Brussell, 24.4.2023

COM(2023) 211 final

2023/0110(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili rigward l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (il-Kumitat) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni ta’ dan il-Kumitat dwar l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim”) huwa ftehim plurilaterali fil-qafas tad-WTO li għandu l-għan li jelimina d-dazji tal-importazzjoni fuq l-inġenji tal-ajru kollha, għajr l-inġenji tal-ajru militari, kif ukoll il-magni tal-inġenji tal-ajru ċivili u l-partijiet u l-komponenti tagħhom, il-komponenti u s-subassemblaġġi kollha tal-inġenji tal-ajru ċivili, u s-simulaturi tat-titjiriet u l-partijiet u l-komponenti tagħhom. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1980.

L-Unjoni Ewropea (“UE”) hija parti għall-Ftehim 1 . Dsatax-il Stat Membru tal-UE huma wkoll partijiet għall-Ftehim f’isimhom stess 2 . Minħabba li l-politika kummerċjali komuni hija kwistjoni ta’ kompetenza esklużiva tal-UE u s-sħubija tal-UE fid-WTO tkopri t-territorji li għalihom tapplika l-politika kummerċjali komuni (jiġifieri l-Istati Membri tal-UE), il-Kummissjoni se tesprimi l-pożizzjoni fil-Kumitat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Il-Brażil ippreżenta lill-Kumitat l-applikazzjoni tiegħu tal-adeżjoni għall-Ftehim fl-14 ta’ Ġunju 2022, flimkien mal-proposti tiegħu dwar l-impenji tariffarji.

Fl-10 ta’ Ottubru 2022, il-Kumitat iddiskuta l-proċess għar-rieżami tal-applikazzjoni tal-Brażil biex jissieħeb fil-Ftehim, li hija l-ewwel talba għall-adeżjoni li se tiġi rieżaminata mill-membri tad-WTO f’dan il-Kumitat.

Id-deċiżjoni prevista tal-Kunsill li hija s-suġġett ta’ din il-proposta tippermetti li l-Kummissjoni tesprimi l-pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea rigward l-adeżjoni tal-Brażil fil-Kumitat.

2.2.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili

Il-kompitu tal-Kumitat huwa li jwettaq rieżami ta’ kif qed jiġi applikat il-Ftehim u jikkonsulta dwar l-iżviluppi fl-industrija tal-inġenji tal-ajru ċivili biex jiddetermina jekk humiex meħtieġa emendi biex tkun iggarantita l-kontinwazzjoni tal-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat jiġu adottati b’kunsens. Meta ma tkunx tista’ tintlaħaq deċiżjoni b’kunsens, il-kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa għandha tiġi deċiża permezz ta’ votazzjoni.

2.3.L-att previst tal-Kumitat

Filwaqt li l-ebda data speċifika ma ġiet miftiehma fil-mument attwali, fil-futur qrib il-Kumitat għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim (“l-att previst”).

L-att previst jiġi adottat mill-Kumitat abbażi tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim u l-punt 5 tan-Nota ta’ Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim. Dan tal-aħħar jipprevedi li “[m]eta jkun hemm deċiżjoni mill-Kumitat li taqbel mat-termini tal-adeżjoni, il-gvern applikant għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jikkonforma mat-termini tal-adeżjoni tiegħu u, bil-kunsens tal-Kumitat, il-gvern applikant jista’ jiddepożita mad-Direttur Ġenerali tad-WTO strument ta’ adeżjoni, li jiddikjara t-termini hekk miftiehma”.

L-għan tal-att previst huwa li jippermetti lill-Brażil jaderixxi għall-Ftehim u jsaħħaħ il-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni fis-settur tal-inġenji tal-ajru ċivili.

L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 9.3.1 tal-Ftehim, li jipprevedi li “[il-]Ftehim għandu jidħol fis-seħħ […] għal kull gvern ieħor […] fit-tletin jum wara d-data tal-aċċettazzjoni jew tal-adeżjoni tiegħu għal dan il-Ftehim.”

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Noti Ġenerali

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-UE tkun tista’ tingħaqad ma’ kunsens possibbli fil-Kumitat dwar l-att previst.

Filwaqt li għadu mhuwiex kompletament ċar meta l-Firmatarji se jkunu jistgħu jilħqu kunsens, il-pożizzjoni tal-UE għandha tiġi stabbilita minn qabel mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE.

Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija li tappoġġa l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim. Il-Kummissjoni tirrakkomanda dan għar-raġunijiet li ġejjin:

L-offerta tal-Brażil

Dazji doganali u imposti oħra

Il-Brażil joffri lill-Kumitat impenji tariffarji abbażi tal-obbligi tal-Artikolu 2.1 tal-Ftehim. Ladarba d-diskussjonijiet dwar l-impenji tariffarji tal-Brażil jiġu konklużi fil-Kumitat u l-lista ta’ linji tariffarji li tirrifletti dawn l-obbligi tiġi riżolta, il-Brażil ikun lest biex jinkorpora fi żmien debitu t-trattament mingħajr dazju għall-prodotti msemmija fl-iskeda tiegħu tal-GATT. Wara li titlesta l-proċedura tal-adeżjoni tal-Brażil, il-Ftehim jiġi integrat fl-ordni ġuridiku tal-Brażil.

Il-Brażil diġà japplika trattament mingħajr dazju għall-prodotti kollha elenkati fl-impenji tariffarji proposti, meta dawn jintużaw fl-inġenji tal-ajru ċivili. Fir-rigward tal-obbligi skont l-Artikolu 2.1.2, il-leġiżlazzjoni attwali tal-Brażil diġà tagħti trattament mingħajr dazju lill-prodotti użati għat-tiswija tal-inġenji tal-ajru. Rigward l-impenji tal-Artikolu 2.2 tal-Ftehim, il-Brażil diġà għandu proċedura ta’ amministrazzjoni doganali bbażata fuq sistema ta’ użu finali li tipprovdi trattament mingħajr dazju komparabbli mat-trattament li jipprovdu firmatarji oħra għall-Ftehim li mhuwiex ta’ xkiel għall-kummerċ u lanqas ma hu inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-GATT u ftehimiet multilaterali oħra nnegozjati taħt l-awspiċji tal-GATT.

Ostakli tekniċi għall-kummerċ

Rigward l-obbligi skont l-Artikolu 3, dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, il-Brażil jipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet tal-Kumitat dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ fid-WTO u ma jadotta l-ebda politika li tmur kontra l-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ.

Akkwist pubbliku mmexxi mill-gvern, sottokuntratti obbligatorji u inċentivi

Il-prattiki, il-linji gwida u l-proċeduri ta’ akkwist tal-Brażil diġà huma konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim. Bħala prinċipju ġenerali, diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi nazzjonali Brażiljana dwar l-Akkwist Pubbliku - il-Liġi 14,133/2021 - jipprojbixxu t-trattament differenti bejn il-fornituri nazzjonali u barranin. Peress li l-liġi attwali diġà tippromwovi dan l-allinjament, il-bidliet operazzjonali li pprovda s-Segretarjat tal-Ġestjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija permezz tal-Istruzzjoni Normattiva Nru 10, ta’ Frar 2020 ggarantew li anki kumpaniji barranin mhux stabbiliti fil-Brażil jista’ jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ akkwist.

Restrizzjonijiet kummerċjali

Il-Brażil ma japplikax restrizzjonijiet kwantitattivi jew rekwiżiti ta’ liċenzjar għall-importazzjoni biex jirrestrinġi l-importazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili b’mod li mhuwiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-GATT u skont ftehimiet multilaterali oħra nnegozjati taħt l-awspiċji tal-GATT. Bl-istess mod, ma hemmx restrizzjonijiet kwantitattivi jew rekwiżiti ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni mmirati biex jirrestrinġu, għal raġunijiet kummerċjali jew kompetittivi, l-esportazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili lil Firmatarji oħra b’mod li mhuwiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-GATT u skont ftehimiet multilaterali oħra nnegozjati taħt l-awspiċji tal-GATT.

Appoġġ mill-gvern, krediti għall-esportazzjoni, u kummerċjalizzazzjoni tal-inġenji tal-ajru

Fl-2007, il-Brażil sar Parteċipant fil-“Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili” (ASU), li huwa anness tal-Arranġament tal-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Għalhekk, il-programmi uffiċjali Brażiljani ta’ appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni jsegwu strettament il-linji gwida tal-ASU, li jfisser li ma jipprovdux krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali f’termini u kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti fl-ASU.

Gvernijiet reġjonali u lokali

Skont il-kostituzzjoni Brażiljana, il-President tar-Repubblika għandu s-setgħa esklużiva li jikkonkludi trattati internazzjonali, ad referendum tal-Kungress Nazzjonali. Barra minn hekk, kif issemma qabel, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bit-termini tal-Ftehim mill-Gvern Federali fil-Brażil wara r-ratifika internazzjonali jew l-adeżjoni tfisser li dan il-Ftehim huwa strument legali vinkolanti fil-pajjiż.

Rakkomandazzjoni

Hu mistenni li l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim mistennija tagħti kontribut pożittiv biex is-swieq tal-inġenji tal-avjazzjoni ċivili jkomplu jinfetħu fuq livell internazzjonali, billi jikber l-għadd tal-partijiet għall-Ftehim u b’hekk pajjiżi oħra jitħajru jaderixxu wkoll. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-offerta tal-Brażil tiġi aċċettata.

Għaldaqstant, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tesprimi fil-Kumitat dwar l-Inġenji tal-Ajru Ċivili l-pożizzjoni tal-Unjoni favur l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim.

L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mal-politika eżistenti. Deċiżjonijiet simili ġew adottati għal pereżempju l-adeżjonijiet tal-Awstralja jew ta’ New Zealand għal ftehim speċifiku ieħor tad-WTO, jiġifieri l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat huwa korp stabbilit bl-Artikolu 8.1 tal-Ftehim.

L-att li l-Kumitat huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 9.3.1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2023/0110 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili rigward l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1980.

(2)Il-Brażil ippreżenta lill-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (il-Kumitat) l-applikazzjoni tiegħu tal-adeżjoni għall-Ftehim fl-14 ta’ Ġunju 2022, flimkien mal-proposti tiegħu dwar l-impenji tariffarji.

(3)Fid-dawl ta’ dawn l-impenji, l-applikazzjoni tal-Brażil għall-adeżjoni għall-Ftehim tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Ftehim.

(4)Hu mistenni li l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim tagħti kontribut pożittiv għall-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni fis-settur tal-inġenji tal-ajru ċivili.

(5)Skont l-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim u l-punt 5 tan-Nota ta’ Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim, il-Kumitat għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni li taqbel mat-termini tal-adeżjoni.

(6)Għaldaqstant, hemm bżonn li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat b’rabta mal-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili għandha tkun li taqbel mal-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   F'isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 1979 dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Multilaterali li jirriżultaw min-negozjati dwar il-kummerċ mill-1973 sal-1979, ĠU L 71, 17.3.1980, p. 1-2. (ma jeżistix bil-Malti).
(2)    L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall,ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(4)    ĠU L 71, 17.3.1980, p. 1-2.