Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 256 final

2023/0155(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa fis-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri

{SEC(2023) 197 final} - {SWD(2023) 137 final} - {SWD(2023) 138 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

   Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1  . Dak ir-Regolament jistabbilixxi l-ħinijiet massimi tas-sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, il-perjodi minimi tal-pawżi, u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa għas-sewwieqa fis-settur tat-trasport kummerċjali.

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 ikopri żewġ tipi ta’ sewwieqa. L-ewwel tip ta’ sewwieqa huma dawk involuti fit-trasport bit-triq ta’ merkanzija b’vetturi li l-massa massima permissibbli tagħhom taqbeż it-3,5 tunnellati (mill-1 ta’ Lulju 2026, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 se japplika wkoll għal vetturi li l-massa massima permissibbli tagħhom taqbeż it-2,5 tunnellati, meta jkunu involuti f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali jew f’operazzjonijiet ta’ kabotaġġ). It-tieni tip ta’ sewwieqa huma dawk involuti fit-trasport ta’ passiġġieri b’vetturi li jkunu mibnija jew adattati b’mod permanenti biex iġorru aktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq.

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 japplika għall-operaturi tat-trasport bit-triq u għas-sewwieqa tagħhom: (i) irrispettivament minn jekk humiex involuti fit-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija; jew (ii) irrispettivament minn jekk, meta jġorru l-passiġġieri, it-trasport ikunx wieħed regolari jew okkażjonali. Madankollu, is-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri għandu karatteristiċi differenti meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija u t-trasport regolari tal-passiġġieri. Dawk il-karatteristiċi differenti jfissru li s-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri għandu impatt differenti fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa, u għalhekk jeħtieġ adattament tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ applikabbli għalihom.

It-trasport okkażjonali tal-passiġġieri huwa kkaratterizzat b’mod speċjali minn staġjonalità għolja (l-ogħla domanda għal vjaġġi tal-passiġġieri f’ċerti staġuni tas-sena, b’mod partikolari matul il-vaganzi tax-xitwa u tas-sajf). Huwa kkaratterizzat ukoll minn distanzi differenti ta’ sewqan skont l-attivitajiet turistiċi mwettqa mill-passiġġieri, bħal żjarat. Dan ifisser li huwa kkaratterizzat minn distanzi itwal misjuqa fil-bidu u fit-tmiem tat-tour u b’durata iqsar ta’ ħin tas-sewqan fil-post fejn iseħħu l-attivitajiet turistiċi. Is-settur jeħtieġ jakkomoda talbiet raġonevoli tal-passiġġieri mhux ippjanati u imminenti f’termini ta’ waqfiet addizzjonali, bidliet fir-rotot, jew bidliet fl-iskeda. Ġeneralment ikun hemm inqas ħin tas-sewqan milli fit-trasport tal-merkanzija jew f’servizzi regolari tax-xarabank. Is-sewwieqa normalment jorqdu wkoll fil-lukandi, u rari jsuqu billejl. Fl-istess ħin, matul il-ħin tax-xogħol, is-sewwieqa jistgħu jkunu soġġetti għal xi attivitajiet addizzjonali, li spiss jirriżultaw minn interazzjonijiet mal-passiġġieri, pereżempju li jagħtu pariri.

Is-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri ilu jikkontesta l-adegwatezza tar-regoli attwali għal ħafna snin. L-adegwatezza tar-regoli attwali kienet ukoll soġġetta għall-evalwazzjoni ex post tal-2017 tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq 2 bħala parti mill-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT).

Madankollu, meta kienet qiegħda tħejji l-proposta leġiżlattiva wara l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għażlet li l-ewwel tindirizza l-aktar problemi serji tas-sewwieqa involuti fit-trasport tal-merkanzija, bħal perjodi twal ’il bogħod mid-dar u kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ inadegwati. Għalhekk, il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, adottata mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pakkett dwar il-Mobilità I fil-31 ta’ Mejju 2017 3 , ma indirizzatx il-kwistjonijiet partikolari li jiffaċċjaw is-sewwieqa li jaħdmu fit-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ. Madankollu, il-koleġiżlaturi ddiskutew din il-kwistjoni, u meta adottaw ir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , ġie deċiż li jiddaħħal l-Artikolu 8(10) fir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Dak l-Artikolu kien jeħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk jistgħux jiġu adottati regoli aktar xierqa għas-sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali ta’ trasport tal-passiġġieri, kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 5 .

Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa għal din l-inizjattiva 6 kkonfermat li r-regoli attwali ma humiex xierqa sa ċertu punt għas-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri. Il-perjodi ta’ mistrieħ u l-pawżi ta’ spiss ikunu meħtieġa meta s-sewwieqa ma jkollhomx bżonnhom, u b’hekk ma jkunux jistgħu jorganizzaw u jwettqu vjaġġi kif mixtieq mill-klijenti, jew matul perjodi staġunali mimlija attività. Dan jista’ jaffettwa l-introjtu tas-sewwieqa, speċjalment l-introjtu ta’ sewwieqa li jaħdmu għal rashom. Ir-regoli attwali jaffettwaw ukoll b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa, peress li ma jistgħux jieħdu pawżi fi żminijiet konvenjenti u ma jistgħux jimminimizzaw l-iljieli li jqattgħu ’l bogħod mid-dar. Dan min-naħa tiegħu jaffettwa l-livelli ta’ stress u għeja tas-sewwieqa, inaqqas l-attraenza tal-professjoni tas-sewqan u jqiegħed is-sikurezza fit-toroq f’riskju.

Barra minn hekk, bħalissa hemm kundizzjonijiet mhux ekwi bejn il-fornituri ta’ servizzi internazzjonali u domestiċi (nazzjonali) okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri. Dan għaliex is-servizzi okkażjonali li jseħħu fi Stat Membru wieħed biss ma jistgħux japplikaw id-deroga ta’ 12-il jum (jiġifieri l-posponiment tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa sa 12-il perjodu konsekuttivi ta’ 24 siegħa wara perjodu ta’ mistrieħ regolari preċedenti ta’ kull ġimgħa) stabbilita fl-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, kif stabbilit għas-servizzi internazzjonali. Pereżempju, tour fit-tul fil-Ġermanja ma huwiex eliġibbli għad-deroga ta’ 12-il jum, filwaqt li tour bejn il-Belġju u l-Lussemburgu huwa eliġibbli għal dik id-deroga, anke jekk jista’ ma jkunx hemm differenzi bejn dawk iż-żewġ operazzjonijiet f’termini ta’ distanza u durata.

Għal dik ir-raġuni, din il-proposta għandha l-għan li: (i) tiżgura distribuzzjoni aktar flessibbli tal-pawżi u tal-perjodi ta’ mistrieħ; u (ii) tistabbilixxi trattament ugwali bejn l-operazzjonijiet internazzjonali u domestiċi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri. Din ma tintroduċi l-ebda bidla fid-durata minima tal-pawżi jew tal-perjodi ta’ mistrieħ jew fil-ħinijiet massimi tas-sewqan. Għalhekk, din tfittex li tiggarantixxi servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri effiċjenti u ta’ kwalità għolja u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sewqan għas-sewwieqa, b’mod partikolari biex timminimizza l-istress u l-għeja tagħhom.

   Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 hija konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq, u b’mod partikolari mar-regoli rilevanti li jiffurmaw il-qafas tas-suq intern tal-Unjoni għat-trasport bit-triq. B’mod partikolari, din hija konsistenti mar-Regolament (UE) Nru 165/2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq 7 ; mad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq 8 ; u mad-Direttiva 2006/22/KE dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq 9 . Hija konsistenti wkoll mar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank.

   Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 hija konsistenti bis-sħiħ mal-istrateġija għal mobilità sostenibbli u intelliġenti 10 . Dik l-istrateġija titlob li s-settur tat-trasport u s-setturi relatati fil-katina tal-valur – bħall-operaturi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu – jiġu megħjuna biex jirkupraw aħjar mill-pandemija tal-COVID-19 u jsiru aktar reżiljenti filwaqt li jitrawwem ambjent tax-xogħol aktar attraenti għall-ħaddiema tat-trasport. Barra minn hekk, l-inizjattiva hija konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari miżuri biex tiġi żgurata s-sikurezza fit-toroq.

B’mod aktar ġenerali, il-proposta tikkontribwixxi għal wieħed mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li l-UE hija impenjata li timplimenta bħala parti mill-Aġenda 2030, jiġifieri SDG 8 dwar il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi produttivi u x-xogħol deċenti 11 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Bażi ġuridika

Din il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 u għalhekk hija bbażata fuq l-istess bażi ġuridika, jiġifieri l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

   Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 4(2)(g) tat-TFUE, l-Unjoni tikkondividi s-setgħat li tirregola t-trasport mal-Istati Membri. Madankollu, ir-regoli eżistenti jistgħu jiġu emendati biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

Fin-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-problemi identifikati x’aktarx li jippersistu. Tali problemi ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Istati Membri individwalment, minħabba n-natura transfruntiera tagħhom u l-fatt li r-regoli li għandhom jiġu emendati dwar il-pawżi u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa bħalissa huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk hija ġġustifikata azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

   Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati ta’: (i) kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati għas-sewwieqa involuti f’servizzi ta’ trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq; u (ii) kundizzjonijiet mhux ekwi bejn is-servizzi tat-trasport bit-triq għall-passiġġieri domestiċi okkażjonali u s-servizzi tat-trasport bit-triq għall-passiġġieri internazzjonali okkażjonali.

Kif indikat fit-Taqsima 8.1 tal-valutazzjoni tal-impatt, il-proposta timplimenta l-għażla ta’ politika li titqies bħala l-aktar soluzzjoni xierqa u proporzjonata. Din tipprovdi bilanċ bejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ għas-sewwieqa filwaqt li tippermetti li l-operaturi jorganizzaw operazzjonijiet ta’ trasport bl-aktar mod effiċjenti possibbli, u tinforza r-regoli eżistenti b’mod effettiv u konsistenti bejn il-fruntieri.

   Għażla tal-istrument

Billi l-proposta temenda regolament fis-seħħ, l-istrument magħżul huwa wkoll regolament. Minħabba l-għadd limitat ta’ bidliet proposti, ma huwiex meħtieġ jew xieraq li ssir riformulazzjoni tar-Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

   Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 kien soġġett għal evalwazzjoni ex post iffinalizzata fil-31 ta’ Mejju 2017 12 , u mwettqa bħala parti mill-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT).

L-evalwazzjoni ex post essenzjalment ikkonkludiet li xi wħud mir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ jistgħu ma jkunux adattati għas-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri minħabba l-partikolaritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-servizz tiegħu.

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta ssegwi konsultazzjoni komprensiva mal-partijiet ikkonċernati li saret matul l-2021 u l-2022.

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika bejn il-21 ta’ Jannar 2021 u t-18 ta’ Frar 2021 dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu 13 . Total ta’ 87 tweġiba waslu għand l-awtoritajiet pubbliċi, mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija, mit-trade unions, mis-sewwieqa u mill-membri tal-pubbliku. B’mod ġenerali, il-feedback ġibed l-attenzjoni għal problema bir-regoli eżistenti dwar is-servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Sussegwentement, saret konsultazzjoni pubblika miftuħa ta’ 12-il ġimgħa li damet mit-23 ta’ Novembru 2021 sat-18 ta’ Frar 2022, li fiha waslu total ta’ 170 kontribuzzjoni. Inġabret informazzjoni siewja minn dik il-konsultazzjoni dwar l-isfidi li qiegħed jiffaċċja s-settur u l-atturi tiegħu, u dwar il-preferenza ta’ dawk li wieġbu għal miżuri ta’ politika speċifiċi. Matul l-istudju ta’ sostenn imwettaq minn kuntrattur estern, saret konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati biex jinkiseb għarfien speċifiku u dettaljat dwar: (i) kif jopera t-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq; (ii) il-problemi assoċjati mal-leġiżlazzjoni eżistenti; u (iii) l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-miżuri ta’ politika possibbli. Fl-aħħar nett, saru tliet studji tal-każ minn kuntrattur estern, li jiffokaw fuq operaturi żgħar, ta’ daqs medju u kbar fi Stati Membri differenti. Fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni differenti, intalab kontribut speċjalment mit-tipi ta’ partijiet ikkonċernati li ġejjin: l-assoċjazzjonijiet tan-negozju; l-operaturi tax-xarabanks u tal-kowċis; it-trade unions; is-sewwieqa individwali; u l-awtoritajiet pubbliċi.

Il-konsultazzjoni komprensiva żvelat li l-fehmiet dwar ir-regoli attwali u l-bidliet potenzjali għal dawk ir-regoli jvarjaw ħafna – kemm bejn l-impjegaturi kif ukoll bejn l-impjegati, u bejn il-kumpaniji ż-żgħar u l-kumpaniji l-kbar. Fil-biċċa l-kbira, it-trade unions u l-biċċa l-kbira tas-sewwieqa (impjegati) kienu kontra l-introduzzjoni ta’ flessibbiltajiet ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol u għall-perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa tax-xarabanks u tal-kowċis. Dan kien minħabba li ħassew li tali bidliet iwasslu għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu, is-sewwieqa wrew rieda li jappoġġaw xi bidliet fir-regoli, pereżempju dwar: (i) estensjoni tad-deroga ta’ 12-il jum għal vjaġġi okkażjonali domestiċi; u (ii) għalkemm sa ċertu punt inqas, aġġustamenti għar-regoli dwar il-ħinijiet tal-pawżi u l-qsim ta’ pawżi obbligatorji. L-aktar oppożizzjoni qawwija kienet tikkonċerna bidliet fid-distribuzzjoni tal-perjodi ta’ ħin ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa. B’kuntrast għal dan, il-biċċa l-kbira tal-operaturi tax-xarabanks u tal-kowċis u r-rappreżentanti tagħhom jiffavorixxu bidliet estensivi fir-regoli dwar id-distribuzzjoni tal-pawżi u dwar il-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, sabiex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet tas-settur u jiġu akkomodati aħjar il-ħtiġijiet tal-passiġġieri. Il-proposta tqis il-kontribut diverġenti li wasal u għandha l-għan li tikseb bilanċ bejn il-problemi identifikati u l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati.

   Ġbir u użu tal-għarfien espert

Kuntrattur estern għen lill-Kummissjoni billi pproduċa studju 14 biex jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt li tirfed din il-proposta. L-istudju pprovda għarfien siewi lill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar it-tfassil tal-għażliet ta’ politika; il-valutazzjoni tal-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tagħhom; u l-ġbir tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati li ntlaqtu direttament.

   Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt, li rċeviet opinjoni pożittiva b’riżervi mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fis-16 ta’ Diċembru 2022 15 . Il-kummenti ewlenin kollha tal-Bord ġew indirizzati fil-verżjoni riveduta tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt 16 .

Il-valutazzjoni tal-impatt qieset tliet għażliet ta’ politika, li kull waħda minnhom kienet tinkludi sett ta’ miżuri ta’ politika. L-għażliet ta’ politika kienu jvarjaw f’termini ta’: (i) il-flessibbiltà mogħtija lill-pawżi; (ii) il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-posponiment tal-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum; u (iii) il-ħtieġa għal perjodi ta’ mistrieħ adattabbli ta’ kull ġimgħa. Dawn l-għażliet ta’ politika kollha, maħsuba biex japplikaw biss għal operazzjonijiet ta’ trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq, huma ta’ natura leġiżlattiva. L-għażliet jinkludu: (i) adattament limitat għal operazzjonijiet ta’ trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq fl-għażla ta’ politika A; (ii) skemi u arranġamenti aktar flessibbli għall-pawżi u għall-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa fl-għażla C; u (iii) approċċ semi-flessibbli fl-għażla B.

B’mod aktar speċifiku, l-ewwel għażla ta’ politika (“PO A”) tippermetti lis-sewwieqa jaqsmu l-pawżi tagħhom f’perjodi ta’ 30 u 15-il minuta jew f’perjodi ta’ 15-il minuta kull wieħed. Din tippermetti wkoll il-posponiment tal-bidu tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum b’siegħa meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum għal dak il-jum ma jaqbiżx is-7 sigħat, jew posponiment b’sagħtejn meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum ma jaqbiżx il-5 sigħat. Dawn id-derogi jkunu possibbli darba biss matul vjaġġ ta’ 8 ijiem jew aktar. Barra minn hekk, il-PO A tallinja wkoll ir-regoli għas-servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri li jseħħu biss f’pajjiż wieħed mar-regoli għas-servizzi internazzjonali, billi tippermetti l-posponiment tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa wara perjodu ta’ mistrieħ regolari preċedenti ta’ kull ġimgħa (l-hekk imsejħa deroga ta’ tnax-il jum).

It-tieni għażla ta’ politika (“PO B”) tippermetti lis-sewwieqa jaqsmu l-pawżi tagħhom b’mod kompletament flessibbli. Din tippermetti wkoll lis-sewwieqa jipposponu l-bidu tal-perjodu ta’ mistrieħ tagħhom ta’ kuljum b’siegħa meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum għal dak il-jum ma jaqbiżx is-7 sigħat, jew li l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum jiġi pospost b’sagħtejn meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum ma jaqbiżx il-5 sigħat. Dawk id-derogi jkunu possibbli darbtejn biss matul vjaġġ ta’ 8 ijiem jew aktar. Barra minn hekk, il-PO B tagħmilha possibbli għas-sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq li jdumu mill-inqas 8 ijiem biex iqassmu l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tagħhom fuq perjodu ta’ 10 ġimgħat konsekuttivi.

It-tielet għażla ta’ politika (“PO C”) tippermetti wkoll lis-sewwieqa jaqsmu l-pawżi tagħhom b’mod kompletament flessibbli. Din tippermetti wkoll lis-sewwieqa jipposponu l-bidu tal-perjodi ta’ mistrieħ tagħhom ta’ kuljum b’siegħa meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum għal dak il-jum ma jaqbiżx is-7 sigħat, jew li l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum jiġi pospost b’sagħtejn meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum ma jaqbiżx il-5 sigħat. Dawk id-derogi ma jkunux limitati fir-rigward tal-għadd ta’ drabi li jistgħu jiġu applikati matul vjaġġ ta’ 8 ijiem jew aktar. Barra minn hekk, il-PO C tippermetti wkoll li s-servizzi domestiċi għat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri jużaw id-deroga ta’ 12-il jum, iżda l-PO C tneħħi wkoll il-kundizzjoni ta’ “servizz okkażjonali uniku” 17 u l-obbligu li jittieħdu żewġ perjodi ta’ mistrieħ regolari kull ġimgħa wara l-użu tad-deroga ta’ 12-il jum.

L-għażla ppreferuta hija l-PO A, peress li hija meqjusa bħala l-aktar għażla ta’ politika effettiva u l-aktar konsistenti mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan minkejja l-proporzjon kostijiet-benefiċċji tagħha aktar baxx meta mqabbel mal-PO C u mal-PO B. Madankollu, f’termini ta’ bilanċ bejn il-miżuri li jipprovdu aktar flessibbiltà fl-organizzazzjoni ta’ pawżi u perjodi ta’ mistrieħ minn naħa, u ż-żamma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa min-naħa l-oħra, il-PO A titqies bħala aktar proporzjonata minn PO B u PO C.

L-għażla ppreferuta ma taffettwax il-pawżi minimi totali, il-ħinijiet massimi tas-sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, jew il-perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa. Il-miżuri proposti taħt l-għażla ppreferuta jipprevedu biss: (i) il-flessibbiltà fid-distribuzzjoni tal-pawżi u tal-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum; u (ii) l-applikabbiltà tad-deroga ta’ 12-il jum għas-servizzi domestiċi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri.

It-tliet għażliet ta’ politika kollha jwasslu għal benefiċċji netti meta mqabbla mal-linja bażi. Il-benefiċċji netti huma stmati li huma l-ogħla fil-PO C (bejn EUR 171,3 miljun u EUR 242,2 miljun), segwiti minn dawk fil-PO B (bejn EUR 100,4 miljun u EUR 206,8 miljun) u minn dawk fil-PO A (bejn EUR 100,4 miljun u EUR 135,8 miljun). L-iffrankar tal-kostijiet ta’ aġġustament għall-operaturi tax-xarabanks u tal-kowċis fil-PO A huwa stmat li jlaħħaq bejn EUR 106,4 miljun u EUR 141,9 miljun, espress bħala valur preżenti matul il-perjodu tal-2025-2050 meta mqabbel mal-linja bażi. Il-PO B tirriżulta f’iffrankar tal-kostijiet tal-aġġustament ta’ bejn EUR 106,4 miljun u EUR 212,8-il miljun, u l-PO C tirriżulta f’iffrankar tal-kostijiet tal-aġġustament ta’ bejn EUR 177,3 miljun u EUR 248,3 miljun. L-iffrankar tal-kostijiet huwa mistenni li jilħaq l-effett massimu tiegħu fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda u mbagħad jonqos gradwalment maż-żmien, bl-iffrankar li mistenni jkun żero fit-tul (sal-2050) meta mqabbel mal-linja bażi.

Ma kienx possibbli li jiġu kkwantifikati l-impatti soċjali tal-għażla ppreferuta, b’mod partikolari minħabba d-daqs żgħir tas-settur tas-servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri u l-iskarsezza tad-data disponibbli dwar dan is-settur. Għalhekk, kienet possibbli biss valutazzjoni kwalitattiva għall-impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-impatti ambjentali ġew ivvalutati wkoll bħala kemxejn pożittivi iżda ma setgħux jiġu kkwantifikati. Għal dik ir-raġuni, il-proporzjon kostijiet-benefiċċji kkalkolat ma jirriflettix l-impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew fuq l-ambjent, u l-valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi jridu jiġu kkombinati biex ikun possibbli li tintlaħaq fehma kompletament infurmata.

   Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, billi tadatta r-regoli attwali għall-ispeċifiċitajiet tas-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri, se tagħmilha aktar faċli għall-operaturi u għas-sewwieqa biex jorganizzaw servizzi effiċjenti u ta’ kwalità għolja. Dan se jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tan-negozju tagħhom, inkluż permezz ta’ ffrankar tal-kostijiet u offerta mtejba ta’ servizzi. L-iffrankar nett tal-kostijiet għan-negozji skont il-proposta huwa stmat għal bejn EUR 105,8 miljun u EUR 141,3 miljun, espress bħala valur preżenti matul l-2025-2050 meta mqabbel mal-linja bażi. L-SMEs, li għandhom it-tendenza li joperaw b’ġabra limitata ta’ sewwieqa u xarabanks, se jibbenefikaw l-aktar mill-miżuri proposti. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jġarrbu xi kostijiet limitati biex isiru familjari mar-regoli l-ġodda, stmati għal EUR 5,4 miljun, espressi bħala valur preżenti matul il-perjodu 2025-2050 meta mqabbla mal-linja bażi. Fl-istess ħin, huma mistennija impatti pożittivi billi jiġu solvuti d-diffikultajiet attwali ta’ konformità, għalkemm dawn il-benefiċċji ma setgħux jiġu kkwantifikati.

   Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 18 , u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha, li jipprevedi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti. Dan għaliex il-proposta hija mistennija ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa okkażjonali tax-xarabanks u tal-kowċis, billi tippermetti flessibbiltà limitata iżda meħtieġa f’ċerti regoli li jikkonċernaw il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma hija se jkollha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

   Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-applikazzjoni u l-effettività ta’ din l-inizjattiva se jiġu mmonitorjati permezz ta’ taħlita ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali u l-analiżi tad-data mill-organizzazzjonijiet ta’ infurzar tal-UE u mis-sorsi tal-bażi tad-data tal-UE. B’mod partikolari, l-iżviluppi fl-għadd, fit-tipi u fil-frekwenza tal-ksur kontra r-regoli soċjali emendati reċentement se jiġu mmonitorjati u evalwati permezz ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Dan l-Artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa kull sentejn biex il-Kummissjoni tkun tista’ tfassal rapport kull sentejn kemm dwar l-applikazzjoni tar-Regolament kif ukoll dwar l-iżviluppi fil-qasam inkwistjoni. Barra minn hekk, kemm l-impatti ekonomiċi kif ukoll l-impatti fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tas-sewwieqa se jiġu mmonitorjati u evalwati mill-Eurostat u/jew minn stħarriġiet dedikati.

   Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tintroduċi għadd limitat ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 561/2006 kif ġej:

fl-Artikolu 4, il-punt (n) huwa emendat biex jaġġorna r-referenza għar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 19 ;

fl-Artikolu 4, jiddaħħal punt (n)(a) ġdid biex jintroduċi d-definizzjoni meħtieġa ta’ servizzi okkażjonali tal-passiġġieri, kif previst mir-Regolament (KE) Nru 1073/2009, u sabiex jiġi ċċarat li dik id-definizzjoni tkopri kemm is-servizzi nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali;

fl-Artikolu 7, jiżdied paragrafu ġdid li jippermetti lis-sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri jaqsmu l-pawża obbligatorja tagħhom fi tliet pawżi separati ta’ mill-inqas 15-il minuta kull waħda, minbarra l-possibbiltà eżistenti li jaqsmu pawża f’żewġ pawżi separati ta’ 15 u 30 minuta;

fl-Artikolu 8(2), jiżdied paragrafu ġdid li jippermetti lis-sewwieqa involuti f’servizz wieħed okkażjonali tal-passiġġieri li jdum 8 ijiem jew aktar biex jipposponu l-bidu tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum b’siegħa, meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum għal dak il-jum ma jaqbiżx is-7 sigħat, jew biex jipposponu l-bidu tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum b’sagħtejn, meta l-perjodu totali ta’ sewqan ta’ kuljum għal dak il-jum ma jaqbiżx il-5 sigħat. Il-paragrafu l-ġdid jiċċara wkoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati biex japplikaw tali derogi;

fl-Artikolu 8(6)(a), il-frażi introduttorja, kif ukoll il-punt (a), huma emendati biex jestendu l-possibbiltà li l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jiġi pospost għal mhux aktar minn 12-il perjodu konsekuttivi ta’ 24 siegħa, wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, għas-servizzi nazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri.

2023/0155 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa fis-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 21 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għas-sewwieqa u kundizzjonijiet ġusti ta’ negozju għall-impriżi tat-trasport bit-triq huma tal-ogħla importanza għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq effiċjenti, sikur u soċjalment responsabbli, sabiex tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni u biex jiġu attirati ħaddiema kwalifikati. Għalhekk huwa essenzjali li r-regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq ikunu ċari, proporzjonati, xierqa għall-iskop tagħhom, u faċli biex jiġu applikati u infurzati, u implimentati b’mod effettiv u konsistenti fl-Unjoni kollha.

(2)Ir-regoli dwar il-ħinijiet massimi tas-sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq u għas-sewwieqa tagħhom, irrispettivament minn jekk humiex involuti fit-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija jew jekk, fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri, it-trasport huwiex regolari jew okkażjonali.

(3)Madankollu, l-ispeċifiċitajiet tas-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq ma humiex kondiviżi mit-trasport tal-merkanzija bit-triq jew mis-settur tat-trasport regolari tal-passiġġieri bit-triq. It-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq huwa kkaratterizzat minn staġjonalità għolja u tul ta’ ħin differenti mqatta’ fuq sewqan li jiddependi fuq l-attivitajiet turistiċi li jwettqu l-passiġġieri. Jeħtieġ li jakkomoda talbiet mhux skedati u għal għarrieda mingħand il-passiġġieri f’termini ta’ waqfiet addizzjonali u bidliet fir-rotta jew fl-iskeda, kull fejn ikun fattibbli. It-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq ġeneralment jinvolvi inqas ħin tas-sewqan meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija jew mas-servizzi regolari tax-xarabank. Barra minn hekk, is-sewwieqa normalment jorqdu fil-lukandi, u rari jsuqu billejl. Min-naħa l-oħra, is-sewwieqa matul il-ħin tax-xogħol jistgħu jkunu soġġetti għal xi attivitajiet addizzjonali, li spiss jirriżultaw minn interazzjonijiet mal-passiġġieri.

(4)L-evalwazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 ikkonkludiet li xi wħud mir-regoli uniformi relatati mal-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ma jissodisfawx l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Valutazzjonijiet ulterjuri mwettqa mill-Kummissjoni f’dak ir-rigward urew li wħud mir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa la huma xierqa u lanqas prattiċi għas-sewwieqa u għall-operaturi involuti fit-trasport okkażjonali bit-triq tal-passiġġieri, peress li għandhom impatt negattiv fuq il-kapaċità li jiġu organizzati servizzi tal-passiġġieri okkażjonali effiċjenti u ta’ kwalità għolja, fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa, u konsegwentement fuq is-sikurezza fit-toroq.

(5)Għalhekk, huwa xieraq li r-rekwiżiti dwar il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ jiġu adattati wkoll, għar-rekwiżiti speċifiċi tas-servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Huwa xieraq ukoll li jiġu allinjati r-regoli applikabbli għas-servizzi nazzjonali u internazzjonali okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq.

(6)Ir-regoli aktar flessibbli fl-iskedar tal-pawżi u tal-perjodi ta’ mistrieħ tas-sewwieqa involuti fis-servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq jenħtieġ li bl-ebda mod ma jipperikolaw is-sikurezza tas-sewwieqa, ma jipperikolaw is-sikurezza fit-toroq, ma jżidu l-livell ta’ għeja tas-sewwieqa jew iwasslu għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, tali flessibbiltà jenħtieġ li ma tibdilx ir-regoli attwali dwar il-pawżi minimi totali, dwar il-perjodi massimi ta’ sewqan kuljum u fil-ġimgħa u dwar il-ħin massimu ta’ sewqan kull ġimagħtejn.

(7)Sabiex tiġi żgurata d-definizzjoni uniformi tas-servizzi okkażjonali tal-passiġġieri, jeħtieġ li jiġi ċċarat li d-definizzjoni stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 tkopri kemm is-servizzi nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali. Huwa xieraq ukoll li tiġi aġġornata r-referenza għar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, li ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 24 .

(8)Aktar flessibbiltà fl-iskedar ta’ pawżi għal sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq jenħtieġ li ma tipprevjenix lil dawk is-sewwieqa milli jieħdu pawżi tad-durata minima meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jistrieħu kif suppost. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita durata minima għal kull pawża. Għaldaqstant, is-sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq jenħtieġ li jitħallew jaqsmu l-pawża obbligatorja tagħhom fi tliet pawżi separati ta’ mill-inqas 15-il minuta kull waħda, minbarra l-possibbiltà l-oħra li jaqsmu pawża.

(9)Sabiex jiġi żgurat li flessibbiltà akbar fl-iskedar tal-perjodi ta’ mistrieħ tas-sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq ma tiġix abbużata, huwa essenzjali li jiġi ddefinit b’mod ċar l-ambitu ta’ tali flessibbiltà u wkoll li jiġu previsti kontrolli xierqa. Għalhekk, is-sewwieqa jenħtieġ li jkunu jistgħu jipposponu l-bidu tal-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum tagħhom għal perjodu massimu ta’ siegħa jew sagħtejn, f’każijiet fejn il-perjodu ta’ sewqan għal dak il-jum ma jkunx qabeż il-5 jew is-7 sigħat rispettivament, u jenħtieġ li jipposponu l-bidu biss meta jwettqu vjaġġi ta’ 8 ijiem jew aktar. Tali flessibbiltà jenħtieġ li tiġi limitata ulterjorment għal waħda biss minn kull deroga matul il-perjodu tat-tour. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tali ċirkostanzi jiġu kkontroverifikati b’kopja stampata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew mill-iskeda tax-xift, minbarra r-rekords tat-takografu.

(10)Il-limitazzjoni tal-possibbiltà li l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jiġi pospost għal massimu ta’ 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa esklużivament għal servizzi internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri għandha impatt negattiv f’termini ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u ġusta bejn l-operaturi, speċjalment bejn l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Is-servizzi nazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri jistgħu jipprovdu wkoll is-servizzi tagħhom bl-istess kundizzjonijiet tas-servizzi internazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri f’termini tad-distanza vvjaġġata jew id-durata jew is-servizzi mogħtija lill-passiġġieri. Għalhekk, is-servizzi nazzjonali okkażjonali tal-passiġġieri jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll minn tali possibbiltà.

(11)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza fit-toroq permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa involuti f’servizzi okkażjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minflok, minħabba n-natura tal-objettivi, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(12)Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (n) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(n) ‘servizzi regolari tal-passiġġieri’ tfisser servizzi nazzjonali u internazzjonali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punti 2 u 3, tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

_______

* Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).”;

(b)jiddaħħal il-punt (na) li ġej:

“(na) ‘servizzi okkażjonali tal-passiġġieri’ tfisser servizzi okkażjonali nazzjonali u internazzjonali kif iddefiniti fl-Artikolu 2, il-punt 4, tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;”;

(2)fl-Artikolu 7, jiżdied ir-raba’ paragrafu li ġej:

“Għal sewwieq involut f’servizz okkażjonali tal-passiġġieri, il-pawża msemmija fl-ewwel paragrafu tista’ tiġi sostitwita wkoll bi tliet pawżi ta’ mill-inqas 15-il minuta kull waħda, imqassma matul il-perjodu ta’ sewqan imsemmi fl-ewwel paragrafu, b’tali mod li jkun hemm konformità mal-ewwel paragrafu.”;

(3)L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Sakemm is-sikurezza fit-toroq ma tkunx b’hekk ipperikolata, sewwieq involut f’servizz okkażjonali tal-passiġġieri b’durata ta’ mill-inqas 8 ijiem jista’ jidderoga mill-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, bil-modi li ġejjin:

(a) il-posponiment tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum b’mhux aktar minn siegħa, diment li l-ħin ta’ sewqan akkumulat totali għal dak il-jum ma jkunx qabeż is-7 sigħat;

(b) il-posponiment tal-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum b’mhux aktar minn sagħtejn, diment li l-ħin ta’ sewqan akkumulat totali għal dak il-jum ma jkunx qabeż il-5 sigħat.

Kull waħda mid-derogi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), tista’ tintuża darba biss matul il-vjaġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Is-sewwieq għandu jindika r-raġuni għal tali deroga, manwalment fuq il-folja ta’ reġistrazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni, fuq karta stampata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fl-iskeda tax-xift, mhux aktar tard minn meta jasal fid-destinazzjoni jew il-post ta’ waqfien adattat.”;

(b) fil-paragrafu 6a, il-frażi introduttorja u l-punt (a) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“B’deroga mill-paragrafu 6, sewwieq involut f’servizz wieħed okkażjonali tal-passiġġieri jista’ jipposponi l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa wara perjodu ta’ mistrieħ regolari preċedenti ta’ kull ġimgħa, diment li:

(a) is-servizz idum mill-inqas 24 siegħa konsekuttivi;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
(2)    SWD(2017)184 final, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017SC0184 .
(3)    COM(2017) 277 final.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 1).
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).
(6)    SWD(2023)137 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).
(8)    Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).
(9)    Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u (KEE) 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).
(10)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur, adottata fid-9 ta’ Diċembru 2020 (COM/2020/789 final).
(11)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà, adottata fit-22 ta’ Novembru 2016 (COM (2016) 739 final).
(12)    SWD(2017)184 final.
(13)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12488-Bus-and-coach-drivers-EU-rules-on-driving-and-rest-times_mt .
(14)    https://op.europa.eu/s/yEMl
(15)    SEC(2023)197 final. 
(16)    SWD(2023)137 final.
(17)    Servizz okkażjonali wieħed fil-kuntest tal-Artikolu 8(6a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tfisser li s-sewwieqa jistgħu jagħmlu tour wieħed biss fi żmien 12-il jum sabiex jitħallew jipposponu l-perjodu ta’ mistrieħ tagħhom ta’ kull ġimgħa sa tmiem it-tnax-il jum.
(18)    ĠU C 326, 26.10.2012, p. 2.
(19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta’ Marzu 1992 dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1).
(20)    ĠU C , , p. .
(21)    ĠU C , , p. .
(22)    Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
(23)    Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).
(24)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta’ Marzu 1992 dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1).