Brussell, 11.5.2023

COM(2023) 244 final

2023/0143(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-Direttiva (UE) 2016/680 1 (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data - LED) daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016 u l-Istati Membru kellhom sas-6 ta’ Mejju 2018 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Din ħassret u ssostitwixxiet id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 2 , iżda hija strument ferm aktar komprensiv u ġenerali f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tad-data personali. Prinċipalment tapplika għall-ipproċessar domestiku kif ukoll għall-ipproċessar transfruntier tad-data personali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika (l-Artikolu 1(1)).

L-Artikolu 62(6) tal-LED jirrikjedi li, sas-6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni tirrieżamina atti legali tal-UE oħra li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinjahom mal-LED u fejn ikun xieraq tagħmel proposti biex temendahom biex tiżgura konsistenza fil-protezzjoni tad-data personali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-LED.

Il-Kummissjoni stabbiliet ir-riżultati tar-rieżami tagħha f’Komunikazzjoni dwar it-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data (24 ta’ Ġunju 2020) 3 , li tispeċifika għaxar atti legali li jenħtieġ li jiġu allinjati mal-LED. Il-lista tinkludi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali 4 .

Il-proposta għandha l-għan li tallinja r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti fl-LED, sabiex tipprovdi qafas b’saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (Customs Information System, CIS) li nħolqot bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI hija sistema ta’ informazzjoni awtomatizzata għal finijiet doganali, li għandha l-għan li tassisti fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ksur serju tal-liġijiet nazzjonali billi ddum anqas biex tagħti l-informazzjoni u żżid l-effettività tal-amministrazzjonijiet doganali. Il-proposta għandha l-għan li tallinja r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti fl-LED, sabiex tipprovdi qafas b’saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

mhix applikabbli

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom hija dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li huwa l-aktar bażi ġuridika xierqa peress li kemm l-objettiv kif ukoll is-sustanza tal-emenda proposta huma limitati b’mod ċar għall-protezzjoni tad-data personali.

L-Artikolu 16(2) TFUE jippermetti l-adattament tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. Jippermetti wkoll l-adottar ta’ regoli dwar il-moviment liberu ta’ data personali, inkluż għal skambji ta’ data personali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti fl-UE.

Skont l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix marbuta bir-regoli stabbiliti abbażi tal-Artikolu 16 tat-TFUE li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew 5 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE. Għalhekk, id-Danimarka mhux ser tkun marbuta bir-Regolament propost issa u ser tkompli tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill kif inhi llum, jiġifieri, mingħajr l-emendi proposti issa.

Dan jimplika, fost l-oħrajn, li l-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta msemmija fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tkompli teżisti formalment fir-rigward tad-Danimarka biss. Fl-istess ħin, minħabba t-tħassir propost ta’ dak l-Artikolu u l-emenda proposta għall-Artikolu 26 li tintroduċi l-mudell ta’ superviżjoni koordinata stabbilit fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-eżistenza msemmija ma għandha l-ebda effett fuq l-Istati Membri l-oħra jew tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali fiha nnifisha. Peress li din il-proposta hija limitata għall-allinjament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill mal-LED, dan l-eżitu huwa konsegwenza inevitabbli tal-eżerċizzju ta’ allinjament li huwa meħtieġ skont l-LED u r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Protokoll Nru 22. Il-Kummissjoni se tirrieżamina din il-kwistjoni fil-futur, meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ valutazzjoni usa’ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Irlanda ma hijiex marbuta b’regoli stabbiliti abbażi tal-Artikolu 16 TFUE, meta l-Irlanda ma tkunx marbuta bir-regoli li jirregolaw il-forom ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jew ta’ kooperazzjoni tal-pulizija li jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi tal-Artikolu 16. Peress li l-Irlanda tipparteċipa fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI hija se tieħu sehem ukoll fl-adozzjoni ta’ din il-proposta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Is-suġġett ta’ dan ir-Regolament jaqa’ fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għaliex hija biss l-Unjoni li tista’ tadotta regoli li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. L-Unjoni biss tista’ tallinja l-atti tal-UE mar-regoli stabbiliti fl-LED. Għaldaqstant hija biss l-Unjoni li tista’ tadotta att leġiżlattiv li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI.

Proporzjonalità

Il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tiġi allinjata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (LED) mingħajr ma ssir ebda bidla fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Għażla tal-istrument

Il-proposta għandha l-għan li temenda Deċiżjoni tal-Kunsill, li ġiet adottata qabel id-dħul 
fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI li jistabbilixxu s-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali u jistipulaw ir-regoli għat-tħaddim u l-użu tas-sistema huma applikabbli direttament.

Għaldaqstant, l-aħjar strument biex tiġi emendata din id-Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(2) tat-TFUE huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta ssegwi r-riżultati tar-rieżami tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(6) tal-LED li ġew ippreżentati fil-Komunikazzjoni dwar it-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-2020. Din il-Komunikazzjoni telenka sitt punti speċifiċi li fuqhom irid isir l-allinjament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI mal-LED, jiġifieri:

Fir-rigward tal- “ksur serju” li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill;

Jiċċaraw il-kundizzjonijiet għall-ġbir u r-reġistrazzjoni tad-data personali u jirrikjedu li d-data personali tista’ tiddaħħal fis-CIS biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, b’mod partikolari abbażi ta’ attivitajiet illegali preċedenti, li jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata tkun wettqet, qiegħda twettaq jew se twettaq reat kriminali;

Tipprevedi rekwiżiti addizzjonali relatati mas-sigurtà tal-ipproċessar, tallinja l-lista tal-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa mal-Artikolu 29 tal-LED jiġifieri billi żżid rekwiżiti rigward l-irkupru, l-affidabbiltà u l-integrità tas-sistema;

Tirrestrinġi l-ipproċessar sussegwenti ta’ data personali rreġistrata fis-CIS għal finijiet oħra għajr dawk li tkun inġabret id-data personali tagħhom, sabiex dan ikun jista’ jseħħ biss skont il-kundizzjonijiet previsti fl-LED;

Tpoġġi l-ipproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/JHA soġġett għall-mudell ta’ superviżjoni koordinata stabbilit fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 5 . Id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-uniku att legali li jipprevedi li s-superviżjoni tal-ipproċessar ta’ data personali ssir mill-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta li issa ma għadhiex valida;

Taġġorna r-referenza ġenerali għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA mar-referenza għall-applikabbiltà tal-LED. Jenħtieġ li kwalunkwe dispożizzjoni li tikkoinċidi mal-LED (bħad-definizzjonijiet jew id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data jew id-disponibbiltà ta’ rimedju u responsabbiltà ġudizzjarju ) titħassar bħala skaduta u obsoleta. Ir-referenzi għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI jenħtieġ li jiġu aġġornati b’referenzi korrispondenti speċifiċi għal-LED.

Il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-punti ta’ hawn fuq.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fir-rieżami tagħha skont l-Artikolu 62(6) tal-LED, il-Kummissjoni qieset studju li sar bħala parti mill-proġett pilota dwar “rieżami tad-drittijiet fundamentali tal-istrumenti u l-programmi tal-UE għall-ġbir tad-data 6 . L-istudju mmappja l-atti tal-Unjoni koperti mill-Artikolu 62(6) tal-LED u identifika dispożizzjonijiet li potenzjalment jeħtieġu allinjament dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data.

Valutazzjoni tal-impatt

L-impatt ta’ din il-proposta huwa limitat għall-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti f’każijiet speċifiċi regolati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI. L-impatt tal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mil-LED ġie vvalutat fil-kuntest tal-ħidma preparatorja għal-LED. Għaldaqstant mhix meħtieġa valutazzjoni tal-impatt speċifika għal din il-proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta mhijiex parti mill-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT).

Drittijiet fundamentali

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 tat-TFUE. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 7 , id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex assolut, iżda jrid jiġi kkunsidrat f’relazzjoni mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà 8 . Il-protezzjoni tad-data hi marbuta mill-qrib mar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja li huwa mħares mill-Artikolu 7 tal-Karta.

Din il-proposta tiżgura li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI huwa soġġett għall-prinċipji u r-regoli “orizzontali” tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’hekk tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Karta. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali. Billi tiċċara li japplikaw r-regoli tal-LED u tispeċifika kif japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser ikollha impatt pożittiv fir-rigward tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jidentifika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI li jeħtieġ li jiġu emendati abbażi tar-rieżami li sar mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(6) tal-LED u li ġie ppreżentat fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2020. Dawn id-dispożizzjonijiet huma kif ġej:

·L-Artikolu 1 — Il-paragrafu 2 huwa emendat biex jissostitwixxi l-kunċett ta’ “ksur serju tal-liġijiet nazzjonali” bir-referenza għal “reati kriminali skont il-liġijiet nazzjonali”, sabiex tiżdied iċ-ċarezza filwaqt li jiġi allinjat mal-LED.

·L-Artikolu 2 — Il-punt 2 dwar id-definizzjoni ta’ “data personali” jitħassar peress li tapplika d-definizzjoni ta’ data personali li hija definita fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tal-LED.

·L-Artikolu 3 — Il-paragrafu 2 huwa emendat biex jiċċara r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tad-data personali. Ġiet introdotta wkoll premessa għal dan l-għan.

·Artikolu 4 — Il-paragrafu 5 huwa aġġornat biex jissostitwixxi r-referenza għal-lista ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali li ma jistgħux jiddaħħlu fis-sistema skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI b’referenza għal-lista korrispondenti skont l-LED.

·L-Artikolu 5 – Il-paragrafu 2 huwa aġġornat biex jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet għall-ġbir u r-reġistrazzjoni tad-data personali u biex jirrikjedi li d-data personali tista’ tiddaħħal fis-CIS jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biss, b’mod partikolari abbażi ta’ attivitajiet illegali preċedenti, li jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata tkun wettqet, qiegħda twettaq jew tkun se twettaq reat kriminali.

·Artikolu 7 — Il-paragrafu 3 huwa aġġornat biex jiċċara li l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-CIS min-naħa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali jista’ jkun permess skont l-LED.

·Artikolu 8 — Il-paragrafu 1 huwa aġġornat biex jirrestrinġi l-ipproċessar sussegwenti ta’ data personali li tiġi rreġistrata fis-CIS, f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop skont l-LED. Barra minn hekk jiċċara l-kundizzjonijiet li fihom id-data mhux personali tista’ tiġi pproċessata għal finijiet oħra. Il-paragrafu 4 huwa abbozzat mill-ġdid biex jiċċara l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jsiru t-trażmissjonijiet u t-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali u data mhux personali.

·L-Artikolu 14 dwar iż-żamma ta’ data personali huwa aġġornat sabiex jiġi introdott perjodu massimu ta’ żamma f’konformità mal-Artikolu 4(1)(e) tal-LED u l-proċedura preċedenti tiġi ssimplifikata. Ġiet introdotta wkoll premessa li tagħti aktar spjegazzjonijiet dwar ir-raġunament ta’ dan l-aġġornament.

·L-Artikolu 15 — Il-paragrafu 3 huwa sostitwit biex jiġi il-kunċett ta’ “ksur serju tal-liġijiet nazzjonali” jiġi allinjat mar-referenza għal “reati kriminali skont il-liġijiet nazzjonali”, kif ġie introdott fil-Paragrafu 2 il-ġdid tal-Artikolu 1.

·Artikolu 20 — Dan l-artikolu huwa sostitwit biex jaġġorna r-referenza ġenerali għad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI b’referenza għal-LED.

·L-Artikolu 22 dwar id-drittijiet ta’ aċċess, rettifika, tħassir jew imblukkar jitħassar għaliex huwa skadut u obsolet.

·L-Artikolu 23 dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data fil-livell nazzjonali jitħassar għaliex huwa skadut u obsolet.

·L-Artikolu 24 dwar il-ħatra ta’ awtorità jew awtoritajiet superviżorji nazzjonali jitħassar għaliex huwa skadut u obsolet.

·L-Artikolu 25 dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta jitħassar għaliex huwa skadut u obsolet.

·L-Artikolu 26 — Dan l-artikolu huwa aġġornat biex l-ipproċessar tad-data personali jkun soġġett għall-mudell ta’ superviżjoni koordinata stabbilit fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

·L-Artikolu 28 – Il-paragrafu 2 huwa emendat biex jipprovdi rekwiżiti addizzjonali relatati mas-sigurtà tal-ipproċessar, jallinja l-lista tal-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa mal-Artikolu 29 tal-LED jiġifieri billi jżid rekwiżiti rigward l-irkupru, l-affidabbiltà u l-integrità tas-sistema.

·Artikolu 30 — Il-paragrafu 1 jitħassar għaliex huwa skadut u obsolet.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2023/0143 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 tipprevedi regoli armonizzati għall-protezzjoni u għall-moviment liberu ta’ data personali pproċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. Dik id-Direttiva tirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina atti rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni sabiex tivvaluta l-ħtieġa li tallinjahom ma’ dik id-Direttiva, u fejn meħtieġ tagħmel il-proposti biex temenda dawk l-atti biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI 10 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni għal finijiet doganali tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (CIS) biex tassisti fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ksur serju tal-liġijiet nazzjonali billi tipprovdi informazzjoni aktar malajr u żżid l-effettività tal-amministrazzjonijiet doganali. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi emendata biex tiġi allinjata mad-Direttiva (UE) 2016/680. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni tal-iskop, ikunu limitati għal kategoriji speċifikati ta’ suġġetti ta’ data u kategoriji ta’ data personali, jirrispettaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà tad-data, jinkludu protezzjoni addizzjonali għal kategoriji speċjali ta’ data personali u jirrispettaw il-kundizzjonijiet għall-ipproċessar sussegwenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi inkluża dispożizzjoni dwar il-mudell ta’ superviżjoni koordinata kif ġie introdott mill-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 11 .

(3)B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat approċċ ċar u konsistenti li jiżgura protezzjoni adegwata tad-data personali, it-terminu “ksur serju” jenħtieġ li jiġi sostitwit b’“reati kriminali”, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-fatt li mġiba partikolari hija pprojbita skont il-liġi kriminali ta’ Stat Membru fih innifsu jimplika ċertu livell tas-serjetà tal-ksur. Barra minn hekk, l-objettiv tas-CIS jenħtieġ li jibqa’ limitat għall-assistenza b’rabta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali skont il-liġijiet nazzjonali kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI, jiġifieri, il-liġijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kompetenza tal-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u li għalhekk huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tad-dwana. Għaldaqstant, filwaqt li l-kwalifika bħala reat kriminali hija rekwiżit meħtieġ, dan jfissirx li r-reati kriminali kollha jenħtieġ li jkunu koperti. Bħala eżempju, ir-reati kriminali koperti jinkludu t-traffikar illeċitu tad-drogi, it-traffikar illeċitu tal-armi u l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, minbarra l-introduzzjoni tat-terminu “reati kriminali”, jenħtieġ li din l-emenda ma tinftehimx li taffettwa r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u t-trażmissjoni ta’ lista ta’ reati kriminali skont il-liġijiet nazzjonali li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, dawk ir-rekwiżiti relatati biss mal-iskop partikolari tal-bażi tad-data għall-identifikazzjoni ta’ fajls doganali.

(4)Iridu jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tad-data personali. Il-Kummissjoni titqies bħala l-proċessur u taġixxi f’isem l-awtoritajiet nazzjonali maħtura minn kull Stat Membru, li jitqiesu bħala l-kontrolluri tad-data personali.

(5)Sabiex tiġi żgurata l-aħjar preservazzjoni tad-data filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, il-proċedura li tirregola ż-żamma tad-data personali fis-CIS jenħtieġ li tiġi ssimplifikata billi jitneħħa l-obbligu li d-data tiġi rieżaminata kull sena u billi jiġi stabbilit perjodu massimu ta’ żamma ta’ ħames snin li jista’ jiżdied, soġġett għal ġustifikazzjoni, b’perjodu addizzjonali ta’ sentejn. Dak il-perjodu ta’ żamma huwa meħtieġ u proporzjonat fid-dawl tat-tul tipiku tal-proċedimenti kriminali u l-ħtieġa tad-data biex isiru operazzjonijiet doganali konġunti u investigazzjonijiet.

(6)F’konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, l-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fi XX/XX/202X.

(9)Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI hija emendata kif ġej:

(1)Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-objettiv tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali huwa li tassisti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali skont il-liġijiet nazzjonali, billi tipprovdi informazzjoni aktar malajr, u b’hekk isaħħaħ l-effettività tal-proċeduri ta’ koperazzjoni u ta’ kontroll tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri.”

(2)Il-Paragrafu 2 tal-Artikolu 2 jitħassar b’dan.

(3)Wara l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 3, tiżdied sentenza ġdida kif ġej:

“Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, il-Kummissjoni għandha titqies bħala l-proċessur, skont it-tifsira tal-punt (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, li taġixxi f’isem l-awtoritajiet nazzjonali maħtura minn kull Stat Membru, li għandhom jitqiesu bħala l-kontrolluri tad-data personali.”

(4)Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Fl-ebda każ m’għandha tiddaħħal data personali msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali data personali.”

(5)Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Għall-fini tal-azzjonijiet msemmijin fil-paragrafu 1, id-data personali li taqa’ fi kwalunkwe waħda mill-kategoriji msemmijin fl-Artikolu 3(1) tista’ tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali biss jekk ikun hemm bażi raġonevoli, b’mod partikolari abbażi ta’ attivitajiet illegali preċedenti, li jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata wettqet, qiegħda twettaq, jew se twettaq ksur serju tal-liġijiet nazzjonali.”

(6)Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, b’mod eċċezzjonali l-Kunsill jista’, b’deċiżjoni unanima u wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jippermetti aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali, dment li jintlaħqu ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-aċċess jikkonforma mal-prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta’ data personali stabbiliti fl-Artikolu 35 jew, fejn applikabbli, l-Artikolu 39 tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(b)l-aċċess ikun ibbażat jew fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza adottata skont l-Artikolu 36 ta’ dik id-Direttiva jew ikun soġġett għal salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37 tagħha.”

(7)Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri, il-Europol u l-Eurojust jistgħu jipproċessaw data personali miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali biss f’dawk il-każi biex jintlaħaq l-għan iddikjarat fl-Artikolu 1(2), f’konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

L-Istati Membri, il-Europol u l-Eurojust jistgħu jipproċessaw data mhux personali miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat fl-Artikolu 1(2) jew għal finijiet oħra, inklużi dawk amministrattivi, f’konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni imposta mill-Istat Membru li jkun daħħal id-data mhux personali f’dik is-sistema.”

(8)Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Id-data personali miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali tista’, bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat Membru li jkun daħħal dik id-data f’dik is-sistema u f’konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni imposta minnhom, tkun:

(a)tintbagħat lil, u tkompli tiġi pproċessata minn, awtoritajiet nazzjonali minbarra dawk maħtura skont il-paragrafu 2, f’konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali; jew

(b)trasferita lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali, u pproċessat ulterjorment minnhom f’konformità mal-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680 u, fejn rilevanti, mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Data mhux personali miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali tista’ tiġi trasferita lill-awtoritajiet nazzjonali minbarra dawk maħtura taħt il-paragrafu 2, pajjiżi terzi, u organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali u tiġi pproċessata ulterjorment minnhom, f’konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni imposta mill-Istat Membru li jkun daħħal id-data mhux personali f’dik is-sistema.”

(9)L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-data personali mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tinżamm biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 1(2) u ma tistax tinżamm għal aktar minn ħames snin. Madankollu, b’mod eċċezzjonali, dik id-data tista’ tinżamm għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sentejn, fejn u sa fejn dan ikun meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan hija stabbilita f’każ individwali.

(10)Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Għall-finijiet tal-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Europol, il-Eurojust u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 lista ta’reati kriminali fil-liġijiet nazzjonali.

Din il-lista għandha tinkludi biss dawk ir-reati kriminali punibbli:

(a)b’caħda tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ tul massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar; jew

(b)b’multa ta’ mill-inqas EUR 15 000.”

(11)L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-Direttiva (UE) 2016/680 għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali skont din id-Deċiżjoni.”

(12)L-Artikoli 22, 23, 24 u 25 jitħassru b’dan.

(13)L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tiġi żgurata superviżjoni koordinata fost l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.”

(14)Fl-Artikolu 28(2) għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)    biex jiġi żgurat li s-sistemi installati jkunu jistgħu jiġu rkuprati fil-każ ta’ interruzzjoni;

(j)    biex jiġi żgurat li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu, li s-sejbien ta’ żbalji fil-funzjonijiet jiġi rrapportat u li d-data personali kkonservata ma tistax tiġi korrotta permezz ta’ funzjonament ħażin tas-sistema.”

(15)Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 30 tħassar b’dan.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(2)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).
(3)    COM(2020) 262 final.
(4)    ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98).
(6)    Il-proġett pilota ġie mitlub mill-Parlament Ewropew, ġie ġestit mill-Kummissjoni u sar minn kuntrattur (grupp ta’ esperti indipendenti). Il-Kummissjoni għażlet il-kuntrattur abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-Parlament. Ir-riżultati tanġibbli tal-proġett jirriflettu l-fehmiet u l-opinjonijiet tal-kuntrattur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fih. Ir-riżultati huma ppubblikati fuq http://www.fondazionebrodolini.it/en/projects/pilot-project-fundamental-rights-review-eu-data-collectioninstruments-and-programmes  
(7)    QĠUE, 9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09 (ECLI:EU:C:2009:284, par. 48).
(8)    F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċitar tad-dritt tal-protezzjoni tad-data huwa suġġett għal limitazzjonijiet previsti mil-liġi, li jirrispettaw l-essenza tad-dritt u l-libertajiet, u (soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità) ikunu meħtieġa u ġenwinament jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
(9)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20).
(11)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).