Strasburgu, 18.4.2023

COM(2023) 229 final

2023/0113(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-emendi proposti għad-Direttiva 2014/59/UE 1 (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD) u għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 2 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR) huma parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-assigurazzjoni tad-depożiti li jinkludi wkoll emendi addizzjonali għal dawk l-atti u għad-Direttiva 2014/49/UE 3 (id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti jew id-DGSD).

Il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet huwa stabbilit sewwa, madankollu, l-episodji reċenti ta’ fallimenti ta’ banek urew li hemm bżonn ta’ titjib. L-għan tar-riforma tas-CMDI huwa li tibni fuq l-objettivi tal-qafas ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u li tiżgura approċċ aktar konsistenti għar-riżoluzzjoni, sabiex kwalunkwe bank fi kriżi jkun jista’ joħroġ mis-suq b’mod ordnat, filwaqt li jiġu ppreservati l-istabbiltà finanzjarja, il-flus tal-kontribwenti u tiġi żgurata l-fiduċja tad-depożitanti. B’mod partikolari, il-qafas ta’ riżoluzzjoni eżistenti għal banek iżgħar u ta’ daqs medju jeħtieġ li jissaħħaħ fir-rigward tat-tfassil, l-implimentazzjoni u, fuq kollox, l-inċentivi għall-applikazzjoni tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi applikat b’mod aktar kredibbli għal dawk il-banek.

Wara l-kriżi finanzjarja globali u tad-dejn sovran, l-UE ħadet azzjonijiet deċiżivi, f’konformità mas-sejħiet internazzjonali għal riforma, biex toħloq settur finanzjarju aktar sikur għas-suq uniku tal-UE. Dan kien jinkludi l-għoti tal-għodod u s-setgħat lill-awtoritajiet biex jimmaniġġjaw il-falliment ta’ kwalunkwe bank b’mod ordnat filwaqt li jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja, il-finanzi pubbliċi u l-protezzjoni tad-depożitanti.

Il-qafas tal-UE ġie rriformat fil-biċċa l-kbira abbażi ta’ standards globali maqbula mas-sħab internazzjonali tal-UE. Dan jikkonsisti f’erba’ testi leġiżlattivi ewlenin tal-UE adottati fl-2013 u fl-2014 li jaġixxu flimkien mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti: Regolament u Direttiva dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet u s-superviżjoni tagħhom (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR 4 ) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD 5 )), il-BRRD u l-SRMR.

Il-pakkett bankarju tal-2019 irreveda l-leġiżlazzjoni billi inkluda miżuri li jwettqu l-impenji tal-UE li saru f’fora internazzjonali 6 biex jittieħdu passi ulterjuri lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja billi jiġu pprovduti miżuri kredibbli għat-tnaqqis tar-riskju biex jiġi mmitigat it-theddid għall-istabbiltà finanzjarja. Ir-reviżjonijiet ewlenin kienu jikkonċernaw (i) l-implimentazzjoni fl-UE tad-“Dokument dwar il-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC)” internazzjonali, ippubblikat mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja fid-9 ta’ Novembru 2015 (l-“istandard tat-TLAC”) 7 , għal banek globali sistemikament importanti, imsemmija fil-leġiżlazzjoni tal-UE bħala istituzzjonijiet globali sistemikament importanti; u (ii) l-emenda tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) stabbilit fil-BRRD u fl-SRMR.

L-objettiv ta’ dawn ir-riformi kien li jiġi żgurat li l-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek, meta dawk il-banek isiru finanzjarjament mhux vijabbli u sussegwentement jitqiegħdu f’riżoluzzjoni, iseħħu permezz ta’ mezzi privati. Ir-reviżjoni ċċarat ukoll l-applikazzjoni tal-MREL fil-livell tas-sussidjarji fi ħdan il-gruppi bankarji billi introduċiet il-kunċett ta’ “MREL intern” f’konformità ma’ kunċett simili inkluż fl-istandard tat-TLAC. Dawn ir-rekwiżiti għandhom l-għan li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti interni bejn l-entitajiet tal-grupp għat-trasferiment tat-telf mill-entitajiet tal-grupp lill-entità ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri tipikament l-impriża prinċipali, mingħajr ma l-entitajiet tal-grupp jitqiegħdu f’riżoluzzjoni formali, li potenzjalment jista’ jkollha effetti ta’ tfixkil fuq is-suq. Biex jimplimentaw dan il-mekkaniżmu, l-entitajiet tal-grupp huma meħtieġa, abbażi tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, joħorġu obbligazzjonijiet eliġibbli li għandhom jiġu sottoskritti direttament jew indirettament mill-entità ta’ riżoluzzjoni.

Il-qafas tal-MREL tal-UE ġie emendat ulterjorment bir-Regolament (UE) 2022/2036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , li stabbilixxa metodi għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jintlaħaq l-MREL intern. Abbażi ta’ valutazzjoni teknika mill-EBA skont mandat stabbilit fl-Artikolu 45f(6) tal-BRRD, ir-Regolament introduċa mekkaniżmu ta’ tnaqqis għas-sottoskrizzjonijiet indiretti tal-MREL intern permezz ta’ entitajiet intermedji f’katina ta’ sjieda (jiġifieri bejn is-sussidjarja finali u l-entità ta’ riżoluzzjoni) biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tat-trasferimenti interni tat-telf fil-qafas tal-MREL. B’dan il-mekkaniżmu, imsejjaħ approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ, l-entitajiet intermedji huma meħtieġa jnaqqsu mill-kapaċità proprja tagħhom ta’ MREL intern il-holdings ta’ strumenti eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn entitajiet oħra li jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. It-test jispeċifika wkoll li l-entitajiet intermedji li jikkonformaw mal-MREL intern fuq bażi konsolidata huma eżentati mill-obbligu li jnaqqsu l-holdings tagħhom ta’ strumenti maħruġa mill-entitajiet inklużi fil-konsolidament. Dan l-approċċ kien ippreferut minn approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti fejn l-ammont ta’ tnaqqis meħtieġ mill-entitajiet intermedji jkun limitat minn limitu massimu li jikkorrispondi għal-livell tal-MREL intern tal-entità emittenti li tappartjeni għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

Ir-Regolament (UE) 2022/2036 ta wkoll mandat lill-Kummissjoni biex tirrieżamina l-implimentazzjoni tal-approċċ ta’ tnaqqis għas-sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern fit-tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, biex tivvaluta kwalunkwe konsegwenza potenzjali mhux intenzjonata tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ tnaqqis u tiżgura trattament proporzjonat u kundizzjonijiet ekwi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ktajjen ta’ sjieda li jinkludu kumpanija operattiva bejn kumpanija azzjonarja prinċipali u s-sussidjarji tagħha (“strutturi holdco” meta mqabbla ma’ “strutturi opco”, fejn l-entità prinċipali ma tkunx kumpanija azzjonarja). Il-Kummissjoni ntalbet tivvaluta: (i) il-possibbiltà li tkun permessa l-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata f’sitwazzjonijiet addizzjonali; (ii) it-trattament ta’ entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi li għandhom jiġu stralċjati taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza (“entitajiet ta’ likwidazzjoni”); u (iii) l-adegwatezza tal-limitazzjoni tat-tnaqqis għal ammont ekwivalenti għall-MREL intern tal-entità emittenti.

Abbażi ta’ analiżi tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis introdott fir-Regolament u valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt bl-użu ta’ data pprovduta mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), il-Kummissjoni sabet li emendi mmirati għall-BRRD u għall-SRMR fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ MREL intern u t-trattament tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni huma meħtieġa u xierqa.

L-emendi proposti se jikkontribwixxu għar-riżolvibbiltà tal-banek billi jtejbu l-funzjonament u l-proporzjonalità tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis, u se jiżguraw li dan ma joħloqx kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn strutturi ta’ gruppi bankarji differenti.

Minħabba li d-dispożizzjonijiet korrispondenti diġà huma fis-seħħ u se jsiru applikabbli fl-UE fl-1 ta’ Jannar 2024, l-emendi proposti jeħtieġ li jsiru fil-ħin. Il-ħtieġa ta’ adozzjoni rapida hija amplifikata aktar mill-fatt li l-gruppi bankarji jeħtieġu ċarezza dwar il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis biex jiddeċiedu kif l-aħjar li jipprepożizzjonaw il-kapaċità ta’ MREL intern tagħhom fid-dawl tal-iskadenza ġenerali għall-konformità mal-MREL, stabbilita wkoll fl-1 ta’ Jannar 2024.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tressaq emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti, waqt li taġixxi fuq mandat għall-Kummissjoni biex tivvaluta l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis stabbilit fir-Regolament (UE) 2022/2036, u tagħmlu kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-ġestjoni ta’ kriżijiet bankarji.

Ir-rieżami mmirat tal-SRMR għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament u l-proporzjonalità tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis u jiżgura li ma joħloqx kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn strutturi ta’ gruppi bankarji differenti.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Il-proposta tibni fuq ir-riformi mwettqa wara l-kriżi finanzjarja li wasslet għall-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u l-ġabra unika ta’ regoli għall-banek kollha tal-UE.

Il-proposta tgħin biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE adottata f’dawn l-aħħar għaxar snin biex tiżdied ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju u tiġi żgurata ġestjoni ordnata tal-fallimenti tal-banek. L-għan huwa li s-sistema bankarja ssir aktar robusta u fl-aħħar mill-aħħar jiġi promoss il-finanzjament sostenibbli tal-attività ekonomika fl-UE. Hija konsistenti b’mod sħiħ mal-għanijiet fundamentali tal-UE li tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja, tnaqqas ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti fir-riżoluzzjoni tal-banek, u tippreserva l-fiduċja tad-depożitanti. Dawn l-objettivi jwasslu għal livell għoli ta’ kompetittività u protezzjoni tal-konsumatur.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-istess bażi ġuridika bħal tal-atti leġiżlattivi li qed jiġu emendati.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta għandha l-għan li tissupplimenta u temenda l-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-UE (il-BRRD u l-SRMR), li għalhekk tista’ tintlaħaq l-aħjar fil-livell tal-UE pjuttost milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali differenti. Il-kapaċità tal-Istati Membri li jadottaw miżuri nazzjonali hija limitata, peress li l-BRRD u l-SRMR diġà jirregolaw dawk il-kwistjonijiet, u bidliet fil-livell nazzjonali jkunu f’kunflitt mad-dritt tal-UE attwalment fis-seħħ.

L-emendi proposti huma konformi mal-mandat stabbilit fir-Regolament (UE) 2022/2036 li jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrieżamina l-applikazzjoni tal-qafas. Dawn il-bidliet ikomplu jippromwovu l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti prudenzjali, il-konverġenza tal-prattiki fost l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku kollu għas-servizzi bankarji. Dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Kieku l-UE kellha tieqaf tirregola dawk l-aspetti, is-suq intern għas-servizzi bankarji jsir soġġett għal ġabriet differenti ta’ regoli, li jwassal għal frammentazzjoni u jimmina l-ġabra unika ta’ regoli mibnija reċentement f’dan il-qasam.

Proporzjonalità

L-azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv li tittejjeb l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti tal-UE fir-rigward tal-iżgurar tar-riżolvibbiltà tal-gruppi bankarji u l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn mill-indirizzar ta’ dispożizzjonijiet magħżula fil-qafas prudenzjali tal-UE għall-istituzzjonijiet li jimmiraw esklussivament għal miżuri mmirati biex jiżguraw it-trasferiment bla xkiel tat-telf u tal-kapital fi ħdan il-gruppi ta’ riżoluzzjoni fil-mument tar-riżoluzzjoni permezz ta’ regoli xierqa dwar strumenti eliġibbli għall-MREL intern f’każijiet kumplessi bħal daisy chains. Barra minn hekk, l-emendi proposti huma limitati għal dawk il-kwistjonijiet, li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-marġni ta’ diskrezzjoni eżistenti previst mir-regoli attwali.

Għażla tal-istrument

Il-miżuri jiġu implimentati billi l-BRRD u l-SRMR jiġu emendati permezz ta’ Direttiva. Il-miżuri proposti jirreferu għal jew jiżviluppaw aktar id-dispożizzjonijiet diġà eżistenti f’dawk l-istrumenti relatati mal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet.

Proposta speċifika dwar emendi mmirati għall-qafas tal-MREL hija ġġustifikata fid-dawl tal-urġenza ta’ regoli armonizzati tal-UE qabel id-data ta’ applikazzjoni tal-1 ta’ Jannar 2024 tat-trattament iddedikat fis-CRR għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern.

Fid-dawl tal-għadd limitat ta’ emendi proposti, biex tiġi żgurata diskussjoni konsistenti fil-proċess koleġiżlattiv u l-allinjament sħiħ tal-emendi finali għall-BRRD u għall-SRMR, l-emendi għaż-żewġ atti huma inklużi fi proposta waħda.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din l-inizjattiva taġixxi fuq il-mandat tal-Kummissjoni introdott bir-Regolament (UE) 2022/2036 biex tirrieżamina u tivvaluta l-funzjonament ta’ mekkaniżmu ta’ tnaqqis u tadotta, fejn ikun xieraq, proposta leġiżlattiva biex tindirizza kwalunkwe nuqqas identifikat 9 .

Ir-rieżami huwa bbażat fuq analiżi li tinkludi valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt li tiffoka fuq il-kundizzjonijiet ekwi bejn tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji. Din evalwat l-effetti tar-regoli attwali u analizzat emendi possibbli relatati ma’: (i) il-possibbiltà li l-entitajiet li ma jkunux huma stess entitajiet ta’ riżoluzzjoni jitħallew jikkonformaw mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli fuq bażi konsolidata; (ii) it-trattament, skont ir-regoli li jirregolaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, ta’ entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi li dawn għandhom jiġu stralċjati skont proċedimenti normali ta’ insolvenza; u (iii) l-adegwatezza li jiġi limitat l-ammont ta’ tnaqqis meħtieġ skont ir-regoli eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-persunal tal-Kummissjoni kkonsulta lill-Istati Membri dwar l-eżitu tal-analiżi, il-valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis u l-emendi proposti permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni.

Ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet ikkontribwew għat-tħejjija ta’ din il-proposta. Huma pprovdew evidenza ċara tal-ħtieġa li jiġu aġġornati u kkompletati r-regoli attwali sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi tal-qafas filwaqt li jiġu żgurati l-proporzjonalità u kundizzjonijiet ekwi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni bbenefikat mill-appoġġ tal-SRB permezz tal-forniment ta’ data, li nġabret fuq bażi ad hoc permezz ta’ eżerċizzju volontarju direttament minn gruppi bankarji li huma soġġetti għar-regoli eżistenti. Din id-data ġiet kondiviża mal-Kummissjoni fuq bażi aggregata u anonimizzata. Il-kampjun kien magħmul minn għaxar entitajiet intermedji, li jinsabu f’sitt Stati Membri, li huma soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ tnaqqis skont ir-regoli eżistenti. Il-kampjun kien maqsum b’mod ugwali fost entitajiet li jiffurmaw parti mill-istrutturi holdco u ta’ opco u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ibbaża fuq data mill-31 ta’ Diċembru 2021.



Stat Membru

Għadd ta’ entitajiet intermedji parti minn HoldCo

Għadd ta’ entitajiet intermedji parti minn OpCo

L-Awstrija

1

Il-Belġju

1

1

Il-Kroazja

1

Franza

3

L-Irlanda

2

In-Netherlands

1

Total

5

5

Sors: Il-persunal tal-Kummissjoni, abbażi tad-data pprovduta mill-SRB, fil-31 ta’ Diċembru 2021.

Din l-evidenza kwantitattiva ntużat biex jiġi vvalutat kif jaħdem il-qafas ta’ tnaqqis skont ir-regoli eżistenti, jiġu identifikati nuqqasijiet potenzjali u kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi relatati mal-implimentazzjoni tiegħu, u jiġu ttestjati emendi possibbli biex jiġu indirizzati.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta kienet soġġetta għal analiżi li kienet tinkludi valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt li qieset kemm il-feedback riċevut mill-partijiet ikkonċernati kif ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati diversi kunsiderazzjonijiet speċifikati fil-mandat mogħti lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2036.

Valutazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għall-MREL intern

Il-Kummissjoni vvalutat l-eżistenza potenzjali ta’ kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn strutturi differenti ta’ gruppi bankarji taħt il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis attwali.

Skont l-analiżi, l-iskoperturi ta’ entitajiet intermedji li jkunu soġġetti għal tnaqqis skont approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ jikkorrispondu, b’mod aggregat, għal 24,1 % tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju (TREA) u 4,3 % tal-kejl tal-iskopertura totali (TEM) tal-entitajiet intermedji. Madankollu, l-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn strutturi holdco għandhom it-tendenza li jiġu affettwati aktar, b’mod aggregat, meta mqabbla ma’ entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn strutturi opco: it-tnaqqis jirrappreżenta sa 28,1 % kontra 14,3 % tat-TREA, u sa 5 % kontra 2,7 % tat-TEM tal-entitajiet intermedji. Dawn id-differenzi jistgħu jiġu spjegati mill-ammonti ogħla ta’ skoperturi intragrupp fil-livell tal-entitajiet intermedji fil-każ tal-holdcos, li jissarrfu f’ammonti relattivi ogħla ta’ tnaqqis (Tabella 1). Dan huwa kkonfermat ukoll meta jitqiesu l-valuri medji fil-livell tal-banek. Filwaqt li t-tnaqqis jirrappreżenta medja ta’ 12,3 % tat-TREA tal-entitajiet intermedji kollha skont approċċ ibbażat fuq il-holdings sħaħ, dak il-livell jilħaq 14,7 % tat-TREA għall-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn holdcos meta mqabbel ma’ 7,5 % tat-TREA għal dawk li jiffurmaw parti minn opcos (Tabella 2).

Madankollu, din id-differenza strutturali ma hijiex riflessa meta titqies is-sitwazzjoni ta’ solvenza tal-entitajiet intermedji, peress li l-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn holdcos u opcos it-tnejn jiffaċċjaw tnaqqis importanti tas-surplus tal-MREL tagħhom wara l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ tnaqqis. B’mod partikolari, entità intermedja waħda li tifforma parti minn holdco turi defiċit ta’ 2,6 % tat-TREA kontra l-MREL tagħha u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat tagħha (CBR) b’approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ u erba’ entitajiet intermedji oħra baqgħu b’surplus medju tal-MREL ta’ 5,2 % tat-TREA, filwaqt li kienu kollha f’surplus (medja ta’ 6,4 % tat-TREA) mingħajr tnaqqis. Għall-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn opcos, is-surplus medju tal-MREL kontra l-MREL u s-CBR jonqos minn 5,3 % għal 1,7 % tat-TREA, filwaqt li żewġ entitajiet li diġà kienu f’defiċit mingħajr tnaqqis jaraw id-defiċit medju tagħhom jiżdied minn 2,4 % għal 6,1 % tat-TREA (Tabella 3).

L-għażla tal-approċċ ta’ tnaqqis (jiġifieri bbażat fuq il-holdings meta mqabbel ma’ bbażat fuq ir-rekwiżiti) tbiddel id-daqs tal-impatt iżda mhux l-ammont ogħla relattiv ta’ tnaqqis fiż-żewġ tipi ta’ strutturi.

Madankollu, l-effett ta’ dawn il-bidliet se jkun differenti għall-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn holdcos peress li kwalunkwe defiċit jaffettwa direttament il-kapaċità tal-MREL tal-entità ta’ riżoluzzjoni prinċipali (permezz ta’ ħruġ subordinat addizzjonali għas-suq). Fil-fatt, l-istrutturi holdco jistgħu jiffinanzjaw biss dak il-ħruġ permezz ta’ dejn strutturalment subordinat minħabba li tipikament jista’ ma jkollhomx sorsi oħra ta’ finanzjament. Din il-karatteristika speċifika hija msaħħa mill-fatt li l-bank operattiv taħt il-holdco ġeneralment jiċċentralizza l-iskoperturi għall-bqija tal-grupp. Għall-kuntrarju, fl-istrutturi opco, l-entità ta’ riżoluzzjoni tista’ tirrialloka sorsi oħra ta’ finanzjament biex tiffinanzja l-MREL intern tal-entitajiet intermedji tagħha.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset li l-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti mill-istrutturi holdco jistgħu jiġu affettwati b’mod differenti minn strutturi oħra, minħabba l-proporzjon ta’ skoperturi intragrupp (li jistgħu jvarjaw fuq bażi ta’ bank b’bank) u l-konsegwenzi ta’ nuqqas fil-livell tal-entità intermedja. Din l-osservazzjoni tista’ tiġġustifika l-ħtieġa li jiġu esplorati modi possibbli biex il-qafas attwali jsir aktar proporzjonat.

Ġew ivvalutati tliet għażliet ta’ politika possibbli.

(i)L-entitajiet intermedji jitħallew jikkonformaw mal-MREL fuq bażi konsolidata

Ir-regoli attwali ma jimponux tnaqqis fil-livell tal-entità intermedja meta din diġà tkun tikkonforma mal-MREL intern fuq bażi konsolidata, fir-rigward tal-holdings tagħha ta’ strumenti maħruġa minn entitajiet fil-perimetru tal-konsolidament. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-konsolidament jgħolli l-livell tar-rekwiżit sabiex jinqabdu l-iskoperturi (esterni għas-sottogrupp) tal-entitajiet kollha fi ħdan il-perimetru tal-konsolidament. Dan jirrikjedi li l-entitajiet intermedji jkollhom kapaċità suffiċjenti ta’ MREL intern biex jiżguraw li t-telf tagħhom, kif ukoll it-telf tal-entitajiet konsolidati, ikunu jistgħu jiġu upstreamed lill-entità ta’ riżoluzzjoni b’mod effettiv.

Il-BRRD tipprevedi biss żewġ każijiet speċifiċi fejn l-MREL intern jista’ jiġi ssodisfat minn entità mhux ta’ riżoluzzjoni fuq bażi konsolidata: fil-preżenza ta’ eżenzjoni mill-MREL intern (l-Artikolu 45f(4) tal-BRRD) u fil-każ ta’ impriżi prinċipali tal-Unjoni ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 45f(1), it-tieni (2) subparagrafu).

Madankollu, rekwiżit konsolidat jista’ jkun utli biex jinqabdu l-ispeċifiċitajiet ta’ ċerti strutturi bankarji, pereżempju fejn entità intermedja tiċċentralizza b’mod naturali l-iskoperturi intragrupp u, fil-każ ta’ strutturi holdco, tinkanala riżorsi tal-MREL intern prepożizzjonati mill-entità ta’ riżoluzzjoni. L-istabbiliment ta’ MREL intern fuq bażi individwali għal ċerti entitajiet intermedji, bħal dawk li jiffurmaw parti minn strutturi holdco jew ċerti strutturi opco, fil-każ tal-aħħar fejn ir-rekwiżiti prudenzjali jiġu ddeterminati fuq bażi konsolidata, jista’ joħloq artifiċjalment lakuni bejn ir-rekwiżiti ta’, rispettivament, l-entità ta’ riżoluzzjoni u l-entità intermedja, b’din tal-aħħar tkun soġġetta għal tnaqqis. F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ MREL intern fuq bażi konsolidata fil-livell tal-entità intermedja jneħħi l-obbligu tal-entità intermedja li tnaqqas l-iskoperturi marbuta ma’ entitajiet li jiffurmaw parti mis-sottogrupp tagħha, minħabba li l-konsolidament ikollu effett simili għal dak tat-tnaqqis.

Abbażi tad-data analizzata, il-konsolidament iżid b’mod sinifikanti l-ammonti ta’ skopertura tal-entitajiet intermedji li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat l-MREL intern (+23 % tat-TREA u +52 % tat-TEM f’termini aggregati, it-Tabella 1).

L-impatt fuq l-MREL u fuq is-solvenza ma huwiex ċar fuq kull livell u jidher li huwa influwenzat minn konsiderazzjonijiet speċifiċi għall-banek li jistgħu jagħmlu l-konsolidament aktar jew anqas vantaġġuż minn perspettiva ta’ daisy chain. Fil-fatt, meta mqabbel mal-istatus quo (l-ebda tnaqqis), is-surpluses kontra l-MREL ta’ entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn holdcos qed jonqsu b’25 %-40 % minħabba l-konsolidament (minn 9,4 % għal 7,3 % tat-TREA), filwaqt li s-surpluses ta’ entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn opcos jidhru li qed jonqsu ħafna aktar (minn 7,5 % għal 2,7 % tat-TREA).

Għall-istrutturi holdco, l-applikazzjoni tal-konsolidament għandha, bħala medja, impatt aktar baxx fuq is-surpluses tal-MREL mit-tnaqqis skont l-approċċ ibbażat fuq il-holdings sħaħ, iżda tibqa’ aktar penalizzanti mit-tnaqqis skont approċċ ibbażat fuq ir-rekwiżiti.

Id-data turi wkoll li, meta titqies id-differenza bejn approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ u konsolidament, entità intermedja li tkun parti minn struttura ta’ holdco għandha defiċit kontra l-MREL tagħha u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat (CBR), iżda dan id-defiċit jgħib bil-konsolidament. Barra minn hekk, id-defiċit kontra l-MREL tal-entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn opcos li diġà jinsabu f’defiċit qiegħed jew jiżdied jew jonqos skont il-każijiet (Tabella 3).

B’mod ġenerali, il-konsolidament jista’ jkun ta’ benefiċċju għal entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn strutturi holdco. In-nuqqas ta’ effetti ċari fuq l-istrutturi opco, minkejja tnaqqis ġenerali tas-surpluses mingħajr impatt konsistenti fuq il-banek li diġà jinsabu f’defiċit, jista’ jiġi spjegat mill-organizzazzjoni ta’ dawn il-gruppi, fejn il-konsolidament fil-livell ta’ entità intermedja mhux neċessarjament ikun rilevanti fil-każijiet kollha. Meta jiġi applikat b’mod indistint, il-konsolidament jista’ għalhekk ikollu effetti negattivi aktar sinifikanti fuq il-banek li jiffurmaw parti minn strutturi opco mit-tnaqqis skont l-approċċ ibbażat fuq il-holdings sħaħ. Madankollu, il-konsolidament jista’ jkun mezz biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-istrutturi holdco u tal-istrutturi opco meta r-rekwiżiti prudenzjali jkunu diġà stabbiliti fuq bażi konsolidata fil-livell tal-entità intermedja.

(ii)L-entitajiet ta’ likwidazzjoni jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis

Skont il-qafas attwali, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni huma soġġetti għal rekwiżit ta’ MREL intern u, b’riżultat ta’ dan, jinqabdu wkoll mill-mekkaniżmu ta’ tnaqqis meta jkunu parti minn daisy chain. Dan jista’ jkun prudenti żżejjed, peress li ma hemm l-ebda aspettattiva (dment li l-istrateġija tintgħażel b’mod preċiż) ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti tal-entità ta’ likwidazzjoni u upstreaming tat-telf lill-entità ta’ riżoluzzjoni, permezz tal-entità intermedja, f’każ ta’ falliment. Barra minn hekk, l-impatt tal-inklużjoni tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni fit-tnaqqis tad-daisy chain jista’ jkun materjali għal entitajiet intermedji fi gruppi b’ħafna sussidjarji assenjati għal-likwidazzjoni, speċjalment minħabba l-approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings, li jirrikjedi li l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli kollha tas-sussidjarja finali miżmuma mill-entità intermedja jridu jitnaqqsu.

It-tneħħija tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis skont l-approċċ tad-daisy chain tkun aktar proporzjonata meta wieħed iqis li ma hemmx bżonn ta’ downstream tar-riżorsi għar-rikapitalizzazzjoni tal-entità f’każ ta’ falliment. B’riżultat ta’ dan, l-iskoperturi tal-entitajiet intermedji lejn l-entitajiet ta’ likwidazzjoni ma jkollhomx jitnaqqsu, iżda jiġu ponderati għar-riskju f’konformità mar-regoli applikabbli, li jirrikjedu li l-entità intermedja żżomm fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli biex tkopri t-telf potenzjali fuq dawn l-iskoperturi, iżda sa ċertu punt anqas meta mqabbel ma’ tnaqqis sħiħ. Fil-każijiet fejn l-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni jkunu sinifikanti, dan jista’ jaffettwa l-kapaċità tal-entitajiet intermedji li jittrasferixxu t-telf kollu sal-entità ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, id-data disponibbli turi li l-proporzjon tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni huwa baxx ħafna, speċjalment fl-istrutturi opco 10 (0,3 % tat-TREA b’mod aggregat, it-Tabella 1, u 0,6 % tat-TREA bħala medja, it-Tabella 2), u b’hekk jiġu minimizzati r-riskji identifikati.

B’mod ġenerali, id-data tindika li l-iskoperturi tal-entitajiet intermedji għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni jammontaw b’mod aggregat għal 2 % tat-TREA u għal 0,3 % tat-TEM tal-entitajiet intermedji. Madankollu, dawn il-proporzjonijiet ivarjaw meta jitqies it-tip ta’ struttura tal-grupp: sa 2,6 % tat-TREA u 0,3 % tat-TEM għall-istrutturi holdco meta mqabbel ma’ 0,3 % tat-TREA u 0,1 % tat-TEM għall-istrutturi opco (Tabella 1).

L-ammont ta’ skoperturi (TREA/TEM) skont approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings mingħajr entitajiet ta’ likwidazzjoni huwa naturalment ogħla milli skont approċċ ibbażat fuq il-holdings li jinkludi tnaqqis tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni, iżda jibqa’ taħt il-livelli milħuqa jekk it-tnaqqis kien limitat skont approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti.

Fil-fatt, it-tneħħija tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni mit-tnaqqis għandha effett pożittiv fuq l-ammont totali ta’ tnaqqis mill-entitajiet intermedji b’mod ġenerali, iżda dan l-effett ma jilħaqx l-istess livell bħat-tnaqqis skont approċċ ibbażat fuq ir-rekwiżiti. Għall-istrutturi holdco, it-tnaqqis skont approċċ ibbażat fuq il-holdings sħaħ jammonta għal 14,7 % tat-TREA, imnaqqas għal 13,2 % tat-TREA jekk l-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni jiġu esklużi, iżda xorta aktar mill-11,1 % tat-TREA milħuqa għat-tnaqqis skont approċċ ibbażat fuq ir-rekwiżiti. Il-klassifikazzjoni u l-proporzjonijiet huma simili għall-opcos (7,5 %, 6,9 % u 6 % rispettivament). B’mod ġenerali, ftit anqas minn nofs id-distanza bejn iż-żewġ approċċi tintlaħaq billi jitneħħew l-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

Madankollu, it-tneħħija tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni jkollha impatti differenti fuq it-tip ta’ strumenti affettwati mit-tnaqqis u fuq l-MREL u l-pożizzjonijiet kapitali wara t-tnaqqis.

L-għadd ta’ entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn strutturi holdco soġġetti għal tnaqqis li jaffettwa entrati għajr l-obbligazzjonijiet eliġibbli (Grad 2, Grad 1 Addizzjonali (AT1), Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1)) jonqos meta jiġu esklużi l-entitajiet ta’ likwidazzjoni, filwaqt li l-effetti jidhru anqas materjali għall-opcos, peress li l-entitajiet intermedji kollha li attwalment inaqqsu minn kategorija ta’ fondi proprji jkomplu jnaqqsu (f’ammonti relattivament simili) minn dawk l-istess kategoriji. Dan huwa spjegat ukoll mill-proporzjon limitat ta’ skoperturi għal entitajiet ta’ likwidazzjoni għal dan it-tip ta’ entità intermedja (Tabella 2).

Meta jitqiesu l-effetti fuq l-MREL u l-proporzjonijiet tal-kapital, it-tneħħija tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni ttejjeb is-sitwazzjoni għal għadd ta’ entitajiet intermedji li kienu f’defiċit fir-rigward ta’ diversi rekwiżiti minħabba l-approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ, billi jitneħħew jew jitnaqqsu dawn id-defiċits b’mod partikolari fi struttura holdco waħda u żewġ strutturi opco 11 . Barra minn hekk, it-tneħħija tal-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni xi drabi twassal għal defiċit aktar baxx meta mqabbel mal-approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti 12 . Madankollu, l-effett jidher limitat meta jitqiesu s-surpluses: dawn huma ogħla skont approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti mill-approċċ ibbażat fuq il-holdings sħaħ bi jew mingħajr entitajiet ta’ likwidazzjoni b’madwar 20-25 %, iżda biss skont ir-rekwiżiti ta’ MREL totali, li juri li l-għażla tal-approċċ ta’ tnaqqis ma taffettwax verament is-CET1, Grad 1 jew il-proporzjonijiet ġenerali tar-rekwiżiti ta’ kapital (Tabella 3).

F’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis ittejjeb il-proporzjonalità tar-rekwiżit, u tirrifletti b’mod aktar korrett l-impatt tat-tnaqqis mingħajr ma taffettwa s-solidità prudenzjali tal-approċċ u mingħajr ma tbiddel materjalment il-bilanċ miksub bir-Regolament. L-impatti ma jidhrux li jxaqilbu lejn struttura partikolari waħda ta’ grupp, meta jitqiesu wkoll il-proporzjonijiet differenti li dawn l-iskoperturi jirrappreżentaw fl-istrutturi holdco u ta’ opco rispettivament.

Tali emenda għalhekk tista’ tiġi applikata għall-gruppi kollha, filwaqt li jiġi nnotat li din issir irrilevanti jekk entità intermedja tikkonforma mal-MREL intern fuq bażi konsolidata (minħabba n-nuqqas ta’ tnaqqis f’dan il-każ).

(iii)Applikazzjoni ta’ limitu massimu fuq il-livell ta’ tnaqqis (approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti)

L-MREL intern jiżgura li t-telf fil-livell ta’ sussidjarja fi grupp ta’ riżoluzzjoni jista’ jiġi ttrasferit b’mod adegwat sal-entità ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma s-sussidjarja titqiegħed f’riżoluzzjoni. L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ tnaqqis għandha l-għan li tippromwovi dan l-assorbiment intern tat-telf billi tiżgura li t-telf ma jibqax maqbud fil-livell ta’ entità intermedja, u jpoġġi f’riskju l-eżekuzzjoni tal-istrateġija tal-grupp.

Approċċ ibbażat fuq ir-rekwiżiti jista’ jdgħajjef ir-riżolvibbiltà tal-grupp, peress li limitu massimu fuq it-tnaqqis li jikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ MREL intern (pjuttost milli l-kapaċità) jista’ jipprevjeni lill-entitajiet intermedji milli jgħaddu b’mod xieraq it-telf kollu lill-entità ta’ riżoluzzjoni, u b’hekk jinħolqu konġestjonijiet possibbli fil-livell tal-entità intermedja billi l-ammont ta’ kapital u obbligazzjonijiet eliġibbli li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun qed tniżżel fil-valur jew tikkonverti f’każ ta’ falliment ta’ sussidjarja ma jiġix limitat bl-ammont tar-rekwiżit ta’ MREL intern rispettiv. B’hekk dan iwassal għal eżitu prudenzjalment anqas sod.

It-tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti jista’ jaffettwa wkoll il-komparabbiltà bejn il-ħruġ dirett u indirett ta’ strumenti mis-sussidjarja lill-entità ta’ riżoluzzjoni, u possibbilment joħloq kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-banek skont l-istruttura organizzazzjonali tagħhom u jmur kontra l-għan inizjali segwit mill-koleġiżlaturi li ma tiġix ippreferuta forma waħda ta’ ħruġ fuq oħra. Fl-aħħar nett, l-approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq ir-rekwiżiti ma jistax jipprevjeni b’mod sħiħ l-għadd doppju tal-kapaċità ta’ MREL intern fil-livell tal-entità intermedja.

Għażla ppreferuta

Meta jitqies l-eżitu tal-għażliet ta’ politika differenti, l-analiżi tikkonkludi li l-approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ adottat fir-Regolament (UE) 2022/2036 għandu jiġi ppreservat. L-emendar tal-approċċ permezz tal-introduzzjoni ta’ limitazzjonijiet għall-ammont ta’ tnaqqis li jikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ MREL intern tas-sussidjarji emittenti jirriżulta f’mekkaniżmu prudenzjalment anqas sod u jnaqqas l-effettività u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis, u joħloq riskji ta’ konġestjonijiet meta jiżdied it-telf fi grupp. Huwa jdgħajjef ukoll il-koerenza tal-qafas peress li bidla bħal din tirrappreżenta devjazzjoni sinifikanti mill-ftehim politiku milħuq mill-koleġiżlaturi fl-2019, kif rifless fil-mandat fdat lill-EBA fl-Artikolu 45f(6) tal-BRRD li tiżgura li s-sottoskrizzjonijiet diretti u indiretti tal-MREL intern ma għandhomx iwasslu għal eżitu differenti.

Madankollu, il-valutazzjoni tikkonkludi wkoll li huwa xieraq u meħtieġ li jiġi aġġustat fil-marġni l-mekkaniżmu biex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem fir-rigward tal-impatt ta’ approċċ ta’ tnaqqis ibbażat fuq il-holdings sħaħ fuq ċerti strutturi ta’ grupp b’mod li jżid il-proporzjonalità u ma jipperikolax it-trasferiment tat-telf u tal-kapital fi ħdan grupp ta’ riżoluzzjoni. F’konformità mal-għażliet ivvalutati fil-valutazzjoni tal-impatt, l-emendi li jilħqu bl-aħjar mod dawn l-objettivi u jtejbu l-koerenza mal-qafas ta’ riżoluzzjoni jikkonsistu minn: (i) li ċerti entitajiet intermedji, jiġifieri entitajiet intermedji li jiffurmaw parti minn strutturi holdco u strutturi opco, fejn ir-rekwiżiti prudenzjali diġà jkunu stabbiliti fuq bażi prudenzjali, ikunu jistgħu jikkonformaw mal-MRELintern fuq bażi konsolidata soġġett għad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni; u (ii) it-tneħħija tal-ħruġ tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis.

Tabella 1: Ammont ta’ skoperturi

Sors: Il-persunal tal-Kummissjoni, abbażi tad-data pprovduta mill-SRB, fil-31 ta’ Diċembru 2021.



Tabella 2: Tnaqqis

Sors: Il-persunal tal-Kummissjoni, abbażi tad-data pprovduta mill-SRB, fil-31 ta’ Diċembru 2021.

Tabella 3: Impatt fuq l-MREL u s-sitwazzjoni ta’ solvenza

Sors: Il-persunal tal-Kummissjoni, abbażi tad-data pprovduta mill-SRB, fil-31 ta’ Diċembru 2021.

Kunsiderazzjonijiet oħra relatati mal-entitajiet ta’ likwidazzjoni

Biex tiġi żgurata l-koerenza mal-bqija tal-qafas, it-tneħħija tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għas-sottoskrizzjoni indiretta tal-MREL intern trid titqies fil-kuntest aktar wiesa’ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BRRD u tal-SRMR applikabbli għal dawn l-entitajiet.

Skont ir-regoli eżistenti fil-BRRD u fl-SRMR, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma meħtieġa jadottaw deċiżjonijiet dwar l-MREL għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti, inklużi l-entitajiet ta’ likwidazzjoni. Il-kalibrazzjoni tar-rekwiżit hija proporzjonata biex jitqies il-fatt li dawn l-entitajiet jiġu stralċjati bi proċedimenti normali ta’ insolvenza, u għalhekk, ir-rekwiżit huwa limitat, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet u soġġett għad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji ta’ dik l-entità (l-ammont ta’ assorbiment tat-telf – l-Artikolu 45c(2), it-tieni subparagrafu, il-BRRD u l-Artikolu 12d(2), it-tieni subparagrafu, l-SRMR). L-unika eċċezzjoni għal dik is-sitwazzjoni tinħoloq f’każijiet fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li l-MREL għandu jaqbeż l-ammont ta’ assorbiment tat-telf, b’mod partikolari minħabba l-impatt possibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja u r-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja (l-Artikolu 45c(2), it-tielet subparagrafu, il-BRRD u l-Artikolu 12d(2), it-tielet subparagrafu, l-SRMR).

Id-determinazzjoni attwali tal-MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni tpoġġi piż sinifikanti fuq l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex joħorġu deċiżjonijiet dwar l-MREL fuq bażi regolari minħabba r-rabta mal-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet, u fuq il-banek biex jiżguraw il-monitoraġġ u l-konformità ma’ rekwiżiti relatati oħra, bħar-reġim ta’ permess minn qabel għas-sejħa, it-tifdija, il-ħlas lura jew ix-xiri mill-ġdid ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli previsti fl-Artikoli 77(2) u 78a tas-CRR. Madankollu, fil-prattika din id-deċiżjoni ftit li xejn tbiddel f’termini tal-istruttura tal-obbligazzjonijiet użati għall-konformità mal-MREL minħabba li l-entità ta’ likwidazzjoni diġà teħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħha billi tuża strumenti ta’ fondi proprji (sakemm l-entità tkun soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali fuq bażi individwali). In-nuqqas ta’ valur miżjud ta’ dawn id-deċiżjonijiet dwar l-MREL, meta jirriflettu r-rekwiżiti ta’ fondi proprji eżistenti, jidher li jitlob bidla fil-leġiżlazzjoni li tneħħi l-obbligu għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jistabbilixxu l-MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni, f’ċirkostanzi speċifiċi.

Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li entità li tifforma parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni, it-tneħħija ta’ entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għall-MREL intern tinkiseb indirettament bin-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ MREL fil-livell ta’ dik l-entità (peress li ma tkunx tista’ tkun parti minn skema għall-ħruġ indirett ta’ riżorsi użati għall-konformità ma’ rekwiżit ta’ MREL intern), filwaqt li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-proposti.

Raġunament simili japplika għall-applikazzjoni tar-reġim ta’ permess minn qabel għas-sejħa, it-tifdija, il-ħlas lura jew ix-xiri mill-ġdid ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, fejn in-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ MREL naturalment ineħħi lill-entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-ambitu tar-reġim ta’ permess minn qabel (peress li l-entità ta’ likwidazzjoni ma jkollhiex obbligazzjonijiet eliġibbli fuq il-karta bilanċjali tagħha, anke jekk ċerti obbligazzjonijiet ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà).

Madankollu, għal dawk l-entitajiet ta’ likwidazzjoni li l-MREL tagħhom ikun ġie stabbilit f’livell li jaqbeż l-ammont ta’ assorbiment tat-telf (jiġifieri r-rekwiżiti ta’ fondi proprji), ir-regoli eżistenti dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-MREL, il-permess minn qabel għas-sejħa, it-tifdija, il-ħlas lura jew ix-xiri mill-ġdid tal-obbligazzjonijiet eliġibbli u l-inklużjoni fl-ambitu tad-daisy chain għandhom ikomplu japplikaw.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ir-rieżami huwa mmirat lejn dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-operazzjonalizzazzjoni tal-qafas tal-MREL intern, b’attenzjoni partikolari mogħtija lil kwistjonijiet ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn strutturi ta’ gruppi bankarji differenti u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal ċerti entitajiet li għalihom l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu li jistgħu jiġu stralċjati b’mod kredibbli f’insolvenza f’każ ta’ falliment.

Ir-riforma proposta hija mistennija li ġġib benefiċċji fir-rigward tal-effettività tal-qafas, iċ-ċarezza legali u l-proporzjonalità mtejba tar-rekwiżiti.

Ir-riforma hija newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u ma għandhiex impatt fuq it-tħejjija diġitali.

Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta tikkonforma ma’ dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu l-emendi għall-BRRD fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja. L-emendi għall-SRMR għandhom isiru applikabbli fl-istess ħin.

Il-bidliet introdotti fl-Artikolu 45i(4) għandhom isaħħu r-rapportar lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni minn entitajiet ta’ likwidazzjoni li l-MREL tagħhom jaqbeż l-ammont meħtieġ għall-assorbiment tat-telf, u għalhekk se jkomplu jkunu soġġetti għal deċiżjoni dwar l-MREL, li tkopri l-ammont u l-kompożizzjoni tal-kapaċità tal-MREL tagħhom.

6.SPJEGAZZJONI FID-DETTALL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA

MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni

Hija miżjuda definizzjoni ġdida fl-Artikolu 2(1)(83aa), il-BRRD u fl-Artikolu 3(1)(24aa) tal-SRMR, li skontha r-referenzi għal “entitajiet ta’ likwidazzjoni” għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-istralċ rispettiv b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli f’każ ta’ falliment.

Biex jinkiseb tnaqqis fil-piż regolatorju filwaqt li tiġi ppreservata l-possibbiltà għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jibqgħu jiddeterminaw l-MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni f’ċerti każijiet eċċezzjonali, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 45c(2) huma sostitwiti b’paragrafu 2a ġdid, li jistabbilixxi r-regola ġenerali l-ġdida li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jiddeterminaw l-MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni. Emendi simili huma introdotti fl-Artikolu 12d tal-SRMR, bit-tħassir tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 2 u l-introduzzjoni ta’ paragrafu 2a ġdid.

Il-possibbiltà għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiddetermina MREL, jiġifieri li tistabbilixxi rekwiżit ’il fuq mill-ammont ta’ assorbiment tat-telf, hija ppreservata fejn meħtieġ għall-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja jew biex jiġi limitat il-kontaġju potenzjali għas-sistema finanzjarja, li huma l-kriterji eżistenti fil-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ.

Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li entità li tkun parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni, il-konsolidament imwettaq għall-finijiet tal-MREL estern applikabbli għall-entità ta’ riżoluzzjoni li tmexxi dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni għandu jinkludi l-entità ta’ likwidazzjoni, kif kienet il-prattika sa issa.

Applikazzjoni tar-reġim ta’ permess minn qabel għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni

L-entitajiet assenjati għal-likwidazzjoni bħalissa jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ permess minn qabel stabbilit fl-Artikolu 78a tas-CRR, bis-saħħa tal-kontroreferenzi fl-Artikoli 45b(1) u 45f(2) tal-BRRD, u l-Artikoli 12c(1) u 12g(1) tal-SRMR, għall-kriterji komuni ta’ eliġibbiltà definiti fl-Artikoli 72a sa 72c tas-CRR. Madankollu, l-obbligi proċedurali maħluqa minn din id-dispożizzjoni huma sproporzjonati għall-maġġoranza tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni, peress li ma humiex mistennija li jżommu kapaċità ta’ assorbiment tat-telf ogħla mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħhom. F’xenarju bħal dan, ir-raġunament wara r-regoli ta’ permess minn qabel – li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jimmonitorjaw dawk l-azzjonijiet li jirriżultaw fi tnaqqis tal-istokk ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli – ma huwiex preżenti. Barra minn hekk, diġà jeżisti reġim separat ta’ permess minn qabel għat-tifdija bikrija tal-istrumenti ta’ fondi proprji (l-Artikolu 78 tas-CRR) li se jkompli japplika għall-istituzzjonijiet kollha.

Sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni li huma meħtieġa li japplikaw għall-permess minn qabel biex inaqqsu l-istrumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, u għall-awtoritajiet li huma meħtieġa li jivvalutaw tali applikazzjonijiet, l-Artikolu 45c(2a) tal-BRRD u l-Artikolu 12d(2a) tal-SRMR jipprevedu b’mod espliċitu li r-reġim ta’ permess minn qabel skont l-Artikoli 77(2) u 78a tas-CRR ma għandux japplika għal entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat MREL. Dan xorta waħda jkun il-konsegwenza naturali tat-tneħħija tad-deċiżjonijiet dwar l-MREL għal dawk l-entitajiet ta’ likwidazzjoni, billi n-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-MREL ifisser li ma jkunx għad għandhom obbligazzjonijiet eliġibbli fuq il-karta bilanċjali tagħhom, peress li ma jkunx għadhom soġġetti għal rekwiżit ta’ MREL.

Għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni li fir-rigward tagħhom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun adottat deċiżjoni dwar l-MREL li taqbeż l-ammont ta’ assorbiment tat-telf, l-Artikoli 77(2) u 78a tas-CRR se jkomplu japplikaw.

Entitajiet ta’ likwidazzjoni bħala parti minn strutturi ta’ daisy chain

L-analiżi mwettqa skont il-mandat għal rieżami introdott fl-Artikolu 129 tal-BRRD ikkonkludiet dwar l-adegwatezza tal-esklużjoni ta’ entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar id-daisy chains, b’mod aktar speċifiku, li ma jibqax meħtieġ li strumenti ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet oħra maħruġa minn entitajiet ta’ likwidazzjoni mingħajr deċiżjoni dwar l-MREL miżmuma minn entità intermedja jitnaqqsu minn din tal-aħħar. Dan japplika meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun qieset, fil-kuntest tal-ippjanar ta’ riżoluzzjoni, li entità li tkun parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni.

F’xenarju bħal dan, l-entità ta’ likwidazzjoni ma għadhiex meħtieġa tikkonforma mal-MREL, u għalhekk ma hemm l-ebda sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern permezz tal-katina ffurmata mill-entità ta’ riżoluzzjoni, l-entità intermedja u l-entità ta’ likwidazzjoni. F’każ ta’ falliment, l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ma tipprevedix li l-entità ta’ likwidazzjoni tkun appoġġata mill-entità ta’ riżoluzzjoni, li jfisser li l-upstreaming tat-telf mill-entità ta’ likwidazzjoni lill-entità ta’ riżoluzzjoni, permezz tal-entità intermedja, ma jkunx mistenni, u lanqas id-downstreaming tal-kapital fid-direzzjoni opposta.

Għalhekk, l-Artikolu 45c(2a) il-ġdid tal-BRRD u l-Artikolu 12d(2a) tal-SRMR jipprevedu b’mod espliċitu li l-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew obbligazzjonijiet maħruġa minn entitajiet ta’ likwidazzjoni li ma jibqgħux soġġetti għal deċiżjoni dwar l-MREL ma għandhomx jitnaqqsu mill-kumpanija prinċipali intermedja skont ir-regoli dwar it-tnaqqis tad-daisy chains. Konsegwentement, l-entitajiet intermedji li jkollhom strumenti ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet maħruġa minn entitajiet ta’ likwidazzjoni se jkollhom japplikaw piżijiet tar-riskju għal dawk l-iskoperturi u jinkluduhom fil-kejl tal-iskopertura totali tagħhom. Peress li dawn l-iskoperturi se jitqiesu meta jiġi kkalkolat l-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u l-kejl tal-iskopertura totali tal-entità intermedja, dan jiżgura li l-entità intermedja tkun meħtieġa jkollha ċertu ammont ta’ MREL intern li jirrifletti dawk l-iskoperturi għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

Madankollu, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom biex jistabbilixxu MREL f’ammont li jaqbeż ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji xorta jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar it-tnaqqis tad-daisy chains.

Rapportar għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni

Skont l-Artikolu 45i(4) attwali, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni ma humiex meħtieġa jirrapportaw l-MREL tagħhom lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u lanqas li jiddivulgawh pubblikament, irrispettivament mill-kalibrazzjoni tal-MREL tagħhom.

Dan joħloq problema għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni f’każijiet fejn ikollhom bżonn jivvalutaw jekk bidla fl-istrateġija titqiesx xierqa jew jekk il-kalibrazzjoni tal-MREL għandhiex tiżdied għal livell li jaqbeż l-ammont ta’ assorbiment tat-telf. Biex jindirizzaw din il-problema, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bħalissa qed jitolbu lil dawn il-banek għal rapportar simplifikat, anqas kumpless u dettaljat minn dak meħtieġ f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/763 13 skont l-Artikolu 45i tal-BRRD.

Għalhekk, l-Artikolu 45i huwa emendat biex jintroduċi reġim statutorju ta’ rapportar fit-test legali għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom tkun ġiet adottata deċiżjoni dwar l-MREL (jiġifieri fejn l-MREL jaqbeż l-ammont ta’ assorbiment tat-telf).

Għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni fejn ma jkun ġie ddeterminat l-ebda MREL, l-istatus quo jiġi ppreservat u ma jkun hemm l-ebda obbligu ddedikat ta’ rapportar jew divulgazzjoni tal-MREL. Peress li r-rapportar għall-finijiet ta’ ppjanar ta’ riżoluzzjoni baqa’ l-istess u għalhekk se jkompli jkun applikabbli għall-entitajiet kollha ta’ likwidazzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni xorta jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni rilevanti, pereżempju għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbidel l-istrateġija prevista għall-entità kkonċernata jew il-kalibrazzjoni rispettiva tal-MREL.

MREL intern konsolidat

L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni skont il-klawżola ta’ rieżami introdotta bir-Regolament (UE) 2022/2036 ikkonkludiet dwar l-adegwatezza li ċerti entitajiet intermedji, li jiffurmaw parti minn strutturi holdco jew ta’ opco, ikunu jistgħu jikkonformaw mal-MREL intern fuq bażi konsolidata.

Lil hinn mill-benefiċċji għall-proporzjonalità tar-regoli dwar it-tnaqqis tad-daisy chains u għall-minimizzazzjoni ta’ kwalunkwe differenza fil-kundizzjonijiet ekwi bejn tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, l-estensjoni tal-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata hija meqjusa utli wkoll għar-raġunijiet li ġejjin:

·Hija tiffaċilita l-kalibrazzjoni tal-MREL intern għal dawk is-sussidjarji ta’ entitajiet mhux ta’ riżoluzzjoni li għandhom ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali tagħhom (l-Artikolu 104a tas-CRD) u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinata (l-Artikolu 128(6), is-CRD) stabbiliti fuq bażi konsolidata biss;

·Hija tiċċara l-applikazzjoni tas-setgħa li jiġu pprojbiti ċerti distribuzzjonijiet ’il fuq mill-Ammont Massimu Distribwibbli relatat mal-MREL (M-MDAs – l-Artikolu 16a tal-BRRD u 10a tal-SRMR) fir-rigward ta’ dawk is-sussidjarji li r-riżerva kombinata tagħhom ġiet stabbilita f’livell konsolidat;

·Hija tiżgura li s-sussidjarja jkollha biżżejjed kapaċità interna prepożizzjonata sabiex, f’każ ta’ falliment, tkun tista’ tassorbi t-telf tagħha u tirrestawra l-konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji konsolidati tagħha.

L-Artikolu 45f(1) tal-BRRD u l-Artikolu 12g(1) tal-SRMR huma għalhekk emendati biex jagħtu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni s-setgħa diskrezzjonali li tistabbilixxi MREL intern fuq bażi konsolidata lil sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni. Din il-possibbiltà hija disponibbli irrispettivament mit-tip ta’ struttura ta’ grupp bankarju li għalih tappartjeni dik l-entità intermedja.

Din il-possibbiltà hija soġġetta għal tliet salvagwardji importanti. L-ewwel nett, għall-istrutturi holdco, l-entità intermedja għandha tkun l-unika istituzzjoni jew entità sussidjarja diretta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BRRD jew tal-SRMR, kif rilevanti, ta’ entità ta’ riżoluzzjoni li tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni. Dan jiżgura li l-possibbiltà tkun disponibbli biss għal dawk l-istrutturi holdco li l-entità intermedja tagħhom tiċċentralizza l-iskoperturi intragrupp. B’mod alternattiv, għal tipi oħra ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinata applikabbli għas-sussidjarja li ma tkunx entità ta’ riżoluzzjoni jridu jkunu ġew stabbiliti mill-awtorità kompetenti fuq l-istess bażi ta’ konsolidament. It-tieni, l-entità ta’ riżoluzzjoni u l-entità intermedja għandhom ikunu stabbiliti fl-istess Stat Membru u jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. It-tielet, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni trid tkun ikkonkludiet li l-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata ma taffettwax negattivament b’mod sinifikanti r-riżolvibbiltà tal-grupp ta’ riżoluzzjoni li għalih tappartjeni s-sussidjarja, u lanqas l-applikazzjoni tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni għal dik is-sussidjarja jew għal entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. Din il-kundizzjoni tal-aħħar tippermetti, pereżempju, li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tistabbilixxix MREL intern fuq bażi konsolidata f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn ir-rekwiżiti individwali applikabbli għas-sussidjarja jkunu ogħla.

L-istabbiliment ta’ MREL intern fuq bażi konsolidata jneħħi l-possibbiltà għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tistabbilixxi MREL intern fuq bażi individwali għal dik l-istess entità. Dan huwa konsistenti mal-bidliet introdotti fil-qafas tal-MREL mill-BRRD II u l-SRMR II, li ma għadhomx jippermettu li l-MREL jiġi stabbilit fuq bażi multipla fir-rigward tal-istess entità. Dan ma għandux jitqies bħala eżenzjoni li tibbenefika lill-entità kkonċernata, minħabba li l-konformità mal-MREL se tibqa’ meħtieġa, għalkemm fuq bażi differenti.

Huwa importanti li l-possibbiltà li issa ġiet introdotta fl-Artikolu 45f(1) tal-BRRD u fl-Artikolu 12g(1) tal-SRMR ma timplikax l-għoti ta’ eżenzjonijiet mill-MREL intern lis-sussidjarji tal-entità kkonċernata. L-eżenzjonijiet mill-MREL intern għandhom ikunu possibbli biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet eżistenti fl-Artikolu 45f(3) jew (4) tal-BRRD u fl-Artikolu 12h tal-SRMR.

F’termini tal-istrumenti li jistgħu jintużaw mis-sussidjarja li ma tkunx entità ta’ riżoluzzjoni biex tikkonforma mal-MREL intern konsolidat tagħha, japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-konformità mar-rekwiżiti konsolidati u l-kriterji ta’ eliġibbiltà fl-Artikolu 45f tal-BRRD u fl-Artikolu 12g tal-SRMR. Barra minn hekk, huwa introdott paragrafu 2a ġdid fl-Artikolu 45f tal-BRRD u fl-Artikolu 12g tal-SRMR biex jiġi ċċarat li, meta s-sussidjarji inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidament ta’ kwalunkwe entità meħtieġa li tikkonforma mal-MREL intern konsolidat ikunu ħarġu obbligazzjonijiet eliġibbli lil entitajiet oħra tal-istess grupp ta’ riżoluzzjoni iżda barra minn dak il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidament jew lil azzjonist eżistenti li ma jappartjenix għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, dawk l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità intermedja, sa ċerti limiti. Dan se jippermetti li l-ħruġ dirett ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern bejn is-sussidjarja finali u l-entità ta’ riżoluzzjoni jgħodd għall-konformità tal-MREL intern konsolidat tal-entità intermedja. Din ir-regola l-ġdida tiżgura l-allinjament mal-kalkolu tal-fondi proprji fuq bażi konsolidata u hija simili għar-regola prevista fl-Artikolu 45b(3) tal-BRRD u 12c(3) tal-SRMR applikabbli għall-MREL estern tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni. Bl-istess mod, il-limitazzjonijiet previsti f’dawn l-emendi jiżguraw li l-kapaċità żejda tas-sussidjarji ta’ dawk l-entitajiet intermedji ma tkunx tista’ tintuża għall-konformità mal-MREL intern konsolidat rispettiv.

2023/0113 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 14 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 15 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 u r-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 emendaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (“MREL”) stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 , li japplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment (istituzzjonijiet) stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll għal kwalunkwe entità oħra li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE jew tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (entitajiet). Dawk l-emendi stabbilew li l-MREL intern, jiġifieri, l-MREL applikabbli għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni iżda li ma humiex huma nfushom entitajiet ta’ riżoluzzjoni, jistgħu jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet billi jintużaw strumenti maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta’ riżoluzzjoni direttament jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

(2)Il-qafas tal-MREL tal-Unjoni ġie emendat ulterjorment bir-Regolament (UE) 2022/2036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 li introduċa regoli speċifiċi ta’ tnaqqis fil-każ ta’ sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jintlaħaq l-MREL intern. Dak ir-Regolament introduċa fid-Direttiva 2014/59/UE r-rekwiżit li l-Kummissjoni tirrieżamina l-impatt tas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jintlaħaq l-MREL fuq il-kundizzjonijiet ekwi bejn tipi differenti ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, inkluż fejn il-gruppi bankarji jkollhom kumpanija operattiva bejn il-kumpanija azzjonarja identifikata bħala entità ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha. Il-Kummissjoni ntalbet tivvaluta jekk l-entitajiet li huma stess ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtiġux ikunu jistgħu jikkonformaw mal-MREL fuq bażi konsolidata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tevalwa t-trattament, skont ir-regoli li jirregolaw l-MREL, ta’ entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi li dawk l-entitajiet għandhom jiġu stralċjati skont proċedimenti normali ta’ insolvenza (“entitajiet ta’ likwidazzjoni”). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ntalbet tevalwa l-adegwatezza tal-limitazzjoni tal-ammont ta’ tnaqqis meħtieġ skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 .

(3)Ir-rieżami tal-Kummissjoni sab li jkun xieraq u proporzjonat għall-objettivi segwiti mir-regoli dwar l-MREL intern li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jistabbilixxu l-MREL intern fuq bażi konsolidata għal firxa ta’ entitajiet li hija aktar wiesgħa mill-firxa li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE u tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, fejn tali firxa aktar wiesgħa tkopri istituzzjonijiet u entitajiet li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni huma stess, iżda li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni u jikkontrollaw huma stess sussidjarji soġġetti għal MREL (“entitajiet intermedji”). Dan ikun b’mod partikolari l-każ għal dawk il-gruppi bankarji li huma mmexxija minn kumpanija azzjonarja. F’każijiet bħal dawn, l-entitajiet intermedji jiċċentralizzaw b’mod naturali l-iskoperturi intragrupp u jinkanalaw ir-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern prepożizzjonati mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Minħabba dik l-istruttura, tali entitajiet intermedji jkunu affettwati b’mod sproporzjonat mir-regoli tat-tnaqqis. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-qafas tal-MREL ikun aktar proporzjonat bit-tneħħija tal-ħruġ ta’ entitajiet ta’ likwidazzjoni mill-ambitu tal-iskoperturi li entità intermedja hija meħtieġa tnaqqas skont il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern. Entità ta’ likwidazzjoni mhux se jkollha tiġi appoġġata mill-entità ta’ riżoluzzjoni f’każ ta’ falliment, u b’hekk titneħħa l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat kwalunkwe mekkaniżmu ta’ telf u trasferiment ta’ kapital fi ħdan il-gruppi ta’ riżoluzzjoni, li kien l-iskop tar-regoli ta’ tnaqqis introdotti mir-Regolament (UE) 2022/2036. B’kuntrast għal dan, l-entitajiet li jifdal tal-grupp ta’ riżoluzzjoni se jkollhom jiġu appoġġati mill-entità ta’ riżoluzzjoni f’każ ta’ diffikultà jew falliment. Ir-riżorsi meħtieġa tal-MREL għalhekk jenħtieġ li jkunu preżenti fil-livelli kollha tal-grupp ta’ riżoluzzjoni u d-disponibbiltà tagħhom għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni jenħtieġ li tiġi żgurata permezz tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis. Għalhekk, ir-rieżami tal-Kummissjoni kkonkluda li l-entitajiet intermedji jenħtieġ li jkomplu jnaqqsu l-ammont sħiħ tal-holdings tagħhom ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn entitajiet oħra mhux ta’ likwidazzjoni fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

(4)Skont l-Artikolu 45f tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 12g tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandhom jikkonformaw mal-MREL intern fuq bażi individwali. Il-konformità fuq bażi konsolidata hija permessa biss f’żewġ każijiet speċifiċi: għal impriżi prinċipali tal-Unjoni li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni u li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi, u għal impriżi prinċipali ta’ istituzzjonijiet jew entitajiet eżentati mill-MREL intern. Skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn entità intermedja tikkonforma mal-MREL tagħha fuq bażi konsolidata, dik l-entità ma hijiex obbligata tnaqqas holdings ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern ta’ entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u inklużi fil-perimetru ta’ konsolidament tagħha, peress li l-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata tikseb effett simili. Ir-rieżami mwettaq mill-Kummissjoni wera li l-entitajiet intermedji ta’ gruppi bankarji mmexxija minn kumpanija azzjonarja jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkonformaw ukoll mal-MREL intern fuq bażi konsolidata. Barra minn hekk, ir-rieżami wera li, fejn l-entità intermedja tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ fondi proprji jew għal rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq bażi konsolidata, il-konformità mal-MREL intern fuq bażi individwali tista’ toħloq riskju li r-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern prepożizzjonati fil-livell tal-entità intermedja ma jkunux biżżejjed biex tiġi restawrata l-konformità mar-rekwiżit ta’ fondi proprji konsolidati applikabbli wara l-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni ta’ dawk ir-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern. Barra minn hekk, input ewlieni fil-kalkolu tal-MREL għall-istituzzjoni jew għall-entità kkonċernata jkun nieqes meta r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali jew ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata jkunu ġew stabbiliti f’livell differenti ta’ konsolidament, u b’hekk il-kalkolu tar-rekwiżit ikun diffiċli. Bl-istess mod, is-setgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jipprojbixxu, f’konformità mal-Artikolu 16a tad-Direttiva 2014/59/UE u mal-Artikolu 10a tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, ċerti distribuzzjonijiet ogħla mill-ammont massimu distribwibbli relatat mal-MREL fir-rigward tas-sussidjarja individwali ssir diffiċli biex tiġi eżerċitata meta l-metrika ewlenija, ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata, ma tkunx stabbilita fuq l-istess bażi bħall-MREL intern. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata tkun disponibbli wkoll għal tipi oħra ta’ strutturi ta’ gruppi bankarji, kull meta l-entità intermedja tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ fondi proprji jew għal rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq bażi konsolidata.

(5)Biex jiġi żgurat li l-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL fuq bażi konsolidata tkun disponibbli biss fil-każijiet rilevanti identifikati fir-rieżami tal-Kummissjoni u ma twassalx għal nuqqas ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern fil-grupp ta’ riżoluzzjoni kollu, is-setgħa li l-MREL intern jiġi stabbilit fuq bażi konsolidata għall-entitajiet intermedji jenħtieġ li tkun setgħa diskrezzjonali tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. L-entità intermedja jenħtieġ li tkun l-unika sussidjarja diretta, jiġifieri istituzzjoni jew entità, ta’ entità ta’ riżoluzzjoni li tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni, tkun stabbilita fl-istess Stat Membru u tkun parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. B’mod alternattiv, l-entità intermedja kkonċernata jenħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali jew mar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tagħha. Fiż-żewġ każijiet, madankollu, il-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata jenħtieġ li, fil-valutazzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, ma taffettwax negattivament b’mod sinifikanti r-riżolvibbiltà tal-grupp ta’ riżoluzzjoni kkonċernat, u lanqas l-applikazzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità intermedja kkonċernata jew ta’ entitajiet oħra fil-grupp ta’ riżoluzzjoni tagħha.

(6)Skont l-Artikolu 45f(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 12g(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, l-entitajiet intermedji jistgħu jikkonformaw mal-MREL intern konsolidat billi jużaw fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Biex titwettaq b’mod sħiħ il-possibbiltà ta’ konformità mal-MREL fuq bażi konsolidata, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet intermedji jiġu kkalkulati b’mod li jkun simili għall-komputazzjoni tal-fondi proprji. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-obbligazzjonijiet eliġibbli li jistgħu jintużaw għall-konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata jenħtieġ għalhekk li jiġu allinjati mar-regoli dwar il-kalkolu tal-fondi proprji konsolidati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Biex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli eżistenti dwar l-MREL estern, dak l-allinjament jenħtieġ li jirrifletti wkoll ir-regoli eżistenti stabbiliti fl-Artikolu 45b(3) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 12d(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 għall-kalkolu tal-obbligazzjonijiet eliġibbli li l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jużaw biex jikkonformaw mal-MREL konsolidat tagħhom. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mis-sussidjarji tal-entità soġġetta għal MREL intern konsolidat u miżmuma minn entitajiet oħra tal-istess grupp ta’ riżoluzzjoni iżda barra mill-ambitu tal-konsolidament, inkluża l-entità ta’ riżoluzzjoni, jew minn azzjonisti eżistenti li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, jgħoddu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità soġġetta għal MREL intern konsolidat.

(7)Għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni, l-MREL huwa normalment limitat għall-ammont meħtieġ għall-assorbiment tat-telf, li jikkorrispondi għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji. F’każijiet bħal dawn, l-MREL ma jinvolvi l-ebda rekwiżit addizzjonali direttament relatat mal-qafas ta’ riżoluzzjoni għall-entità ta’ likwidazzjoni. Dan ifisser li entità ta’ likwidazzjoni tista’ tikkonforma b’mod sħiħ mal-MREL billi tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u li deċiżjoni ddedikata tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiddetermina l-MREL ma tikkontribwix b’mod sinifikanti għar-riżolvibbiltà tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni. Tali deċiżjoni tinvolvi ħafna obbligi proċedurali għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni mingħajr benefiċċju korrispondenti f’termini ta’ riżolvibbiltà mtejba. Għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li ma jistabbilux MREL għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

(8)Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li entità li tkun parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni tikkwalifika bħala entità ta’ likwidazzjoni, l-entitajiet intermedji jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jnaqqsu mill-kapaċità ta’ MREL intern tagħhom il-holdings tagħhom ta’ fondi proprji jew obbligazzjonijiet oħra li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-konformità mal-MREL intern u li jinħarġu minn entitajiet ta’ likwidazzjoni. F’każ bħal dan, l-entità ta’ likwidazzjoni ma għadhiex meħtieġa tikkonforma mal-MREL, u għalhekk ma hemm l-ebda sottoskrizzjoni indiretta ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern permezz tal-katina ffurmata mill-entità ta’ riżoluzzjoni, l-entità intermedja u l-entità ta’ likwidazzjoni. F’każ ta’ falliment, l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ma tipprevedix li l-entità ta’ likwidazzjoni tkun appoġġata mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Dan ifisser li l-upstreaming tat-telf mill-entità ta’ likwidazzjoni lill-entità ta’ riżoluzzjoni, permezz tal-entità intermedja, ma jkunx mistenni, u lanqas id-downstreaming tal-kapital fid-direzzjoni opposta. Dak l-aġġustament fl-ambitu tal-holdings li għandhom jitnaqqsu fil-kuntest tas-sottoskrizzjoni indiretta tar-riżorsi eliġibbli għall-MREL intern għalhekk ma jaffettwax is-solidità prudenzjali tal-qafas.

(9)L-objettiv ewlieni tar-reġim ta’ permessi għat-tnaqqis tal-istrumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli stabbilit fl-Artikoli 77(2) u 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li huwa applikabbli wkoll għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet soġġetti għall-MREL u għall-obbligazzjonijiet maħruġa għall-konformità mal-MREL, huwa li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-azzjonijiet li jirriżultaw fi tnaqqis tal-istokk ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli u jipprojbixxu kwalunkwe azzjoni li tammonta għal tnaqqis lil hinn minn livell li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu adegwat. Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx adottat deċiżjoni li tiddetermina l-MREL fir-rigward ta’ istituzzjoni jew entità, dak l-objettiv ma jkunx rilevanti. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li ma humiex soġġetti għal deċiżjoni li tiddetermina l-MREL ma għandhomx obbligazzjonijiet eliġibbli fuq il-karta bilanċjali tagħhom. Għalhekk, l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li għalihom ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni li tiddetermina l-MREL jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jiksbu l-permess minn qabel tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex iwettqu s-sejħa, it-tifdija, il-ħlas lura jew ix-xiri mill-ġdid ta’ obbligazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għall-MREL.

(10)Hemm entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-MREL jaqbeż l-ammont tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, f’liema każ l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu l-MREL. Dak l-MREL jenħtieġ li jiġi stabbilit f’ammont li jaqbeż l-ammont għall-assorbiment tat-telf meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu li tali ammont ikun meħtieġ biex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja jew biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja. F’dawk is-sitwazzjonijiet, l-entità ta’ likwidazzjoni jenħtieġ li tikkonforma mal-MREL u jenħtieġ li ma tkunx eżentata mir-reġim ta’ permess minn qabel stabbilit fl-Artikoli 77(2) u 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Kwalunkwe entità intermedja li tappartjeni għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħall-entità ta’ likwidazzjoni kkonċernata jenħtieġ li tibqa’ meħtieġa tnaqqas mill-kapaċità ta’ MREL intern tagħha l-holdings tagħha ta’ riżorsi eliġibbli għall-MREL intern maħruġa minn dik l-entità ta’ likwidazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-proċedimenti ta’ likwidazzjoni jseħħu fil-livell tal-entità ġuridika, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni li għadhom soġġetti għall-MREL jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżit fuq bażi individwali biss. Fl-aħħar nett, ċerti rekwiżiti ta’ eliġibbiltà relatati mas-sjieda tal-obbligazzjoni kkonċernata ma humiex rilevanti, peress li ma hemmx bżonn li jiġi żgurat it-trasferiment tat-telf u tal-kapital mill-entità ta’ likwidazzjoni lil entità ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk jenħtieġ li ma japplikawx.

(11)Skont l-Artikolu 45i tad-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni tagħhom il-livelli ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli u ta’ rikapitalizzazzjoni interna u l-kompożizzjoni ta’ dawk l-obbligazzjonijiet, u jiddivulgaw dik l-informazzjoni lill-pubbliku, flimkien mal-livell tal-MREL tagħhom, fuq bażi regolari. Għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni, ma huwa meħtieġ l-ebda rapportar jew divulgazzjoni bħal dawn. Madankollu, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni trasparenti tal-MREL, dawk l-obbligi ta’ rapportar u divulgazzjoni jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li l-MREL jenħtieġ li jkun ogħla mill-ammont suffiċjenti biex jassorbi t-telf. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tiżgura li dawk l-obbligi ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-monitoraġġ tal-konformità mal-MREL.

(12)Għalhekk, id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(13)Biex tiġi żgurata l-konsistenza, il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-emendi għad-Direttiva 2014/59/UE u l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jenħtieġ li japplikaw mill-istess data.

(14)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi aġġustat it-trattament tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni skont il-qafas tal-MREL u l-possibbiltajiet ta’ konformità mal-MREL intern fuq bażi konsolidata, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, billi jiġu emendati r-regoli li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

Id-Direttiva 2014/59/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2(1), jiddaħħal il-punt (83aa) li ġej:

“(83aa) “entità ta’ likwidazzjoni” tfisser persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni li fir-rigward tagħha l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jew, għal entitajiet li ma humiex parti minn grupp, il-pjan ta’ riżoluzzjoni, jipprevedi li l-entità għandha tiġi stralċjata b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli;”;

(2)l-Artikolu 45c huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, it-tieni u t-tielet subparagrafi qed jitħassru;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jiddeterminaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, u fejn ikun meħtieġ għall-objettivi tal-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja jew il-limitazzjoni tal-kontaġju potenzjali għas-sistema finanzjarja, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu b’mod eċċezzjonali jiddeterminaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni fuq bażi individwali fl-ammont suffiċjenti biex jassorbu t-telf f’konformità mal-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu, miżjud għall-ammont li jkun meħtieġ għall-kisba ta’ dawk l-objettivi. F’dawk il-każijiet, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) billi jużaw wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)fondi proprji;

(b)obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 72b(2)(b) u (d) ta’ dak ir-Regolament;

(c)l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45b(2).

L-Artikoli 77(2) u 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx japplikaw għal entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ din id-Direttiva.

Il-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew obbligazzjonijiet maħruġa minn sussidjarji li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ma għandhomx jitnaqqsu skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”;

(3)l-Artikolu 45f huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiddaħħal ir-raba’ subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiddeċiedu li jiddeterminaw ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45c fuq bażi konsolidata għal sussidjarja kif imsemmija f’dan il-paragrafu meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)is-sussidjarja tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)is-sussidjarja tkun miżmuma direttament mill-entità ta’ riżoluzzjoni u:

-l-entità ta’ riżoluzzjoni tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni;

-kemm is-sussidjarja kif ukoll l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru u jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni;

-l-entità ta’ riżoluzzjoni ma jkollha direttament l-ebda istituzzjoni sussidjarja jew entità kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(b), (c) jew (d), għajr is-sussidjarja kkonċernata;

(ii)is-sussidjarja tkun soġġetta għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE jew għar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq bażi konsolidata;

(b)il-konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 45c fuq bażi konsolidata ma taffettwax negattivament b’mod sinifikanti r-riżolvibbiltà tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, jew il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni, f’konformità mal-Artikolu 59, tal-istrumenti kapitali rilevanti u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja kkonċernata jew ta’ entitajiet oħra fil-grupp ta’ riżoluzzjoni.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Meta entità kif imsemmija fil-paragrafu 1 tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) fuq bażi konsolidata, l-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ dik l-entità għandu jinkludi l-obbligazzjonijiet li ġejjin maħruġa f’konformità mal-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu minn sussidjarja stabbilita fl-Unjoni inkluża fil-konsolidament ta’ dik l-entità:

(a)l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li ma jkunux inklużi fil-konsolidament tal-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) fuq bażi konsolidata;

(b)l-obbligazzjonijiet maħruġa lil azzjonist eżistenti li ma jkunx parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

L-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ma għandhomx jaqbżu l-ammont iddeterminat billi titnaqqas mill-ammont tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) applikabbli għas-sussidjarja inkluża fil-konsolidament is-somma ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) fuq bażi konsolidata, jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li jkunu inklużi fil-konsolidament ta’ dik l-entità;

(b)l-ammont ta’ fondi proprji li jinħarġu f’konformità mal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu.”;

(4)fl-Artikolu 45i, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni sakemm l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għal tali entità f’konformità mal-Artikolu 45c(2a), it-tieni subparagrafu. F’dak il-każ, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina l-kontenut u l-frekwenza tal-obbligi ta’ rapportar u divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu għal dik l-entità. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkomunika dawk l-obbligi ta’ rapportar u divulgazzjoni lill-entità ta’ likwidazzjoni kkonċernata. Dawk l-obbligi ta’ rapportar u divulgazzjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżit iddeterminat skont l-Artikolu 45c(2a), it-tieni subparagrafu.”;

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 huwa emendat kif ġej:

(5)fl-Artikolu 3(1), jiddaħħal il-punt (24aa) li ġej:

“(24aa) “entità ta’ likwidazzjoni” tfisser persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru parteċipanti li fir-rigward tagħha l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jew, għal entitajiet li ma humiex parti minn grupp, il-pjan ta’ riżoluzzjoni, jipprevedi li l-entità għandha tiġi stralċjata b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli;”;

(6)l-Artikolu 12d huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, it-tieni u t-tielet subparagrafi qed jitħassru;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Il-Bord ma għandux jiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, u fejn ikun meħtieġ għall-objettivi tal-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja jew il-limitazzjoni tal-kontaġju potenzjali għas-sistema finanzjarja, il-Bord jista’ b’mod eċċezzjonali jiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni fuq bażi individwali fl-ammont suffiċjenti biex jassorbu t-telf f’konformità mal-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu, miżjud għall-ammont li jkun meħtieġ għall-kisba ta’ dawk l-objettivi. F’dawk il-każijiet, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) billi jużaw wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)fondi proprji;

(b)obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 72b(2)(b) u (d) ta’ dak ir-Regolament;

(c)l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12c(2).

L-Artikoli 77(2) u 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx japplikaw għal entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta’ dan ir-Regolament.

Il-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew obbligazzjonijiet maħruġa minn sussidjarji li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ma għandhomx jitnaqqsu skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”;

(7)l-Artikolu 12g huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiddaħħal ir-raba’ subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Bord jista’ jiddeċiedi li jiddetermina r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12d fuq bażi konsolidata għal sussidjarja kif imsemmija f’dan il-paragrafu meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)is-sussidjarja tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)is-sussidjarja tkun miżmuma direttament mill-entità ta’ riżoluzzjoni u:

-l-entità ta’ riżoluzzjoni tkun kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-Unjoni;

-kemm is-sussidjarja kif ukoll l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru parteċipanti u jkunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni;

-l-entità ta’ riżoluzzjoni ma jkollha direttament l-ebda sussidjarja kif imsemmija fl-Artikolu 2 għajr is-sussidjarja kkonċernata;

(ii)is-sussidjarja tkun soġġetta għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE jew għar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq bażi konsolidata;

(b)il-konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12d fuq bażi konsolidata ma taffettwax negattivament b’mod sinifikanti r-riżolvibbiltà tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, jew il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni, f’konformità mal-Artikolu 21, tal-istrumenti kapitali rilevanti u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni jew tas-sussidjarja kkonċernata jew ta’ entitajiet oħra fil-grupp ta’ riżoluzzjoni.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Meta entità kif imsemmija fil-paragrafu 1 tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) fuq bażi konsolidata, l-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ dik l-entità għandu jinkludi l-obbligazzjonijiet li ġejjin maħruġa f’konformità mal-paragrafu 2(a) ta’ dan l-Artikolu minn sussidjarja stabbilita fl-Unjoni inkluża fil-konsolidament ta’ dik l-entità:

(a)l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li ma jkunux inklużi fil-konsolidament tal-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) fuq bażi konsolidata;

(b)l-obbligazzjonijiet maħruġa lil azzjonist eżistenti li ma jkunx parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

L-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), ma għandhomx jaqbżu l-ammont iddeterminat billi titnaqqas mill-ammont tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) applikabbli għas-sussidjarja inkluża fil-konsolidament, is-somma ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)l-obbligazzjonijiet maħruġa lil u mixtrija mill-entità li tikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) fuq bażi konsolidata jew direttament, jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li jkunu inklużi fil-konsolidament ta’ dik l-entità;

(b)l-ammont ta’ fondi proprji li jinħarġu f’konformità mal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = jum wieħed (1) wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert mill-Artikolu 1.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika minn … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = jum wieħed (1) wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja].

L-Artikolu 2 għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(3)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(5)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(6)    Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (verżjoni aġġornata tal-2014), Key Attributes of effective resolution regimes for financial institutions .
(7)    Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (2015), Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet .
(8)    Ir-Regolament (UE) 2022/2036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodi għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 1–10).
(9)    Dan il-kapitolu tal-memorandum ta’ spjegazzjoni jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tar-rieżami mwettaq f’konformità mal-klawżola ta’ rieżami introdotta fl-Artikolu 129 tal-BRRD bir-Regolament (UE) 2022/2036.
(10)    Id-data turi li l-proporzjon huwa daqsxejn ogħla għall-istrutturi holdco, iżda l-applikazzjoni tal-konsolidament tikkanċella l-ħtieġa ta’ tnaqqis u tagħmel dan l-aġġustament marbut mal-entitajiet ta’ likwidazzjoni irrilevanti.
(11)    B’mod partikolari, żewġ entitajiet intermedji kellhom defiċit kontra l-MREL totali tagħhom minħabba t-tnaqqis li jitnaqqas minn 3,8 % għal 2,1 % tat-TREA (-45 %), tliet entitajiet intermedji kellhom defiċit kontra l-MREL+CBR totali tagħhom minħabba t-tnaqqis li jitnaqqas minn 4,2 % għal 3,2 % tat-TREA (-24 %) u entità intermedja waħda kellha defiċit fuq il-Grad 1 u r-rekwiżiti ta’ kapital ġenerali tagħha li jitnaqqas għal 0.
(12)    Pereżempju, fejn il-holdings ta’ strumenti ta’ MREL intern tal-entitajiet ta’ likwidazzjoni jitnaqqsu skont approċċ ibbażat fuq ir-rekwiżiti, filwaqt li ma jitnaqqsux f’dan ix-xenarju, u b’hekk jirriżultaw f’defiċit aktar baxx.
(13)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/763 tat-23 ta’ April 2021 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju u d-divulgazzjoni pubblika tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (ĠU L 168, 12.5.2021, p. 1–83).
(14)    ĠU C , , p. .
(15)    ĠU C , , p. .
(16)    Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).
(17)    Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).
(18)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(19)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(20)    Ir-Regolament (UE) 2022/2036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodi għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 1).
(21)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).