħtieġ li jkun hemm persuna stabbilita fl-Unjoni li tkun responsabbli għall-merkanzija, jiġifieri l-esportatur. Jenħtieġ li l-esportatur jipprovdi jew jagħmel disponibbli għad-dwana l-informazzjoni rilevanti qabel ma joħroġ il-merkanzija mill-Unjoni, filwaqt li jindika jekk din tkunx merkanzija tal-Unjoni jew mhux tal-Unjoni li se tiġi esportata, u jadatta l-informazzjoni neċessarja. Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess u jiġu evitati lakuni potenzjali, jenħtieġ li l-kunċett tal-esportazzjoni jinkludi l-ħruġ ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni, u b’hekk jinkludi wkoll il-kunċett ta’ “riesportazzjoni”, li qabel kien irregolat bħala kunċett separat.
(43)Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni xierqa tar-riskju tal-merkanzija maħruġa barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li l-uffiċċju doganali responsabbli mill-esportazzjoni jkun meħtieġ iwettaq analiżi tar-riskju tal-informazzjoni dwar il-merkanzija u jieħu jew jitlob il-miżuri xierqa qabel il-ħruġ tal-merkanzija. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu t-talba li jsiru kontrolli mill-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tad-dispaċċ tal-merkanzija u l-uffiċċju doganali tal-ħruġ u, jekk ikun neċessarju, minn awtoritajiet oħrajn, minbarra l-miżuri previsti taħt ir-rilaxx għal proċedura doganali, li jkunu applikabbli wkoll meta l-merkanzija tkun se titqiegħed taħt esportazzjoni.
(44)Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ sospensjoni tad-dazju jkunu trasparenti wkoll, xieraq li jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet tar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjonijiet għal proċeduri speċjali. B’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali, il-kundizzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk opinjoni fil-livell tal-Unjoni tkunx neċessarja sabiex jiġi vvalutat jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jistax jaffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-produtturi tal-Unjoni, l-hekk imsejjaħ eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi jenħtieġ li jiġu kkodifikati aktar milli jiġu rregolati f’regoli delegati. Barra minn hekk, billi l-effett fuq l-interessi tal-produtturi tal-Unjoni jista’ jiddependi fuq il-kwantità ta’ merkanzija li titqiegħed taħt il-proċedura speċjali, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tkun intitolata tipproponi ċertu limitu li taħtu jkun stmat li ma hemm l-ebda effett negattiv fuq l-interessi tal-produtturi tal-Unjoni.
(45)L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu jirreferi għal Anness (Manifest tar-Renu) li ffaċilita l-moviment ta’ merkanzija fuq ix-xmara Renu u fuq it-tributarji assoċjati tagħha billi kkunsidrathom bħala proċedura ta’ tranżitu doganali bejn il-fruntieri nazzjonali ta’ ħames Stati Membri. Skont l-informazzjoni mill-amministrazzjonijiet doganali, fil-prattika l-manifest tar-Renu ma għadux jintuża bħala proċedura ta’ tranżitu doganali fl-istati li jmissu mar-Renu. Minflok, il-merkanzija fuq ir-Renu u fuq it-tributarji tagħha issa tiġi ttrasportata bl-użu tal-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni stabbilita mill-Kodiċi, permezz tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS). Għalhekk, xieraq li titneħħa r-referenza għall-Manifest tar-Renu mill-każijiet li fihom moviment ta’ merkanzija jitqies bħala tranżitu estern jew bħala tranżitu tal-Unjoni.
(46)Sabiex tiżdied it-trasparenza dwar il-persuna responsabbli għall-konformità mal-obbligi tal-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni u mal-kontenut u mar-riskji relatati mal-kunsinna, xieraq li jkun meħtieġ li d-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu jiddivulga tal-anqas informazzjoni rigward l-importatur jew l-esportatur li timmotiva l-moviment, il-mezz tat-trasport, u l-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt dik il-proċedura. Informazzjoni bħal din tkun tippermetti lill-awtoritajiet doganali jissorveljaw b’mod aktar effettiv il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni kkonċernata u jwettqu analiżi tar-riskju. Jenħtieġ li l-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni tkun obbligatorja sakemm il-merkanzija ma titqegħidx taħt reġim doganali ieħor immedjatament mad-dħul jew mal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni. Fil-każ li l-importatur jew l-esportatur ikun għadu mhux magħruf, jenħtieġ li d-detentur tal-merkanzija jitqies bħala l-importatur jew l-esportatur tal-merkanzija u jenħtieġ li jkun responsabbli għall-ħlas tad-dazji doganali u ta’ taxxi u ta’ imposti oħrajn. Jenħtieġ li l-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni tiġi ssostitwita b’superviżjoni doganali jekk il-merkanzija tiġi importata jew esportata minn operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check).
(47)Emenda għall-Anness 6 tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (“il-Konvenzjoni TIR”) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2021 immodifikat in-Nota ta’ Spjegazzjoni 0.49 sabiex tagħti lill-operaturi ekonomiċi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti l-possibbiltà li jsiru “konsenjatur awtorizzat”, li tirrifletti l-faċilitazzjonijiet eżistenti mogħtijin lill-operaturi ekonomiċi rikonoxxuti bħala “konsenjatarju awtorizzat”. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi inkluża l-possibbiltà l-ġdida stabbilita mill-Konvenzjoni TIR sabiex il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni tiġi allinjata ma’ dak il-ftehim internazzjonali.
(48)L-applikazzjoni tar-regoli standard għall-kalkolu tad-dazju fit-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku tirriżulta, f’ħafna każijiet, f’piż amministrattiv sproporzjonat kemm għall-amministrazzjonijiet doganali kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir tad-dħul. Fl-interess tal-iżvilupp ta’ trattament fiskali u doganali robust u effettiv għall-merkanzija importata minn pajjiżi terzi permezz ta’ tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku (“bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata”), il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tiġi emendata sabiex jitneħħa l-limitu li taħtu l-merkanzija ta’ valur negliġibbli li ma taqbiżx il-EUR 150 għal kull kunsinna tkun eżentata mid-dazji doganali mal-importazzjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, u sabiex jiġi introdott trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn pajjiżi terzi f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (Nomenklatura Magħquda). Fid-dawl ta’ dawn l-emendi proposti, jenħtieġ li ċerti regoli tal-Kodiċi dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, l-oriġini u l-valur doganali jiġu emendati sabiex jipprevedu s-simplifikazzjonijiet applikabbli fuq bażi volontarja mill-importatur preżunt meta jiġi ddeterminat id-dazju doganali fi tranżazzjoni min-negozju għall-konsumatur li tikkwalifika bħala bejgħ mill-bogħod għall-finijiet tal-VAT. Jenħtieġ li s-simplifikazzjonijiet jikkonsistu fil-possibbiltà li jiġi kkalkolat id-dazju doganali dovut bl-applikazzjoni ta’ waħda mit-tariffi tal-bucket il-ġodda fin-Nomenklatura Magħquda għal valur ikkalkolat b’mod aktar sempliċi. Skont ir-regoli simplifikati għat-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur, jenħtieġ li l-prezz nett tax-xiri mingħajr il-VAT iżda inklużi l-kostijiet totali tat-trasport sad-destinazzjoni finali tal-prodott jitqies bħala l-valur doganali u jenħtieġ li ma tkun meħtieġa l-ebda oriġini. Għalhekk, jekk l-importatur preżunt ikun jixtieq jibbenefika minn rati tariffarji preferenzjali billi jagħti prova tal-istatus oriġinarju tal-merkanzija, dik il-persuna tista’ tagħmel dan billi tapplika l-proċeduri standard.
(49)Bħalissa, id-djun doganali jinġabru mill-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali. Hija l-għażla tal-kummerċjant jekk jagħmilx dan fil-pajjiż tal-ewwel dħul, jew jekk jużax proċedura ta’ tranżitu u jħallas id-dazji fi Stat Membru ieħor. Fl-2025, din is-sistema se tinbidel bl-introduzzjoni ta’ sistema tal-IT għall-iżdoganar ċentralizzat, li se tippermetti lill-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati jippreżentaw id-dikjarazzjoni doganali fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, xieraq li jiġu emendati r-regoli li jiddefinixxu l-post fejn iseħħ id-dejn doganali sabiex id-dazji fuq l-importazzjoni jitħallsu lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-importatur minħabba li dan huwa l-post fejn l-awtorità doganali jista’ jkollha l-aktar għarfien sħiħ dwar ir-rekords, l-operazzjonijiet u l-imġiba kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari fejn dawk l-operaturi ekonomiċi jingħataw l-istatus ta’ operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check). Madankollu, huwa xieraq li d-dejn doganali tal-operaturi li ma humiex operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jiġġarrab fil-post fejn tinsab fiżikament il-merkanzija, tal-anqas sakemm jiġi evalwat il-mudell ta’ superviżjoni.
(50)Fil-każ ta’ tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku, huwa essenzjali li jiġi żgurat li dejn doganali jitħallas b’mod korrett mill-intermedjarji online, bħall-pjattaformi tal-internet, li jimmaniġġjaw il-bejgħ online ta’ merkanzija lil konsumaturi privati. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-importatur preżunt huwa l-persuna responsabbli għad-dejn doganali, li jiġġarrab fil-mument li x-xerrej iħallas lill-operatur tal-kummerċ elettroniku, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet pjattaforma tal-internet. Sabiex jiġi ssimplifikat il-piż relatat mat-tali obbligu, l-importatur preżunt jista’ jkun awtorizzat jiddetermina d-dazju fuq l-importazzjoni dovut u jħallas id-djun doganali tiegħu perjodikament, u jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jkollhom entrata waħda fil-kontijiet għall-finijiet tal-baġit tal-Unjoni.
(51)Huwa xieraq li jittejjeb il-mekkaniżmu mmirat lejn is-superviżjoni b’mod aktar effiċjenti tal-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi dwar il-fluss ta’ merkanzija li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tipprovdi appoġġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex tiżgura li dawk il-miżuri ma jiġux evitati. Jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jiżguraw li jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jikkonformaw mal-miżuri u jenħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Doganali tal-UE kif xieraq.
(52)Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-kriżijiet sabiex jiġu indirizzati kriżijiet potenzjali fl-unjoni doganali. In-nuqqas ta’ mekkaniżmu bħal dan fil-livell tal-Unjoni ġie enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni Doganali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinvolvi lill-Awtorità Doganali tal-UE bħala attur ewlieni fit-tħejjija, fil-koordinazzjoni u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri u tal-arranġamenti prattiċi li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tistabbilixxi meta sseħħ kriżi. Jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE żżomm l-istat ta’ tħejjija għal rispons għall-kriżijiet fuq bażi permanenti matul id-durata kollha tal-kriżi.
(53)Il-qafas ta’ governanza eżistenti tal-unjoni doganali ma għandux struttura ta’ ġestjoni operazzjonali ċara u ma jirriflettix l-evoluzzjoni tad-dwana sa mill-ħolqien tagħha fl-1968. Skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013, l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tar-riskji fil-flussi tal-kummerċ, bħall-implimentazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar il-kontrolli fil-prattika, huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali nazzjonali. Minkejja l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali li kienet teżisti sa mill-ħolqien tal-unjoni doganali u li wasslet għall-iskambju tal-aħjar prattiki, tal-għarfien espert, u tal-iżvilupp ta’ linji gwida komuni, din ma rriżultatx fl-iżvilupp ta’ approċċ armonizzat u ta’ qafas operazzjonali. Bħalissa, jeżistu prattiki diverġenti fl-Istati Membri li jdgħajfu l-unjoni doganali. Ma hemm l-ebda kapaċità ta’ analiżi tar-riskju ċentrali, l-ebda fehma komuni dwar il-prijoritizzazzjoni tar-riskju, l-azzjoni u l-kontrolli doganali kkoordinati huma limitati, u ma hemm l-ebda qafas ta’ kooperazzjoni bejn diversi awtoritajiet li jaqdu s-suq uniku. Livell operazzjonali ċentrali tal-Unjoni sabiex jinġabru l-għarfien espert, ir-riżorsi u jittieħdu deċiżjonijiet flimkien jenħtieġ li jindirizza tali dgħufijiet f’oqsma bħall-ġestjoni tad-data, il-ġestjoni tar-riskju u t-taħriġ sabiex l-unjoni doganali tibda “taġixxi b’mod magħqud”. Għalhekk, xieraq li tiġi stabbilita Awtorità Doganali tal-UE. Il-ħolqien ta’ din l-Awtorità l-ġdida huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti u adegwat tal-unjoni doganali, sabiex tiġi kkoordinata b’mod ċentrali l-azzjoni doganali u jiġu appoġġati l-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali.
(54)Jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tiġi rregolata u operata fuq il-bażi tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta u tal-approċċ komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012.
(55)Il-kriterji li għandhom jitqiesu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-għażla tas-sede tal-Awtorità Doganali tal-UE jenħtieġ li jkunu l-assigurazzjoni li l-Awtorità tista’ tiġi stabbilita fuq il-post mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aċċessibbiltà tal-post u l-eżistenza ta’ faċilitajiet edukattivi adegwati għat-tfal tal-membri tal-persunal kif ukoll aċċess xieraq għas-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali u għall-kura medika kemm għat-tfal kif ukoll għall-konjuġi tal-membri tal-persunal. Fid-dawl tan-natura kooperattiva tal-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE, u b’mod partikolari tar-rabta mill-qrib li se teżisti bejn is-sistemi tal-IT li l-Kummissjoni se tmantni matul il-perjodu tranżitorju, filwaqt li l-Awtorità Doganali tal-UE se tibni u topera l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, jenħtieġ li tkun f’post li jippermetti tali kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-awtoritajiet tar-reġjuni tal-Unjoni l-aktar rilevanti għall-kummerċ internazzjonali, u mal-korpi rilevanti tal-Unjoni u internazzjonali (pereżempju l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali għall-iffaċilitar tal-arrikkiment reċiprokuprattiku fuq suġġetti speċifiċi). Meta jitqiesu dawn il-kriterji, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE titwaqqaf fi […].
(56)Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu rappreżentati f’Bord Maniġerjali, sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tal-Awtorità Doganali tal-UE. Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali, inkluża l-għażla tal-President u tal-Viċi President tagħha, jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipji tal-bilanċ bejn il-ġeneri, tal-esperjenza u tal-kwalifiki. Minħabba l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar l-unjoni doganali, u r-rabta mill-qrib bejn id-dwana u oqsma oħrajn ta’ politika, jixraq li l-President tagħha jiġi elett minn fost dawk ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Fid-dawl tal-funzjonament effettiv u effiċjenti tal-Awtorità Doganali tal-UE, jenħtieġ li l-Bord Maniġerjali, b’mod partikolari, jadotta Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni, li jinkludi programmazzjoni annwali u pluriennali, iwettaq il-funzjonijiet tiegħu marbutin mal-baġit tal-Awtorità, jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità, jaħtar Direttur Eżekuttiv, u jistabbilixxi proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet marbutin mal-kompiti operazzjonali tal-Awtorità mid-Direttur Eżekuttiv. Jenħtieġ li l-Bord Maniġerjali jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.
(57)Sabiex tiggarantixxi l-funzjonament effettiv tagħha, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tingħata baġit awtonomu, bid-dħul li jiġi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u minn kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tkun ukoll fil-pożizzjoni li tirċievi dħul addizzjonali permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni jew ftehimiet ta’ għotja, u imposti għal pubblikazzjonijiet u għal kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-Awtorità Doganali tal-UE.
(58)Sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom, l-awtoritajiet doganali jikkooperaw mill-qrib u b’mod regolari mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, mal-awtoritajiet ta’ kontroll sanitarji u fitosanitarji, mal-korpi tal-infurzar tal-liġi, mal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, mal-korpi tal-ħarsien tal-ambjent, mal-esperti dwar il-proprjetà kulturali, u ħafna awtoritajiet oħrajn inkarigati minn politiki settorjali. Meta jitqiesu l-evoluzzjoni tas-suq uniku u r-rwol li qiegħed jevolvi tad-dwana, iż-żieda fil-projbizzjonijiet u fir-restrizzjonijiet u fil-kummerċ elettroniku, huwa neċessarju li din il-kooperazzjoni tiġi strutturata u tissaħħaħ fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali. Minflok kooperazzjoni ffokata fuq kunsinni individwali jew avvenimenti speċifiċi tul il-katina tal-provvista, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta’ kooperazzjoni strutturat bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn responsabbli għall-oqsma ta’ politika rilevanti. Qafas ta’ kooperazzjoni bħal dan jenħtieġ li jinkludi l-aspetti li ġejjin: l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni u ta’ ħtiġijiet ta’ politika f’qasam speċifiku, l-iskambju u l-analiżi tal-informazzjoni, il-bini ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni ġenerali fil-forma ta’ strateġiji ta’ superviżjoni konġunta u, fl-aħħar nett, il-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontrolli operazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita wkoll l-applikazzjoni ta’ parti mil-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali billi tfassal lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi rekwiżiti fuq merkanzija soġġetta għal kontrolli doganali mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi bħas-saħħa u l-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, il-konsumaturi u l-ambjent.
(59)Sabiex tiżdied iċ-ċarezza u sabiex il-qafas ta’ kooperazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet sħab oħrajn isir aktar effiċjenti, jenħtieġ li lista ta’ servizzi offruti mill-awtoritajiet doganali tiddefinixxi b’mod ċar ir-rwol possibbli tad-dwana fl-applikazzjoni ta’ politiki rilevanti oħrajn fil-fruntieri tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-qafas ta’ kooperazzjoni tiġi mmonitorjata mill-Awtorità Doganali tal-UE. Jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE taħdem mill-qrib u tikkoopera mal-Kummissjoni, mal-OLAF, ma’ aġenziji u ma’ korpi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, bħall-Europol u l-Frontex kif ukoll ma’ aġenziji u ma’ networks speċjalizzati fl-oqsma ta’ politika rispettivi, bħan-Network tal-UE għall-Konformità tal-Prodotti.
(60)F’dinja dejjem aktar konnessa, id-diplomazija doganali u l-kooperazzjoni internazzjonali huma aspetti importanti fil-ħidma tal-awtoritajiet doganali madwar id-dinja. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni internazzjonali tipprevedi l-possibbiltà ta’ skambju ta’ data doganali, fuq il-bażi ta’ ftehimiet internazzjonali jew ta’ leġiżlazzjoni awtonoma tal-Unjoni, permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa u siguri, soġġetta għar-rispett ta’ informazzjoni kunfidenzjali u għall-protezzjoni ta’ data personali, bħal permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
(61)Minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni doganali hija armonizzata permezz tal-Kodiċi, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 inkluda biss l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u kien jeħtieġ li tali penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom l-għażla ta’ penali doganali, li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u huma soġġetti għal evoluzzjoni maż-żmien. Jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jistabbilixxi bażi minima ta’ ksur doganali u ta’ sanzjonijiet mhux kriminali. Tali qafas huwa neċessarju sabiex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi u d-diverġenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, għal lakuni u għal “xiri doganali opportunistiku”. Jenħtieġ li l-qafas ikun magħmul minn lista komuni ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet li jenħtieġ li jikkostitwixxu ksur doganali fl-Istati Membri kollha. Fid-determinazzjoni tas-sanzjoni applikabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jiddefinixxu jekk dawn l-atti jew l-omissjonijiet jitwettqux intenzjonalment jew b’negliġenza ovvja.
(62)Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet komuni għal fatturi estenwanti jew mitiganti, kif ukoll għal ċirkostanzi aggravanti, fir-rigward tal-ksur doganali. Jenħtieġ li l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-bidu tal-proċedimenti ta’ ksur doganali jiġi stabbilit f’konformità mad-dritt nazzjonali u jenħtieġ li jkun ta’ bejn 5 u 10 snin, sabiex tiġi prevista regola komuni bbażata fuq il-limitazzjoni taż-żmien għan-notifika tad-dejn doganali. Jenħtieġ li l-ġuriżdizzjoni kompetenti tkun dik fejn twettaq il-ksur. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tkun neċessarja f’każijiet fejn il-ksur doganali jitwettaq f’aktar minn Stat Membru wieħed; f’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru li l-ewwel jibda l-proċedimenti jenħtieġ li jikkoopera mal-awtoritajiet doganali l-oħrajn ikkonċernati mill-istess ksur doganali.
(63)Huwa neċessarju li tiġi stabbilita bażi komuni minima ta’ ksur doganali billi jiġu ddefiniti, fuq il-bażi tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u tal-obbligi identiċi previsti f’partijiet oħrajn tal-leġiżlazzjoni doganali.
(64)Huwa neċessarju wkoll li tiġi stabbilita bażi minima komuni ta’ sanzjonijiet mhux kriminali li jipprevedu ammonti minimi ta’ imposti pekunarji, il-possibbiltà ta’ revoka, ta’ sospensjoni jew ta’ emenda ta’ awtorizzazzjonijiet doganali, inkluż għal Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati u operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check), kif ukoll il-konfiska tal-merkanzija. Jenħtieġ li l-ammonti minimi tal-imposti pekunarji jiddependu fuq jekk il-ksur doganali jkunx twettaq intenzjonalment jew le u jekk għandux impatt jew le fuq l-ammont ta’ dazji doganali u ta’ imposti oħrajn u fuq il-projbizzjonijiet jew fuq ir-restrizzjonijiet. Din il-qalba komuni minima ta’ sanzjonijiet mhux kriminali jenħtieġ li tapplika mingħajr preġudizzju għall-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, li minflok jista’ jipprevedi sanzjonijiet kriminali.
(65)Jenħtieġ li l-prestazzjoni tal-unjoni doganali tiġi evalwata tal-anqas fuq bażi annwali sabiex il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istati Membri, tkun tista’ tieħu l-orjentazzjonijiet ta’ politika xierqa. Il-ġbir ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jiġi fformalizzat u approfondit, peress li rapportar aktar komprensiv itejjeb il-valutazzjoni komparattiva u jista’ jgħin sabiex jiġu omoġenizzati l-prattiki u sabiex jiġi vvalutat l-impatt tad-deċiżjonijiet dwar il-politika doganali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi introdott qafas legali għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali. Sabiex jingħata lok għal granularità suffiċjenti tal-analiżi, jenħtieġ li l-kejl tal-prestazzjoni jsir mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE ssostni lill-Kummissjoni fil-proċess ta’ evalwazzjoni billi tiġbor u tanalizza d-data fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u tidentifika kif l-attivitajiet u l-operazzjonijiet doganali jsostnu l-kisba tal-objettivi strateġiċi u l-prijoritajiet tal-unjoni doganali u jikkontribwixxu għall-missjoni tal-awtoritajiet doganali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tidentifika x-xejriet, l-aspetti b’saħħithom, id-dgħufijiet, il-lakuni, u r-riskji potenzjali ewlenin, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal titjib lill-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà b’mod partikolari, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE tipparteċipa wkoll, mill-perspettiva operazzjonali, f’analiżijiet strateġiċi u f’valutazzjonijiet tat-theddid imwettqin fil-livell tal-Unjoni, inklużi dawk imwettqin mill-Europol u mill-Frontex.
(66)F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, sabiex jintlaħqu l-objettivi bażiċi li l-unjoni doganali tkun tista’ tiffunzjona effettivament u li tiġi implimentata l-politika komuni tal-kummerċ, huwa neċessarju u xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni jew li tinħareġ minnu. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi maħsubin, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(67)Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:
–fir-rigward tat-territorji fiskali speċjali, dispożizzjonijiet aktar dettaljati tal-leġiżlazzjoni doganali sabiex jiġu indirizzati ċirkostanzi partikolari relatati mal-kummerċ ta’ merkanzija tal-Unjoni li jinvolvu Stat Membru wieħed biss;
–fir-rigward tad-deċiżjonijiet doganali, il-kundizzjonijiet, il-limiti ta’ żmien, l-eċċezzjonijiet, il-modalitajiet għall-monitoraġġ, għas-sospensjoni, għall-annullament u għar-revoka relatati mal-applikazzjoni, mal-ħruġ u mal-ġestjoni ta’ tali deċiżjonijiet, inklużi dawk relatati ma’ informazzjoni vinkolanti;
–ir-rekwiżiti minimi tad-data u l-każijiet speċifiċi għar-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi mal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn ikunu stabbiliti;
–it-tip u l-frekwenza tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ, is-simplifikazzjonijiet u l-faċilitazzjonijiet previsti għall-Operatur Ekonomiku Awtorizzat;
–it-tip u l-frekwenza tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check);
–fir-rigward tar-rappreżentant doganali, il-kundizzjonijiet li fihom tali persuna tista’ tipprovdi servizzi fit-territorju doganali tal-Unjoni, il-każijiet li fihom ir-rekwiżit li jkun stabbilit fih jiġi rrinunzjat u li fihom l-evidenza tal-għoti tas-setgħa ma tkunx meħtieġa mill-awtoritajiet doganali;
–il-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu pproċessati fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE;
–regoli aktar dettaljati fir-rigward tal-istatus doganali tal-merkanzija;
–it-tip ta’ data u l-limiti ta’ żmien sabiex tiġi pprovduta tali data għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali;
–il-perjodu ta’ żmien raġonevoli li warajh l-awtoritajiet doganali għandhom jitqiesu li jkunu rrilaxxaw il-merkanzija meta ma jkunux għażluha għal kwalunkwe kontroll;
–fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet doganali: il-każijiet li fihom dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi ppreżentata billi jintużaw mezzi oħrajn li ma jkunux tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data; il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet simplifikati; il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet supplimentari u l-każijiet li fihom jiġi rrinunzjat l-obbligu li jiġu ppreżentati tali dikjarazzjonijiet; il-każijiet ta’ invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali mill-awtoritajiet doganali; il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-iżdoganar ċentralizzat u għad-dħul fir-rekords tad-dikjarant;
–il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-konfiska tal-merkanzija;
–fir-rigward tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija: id-data addizzjonali li għandha tiġi pprovduta, il-limiti ta’ żmien, il-każ li fih l-obbligu li tiġi pprovduta tali data jiġi rrinunzjat, il-każijiet speċifiċi li fihom id-data tista’ tiġi pprovduta minn diversi persuni, il-kundizzjonijiet li fihom persuna li tipprovdi jew tagħmel disponibbli l-informazzjoni tista’ tillimita l-viżibbiltà tal-identifikazzjoni tagħha għal persuna waħda jew aktar li jippreżentaw ukoll dettalji;
–fir-rigward tad-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni: il-limiti ta’ żmien li fihom għandha ssir l-analiżi tar-riskji u għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji; il-każijiet speċifiċi u l-persuni l-oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa jinnotifikaw il-wasla tal-kunsinni lid-dwana attwali tal-ewwel dħul, f’każ ta’ devjazzjoni; il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni u għall-approvazzjoni tal-postijiet minbarra l-uffiċċju doganali deżinjat għall-preżentazzjoni tal-merkanzija; il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-postijiet minbarra l-imħażen doganali għat-tqegħid tal-merkanzija f’ħażna temporanja;
–id-data li għandha tiġi pprovduta jew li għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera;
–il-każijiet li fihom il-merkanzija titqies li ġiet irritornata fl-istat li fih ġiet esportata u li fihom il-merkanzija li bbenefikat minn miżuri stabbiliti taħt il-politika agrikola komuni tista’ tingħata eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni;
–fir-rigward tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq mal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni: l-informazzjoni minima ta’ qabel it-tluq u l-limiti ta’ żmien li fihom għandha tiġi pprovduta jew issir disponibbli l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq qabel ma tinħareġ il-merkanzija, il-każijiet speċifiċi li fihom jiġi rrinunzjat l-obbligu li tiġi pprovduta jew li ssir disponibbli informazzjoni ta’ qabel it-tluq u l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata dwar il-ħruġ tal-merkanzija;
–fir-rigward tal-ħruġ tal-merkanzija, il-limiti ta’ żmien li fihom għandha ssir l-analiżi tar-riskji u għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji; id-data li għandha tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni;
–fir-rigward ta’ proċeduri speċjali: id-data li għandha tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni għall-awtoritajiet doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt tali proċeduri; l-eċċezzjonijiet għall-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċeduri speċjali; il-każijiet li fihom in-natura ekonomika tal-ipproċessar tiġġustifika li l-awtoritajiet doganali jivvalutaw jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ pproċessar attiv jaffettwax ħażin l-interess essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni mingħajr l-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE; il-lista ta’ merkanzija meqjusa sensittiva; il-limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni ta’ proċedura speċjali; il-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom l-importaturi u l-esportaturi jistgħu jċaqilqu l-merkanzija mqiegħda taħt proċedura speċjali minbarra t-tranżitu jew f’żona ħielsa; il-forom normali ta’ trattament għall-merkanzija mqiegħda taħt ħażna doganali jew proċedura ta’ pproċessar; ir-regoli aktar dettaljati relatati ma’ merkanzija ekwivalenti;
–fir-rigward tat-tranżitu: il-każijiet speċifiċi li fihom il-merkanzija tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern; il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għal konsenjatur awtorizzat u għal konsenjatarju awtorizzat għall-finijiet tat-TIR; ir-rekwiżiti addizzjonali tad-data li għandha tiġi pprovduta mid-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni;
–fir-rigward tal-ħżin: id-data minima li għandha tiġi pprovduta mill-operatur ta’ maħżen doganali jew ta’ żona ħielsa; il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-operat tal-imħażen doganali;
–fir-rigward tad-dħul temporanju: ir-rekwiżiti għall-eżenzjoni mid-dazju totali jew parzjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali li għandhom jiġu ssodisfati għall-użu tal-proċedura ta’ dħul temporanju;
–ir-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali u r-regoli dwar l-oriġini preferenzjali;
–il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għas-simplifikazzjonijiet fid-determinazzjoni tal-valur doganali f’każijiet speċifiċi;
–fir-rigward tad-dejn doganali: regoli aktar dettaljati sabiex ikun ikkalkolat l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanzija li għaliha jiġġarrab dejn doganali fil-kuntest ta’ proċedura speċjali; il-limitu ta’ żmien speċifiku li sa dan il-post fejn jiġġarrab id-dejn doganali ma jistax jiġi ddeterminat jekk il-merkanzija tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali li ma tkunx ġiet rilaxxata jew meta ħażna temporanja ma tkunx intemmet kif suppost; regoli aktar dettaljati relatati man-notifika tad-dejn doganali; regoli għal dawn
–is-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien għall-ħlas tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali u għad-determinazzjoni tal-perjodu ta’ sospensjoni; ir-regoli li magħhom il-Kummissjoni trid tikkonforma meta tieħu deċiżjoni dwar ir-ripagament u r-remissjoni tad-dejn doganali; il-lista ta’ nuqqasijiet mingħajr effett sinifikanti fuq l-operat korrett tal-ħażna temporanja jew tal-proċedura doganali kkonċernata, għall-estinzjoni tad-dejn doganali;
–fir-rigward tal-garanziji: il-każijiet speċifiċi li fihom ma tkun meħtieġa l-ebda garanzija għall-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ammissjoni temporanja, ir-regoli għad-determinazzjoni tal-forma tal-garanzija għajr kwalunkwe mezz ta’ ħlas rikonoxxut mill-awtoritajiet doganali u impenn mogħti minn garanti; ir-regoli dwar il-formoli għall-għoti ta’ garanzija u r-regoli applikabbli għall-garanti; il-kundizzjonijiet sabiex tingħata awtorizzazzjoni għall-użu ta’ garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew għal eżoneru mill-garanzija; il-limiti ta’ żmien għar-rilaxx ta’ garanzija;
–fir-rigward tal-kooperazzjoni doganali, kwalunkwe miżura komplementari oħra li għandha tittieħed mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni minbarra dik doganali; il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li skonthom Stat Membru jista’ jingħata s-setgħa li jidħol f’negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ data għall-finijiet tal-kooperazzjoni doganali;
–it-tħassir jew il-modifika tad-derogi għall-identifikazzjoni tal-uffiċċju doganali kompetenti għas-superviżjoni tat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali u tal-post għat-tiġrib tad-dejn doganali, fid-dawl tal-valutazzjoni li għandha ssir mill-Kummissjoni dwar l-effettività tas-superviżjoni doganali kif stabbilit minn dan ir-Regolament.
(68)Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha għall-adozzjoni tal-atti delegati, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
(69)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex: tadotta r-regoli proċedurali dwar l-użu ta’ deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti wara li ma tibqax valida jew tiġi rrevokata; tadotta r-regoli proċedurali dwar in-notifika lill-awtoritajiet doganali li t-teħid ta’ tali deċiżjonijiet ikun sospiż u dwar l-irtirar ta’ tali sospensjoni; tadotta deċiżjonijiet li jitolbu lill-Istati Membri jirrevokaw deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti; tadotta l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat u ta’ operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check); tiddetermina s-sistemi, il-pjattaformi jew l-ambjenti elettroniċi li magħhom tiffedera l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE; tiddetermina r-regoli għall-aċċess għal servizzi u għal sistemi speċifiċi tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, inklużi r-regoli u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni, għas-sikurezza u għas-sigurtà tad-data personali u fejn dak l-aċċess ikun limitat; miżuri dwar il-ġestjoni tas-sorveljanza mid-dwana; tadotta r-regoli proċedurali rigward ir-responsabbiltajiet tal-kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data li jsir permezz ta’ servizz jew sistema tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE; tadotta r-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti għajr l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn ikun stabbilit l-importatur jew l-esportatur; tadotta miżuri dwar il-verifika tal-informazzjoni, l-eżami u l-kampjunar tal-merkanzija, ir-riżultati tal-verifika u dwar l-identifikazzjoni; tadotta miżuri dwar l-applikazzjoni ta’ kontrolli ta’ wara r-rilaxx fir-rigward ta’ operazzjonijiet li jseħħu f’aktar minn Stat Membru wieħed; tiddetermina l-portijiet jew l-ajruporti fejn għandhom jitwettqu kontrolli u formalitajiet doganali fuq il-bagalji tal-kabina u tal-istiva; tadotta miżuri sabiex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-kontrolli doganali u l-ġestjoni tar-riskju, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, l-istabbiliment ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju u oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni f’dawn l-oqsma; tispeċifika r-regoli proċedurali għall-għoti u għall-kontroll tal-prova tal-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni; tispeċifika r-regoli proċedurali għall-emendar u għall-invalidazzjoni tal-informazzjoni għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali; tadotta r-regoli proċedurali dwar id-determinazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti u dwar il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali fejn jintużaw mezzi oħrajn għajr tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data; ir-regoli proċedurali dwar il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali standard u dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn; ir-regoli proċedurali dwar il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni simplifikata u ta’ dikjarazzjoni supplimentari; ir-regoli proċedurali dwar il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali qabel il-preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana, l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-emenda tad-dikjarazzjoni doganali wara r-rilaxx tal-merkanzija; tispeċifika r-regoli proċedurali dwar l-iżdoganar ċentralizzat u dwar l-eżenzjoni mill-obbligu li l-merkanzija tiġi ppreżentata f’dak il-kuntest; ir-regoli proċedurali dwar id-dħul fir-rekords tad-dikjarant; ir-regoli proċedurali dwar id-disponiment tal-merkanzija; ir-regoli proċedurali dwar l-għoti ta’ informazzjoni li tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni għall-merkanzija rritornata huma ssodisfati u dwar l-għoti ta’ evidenza li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni għall-prodotti tas-sajd bil-baħar u prodotti oħrajn meħudin mill-baħar huma ssodisfati; tispeċifika r-regoli proċedurali dwar il-ħruġ ta’ merkanzija; tadotta r-regoli proċedurali għall-għoti, għall-emendar u għall-invalidazzjoni tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq u għall-preżentazzjoni, għall-emendar u għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ; tadotta regoli proċedurali għar-rifużjoni tal-VAT lil persuni fiżiċi mhux stabbiliti fl-Unjoni; tispeċifika r-regoli proċedurali dwar in-notifika tal-wasla ta’ bastimenti li jbaħħru u ta’ inġenji tal-ajru u dwar it-trasport ta’ merkanzija lejn il-post xieraq; ir-regoli proċedurali dwar il-preżentazzjoni, l-emenda u l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja u dwar il-moviment tal-merkanzija f’ħażna temporanja; tadotta r-regoli proċedurali għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għal proċeduri speċjali, għall-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u għall-ħruġ tal-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE li tivvaluta jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ pproċessar attiv jew passiv jaffettwax b’mod negattiv l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni; tadotta r-regoli proċedurali dwar l-eżekuzzjoni ta’ proċedura speċjali; ir-regoli proċedurali dwar it-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi u l-moviment tal-merkanzija fil-kuntest ta’ proċeduri speċjali; ir-regoli proċedurali dwar l-użu ta’ merkanzija ekwivalenti fil-kuntest ta’ proċeduri speċjali; ir-regoli proċedurali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ strumenti ta’ tranżitu internazzjonali fit-territorju doganali tal-Unjoni; ir-regoli proċedurali dwar it-tqegħid ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni u dwar ir-rilaxx ta’ dik il-proċedura, dwar l-operazzjoni tas-simplifikazzjonijiet ta’ dik il-proċedura u dwar is-superviżjoni doganali ta’ merkanzija li tgħaddi mit-territorju ta’ pajjiż terz taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Unjoni; ir-regoli proċedurali dwar it-tqegħid ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali jew ta’ żona ħielsa u għall-moviment ta’ merkanzija mqiegħda f’maħżen doganali; tadotta miżuri dwar il-ġestjoni uniformi tal-kwoti tariffarji u tal-limiti tariffarji u l-ġestjoni tas-sorveljanza doganali tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni tal-merkanzija; tadotta miżuri sabiex tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija; tispeċifika r-regoli proċedurali dwar il-provvista u l-verifika tal-prova ta’ oriġini mhux preferenzjali; tadotta r-regoli proċedurali sabiex tiffaċilita l-istabbiliment fl-Unjoni tal-oriġini preferenzjali tal-merkanzija; tadotta miżuri sabiex tiddetermina l-oriġini ta’ merkanzija speċifika; tagħti deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija li tibbenefika minn miżuri preferenzjali adottati b’mod unilaterali mill-Unjoni; tispeċifika r-regoli proċedurali dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija; tispeċifika r-regoli proċedurali dwar il-forniment, id-determinazzjoni tal-ammont, il-monitoraġġ u r-rilaxx tal-garanziji, kif ukoll dwar ir-revoka u l-kanċellazzjoni ta’ impenn mogħti minn garanti; tispeċifika r-regoli proċedurali rigward il-projbizzjonijiet temporanji tal-użu ta’ garanziji komprensivi; tadotta miżuri sabiex tiżgura li jkun hemm assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali f’każ li jinħoloq dejn doganali; tispeċifika r-regoli proċedurali għar-ripagament u għar-remissjoni ta’ ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni, u dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni dwar ir-ripagament jew ir-remissjoni; tadotta miżuri għall-identifikazzjoni ta’ kriżi u għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-kriżijiet; tadotta r-regoli proċedurali għall-għoti u għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjoni għal Stat Membru sabiex jidħol f’negozjati ma’ pajjiż terz bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim jew arranġament bilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni; tadotta deċiżjonijiet dwar applikazzjoni minn Stat Membru għall-awtorizzazzjoni dwar id-dħul f’negozjati ma’ pajjiż terz bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim jew arranġament bilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni; tispeċifika t-tfassil tal-qafas ta’ kejl tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali u l-informazzjoni li l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-Awtorità Doganali tal-UE għall-fini tal-kejl tal-prestazzjoni; tistabbilixxi r-regoli dwar il-konverżjoni tal-munita. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(70)Jenħtieġ li tintuża l-proċedura ta’ konsulenza għall-adozzjoni ta’: atti ta’ implimentazzjoni li jitolbu lill-Istati Membri jirrevokaw deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti, minħabba li dawk id-deċiżjonijiet jaffettwaw biss Stat Membru wieħed u għandhom l-għan li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni doganali; atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu ddeterminati d-dettalji speċifiċi għall-aċċess tal-awtoritajiet minbarra l-awtoritajiet doganali għal servizzi u għal sistemi speċifiċi tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE; atti ta’ implimentazzjoni wara applikazzjoni minn Stat Membru għall-awtorizzazzjoni dwar id-dħul f’negozjati ma’ pajjiż terz bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim jew arranġament bilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, billi jaffettwaw lil Stat Membru wieħed biss; atti ta’ implimentazzjoni dwar ir-ripagament jew ir-remissjoni ta’ ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni minħabba li dawk id-deċiżjonijiet jaffettwaw direttament lill-applikant għal dak ir-ripagament jew ir-remissjoni.
(71)F’każijiet debitament ġustifikati, li fihom raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament relatati ma’ dawn: miżuri sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali, inklużi l-iskambju ta’ informazzjoni u analiżi tar-riskju, kriterji u standards komuni tar-riskju, miżuri ta’ kontroll u oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni; deċiżjonijiet dwar applikazzjoni minn Stat Membru għall-awtorizzazzjoni dwar id-dħul f’negozjati ma’ pajjiż terz bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim jew arranġament bilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni; miżuri li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija; miżuri sabiex tiddetermina l-oriġini ta’ merkanzija speċifika; miżuri sabiex tistabbilixxi l-metodu xieraq ta’ valwazzjoni doganali jew kriterji li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija f’sitwazzjonijiet speċifiċi; miżuri li jipprojbixxu temporanjament l-użu ta’ garanziji komprensivi; l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi u l-adozzjoni tal-miżuri xierqa sabiex tiġi indirizzata jew sabiex jittaffew l-effetti negattivi tagħha; deċiżjonijiet li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru sabiex jinnegozja u jikkonkludi ftehim bilaterali ma’ pajjiż terz dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.
(72)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel kull sforz sabiex tiżgura li l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni previsti f’dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ biżżejjed qabel id-data ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi sabiex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni f’waqtha tiegħu mill-Istati Membri.
(73)Id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-Awtorità Doganali tal-UE, ħlief l-Artikolu 238, jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2028. Sa dik id-data, jenħtieġ li l-Awtorità Doganali tal-UE twettaq il-kompiti tagħha billi tuża s-sistemi elettroniċi eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni doganali żviluppata mill-Kummissjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod u għall-importatur preżunt jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2028.
(74)Fl-2032, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jibdew jużaw, fuq bażi volontarja, il-kapaċitajiet tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Sa tmiem l-2037, jenħtieġ li l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tiġi żviluppata bis-sħiħ, u l-operaturi ekonomiċi kollha għandhom jużawha. L-preżuntioperaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) u l-importaturi se jiġu ssorveljati mill-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom. B’deroga u soġġetti għal rieżami, l-operaturi li la jkunu operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) u lanqas importaturi preżunti jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-awtorità doganali tal-Istat Membru fejn tinsab fiżikament il-merkanzija. Sal-31 ta’ Diċembru 2035, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa ż-żewġ mudelli ta’ superviżjoni, inkluż fir-rigward tal-effettività tagħhom għall-identifikazzjoni u għall-prevenzjoni tal-frodi. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tikkunsidra wkoll aspetti ta’ tassazzjoni indiretta. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun intitolata tiddeċiedi permezz ta’ att delegat jekk jenħtieġx li ż-żewġ mudelli jkomplu jew jekk, fil-każijiet kollha, jenħtieġx li l-awtorità doganali responsabbli għall-post tal-istabbiliment tal-kummerċjant tirrilaxxa l-merkanzija. Jenħtieġ li l-post tat-tiġrib ta’ dejn doganali jiġi rregolat ukoll f’konformità mad-determinazzjoni tal-awtorità doganali responsabbli,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Titolu I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Kapitolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u missjoni tad-dwana
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-Kodiċi”). Jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għal merkanzija li tiddaħħal jew tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea (“l-Awtorità Doganali tal-UE”) u r-regoli, l-istandards komuni u qafas ta’ governanza għall-istabbiliment tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-Unjoni Ewropea (“il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE”).
2.Mingħajr preġudizzju għad-dritt u għall-konvenzjonijiet internazzjonali, u għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’oqsma oħrajn, il-Kodiċi għandu japplika b’mod uniformi fit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.Ċerti provvedimenti tal-leġiżlazzjoni doganali jistgħu japplikaw barra mit-territorju doganali tal-Unjoni fil-qafas tal-leġiżlazzjoni li tirregola oqsma speċifiċi jew ta’ konvenzjonijiet internazzjonali.
4.Ċerti provvedimenti tal-leġiżlazzjoni doganali, inklużi s-simplifikazzjonijiet li tipprovdi għalihom, għandhom japplikaw għall-kummerċ f’merkanzija tal-Unjoni bejn partijiet tat-territorju doganali tal-Unjoni li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE jew tad-Direttiva (UE) 2020/262 u partijiet minn dak it-territorju fejn dawk id-dispożizzjonijiet ma japplikawx, jew għall-kummerċ bejn il-partijiet ta’ dak it-territorju fejn dawk il-provvedimenti ma japplikawx.
Artikolu 2
Missjoni tal-awtoritajiet doganali
Bl-għan li tinkiseb applikazzjoni armonizzata tal-kontrolli doganali, sabiex l-unjoni doganali taġixxi bħala waħda u sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza u jingħata kontribut għall-politiki l-oħrajn tal-Unjoni li jipproteġu liċ-ċittadini u lir-residenti, lill-konsumaturi, lill-ambjent u lill-ktajjen tal-provvista ġenerali, għall-protezzjoni tal-Unjoni mill-kummerċ illegali, għall-iffaċilitar tal-attività leġittima ta’ negozju, u għas-superviżjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għal kummerċ ġust u miftuħ u għall-politika kummerċjali komuni.
L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu miżuri mmirati, b’mod partikolari, għal dawn li ġejjin:
(a)l-iżgurar tal-ġbir xieraq tad-dazji doganali u ta’ imposti oħrajn;
(b)l-iżgurar li l-merkanzija li tippreżenta riskju għas-sikurezza jew għas-sigurtà taċ-ċittadini u tar-residenti ma tidħolx fit-territorju doganali tal-Unjoni, billi jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa għall-kontrolli tal-merkanzija u tal-ktajjen tal-provvista;
(c)il-kontribut għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, tal-ambjent, tal-konsumaturi u ta’ interessi pubbliċi oħrajn protetti minn leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħrajn billi jiġi żgurat li l-merkanzija li tippreżenta riskji relatati ma tidħolx fit-territorju doganali tal-Unjoni jew ma toħroġx minnu;
(d)il-protezzjoni tal-Unjoni minn kummerċ inġust, mhux konformi u illegali, inkluż permezz ta’ monitoraġġ mill-qrib tal-operaturi ekonomiċi u tal-ktajjen tal-provvista u qafas minimu ta’ ksur u ta’ penali doganali;
(e)is-sostenn għal attività kummerċjali leġittima, billi jinżamm bilanċ xieraq bejn il-kontrolli doganali u l-iffaċilitar tal-kummerċ leġittimu u s-simplifikazzjoni tal-proċessi u tal-proċeduri doganali.
Artikolu 3
Territorju doganali
1.It-territorju doganali tal-Unjoni għandu jkun magħmul minn dawn it-territorji li ġejjin, inkluż l-ilmijiet territorjali tagħhom, l-ilmijiet interni u l-ispazju tal-ajru:
(a)it-territorju tar-Renju tal-Belġju,
(b)it-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija,
(c)it-territorju tar-Repubblika Ċeka,
(d)it-territorju tar-Renju tad-Danimarka, minbarra l-Gżejjer Faroe u Greenland,
(e)it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minbarra l-Gżira ta’ Heligoland u t-territorju ta’ Büsingen (it-Trattat tat-23 ta’ Novembru 1964 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera),
(f)it-territorju tar-Repubblika tal-Estonja,
(g)it-territorju tal-Irlanda,
(h)it-territorju tar-Repubblika Ellenika,
(i)it-territorju tar-Renju ta’ Spanja, minbarra Ceuta u Melilla,
(j)it-territorju tar-Repubblika Franċiża, minbarra l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej Franċiżi li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Raba’ Parti tat-TFUE,
(k)it-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja,
(l)it-territorju tar-Repubblika Taljana, minbarra l-muniċipalità ta’ Livigno,
(m)it-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003,
(n)it-territorju tar-Repubblika tal-Latvja,
(o)it-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja,
(p)it-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,
(q)it-territorju tal-Ungerija,
(r)it-territorju tar-Repubblika ta’ Malta,
(s)it-territorju tar-Renju tan-Netherlands fl-Ewropa,
(t)it-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija,
(u)it-territorju tar-Repubblika tal-Polonja,
(v) it-territorju tar-Repubblika Portugiża,
(w)it-territorju tar-Rumanija,
(x)it-territorju tar-Repubblika tas-Slovenja,
(y)it-territorju tar-Repubblika Slovakka,
(``)it-territorju tar-Repubblika tal-Finlandja, u
(aa)it-territorju tar-Renju tal-Iżvezja.
2.It-territorji li ġejjin, inkluż l-ilmijiet territorjali tagħhom, l-ilmijiet interni u l-ispazju tal-ajru, li jinsabu barra t-territorju tal-Istati Membri għandhom, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-konvenzjonijiet u tat-trattati li japplikaw għalihom, ikunu kkunsidrati bħala parti mit-territorju doganali tal-Unjoni:
(a)FRANZA
It-territorju ta’ Monaco kif definit fil-Konvenzjoni Doganali ffirmata f’Pariġi fit-18 ta’ Mejju 1963 (Journal officiel de la République française (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża) tas-27 ta’ Settembru 1963, p. 8679);
(b)ĊIPRU
It-territorju taż-Żoni Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia kif definit fit-Trattat dwar l-Istabbiliment tar-Repubblika ta’ Ċipru, iffirmat f’Nicosia fis-16 ta’ Awwissu 1960 (Trattat tar-Renju Unit Serje Nru 4 (1961) Cmnd. 1252).
Artikolu 4
Delega ta’ setgħat
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261 li jissupplimentaw u jemendaw dan ir-Regolament billi jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali li japplikaw għall-kummerċ fil-merkanzija tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(4). Dawk l-atti jistgħu jindirizzaw ċirkostanzi partikolari li jappartjenu għall-kummerċ ta’ merkanzija tal-Unjoni li jinvolvi Stat Membru wieħed biss.
Kapitolu 2
Definizzjonijiet
Artikolu 5
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“awtoritajiet doganali” tfisser l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri responsabbli sabiex japplikaw il-leġiżlazzjoni doganali u kwalunkwe awtorità oħra mogħtija s-setgħa skont id-dritt nazzjonali sabiex tapplika ċerti leġiżlazzjonijiet doganali;
(2)“leġiżlazzjoni doganali” tfisser il-korp leġiżlattiv magħmul minn dawn kollha li ġejjin:
(a)il-Kodiċi u d-dispożizzjonijiet li jissupplimentawh jew jimplimentawh adottati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali;
(b)it-Tariffa Doganali Komuni;
(c)il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali;
(d)dispożizzjonijiet doganali li jinsabu fi ftehimiet internazzjonali, sa fejn dawn ikunu applikabbli fl-Unjoni;
(e)ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet li jemendawh, jissupplimentawh jew jimplimentawh;
(3)“leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali” tfisser leġiżlazzjoni minbarra l-leġiżlazzjoni doganali applikabbli għall-merkanzija li tidħol, toħroġ, tgħaddi mit-territorju doganali tal-Unjoni, jew li titqiegħed fis-suq tal-Unjoni, li fl-implimentazzjoni tagħha jkunu involuti l-awtoritajiet doganali;
(4)“miżuri ta’ politika kummerċjali” tfisser, bħala parti minn leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, miżuri adottati skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, minbarra d-dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi, id-dazji kumpensatorji jew il-miżuri ta’ salvagwardja fil-forma ta’ żieda fit-tariffi fuq merkanzija speċifika, u jinkludu b’mod partikolari miżuri speċjali ta’ sorveljanza u miżuri ta’ salvagwardja fil-forma jew awtorizzazzjonijiet għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni;
(5)“persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li ma tkunx persuna ġuridika iżda li tkun rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali li jkollha l-kapaċità li twettaq atti legali;
(6)“operatur ekonomiku” tfisser persuna li, matul l-attività ta’ negozju tagħha, tkun involuta f’attivitajiet koperti mil-leġiżlazzjoni doganali;
(7)“persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni” tfisser:
(a)fil-każ ta’ persuna fiżika, persuna li jkollha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(b)fil-każ ta’ persuna ġuridika jew ta’ assoċjazzjoni ta’ persuni, persuna li jkollha l-uffiċċju reġistrat, il-kwartieri ċentrali jew l-istabbiliment permanenti ta’ negozju tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(8)“stabbiliment permanenti ta’ negozju” tfisser post fiss tan-negozju, fejn ikunu permanentement preżenti r-riżorsi umani u tekniċi neċessarji, u li minnu jsiru, totalment jew parzjalment, l-operazzjonijiet b’rabta doganali ta’ persuna;
(9)“deċiżjoni doganali” tfisser kwalunkwe att mill-awtoritajiet doganali marbut mal-leġiżlazzjoni doganali li jagħti deċiżjoni dwar każ partikolari, u li jkollu effetti legali fuq il-persuna jew il-persuni kkonċernati;
(10)“proċedura doganali” tfisser kwalunkwe waħda mill-proċeduri li ġejjin, li taħtha tista’ titqiegħed il-merkanzija f’konformità mal-Kodiċi:
(a)ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera;
(b)proċeduri speċjali;
(c)esportazzjoni;
(11)“formalitajiet doganali” tfisser l-operazzjonijiet kollha li jridu jsiru minn persuna u mill-awtoritajiet doganali sabiex ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni doganali;
(12)“importatur” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha s-setgħa li tiddetermina u tkun iddeterminat li l-merkanzija minn pajjiż terz għandha tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni jew, ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor, kwalunkwe persuna li titqies bħala importatur preżunt;
(13)“importatur preżunt” tfisser kwalunkwe persuna involuta fil-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija li tiġi importata minn pajjiżi terzi fit-territorju doganali tal-Unjoni li tkun awtorizzata li tuża l-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4 tad-Direttiva 2006/112/KE;
(14)“esportatur” tfisser kwalunkwe persuna li għandha s-setgħa li tiddetermina u tkun iddeterminat li l-merkanzija għandha tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(15)“rappreżentant doganali” tfisser kwalunkwe persuna maħtura minn persuna oħra sabiex twettaq l-atti u l-formalitajiet meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni doganali fit-trattamenti tagħha mal-awtoritajiet doganali;
(16)“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, ta’ fatti jew ta’ informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ dawn l-atti, il-fatti jew l-informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;
(17)“sorveljanza doganali” tfisser il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni, fir-rigward ta’ merkanzija li tidħol, toħroġ jew tgħaddi mit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex jiġu mmonitorjati dawn il-movimenti fil-livell tal-Unjoni u tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali, il-konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u ma’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali u li tikkontribwixxi għall-analiżi u għall-ġestjoni tar-riskju;
(18)“riskju” tfisser il-probabbiltà u l-impatt ta’ avveniment li jista’ jiġri, fir-rigward ta’ merkanzija mċaqalqa bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra dak it-territorju u tal-preżenza fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni li jkun:
(a)jikkomprometti l-interessi finanzjarji jew ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;
(b)joħloq theddida għas-sigurtà u għas-sikurezza tal-Unjoni u taċ-ċittadini u tar-residenti tagħha; jew
(c)jimpedixxi l-applikazzjoni korretta ta’ miżuri tal-Unjoni jew nazzjonali;
(19)“analiżi ekonomika” tfisser l-evalwazzjoni jew il-kwantifikazzjoni ta’ politika jew ta’ fenomenu ekonomiku, sabiex jiġi mifhum kif il-fatturi ekonomiċi jaffettwaw il-funzjonament ta’ politika, ta’ żona ġeografika, jew ta’ kwalunkwe grupp ta’ persuni bil-ħsieb li jittieħdu deċiżjonijiet aħjar għall-futur;
(20)“ġestjoni tar-riskju” tfisser l-identifikazzjoni sistematika tar-riskju, inkluża l-identifikazzjoni tal-profili ta’ operaturi ekonomiċi riskjużi, u l-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi limitata l-iskopertura għar-riskju;
(21)“superviżjoni doganali” tfisser azzjoni meħuda b’mod ġenerali mill-awtoritajiet doganali bl-għan li jiġi żgurat li tiġi osservata l-leġiżlazzjoni doganali u, meta xieraq, leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, jew li b’xi mod ieħor jingħata kontribut għall-ġestjoni tar-riskji relatati ma’ dik il-merkanzija u mal-ktajjen tal-provvista tagħha;
(22)“kontrolli doganali” tfisser atti speċifiċi mwettqin mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u ma’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, jew sabiex b’xi mod ieħor jikkontribwixxu għall-ġestjoni tar-riskji relatati mal-merkanzija u mal-ktajjen tal-provvista tagħha;
(23)“kontrolli aleatorji” tfisser kontrolli doganali bbażati fuq il-prinċipji ta’ kampjunar aleatorju, fir-rigward ta’ popolazzjoni ta’ interess;
(24)“detentur tal-merkanzija” tfisser il-persuna li għandha kontroll fiżiku fuq il-merkanzija;
(25)“trasportatur” tfisser:
(a)fil-kuntest tad-dħul, il-persuna li ddaħħal il-merkanzija, jew li tassumi r-responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija, fit-territorju doganali tal-Unjoni. Madankollu,
(i)fil-każ ta’ trasport kombinat, “trasportatur” tfisser il-persuna li tħaddem il-mezz tat-trasport li, ladarba jiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni, jiċċaqlaq indipendentement bħala mezz attiv tat-trasport;
(ii)fil-każ tat-traffiku marittimu jew bl-ajru taħt arranġament ta’ kondiviżjoni jew ta’ kuntrattazzjoni ta’ bastiment, “trasportatur” tfisser il-persuna li tikkonkludi kuntratt u toħroġ polza ta’ kargu jew polza tal-vjeġġ bl-ajru għall-ġarr propju tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(b)fil-kuntest tal-ħruġ, il-persuna li toħroġ il-merkanzija, jew li tassumi responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija, ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Madankollu:
(i)fil-każ tat-trasport kombinat, meta l-mezz attiv tat-trasport li jħalli t-territorju doganali tal-Unjoni jkun biss qiegħed jittrasporta mezz ieħor tat-trasport li, wara l-wasla tal-mezz attiv tat-trasport fid-destinazzjoni tiegħu, jiċċaqlaq indipendentement bħala mezz attiv tat-trasport, “trasportatur” tfisser il-persuna li topera l-mezz tat-trasport li jiċċaqlaq indipendentement ladarba l-mezz tat-trasport li joħroġ mit-territorju doganali tal-Unjoni jkun wasal fid-destinazzjoni tiegħu;
(ii)fil-każ tat-traffiku marittimu jew bl-ajru taħt arranġament ta’ kondiviżjoni jew ta’ kuntrattazzjoni ta’ bastiment, “trasportatur” tfisser il-persuna li tikkonkludi kuntratt , u toħroġ polza ta’ kargu jew polza tal-vjeġġ bl-ajru, għall-ġarr propju tal-merkanzija ’l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(26)“analiżi tar-riskju” tfisser l-ipproċessar ta’ data, ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti, inkluża data personali, bil-ħsieb li jiġu identifikati jew ikkwantifikati r-riskji possibbli, bl-użu, meta rilevanti, ta’ metodi analitiċi u tal-intelliġenza artifiċjali kif iddefiniti fl-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) /…/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(27)“sinjal tar-riskju” tfisser l-indikazzjoni ta’ riskju possibbli fuq il-bażi ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar awtomatizzati li jimplimentaw analiżi tar-riskju dwar data, informazzjoni jew dokumenti;
(28)“riżultat tal-analiżi tar-riskju” tfisser id-determinazzjoni, fil-każ ta’ sinjal, li riskju jkun jew ma jkunx meqjus preżenti, fuq il-bażi ta’ proċess awtomatiku jew minn valutazzjoni umana ulterjuri tas-sinjal tar-riskju;
(29)“rakkomandazzjoni ta’ kontroll” tfisser l-opinjoni ta’ awtorità doganali jew tal-Awtorità Doganali tal-UE, fir-rigward ta’ jekk u jekk iva meta, fejn u minn liema awtorità doganali għandu jitwettaq kontroll doganali, inkluża l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet addizzjonali possibbli għajr il-kontrolli doganali;
(30)“deċiżjoni ta’ kontroll” tfisser l-att individwali li permezz tiegħu l-awtoritajiet doganali jiddeċiedu jekk kontroll għandux iseħħ;
(31)“riżultat ta’ kontroll” tfisser l-eżitu preliminari u finali ta’ kontroll, inkluża l-azzjoni ulterjuri indikata, jekk ikun hemm, u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bl-eżitu jew bl-azzjoni, jekk ikun hemm;
(32)“qasam ta’ kontroll prijoritarju komuni” tfisser għażla ta’ proċeduri doganali partikolari, tipi ta’ merkanzija, rotot tat-traffiku, modi tat-trasport jew operaturi ekonomiċi bl-għan li jiġu soġġetti għal livelli akbar ta’ analiżi tar-riskju u miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ kontrolli doganali matul ċertu perjodu, mingħajr ħsara għal kontrolli oħrajn li normalment jitwettqu mill-awtoritajiet doganali;
(33)“kriterji u standards komuni tar-riskju” tfisser parametri għall-analiżi tar-riskju għal qasam ta’ riskju u standards ta’ akkumpanjament rigward l-applikazzjoni prattika tal-kriterji;
(34)“strateġija ta’ superviżjoni” tfisser approċċ għall-immaniġġjar ta’ riskju speċifiku, li jkollu l-għan li jibbilanċja l-isforzi ta’ superviżjoni doganali operazzjonali u l-miżuri ta’ mitigazzjoni fil-katina tal-provvista b’mod proporzjonat u effettiv;
(35)“kunsinna” tfisser merkanzija, imwassla minn kunsinnatur wieħed lil kunsinnatarju wieħed, bl-istess mezz tat-trasport, inkluż multimodali, u li tiġi mill-istess territorju jew pajjiż terz, li tkun tal-istess tip, klassi jew deskrizzjoni jew li tiġi ppakkjata flimkien, taħt l-istess kuntratt ta’ trasport;
(36)“status doganali” tfisser l-istatus ta’ merkanzija bħala merkanzija tal-Unjoni jew merkanzija mhux tal-Unjoni;
(37)“merkanzija tal-Unjoni” tfisser merkanzija li taqa’ taħt kwalunkwe kategorija minn dawn li ġejjin:
(a)merkanzija miksuba totalment fit-territorju doganali tal-Unjoni u li ma tinkorporax merkanzija importata minn pajjiżi terzi;
(b)merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni minn pajjiżi terzi u rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera;
(c)merkanzija miksuba jew prodotta fit-territorju doganali tal-Unjoni, jew biss minn merkanzija msemmija fil-punt (b) jew minn merkanzija msemmija fil-punti (a) u (b);
(38)“merkanzija mhux tal-Unjoni” tfisser merkanzija oħra barra dik imsemmija fil-punt (46) jew li tilfet l-istatus doganali tagħha bħala merkanzija tal-Unjoni;
(39)“rilaxx ta’ merkanzija” tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali, jew persuni oħrajn f’isimhom, jagħmlu l-merkanzija disponibbli għall-finijiet speċifikati għall-proċedura doganali li jkun hemm l-għan li jitqiegħdu taħtha;
(40)“dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul” tfisser l-att li bih persuna tinforma lill-awtoritajiet doganali, fil-forma u bil-mod predefiniti u sa limitu ta’ żmien speċifiku, li tkun se tiddaħħal merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(41)“dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ” tfisser l-att li bih persuna tinforma lill-awtoritajiet doganali, fil-forma u bil-mod predefiniti u sa limitu ta’ żmien speċifiku, li tkun se tinħareġ merkanzija ’l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(42)“dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja” tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u bil-mod predefiniti, li l-merkanzija tinsab f’ħażna temporanja;
(43)“dikjarazzjoni doganali” tfisser l-azzjoni li biha persuna tindika, fil-forma u bil-mod predefiniti, xewqa li tqiegħed il-prodotti taħt proċedura doganali stabbilita, b’indikazzjoni, fejn xieraq, ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku li għandu jkun applikat;
(44)“dikjarant” tfisser il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni jew notifika ta’ riesportazzjoni f’isem il-persuna stess jew f’isem il-persuna li f’isimha tiġi ppreżentata tali dikjarazzjoni jew notifika;
(45)“dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni” tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u bil-mod predefiniti, li tixtieq tieħu merkanzija mhux tal-Unjoni, ħlief għal dik li tkun taħt proċedura ta’ żona ħielsa jew f’ħażna temporanja, ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(46)“notifika ta’ riesportazzjoni” tfisser l-att li bih persuna tindika, fil-forma u bil-mod predefiniti, li tixtieq tieħu merkanzija mhux tal-Unjoni li tkun taħt proċedura ta’ żona ħielsa jew f’ħażna temporanja ’l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(47)“bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn pajjiżi terzi” tfisser bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn pajjiżi terzi jew minn territorji terzi kif definit fl-Artikolu 14(4), il-punt (2), tad-Direttiva 2006/112/KE;
(48)“manifattur” tfisser:
(a)il-manifattur tal-prodott skont il-leġiżlazzjoni l-oħra applikabbli għal dak il-prodott; jew
(b)il-produttur fir-rigward tal-prodotti agrikoli kif definiti fl-Artikolu 38(1) tat-TFUE jew tal-materja prima; jew
(c)jekk ma jkun hemm l-ebda manifattur jew produttur kif imsemmi fil-punti (a) u (b), il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-assoċjazzjoni ta’ persuni li mmanifatturat il-prodott jew li kellha l-prodott manifatturat, u tikkummerċjalizza dak il-prodott taħt l-isem jew it-trademark ta’ dik il-persuna;
(49)“fornitur tal-prodott” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni fil-katina tal-provvista li timmanifattura prodott kollu kemm hu jew parzjalment, kemm bħala manifattur kif ukoll fi kwalunkwe ċirkostanza oħra;
(50)“ħażna temporanja” tfisser is-sitwazzjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni maħżuna temporanjament taħt superviżjoni doganali fil-perjodu bejn il-mument li fih it-trasportatur jinnotifika l-wasla tagħha fit-territorju doganali u t-tqegħid tagħha taħt proċedura doganali;
(51)“merkanzija pproċessata” tfisser il-merkanzija mqiedgħa taħt proċedura ta’ pproċessar li tkun għaddiet minn operazzjonijiet ta’ pproċessar;
(52)“operazzjonijiet ta’ proċessar” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a)il-ħdim tal-merkanzija, inkluż il-muntaġġ, l-assemblaġġ jew it-twaħħil ta’ dik il-merkanzija ma’ merkanzija oħra;
(b)l-ipproċessar tal-merkanzija;
(c)il-qerda tal-merkanzija;
(d)it-tiswija tal-merkanzija, inklużi r-restawrar u t-tqegħid f’ordni tal-merkanzija;
(e)l-użu ta’ merkanzija li ma tinsabx fil-prodotti pproċessati, iżda li tippermetti jew tiffaċilita il-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, anke jekk tintuża għalkollox jew parzjalment fil-proċess (aċċessorji tal-produzzjoni);
(53)“detentur tal-proċedura ta’ tranżitu” tfisser il-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ tranżitu jew tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għat-tqegħid tal-merkanzija taħt dik il-proċedura, jew li f’isimha tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni jew dik l-informazzjoni tiġi pprovduta.
(54)“rata ta’ rendiment” tfisser il-kwantità jew il-perċentwal ta’ prodotti proċessati miksubin mill-proċessar ta’ kwantità partikolari ta’ merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta’ proċessar;
(55)“pajjiż terz” tfisser pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(56)“trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod” tfisser it-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod stabbilit fl-Artikolu 1, il-paragrafi 4 u 5, u l-Ewwel Parti, it-Taqsima II, il-punt G tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;
(57)“dejn doganali” tfisser l-obbligu ta’ persuna biex tħallas l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li japplika għal merkanzija speċifika taħt il-leġiżlazzjoni doganali fis-seħħ;
(58)“debitur” tfisser kwalunkwe persuna responsabbli għal dejn doganali;
(59)“dazju fuq l-importazzjoni” tfisser dazju doganali dovut fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija;
(60)“dazju fuq l-esportazzjoni” tfisser dazju doganali dovut fuq l-esportazzjoni ta’ merkanzija;
(61)“ripagament” tfisser ir-rifużjoni ta’ ammont mid-dazju li tħallas fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni;
(62)“remissjoni” tfisser eżenzjoni mill-obbligu li jitħallas ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li ma tħallasx;
(63)“kummissjoni ta’ xiri” tfisser tariffa mħallsa minn importatur lil aġent talli jirrappreżentah fix-xiri ta’ merkanzija li tiġi valwata;
(64)“kriżi” tfisser avveniment jew sitwazzjoni li f’daqqa waħda tipperikola s-sikurezza, is-sigurtà, is-saħħa u l-ħajja taċ-ċittadini, tal-operaturi ekonomiċi u tal-persunal tal-awtoritajiet doganali u teħtieġ miżuri urġenti fir-rigward tad-dħul, tal-ħruġ jew tat-tranżitu tal-merkanzija.
Kapitolu 3
Deċiżjonijiet marbutin mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali
Taqsima 1
Prinċipji ġenerali
Artikolu 6
Deċiżjonijiet meħudin mal-applikazzjoni
1.Meta persuna tapplika għal deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, dik il-persuna għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba mill-awtoritajiet doganali kompetenti sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu dik id-deċiżjoni.
Deċiżjoni tista’ ssir applikazzjoni għaliha ukoll minn diversi persuni, u tittieħed fir-rigward tagħhom, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali.
Ħlief meta jkun previst mod ieħor, l-awtorità doganali kompetenti għandha tkun dik tal-post ta’ stabbiliment tal-applikant.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom, mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn 30 jum tal-kalendarju minn meta jirċievu l-applikazzjoni għal deċiżjoni, jivverifikaw jekk ikunux issodisfati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni.
Meta l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li l-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa, huma għandhom jikkomunikaw l-aċċettazzjoni tagħha lill-applikant fil-perjodu speċifikat fl-ewwel subparagrafu.
Meta l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li l-applikazzjoni ma jkunx fiha l-informazzjoni meħtieġa kollha, għandhom jitolbu lill-applikant sabiex jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali rilevanti sa limitu ta’ żmien raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-30 jum tal-kalendarju. Anki meta l-awtoritajiet doganali jkunu talbu informazzjoni addizzjonali lill-applikant, huma għandhom jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta u tistax tiġi aċċettata jew jekk hijiex kompluta u għandhom jiġu rrifjutati f’perjodu li ma għandux jaqbeż is-60 jum tal-kalendarju mid-data tal-ewwel applikazzjoni. Jekk l-awtoritajiet doganali ma jinformawx b’mod espliċitu lill-applikant f’dak il-perjodu jekk l-applikazzjoni ġietx aċċettata, l-applikazzjoni għandha titqies bħala aċċettata fi tmiem is-60 jum tal-kalendarju.
3.Ħlief meta jkun previst mod ieħor, l-awtorità doganali kompetenti għandha tieħu deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn 120 jum tal-kalendarju mid-data tal-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni u għandha tinnotifika lill-applikant mingħajr dewmien.
Meta l-awtoritajiet doganali ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-limitu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni, huma għandhom jinformaw lill-applikant b’dan il-fatt qabel ma jiskadi dak il-limitu ta’ żmien, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet u jindikaw perjodu ta’ żmien ulterjuri li jikkunsidraw neċessarju sabiex jieħdu deċiżjoni. Ħlief meta jkun stipulat mod ieħor, dak il-perjodu ta’ żmien ulterjuri ma għandux jaqbeż it-30 jum tal-kalendarju.
Mingħajr preġudizzju għat-tienu subparagrafu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni doganali, meta l-applikant jitlob estensjoni sabiex jagħmel aġġustamenti bl-għan li jiżgura li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet u l-kriterji meħtieġa għall-għoti tad-deċiżjoni. Dawk l-aġġustamenti u l-perjodu ulterjuri ta’ żmien neċessarju sabiex jitwettqu għandhom jkunu kkomunikati lill-awtoritajiet doganali, li għandhom jiddeċiedu dwar l-estensjoni.
Meta l-awtoritajiet doganali jonqsu milli jieħdu deċiżjoni fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet subparagrafi, l-applikant jista’ jikkunsidra t-talba li ġiet miċħuda u jista’ jappella tali deċiżjoni negattiva. L-applikant jista’ jinforma wkoll lill-Awtorità Doganali tal-UE li l-awtoritajiet doganali ma ħadux deċiżjoni sal-limiti ta’ żmien rilevanti.
4.Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor fid-deċiżjoni jew fil-leġiżlazzjoni doganali, id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data li fiha l-applikant ikun irċiviha, jew li fiha jitqies li jkun irċiviha. Ħlief fil-każjiet previsti fl-Artikolu 17(2), id-deċiżjonijiet adottati jkunu eżegwibbli mill-awtoritajiet doganali minn dik id-data.
5.Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni doganali, id-deċiżjoni għandha tkun valida mingħajr limitu ta’ żmien.
6.Qabel ma tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv lill-applikant, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet li fuqhom bi ħsiebhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom lill-applikant, li għandu jingħata l-opportunità li jaqsam il-perspettiva tiegħu f’perjodu predefinit mid-data li fiha jkun irċieva dik il-komunikazzjoni jew li fiha jitqies li jkun irċiviha (“dritt li jinstema’”). Wara li jiskadi dak il-perjodu, l-applikant għandu jkun mgħarraf, fil-mod xieraq, bid-deċiżjoni.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)f’dak li għandu x’jaqsam ma’ deċiżjoni relatata mal-informazzjoni vinkolanti msemmija fl-Artikolu 13(1);
(b)f’każ ta’ rifjut tal-benefiċċju ta’ kwota tariffarja meta jintlaħaq il-volum tal-kwota tariffarja speċifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 145(4), l-ewwel subparagrafu;
(c)meta n-natura jew il-livell ta’ theddida għas-sikurezza u għas-sigurtà tal-Unjoni u għar-residenti tagħha, għal saħħet il-bniedem, l-annimali jew il-pjanti, għall-ambjent jew għall-konsumaturi jeħtieġ hekk;
(d)meta d-deċiżjoni jkollha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni oħra li dwarha l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jaqsam il-perspettiva tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat;
(e)meta jippreġudika investigazzjonijiet mibdijin għall-fini tal-ġlieda kontra l-frodi;
(f)f’każijiet speċifiċi oħrajn.
7.Deċiżjoni li taffettwa lill-applikant b’mod avvers għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tirriferi għad-dritt ta’ appell previst fl-Artikolu 16.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)l-eċċezzjonijiet għad-deżinjazzjoni tal-uffiċċju doganali kompetenti msemmi fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu;
(b)il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(c)il-każijiet li fihom il-limitu ta’ żmien sabiex tittieħed deċiżjoni speċifika, inkluża l-estensjoni possibbli ta’ dak il-limitu ta’ żmien, ikun differenti mil-limiti ta’ żmien imsemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;
(d)il-każijiet, imsemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, meta d-deċiżjoni ssir effettiva minn data li tkun differenti mid-data li fiha l-applikant jirċiviha jew jitqies li jkun irċiviha;
(e)il-każijiet, imsemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, meta d-deċiżjoni ma tkunx valida mingħajr limitu ta’ żmien;
(f)id-durata tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu;
(g)il-każijiet speċifiċi, imsemmijin fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu, il-punt (f) ta’ dan l-Artikolu.
9.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għal dawn:
(a)is-sottomissjoni u l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni għal deċiżjoni, imsemmija fil-paragrafi 1 u 2;
(b)it-teħid tad-deċiżjoni msemmija f’dan l-Artikolu, inkluż, meta jkun xieraq, fir-rigward tad-dritt li jinstema’ u l-konsultazzjoni ta’ Stati Membri kkonċernati oħrajn.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 7
Ġestjoni ta’ deċiżjonijiet meħudin wara applikazzjoni
1.Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn dik id-deċiżjoni.
2.Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jissorvelja kontinwament l-issodisfar tal-kundizzjonijiet u tal-kriterji, u l-konformità mal-obbligi, li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet u, meta applikabbli, jistabbilixxi kontrolli interni li kapaċi jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu tranżazzjonijiet illegali jew irregolari.
3.Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jgħarraf lill-awtoritajiet doganali mingħajr dewmien dwar kwalunkwe fattur li jinqala’ wara li tittieħed id-deċiżjoni, li jista’ jinfluwenza il-kontinwazzjoni jew il-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni.
4.L-awtoritajiet doganali għandhom jimmonitorjaw regolarment jekk id-detentur tad-deċiżjoni għadux jissodisfa l-kriterji rilevanti u jikkonforma mal-obbligi rilevanti, b’mod partikolari l-kapaċità tad-detentur tad-deċiżjoni li jipprevjeni, jirreaġixxi u jirrimedja l-iżbalji permezz ta’ kontrolli interni xierqa. Fuq il-bażi ta’ tali attività ta’ monitoraġġ, id-dwana għandha tivvaluta l-profil tar-riskju tad-detentur tad-deċiżjoni, meta rilevanti. Meta d-detentur tad-deċiżjoni jkun ilu stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni għal anqas minn 3 snin, l-awtoritajiet doganali għandhom jimmonitorjawh mill-qrib waqt l-ewwel sena wara li tittieħed id-deċiżjoni.
5.L-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lill-Awtorità Doganali tal-UE d-deċiżjonijiet meħudin mal-applikazzjoni u l-attivitajiet ta’ monitoraġġ kollha li jwettqu f’konformità mal-paragrafu 4. L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tqis din l-informazzjoni għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju.
6.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), l-awtoritajiet doganali għandhom jirreġistraw id-deċiżjonijiet tagħhom fis-sistemi elettroniċi eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni żviluppati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għal dawk id-deċiżjonijiet u għall-informazzjoni sottostanti f’dawk is-sistemi.
7.Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’oqsma oħrajn li jispeċifikaw il-każijiet li fihom id-deċiżjonijiet ikunu invalidi jew isiru nulli u bla effett, l-awtoritajiet doganali li jkunu ħadu deċiżjoni jistgħu jannullawha, jirrevokawha jew jemendawha, fi kwalunkwe ħin, meta ma tkunx konformi mal-leġiżlazzjoni doganali. L-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar annullament, revoka u emenda bħal din tad-deċiżjonijiet doganali.
8.F’każijiet speċifiċi l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu dawn li ġejjin:
(a)jerġgħu jivvalutaw deċiżjoni mill-ġdid;
(b)jissospendu deċiżjoni li ma għandhiex tiġi annullata, irrevokata jew emendata.
9.L-awtorità doganali kompetenti sabiex tagħti d-deċiżjoni għandha tissospendi d-deċiżjoni, minflok ma tannullaha, tirrevokaha jew temendaha, meta:
(a)dik l-awtorità doganali tqis li jista’ jkun hemm biżżejjed raġunijiet sabiex titħassar, tiġi rrevokata jew emendata d-deċiżjoni, iżda ma jkunx għad għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi fuq it-tħassir, fuq ir-revoka jew fuq l-emenda;
(b)dik l-awtorità doganali tqis li l-kundizzjonijiet għad-deċiżjoni ma jkunux issodisfati jew li d-detentur tad-deċiżjoni ma jikkonformax mal-obbligi imposti minn dik id-deċiżjoni, u jkun xieraq li d-detentur tad-deċiżjoni jingħata żmien biżżejjed sabiex jieħu miżuri li jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet jew il-konformità mal-obbligi;
(c)id-detentur tad-deċiżjoni jitlob it-tali sospensjoni għaliex, għal ċertu żmien, dik il-persuna ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għad-deċiżjoni jew tikkonforma mal-obbligi imposti minn dik id-deċiżjoni.
Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), id-detentur tad-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-awtorità doganali kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjoni dwar il-miżuri li dik il-persuna se twettaq sabiex tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet jew li jiġu rrispettati l-obbligi, kif ukoll dwar il-perjodu ta’ żmien li jeħtieġ sabiex jieħu dawk il-miżuri.
10.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)ir-regoli dettaljati għall-monitoraġġ ta’ deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu;
(b)il-każijiet speċifiċi u r-regoli għall-valutazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjonijiet kif imsemmijin fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 8
Validità tad-deċiżjonijiet mal-Unjoni kollha
Ħlief meta d-deċiżjoni tipprovdi li l-effett tagħha jkun limitat għal Stat Membru wieħed jew għal diversi Stati Membri, id-deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali għandhom ikunu validi fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni.
Artikolu 9
Annullament ta’ deċiżjonijiet favorevoli
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jannullaw deċiżjoni favorevoli għad-detentur tad-deċiżjoni jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)id-deċiżjoni tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux korretta jew mhux sħiħa;
(b)id-detentur tad-deċiżjoni kien jaf jew raġevolment kellu jkun jaf li l-informazzjoni ma kinitx korretta jew kompluta;
(c)li kieku l-informazzjoni kienet korretta u kompluta, id-deċiżjoni kienet tkun differenti.
2.Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bl-annullament tagħha.
3.L-annullament għandu jsir effettiv mid-data li fiha d-deċiżjoni inizjali issir effettiva, sakemm ma jkunx speċifikat b’mod ieħor fid-deċiżjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-annullament ta’ deċiżjonijiet favorevoli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 10
Revoka u emenda ta’ deċiżjonijiet favorevoli
1.Deċiżjoni favorevoli għandha tiġi rrevokata jew emendata meta, f’każijiet oħrajn għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 9:
(a)waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni ma kinux issodisfati jew ma għadhomx issodisfati; jew
(b)wara applikazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni.
2.Ħlief meta jkun previst mod ieħor, deċiżjoni favorevoli indirizzata lil diversi persuni tista’ tiġi rrevokata biss fir-rigward ta’ persuna li tonqos milli tirrispetta obbligu impost fil-qafas ta’ dik id-deċiżjoni.
3.Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bir-revoka jew bl-emenda tagħha.
4.L-Artikolu 6(4) għandu japplika għar-revoka jew għall-emenda tad-deċiżjoni.
Iżda, f’każijiet eċċezzjonali li fihom l-interessi leġittimi tad-detentur tad-deċiżjoni hekk jeħtieġu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddifferixxu d-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-revoka jew l-emenda sa b’sena. Dik id-data għandha tkun indikata fid-deċiżjoni ta’ revoka jew ta’ emenda.
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)il-każijiet, imsemmijin fil-paragrafu 2, li fihom deċiżjoni favorevoli indirizzata lil diversi persuni tista’ tiġi rrevokata anki fir-rigward ta’ persuni oħrajn għajr il-persuna li tonqos milli tikkonforma ma’ obbligu impost skont dik id-deċiżjoni
(b)il-każijiet eċċezzjonali, li fihom l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddifferixxu d-data meta tidħol fis-seħħ revoka jew emenda f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4.
6.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għar-revoka jew għall-emenda ta’ deċiżjonijiet favorevoli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 11
Deċiżjonijiet meħudin mingħajr applikazzjoni minn qabel
Ħlief meta awtorità doganali taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja, l-Artikoli 6(4), (5), (6), (7), l-Artikolu 7(7) u l-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw ukoll għad-deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet doganali mingħajr ma ssir applikazzjoni minn qabel mill-persuna kkonċernata.
Artikolu 12
Il-limitazzjonijiet applikabbli għal deċiżjonijiet dwar merkanzija mqgħieda taħt proċedura doganali jew f’ħażna temporanja
Ħlief meta l-persuna kkonċernata titlob hekk, ir-revoka, l-emendar jew is-sospensjoni ta’ deċiżjoni favorevoli ma għandhomx jaffettwaw merkanzija li, fil-mument li jsiru effettivi r-revoka, l-emenda jew is-sospensjoni, tkun diġà tqiegħdet u għadha taħt proċedura doganali jew f’ħażna temporanja bis-saħħa tad-deċiżjoni rrevokata, emendata jew sospiża.
Taqsima 2
Informazzjoni vinkolanti
Artikolu 13
Deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti
1.L-awtoritajiet doganali, wara applikazzjoni, għandhom jieħdu deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (“deċiżjonijiet dwar il-BTI”), deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (“deċiżjonijiet dwar il-BOI”) u deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar il-valutazzjoni (“deċiżjonijiet dwar il-BVI”).
Applikazzjoni bħal din ma għandhiex tiġi aċċettata fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta l-applikazzjoni ssir, jew tkun diġà saret, fl-istess uffiċċju doganali jew f’ieħor, minn jew f’isem id-detentur ta’ deċiżjoni:
(i)għal deċiżjonijiet dwar il-BTI, fir-rigward tal-istess merkanzija;
(ii)għal deċiżjonijiet dwar il-BOI, fir-rigward tal-istess merkanzija u taħt l-istess ċirkostanzi li jiddeterminaw l-akkwist tal-oriġini;
(iii)għal deċiżjonijiet dwar il-BVI, fir-rigward tal-merkanzija taħt l-istess ċirkostanzi li jiddeterminaw il-valur doganali;
(b)meta l-applikazzjoni ma tkunx relatata ma’ xi użu maħsub tad-deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti jew ma’ kwalunkwe użu maħsub ta’ proċedura doganali.
2.Id-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti għandhom ikunu vinkolanti, iżda biss fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja jew tad-determinazzjoni tal-oriġini jew tal-valur doganali tal-merkanzija, fuq:
(a)l-awtoritajiet doganali, fil-konfront tad-detentur tad-deċiżjoni, fir-rigward biss ta’ merkanzija li għaliha l-formalitajiet doganali jitlestew wara d-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva;
(b)id-detentur tad-deċiżjoni, fil-konfront tal-awtoritajiet doganali, b’effett biss mid-data li fiha jirċievi, jew jitqies li rċieva, in-notifika tad-deċiżjoni.
3.Id-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti għandhom ikunu validi għal perjodu ta’ 3 snin mid-data li fiha d-deċiżjoni tidħol fis-seħħ.
4.Għall-applikazzjoni ta’ deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura doganali partikolari, id-detentur tad-deċiżjoni għandu jkun jista’ juri li:
(a)fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-BTI, il-merkanzija inkwistjoni tikkorrispondi f’kull aspett għal dik deskritta fid-deċiżjoni;
(b)fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-BOI, il-merkanzija inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi li jiddeterminaw l-akkwist tal-oriġini jikkorrispondu f’kull aspett għall-merkanzija deskritta fid-deċiżjoni;
(c)fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-BVI, iċ-ċirkustanzi li jiddeterminaw il-valur doganali għall-merkanzija inkwistjoni jikkorrispondu f’kull aspett għaċ-ċirkustanzi deskritti fid-deċiżjoni.
Artikolu 14
Ġestjoni tad-deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti
1.Deċiżjoni dwar il-BTI għandha titlef il-validità tagħha qabel tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 13(3) meta hija ma tibqax konformi mal-liġi, bħala riżultat ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)l-adozzjoni ta’ emenda għan-nomenklaturi msemmijin fl-Artikolu 145(2), il-punti (a) u (b);
(b)l-adozzjoni tal-miżuri msemmijin fl-Artikolu 146(4);
F’każijiet bħal dawn, id-deċiżjoni dwar il-BTI ma għandhiex tibqa’ valida b’effett mid-data tal-applikazzjoni ta’ tali emenda jew miżuri.
2.Deċiżjoni dwar il-BOI għandha titlef il-validità tagħha qabel tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 13(3) fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta jiġi adottat att legalment vinkolanti tal-Unjoni jew jiġi konkluż ftehim mill-Unjoni, u jsir applikabbli fl-Unjoni, u d-deċiżjoni dwar il-BOI ma tibqax konformi mal-liġi li b’hekk tkun stabbilita, b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dak l-att jew il-ftehim;
(b)meta d-deċiżjoni dwar il-BOI ma tibqax kompatibbli mal-Ftehim dwar ir-Regoli tal-Oriġini stabbilit fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jew ma’ opinjonijiet konsultattivi, mal-informazzjoni, mal-pariri u ma’ atti simili, dwar id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija sabiex tiġi żgurata l-uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3.Deċiżjoni dwar il-BVI għandha titlef il-validità tagħha qabel tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 13(3) fil-każijiet li ġejjin:
(a)
meta l-adozzjoni ta’ att legalment vinkolanti tal-Unjoni tagħmel id-deċiżjoni dwar il-BVI mhux konformi ma’ dak l-att, mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dak l-att;
(b)meta d-deċiżjoni dwar il-BVI ma tibqax kompatibbli mal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, jew mal-Ftehim tal-1994 dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO dwar il-Valutazzjoni Doganali), jew mad-deċiżjonijiet adottati għall-interpretazzjoni ta’ dak il-Ftehim mill-Kumitat dwar il-Valutazzjoni Doganali, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4.Id-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti ma għandhomx jitilfu l-validità b’effett retroattiv.
5.B’deroga mill-Artikolu 7(7) u mill-Artikolu 9, l-awtoritajiet doganali għandhom jannullaw deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti biss meta jkunu bbażati fuq informazzjoni mill-applikanti li ma tkunx akkurata jew li ma tkunx kompluta.
6.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrevokaw deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti f’konformità mal-Artikolu 7(7) u mal-Artikolu 10. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jiġu rrevokati malli d-detentur tad-deċiżjoni jressaq applikazzjoni.
7.Id-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti ma jistgħux jiġu emendati.
8.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrevokaw deċiżjonijiet dwar il-BTI meta ma jibqgħux kompatibbli mal-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe waħda min-nomenklaturi msemmijin fl-Artikolu 145(2), il-punti (a) u (b) li jirriżultaw minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)noti ta’ spjegazzjoni msemmijin fl-Artikolu 9(1), il-punt (a), it-tieni inċiż tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
(b)sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tal-parti operattiva tas-sentenza f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
(c)deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni jew emendi għan-noti ta’ spjegazzjoni tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, adottati mill-Organizzazzjoni stabbilita mill-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, magħmula fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fis-serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9.Id-deċiżjonijiet dwar il-BOI u l-BVI għandhom jiġu rrevokati meta ma jibqgħux kompatibbli ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tal-parti operattiva tas-sentenza f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
10.Meta deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti ma tibqax valida f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), jew mal-paragrafu 2 jew 3, jew tiġi rrevokata f’konformità mal-paragrafu 6, 8 jew 9, id-deċiżjoni xorta tista’ tintuża fir-rigward ta’ kuntratti vinkolanti li kienu bbażati fuq dik id-deċiżjoni u li jkunu ġew konklużi qabel ma tkun tilfet il-validità tagħha jew ġiet irrevokata. Dak l-użu estiż ma għandux japplika meta deċiżjoni dwar il-BOI tittieħed għal merkanzija li trid tiġi esportata.
L-użu estiż imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż is-6 xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti ma tibqax valida jew tiġi rrevokata. Madankollu, miżura msemmija fl-Artikolu 146(4), miżura msemmija fl-Artikolu 151 jew miżura msemmija fl-Artikolu 158 tista’ teskludi dak l-użu estiż jew tistabbilixxi perjodu ta’ żmien iqsar. Fil-każ ta’ prodotti li għalihom ikun ippreżentat ċertifikat ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni meta jitwettqu l-formalitajiet doganali, il-perjodu ta’ 6 xhur għandu jiġi ssostitwit bil-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat.
Sabiex jibbenefika mill-użu estiż ta’ deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti, id-detentur ta’ dik id-deċiżjoni għandu jippreżenta applikazzjoni lill-awtorità doganali li tkun ħadet id-deċiżjoni fi żmien 30 jum mid-data li fiha ma tibqax valida jew tiġi rrevokata, filwaqt li jindika l-kwantitajiet li għalihom jintalab perjodu ta’ użu estiż u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom il-merkanzija se tkun żdoganata fil-perjodu ta’ użu estiż. Dik l-awtorità doganali għandha tieħu deċiżjoni dwar l-użu estiż u għandha tinnotifika lid-detentur, mingħajr dewmien, u mhux aktar tard minn 30 jum mid-data meta tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tieħu dik id-deċiżjoni.
11.Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtoritajiet doganali meta:
(a)ikun sospiż it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti, għal merkanzija li l-klassifikazzjoni tariffarja uniformi jew id-determinazzjoni tal-oriġini korretti u uniformi tagħha ma tkunx żgurata; jew
(b)tkun irtirata s-sospensjoni msemmija fil-punt (a).
12.Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li permezz tagħhom titlob li l-Istati Membri jirrevokaw deċiżjoni dwar il-BTI, il-BOI jew il-BVI sabiex tiżgura klassifikazzjoni tariffarja jew determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija, jew determinazzjoni tal-valur doganali korretta u uniformi. Qabel ma tadotta deċiżjoni bħal din, il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom ikollha l-ħsieb li tibbaża d-deċiżjoni tagħha lid-detentur tad-deċiżjoni dwar il-BTI, il-BOI jew il-BVI, li għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-perspettiva ta’ dik il-persuna f’perjodu predefinit mid-data li fiha dik il-persuna tirċievi dik il-komunikazzjoni jew titqies li tkun irċivietha.
13.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw ir-regoli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 12 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-persuni kkonċernati tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni jkun biħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha u t-terminu li sa dan dawk il-persuni jistgħu jesprimu l-perspettiva tagħhom.
14.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għal dawn li ġejjin:
(a)l-użu ta’ deċiżjoni relatata ma’ informazzjoni vinkolanti wara li din ma tibqax valida jew tiġi rrevokata, f’konformità mal-paragrafu 10;
(b)sabiex il-Kummissjoni tinnotifika lill-awtoritajiet doganali f’konformità mal-paragrafu 11, il-punti (a) u (b).
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
15.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, id-deċiżjonijiet li jitolbu lill-Istati Membri sabiex jirrevokaw id-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 12. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsulenza msemmija fl-Artikolu 262(2).
Taqsima 3
Appelli
Artikolu 15
Deċiżjonijiet meħudin minn awtorità ġudizzjarja
L-Artikoli 16 u 17 ma għandhomx japplikaw għall-appelli ppreżentati bil-ħsieb ta’ annullament, ta’ revoka jew ta’ emenda ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali meħuda minn awtorità ġudizzjarja, jew mill-awtoritajiet doganali li jaġixxu bħala awtoritajiet ġudizzjarji.
Artikolu 16
Dritt ta’ appell
1.Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment.
Kwalunkwe persuna li applikat għal deċiżjoni għand l-awtoritajiet doganali u ma ngħatatx deċiżjoni fuq dik l-applikazzjoni fil-limiti taż-żmien imsemmijin fl-Artikolu 6(3) għandha tkun ukoll intitolata li teżerċita d-dritt ta’ appell.
2.Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat tal-anqas f’żewġ stadji:
(a)inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali jew awtorità ġudizzjarja jew korp ieħor deżinjat għal dak l-għan mill-Istati Membri;
(b)sussegwentement, quddiem korp indipendenti ogħla, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp ekwivalenti speċjalizzat, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.
3.L-appell għandu jkun ippreżentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew fejn tkun saret l-applikazzjoni għaliha.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ appell tippermetti l-konferma jew il-korrezzjoni immedjata ta’ deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet doganali.
Artikolu 17
Sospensjoni tal-implimentazzjoni
1.Is-sottomossjoni ta’ appell ma għandhiex tikkawża s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
2.Madankollu, l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu l-implimentazzjoni ta’ tali deċiżjoni kollha kemm hi jew ta’ parti minnha meta jkollhom raġuni tajba sabiex jemmnu li d-deċiżjoni kkontestata tkun inkonsistenti mal-leġiżlazzjoni doganali jew li hemm biża’ li ssir ħsara irreparabbli lill-persuna kkonċernata.
3.Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 2, meta d-deċiżjoni kkontestata jkollha l-effett li tikkawża dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, is-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni għandha tiddipendi fuq l-għoti ta’ garanzija, sakemm ma jkunx stabbilit, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ddokumentata, li tali garanzija x’aktarx li toħloq diffikultajiet ekonomiċi serji lid-debitur.
Taqsima 4
Tariffi u kostijiet
Artikolu 18
Projbizzjoni ta’ imposti u ta’ kostijiet
1.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jimponu tariffi għat-twettiq ta’ kontrolli doganali jew għal kwalunkwe applikazzjoni oħra tal-leġiżlazzjoni doganali waqt il-ħinijiet uffiċċjali tal-ftuħ tal-uffiċċji doganali kompetenti tagħhom.
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu jimponu imposti jew jirkupraw kostijiet meta jingħataw servizzi speċifiċi, b’mod partikolari dawn li ġejjin:
(a)l-attendenza, meta mitluba, ta’ persunal tad-dwana barra mill-ħinijiet uffiċjali jew f’xi bini ieħor li ma jkunx il-bini doganali;
(b)analiżijiet jew rapporti ta’ esperti dwar l-merkanzija u t-tariffi tal-posta sabiex il-merkanzija tintbgħat lura lil applikant, b’mod partikolari fil-każ tad-deċiżjonijiet meħudin skont l-Artikolu 13 jew l-għoti ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39;
(c)l-eżami jew il-kampjunar tal-merkanzija għall-finijiet ta’ verifika, jew il-qerda tal-merkanzija, meta jkunu involuti kostijiet oħrajn barra l-kost għall-użu tal-persunal tad-dwana;
(d)miżuri ta’ kontroll eċċezzjonali, meta dawn ikunu neċessarji minħabba n-natura tal-merkanzija jew riskju potenzjali.
Titolu II
OBBLIGI U DRITTIJIET TAL-PERSUNI FIR-RIGWARD TAL-LEĠIŻLAZZJONI DOGANALI
Kapitolu 1
Reġistrazzjoni
Artikolu 19
Reġistrazzjoni
1.L-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni għandhom jirreġistraw mal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn ikunu stabbiliti sabiex jiksbu numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI). Meta jkun possibbli, dik ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi wkoll l-identifikazzjoni elettronika tal-operatur fl-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014.
2.L-operaturi ekonomiċi reġistrati għandhom jinformaw lill-awtoritajiet doganali dwar kwalunkwe modifika fid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom, b’mod partikolari meta dan ikun jinvolvi modifika tal-post tal-istabbiliment tagħhom.
3.F’każijiet speċifiċi, operaturi ekonomiċi li ma jkunux stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni għandhom jirreġistraw mal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn huma jippreżentaw dikjarazzjoni jew japplikaw għal deċiżjoni għall-ewwel darba.
4.Persuni oħrajn għajr l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx ikunu meħtieġa jirreġistraw mal-awtoritajiet doganali sakemm mhux speċifikat mod ieħor.
Meta l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu meħtieġa jirreġistraw, għandu japplka dan li ġej:
(a)f’każ li jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni, huma għandhom jirreġistraw mal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn ikunu stabbiliti;
(b)f’każ li ma jkunux stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni, huma għandhom jirreġistraw mal-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn huma jippreżentaw dikjarazzjoni jew japplikaw għal deċiżjoni għall-ewwel darba.
5.F’każijiet speċifiċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw ir-reġistrazzjoni.
6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)ir-rekwiżiti minimi tad-data għar-reġistrazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1;
(b)il-każijiet speċifiċi msemmijin fil-paragrafu 3;
(c)il-każijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, meta persuni oħrajn għajr l-operaturi ekonomiċi jkunu meħtieġa jirreġistraw mal-awtoritajiet doganali;
(d)il-każijiet speċifiċi msemmijin fil-paragrafu 5, meta l-awtoritajiet doganali jinvalidaw reġistrazzjoni;
(e)l-awtorità doganali responsabbli għar-reġistrazzjoni.
7.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-awtorità doganali responsabbli għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 262(2).
Kapitolu 2
Importatur u importatur preżunt
Artikolu 20
Importaturi
1.L-importatur għandu jikkonforma mal-obbligi li ġejjin:
(a)il-forniment, iż-żamma u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali, malli tkun disponibbli u fi kwalunkwe każ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija, tal-informazzjoni kollha meħtieġa fir-rigward tal-ħżin jew tal-proċedura doganali li fiha tkun se titqiegħed il-merkanzija f’konformità mal-Artikoli 88, 118, 132 u 135, jew sabiex tiġi rrilaxxata l-proċedura ta’ proċessar passiv;
(b)l-iżgurar tal-kalkolu korrett u tal-ħlas tad-dazji doganali u ta’ kwalunkwe imposta oħra applikabbli;
(c)l-iżgurar li l-merkanzija li tidħol jew toħroġ mit-territorju doganali tal-Unjoni tikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali u l-provvista, iż-żamma u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ rekords xierqa ta’ tali konformità;
(d)kwalunkwe obbligu ieħor fuq l-importatur stabbilit fil-leġiżlazzjoni doganali.
2.L-importatur għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, l-importaturi jew il-persuni li ġejjin ma għandhomx ikunu meħtieġa jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni:
(a)importatur li jqiegħed il-merkanzija fi tranżitu jew fi dħul temporanju;
(b)importatur li jġib merkanzija li tibqa’ f’ħażna temporanja;
(c)persuni, li xi kultant iqiegħdu l-merkanzija taħt proċeduri doganali, dment li l-awtoritajiet doganali jqisu li t-tali tqegħid ikun ġustifikat;
(d)persuni li jkunu stabbiliti f’pajjiż li t-territorju tiegħu jmiss mat-territorju doganali tal-Unjoni, u li jippreżentaw il-merkanzija f’uffiċċju doganali tal-fruntiera tal-Unjoni li tmiss ma’ dak il-pajjiż, dment li l-pajjiż li fih ikunu stabbiliti l-persuni jagħti benefiċċji reċiproċi lil persuni stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(e)importatur preżunt li jkun rappreżentat minn rappreżentant indirett stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni.
Artikolu 21
Importaturi preżunti
1.B’deroga mill-Artikolu 20(1), il-punt (a), l-importaturi preżunti għandhom jipprovdu jew jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija li tkun se tiġi importata fit-territorju doganali tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-jum ta’ wara d-data meta l-ħlas ikun ġie aċċettat u fi kwalunkwe każ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija.
2.Mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni meħtieġa għar-rilaxx tal-merkanzija għaċ-ċirkolazzjoni libera f’konformità mal-Artikolu 88(3), il-punt (a), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fiha tal-anqas ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 63c(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011.
3.Meta l-merkanzija li qabel tkun ġiet importata minn importatur preżunt fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod tiġi rritornata fl-indirizz tal-konsenjatur oriġinali jew f’indirizz ieħor barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-importatur preżunt għandu jinvalida l-informazzjoni dwar ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dik il-merkanzija u jipprovdi jew jagħmel disponibbli l-prova tal-ħruġ tal-merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
Kapitolu 3
Esportatur
Artikolu 22
Esportaturi
1.L-esportatur għandu jikkonforma mal-obbligi li ġejjin:
(a)il-forniment, iż-żamma u t-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-awtoritajiet doganali, malli tkun disponibbli u fi kwalunkwe każ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija, tal-informazzjoni kollha meħtieġa fir-rigward tal-proċedura doganali li fiha titqiegħed il-merkanzija f’konformità mal-Artikolu 99u mal-Artikolu 140 jew sabiex tiġi rrilaxxata l-proċedura ta’ dħul temporanju;
(b)l-iżgurar tal-kalkolu korrett u tal-ġbir tad-dazji doganali u ta’ kwalunkwe imposta oħra, jekk applikabbli;
(c)l-iżgurar li l-merkanzija li tidħol jew toħroġ mit-territorju doganali tal-Unjoni tikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali u l-provvista, iż-żamma u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ rekords xierqa ta’ tali konformità;
(d)kwalunkwe obbligu ieħor stabbilit fil-leġiżlazzjoni doganali.
2.L-esportatur għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.B’deroga mill-paragrafu 2, ma għandux ikun meħtieġ li l-operaturi li ġejjin ikunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni:
(a)esportatur li jqiegħed merkanzija fi tranżitu, jirrilaxxa l-proċedura ta’ dħul temporanju jew jesporta merkanzija li kienet f’ħażna temporanja;
(b)persuni, li xi kultant iqiegħdu l-merkanzija taħt proċeduri doganali, dment li l-awtoritajiet doganali jqisu li dan ikun ġustifikat;
(c)persuni li jkunu stabbiliti f’pajjiż li t-territorju tiegħu jmiss mat-territorju doganali tal-Unjoni, u li jippreżentaw il-merkanzija f’uffiċċju doganali tal-fruntiera tal-Unjoni li tmiss ma’ dak il-pajjiż, dment li l-pajjiż li fih ikunu stabbiliti l-persuni jagħti benefiċċji reċiproċi lil persuni stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni.
Kapitolu 4
Operatur ekonomiku awtorizzat u operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check)
Artikolu 23
Applikazzjoni u awtorizzazzjoni għal operatur ekonomiku awtorizzat
1.Persuna residenti, inkorporata jew reġistrata fit-territorju doganali tal-Unjoni u li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24 tista’ tapplika għall-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat.
L-awtoritajiet doganali għandhom, wara konsultazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn, jekk ikun neċessarju, jagħtu wieħed jew it-tnejn mit-tipi ta’ awtorizzazzjonijiet li ġejjin:
(a)dik ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali, li għandha tippermetti li d-detentur jibbenefika mis-simplifikazzjonijiet f’mal-leġiżlazzjoni doganali; jew
(b)dik ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għas-sikurezza u għas-sigurtà li għandha tintitola lid-detentur għal faċilitazzjonijiet marbutin mas-sikurezza u mas-sigurtà.
2.Iż-żewġ tipi ta’ awtorizzazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, jistgħu jinżammu fl-istess ħin.
3.Il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) u (3). L-awtoritajiet doganali għandhom jimmonitorjaw il-konformità kontinwa tal-operatur mal-kriterji u mal-kundizzjonijiet għall-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 7(4).
L-awtoritajiet doganali għandhom tal-anqas kull 3 snin iwettqu monitoraġġ fil-fond tal-attivitajiet u tar-rekords interni tal-operatur ekonomiku awtorizzat.
4.L-istatus tal-operatur ekonomiku awtorizzat għandu, soġġett għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 24, ikun rikonoxxut mill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri kollha.
5.Fuq il-bażi tar-rikonoxximent tal-istatus u dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti marbutin ma’ tip speċifiku ta’ simplifikazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jawtorizzaw lill-operatur sabiex jibbenefika minn dik is-simplifikazzjoni. L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jerġgħu jeżaminaw dawk il-kriterji li diġà kienu eżaminati meta taw l-istatus.
6.L-operatur ekonomiku awtorizzat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jgawdi minn aktar faċilitazzjonijiet minn operaturi ekonomiċi oħrajn fir-rigward ta’ kontrolli doganali skont it-tip ta’ awtorizzazzjoni mogħtija, inklużi kontrolli fiżiċi u bbażati fuq id-dokumenti anqas frekwenti. L-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandu jitqies b’mod favorevoli għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju doganali.
7.L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu benefiċċji li jirriżultaw mill-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat lil persuni stabbiliti f’pajjiżi terzi, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jikkonformaw mal-obbligi definiti mil-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi jew it-territorji, sa fejn dawk il-kundizzjonijiet u l-obbligi jkunu rikonoxxuti mill-Unjoni bħala ekwivalenti għal dawk imposti fuq operaturi ekonomiċi awtorizzati stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni. Tali għoti tal-benefiċċji għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ reċiproċità sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Unjoni, u għandu jkun sostnut minn ftehim internazzjonali tal-Unjoni, jew minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.
8.Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu konġunt ta’ kontinwità tal-operat sabiex iwieġeb għat-tfixkil fil-flussi kummerċjali minħabba żidiet fil-livelli ta’ allerta tas-sigurtà, għeluq tal-fruntieri u/jew diżastri naturali, emerġenzi perikolużi jew inċidenti kbar oħrajn li jipprovdi li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jiffaċilitaw u jħaffu sa fejn ikun possibbli l-merkanziji prijoritarji relatati mal-operaturi ekonomiċi awtorizzati.
9.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)it-tip u l-frekwenza tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ kemm mill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 kif ukoll mill-awtoritajiet doganali msemmijin fil-paragrafu 3;
(b)is-simplifikazzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati msemmijin fil-paragrafu 5;
(c)il-faċilitazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 6.
10.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-konsultazzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-istatus tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati msemmijin fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, inklużi l-iskadenzi għat-tweġibiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 24
Għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat
1.Il-kriterji sabiex jingħata status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli dwar it-tassazzjoni u ebda rekord ta’ reati kriminali serji; il-ksur u r-reati li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi jew kummerċjali;
(b)il-wiri mill-applikant ta’ livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-rekords kummerċjali u, meta xieraq, tat-trasport, li tippermetti li jsiru kontrolli doganali xierqa u evidenza li n-nuqqas ta’ konformità ġie rrimedjat b’mod effettiv; l-applikant jiżgura li l-impjegati rilevanti jkunu ordnati jgħarrfu lill-awtoritajiet doganali kull meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ konformità u jistabbilixxi proċeduri għall-informar lill-awtoritajiet doganali dwar tali diffikultajiet;
(c)is-solvenza finanzjarja, li għandha titqies bħala pprovata meta l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja tajba, li tippermettilu jonora l-impenji tiegħu, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata;
(d)fir-rigward tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1), il-punt (a), standards prattiċi ta’ kompetenza jew kwalifiki professjonali marbutin direttament mal-attività mwettqa;
(e)fir-rigward tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(1), il-punt (b), standards xierqa ta’ sigurtà, ta’ sikurezza u ta’ konformità, adattati għall-attività mwettqa. L-istandards għandhom jitqiesu bħala ssodisfati meta l-applikant juri li huwa jżomm miżuri xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-katina tal-provvista internazzjonali, inkluż fl-oqsma tal-integrità fiżika u tal-kontrolli tal-aċċess, tal-proċessi loġistiċi u tat-trattament ta’ tipi speċifiċi ta’ merkanzija, ta’ persunal u ta’ identifikazzjoni tas-sħab kummerċjali tiegħu.
2.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fil-paragrafi 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 25
Għoti tal-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check)
1.Importatur jew esportatur, li jkun residenti jew reġistrat fit-territorju doganali tal-Unjoni, jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u jkun wettaq operazzjonijiet doganali regolari matul in-negozju ta’ dik il-persuna għal tal-anqas 3 snin, jista’ japplika għall-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) mal-awtorità doganali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita dik il-persuna.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu l-istatus wara konsultazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn, jekk ikun neċessarju, u wara li jkollhom aċċess għad-data rilevanti tal-applikant għall-aħħar 3 snin sabiex jivvalutaw il-konformità mal-kriterji fil-paragrafu 3.
3.L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu l-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) lil persuna li tissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:
(a)in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli dwar it-tassazzjoni u ebda rekord ta’ reati kriminali serji; il-ksur u r-reati li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi jew kummerċjali;
(b)il-wiri mill-applikant ta’ livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss tal-merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-rekords kummerċjali u tat-trasport, li tippermetti li jsiru kontrolli doganali xierqa u evidenza li n-nuqqas ta’ konformità ġie rrimedjat b’mod effettiv; l-applikant għandu jiżgura l-impjegati rilevanti jgħarrfu lill-awtoritajiet doganali kull meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ konformità u jistabbilixxi proċeduri għall-informar lill-awtoritajiet doganali dwar tali diffikultajiet;
(c)is-solvenza finanzjarja, li għandha titqies bħala pprovata meta l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja tajba, li tippermettilu jonora l-impenji tiegħu, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata. B’mod partikolari, matul l-aħħar 3 snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, l-applikant għandu jkun issodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu fir-rigward tal-pagamenti tad-dazji doganali u tad-dazji, tat-taxxi jew tat-tariffi l-oħrajn kollha li jinġabru fuq jew b’rabta mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni tal-merkanzija, inkluż fuq il-VAT u fuq id-dazji tas-sisa dovuti fir-rigward ta’ operazzjonijiet intra-UE;
(d)standards prattiċi ta’ kompetenza jew ta’ kwalifiki professjonali direttament relatati mat-tip u mad-daqs tal-attività mwettqa, inkluż li l-impjegati rilevanti jingħataw struzzjonijiet dwar kif jinteraġixxu mal-awtoritajiet doganali permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE;
(e)standards xierqa ta’ sigurtà, ta’ sikurezza u ta’ konformità, adattati għat-tip u għad-daqs tal-attività mwettqa. L-istandards għandhom jitqiesu bħala ssodisfati meta l-applikant juri li huwa jżomm miżuri xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-katina tal-provvista internazzjonali, inkluż fl-oqsma tal-integrità fiżika u tal-kontrolli tal-aċċess, tal-proċessi loġistiċi u tat-trattament ta’ tipi speċifiċi ta’ merkanzija, ta’ persunal u ta’ identifikazzjoni tas-sħab kummerċjali tiegħu;
(f)li jkun hemm sistema elettronika li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli għall-awtoritajiet doganali f’ħin reali d-data kollha dwar il-moviment tal-merkanzija u l-konformità tal-persuna msemmija fil-paragrafu 1 mar-rekwiżiti kollha applikabbli għal dik il-merkanzija, inkluż fir-rigward tas-sikurezza u tas-sigurtà u inkluża, meta rilevanti, il-kondiviżjoni fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE ta’ dawn:
(i)rekords doganali;
(ii)is-sistema kontabilistika;
(iii)rekords kummerċjali u tat-trasport;
(iv)is-sistemi ta’ trekkjar u loġistiċi tagħhom, li jidentifikaw il-merkanzija bħala tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni u jindikaw, meta xieraq, fejn tinsab il-merkanzija;
(v)il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet mogħtijin f’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(vi)rekords kompluti meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-korrettezza tal-istabbiliment tad-djun doganali.
4.Il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) u (3). L-awtoritajiet doganali għandhom jimmonitorjaw il-konformità kontinwa tal-operatur mal-kriterji u mal-kundizzjonijiet għall-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 7(4).
Tal-anqas kull 3 snin l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu monitoraġġ fil-fond tal-attivitajiet u tar-rekords interni tal-operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check). L-operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jinforma lill-awtoritajiet doganali dwar kwalunkwe bidla fl-istruttura korporattiva, fis-sjieda, fis-sitwazzjoni tas-solvenza, fil-mudelli ta’ negozjar tiegħu jew dwar kwalunkwe bidla sinifikanti oħra fis-sitwazzjoni u fl-attivitajiet tiegħu. L-awtoritajiet doganali għandhom jivvalutaw mill-ġdid l-istatus tal-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-bidliet ikollha impatt sinifikanti fuq l-istatus ta’ Fiduċja u ta’ Verifika. L-awtoritajiet doganali jistgħu jissospendu din l-awtorizzazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-rivalutazzjoni.
5.Meta operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jbiddlu l-Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu, l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru riċeventi jistgħu jivvalutaw mill-ġdid l-awtorizzazzjoni ta’ Fiduċja u ta’ Verifika, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru li inizjalment ikun ta l-istatus u jkunu rċivew ir-rekords preċedenti dwar l-operaturi. Matul ir-rivalutazzjoni, l-awtorità doganali tal-Istat Membru li tkun tat l-awtorizzazzjoni inizjali tista’ tissospendiha.
L-operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jinforma lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru riċeventi dwar kwalunkwe bidla fl-istruttura korporattiva, fis-sjieda, fis-sitwazzjoni tas-solvenza, fil-mudelli ta’ negozjar tiegħu jew dwar kwalunkwe bidla sinifikanti oħra fis-sitwazzjoni u fl-attivitajiet tiegħu jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-bidliet ikollha impatt fuq l-istatus ta’ Fiduċja u ta’ Verifika.
6.Meta operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) jkun suspettat li jkun involut f’attività frawdolenti fir-rigward tal-attività ekonomika jew kummerċjali tiegħu, l-istatus tiegħu għandu jiġi sospiż.
Meta l-awtoritajiet doganali jkunu ssospendew, annullaw jew irrevokaw awtorizzazzjoni ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) f’konformità mal-Artikoli 7, 9 u 10, huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu u l-faċilitazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu jiġu sospiżi, annullati jew irrevokati wkoll.
7.L-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex:
(a)jipprovdu parti mid-data dwar il-merkanzija tagħhom wara r-rilaxx ta’ dik il-merkanzija, f’konformità mal-Artikolu 59(3);
(b)iwettqu ċerti kontrolli u jirrilaxxaw il-merkanzija mar-riċevuta ta’ dik il-merkanzija fil-post tan-negozju tal-importatur, tas-sid jew tal-konsenjatarju u/jew mal-konsenja mill-post tan-negozju tal-esportatur, tas-sid jew tal-konsenjatur, f’konformità mal-Artikolu 61;
(c)jikkunsidraw li jipprovdu l-assigurazzjoni neċessarja tat-twettiq xieraq tal-operazzjonijiet għall-finijiet tal-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet għal proċeduri speċjali f’konformità mal-Artikoli 102, 103, 109 u 123;
(d)jiddeterminaw kull ċertu żmien id-dejn doganali li jikkorrispondi għall-ammont totali ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni relatat mal-merkanzija kollha rilaxxata minn dak in-negozjant, f’konformità mal-Artikolu 181(4);
(e)jiddeferixxu l-pagament tad-dejn doganali f’konformità mal-Artikolu 188.
8.L-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) għandhom igawdu minn aktar faċilitazzjonijiet minn operaturi ekonomiċi oħrajn fir-rigward ta’ kontrolli doganali skont l-awtorizzazzjoni mogħtija, inklużi kontrolli fiżiċi u bbażati fuq id-dokumenti anqas frekwenti. L-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jitqies b’mod favorevoli għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju doganali.
9.B’deroga mill-Artikolu 110, meta l-importatur jew l-esportatur tal-merkanzija li tidħol jew toħroġ mit-territorju doganali jkollu l-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check), il-merkanzija għandha titqies taħt reġim ta’ sospensjoni tad-dazju u tibqa’ taħt superviżjoni doganali sad-destinazzjoni finali tagħha mingħajr l-obbligu li titqiegħed fi tranżitu. L-operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta’ dazji doganali, ta’ taxxi oħrajn u ta’ imposti oħrajn fl-Istat Membru tal-istabbiliment u fejn tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni.
10.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu t-tip u l-frekwenza tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ imsemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
11.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)ir-regoli sabiex jiġu kkonsultati awtoritajiet oħrajn għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) msemmi fil-paragrafu 2;
(b)il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 3;
(c)ir-regoli sabiex jiġu kkonsultati l-awtoritajiet doganali kif imsemmijin fil-paragrafu 5.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 26
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għal operaturi ekonomiċi awtorizzati għas-simplifikazzjonijiet doganali
1.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), l-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu lill-persuni li jissodisfaw il-kriterji l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali u jawtorizzawhom sabiex jibbenefikaw minn ċerti simplifikazzjonijiet u faċilitazzjonijiet f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali.
2.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), l-awtoritajiet doganali għandhom jivvalutaw l-awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati validi għas-simplifikazzjonijiet doganali sabiex jivverifikaw jekk id-detenturi tagħhom jistgħux jingħataw l-istatus ta’ operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check). Jekk ma jistgħux, l-istatus ta’ operaturi ekonomiċi awtorizzati għas-simplifikazzjonijiet doganali u għas-simplifikazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 23(5) għandu jiġi rrevokat.
3.Sakemm l-awtorizzazzjoni tiġi vvalutata mill-ġdid jew sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), skont liema tkun l-ewwel, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali għandu jibqa’ validu, sakemm ma japplikawx l-Artikoli 9u 10 dwar l-annullament, ir-revoka jew l-emenda tad-deċiżjonijiet.
Kapitolu 5
Rappreżentanza doganali
Artikolu 27
Rappreżentanti doganali
1.Kwalunkwe persuna tista’ taħtar rappreżentant doganali.
Tali rappreżentanza tista’ jew tkun diretta, f’liema każ ir-rappreżentant doganali għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra, jew indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant doganali għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.
Rappreżentant doganali indirett li jaġixxi f’ismu stess iżda għan-nom ta’ importatur jew ta’ esportatur għandu jitqies bħala l-importatur jew l-esportatur għall-finijiet tal-Artikoli 20 u 22, rispettivament.
2.Rappreżentant doganali għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni.
Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor, għandha tingħata eżenzjoni minn dak ir-rekwiżit meta r-rappreżentant doganali jaġixxi f’isem persuni li ma humiex meħtieġa jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.Rappreżentant doganali li jkollu l-istatus ta’ operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operaturi Trust and Check) għandu jiġi rrikonoxxut biss bħala tali meta jaġixxi bħala rappreżentant indirett. Meta jaġixxi bħala rappreżentant dirett, ir-rappreżentant doganali jista’ jiġi rrikonoxxut bħala operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) jekk il-persuna li f’isimha u għan-nom tagħha dak ir-rappreżentant ikun qiegħed jaġixxi tkun ingħatat status bħal dan.
4.Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet li bihom rappreżentant doganali jista’ jipprovdi servizzi fit-territorju doganali tal-Unjoni.
5.L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet determinati f’konformità mal-paragrafu 4 għal rappreżentanti doganali mhux stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni.
6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)il-każijiet li fihom ma tapplikax l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu;
(b)il-kundizzjonijiet li fihom rappreżentant doganali jista’ jipprovdi servizzi fit-territorju doganali tal-Unjoni msemmijin fil-paragrafu 4.
Artikolu 28
Għoti tas-setgħa lir-rappreżentanti
1.Meta jkun qed jittratta mal-awtoritajiet doganali, rappreżentant doganali għandu jiddikjara li qed jaġixxi għan-nom tal-persuna rappreżentata u għandu jispeċifika jekk ir-rappreżentanza hijiex diretta jew indiretta.
Il-persuni li jonqsu milli jiddikjaraw li qed jaġixxu bħala rappreżentanti doganali, jew li jiddikjaraw li qed jaġixxu bħala rappreżentanti doganali mingħajr ma jingħataw is-setgħa li jagħmlu dan, għandhom jitqiesu bħala li jaġixxu għan-nom proprju tagħhom jew f’isimhom stess.
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu jesiġu li persuni li jiddikjaraw li qed jaġixxu bħala rappreżentanti doganali jagħtu prova li ngħataw is-setgħa ta’ rappreżentanza mill-persuna rappreżentata.
F’każijiet speċifiċi, l-awtoritajiet doganali m’għandhomx jitolbu li tingħata tali prova.
3.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jirrikjedu li persuna, li taġixxi bħala rappreżentant doganali, li twettaq atti u formalitajiet fuq bażi regolari, tagħti f’kull okkażjoni prova tas-setgħa, sakemm tali persuna tkun f’pożizzjoni li tagħti tali prova fuq talba mill-awtoritajiet doganali.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet li fihom l-evidenza tal-għoti tas-setgħa tkunx meħtieġa mill-awtoritajiet doganali msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
5.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar l-għoti u l-ipprovar tal-intitolament imsemmi fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Titolu III
PJATTAFORMA TAD-DATA DOGANALI TAL-UE
Artikolu 29
Funzjonalitajiet u skop tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
1.Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE għandu jipprovdi sett sigur u ċiberreżiljenti ta’ servizzi u ta’ sistemi elettroniċi għall-użu ta’ data inkluża data personali għal finijiet doganali. Għandha tipprovdi l-funzjonalitajiet li ġejjin:
(a)tippermetti l-implimentazzjoni elettronika tal-leġiżlazzjoni doganali;
(b)tiżgura l-kwalità, l-integrità, it-traċċabbiltà u n-nonripudju tad-data pproċessata fiha, inkluża l-emenda ta’ tali data;
(c)tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar ta’ data personali;
(d)tippermetti l-analiżi tar-riskju, l-analiżi ekonomika u l-analiżi tad-data, inkluż permezz tal-użu ta’ sistemi tal-intelliġenza artifiċjali f’konformità mal-[Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 2021/0106 (COD)];
(e)tippermetti l-interoperabbiltà ta’ dawk is-servizzi u s-sistemi ma’ sistemi, ma’ pjattaformi jew ma’ ambjenti elettroniċi oħrajn għall-fini tal-kooperazzjoni f’konformità mat-Titolu XIII;
(f)tintegra s-Sistema ta’ Skambju taċ-Ċertifikati tat-Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea stabbilita bl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/2399;
(g)tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi;
(h)tippermetti s-sorveljanza doganali tal-merkanzija.
2.L-atti li l-persuni, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE jew awtoritajiet oħrajn iwettqu permezz tal-funzjonalitajiet elenkati fil-paragrafu 1 għandhom jibqgħu atti ta’ dawk il-persuni, tal-Kummissjoni, tal-awtoritajiet doganali, tal-Awtorità Doganali tal-UE, jew ta’ awtoritajiet oħrajn, anki jekk ikunu ġew awtomatizzati.
3.Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, timplimenta u żżomm il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, inkluż li tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ipproċessar tad-data fiha, u għandha tistabbilixxi qafas tal-kwalità tad-data.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261 sabiex temenda l-funzjonalitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 sabiex tqis il-kompiti l-ġodda mogħtijin lill-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew sabiex tadatta dawk il-funzjonalitajiet għall-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu ta’ dawk l-awtoritajiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali jew ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali.
5.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)l-arranġamenti tekniċi għall-manutenzjoni u għall-użu tas-sistemi elettroniċi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni żviluppaw skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(b)programm ta’ ħidma għall-eliminazzjoni gradwali ta’ dawk is-sistemi.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 30
Applikazzjonijiet nazzjonali għall-użu tad-data mil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
1.L-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw l-applikazzjonijiet neċessarji sabiex jikkollegaw mal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE sabiex jipprovdu data lill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u jipproċessaw data minnha.
2.L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Awtorità Doganali tal-UE tiżviluppa l-applikazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, dawk l-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw l-iżvilupp.
3.Meta l-Awtorità Doganali tal-UE tiżviluppa applikazzjoni f’konformità mal-paragrafu 2, hija għandha tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri kollha.
Artikolu 31
Finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali u ta’ data oħra fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
1.Il-persuni jista’ jkollhom aċċess għad-data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, li ġiet trażmessa minn jew f’isem dik il-persuna, jew li ġiet indirizzata lil dik il-persuna jew maħsuba għaliha. Tali aċċess għandu jsir esklużivament sabiex:
(a)jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ rapportar ta’ dik il-persuna skont il-leġiżlazzjoni doganali jew leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, inkluża d-determinazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kwalunkwe persuna għad-dazju, għat-tariffi u għat-taxxi li jistgħu jkunu dovuti fl-Unjoni; u
(b)tintwera l-konformità ta’ dik il-persuna mal-leġiżlazzjoni doganali u ma’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali.
2.Awtorità doganali tista’ tipproċessa d-data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għall-finijiet li ġejjin:
(a)it-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali jew ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, inklużi d-determinazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kwalunkwe persuna għad-dazju, għat-tariffi u għat-taxxi li jistgħu jkunu dovuti fl-Unjoni u l-verifika tal-konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni;
(b)it-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-kontrolli u tal-ġestjoni tar-riskju kif previst fit-Titolu IV;
(c)it-twettiq tal-kompiti neċessarji għall-kooperazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu XIII.
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli doganali, l-awtoritajiet doganali kollha jistgħu jirċievu u jipproċessaw id-data li tirriżulta minn kontroll doganali meta tkun instabet merkanzija mhux konformi.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tipproċessa d-data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għall-finijiet li ġejjin:
(a)it-twettiq tal-kompiti tagħha dwar il-ġestjoni tar-riskju doganali kif previst fit-Titolu IV, il-Kapitolu 3;
(b)it-twettiq tal-kompiti tagħha kif previst fit-Titolu XII, il-Kapitolu 2;
(c)it-twettiq tal-kompiti rilevanti għall-kooperazzjoni kif previsti fit-Titolu XIII.
4.Il-Kummissjoni tista’ tipproċessa d-data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għall-finijiet li ġejjin:
(a)it-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju doganali kif previst fit-Titolu IV, il-Kapitolu 3;
(b)it-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, tal-oriġini u tal-valur tagħha u s-sorveljanza doganali tagħha f’konformità mat-Titoli I u IX;
(c)it-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward ta’ miżuri restrittivi u għall-immaniġġjar tal-kriżijiet f’konformità mat-Titolu XI;
(d)it-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-Awtorità Doganali tal-UE f’konformità mat-Titolu XII;
(e)it-twettiq tal-kompiti neċessarji għall-kooperazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti fit-Titolu XIII;
(f)il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali f’konformità mat-Titolu XV, il-Kapitolu 1;
(g)il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali jew ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, inkluża d-determinazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kwalunkwe persuna għad-dazju, għat-tariffi u għat-taxxi li jistgħu jkunu dovuti fl-Unjoni;
(h)il-produzzjoni ta’ statistiki u ta’ analiżijiet oħrajn kif previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għalihom hija neċessarja d-data fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
5.L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (“OLAF”) jista’ jipproċessa data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu dwar kwistjonijiet doganali skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97, skont il-kundizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolamenti msemmijin hawn fuq.
6.L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“UPPE”) jista’, fuq talba, jaċċessa d-data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, sa fejn l-imġiba investigata mill-UPPE tikkonċerna d-dwana u skont il-kundizzjonijiet determinati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 14 ta’ dan l-Artikolu.
7.L-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jistgħu jipproċessaw data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju sabiex jiddeterminaw ir-responsabbiltà ta’ kwalunkwe persuna għad-dazju, għat-tariffi u għat-taxxi li jistgħu jkunu dovuti fl-Unjoni b’rabta mal-merkanzija rilevanti u skont il-kundizzjonijiet iddeterminati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 14 ta’ dan l-Artikolu.
8.L-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistgħu jaċċessaw data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’xi mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-introduzzjoni fis-suq jew is-sikurezza tal-ikel, tal-għalf u tal-pjanti u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali sabiex jimminimizzaw ir-riskji li l-prodotti mhux konformi jidħlu fl-Unjoni u skont il-kundizzjonijiet determinati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 14 ta’ dan l-Artikolu.
9.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq deżinjati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1020 jistgħu jipproċessaw data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew inkella disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-introduzzjoni fis-suq jew is-sikurezza tal-prodotti u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali sabiex jiġu mminimizzati r-riskji li merkanzija mhux konformi tidħol fl-Unjoni, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 14 ta’ dan l-Artikolu.
10.L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) tista’, fuq talba, taċċessa data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’xi mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, esklużivament u sa fejn ikun neċessarju sabiex twettaq il-kompiti tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dment li dawk il-kompiti jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mad-dwana u skont il-kundizzjonijiet determinati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 14 Dan l-Artikolu.
11.Awtoritajiet nazzjonali oħrajn u korpi tal-Unjoni, inkluża l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), jistgħu jipproċessaw data mhux personali maħżuna jew disponibbli b’xi mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE skont il-kundizzjonijiet determinati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 14 ta’ dan l-Artikolu:
(a)it-twettiq tal-kompiti tagħhom rilevanti għat-twettiq tal-formalitajiet doganali;
(b)it-twettiq tal-kompiti fdati lil dawk l-awtoritajiet mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;
(c)it-twettiq tal-kompiti tagħhom rilevanti għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 52.
12.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), il-Kummissjoni, l-OLAF u l-Awtorità Doganali tal-UE ladarba tiġi stabbilita għandhom, esklużivament għall-finijiet iddikjarati fil-paragrafi 4, 5 u 6, ikunu jistgħu jipproċessawdata, inkluża data personali, mis-sistemi elettroniċi eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni żviluppati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013.
13.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261 sabiex temenda l-paragrafi 2 sa 4 sabiex tiċċara u tikkomplementa l-għanijiet stabbiliti fih fid-dawl tal-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali jew ta’ leġiżlazzjoni oħra.
14.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli u modalitajiet għall-aċċess jew għall-ipproċessar ta’ data, inkluża data personali u kummerċjalment sensittiva, maħżuna jew disponibbli b’mod ieħor fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE mill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafi 6 sa 11. Fid-determinazzjoni ta’ dawk ir-regoli u l-modalitajiet, il-Kummissjoni għandha, għal kull awtorità jew kategorija ta’ awtoritajiet:
(a)tivvaluta s-salvagwardji eżistenti applikati mill-awtorità kkonċernata sabiex tiżgura li d-data tiġi pproċessata f’konformità mal-għan;
(b)tiżgura l-proporzjonalità u n-neċessità tal-ipproċessar fir-rigward tal-iskop;
(c)tiddetermina l-kategoriji speċifiċi ta’ data, li l-awtorità jista’ jkollha aċċess għaliha jew tipproċessa;
(d)tqis il-ħtieġa li l-awtorità kkonċernata tiddeżinja punt ta’ kuntatt speċifiku, persuna jew persuni jew li tipprovdi salvagwardji addizzjonali;
(e)tivvaluta l-ħtieġa li tirrestrinġi l-kondiviżjoni sussegwenti tad-data;
(f)tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għat-talbiet għall-aċċess għad-data, inkluża data personali jew kummerċjalment sensittiva u liema mill-kontrolluri konġunti jagħtu l-aċċess għall-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 32
Data personali fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
1.Id-data personali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li ġejjin tista’ tiġi pproċessata fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE esklużivament u sal-punt neċessarju għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 31:
(a)is-suġġetti tad-data rreġistrati jew li japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala operaturi ekonomiċi f’konformità mal-Artikolu 19;
(b)is-suġġetti tad-data li jkunu involuti xi kultant f’attivitajiet koperti mil-leġiżlazzjoni doganali jew minn leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(c)is-suġġetti tad-data li l-informazzjoni personali tagħhom tinsab fid-dokumenti ta’ sostenn imsemmijin fl-Artikolu 40, jew fi kwalunkwe evidenza addizzjonali meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni doganali u minn leġiżlazzjoni oħrajn applikata mill-awtoritajiet doganali;
(d)is-suġġetti tad-data li d-data personali tagħhom tinsab fid-data miġbura għall-finijiet tal-ġestjoni tar-riskju skont l-Artikolu 50(3), il-punt (a);
(e)il-persunal awtorizzat tal-awtoritajiet doganali, ta’ awtoritajiet għajr id-dwana jew ta’ kwalunkwe awtorità jew ta’ korp awtorizzat rilevanti ieħor, li l-informazzjoni personali tagħhom tkun neċessarja sabiex jiġu żgurati kontroll u superviżjoni xierqa tal-aċċess għall-informazzjoni fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE;
(f)persunal jew partijiet terzi awtorizzati jaħdmu f’isem il-Kummissjoni, l-Awtorità Doganali tal-UE jew korpi oħrajn tal-Unjoni awtorizzati sabiex jaċċessaw il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
2.Il-kategoriji li ġejjin ta’ data personali jistgħu jiġu pproċessati fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE f’konformità mal-Artikolu 31:
(a)data personali fil-mudell tad-Data Doganali tal-UE msemmi fl-Artikolu 36;
(b)data personali inkluża fid-data miġbura għall-finijiet ta’ ġestjoni tar-riskju skont l-Artikolu 50(3), il-punt (a);
(c)data personali meħtieġa sabiex tiġi żgurata identifikazzjoni xierqa tal-persunal awtorizzat sabiex jipproċessa d-data fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE msemmi fil-paragrafu 1, fil-punti (e) u (f);
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261 sabiex temenda jew tissupplimenta l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data u l-kategoriji ta’ data personali msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni u fid-dawl tal-istat tal-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.
Artikolu 33
Perjodu taż-żamma tad-data personali fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
1.Id-data personali fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tista’ tinħażen permezz ta’ servizz speċifiku għal perjodu massimu ta’ 10 snin, li jibda mid-data li fiha dik id-data tiġi rreġistrata fis-servizz. Il-każijiet previsti fl-Artikolu 48 u l-investigazzjonijiet imnedijin mill-OLAF, mill-UPPE jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-proċeduri ta’ ksur imnedijin mill-Kummissjoni u l-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji li jinvolvu data personali għandu jkollhom effett sospensiv fuq il-perjodu taż-żamma fir-rigward ta’ dik id-data.
2.Wara l-perjodu ta’ żmien previst fil-paragrafu 1, id-data personali għandha titħassar jew tiġi anonimizzata, skont iċ-ċirkostanzi.
3.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli għall-anonimizzazzjoni tad-data personali wara l-iskadenza tal-perjodu taż-żamma.
Artikolu 34
Rwoli u responsabbiltajiet għad-data personali pproċessata fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
1.L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jitqiesu bħala kontrolluri konġunti għall-ipproċessar tad-data personali fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE għall-finijiet tal-ġestjoni u tal-kooperazzjoni tar-riskju, kif imsemmi fl-Artikolu 31(2), il-punti (b) u (c), fl-Artikolu 31(3), il-punti (a) u (c), u l-Artikolu 31(4), il-punti (a) u (e).
2.Kull awtorità doganali waħedha għandha titqies bħala kontrollur fir-rigward tad-data personali li tipproċessa għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 31(2), il-punt (a).
3.Il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur uniku fir-rigward tad-data personali li tipproċessa għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 31(4), il-punti (c), (d) u (f) sa (g).
4.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), il-Kummissjoni, l-OLAF, l-UPPE u l-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jitqiesu bħala kontrolluri uniċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data msemmi fl-Artikolu 31(12).
5.Il-kontrolluri konġunti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom:
(a)jaħdmu flimkien sabiex jipproċessaw it-talba/talbiet magħmula mis-suġġett(i) tad-data fil-ħin u sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data;
(b)jassistu lil xulxin fi kwistjonijiet li jinvolvu l-identifikazzjoni u t-trattament ta’ kwalunkwe ksur ta’ data relatat mal-ipproċessar konġunt;
(c)jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti neċessarja sabiex jinformaw lis-suġġetti tad-data skont il-Kapitolu III, it-Taqsima 2 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Kapitolu III, it-Taqsima 2 tar-Regolament (UE) 2018/1725, u l-Kapitolu III tad-Direttiva (UE) 2016/680, meta applikabbli;
(d)jiżguraw u jipproteġu s-sigurtà, l-integrità, id-disponibbiltà u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725, u l-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2016/680, meta applikabbli.
6.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-rwoli u r-relazzjonijiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti vis-à-vis is-suġġetti tad-data, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 35
Restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data
1.Meta l-eżerċizzju minn suġġett tad-data tad-dritt ta’ aċċess u tad-dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar imsemmijin fl-Artikoli 15 u 18 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikoli 17 u 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jew il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data msemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, tipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja dwar persuna fiżika fil-qasam tad-dwana, it-twettiq ta’ kontrolli doganali jew il-ġestjoni ta’ riskju speċifiku identifikat fir-rigward ta’ persuna fiżika fil-qasam tad-dwana, l-awtoritajiet doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE u l-Kummissjoni jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 23(1), il-punti (c), (e), (f) u (h), tar-Regolament (UE) 2016/679, u l-Kummissjoni u l-Awtorità Doganali tal-UE jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (a), (c), (e), u (g), tar-Regolament (UE) 2018/1725, jirrestrinġu kompletament jew parzjalment dawk id-drittijiet sakemm ir-restrizzjoni tkun neċessarja u proporzjonata.
2.L-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni u l-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jivvalutaw in-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 fuq bażi ta’ każ b’każ qabel ma jiġu applikati, filwaqt li jitqiesu r-riskji potenzjali għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data.
3.Meta jipproċessaw data personali riċevuta mingħand organizzazzjonijiet oħrajn fil-kuntest tal-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE jew il-Kummissjoni, meta taġixxi bħala kontrollur jew kontrollur konġunt, għandha tikkonsulta lil dawk l-organizzazzjonijiet għal raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali restrizzjonijiet qabel ma japplikaw restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4.Meta l-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni jew l-Awtorità Doganali tal-UE tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-drittijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, hija għandha tieħu l-passi li ġejjin:
(a)tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għal din, u bil-possibbiltà li jressaq ilment mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data jew mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju quddiem qorti nazzjonali jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; u
(b)tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità għar-restrizzjoni u l-proporzjonalità tagħha, u r-raġunijiet għaliex l-għoti ta’ aċċess jipperikola l-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli doganali.
L-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew miċħud f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jew meta l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jkun ta’ preġudizzju għall-finijiet tar-restrizzjoni.
5.L-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni jew l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tinkludi taqsima fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web/l-intranet tagħha li tipprovdi informazzjoni ġenerali lis-suġġetti tad-data dwar il-potenzjal għal restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
6.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż u tal-aċċess jew tat-trażmissjoni illegali tad-data personali li fir-rigward tagħha japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet. Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu d-definizzjoni tar-rwoli, tar-responsabbiltajiet u tal-passi proċedurali, u l-monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom, li għandu jsir tal-anqas kull 6 xhur. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 36
Mudell tad-Data Doganali tal-UE
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw id-data meħtieġa għall-issodisfar tal-iskopijiet imsemmijin fl-Artikolu 31(1) sa (4). Dawk ir-rekwiżiti tad-data għandhom jikkostitwixxu l-Mudell tad-Data Doganali tal-UE.
Artikolu 37
Mezzi tekniċi għall-kooperazzjoni
1.Il-Kummissjoni, l-Awtorità Doganali tal-UE u l-awtoritajiet doganali għandhom jużaw il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE meta jiskambjaw mal-awtoritajiet u mal-korpi tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 31(6) sa (11) f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2.Għall-Unjoni, formalitajiet u sistemi oħrajn elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2022/2399, il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE għandu jiżgura l-interoperabbiltà permezz tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana stabbilit b’dak ir-Regolament.
3.Meta l-awtoritajiet għajr l-awtoritajiet doganali jew il-korpi tal-Unjoni jagħmlu użu minn mezzi elettroniċi stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, użati sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din, jew imsemmija fiha, il-kooperazzjoni tista’ sseħħ permezz tal-interoperabbiltà ta’ dawk il-mezzi elettroniċi mal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
4.Meta l-awtoritajiet għajr l-awtoritajiet doganali ma jagħmlux użu minn mezzi elettroniċi stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, użati sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din, jew imsemmija fiha, dawk l-awtoritajiet jistgħu jużaw is-servizzi u s-sistemi speċifiċi tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE f’konformità mal-Artikolu 31.
5.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli għall-modalitajiet tekniċi għall-interoperabbiltà u għall-konnessjoni msemmijin fil-paragrafi 3 u 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 38
Skambju ta’ informazzjoni addizzjonali bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi
1.L-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jagħmlu skambju ta’ kwalunkwe informazzjoni mhux speċifikament meħtieġa mil-leġiżlazzjoni doganali, għall-fini ta’ kooperazzjoni reċiproka fl-identifikazzjoni u fil-kontroreazzjoni tar-riskju. Dak l-iskambju jista’ jsir fil-qafas ta’ ftehim bil-miktub u jista’ jinkludi aċċess għas-sistemi elettroniċi tal-operaturi ekonomiċi mill-awtoritajiet doganali.
2.Kwalunkwe informazzjoni pprovduta minn waħda mill-partijiet lill-oħrajn waqt il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun kunfidenzjali ħlief jekk iż-żewġ partijiet jiftiehmu mod ieħor jew ħlief jekk id-dispożizzjonijiet fis-seħħ ikunux jistipulaw mod ieħor.
Artikolu 39
Għoti ta’ informazzjon mill-awtoritajiet doganali
1.Kwalunkwe persuna tista’ titlob informazzjoni lill-awtoritajiet doganali dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw talba bħal din meta ma tkunx relatata ma’ attività li tappartjeni għall-kummerċ internazzjonali fil-merkanzija li fil-fatt tkun prevista.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom iżommu djalogu regolari mal-operaturi ekonomiċi u ma’ awtoritajiet oħrajn involuti fil-kummerċ internazzjonali fil-merkanzija. Huma għandhom jippromwovu t-trasparenza billi jagħmlu l-leġiżlazzjoni doganali, id-deċiżjonijiet amministrattivi ġenerali u l-formoli ta’ applikazzjoni disponibbli mingħajr xkiel, meta prattiku mingħajr ħlas, u permezz tal-internet.
Artikolu 40
Informazzjoni u dokumenti ta’ sostenn
1.Meta jipprovdu jew jagħmlu disponibbli d-data u l-informazzjoni meħtieġa għall-proċedura doganali speċifika li fiha l-merkanzija titqiegħed jew tkun maħsuba sabiex titqiegħed, il-persuni għandhom jipprovdu jew jagħmlu disponibbli kopji diġitali tad-dokumenti stampati oriġinali, meta jkunu jeżistu oriġinali stampati bħal dawn, użati sabiex jiksbu dawk id-data u l-informazzjoni.
2.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 266(3), meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha tkun iddikjarata l-merkanzija għandhom ikunu fil-pussess tad-dikjarant u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali fil-ħin tal-preżentazzjoni.
3.Id-dokumenti ta’ sostenn għall-formalitajiet tal-Unjoni mhux doganali applikabbli elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2022/2399 għandhom jitqiesu li ġew ipprovduti jew tqiegħdu għad-dispożizzjoni jew li jkunu fil-pussess tad-dikjarant jekk l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jiksbu d-data neċessarja mis-sistemi mhux doganali korrispondenti tal-Unjoni permezz tas-Sistema ta’ Skambju taċ-Ċertifikati tat-Tieqa Unika Doganali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punti (a) u (c) ta’ dak ir-Regolament.
4.Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu pprovduti wkoll minn persuni meta jkunu neċessarji għall-ġestjoni u għall-kontrolli tar-riskju doganali.
5.Mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi ekonomiċi jfasslu d-dokumenti ta’ sostenn imsemmijin fil-paragrafu 3.
6.Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, il-persuna kkonċernata għandha, għall-finijiet tal-kontrolli doganali, iżżomm id-dokumenti u l-informazzjoni għal tal-anqas 3 snin kalendarji, bi kwalunkwe mezz aċċessibbli mill-awtoritajiet doganali u aċċettabbli għalihom. Dak il-perjodu għandu jiddekorri:
(a)mill-aħħar tas-sena li fiha tiġi rrilaxxata l-merkanzija;
(b)mill-aħħar tas-sena li fiha ma tibqax soġġetta għal superviżjoni doganali, fil-każ ta’ merkanzija rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera mingħajr dazju jew b’rata mnaqqsa tad-dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu finali tagħha;
(c)mill-aħħar tas-sena li fiha tkun ġiet irrilaxxata l-proċedura doganali kkonċernata jew tkun intemmet il-ħażna temporanja, fil-każ ta’ merkanzija mqiegħda taħt proċedura doganali oħra jew ta’ merkanzija f’ħażna temporanja.
7.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 182(4), meta kontroll doganali fir-rigward ta’ dejn doganali juri li l-entrata rilevanti fil-kontijiet għandha tiġi kkoreġuta u l-persuna kkonċernata ġiet innotifikata dwar dan, id-dokumenti u l-informazzjoni għandhom jinżammu għal 3 snin oħrajn barra l-limitu taż-żmien previst fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.
8.Meta jkun ġie ppreżentat appell jew meta jkunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji, id-dokumenti u l-informazzjoni għandhom jinżammu għall-perjodu previst fil-paragrafu 1 jew sakemm il-proċedura tal-appelli jew il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji jintemmu, skont liema sseħħ l-aħħar.
Titolu IV
SUPERVIŻJONI DOGANALI, KONTROLLI DOGANALI U ĠESTJONI TAR-RISKJU
Kapitolu 1
Superviżjoni doganali
Artikolu 41
Superviżjoni doganali
1.Il-merkanzija li tkun se tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni jew tinħareġ minnu għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali u tista’ tkun soġġetta għall-kontrolli doganali.
2.Il-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tibqa’ taħt tali superviżjoni sakemm ikun neċessarju sabiex jiġi ddeterminat l-istatus doganali tagħha.
3.Il-merkanzija mhux tal-Unjoni għandha tibqa’ taħt superviżjoni doganali sakemm jinbidel l-istatus doganali tagħha, jew tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni jew tinqered.
4.Mad-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni, il-merkanzija tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali sakemm jiġi kkonfermat l-istatus doganali tagħha, sakemm ma tkunx tqiegħdet taħt il-proċedura tal-użu aħħari.
5.Il-merkanzija tal-Unjoni mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta l-merkanzija tkun adattata għal użu ripetut, għal perjodu li ma jaqbiżx is-sentejn wara d-data tal-ewwel użu tagħha għall-finijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazju jew tar-rata tad-dazju mnaqqsa;
(b)sakemm il-merkanzija tkun intużat għall-finijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazju jew tar-rata tad-dazju mnaqqsa;
(c)sakemm il-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni, tinqered jew tiġi abbandunata f’idejn l-Istat;
(d)sakemm il-merkanzija tkun intużat għal finijiet oħrajn minbarra dawk stabbiliti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazju jew tar-rata tad-dazju mnaqqsa u jkun tħallas id-dazju fuq l-importazzjoni applikabbli.
6.Il-merkanzija tal-Unjoni rilaxxata għall-esportazzjoni jew imqiegħda taħt proċessar passiv għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali sakemm tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni, tiġi abbandunata f’idejn l-Istat jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali jew id-data rilevanti dwar l-esportazzjoni tiġi invalidata.
7.Il-merkanzija tal-Unjoni mqiegħda taħt tranżitu intern għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali sakemm tasal fid-destinazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni.
8.Bil-permess tal-awtoritajiet doganali, id-detentur tal-merkanzija taħt superviżjoni doganali jista’ jeżamina l-merkanzija jew jieħu kampjuni fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari sabiex jiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja, il-valur doganali jew l-istatus doganali tagħha.
Artikolu 42
Uffiċċji doganali kompetenti
1.Ħlief meta leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali tistabbilixxi mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-post u l-kompetenza tal-uffiċċji doganali tagħhom.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħinijet uffiċjali tal-ftuħ ta’ dawk l-uffiċċji jkunu raġonevoli u xierqa, b’kont meħud tan-natura tat-traffiku u tal-merkanzija u l-proċeduri doganali li taħthom għandha titqiegħed, sabiex il-fluss tat-traffiku internazzjonali ma jkunx la mxekkel u lanqas distort.
3.L-uffiċċju doganali kompetenti għas-superviżjoni tat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali għandu jkun l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn ikun stabbilit l-importatur jew l-esportatur.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-uffiċċju doganali kompetenti għas-superviżjoni tat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali fir-rigward ta’ importaturi u ta’ esportaturi għajr operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) u importaturi preżunti għandu jkun l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn tkun ġiet ippreżentata jew kienet tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali f’konformità mal-Artikolu 63(4) li kieku ma seħħitx il-modifika dwar il-metodu ta’ għoti tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 63(2).
4.L-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tal-istabbiliment tal-operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) jew tal-importatur preżunt għandu:
(a)jissorvelja t-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali kkonċernata;
(b)
iwettaq il-kontrolli doganali għall-verifika tal-informazzjoni pprovduta, u jitlob dokumenti ta’ sostenn addizzjonali jekk ikun meħtieġ;
(c)meta jkun ġustifikat, jitlob lill-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tad-dispaċċ jew għad-destinazzjoni finali tal-merkanzija sabiex iwettaq kontroll doganali;
(d)meta jkun hemm riskju li jeħtieġ azzjoni hekk kif il-merkanzija tasal fit-territorju doganali tal-Unjoni jew qabel ma titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni, jitlob lill-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn il-merkanzija tidħol jew toħroġ għat-twettiq tal-kontrolli doganali;
(e)iwettaq il-formalitajiet doganali għall-irkupru tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal kwalunkwe dejn doganali.
5.L-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tad-dispaċċ jew għad-destinazzjoni finali tal-merkanzija, jew, skont il-paragrafu 4, il-punt (d) għall-post fejn il-merkanzija tidħol jew toħroġ mit-territorju doganali tal-Unjoni, għandu jwettaq il-kontrolli doganali mitlubin mill-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tal-istabbiliment tal-importatur u jipprovdi lil dak l-uffiċċju doganali bir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli tiegħu stess relatati ma’ merkanzija mdaħħla jew maħruġa mit-territorju doganali tal-Unjoni.
6.L-uffiċċji doganali kompetenti għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni.
8.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti għajr dak imsemmi fil-paragrafu 3, inklużi l-uffiċċji doganali tad-dħul u l-uffiċċji doganali tal-ħruġ u r-regoli proċedurali għall-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji doganali kif imsemmi fil-paragrafu 5. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 2
Kontrolli doganali
Artikolu 43
Kontrolli doganali
1.Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 3 ta’ dan it-Titolu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu kwalunkwe kontroll doganali li jqisu neċessarju, inklużi kontrolli aleatorji.
2.Il-kontrolli doganali jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari f’eżami tal-merkanzija, fit-teħid ta’ kampjuni, fil-verifika tal-awtentiċità, tal-integrità, tal-akkuratezza u tal-kompletezza tad-data pprovduta minn kwalunke persuna u tal-eżistenza, tal-awtentiċità, tal-akkuratezza u tal-validità tad-dokumenti, fl-eżami tal-kontijiet u tar-rekords kummerċjali u ta’ sorsi tad-data tal-operaturi ekonomiċi, fl-ispezzjonar ta’ bagalji u ta’ merkanzija oħra li jinġarru mill-persuni jew fuqhom u fit-twettiq ta’ inkjesti uffiċjali u ta’ atti simili oħrajn. Meta jkun neċessarju, il-kontrolli doganali jinkludu l-ipproċessar tad-data elettronika, inkluż is-sors tad-data pprovduta lil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
3.Meta, fir-rigward tal-istess merkanzija, kontrolli li ma jkunux kontrolli doganali jkunu se jitwettqu minn awtoritajiet oħrajn, l-awtoritajiet doganali għandhom, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawk l-awtoritajiet l-oħrajn, jagħmlu ħilithom sabiex dawk il-kontrolli jitwettqu, kull meta jkun possibbli, fl-istess ħin u post bħall-kontrolli doganali (punt uniku ta’ servizz), bl-awtoritajiet doganali li jaqdu ir-rwol ta’ koordinazzjoni.
Artikolu 44
Verifika tad-data pprovduta
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu, għall-finijiet tal-verifika tal-akkuratezza tad-data pprovduta minn persuni lill-awtoritajiet doganali:
(a)jeżaminaw id-data u d-dokumenti ta’ sostenn, inkluż l-aċċess għas-sorsi tad-data miżmuma mill-operaturi ekonomiċi jew maħżuna f’isimhom mill-fornituri ta’ servizzi;
(b)jirrikjedu l-forniment ta’ dokumenti jew ta’ data oħra, inkluża data miżmuma mill-operaturi ekonomiċi jew maħżuna f’isimhom mill-fornituri ta’ servizzi;
(c)jirrikjedu l-aċċess għar-rekords elettroniċi tal-persuna;
(d)jeżaminaw il-merkanzija;
(e)jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għall-eżaminazzjoni dettaljata tal-merkanzija.
2.Fi kwalunkwe ħin, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu li l-merkanzija tinħatt u titneħħa mill-pakketti għall-fini ta’ eżami, ta’ teħid ta’ kampjuni minnha jew ta’ eżami tal-mezzi tat-trasport li jkunu qegħdin iġorruha.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri dwar il-verifika tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 45
Eżami u kampjunar tal-merkanzija
1.It-trasport tal-merkanzija lejn il-postijiet fejn trid tiġi eżaminata u fejn iridu jittieħdu kampjuni minnha, u l-immaneġġjar kollu neċessarju sabiex isir eżami bħal dan jew sabiex jittieħdu l-kampjuni, għandu jitwettaq minn jew taħt ir-responsabbiltà tal-importatur, tal-esportatur jew tat-trasportatur. Il-kostijiet involuti għandhom jiġġarrbu mill-importatur jew mill-esportatur.
2.L-importatur, l-esportatur jew it-trasportatur għandu jkollu d-dritt li jkun preżenti jew ikun rappreżentat meta tiġi eżaminata l-merkanzija u meta jittieħdu l-kampjuni minnha. Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet biżżejjed sabiex jagħmlu dan, jistgħu jitolbu lill-importatur, lill-esportatur jew lit-trasportatur ikun preżenti jew ikun rappreżentat meta tiġi eżaminata l-merkanzija jew jittieħdu kampjuni minnha jew sabiex jagħtihom l-għajnuna neċessarja sabiex ikun iffaċilitat tali eżami jew teħid ta’ kampjuni.
3.Dment li l-kampjuni jittieħdu f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, l-awtoritajiet doganali ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ħlas ta’ ebda kumpens għalihom iżda għandhom iħallsu l-kostijiet tal-analiżi jew tal-eżami tagħhom.
4.Meta tiġi eżaminata parti biss mill-merkanzija, jew mill-kampjuni meħudin, ir-riżultati tal-eżami parzjali, jew tal-analiżi jew tal-eżami tal-kampjuni, għandhom jiġu kkunsidrati li japplikaw għall-merkanzija kollha fl-istess kunsinna.
Madankollu, l-importatur jew l-esportatur jista’ jitlob eżami jew kampjunar ulterjuri tal-merkanzija jekk iqis li r-riżultati tal-eżami parzjali, jew tal-analiżi jew tal-eżami tal-kampjuni meħudin, ma jkunux validi fir-rigward tal-bqija tal-merkanzija kkonċernata. It-talba għandha tintlaqa’ dmnet li l-merkanzija ma tkunx ġiet irrilaxxata jew, jekk tkun ġiet irrilaxxata, li l-importatur jew l-esportaturi juri bil-provi li bl-ebda mod ma sar tibdil fiha.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri dwar l-eżami u l-kampjunar tal-merkanzija msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 46
Riżultati tal-verifika
1.Ir-riżultati tal-verifika tad-data pprovduta mill-importatur, mill-esportatur jew mit-trasportatur għandhom jintużaw għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha titqiegħed il-merkanzija.
2.Meta d-data pprovduta ma tiġix ivverifikata, il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-importatur jew mill-esportatur.
3.Ir-riżultati tal-verifika magħmula mill-awtoritajiet doganali għandu jkollhom l-istess forza konklussiva f’kull parti tat-territorju doganali tal-Unjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri dwar ir-riżultati tal-verifika msemmijin f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 47
Miżuri ta’ identifikazzjoni
1.L-awtoritajiet doganali jew, meta xieraq, l-operaturi ekonomiċi awtorizzati li jagħmlu hekk mill-awtoritajiet doganali, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jidentifikaw il-merkanzija meta tkun meħtieġa l-identifikazzjoni sabiex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali rilevanti li taħtha jkun hemm l-intenzjoni li titqiegħed il-merkanzija.
Dawk il-miżuri ta’ identifikazzjoni għandu jkollhom l-istess effett legali f’kull parti tat-territorju doganali tal-Unjoni.
2.Il-mezzi ta’ identifikazzjoni mwaħħlin mal-merkanzija, mal-imballaġġ jew mal-mezzi tat-trasport jistgħu jitneħħew jew jinqerdu biss mill-awtoritajiet doganali jew, meta l-awtoritajiet doganali jawtorizzawhom sabiex jagħmlu dan, minn persuni oħrajn, ħlief meta, minħabba ċirkostanzi imprevedibbli jew force majeure, it-tneħħija jew il-qerda tagħhom tkun essenzjali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-merkanzija jew tal-mezzi tat-trasport.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, liema miżuri jikkostitwixxu l-miżuri ta’ identifikazzjoni msemmijin f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 48
Kontrolli ta’ wara r-rilaxx
1.Għall-fini tal-kontrolli doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu, wara r-rilaxx tal-merkanzija:
(a)jivverifikaw l-akkuratezza u l-kompletezza tad-data pprovduta u l-eżistenza, l-awtentiċità, l-akkuratezza u l-validità ta’ kwalunkwe dokument ta’ sostenn;
(b)jeżaminaw il-kontijiet tal-operatur ekonomiku u rekords oħrajn relatati mal-operazzjonijiet fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni u operazzjonijiet kummerċjali preċedenti jew sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija;
(c)jeżaminaw ukoll tali merkanzija u jieħdu kampjuni meta jkun għadu possibbli għalihom li jagħmlu dan;
(d)jaċċessaw is-sistemi tal-operaturi sabiex jivverifikaw il-konformità mal-obbligu li jipprovdu jew jagħmlu disponibbli data għall-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
2.Tali kontrolli jistgħu jsiru fil-bini tad-detentur tal-importatur jew tal-esportatur, jew tad-detentur tal-merkanzija, jew ta’ kwalunkwe persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità ta’ negozju jew ta’ kwalunkwe persuna oħra fil-pussess ta’ dawk id-dokumenti u d-data għall-finijiet ta’ negozju.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri li għandhom japplikaw għall-kontrolli msemmijin fil-paragrafu 1, inkluż f’każijiet li fihom l-operazzjonijiet isiru f’aktar minn Stat Membru wieħed, u dwar l-applikazzjoni tal-metodoloġiji tal-awditjar u ta’ metodoloġiji xierqa oħrajn fil-kuntest ta’ kontrolli bħal dawn. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 262(4).
Artikolu 49
Vjaġġar bl-ajru u bil-baħar fi ħdan l-Unjoni
1.Kontrolli jew formalitajiet doganali fir-rigward tal-bagalji tal-kabina u tal-istiva ta’ persuni li jieħdu titjira fi ħdan l-Unjoni, jew li jaqsmu l-baħar fi ħdan l-Unjoni għandhom isiru biss fil-każijiet li fihom il-leġiżlazzjoni doganali tipprovdi għal tali kontrolli jew formalitajiet.
2.Il-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dawn:
(a)is-sigurtà u s-sikurezza;
(b)il-kontrolli marbutin ma’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali.
3.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-portijiet jew l-ajruporti fejn jiġu applikati l-kontrolli u l-formalitajiet doganali għal dawn li ġejjin:
(a)il-bagalji tal-istiva u tal-kabina ta’ persuni:
(i)li jieħdu titjira f’inġenju tal-ajru li ġej minn ajruport mhux fl-Unjoni u li, wara waqfa f’ajruport tal-Unjoni, ikompli għal ajruport ieħor tal-Unjoni;
(ii)li jieħdu titjira f’inġenju tal-ajru li jieqaf f’ajruport tal-Unjoni qabel ikompli għal ajruport mhux fl-Unjoni;
(iii)li jużaw servizz marittimu pprovdut mill-istess bastiment u li jinkludi vjaġġi suċċessivi li jitilqu minn, jieqfu fi jew jintemmu f’port mhux fl-Unjoni;
(iv)abbord inġenju tad-divertiment u inġenju tal-ajru turistiku jew kummerċjali;
(b)bagalji tal-kabina u tal-istiva:
(i)li jaslu f’ajruport tal-Unjoni abbord inġenju tal-ajru li ġej minn ajruport mhux fl-Unjoni u trasferiti f’dak l-ajruport tal-Unjoni għal inġenju tal-ajru ieħor fuq titjira ġewwa l-Unjoni;
(ii)mgħobbija f’ajruport tal-Unjoni fuq inġenju tal-ajru li jipproċedi fuq titjira ġewwa l-Unjoni għal trasferiment f’ajruport ieħor tal-Unjoni għal inġenju tal-ajru li d-destinazzjoni tiegħu huwa ajruport mhux fl-Unjoni.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 3
Ġestjoni tar-riskju doganali
Artikolu 50
Prinċipji ġenerali
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jiddeterminaw, fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju u primarjament fuq l-analiżi tar-riskju awtomatizzata, jekk il-merkanzija, l-operaturi ekonomiċi u l-ktajjen tal-provvista humiex se jkunu soġġetti għal kontrolli doganali jew għal miżuri ta’ mitigazzjoni oħrajn, u jekk iva, fejn u meta se jseħħu dawk il-kontrolli u l-miżuri ta’ mitigazzjoni oħrajn,
2.Il-Kummissjoni, l-Awtorità Doganali tal-UE u l-awtoritajiet doganali għandhom jużaw il-ġestjoni tar-riskju doganali sabiex jiddifferenzjaw bejn il-livelli tar-riskji kollha assoċjati mal-merkanzija, mal-operaturi ekonomiċi u mal-ktajjen tal-provvista f’konformità mad-dispożizzjonijiet f’dan il-kapitolu.
3.Il-ġestjoni tar-riskju doganali għandha tinkludi tal-anqas l-attivitajiet li ġejjin, meta xieraq organizzati fuq bażi ċiklika:
(a)il-ġbir, l-ipproċessar, l-iskambju u l-analiżi tad-data rilevanti disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u minn sorsi oħrajn, inkluża data rilevanti minn awtoritajiet għajr l-awtoritajiet doganali;
(b)l-identifikazzjoni, l-analiżi, il-valutazzjoni, jew it-tbassir tar-riskji, inkluż fuq il-bażi ta’ metodi statistiċi u ta’ tbassir u ta’ kontrolli aleatorji;
(c)l-iżvilupp tal-miżuri neċessarji għall-ġestjoni tar-riskji, inkluż l-istabbiliment ta’ oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni, ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju, u ta’ strateġiji ta’ superviżjoni;
(d)id-definizzjoni bil-quddiem u t-teħid ta’ azzjoni, inkluża l-għażla tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u tal-kontrolli doganali xierqa;
(e)il-ġbir ta’ feedback dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tar-riskju;
(f)il-monitoraġġ u r-rieżami tal-attivitajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tar-riskju bl-għan li jittejbu.
4.Il-miżuri ta’ mitigazzjoni jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:
(a)l-għoti ta’ struzzjonijiet lit-trasportatur jew lill-esportatur li l-merkanzija ma għandhiex titgħabba jew tiġi ttrasportata;
(b)it-talba ta’ informazzjoni jew ta’ azzjoni addizzjonali;
(c)l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom tista’ tkun xierqa azzjoni minn awtorità doganali oħra;
(d)ir-rakkomandazzjoni tal-aktar post u miżuri xierqa sabiex jitwettaq kontroll;
(e)id-determinazzjoni tar-rotta li għandha tintuża, u l-limitu ta’ żmien li għandu jiġi rrispettat meta l-merkanzija għandha tinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
Artikolu 51
Rwoli u responsabbiltajiet
1.Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni u kriterji u standards komuni tar-riskju għal kwalunkwe tip ta’ riskju, inklużi iżda mhux limitati għal riskji relatati mal-interessi finanzjarji.
2.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-punt (f), ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 43, il-Kummissjoni tista’ tidentifika oqsma speċifiċi fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali li jiġġustifikaw trattament ta’ prijorità għall-ġestjoni u għall-kontrolli tar-riskju doganali.
3.Il-Kummissjoni tista’:
(a)tipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar proġetti ta’ ġestjoni tar-riskju u strateġiji ta’ superviżjoni;
(b)titlob lill-Awtorità Doganali tal-UE twettaq evalwazzjoni perjodika jew ad hoc tal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe attività ta’ ġestjoni tar-riskju;
(c)titlob lill-Awtorità Doganali tal-UE tħejji strateġija ta’ superviżjoni għal kwalunkwe riskju u twettaq valutazzjonijiet tat-theddid.
4.Għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3, il-Kummissjoni tista’ tiġbor, tipproċessa u tanalizza d-data disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u minn sorsi oħrajn, inkluż minn awtoritajiet għajr awtoritajiet doganali.
5.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha twettaq attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjonijiet tal-politika doganali kif imsemmijin fil-paragrafu 3, il-punt (a), u tal-prijoritajiet kif imsemmijin fil-paragrafu 2. Għandha:
(a)tiġbor, tipproċessa u tanalizza d-data disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u minn sorsi oħrajn, inkluż minn awtoritajiet minbarra l-awtoritajiet doganali;
(b)
tassisti lill-Kummissjoni fid-definizzjoni ta’ oqsma komuni ta’ kontrolli ta’ prijorità u ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju, fuq il-bażi tal-għarfien operazzjonali u tal-għarfien espert tekniku fil-ġestjoni tar-riskju;
(c)meta tintalab hekk f’konformità mal-paragrafu 3, tiżviluppa strateġiji ta’ superviżjoni, meta xieraq ma’ awtoritajiet għajr dawk doganali, u twettaq valutazzjonijiet tat-theddid;
(d)tiskambja data rilevanti mal-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet oħrajn għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, meta possibbli permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, f’konformità mal-Artikolu 53;
(e)tiżviluppa u timplimenta analiżi komuni tar-riskju sabiex tiġġenera sinjali tar-riskju, riżultati tal-analiżi tar-riskju u, meta xieraq, toħroġ rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll u miżuri xierqa oħrajn ta’ mitigazzjoni għall-awtoritajiet doganali, inkluż għall-applikazzjoni tal-oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni u tal-kriterji u tal-istandards komuni tar-riskju stabbiliti mill-Kummissjoni u għall-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi;
(f)tinforma lill-OLAF meta tidentifika jew tissuspetta każijiet ta’ frodi u tipprovdilu l-informazzjoni kollha neċessarja relatata ma’ dawn il-każijiet.
6.L-awtoritajiet doganali għandhom, billi jużaw id-data disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u minn sorsi oħrajn:
(a)jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw id-data disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u minn sorsi oħrajn, inkluż minn awtoritajiet minbarra l-awtoritajiet doganali;
(b)iwettqu attivitajiet nazzjonali ta’ ġestjoni tar-riskju, inklużi l-analiżi tar-riskju, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, u t-teħid ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni;
(c)jimplimentaw proċessi nazzjonali neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju u ta’ oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni;
(d)jimplimentaw is-sinjali tar-riskju, ir-riżultati tal-analiżijiet tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll iġġenerati mill-Awtorità Doganali tal-UE;
(e)toħroġ rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll u tindika miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa oħrajn lill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħrajn;
(f)tieħu deċiżjonijiet ta’ kontroll;
(g)twettaq kontrolli f’konformità mal-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu u ma’ kwalunkwe kriterju u standard komuni applikabbli tar-riskju;
(h)tipprovdi ġustifikazzjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE f’każ li ma tkunx ġiet eżegwita rakkomandazzjoni ta’ kontroll.
7.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħha ta’ ġestjoni tar-riskju u l-eżitu tagħhom kull 3 xhur u, meta jkun neċessarju jew mitlub mill-Kummissjoni, fuq bażi ad hoc. Għandha tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.
8.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(1), il-Kummissjoni tista’ twettaq il-kompiti ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Awtorità Doganali tal-UE msemmijin f’dan l-Artikolu.
Artikolu 52
Kriterji u standards komuni tar-riskju
1.Il-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju għandhom jinkludu dawn kollha li ġejjin:
(a)deskrizzjoni tar-riskji;
(b)il-fatturi jew l-indikaturi tar-riskju li għandhom jintużaw sabiex tintgħażel merkanzija jew operaturi ekonomiċi għall-kontrolli doganali;
(c)in-natura ta’ kontrolli doganali li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet doganali;
(d)l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ analiżi u ta’ mitigazzjoni tar-riskju fil-katina tal-provvista, inklużi talbiet għal informazzjoni jew għal azzjoni u struzzjoni sabiex ma titgħabbhiex merkanzija jew ma tiġix ittrasportata;
(e)it-tul tal-applikazzjoni tal-kontrolli doganali msemmija fil-punt (c).
2.Fl-istabbiliment ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju, għandhom jitqiesu dawn kollha li ġejjin:
(a)il-proporzjonalità meta mqabbla mar-riskju;
(b)l-urġenza tal-applikazzjoni meħtieġa tal-kontrolli;
(c)l-impatt mistenni b’mod raġonevoli fuq il-fluss kummerċjali fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri individwali għall-kontroll.
Artikolu 53
Informazzjoni rilevanti għall-ġestjoni u għall-kontrolli tar-riskju
1.L-informazzjoni dwar ir-riskju, is-sinjali, ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju, ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, id-deċiżjonijiet ta’ kontroll u r-riżultati ta’ kontroll kollha għandhom jiġu rreġistrati fil-proċess operazzjonali li magħhom ikunu relatati u fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, irrispettivament minn jekk kinux ibbażati fuq analiżi tar-riskju nazzjonali jew komuni, jew jekk kinux ibbażati fuq għażla aleatorja. L-awtoritajiet doganali għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar ir-riskju ma’ xulxin, mal-Awtorità Doganali tal-UE u mal-Kummissjoni.
2.L-awtoritajiet doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE u l-Kummissjoni għandu jkollhom id-dritt li jipproċessaw l-elementi msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom kif imsemmijin fl-Artikoli 51u 54.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tuża l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE meta possibbli sabiex tiġbor, jew tinteropera ma’ kwalunkwe sors ieħor ta’ data, ta’ dokumenti jew ta’ informazzjoni identifikati bħala rilevanti għall-ġestjoni tar-riskju mill-Awtorità Doganali tal-UE, mill-Kummissjoni jew minn awtorità doganali.
4.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(1), il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti tal-Awtorità Doganali tal-UE msemmijin f’dan l-Artikolu.
Artikolu 54
Evalwazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju doganali
1.Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Awtorità Doganali tal-UE u mal-awtoritajiet doganali, għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju sabiex ittejjeb kontinwament l-effettività u l-effiċjenza operazzjonali u strateġiċi tagħha tal-anqas darba kull sentejn; barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tagħmel arranġamenti sabiex jitwettqu attivitajiet ta’ evalwazzjoni meta tqis li dawn ikunu neċessarji, u fuq bażi kontinwa.
2.Għal dan l-għan, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tiġbor u tanalizza informazzjoni rilevanti u twettaq l-attivitajiet neċessarji kollha. L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ titlob rapporti perjodiċi jew ad hoc minn Stat Membru wieħed jew aktar f’dan ir-rigward.
3.Għal dan l-għan, u għall-fini tal-qadi tar-rwol u tal-issodisfar tar-responsabbiltajiet tagħha skont dan it-Titolu, il-Kummissjoni tista’ tipproċessa kwalunkwe informazzjoni rilevanti disponibbli permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-Awtorità Doganali tal-UE u mingħand l-awtoritajiet nazzjonali.
4.Fl-istabbiliment tal-kriterji komuni tar-riskju u tal-oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni, il-Kummissjoni għandha tqis, meta rilevanti, l-evalwazzjonijiet imwettqin skont dan l-Artikolu.
Artikolu 55
Għoti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni
1.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri sabiex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-kontrolli doganali u tal-ġestjoni tar-riskju, inklużi l-iskambju ta’ informazzjoni, l-istabbiliment ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju u ta’ oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni msemmijin f’dan it-Titolu. Tali miżuri għandhom jindirizzaw tal-anqas l-elementi li ġejjin:
(a)l-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE fir-rigward tal-ġestjoni u tal-kontrolli tar-riskju, inkluż fir-rigward tal-informazzjoni dwar ir-riskju, tar-riżultati tal-analiżi tar-riskju, tar-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, tad-deċiżjonijiet ta’ kontroll u tar-riżultati ta’ kontroll, u tad-drittijiet għall-aċċess u għall-ipproċessar ta’ informazzjoni bħal din;
(b)miżuri proċedurali għall-użu tranżizzjonali jew għall-aċċess għal miżuri proċedurali eżistenti tas-sistemi ta’ informazzjoni doganali għall-ġestjoni tal-interoperabbiltà bejn il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u sistemi oħrajn;
(c)miżuri proċedurali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-obbligu ta’ rapportar fil-kuntest ta’ kontrolli ta’ wara r-rilaxx u ta’ kontrolli aleatorji;
(d)arranġamenti għall-kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, bejn l-Awtorità Doganali tal-UE u istituti, korpi u uffiċċji speċifiċi oħrajn tal-Unjoni, u awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħrajn;
(e)l-identifikazzjoni tal-awtorità doganali responsabbli fil-każ ta’ proċessi speċifiċi ta’ ġestjoni tar-riskju, li jistgħu jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed;
(f)aspetti proċedurali tal-kontrolli, inklużi l-kontrolli ta’ wara r-rilaxx, li jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed, u d-disponibbiltà tar-riżultati tal-kampjuni u ta’ kontrolli oħrajn bejn l-awtoritajiet doganali kkonċernati;
(g)arranġamenti għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskju bejn l-awtoritajiet doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE u mal-Kummissjoni;
(h)oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni u kriterji u standards komuni tar-riskju kif imsemmijin fl-Artikolu 51(1) u (2) u fl-Artikolu 52, inklużi l-modalitajiet għall-applikazzjoni tagħhom fuq bażi urġenti fejn dan ikun meħtieġ.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
2.Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza relatati ma’ miżuri bħal dawn, inklużi l-modalitajiet għall-applikazzjoni tagħhom fuq bażi urġenti bħala tweġib b’mod effettiv għal kriżijiet jew għal inċidenti li jistgħu joħolqu riskju imminenti għas-sikurezza jew għas-sigurtà, u ġġustifikati kif xieraq mill-ħtieġa li tiġi aġġornata malajr il-ġestjoni komuni tar-riskju u li l-iskambju ta’ informazzjoni, il-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju, u l-oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni jiġu adattati għall-evoluzzjoni tar-riskji, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 262(5).
Titolu V
TQEGĦID TA’ MERKANZIJA TAĦT PROĊEDURA DOGANALI
Kapitolu 1
Status doganali tal-merkanzija
Artikolu 56
Preżunzjoni tal-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni
1.Il-merkanzija kollha fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun meqjusa bħala merkanzija li għandha status doganali tal-Unjoni, sakemm ma jkunx stabbilit li ma hijiex merkanzija tal-Unjoni.
2.F’każijiet speċifiċi li fihom il-preżunjoni stabbilita fil-paragrafu1 ma tapplikax, tkun meħtieġa prova tal-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni.
3.F’każijiet speċifiċi, merkanzija miksuba kollha kemm hi fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jkollhiex l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni jekk tkun miksuba minn merkanzija f’ħażna temporanja jew imqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern, proċedura ta’ ħażna, il-proċedura ta’ dħul temporanju jew il-proċedura ta’ proċessar attiv.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)il-każijiet speċifiċi li fihom ma tapplikax il-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 1;
(b)il-kundizzjonijiet sabiex tingħata faċilitazzjoni fl-istabbiliment tal-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni;
(c)il-każijiet speċifiċi li fihom il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 3 ma jkollhiex l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar l-għoti u l-kontroll tal-prova tal-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 57
Telfien tal-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni
Il-merkanzija tal-Unjoni għandha ssir merkanzija mhux tal-Unjoni fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta din tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, sakemm ma jkunux japplikaw ir-regoli dwar it-tranżitu intern;
(b)meta din tkun qiegħdet skont il-proċedura ta’ tranżitu estern, proċedura ta’ ħażna jew il-proċedura ta’ proċessar attiv, sa fejn tippermetti l-leġiżlazzjoni doganali;
(c)meta din tkun tqiegħdet skont il-proċedura ta’ użu aħħari u jew tiġi sussegwentement abbandunata lill-Istat, jew tinqered u jibqa’ l-iskart;
(d)
meta d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tiġi invalidata wara r-rilaxx tal-merkanzija.
Artikolu 58
Merkanzija tal-Unjoni li titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni fuq bażi temporanja
1.Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 112(2), il-punti (b), (c), (d) u (e), il-merkanzija żżomm l-istatus doganali tagħha ta’ merkanzija tal-Unjoni biss f’każ li dak l-istatus jiġi stabbilit skont il-kundizzjonijiet u bil-mezzi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali.
2.F’każijiet speċifiċi, il-merkanzija tal-Unjoni tista’ timxi, mingħajr ma tkun soġġetta għal proċedura doganali, minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni u temporanjament ’il barra minn dak it-territorju mingħajr tibdil tal-istatus doganali tagħha.
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet speċifiċi li fihom l-istatus doganali tal-merkanzija msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jinbidilx.
Kapitolu 2
Tqegħid u rilaxx
Artikolu 59
Tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali
1.L-importaturi, l-esportaturi u d-detenturi tal-proċedura li jkollhom l-intenzjoni li jqiegħdu l-merkanzija taħt proċedura doganali għandhom jipprovdu jew jagħmlu disponibbli d-data neċessarja għall-proċedura kkonċernata malli din tkun disponibbli u fi kwalunkwe każ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija.
2.L-importaturi preżunti għandhom jipprovdu jew jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar il-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija li tkun se tiġi importata fit-territorju doganali tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-jum ta’ wara d-data meta l-ħlas ikun ġie aċċettat u fi kwalunkwe każ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija.
3.B’deroga mill-paragrafu 1, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati marbutin mad-dokumentazzjoni ta’ sostenn jew mad-determinazzjoni tal-valur finali tal-merkanzija, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex jipprovdu parti mid-data li ma tkunx informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija wara r-rilaxx tal-merkanzija. L-importatur jew l-esportatur għandu jipprovdi l-informazzjoni li titħalla barra sal-limitu ta’ żmien speċifiku.
4.Il-merkanzija għandha titqiegħed taħt il-proċedura doganali malli tiġi rrilaxxata. Ħlief meta jkun stabbilit mod ieħor, id-data tar-rilaxx għandha tkun id-data li tkun se tintuża għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha titqiegħed il-merkanzija u għall-formalitajiet l-oħrajn kollha ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni.
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw id-data u l-informazzjoni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u d-data speċifika li tista’ tiġi pprovduta wara r-rilaxx tal-merkanzija u l-limiti ta’ żmien għall-forniment ta’ tali data kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 60
Rilaxx tal-merkanzija
1.L-awtoritajiet doganali responsabbli għat-tqegħid tal-merkanzija fi proċedura doganali f’konformità mal-Artikolu 42(3) għandhom jiddeċiedu dwar ir-rilaxx tal-merkanzija filwaqt li jqisu r-riżultat tal-analiżi tar-riskju tad-data pprovduta mill-importatur jew mill-esportatur u, meta applikabbli, ir-riżultati ta’ kwalunkwe kontroll.
2.Il-merkanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk jitħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)importatur jew esportatur ikun responsabbli għall-merkanzija;
(b)kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet doganali u l-informazzjoni minima neċessarja għall-proċedura partikolari jkunu ġew ipprovduti jew magħmulin disponibbli għall-awtoritajiet doganali;
(c)il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura kkonċernata skont l-Artikoli 88, 118, 132 u 135 ikunu ssodisfati;
(d)il-merkanzija ma tkunx intgħażlet għal xi kontroll.
3.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrifjutaw ir-rilaxx fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta l-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura kkonċernata ma jkunux issodisfati, inkluża kwalunkwe formalità mhux doganali tal-Unjoni kif definita fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2022/2399 rilevanti għall-merkanzija;
(b)meta jkollhom xi evidenza li l-merkanzija ma tikkonformax mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali, sakemm dik il-leġiżlazzjoni ma tkunx teħtieġ li jiġu kkonsultati awtoritajiet oħrajn minn qabel;
(c)meta jkollhom evidenza li d-data pprovduta ma tkunx akkurata.
4.L-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu r-rilaxx fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta jkollhom raġuni sabiex jemmnu li l-merkanzija ma tikkonformax mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali jew li tippreżenta riskju serju għas-saħħa u għall-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, jew għall-ambjent, jew għal kwalunkwe interess pubbliku ieħor, inkluż l-interess finanzjarju; jew
(b)meta l-awtoritajiet l-oħrajn ikunu talbu dan skont leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali.
5.Meta r-rilaxx ikun ġie sospiż f’konformità mal-paragrafu 4, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet l-oħrajn jekk il-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali tkun tirrikjedi dan, u:
(a)jirrifjutaw ir-rilaxx jekk l-awtoritajiet l-oħrajn ikunu talbu dan skont leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali; jew
(b)jirrilaxxaw il-merkanzija jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jemmen li ma ġewx issodisfati rekwiżiti u formalitajiet oħrajn meħtieġa mil-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali b’rabta ma’ tali rilaxx u:
(i)l-awtoritajiet l-oħrajn approvaw ir-rilaxx, jew
(ii)l-awtoritajiet l-oħrajn ma jkunux wieġbu sal-limitu ta’ żmien iddeterminat fil-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali, jew
(iii)l-awtoritajiet l-oħrajn jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali li jkun meħtieġ aktar żmien sabiex jiġi vvalutat jekk il-merkanzija tikkonformax mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali, bil-kundizzjoni li ma jkunux talbu li tinżamm is-sospensjoni, u l-importatur jew l-esportatur jipprovdi lill-awtoritajiet doganali t-traċċabbiltà sħiħa ta’ dawk il-prodotti għal 15-il jum li jibdew min-notifika tal-awtoritajiet l-oħrajn jew sakemm l-awtoritajiet l-oħrajn ikunu vvalutaw u kkomunikaw l-eżitu tal-kontrolli tagħhom lill-importatur jew lill-esportatur, skont liema jiġi l-ewwel. L-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu t-traċċabbiltà disponibbli għall-awtoritajiet l-oħrajn.
6.Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jitqiesu li jkunu rrilaxxaw il-merkanzija meta ma jkunux għażluha għal kwalunkwe kontroll fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li:
(a)l-merkanzija tal-importaturi preżunti tkun waslet fit-territorju doganali tal-Unjoni; jew
(b)il-merkanzija tal-importaturi tkun waslet fid-destinazzjoni finali tagħha; jew
(c)l-esportatur ikun bagħat l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq.
7.Meta l-awtoritajiet doganali jkunu ssospendew ir-rilaxx tal-merkanzija skont il-paragrafu 4, jew irrifjutaw ir-rilaxx tal-merkanzija skont il-paragrafu 3 jew il-paragrafu 5, il-punt (a), huma għandhom jirreġistraw id-deċiżjoni tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra, jekk applikabbli, meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Din l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali l-oħrajn.
8.Meta l-awtoritajiet doganali jkunu rrifjutaw ir-rilaxx tal-merkanzija skont il-paragrafu 3 jew 5:
(a)jekk l-awtoritajiet l-oħrajn ma jkunux oġġezzjonaw, il-merkanzija tista’ sussegwentement titqiegħed taħt proċedura doganali oħra b’indikazzjoni li l-merkanzija kienet ġiet irrifjutata qabel għal proċedura doganali oħra;
(b)jekk l-awtoritajiet l-oħrajn ikunu oġġezzjonaw għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali waħda jew aktar, l-awtoritajiet doganali għandhom jirreġistraw dik l-informazzjoni fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u jaġixxu kif xieraq.
9.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-perjodi ta’ żmien imsemmijin fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 61
Rilaxx tal-merkanzija f’isem l-awtoritajiet doganali mill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check)
1.Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 60(1), l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex jirrilaxxaw il-merkanzija f’isimhom malli jirċievu dik il-merkanzija fil-post tan-negozju tal-importatur, tas-sid jew tal-konsenjatarju jew malli jintbagħtu mill-post tan-negozju tal-esportatur, tas-sid jew tal-konsenjatur, dment li d-data neċessarja għall-proċedura rilevanti u l-informazzjoni f’ħin reali dwar il-wasla jew id-dispaċċ tal-merkanzija tiġi pprovduta jew issir disponibbli għall-awtoritajiet doganali.
2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 43, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jwettqu ċerti kontrolli fuq merkanzija taħt superviżjoni doganali. F’dawk il-każijiet, meta l-merkanzija tkun soġġetta għal leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet l-oħrajn qabel ma jagħtu tali awtorizzazzjoni u jistgħu jiftiehmu magħhom dwar pjan ta’ kontroll.
3.Meta l-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) imsemmi fil-paragrafu 2 ikollu raġuni sabiex jemmen li l-merkanzija ma tikkonformax mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali, huwa għandu jinnotifika minnufih lill-awtoritajiet doganali u, meta applikabbli, lill-awtoritajiet l-oħrajn. F’dak il-każ, l-awtoritajiet doganali għandhom jiddeċiedu dwar ir-rilaxx.
4.L-awtoritajiet doganali jistgħu fi kwalunkwe waqt jirrikjedu li l-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jippreżenta l-merkanzija għal kontroll f’uffiċċju doganali jew fejn il-merkanzija kienet maħsuba li tiġi rrilaxxata.
5.Meta l-awtoritajiet doganali jkunu identifikaw riskju finanzjarju serju ġdid jew sitwazzjoni speċifika oħra fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni għar-rilaxx f’isimhom, huma jistgħu jissospendu l-kapaċità li jirrilaxxaw f’isimhom għal perjodu ta’ żmien speċifiku u jinformaw lill-operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check). F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet doganali għandhom jiddeċiedu dwar ir-rilaxx tal-merkanzija.
Artikolu 62
Modifika u invalidazzjoni ta’ informazzjoni għat-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali
1.L-importatur u l-esportatur għandhom jemendaw dettall wieħed jew aktar tad-data pprovduta għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali meta jsiru jafu li l-informazzjoni rilevanti tkun inbidlet fir-rekords tagħhom, jew meta l-awtorità doganali tagħtihom struzzjonijiet sabiex jagħmlu dan jew tinnotifikahom dwar problema ta’ akkuratezza, ta’ kompletezza jew ta’ kwalità tad-data, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkunux informaw li jkollhom l-intenzjoni li jeżaminaw il-merkanzija jew li jkunu stabbilew li d-data pprovduta ma tkunx korretta, jew il-merkanzija tkun diġà ġiet ippreżentata lid-dwana.
2.L-importatur u l-esportatur għandhom jinvalidaw id-data pprovduta għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali malli jsiru jafu li l-merkanzija mhux se tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni jew mhux se tinħareġ barra minnu. L-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw id-data pprovduta għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali, jekk wara 200 jum mid-data li fiha l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta jew issir disponibbli, il-merkanzija ma tkunx iddaħħlet jew ma tkunx inħarġet ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura li jemendaw jew jinvalidaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 3
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
Artikolu 63
Dikjarazzjoni doganali tal-merkanzija
1.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), il-merkanzija kollha maħsuba sabiex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta minn dikjarazzjoni doganali xierqa għall-proċedura partikolari.
2.Mid-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), l-importaturi, l-esportaturi u d-detenturi tal-proċedura ta’ tranżitu jistgħu, għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali, jippreżentaw dikjarazzjoni doganali jew jipprovdu jew jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti xierqa għall-proċedura rilevanti bl-użu tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Mid-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), l-importaturi, l-esportaturi u d-detenturi tal-proċedura ta’ tranżitu għandhom, għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali, jipprovdu jew jagħmlu disponibbli l-informazzjoni xierqa għall-proċedura rilevanti bl-użu tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
3.F’każijiet speċifiċi, dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi ppreżentata billi jintużaw mezzi oħrajn li ma jkunux tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data.
4.Id-dikjarazzjoni doganali għandha tiġi ppreżentata f’wieħed minn dawn li ġejjin, skont iċ-ċirkostanzi:
(a)l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tal-ewwel wasla tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni; jew
(b)l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tal-ħatt tal-merkanzija li tasal bil-baħar jew bl-ajru;
(c)l-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni tal-proċedura ta’ tranżitu jekk il-merkanzija tkun daħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni mqiegħda taħt proċedura ta’ tranżitu;
(d)
l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn tinsab il-merkanzija li tkun se titqiegħed taħt proċedura ta’ tranżitu;
(e)l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post tal-istabbiliment tal-operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali li jkun awtorizzat japplika l-iżdoganar ċentralizzat;
(f)l-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn tinsab il-merkanzija li tkun maħsuba sabiex tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet speċifiċi li fihom tista’ tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali billi jintużaw mezzi oħrajn li ma jkunux tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
6.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)il-proċedura għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 3;
(b)ir-regoli għad-determinazzjoni tal-uffiċċji doganali kompetenti għajr dak imsemmi fil-paragrafu 4, inklużi uffiċċji doganali tad-dħul u uffiċċji doganali tal-ħruġ.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 64
Dikjarazzjoni doganali standard
1.Id-dikjarazzjonijiet doganali standard għandu jkun fihom id-dettalji kollha neċessarji għall-applikazzjoni tal-provvedimenti li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha hija ddikjarata l-merkanzija.
2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali standard imsemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 65
Dikjarazzjoni simplifikata
1.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw li persuna jkollha merkanzija taħt proċedura doganali fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni simplifikata li tista’ tħalli barra uħud mid-dettalji jew mid-dokumenti ta’ sostenn imsemmijin fl-Artikolu 40.
2.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw l-użu regolari ta’ dikjarazzjoni simplifikata.
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni simplifikata. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 66
Dikjrazzjoni supplimentari
1.Fil-każ ta’ dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 65 jew f’każ ta’ entrata fir-rekords tad-dikjarant skont l-Artikolu 73, id-dikjarant għandu jippreżenta dikjarazzjoni supplimentari li jkun fiha d-dettalji neċessarji għall-proċedura doganali kkonċernata fl-uffiċċju doganali kompetenti f’limitu ta’ żmien speċifiku.
Fil-każ ta’ dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 65, id-dokumenti ta’ sostenn neċessarji għandhom ikunu fil-pussess tad-dikjarant u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali fi ħdan limitu ta’ żmien speċifiku.
Id-dikjarazzjoni supplimentari tista’ tkun ta’ natura ġenerali, perjodika jew rikapitulattiva.
2.L-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni supplimentari għandu jkun eżonerat fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura ta’ ħażna doganali;
(b)f’każijiet speċifiċi oħrajn.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu eżoneru mir-rekwiżit tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni supplimentari meta japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)id-dikjarazzjoni simplifikata tikkonċerna merkanzija li l-valur u l-kwantità tagħha jkunu anqas mil-limitu statistiku;
(b)id-dikjarazzjoni simplifikata diġà jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-proċedura doganali kkonċernata;
(c)id-dikjarazzjoni simplifikata ma saritx b’entrata fir-rekords tad-dikjarant.
4.Id-dikjarazzjoni simplifikata msemmija fl-Artikolu 65 jew l-entrata fir-rekords tad-dikjarant imsemmija fl-Artikolu 73, u d-dikjarazzjoni supplimentari għandhom jitqiesu bħala strument wieħed, indiviżibbli li jidħol fis-seħħ, rispettivament, fid-data meta tkun aċċettata d-dikjarazzjoni simplifikata f’konformità mal-Artikolu 69 u fid-data meta l-merkanzija tiddaħħal fir-rekords tad-dikjarant.
5.Il-post fejn għandha tkun ppreżentata d-dikjarazzjoni supplimentari għandu jitqies, għall-finijiet tal-Artikolu 169, li jkun il-post fejn kienet ippreżentata d-dikjarazzjoni doganali.
6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)il-limitu ta’ żmien speċifiku msemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, li fih għandha tkun ppreżentata d-dikjarazzjoni supplimentari;
(b)il-limitu ta’ żmien speċifiku msemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, li fih id-dokumenti ta’ sostenn għandhom ikunu fil-pussess tad-dikjarant u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali;
(c)il-każijiet speċifiċi li fihom tingħata eżenzjoni mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni supplimentari f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (b).
7.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni supplimentari. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 67
Preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali
1.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(1), dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi ppreżentata minn kwalunkwe persuna li tkun kapaċi tipprovdi l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li fir-rigward tagħha tiġi ddikjarata l-merkanzija. Dik il-persuna għandha tkun kapaċi wkoll li tippreżenta l-merkanzija inkwistjoni jew tara li tkun ppreżentata lid-dwana.
Madankollu, fejn l-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali timponi obbligi partikolari fuq persuna speċifika, dik id-dikjarazzjoni trid tkun ppreżentata minn dik il-persuna jew mir-rappreżentant tagħha.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għall-merkanzija li għandha tiġi importata fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4 tad-Direttiva 2006/112/KE għall-bejgħ mill-bogħod għandha tiġi ppreżentata minn jew f’isem l-importatur preżunt.
3.Id-dikjarant għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni.
4.B’deroga mill-paragrafu 3, ma huwiex meħtieġ li d-dikjaranti li ġejjin jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni:
(a)persuni li jippreżentaw dikjarazzjoni doganali għal tranżitu jew għal dħul temporanju;
(b)persuni li okkażjonalment jippreżentaw dikjarazzjoni doganali, anke għal użu aħħari jew proċessar attiv, dment li l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw li dan ikun ġustifikat;
(c)persuni li jkunu stabbiliti f’pajjiż li t-territorju tiegħu jmiss mat-territorju doganali tal-Unjoni, u li jippreżentaw il-merkanzija li għaliha tirriferi d-dikjarazzjoni doganali f’uffiċċju doganali tal-fruntiera tal-Unjoni li tmiss ma’ dak il-pajjiż, dment li l-pajjiż li fih ikunu stabbiliti l-persuni jagħti benefiċċji reċiproċi lil persuni stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(d)importaturi preżunti involuti fil-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija taħt l-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4 tad-Direttiva 2006/112/KE li għandhom jiġu importati fit-territorju doganali tal-Unjoni dment li jaħtru rappreżentant indirett.
5.Id-dikjarazzjonijiet doganali għandhom ikunu awtentikati.
Artikolu 68
Preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali qabel il-preżentazzjoni tal-merkanzija
1.Dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi ppreżentata qabel il-preżentazzjoni mistennija tal-merkanzija lid-dwana. Jekk il-merkanzija ma tiġix ippreżentata fi żmien 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, id-dikjarazzjoni doganali għandha titqies bħala mhux ippreżentata.
2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 69
Aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali
1.Id-dikjarazzjonijiet doganali li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbilti f’dan mal-Kapitolu u mal-Artikolu 40 għandhom jiġu aċċettati mill-awtoritajiet doganali immedjatament, dment li l-merkanzija li jirriferu għaliha tkun ġiet ippreżentata lid-dwana.
2.Id-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali mill-awtoritajiet doganali għandha, ħlief meta jkun previst mod ieħor, tkun id-data użata għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tiġi ddikjarata u għall-formalitajiet l-oħrajn kollha ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-aċċettatazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, inkluża l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 72. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 70
Emendar ta’ dikjarazzjoni doganali
1.Wara li japplika, id-dikjarant għandu jkun permess jemenda dettall wieħed jew aktar tad-dikjarazzjoni doganali wara li dik id-dikjarazzjoni tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda ma għandhiex tagħmel id-dikjarazzjoni doganali applikabbli għal merkanzija oħra barra dik li kienet tkopri oriġinarjament.
2.L-ebda emenda bħal din ma għandha tkun permessa meta ssir applikazzjoni għaliha wara kwalunkwe każ minn dawn li ġejjin:
(a)l-awtoritajiet doganali jkunu għarrfu lid-dikjarant li jkollhom il-ħsieb jeżaminaw il-merkanzija;
(b)l-awtoritajiet doganali jkunu stabbilew li d-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali ma jkunux korretti;
(c)l-awtoritajiet doganali rrilaxxaw il-merkanzija.
3.Wara applikazzjoni mid-dikjarant, fi żmien 3 snin mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, l-emendar tad-dikjarazzjoni doganali jista’ jkun permess wara r-rilaxx tal-merkanzija sabiex id-dikjarant ikun jista’ jikkonforma mal-obbligi tiegħu marbuta mat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali kkonċernata.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-emendar tad-dikjarazzjoni doganali wara r-rilaxx tal-merkanzija f’konformità mal-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 71
Invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali
1.L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni mid-dikjarant, jinvalidaw dikjarazzjoni doganali li tkun diġà aċċettata fi kwalunkwe waħda mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta jkunu sodisfatti li l-merkanzija se titqiegħed minnufih taħt proċedura doganali;
(b)meta jkunu sodisfatti li, bħala riżultat ta’ ċirkostanzi speċjali, it-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali li għaliha ġiet iddikjarata ma tibqax iġġustifikata aktar.
Madankollu, meta l-awtoritajiet doganali jkunu għarrfu lid-dikjarant bil-ħsieb tagħhom li jeżaminaw il-merkanzija, applikazzjoni għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ma għandiex tkun aċċetata qabel ma jsir l-eżami.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, f’każijiet speċifiċi d-dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi invalidata mill-awtoritajiet doganali mingħajr applikazzjoni minn qabel mid-dikjarant.
3.Id-dikjarazzjoni doganali ma għandhiex tiġi invalidata wara r-rilaxx tal-merkanzija sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet speċifiċi li fihom id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata mill-awtoritajiet doganali kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u wara r-rilaxx tal-merkanzija kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali wara r-rilaxx tal-merkanzija msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 72
Żdoganar ċentralizzat
1.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), l-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jawtorizzaw lil persuna sabiex tippreżenta, f’uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn it-tali persuna tkun stabbilita, dikjarazzjoni doganali għall-merkanzija li tiġi ppreżentata lid-dwana f’uffiċċju doganali ieħor.
Tista’ tingħata eżenzjoni mir-rekwiżit għall-awtorizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu meta d-dikjarazzjoni doganali u l-merkanzija jiġu ppreżentati lill-uffiċċji doganali taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità doganali waħda.
2.L-applikant għall-awtorizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), il-punt (a).
3. L-uffiċċju doganali li fih tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali għandu:
(a)jissorvelja t-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali kkonċernata;
(b)iwettaq il-kontrolli doganali għall-verifika tad-dikjarazzjoni doganali;
(c)
meta ġustifikat, jitlob lill-uffiċċju doganali li fih ġiet ippreżentata l-merkanzija sabiex jagħmel il-kontrolli doganali għall-verifika tad-dikjarazzjoni doganali; u
(d)iwettaq il-formalitajiet doganali għall-irkupru tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal kwalunkwe dejn doganali.
4. L-uffiċċju doganali li fih tkun ppreżentata id-dikjarazzjoni doganali u l-uffiċċju doganali li fih tkun ppreżentata l-merkanzija għandhom jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja għall-verifika tad-dikjarazzjoni doganali u għal-rilaxx tal-merkanzija.
5. L-uffiċċju doganali li fih tkun ppreżentata l-merkanzija għandu, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli tiegħu stess rigward merkanzija mdaħħla fit-territorju tal-Unjoni jew maħruġa minnu, jagħmel il-kontrolli doganali msemmijin fil-punt (c) tal-paragrafu 3 u jagħti ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli lill-uffiċċju doganali li fih kienet ippreżentata d-dikjarazzjoni doganali.
6. L-uffiċċju doganali li fih tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali għandu jirrilaxxa l-merkanzija, filwaqt li jikkunsidra:
(a)ir-riżultati tal-kontrolli tiegħu stess għall-verifika tad-dikjarazzjoni doganali;
(b)ir-riżultati tal-kontrolli magħmulin mill-uffiċċju doganali li lilu l-merkanzija ġiet ippreżentata għall-verifika tad-dikjarazzjoni doganali u l-kontrolli fir-rigward ta’ merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni jew maħruġa minnu.
7.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti , ewwel subparagrafu tal-awtorizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu.
8.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-iżdoganar ċentralizzat imsemmija f’dan l-Artikolu, inklużi l-formalitajiet u l-kontrolli doganali rilevanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 73
Dħul fir-rekords tad-dikjarant
1.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), l-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jawtorizzaw lil persuna sabiex tippreżenta dikjarazzjoni doganali, inkluża dikjarazzjoni simplifikata, fil-forma ta’ entrata fir-rekords tad-dikjarant, dment li d-dettalji ta’ dik id-dikjarazzjoni jkunu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali fis-sistema elettronika tad-dikjarant fil-ħin meta tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali fil-forma ta’ entrata fir-rekords tad-dikjarant.
2.Id-dikjarazzjoni doganali titqies bħala li kienet aċċettata fil-mument meta l-merkanzija tiddaħħal fir-rekords.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jeżentaw l-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija. F’dak il-każ, il-merkanzija għandha titqies bħala li ġiet irrilaxxata fil-mument tad-dħul fir-rekords tad-dikjarant.
Dik l-eżenzjoni tista’ tingħata meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)id-dikjarant ikun operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjoni doganali kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), il-punt (a);
(b)in-natura u l-fluss tal-merkanzija kkonċernata jitolbu hekk u huma magħrufin mill-awtorità doganali;
(c)l-uffiċċju doganali li qed jissorvelja għandu aċċess għall-informazzjoni kollha li jikkunsidra neċessarja sabiex tippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina l-merkanzija jekk ikun meħtieġ;
(d)fil-ħin tat-tidħil fir-rekords, il-merkanzija ma tibqax soġġetta għal-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor fl-awtorizzazzjoni.
Madankollu, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, l-uffiċċju doganali tas-sorveljanza jista’ jitlob li tiġi ppreżentata l-merkanzija.
4.Il-kundizzjonijiet li fihom huwa permess ir-rilaxx tal-merkanzija għandhom ikunu stabbiliti fl-awtorizzazzjoni.
5.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
6.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar id-dħul fir-rekords tad-dikjarant, inklużi l-formalitajiet u l-kontrolli doganali rilevanti, u l-eżenzjoni mill-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 74
Tmiem tal-validità
L-awtorizzazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet simplifikati, għall-iżdoganar ċentralizzat u għad-dħul fir-rekords tad-dikjarant għandhom jiskadu fid-data stabbilita fl-Artikolu 265(3).
Kapitolu 4
Disponiment ta’ merkanzija
Artikolu 75
Disponiment ta’ merkanzija
Meta, għal kwalunkwe raġuni, il-merkanzija ma tkunx tista’ tinżamm f’ħażna temporanja, l-awtoritajiet doganali għandhom, mingħajr dewmien, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiddisponu mill-merkanzija f’konformità mal-Artikoli 76, 77 u 78.
Artikolu 76
Qerda ta’ merkanzija
1.Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom motivi raġonevoli sabiex jagħmlu dan, jistgħu jirrikjedu li tinqered il-merkanzija ppreżentata lilhom u għandhom jinformaw lill-importatur, lill-esportatur u lid-detentur tal-merkanzija dwar dan. Il-kostijiet tal-qerda għandhom jiġġarrbu mill-importatur jew mill-esportatur.
2.Meta l-qerda tkun se titwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ detentur ta’ deċiżjoni ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tar-Regolament tal-Kunsill, din għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali, jew taħt is-superviżjoni tagħhom.
3.Jekk iqisu li jkun neċessarju u proporzjonat li jagħmlu dan, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaqbdu u jeqirdu jew b’xi mod ieħor irendu inoperabbli prodott li ma jkunx ġie ppreżentat lilhom u li jippreżenta riskju għas-saħħa u għas-sikurezza tal-utenti finali. Il-kost ta’ miżura bħal din għandu jiġġarrab mill-importatur jew mill-esportatur.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-qerda ta’ merkanzija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 77
Mizuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja, inklużi l-konfiska, il-bejgħ, id-donazzjoni għal skop umanitarju jew il-qerda, sabiex jiddisponu minn merkanzija fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jkunx ġie ssodisfat, jew il-merkanzija tkun inżammet mis-superviżjoni doganali;
(b)meta l-merkanzija ma tkunx tista’ tiġi rrilaxxata minħabba kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet:
(i)ma kienx possibbli, għal raġunijiet attribwibbli għall-operatur, li tiġi eżaminata jew li titkompla tiġi eżaminata l-merkanzija fil-perjodu stabbilit mill-awtoritajiet doganali;
(ii)id-dokumenti li jridu jiġu pprovduti qabel ma l-merkanzija tkun tista’ titqiegħed taħt il-proċedura doganali mitluba, jew tiġi rrilaxxata għaliha, ma ġewx ipprovduti;
(iii)il-pagamenti jew garanzija li missha saret jew ġiet ipprovduta fir-rigward ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, skont kif ikun il-każ, ma saritx jew ma ngħatatx fiż-żmien stipulat;
(iv)il-merkanzija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-rilaxx stabbiliti fl-Artikolu 60;
(c)meta l-merkanzija ma tkunx tneħħiet fi ħdan perjodu raġonevoli wara r-rilaxx tagħha;
(d)meta wara r-rilaxx tagħha, instab li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrilaxxata; jew
(e)meta l-merkanzija tiġi abbandunata f’idejn l-Istat f’konformità mal-Artikolu 78.
2.Merkanzija mhux tal-Unjoni li tkun abbandunata f’idejn l-Istat, kienet issekwestrata jew konfiskata għandha titqies li tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali. Hija għandha tiddaħħal fir-rekords tal-operatur tal-ħażna doganali, jew, meta tinżamm mill-awtoritajiet doganali, minn dawn tal-aħħar.
Meta l-awtoritajiet doganali jkunu diġà rċevew data dwar il-merkanzija li tkun se tinqered, tiġi abbandunata lill-Istat, tinqabad jew tiġi kkonfiskata, ir-rekords għandhom jinkludu referenza għal dik id-data.
3.Il-kostijiet tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġġarrbu:
(a)fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, mit-trasportatur, mill-importatur jew mid-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu jew li żammet il-merkanzija mis-superviżjoni doganali;
(b)fil-każijiet imsemmijin fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1, mill-importatur, mill-esportatur jew mid-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu;
(c)fil-każ imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, mill-persuna li tabbanduna l-merkanzija f’idejn l-Istat.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-konfiska tal-merkanzija.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-bejgħ tal-merkanzija mill-awtoritajiet doganali msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 78
Abbandun
1.Bil-permess minn qabel tal-awtoritajiet doganali, merkanzija mhux tal-Unjoni u merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari jistgħu jiġu abbandunati f’idejn l-Istat mid-detentur tal-proċedura jew, meta applikabbli, mid-detentur tal-merkanzija.
2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura dwar l-abbandun tal-merkanzija lill-Istat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Titolu VI
MERKANZIJA MDAĦĦLA FIT-TERRITORJU DOGANALI TAL-UNJONI
Kapitolu 1
Informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija
Artikolu 79
Dħul tal-merkanzija
Il-merkanzija tista’ tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni biss jekk it-trasportatur jew persuni oħrajn ikunu pprovdew jew għamlu disponibbli għall-awtoritajiet doganali kompetenti l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 80.
Artikolu 80
Informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija
1.It-trasportaturi li jġibu merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni għandhom jipprovdu jew jagħmlu disponibbli informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija fuq kull kunsinna lill-uffiċċju doganali mistenni tal-ewwel dħul sal-limiti ta’ żmien speċifikati.
2.L-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija għandha tinkludi tal-anqas l-importatur responsabbli għall-merkanzija, ir-referenza unika għall-kunsinna, il-kunsinnatur, id-destinatarju, deskrizzjoni tal-merkanzija, il-klassifikazzjoni tariffarja, il-valur, id-data dwar ir-rotta u n-natura u l-identifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport li jġibu l-merkanzija u l-kost tat-trasport. L-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija għandha tiġi pprovduta qabel ma l-merkanzija tasal fit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.L-importatur jista’ jipprovdi parti mill-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija sal-limiti ta’ żmien speċifikati f’konformità mal-paragrafu 1. Meta l-importatur diġà jkun ipprovda jew għamel disponibbli parti mill-informazzjoni meħtieġa bil-quddiem dwar il-merkanzija, it-trasportatur għandu jgħaqqad l-informazzjoni addizzjonali tiegħu mal-informazzjoni tal-importatur.
4.L-importatur għandu jiġi nnotifikat meta trasportatur jgħaqqad informazzjoni dwar kunsinna mal-informazzjoni preċedenti tiegħu.
5.F’każijiet speċifiċi, li fihom l-informazzjoni kollha bil-quddiem dwar il-merkanzija msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma tkunx tista’ tinkiseb mit-trasportatur jew mill-importatur, persuni oħrajn li jkollhom dik l-informazzjoni u d-drittijiet xierqa sabiex jipprovduha jistgħu jkunu meħtieġa jipprovduha.
6.Għandha tingħata eżenzjoni mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1:
(a)għall-mezzi tat-trasport u għall-merkanzija li tinġarr fuqhom li jkunu biss għaddejjin mill-ilmijiet territorjali jew mill-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr waqfa f’dak it-territorju;
(b)għall-merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b’rotta diretta mingħajr waqfa barra mit-territorju doganali tal-Unjoni; u
(c)f’każijiet oħrajn, li fihom ikun debitament ġustifikat mit-tip ta’ merkanzija jew ta’ traffiku, jew meta jkun meħtieġ minn ftehimiet internazzjonali.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)l-uffiċċju tal-ewwel dħul mistenni msemmi fil-paragrafu 1;
(b)id-data addizzjonali li għandha tiġi pprovduta bħala informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 2;
(c)il-limiti ta’ żmien imsemmijin fil-paragrafi 1 u 3;
(d)il-każijiet speċifiċi u l-persuni l-oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija kif imsemmi fil-paragrafu 5;
(e)il-każijiet li fihom l-obbligu li tiġi pprovduta jew li titqiegħed għad-dispożizzjoni informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija jiġi eżentat għar-raġuni li tali eżenzjoni tkun ġustifikata kif xieraq mit-tip ta’ merkanzija jew ta’ traffiku, kif imsemmi fil-paragrafu 6, il-punt (c);
(f)il-kundizzjonijiet li fihom persuna li tipprovdi jew tagħmel disponibbli l-informazzjoni tista’ tillimita l-viżibbiltà tal-identifikazzjoni tagħha għal persuna waħda jew aktar li jippreżentaw ukoll dettalji, mingħajr preġudizzju għall-użu tad-dettalji kollha għas-superviżjoni doganali.
8.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-provvista u għar-riċevuta ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija kif imsemmi fil-paragrafi 1 sa 5. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
9.Sad-data fl-Artikolu 265(3), id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha titqies bħala l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija.
Artikolu 81
Analiżi tar-riskju ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija
1.Mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE stabbiliti fit-Titolu XII, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu, fi ħdan limiti ta’ żmien speċifiċi, jiżgura li titwettaq analiżi tar-riskju, primarjament għal finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza u, meta jkun possibbli, għal skopijiet oħrajn, fuq il-bażi tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija u ta’ informazzjoni oħra pprovduta jew magħmula disponibbli permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u għandha tieħu l-miżuri neċessarji fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-analiżi tar-riskju.
2.L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jista’ jieħu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, inklużi:
(a)l-għoti ta’ struzzjonijiet lit-trasportatur li l-merkanzija ma għandhiex titgħabba jew tiġi ttrasportata;
(b)it-talba ta’ informazzjoni jew ta’ azzjoni addizzjonali;
(c)l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom tista’ tkun xierqa azzjoni minn awtorità doganali oħra;
(d)ir-rakkomandazzjoni tal-aktar post u miżuri xierqa sabiex jitwettaq kontroll.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-limiti ta’ żmien li fihom għandha titwettaq l-analiżi tar-riskju u għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), l-analiżi tar-riskju għandha titwettaq fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.
Artikolu 82
Modifika u invalidazzjoni ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija
1.It-trasportatur għandu jinforma lill-awtoritajiet doganali kkonċernati bid-devjazzjonijiet li jaffettwaw ir-rotta tal-merkanzija kif innotifikat fl-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija.
2.L-importatur u t-trasportatur għandhom jemendaw dettall wieħed jew aktar tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija meta jsiru jafu li l-informazzjoni rilevanti tkun inbidlet fir-rekords tagħhom, jew meta awtorità doganali titlobhom jew tagħtihom struzzjonijiet sabiex jagħmlu dan minħabba problema ta’ akkuratezza, ta’ kompletezza jew ta’ kwalità tad-data, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkunux informaw lit-trasportatur li jkollhom l-intenzjoni li jeżaminaw il-merkanzija jew li jkunu stabbilew li l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija ma tkunx korretta, jew li l-merkanzija tkun diġà ġiet ippreżentata lid-dwana.
3.It-trasportatur għandu jinvalida l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija fuq merkanzija li ma tiddaħħalx fit-territorju doganali tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli. L-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija fuq dik il-merkanzija wara 200 jum mid-data li fiha tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli l-informazzjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-emendar tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 2 u għall-invalidazzjoni tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 83
Notifika tal-wasla
1.It-trasportatur għandu jinnotifika l-wasla tal-mezz tat-trasport li jidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni u tal-kunsinni li jkunu fih lill-uffiċċju doganali attwali tal-ewwel dħul.
2.F’każijiet speċifiċi, li fihom mhux id-data kollha dwar il-kunsinni tista’ tinkiseb mit-trasportatur, minn trasportatur sussegwenti jew minn persuni oħrajn li jkollhom dik id-data u d-drittijiet xierqa sabiex jipprovduha jistgħu jkunu meħtieġa jinnotifikaw il-wasla tal-kunsinni lill-uffiċċju doganali attwali tal-ewwel dħul.
3.L-informazzjoni dwar il-wasla tal-mezzi tat-trasport u tal-kunsinni tista’ tiġi pprovduta jew issir disponibbli għall-awtoritajiet doganali permezz ta’ mezzi oħrajn għajr il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. F’każijiet bħal dawn, l-informazzjoni pprovduta jew magħmula disponibbli permezz ta’ dawn il-mezzi l-oħrajn għandha tiġi ttrasferita lill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
4.Meta l-wasla tal-mezzi tat-trasport u tal-kunsinni fihom ma tkunx koperta min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, it-trasportatur għandu jinnotifika l-wasla tal-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru fil-port jew fl-ajruport fejn tinħatt jew tiġi trażbordata.
5.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 4, it-trasportatur ma għandux jinnotifika merkanzija mdaħħla fit-territorju tal-Unjoni li tinħatt u terġa’ titgħabba fuq l-istess mezz tat-trasport matul il-vjaġġ tagħha sabiex ikun jista’ jsir il-ħatt jew it-tagħbija ta’ merkanzija oħra fl-istess port jew ajruport.
6.It-trasportatur ma għandux iħott, fit-territorju doganali tal-Unjoni, il-merkanzija li għaliha ma tkunx ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli informazzjoni minima bil-quddiem dwar il-merkanzija lid-dwana, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkunux talbu lit-trasportatur sabiex jippreżentaha f’konformità mal-Artikolu 85.
7.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 6, fil-każ ta’ periklu imminenti li jkun jeħtieġ il-ħatt immedjat tal-merkanzija kollha jew ta’ parti minnha, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu lit-trasportatur iħott il-merkanzija.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet speċifiċi msemmijin fil-paragrafu 2 u l-persuni l-oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa jinnotifikaw il-wasla tal-kunsinni lid-dwana attwali tal-ewwel dħul.
9.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura dwar in-notifika tal-wasla msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 84
Trasport għall-post adegwat
1.Il-persuna li ddaħħal merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tittrasportaha mingħajr dewmien, bir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u f’konformità mal-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm, sal-uffiċċju doganali ddeżinjat mill-awtoritajiet doganali, jew fi kwalunkwe post ieħor iddeżinjat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet.
2.Meta, minħabba ċirkostanzi imprevedibbli jew force majeure, it-trasportaturi ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-obbligu fil-paragrafu 1, huma għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet doganali bis-sitwazzjoni u bil-post preċiż tal-merkanzija.
3.L-awtoritajiet doganali għandhom jiddeterminaw il-miżuri li jridu jittieħdu sabiex tiġi permessa s-superviżjoni doganali fuq il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, jew fuq il-bastiment jew fuq l-inġenju tal-ajru u fuq kwalunkwe merkanzija fuqu fiċ-ċirkostanzi speċifikati fil-paragrafu 2, u sabiex jiġi żgurat, meta jkun xieraq, li sussegwentement titwassal fl-uffiċċju doganali jew f’xi post ieħor iddeżinjat jew approvat mill-awtoritajiet jew f’żona ħielsa.
4.Merkanzija li tiddaħħal f’żona ħielsa għandha tiddaħħal direttament f’dik iż-żona ħielsa, jew bil-baħar jew bl-ajru jew, jekk bl-art, mingħajr ma tgħaddi minn xi parti oħra tat-territorju doganali tal-Unjoni, fejn iż-żona ħielsa tmiss il-fruntiera tal-art bejn Stat Membru u pajjiż terz.
5.L-awtorità doganali tista’ soġġetta għal kontrolli doganali tal-merkanzija li tkun għadha barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, bħala riżultat ta’ ftehim konkluż mal-pajjiż terz rilevanti. L-awtoritajiet doganali għandhom jittrattaw dik il-merkanzija bl-istess mod bħall-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni.
6.B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, jistgħu japplikaw regoli speċjali għal merkanzija ttrasportata fiż-żoni tal-fruntiera jew f’pipelines u f’wajers, għal traffiku ta’ importanza ekonomika negliġibbli jew għal merkanzija ttrasportata mill-vjaġġaturi, dment li s-superviżjoni doganali u l-possibbiltajiet ta’ kontroll doganali ma jiġux ipperikolati minħabba dan.
7.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal mezzi tat-trasport u għall-merkanzija li tinġarr fuqhom, li jgħaddu biss mill-ilmijiet territorjali jew mill-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jieqfu f’dak it-territorju.
8.L-Artikoli 83 u 85 ma għandhomx japplikaw f’każijiet li fihom merkanzija tal-Unjoni li tiġi ttrasportata mingħajr bidla fl-istatus doganali tagħha f’konformità mal-Artikolu 58(2) tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b’rotta diretta mingħajr waqfa barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
Artikolu 85
Preżentazzjoni lid-dwana
1.Meta l-awtoritajiet doganali jew il-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali jkunu jeħtieġu dan, it-trasportatur għandu jippreżenta l-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni lid-dwana mal-wasla tagħha fl-uffiċċju doganali ddeżinjat jew fi kwalunkwe post ieħor iddeżinjat jew approvat mill-awtoritajiet doganali jew fiż-żona ħielsa.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrikjedu li t-trasportatur jippreżenta l-merkanzija u jipprovdi l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 80, meta din l-informazzjoni ma tkunx ġiet ipprovduta fi stadju aktar bikri.
3.Il-merkanzija ppreżentata lid-dwana ma għandhiex titneħħa mill-post fejn tkun ġiet ipprezentata mingħajr il-permess tal-awtoritajiet doganali.
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni u għall-approvazzjoni tal-postijiet għajr l-uffiċċju doganali ddeżinjat, kif imsemmi fil-paragrafu 1.
4.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura rigward il-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana kif imsemmi f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 86
Ħażna temporanja tal-merkanzija
1.Il-merkanzija mhux tal-Unjoni għandha tkun f’ħażna temporanja mill-mument li t-trasportatur jinnotifika l-wasla tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni, sakemm titqiegħed taħt proċedura doganali, jew l-awtoritajiet doganali jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħha f’konformità mal-paragrafu 6.
2.Il-merkanzija li tasal fit-territorju doganali fi tranżitu għandha tkun f’ħażna temporanja wara li tkun ġiet ippreżentata lill-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni f’konformità mar-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ tranżitu fit-Titolu VIII, il-Kapitolu 2, sakemm jitqiegħdu taħt proċedura doganali oħra jew l-awtoritajiet doganali jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħha f’konformità mal-paragrafu 6.
3.Merkanzija f’ħażna temporanju għandha tinħażen biss fi mħażen doganali jew, meta dan ikun ġustifikat, f’postijiet oħrajn iddeżinjati jew approvati mill-awtoritajiet doganali.
4.L-operatur tal-ħażna temporanja jew tal-maħżen doganali għandu jippreserva l-merkanzija f’ħażna temporanja iżda ma għandux ibiddilha jew jimmodifika d-dehra jew il-karatteristiċi tekniċi tagħha.
5.Merkanzija mhux tal-Unjoni f’ħażna temporanja għandha titqiegħed taħt proċedura doganali mhux aktar tard minn 3 ijiem wara n-notifika tal-wasla tagħha jew mhux aktar tard minn 6 ijiem wara n-notifika tal-wasla tagħha fil-każ ta’ konsenjatarju awtorizzat kif imsemmi fl-Artikolu 116(4), il-punt (b), sakemm l-awtoritajiet doganali ma jeħtiġux li l-merkanzija tiġi ppreżentata. F’każijiet eċċezzjonali, dak il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż.
6.Meta, għal raġuni debitament ġustifikata, il-merkanzija ma tkunx tista’ tinżamm f’ħażna temporanja, l-awtoritajiet doganali għandhom, mingħajr dewmien, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiddisponu mill-merkanzija f’konformità mal-Kapitolu 4 ta’ dan it-Titolu.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-postijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-każijiet li fihom jista’ jiġi estiż il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 87
Dispożizzjoni tranżizzjonali fir-rigward ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna temporanja
Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), l-awtoritajiet doganali għandhom jirrivalutaw l-awtorizzazzjonijiet għall-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna temporanja sabiex jivverifikaw jekk id-detenturi tagħhom jistgħux jingħataw awtorizzazzjoni għall-ħażna doganali. Jekk ma jistgħux, l-awtorizzazzjonijiet għall-operat ta’ faċilitajiet ta’ ħażna temporanja għandhom jiġu rrevokati.
Kapitolu 2
Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera
Artikolu 88
Kamp ta’ applikazzjoni u effett
1.Merkanzija mhux tal-Unjoni maħsuba sabiex titqiegħed fis-suq tal-Unjoni jew maħsuba għall-użu privat jew għall-konsum fit-territorju doganali tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt rilaxx għal ċirkolazzjoni libera.
2.Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ma għandux jitqies bħala prova ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali.
3.Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)id-data meħtieġa tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli għall-awtoritajiet doganali, li jridu jinkludu tal-anqas l-importatur responsabbli għall-merkanzija, il-bejjiegħ, ix-xerrej, il-manifattur, il-fornitur tal-prodott meta dan ikun differenti mill-manifattur, l-operatur ekonomiku responsabbli fl-Unjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 u l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2023/XXXX, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja u deskrizzjoni tal-merkanzija, ir-referenza unika tal-kunsinna u l-post fejn tinsab, u l-lista ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(b)kwalunkwe dazju fuq l-importazzjoni jew imposta oħra dovuta, inklużi dazji anti-dumping, dazji kumpensatorji jew miżuri ta’ salvagwardja, għandhom jitħallsu jew jiġu ggarantiti, sakemm il-merkanzija ma tkunx is-suġġett ta’ talba ta’ prelevament fuq kwota tariffarja, jew l-importatur ikun operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check);
(c)l-merkanzija tkun waslet fit-territorju doganali tal-Unjoni; u
(d)il-merkanzija tikkonforma mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw u jemenda wdan ir-Regolament billi jiddeterminaw id-data pprovduta jew magħmula disponibbli għall-awtoritajiet doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 89
Applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali għall-ipproċessar attiv u passiv
1.Meta prodotti pproċessati miksubin taħt proċessar attiv jiġu rrilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u l-kalkolu tal-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jsir f’konformità mal-Artikolu 168(3), il-miżuri ta’ politika kummerċjali li għandhom jkunu applikati għandhom ikunu dawk applikabbli għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija li tqiegħdet taħt proċessar attiv.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal skart u għal oġġetti skrappjati.
3.Meta prodotti pproċessati miksubin taħt il-proċedura ta’ pproċessar attiv jiġu rrilaxxati għal ċirkolazzjoni libera u l-kalkolu tal-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jsir f’konformità mal-Artikolu 167(1), il-miżuri ta’ politika kummerċjali applikabbli għal dik il-merkanzija għandhom jiġu applikati biss meta l-merkanzija li tkun tqiegħdet taħt proċessar attiv tkun soġġetta għal dawk il-miżuri.
4.Il-miżuri ta’ politika kummerċjali ma għandhomx japplikaw għal prodotti pproċessati rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera wara l-proċessar passiv meta:
(a)il-prodotti pproċessati jżommu l-oriġini tal-Unjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 148;;
(b)il-proċessar passiv jinvolvi t-tiswija, inkluża s-sistema ta’ skambju standard imsemmija fl-Artikolu 143; jew
(c)il-proċessar passiv isegwi operazzjonijiet ta’ proċessar ulterjuri f’konformità mal-Artikolu 139.
Kapitolu 3
Eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni
Artikolu 90
Kamp ta’ applikazzjoni u effett
1.Merkanzija mhux tal-Unjoni li, wara li oriġinarjament tkun ġiet esportata mit-territorju doganali tal-Unjoni bħala merkanzija tal-Unjoni, tinġieb lura f’dak it-territorju fi żmien 3 snin u li tkun ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera għandha, wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata, tkun eżentata mid-dazju fuq l-importazzjoni.
L-ewwel subparagrafu japplika anke fejn il-merkanzija rritornata tirrappreżenta biss parti mill-merkanzija esportata preċedentement ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
2.Il-perjodu ta’ 3 snin imsemmi fil-paragrafu 1 jista jinqabeż sabiex jittieħed kont ta’ ċirkostanzi speċjali.
3.Meta, qabel l-esportazzjoni tagħha mit-territorju doganali tal-Unjoni, il-merkanzija rritornata kienet ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera mingħajr dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju fuq l-importazzjoni minħabba użu aħħari partikolari, l-eżenzjoni mid-dazju skont il-paragrafu 1 għandha tingħata biss jekk tkun se tiġi rrilaxxata għal ċirkolazzjoni ħielsa għall-istess użu aħħari.
Meta l-użu aħħari li għalih il-merkanzija inkwistjoni tkun se tiġi rrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera ma jibqax l-istess, l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont miġbur fuq il-merkanzija meta ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera l-ewwel darba. Jekk l-ammont tal-aħħar ikun ogħla minn dak impost fuq ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija ritornata, ma għandu jingħata l-ebda ripagament.
4.Meta merkanzija tal-Unjoni tkun tilfet l-istatus doganali tagħha skont l-Artikolu 57 u sussegwentement tiġi rrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera, għandhom ikunu japplikaw il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
5.L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni għandha tingħata biss jekk il-merkanzija tinġieb lura fl-istat li fih kienet esportata.
6.L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni għandha tkun sostnuta minn informazzjoni li tistabbilixxi li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet li fihom il-merkanzija titqies li ġiet irritornata fl-istat li fih tkun ġiet esportata kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
8.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-provvista tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 91
Merkanzija li bbenefikat minn miżuri stabbiliti taħt il-politika agrikola komuni
1.L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 90 ma tingħatax għall-merkanzija li tkun ibbenefikat mill-miżuri stipulati skont il-politika agrikola komuni li jinvolvu l-esportazzjoni tagħha ’l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, ħlief f’każijiet speċifiċi meta jkun stabbilit mod ieħor.
2.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-każijiet speċifiċi msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 92
Merkanzija li qabel kienet tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv
1.L-Artikolu 90 għandu japplika għal prodotti pproċessati li oriġinarjament kienu esportati mill-ġdid mit-territorju doganali tal-Unjoni wara proċedura ta’ proċessar attiv.
2.Wara applikazzjoni mill-importatur u l-provvista tal-informazzjoni neċessarja, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni tal-merkanzija koperta mill-paragrafu 1 għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 168(3). Id-data ta’ tar-riesportazzjoni għandha titqies bħala d-data tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera.
3.L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista fl-Artikolu 90 ma għandhiex tingħata għal prodotti pproċessati li ġew esportati f’konformità mal-Artikolu 109(2), il-punt (c), sakemm ma jkunx żgurat li l-ebda merkanzija ma tkun se titqiegħed taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv.
Artikolu 93
Prodotti tas-sajd fil-baħar u prodotti oħrajn meħudin mill-baħar
1.Mingħajr ħsara għall-Artikolu 148(1), dawn li ġejjin għandhom jingħataw eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni meta jiġu rrilaxxati għal ċirkolazzjoni libera:
(a)prodotti tas-sajd fil-baħar u prodotti oħrajn meħudin mill-baħar territorjali ta’ pajjiż terz minn bastimenti reġistrati jew imniżżlin biss fi Stat Membru u li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat;
(b)prodotti miksubin mill-prodotti msemmijin fil-punt (a) abbord bastimenti fabbrika li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-punt.
2.L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun sostnuta minn evidenza li turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu jkunu ssodisfati.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-għoti tal-evidenza msemmija fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Titolu VII
MERKANZIJA MAĦRUĠA MIT-TERRITORJU DOGANALI TAL-UNJONI
Kapitolu 1
Ħruġ ta’ merkanzija u proċedura ta’ esportazzjoni
Artikolu 94
Ħruġ ta’ merkanzija
1.Il-merkanzija tista’ tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni biss jekk l-esportatur jew persuni oħrajn ikunu pprovdew jew għamlu disponibbli għall-awtoritajiet doganali kompetenti l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq dwar il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 95.
2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli dwar il-formalitajiet li għandhom jitwettqu qabel u mal-ħruġ tal-merkanzija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 95
Informazzjoni ta’ qabel it-tluq
1.Esportaturi li jixtiequ joħorġu merkanzija mit-territorju doganali tal-Unjoni għandhom jipprovdu informazzjoni minima ta’ qabel it-tluq sa limitu ta’ żmien speċifiku qabel ma l-merkanzija tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
2.Għandu tingħata eżenzjoni mill-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)għall-mezzi tat-trasport u għall-merkanzija li tinġarr fuqhom li jkunu biss għaddejjin mill-ilmijiet territorjali jew mill-ispazju tal-ajru tat-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr waqfa f’dak it-territorju;
(b)f’każijiet speċifiċi oħrajn, li fihom ikun debitament ġustifikat mit-tip ta’ merkanzija jew ta’ traffiku, jew meta jkun meħtieġ minn ftehimiet internazzjonali;
(c)għal merkanzija maħruġa temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 58.
3.L-informazzjoni minima ta’ qabel it-tluq imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika jekk il-merkanzija hijiex:
(a)merkanzija tal-Unjoni li tkun se titqiegħed taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni;
(b)merkanzija tal-Unjoni li tkun se titqiegħed taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv;
(c)merkanzija tal-Unjoni li tkun se tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun tqiegħdet taħt il-proċedura tal-użu aħħari;
(d)il-merkanzija tal-Unjoni li tkun se tiġi kkonsenjata, b’eżenzjoni mill-VAT jew mid-dazju tas-sisa, bħala provvisti għall-inġenji tal-ajru jew tal-bastimenti, irrispettivament mid-destinazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-bastiment, li għalih tkun meħtieġa prova ta’ provvista bħal din;
(e)merkanzija tal-Unjoni li tkun se titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu intern; jew
(f)merkanzija mhux tal-Unjoni li tkun se tiġi esportata wara li tkun f’ħażna temporanja jew li tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali.
4.It-trasportatur jista’ jgħabbi fit-territorju doganali tal-Unjoni dik il-merkanzija biss li għaliha tkun ġiet ipprovduta jew tqiegħed għad-dispożizzjoni informazzjoni minima ta’ qabel it-tluq lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.
5.It-trasportatur għandu joħroġ il-merkanzija mit-territorju doganali tal-Unjoni fl-istess kundizzjoni bħal meta l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq tkun ġiet ipprovduta jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni.
6.Meta l-esportatur ma jkunx ipprovda l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq jew l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq ipprovduta ma tkunx tikkorrispondi għall-merkanzija rilevanti, it-trasportatur għandu jipprovdiha fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ sa limitu ta’ żmien speċifiku, qabel ma l-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni.
7.Id-dettalji neċessarji tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq għandhom jiġu pprovduti jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni immedjatament lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.
9.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw jew jemendaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)l-informazzjoni minima ta’ qabel it-tluq li għandha tiġi pprovduta filwaqt li titqies il-proċedura li taħtha għandha titqiegħed il-merkanzija u jekk il-merkanzija tkunx merkanzija tal-Unjoni jew mhux tal-Unjoni;
(b)il-limitu ta’ żmien speċifiku msemmi fil-paragrafi 1 sa 6, li sa dan għandha tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq qabel ma l-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu t-tip ta’ traffiku u l-mezz tat-trasport;
(c)il-każijiet speċifiċi li fihom tingħata eżenzjoni mill-obbligu li tiġi pprovduta jew titqiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b);
(d)l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata dwar il-ħruġ tal-merkanzija msemmija fil-paragrafu 8.
10.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-għoti u għar-riċevuta tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq u l-konferma tal-ħruġ imsemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
11.Sad-data tat-tmiem stabbilita fl-Artikolu 265(3), id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, id-dikjarazzjoni tar-riesportazzjoni u n-notifika tar-riesportazzjoni għandhom jitqiesu bħala l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq.
Artikolu 96
Emendar u invalidazzjoni tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq
1.L-esportatur jew it-trasportatur jista’ jemenda dettall wieħed jew aktar tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq wara li din tkun ġiet ipprovduta jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni.
L-ebda emenda ma għandha tkun possibbli wara kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a)l-awtoritajiet doganali jkunu għarrfu li jkollhom il-ħsieb jeżaminaw il-merkanzija;
(b)l-awtoritajiet doganali jkunu stabbilew li dettall wieħed jew aktar mill-informazzjoni ma jkunux akkurati jew ikunu inkompluti;
(c)l-awtoritajiet doganali diġà jkunu rrilaxxaw il-merkanzija għall-ħruġ.
2.L-esportatur jew it-trasportatur għandu jinvalida l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq għal merkanzija li ma tinħariġx mit-territorju doganali tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli. L-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq fuq dik il-merkanzija wara li jkunu għaddew 150 jum mid-data li fiha tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli l-informazzjoni.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-emendar tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u għall-invalidazzjoni tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq kif imsemmi fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 97
Analiżi tar-riskju tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq
1.Mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE stabbiliti fit-Titolu IV, l-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni għandu, fi ħdan limitu ta’ żmien speċifiku, jiżgura li titwettaq analiżi tar-riskju, primarjament għal finijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza u, meta jkun possibbli, għal skopijiet oħrajn, fuq il-bażi tal-informazzjoni ta’ qabel it-tluq u ta’ informazzjoni oħra pprovduta jew magħmula disponibbli permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u għandha tieħu l-miżuri neċessarji fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-analiżi tar-riskju.
2.L-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn ikun stabbilit l-esportatur jista’ jieħu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, inklużi:
(a)l-għoti ta’ struzzjonijiet lill-esportatur jew lit-trasportatur li l-merkanzija ma għandhiex titgħabba jew tiġi ttrasportata;
(b)it-talba ta’ informazzjoni jew ta’ azzjoni addizzjonali;
(c)l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom tista’ tkun xierqa azzjoni minn awtorità oħra;
(d)ir-rakkomandazzjoni tal-aktar post u miżuri xierqa sabiex jitwettaq kontroll;
(e)id-determinazzjoni tar-rotta li għandha tintuża, u l-limitu ta’ żmien li għandu jiġi rrispettat meta l-merkanzija għandha tinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.L-uffiċċju doganali tal-ħruġ għandu jwettaq ukoll analiżi tar-riskju meta t-trasportatur jipprovdi l-informazzjoni dwar il-merkanzija inkluża skont l-Artikolu 95(6).
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-limiti ta’ żmien li fihom għandha titwettaq l-analiżi tar-riskju u l-miżuri neċessarji fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżi tar-riskju li għandhom jittieħdu, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 98
Preżentazzjoni u konferma tal-ħruġ
1.Meta l-informazzjoni ta’ qabel it-tluq ma tkunx ġiet ipprovduta sal-limitu ta’ żmien speċifiku jew meta l-awtoritajiet doganali jew il-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali tkun tirrikjedi dan, it-trasportatur għandu jippreżenta l-merkanzija li għandha tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ qabel it-tluq tagħha.
2.It-trasportatur għandu jikkonferma lill-awtoritajiet doganali l-ħruġ tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Unjoni.
Artikolu 99
Proċedura tal-esportazzjoni
1.Il-merkanzija tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni maħsuba sabiex tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni.
2.Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)tkun ġiet ipprovduta jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali l-informazzjoni minima, li trid tinkludi tal-anqas l-esportatur responsabbli għall-merkanzija, il-bejjiegħ, ix-xerrej, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja, id-deskrizzjoni tal-merkanzija u l-post fejn tinsab;
(b)jitħallas jew jiġi ggarantit kwalunkwe dazju fuq l-esportazzjoni jew imposta oħra dovuta; u
(c)
il-merkanzija tikkonforma mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali.
3.Merkanzija li sejra tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tkun soġġetta, kif xieraq, għal dawn li ġejjin:
(a)ir-ripagament jew ir-remissjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni;
(b)il-pagament tar-rimborżi fuq l-esportazzjoni;
(c)il-formalitajiet meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ imposti oħrajn.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw u jemenda wdan ir-Regolament billi jiddeterminaw id-data pprovduta jew magħmula disponibbli għall-awtoritajiet doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt esportazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (a).
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għar-rifużjoni tal-VAT lil persuni fiżiċi mhux stabbiliti fl-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-punt (b). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 100
Eżenzjoni mid-dazju fuq l-esportazzjoni għall-merkanzija tal-Unjoni esportata fuq bażi temporanja
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 140, merkanzija tal-Unjoni esportata fuq bażi temporanja mit-territorju doganali tal-Unjoni għandha tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju fuq l-esportazzjoni, soġġetta għall-importazzjoni mill-ġdid tagħha.
Titolu VIII
PROĊEDURI SPEĊJALI
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 101
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Il-merkanzija tista’ titqiegħed taħt xi waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin ta’ proċeduri speċjali:
(a)tranżitu, li għandu jinkludi t-tranżitu estern u intern;
(b)ħażna, li tinkludi l-ħażna doganali u żoni ħilsin;
(c)użu speċifiku, li għandu jinkludi dħul temporanju u użu aħħari;
(d)proċessar, li għandu jinkludi proċessar attiv u passiv.
2. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw u jemenda wdan ir-Regolament billi jiddeterminaw id-data pprovduta jew magħmula disponibbli għall-awtoritajiet doganali għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċeduri speċjali.
Artikolu 102
Awtorizzazzjoni
1.L-importaturi jew l-esportaturi li jkollhom l-intenzjoni li jqiegħdu merkanzija taħt proċedura doganali speċjali għandu jkollhom awtorizzazzjoni mingħand l-awtoritajiet doganali għal dawn li ġejjin:
(a)l-użu tal-proċedura tal-proċessar attiv jew passiv, tal-proċedura ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari;
(b)l-operat tal-faċilitajiet ta’ ħażna għall-ħażna doganali tal-merkanzija, minbarra meta l-operatur tal-faċilità ta’ ħażna jkun l-awtorità doganali nnifisha.
L-awtorizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dawk il-proċeduri jew għall-operat ta’ dawk il-faċilitajiet ta’ ħżin.
2.Ħlief meta jkun stipulat mod ieħor, l-awtoritajiet doganali għandhom jiagħtu l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 biss meta jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)id-detentur tal-awtorizzazzjoni jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni, ħlief meta jkun previst mod ieħor għal dħul temporanju jew, f’każijiet eċċezzjonali, għall-proċeduri ta’ użu aħħari jew ta’ proċessar attiv;
(b)id-detentur tal-awtorizzazzjoni jipprovdi l-assigurazzjoni neċessarja tat-twettiq xieraq tal-operazzjonijiet; operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jitqies li jissodisfa din il-kundizzjoni, sa fejn l-attività li tappartjeni għall-proċedura speċjali kkonċernata titqies fl-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 25;
(c)l-awtoritajiet doganali jqisu li meta d-detentur tal-awtorizzazzjoni ma jkunx operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check), ikun neċessarju li tiġi prevista garanzija għad-dejn doganali potenzjali jew għal imposti oħrajn relatati mal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura speċjali;
(d)l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jeżerċitaw superviżjoni doganali mingħajr ma jkollhom għalfejn jintroduċu arranġamenti amministrattivi li jkunu sproporzjonati għall-ħtiġijiet ekonomiċi involuti;
(e)jekk l-awtorizzazzjoni tikkonċerna ammissjoni temporanja, id-detentur tal-awtorizzazzjoni juża l-merkanzija jew jagħmel arranġamenti għall-użu tagħha;
(f)jekk l-awtorizzazzjoni tikkonċerna l-proċedura ta’ proċessar, id-detentur tal-awtorizzazzjoni jwettaq operazzjonijiet ta’ proċessar fuq il-merkanzija jew jagħmel arranġamenti sabiex dawn jitwettqu;
(g)l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni ma jkunux affettwati ħażin mill-awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ proċessar (“eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi”).
3.Sakemm ma jkunx ġustifikat mod ieħor min-natura ekonomika tal-proċessar, sabiex jiġi vvalutat jekk għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ proċessar attiv jaffettwax ħażin l-interess essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni, l-awtoritajiet doganali li joħorġu l-awtorizzazzjoni għandhom, qabel ma jadottaw id-deċiżjoni tagħhom dwar l-awtorizzazzjoni, jitolbu l-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE jekk:
(a)id-dazju fuq l-importazzjoni applikabbli mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti proċessati jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni tariffarja, tal-valur doganali, tal-kwantità, tan-natura u tal-oriġini tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv f’konformità mal-Artikolu 168(3) u (4); u
(b)tkun teżisti evidenza li l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni x’aktarx li jiġu affettwati b’mod avvers. Evidenza bħal din għandha titqies li teżisti meta l-merkanzija li għandha titqiegħed taħt proċessar attiv tkun soġġetta għal miżura tal-politika agrikola, dazju anti-dumping proviżorju jew definittiv, dazju kumpensatorju, miżura ta’ salvagwardja jew dazju addizzjonali li jirriżulta minn sospensjoni ta’ konċessjonijiet jekk tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera.
4.Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ proċessar passiv jaffettwax ħażin l-interess essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom, qabel ma jadottaw id-deċiżjoni tagħhom dwar l-awtorizzazzjoni, jitolbu l-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE meta tkun teżisti evidenza li l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni ta’ oġġetti li jitqiesu sensittivi x’aktarx li jiġu affettwati b’mod negattiv, u l-oġġetti ma jkunux maħsubin sabiex jissewwew.
5.Meta tintalab f’konformità mal-paragrafi 3 u 4, l-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tasal għal waħda mill-opinjonijiet li ġejjin:
(a)l-għoti tal-awtorizzazzjoni ma jaffettwax ħażin l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni;
(b)l-għoti tal-awtorizzazzjoni jaffettwa ħażin l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni;
(c)l-għoti tal-awtorizzazzjoni għal kwantità debitament issostanzjata u mmonitorjata ta’ merkanzija li hija ddefinita fl-opinjoni ma jaffettwax ħażin l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni.
L-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE għandha titqies mill-awtoritajiet doganali li joħorġu l-awtorizzazzjonijiet kif ukoll minn kwalunkwe awtorità doganali oħra li tittratta awtorizzazzjonijiet simili. L-awtoritajiet doganali li joħorġu l-awtorizzazzjoni jistgħu jinjoraw l-opinjoni adottata mill-Awtorità Doganali tal-UE dment li jagħtu raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom f’dak ir-rigward.
6.L-awtoritajiet doganali li jagħtu l-awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu jew jagħmlu disponibbli l-awtorizzazzjonijiet fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Meta l-awtorizzazzjonijiet għal proċeduri speċjali jkun fihom informazzjoni kummerċjalment sensittiva, l-aċċess għad-dettalji tagħhom għandu jkun ristrett.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament sabiex jiddeterminaw:
(a)l-eċċezzjonijiet għall-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2;
(b)il-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 li fihom in-natura ekonomika tal-ipproċessar tiġġustifika li l-awtoritajiet doganali jivvalutaw jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ pproċessar attiv jaffettwax ħażin l-interess essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni mingħajr l-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE;
(c)il-lista ta’ merkanzija meqjusa sensittiva msemmija fil-paragrafu 4.
8.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)ir-regoli proċedurali għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 1;
(b)ir-regoli proċedurali għall-Awtorità Doganali tal-UE sabiex tipprovdi l-opinjoni tagħha; u
(c)il-kwantità u r-regoli għall-monitoraġġ tal-livell limitu msemmi fil-paragrafu 5.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
9.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(1), għandu jsir eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi msemmijin fil-paragrafu 2, il-punt (f), fil-livell tal-Unjoni ospitat mill-Kummissjoni. Sa dik id-data, meta ssir referenza għall-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE skont dan il-Kapitolu, hija maħsuba li tirreferi għall-eżami fil-livell tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 103
Awtorizzazzjonijiet b’effett retroattiv
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)ikun hemm ħtieġa ekonomika ippruvata;
(b)l-applikazzjoni ma tkunx relatata ma’ attentat ta’ qerq;
(c)l-applikant, fuq il-bażi ta’ kontijiet jew ta’ rekords, ta prova li:
(i)ir-rekwiżiti kollha tal-proċedura jkunu ssodisfati;
(ii)meta xieraq, il-merkanzija tista’ tiġi identifikata għall-perjodu involut;
(iii) tali kontijiet jew rekords jippermettu li l-proċedura tkun kkontrollata;
(d)il-formalitajiet kollha neċessarji sabiex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jistgħu jitwettqu, inkluża, meta tkun neċessarja, l-invalidazzjoni tar-rekords preċedenti kkonċernati;
(e)ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni b’effett retroattiv lill-applikant fi żmien 3 snin mid-data li fiha tkun ġiet aċċettata l-applikazzjoni;
(f)l-opinjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE ma tkunx meħtieġa sabiex jiġi vvalutat jekk l-għoti tal-awtorizzazzjoni jaffettwax ħażin l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni, ħlief meta applikazzjoni tikkonċerna t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-istess tip ta’ operazzjoni u ta’ merkanzija;
(g)l-applikazzjoni ma tikkonċernax l-operat ta’ faċilitajiet tal-ħżin għall-ħażna doganali ta’ merkanzija;
(h)meta applikazzjoni tkun tikkonċerna t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-istess tip ta’ operazzjoni u ta’ merkanzija, l-applikazzjoni tkun ppreżentata fi żmien 3 snin mill-iskadenza tal-awtorizzazzjoni oriġinali.
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv ukoll meta l-merkanzija li tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali ma tkunx għadha disponibbli fiż-żmien meta tkun ġiet aċċettata l-applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni.
Artikolu 104
Rekords
1.Id-detentur tal-awtorizzazzjoni, l-importatur jew l-esportatur, u l-persuni kollha li jwettqu attività li tinvolvi l-ħżin, ix-xogħol jew il-proċessar tal-merkanzija, jew il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’żoni libera, għandhom iżommu rekords xierqa f’forma approvata mill-awtoritajiet doganali u jipprovduhom jew jagħmlu disponibbli dawk ir-rekords fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
Ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni u d-dettalji li jippermettu lill-awtoritajiet doganali li jissorveljaw il-proċedura kkonċernata, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt dik il-proċedura, l-istatus doganali tagħha u l-movimenti tagħha.
2.Operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jitqies li jikkonforma mal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1.
Artikolu 105
Rilaxx ta’ proċedura speċjali
1.Minbarra fil-każ tal-proċedura ta’ tranżitu u mingħajr preġudizzju għas-superviżjoni doganali fir-rigward tal-użu finali previst fl-Artikolu 135, proċedura speċjali għandha tiġi rrilaxxata meta l-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura, jew il-prodotti pproċessati, jitqiegħdu taħt proċedura doganali sussegwenti, ikunu ttieħdu barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, jew inqerdu u ma tħalla l-ebda skart, jew jiġu abbandunati f’idejn l-Istat f’konformità mal-Artikolu 78.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-proċedura ta’ tranżitu meta jkunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data pprovduta jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-uffiċju doganali tat-tluq u dik ipprovduta jew imqiegħda għad-dispożizzjoni għall-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet kif suppost.
3.L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirregolazzaw is-sitwazzjoni tal-merkanzija li fir-rigward tagħha ma tkunx ġiet irrilaxxata proċedura fil-kundizzjonijiet predefiniti.
4.Il-proċedura għandha tingħalaq sa ċertu limitu ta’ żmien, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.
5.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4.
6.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għar-rilaxx ta’ proċedura speċjali msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 106
Trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lid-detentur ta’ awtorizzazzjoni għal proċedura speċjali għajr it-tranżitu sabiex jittrasferixxi bis-sħiħ jew parzjalment id-drittijiet u l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ merkanzija li tkun tqiegħdet taħt dik il-proċedura speċjali lil importatur jew lil esportatur li jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet għall-proċedura kkonċernata.
2.Id-detentur tal-awtorizzazzjoni li jkun qiegħed jittrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi tiegħu għandu jinforma lill-awtoritajiet doganali dwar it-trasferiment u dwar ir-rilaxx tal-proċedura, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkunux taw ukoll awtorizzazzjoni lill-importatur jew lill-esportatur li lilu jiġu ttrasferiti d-drittijiet u l-obbligi.
3.Meta t-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi jinvolvi aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet doganali li jawtorizzaw it-trasferiment għandhom jikkonsultaw lill-Istati Membri kkonċernati l-oħrajn.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għat-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ merkanzija li tkun tqiegħdet taħt proċedura speċjali għajr it-tranżitu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 107
Moviment tal-merkanzija
1.F’każijiet speċifiċi, l-importaturi u l-esportaturi jistgħu jmexxu merkanzija mqiegħda taħt proċedura speċjali minbarra dik tat-tranżitu jew f’żona ħielsa bejn postijiet differenti fit-territorju doganali tal-Unjoni.
2.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, fkonformità mal-Artikolu 261 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom l-importaturi u l-esportaturi jistgħu jmexxu l-merkanzija kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-moviment tal-merkanzija taħt proċedura speċjali minbarra t-tranżitu jew f’żona ħielsa kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 108
Forom tas-soltu ta’ maniġġ
1.Merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta’ ħażna doganali jew taħt proċedura ta’ proċessar jew f’żona ħielsa tista’ tkun soġġetta għall-forom tas-soltu ta’ maniġġ maħsubin għall-preservazzjoni tagħha, għat-titjib tad-dehra jew tal-kwalità kummerċjabbli tagħha jew għat-tħejjija tagħha għad-distribuzzjoni jew għall-bejgħ mill-ġdid.
2.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-forom tas-soltu ta’ maniġġ għall-merkanzija msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 109
Merkanzija ekwivalenti
1.Merkanzija ekwivalenti għandha tikkonsisti f’merkanzija tal-Unjoni li tkun maħżuna, użata jew ipproċessata minflok il-merkanzija mqiegħda taħt proċedura speċjali.
Taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv, il-merkanzija ekwivalenti hija merkanzija mhux tal-Unjoni li tiġi pproċessata minflok merkanzija tal-Unjoni mqiegħda taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv.
Ħlief meta jkun speċifikat mod ieħor, il-merkanzija ekwivalenti għandu jkollha l-istess kodiċi bi tmien numri tan-Nomenklatura Magħquda, l-istess kwalità kummerċjali u l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-merkanzija li tkun qiegħda tissostitwixxi.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jawtorizzaw dawn li ġejjin, sakemm ikun żgurat it-twettiq xieraq tal-proċedura, b’mod partikolari fir-rigward tas-superviżjoni doganali:
(a)l-użu ta’ merkanzija ekwivalenti taħt proċedura ta’ ħażna doganali, żoni ħilsin, ta’ użu aħħari u ta’ proċessar;
(b)l-użu ta’ merkanzija ekwivalenti taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju, f’każijiet speċifiċi;
(c)fil-każ tal-proċedura ta’ proċessar attiv, l-esportazzjoni tal-prodotti pproċessati miksubin minn merkanzija ekwivalenti qabel l-importazzjoni tal-merkanzija li qiegħda tieħu postha;
(d)fil-każ tal-proċedura ta’ proċessar passiv, l-importazzjoni ta’ prodotti pproċessati miksubin minn merkanzija ekwivalenti qabel l-esportazzjoni ta’ merkanzija li qiegħda tieħu postha.
Operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jitqies li jissodisfa l-kundizzjoni li jkun żgurat it-twettiq xieraq tal-proċedura, sakemm l-attività li tappartjeni għall-użu ta’ merkanzija ekwivalenti għall-proċedura kkonċernata tiġi kkunsidrata fl-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 25.
3.L-użu ta’ merkanzija ekwivalenti ma għandux ikun awtorizzat fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta jitwettqu biss il-forom tas-soltu ta’ maniġġ kif definiti fl-Artikolu 108 tal-ipproċessar attiv skont il-proċedura ta’ proċessar attiv;
(b)meta projbizzjoni ta’ restituzzjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew tal-eżenzjoni minnu, tkun tapplika għal merkanzija mhux oriġinarja użata fil-manifattura ta’ prodotti proċessati taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv, li għaliha tinħareġ prova tal-oriġini jew tkun saret fil-qafas ta’ arranġament preferenzjali bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi bħal dawn;
(c)meta dan ikun iwassal għal vantaġġ mhux ġustifikat fir-rigward tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew meta jkun stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
4.Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (c), u meta l-prodotti pproċessati jkunu soġġetti għal dazju fuq l-esportazzjoni li kieku ma kinux qegħdin jiġu esportati fil-kuntest tal-proċedura ta’ proċessar attiv, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jagħti garanzija sabiex jiżgura l-ħlas tad-dazju fuq l-esportazzjoni jekk il-merkanzija mhux tal-Unjoni ma tiġix importata fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 138(3).
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament sabiex jiddeterminaw:
(a)l-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu;
(b)il-kundizzjonijiet li fihom tintuża merkanzija ekwivalenti f’konformità mal-paragrafu 2;
(c)il-każijiet speċifiċi li fihom merkanzija ekwivalenti tintuża taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju, imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b);
(d)il-każijiet li fihom l-użu ta’ merkanzija ekwivalenti ma jkunx awtorizzat f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (c).
6.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-użu ta’ merkanzija ekwivalenti awtorizzat f’konformità mal-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 2
Simplifikazzjonijiet
Taqsima 1
Regoli ġenerali
Artikolu 110
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Il-merkanzija għandha titqiegħed taħt proċedura ta’ tranżitu mad-dħul tagħha fit-territorju doganali, sakemm ma tkunx diġà tqiegħdet taħt proċedura ta’ tranżitu speċifikata fl-Artikoli 111 u 112 jew titqiegħed taħt proċedura doganali oħra sal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 86(4).
2.Id-detentur tal-merkanzija għandu jitqies bħala l-importatur jew l-esportatur tal-merkanzija u għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta’ dazji doganali u ta’ taxxi u ta’ imposti oħrajn sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkollhomx data dwar importatur jew esportatur ieħor.
3.Merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni għandha tibqa’ taħt dik il-proċedura, sakemm titqiegħed taħt proċedura doganali oħra.
Artikolu 111
Tranżitu estern
1.Skont il-proċedura ta’ tranżitu estern, il-merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tiġi ttrasportata minn punt għal ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma tkun soġġetta għal kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin:
(a)dazju fuq l-importazzjoni jew imposti oħrajn, inklużi dazji anti-dumping, dazji kumpensatorji jew miżuri ta’ salvagwardja;
(b)miżuri ta’ politika kummerċjali, sakemm dawn ma jipprojbixxux id-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jew il-ħruġ tagħha minnu.
2.F’każijiet speċifiċi, merkanzija tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern.
3.Il-moviment kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jseħħ b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
(a)taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Unjoni;
(b)f’konformità mal-Konvenzjoni TIR, dment li tali moviment;
(i)ikun beda jew għandu jintemm barra t-territorju doganali tal-Unjoni;
(ii)isir bejn żewġ punti fit-territorju doganali tal-Unjoni u jkun għadda mit-territorju ta’ pajjiż terz;
(c)f’konformità mal-Konvenzjoni ATA jew mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, meta jseħħ moviment ta’ tranżitu;
(d)taħt il-kopertura tal-formola 302 prevista fil-Ftehim bejn il-Partijiet għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmat f’Londra fid-19 ta’ Ġunju 1951 u tal-formola 302 tal-UE;
(e)taħt is-sistema postali f’konformità mal-atti tal-Unjoni Postali Universali, meta l-merkanzija tinġarr minn jew għad-detenturi ta’ drittijiet u ta’ obbligi fil-qafas ta’ atti bħal dawn.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet speċifiċi li fihom il-merkanzija tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali li għandhom japplikaw il-paragrafu 3, il-punti (b) sa (e), fit-territorju doganali tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 112
Tranżitu intern
1.Skont il-proċedura ta’ tranżitu intern, u bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, il-merkanzija tal-Unjoni tista’ titmexxa minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni, u tgħaddi minn pajjiż terz, mingħajr l-ebda bidla fl-istatus doganali tagħha.
2.Il-moviment imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jseħħ b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
(a)taħt il-proċedura ta’ tranżitu intern fl-Unjoni, sakemm ikun hemm provvediment għal dik il-possibbiltà fi ftehim internazzjonali;
(b)f’konformità mal-Konvenzjoni TIR;
(c)f’konformità mal-Konvenzjoni ATA jew mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, meta jseħħ moviment ta’ tranżitu;
(d)taħt il-kopertura tal-formola 302 kif prevista fil-Ftehim bejn il-Partijiet għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmat f’Londra fid-19 ta’ Ġunju 1951 u tal-formola 302 tal-UE;
(e)taħt is-sistema postali f’konformità mal-atti tal-Unjoni Postali Universali, meta l-merkanzija tinġarr minn jew għad-detenturi ta’ drittijiet u ta’ obbligi fil-qafas ta’ atti bħal dawn.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali li għandhom japplikaw il-paragrafu 2, il-punti (b) sa (e), fit-territorju doganali tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 113
Territorju uniku għal finijiet ta’ tranżitu
Meta merkanzija titmexxa minn punt wieħed fit-territorju doganali tal-Unjoni għal ieħor f’konformità mal-Konvenzjoni TIR, mal-Konvenzjonijiet ATA jew ta’ Istanbul, taħt il-kopertura tal-formola 302, tal-formola 302 tal-UE jew taħt is-sistema postali, it-territorju doganali tal-Unjoni, għall-għanijiet ta’ dan it-trasport, għandu jitqies li jifforma territorju wieħed.
Artikolu 114
Esklużjoni ta’ persuni mill-operazzjonijiet tat-TIR
1.Fejn l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jiddeċiedu li jeskludu persuna mill-operazzjonijiet tat-TIR skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni tat-TIR, dik id-deċiżjoni għandha tapplika fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni u l-carnets TIR ippreżentati minn dik il-persuna ma għandhomx jkunu aċċettati minn kwalunkwe uffiċċju doganali.
2.Stat Membru għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu msemmija fil-paragrafu 1, flimkien mad-data tal-applikazzjoni tagħha, lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Doganali tal-UE.
Artikolu 115
Konsenjatur awtorizzat u konsenjatarju awtorizzat għall-finijiet tat-TIR
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jawtorizzaw lil persuna, umsejħa “konsenjatarju awtorizzat”, sabiex tirċievi merkanzija mmexxijja f’konformità mal-Konvenzjoni TIR f’post awtorizzat, sabiex il-proċedura tingħalaq f’konformità mal-Artikolu 1, il-punt (d), tal-Konvenzjoni TIR.
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jawtorizzaw lil persuna, imsejħa “konsenjatur awtorizzat”, sabiex tirċievi merkanzija li tkun se titmexxa f’konformità mal-Konvenzjoni TIR f’post awtorizzat, sabiex il-proċedura tinbeda f’konformità mal-Artikolu 1, il-punt (c) tal-Konvenzjoni TIR.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-konsenjatur awtorizzat għandu jkun awtorizzat juża siġilli ta’ tip speċjali f’konformità mal-Artikolu 116(4), il-punt (c).
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall- għoti tal-awtorizzazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2.
Taqsima 3
Tranżitu fl-Unjoni
Artikolu 116
Obbligi tad-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni u tat-trasportatur u tar-riċevitur tal-merkanzija li titmexxa taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni
1.Id-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-obbligi kollha li ġejjin:
(a)il-forniment ta’ data li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jissorveljaw il-merkanzija, inklużi tal-anqas l-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt dik il-proċedura, il-mezz tat-trasport, l-importatur jew l-esportatur, l-istatus doganali u l-movimenti;
(b)il-preżentazzjoni tal-merkanzija intatta u d-data meħtieġa, fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, sat-terminu mogħti u f’konformità mal-miżuri meħudin mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tagħha;
(c)l-osservanza tad-dispożizzjonijiet doganali relatati mal-proċedura;
(d)sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-leġiżlazzjoni doganali, l-għoti ta’ garanzija sabiex jiġi żgurat il-ħlas tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal kwalunkwe dejn doganali jew għal imposti oħrajn, li jistgħu jiġġarrbu fir-rigward tal-merkanzija.
2.L-obbligu tad-detentur tal-proċedura għandu jiġi ssodisfat u l-proċedura ta’ tranżitu għandha tintemm meta l-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura u l-informazzjoni meħtieġa jkunu disponibbli fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali.
3.Trasportatur jew riċevitur ta’ merkanzija li jaċċetta merkanzija meta jaf li din qiegħda titmexxa taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni għandu jkun ukoll responsabbli għall-preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni sat-terminu mogħti u f’konformità mal-miżuri meħudin mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tagħha.
4.Wara applikazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw kwalunkwe waħda mis-simplifikazzjonijiet li ġejjin li jirrigwardaw it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni jew ir-rilaxx ta’ dik il-proċedura:
(a)l-istatus ta’ konsenjatur awtorizzat, li jippermetti lid-detentur tal-awtorizzazzjoni iqiegħed merkanzija taħt proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni mingħajr ma jippreżentaha lid-dwana;
(b)l-istatus ta’ konsenjatarju awtorizzat, li jippermetti lid-detentur tal-awtorizzazzjoni jirċievi l-merkanzija mmexxija taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni f’post awtorizzat, sabiex jirrilaxxa l-proċedura f’konformità mal-paragrafu 2;
(c)l-użu ta’ siġilli ta’ tip speċjali, meta s-siġillar huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni;
(d)l-użu ta’ dokument tat-trasport elettroniku sabiex merkanzija titqiegħed taħt proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni, dment li jkun fih l-informazzjoni neċessarja, u li dan ikun disponibbli għall-awtoritajiet doganali fit-tluq kif ukoll fid-destinazzjoni sabiex ikunu jistgħu jsiru s-superviżjoni doganali tal-merkanzija u r-rilaxx tal-proċedura.
5.Tal-anqas kull 3 snin, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu monitoraġġ fil-fond tal-attivitajiet ta’ konsenjaturi u ta’ konsenjatarji awtorizzati sabiex jivvalutaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni.
6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jispeċifikaw aktar ir-rekwiżiti tad-data stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.
7.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar:
(a)it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni u r-rilaxx ta’ dik il-proċedura;
(b)l-operazzjoni tas-simplifikazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 117
Merkanzija li tgħaddi mit-territorju ta’ pajjiż terz skont il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Unjoni
1.Il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Unjoni għandha tapplika għall-merkanzija li tgħaddi minn pajjiż terz jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)isir provvediment għal dak l-għan fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali;
(b)it-tranżitu minn dak il-pajjiż terz isir taħt il-kopertura ta’ dokument uniku tat-trasport imfassal fit-territorju doganali tal-Unjoni.
2.Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), l-operazzjoni tal-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Unjoni għandha tiġi sospiża waqt li l-merkanzija tkun barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar is-superviżjoni doganali tal-merkanzija li tgħaddi mit-territorju ta’ pajjiż terz skont il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 3
Ħażna
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 118
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Permezz tal-proċedura ta’ ħażna, il-merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tinħażen fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma tkun soġġetta għal kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin:
(a)dazju fuq l-importazzjoni;
(b)tariffi oħrajn kif previsti skont dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn fis-seħħ;
(c)miżuri ta’ politika kummerċjali, sakemm dawn ma jipprojbixxux id-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jew il-ħruġ tagħha minnu.
2.Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija f’ħażna għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)id-data minima tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli għad-dwana, li trid tinkludi tal-anqas l-importatur responsabbli għall-merkanzija, il-manifattur, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja u d-deskrizzjoni tal-merkanzija u l-lista ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra applikata mill-awtoritajiet doganali fuq dik il-merkanzija, sakemm ma jkunx previst mod ieħor; u
(b)il-merkanzija tikkonforma mal-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali.
3.Merkanzija tal-Unjoni tista’ titqiegħed taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali jew ta’ żona ħielsa f’konformità mal-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali jew sabiex tibbenefika minn deċiżjoni li tagħti ripagament jew remissjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni. Merkanzija tal-Unjoni tista’ tiddaħħal, tinħażen, titmexxa, tintuża, tiġi pproċessata jew tiġi kkonsmata f’maħżen doganali jew f’żona ħielsa. F’każijiet bħal dawn, il-merkanzija ma għandhiex titqies li tkun qiegħda taħt proċedura ta’ ħażna.
4.L-importatur għandu jqiegħed merkanzija mhux tal-Unjoni mdaħħla f’maħżen doganali jew f’żona ħielsa taħt il-proċedura ta’ ħażna xierqa.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għat-tqegħid ta’ merkanzija tal-Unjoni taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali jew ta’ żona ħielsa kif imsemmi fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 119
Informazzjoni dwar il-ħażna
1.L-operatur ta’ maħżen doganali jew ta’ żona ħielsa għandu jipprovdi jew jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet doganali d-data minima neċessarja għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħażna tal-merkanzija li tinsab fiha, b’mod partikolari d-data msemmija fl-Artikolu 118(2), il-punt (a), l-istatus doganali tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ ħażna u l-movimenti sussegwenti ta’ dik il-merkanzija.
2.Meta l-importatur jew it-trasportatur ikun diġà pprovda jew għamel disponibbli l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1 jew parti minnha, l-operatur tal-maħżen doganali jew taż-żona ħielsa għandu jehmeż l-informazzjoni addizzjonali tiegħu stess mal-informazzjoni tal-importatur jew tat-trasportatur.
3.L-operatur jeħtieġlu ma jaċċettax merkanzija li għaliha l-informazzjoni minima ma tkunx ġiet ipprovduta jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni għad-dwana.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 120
Emendar jew invalidazzjoni tal-informazzjoni dwar il-ħażna
1.L-operatur ta’ maħżen doganali jew ta’ żona ħielsa jista’ jemenda dettall wieħed jew aktar mill-informazzjoni dwar il-merkanzija fil-faċilità tiegħu wara li tkun ġiet ipprovduta jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni, sakemm l-awtoritajiet doganali ma jkunux informaw lill-operatur li jkollhom l-intenzjoni li jeżaminaw il-merkanzija jew li jkunu stabbilew li l-informazzjoni dwar il-merkanzija ma tkunx korretta.
2.L-importatur, it-trasportatur jew l-operatur tal-maħżen ta’ żona ħielsa għandu jinvalida l-informazzjoni dwar il-merkanzija li ma tiddaħħalx fit-territorju doganali tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli. L-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw l-informazzjoni dwar dik il-merkanzija wara 30 jum mid-data li fiha tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli l-informazzjoni.
Artikolu 121
Durata ta’ proċedura ta’ ħażna
1.Ma għandux ikun hemm limitu fuq it-tul ta’ żmien li l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt proċedura ta’ ħażna.
2.F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jistabbilixxu limitu ta’ żmien li sa dan proċedura ta’ ħażna trid tiġi rrilaxxata b’mod partikolari meta t-tip u n-natura tal-merkanzija jistgħu, fil-każ ta’ ħażna fit-tul, ikunu ta’ theddida għas-saħħa u għall-ħajja tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, jew għall-ambjent.
Taqsima 2
Ħażna doganali
Artikolu 122
Ħażna fi mħażen doganali
1.Taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali, il-merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tinħażen f’bini jew fi kwalunkwe post ieħor awtorizzat għal dik il-proċedura mill-awtoritajiet doganali u taħt is-superviżjoni doganali (“imħażen doganali”).
2.L-imħażen doganali jistgħu jkunu disponibbli għall-użu minn kwalunkwe importatur għall-ħażna doganali ta’ merkanzija (“imħażen doganali pubbliċi”), jew għall-ħażna ta’ merkanzija importata mid-detentur ta’ awtorizzazzjoni għall-ħażna fl-imħażen doganali (“maħżen doganali privat”).
Artikolu 123
Awtorizzazzjoni għall-operat tal-imħażen doganali
1.L-operat ta’ maħżen doganali jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali, sakemm l-operatur tal-maħżen doganali ma jkunx l-awtorità doganali stess. L-awtorizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operat tal-maħżen doganali.
2.L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ikunu stabbiliti fit-territorji doganali tal-Unjoni;
(b)jipprovdu l-assigurazzjoni neċessarja għat-twettiq xieraq tal-operazzjonijiet;
(c)operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) għandu jitqies li jissodisfa din il-kundizzjoni sakemm l-operat tal-maħżen doganali jitqies fl-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 25;
(d)jipprovdu garanzija għad-dejn doganali potenzjali.
3.L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss meta l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jeżerċitaw is-superviżjoni doganali mingħajr ma jkollhom jintroduċu arranġamenti amministrativi li jkunu sproporzjonati għall-ħtiġijiet ekonomiċi involuti.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 124
Moviment tal-merkanzija fil-maħżen doganali
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw operatur ta’ maħżen doganali sabiex iċaqlaq il-merkanzija fil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-possibbiltà li l-merkanzija tiġi ttrasportata tkun prevista fl-awtorizzazzjoni tal-maħżen doganali;
(b)l-operatur tal-maħżen doganali jkun operatur ekonomiku awtorizzat ta’ fiduċja u ta’ verifika;
(c)l-informazzjoni dwar il-movimenti tiġi rreġistrata fir-rekords tal-operatur u tiġi pprovduta jew issir disponibbli għall-awtoritajiet doganali tat-tluq u tal-wasla tal-merkanzija.
2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċedura għall-moviment tal-merkanzija fil-maħżen doganali msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 125
Proċessar f’maħżen doganali
Meta tkun teżisti ħtieġa ekonomika u s-superviżjoni doganali ma tkunx affettwata ħażin, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw li merkanzija f’maħżen doganali titqiegħed sussegwentement taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv jew taħt il-proċedura tal-użu aħħari sabiex tiġi pproċessata f’maħżen doganali, soġġetta għall-kundizzjonijiet previsti minn dawk il-proċeduri.
Artikolu 126
Superviżjoni doganali
Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li l-merkanzija taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ma titneħħiex mis-superviżjoni doganali.
Taqsima 3
Żoni ħilsin
Artikolu 127
Deżinjazzjoni ta’ żoni ħilsin
1.L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw partijiet mit-territorju doganali tal-Unjoni bħala żoni ħilsin.
Għal kull żona ħielsa, l-Istat Membru għandu jiddetermina ż-żona koperta u jiddefenixxi l-punti tad-dħul u tal-ħruġ.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar iż-żoni ħilsin tagħhom li jkunu qegħdin jiġu operati.
3.Iż-żoni ħilsin għandhom ikunu magħluqin minn kull naħa.
Il-perimetru u l-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona taż-żoni ħilsin għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni doganali.
4.Il-persuni, il-merkanzija u l-mezzi tat-trasport li jidħlu fi jew jitilqu minn żoni ħilsin jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli doganali.
Artikolu 128
Binjiet u attivitajiet f’żoni ħilsin
1.Il-kostruzzjoni ta’ kwalunkwe bini f’żona ħielsa jeħtieġ l-approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet doganali.
2.Soġġetta għal-leġiżlazzjoni doganali, f’żona ħielsa għandha titħalla ssir kwalunkwe attività industrijali, kummerċjali jew ta’ servizz. L-issoktar ta’ tali attivitajiet għandu jkun soġġett għal notifika, bil-quddiem, lill-awtoritajiet doganali.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 2, fir-rigward tan-natura tal-merkanzija inkwistjoni, jew tar-rekwiżiti ta’ superviżjoni doganali, jew tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà u s-sikurezza.
4.L-awtoritajiet doganali jistgħu jipprojbixxu lil persuni li ma jipprovdux il-garanziji neċessarji ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet doganali milli jwettqu attività f’żona ħielsa.
Artikolu 129
Merkanzija mhux tal-Unjoni f’żoni ħilsin
1.Merkanzija mhux tal-Unjoni, filwaqt li tibqa’ f’żona ħielsa, tista’ tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera jew titqiegħed taħt proċedura ta’ proċessar attiv, ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari, bil-kundizzjonijiet stabbiliti għal dawk il-proċeduri.
F’każijiet bħal dawn, il-merkanzija ma titqiesx li qiegħda taħt il-proċedura ta’ żona ħielsa.
2.Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-provvisti jew għall-ħażna tal-provvisti, meta l-proċedura kkonċernata tistabbilixxi hekk, il-paragrafu 1 ma għandux jipprekludi l-użu jew il-konsum ta’ merkanzija li r-rilaxx tagħha għal ċirkolazzjoni libera jew għal dħul temporanju ma jkunx jinvolvi l-applikazzjoni ta’ miżuri tad-dazju fuq l-importazzjoni stabbiliti skont politiki agrikoli jew kummerċjali jew miżuri li jipprojbixxu l-użu ta’ dik il-merkanzija fl-Unjoni.
Użu jew konsum bħalħ dan jeħtieġ li l-informazzjoni xierqa tiġi pprovduta jew issir disponibbli għad-dwana.
Artikolu 130
Ħruġ ta’ merkanzija barra minn żona ħielsa
Merkanzija tista’ tinħareġ barra minn żona ħielsa biss jekk tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali oħra.
Artikolu 131
Status doganali
1.Wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata, l-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu l-istatus doganali bħala merkanzija tal-Unjoni tal-merkanzija li ġejja:
(a)merkanzija tal-Unjoni li tidħol f’żona ħielsa;
(b)merkanzija tal-Unjoni li għaddiet minn operazzjonijiet ta’ proċessar f’żona ħielsa;
(c)merkanzija rrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera f’żona ħielsa.
2.Meta merkanzija tinħareġ barra minn żona ħielsa u tiddaħħal f’parti oħra tat-territorju doganali tal-Unjoni jew titqiegħed taħt proċedura doganali, titqies bħala merkanzija mhux tal-Unjoni sakemm l-istatus doganali tagħha bħala merkanzija tal-Unjoni ma jiġix ipprovat.
3.Madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dazju fuq l-esportazzjoni u tal-liċenzji ta’ esportazzjoni jew tal-miżuri ta’ kontroll tal-esportazzjoni stabbiliti taħt il-linji ta’ politika komuni agrikoli jew kummerċjali, tali merkanzija titqies bħala merkanzija tal-Unjoni, sakemm ma jkunx stabbilit li ma jkollhiex status doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni.
Kapitolu 4
Użu speċifiku
Taqsima 1
Dħul temporanju
Artikolu 132
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju, il-merkanzija mhux tal-Unjoni intiża għall-esportazzjoni tista’ tkun soġġetta għal użu speċifiku fit-territorju doganali tal-Unjoni, b’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni u mingħajr ma tkun soġġetta għal kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin:
(a)tariffi oħrajn kif previsti skont dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn fis-seħħ;
(b)miżuri ta’ politika kummerċjali, sakemm dawn ma jipprojbixxux id-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jew il-ħruġ tagħha minnu.
2.Il-proċedura ta’ dħul temporanju tista’ tintuza’ biss dment li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-merkanzija ma tkunx maħsuba li tgħaddi minn xi bidliet, ħlief minn inżul fil-valur tagħha minħabba l-użu li jsir minnha;
(b)ikun possibbli li jkun żgurat li l-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tista’ tiġi identifikata, ħlief meta, fid-dawl tan-natura tal-merkanzija jew tal-użu intiż, in-nuqqas ta’ miżuri ta’ identifikazzjoni ma jkunx jista’ jwassal għal kwalunkwe abbuż tal-proċedura jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 109, meta l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-rigward ta’ merkanzija ekwivalenti tista’ tiġi vverifikata;
(c)meta meħtieġa, tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 102 u d-data minima tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli għad-dwana qabel ir-rilaxx tal-merkanzija, li trid tinkludi tal-anqas l-importatur responsabbli għall-merkanzija, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja u deskrizzjoni tal-merkanzija u l-użu maħsub tagħha;
(d)ikunu ssodisfati r-rekwiżiti għall-eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali;
(e)l-merkanzija tkun waslet fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(f)il-merkanzija tikkonforma mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)l-użu speċifiku msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;
(b)ir-rekwiżiti għall-eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 133
Perjodu li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt proċedura ta’ dħul temporanju
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jiddeterminaw il-perjodu li matulu l-merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta’ dħul temporanju trid titqiegħed taħt proċedura doganali sussegwenti. Perjodu bħal dan irid ikun twil biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-użu awtorizzat.
2.Il-perjodu massimu li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju għall-istess fini u taħt ir-responsabbiltà tal-istess detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun ta’ 24 xahar, anki meta l-proċedura tiġi rrilaxxata bit-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura speċjali oħra u sussegwentement terġa’ titqiegħed taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju.
3.Meta, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-użu awtorizzat ma jistax jintlaħaq fil-perjodu msemmi fil-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu estensjoni ta’ durata raġonevoli għal dak il-perjodu, wara applikazzjoni ġustifikata mill-importatur.
4.Il-perjodu totali li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju ma għandux jaqbeż l-10 snin, ħlief fil-każ ta’ avveniment li ma setax ikun previst.
Artikolu 134
Ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni fil-każ ta’ dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni
1.L-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni fir-rigward ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni għandu jkun ta’ 3 % tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li kien ikollu jitħallas li kieku dik il-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera fid-data li fiha tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju.
Dak l-ammont għandu jitħallas għal kull xahar jew parti minn xahar li matulu l-merkanzija tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni.
2.L-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni ma għandux jeċċedi dak li kien ikollu jitħallas li kieku l-merkanzija kkonċernata ġiet urrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fid-data li tqiegħdet taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju.
Taqsima 2
Użu aħħari
Artikolu 135
Proċedura tal-użu aħħari
1.Skont il-proċedura tal-użu aħħari, il-merkanzija tista’ tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera taħt eżenzjoni mid-dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju li hija prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-kundizzjoni li l-importatur jassenja l-merkanzija għal użu speċifiku.
2.Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura tal-użu aħħari għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)meta meħtieġa, tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 102;
(b)id-data minima tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli għall-awtoritajiet doganali, li jridu jinkludu tal-anqas l-importatur responsabbli għall-merkanzija, il-bejjiegħ, ix-xerrej, il-manifattur, il-fornitur tal-prodott meta dan ikun differenti mill-manifattur, l-operatur ekonomiku responsabbli fl-Unjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2023/XXXX, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja u deskrizzjoni tal-merkanzija, ir-referenza unika tal-kunsinna u l-post fejn tinsab, u l-lista ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra applikata mill-awtoritajiet doganali għal dik il-merkanzija;
(c)kwalunkwe dazju fuq l-importazzjoni jew imposta oħra dovuta, inklużi dazji anti-dumping, dazji kumpensatorji jew miżuri ta’ salvagwardja, għandhom jitħallsu jew jiġu ggarantiti, sakemm il-merkanzija ma tkunx is-suġġett ta’ talba ta’ prelevament fuq kwota tariffarja;
(d)l-merkanzija tkun waslet fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(e)il-merkanzija tikkonforma mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali.
3.Meta l-merkanzija tkun fi stadju tal-produzzjoni li ekonomikament ikun jippermetti l-użu aħħari predefinit biss, l-awtoritajiet doganali jistgħu jistabbilixxu fl-awtorizzazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom il-merkanzija għandha titqies li tkun intużat għall-finijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi l-eżenzjoni mid-dazju jew ir-rata tad-dazju mnaqqsa.
4.Meta l-merkanzija tkun adattata għal użu ripetut u l-awtoritajiet doganali jqisu li dan ikun xieraq sabiex jiġi evitat l-abbuż, is-superviżjoni doganali għandha tkompli għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn wara d-data tal-ewwel użu tagħha għall-finijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi l-eżenzjoni mid-dazju jew ir-rata tad-dazju mnaqqsa.
5.Is-superviżjoni doganali taħt il-proċedura ta’ użu aħħari għandha tintemm fi kwalunkwe waħda minn dawn il-każijiet:
(a)meta l-merkanzija tkun intużat għall-finijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għal eżenzjoni mid-dazju jew għal rata tad-dazju mnaqqsa;
(b)meta l-merkanzija tkun inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni, tinqered jew tiġi abbandunata f’idejn l-Istat;
(c)meta l-merkanzija tkun intużat għal skopijiet oħrajn barra dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għal eżenzjoni mid-dazju jew għal rata tad-dazju mnaqqsa u jkun tħallas id-dazju fuq l-importazzjoni applikabbli.
6.Meta tkun meħtieġa rata ta’ rendiment, l-Artikolu 136 għandu japplika għall-proċedura ta’ użu aħħari.
7.L-iskart u r-ruttam li jirriżultaw mit-tħaddim jew mill-proċessar tal-merkanzija skont l-użu aħħari predefinit u t-telf dovut għal raġunijiet naturali għandhom jitqiesu bħala merkanzija assenjata għall-użu aħħari predefinit.
8.L-iskart u r-ruttam li jirriżultaw mill-qerda ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari jitqiesu li tqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali.
Kapitolu 5
Proċessar
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 136
Rata ta’ rendiment
Ħlief meta tkun speċifikata rata ta’ rendiment fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola oqsma speċifiċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu jew ir-rata ta’ rendiment jew ir-rata medja ta’ rendiment tal-operazzjoni ta’ proċessar jew meta jkun xieraq, il-metodu sabiex tiġi ddeterminata tali rata.
Ir-rata ta’ rendiment jew ir-rata medja ta’ rendiment għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi attwali li fihom jitwettqu jew li fihom ikunu se jitwettqu operazzjonijiet ta’ proċessar. Dik ir-rata tista’ tiġi aġġustata, meta jkun xieraq, f’konformità mal-Artikolu 10.
Taqsima 2
Proċessar attiv
Artikolu 137
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 109, taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv merkanzija mhux tal-Unjoni tista’ tintuża fit-territorju doganali tal-Unjoni f’operazzjoni waħda jew aktar ta’ proċessar mingħajr ma merkanzija bħal din tkun soġġetta għal kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin:
(a)dazju fuq l-importazzjoni jew imposti oħrajn inklużi dazji anti-dumping, dazji kumpensatorji jew miżuri ta’ salvagwardja;
(b)miżuri ta’ politika kummerċjali, sakemm dawn ma jipprojbixxux id-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jew il-ħruġ tagħha minnu.
2.Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)meta tkun meħtieġa, tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 102, għal wieħed mill-użi msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;
(b)id-data minima tkun ġiet ipprovduta jew magħmula disponibbli għad-dwana, li trid tinkludi tal-anqas l-importatur responsabbli għall-merkanzija, il-bejjiegħ, ix-xerrej, il-manifattur, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja u deskrizzjoni tal-merkanzija u l-post fejn tinsab, u l-lista ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(c)l-merkanzija tkun waslet fit-territorju doganali tal-Unjoni.
3.L-importaturi jistgħu jużaw il-proċedura ta’ proċessar attiv għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)it-tiswija tal-merkanzija li tkun maħsuba sabiex titqiegħed taħt proċessar attiv;
(b)il-qerda tal-merkanzija li tkun maħsuba sabiex titqiegħed taħt proċessar attiv;
(c)il-produzzjoni ta’ prodotti pproċessati li fihom tista’ tiġi identifikata l-merkanzija mqiegħda taħt proċessar attiv, mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ aċċessorji tal-produzzjoni;
(d)it-twettiq ta’ operazzjonijiet fuq il-merkanzija mqiegħda taħt proċessar attiv sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħha mar-rekwiżiti tekniċi għar-rilaxx tagħha għaċ-ċirkolazzjoni libera;
(e)is-soġġettar tal-merkanzija mqiegħda taħt proċessar attiv għal forom tas-soltu ta’ maniġġ f’konformità mal-Artikolu 108;
(f)il-produzzjoni ta’ prodotti pproċessati b’merkanzija ekwivalenti għall-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv, f’konformità mal-Artikolu 109.
Artikolu 138
Perjodu għar-rilaxx
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perjodu li fih il-proċedura ta’ pproċessar attiv għandha tiġi rrilaxxata, f’konformità mal-Artikolu 105.
Dak il-perjodu għandu jibda mid-data meta l-merkanzija mhux tal-Unjoni titqiegħed taħt il-proċedura u għandu jikkunsidra ż-żmien meħtieġ sabiex jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ proċessar u sabiex tiġi rrilaxxata l-proċedura.
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu estensjoni, ta’ durata raġonevoli, tal-perjodu speċifikat skont il-paragrafu 1, wara applikazzjoni ġustifikata mid-detentur tal-awtorizzazzjoni.
L-awtorizzazzjoni tista’ tispeċifika li perjodu li jibda waqt xahar, trimestru jew semestru għandu jintemm fl-aħħar jum tax-xahar, tat-trimestru jew tas-semestru sussegwenti, rispettivament.
3.Fil-każ ta’ esportazzjoni antiċipata f’konformità mal-Artikolu 109(2), il-punt (c), l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-perjodu li fih il-merkanzija mhux tal-Unjoni għandha tkun iddikjarata għall-proċedura ta’ proċessar attiv, filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ għall-akkwist u għat-trasport lejn it-territorju doganali tal-Unjoni.
Il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun stabbilit f’xhur u ma għandux jaqbeż is-6 xhur. Huwa għandu jibda minn meta tkun aċċettata d-dikjarazzjoni doganali għall-esportazzjoni marbuta mal-prodotti pproċessati miksubin mill-merkanzija ekwivalenti korrispondenti.
4.Wara talba tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, il-perjodu ta’ 6 xhur imsemmi fil-paragrafu 3 jista’ jittawwal anke wara l-iskadenza tiegħu, sakemm il-perjodu totali ma jaqbiżx it-tnax-il xahar.
Artikolu 139
Esportazzjoni temporanja għal proċessar ulterjuri
Wara applikazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw li parti mill-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv, jew kollha kemm hija, jew il-prodotti pproċessati, tiġi esportata temporanjament għall-fini ta’ proċessar ulterjuri barra t-territorju doganali tal-Unjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-proċedura ta’ proċessar passiv.
Taqsima 3
Proċessar passiv
Artikolu 140
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv il-merkanzija tal-Unjoni tista’ tiġi esportata temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni sabiex tgħaddi minn operazzjonijiet ta’ proċessar. Il-prodotti proċessati li jirriżultaw minn dik il-merkanzija jistgħu jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera b’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni wara applikazzjoni mid-detentur tal-awtorizzazzjoni jew minn kwalunkwe persuna oħra stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni dment li dik il-persuna tkun kisbet il-kunsens tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni.
2.Il-kundizzjonijiet għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċessar passiv għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a)meta meħtieġa, tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 102 u dan l-Artikolu;
(b)tkun ġiet ipprovduta jew tqiegħdet għad-dispożizzjoni tad-dwana d-data minima, li trid tinkludi tal-anqas l-esportatur responsabbli għall-merkanzija, il-bejjiegħ, ix-xerrej, il-valur, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja u d-deskrizzjoni tal-merkanzija;
(c)jitħallas jew jiġi ggarantit kwalunkwe dazju fuq l-esportazzjoni jew imposta oħra dovuta;
(d)il-merkanzija tikkonforma mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti applikata mill-awtoritajiet doganali;
3.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għal proċedura ta’ proċessar passiv għal kwalunkwe waħda mill-merkanzija tal-Unjoni li ġejja:
(a)merkanzija li l-esportazzjoni tagħha twassal għar-ripagament jew għar-remissjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni;
(b)merkanzija li, qabel ma kienet esportata, kienet rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera taħt eżenzjoni mid-dazju jew b’rata tad-dazju mnaqqsa bis-saħħa tal-użu aħħari tagħha, sakemm ma jintlaħqux l-għanijiet ta’ dak l-użu aħħari, ħlief meta dik il-merkanzija għandha tgħaddi minn operazzjonijiet ta’ tiswija;
(c)merkanzija li l-esportazzjoni tagħha twassal għall-għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni;
(d)merkanzija li fir-rigward tagħha jingħata vantaġġ finanzjarju barra r-rifużjonijiet imsemmijin fil-punt (ċ) taħt il-politika agrikola komuni permezz tal-esportazzjoni ta’ dik il-merkanzija.
4.L-awtoritajiet doganali għandhom jispeċifikaw il-perjodu li fih il-merkanzija li tkun esportata temporanjament għandha tkun importata mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni fil-forma ta’ prodotti pproċessati, u rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, sabiex tkun tista’ tgawdi minn eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni. Huma jistgħu jtawlu dak il-perjodu b’durata raġonevoli wara applikazzjoni ġustifikata mid-detentur tal-awtorizzazzjoni.
Artikolu 141
Merkanzija msewwija jew issostitwita mingħajr ħlas
1.Meta jiġi stabbilit għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali li l-merkanzija tkun issewwiet jew ġiet issostitwita mingħajr ħlas, jew minħabba obbligu kuntrattwali jew statutorju li jirriżulta minn garanzija jew minħabba difett fil-manifattura jew fil-materjal, jew minħabba li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet mitlubin mix-xerrej lill-bejjiegħ tal-merkanzija, din għandha tingħata eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn id-difett ta’ manifattura jew ta’ materjal kien ikkunsidrat fil-ħin meta l-merkanzija kkonċernata kienet rilaxxata għall-ewwel darba għaċ-ċirkolazzjoni libera.
Artikolu 142
Merkanzija msewwija jew mibdula fil-kuntest ta’ ftehimiet internazzjonali
1.Għandha tingħata eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni għall-prodotti proċessati li jirriżultaw minn merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv meta l-awtoritajiet doganali jkunu sodisfatti li:
(a)dik il-merkanzija ssewwiet jew inbidlet f’pajjiż terz li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim internazzjonali li jipprovdi għal eżenzjoni bħal din; u
(b)il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (a) huma ssodisfati.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti pproċessati li jirriżultaw minn merkanzija ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 109 u għall-prodotti sostituti kif imsemmi fl-Artikoli 143 u 144.
Artikolu 143
Sistema ta’ skambju standard
1.Taħt is-sistema standard ta’ skambju, prodott impurtat (“prodott sostitut”) jista’, f’konformità mal-paragrafi 2 sa 5, jieħu post prodott proċessat.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jawtorizzaw li tintuża s-sistema standard ta’ skambju meta l-operazzjoni ta’ proċessar tkun tinvolvi t-tiswija ta’ merkanzija difettuża tal-Unjoni li ma tkunx merkanzija soġġetta għall-miżuri tal-politika agrikola komuni jew għall-arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija li tirriżulta mill-proċessar ta’ prodotti agrikoli.
3.Il-prodotti sostituti għandu jkollhom l-istess kodiċi bi tmien numri tan-Nomenklatura Magħquda, l-istess kwalità kummerċjali u l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-merkanzija difettuża li kieku din tal-aħħar kellha tissewwa.
4.Meta l-merkanazija difettuża tkun intużat qabel l-esportazzjoni, il-prodotti sostituti iridu jkunu ntużaw ukoll.
Madankollu, l-awtoritajiet doganali għandhom ineħħu r-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu jekk il-prodott sostitut ikun ġie fornit mingħajr ħlas, jew minħabba xi obbligu kuntrattwali jew statutorju li jirriżulta minn garanzija jew minħabba xi difett materjali jew fil-manifattura.
5.Id-dispożizzjonijiet li jkunu japplikaw għall-prodotti proċessati għandhom japplikaw għall-prodotti sostituti.
Artikolu 144
Importazzjoni antiċipata ta’ prodotti sostituti
1.L-awtoritajiet doganali għandhom, bil-kundizzjonijiet li jistabbilixxu huma, u wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata, jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ prodotti sostituti qabel l-esportazzjoni tal-merkanzija difettuża.
Fil-każ ta’ tali importazzjoni antiċipata ta’ prodott sostitut, għandha tingħata garanzija li tkopri l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li jkollu jitħallas kieku l-merkanzija difettuża ma tiġix esportata f’konformità mal-paragrafu 2.
2.Il-merkanzija difettuża għandha tiġi esportata fi żmien xahrejn mid-data li tiġi aċċettata mill-awtoritajiet doganali d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti sostituti.
3.Meta, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-merkanzija difettuża ma tkunx tista’ tiġi esportata fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet doganali jistgħu jtawlu dak il-perjodu b’durata raġonevoli, wara applikazzjoni ġustifikata mressqa mid-detentur tal-awtorizzazzjoni.
Titolu IX
KLASSIFIKAZZJONI TARIFFARJA, ORIĠINI U VALUR TAL-MERKANZIJA
Kapitolu 1
Tariffa Doganali Komuni u klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija
Artikolu 145
Tariffa Doganali Komuni u sorveljanza doganali
1.Id-dazju dovut fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni għandu jkun ibbażat fuq it-Tariffa Doganali Komuni.
Miżuri oħrajn predefiniti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi marbutin mal-kummerċ tal-merkanzija għandhom, meta jkun xieraq, jiġu applikati f’konformità mal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ dik il-merkanzija.
2.It-Tariffa Doganali Komuni għandha tinkludi dawn kollha li ġejjin:
(a)in-Nomenklatura Magħquda tal-merkanzija kif stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87;
(b)kwalunkwe nomenklatura oħra li tkun ibbażata għalkollox jew parzjalment fuq in-Nomenklatura Magħquda jew li tipprevedi sottodiviżjonijiet ulterjuri għaliha, u li tkun stabbilita bid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi bil-ħsieb tal-applikazzjoni ta’ miżuri tariffarji relatati mal-kummerċ f’merkanzija;
(c)id-dazju doganali konvenzjonali jew normali u awtonomu applikabbli għal merkanzija koperta min-Nomenklatura Magħquda;
(d)il-miżuri tariffarji preferenzjali li jinsabu fi ftehimiet li l-Unjoni kkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi terzi jew ma’ gruppi ta’ pajjiżi terzi;
(e)miżuri tariffarji preferenzjali adottati b’mod unilaterali mill-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi terzi jew ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi;
(f)miżuri awtonomi li jipprovdu għal tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, dazju doganali fuq ċerta merkanzija;
(g)trattament tariffarju favorevoli speċifikati għal ċerta merkanzija, minħabba n-natura jew l-użu aħħari tagħha, fil-qafas tal-miżuri msemmijin fil-punti (c) sa (f) jew (h);
(h)miżuri oħrajn previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola jew kummerċjali jew minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li huma bbażati fuq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, b’mod partikolari, dazju anti-dumping provviżorju jew definittiv, dazju kumpensatorju jew miżura ta’ salvagwardja.
3.Meta l-merkanzija kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet inklużi fil-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punti (d) sa (g), dawn il-miżuri jistgħu japplikaw minflok dawk previsti fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu. Miżuri bħal dawn jistgħu jiġu applikati b’mod retrospettiv, dment li jiġu ssodisfati l-limiti ta’ żmien u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-miżura rilevanti jew f’dan ir-Regolament u li:
(a)f’dak li jkollu x’jaqsam mal-miżuri stabbiliti fil-punti (d) u (e), dawn jipprovdu għal applikazzjoni retrospettiva bħal din;
(b)f’dak li jkollu x’jaqsam mal-miżuri stabbiliti fil-punt (d), il-pajjiż terz jew il-grupp ta’ pajjiżi terzi jippermetti wkoll applikazzjoni retrospettiva bħal din.
4.Meta l-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2, il-punti (d) sa (g), jew l-eżenzjoni mill-miżuri msemmijin fil-punt (h) tiegħu, tkun ristretta biss għal ċertu volum ta’ importazzjonijiet jew ta’ esportazzjonijiet, it-tali applikazzjoni jew eżenzjoni għandha tieqaf, fil-każ tal-kwoti tariffarji, jew ta’ kwoti oħrajn, malli jintlaħaq il-volum speċifikat ta’ importazzjonijiet jew ta’ esportazzjonijiet.
Fil-każ tal-limiti tariffarji, tali applikazzjoni għandha tieqaf bis-saħħa ta’ att legali tal-Unjoni.
5.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrifjutaw l-applikazzjoni tat-tariffa simplifikata għall-bejgħ mill-bogħod meta jistabbilixxu, fuq il-bażi ta’ data rilevanti u oġġettiva, li l-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija importata minn pajjiżi terzi kien maħsub għal persuni għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.
6.Il-Kummissjoni tista’ tagħmel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-esportazzjoni u t-tqegħid taħt ċerti proċeduri speċjali ta’ merkanzija soġġetti għas-sorveljanza doganali, għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 31(4).
7.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri dwar il-ġestjoni uniformi tat-tariffa u ta’ kwoti oħrajn u l-limiti tariffarji u limiti oħrajn imsemmijin fil-paragrafu 4, u dwar il-ġestjoni tas-sorveljanza doganali msemmija fil-paragrafu 6. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 146
Klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija
1.Għall-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew mis-sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-Nomenklatura Magħquda li taħtha tkun se tiġi kklassifikata dik il-merkanzija.
2.Għall-applikazzjoni ta’ miżuri mhux tariffarji, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew mis-sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-Nomenklatura Magħquda, jew ta’ kwalunkwe nomenklatura oħra li hi stabbilita mill-provvedimenti tal-Unjoni u li tkun ibbażata għalkollox jew parzjalment fuq in-Nomenklatura Magħquda jew li tipprovdi sottodiviżjonijiet ulterjuri fiha, li taħtha tkun se tiġi kklassifikata dik il-merkanzija.
3.Is-subintestatura jew is-sottodiviżjoni ulterjuri determinata f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 għandha tintuża għall-fini tal-applikazzjoni tal-miżuri marbutin ma’ dik is-subintestatura.
4.Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija f’konformità mal-paragrafi 1 u 2.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Għal raġunijiet imperattivi ġustifikati ta’ urġenza marbutin mal-ħtieġa li tiġi żgurata rapidament l-applikazzjoni korretta u uniformi tan-Nomenklatura Magħquda, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 262(5).
Kapitolu 2
Oriġini tal-merkanzija
Artikolu 147
Oriġini nonpreferenzjali
Ir-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini nonpreferenzjali tal-merkanzija fl-Artikoli 148 u 149 għandhom jintużaw għall-applikazzjoni ta’ dawn li ġejjin:
(a)it-Tariffa Doganali Komuni, ħlief għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 145(2), il-punti (d) u (e);
(b)miżuri, għajr miżuri tariffarji, stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi relatati mal-kummerċ fil-merkanzija; u
(c)miżuri oħrajn tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija.
Artikolu 148
Akkwist tal-oriġini
1.Merkanzija miksuba għalkollox f’pajjiż jew f’territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina f’dak il-pajjiż jew it-territorju.
2.Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew fit-territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali u ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu r-regoli li fuq il-bażi tagħhom il-merkanzija, li d-determinazzjoni tal-oriġini nonpreferenzjali tagħha hija meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 147, tkun ikkunsidrata bħala miksuba għalkollox f’pajjiż jew f’territorju wieħed jew li tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali u ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew f’territorju, f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 149
Prova ta’ oriġini nonpreferenzjali
1.Meta l-importatur ikun indika oriġini tal-merkanzija skont il-leġiżlazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jeħtieġu prova tal-oriġini tal-merkanzija.
2.Meta tingħata prova tal-oriġini tal-merkanzija skont il-leġiżlazzjoni doganali jew leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tirregola oqsma speċifiċi, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f’każ ta’ dubju raġonevoli, jeħtieġu kwalunkwe evidenza addizzjonali li tkun meħtieġa sabiex jiżguraw li l-indikazzjoni tal-oriġini tikkonforma mar-regoli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.
3.Meta l-eżiġenzi tal-kummerċ ikunu jeħtieġu hekk, jista’ jinħareġ dokument fl-Unjoni li jagħti prova tal-oriġini f’konformità mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ fil-pajjiż jew fit-territorju ta’ destinazzjoni jew kwalunkwe metodu ieħor li jidentifika l-pajjiż fejn il-merkanzija nkisbet kollha kemm hija jew għaddiet mill-aħħar trasformazzjoni sostanzjali tagħha.
4.Meta l-importatur ikun għażel li japplika t-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod kif imsemmi fl-Artikolu 156(2), l-awtoritajiet doganali ma għandhomx jirrikjedu lil importatur jagħti prova tal-oriġini tal-merkanzija.
5.Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-għoti u għall-verifika ta’ prova tal-oriġini. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 150
Oriġini preferenzjali tal-merkanzija
1.Sabiex tibbenefika mill-miżuri msemmijin fl-Artikolu 145(2), il-punti (d) u (e), jew minn miżuri preferenzjali nontariffarji, il-merkanzija għandha tikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali msemmijin fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.
2.Fil-każ ta’ merkanzija li tibbenefika minn miżuri preferenzjali stabbiliti fi ftehimiet, li l-Unjoni tkun ikkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi terzi jew ma’ gruppi ta’ tali pajjiżi, ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għandhom ikunu stabbiliti f’dawk il-ftehimiet.
3. Fil-każ ta’ merkanzija li tibbenefika minn miżuri preferenzjali adottati unilateralment mill-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi terzi jew ta’ gruppi ta’ tali pajjiżi, għajr dawk imsemmijin fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261 sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu regoli dwar l-oriġini preferenzjali. Dawk ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterju li l-merkanzija nkisbet kollha kemm hija jew fuq il-kriterju li l-merkanzija tirriżulta minn proċessar jew xogħol suffiċjenti
4.Fil-każ ta’ merkanzija li tgawdi minn miżuri preferenzjali applikabbli fil-kummerċ bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u Ceuta u Melilla, kif stabbiliti fil-Protokoll 2 għall-Att tal-Adeżjoni tal-1985, ir-regoli dwar oriġini preferenzjali għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dak il-Protokoll.
5.Fil-każ ta’ merkanzija li tgawdi minn miżuri preferenzjali stabbiliti fl-arranġamenti preferenzjali favur il-pajjiżi u t-territorji barranin assoċjati mal-Unjoni, ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 203 tat-TFUE.
6.Fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba ta’ pajjiż jew ta’ territorju benefiċjarju, il-Kummissjoni tista’, għal ċerta merkanzija, tagħti lil dak il-pajjiż jew territorju deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali msemmijin fil-paragrafu 3.
Id-deroga temporanja għandha tkun ġustifikata minn waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)fatturi interni jew esterni jċaħħdu temporanjament lill-pajjiż jew territorju benefiċjarju mill-kapaċità li jikkonforma mar-regoli dwar l-oriġini preferenzjali;
(b)il-pajjiż jew territorju benefiċjarju jeħtieġ iż-żmien sabiex iħejji ruħu sabiex jikkonforma ma’ dawk ir-regoli.
7.Talba għal deroga għandha ssir lill-Kummissjoni mill-pajjiż jew mit-territorju benefiċjarju kkonċernat. It-talba għandha tiddikjara r-raġunijiet, kif indikat fit-tieni subparagrafu, għaliex tkun meħtieġa deroga u għandha tinkludi d-dokumenti ta’ sostenn xierqa.
8.Id-deroga temporanja għandha tkun limitata għad-durata tal-effetti tal-fatturi interni jew esterni li jagħtu lok għaliha jew it-tul ta’ żmien meħtieġ għall-pajjiż jew għat-territorju benefiċjarju sabiex jikseb konformità mar-regoli.
9.Meta tingħata deroga, il-pajjiż jew it-territorju benefiċjarju kkonċernat għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit stabbilit rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni dwar l-użu tad-deroga u l-ġestjoni tal-kwantitajiet li għalihom tingħata d-deroga.
10.Meta l-importatur ikun għażel li japplika t-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod, l-importatur ma jistax jibbenefika mill-miżuri msemmijin fl-Artikolu 145(2), il-punti (d) u (e), jew minn miżuri preferenzjali nontariffarji.
11.Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)ir-regoli proċedurali dwar l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija għall-finijiet tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1;
(b)miżura li tagħti lil -pajjiż jew lil territorju benefiċjarju d-deroga temporanja msemmija fil-paragrafu 6.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 151
Determinazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija speċifika
Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri li jiddeterminaw l-oriġini ta’ merkanzija speċifika f’konformità mar-regoli ta’ oriġini applikabbli għal dik il-merkanzija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza marbutin ma’ tali miżuri, li jkunu debitament ġustifikati permezz tal-ħtieġa li tkun żgurata malajr l-applikazzjoni korretta u uniformi tar-regoli dwar l-oriġini, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 262(5).
Kapitolu 3
Valur tal-merkanzija għal skopijiet doganali
Artikolu 152
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-valur doganali tal-merkanzija, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni u tal-miżuri nontariffarji stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi marbutin mal-kummerċ fil-merkanzija, għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikoli 153 u 157.
Artikolu 153
Metodu ta’ valutazzjoni doganali bbażat fuq il-valur tat-tranżazzjoni
1.Il-bażi primarja għall-valur doganali tal-merkanzija għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbigħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat f’konformità mal-Artikoli 154 u 155.
2.Il-prezz li effettivament tħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun il-pagament totali magħmul jew li għandu jsir mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil parti terza għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-pagamenti kollha magħmula jew li għandhom isiru bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija importata.
3.Il-valur tat-tranżazzjoni għandu japplika dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)ma jkunx hemm restrizzjonijiet fuq kif ix-xerrej jiddisponi minn jew juża l-merkanzija, minbarra kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(i)restrizzjonijiet imposti jew meħtieġa bil-liġi jew minn awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni;
(ii)limitazzjonijiet taż-żona ġeografika li fiha l-merkanzija tista’ terġa’ tinbiegħ;
(iii) restrizzjonijiet li ma jaffettwawx sostanzjalment il-valur doganali tal-merkanzija;
(b)il-bejgħ jew il-prezz ma jkunx soġġett għal xi kundizzjoni jew kunsiderazzjoni li għaliha ma jistax jiġi ddeterminat valur rigward il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata;
(c)l-ebda parti mir-rikavati minn kwalunkwe bejgħ mill-ġdid, disponiment jew użu tal-merkanzija sussegwenti mix-xerrej ma tmur direttament jew indirettament għand il-bejjiegħ, sakemm ma jistax isir aġġustament xieraq;
(d)ma jkun hemm l-ebda relazzjoni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jew ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-valur doganali f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, inklużi dawk għall-aġġustament tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, u għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 154
Elementi tal-valur tat-tranżizzjonali
1.Waqt li jkun qiegħed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 153, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata għandu jkun supplimentat:
(a)b’dawn li ġejjin, sa fejn jiġġarrbu mix-xerrej iżda ma jkunux inklużi fil-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas għall-merkanzija:
(i)il-kummissjonijiet u s-senserija, ħlief għal kummissjonijiet ta’ xiri;
(ii)il-kost tal-kontenituri li jiġu ttrattati bħala ħaġa waħda, għal skopijiet doganali, mal-merkanzija inkwistjoni; u
(iii) il-prezz tal-ippakkjar, sew jekk għall-manodopera jew għall-materjal;
(b)bil-valur, imqassam kif xieraq, tal-merkanzija u tas-servizzi segwenti meta pprovduti direttament jew indirettament mix-xerrej mingħajr ħlas jew bi prezz imraħħas għall-użu fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija importata, sa fejn dak il-valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas:
(i)materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili inkorporati fil-merkanzija importata;
(ii)għodda, forom u oġġetti simili użati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata;
(iii) il-materjali ikkonsmati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata; u
(iv) l-inġinerija, l-iżvilupp, l-illustrazzjoni, ix-xogħol ta’ disinn, u pjanti u abbozzi magħmulin f’post ieħor barra l-Unjoni u neċessarji għall-produzzjoni tal-merkanzija importata;
(c)b’royalties u b’tariffi tal-liċenzja marbutin mal-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata li x-xerrej ikollu jħallas, jew direttament jew indirettament, bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata, sa fejn dawn ir-royalties u t-tariffi ma jkunux inklużi fil-prezz effetivament imħallas jew li jrid jitħallas;
(d)il-valur ta’ xi parti mir-rikavat minn xi bejgħ mill-ġdid, kif jiddisponu minn jew jużaw il-merkanzija li tkun dovuta direttament jew indirettament lill-bejjiegħ; u
(e)il-kostijiet li ġejjin sal-post fejn il-merkanziji tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni:
(i)il-kost tat-trasport u tal-assigurazzjoni tal-merkanzija importata; u
(ii)l-imposti tat-tagħbija u tal-maniġġ assoċjati mat-trasport tal-merkanzija importata.
2.Iż-żidiet mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, skont il-paragrafu 1, għandhom isiru biss fuq il-bażi ta’ fatti oġġettivi u kwantifikabbli.
3.L-ebda żieda ma għandha ssir mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas meta jkun qiegħed ikun stabbilit il-valur doganali ħlief kif stabbilit f’dan l-Artikolu.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-valur doganali f’konformità ma’ dan l-Artikolu, inklużi dawk għall-aġġustament tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 155
Elementi li ma għandhomx jiġu inklużi fil-valur doganali
1.Waqt li jkun qiegħed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 153, l-ebda minn dawn li ġejjin ma għandhom ikunu inklużi:
(a)il-kost tat-trasport tal-merkanzija importata wara d-dħul tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(b)l-imposti għall-kostruzzjoni, għall-bini, għall-assemblaġġ, għall-manutenzjoni jew għall-assistenza teknika, imwettqin wara d-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni tal-merkanzija importata bħal impjanti industrijali, makkinarju jew tagħmir;
(c)it-tariffi għall-imgħax taħt arranġament ta’ finanzjament konkluż mix-xerrej u li jkun marbut max-xiri tal-merkanzija importata, irrispettivament minn jekk il-finanzjament ikunx provdut mill-bejjiegħ jew minn xi persuna oħra, dment li dak l-arranġament ta’ finanzjament ikun sar bil-miktub u, meta jkun meħtieġ, ix-xerrej ikun jista’ juri li l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:
(i)tali merkanzija effettivament inbiegħet bil-prezz dikjarat bħala l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas;
(ii)ir-rata ta’ mgħax iddikjarata ma tisboqx il-livell għal tali transazzjonijiet bħal dawn li jipprevalu fil-pajjiż fejn, u fiż-żmien meta, il-finanzjament kien ingħata;
(d)ħlasijiet għad-dritt tar-riproduzzjoni tal-merkanzija importata fl-Unjoni; kummissjonijiet ta’ xiri;
(e)dazji fuq l-importazzjoni jew tariffi oħrajn li għandhom jitħallsu fl-Unjoni minħabba l-importazzjoni jew il-bejgħ tal-merkanzija;
(f)minkejja l-Artikolu 154(1), il-punt (c), pagamenti magħmulin mix-xerrej għad-dritt li jqassam jew jerġa’ jbigħ il-merkanzija importata, jekk dawn il-pagamenti ma jkunux kindizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.
2.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-valur doganali f’konformità ma’ dan l-Artikolu, inklużi dawk għall-aġġustament tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 156
Simplifikazzjonijiet
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jawtorizzaw li dawn li ġejjin jkunu determinati fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi, meta ma jkunux kwantifikabbli fid-data meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni doganali:
(a)l-ammonti li għandhom jiġu inklużi fil-valur doganali f’konformità mal-Artikolu 153(2); u
(b)l-ammonti msemmija fl-Artikoli 154 u 155.
2.Meta l-importatur ikun għażel li japplika t-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod, l-Artikolu 155(1), il-punt (a), ma għandux japplika u kemm il-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija importata sal-post fejn il-merkanzija tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni kif ukoll il-kostijiet tat-trasport wara d-dħul tagħha f’dak it-territorju, għandhom jiġu inklużi fil-valur doganali.
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1.
Artikolu 157
Metodi sekondarji ta’ valutazzjoni doganali
1.Meta l-valur doganali tal-merkanzija ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 153, dan għandu jiġi ddeterminat billi jipproċedi b’mod sekwenzjali mill-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2, sakemm jintlaħaq l-ewwel punt li fih jista’ jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija.
L-ordni ta’ applikazzjoni tal-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2 għandu jinqaleb jekk jitlob hekk l-importatur jew l-esportatur jew, meta applikabbli, id-dikjarant.
2.Il-valur doganali, skont il-paragrafu 1, għandu jkun:
(a)il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni u esportata fl-istess żmien jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata;
(b)il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni u esportata fl-istess żmien jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata;
(c)il-valur ibbażat fuq il-prezz unitarju li bih il-merkanzija importata, jew merkanzija identika jew simili importata, tinbiegħ fit-territorju doganali tal-Unjoni fl-akbar kwantità aggregata lill-persuni mhux relatati mal-bejjiegħa; jew
(d)il-valur komputat, magħmul mit-total ta’:
(i)il-kost jew il-valur tal-materjali u tal-fabbrikazzjoni jew xi pproċessar ieħor involut fil-produzzjoni tal-merkanzija importata;
(ii)ammont għall-profitt u għall-ispejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija tal-istess klassi jew tip bħal merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż tal-esportazzjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni;
(iii) il-kost jew il-valur tal-elementi msemmijin fl-Artikolu 154(1), il-punt (e).
3.Meta l-valur doganali ma jistax jiġi ddeterminat skont il-paragrafu 1, huwa għandu jkun ddeterminat fuq il-bażi tad-data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni, billi jintużaw mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dawn kollha li ġejjin:
(a)il-ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ;
(b)l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ;
(c)dan il-Kapitolu.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-valur doganali msemmijin f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 158
Determinazzjoni tal-valur tal-merkanzija f’sitwazzjonijiet speċifiċi
Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri li jistabbilixxu l-metodu xieraq ta’ valwazzjoni doganali jew kriterji li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija f’sitwazzjonijiet speċifiċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza marbutin ma’ tali miżuri, li jkunu debitament ġustifikati permezz tal-ħtieġa li tkun żgurata malajr l-applikazzjoni korretta u uniformi tar-regoli dwar il-valur doganali tal-merkanzija, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 262(5).
Titolu X
DJUN DOGANALI U GARANZIJI
Kapitolu 1
Tiġrib ta’ dejn doganali
Taqsima 1
Dejn doganali mal-importazzjoni
Artikolu 159
Rilaxx għal ċirkolazzjoni libera u dħul temporanju
1.L-importatur għandu jġarrab dejn doganali fil-ħin tar-rilaxx tal-merkanzija għall-proċedura ta’ ċirkolazzjoni libera, għall-proċedura ta’ użu aħħari, jew għall-proċedura ta’ dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni.
2.L-importatur għandu jkun id-debitur. Fil-każ ta’ rappreżentanza indiretta, l-importatur u l-persuna li f’isimha jkun qiegħed jaġixxi l-importatur għandhom ikunu t-tnejn li huma d-debituri u jkunu responsabbli in solidum għad-dejn doganali.
Meta l-informazzjoni pprovduta jew magħmula disponibbli għall-finijiet tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 twassal sabiex ma jinġabarx id-dazju fuq l-importazzjoni kollu jew parti minnu, il-persuna li pprovdiet dik l-informazzjoni u li kienet taf, jew li missha raġonevolment kienet taf, li tali informazzjoni kienet falza għandha tkun debitur ukoll.
3.Meta t-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4 tad-Direttiva 2006/112/KE japplika għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija li tkun se tiġi importata minn pajjiżi jew minn territorji terzi lil klijent fit-territorju doganali tal-Unjoni, l-importatur preżunt għandu jġarrab dejn doganali meta l-pagament għall-bejgħ mill-bogħod jiġi aċċettat u għandu jkun id-debitur.
Artikolu 160
Dispożizzjonijiet speċjali relatati ma’ merkanzija mhux oriġinarja
1.L-esportatur għandu jġarrab dejn doganali fil-mument tar-rilaxx tal-prodotti għall-esportazzjoni meta:
(a)arranġament preferenzjali bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi terzi jew gruppi ta’ tali pajjiżi jipprevedi li t-trattament tariffarju preferenzjali ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni jeħtieġ li merkanzija mhux oriġinarja użata fil-manifattura tagħhom tkun soġġetta għall-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni; u
(b)tkun inħarġet jew tfasslet prova tal-oriġini għal dawk il-prodotti.
2.L-esportatur għandu jikkalkola l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn daqslikieku l-merkanzija mhux oriġinarja li ntużat fil-manifattura tal-prodotti li jkunu qegħdin jiġu esportati ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-istess data.
3.Fil-każ ta’ rappreżentanza indiretta, l-esportatur u l-persuna li f’isimha jkun qiegħed jaġixxi l-esportatur għandhom isiru t-tnejn li huma debituri u jkunu responsabbli in solidum għad-dejn doganali.
Artikolu 161
Dejn doganali mġarrab minħabba nuqqas ta’ konformità
1.Għal merkanzija soġġetta għal dazju fuq l-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, il-proċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju jew id-disponiment ta’ tali merkanzija f’dak it-territorju;
(b)wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali dwar l-użu aħħari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(c)kundizzjoni li tirregola t-tqegħid ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni taħt proċedura doganali jew l-għoti, permezz tal-użu aħħari tal-merkanzija, ta’ eżenzjoni mid-dazju jew ta’ rata tad-dazju mnaqqsa fuq l-importazzjoni.
2.Iż-żmien meta jiġġarrab id-dejn doganali għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)il-mument meta l-obbligu li n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu jagħti lok għad-dejn doganali ma jiġix issodisfat jew ma jibqax issodisfat;
(b)il-mument meta l-merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali meta sussegwentement jiġi stabbilit li kundizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanzija taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ eżenzjoni mid-dazju jew ta’ rata tad-dazju mnaqqsa fuq l-importazzjoni bis-saħħa tal-użu aħħari tal-merkanzija fil-fatt ma tkunx ġiet issodisfata.
3.Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), id-debitur għandu jkun kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)kwalunkwe persuna li kienet meħtieġa tissodisfa l-obbligi kkonċernati;
(b)kwalunkwe persuna li kienet konxja jew li missha kienet konxja b’mod raġonevoli li ma ġiex sodisfatt obbligu skont il-leġiżlazzjoni doganali u li aġixxiet f’isem il-persuna li kienet obbligata tissodisfa l-obbligu, jew li ipparteċipat fl-att li wassal sabiex ma jintlaħaqx l-obbligu;
(c)kwalunkwe persuna li akkwistat jew żammet il-merkanzija inkwistjoni u li kienet konxja jew missha kienet konxja fil-ħin tal-akkwistat jew tar-riċevuta tal-merkanzija li ma ġiex issodisfat obbligu skont il-leġiżlazzjoni doganali.
4.Fil-kazijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, punt (c), id-debitur għandu jkun il-persuna li hi meħtieġa tikkonforma mal-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali jew l-għoti ta’ eżenzjoni mid-dazju jew ta’ rata tad-dazju mnaqqsa fuq l-importazzjoni minħabba l-użu aħħari tal-merkanzija.
Meta l-informazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni doganali relatata mal-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanzija taħt dik il-proċedura doganali tiġi pprovduta lill-awtoritajiet doganali, u tali informazzjoni twassal sabiex ma jinġabarx id-dazju fuq l-importazzjoni kollu jew parti minnu, il-persuna li pprovdiet l-informazzjoni u li kienet taf, jew li missha raġonevolment tkun taf, li tali informazzjoni kienet falza, għandha tkun debitur hija wkoll.
Artikolu 162
Tnaqqis ta’ ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li diġà tħallas
1.Meta jinħoloq dejn doganali, skont l-Artikolu 161(1) fir-rigward ta’ merkanzija rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera b’rata tad-dazju mnaqqsa fuq l-importazzjoni minħabba l-użu aħħari tagħha, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni mħallas meta l-merkanzija ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera għandu jitnaqqas mill-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika meta jiġġarrab dejn doganali fir-rigward ta’ ruttam u ta’ skart li jirriżultaw mill-qerda ta’ tali merkanzija.
2.Meta jiġġarrab dejn doganali, skont l-Artikolu 159(1) jew l-Artikolu 161(1) fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni, l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni mħallas taħt l-eżenzjoni parzjali għandu jitnaqqas mill-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali.
Taqsima 2
Dejn doganali mal-esportazzjoni
Artikolu 163
Esportazzjoni u proċessar passiv
1.L-esportatur għandu jġarrab dejn doganali fil-ħin tar-rilaxx tal-merkanzija soġġetta għal dazju fuq l-esportazzjoni taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni jew taħt il-proċedura ta’ proċessar passiv.
2.L-esportatur għandu jkun id-debitur. Fil-każ ta’ rappreżentanza indiretta, l-esportatur u l-persuna li f’isimha jkun qiegħed jaġixxi l-esportatur għandhom isiru t-tnejn li huma debituri u jkunu responsabbli in solidum għad-dejn doganali.
3.Meta l-informazzjoni pprovduta għat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura ta’ esportazzjoni twassal sabiex ma jinġabarx id-dazju fuq l-esportazzjoni kollu jew parti minnu, il-persuna li pprovdiet l-informazzjoni u li kienet taf, jew li missha raġonevolment kienet taf, li tali informazzjoni kienet falza għandha tkun debitur ukoll.
Artikolu 164
Dejn doganali mġarrab minħabba nuqqas ta’ konformità
1.Għal merkanzija soġġetta għal dazju fuq l-esportazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-esportazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni doganali għall-ħruġ tal-merkanzija;
(b)il-kundizzjonijiet li fihom il-merkanzija tħalliet tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni b’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju fuq l-esportazzjoni.
2.Iż-żmien meta jiġġarrab id-dejn doganali għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)il-mument meta l-merkanzija fil-fatt tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma tiġi pprovduta informazzjoni lill-awtoritajiet doganali dwar it-tali esportazzjoni;
(b)il-mument li fih il-merkanzija tasal f’destinazzjoni barra dik li għaliha tħalliet tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni b’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju fuq l-esportazzjoni;
(c)jekk l-awtoritajiet doganali ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-mument imsemmi fil-punt (b), l-iskadenza tal-limitu taż-żmien biex tingħata prova li l-kundizzjonijiet li jintitolaw il-merkanzija għal tali eżenzjoni kienu ssodisfati.
3.Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (a), id-debitur għandu jkun kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)kwalunkwe persuna li kienet meħtieġa tissodisfa l-obbligu kkonċernat;
(b)kwalunkwe persuna li kienet konxja jew li missha b’mod raġonevoli kienet konxja li l-obbligu kkonċernat ma ġiex issodisfat u li aġixxiet f’isem il-persuna li kienet obbligata tissodisfa l-obbligu;
(c)kwalunkwe persuna li ħadet sehem fl-att li wassal sabiex ma jkunx issodisfat l-obbligu u li kienet taf jew li missha raġonevolment kienet taf li l-informazzjoni meħtieġa ma kinitx ġiet ipprovduta jew, meta applikabbli, li kellha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali li fil-fatt ma ġietx ippreżentata.
4.F’każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (b), id-debitur għandu jkun kwalunkwe persuna li hija meħtieġa tikkonforma mal-kundizzjonijiet li fihom il-merkanzija tħalliet tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni b’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju fuq l-esportazzjoni.
Taqsima 3
Dispożizzjonijiet komuni għal dejn doganali mġarrab fuq l-importazzjonijiet u fuq l-esportazzjonijiet
Artikolu 165
Dejn doganali f’każ ta’ projbizzjonijiet u ta’ restrizzjonijiet
1.Id-dejn doganali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jiġġarrab anki jekk ikun relatat ma’ merkanzija soġġetta għal leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni ta’ kwalunkwe xorta.
2.Madankollu, ma għandux jiġġarrab dejn doganali fuq xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a)l-introduzzjoni illegali ta’ flus foloz fit-territorju doganali tal-Unjoni;
(b)l-introduzzjoni ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi fit-territorju doganali tal-Unjoni minbarra fejn hemm sorveljanza stretta mill-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb tal-użu tagħhom għal finijiet mediċi u xjentifiċi.
3.Għall-finijiet tas-sanzjonijiet kif applikabbli għal reati doganali, id-dejn doganali xorta waħda għandu jitqies li ġġarrab meta, skont dan ir-Regolament jew id-dritt ta’ Stat Membru, id-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni jew l-eżistenza tad-dejn doganali tipprovdi l-bażi għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet.
Artikolu 166
Diversi debituri
Meta diversi persuni jkunu soġġetti għall-pagament tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali wieħed, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum għall-pagament ta’ dak l-ammont.
Artikolu 167
Regoli ġenerali għall-kalkolu tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni
1.L-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni tariffarja, tal-valur doganali, tal-kwantità, tan-natura u tal-oriġini tal-merkanzija. Ir-regoli għall-kalkolu tad-dazju għandhom ikunu dawk applikabbli għall-merkanzija kkonċernata fiż-żmien meta jkun iġġarrab id-dejn doganali fir-rigward tagħha.
2.Meta ma jkunx possibbli jiġi ddeterminat eżatt il-mument li fih ikun iġġarrab id-dejn doganali, dak il-mument għandu jitqies li jkun il-waqt li fih l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanzija tkun f’sitwazzjoni li fiha ġġarrab dejn doganali.
Madankollu, neta l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tippermettilhom jistabbilixxu li d-dejn doganali ġġarrab qabel il-mument li fih waslu għal dik il-konklużjoni, id-dejn doganali għandu jitqies li ġġarrab fl-aktar żmien kmieni li fih tista’ tiġi stabbilita sitwazzjoni bħal din.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw ir-regoli msemmijin f’dan l-Artikolu għall-kalkolu tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanzija li għaliha jiġġarrab dejn doganali fil-kuntest ta’ proċedura speċjali.
Artikolu 168
Regoli speċjali għall-kalkolu tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni
1.Meta l-kostijiet għall-ħżin jew għall-forom tas-soltu ta’ maniġġ ikunu ġġarrbu fit-territorju doganali tal-Unjoni fir-rigward ta’ merkanzija mqiegħda taħt proċedura doganali jew f’ħażna temporanja, dawn il-kostijiet jew iż-żieda fil-valur ma għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tal-ammont tad-dazju tal-importazzjoni meta tingħata prova sodisfaċenti ta’ dawk il-kostijiet mill-importatur jew mill-esportatur jew, meta applikabbli, mid-dikjarant.
Madankollu, il-valur doganali, il-kwantità, in-natura u l-oriġini tal-merkanzija mhux tal-Unjoni użata fl-operazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni.
2.Meta l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija mqiegħda taħt proċedura doganali tinbidel bħala riżultat tal-forom tas-soltu ta’ maniġġ fit-territorju doganali tal-Unjoni, il-klassifikazzjoni tariffarja oriġinali għall-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura għandha tiġi applikata fuq talba tal-importatur jew, meta applikabbli, tad-dikjarant.
3.Meta jinħoloq dejn doganali għall-prodotti proċessati li jirriżultaw mill-proċedura ta’ proċessar attiv, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi għal tali dejn għandu, fuq talba tal-importatur, jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni tariffarja, tal-valur doganali, tal-kwantità, tan-natura u tal-oriġini tal-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv.
4.Meta l-prodotti pproċessati jirriżultaw minn proċeduri sussegwenti ta’ proċessar attiv, l-importatur jista’ jitlob biss li d-dejn jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni tariffarja, tal-valur doganali, tal-kwantità, tan-natura u tal-oriġini tal-merkanzija mqiegħda taħt l-ewwel proċedura ta’ proċessar attiv.
5.F’każijiet speċifiċi, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu mingħajr talba tal-importatur jew tal-esportatur jew, meta applikabbli, tad-dikjarant sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri tariffarji msemmijin fl-Artikolu 145(2), il-punt (h).
6.Meta jinħoloq dejn doganali għall-prodotti pproċessati li jirriżultaw mill-proċedura ta’ proċessar passiv jew mill-prodotti sostituti kif imsemmi fl-Artikolu 143(1), l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-kost tal-operazzjoni tal-proċessar imwettqa barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
7.Meta jiġġarrab dejn doganali skont l-Artikolu 161 jew l-Artikolu 164 ta’ dan ir-Regolament, jekk in-nuqqas li wassal għat-tiġrib ta’ dejn doganali ma kienx jikkostitwixxi tentattiv ta’ qerq, għandu japplika wkoll dan li ġej:
(a)it-trattament tariffarju favorevoli tal-merkanzija skont il-leġiżlazzjoni doganali; jew
(b)il-ħelsien jew l-eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 145(2), il-punti (d), (e), (f) u (g) jew l-Artikoli 90, 91, 92 u 93 jew l-Artikoli 140, 141, 142, 143 u 144; jew
(c)l-eżenzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1186/2009.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw ir-regoli msemmijin f’dan l-Artikolu għall-kalkolu tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-merkanzija li għaliha jiġġarrab dejn doganali fil-kuntest ta’ proċedura speċjali, u l-każijiet speċifiċi msemmijin fil-paragrafu 5.
Artikolu 169
Post fejn jiġġarrab id-dejn doganali
1.Dejn doganali għandu jiġġarrab fil-post fejn huwa stabbilit l-importatur jew l-esportatur.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward ta’ importaturi u ta’ esportaturi għajr operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) u importaturi preżunti, id-dejn doganali għandu jiġġarrab fil-post fejn tkun ġiet ippreżentata jew kienet tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali f’konformità mal-Artikolu 63(4) li kieku ma seħħitx il-modifika dwar il-metodu ta’ għoti tal-informazzjoni stabbilit Artikolu 63(2).
Fil-każijiet l-oħrajn kollha, id-dejn doganali għandu jiġġarrab fil-post fejn iseħħu l-avvenimenti li minnhom jirriżulta.
Jekk ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat dak il-post, id-dejn doganali għandu jiġġarrab fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanzija tkun f’sitwazzjoni li fiha jiġġarrab dejn doganali.
2.Jekk il-merkanzija tqiegħdet taħt proċedura doganali li ma tkunx ġiet irrilaxxata jew meta proċedura ta’ ħażna temporanja ma tkunx ingħalqet korrettament, u l-post fejn jinħoloq id-dejn doganali ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 sa terminu speċifiku, id-dejn doganali għandu jinħoloq fil-post fejn il-merkanzija jew tqiegħdet taħt il-proċedura kkonċernata jew fejn ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt dik il-proċedura jew fejn kienet f’ħażna temporanja.
3.Meta l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tippermettilhom jistabbilixxu li d-dejn doganali jista’ jkun li nħoloq f’diversi postijiet, id-dejn doganali għandu jitqies li nħoloq fil-post fejn ikun inħoloq l-ewwel darba.
4.Jekk awtorità doganali tistabbilixxi li dejn doganali nħoloq skont l-Artikolu 161 jew l-Artikolu 164 fi Stat Membru ieħor u l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dak id-dejn ikun anqas minn EUR 10 000, id-dejn doganali għandu jitqies li nħoloq fl-Istat Membru fejn tkun saret din is-sejba.
5.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw it-termini msemmijin fil-paragrafu 2.
Kapitolu 2
Garanzija għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti
Artikolu 170
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan il-Kapitolu għandu japplika għal garanziji għad-djun doganali li jkunu ġġarrbu iżda li l-ħlas tagħhom ikun differit (“djun doganali eżistenti”) u għal garanziji li huma meħtieġa f’każ li jista’ jiġġarrab dejn doganali (“djun doganali potenzjali”).
2.Meta l-awtoritajiet doganali jirrikjedu li tingħata garanzija għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti, dik il-garanzija għandha tkopri l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni u t-tariffi l-oħrajn dovuti b’rabta mal-importazzjoni jew mal-esportazzjoni tal-merkanzija meta:
(a)il-garanzija tintuża għat-tqegħid ta’ merkanzija taħt il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni; jew
(b)il-garanzija tista’ tintuża f’aktar minn Stat Membru wieħed.
Garanzija aċċettata jew awtorizzata mill-awtoritajiet doganali għandha tkun valida fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni, għall-finijiet li għalihom tingħata.
3.Il-garanzija għandha tiġi pprovduta mid-debitur jew mill-persuna li tista’ ssir id-debitur jew, jekk l-awtoritajiet doganali jippermettu hekk, minn kwalunkwe persuna oħra.
4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 178, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħtieġu li tingħata garanzija waħda biss fir-rigward ta’ merkanzija speċifika.
Il-garanzija mogħtija għal merkanzija speċifika għandha tapplika għall-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u għal tariffi oħrajn fir-rigward ta’ dik il-merkanzija, sew jekk dik l-informazzjoni pprovduta jew magħmula disponibbli fuq dik il-merkanzija tkun korretta sew jekk le.
Jekk il-garanzija ma tkunx ġiet irrilaxxata, tista’ tintuża wkoll, fil-limiti tal-ammont garantit, għall-irkupru ta’ ammonti tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni u ta’ tariffi oħrajn li jridu jitħallsu wara kontroll ta’ wara r-rilaxx ta’ dik il-merkanzija.
5.Wara applikazzjoni mill-persuna msemmija fil-paragrafu 3, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 176(1) u (2), jawtorizzaw il-forniment ta’ garanzija komprensiva sabiex tkopri l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrespondi għad-dejn doganali fir-rigward ta’ żewġ operazzjonijiet jew proċeduri doganali jew aktar.
6.L-awtoritajiet doganali għandhom jissorveljaw il-garanzija.
7.L-ebda garanzija ma għandha tkun meħtieġa fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)mill-Istati, mill-awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali jew minn korpi oħrajn irregolati bil-liġi pubblika, fir-rigward tal-attivitajiet li jimpenjaw ruħhom fihom bħala awtoritajiet;
(b)għal merkanzija li tinġarr fuq ir-Renu, il-passaġġi fuq l-ilma tar-Renu, fuq id-Danubju jew fuq il-passaġġi fuq l-ilma tad-Danubju;
(c)għal merkanzija li tinġarr permezz ta’ installazzjoni fissa tat-trasport;
(d)f’każijiet speċifiċi li fihom merkanzija titqiegħed taħt proċedura ta’ dħul temporanju;
(e)għall-merkanzija ttrasportata bil-baħar jew bl-ajru bejn il-portijiet tal-Unjoni jew bejn l-ajruporti tal-Unjoni.
8.L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għar-rekwiżit għall-għoti ta’ garanzija meta l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li għandu jiġi ggarantit ma jaqbiżx il-livell limitu tal-valur statistiku ta’ EUR 1 000.
9.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-każijiet speċifiċi li fihom ma tkun meħtieġa l-ebda garanzija għall-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju, kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (d).
10.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali rigward il-provvista u l-monitoraġġ tal-garanzija msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 171
Ammont ta’ referenza ta’ garanzija obbligatorja
1.Meta l-awtoritajiet doganali ikun jeħtiġilhom jesiġu garanzija u jistgħu jistabbilixxu l-ammont preċiż tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u ta’ tariffi oħrajn fiż-żmien meta tkun meħtieġa l-garanzija, il-garanzija għandha tkopri dak l-ammont preċiż.
Meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit l-ammont preċiż, il-garanzija għandha tkun stabbilita għall-ammont massimu, kif stmat mill-awtoritajiet doganali, tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u ta’ tariffi oħrajn li ġġarrbu jew setgħu jiġġarrbu.
2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 176, meta tiġi pprovduta garanzija komprensiva għall-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali jew għal tariffi oħrajn li jvarjaw fl-ammont maż-żmien, l-ammont ta’ tali garanzija għandu jiġi stabbilit f’livell li jippermetti li l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni għad-djun doganali u għal tariffi oħrajn jkunu koperti f’kull ħin.
Artikolu 172
Ammont ta’ referenza ta’ garanzija ta’ prekawzjoni
Meta l-għoti ta’ garanzija ma jkunx obbligatorju iżda l-awtoritajiet doganali ma jkunux ċerti li l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali u għal tariffi oħrajn jitħallsu fil-perjodu stipulat, huma għandhom jeħtieġu garanzija għal ammont li ma jistax jaqbeż il-livell imsemmi fl-Artikolu 171.
Artikolu 173
Għoti ta’ garanzija
1.Garanzija tista’ tiġi pprovduta b’waħda mill-forom li ġejjin:
(a)bi kwalunkwe mezz ta’ pagament rikonoxxut mill-awtoritajiet doganali, magħmul f’euro jew fil-munita tal-Istat Membru li fih tkun meħtieġa l-garanzija;
(b)billi garanti jimpenja ruħu li jagħmel tajjeb;
(c)b’xi forma oħra ta’ garanzija li tipprovdi assigurazzjoni ekwivalenti li l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u għal tariffi oħrajn se jitħallas.
2.Garanzija f’forma ta’ depożitu ta’ flus kontanti jew kwalunkwe mezz ta’ pagament ieħor ekwivalenti għanda tingħata f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tkun meħtieġa l-garanzija.
Meta garanzija tingħata bi kwalunkwe mezz ta’ pagament rikonoxxut mill-awtoritajiet doganali, l-ebda imgħax fuqha ma għandu jkun pagabbli mill-awtoritajiet doganali.
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-forma tal-garanzija msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c).
Artikolu 174
Għażla tal-garanzija
Il-persuna meħtieġa tipprovdi garanzija tista’ tagħżel bejn il-forom ta’ garanzija stabbiliti fl-Artikolu 173(1).
Madankollu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw il-forom ta’ garanzija magħzula meta tkun inkompatibbli mal-funzjonament xieraq tal-proċedura doganali kkonċernata.
L-awtoritajiet doganali jistgħu jeħtieġu li l-forma ta’ garanzija magħżula tinżamm għal perjodu speċifiku.
Artikolu 175
Garanti
1.Il-garanti msemmi fl-Artikolu 173(1), il-punt (b), għandu jkun terza persuna residenti, reġistrata jew stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni. Il-garanti għandu jkun approvat mill-awtoritajiet doganali li jeħtieġu l-garanzija, sakemm il-garanti ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni finanzjarja jew kumpanija tal-assigurazzjoni, akkreditata fl-Unjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fis-seħħ.
2.Il-garanti għandu jimpenja ruħu bil-miktub li jħallas l-ammont garantit tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali u għal tariffi oħrajn.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu jirrifjutaw li japprovaw il-garanti jew it-tip ta’ garanzija propost meta ma jkunx jidher biċ-ċert li dawn jiżguraw fil-perjodu stipulat il-ħlas tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u ta’ tariffi oħrajn.
4.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu r-regoli dwar il-formoli għall-għoti ta’ garanzija u r-regoli applikabbli għall-garanti msemmijin f’dan l-Artikolu.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali rigward ir-revoka u l-kanċellazzjoni tal-impenn meħud mill-garanti msemmi f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 176
Garanzija komprensiva
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 170(5) biss lil persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ikunu stabbiliti fit-territorji doganali tal-Unjoni;
(b)ikunu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(1), il-punt (a);
(c)ikunu utenti regolari tal-proċeduri doganali involuti jew operaturi ta’ faċilitajiet ta’ ħażna temporanja jew jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(1), il-punt (d).
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(1), il-punti (b) u (c) u operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex jipprovdu garanzija komprensiva għal djun doganali potenzjali u għal tariffi oħrajn b’ammont imnaqqas jew sabiex ikollhom eżoneru mill-garanzija.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lil operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali u lil operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex jipprovdu garanzija komprensiva għad-djun doganali eżistenti u għal tariffi oħrajn, wara applikazzjoni, b’ammont imnaqqas.
4.Il-garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas imsemmija fil-paragrafu 3 għandha tkun ekwivalenti għall-għoti ta’ garanzija.
5.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-użu ta’ garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew għall-kisba ta’ eżoneru mill-garanzija msemmi fil-paragrafu 2.
6.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għad-determinazzjoni tal-ammont tal-garanzija, inkluż l-ammont imnaqqas imsemmi fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 177
Projbizzjonijiet temporanji marbutin mal-użu ta’ garanziji komprensivi
1.Fil-kuntest ta’ proċeduri speċjali jew ta’ ħażna temporanja, il-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi temporanjament lil persuni milli jirrikorru għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)il-garanzija komprensiva għal ammont imnaqqas jew għal eżoneru mill-garanzija msemmija fl-Artikolu 176(2);
(b)il-garanzija komprensiva msemmija fl-Artikolu 176, fir-rigward ta’ merkanzija li kienet identifikata bħala soġġetta għal frodi fuq skala kbira.
2.Meta jkun japplika l-punt (a) jew il-punt (b) tal-paragrafu 1, jista’ jiġi awtorizzat rikors għall-garanzija komprensiva għal ammont imnaqqas jew għal eżoneru mill-garanzija jew rikors għall-garanzija komprensiva msemmija fl-Artikolu 176 fil-każ li l-persuna kkonċernata tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)dik il-persuni tista’ turi li ma jkun inħoloq l-ebda dejn doganali fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni matul l-operazzjonijiet li dik il-persuna tkun wettqet fis-sentejn qabel id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1;
(b)meta jkunu nħolqu djun doganali fis-sentejn qabel id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-persuna kkonċernata tista’ turi li dawk id-dujn tħallsu kollha mid-debitur jew mid-debituri jew mill-garanti sal-limitu ta’ żmien predefinit.
Sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni sabiex tintuża garanzija komprensiva temporanjament projbita, il-persuna kkonċernata jeħtiġilha wkoll tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-Artikolu 24(1), il-punti (b) u (c).
3.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali rigward il-projbizzjonijiet temporanji relatati mal-użu ta’ garanziji komprensivi msemmijin fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza marbutin ma’ miżuri bħal dawn, li jkunu debitament ġustifikati mill-ħtieġa li tissaħaħ malajr il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 262(5).
Artikolu 178
Garanzija addizzjonali jew ta’ sostituzzjoni
Meta l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li l-garanzija pprovduta ma tiżgurax, jew ma għadhiex ċerta jew suffiċjenti sabiex tiżgura, il-ħlas fil-perjodu predefinit tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u għal tariffi oħrajn, huma għandhom jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 170(3) sabiex tipprovdi garanzija addizzjonali jew inkella sabiex tissostitwixxi l-garanzija oriġinali b’garanzija ġdida, skont l-għażla ta’ dik il-persuna.
Artikolu 179
Rilaxx tal-garanzija
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-garanzija immedjatament meta d-dejn doganali jew ir-responsabbiltà għal tariffi oħrajn jispiċċaw jew ma jistgħux jerġgħu jseħħu.
2.Meta d-dejn doganali jew ir-responsabbiltà għal tariffi oħrajn ikunu spiċċaw parzjalment, jew jistgħu jinħolqu biss fir-rigward ta’ parti mill-ammont li kien garantit, parti korrispondenti tal-garanzija għandha tiġi rrilaxxata kif meħtieġ wara talba tal-persuna kkonċernata, sakemm l-ammont involut ma jiġġustifikax azzjoni bħal din.
3.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-limiti ta’ żmien għar-rilaxx ta’ garanzija.
4.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali rigward ir-rilaxx tal-garanzija msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 3
Rkupru, pagament, ripagament u remissjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni
Taqsima 1
Determinazzjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, notifika tad-dejn doganali u tidħil fil-kontijiet
Artikolu 180
Determinazzjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni
1.L-importatur u l-esportatur għandhom jikkalkolaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli. Mar-rilaxx tal-merkanzija, l-awtoritajiet doganali jitqiesu li jaċċettaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli kif ikkalkolat mill-importatur u mill-esportatur, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx. Jekk dik il-persuna ma tikkalkola l-ammont jew l-awtoritajiet doganali ma jaqblux mal-ammont ikkalkolat minn dik il-persuna, l-awtoritajiet doganali responsabbli għall-post fejn jiġġarrab id-dejn doganali jew jitqiesu li ġġarrbu f’konformità mal-Artikolu 169, għandu jiddetermina l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli malli jkollhom l-informazzjoni neċessarja.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), meta tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli ddeterminat fid-dikjarazzjoni doganali, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx. Jekk l-awtoritajiet doganali ma jaqblux ma’ dak l-ammont, huma għandhom jiddeterminaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli malli jkollhom l-informazzjoni neċessarja.
3.Meta l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jkun pagabbli ma jirriżultax f’numru sħiħ, dak l-ammont jista’ jiġi ttondjat.
Meta l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu ikun espress f’euro, l-ammont ma jistax jiġi ttondjat b’aktar minn ittondjar ’il fuq jew ’l isfel lejn l-eqreb numru sħiħ.
Importaturi u esportaturi stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro jistgħu jew japplikaw mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu jew jidderogaw minn dak is-subparagrafu, dment li r-regoli applikabbli għall-ittondjar ma jkollhomx impatt finanzjarju akbar mir-regoli stabbiliti fit-tieni subparagrafu.
Artikolu 181
Notifika tad-dejn doganali
1. Mar-rilaxx tal-merkanzija, l-awtoritajiet doganali jitqiesu li jkunu nnotifikaw id-dejn doganali lill-importatur jew lill-esportatur.
2.Meta l-awtoritajiet doganali jkunu ddeterminaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli, huma għandhom jinnotifikawh lid-debitur fil-forma predefinita fil-post fejn jiġġarrab id-dejn doganali, jew jitqies li ġġarrab f’konformità mal-Artikolu 169.
In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex issir fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta, sakemm jiġi ddeterminat b’mod finali l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, ikun ġie impost dazju anti-dumping provviżorju jew dazju kumpensatorju provviżorju jew miżura ta’ salvagwardja provviżorja;
(b)meta l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli jisboq dak iddeterminat fuq il-bażi tad-deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 13;
(c)meta d-deċiżjoni oriġinali sabiex ma jiġix innotifikat id-dejn doganali jew sabiex jiġi nnotifikat b’ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni b’ċifra anqas mill-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli, tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet ġenerali li kienu invalidati f’data aktar tard b’deċiżjoni tal-qorti;
(d)meta l-awtoritajiet doganali jkunu eżentati bil-leġiżlazzjoni doganali milli jinnotifikaw id-dazju doganali.
3.Meta l-awtoritajiet doganali jeħtiġilhom jinnotifikaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli f’konformità mal-paragrafu 2, l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw id-dejn doganali lid-debitur meta jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw dak l-ammont u jieħdu deċiżjoni dwaru.
Madankollu, meta n-notifika tad-dejn doganali tippreġudika investigazzjoni kriminali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeferixxu dik in-notifika sa meta din ma tibqax tippreġudika l-investigazzjonijiet kriminali.
4.L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu lil operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) sabiex jikkalkola d-dejn doganali li jikkorrispondi għall-ammont totali tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni relatat mal-merkanzija kollha li dan l-operatur ikun irrilaxxa f’isem l-awtoritajiet doganali matul perjodu li ma għandux jaqbeż il-31 jum tal-kalendarju, u jikkomunikaw dan lill-awtoritajiet doganali b’diżaggregazzjoni tal-ammonti relatati ma’ kull kunsinna speċifika ta’ merkanzija. Jekk l-awtoritajiet doganali ma jaqblux mal-ammont ikkalkolat u kkomunikat, huma għandhom jiddeterminaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli.
5.B’deroga mill-paragrafu 1, meta t-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 4 tad-Direttiva 2006/112/KE japplika għall-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija li għandha tiġi importata minn pajjiżi terzi lil klijent fit-territorju doganali tal-Unjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw lil importatur preżunt sabiex jikkalkola u jikkomunika d-dejn doganali li jikkorrispondi għall-ammont totali tad-dazju fuq l-importazzjoni relatat mal-merkanzija kollha rilaxxata lil dak l-importatur preżunt matul xahar wieħed sal-aħħar tax-xahar ta’ wara, bid-diżaggregazzjoni tal-ammonti relatati ma’ kull kunsinna speċifika ta’ merkanzija. Din il-komunikazzjoni tista’ temenda jew tinvalida l-informazzjoni li l-importatur preżunt kien ipprovda f’konformità mal-Artikolu 59(2). Jekk l-awtoritajiet doganali ma jaqblux mal-ammont ikkalkolat u kkomunikat, huma għandhom jiddeterminaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli. L-awtoritajiet doganali għandhom jitqiesu li jkunu nnotifikaw id-dejn doganali meta ma jkunux urew nuqqas ta’ qbil mal-komunikazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li l-kummerċjant ikun issottomettiha.
6.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, dment li l-pagament ikun ġie ggarantit, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li d-dejn doganali li jikkorrispondi għall-ammont totali tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni relatat mal-merkanzija kollha rilaxxata lill-istess persuna matul perjodu fiss jiġi nnotifikat fi tmiem dak il-perjodu. Il-perjodu stabbilit mill-awtoritajiet doganali ma għandux jaqbeż il-31 jum.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw:
(a)il-każijiet imsemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, il-punt (d), meta l-awtoritajiet doganali jkunu eżentati min-notifika tad-dejn doganali;
(b)iż-żmien raġonevoli sabiex jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta’ qbil kif imsemmi fil-paragrafu 5;
(c)l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-komunikazzjoni tal-importatur preżunt fil-paragrafu 5.
Artikolu 182
Limitazzjoni tad-dejn doganali
1.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jinnotifikaw dejn doganali lid-debitur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 3 snin mid-data li fiha jkun iġġarrab id-dejn doganali.
2.Meta d-dejn doganali jiġġarrab bħala riżultat ta’ att li, fiż-żmien li sar, seta’ jwassal għal proċedimenti tal-qorti kriminali, il-perjodu ta’ 3 snin stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi estiż għal perjodu minimu ta’ 5 snin u massimu ta’ 10 snin f’konformità mad-dritt nazzjonali.
3.Il-perjodi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sospiżi meta:
(a)jiġi ppreżentat appell f’konformità mal-Artikolu 16;
(b)tali sospensjoni għandha tapplika mid-data meta jiġi ppreżentat l-appell u għandha ddum tul id-durata tal-proċedimenti ta’ appell; jew
(c)l-awtoritajiet doganali jikkomunikaw lid-debitur, f’konformità mal-Artikolu 6(6), ir-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom ikollhom l-intenzjoni li jinnotifikaw id-dejn doganali; tali sospensjoni għandha tapplika mid-data ta’ dik il-komunikazzjoni sa tmiem il-perjodu li fih id-debitur jingħata l-opportunità li jaqsam il-perspettiva tiegħu.
4.Meta jerġa’ jiddaħħal dejn doganali skont l-Artikolu 193(7), il-perjodi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitqiesu sospiżi mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal ħlas lura jew għal remissjoni f’konformità mal-Artikolu 198, sad-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-ħlas lura jew ir-remissjoni.
Artikolu 183
Dħul fil-kontijiet
1.L-awtoritajiet doganali msemmijin fl-Artikolu 180 għandhom idaħħlu fil-kontijiet tagħhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli kif notifikat f’konformità mal-Artikolu 181.
L-obbligu tal-awtoritajiet doganali fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 181(2), it-tieni subparagrafu.
2.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx għalfejn idaħħlu fil-kontijiet l-ammonti tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li, skont l-Artikolu 182, jikkorrispondu għal dejn doganali li ma setax jibqa’ jiġi nnotifikat lid-debitur.
3.L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-proċeduri prattiċi għad-dħul fil-kontijiet tal-ammonti tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni. Dawk il-proċeduri jistgħu jvarjaw skont jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom iġġarrab id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jkunux sodisfatti jew le li dawk l-ammonti se jitħallsu.
Artikolu 184
Ħin tad-dħul fil-kontijiet
1.L-awtoritajiet doganali għandhom idaħħlu l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli fil-kontijiet fi żmien 14-il jum mir-rilaxx tal-merkanzija ħlief meta l-merkanzija titqiegħed fi dħul temporanja b’ħelsien parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali jistgħu jkopru l-ammont totali tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni relatat mal-merkanzija kollha rilaxxata lil operatur ta’ Fiduċja u Vverifikat (operatur Trust and Check) matul perjodu fiss, f’konformità mal-Artikolu 181(4), b’entrata waħda fil-kontijiet fi tmiem dak il-perjodu.
Entrata bħal din fil-kontijiet għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta jiskadi l-perjodu kkonċernat.
3.B’deroga mill-paragrafu 1, l-ammont totali tad-dazju fuq l-importazzjoni relatat mal-merkanzija kollha rilaxxata lil importatur preżunt matul xahar f’konformità mal-Artikolu 181(5) jista’ jkun kopert minn entrata waħda fil-kontijiet sa tmiem ix-xahar ta’ wara li jkun fiha diżaggregazzjoni tal-ammonti relatati ma’ kull waħda mill-kunsinni speċifiċi ta’ merkanzija.
4.Sad-data stabbilita fl-Artikolu 265(3), meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, dment li l-pagament ikun ġie ggarantit, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li d-dejn doganali li jikkorrispondi għall-ammont totali tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni relatat mal-merkanzija kollha rilaxxata lill-istess persuna matul perjodu fiss, li ma jistax jaqbeż il-31 jum, jiġi nnotifikat fi tmiem dak il-perjodu.
Entrata bħal din fil-kontijiet għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta jiskadi l-perjodu kkonċernat.
5.Meta l-merkanzija tista’ tiġi rrilaxxata taħt ċerti kondizzjonijiet li jirregolaw jew id-determinazzjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jrid jitħallas jew il-ġbir tiegħu, id-dħul fil-kontijiet għandu jsir fi żmien 14-il jum minn meta jiġi ddeterminat l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli jew minn meta jiġi stabbilit l-obbligu ta’ ħlas ta’ dak id-dazju.
Madankollu, meta d-dejn doganali jkun relatat ma’ dazju anti-dumping provviżorju, ma’ dazju kumpensatorju provviżorju jew ma’ miżura ta’ salvagwardja provviżorja, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-Regolament li jistabbilixxi d-dazju definittiv.
6.Meta jinħoloq dejn doganali f’ċirkostanzi mhux koperti mill-paragrafu 1, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien 14-il jum mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni inkwistjoni u jieħdu deċiżjoni.
7.Il-paragrafu 6 għandu japplika fir-rigward tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ jiġi rkuprat meta l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni pagabbli ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet f’konformità mal-paragrafi 1 sa 6 jew ikun ġie ddeterminat u ddaħħal fil-kontijiet f’livell aktar baxx mill-ammont pagabbli.
8.Il-limiti ta’ żmien għad-dħul fil-kontijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 ma għandhomx japplikaw f’ċirkostanzi imprevedibbli jew f’każijiet ta’ forza maġġuri.
9.Id-dħul fil-kontijiet jista’ jkun differit fil-każ imsemmi fl-Artikolu 181(3), it-tieni subparagrafu, sa meta n-notifika tad-dejn doganali ma tibqax tippreġudika investigazzjoni kriminali.
Artikolu 185
Għoti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri biex tiżgura li jkun hemm assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali f’każ li jinħoloq dejn doganali.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Taqsima 2
Pagament tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni
Artikolu 186
Limiti ta’ żmien ġenerali għal pagament u s-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien għall-pagament
1.Id-debitur għandu jħallas l-ammonti tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, li jikkorrispondi għal dejn doganali notifikat f’konformità mal-Artikolu 181 fil-perjodu predefinit mill-awtoritajiet doganali.
Mingħajr ħsara għall-Artikolu 17(2), dak il-perjodu ma għandux jeċċedi l-10 ijiem wara n-notifika lid-debitur tad-dejn doganali.
L-awtoritajiet doganali jistgħu jestendu dak il-perjodu wara applikazzjoni mid-debitur meta l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jrid jitħallas kien iddeterminat waqt il-kontrolli ta’ wara r-rilaxx kif imsemmi fl-Artikolu 48. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 190(2), tali estensjonijiet ma għandhomx jaqbżu ż-żmien meħtieġ sabiex id-debitur jieħu l-passi xierqa sabiex iwettaq l-obbligu tiegħu.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali f’konformità mal-Artikolu 181(5) għandu jitħallas mid-debitur sa mhux aktar tard mill-iskadenza sa meta jrid jiġi nnotifikat id-dejn doganali.
3.Jekk id-debitur ikun intitolat għal kwalunkwe waħda mill-faċilitajiet ta’ pagament stabbiliti fl-Artikolu 188 sal-Artikolu 190, il-pagament għandu jsir fil-perjodu jew fil-perjodi speċifikati fir-rigward ta’ dawk il-faċilitajiet.
4.Il-limitu ta’ żmien għall-pagament tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali għandu jkun sospiż fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta applikazzjoni għal remissjoni tad-dazju ssir f’konformità mal-Artikolu 198;
(b)meta l-merkanzija tkun se tiġi ssekwestrata, tinqered jew tiġi abbandunata f’idejn l-Istat;
(c)meta d-dejn doganali ġġarrab skont l-Artikolu 161 u kien hemm aktar minn debitur wieħed.
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw ir-regoli għas-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien għall-pagament tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għal dejn doganali msemmi fil-paragrafu 3, u billi jiddeterminaw il-perjodu ta’ sospensjoni.
Artikolu 187
Pagament
1.Il-pagament għandu jsir fi flus jew bi kwalunkwe mezz ieħor b’effett ta’ ħlas simili, inkluż bl-aġġustament ta’ bilanċ ta’ kreditu, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
2.Il-pagament jista’ jsir minn terza persuna minflok mid-debitur.
3.Id-debitur jista’ fi kwalunkwe każ iħallas parti mill-ammont jew l-ammont kollu tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mingħajr ma jistenna li jiskadi l-perjodu li ngħatalu għall-pagament.
Artikolu 188
Differiment ta’ pagament
L-awtoritajiet doganali, wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata u wara l-għoti ta’ garanzija, għandhom jawtorizzaw differiment tal-pagament tad-dazju pagabbli bi kwalunkwe mod minn dawn li ġejjin:
(a)separatament fir-rigward ta’ kull ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mdaħħal fil-kontijiet f’konformità mal-Artikolu 184(1), jew mal-Artikolu 184(7);
(b)globalment fir-rigward tal-ammonti kollha tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mdaħħlin fil-kontijiet f’konformità mal-Artikolu 184(1) matul perjodu ffissat mill-awtoritajiet doganali u li ma jaqbiżx il-31 jum;
(c)globalment fir-rigward tal-ammonti kollha tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jifformaw entrata waħda f’konformità mal-Artikolu 184(2), (3) u (4).
Artikolu 189
Perjodi li matulhom il-pagament ikun differit
1.Il-perjodu li matulu jkun differit il-pagament skont l-Artikolu 188 għandu jkun ta’ 30 jum.
2.Meta l-pagament ikun differit f’konformità mal-Artikolu 188, il-punt (a), il-perjodu għandu jibda mill-jum ta’ wara dak li fih id-dejn doganali jiġi nnotifikat lid-debitur.
3.Meta l-ħlas jiġi differit f’konformità mal-Artikolu 188, il-punt (b), il-perjodu għandu jibda mill-jum ta’ wara dak li fih jintemm il-perjodu ta’ aggregazzjoni. Dan għandu jitnaqqas bin-numru ta’ jiem li jikkorrispondu għal nofs il-jiem koperti bil-perjodu ta’ aggregazzjoni.
4.Meta l-pagament jiġi differit f’konformità mal-Artikolu 188, il-punt (c), il-perjodu għandu jibda mill-għada tat-tmiem tal-perjodu stabbilit għar-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni. Għandu jitnaqqas bin-numru ta’ jiem li jikkorrispondi għal nofs in-numru ta’ jiem koperti mill-perjodu kkonċernat.
5.Meta n-numru ta’ jiem tal-perjodi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ikun numru fard, in-numru ta’ jiem li jrid jitnaqqas mill-perjodu ta’ 30 jum skont dawk il-paragrafi għandu jkun daqs nofs l-iżgħar numru biż-żewġ li jmiss.
6.Meta l-perjodi msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 ikunu ġimgħat, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li fir-rigward tiegħu kien differit il-ħlas ma jitħallasx aktar tard mill-Ġimgħa tar-raba’ ġimgħa wara l-ġimgħa inkwistjoni.
Jekk dawk il-perjodi jkunu xhur, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li fir-rigward tiegħu kien differit il-pagament għandu jitħallas sas-16-il jum tax-xahar wara x-xahar inkwistjoni. Dawk il-perjodi ma jistgħux jiġu estiżi anki jekk it-tmiem tal-perjodu jaħbat f’festa pubblika.
Artikolu 190
Faċilitajiet ta’ pagament oħrajn
1.L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu lid-debitur faċilitajiet oħrajn ta’ ħlas barra l-ħlas differit bil-kundizzjoni li tingħata garanzija.
2.Meta l-faċilitajiet jingħataw skont il-paragrafu 1, l-imgħax tal-kreditu għandu jintalab fuq l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni.
Għal Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, ir-rata tal-imgħax tal-kreditu għandha tkun daqs ir-rata tal-imgħax skont kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar fejn kienet taħbat id-data dovuta, miżjuda b’punt perċentwali.
Għal Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex il-euro, ir-rata tal-imgħax tal-kreditu għandha tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni mill-Bank Ċentrali Nazzjonali għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’punt perċentwali, jew għal Stat Membru li r-rata tal-Bank Ċentrali Nazzjonali ma tkunx disponibbli għalih, l-aktar rata ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq tal-flus tal-Istat Membru, miżjuda b’punt perċentwali.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu ma jeħtiġux garanzija jew ma jitolbux ħlas ta’ imgħax meta jkun stabbilit, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni dokumentata tas-sitwazzjoni tad-debitur, li dan ikun joħloq diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji.
4.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jimponu imgħax ta’ kreditu meta l-ammont għal kull azzjoni ta’ rkupru jkun anqas minn EUR 10.
Artikolu 191
Infurzar ta’ pagament
Meta l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jrid jitħallas ma jkunx tħallas fil-perjodu mogħti, l-awtoritajiet doganali għandhom jiggarantixxu l-ħlas ta’ dak l-ammont bil-mezzi kollha disponibbli għalihom skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 192
Imgħax ta’ inadempjenza
1.L-imgħax ta’ inadempjenza għandu jintalab fuq l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mid-data li fiha jiskadi l-perjodu mogħti sad-data tal-ħlas.
Għal Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza għandha tkun daqs ir-rata tal-imgħax kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, fl-ewwel jum tax-xahar meta kienet taħbat id-data dovuta, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.
Għal Stat Membru li l-munita tiegħu ma hijiex il-euro, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza għandha tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni mill-Bank Ċentrali Nazzjonali għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, jew għal Stat Membru li r-rata tal-Bank Ċentrali Nazzjonali ma hijiex disponibbli għalih, l-aktar rata ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq monetarju tal-Istat Membru, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.
2.Meta d-dejn doganali jinħoloq fuq il-bażi tal-Artikolu 161 jew tal-Artikolu 164, jew meta n-notifika tad-dejn doganali tirriżulta minn kontroll ta’ wara r-rilaxx, l-imgħax fuq l-arretrati għandu jiġi impost fuq l-ammont tad-dazju tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni, mid-data li fiha jkun iġġarrab id-dejn doganali sad-data tan-notifika tiegħu.
Ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza għandha tkun iffissata f’konformità mal-paragrafu 1.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu ma jitolbux ħlas tal-imgħax ta’ inadempjenza meta jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni dokumentata s-sitwazzjoni tad-debitur, li jekk jintalab jinħolqu diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji.
4.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jimponu mgħax fuq l-arretrati meta l-ammont għal kull azzjoni ta’ rkupru jkun anqas minn EUR 10.
Taqsima 3
Ripagament u remissjoni
Artikolu 193
Ripagament u remissjoni
1.Soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima, l-awtoritajiet doganali għandhom iħallsu lura jew jirrimborżaw l-ammonti tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)ammonti mitlubin żejda tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni;
(b)merkanzija difettuża jew merkanzija li ma tikkonformax mat-termini tal-kuntratt;
(c)żball mill-awtoritajiet kompetenti;
(d)ekwità;
(e)invalidazzjoni tad-data li fuq il-bażi tagħha ġie stabbilit id-dejn doganali għall-merkanzija korrispondenti jew, meta applikabbli, tad-dikjarazzjoni doganali korrispondenti.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu ripagament jew remissjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 meta jilħaq l-EUR 10 jew aktar, ħlief meta l-persuna kkonċernata titlob ir-ripagament jew ir-remissjoni ta’ ammont iżgħar.
3.Meta l-awtoritajiet doganali jqisu li r-ripagament jew ir-remissjoni għandha tingħata fuq il-bażi tal-Artikoli 196 u 197, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat il-fajl lill-Kummissjoni għal deċiżjoni fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)meta l-awtoritajiet doganali jqisu li ċ-ċirkostanzi speċjali jkunu r-riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha;
(b)meta l-awtoritajiet doganali jqisu li l-Kummissjoni tkun għamlet żball fis-sens tal-Artikolu 196;
(c)meta ċ-ċirkostanzi tal-każ ikunu relatati mas-sejbiet ta’ investigazzjoni tal-Unjoni mwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 515/97, jew skont kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni jew kwalunkwe ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ pajjiżi jew ma’ gruppi ta’ pajjiżi li fihom issir dispożizzjoni għat-twettiq ta’ tali investigazzjonijiet tal-Unjoni;
(d)meta l-ammont li għalih il-persuna kkonċernata tista’ tkun responsabbli fir-rigward ta’ operazzjoni waħda jew aktar ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni jkun daqs jew aktar minn EUR 500 000 b’riżultat ta’ żball jew ta’ ċirkostanzi speċjali.
Minkejja l-ewwel subparagrafu, ma għandhiex tintbagħat dokumentazzjoni f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)meta l-Kummissjoni tkun diġà adottat deċiżjoni dwar każ li jinvolvi kwistjonijiet paragunabbli ta’ fatt u ta’ dritt;
(b)meta l-Kummissjoni tkun diġà qiegħda tikkunsidra każ li jinvolvi kwistjonijiet paragunabbli ta’ fatt u ta’ dritt.
4.Soġġetti għar-regoli ta’ kompetenza għal deċiżjoni, meta l-awtoritajiet doganali nfushom jiskopru fil-perjodi msemmijin fl-Artikolu 198(1) li ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni jista’ jitħallas lura jew jiġi rimess skont l-Artikoli 194, 196 u 197, huma għandhom iħallsu lura jew jagħtu rimessjoni fuq inizjattiva tagħhom stess.
5.Ma għandu jingħata l-ebda ripagament jew remissjoni jekk is-sitwazzjoni li wasslet għan-notifika tad-dejn doganali tirriżulta minn qerq min-naħa tad-debitur.
6.Ir-ripagament ma għandux iwassal għall-pagament tal-imgħax mill-awtoritajiet doganali kkonċernati, ħlief fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (c).
Madankollu, f’dawk il-każijiet, ir-ripagament ma għandux iwassal għall-pagament tal-imgħax mill-awtoritajiet doganali kkonċernati jekk l-awtoritajiet doganali jħallsu lura ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mingħajr dewmien żejjed wara li jkun instab li l-ammont huwa ripagabbli. F’każ li l-awtoritajiet doganali jonqsu milli jħallsu lura dak l-ammont mingħajr dewmien żejjed u d-debitur jibda proċedimenti bl-għan li jikseb ripagament, l-imgħax għandu jitħallas għall-perjodu mid-data tal-ħlas ta’ dawk id-dazji sad-data tar-ripagament tagħhom.
Barra minn hekk, għandu jitħallas imgħax meta deċiżjoni li tagħti ripagament ma tiġix implimentata fi żmien 3 xhur mid-data li fiha dik id-deċiżjoni ttieħdet, sakemm in-nuqqas li tiġi rrispettata l-iskadenza ma jkunx barra mill-kontroll tal-awtoritajiet doganali.
F’każijiet bħal dawn, l-imgħax għandu jitħallas mid-data meta jiskadi l-perjodu ta’ 3 xhur sad-data tar-ripagament. Ir-rata tal-imgħax għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 190.
7.Meta l-awtoritajiet kompetenti ikunu awtorizzaw ripagament jew remissjoni bi żball, id-dejn doganali oriġinali għandu jerġa’ jiddaħħal sakemm dan ma jkunx preskritt skont l-Artikolu 182.
F’tali każijiet, kwalunkwe imgħax imħallas taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 għandu jkun rimborżat.
8.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu r-regoli li magħhom għandha tikkonforma meta tieħu deċżjoni msemmija fil-paragrafu 3 u b’mod partikolari dwar dawn li ġejjin:
(a)il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tad-dokumentazzjoni;
(b)il-limitu ta’ żmien sabiex tittieħed deċiżjoni u s-sospensjoni ta’ dak il-limitu ta’ żmien;
(c)il-komunikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom il-Kummissjoni biħsiebha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha, qabel ma tieħu deċiżjoni li taffettwa ħażin il-persuna kkonċernata;
(d)in-notifika tad-deċiżjoni;
(e)il-konsegwenzi jekk ma tittiħidx deċiżjoni jew jekk ma tiġix innotifikata tali deċiżjoni.
9.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali għar-ripagament u għar-remissjoni u għad-deċiżjoni msemmijin fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 262(2).
Meta l-opinjoni tal-kumitat imsemmija fl-Artikolu 262(1) trid tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, għandu japplika l-Artikolu 262(6).
Artikolu 194
Ammonti mitlubin żejda tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni
1.Għandu jingħata ripagament jew remissjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni sa fejn l-ammont li jikkorrispondi għad-dejn doganali fin-notifika oriġinali jisboq l-ammont pagabbli, jew id-dejn doganali kien notifikat lid-debitur kuntrarjament għall-Artikolu 181(1), il-punti (c) u (d).
2.Meta l-applikazzjoni għar-ripagament jew għar-remissjoni tkun ibbażata fuq l-eżistenza, fiż-żmien meta l-merkanzija ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera, ta’ rata mnaqqsa jew rata żero tad-dazju fuq l-importazzjoni fuq il-merkanzija taħt kwota tariffarja, taħt limitu tariffarju jew taħt miżuri tariffarji favorevoli oħrajn, ir-ripagament jew ir-remissjoni għandha tingħata dment li, fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti neċessarji,tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)fil-każ ta’ kwota tariffarja, il-volum tagħha ma jkunx eżawrit;
(b)f’każijiet oħrakm, ir-rata tad-dazju normalment dovuta ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid.
Artikolu 195
Merkanzija difettuża jew merkanzija li ma tikkonformax mat-termini tal-kuntratt
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu ripagament jew remissjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)in-notifika tad-dejn doganali tkun relatata ma’ merkanzija li l-importatur ikun irrifjuta minħabba li, fil-mument tar-rilaxx, kienet difettuża jew ma kinitx konformi mat-termini tal-kuntratt li fuq il-bażi tiegħu tkun ġiet importata;
(b)il-merkanzija ma ntużatx, ħlief għal dak l-użu inizjali li seta’ kien neċessarju sabiex jiġi stabbilit li kienet difettuża jew ma kinitx konformi mat-termini tal-kuntratt;
(c)il-merkanzija tinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew, wara applikazzjoni mill-persuna kkonċernata, l-awtoritajiet doganali jkunu awtorizzaw li l-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv, inkluż għall-qerda, jew taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern, ta’ ħażna doganali jew ta’ żona ħielsa.
2.L-awtoritajiet doganali ma għandhomx jagħmlu ripagament jew remissjoni ta’ ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)il-merkanzija, qabel ma kienet rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera, kienet tqiegħdet taħt proċedura speċjali għall-ittestjar, sakemm ma jkunx stabbilit li l-fatt li l-merkanzija kienet difettuża jew ma kenitx tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt normalment ma setgħax jkun osservat matul dawn it-testijiet;
(b)in-natura difettuża tal-merkanzija tkun ittieħdet f’kunsiderazzjoni fit-tfassil tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, b’mod partikolari il-prezz, qabel ma l-merkanzija tqiegħdet taħt proċedura doganali li tinvolvi l-ħolqien ta’ dejn doganali;
(c)il-merkanzija timbiegħ mill-applikant wara li jkun aċċertat li din tkun difettuża jew mhux konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt.
3.Merkanzija difettuża għandha titqies li tinkludi dik il-merkanzija li ġratilha ħsara qabel r-rilaxx tagħha.
Artikolu 196
Żball mill-awtoritajiet doganali
1.F’każijiet għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 193(1), il-punt (e) u fl-Artikoli 194, 195 u 197, l-awtoritajiet doganali għandhom joffru ripagament jew remissjoni ta’ ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni meta, bħala riżultat ta’ żball min-naħa tagħhom, ikunu nnotifikaw ammont li jikkorrispondi għad-dejn doganali aktar baxx mill-ammont pagabbli, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)b’mod raġonevoli, id-debitur ma setax jinduna b’dak l-iżball;
(b)id-debitur kien qiegħed jaġixxi bona fide.
2.Meta l-kundizjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 194(2) ma jkunux issodisfati, l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu ripagament jew remissjoni meta nuqqas ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa jew żero tad-dazju kien ir-riżultat ta’ żball min-naħa tagħhom u tad-data li fuq il-bażi tagħha ġiet irrilaxxata l-merkanzija, jew meta applikabbli, tad-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera li kien fiha d-dettalji kollha u kienet akkumpanjata mid-dokumenti kollha neċessarji għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa jew tar-rata żero.
3.Meta t-trattament preferenzjali tal-merkanzija jingħata fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawk l-awtoritajiet, jekk jirriżulta li ma jkunx korrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma setax jiġi identifikat b’mod raġonevoli skont it-tifsira tal-paragrafu 1, il-punt (a).
Madankollu, il-ħruġ ta’ ċertifikat mhux korrett ma għandux jikkostitwixxi żball meta ċ-ċertifikat ikun ibbażat fuq rendikont mhux korrett tal-fatti pprovdut mill-esportatur, ħlief meta jkun evidenti li l-awtoritajiet li ħarġuh kienu konxji jew misshom kienu konxji li l-merkanzija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-intitolament għat-trattatment preferenzjali.
Id-debitur għandu jkun kkunsidrat bħala li kellu bona fide jekk jista’ juri li, matul il-perjodu li matulu kienu qegħdin isiru l-operazzjonijiet ta’ kummerċ ikkonċernati, huwa jkun ħa ħsieb biżżejjed sabiex jiżgura li l-kundizzjonijiet kollha għat-trattament preferenzjali kienu ssodisfati.
Id-debitur ma jistax jiddependi fuq stqarrija ta’ bona fide jekk il-Kummissjoni ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih jingħad li jkun hemm lok għal dubju dwar l-applikazzjoni xierqa tal-arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż jew mit-territorju benefiċjarju.
Artikolu 197
Ekwità
1.F’każijiet għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 193(1), il-punt (e) u fl-Artikoli 194, 195 u 196, l-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu ripagament jew remissjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fl-interess ta’ ekwità meta jiġġarrab dejn doganali f’ċirkostanzi speċjali li fihom ma jista’ jiġi attribwit l-ebda qerq jew negliġenza ovvja lid-debitur.
2.Iċ-ċirkostanzi speċjali msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li jeżistu meta jkun ċar miċ-ċirkostanzi tal-każ li d-debitur jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbel ma’ operaturi oħrajn impenjati fl-istess negozju, u li, fin-nuqqas ta’ ċirkostanzi bħal dawn, ma kienx ibati minn żvantaġġ ikkawżat mill-ġbir tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni.
Artikolu 198
Proċedura għar-ripagament u għar-remissjoni
1.L-applikazzjonijiet għar-ripagament u għar-remissjoni f’konformità mal-Artikolu 193 għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet doganali fil-perjodi li ġejjin:
(a)fil-każ ta’ ammonti tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li fihom intalab ħlas żejjed, żball mill-awtoritajiet kompetenti jew ekwità, fi żmien 3 snin mid-data tan-notifika tad-dejn doganali;
(b)fil-każ ta’ merkanzija difettuża jew ta’ merkanzija li ma tikkonformax mat-termini tal-kuntratt, fi żmien sena mid-data tan-notifika tad-dejn doganali;
(c)fil-każ ta’ invalidazzjoni tad-data jew, meta applikabbli, ta’ dikjarazzjoni doganali, li fuq il-bażi tagħha tkun ġiet rilaxxata l-merkanzija, fi żmien sena mid-data tal-invalidazzjoni ta’ dik id-data jew ta’ dik id-dikjarazzjoni doganali sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fir-regoli applikabbli għall-invalidazzjoni.
Il-perjodu speċifikat fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), għandu jiġi estiż meta l-applikant jagħti prova li nżamm milli jissottometti applikazzjoni fiż-żmien predefinit minħabba ċirkostanzi imprevidibbli jew forza maġġuri.
2.Meta l-awtoritajiet doganali ma jkunux f’pożizzjoni, fuq il-bażi tar-raġunijiet mogħtijin, li jagħtu r-ripagament jew ir-remissjoni ta’ ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-merti ta’ applikazzjoni għar-ripagament jew għar-remissjoni fid-dawl tar-raġunijiet l-oħrajn għar-ripagament jew għar-remissjoni msemmijin fl-Artikolu 193.
3.Meta jkun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 16 kontra n-notifika tad-dejn doganali, il-perjodu rilevanti speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 kif ukoll l-eżami tal-applikazzjonijiet għar-remissjoni u għar-ripagament u l-limiti ta’ żmien relatati għandhom jiġu sospiżi, mid-data li fiha jiġi ppreżentat l-appell, għad-durata tal-proċedimenti ta’ appell.
4.Meta awtorità doganali tagħti ripagament jew remissjoni f’konformità mal-Artikoli 196 u 197, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali sabiex tinforma lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 4
L-estinzjoni ta’ dejn doganali
Artikolu 199
Estinzjoni
1.Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni għandu jitqies estint bi kwalunkwe mod minn dawn li ġejjin:
(a)f’każ li d-debitur ma jistax jiġi nnotifikat aktar dwar id-dejn doganali f’konformità mal-Artikolu 181;
(b)bil-ħlas tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni;
(c)soġġett għall-paragrafu 5, bir-remissjoni tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni;
(d)meta, fir-rigward ta’ merkanzija rilaxxata għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu li jitħallas dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, id-data li fuq il-bażi tagħha jkun sar ir-rilaxx jew tiġi invalidata d-dikjarazzjoni doganali;
(e)meta l-merkanzija soġġetta għal dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni tkun ikkonfiskata jew tinqabad u simultanjament jew sussegwentement tiġi kkonfiskata;
(f)meta l-merkanzija soġġetta għal dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni tinqered taħt superviżjoni doganali jew tiġi abbandunata f’idejn l-Istat;
(g)meta l-għajbien tal-merkanzija jew in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni doganali jirriżultaw mill-qerda totali jew mit-telf irrimedjabbli ta’ dik il-merkanzija bħala riżultat tan-natura attwali tal-merkanzija jew ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri, jew bħala konsegwenza ta’ struzzjoni mill-awtoritajiet doganali; għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-merkanzija għandha titqies bħala mitlufa għalkollox meta tkun saret inutilizzabbli minn kwalunkwe persuna;
(h)meta d-dejn doganali jkun iġġarrab f’konformità mal-Artikolu 161 jew mal-Artikolu 164 u meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i)in-nuqqas li wassal sabiex jinħoloq id-dejn doganali ma kellu l-ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew tal-proċedura doganali kkonċernata u ma kienx jikkostitwixxi tentattiv ta’ qerq;
(ii)sussegwentement jitwettqu l-formalitajiet neċessarji kollha sabiex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija;
(i)meta l-merkanzija rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera mingħajr dazju, jew b’rata mnaqqsa tad-dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu aħħari tagħha, tkun ġiet esportata bil-permess tal-awtoritajiet doganali;
(j)meta jkun iġġarrab skont l-Artikolu 160 u meta jiġu kkanċellati l-formalitajiet imwettqin sabiex ikun jista’ jingħata t-trattament tariffarju preferenzjali msemmi f’dak l-Artikolu;
(k)meta, soġġett għall-paragrafu 6, id-dejn doganali ġġarrab skont l-Artikolu 161 u tingħata evidenza sodisfaċenti għall-awtoritajiet doganali li l-merkanzija ma ntużatx jew ma ġietx ikkonsmata u nħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni.
2.Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (e), id-dejn doganali għandu, madankollu, għall-finijiet tas-sanzjonijiet applikabbli għal reati doganali, jitqies li ma jkunx ġie estint meta, skont dan ir-Regolament u skont id-dritt ta’ Stat Membru, id-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni jew l-eżistenza ta’ dejn doganali tipprovdi l-bażi għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet.
3.Meta, f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (g), id-dejn doganali jkun ġie estint fir-rigward ta’ merkanzija rilaxxa għal ċirkolazzjoni libera mingħajr dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju fuq l-importazzjoni minħabba l-użu aħħari tagħha, kwalunkwe ruttam jew skart li jirriżulta mill-qerda tagħha għandu jitqies bħala merkanzija mhux tal-Unjoni.
4.Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ marbutin mar-rati standard għal telf li ma jistax jiġi rkuprat minħabba n-natura tal-merkanzija, jiġu applikati meta l-persuna kkonċernata tonqos milli turi li t-telf reali jeċċedi dak ikkalkolat bl-applikazzjoni tar-rata standard għall-merkanzija inkwistjoni.
5.Meta diversi persuni jkunu responsabbli għal pagament tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali u tingħata remissjoni, id-dejn doganali għandu jiġi estint biss fir-rigward tal-persuna jew tal-persuni li lilhom tingħata r-remissjoni.
6.Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (k), id-dejn doganali ma għandux jiġi estint fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna jew ta’ persuni li jippruvaw iqarrqu.
7.Meta d-dejn doganali jkun iġġarrab skont l-Artikolu 161, huwa għandu jiġi estint fir-rigward tal-persuna li l-imġiba tagħha ma kinitx tinvolvi xi tentattiv ta’ qerq u li kkontribwiet għall-ġlieda kontra l-frodi.
8.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw il-lista ta’ nuqqasijiet b’ebda effett sinifikanti fuq l-operat korrett tal-ħażna temporanja jew tal-proċedura doganali kkonċernata kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (h)(i).
Artikolu 200
Applikazzjoni ta’ sanzjonijiet
F’każ li d-dejn doganali jiġi estint fuq il-bażi tal-Artikolu 199(1), il-punt (h), l-Istati Membri ma għandhomx ikunu preklużi milli japplikaw sanzjonijiet għal nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali.
Titolu XI
MIŻURI RESTRITTIVI U MEKKANIŻMU GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-KRIŻIJIET
Kapitolu 1
Miżuri restrittivi
Artikolu 201
Rwol tal-Awtorità Doganali tal-UE u tal-awtoritajiet doganali
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni korretta tal-miżuri restrittivi adottati f’konformità mal-Artikolu 215 tat-TFUE billi timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha u, soġġetta għal rieżami u għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, billi tipprovdi gwida xierqa lill-awtoritajiet doganali.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jikkonformaw mal-miżuri restrittivi, filwaqt li jqisu l-gwida tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Artikolu 202
Rapportar
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tirrapporta regolarment u kull meta jkun neċessarju lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi mill-awtoritajiet doganali u fil-każ ta’ kwalunkwe ksur tagħhom.
2.L-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw lill-Awtorità Doganali tal-UE, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kompetenti għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet dwar kwalunkwe suspett u każ ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom f’dak ir-rigward.
Kapitolu 2
Mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-kriżijiet
Artikolu 203
Tħejjija ta’ protokolli u ta’ proċeduri
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tħejji proċeduri u protokolli li jistgħu jiġu attivati f’konformità mal-Artikolu 204(1) f’każ ta’:
(a)kriżi fil-fruntiera ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li jkollha impatt fuq il-proċessi doganali;
(b)kriżi f’settur ieħor li teħtieġ azzjoni mill-awtoritajiet doganali f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti,
(c)bl-għan li jiġi żgurat rispons rapidu, effettiv u proporzjonat għas-sitwazzjoni kkonċernata.
2.Il-protokolli u l-proċeduri jistgħu jkopru b’mod partikolari:
(a)l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni tar-riskju, ta’ oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni u ta’ profili tar-riskju, ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni, u ta’ kontrolli doganali;
(b)qafas ta’ kollaborazzjoni li jippermetti li l-uffiċjali doganali u t-tagħmir ta’ kontroll doganali jkunu disponibbli temporanjament minn Stat Membru għal ieħor.
Artikolu 204
Attivazzjoni tal-mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-kriżijiet
1.Il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi tat-talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew tal-Awtorità Doganali tal-UE, tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikoli 262(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis il-protokolli u l-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 203, il-miżuri u l-arranġamenti xierqa u neċessarji li jenħtieġ li japplikaw sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ kriżi jew sabiex jittaffew l-effetti negattivi tagħha.
2.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tikkoordina u tissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri u tal-arranġamenti xierqa mill-awtoritajiet doganali u għandha tirrapporta lura dwar ir-riżultati ta’ din l-implimentazzjoni lill-Kummissjoni.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tistabbilixxi ċellola ta’ rispons għall-kriżijiet li tkun disponibbli b’mod permanenti matul il-kriżi.
4.L-awtoritajiet doganali għandhom jimplimentaw u japplikaw il-miżuri u l-arranġamenti adottati skont dan l-Artikolu u għandhom jirrapportaw lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom.
Titolu XII
L-AWTORITÀ DOGANALI TAL-UNJONI EWROPEA
Kapitolu 1
Prinċipji
Artikolu 205
Status legali
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun korp tal-Unjoni u għandu jkollha personalità ġuridika.
2.F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti għal proċedimenti legali.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.
Artikolu 206
Sede
Is-sede tal-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun […].
Artikolu 207
Missjoni u objettivi tal-Awtorità Doganali tal-UE
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tikkontribwixxi għat-twettiq tal-missjoni tal-awtoritajiet doganali kif stabbilita fl-Artikolu 2.
2.Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni, tal-OLAF u tal-Istati Membri, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:
(a)l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni operazzjonali tal-unjoni doganali, u b’hekk tikkoordina u tissorvelja l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet doganali u tiġbor flimkien u tipprovdi għarfien espert tekniku sabiex iżżid l-effiċjenza u t-tisrif tar-riżultati;
(b)l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tiżviluppa, topera u tmantni teknoloġiji tal-informazzjoni sabiex timplimenta l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament u tikkontribwixxi sabiex isir l-aħjar użu mid-data disponibbli għal finijiet ta’ superviżjoni doganali, ta’ kontroll u ta’ ġestjoni tar-riskju;
(c)l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tappoġġa lill-awtoritajiet doganali fil-kisba ta’ implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli doganali u l-ġestjoni tar-riskju jitwettqu b’mod armonizzat;
(d)l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-infurzar ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikata mill-awtoritajiet doganali.
Kapitolu 2
Kompiti
Artikolu 208
Kompiti ewlenin
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha twettaq kompiti ta’ ġestjoni tar-riskju, f’konformità mat-Titolu IV, il-Kapitolu 3.
2.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha twettaq kompiti fir-rigward ta’ miżuri restrittivi u ta’ mekkaniżmu għall-immaniġġjar tal-kriżijiet f’konformità mat-Titolu XI.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha twettaq attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet u tipprovdi appoġġ u koordinazzjoni operazzjonali lill-awtoritajiet doganali. B’mod partikolari, hija għandha:
(a)twettaq id-dijanjostika u l-monitoraġġ tal-punti ta’ qsim tal-fruntieri u ta’ postijiet oħrajn ta’ kontroll, tiżviluppa standards komuni u toħroġ rakkomandazzjonijiet għall-aħjar prattiki;
(b)twettaq kejl tal-prestazzjoni għall-unjoni doganali, u ssostni lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali, f’konformità mat-Titolu XV, il-Kapitolu 1;
(c)tħejji l-kontenut minimu komuni ta’ taħriġ għall-uffiċjali doganali fl-Unjoni u tissorvelja l-użu tiegħu mill-awtoritajiet doganali;
(d)tikkontribwixxi għal
sistema ta’ rikonoxximent tal-Unjoni għall-universitajiet u għal skejjel oħrajn li joffru programmi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni fil-qasam doganali;
(e)tikkoordina u ssostni l-ħolqien mill-Istati Membri ta’ ċentri speċjalizzati ta’ eċċellenza għal finijiet li jkopru l-Unjoni kollha f’oqsma doganali rilevanti, b’mod partikolari laboratorji tat-taħriġ u tad-dwana;
(f)tiffaċilita u tikkoordina l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fil-qasam doganali;
(g)telabora u xxerred manwali operazzjonali għall-applikazzjoni prattika tal-proċessi doganali u tal-metodi ta’ ħidma u tiżviluppa standards komuni f’dan ir-rigward;
(h)toħroġ opinjoni dwar jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proċeduri speċjali jaffettwax b’mod avvers l-interess tal-produtturi tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 102(3), (4) u (5);
(i)tikkoopera mal-korpi tal-Unjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali għajr id-dwana f’konformità mal-Artikolu 240(9);
(j)tikkoordina u ssostni l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn fil-livell nazzjonali f’konformità mat-Titolu XIII;
(k)torganizza u tikkoordina l-kontrolli konġunti msemmijin fl-Artikolu 241;
(l)tipprovdi sostenn u għarfien espert lill-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni ta’ każijiet kumplessi ta’ klassifikazzjoni, ta’ valwazzjoni, u ta’ oriġini, u l-monitoraġġ tad-deċiżjonijiet u l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.
4.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha twettaq attivitajiet ta’ ġestjoni u ta’ proċessar tad-data neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħha u għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 30 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 209
Kompiti oħrajn
Il-Kummissjoni tista’ tinkariga lill-Awtorità Doganali tal-UE bil-kompiti li ġejjin għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament relatati mad-dwana:
(a)attivitajiet relatati mal-iżvilupp, mat-tħaddim u mal-manutenzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni użati għall-implimentazzjoni tal-Unjoni Doganali, bħal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, kif stabbilit fit-Titolu III;
(b)l-għoti ta’ sostenn lill-Kummissjoni għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ strateġija operazzjonali għal attivitajiet relatati mal-allokazzjoni, mal-finanzjament u mal-akkwist ta’ tagħmir ta’ kontroll, inklużi l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, l-akkwist konġunt u l-kondiviżjoni konġunta tat-tagħmir.
Artikolu 210
Kompiti ulterjuri
L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tiġi assenjata kompiti ulterjuri fil-qasam tal-moviment liberu, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni ta’ merkanzija ta’ pajjiżi terzi, jekk dan ikun previst mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni. Meta kompiti bħal dawn jiġu assenjati jew fdati lill-Awtorità Doganali tal-UE, għandhom jiġu żgurati riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-implimentazzjoni tagħhom.
Kapitolu 3
Organizzazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE
Artikolu 211
Struttura amministrattiva u maniġerjali
L-istruttura amministrattiva u tal-ġestjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE għandha tinkludi:
(a)Bord tat-Tmexxija, li għandu jeżerċita l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 215;
(b)Bord Eżekuttiv li għandu jeżerċita l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 217;
(c)Direttur Eżekuttiv, li għandu jwettaq ir-responsabbiltajiet previsti fl-Artikolu 219;
(d)Viċi Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 221, jekk il-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi li joħloq funzjoni bħal din.
Taqsima 1
Il-Bord tat-Tmexxija
Artikolu 212
Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija
1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni, ilkoll bid-dritt tal-vot.
2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinkludi wkoll membru wieħed deżinjat mill-Parlament Ewropew, li ma jkollu l-ebda dritt tal-vot.
3.Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu membru supplenti. Il-membru supplenti għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu.
4.Il-membri tal-Bord Tmexxija u l-membri supplenti tagħhom għandhom jinħatru fid-dawl tal-għarfien tagħhom fil-qasam tad-dwana, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti. Il-partijiet kollha rappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija għandhom jagħmlu sforzi sabiex jillimitaw id-dawran tar-rappreżentanti tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tiegħu. Il-partijiet kollha għandhom ifittxu li jilħqu rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri fil-Bord tat-Tmexxija.
5.Il-mandat għall-membri u għall-membri supplenti tagħhom għandu jkun ta’ 4 snin. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġi estiż.
Artikolu 213
President tal-Bord tat-Tmexxija
1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u Viċi President minn fost il-membri l-oħrajn tiegħu bi drittijiet tal-vot.
2.Il-Viċi President għandu jissostitwixxi awtomatikament lill-President jekk dan ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.
3.Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun ta’ 4 snin. Dak il-mandat jista’ jiġġedded darba. Madankollu, jekk is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f’dik id-data.
Artikolu 214
Laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija
1.Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jissejħu mill-President.
2.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr ma jkollu d-dritt tal-vot.
3.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jsejjaħ tal-iaqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, dan għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu.
4.Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li jista’ jkollha opinjoni li tkun ta’ interess sabiex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.
5.Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u l-membri supplenti tagħhom jistgħu, soġġetti għar-regoli ta’ proċedura tiegħu, ikunu assistiti fil-laqgħat minn konsulenti jew minn esperti.
6.Meta fl-aġenda jkun hemm kwistjoni ta’ kunfidenzjalità jew ta’ kunflitt ta’ interessi, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddiskuti u jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni mingħajr il-preżenza tal-membru kkonċernat. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jitqiegħdu fir-regoli ta’ proċedura.
7.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord tat-Tmexxija.
Artikolu 215
Funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija
1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu:
(a)jagħti l-orjentazzjonijiet ġenerali tal-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE;
(b)jadotta, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bi drittijiet tal-vot, il-baġit annwali tal-Awtorità Doganali tal-UE u jeżerċita funzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE skont il-Kapitolu 4;
(c)jivvaluta u jadotta r-rapport annwali konsolidat tal-attività dwar l-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE, inkluża ħarsa ġenerali lejn it-twettiq tal-kompiti tagħha u lejn il-prestazzjoni ġenerali tagħha fil-kisba tal-objettivi tal-politika doganali, u jibgħat kemm ir-rapport kif ukoll il-valutazzjoni tiegħu sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport annwali konsolidat tal-attività għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku;
(d)jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità Doganali tal-UE f’konformità mal-Artikolu 222;
(e)jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata mar-riskji ta’ frodi, filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li jkunu se jiġu implimentati;
(f)jadotta regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu; u għandu jippubblika kull sena fuq is-sit web tiegħu d-dikjarazzjoni tal-interessi tal-membri tal-bord tat-tmexxija;
(g)jadotta l-pjanijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ disseminazzjoni msemmijin fl-Artikolu 232, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet, u jaġġornahom regolarment;
(h)jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;
(i)f’konformità mal-paragrafu (2), jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE, is-setgħat mogħtijin bir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra lill-Awtorità Mogħtija s-Setgħa li Tikkonkludi Kuntratt ta’ Impjieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);
(j)jadotta regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u lill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;
(k)jistabbilixxi, fejn xieraq, kapaċità ta’ awditu intern;
(l)jadotta r-regoli tas-sigurtà tal-Awtorità Doganali tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 233;
(m)jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv, jekk tinħoloq kariga bħal din, u meta rilevanti jestendi l-mandat tagħhom jew ineħħihom mill-kariga f’konformità mal-Artikolu 217;
(n)jaħtar Uffiċjal tal-Kontabilità, li jista’ jkun l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni, li għandu jkun soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u li għandu jkun indipendenti għalkollox fit-twettiq ta’ dmirijietu;
(o)jieħu kull deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Awtorità Doganali tal-UE, u meta jkun neċessarju, dwar il-modifika tagħhom, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-attività tal-Awtorità Doganali tal-UE kif ukoll l-immaniġġjar baġitarju sod.
(p)jawtorizza l-konklużjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol f’konformità mal-Artikolu 240(9).
(q)jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma u gruppi ta’ esperti u jadotta r-regoli ta’ proċedura tagħhom;
(r)jadotta l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 223 qabel is-sottomissjoni tiegħu lill-Kummissjoni għall-opinjoni tagħha;
(s)filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni, jadotta d-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri bid-drittijiet tal-vot u f’konformità mal-Artikolu 216;
(t)jadotta strateġija ta’ titjib fl-effiċjenza u ta’ sinerġiji;
(u)jadotta strateġija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u/jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali;
(v)jadotta strateġija għall-ġestjoni organizzazzjonali u għas-sistemi ta’ kontroll intern;
2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom din id-delega tas-setgħat tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.
3.Meta ċirkustanzi eċċezzjonali hekk jirrikjedu, il-Bord tat-Tmexxija jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk sottodelegati mid-Direttur Eżekuttiv u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew xi membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur Eżekuttiv.
Artikolu 216
Regoli tal-vot tal-Bord tat-Tmexxija
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215(1), il-punti (b), (m) u (s), il-Bord tat-Tmexxija jieħdu deċiżjonijiet b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu li jkollhom drittijiet tal-vot.
2.Id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 215(1), il-punti (b), (c), (e), (f), (j), (m), (n), (o) u (s) tista’ tittieħed biss jekk ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jitfgħu vot pożittiv. Għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 215(1), il-punt (s), il-kunsens tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandu jkun meħtieġ biss fuq l-elementi tad-deċiżjoni li ma jkunux relatati mal-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali tal-Awtorità Doganali tal-UE.
3.Kull membru bi drittijiet tal-vot għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ membru bid-dritt tal-vot, is-supplent tiegħu għandu jkun intitolat li jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.
4.Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.
5.Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.
6.Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ votazzjoni aktar dettaljati, b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi li fihom membru jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.
Taqsima 2
Il-Bord Eżekuttiv
Artikolu 217
Bord Eżekuttiv
1.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.
2.Il-Bord Eżekuttiv għandu:
(a)jissorvelja l-ħidma preparatorja għad-deċiżjonijiet li jkunu se jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija;
(b)jiżgura, flimkien mal-Bord tat-Tmexxija, li jingħata segwitu xieraq għas-sejbiet u għar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti tal-awditjar u mill-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-OLAF u tal-UPPE;
(c)jissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, bl-għan li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja.
3.Meta jkun neċessarju, minħabba urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord tat-Tmexxija, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni amministrattiva, inkluża s-sospensjoni tad-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra u ta’ kwistjonijiet baġitarji.
(b)meta tiġi identifikata sitwazzjoni ta’ kriżi kif stabbilita fit-Titolu XI, li tkun teħtieġ azzjoni immedjata jew aġġustament tal-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE.
5.Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni għall-Bord tat-Tmexxija u minn tliet membri oħrajn maħturin mill-Bord tat-Tmexxija minn fost il-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot. Il-President tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ukoll il-President tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, iżda ma għandux ikollu d-dritt tal-vot. Id-deċiżjonijiet tal-Bord Eżekuttiv għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi. Id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-paragrafu (2), il-punt (b) jistgħu jittieħdu biss jekk rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni jitfa’ vot pożittiv.
6.Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta’ 4 snin, u għandu jkun jista’ jiġġedded. Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jintemm meta tintemm is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija.
7.Il-Bord Eżekuttiv ikollu minn tal-anqas laqgħa ordinarja waħda kull 3 xhur. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu jew fuq it-talba tal-membri tiegħu.
8.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord Eżekuttiv.
Taqsima 3
id-Direttur Eżekuttiv
Artikolu 218
Ħatra, sensja u estensjoni tal-mandat
1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi impjegat bħala aġent temporanju tal-Awtorità Doganali tal-UE f’konformità mal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.
Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija fuq il-bażi tal-mertu u tal-ħiliet amministrattivi u maniġerjali ddokumentati, kif ukoll tal-kompetenza u tal-esperjenza rilevanti, minn lista ta’ mill-inqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura ta’ selezzjoni miftuħa u trasparenti.
Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.
2.Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ 5 snin. Fi żmien xieraq qabel tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni li tikkunsidra evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Awtorità Doganali tal-UE.
3.Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba għal mhux aktar minn 5 snin.
4.Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura ta’ selezzjoni oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu kumplessiv.
5.Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss wara deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.
6.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv fuq il-bażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot.
Artikolu 219
Kompiti u responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv
1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimmaniġġja l-Awtorità Doganali tal-UE. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord tat-Tmexxija.
2.Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu u tal-kompiti tiegħu u la għandu jfittex u lanqas għandu jieħu struzzjonijiet mingħand kwalunkwe gvern jew korp ieħor.
3.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-twettiq ta’ dmirijietu u l-prestazzjoni ġenerali tal-Awtorità Doganali tal-UE meta jkun mistieden jagħmel dan.
4.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Awtorità Doganali tal-UE.
5.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lill-Awtorità Doganali tal-UE b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu:
(a)jiżgura l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Awtorità Doganali tal-UE;
(b)jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;
(c)iħejji l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 223 u jissottomettih lill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;
(d)jimplimenta d-dokument uniku ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 223 u jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu;
(e)iħejji r-rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-valutazzjoni u għall-adozzjoni;
(f)iħejji pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll dwar l-investigazzjonijiet mill-OLAF u mill-UPPE, u rapport dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u b’mod regolari lill-Bord Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija;
(g)mingħajr preġudizzju għall-kompetenza investigattiva tal-UPPE u tal-OLAF, jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi interni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti mħallsin bi żball u, meta xieraq, billi jimponi penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi;
(h)iħejji strateġija interna kontra l-frodi, strateġija għat-titjib fl-effiċjenza u għas-sinerġiji, strateġija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u/jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u strateġija għall-ġestjoni organizzazzjonali u għas-sistemi ta’ kontroll intern għall-Awtorità Doganali tal-UE u jippreżentahom lill-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni;
(i)iħejji abbozz ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità Doganali tal-UE u jissottomettih lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;
(j)iħejji l-abbozz provviżorju ta’ dikjarazzjonijiet tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Awtorità Doganali tal-UE f’konformità mal-Artikolu 224, u jimplimenta l-baġit tagħha;
(k)fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE, jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra msemmija fl-Artikolu 215(1), il-punt (i), sa fejn dawk is-setgħat ikunu ġew iddelegati lilu f’konformità mal-Artikolu 215(2);
(l)jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tal-istrutturi interni tal-Awtorità Doganali tal-UE inklużi, meta jkun neċessarju, funzjonijiet sostituttivi li jistgħu jkopru t-tmexxija ta’ kuljum tal-Awtorità Doganali tal-UE u, meta jkun neċessarju, l-emendar tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet relatati mal-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE u l-ġestjoni baġitarja soda;
(m)jinnegozja u, wara l-approvazzjoni mill-Bord tat-Tmexxija, jiffirma Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali li jikkonċerna s-sede tal-Awtorità Doganali tal-UE, u, meta applikabbli, ftehimiet simili mal-Istati Membri ospitanti fejn jinsabu l-uffiċċji lokali;
(n)iħejji l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jissottomettihom lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni;
(o)jippromwovi d-diversità u jimmira li jiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fir-rigward tar-reklutaġġ tal-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE;
(p)jimmira lejn ir-reklutaġġ ta’ persunal fuq l-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli, filwaqt li jitqies li l-kriterji ta’ reklutaġġ iridu jkunu bbażati biss fuq il-merti.
Artikolu 220
Viċi Direttur Eżekuttiv
1.Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li joħloq kariga ta’ Viċi Direttur Eżekuttiv sabiex jassisti lid-Direttur Eżekuttiv.
2.Fil-każ li l-Bord tat-Tmexxija jiddeċiedi li joħloq kariga ta’ Viċi Direttur Eżekuttiv, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 217 għandhom japplikaw għall-Viċi Direttur Eżekuttiv kif xieraq.
Artikolu 221
Kompiti u Responsabbiltajiet tal-Viċi Direttur Eżekuttiv
Jekk tinħoloq il-kariga tal-Viċi Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jassisti lid-Direttur Eżekuttiv fil-ġestjoni tal-Aġenzija u fit-twettiq tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 218. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, jew il-kariga tkun vakanti, il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu joħodlu postu.
Kapitolu 4
Stabbiliment u struttura tal-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE
Artikolu 222
Dispożizzjonijiet ġenerali
Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Ma għandhomx imorru lil hinn mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 sakemm tali tluq ma jkunx meħtieġ speċifikament għall-operat tal-Awtorità Doganali tal-UE u tal-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.
Artikolu 223
Dokument uniku ta’ programmazzjoni
1.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dokument uniku ta’ programmazzjoni li jkun fih b’mod partikolari l-programmazzjoni pluriennali u annwali f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715, u bid-dispożizzjoni rilevanti tar-regoli finanzjarji tal-Awtorità Doganali tal-UE adottati skont l-Artikolu 222 ta’ dan ir-Regolament u b’kont meħud tal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni. Il-programmazzjoni annwali u pluriennali għandha tkun konformi mal-politika doganali u mal-prijoritajiet ġenerali tal-unjoni doganali.
2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ qabel il-perjodu ta’ programmazzjoni.
3.Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta d-dokument uniku ta’ programmazzjoni. Għandu jibgħat id-dokument uniku ta’ programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll kwalunkwe verżjoni aġġornata aktar tard ta’ dak id-dokument. Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun neċessarju, għandu jiġi aġġustat kif xieraq.
4.Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jistabbilixxi l-objettivi dettaljati u r-riżultati mistennijin inkluż l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu jkollu fih ukoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 5. Dan għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta kompitu ġdid jingħata lill-Awtorità Doganali tal-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe emendar sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi adottat f’konformità mal-istess proċedura bħal tal-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelega lid-Direttur Eżekuttiv is-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali.
5.Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-objettivi, ir-riżultati mistennijin u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandu juri wkoll, għal kull attività, ir-riżorsi finanzjarji u umani indikattivi kkunsidrati neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta jkun xieraq, u għandha turi l-kontribut tal-Awtorità Doganali tal-UE għall-kisba tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.
Artikolu 224
Stabbiliment tal-baġit
1.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni provviżorja tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Aġenzija Doganali tal-UE għas-sena finanzjarja ta’ wara, li jinkludi t-tabella tal-persunal, u jibagħtu lill-Bord tat-Tmexxija. L-informazzjoni li tinsab fl-abbozz ta’ dikjarazzjoni provviżorja tal-estimi għandha tkun konsistenti mal-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 223(1).
2.Il-Bord tat-Tmexxija, fuq il-bażi tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni provviżorja tal-estimi msemmi fil-paragrafu 1, għandu jadotta abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Awtorità Doganali tal-UE għas-sena finanzjarja ta’ wara.
3.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat l-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Awtorità Doganali tal-UE lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.
4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
5.Fuq il-bażi tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li tqis neċessarji għat-tabella tal-persunal u l-ammont tal-kontribut iddebitat lill-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta quddiem l-awtorità tal-baġit f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.
6.L-awtorità tal-baġit għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE.
7.L-awtorità tal-baġit għandha tadotta t-tabella tal-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE.
8.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE. Dak il-baġit għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Meta jkun neċessarju, il-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jiġi aġġustat kif xieraq.
Artikolu 225
Struttura tal-baġit
1.L-estimi tad-dħul u tan-nefqa kollha tal-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, u għandhom jintwerew fil-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.
2.Il-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jkun bilanċjat f’termini ta’ dħul u ta’ nefqa.
3.Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jkun magħmul minn:
(a)kontribuzzjoni mill-Unjoni mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;
(b)kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri;
(c)finanzjament tal-Unjoni possibbli fil-forma ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni jew ta’ għotjiet f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Awtorità Doganali tal-UE msemmija fl-Artikolu 222 u mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti rilevanti li jsostnu l-politiki tal-Unjoni;
(d)tariffi għall-pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-Awtorità Doganali tal-UE.
4.In-nefqa tal-Awtorità Doganali tal-UE għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u n-nefqa operatorja.
5.L-impenji baġitarji għal azzjonijiet relatati ma’ proġetti fuq skala kbira li jdumu aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jiġu diżaggregati fuq diversi snin f’pagamenti parzjali annwali.
Artikolu 226
Implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE
1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE.
2.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ evalwazzjoni tagħha.
Artikolu 227
Preżentazzjoni tal-kontijiet u kwittanza
1.Fis-sena finanzjarja ta’ wara (sena N+1), l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara (sena N + 1).
2.Sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.
3.Sal-31 ta’ Marzu tas-sena N+1, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità Doganali tal-UE, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri.
4.Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità Doganali tal-UE skont l-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità Doganali tal-UE għal dik is-sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord Eżekuttiv għal opinjoni. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata mill-Bord tat-Tmexxija.
5.L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jibgħat, sal-1 ta’ Lulju tas-sena N+1, il-kontijiet finali għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni adottata mill-Bord tat-Tmexxija.
6.Il-kontijiet finali għas-sena N għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena N+1.
7.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri sat-30 ta’ Settembru tas-sena N+1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu wkoll jibgħat dik it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.
8.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja N, f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
9.Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.
Artikolu 228
Ġlieda kontra l-frodi
1.Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn fi ħdan l-Awtorità Doganali tal-UE, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni.
2.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-investigazzjonijiet interni mill-OLAF fi żmien 6 xhur minn [XXX] u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal tagħha billi tuża l-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dak il-Ftehim.
3.Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa ta’ awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u ta’ żjarat fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, fuq il-kuntratturi u fuq is-sottokuntratturi kollha li jkunu rċivew fondi tal-Unjoni mill-Awtorità Doganali tal-UE.
4.L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ għotja jew ma’ kuntratt iffinanzjat mill-Awtorità Doganali tal-UE, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96.
5.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2, 3 u 4, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja tal-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea u lill-OLAF sabiex iwettqu awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom. L-arranġamenti ta’ ħidma mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikopru l-assistenza u l-kooperazzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet u tal-organizzazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-awditi u tal-investigazzjonijiet imwettqin mill-Qorti tal-Awdituri u mill-OLAF.
6.F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE jista’ jinvestiga u jieħu passi legali kontra każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Kapitolu 5
Dispożizzjonijiet dwar il-persunal
Artikolu 229
Dispożizzjoni ġenerali
Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, kif ukoll ir-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jsiru effettivi, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Artikolu 230
Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor
1.L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew minn persunal ieħor mhux impjegat mill-Awtorità Doganali tal-UE.
2.Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali fl-Uffiċċju Doganali tal-UE.
Artikolu 231
Privileġġi u immunitajiet
Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Awtorità Doganali tal-UE u għall-persunal tagħha.
Kapitolu 6
Dispożizzjonijet ġenerali u finali
Artikolu 232
Trasparenza u Komunikazzjoni
1.Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmumin mill- Awtorità Doganali tal-UE. Fi żmien 6 xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.
2.Il-proċessar ta’ data personali mill-Awtorità Doganali tal-UE għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi żmien 6 xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-Awtorità Doganali tal-UE, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Awtorità Doganali tal-UE. Dawk il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti wara li ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tipparteċipa f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess fi ħdan il-qasam tal-kompetenza tagħha. L-allokazzjoni tar-riżorsi għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni ma għandhiex tkun ta’ detriment għall-eżerċitar effettiv tal-kompiti tal-Awtorità Doganali tal-UE. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni għandhom jitwettqu f’konformità mal-pjanijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ disseminazzjoni rilevanti adottati mill-Bord tat-Tmexxija.
Artikolu 233
Regoli dwar is-sigurtà fuq il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tadotta r-regoli dwar is-sigurtà tagħha li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji u fuq ir-regoli stipulati fir-regoli dwar is-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inklużi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju ta’ tali informazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u l-proċessar u l-ħżin ta’ tali informazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 u (UE, Euratom) 2015/444. Kwalunkwe arranġament amministrattiv dwar l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz jew, fin-nuqqas ta’ tali arranġament, kwalunkwe rilaxx eċċezzjonali u ad hoc ta’ IKUE lil dawk l-awtoritajiet għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
2.Il-bord tat-tmexxija għandu jadotta r-regoli dwar is-sigurtà tal-Awtorità Doganali tal-UE wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Meta tkun qed tanalizza r-regoli ta’ sigurtà proposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li huma kompatibbli mad-Deċiżjonijiet (UE, Euratom) 2015/443 u (UE, Euratom) 2015/444.
3.Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, l-esperti esterni li jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma ad hoc, u l-membri tal-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 339 tat-TFUE, anke wara t-terminazzjoni ta’ dmirijiethom.
4.L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tieħu l-miżuri li jkunu neċessarji sabiex jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti għall-kompiti tiegħu mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri u, meta ikun xieraq mal-istituzzjonijiet, mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. Kwalunkwe arranġament amministrattiv konkluż għal dak l-għan fir-rigward tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE) jew, fin-nuqqas ta’ tali arranġament, kwalunkwe rilaxx ad hoc eċċezzjonali ta’ IKUE, għandu jkun irċieva l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.
Artikolu 234
Sistema lingwistika
1.Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 għandhom japplikaw għall-Awtorità Doganali tal-UE.
2.Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar is-sistema lingwistika interna għall-Awtorità Doganali tal-UE.
3.Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 235
Evalwazzjoni
1.Mhux aktar tard minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 5 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li titwettaq evalwazzjoni f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE fir-rigward tal-objettivi, tal-mandat, tal-kompiti u tal-governanza tagħha u tal-post(ijiet).
2.L-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li timmodifika l-mandat tal-Awtorità Doganali tal-UE, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe tali modifika.
3.Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ir-riżultati miksubin mill-Awtorità Doganali tal-UE għandhom jiġu vvalutati, filwaqt li jitqiesu l-objettivi, il-mandat, il-kompiti u l-governanza tagħha, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-kontinwazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE tkunx għadha ġustifikata fir-rigward ta’ dawk l-objettivi, il-mandat, il-governanza u l-kompiti.
4.Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.
Artikolu 236
Responsabbiltà tal-Awtorità Doganali tal-UE
1.Ir-responsabiltà kuntrattwali tal-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun irregolata bid-dritt applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.
2.Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni sabiex taqta’ sentenza skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-Awtorità Doganali tal-UE.
3.Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mid-dipartimenti jew mill-persunal tiegħu fil-qadi ta’ dmirijietu.
4.Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni f’tilwimiet fuq kumpens għad-dannu msemmi fil-paragrafu 3.
5.Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tiegħu lejn l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun irregolata bid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra li japplikaw għalihom.
6.Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri għad-djun tal-Awtorità Doganali tal-UE għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni tagħhom li huma jkunu diġà għamlu għall-kostijiet amministrattivi.
Artikolu 237
Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kundizzjonijiet operattivi
1.L-arranġamenti neċessarji li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-Awtorità Doganali tal-UE fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet disponibbli għaliha minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija, għall-persunal tal-Awtorità Doganali tal-UE u għall-membri tal-familja tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità Doganali tal-UE u l-Istat Membru li fih tkun tinsab is-sede, li jkun ġie konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija u mhux aktard tard minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
2.L-Istat Membru ospitanti tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Awtorità Doganali tal-UE, inkluża edukazzjoni multilingwi, b’orjentazzjoni Ewropea u konnessjonijiet xierqa tat-trasport.
3.Meta ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu jirrikjedu hekk, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità Doganali tal-UE b’mod aktar effiċjenti, effettiv u koerenti.
Qabel ma jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i). Id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi kost-benefiċċji xierqa li turi b’mod partikolari l-valur miżjud ta’ deċiżjoni bħal din. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-uffiċċju lokali b’mod li jiġu evitati kostijiet mingħajr bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Artikolu 238
Bidu tal-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE
1.L-Awtorità Doganali tal-UE tiġi stabbilita mill-2026 u għandha ssir kompletament operazzjonali sal-2028.
2.Il-Kummissjoni għandha tkun responabbli għall-istabbiliment u għall-operat inizjali tal-Awtorità Doganali tal-UE sakemm l-Awtorità Doganali tal-UE jkollha l-kapaċità operazzjonali li timplimenta l-baġit tagħha stess. Għal dak l-għan:
(a)sakemm id-Direttur Eżekuttiv jibda jaqdi dmirijietu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 218, il-Kummissjoni tista’ taħtar uffiċjal tal-Kummissjoni sabiex jaġixxi ta’ Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv;
(b)b’deroga mill-Artikolu 215(1), il-punt (i) u sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 215(2), id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jeżerċita s-setgħa tal-awtorità tal-ħatra;
(c)il-Kummissjoni tista’ toffri assistenza lill-Awtorità Doganali tal-UE, b’mod partikolari billi tissekonda uffiċjali tal-Kummissjoni sabiex iwettqu l-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE, taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Eżekuttiv interim jew tad-Direttur Eżekuttiv;
(d)id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħlin fil-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE u jista’ jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal, wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Titolu XIII
KOOPERAZZJONI DOGANALI
Artikolu 239
Kooperazzjoni doganali interna
1.Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 515/97, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Awtorità Doganali tal-UE f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tipprevedi kooperazzjoni bħal din, bl-għan li tiġi żgurata applikazzjoni korretta u uniformi ta’ dawk il-leġiżlazzjonijiet u tiġi sostnuta l-kisba tal-missjoni tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 2.
2.L-awtoritajiet doganali jistgħu temporanjament jagħmlu l-uffiċjali doganali disponibbli sabiex jaħdmu fihom l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru ieħor. L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tiġi informata u tista’ tikkoordina kompiti bħal dawn.
3.L-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu kontrolli konġunti minbarra dawk previsti fl-Artikolu 241. L-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar kontrolli konġunti bħal dawn.
4.Il-Kummissjoni, l-OLAF u l-Awtorità Doganali tal-UE jistgħu jiskambjaw data rilevanti għall-kooperazzjoni msemmija f’dan it-Titolu, inkluża informazzjoni dwar ir-riskju. L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tiżgura l-użu effettiv ta’ tali informazzjoni fl-attivitajiet tagħha ta’ ġestjoni tar-riskju f’konformità ma’ dan it-Titolu u mat-Titolu XII.
Artikolu 240
Qafas għall-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn
1.L-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw ma’ awtoritajiet oħrajn fil-livell nazzjonali, inklużi iżda mhux limitati għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, għall-awtoritajiet sanitarji u fitosanitarji, għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet tat-taxxa, fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, fil-ġbir tad-dazji u fit-taxxi u f’oqsma rilevanti oħrajn ta’ kooperazzjoni. Meta jkun xieraq, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw ukoll ma’ korpi, ma’ gruppi ta’ esperti, ma’ aġenziji, ma’ uffiċċji jew ma’ networks rilevanti li jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ awtoritajiet oħrajn fil-livell tal-Unjoni. Meta jkun xieraq, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkooperaw ukoll ma’ partijiet rilevanti oħrajn fil-livell tal-UE, kif imsemmi fil-paragrafu 9, u l-awtoritajiet doganali involuti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità Doganali tal-UE.
2.Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha sseħħ b’mod regolari u strutturat. Għandha ssegwi, b’mod partikolari, l-objettivi li ġejjin:
(a)il-kontribut għal u s-segwitu tal-iżviluppi leġiżlattivi fl-oqsma ta’ politika ta’ rilevanza għad-dwana;
(b)l-iskambju ta’ data, b’mod partikolari data rilevanti għall-ġestjoni tar-riskju f’konformità mat-Titolu IV, il-Kapitolu 3;
(c)l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ superviżjoni koerenti u koordinati għall-ġestjoni tar-riskju tal-merkanzija taħt l-oqsma tar-responsabbiltajiet kemm tal-awtoritajiet doganali kif ukoll ta’ awtoritajiet oħrajn, f’konformità mat-Titolu IV, il-Kapitolu 3;
(d)l-implimentazzjoni operazzjonali, inkluż it-twettiq ta’ kontrolli konġunti f’konformità mal-Artikolu 241.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tagħha, tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma sabiex tiżviluppa u taġġorna qafas għall-kooperazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, li jinvolvi lil partijiet rilevanti oħrajn, kif imsemmi fil-paragrafu 9, filwaqt li jipprovdi l-orjentazzjonijiet għall-implimentazzjoni prattika, l-objettivi u l-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni tiegħu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u mat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament.
4.Meta awtorità doganali tikkoopera ma’ awtorità oħra fi Stat Membru differenti, hija għandha tinnotifika lill-awtorità doganali ta’ dak l-Istat Membru. Meta l-kooperazzjoni tinvolvi aktar minn żewġ Stati Membri, l-awtoritajiet doganali involuti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità Doganali tal-UE, li tista’ tipprovdi appoġġ operazzjonali u ta’ koordinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 208.
5.L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fuq bażi annwali lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar l-applikazzjoni tal-qafas għall-kooperazzjoni. L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tqis is-sejbiet ta’ dan ir-rapportar fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha msemmijin fl-Artikolu 208(3), il-punt (a), u l-kompiti ta’ kejl tal-prestazzjoni tagħha msemmijin fl-Artikolu 208(3), il-punt (b).
6.Sad-data indikata fl-Artikolu 238(1), il-Kummissjoni tista’ twettaq il-kompiti tal-Awtorità Doganali tal-UE, kif imsemmijin fil-paragrafu 3.
7.L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tikkoopera ma’ awtoritajiet oħrajn fil-livell nazzjonali, u mal-Kummissjoni u ma’ istituzzjonijiet, ma’ uffiċċji, ma’ aġenziji, ma’ networks u ma’ korpi oħrajn tal-Unjoni, sabiex tikkontribwixxi għall-objettivi msemmijin fil-paragrafu 2, u għall-qafas għall-kooperazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.
Għal dak l-għan, l-Awtorità Doganali tal-UE tista’, soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija tagħha u wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, tistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma mal-korpi tal-Unjoni jew ma’ awtoritajiet oħrajn fil-livell nazzjonali. Dawk l-arranġamenti amministrattivi ma għandhomx joħolqu obbligi legali u għandhom jiddefinixxu n-natura, il-firxa u l-mod li bih għandha sseħħ il-kooperazzjoni maħsuba.
8.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tikkoopera mill-qrib mal-OLAF meta jkun hemm frodi jew suspett ta’ frodi fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tagħha.
9.L-Awtorità Doganali tal-UE tista’ tiżviluppa qafas għal kooperazzjoni operazzjonali ma’ korpi oħrajn tal-UE, inklużi l-Europol u l-Frontex, f’konformità mal-paragrafi 2, 4 u 5, u tista’ tipparteċipa f’analiżijiet strateġiċi u f’valutazzjonijiet tat-theddid, f’ċikli ta’ politika, fi programmi ta’ innovazzjoni, f’attivitajiet ta’ taħriġ, f’networks u f’attivitajiet oħrajn li jkunu rilevanti għall-implimentazzjoni tal-kompiti tagħha u li jkunu organizzati minn tali korpi oħrajn.
Artikolu 241
Kontrolli konġunti
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tippjana, torganizza u tikkoordina kontrolli konġunti li jitwettqu mill-awtoritajiet doganali, meta rilevanti f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet, ma’ korpi u ma’ aġenziji oħrajn f’konformità mal-Artikolu 240(9).
2.Għal dan l-għan, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha ssegwi l-prijoritajiet tal-politika doganali u tiżgura r-rabtiet u l-koordinazzjoni neċessarji mal-attivitajiet kontra l-frodi mill-OLAF u mill-UPPE u mal-investigazzjonijiet doganali nazzjonali.
3.Sabiex l-Awtorità Doganali tal-UE tkun tista’ tfassal rapport u twettaq evalwazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu feedback lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar l-attivitajiet u l-kontrolli li jkunu wettqu fil-kuntest ta’ kontroll konġunt.
Artikolu 242
Azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali
1.F’konformità mal-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin:
(a)jiġbru data speċifika għall-kunsinni kollha, inklużi kontrolli awtomatizzati tal-formalitajiet mhux doganali tal-Unjoni, dment li dawn jinħażnu f’reġistru ċentrali tal-Unjoni;
(b)jipprovdu statistiki, analitika u xejriet, b’mod partikolari fil-qasam tar-riskji;
(c)jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-kontrolli minn awtoritajiet oħrajn;
(d)iwettqu kontrolli fuq ċerti kunsinni, magħżulin fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju f’konformità mat-Titolu IV u b’kont meħud tal-analiżi msemmija fil-punt (b);
(e)jikkonsultaw lil awtoritajiet oħrajn qabel ir-rilaxx tal-merkanzija f’konformità mal-Artikolu 60;
(f)jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja dwar merkanzija mhux konformi, inklużi l-konfiska, il-bejgħ jew il-qerda ta’ dik il-merkanzija;
(g)jimplimentaw il-qafas għall-kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 240;
(h)iwissu lil awtoritajiet oħrajn dwar ir-riskji rilevanti għall-ħidma tagħhom;
(i)jagħtu segwitu meta l-moviment tal-merkanzija jkun qiegħed jikser leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(j)kwalunkwe azzjoni komplementari oħra.
2.Stat Membru jista’ jiddeżinja punt ta’ qsim tal-fruntiera doganali speċjalizzat, dwar ċerta leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali. Ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-tali deżinjazzjoni li wieħed jgħaddi minn punt ta’ qsim tal-fruntiera doganali speċjalizzati ma jistgħux ikunu sproporzjonati, f’dak li għandu x’jaqsam mal-operaturi ekonomiċi, mal-objettiv inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw dak l-obbligu.
3.L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Awtorità Doganali tal-UE dwar id-deżinjazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u l-Awtorità Doganali tal-UE għandha żżomm aġġornata u tippubblika lista ta’ dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera doganali speċjalizzati.
4.Sabiex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna b’mod regolari lista integrata tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli għall-merkanzija soġġetta għal kontrolli doganali mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.
5.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati fkonformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw kwalunke azzjoni komplementari oħra kif imsemmija fil-paragrafu (1), il-punt (j).
Artikolu 243
Kooperazzjoni doganali internazzjonali
L-Awtorità Doganali tal-UE tista’, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tagħha, tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawn l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi legali imposti fuq l-Unjoni.
Artikolu 244
Skambju ta’ data ma’ pajjiżi terzi
1.Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali u l-Awtorità Doganali tal-UE jistgħu jiskambjaw u jikkondividu data mal-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet oħrajn ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ kooperazzjoni doganali, meta ftehim internazzjonali tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni doganali, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni jew tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, kif ukoll leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikata mill-awtoritajiet doganali, jipprevedu tali skambju u jkun żgurat li t-trasferiment tad-data personali jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, rispettivament.
Il-Kummissjoni għandha tiġi informata dwar l-iskambji ta’ data bejn l-awtoritajiet doganali u l-Awtorità Doganali tal-UE mal-awtoritajiet doganali u ma’ awtoritajiet oħrajn ta’ pajjiżi terzi.
2.L-iskambju msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kategoriji ta’ data li ġejjin:
(a)elementi tad-data inklużi fid-deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet doganali jew deċiżjonijiet simili meħudin f’pajjiżi terzi, relatati ma’ informazzjoni vinkolanti, ma’ status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, ma’ valwazzjoni doganali, ma’ status doganali ta’ merkanzija jew ma’ proċeduri speċjali;
(b)l-elementi tad-data inklużi fid-dikjarazzjonijiet, fin-notifiki u fil-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija u fid-dokumenti ta’ sostenn, ippreżentati jew lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jew lill-Kummissjoni, jew lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti għal kwistjonijiet doganali, min-naħa l-oħra, jew maħruġin minn dawk l-awtoritajiet;
(c)data dwar ir-riskji identifikati, is-sejbiet magħmulin u r-riżultati miksubin mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni, minn naħa waħda, u mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet doganali, min-naħa l-oħra, waqt li jkunu qegħdin iwettqu l-analiżi tar-riskju u l-kontrolli tagħhom.
3.L-iskambju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri xierqa, jew fuq talba jew fuq inizjattiva proprja, u huwa soġġett għar-rispett ta’ data kunfidenzjali u għall-protezzjoni ta’ data personali f’konformità mal-Artikoli 31, 35 u mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4.L-iskambju msemmi fil-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għall-iskambji ta’ informazzjoni mwettqin skont id-dispożizzjonijiet ta’ assistenza amministrattiva reċiproka li jinsabu fi ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 517/97.
5.Stat Membru jista’ jingħata s-setgħa f’konformità mal-proċeduri u mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’att delegat adottat f’konformità mal-paragrafu 6 sabiex jidħol f’negozjati ma’ pajjiż terz bl-għan li jikkonkludi ftehim bilaterali dwar l-iskambju msemmi fil-paragrafu 1 jew li jinżamm ftehim eżistenti. Tali ftehim bilaterali ma jibqax japplika mad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim li jipprevedi l-iskambju ta’ informazzjoni doganali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat.
6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex jissupplimenta dan ir-Regolament billi jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li skont dawn Stat Membru jista’ jingħata s-setgħa li jidħol f’negozjati msemmijin fil-paragrafu 5. Dawn għandhom jinkludu notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn kollha dwar il-kontenut possibbli tal-ftehim bilaterali u valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-impatt tiegħu fuq id-dritt tal-Unjoni u fuq in-negozjati futuri fil-livell tal-Unjoni, inkluż jekk il-kontenut tiegħu jkunx limitat għall-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni jew internazzjonali. L-att delegat għandu jipprevedi wkoll il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-ftehimiet.
8.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, jekk għandhiex tawtorizza lill-Istat Membru sabiex jidħol fil-ftehim bilaterali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 262(2).
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza marbutin ma’ awtorizzazzjoni bħal din, li jkunu debitament ġustifikati mill-ħtieġa li jkun jista’ jsir malajr l-iskambju ta’ informazzjoni mitlub, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 262(5).
Titolu XIV
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI DWAR IL-KSUR DOGANALI U DWAR IS-SANZJONIJIET MHUX KRIMINALI
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 245
Suġġett
Dan it-Titolu jistabbilixxi lista ta’ ksur doganali u ta’ sanzjonijiet mhux kriminali għal dak il-ksur. Ma jżommx lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri aktar stretti billi jipprevedi sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom. Lanqas ma jaffettwa ksur ieħor previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
Artikolu 246
Rekwiżiti ġenerali
1.L-atti jew l-ommissjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 252 jikkostitwixxu ksur doganali.
2.L-inċitazzjoni jew l-għajnuna u t-tħajjir ta’ att jew ta’ ommissjoni msemmijin fl-Artikolu 252 jikkostitwixxu ksur doganali.
Tentattiv sabiex jitwettaq att jew ommissjoni msemmija fl-Artikolu 252 jikkostitwixxi ksur doganali.
3.L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-ksur imsemmi fl-Artikolu 252 ikunx twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza evidenti jew bi żball manifest.
4.Żbalji klerikali jew minuri ma għandhomx jikkostitwixxu ksur doganali sakemm l-awtorità doganali ma tkunx tista’ tistabbilixxi li twettqu intenzjonalment, jew bħala riżultat ta’ negliġenza evidenti jew ta’ żball manifest.
5.F’każ ta’ att jew ta’ ommissjoni li tirriżulta fi ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 u mwettqa bħala reazzjoni għal ċirkustanzi anormali u mhux prevedibbli estranji għall-persuna kkonċernata, li l-konsegwenzi tagħha, minkejja l-eżerċizzju tal-attenzjoni dovuta kollha, ma setgħux jiġu evitati, ir-responsabbiltà tal-persuna li twettaqha hija eskluża.
Artikolu 247
Ċirkustanzi estenwanti u mitiganti
1.Meta l-persuna responsabbli għal att jew għal ommissjoni li tirriżulta fi ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 tipprovdi l-evidenza li dik il-persuna aġixxiet bona fide, din titqies fid-determinazzjoni tas-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 254.
2.Iċ-ċirkustanzi li ġejjin għandhom jitqiesu għat-tnaqqis tas-sanzjoni li għandha tiġi applikata għall-ksur doganali:
(a)il-merkanzija involuta ma tkunx soġġetta għal-leġiżlazzjoni l-oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(b)il-ksur doganali ma għandu l-ebda impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont ta’ dazji doganali u ta’ taxxi oħrajn li għandhom jitħallsu;
(c)il-persuna responsabbli għall-ksur doganali tikkoopera b’mod effettiv mal-awtorità doganali.
Artikolu 248
Ċirkustanzi aggravanti
Iċ-ċirkustanzi li ġejjin għandhom jitqiesu sabiex tiġi aggravata s-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 254 li għandha tiġi applikata għall-ksur doganali:
(a)il-persuna responsabbli għall-ksur doganali tkun ġiet issanzjonata qabel għal ksur doganali, jew tkun wettqet ksur doganali kontinwu u ripetut;
(b)il-ksur doganali jkollu impatt sinifikanti fuq leġiżlazzjoni oħra applikata mill-awtoritajiet doganali;
(c)il-ksur doganali jkollu impatt finanzjarju sinifikanti fuq il-ġbir tad-dazji doganali jew ta’ tariffi oħrajn;
(d)il-ksur doganali jkun ta’ theddida għas-sigurtà u għas-sikurezza tal-Unjoni u tar-residenti tagħha.
Artikolu 249
Limitazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-bidu ta’ proċedimenti dwar ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 bejn ħames u 10 snin mid-data li fiha jkun twettaq l-att jew l-ommissjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta’ ksur doganali kontinwu jew ripetut, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih jintemm l-att jew l-ommissjoni li tikkostitwixxi l-ksur doganali.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott minn kwalunkwe att tal-awtorità kompetenti, innotifikat lill-persuna inkwistjoni, relatat ma’ investigazzjoni jew ma’ proċedimenti legali dwar l-istess ksur doganali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum tal-interruzzjoni tal-att.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bidu jew il-kontinwazzjoni ta’ kwalunkwe proċediment li jikkonċerna ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 jiġi prekluż wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 8 snin mill-jum imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni jkun ta’ 3 snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih dik id-deċiżjoni ssir finali.
6.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-każijiet li fihom il-perjodi ta’ preskrizzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1, 4 u 5 jiġu sospiżi.
Artikolu 250
Ġuriżdizzjoni
L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw ġuriżdizzjoni fuq il-ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 f’konformità mad-dritt nazzjonali u meta dak il-ksur jitwettaq kollu jew parti minnu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
Artikolu 251
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
1.Meta l-ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 jitwettaq f’aktar minn Stat Membru wieħed u awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tibda l-ewwel proċedimenti dwar dak il-ksur, dik l-awtorità kompetenti għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati mill-istess ksur doganali kontra l-istess persuna għall-istess fatti.
2.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 1.
Kapitolu 2
Ksur doganali tal-Unjoni u sanzjonijiet mhux kriminali
Artikolu 252
Ksur doganali tal-Unjoni
1.L-atti jew l-ommissjonijiet li ġejjin għandhom jikkostitwixxu ksur doganali:
(a)in-nuqqas tad-detentur ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn dik id-deċiżjoni u li jinforma lill-awtoritajiet doganali mingħajr dewmien bi kwalunkwe fattur li jinħoloq wara t-teħid ta’ deċiżjoni minn dawk l-awtoritajiet li jinfluwenza l-kontinwazzjoni jew il-kontenut tagħha, f’konformità mat-Titoli I u II;
(b)in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lid-dwana f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali;
(c)l-għoti ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti mhux kompluti, mhux akkurati, invalidi, mhux awtentiċi, foloz jew iffalsifikati lid-dwana;
(d)in-nuqqas tal-persuna responsabbli li żżomm id-dokumenti u l-informazzjoni relatati mat-twettiq tal-formalitajiet doganali;
(e)it-tneħħija tal-merkanzija mis-superviżjoni doganali;
(f)in-nuqqas tal-persuna responsabbli milli tikkonforma mal-obbligi relatati mal-proċeduri doganali;
(g)in-nuqqas ta’ ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mill-persuna responsabbli li tħallas fil-perjodu preskritt f’konformità mat-Titolu X, il-Kapitolu 3.
2.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu aktar atti u ommissjonijiet li jikkostitwixxu ksur doganali.
3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien 180 jum mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, bid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, kif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 253
Rekwiżiti ġenerali għas-sanzjonijiet
1.Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 254, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet addizzjonali għall-ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252 u għall-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li sanzjonijiet bħal dawn jiġu implimentati. Sanzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien 180 jum mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, bid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawk id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 254
Sanzjonijiet mhux kriminali minimi
Meta jiġu applikati sanzjonijiet għall-ksur doganali msemmi fl-Artikolu 252, dawn għandhom jieħdu tal-anqas waħda jew aktar mill-forom li ġejjin, filwaqt li jiżguraw li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi estenwanti u ta’ mitigazzjoni msemmijin fl-Artikolu 247 u taċ-ċirkostanzi aggravanti msemmijin fl-Artikolu 248:
(a)imposta monetarja mill-awtoritajiet doganali, inkluż, meta xieraq, ftehim applikat minflok piena kriminali u kkalkolat fuq l-ammonti jew il-perċentwali minimi li ġejjin:
(i)meta l-ksur doganali jkollu impatt fuq id-dazji doganali u fuq imposti oħrajn, l-imposta pekunarja għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-ammont ta’ dazji doganali u ta’ imposti oħrajn imsemmijin, kif ġej:
(1)meta l-ksur doganali jkun twettaq intenzjonalment, l-imposta monetarja għandha tinkludi ammont ugwali għal bejn 100 % u 200 % tal-ammont ta’ dazji doganali u ta’ imposti oħrajn imsemmijin;
(2)f’każijiet oħrajn, l-imposta monetarja għandha tinkludi ammont ugwali għal bejn 30 % u 100 % tal-ammont ta’ dazji doganali u ta’ imposti oħrajn imsemmijin;
(ii)meta ma jkunx possibbli li tiġi kkalkolata l-imposta monetarja f’konformità mal-punt (i), l-imposta pekunarja għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-valur doganali tal-merkanzija, kif ġej:
(1)meta l-ksur doganali jkun twettaq intenzjonalment, l-imposta monetarja għandha tinkludi ammont ugwali għal bejn 100 % u 200 % tal-ammont tal-valur doganali tal-merkanzija;
(2)f’każijiet oħrajn, l-imposta monetarja għandha tinkludi ammont ugwali għal bejn 30 % u 100 % tal-ammont tal-valur doganali tal-merkanzija;
(iii) meta l-ksur doganali ma jkunx relatat ma’ merkanzija speċifika, l-imposta monetarja għandha tinkludi ammont ugwali għal bejn EUR 150 u EUR 150 000;
(b)ir-revoka, is-sospensjoni jew l-emenda tad-deċiżjonijiet doganali miżmumin mill-persuna kkonċernata, meta tali deċiżjoni tkun affettwata mill-ksur;
(c)il-konfiska tal-merkanzija u tal-mezzi tat-trasport.
L-atti jew id-deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikati għal kwalunkwe ksur doganali għandhom jiġu rreġistrati fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE flimkien mal-eżitu tal-kontrolli doganali.
Titolu XV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Kapitolu 1
Kejl tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali
Artikolu 255
Kamp ta’ applikazzjoni u objettivi
1.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tevalwa l-prestazzjoni tal-unjoni doganali tal-anqas fuq bażi annwali. Dan jinkludi l-kejl tal-attivitajiet doganali mwettqin mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u meta possibbli mill-pajjiżi kandidati fil-livelli nazzjonali u tal-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Tali kejl jista’ jibni fuq l-għodod eżistenti żviluppati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għal dan l-għan.
2.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tassisti lill-Kummissjoni b’dak il-kompitu. Sabiex issostni lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tidentifika kif l-attivitajiet u l-operazzjonijiet doganali jsostnu l-kisba tal-objettivi strateġiċi u tal-prijoritajiet tal-unjoni doganali u jikkontribwixxu għall-missjoni tal-awtoritajiet doganali stabbiliti fl-Artikolu 2. B’mod partikolari, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tidentifika x-xejriet, l-aspetti b’saħħithom, id-dgħufijiet, il-lakuni u r-riskji potenzjali ewlenin, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal titjib lill-Kummissjoni.
Artikolu 256
Definizzjoni tal-qafas u rapportar annwali
1.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali, tipproduċi rapporti u tipi oħrajn ta’ dokumenti sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 255.
2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu data lill-Awtorità Doganali tal-UE li jkun fiha informazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Fuq il-bażi tad-data riċevuta mill-awtoritajiet doganali, l-Awtorità Doganali tal-UE għandha tipproduċi rapport annwali, li jkun fih fatti u ċifri dwar is-sena li tkun għaddiet għal kull awtorità doganali fil-livell nazzjonali u tal-punt ta’ qsim tal-fruntiera.
3.L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tibgħat l-abbozz tar-rapport annwali lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tivverifika r-rapport u wara tibagħtu lill-Istati Membri għall-informazzjoni.
5.Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, id-data msemmija fil-paragrafu 2 kif ukoll il-livell ta’ kunfidenzjalità tagħha, u t-tfassil tal-qafas ta’ kejl tal-prestazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Kapitolu 2
Monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar
Artikolu 257
Monitoraġġ
Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, l-informazzjoni u l-analiżi rilevanti għal finijiet ta’ monitoraġġ li huma pprovduti jew magħmulin disponibbli mill-awtoritajiet doganali u mill-Awtorità Doganali tal-UE fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
Artikolu 258
Evalwazzjoni u rapportar
1.Sa ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 5 snin wara d-dħul fis-seħħ] u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi li jsegwi u għandha tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Dak ir-rapport għandu jinkludi:
(a)ħarsa ġenerali lejn l-istat ta’ progress li l-Istati Membri laħqu fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(b)valutazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza, tar-rilevanza u tal-valur miżjud tal-Unjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2.
2.Fuq talba tal-Kummissjoni u f’konformità mal-Kapitolu 1 ta’ dan it-Titolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li tkun neċessarja għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2.
Kapitolu 3
Konverżjoni monetarja u limiti ta’ żmien
Artikolu 259
Kambju tal-munita
1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u/jew jagħmlu disponibbli fuq l-internet, ir-rata tal-kambju applikabbli meta l-kambju tal-munita jkun neċessarju għal waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
(a)minħabba li fatturi użati għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija jkunu espressi f’muniti oħrajn barra dawk tal-Istat Membru fejn jiġi ddeterminat il-valur doganali;
(b)minħabba li l-valur tal-euro jkun meħtieġ f’muniti nazzjonali għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija u tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni, inklużi l-valuri ta’ limitu fit-Tariffa Doganali Komuni.
2.Meta l-kambju tal-munita jkun neċessarju għal raġunijiet oħrajn barra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, il-valur tal-euro fil-muniti nazzjonali li jrid jiġi applikat fil-qafas tal-leġiżlazzjoni doganali għandu jkun stabbilit tal-anqas darba fis-sena.
3.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar il-kambji tal-munita għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 262(4).
Artikolu 260
Perjodi, dati u limiti ta’ żmien
1.Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, meta perjodu, data jew limitu ta’ żmien huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni doganali, tali perjodu ma għandux jiġi estiż jew jitnaqqas u tali data jew limitu ta’ żmien ma għandhomx ikunu differiti jew antiċipati.
2.Għandhom ikunu japplikaw ir-regoli applikabbli għall-perjodi, għad-dati u għal-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill, ħlief meta jkun stipulat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni doganali.
Kapitolu 4
Delega tas-setgħa u l-proċedura ta’ kumitat
Artikolu 261
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 4, 6, 7, 10, 14, 19, 23, 25, 27, 28, 29, 31, 32, 56, 58, 59, 60, 63, 65, 66, 71, 72, 73, 77, 80, 81, 83, 85, 86, 88, 90, 91, 95, 97, 99, 101, 102, 105, 107, 108, 109, 111, 115, 116, 119, 123, 132, 148, 150, 156, 167, 168, 169, 170, 173, 175, 176, 179, 181, 186, 193, 199, 242, 244, 265 għandha tingħata lill-Kummissjoni.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 4, 6, 7, 10, 14, 19, 23, 25, 27, 28, 29, 31, 32, 56, 58, 59, 60, 63, 65, 66, 71, 72, 73, 77, 80, 81, 83, 85, 86, 88, 90, 91, 95, 97, 99, 101, 102, 105, 107, 108, 109, 111, 115, 116, 119, 123, 132, 148, 150, 156, 167, 168, 169, 170, 173, 175, 176, 179, 181, 186, 193, 199, 242, 244, 265 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.
6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 4, 6, 7, 10, 14, 19, 23, 25, 27, 28, 29, 31, 32, 56, 58, 59, 60, 63, 65, 66, 71, 72, 73, 77, 80, 81, 83, 85, 86, 88, 90, 91, 95, 97, 99, 101, 102, 105, 107, 108, 109, 111, 115, 116, 119, 123, 132, 148, 150, 156, 167, 168, 169, 170, 173, 175, 176, 179, 181, 186, 193, 199, 242, 244, 265 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa xi oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 262
Proċedura ta’ kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.Meta jkun hemm referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.
4.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
5.Meta jkun hemm referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
6.F’każ li l-opinjoni tal-kumitat trid tingħata bi proċedura bil-miktub u ssir referenza għal dan il-paragrafu, dik il-proċedura għandha tiġi tterminata bla ma jkun inkiseb riżultat biss meta, fil-limitu taż-żmien stipulat għall-għoti tal-opinjoni, il-President tal-kumitat jiddeċiedi li għandu jsir hekk.
Kapitolu 5
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 263
Tħassir
1.Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 huwa mħassar.
2.Ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.
3.Mid-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), ir-referenzi għad-dikjarazzjoni doganali għandhom jinftiehmu bħala li jkopru l-forniment tad-data neċessarja sabiex il-merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali bl-użu tal-kapaċitajiet tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
4.Mid-data stabbilita fl-Artikolu 265(4), ir-referenzi għad-dikjarant għandhom jinftiehmu bħala li jkopru t-trasportatur, l-importatur, l-esportatur jew id-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu, kif xieraq.
Artikolu 264
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 265
Applikazzjoni
1.L-Artikoli 205 sa 237 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2028.
2.Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2028:
(a)id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament tariffarju simplifikat stabbiliti fl-Artikolu 145(5), (6) u (7) u fl-Artikolu 147, il-punt (a)(ii);
(b)id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament tariffarju simplifikat għall-bejgħ mill-bogħod stabbiliti fl-Artikoli 149(4), 150(10) u 156(2);
(c)id-dispożizzjonijiet dwar l-importaturi preżunti stabbiliti fl-Artikolu 20(3), il-punt (e), fl-Artikolu 21, fl-Artikolu 59(2), fl-Artikolu 60(6), il-punt (a), fl-Artikolu 67(2), fl-Artikolu 67(4), il-punt (d), u fl-Artikoli 159(2), 181(5) u 184(3).
3.Il-funzjonalitajiet tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 29 għandhom ikunu kompletament operazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2037.
4.L-operaturi ekonomiċi jistgħu jibdew jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom skont dan ir-Regolament billi jużaw il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE mill-1 ta’ Marzu 2032.
5.L-awtoritajiet doganali għandhom jivvalutaw mill-ġdid l-awtorizzazzjonijiet mogħtijin skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 mill-1 ta’ Jannar 2035 sal-31 ta’ Diċembru 2037.
6.Qabel il-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jipprovdi valutazzjoni tal-iżdoganar ċentralizzat imsemmi fl-Artikolu 72. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva bl-għan li tiżgura distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet u tal-obbligi tal-Istati Membri b’rabta mal-valutazzjoni tad-dejn doganali mal-importazzjoni u r-responsabbiltà għalih.
7. Sal-31 ta’ Diċembru 2035, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex tivvaluta, b’mod partikolari:
(a)l-effettività tas-superviżjoni doganali tal-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ stabbiliment u tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-post fejn jiġġarrab id-dejn doganali;
(b)l-effettività tas-superviżjoni doganali tal-operaturi ekonomiċi għajr tal-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check);
(c)l-impatt possibbli tal-modifiki previsti fil-paragrafu 8.
8. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 261, sabiex temenda dan ir-Regolament, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 7, billi tħassar jew timmodifika d-derogi previsti fl-Artikolu 42(3), it-tieni subparagrafu, u fl-Artikolu 169(1), it-tieni subparagrafu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013.
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Qasam ta’ politika: Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali – Intestatura 1
Attività:
Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (Dwana) – subintestatura 03 05 01
Awtorità Doganali tal-UE (subintestatura ġdida – 03 05 XX)
1.3.Il-proposta hija relatata ma’
X azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
X l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettivi ġenerali
L-għoti tal-possibbiltà sabiex l-awtoritajiet doganali jaġixxu f’għaqda madwar l-UE, sabiex:
(a)jipproteġu b’mod effiċjenti u effettiv is-Suq Uniku, liċ-ċittadini u l-valuri tal-UE billi jiżguraw il-konformità ma’ serje dejjem akbar ta’ rekwiżiti mhux finanzjarji;
(b)jiżguraw il-ġbir xieraq, effettiv u f’waqtu tad-dazji doganali u tat-taxxi dovuti, inkluż l-iskoraġġiment tal-evażjoni tad-dazju doganali u b’hekk jipprevjenu t-telf tad-dħul kemm għall-baġit tal-UE kif ukoll għall-Istati Membri;
(c)jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu, bil-bilanċ it-tajjeb bejn il-faċilitazzjoni u l-iżgurar tal-kontrolli effettivi fid-diversi tipi ta’ riskji kollha, bl-anqas kost u piż amministrattiv possibbli.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
1.It-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE.
2.It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-kummerċjanti, għall-konsumaturi u għall-awtoritajiet doganali, mingħajr ma tiġi pperikolata superviżjoni doganali effettiva.
3.L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ tradizzjonali fir-rigward tad-dwana, f’konformità mar-regoli tal-VAT.
4.It-tisħiħ tal-aċċess u tal-użu tad-data għal azzjoni doganali strateġika sabiex jiġu sostnuti aħjar il-ġestjoni tar-riskju, ir-rispons għall-kriżijiet, il-kejl tal-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali u regoli aktar sempliċi għall-kummerċ.
5.L-għoti tal-possibbiltà sabiex l-Unjoni Doganali taġixxi b’mod magħqud billi tiġi żgurata protezzjoni effettiva madwar l-UE kollha, irrispettivament minn fejn il-merkanzija taqsam il-fruntiera, inkluż f’xenarji ta’ kriżi.
Mill-perspettiva tan-nefqa, dawn l-objettivi jitwettqu permezz tar-riforma tal-proċessi doganali sostnuta miż-żewġ riżultati ewlenin li ġejjin: Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE ġdida u Awtorità Doganali tal-UE (EUCA) ġdida.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Servizzi tal-EU:
Bħala parti mir-riforma, ikun hemm bidla sinifikanti fil-mod kif tiġi ttrattata d-dwana tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, timplimenta u żżomm il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE l-ġdida, li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiddelega lill-Awtorità Doganali tal-UE. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha tieħu f’idejha mill-Kummissjoni l-biċċa l-kbira tal-iżvilupp u tal-operat kummerċjali tas-sistemi tal-IT trans-UE eżistenti. Ir-rwol kurrenti tal-Kummissjoni fis-sostenn tad-dwana għall-kooperazzjoni doganali u transfruntiera, fis-sostenn operazzjonali u fil-koordinazzjoni u fil-bini tal-kapaċitajiet operazzjonali fil-biċċa l-kbira se jiġi ssostitwit u approfondit mill-Awtorità Doganali tal-UE. Il-Kummissjoni żżomm ir-rwoli tal-politika u tal-leġiżlazzjoni tagħha.
L-Awtorità Doganali tal-UE tgħin sabiex jiġu żviluppati u ssimplifikati l-istrateġiji (transfruntiera), inklużi l-bini tal-intelliġenza, l-innovazzjoni, it-tħejjija għall-kriżi, l-implimentazzjoni tal-analitika tal-UE u l-operazzjonijiet sinkronizzati. L-Awtorità Doganali tal-UE tuża l-Pjattaforma tad-Data l-ġdida sabiex iġġib sforzi addizzjonali fil-livell tal-UE f’oqsma ewlenin inklużi l-ġestjoni tar-riskju, it-taħriġ, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, u b’hekk iġġib il-massa kritika, il-fokus u l-mandat organizzazzjonali/ta’ koordinazzjoni tagħha għall-kompiti ewlenin li jeħtieġ li jitwettqu “f’għaqda”. L-Awtorità Doganali tal-UE timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni komuni tas-simplifikazzjonijiet għall-kummerċjanti, inklużi dawk mogħtijin l-approċċ ta’ Fiduċja u Verifika, u tħejji miniapplikazzjonijiet b’sostenn tas-servizzi ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll timmaniġġa l-interfaċċa kummerċjali ġenerali mal-unjoni doganali.
Għalhekk, l-Awtorità Doganali tal-UE jkollha rwol ewlieni u approfondit fil-kisba ta’ implimentazzjoni aktar effettiva u uniformi tar-regoli u tal-proċessi doganali. Tkun iġġib kapaċità strateġika ġenwina. Dan jgħin sabiex jitwasslu l-protezzjonijiet u l-faċilitazzjonijiet tal-UE b’mod sistematiku għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-politiki u tas-servizzi kkonċernati kollha tal-UE. L-UE tkun tibbenefika minn prevenzjoni aħjar tat-telf tad-dħul, u miż-żieda fil-ġbir tad-dazji doganali li tirriżulta mit-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150.
Amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri:
Minħabba l-mudell il-ġdid tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, il-volum ta’ xogħol tal-IT tad-dwana fl-Istati Membri jonqos b’mod sinifikanti tul is-snin, billi l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jmantnu s-sistemi ewlenin tal-IT tad-Dwana. Huma biss is-sistemi tal-IT li fihom l-ispeċifiċitajiet jew l-integrazzjoni nazzjonali jeħtieġu l-adattament li jiġu mantnuti fil-livell nazzjonali u, anke f’dawk il-każijiet, dan iseħħ bl-użu tal-kapaċitajiet tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, li jiffaċilitaw il-kompitu.
L-Istati Membri jibbenefikaw minn saff ġdid tal-UE tal-analitika tad-data doganali u tal-analiżi tar-riskju mwettqin fil-livell ċentrali fl-Awtorità Doganali tal-UE, u jinteraġixxu ma’ dan is-saff.
L-Istati Membri jiggwadanjaw minn tnaqqis fir-rekwiżiti tal-persunal ekwivalenti għall-full-time minħabba l-eżekuzzjoni komuni tal-kompiti fl-Awtorità Doganali tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tar-riskju, tal-IT u tal-funzjonijiet ġenerali tal-ġestjoni doganali. Dan ma jobbligax tnaqqis fin-numri per se, iżda l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali jkunu jistgħu jużaw ir-riżorsi tagħhom b’mod aktar effiċjenti.
L-Istati Membri jibbenefikaw mit-twassil aħjar tal-valur tal-politika doganali u tal-UE. L-interessi kondiviżi fil-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-kummerċ u tan-negozju riflessi fil-politiki komuni dwar l-istandards tal-prodotti, is-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa, eċċ. jinkisbu b’mod aktar effettiv, effiċjenti u sistematiku fil-punti kollha tad-dħul, filwaqt li jitnaqqsu l-possibbiltajiet li l-kummerċ illeċitu jaħrab l-infurzar fi Stat Membru wieħed billi jinstab dħul minn fruntiera esterna oħra.
L-Istati Membri jibbenefikaw ukoll minn prevenzjoni aħjar tat-telf tad-dħul (l-evażjoni tad-dazju doganali) u miż-żieda fil-ġbir tad-dazji doganali li tirriżulta mit-tneħħija tal-limitu ta’ EUR 150.
Negozji u Kummerċ:
L-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw b’mod sinifikanti minn bidla fundamentali fil-proċessi doganali, li tinkiseb direttament permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
Il-kummerċjanti kollha jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u mir-razzjonalizzazzjoni tal-passi fil-proċessi doganali. In-numru ta’ punti ta’ forniment tad-data jitnaqqas u d-data tiġi pprovduta f’interfaċċa waħda tal-UE minflok fuq 27 interfaċċa u proċess nazzjonali. Id-data tista’ tiġi pprovduta minn qabel u tintuża mill-ġdid, minflok ma tiġi pprovduta ripetutament. Ir-rekwiżiti tad-data huma bbilanċjati mill-ġdid sabiex il-prattiki kummerċjali jkunu aktar adattati: fil-prinċipju, id-data tkun meħtieġa minn dawk li jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaqsmuha, id-data tiġi aċċettata f’formati multipli, u jitneħħa r-rwol tad-dikjarant. L-Awtorità Doganali tal-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet doganali nazzjonali anki fil-fruntiera, fil-prattika, u ssostni l-implimentazzjoni uniformi ta’ proċessi aktar sempliċi.
Tiġi pprovduta xi informazzjoni addizzjonali (b’mod partikolari dwar il-manifattur tal-merkanzija). Madankollu, l-isforz meħtieġ sabiex tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali jkun aktar minn ikkumpensat mis-simplifikazzjoni u mit-tnaqqis fil-proċessi doganali.
It-titjib fl-immirar doganali jtejjeb il-protezzjoni ta’ negozji leġittimi kontra ktajjen tal-provvista mhux konformi u kontra theddid għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista, u jnaqqas il-kompetizzjoni inġusta, permezz ta’ infurzar aħjar tal-miżuri regolatorji. Dan itejjeb il-protezzjoni tal-impjiegi, tal-innovazzjoni u tal-investiment. Barra minn hekk, ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista f’xenarji ta’ kriżi, bħal tifqigħat ta’ mard jew inċidenti tas-sigurtà, tissaħħaħ b’mod sinifikanti billi jiġi pprovdut immirar immedjat, speċifiku u uniformi ta’ flussi riskjużi filwaqt li jiġu mminimizzati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tat-tfixkil, u billi tinżamm il-prontezza għall-kriżijiet fuq bażi ta’ kuljum sena sħiħa, fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni fit-tul ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn.
L-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) jibbenefikaw minn sħubija mtejba mad-dwana. Dawn il-kummerċjanti jissodisfaw kundizzjonijiet simili għar-rekwiżiti kurrenti tal-AEO u jipprovdu wkoll trasparenza addizzjonali billi jagħmlu d-data disponibbli b’mod sistematiku għas-sistemi doganali. Din id-data tista’ terġa’ tintuża mit-trasportaturi fi proċessi ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija, u l-flussi tal-merkanzija jistgħu jkunu “awtorilaxxati” mal-wasla (fil-prinċipju l-merkanzija tibqa’ miexja, bil-proċessi tal-merkanzija bil-quddiem li jipprovdu l-mezzi għad-dwana sabiex tintervjeni jekk dan ikun neċessarju). L-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check) ikunu jibbenefikaw minn anqas kontrolli doganali u minn kontrolli aktar immirati, ġeneralment jirċievu twissijiet bil-quddiem u sa meta jkun possibbli jkollhom kontrolli u formalitajiet differiti għal postijiet konvenjenti. Skont kif ikun miftiehem ma’ awtoritajiet oħrajn, xi kontrolli mhux finanzjarji jistgħu wkoll jitmexxew mill-fruntiera u jitwettqu mill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check). Ir-rekwiżiti ta’ garanzija jitnaqqsu.
Għall-kummerċ elettroniku, it-tneħħija tal-limitu tal-eżenzjoni mid-dazju doganali tkun tfisser li jkollha tiġi pprovduta aktar informazzjoni doganali, filwaqt li titqies id-data diġà pprovduta dwar il-merkanzija importata kollha skont ir-regoli l-ġodda dwar il-kummerċ elettroniku u l-VAT minn Lulju 2021. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE tipprovdi interfaċċa unika li tiffaċilita kemm il-provvista ta’ informazzjoni mill-intermedjarji tal-kummerċ elettroniku kif ukoll il-proċessar ta’ dik l-informazzjoni għall-awtoritajiet doganali.
Billi jittrattaw direttament il-konformità doganali, il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku jibbenefikaw mill-fatt li joffru prezz finali lill-klijenti tagħhom u x’aktarx jaraw tnaqqis fl-ilmenti u fir-redditi mmotivati minn kostijiet ta’ konformità mhux mistennijin fil-fruntiera, filwaqt li tonqos il-frizzjoni esperjenzata bħalissa fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. B’mod ġenerali, l-għażla ppreferuta għandha tirriżulta f’kostijiet ta’ konformità aktar baxxi għall-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari mal-importazzjoni. Tkun kważi telimina l-ħtieġa għat-tnedija tal-proċedura ta’ “tranżitu intern” kurrenti u d-dikjarazzjonijiet assoċjati f’każijiet li fihom il-merkanzija tiġi ttrasportata mill-Istat Membru tad-dħul għall-Istat Membru tar-rilaxx.
Ċittadini – Konsumaturi:
It-tneħħija tal-limitu tad-dazju doganali ta’ EUR150 tista’ toħloq pressjoni fuq il-prezzijiet kemxejn ogħla għall-konsumaturi ta’ merkanzija li tiswa anqas minn dak l-ammont; madankollu, is-simplifikazzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-proċessi jżidu l-effiċjenza tal-ktajjeb tal-provvista, u l-impatt fuq il-kostijiet u fuq il-prezzijiet jiġi ddeterminat minn fatturi kompetittivi.
Iċ-ċittadini u l-konsumaturi jibbenefikaw minn proċessi aktar trasparenti u prevedibbli għax-xiri tal-kummerċ elettroniku minn barra l-UE u anqas sorpriża għal talbiet għal ħlas tad-dazju u għal tariffi għas-servizzi loġistiċi sabiex dawn jiġu ttrattati kif ukoll żjarat fl-uffiċċji postali meta mqabblin max-xenarju bażi, filwaqt li tittaffa l-esperjenza kurrenti ta’ imposti u ta’ dewmien mhux mistennijin. Iċ-ċittadini u l-konsumaturi se jibbenefikaw b’mod sinifikanti minn protezzjoni aħjar u aktar viżibbli skont il-politiki tal-UE mill-konsegwenzi ta’ prodotti dannużi u frawdolenti minħabba titjib sistematiku madwar l-UE kollha fl-identifikazzjoni ta’ ktajjen tal-provvista dannużi.
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
L-indikaturi huma previsti taħt l-intestaturi ta’ hawn taħt. Ir-riforma se ssaħħaħ ukoll il-bażi għall-evalwazzjoni tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali bħala tali billi tippermetti l-ipproċessar ta’ data operazzjonali madwar l-UE kollha għal dak l-għan.
1.It-titjib tal-ġbir tad-dħul permezz ta’ ġestjoni tar-riskju operazzjonali fil-livell tal-UE:
·Il-ġbir tad-dħul fuq il-merkanzija b’valur ta’ aktar minn EUR 150
·Ir-rata ta’ dazji mhux imħallsin
·In-numru ta’ strateġiji ta’ ġestjoni tar-riskju ma’ awtoritajiet oħrajn (inkarigati minn, eż.
it-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi)
·Il-qbid
2.It-titjib tad-detezzjoni ta’ prodotti importati mhux konformi permezz ta’ ġestjoni tar-riskju operazzjonali fil-livell tal-UE:
·In-numru ta’ strateġiji ta’ superviżjoni ma’ awtoritajiet oħrajn (responsabbli għal, eż. il-ġlieda kontra l-frodi, is-sorveljanza tas-suq, il-protezzjoni tal-ikel, tal-annimali u tas-saħħa, is-sikurezza tal-prodotti)
·Il-qbid
3.Il-flussi tal-kummerċ isiru aktar faċli għall-operaturi fdati:
·In-numru ta’ operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check)
·Il-perċentwal tal-kummerċ immaniġġjat mill-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check)
·In-numru ta’ proċessi meħtieġa għall-kummerċ tal-merkanzija
·In-numru ta’ awditi mwettqin fuq l-operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check)
·In-numru ta’ awtorizzazzjonijiet sospiżi ta’ operaturi ta’ Fiduċja u Vverifikati (operaturi Trust and Check)
4.Il-ġbir tad-dħul mill-kummerċ elettroniku:
·Il-ġbir tad-dħul fuq kunsinni b’valur sa EUR 150
·In-numru ta’ kunsinni b’valur sa EUR 150
5.L-isfruttament tad-data għal azzjoni doganali strateġika:
·Il-volum u t-tip ta’ data disponibbli
·In-numru ta’ żbalji u ta’ interventi fid-data
·L-interoperabbiltà ma’ sorsi ta’ data addizzjonali (żmien u ambitu)
6.(Azzjoni magħquda) It-titjib tal-implimentazzjoni u tal-prattiki uniformi (“xiri portwali opportunistiku”):
·In-numru ta’ kontrolli u ta’ feedbacks dwar il-kontrolli
·L-istandards minimi għall-ġestjoni tar-riskju
·In-numru ta’ profili tar-riskju u r-riżultati tal-kontrolli tal-UE
·In-numru ta’ rakkomandazzjonijiet tal-kontrolli
7.(Azzjoni magħquda) L-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet doganali sabiex jaġixxu bl-istess mod:
·In-numru u l-kwalità tat-taħriġ
·In-numru ta’ attivitajiet, ta’ proġetti, ta’ workshops konġunti
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Il-proposta tinvolvi r-riforma tal-proċessi doganali, u b’mod partikolari:
(a)it-tħejjija u l-varar ta’ ambjent komuni għall-ġestjoni tad-data (Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE) għall-operazzjonijiet doganali fil-livell tal-UE;
(b)l-istabbiliment ta’ Awtorità Doganali tal-UE b’mandat operazzjonali sabiex twettaq kompiti ewlenin fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-iżvilupp u l-ġestjoni kontinwi tal-Pjattaforma tad-Data, il-ġestjoni komuni tar-riskju, attivitajiet ta’ mmaniġġjar tal-kriżijiet u ta’ kooperazzjoni sabiex jippermettu lill-unjoni doganali twettaq il-funzjonijiet tagħha u l-valur tal-politika komuni tagħha b’mod uniformi, irrispettivament minn fejn il-merkanzija taqsam il-fruntieri esterni tal-UE.
It-tnedija tar-riforma hija prevista li sseħħ kif ġej:
L-ewwel fażi 2024-2027:
IT / Pjattaforma tad-Data tal-UE
·it-tħejjija tal-komponenti inizjali tal-istruttura tal-Pjattaforma tad-Data tal-UE, inkluża t-tħejjija għall-ġbir tad-data dwar il-kummerċ elettroniku u l-każijiet ta’ użu tal-interoperabilità inizjali;
·viżjoni, pjan direzzjonali, strateġija ta’ kkostjar u ta’ akkwist għat-tlestija tal-kapaċitajiet tal-Pjattaforma tad-Data u tal-applikazzjonijiet għan-negozji;
·il-kontinwità tas-sistemi tal-IT tal-KDU u l-ippjanar tat-tranżizzjoni.
Awtorità Doganali tal-UE
·l-istabbiliment tal-Awtorità fl-2026, bil-ħsieb li ssir operattiva mill-2028; ir-reklutaġġ tad-rettur Eżekuttiv Interim u ta’ ftit persunal sabiex iwettqu r-reklutaġġ, l-arranġamenti għall-ospitar u għall-akkomodazzjoni, kif ukoll il-proċeduri amministrattivi meħtieġa għal-livell ta’ tħejjija operazzjonali fl-2028;
·it-tħejjija tal-attivitajiet inizjali għat-trasferiment minn task force tal-Kummissjoni li tħejji n-networks u l-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju sabiex ikunu lesti jaħdmu fuq l-ambitu tad-data tal-UE malli l-EUCA ssir operattiva.
It-tieni fażi 2028-2034:
IT / Pjattaforma tad-Data tal-UE
·il-bidu potenzjali tat-trasferiment tar-responsabbiltà mill-Kummissjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE fuq il-komponenti inizjali tal-Pjattaforma tad-Data u fuq is-sistemi ċentrali relatati (eż. ICS2, eCommerce, Single Window) li għandu jitlesta sal-2030; l-Awtorità Doganali tal-UE tieħu l-kapaċità, u l-Kummissjoni tittrasferixxi l-kapaċità għall-akkwist u għall-ġestjoni tal-IT, fuq perjodu ta’ 3 snin;
·it-tlestija tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura u tal-Pjattaforma tad-Data sal-2031;
·it-tranżizzjoni tas-sistemi doganali (ċentrali u nazzjonali) għall-Pjattaforma tad-Data.
Awtorità Doganali tal-UE
·it-trasferiment progressiv ta’ ċerti attivitajiet mill-Kummissjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE; l-iżvilupp gradwali ta’ attivitajiet ġodda msemmijin f’din il-proposta mill-Awtorità Doganali tal-UE;
·id-delega ta’ ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribut.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante):
Kif analizzat fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta leġiżlattiva, il-problemi li qegħdin jiġu indirizzati huma diffikultajiet sabiex l-awtoritajiet doganali jwettqu l-missjoni tagħhom sabiex jipproteġu lill-UE (kemm għal riskji finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji); in-natura oneruża tal-formalitajiet doganali għall-kummerċ leġittimu; id-diskrepanza bejn il-mudell doganali u l-mudelli kummerċjali ġodda tal-kummerċ elettroniku; id-disponibbiltà u l-użu limitati tad-data għall-proċessi doganali (inkluża l-ġestjoni effiċjenti tar-riskju); u d-diverġenza bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli doganali. Il-konsegwenzi ta’ dawn il-problemi jinkludu t-telf ta’ dħul għall-Istati Membri u għall-Unjoni; id-dħul ta’ prodotti mhux konformi u perikolużi fis-suq Uniku u ħsara assoċjata lill-konsumaturi u lin-negozji tal-UE u lill-ambjent; u l-isfruttament tal-ktajjen tal-provvista minn attivitajiet kriminali.
Ir-riforma tindirizza problemi li l-Istati Membri ma jistgħux isolvu waħedhom. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija essenzjali għar-riforma tal-proċessi tal-Unjoni Doganali, tal-ġestjoni tad-data u tal-governanza sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati. L-għażla tal-istrument (Regolament) hija essenzjali minħabba li l-Unjoni Doganali trid tipprovdi ċertezza legali għall-kummerċ u għall-awtoritajiet pubbliċi, sabiex tiżgura l-fluss mingħajr xkiel ta’ kummerċ leġittimu u fl-istess ħin tipprovdi għal intervent effettiv u bbażat fuq ir-riskju mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jimplimentaw elementi ewlenin tal-acquis tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma tas-Suq Uniku, tas-sigurtà u tar-riżorsi proprji.
Valur miżjud tal-Unjoni li mistenni jiġi ġġenerat (ex post):
Il-proposta tindirizza l-fatturi li jikkawżaw il-problemi: l-inadegwatezza u l-kumplessità eċċessiva tal-proċessi doganali, inkluż għat-traffiku tal-kummerċ elettroniku, id-diġitalizzazzjoni doganali frammentata u kumplessa, u l-istruttura frammentata ta’ governanza tal-unjoni doganali. Tipprevedi riforma tal-proċessi doganali, inkluż għat-trattament tat-traffiku tal-kummerċ elettroniku, flimkien ma’ ambjent komuni għall-ġestjoni tad-data (Spazju tad-Data Doganali tal-UE) u l-istabbiliment ta’ Awtorità Doganali tal-UE li tipprovdi saff ta’ governanza operazzjonali. Dawn l-elementi jsaħħu lil xulxin, u jippermettu tnaqqis sinifikanti fil-piż kemm fuq l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fuq l-operaturi tas-settur privat u titjib sinifikanti fit-twettiq uniformi tal-politiki tal-UE permezz tal-Unjoni Doganali, kif analizzat fil-valutazzjoni tal-impatt.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Ir-rapport dwar L-evalwazzjoni tad-Dwana 2020 jikkonkludi li l-programm ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Doganali u għall-modernizzazzjoni tagħha. Rawwem il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, li jvarjaw mill-iffaċilitar tal-konverġenza fil-livell strateġiku għall-approssimazzjoni tal-approċċi, l-interpretazzjoni, il-proċeduri amministrattivi, l-aħjar prattiki u r-regoli fil-livell operazzjonali. Il-programm kien partikolarment importanti fit-tranżizzjoni lejn ambjent doganali mingħajr karti. Madankollu, l-evalwazzjoni identifikat ukoll oqsma fejn huwa meħtieġ titjib, b’mod partikolari (i) id-differenzi fl-applikazzjoni tal-kontrolli doganali, (ii) il-frodi fil-kummerċ elettroniku, (iii) l-operaturi ekonomiċi li ma jarawx il-benefiċċji tal-KDU u li jesprimu tħassib dwar (iv) il-kumplessità tal-ambjent doganali tal-IT, il-leġiżlazzjoni u l-proċessi doganali. L-evalwazzjoni tal-programm uriet li jista’ jkun utli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li jikkondividu aktar data doganali. Dan ikun iservi sabiex jitkejlu aħjar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-investimenti magħmulin.
Evidenza addizzjonali f’dan ir-rigward tinsab fl-evalwazzjoni interim tal-KDU, filwaqt li jiġu nnotati l-flessibbiltajiet fir-rigward tal-metodi u tal-penali għall-indirizzar tan-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u dwar il-monitoraġġ tal-operaturi ekonomiċi meqjusin affidabbli (Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, AEO).
In-negozji jikkonfermaw ukoll l-applikazzjoni diverġenti tal-KDU. Fi stħarriġ kbir għal studju estern dwar l-AEO (kważi 2000 tweġiba), 28 % mid-900 operatur affidabbli attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed iqisu li wħud mill-benefiċċji jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor.
Dwar ir-riskji finanzjarji, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat sfidi strutturali dwar il-ġestjoni tar-riskju tar-riskji finanzjarji, konstatazzjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali u ta’ ġestjoni u ta’ analiżi tar-riskju armonizzati jxekkel l-interessi finanzjarji tal-UE u twissi li d-dgħufijiet kurrenti “jist[għu] jippermett[u] lill-operaturi mhux konformi li jimmiraw punti ta’ dħul tal-UE b’livelli aktar baxxi ta’ kontrolli”. (Ara wkoll: Rapport Speċjali 04/2021:Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE).
Dwar ir-riskji mhux finanzjarji, il-qafas kurrenti ta’ ġestjoni tar-riskji ma jindirizzax b’mod adegwat il-kontribut doganali potenzjali għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti relatati man-numru dejjem akbar ta’ kwistjonijiet mhux finanzjarji ta’ tħassib għaċ-ċittadini tal-UE, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, is-sostenibbiltà, il-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà.
L-esperjenza bid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi doganali u tal-iskambji ta’ informazzjoni kienet pożittiva – madankollu, għad hemm sfidi fil-ġbir, fl-analiżi u fil-kondiviżjoni tad-data. Il-proċessi doganali kurrenti jeħtieġu li d-data tiġi sottomessa f’sistemi nazzjonali u komuni differenti u lill-Istati Membri relatati. Il-Grupp ta’ Persuni Għorrief innota wkoll li sistemi tal-IT differenti spiss ma jkunux interkonnessi (ara aktar: Report by the Wise Persons Group on the Reform of the EU Customs Union). Id-data ma tiġix ittrasferita minn sistema ta’ dikjarazzjoni għal oħra. L-informazzjoni hija frammentata bejn bażijiet tad-data u sistemi differenti, u b’hekk tagħmilha diffiċli li jiġu żgurati l-koerenza u l-integrità tad-data, li hija essenzjali fil-ġestjoni tar-riskju doganali, b’mod partikolari għall-analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE. Dan inaqqas il-kapaċità tad-dwana li tindirizza s-sottovalutazzjoni, in-nuqqas ta’ konformità, jew ir-riskji għas-sigurtà fuq bażi uniformi. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat diversi raġunijiet għaż-żieda fil-kost u ż-żmien addizzjonali neċessarju sabiex jinbnew is-sistemi tal-KDU (ara aktar: Rapport Speċjali nru 26/2018:Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali:x’mar ħażin?). L-evalwazzjoni tal-KDU tieħu stampa mħallta tal-implimentazzjoni tal-IT, b’aspetti pożittivi fuq il-komponenti żviluppati ċentralment.
L-esperjenza miksuba fit-tentattiv li tiġi organizzata l-kooperazzjoni doganali fuq bażi aktar permanenti taħt il-programm doganali, għal darb’oħra kienet siewja fl-iżvilupp tal-fehim tal-politika u fit-twettiq tal-progress fuq temi speċifiċi ta’ hawn fuq, iżda tali kooperazzjoni volontarja ma jistax ikollha l-kapaċità infrastrutturali jew il-karattru ta’ governanza li jkun neċessarju sabiex titwettaq implimentazzjoni uniformi tal-unjoni doganali.
Ġiet ikkunsidrata wkoll l-esperjenza fir-rigward tal-istabbiliment u tal-operat ta’ Aġenziji u ta’ korpi oħrajn tal-UE.
Il-proposta ssegwi fil-biċċa l-kbira l-mudell kurrenti għall-aġenziji deċentralizzati, u tindirizza l-maġġoranza tal-kwistjonijiet skont id-dispożizzjonijiet standard.
Mill-perspettiva prattika, hija nnotata l-ħtieġa għal riżorsi fi ħdan il-Kummissjoni sabiex tħejji l-Awtorità Doganali tal-UE qabel ma tibda topera. L-azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-Awtorità Doganali tal-UE, bħat-tħejjija ta’ proċeduri amministrattivi, ta’ strutturi ta’ governanza u ta’ struttura organizzazzjonali, kif ukoll ir-reklutaġġ inizjali, jistgħu jitwettqu minn tim dedikat ta’ persunal tal-Kummissjoni qabel ma jinbdew l-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE. Filwaqt li titqies l-esperjenza ta’ aġenziji oħrajn stabbiliti dan l-aħħar, jenħtieġ li jiġu previsti madwar 10 FTEs għal din l-attività.
Fir-rigward tat-tħejjija tal-attivitajiet operazzjonali tal-Awtorità Doganali tal-UE, il-Kummissjoni għandha esperjenza sinifikanti fl-iżvilupp tal-politika fir-rigward tal-kompiti u fit-tmexxija ta’ proġetti komuni fuq bażi volontarja (ara r-rapporti annwali dwar id-dwana elettronika). Dan inkluda l-ġestjoni tal-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT trans-Ewropej, inklużi portali uniċi tal-UE għall-interazzjoni mal-kummerċjanti (is-sistema riformata ta’ kontroll tal-importazzjoni – ICS2), l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet kollaborattivi ta’ analiżi tar-riskju, l-iżvilupp ta’ approċċ komuni għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-unjoni doganali, l-iżvilupp ta’ taħriġ doganali komuni, l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet settorjali oħrajn fil-livell tal-UE dwar temi speċifiċi (bħas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru), l-immaniġġjar tar-rispons għall-kriżijiet doganali, u l-ħidma mill-qrib u b’mod strutturat mal-awtoritajiet doganali nazzjonali f’dawn l-oqsma kollha. Din l-esperjenza tgħin b’mod sinifikanti fit-tħejjija tal-istruttura u tal-operazzjonijiet inizjali tal-Awtorità Doganali tal-UE u fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħha.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
Jeħtieġ li tinħoloq linja baġitarja ġdida, li tikkorrispondi għall-istabbiliment tal-Awtorità doganali tal-UE, fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali kurrenti. Il-Qafas Pluriennali li ġej jeħtieġ li jiġi pprogrammat ukoll sabiex ir-riżorsi meħtieġa jiġu pprovduti għall-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.
Fir-rigward tas-sinerġiji ma’ strumenti oħrajn, ir-riforma għandha l-għan li tistabbilixxi kapaċità strateġika għall-Unjoni sabiex tappoġġa implimentazzjoni u infurzar aħjar ta’ politiki importanti tal-UE applikati għall-kummerċ tal-merkanzija u permezz tiegħu, kif ukoll l-indirizzar tal-isfruttament tal-ktajjen tal-provvista mill-kriminalità organizzata u mit-terroriżmu. Ir-riforma se tikkontribwixxi direttament għal:
·ġbir aħjar tad-dħul, inklużi r-Riżorsi Proprji Tradizzjonali kemm permezz tal-ġbir ta’ dħul addizzjonali – stmat għal EUR 6,035 biljun għall-perjodu 2028-2034 fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta kif ukoll permezz ta’ prevenzjoni aħjar tat-telf ta’ dħul permezz ta’ nuqqas ta’ konformità;
·protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE previsti mill-politiki tal-UE li jiddependu sa ċertu punt fuq ix-xogħol ta’ infurzar doganali, inklużi projbizzjonijiet u restrizzjonijiet, is-Suq Uniku u s-sigurtà; filwaqt li dan ma jistax jiġi kkwantifikat f’termini finanzjarji, il-valutazzjoni tal-impatt turi kif każ wieħed ta’ użu illustrattiv għal infurzar aħjar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn u tas-sikurezza tal-prodotti jista’ jwassal għal iffrankar għall-konsumatur ta’ EUR 7,7 biljun matul il-perjodu 2028-2034.
·tnaqqis fil-piż amministrattiv, l-appoġġ għall-kompetittività - il-Valutazzjoni tal-Impatt tidentifika wkoll iffrankar potenzjali ta’ EUR 11,6-il biljun għall-kummerċjanti, primarjament b’rabta ma’ tnaqqis aggregat ġenerali fiż-żmien meħtieġ sabiex jitlestew il-proċessi tal-importazzjoni.
Fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, intuża kampjun rappreżentattiv ta’ każijiet ta’ użu sabiex jiġi evalwat kif taħdem kull għażla ta’ riforma, b’enfasi fuq il-valur miżjud li jiġi minn ġestjoni mtejba tar-riskji fil-katina tal-provvista. Dawn urew koerenza ma’ oqsma ta’ politika speċifiċi oħrajn inklużi d-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss, politiki Ambjentali li jindirizzaw is-sustanzi kimiċi persistenti u l-emissjonijiet mill-konsumatur, il-Valutazzjoni mill-UE tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA), il-Prekursuri tad-droga, is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili, il-Kuntrabandu tat-tabakk, is-Sikurezza tal-Ġugarelli, ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq u r-Regolament propost dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli, u r-Regolament propost dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-oqsma ta’ politika għaddejjin minn bidliet, u l-azzjoni doganali qiegħda tiġi inkluża permezz tas-Sistema ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana. Madankollu, it-Tieqa Unika tindirizza indirettament biss l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju, peress li l-għan ewlieni tagħha huwa li tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żdoganata l-merkanzija. Ir-riforma se ttejjeb l-effettività tat-Tieqa Unika, u se tibni fuqha, billi tippermetti lid-dwana tikseb id-data neċessarja kollha bil-formalità mhux doganali tal-Unjoni fil-livell ċentrali, u tużaha għall-ġestjoni tar-riskju madwar l-UE kollha.
B’mod aktar ġenerali, ir-riforma se tipprovdi kapaċità strateġika għall-unjoni doganali sabiex tħejji u twassal qafas ta’ kooperazzjoni ma’ politiki oħrajn sabiex issostni t-twettiq tagħhom f’operazzjonijiet fil-fruntieri; sabiex ikollha viżibbiltà operazzjonali tal-flussi kummerċjali madwar l-UE kollha; sabiex tara l-prestazzjoni tal-politika madwar l-UE kollha u jkollha fehma granulari dwar kif qegħdin jiġu applikati l-kontrolli u s-simplifikazzjonijiet; sabiex tadatta għall-ħtiġijiet futuri u għall-mudelli kummerċjali li jinbidlu, b’mod partikolari, il-prontezza tal-ambjent tal-informazzjoni tal-unjoni doganali sabiex jiġu integrati sorsi differenti ta’ informazzjoni, u ssostni azzjoni flessibbli kontra r-riskji; iż-żmien sal-wasla fis-suq. Barra minn hekk, dan se jipprovdi l-“massa kritika” li bħalissa hija nieqsa u li hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati ħafna prijoritajiet b’mod parallel u bi tħejjija għall-kriżi.
Din il-kapaċità strateġika se tqiegħed lill-unjoni doganali f’pożizzjoni li ssostni kompiti oħrajn li għalihom tista’ tintalab tikkontribwixxi, inkluż pereżempju fl-oqsma tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, jew kontrolli u sanzjonijiet kummerċjali strateġiċi jew miżuri restrittivi oħrajn.
Fir-rigward tas-sinerġiji b’mod aktar wiesa’, il-proposta se twassal ukoll għal iffrankar amministrattiv għall-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali, billi tissimplifika l-proċessi u tipprovdi interfaċċi u għodod komuni ċentrali li jnaqqsu b’mod permanenti l-kostijiet tal-konformità u tal-amministrazzjoni doganali. Fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, dawn huma stmati li jilħqu madwar EUR 7,9 biljun għall-Istati Membri, li jiġi primarjament minn iffrankar fl-IT iżda wkoll minn tnaqqis fl-isforz amministrattiv meħtieġ għal ċerti kompiti importanti, filwaqt li tiġi lliberata l-kapaċità amministrattiva.
1.5.5 Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Fi ħdan il-QFP kurrenti, il-ħtiġijiet jistgħu jiġu riallokati fi ħdan il-linja baġitarja eżistenti għall-Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (Dwana) – subintestatura 03 05 01 u għal linja baġitarja ġdida għall-Awtorità Doganali tal-UE – subintestatura 03 05 XX. Jiġifieri, l-ebda kost addizzjonali previst fil-QFP kurrenti.
Fil-QFP ta’ wara l-2027, qiegħed jiġi propost li l-kost għall-Pjattaforma tad-Data u għall-Awtorità Doganali jiġi ffinanzjat permezz tal-QFP sussegwenti, mingħajr ma jiġi antiċipat il-ftehim dwar il-QFP u l-programmi.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
◻ durata limitata
–◻
Proposta/inizjattiva b’effett minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju mill-SSSS sal-SSSS
X durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2026-2027,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
X Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni permezz ta’
–◻
aġenziji eżekuttivi
–X mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
X Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
◻lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
X il-korpi msemmijin fl-Artikolu 70;
◻ lill-korpi rregolati bil-liġi pubblika;
◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
◻ lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
Kummenti:
Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ, il-Kummissjoni xorta se tkun qiegħda timmaniġġja l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi kurrenti tal-KDU, u se jkollha bżonn tmexxi ’l quddiem it-tħejjija tal-elementi inizjali tal-Pjattaforma tad-Data matul il-QFP kurrenti.
Fil-perjodu li jsegwi l-QFP kurrenti, għal ċerti kompiti, b’mod partikolari l-forniment tal-Pjattaforma tad-Data, il-Kummissjoni żżomm il-finanzjament u tiddelega kompiti skont ftehim ta’ kontribuzzjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE. Iż-żamma tal-ġestjoni diretta tal-fondi għas-sistemi kurrenti tal-KDU, u l-ġestjoni indiretta tal-fondi tal-Pjattaforma tad-Data permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni mal-Awtorità Doganali tal-UE, jgħinu sabiex jiġu żgurati l-kontinwità tranżizzjonali u t-twassil effettiv tal-politika tal-ambjent futur tad-data doganali tal-UE, filwaqt li l-Awtorità tespandi l-kapaċitajiet tagħha wara l-istabbiliment tagħha fl-2028.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Fir-rigward tar-riforma ġenerali:
Il-Kummissjoni timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tar-regolament propost. Għal dan l-għan, il-proposta tipprevedi li tagħmel l-għodod ta’ informazzjoni u ta’ analiżi disponibbli għall-Kummissjoni permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, li jkopru l-proċessi doganali kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-riforma.
Bl-assistenza tal-Awtorità Doganali tal-UE, il-Kummissjoni tivvaluta u tevalwa wkoll il-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali bħala tali tal-anqas fuq bażi annwali. Dan se jinkludi l-kejl tal-attivitajiet doganali mwettqin mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Għal dan l-għan, l-Awtorità Doganali tal-UE se tidentifika x-xejriet, l-aspetti b’saħħithom, id-dgħufijiet, il-lakuni u r-riskji potenzjali ewlenin, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal titjib lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Awtorità Doganali tal-UE u mal- nazzjonal awtoritajiet doganali, se tevalwa wkoll l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju b’mod partikolari, sabiex ittejjeb kontinwament l-effettività u l-effiċjenza operazzjonali u strateġiċi tagħha. Il-Kummissjoni se tuża wkoll l-informazzjoni disponibbli fil-Pjattaforma tad-Data għal dan l-għan, u tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-Awtorità Doganali tal-UE u mingħand awtoritajiet doganali nazzjonali u mingħand awtoritajiet oħrajn. Din il-ħidma ta’ evalwazzjoni se tintuża mill-Kummissjoni meta tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-ġestjoni tar-riskju, b’mod partikolari kriterji komuni tar-riskju u oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni.
Fir-rigward tal-Awtorità Doganali tal-UE speċifikament:
L-aġenziji kollha tal-Unjoni jaħdmu taħt sistema stretta ta’ monitoraġġ li tinvolvi koordinatur ta’ kontroll intern, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, il-Bord tat-Tmexxija, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-Awtorità Baġitarja. Din is-sistema hija riflessa u stabbilita fit-TITOLU XII. F’konformità mal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE, il-programm ta’ ħidma annwali tal-Awtorità Doganali tal-UE għandu jinkludi l-objettivi dettaljati u r-riżultati mistennijin inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni. L-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE wara jitkejlu fid-dawl ta’ dawk l-indikaturi fir-Rapport Annwali tal-Attività. Il-programm ta’ ħidma annwali se jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali u t-tnejn li huma għandhom ikunu inklużi f’dokument uniku ta’ programmazzjoni annwali li għandu jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Il-Bord tat-Tmexxija tal-Awtorità Doganali tal-UE se jkun responsabbli għas-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva, operazzjonali u baġitarja effiċjenti tal-Awtorità Doganali tal-UE. Se jkun assistit minn Bord Eżekuttiv responsabbli għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija.
Il-Kummissjoni se tiżgura li jitwettqu evalwazzjonijiet regolari tal-prestazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE fir-rigward tal-objettivi, tal-mandat, tal-kompiti u tal-governanza u tal-post(ijiet) tagħha. L-evalwazzjoni, b’mod partikolari, se tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi mmodifikat il-mandat tal-Awtorità Doganali tal-UE, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din. Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni, ir-riżultati miksubin mill-Awtorità Doganali tal-UE se jiġu vvalutati, filwaqt li jitqiesu l-objettivi, il-mandat, il-kompiti u l-governanza tagħha, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-kontinwazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE tkunx għadha ġustifikata fir-rigward ta’ dawk l-objettivi, il-mandat, il-governanza u l-kompiti. Il-Kummissjoni tirraporta lill-Parlament Ewropoew u lill-Kunsill is-sejbiet tal-evalwazzjoni. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
L-Awtorità Doganali tal-UE se tiżgura li jintlaħqu l-istandards xierqa għall-kontroll intern.
Fir-rigward tal-kontrolli ex post, l-Awtorità Doganali tal-UE, bħala aġenzija deċentralizzata, hija soġġetta għal: (i) awditu intern mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni; (ii) ir-rapporti annwali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li fihom tingħata dikjarazzjoni ta’ aċċertament dwar l-affidabilità tal-kontijiet annwali u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti; (iii) il-kwittanza annwali mogħtija mill-Parlament Ewropew; (iv) l-investigazzjonijiet possibbli mwettqin mill-OLAF sabiex jiżgura, b’mod partikolari, li r-riżorsi allokati lill-aġenziji jintużaw kif suppost.
L-attivitajiet tal-Awtorità Doganali tal-UE se jkunu soġġetti wkoll għas-superviżjoni tal-Ombudsman f’konformità mal-Artikolu 228 tat-TFUE.
Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tad-dwana u minħabba li l-proposta tinkludi investimenti sinifikanti għall-iżvilupp, għall-operat, għall-manutenzjoni u għall-użu ta’ Pjattaforma tad-Data, jidher xieraq li tinżamm ir-responsabbiltà baġitarja għal ċerti attivitajiet fil-Kummissjoni u li l-Awtorità Doganali tal-UE tiġi fdata b’ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni skont ftehimiet ta’ kontribuzzjoni. Dawn jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni żżomm livell għoli ta’ kontroll tal-attivitajiet delegati, kif previst f’din il-proposta.
Barra minn hekk, huwa xieraq li l-Kummissjoni jkollha rwol importanti fl-attivitajiet ta’ programmazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità Doganali tal-UE.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Peress li l-Awtorità Doganali tal-UE se tkun korp ġdid, hemm riskju li l-proċeduri ta’ reklutaġġ u amministrattivi jistgħu ma jżommux mal-iskeda, u se jkollhom impatt fuq il-kapaċità operazzjonali tal-Awtorità Doganali tal-UE fil-bidu tal-operazzjonijiet tagħha. Għalhekk, huwa kruċjali li d-DĠ sieħeb iħejji l-bidu tal-operazzjonijiet billi jistabbilixxi proċeduri amministrattivi, strutturi ta’ governanza, programmi ta’ ħidma inizjali u jwettaq xi attivitajiet ta’ reklutaġġ inizjali, sabiex l-Awtorità Doganali tal-UE tkun tista’ tikseb awtonomija amministrattiva sħiħa malajr. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jkunu involuti f’azzjonijiet preparatorji bħal dawn permezz ta’ skambji regolari ta’ fehmiet.
Se jkunu meħtieġa laqgħat frekwenti u kuntatti regolari bejn id-DĠ sieħeb u l-Awtorità Doganali tal-UE matul l-ewwel snin tal-operazzjonijiet tal-Awtorità Doganali tal-UE, sabiex jgħinu fl-irrankar tagħha. Jista’ jiġi previst is-sekondar ta’ persunal tal-esperjenza tal-Kummissjoni.
L-Awtorità Doganali tal-UE se tkun meħtieġa timplimenta Qafas ta’ Kontroll Intern f’konformità mal-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni dwar il-kontrolli interni tal-Awtorità Doganali tal-UE se tiġi inkluża fir-rapporti annwali tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Se tiġi stabbilita kapaċità tal-Awditjar Intern sabiex jitqiesu r-riskji speċifiċi għall-operat tal-Awtorità Doganali tal-UE, u sabiex jinħoloq approċċ sistematiku u dixxiplinat bl-għan li tiġi evalwata l-effettività tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju, ta’ kontroll u ta’ governanza, u billi jinħarġu rakkomandazzjonijiet għat-titjib tagħhom.
Fir-rigward tal-Fondi tat-TAXUD: Il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi huwa wieħed mill-objettivi tal-kontroll intern kif stipulat fir-Regolament Finanzjarju u kwistjoni ewlenija tal-governanza, li l-Kummissjoni trid tindirizza matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa. Barra minn hekk, l-istrateġija tad-DĠ TAXUD għal kontra l-frodi (AFS) għandha l-għan prinċipali ta’ prevenzjoni ta’ frodi, ta’ detezzjoni tiegħu u ta’ rkupru minnu, filwaqt li fost l-oħrajn tiżgura li l-kontrolli interni tagħha ta’ kontra l-frodi jkunu allinjati għalkollox mal-istrateġija tal-Kummissjoni ta’ kontra l-frodi (CAFS) u li l-approċċ tagħha għall-ġestjoni tar-riskji ta’ frodi jkun immirat sabiex jidentifika oqsma b’riskju ta’ frodi kif ukoll risponsi adegwati.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli
Il-kostijiet tad-DĠ sieħeb tas-superviżjoni ġenerali tal-Awtorità Doganali tal-UE jistgħu jiġu stmati li jlaħħqu ma’ 0,5 % tal-baġit annwali fdat lill-Awtorità Doganali tal-UE, inklużi l-fondi delegati. Dawn il-kostijiet jinkludu, pereżempju, iżda mhux esklużivament, il-kostijiet relatati mal-valutazzjoni tal-programmazzjoni u tal-baġit annwali, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord tat-Tmexxija u fil-Bord Eżekuttiv u l-ħidma preparatorja relatata.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Miżuri kontra l-frodi huma previsti fid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Awtorità Doganali tal-UE. F’konformità mal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati, se tiġi adottata Strateġija kontra l-frodi mill-Awtorità Doganali tal-UE.
Se tadotta wkoll regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv.
Barra minn hekk, l-Awtorità Doganali tal-UE se tadotta regoli ta’ sigurtà li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji u fuq ir-regoli stabbiliti fir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru 1
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati jew mill-kandidati potenzjali
|
Minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
01
|
Suq Uniku
Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (Dwana) – subintestatura 03 05 01
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
Jista’ jiġi antiċipat li l-kontribuzzjonijiet minn xi pajjiżi terzi jiġu pprovduti b’rabta mal-iżvilupp u mal-operat tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE; kontribuzzjonijiet bħal dawn bħalissa jsiru fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-Sistema l-ġdida ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS2). Madankollu, ma jsir l-ebda provvediment għalihom f’din id-Dikjarazzjoni peress li ftehimiet bħal dawn ma humiex parti mill-proposta legali.
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru 1
|
Diff./mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati jew mill-kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħra
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
03 XX XX Awtorità Doganali tal-UE
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
Twissijiet ġenerali: wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, fil-proċedura baġitarja annwali, il-baġit jista’ jaġġusta skont il-koeffiċjent attwali ta’ aġġustament tas-salarju. Iċ-ċifri ta’ hawn taħt huma indiċjati mill-valuri tal-2025 għal 2 %. F’każ li l-finanzjament disponibbli fil-perjodu 2028-2034 ikun anqas, il-kompiti jitnaqqsu sabiex ikunu fi ħdan il-finanzjament disponibbli taħt il-QFP ta’ wara l-2027 u l-programm doganali ta’ wara l-2027. Jekk jiġu delegati anqas kompiti milli previsti lill-Awtorità Doganali tal-UE, il-livelli tal-persunal jitnaqqsu kif xieraq (u ma jilħqux il-250 membru tal-persunal).
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
Numru
|
[Intestatura 1 – Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali ………
03 XX XX Awtorità Doganali tal-UE ………………]
|
Stima għall-perjodu 2026-2034:
|
Awtorità Doganali tal-UE
|
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
TOTAL
|
|
Titolu 1: (kostijiet amministrattivi inklużi s-salarji)
|
Impenji
|
(1)
|
0,494
|
1,392
|
4,078
|
7,270
|
12,641
|
20,493
|
29,748
|
38,237
|
44,365
|
158,718
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
0,494
|
1,392
|
4,078
|
7,270
|
12,641
|
20,493
|
29,748
|
38,237
|
44,365
|
158,718
|
|
Titolu 2: (kostijiet amministrattivi oħrajn inkluża l-infrastruttura)
|
Impenji
|
(1a)
|
0,434
|
0,662
|
4,416
|
3,235
|
3,469
|
4,365
|
4,681
|
5,396
|
5,516
|
32,173
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
0,434
|
0,662
|
4,416
|
3,235
|
3,469
|
4,365
|
4,681
|
5,396
|
5,516
|
32,173
|
|
Titolu 3: (kostijiet operazzjonali inkluża l-kooperazzjoni doganali)
|
Impenji
|
(3a)
|
0
|
0
|
9,742
|
11,041
|
11,262
|
12,636
|
14,060
|
15,536
|
18,285
|
92,561
|
|
|
Pagamenti
|
(3b)
|
0
|
0
|
9,742
|
11,041
|
11,262
|
12,636
|
14,060
|
15,536
|
18,285
|
92,561
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għall-Awtorità Doganali tal-UE
|
Impenji
|
=1+1a +3a
|
0,928
|
2,054
|
18,236
|
21,546
|
27,371
|
37,493
|
48,489
|
59,169
|
68,166
|
283,452
|
|
|
Pagamenti
|
=2+2a +3b
|
0,928
|
2,054
|
18,236
|
21,546
|
27,371
|
37,493
|
48,489
|
59,169
|
68,166
|
283,452
|
Perjodu tal-2026-2027 – riallokazzjoni:
|
03 XX XX
|
|
|
|
|
|
|
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
Awtorità Doganali tal-UE
|
Impenji
|
(1)
|
|
|
|
|
|
0,928
|
2,054
|
2,981
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
|
|
|
|
|
0,928
|
2,054
|
2,981
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għal 03 XX XX
|
Impenji
|
=1+1a +3a
|
|
|
|
|
|
0,928
|
2,054
|
2,981
|
|
|
Pagamenti
|
=2+2a
+3b
|
|
|
|
|
|
0,928
|
2,054
|
2,981
|
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
Numru
|
Intestatura 1 – Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
|
03 05 01
|
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
TOTAL
|
|
Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (Pjattaforma tad-Data - Kummissjoni)
|
Impenji
|
(1)
|
23,072
|
31,946
|
101,682
|
127,015
|
50,817
|
0
|
0
|
0
|
0
|
334,533
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
23,072
|
31,946
|
101,682
|
127,015
|
50,817
|
0
|
0
|
0
|
0
|
334,533
|
|
Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (Pjattaforma tad-Data -arranġament ta’ kontribuzzjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE)
|
Impenji
|
(1a)
|
|
|
25,420
|
84,677
|
203,268
|
268,580
|
227,785
|
237,611
|
247,739
|
1 295.080
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
|
|
19,065
|
82,564
|
211,736
|
268,580
|
227,785
|
237,611
|
247,739
|
1 295.080
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għal 03 05 01
|
Impenji
|
=1+1a +3a
|
23,072
|
31,946
|
127,102
|
211,692
|
254,085
|
268,580
|
227,785
|
237,611
|
247,739
|
1 629.613
|
|
|
Pagamenti
|
=2+2a
+3b
|
23,072
|
31,946
|
120,747
|
209,579
|
262,553
|
268,580
|
227,785
|
237,611
|
247,739
|
1 629.613
|
Fil-każ tal-Awtorità Doganali tal-UE, huwa preżunt li l-pagamenti huma ta’ 75 % tal-impenji fl-2028 u ta’ 90 % tal-impenji fl-2029. Fil-każ tal-Kummissjoni, huwa preżunt li l-pagamenti u l-impenji huma fl-istess livell bħalma hemm kontinwità mill-programmi eżistenti.
Perjodu tal-2026-2027 – riallokazzjoni:
|
03 05 01
|
|
|
|
|
|
|
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (dwana) – subintestatura 03 05 01
|
Impenji
|
(1)
|
|
|
|
|
|
23,072
|
31,946
|
55,019
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
|
|
|
|
|
23,072
|
31,946
|
55,019
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għal 03 05 01
|
Impenji
|
=1+1a +3a
|
|
|
|
|
|
23,072
|
31,946
|
55,019
|
|
|
Pagamenti
|
=2+2a
+3b
|
|
|
|
|
|
23,072
|
31,946
|
55,019
|
Fil-QFP kurrenti, ir-riforma tinvolvi nefqa tal-UE ta’ EUR 60 165 000, li tgħaqqad in-nefqa operatorja u amministrattiva. Minn din, EUR 55,019m f’nefqa operazzjonali nnotata hawn fuq tmur għall-iżvilupp tal-ewwel kapaċitajiet strutturali tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u għall-bidu tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Din in-nefqa se tiġi mill-baġit eżistenti tal-Programm Doganali. L-outputs jinkludu t-tlestija sabiex jinġabru dazji ġodda mill-kummerċ elettroniku mill-2028, ħidma pilota mmexxija mill-Kummissjoni fuq ċerti proġetti ta’ ġestjoni tar-riskju finanzjarju u mhux finanzjarju, u t-tħejjija għall-operazzjonijiet tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Mingħajr preġudizzju għall-QFP li jmiss, qiegħda tiġi ppreżentata analiżi li tindirizza l-perjodu 2028-2034 hawn fuq, filwaqt li tindirizza l-kostijiet antiċipati għall-baġit tal-Unjoni sabiex tkopri n-nefqa fuq il-Pjattaforma tad-Data tal-UE u l-baġit tal-Awtorità Doganali tal-UE.
Fir-rigward tan-nefqa operatorja:
·Din id-Dikjarazzjoni tikkonċerna l-ħtiġijiet baġitarji l-ġodda li jirriżultaw minn din il-proposta ta’ riforma. Ma tikkonċernax is-sostenn kontinwu tal-Kummissjoni għall-kooperazzjoni doganali u għas-sistemi eżistenti tal-KDU taħt 03 05 01, u l-istrument għas-sostenn finanzjarju għat-tagħmir tal-kontrolli doganali taħt 11 01 02. Il-Kummissjoni se tkompli timmaniġġja s-sistemi eżistenti tal-KDU u se tnaqqas in-nefqa operatorja tagħha fuqhom maż-żmien. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll xi attivitajiet ta’ kooperazzjoni doganali, imnaqqsin fid-dawl tal-attivitajiet il-ġodda tal-EUCA f’dan il-qasam. Dawn il-kostijiet ma humiex inklużi f’din id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva minħabba li ma humiex kostijiet ta’ din il-proposta.
·Il-kostijiet tal-IT fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta huma relatati mal-iżvilupp tal-Pjattaforma tad-Data. Il-linja ta’ finanzjament ta’ hawn fuq tkopri madwar EUR 1,63 biljun wara l-indiċjar bi 2 % għal kull tabella ta’ hawn fuq.
·Il-Kummissjoni talloka l-kompiti tal-Pjattaforma tad-Data lill-EUCA permezz ta’ arranġamenti ta’ kontribuzzjoni. Għalhekk, il-kostijiet rilevanti huma inklużi fis-suċċessjoni għall-Programm Doganali fil-QFP ta’ wara l-2027.
·In-nefqa operatorja tal-EUCA, li hija primarjament fuq it-twassil tal-kooperazzjoni doganali, hija deskritta b’mod ulterjuri fl-Anness. L-EUCA hija preżunta li tidħol fil-fażi tal-bidu tagħha fl-2026, b’7 membri tal-persunal (5 Aġenti Kuntrattwali u 2 Aġenti Temporanji), u żżid il-persunal b’7 oħrajn fl-2027, u tibda bl-operazzjonijiet fl-2028 (u titla’ għal 30 membru tal-persunal f’dik is-sena).
·It-Titolu I jinkludi total stmat ta’ 250 membru tal-persunal għall-EUCA fl-2034, li madwar 115 minnhom ikunu direttament assoċjati mal-funzjonijiet tal-IT u tal-Ġestjoni tad-data. Dawn il-karigi tal-IT u tal-ġestjoni tad-data jkunu jindirizzaw kemm l-iżvilupp tal-Pjattaforma tad-data kif ukoll tal-applikazzjonijiet kif assenjati skont ftehim ta’ kontribuzzjoni, kif ukoll il-ġestjoni teknika tal-Pjattaforma tad-Data għal proġetti ta’ data, għall-analitika u għall-ġestjoni tal-mudell tad-data doganali.
·
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
"Nefqa amministrattiva"
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
DĠ: TAXUD
|
|
|
• Uffiċjali
|
|
|
|
|
|
|
0,513
|
1,197
|
1,710
|
|
• Persunal bil-Kuntratt
|
|
|
|
|
|
|
0,182
|
0,273
|
0,455
|
|
TOTAL TAD-DĠ TAXUD
|
Approprjazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
0,695
|
1,470
|
2,165
|
Fir-rigward tan-nefqa amministrattiva: Fil-QFP kurrenti, it-TAXUD ikun jeħtieġ 5 FTE addizzjonali fl-2026 u 5 FTE addizzjonali fl-2027 sabiex iħejji lill-Awtorità.
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Total nett 2026-2027
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
0,695
|
1,470
|
|
It-totali stmati taħt l-Intestaturi kollha għall-perjodu 2026-2034 huma miġburin fil-qosor hawn taħt:
|
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
TOTAL
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
24,695
|
35,470
|
145,338
|
233,238
|
281,456
|
306,073
|
276,274
|
296,780
|
315,905
|
1 915.230
|
|
|
Pagamenti
|
24,695
|
35,470
|
138,983
|
231,125
|
289,924
|
306,073
|
276,274
|
296,780
|
315,905
|
1 915.230
|
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–X Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
Il-proposta ma hijiex limitata għall-istabbiliment ta’ Aġenzija. Tirriforma l-Unjoni Doganali b’mod komprensiv. Tipprovdi kapaċità strateġika ġdida (f’termini ta’ Governanza, Awtorità Doganali ġdida tal-UE, u f’termini ta’ kapaċitajiet, Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE ġdida), flimkien ma’ reviżjoni u ma’ simplifikazzjoni tal-proċessi operattivi għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-operaturi kummerċjali. Hekk kif ittejjeb il-kooperazzjoni fit-twettiq tal-Unjoni Doganali “magħquda” u tipproduċi effetti li jitwasslu mill-awtoritajiet nazzjonali (aktar milli mill-Awtorità waħedha), ma jkunx xieraq li wieħed jipprova jimmappja l-outputs mal-indikaturi tal-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa aktar xieraq li jiġu identifikati ż-żewġ outputs ewlenin (u l-kategoriji tan-nefqa) li jaħdmu flimkien sabiex jilħqu l-objettiv tar-riforma – il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u l-Awtorità Doganali tal-UE - skont it-tabelli ta’ hawn taħt.
Iċ-ċifri għall-QFP kurrenti ta’ hawn taħt huma relatati biss mal-kostijiet operatorji tal-Kummissjoni. Dawn jikkonċernaw il-Pjattaforma tad-Data.
Ammonti f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs
⇩
|
|
|
|
|
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
OBJETTIV ĠENERALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
23,072
|
|
31,496
|
|
55,018
|
|
Sottototal
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
23,072
|
|
31,496
|
|
55,018
|
|
KOST TOTALI
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
23,072
|
|
31,496
|
|
55,018
|
Iċ-ċifri għall-perjodu 2028-2034 ta’ hawn taħt huma relatati mal-kostijiet tal-iżvilupp tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, u mal-operat tal-Awtorità Doganali tal-UE. Dawn huma kostijiet operazzjonali, indiċjati mill-2025 għal 2 %.
|
Indika l-objettivi u l-outputs
⇩
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
TOTAL
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
OBJETTIV ĠENERALI
|
|
- Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
CAPEX tal-ispazju tad-data tal-UE
|
|
|
|
47,424
|
|
60,465
|
|
61,674
|
|
50,326
|
|
0
|
|
0
|
|
0
|
|
219,889
|
|
OPEX tal-ispazju tad-data tal-UE
|
|
|
|
47,857
|
|
113,900
|
|
149,371
|
|
169,288
|
|
172,673
|
|
176,127
|
|
179,649
|
|
1 008.865
|
|
CAPEX tal-programm ta’ trasformazzjoni
|
|
|
|
31,822
|
|
32,458
|
|
33,107
|
|
33,770
|
|
34,445
|
|
35,134
|
|
35,837
|
|
236,573
|
|
OPEX tal-programm ta’ trasformazzjoni
|
|
|
|
0
|
|
4,869
|
|
9,932
|
|
15,196
|
|
20,667
|
|
26,350
|
|
32,253
|
|
109,268
|
|
Sottototal
|
|
|
|
127,102
|
|
211,692
|
|
254,085
|
|
268,580
|
|
227,785
|
|
237,622
|
|
247,739
|
|
1 574.594
|
|
- Awtorità Doganali tal-UE
|
|
18,235
|
|
21,546
|
|
27,371
|
|
37,943
|
|
48,489
|
|
59,169
|
|
68,166
|
|
280,471
|
|
Sottototal
|
|
|
|
18,235
|
|
21,546
|
|
27,371
|
|
37,943
|
|
48,489
|
|
59,169
|
|
68,166
|
|
280,471
|
|
KOST TOTALI
|
|
145,338
|
|
233,238
|
|
281,457
|
|
306,073
|
|
276,274
|
|
296,780
|
|
315,905
|
|
1 855.065
|
Ammonti f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali). Meta applikabbli, l-ammonti jirriflettu s-somma tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-aġenzija u dħul ieħor tal-aġenzija (tariffi u imposti).
Spjegazzjonijiet addizzjonali għall-kostijiet tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE:
CAPEX tal-ispazju tad-data tal-UE:
Din il-linja baġitarja tkopri t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma tad-Data inklużi l-iżvilupp (jew il-liċenzjar/ix-xiri) u l-integrazzjoni tal-komponenti differenti li jkopru l-iskambju tad-data, l-ipproċessar tad-data, il-ġestjoni tal-applikazzjonijiet u l-kapaċitajiet ta’ katalogu tad-data.
OPEX tal-ispazju tad-data tal-UE:
Din il-linja tinkludi l-forniment tal-infrastruttura neċessarja (kiri ta’ ċentri tad-data, hardware, servizzi tal-cloud, liċenzjar ta’ software eċċ.) u tal-kapaċitajiet operazzjonali (desk tas-servizzi, sostenn tekniku, sostenn operazzjonali, eċċ.) sabiex jiġu żgurati l-livell adegwat u l-kapaċità tas-servizz. Din il-linja tkopri wkoll il-manutenzjoni eventwali tal-Pjattaforma tad-Data ladarba titwettaq u fil-modalità tas-servizz.
CAPEX tal-programm ta’ trasformazzjoni:
Din il-linja tkopri l-iżvilupp u l-implimentazzjoni fil-pjattaforma tal-Pjattaforma tad-Data tal-funzjonalitajiet relatati mas-sistemi Doganali Nazzjonali li jiġu ttrasferiti għall-implimentazzjoni ċentrali skont il-leġiżlazzjoni ta’ riforma.
OPEX tal-programm ta’ trasformazzjoni:
Din il-linja tkopri l-kostijiet operatorji u ta’ manutenzjoni fil-pjattaforma tal-Pjattaforma tad-Data tal-element li jimplimenta l-funzjonalitajiet relatati mas-sistemi Doganali Nazzjonali li jiġu ttrasferiti għall-implimentazzjoni ċentrali skont il-leġiżlazzjoni ta’ riforma.
3.2.3.Impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-Awtorità Doganali tal-UE
3.2.3.1.Sommarju
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
Iċ-ċifri ta’ hawn taħt huma bbażati fuq l-istabbilizzazzjoni tal-Awtorità Doganali tal-UE fl-2034 u tal-livelli tar-riżorsi umani minn dak il-punt. Issir suppożizzjoni ta’ proporzjon ta’ 2:1 bejn it-tabella tal-persunal u l-persunal estern. Filwaqt li f’dan l-istadju ma huwiex possibbli li jiġi kkwantifikat in-numru ta’ gradi AST jew AD, jew in-numru ta’ ENS li jista’ jiġi pprovdut mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, issir stima. Il-kostijiet huma indiċjati għal 2 %.
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali) Meta applikabbli, l-ammonti jirriflettu t-total tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni lill-aġenzija u dħul ieħor tal-aġenzija (tariffi u imposti).
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
TOTAL
|
|
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)
|
0,119
|
0,423
|
1,542
|
3,335
|
5,970
|
10,018
|
14,693
|
19,073
|
22,234
|
77,408
|
|
Aġenti temporanji (gradi ta’ AST)
|
0,059
|
0,212
|
0,771
|
1,668
|
2,985
|
5,009
|
7,346
|
9,537
|
11,117
|
38,704
|
|
Persunal bil-kuntratt (CA)
|
0,237
|
0,676
|
0,749
|
1,085
|
1,927
|
3,220
|
4,691
|
6,090
|
7,099
|
25,773
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
(ENS)
|
|
|
0,187
|
0,271
|
0,482
|
0,805
|
1,173
|
1,523
|
1,775
|
6,215
|
|
TOTAL
|
0,415
|
1,311
|
3,249
|
6,360
|
11,363
|
19,051
|
27,903
|
36,223
|
42,226
|
148,101
|
Fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-kostijiet bejn il-gradi ta’ hawn fuq, il-karigi fit-tabella tal-persunal huma preżunti li jiġu allokati 2:1 AD:AST, u l-karigi esterni huma supponuti li jiġu allokati 4:1 CA/ENS mill-bidu tal-operat fl-2028. Dawn l-estimi huma mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni eventwali tar-reklutaġġ.
Rekwiżiti tal-persunal (FTE):
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
Totali
|
|
Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)
|
2
|
5
|
14
|
22
|
40
|
62
|
91
|
122
|
111
|
111
|
|
Aġenti temporanji (gradi ta’ AST)
|
|
|
6
|
11
|
20
|
31
|
46
|
31
|
56
|
56
|
|
Aġenti kuntrattwali
|
5
|
9
|
8
|
16
|
24
|
39
|
50
|
62
|
66
|
66
|
|
Esperti Nazzjonali Sekondati
|
|
|
2
|
3
|
6
|
8
|
13
|
15
|
17
|
17
|
|
TOTAL
|
7
|
14
|
30
|
50
|
90
|
140
|
190
|
230
|
250
|
250
|
Huwa preżunt li l-persunal kollu reklutat ġdid jaħdem għal 6 xhur fis-sena tar-reklutaġġ tiegħu.
Filwaqt li l-allokazzjoni preċiża taċ-ċifri tal-persunal skont il-profil ma tistax tiġi identifikata b’mod definittiv f’dan il-mument, it-tabella li ġejja tagħti ħarsa ġenerali lejn dak li jista’ jiġi antiċipat:
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
Totali
|
7
|
14
|
30
|
50
|
90
|
140
|
190
|
230
|
250
|
|
Amministrattivi
|
6
|
8
|
12
|
20
|
22
|
22
|
22
|
22
|
22
|
|
Data u IT
|
1
|
4
|
10
|
18
|
40
|
65
|
90
|
105
|
115
|
|
Koordinazzjoni/Bini tal-kapaċità
|
|
2
|
8
|
12
|
28
|
53
|
78
|
103
|
113
|
Il-profili Amministrattivi jkunu jittrattaw kwistjonijiet bħar-riżorsi umani, il-finanzi, il-kontabilità, l-affarijiet legali, il-komunikazzjonijiet, il-kontroll tal-kwalità u l-awditjar, is-sostenn amministrattiv għall-maniġment superjuri, l-IT tal-EUCA stess, u l-loġistika.
Il-profili tad-Data u -IT ikunu jittrattaw il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE inkluża l-ġestjoni tal-iżvilupp, tal-operazzjonijiet u tal-infrastruttura tal-IT, il-proġetti tad-data u l-ġestjoni tagħhom u l-governanza tad-data).
Il-profili tal-Koordinazzjoni u Bini tal-kapaċitajiet jittrattaw il-koordinazzjoni operazzjonali tal-ħidma li tinvolvi d-dwana u l-kooperazzjoni tal-Istati Membri ma’ esperti esterni oħrajn, f’oqsma li jinkludu l-ġestjoni tar-riskju, il-ġestjoni tal-kriżijiet, il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet mhux doganali oħrajn, it-taħriġ u l-gwida dwar metodi u proċessi ta’ ħidma komuni, u l-koordinazzjoni tal-ħidma operazzjonali kif ukoll il-kejl tal-prestazzjoni, il-monitoraġġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kontrolli konġunti u s-sostenn għat-tagħmir ta’ kontroll.
L-FTEs huma ttondjati għall-eqreb numru sħiħ.
3.2.3.2.Rekwiżiti stmati ta' riżorsi umani għad-DĠ prinċipali
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–X Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
Stima li trid tingħata f’ammonti sħaħ (jew l-iktar l-iktar għal pożizzjoni deċimali waħda)
|
|
2026
|
2027
|
|
·Pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)
|
|
|
|
20 01 02 01 u 20 01 02 02 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
+3
|
+7
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
10 01 05 01 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full Time: FTE)
|
|
|
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
+2
|
+3
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
Linja/i baġitarja/i (speċifika)
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT – Riċerka indiretta)
|
|
|
|
10 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka diretta)
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
TOTAL
|
+5
|
+10
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u aġenti temporanji
|
L-Awtorità Doganali tal-UE tibda l-operazzjonijiet tagħha fl-2028, u tħalli perjodu ta’ madwar sentejn bejn l-adozzjoni tal-att ta’ twaqqif u l-bidu tal-operazzjonijiet, li jistgħu jiġu ddedikati għall-attivitajiet neċessarji sabiex jinbeda l-korp il-ġdid. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun inkarigata mit-twaqqif tal-Awtorità Doganali tal-UE. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu previsti riżorsi għal dan il-proċess. L-FTEs addizzjonali indikatu fl-2026 u fl-2027 fit-tabella aktar ’il fuq; wara, l-effett nett fuq il-persunal tal-Kummissjoni jkun wieħed ta’ tnaqqis.
Sabiex l-Awtorità Doganali tal-UE tkun lesta għall-bidu tal-operat tagħha, l-FTEs addizzjonali iwettqu l-attivitajiet preparatorji li ġejjin:
1.It-tħejjija tal-ewwel baġit, inkluża l-prontezza tal-għodod (sistemi ta’ kontabilità/ġestjoni tal-baġit) u tal-proċeduri ta’ implimentazzjoni.
2.Il-proċedura ta’ selezzjoni għad-Direttur Eżekuttiv (li tibda b’direttur eżekuttiv interim mill-Kummissjoni għall-2026/2027 qabel ma l-EUCA tibda topera).
3.In-nomina tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Bord Eżekuttiv.
4.It-tħejjija tal-ewwel laqgħat u deċiżjonijiet.
5.It-tħejjija tal-bini tal-kwartieri ġenerali f’koordinazzjoni mal-Istat ospitanti; in-negozjar ta’ ftehim ta’ hosting; ix-xiri ta’ tagħmir; l-IT; is-sigurtà; il-manutenzjoni.
6.Ir-reklutaġġ għall-Awtorità Doganali tal-UE, b’antiċipazzjoni għal ħtiġijiet inizjali impenjattivi ħafna. Prijorità fil-bidu dwar il-funzjonijiet meħtieġa għall-funzjonament bażiku (il-kapaċità ta’ ħlas tas-salarji, l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-ħin, it-taħriġ, eċċ.).
7.Id-definizzjoni tal-istruttura organizzazzjonali, tal-organizzazzjoni interna u tal-proċeduri
8.L-identifikazzjoni tal-possibbiltà ta’ trasferiment temporanju tal-Persunal tal-Kummissjoni lill-Awtorità Doganali tal-UE.
9.Il-ħolqien ta’ paġna web bażika u ta’ identità viżwali.
10.It-tħejjija tal-ewwel Programm ta’ Ħidma Annwali u/jew ta’ Dokument Uniku ta’ programmazzjoni.
11.It-tħejjija ta’ ftehim(iet) ta’ kontribuzzjoni, jekk jinżamm(u).
12.L-għoti ta’ sostenn lill-Programm Doganali għall-ewwel laqgħat fil-livell ta’ esperti tal-EUCA fl-2026/2027
L-esperjenza minn aġenziji oħrajn stabbiliti dan l-aħħar turi li huwa meħtieġ tim ta’ madwar 10 membri tal-persunal fid-DĠ sieħeb sabiex iwettaq dawn il-kompiti tal-bidu.
Il-kompiti msemmijin hawn fuq huma prinċipalment amministrattivi u relatati mal-proċessi. Bl-eċċezzjoni tal-punt 12, dawn ma jikkonċernawx is-sustanza tal-ħidma futura tal-Awtorità Doganali tal-UE.
|
|
Persunal estern
|
Il-ħidma b’rabta mal-kompiti msemmijin hawn fuq, b’mod partikolari 1, 4, 5, 9, 12.
|
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
X
Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali. It-EUR 58 miljun meħtieġa fl-2026 u fl-2027 se jiġu allokati fi ħdan il-provvediment eżistenti taħt il-linja baġitarja tas-Suq Uniku: Kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (Dwana) – subintestatura 03 05 01
–◻ Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali.
–
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
X Il-proposta/L-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.
–Il-proposta/l-inizjattiva tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Totali
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–
X fuq ir-riżorsi proprji
–◻ fuq dħul ieħor
– indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
|
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
Totali
|
|
L-Artikolu ………….
|
|
812
|
828
|
845
|
862
|
879
|
896
|
914
|
6 035
|
Għad-dħul mixxellanju “assenjat”, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Speċifika l-metodu biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul.
Fil-perjodu 2028-2034, ir-riforma ġġib introjtu addizzjonali mid-dazji tal-kummerċ elettroniku nieqes 25 % mill-kostijiet tal-ġbir nazzjonali (RPT netti). Dan huwa stmat għal EUR 750 miljun fis-sena, indiċjat għal 2 %, li jrendi madwar EUR 6,035 biljun f’dan il-perjodu.
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
ANNESS – SUPPOŻIZZJONIJIET:
Evoluzzjoni tan-numru ta’ membri tal-persunal fl-Awtorità:
L-evoluzzjoni ġenerali tal-FTEs hija antiċipata kif ġej.
|
|
2026
|
2027
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
|
Awtorità Doganali tal-UE
|
7
|
14
|
30
|
50
|
90
|
140
|
190
|
230
|
250
|
Filwaqt li ma huwiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni, ta’ min wieħed jinnota li l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta tipprovdi estimu għal-liberalizzazzjoni tal-isforz amministrattiv fil-livell nazzjonali li jirriżulta mis-simplifikazzjoni u mill-ibbilanċjar mill-ġdid tal-proċessi doganali. Sal-2034, meta mqabblin max-xenarju bażi, l-Istati Membri jkollhom bżonn jagħmlu anqas sforzi fuq il-kompiti partikolari kkonċernati, stmati fir-reġjun ta’ 2000 FTE. Dan ma jimplikax u lanqas ma jirrikjedi li l-Istati Membri jiddeċiedu li jnaqqsu n-numri fid-dwana fid-dawl ta’ dan.
Mill-2028 ’il quddiem jinħeles ukoll b’mod progressiv xi persunal fid-DĠ prinċipali peress li ċerti attivitajiet li qabel kienu jitwettqu taħt il-programm doganali u taħt il-ġestjoni tat-TAXUD jiġu ssostitwiti minn attivitajiet tal-Awtorità.
Titolu III:
|
Titolu III
|
2028
|
2029
|
2030
|
2031
|
2032
|
2033
|
2034
|
Totali
|
|
Kooperazzjoni doganali
|
9,000,000
|
10,000,000
|
10,000,000
|
11,000,000
|
12,000,000
|
13,000,000
|
15,000,000
|
80,000,000
|
|
Indiċjar bi 2 %
|
9,741,889
|
11,040,808
|
11,261,624
|
12,635,542
|
14,059,913
|
15,536,203
|
18,284,916
|
92,560,896
|
In-nefqa operatorja tal-Awtorità Doganali tal-UE tikkonċerna l-kooperazzjoni doganali operazzjonali.
L-Awtorità Doganali tal-UE timmaniġġja wkoll il-kotsijiet taħt arranġament ta’ kontribuzzjoni, għall-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.
Il-linja ta’ Kooperazzjoni Doganali ta’ hawn fuq tkopri l-kostijiet tat-tlaqqigħ ta’ gruppi ta’ ħidma tal-esperti doganali tal-Istati Membri sabiex jikkollaboraw b’mod intensiv fuq temi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, inkluż dwar il-ġestjoni tar-riskju, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ kriterji u ta’ standards komuni tar-riskju u ta’ oqsma ta’ kontroll prijoritarju komuni, it-taħriġ, l-iżvilupp ta’ metodi ta’ ħidma u ta’ gwida fir-rigward ta’ kwistjonijiet tekniċi, l-implimentazzjoni tal-Fiduċja u Verifika, l-iżvilupp ta’ proċessi tan-negozju komuni u l-interoperabbiltà relatati mal-Ispazju tad-Data Doganali tal-UE u l-konnessjoni tiegħu ma’ sistemi oħrajn, eċċ. Tinkludi wkoll it-tlaqqigħ ta’ gruppi multidixxiplinari ta’ esperti f’livelli differenti (settorjali, nazzjonali, internazzjonali) dwar temi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, inklużi t-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet, l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ politika komuni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni u l-elementi tagħhom (inklużi l-istrateġiji ta’ superviżjoni). Il-gruppi organizzati mill-Awtorità Doganali tal-UE se jkunu essenzjali għall-kisba uniformi effettiva tal-unjoni doganali, billi l-biċċa l-kbira tax-xogħol operazzjonali għadha titwettaq “fuq il-post” mill-awtoritajiet nazzjonali.