Brussell, 30.3.2023

COM(2023) 178 final

2023/0090(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2023) 145 final} - {SWD(2023) 64 final} - {SWD(2023) 65 final} - {SWD(2023) 66 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li timla lakuna fil-leġiżlazzjoni tal-UE għal makkinarju mobbli mhux tat-triq. Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq huwa kategorija wiesgħa ta’ makkinarju mgħammar b’mezz għall-propulsjoni tiegħu stess. Dawn il-magni jintużaw regolarment f’ċerti setturi jew għal skopijiet speċifiċi, pereżempju, bħala tagħmir għall-kostruzzjoni, għall-agrikoltura, għall-ġonna, għal xogħol muniċipali jew għall-immaniġġar tal-materjal. Ħafna aspetti tekniċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq huma armonizzati fil-livell tal-UE (eż. is-sikurezza tal-makkinarju, il-kompatibbiltà elettromanjetika, l-emissjonijiet ta’ storbju waqt li l-magna tkun qed twettaq xogħlijiet, l-emissjonijiet tal-egżost, eċċ.). Barra minn hekk, xi wħud minn dawk il-magni xi kultant ikollhom bżonn jiċċirkolaw fit-toroq pubbliċi, l-aktar biex jiċċaqilqu minn post tax-xogħol għal ieħor u b’riżultat ta’ dan jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għal dak l-iskop ukoll. Madankollu, jibqa’ fil-kompetenza unika tal-Istati Membri li jistabbilixxu rekwiżiti, pereżempju, dwar is-sikurezza, għaċ-ċirkolazzjoni biss ta’ makkinarju mobbli fit-toroq pubbliċi.

Il-fatt li bħalissa hemm reġimi regolatorji nazzjonali differenti jikkawża kostijiet addizzjonali u piżijiet amministrattivi għas-settur tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. Studju tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji mwettaq mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019 indika li l-istabbiliment ta’ rekwiżiti uniformi fil-livell tal-UE jista’ jgħin lis-settur jiffranka bejn 18 % u 22 % fil-kostijiet tal-konformità. Huwa mistenni li matul perjodu ta’ 10 snin din il-proposta tista’ tiġġenera sa EUR 846 miljun f’iffrankar għall-partijiet ikkonċernati kollha. Billi l-kost amministrattiv huwa stmat għal 4 % tat-total, l-iffrankar amministrattiv ġenerali huwa kkalkolat bħala EUR 3,38 miljun fis-sena. B’mod partikolari, il-ħtieġa li jkun hemm konformità ma’ diversi rekwiżiti nazzjonali għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq meta jiġu ddisinjati, ittestjati u manifatturati dawn il-magni toħloq kostijiet addizzjonali għall-manifatturi. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jdewwem l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda fl-UE u jikkostitwixxi ostaklu għad-dħul (b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)). Dan ifixkel ukoll iċ-ċirkolazzjoni ta’ makkinarju mobbli madwar l-UE. Il-proposta attwali għandha l-għan li tindirizza din is-sitwazzjoni billi tistabbilixxi regoli armonizzati għal makkinarju mobbli mhux tat-triq biex issaħħaħ is-suq uniku, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Għal ħafna snin, diversi aspetti ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq ġew armonizzati fil-livell tal-UE, bħar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza relatati mad-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju (id-Direttiva 2006/42/KE) 1 , l-emissjonijiet ta’ inkwinanti minn makkinarju mobbli mhux tat-triq (ir-Regolament (UE) 2016/1628) 2 , l-emissjonijiet tal-ħoss minn ċerti tipi ta’ makkinarju (id-Direttiva 2000/14/KE) 3 , u d-disturbi elettromanjetiċi ġġenerati minn dawn il-magni (id-Direttiva 2014/30/KE) 4 .

Id-Direttiva 2006/42/KE dwar il-Makkinarju hija l-bażi regolatorja ewlenija għall-moviment liberu ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq fis-suq uniku. Hija tirrikjedi li tali makkinarju mobbli mqiegħed fis-suq uniku jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stipulati fl-Anness I tagħha. Dawn ir-rekwiżiti jkopru aspetti tal-funzjoni tal-ivvjaġġar off-road ta’ makkinarju mobbli bħat-tnaqqis fil-veloċità, il-waqfien, l-ibbrejkjar, il-pożizzjonijiet bilqiegħda, is-sistemi ta’ trażżin, eċċ. Madankollu, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stipulati mid-Direttiva dwar il-Makkinarju huma mfassla biss biex jindirizzaw is-sikurezza okkupazzjonali (jiġifieri meta l-makkinarju jkun fuq ix-xogħol), iżda ma jkoprux l-aspetti tas-sikurezza relatati maċ-ċirkolazzjoni ta’ dan il-makkinarju fit-toroq pubbliċi 5 .

Ħafna aspetti tas-sikurezza teknika tal-vetturi, inklużi r-rekwiżiti għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq, huma armonizzati fil-livell tal-UE mil-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi, bħar-Regolament (UE) 2018/858 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, jew ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija. Madankollu, dawn l-atti leġiżlattivi ma jkoprux makkinarju mobbli mhux tat-triq awtopropulsiv.

Sa fejn ikun possibbli, il-proposta ssegwi l-approċċ u l-istruttura tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi bil-mutur (ir-Regolament (UE) 2018/858) 6 u l-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ir-Regolament (UE) Nru 167/2013) 7 ,, biex tiġi massimizzata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-vetturi. Fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, il-proposta hija bbażata mill-qrib fuq ir-Regolament (UE) 167/2013. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq, il-proposta ssegwi dispożizzjonijiet simili kif inklużi fir-Regolament (UE) 2018/858 li huma bbażati wkoll fuq il-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid 8 . Barra minn hekk, bl-istess mod, hija tintroduċi Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament b’mod uniformi madwar l-Unjoni. Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwi u jevita li jiġu applikati prattiki diverġenti madwar l-Unjoni.

Il-proposta ma taffettwax l-applikabbiltà ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, u hija komplementari, fost l-oħrajn, għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata ma’:

(a)ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza relatati mad-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju, bħad-Direttiva 2006/42/KE;

(b)l-emissjonijiet ta’ inkwinanti minn makkinarju mhux tat-triq, bħar-Regolament (UE) 2016/1628;

(c)l-emissjonijiet tal-ħoss, bħad-Direttiva 2000/14/KE;

(d)il-kompatibbiltà elettromanjetika, bħad-Direttiva 2014/30/UE jew id-Direttiva 2014/53/UE.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

Din l-inizjattiva hija konsistenti u komplementari għall-oqfsa leġiżlattivi eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni, b’mod partikolari l-qafas għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi u l-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid, kif imsemmi hawn fuq.

Hija tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku u l-istrateġija industrijali tal-UE. Hija se tissimplifika r-rekwiżiti regolatorji għall-manifatturi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Aġġornament u simplifikazzjoni tal-acquis Komunitarju 9 , li identifikat is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur bħala qasam ta’ prijorità għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Tabilħaqq, din l-inizjattiva tindirizza waħda mill-aħħar kategoriji ta’ vetturi li jifdal għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq. L-inizjattiva hija wkoll parti mill-isforzi biex titħaffef it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-industrija tal-UE kif imħeġġa mill-aġġornament tal-istrateġija industrijali ta’ Mejju 2021 10 .

Fl-aħħar nett, il-proposta tgħin biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE li t-toroq isiru aktar sikuri kif deskritt, b’mod partikolari, fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Qafas ta’ Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 - Il-passi li jmiss lejn “Viżjoni Żero” 11 . Il-Kummissjoni adottat dan id-dokument ta’ ħidma tal-persunal bħala parti mill-pakkett Ewropa Attiva f’Mejju 2018. Dan jistabbilixxi kif il-politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq qed tissarraf f’azzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà

Il-proposta toħloq qafas regolatorju armonizzat għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li jissostitwixxi, wara perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-reġimi regolatorji differenti li jeżistu bħalissa fl-Istati Membri. Din għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq. Ir-reġimi regolatorji differenti fl-Istati Membri ħolqu diskrepanzi fis-suq uniku, huma piż ekonomiku u amministrattiv u joħolqu ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq. L-armonizzazzjoni tar-regoli tas-sikurezza għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u l-iżgurar tal-moviment liberu tiegħu għal dawk l-aspetti jistgħu jsiru biss fil-livell tal-UE.

Mingħajr azzjoni tal-UE, is-suq uniku se jibqa’ frammentat, u dan iwassal għal rekwiżiti dejjem aktar diverġenti taċ-ċirkolazzjoni fit-toroq għall-makkinarju mobbli madwar l-UE.

Il-ħolqien ta’ qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-makkinarju mobbli u qafas ta’ sorveljanza tas-suq korrispondenti huwa l-uniku mezz biex jinkiseb suq uniku aktar ġust u aktar profond għas-settur. Dawn ir-riżultati ma setgħux jinkisbu b’mod komparabbli bil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Tabilħaqq, l-approċċi differenti fil-livell nazzjonali joħolqu ostakli għad-dħul għall-manifatturi li jinsabu fi Stat Membru wieħed u li jixtiequ jesportaw lejn Stati Membri oħrajn. Dan ifisser li tali manifatturi se jkollhom ifasslu l-prodotti tagħhom skont ir-rekwiżiti nazzjonali speċifiċi f’kull Stat Membru u jġorru l-piżijiet regolatorji assoċjati.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq pubbliċi.

Il-proposta ssegwi l-loġika, b’xi adattamenti, tal-qafas tal-approvazzjoni tat-tip stabbilit sewwa għall-vetturi bil-mutur u għall-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, kif imsemmi hawn fuq. Dan il-qafas ta’ referenza wera li huwa xieraq biex jistimula suq uniku għal dawk il-vetturi. Iż-żamma ta’ livell għoli ta’ similarità bejn il-proposta u l-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi bil-mutur se tnaqqas il-piż amministrattiv tal-implimentazzjoni tal-att. Fejn possibbli u debitament iġġustifikat, il-qafas ġie ssimplifikat biex jitqies li diversi aspetti ta’ sikurezza ta’ dawn il-magni huma diġà regolati mir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stipulati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Makkinarju.

Għażla tal-istrument

L-użu ta’ regolament jitqies xieraq u meħtieġ minħabba li jagħti assigurazzjonijiet dwar l-applikazzjoni diretta u armonizzata tal-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti minn dan l-att. Direttiva b’rekwiżiti ta’ traspożizzjoni tirriskja li tuża riżorsi konsiderevoli tal-amministrazzjonijiet nazzjonali mingħajr ma żżid valur f’termini ta’ sikurezza fit-toroq. In-natura teknika u dettaljata tal-armonizzazzjoni u l-adattament frekwenti għall-progress tekniku jillimitaw l-opportunitajiet prattiċi għall-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jiddevjaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta.

Il-proposta tkompli tibni fuq l-approċċ b’diversi livelli li diġà ġie introdott fil-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi bil-mutur. Dan l-approċċ jipprevedi leġiżlazzjoni fi tliet stadji:

·id-dispożizzjonijiet fundamentali u l-kamp ta’ applikazzjoni huma stipulati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’regolament ibbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

·l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati bbażati fuq id-dispożizzjonijiet fundamentali se jiġu stipulati f’atti delegati adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE; u

·l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet amministrattivi, bħall-mudell għad-dokument ta’ informazzjoni u ċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip, iċ-ċertifikat ta’ konformità, eċċ. se jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 291 tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Maż-żmien saru bosta konsultazzjonijiet dwar dan il-fajl, kif ġej:

Fl-2016, twettqu stħarriġiet ma’ 35 parti kkonċernata bħala input għal studju dwar l-armonizzazzjoni tal-UE tar-rekwiżiti għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq 12 ;

Fl-2017 wasal Feedback dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu 13 u ġie organizzat workshop biex jinġabru l-fehmiet mill-awtoritajiet nazzjonali (ministeri tat-trasport) dwar l-għażliet ta’ politika possibbli ’l quddiem;

Fl-2018 ġie organizzat it-tieni workshop għal diskussjoni aktar fil-fond dwar l-għażla ta’ politika ppreferuta u ngħata bidu għal dibattitu dwar ir-rekwiżiti tekniċi 14 ;

Fl-2019, twettqu stħarriġiet ma’ 90 parti kkonċernata bħala input għal studju tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji 15 , bejn Mejju u Settembru 2019 saret konsultazzjoni mmirata għall-Istati Membri bi 23 lingwa tal-UE permezz ta’ stħarriġ tal-UE 16 , u f’Diċembru 2019 ġie organizzat workshop indirizzat lill-awtoritajiet, lis-servizzi tekniċi u lill-korpi nnotifikati tal-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati madwar l-Ewropa kollha, sabiex jiġu kondiviżi l-eżiti tal-istudju tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji u l-konsultazzjoni mmirata, u sabiex jiġu diskussi aktar l-għażliet ta’ politika, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti tekniċi 17 ;

Fl-2020, tnediet konsultazzjoni pubblika bi 23 lingwa tal-UE permezz ta’ stħarriġ tal-UE u damet miftuħa għal 12-il ġimgħa minn Novembru 2020 sa Frar 2021 18 ;

Fl-2021, ġie organizzat workshop mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha, sabiex jiġu kondiviżi s-sejbiet ewlenin tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u jsir progress fuq l-għażliet ta’ politika, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti tekniċi 19 ;

Fl-2022, ġie organizzat workshop mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha, sabiex jinġabar u jiġi kondiviż feedback dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-proposta leġiżlattiva għall-approvazzjoni fit-triq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq 20 .

Barra minn hekk, ġew organizzati diversi laqgħat bilaterali mal-partijiet ikkonċernati għal analiżi aktar profonda dwar ċerti aspetti tal-fajl.

Tqabbil tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-għażliet ta’ politika (maġġoranza tal-fehmiet) huwa miġbur fil-qosor hawn taħt:

Għażla ta’ politika

Awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-triq tal-Istati Membri

Manifatturi u distributuri

Kumpaniji tal-kiri u utenti finali

Servizzi tekniċi

PO 0: Linja bażi

-

-

-

-

PO 1a: Approvazzjoni tat-tip

-

-

-

Ippreferuta

PO 1b: Approvazzjoni tat-tip simplifikata

Ippreferuta

Ippreferuta

Ippreferuta

-

PO 2: Markatura CE

-

-

-

-

Direttiva

-

-

-

-

Regolament

Ippreferut

Ippreferut

Ippreferut

Ippreferut

Obbligatorji

L-ewwel bi preferenza fakultattiva , u aktar tard obbligatorja

-

-

Ippreferuti

Fakultattivi

Ippreferuti

Ippreferuti

-

Makkinarju awtopropulsiv u rmunkat fil-kamp ta’ applikazzjoni

-

Ippreferut

-

-

Makkinarju awtopropulsiv biss fil-kamp ta’ applikazzjoni

Ippreferut

-

Ippreferut

-

L-ebda limitu massimu tal-veloċità skont id-disinn

Ippreferut

-

-

Limitu massimu tal-veloċità skont id-disinn ta’ 40 Km/h

Ippreferut

-

Ippreferut

-

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt. L-informazzjoni relatata tinstab fuq: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1198-Road-circulation-requirements-for-mobile-machinery_mt .

L-għażliet ta’ politika kkunsidrati huma stabbiliti hawn taħt.

   Għażla 0 – linja bażi. Ebda azzjoni.

   Għażla 1 – Approvazzjoni tal-UE tal-magna mobbli kollha mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (approċċ antik). Din l-għażla ta’ politika ssegwi l-prinċipji tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-vetturi, fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-konformità mar-rekwiżiti ġenerali huma integrati fil-leġiżlazzjoni.

- 1.a – approvazzjoni tat-tip. Għall-biċċa l-kbira tal-komponenti, tas-sistemi u tal-unitajiet tekniċi separati, l-approvazzjoni tat-triq tinvolvi parti terza.

- 1.b – approvazzjoni tat-tip simplifikata. Għal komponenti, sistemi u unitajiet tekniċi separati li huma aktar kritiċi għas-sikurezza fit-toroq, il-valutazzjoni tal-konformità tkun tinvolvi parti terza (korp awtorizzat indipendenti). Għal komponenti, sistemi u unitajiet tekniċi separati li huma inqas kritiċi għas-sikurezza fit-toroq, il-valutazzjoni tal-konformità tkun ibbażata fuq rapporti jew awtoċertifikazzjoni mill-manifattur.

   Għażla 2 – Il-markatura CE tal-magna mobbli kollha mogħtija mill-manifattur (approċċ ġdid). Din l-għażla ta’ politika ssegwi l-prinċipji tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar l-użu mhux fit-triq ta’ makkinarju mobbli (eż. id-Direttiva dwar il-Makkinarju), fejn ir-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza biss huma inkorporati fil-liġi, mhux l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati.

Fil-prinċipju, l-għażliet kollha jistgħu jiġu implimentati billi jinħarġu direttiva jew regolament.

Ġew ivvalutati wkoll l-aspetti li ġejjin tal-leġiżlazzjoni: (i) li din issir obbligatorja (tissostitwixxi s-27 regola nazzjonali attwali) jew fakultattiva (alternattiva għas-27 regola nazzjonali attwali); (ii) jiġi inkluż (jew le) tagħmir irmunkat fil-kamp ta’ applikazzjoni; u (iii) il-kamp ta’ applikazzjoni jiġi limitat (jew le) għal makkinarju mobbli mhux tat-triq b’veloċità massima skont id-disinn li ma taqbiżx l-40 km/h.

L-għażla ta’ politika ppreferuta hija 1.b (approvazzjoni tat-tip simplifikata), obbligatorja (wara perjodu ta’ tranżizzjoni), li tkopri makkinarju awtopropulsiv biss (mhux irmunkat), b’limitu massimu tal-veloċità skont id-disinn ta’ 40 km/h, fil-forma ta’ regolament.

Is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip li tiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fil-leġiżlazzjoni hija l-qafas fdat u aċċettat b’mod wiesa’ għas-sikurezza fit-toroq fl-UE. Jenħtieġ li din tiġi ssimplifikata sabiex tkun proporzjonata u biex jitqiesu l-karatteristiċi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq (frekwenza baxxa ta’ ċirkolazzjoni). Politika obbligatorja tidher aktar adegwata wara perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu l-manifatturi se jkollhom l-għażla jekk japplikawx għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE (u jibbenefikaw mill-moviment liberu) jew jekk japplikawx għal-leġiżlazzjoni nazzjonali (valida għal dak il-pajjiż biss).

Ir-regoli jkopru biss il-makkinarju awtopropulsiv, minħabba li l-maġġoranza l-kbira tat-tagħmir irmunkat diġà jista’ jingħata approvazzjoni tat-tip taħt kategoriji oħrajn ta’ vetturi. Il-makkinarju kopert mir-regolament ikollu veloċità massima skont id-disinn stabbilita għal 40 km/h. Veloċità ogħla la titqies meħtieġa u lanqas xierqa għal dan it-tip ta’ makkinarju. Tabilħaqq, il-manifatturi ta’ vetturi aktar veloċi jistgħu fil-prinċipju jagħżlu l-proċeduri ta’ approvazzjoni tat-tip disponibbli bħalissa għall-kategoriji l-oħrajn ta’ vetturi.

Minħabba li l-emissjonijiet tal-ħoss tal-biċċa l-kbira tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq inkwistjoni huma diġà koperti mid-Direttiva 2000/14/KE 21 , li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq jirrappreżenta porzjon żgħir ħafna tal-vetturi fit-toroq tal-UE, u li l-veloċità massima skont id-disinn fil-kamp ta’ applikazzjoni se tkun limitata għal 40 km/h, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu previsti rekwiżiti speċifiċi tal-ħoss minbarra dawk li diġà jeżistu.

Fl-aħħar nett, billi r-rekwiżiti tekniċi se jkunu dettaljati ħafna u prattikament ma jħallu l-ebda lok għal diskrezzjoni mill-Istati Membri meta jittrasponuhom, huwa ppreferut regolament.

Politika simplifikata u armonizzata tal-approvazzjoni tat-tip għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq se jkollha l-implikazzjonijiet li ġejjin għall-partijiet ikkonċernati involuti.

·Il-manifatturi u d-distributuri se: i) ikollhom dħul aktar faċli fis-suq; ii) jeliminaw id-dewmien marbut mal-approvazzjonijiet ta’ diversi pajjiżi tal-UE; iii) jibbenefikaw minn tnaqqis b’għoxrin fil-mija tal-kostijiet ta’ konformità; iv) itejbu l-kompetittività tagħhom fl-UE u barra minnha.

·Il-kumpaniji tal-kiri u l-utenti finali se: i) jibbenefikaw minn tnaqqis b’għoxrin fil-mija tal-kostijiet ta’ konformità; ii) jużaw u jbigħu mill-ġdid faċilment il-makkinarju bejn il-fruntieri intra-UE; iii) ikollhom aktar għażla ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq; iv) ikollhom aċċess għal disinji aktar innovattivi.

·L-awtoritajiet tal-Istati Membri: se jkollhom bżonn jadattaw għas-sistemi l-ġodda, madankollu, dan ma jitqiesx bħala problema jew piż sinifikanti mill-awtoritajiet affettwati.

·Is-servizzi tekniċi: se jkollhom bżonn jadattaw għas-sistema l-ġdida, u se jaraw żieda fuq l-ammont ta’ xogħol u d-dħul, għalkemm din tista’ tittaffa mill-fatt li l-approvazzjonijiet x’aktarx se jonqsu fin-numru billi l-manifatturi se jkollhom jgħaddu minnhom f’pajjiż tal-UE wieħed biss.

·L-utenti tat-triq: se jibbenefikaw minn regoli armonizzati li jiżguraw sikurezza għolja fit-toroq madwar l-UE.

Il-benefiċċji totali għall-operaturi ekonomiċi huma kif ġej: iffrankar nett stmat ta’ EUR 846 miljun fuq medda ta’ 10 snin, li minnhom EUR 502 miljun huma għall-manifatturi u d-distributuri u EUR 344 miljun huma għall-kumpaniji tal-kiri u għall-utenti finali. Iż-żieda fil-fatturat għas-servizzi tekniċi hija parzjalment ikkumpensata minn tnaqqis fl-għadd totali ta’ approvazzjonijiet.

Il-kostijiet stmati għall-manifatturi, għad-distributuri, għall-kumpaniji tal-kiri u għall-utenti finali huma kkumpensati bil-bosta mill-iffrankar stmat. L-iffrankar nett huwa stmat hawn fuq.

Fis-settur tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, 98 % tal-kumpaniji huma SMEs, li jammontaw għal 18 % tad-dħul u għal 30 % tal-impjiegi. Ħafna SMEs huma esportaturi b’saħħithom u se jibbenefikaw b’mod sinifikanti minn regoli simplifikati madwar l-UE kollha. Oħrajn se jkunu jistgħu jkomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali. L-iffrankar nett għall-SMEs huwa stmat għal EUR 152 miljun fuq medda ta’ 10 snin.

Huwa stmat li l-benefiċċju tas-soċjetà se jkun aktar sikurezza fit-toroq madwar l-UE.

L-RSB (Bord tal-Iskrutinju Regolatorju) ħareġ l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Diċembru 2021, li warajha ġiet riveduta din il-valutazzjoni tal-impatt kif ġej:

Rakkomandazzjonijiet tal-RSB

Reviżjonijiet introdotti

(B) Sommarju tas-sejbiet

(1) Ir-rapport ma jispjegax biżżejjed għaliex ir-rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx f’dan is-settur u għaliex il-promozzjoni tar-rispett tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ma hijiex waħda mill-għażliet ta’ politika.

It-Taqsima 2 dwar id-deskrizzjoni tal-problema issa tiddiskuti f’aktar dettall għaliex ir-rikonoxximent reċiproku ma jiffunzjonax fis-settur tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, minkejja li dan huwa qasam ta’ regolamentazzjoni teknika mingħajr armonizzazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-analiżi dwar għaliex ir-rikonoxximent reċiproku ma jaħdimx u mhux se jaħdem fil-futur ġiet estiża aktar fit-taqsimiet 5.1 u 5.3, filwaqt li ġie spjegat għaliex għażla ta’ politika li għandha l-għan li tippromwovi l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ġiet skartata.

(2) Ir-rapport ma jipprovdix evidenza konvinċenti li nuqqas ta’ regoli armonizzati jirriżulta f’aktar inċidenti li jinvolvu makkinarju mobbli mhux tat-triq. Dan ma jiġġustifikax għaliex l-inizjattiva timmira lejn rekwiżiti ugwali u soluzzjonijiet tekniċi għas-sikurezza fit-toroq.

It-taqsima 7 tispjega aħjar għaliex ir-rekwiżiti armonizzati x’aktarx iżidu l-livell ta’ sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq madwar l-UE, u għaliex is-sikurezza fit-toroq teħtieġ rekwiżiti ugwali u soluzzjonijiet tekniċi, u mhux biss rekwiżiti għoljin biżżejjed. Dan jappoġġa l-għażla tal-għażla ppreferuta, billi fattur determinanti ewlieni huwa l-punteġġ ogħla tagħha dwar is-sikurezza fit-toroq.

Il-valutazzjoni tal-għażliet fit-taqsima 6 tispjega kif din l-inizjattiva se tikkontribwixxi speċifikament għas-sikurezza fit-toroq u tispeċifika jekk l-għażliet kollha jistgħux jilħqu l-objettivi. It-taqsima 4 dwar l-objettiv speċifiku tiddiskuti l-limitazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq bħala objettiv tal-politika l-ġdida, u kif, minkejja dan, is-sikurezza fit-toroq tissaħħaħ bl-adozzjoni tal-politika proposta.

(3) Ir-rapport ma huwiex ċar dwar il-metodoloġija użata biex jiġu stmati l-ispejjeż u l-iffrankar tal-ispejjeż. Huwa ma jippreżentax l-affidabbiltà u r-robustezza tal-bażi tal-evidenza.

It-taqsima 2 dwar id-deskrizzjoni tal-problema issa tipprovdi ħarsa ġenerali ċara lejn il-kategoriji differenti ta’ kostijiet, li tiddeskrivi f’aktar dettall il-kostijiet imġarrba minn kull wieħed mill-gruppi affettwati (il-manifatturi, id-distributuri, il-kumpaniji tal-kiri, l-utenti finali u l-awtoritajiet). It-taqsima 2 tispjega wkoll kif jiġu stmati l-kostijiet indiretti u tiddiskuti jekk humiex realistiċi jew f’riskju li jiġu stmati żżejjed, u tispeċifika għal liema kostijiet u ffrankar jikkorrispondu. Kjarifiki addizzjonali dwar il-metodoloġija użata biex jiġu stmati l-ispejjeż u l-iffrankar tal-ispejjeż, is-sorsi ta’ informazzjoni u s-suppożizzjonijiet ewlenin żdiedu fit-Taqsimiet 2 u 6, kif ukoll f’dan l-Anness 1, fejn ġiet ivvalutata l-affidabbiltà tal-estimi, kif ukoll l-inċertezzi possibbli li jaffettwaw il-bażi tal-evidenza.

(4) Ma huwiex ċar għaliex ir-rapport ma jivvalutax l-elementi ta’ disinn addizzjonali bħala parti mill-għażliet ta’ politika ewlenin. Dan ma jispjegax sa liema punt il-valutazzjoni tal-impatti u l-għażla tal-għażla ppreferuta jinbidlu kieku dawn l-elementi tad-disinn kellhom jitqiesu fl-analiżi.

Fit-taqsima 6 ir-rapport jiġġustifika għaliex elementi tad-disinn addizzjonali li jaffettwaw in-natura obbligatorja kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli armonizzati jiġu vvalutati separatament mill-għażliet ta’ politika ewlenin. Fit-taqsima 7, huwa jikkalkula wkoll l-impatti bħala riżultat tal-għażliet magħmula fuq dawn l-elementi tad-disinn. B’mod partikolari, fit-taqsima 7 ir-rapport iqis kif jinbidlu l-impatti stmati li kieku r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali kellhom jeżistu flimkien jew li kieku l-kamp ta’ applikazzjoni kellu jitnaqqas. Huwa jiċċara wkoll li l-għażla tal-għażla ppreferuta ma tinbidilx fid-dawl ta’ dawn l-elementi speċifiċi tad-disinn. L-ispejjeż u l-benefiċċji fit-tabella standardizzata fl-Anness 3 inbidlu biex jinkorporaw l-elementi addizzjonali tad-disinn li huma parti mill-għażla ppreferuta.

(C) X’għandu jittejjeb

(1) Ir-rikonoxximent reċiproku

It-taqsima 2 dwar id-deskrizzjoni tal-problema tiddiskuti f’aktar dettall għaliex ir-rikonoxximent reċiproku ma jiffunzjonax fis-settur tal-makkinarju mobbli, minkejja li dan huwa qasam ta’ regolamentazzjoni teknika mingħajr armonizzazzjoni tal-UE, u għaliex bħala konsegwenza ma hemm l-ebda għażla ta’ politika li għandha l-għan li tippromwovi l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(2) Id-deskrizzjoni tal-problema jenħtieġ li tipprovdi ħarsa ġenerali ċara lejn il-kategoriji differenti tal-kostijiet.

It-taqsima 2 dwar id-deskrizzjoni tal-problema tiddeskrivi f’aktar dettall il-kostijiet imġarrba mill-manifatturi minħabba d-dewmien fid-dħul fis-suq, filwaqt li tiddistingwihom b’mod ċar mill-kostijiet diretti, u kif jiġu stmati, għal kull wieħed mill-gruppi affettwati (il-manifatturi, id-distributuri, l-utenti, il-kumpaniji tal-kiri u l-awtoritajiet). L-Annessi 1 u 4 jinkludu aktar dettalji dwar il-limitazzjonijiet tad-data u l-metodi ta’ kalkolu.

(3) Għaliex ir-rekwiżiti armonizzati

It-taqsima 6 tispjega għaliex ir-rekwiżiti armonizzati x’aktarx iżidu l-livell ta’ sikurezza fit-toroq tal-makkinarju mobbli madwar l-UE, u għaliex is-sikurezza fit-toroq teħtieġ rekwiżiti ugwali u soluzzjonijiet tekniċi, u mhux biss rekwiżiti għoljin biżżejjed.

(4) Is-sikurezza fit-toroq bħala objettiv sekondarju

It-taqsima 4 tispjega b’mod ċar li s-sikurezza fit-toroq hija objettiv sekondarju aktar milli wieħed mill-objettivi speċifiċi ewlenin. It-taqsima 6 tiċċara kif din l-inizjattiva se tikkontribwixxi speċifikament għas-sikurezza fit-toroq, u kif u sa liema punt kull waħda mill-għażliet tista’ tilħaq l-objettivi stabbiliti.

(5) Politika ġdida versus leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni.

It-taqsima 8 tiċċara dak li jiġi deċiż issa, abbażi ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt, u dak li se jiġi deċiż aktar tard permezz ta’ leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni.

(6) Il-metodoloġija użata biex jiġu kkwantifikati l-ispejjeż u l-iffrankar

It-taqsima 6 tippreżenta s-sorsi ta’ informazzjoni u s-suppożizzjonijiet ewlenin, filwaqt li tipprovdi aktar dettall fl-Annessi 1 u 4 u tivvaluta l-affidabbiltà tal-estimi u l-inċertezzi possibbli li jaffettwaw il-bażi tal-evidenza.

(7) Valutazzjoni tal-elementi addizzjonali tad-disinn

It-taqsima 6 tispjega għaliex l-elementi addizzjonali tad-disinn li jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-adozzjoni ta’ regoli armonizzati jiġu vvalutati separatament mill-analiżi tal-għażliet ta’ politika ewlenin u tqis kif l-impatti jinbidlu bħala riżultat tal-għażliet magħmula dwar dawn l-elementi tad-disinn. It-tabella tal-ispejjeż u l-benefiċċji fl-Anness 4 tinkludi l-elementi addizzjonali tad-disinn li huma parti mill-għażla ppreferuta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-Istati Membri se jiffaċċjaw xi kostijiet ta’ adattament biex jaġġustaw għar-regolament il-ġdid. Madankollu, minħabba li diġà jimmaniġġaw diversi oqfsa tal-approvazzjoni tat-tip għal vetturi oħrajn, huma għandhom l-istruttura u s-servizzi tekniċi fis-seħħ biex jimmaniġġaw dan ir-regolament addizzjonali mingħajr ma dan jimponi piż sinifikanti.

Din l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ladarba jiġu implimentati, l-impatti attwali tal-għażla ta’ politika magħżula jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u mqabbla mal-objettivi u l-impatti mistennija. Grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni se jiltaqa’ fuq bażi regolari u se jiġbor għarfien espert mis-settur tal-makkinarju mobbli, sabiex janalizza l-applikabbiltà u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Qed jiġu proposti mill-inqas l-indikaturi li ġejjin biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa:

·l-għadd ta’ approvazzjonijiet tal-UE għal makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq mogħtija f’kull Stat Membru;

·l-għadd ta’ approvazzjonijiet nazzjonali għal makkinarju mobbli ġdid mogħtija f’kull Stat Membru, meta mqabbel mal-medja tal-għadd ta’ approvazzjonijiet nazzjonali mogħtija fl-aħħar 5 snin kalendarji qabel ma jibda japplika r-regolament il-ġdid;

·ir-rapportar dwar l-inċidenti fit-toroq b’makkinarju mobbli mill-Istati Membri;

·il-kostijiet diretti tal-konformità għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal kull tip ġdid ta’ makkinarju (dan l‑indikatur jista’ jiġi vvalutat biss permezz ta’ proċess ibbażat fuq stħarriġ, kif imwettaq bħala parti mill-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt; it-twettiq ta’ stħarriġ bħal dan mill-ġdid wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida jipprovdi ċifra komparattiva); u

·l-iffrankar tal-kostijiet indiretti bl-approvazzjoni tal-UE għal kull tip ġdid ta’ makkinarju (dewmien fis-suq): permezz ta’ proċess ibbażat fuq stħarriġ, wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Ir-regolament il-ġdid jenħtieġ li jiġi evalwat fi żmien 5 snin minn meta jibda japplika.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Sa fejn ikun possibbli, il-proposta ssegwi l-istruttura tar-Regolament (UE) Nru 167/2013. L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u, għalhekk, jenħtieġ li jestendi għaż-ŻEE.

KAPITOLU I

Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-iskop tal-proposta, jiġifieri li:

tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għas-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ tali makkinarju; u

tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għas-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE f’konformità ma’ din il-proposta.

Barra minn hekk, dan jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni, billi jistipula li dan japplika għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li jitqiegħed fis-suq tal-UE, u billi jelenka eċċezzjonijiet speċifiċi. Pereżempju, dan il-kapitolu jistabbilixxi li l-proposta ma tapplikax għal approvazzjonijiet individwali, għal kwalunkwe vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew tar-Regolament (UE) 2018/858 jew għal makkinarju mhux tat-triq b’veloċità massima skont id-disinn li taqbeż l-40 km/h.

Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 3, huwa jinkludi definizzjonijiet tat-termini użati fil-proposta.

KAPITOLU II

Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tal-operaturi ekonomiċi (il-manifatturi, ir-rappreżentant tal-manifattur, l-importaturi u d-distributuri).

B’mod partikolari, huwa jobbliga lill-Istati Membri:

jippermettu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq biss li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-proposta; u

jorganizzaw u jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u kontrolli ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jidħol fis-suq f’konformità mal-Kapitoli IV, V u VII tar-Regolament (UE) 2019/1020.

Il-manifatturi huma obbligati jiżguraw li fis-suq jitqiegħed biss makkinarju mhux tat-triq li jkun konformi.

Huwa jelenka wkoll ir-rekwiżiti tekniċi għas-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tispeċifika r-rekwiżiti tekniċi, il-proċeduri u t-testijiet dettaljati.

Fl-aħħar nett, huwa jinkludi dispożizzjoni ġenerali, li tirrikjedi li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq isir disponibbli, jitqiegħed fis-servizz jew jiġi rreġistrat biss jekk ikun konformi.

IL-KAPITOLI III-VIII

Dawn il-kapitoli jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u kwistjonijiet relatati bħaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, iċ-ċertifikat tal-konformità u l-markatura.

B’mod aktar speċifiku, hemm dispożizzjonijiet dwar: (i) l-applikazzjoni u l-folder tal-informazzjoni li jridu jiġu sottomessi; (ii) kif u meta l-awtorità tal-approvazzjoni trid tagħti l-approvazzjoni tat-tip; (iii) iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-emendar tiegħu meta jkun meħtieġ; (iv) il-proċeduri biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi; (v) il-validità tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE; u (vi) l-obbligu li jinħareġ ċertifikat ta’ konformità u titwaħħal il-pjanċa statutorja bil-markatura.

KAPITOLU IX

Dan il-kapitolu fih dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq tal-UE, il-kontrolli tal-makkinarju mhux tat-triq li jidħol fis-suq tal-UE, u l-proċeduri ta’ salvagwardja tal-UE. Huwa jintegra d-dispożizzjonijiet mid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u għandu kontroreferenzi għar-Regolament reċenti dwar is-Sorveljanza tas-Suq (ir-Regolament (UE) 2019/1020).

KAPITOLU X

Skont dan il-kapitolu, il-manifattur huwa obbligat jipprovdi informazzjoni teknika li ma tiddevjax mid-dettalji approvati mill-awtorità tal-approvazzjoni.

KAPITOLU XI

Dan il-kapitolu jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mas-servizzi tekniċi u l-proċeduri għad-deżinjazzjoni ta’ tali servizzi.

KAPITOLU XII

Dan il-kapitolu jinkludi dettalji dwar l-eżerċitar tas-setgħat tal-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati skont il-proposta.

KAPITOLU XIII

Dan il-kapitolu jistabbilixxi forum, jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020, jipprevedi penali u rapportar u jispeċifika d-dati tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni.

F’dan il-kapitolu, hemm dispożizzjoni tranżizzjonali li tippermetti lill-Istati Membri, għal perjodu ta’ 8 snin mid-data tal-applikabbiltà tar-Regolament, japplikaw kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi. Fil-każ fejn il-makkinarju mhux tat-triq jikkonforma ma’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan ma jibbenefikax mill-moviment liberu.

2023/0090 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 22 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Makkinarju mobbli awtopropulsiv, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 , li jkun iddisinjat jew mibni bl-iskop li jwettaq xogħol (“makkinarju mobbli mhux tat-triq”) jista’ jkun li jkollu bżonn, okkażjonalment jew spiss, li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi, l-aktar biex jiċċaqlaq minn post tax-xogħol għal ieħor.

(2)Ċerti aspetti tad-disinn u tal-kostruzzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq diġà huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 , id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 jew id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 , u d-Direttiva 2006/42/KE.

(3)Fir-rigward tas-sikurezza tal-makkinarju mobbli, id-Direttiva 2006/42/KE hija l-att regolatorju ewlieni li japplika għal dak il-makkinarju meta jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni. Hija tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza li jkopru l-funzjoni tal-ivvjaġġar barra mit-triq ta’ makkinarju mobbli bħat-tnaqqis fil-veloċità, il-waqfien, l-ibbrejkjar, il-pożizzjonijiet tas-sewqan, is-sistemi ta’ trażżin, eċċ. Madankollu, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza, stabbiliti f’dik id-Direttiva, huma maħsuba biss biex jindirizzaw is-sikurezza meta l-makkinarju jkun qed jaħdem, iżda ma jkoprux l-aspetti tas-sikurezza ta’ dan il-makkinarju meta dan ikun qed jiċċirkola fit-toroq pubbliċi.

(4)Minħabba n-nuqqas ta’ regoli armonizzati dwar is-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-operaturi ekonomiċi li jipproduċu jew jagħmlu disponibbli fis-suq tal-Unjoni makkinarju mobbli mhux tat-triq qed jiffaċċjaw kostijiet sinifikanti assoċjati mar-rekwiżiti regolatorji differenti fl-Istati Membri. Barra minn hekk, is-sikurezza fit-toroq, għal dak il-makkinarju, ma hijiex żgurata b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

(5)Għall-finijiet tal-iżvilupp u l-operat tas-suq intern tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema armonizzata tal-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi.

(6)Billi l-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jindirizza r-riskji li joħorġu miċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat u mibni biex iwettaq xogħol u mhux għat-trasport ta’ persuni, annimali jew oġġetti (ħlief għall-ġarr ta’ materjali li jikkontribwixxu għat-tħaddim tal-magna), jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal makkinarju li l-uniku objettiv tiegħu huwa s-sempliċi trasport ta’ persuni, annimali jew oġġetti. Għalhekk, it-tipi kollha ta’ apparati ġodda ta’ mobilità personali (scooters elettriċi li toqgħod fuqhom bilwieqfa u bilqiegħda, ċikli bil-pedali assistiti bl-elettriku, inklużi ċikli assistiti bl-enerġija elettrika u dawk maħsuba għall-ġarr ta’ merkanzija kummerċjali, vetturi awtoekwilibranti, inklużi trasportaturi personali u hoverboards awtoekwilibranti, uniċikli elettriċi, skateboards elettriċi u boards “b’rota waħda”, fost l-oħrajn) mhux se jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament.

(7)Minħabba l-iskop ta’ dan ir-Regolament li jindirizza ċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat u mibni biex iwettaq xogħol, u mhux għat-trasport tal-ħaddiema, makkinarju mobbli li jkun mgħammar b’aktar minn tliet pożizzjonijiet bilqiegħda, inkluża l-pożizzjoni bilqiegħda tas-sewwieq, jenħtieġ li jiġi eskluż ukoll minn dan ir-Regolament.

(8)Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jaħdem bil-mod huwa l-maġġoranza tas-suq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. Barra minn hekk, xi Stati Membri stabbilew limitu tal-veloċità taċ-ċirkolazzjoni fit-toroq għal makkinarju mobbli mhux tat-triq ta’ 40 km/h. Barra minn hekk, billi r-riskji għas-sikurezza fit-toroq huma proporzjonali għall-veloċità tat-triq, ma jkunx koerenti li qafas, li jindirizza r-riskji għas-sikurezza għal makkinarju mobbli mhux tat-triq biss u mhux għal vetturi regolari, ikopri makkinarju mobbli veloċi mhux tat-triq. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal makkinarju mobbli b’veloċità massima skont id-disinn ta’ aktar minn 40 km/h.

(9)Approvazzjonijiet individwali jistgħu jkunu ta’ użu għal makkinarju li jkun qed jiċċirkola fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u, għalhekk, tali approvazzjonijiet jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(10)Minħabba li l-intrapriżi żgħar u medji jipproduċu makkinarju mobbli mhux tat-triq f’serje żgħira, li minnhom l-għadd ta’ unitajiet imqiegħda fis-suq, irreġistrati jew imdaħħla fis-servizz ma jaqbiżx, kull sena u f’kull Stat Membru, 50 unità għal dak it-tip, huwa xieraq li tkun permessa approvazzjoni tat-tip nazzjonali f’serje żgħira u, għalhekk, jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, il-manifattur għandu jkun jista’ japplika għal approvazzjoni tat-tip tal-UE sabiex jibbenefika mill-moviment liberu.

(11)Minħabba li, f’ċerti każijiet, il-makkinarju mobbli mhux tat-triq, minħabba d-dimensjonijiet eċċessivi tiegħu, ma jippermettix manuvrabilità suffiċjenti fit-toroq pubbliċi jew, minħabba l-piż jew il-mases eċċessivi tiegħu, jista’ jagħmel ħsara lill-wiċċ tat-toroq pubbliċi jew infrastruttura oħra tat-toroq, huwa xieraq li tiġi pprovduta d-diskrezzjoni lill-Istati Membri li jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ta’ tali makkinarju, anki jekk dan ikun ġie approvat skont it-tip f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(12)Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ korriment lill-persuni u ta’ ħsara fl-infrastruttura tat-toroq, waqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun qed jiċċirkola fi triq pubblika, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti tekniċi. Jenħtieġ li r-rekwiżiti tekniċi jinkludu suġġetti relatati mas-sikurezza fit-toroq, bħall-integrità tal-istruttura tal-vettura, il-veloċità massima skont id-disinn, ir-regolatur tal-veloċità, l-apparat li jillimita l-veloċità u l-ispeedometer, l-apparat tal-ibbrejkjar, l-istering, il-kamp ta’ viżjoni, u l-mases u d-dimensjonijiet.

(13)Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti l-użu ta’ komponenti u unitajiet tekniċi separati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu ġew approvati skont it-tip f’konformità mar-Regolament (UE) 167/2013 jew mar-Regolament (UE) 2018/858.

(14)Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li huma jqiegħdu fis-suq biss makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun konformi ma’ dan ir-Regolament. Jeħtieġ li tiġi prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni.

(15)Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-proċedura għall-monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni, li hija wieħed mill-pedamenti tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, tkun ġiet implimentata b’mod korrett u tkun qed tiffunzjona kif suppost, jenħtieġ li l-manifatturi jiġu vverifikati regolarment mill-awtorità kompetenti jew minn servizz tekniku kwalifikat kif xieraq maħtur għal dak l-iskop.

(16)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u l-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni previsti fir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 japplikaw għal makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert minn dan ir-Regolament u b’rabta mal-aspetti indirizzati jew koperti mir-rekwiżiti tekniċi ta’ dan ir-Regolament u, b’hekk, li jiġi emendat l-Anness I ta’ dak ir-Regolament sabiex jiġu elenkati, f’dak l-Anness, ir-referenzi ta’ dan ir-Regolament.

(17)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u ċerti dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 .

(18)Koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u valutazzjonijiet ikkoordinati taħt id-direzzjoni ta’ awtorità ta’ koordinazzjoni hija fundamentali sabiex jiġi żgurat livell konsistentement għoli ta’ sikurezza u ta’ saħħa fis-suq intern. Hija twassal ukoll għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi skarsi fil-livell nazzjonali. Għal dan l-iskop, jenħtieġ li jiġi stabbilit Forum konsultattiv għall-Istati Membri u l-Kummissjoni bl-objettiv li jippromwovu l-aħjar prattiki, jiskambjaw l-informazzjoni u jikkoordinaw attivitajiet relatati mal-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Minħabba t-twaqqif ta’ tali Forum u meta jitqiesu l-kompiti tiegħu, jenħtieġ li ma jkunx neċessarju li jiġi stabbilit grupp separat ta’ kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2019/1020. Madankollu, jenħtieġ li l-Forum jitqies bħala grupp ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-finijiet tan-Network ta’ Konformità tal-Prodotti tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament.

(19)Sabiex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-limiti li jistgħu jiġu applikati mill-Istati Membri b’rabta mad-dimensjonijiet u l-mases eċċessivi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-applikabbiltà tal-elementi tar-rekwiżiti tekniċi, għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tekniċi dettaljati, proċeduri ta’ ttestjar u metodi ta’ ttestjar, għal ittestjar virtwali, għal arranġamenti fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni u għall-ispeċifikazzjoni ta’ regoli b’rabta mas-servizzi tekniċi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 30 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(20)Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li dawk il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(21)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, tikkunsidra mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, il-kwistjoni ta’ jekk għandhiex tissottometti proposta leġiżlattiva esklussiva għall-armonizzazzjoni tas-sistema ta’ approvazzjoni individwali fil-livell tal-Unjoni jew jekk għandhiex testendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

(22)Sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll l-operaturi ekonomiċi, ikunu jistgħu jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni li taqa’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni li jippermetti lill-manifatturi, matul dak il-perjodu, jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u jibbenefikaw mill-moviment liberu jew li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip.

(23)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi armonizzati, rekwiżiti amministrattivi u proċeduri għall-approvazzjoni tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq ġdid, waqt li jkun qed jiċċirkola fit-toroq pubbliċi, kif ukoll ir-regoli u l-proċeduri għas-sorveljanza tas-suq ta’ tali makkinarju, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi, rekwiżiti amministrattivi u proċeduri, għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE u t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi.

2.Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għas-sorveljanza tas-suq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq.

Artikolu 2

Ambitu

1.Dan ir-Regolament japplika għal makkinarju mobbli mhux tat-triq fejn jitqiegħed fis-suq u jkun maħsub biex jiċċirkola, b’sewwieq jew mingħajru, fi triq pubblika.

2.Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn li ġejjin:

(a)makkinarju mobbli mhux tat-triq b’veloċità massima skont id-disinn li taqbeż l-40 km/h;

(b)makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammar b’aktar minn tliet pożizzjonijiet bilqiegħda, inkluża l-pożizzjoni bilqiegħda tas-sewwieq;

(c)makkinarju, kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2006/42/KE, primarjament maħsub għat-trasport ta’ persuna waħda jew aktar jew annimal wieħed jew aktar, jew kwalunkwe oġġett għajr l-istrumenti jew l-awżiljarji meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol, materjali li jirriżultaw minn jew meħtieġa għax-xogħol jew għall-ħżin intermedju u materjali ttrasportati fuq siti tal-kostruzzjoni;

(d)vetturi, inklużi vetturi bil-mutur, tratturi, trejlers, vetturi b’żewġ jew tliet roti, kwadriċikli u tagħmir irmunkat interkambjabbli, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew tar-Regolament (UE) 2018/858;

(e)makkinarju mobbli mhux tat-triq li tqiegħed fis-suq, ġie rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz qabel [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament];

(f)approvazzjonijiet individwali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi, mogħtija f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(g)approvazzjonijiet ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott f’serje żgħira, għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi, mogħtija f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Fir-rigward ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott f’serje żgħira, il-manifattur jista’ jagħżel li japplika għal approvazzjoni tat-tip tal-UE jew li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti msemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“makkinarju mobbli mhux tat-triq” tfisser kwalunkwe makkinarju mobbli awtopropulsiv, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE, li huwa ddisinjat jew mibni bl-iskop li jwettaq xogħol;

(2)“approvazzjoni individwali” tfisser iċ-ċertifikazzjoni minn awtorità tal-approvazzjoni li makkinarju mhux tat-triq partikolari, kemm jekk uniku kif ukoll jekk le, jissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rilevanti u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni individwali nazzjonali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(3)“makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott f’serje żgħira” tfisser l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li l-għadd ta’ unitajiet tiegħu li jitqiegħdu għad-disponibbiltà fis-suq, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz ma jistax jaqbeż, kull sena u f’kull Stat Membru, 50 unità għal dak it-tip;

(4)“sistema” tfisser assemblaġġ ta’ apparati kkombinati biex iwettqu funzjoni speċifika waħda jew aktar f’makkinarju mobbli mhux tat-triq u li huwa soġġett għar-rekwiżiti tekniċi;

(5) “komponent” tfisser apparat li huwa maħsub biex ikun parti minn makkinarju mobbli mhux tat-triq li jista’ jiġi approvat skont it-tip indipendentement minn dak il-makkinarju;

(6)“unità teknika separata” tfisser apparat li huwa maħsub biex ikun parti minn makkinarju mobbli mhux tat-triq li jista’ jiġi approvat skont it-tip separatament;

(7) “approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser iċ-ċertifikazzjoni minn awtorità tal-approvazzjoni li tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament;

(8)“awtorità tas-sorveljanza tas-suq” tfisser l-awtorità ta’ Stat Membru responsabbli biex twettaq is-sorveljanza tas-suq fit-territorju tal-Istat Membru;

(9)“awtorità tal-approvazzjoni” tfisser l-awtorità ta’ Stat Membru, innotifikata lill-Kummissjoni minn dak l-Istat Membru, b’kompetenza għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, biex toħroġ u, jekk ikun xieraq, tirtira jew tirrifjuta ċ-ċertifikati tal-approvazzjoni, biex taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, biex taħtar is-servizzi tekniċi u biex tiżgura li l-manifattur jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni;

(10)“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità tal-approvazzjoni jew kwalunkwe awtorità oħra involuta fis-sorveljanza tas-suq, fil-kontroll tal-fruntieri jew fir-reġistrazzjoni fi Stat Membru u responsabbli minnhom fir-rigward ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(11)“servizz tekniku” tfisser organizzazzjoni jew korp indipendenti maħtura mill-awtorità tal-approvazzjoni bħala laboratorju tal-ittestjar biex iwettqu testijiet, jew bħala korp għall-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq il-valutazzjoni inizjali u testijiet jew spezzjonijiet oħrajn, f’isem l-awtorità tal-approvazzjoni, jekk ikun possibbli li l-awtorità tal-approvazzjoni nnifisha twettaq dawk il-funzjonijiet;

(12)“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura makkinarju mobbli mhux tat-triq jew li għandha makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat jew manifatturat, u li tikkummerċjalizza dak il-makkinarju taħt isimha jew it-trademark tagħha;

(13)“rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun debitament maħtura mill-manifattur biex twettaq il-kompiti speċifikati fl-Artikolu 8;

(14)“importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun ġie manifatturat f’pajjiż terz;

(15)“distributur” tfisser negozjant jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tagħmel disponibbli fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(16)“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq, l-importatur jew id-distributur;

(17)“tqegħid fis-suq” tfisser it-tqegħid għad-disponibbiltà ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għall-ewwel darba fl-Unjoni;

(18)“tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għad-distribuzzjoni jew l-użu fis-suq matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(19)“dħul fis-servizz” tfisser l-ewwel użu, għall-iskop maħsub tiegħu, fl-Unjoni, ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(20)“reġistrazzjoni” tfisser l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz, inkluż għat-traffiku fit-triq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u l-ħruġ lilu ta’ numru tas-serje li għandu jkun magħruf bħala n-numru tar-reġistrazzjoni, kemm jekk b’mod permanenti kif ukoll jekk temporanjament;

(21)“ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser id-dokument maħruġ mill-awtorità tal-approvazzjoni li jiċċertifika li tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq huwa approvat skont it-tip f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(22)“ċertifikat ta’ konformità” tfisser id-dokument maħruġ mill-manifattur, kif previst f’dan ir-Regolament, li jiċċertifika li makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott jikkonforma mat-tip approvat ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(23)“tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq” tfisser kategorija jew klassi partikolari ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, inklużi varjanti u verżjonijiet ta’ varjanti ta’ dak il-makkinarju, li jikkondividi mill-inqas l-aspetti essenzjali li ġejjin:

(a)il-kategorija jew il-klassi,

(b)il-manifattur,

(c)id-deżinjazzjoni tat-tip mogħtija mill-manifattur,

(d)il-karatteristiċi essenzjali tal-kostruzzjoni u tad-disinn,

(e)ix-xażi tas-sinsla/ix-xażi bil-ġnieb/ix-xażi artikulat (differenzi ovvji u fundamentali),

(f)il-fusien (numru) jew il-binarji (numru),

(g)fil-każ ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq mibni f’diversi stadji, il-manifattur u t-tip tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq fi stadju preċedenti;

(24)“varjant” tfisser makkinarju mobbli mhux tat-triq tal-istess tip li ma jkunx differenti mill-inqas fl-aspetti li ġejjin:

(a)il-kunċett strutturali tal-bodi jew it-tip ta’ karozzerija,

(b)l-istadju tat-tlestija,

(c)il-magna (b’kombustjoni interna/ibrida/elettrika/ibrida-elettrika),

(d)il-prinċipju tat-tħaddim,

(e)in-numru u l-arranġament taċ-ċilindri,

(f)differenza fil-potenza ta’ mhux aktar minn 30 % (bl-ogħla potenza ma tisboqx l-inqas potenza b’1,3 darbiet),

(g)differenza fiċ-ċilindrata ta’ mhux aktar minn 20 % (bl-ogħla ċifra ma tisboqx l-inqas ċifra b’1,2 darbiet),

(h)fusien motorizzati (numru, pożizzjoni, interkonnessjoni),

(i)fusien manuvrabbli (numru u pożizzjoni),

(j)il-massa b’tagħbija massima ma jvarjax b’aktar minn 10 %,

(k)it-trażmissjoni (tip),

(l)l-istruttura ta’ protezzjoni kontra l-qlib,

(m)il-fusien ibbrejkjati (numru);

(25)“verżjoni ta’ varjant” tfisser vetturi li jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ elementi murija fil-pakkett ta’ informazzjoni;

(26)“rekwiżiti tekniċi” tfisser ir-rekwiżiti tekniċi elenkati fl-Artikolu 15;

(27)“pakkett ta’ informazzjoni” tfisser il-pakkett ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 19(4);

(28)“detentur ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li applikat għal approvazzjoni tat-tip tal-UE u li lilha jkun inħareġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(29)“makkinarju mobbli mhux tat-triq li jippreżenta riskju serju” tfisser makkinarju mobbli mhux tat-triq li, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju xierqa li tqis in-natura tal-periklu u l-probabbiltà tal-okkorrenza tiegħu, jippreżenta riskju serju b’rabta mal-aspetti koperti minn dan ir-Regolament;

(30)“sejħa lura” tfisser kwalunkwe miżura mmirata biex tikseb ir-ritorn ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li diġà jkun sar disponibbli għall-utent finali;

(31)“irtirar” tfisser kwalunkwe miżura mmirata biex twaqqaf il-makkinarju mobbli mhux tat-triq fil-katina tal-provvista milli jsir disponibbli fis-suq.

KAPITOLU II

OBBLIGI

Artikolu 4

Obbligi tal-Istati Membri

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jaħtru l-awtoritajiet kompetenti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-twaqqif u l-ħatra ta’ tali awtoritajiet.

2.In-notifika tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq għandha tinkludi isimhom, l-indirizz tagħhom, inkluż l-indirizz elettroniku, u l-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u d-dettalji tagħhom fuq is-sit web tagħha.

3.L-Istati Membri għandhom jippermettu biss it-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

4.L-Istati Membri ma għandhomx, għall-aspetti koperti minn dan ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

5.B’deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)minħabba d-dimensjonijiet eċċessivi tiegħu, il-makkinarju ma jippermettix manuvrabbiltà suffiċjenti fit-toroq pubbliċi; jew

(b)minħabba l-piż jew il-mases eċċessivi tiegħu, il-makkinarju jista’ jagħmel ħsara lis-superfiċe ta’ toroq pubbliċi jew lil infrastruttura oħra tat-toroq.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 biex tissupplimenta dan ir-Regolament li jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu, inkluż għall-massa b’tagħbija massima tal-makkinarju fit-triq, li lil hinn minnha d-dimensjonijiet, il-piż u l-mases tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq jitqiesu bħala eċċessivi skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu. Dawn l-atti delegati jistgħu jistabbilixxu l-kategoriji jew il-klassijiet ta’ makkinarju mhux tat-triq ikkonċernat.

6.L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u kontrolli ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jidħol fis-suq f’konformità mal-Kapitoli IV, V u VII tar-Regolament (UE) 2019/1020.

Artikolu 5

Obbligi tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni

1.L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għal approvazzjoni tat-tip tal-UE jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom japprovaw biss tali makkinarju mobbli mhux tat-triq li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

3.L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom iwettqu dmirijiethom skont dan ir-Regolament b’mod indipendenti u imparzjali. Huma għandhom jikkooperaw b’mod effiċjenti u effettiv, u għandhom jikkondividu informazzjoni rilevanti għar-rwol u l-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 6

Obbligi ġenerali tal-manifatturi

1.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jqiegħdu fis-suq ikun jappartjeni għal tip li jkun ingħata approvazzjoni tat-tip tal-UE u li jkun iddisinjat u manifatturat f’konformità ma’ dak it-tip.

2.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE li jqiegħdu fis-suq ikollu l-pjanċa u l-markatura statutorji, meħtieġa minn dan ir-Regolament, li ċ-ċertifikat ta’ konformità jakkumpanja dak il-makkinarju u li d-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament.

3.Għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq, il-manifatturi stabbiliti barra mill-Unjoni għandhom jaħtru rappreżentant uniku stabbilit fl-Unjoni, li jista’ jkun ir-rappreżentant imsemmi fl-Artikolu 17 jew rappreżentant addizzjonali. Ir-rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat, kif previst fl-Artikolu 8.

4.Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom, u l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku fejn jistgħu jiġu kkuntattjati, fuq il-makkinarju mobbli mhux tat-triq tagħhom jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja dak il-makkinarju. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

5.Il-manifatturi għandhom ikunu responsabbli lejn l-awtorità tal-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess tal-approvazzjoni u biex jiżguraw il-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk ikunu direttament involuti fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, kif ukoll jekk le.

6.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex il-produzzjoni tas-serje tibqa’ konformi mat-tip approvat. Il-bidliet fid-disinn jew fil-karatteristiċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u l-bidliet fir-rekwiżiti li magħhom dak il-makkinarju huwa ddikjarat li jikkonforma għandhom jitqiesu f’konformità mal-Kapitolu V.

7.Il-manifatturi għandhom jiżguraw li, waqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jkun maħsub li jsir disponibbli fis-suq, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Obbligi speċifiċi tal-manifatturi

1.Il-manifatturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma huwiex konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa minnufih biex dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jinġieb f’konformità, biex jirtirawh jew isejħuh lura mis-suq, kif xieraq.

Il-manifattur għandu jinforma minnufih lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE, filwaqt li jagħti dettalji dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura meħuda.

2.Il-manifatturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq jippreżenta riskju serju għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom il-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun sar disponibbli fis-suq għal dak il-għan, filwaqt li jagħtu dettalji dwar in-nuqqas ta’ konformità u kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.

3.Il-manifatturi għandhom iżommu, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni, il-pakkett ta’ informazzjoni u kopja taċ-ċertifikati ta’ konformità, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

4.Wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, il-manifatturi għandhom jipprovdu lil dik l-awtorità permezz tal-awtorità tal-approvazzjoni b’kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tradott f’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità.

Il-manifatturi għandhom jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali fuq kwalunkwe azzjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 2019/1020 biex jeliminaw ir-riskji maħluqa mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq tagħhom li jkun tqiegħed fis-suq, ġie rreġistrat jew iddaħħal fis-servizz.

5.Il-manifatturi għandhom jeżaminaw kwalunkwe lment li jirċievu relatat ma’ riskji, inċidenti suspettati jew kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu qiegħdu fis-suq.

Fil-każ ta’ lment issostanzjat, il-manifatturi għandhom jinformaw lid-distributuri u lill-importaturi tagħhom dwar dan.

Il-manifatturi għandhom iżommu rekord tal-ilmenti msemmija fl-ewwel paragrafu, li jinkludi għal kull ilment, deskrizzjoni tal-kwistjoni u d-dettalji meħtieġa biex jiġi identifikat it-tip affettwat ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

Artikolu 8

Obbligi tar-rappreżentanti tal-manifattur fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq

Ir-rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jkun irċieva mingħand il-manifattur. Dak il-mandat għandu jippermetti li rappreżentant jagħmel dawn li ġejjin:

(a)ikollu aċċess għall-folder tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 18 u għaċ-ċertifikati ta’ konformità;

(b)wara talba motivata minn awtorità tal-approvazzjoni, jipprovdi lil dik l-awtorità bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-produzzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(c)jikkoopera mal-awtoritajiet tal-approvazzjoni jew tas-sorveljanza tas-suq, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġi eliminat ir-riskju serju maħluq mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert mill-mandat tagħhom.

Artikolu 9

Obbligi ġenerali tal-importaturi

1.L-importaturi għandhom jiżguraw li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jqiegħdu fis-suq ikun jappartjeni għal tip li jkun ingħata approvazzjoni tat-tip tal-UE u jikkonforma ma’ dak it-tip.

2.L-importaturi għandhom jiżguraw li makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE li huma jqiegħdu fis-suq ikollu l-pjanċa u l-markatura statutorji, meħtieġa minn dan ir-Regolament, li ċ-ċertifikat ta’ konformità jakkumpanja dak il-makkinarju, li d-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, u li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u (4), fejn applikabbli, ikunu ġew issodisfati.

3.L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom, u l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku fejn jistgħu jiġu kkuntattjati, fuq il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja dak il-makkinarju. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jkun maħsub li jsir disponibbli fis-suq, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Obbligi speċifiċi tal-importaturi

1.L-importaturi ma għandhomx jagħmlu disponibbli fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq li ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, sakemm dan jinġieb f’konformità.

2.L-importaturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma huwiex konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi minnufih biex dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jinġieb f’konformità, biex jirtirawh jew isejħuh lura mis-suq, kif xieraq.

3.L-importaturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq jippreżenta riskju serju għandhom jinformaw minnufih b’dan lill-manifattur, lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom ikunu qegħduh fis-suq jew daħħluh fis-servizz.

L-importatur għandu jinformahom ukoll bi kwalunkwe azzjoni meħuda u jagħti dettalji dwar ir-riskju serju u kwalunkwe miżura korrettiva li tkun ittieħdet mill-manifattur.

4.L-importaturi għandhom, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, iżommu kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq u għandhom jiżguraw li l-pakkett ta’ informazzjoni jkun jista’ jsir disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, fuq talba ta’ dawk l-awtoritajiet stess.

5.L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. L-importaturi għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji maħluqa minn makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu qiegħdu fis-suq.

6.L-importaturi għandhom iżommu rekord tal-ilmenti u tas-sejħiet lura mis-suq relatati ma’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu qiegħdu fis-suq, u għandhom iżommu lid-distributuri tagħhom informati b’tali lmenti u sejħiet lura mis-suq.

Artikolu 11

Obbligi ġenerali tad-distributuri

1.Meta jqiegħdu fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b’rabta mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

2.Qabel ma jqiegħdu fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE, id-distributuri għandhom jivverifikaw li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikollu l-pjanċa u l-markatura statutorji meħtieġa minn dan ir-Regolament;

(b)iċ-ċertifikat ta’ konformità jakkumpanja dak il-makkinarju;

(c)id-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament;

(d)l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u (4) u fl-Artikolu 9(3), fejn applikabbli.

3.Id-distributuri għandhom jiżguraw li, waqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Obbligi speċifiċi tad-distributuri

1.Meta d-distributuri jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, huma għandhom jinformaw b’dan lill-manifattur, lill-importatur u lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE, u ma għandhomx jagħmlu dak il-makkinarju disponibbli fis-suq qabel dan jinġieb f’konformità.

2.Id-distributuri li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw b’dan lill-manifattur, lill-importatur u lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

3.Id-distributuri li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq jippreżenta riskju serju għandhom jinformaw b’dan minnufih lill-manifattur, lill-importatur u lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom għamluh disponibbli fis-suq.

Id-distributur għandu wkoll jinformahom bi kwalunkwe azzjoni meħuda u jagħti dettalji, b’mod partikolari, dwar ir-riskju serju u l-miżuri korrettivi meħuda mill-manifattur.

4.Id-distributuri għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jiżguraw li l-manifattur jipprovdi lill-awtorità nazzjonali l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 7(4) jew li l-importatur jipprovdi lill-awtorità nazzjonali l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 10(4). Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1020 biex jiġu eliminati r-riskji maħluqa mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.

5.Id-distributuri għandhom jinformaw minnufih lill-manifattur rilevanti bi kwalunkwe lment li jkunu rċevew b’rabta mar-riskji, l-inċidenti suspettati jew kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bil-makkinarju mobbli mhux tat-triq li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.

Artikolu 13

Każijiet li fihom l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u għad-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta l-importatur jew id-distributur jagħmel disponibbli fis-suq, jirreġistra jew ikun responsabbli għad-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq taħt ismu jew it-trademark tiegħu;

(b)meta l-importatur jew id-distributur jimmodifika dak il-makkinarju b’tali mod li tkun tista’ tiġi affettwata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

L-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi għandhom, fuq talba, jidentifikaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, dan li ġej:

(a)kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun fornihom b’makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(b)kwalunkwe operatur ekonomiku li lilu jkunu fornew makkinarju mobbli mhux tat-triq.

Artikolu 15

Rekwiżiti tekniċi għal makkinarju mobbli mhux tat-triq

1.Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jkun iddisinjat, mibni u mmuntat b’tali mod li jimminimizza r-riskju ta’ korriment għall-okkupanti u għal persuni oħrajn u r-riskju ta’ ħsara għall-infrastruttura tat-toroq, fiż-żona tal-madwar tal-makkinarju, waqt li dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun qed jiċċirkola fi triq pubblika.

2.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 dwar regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-elementi li ġejjin:

(a)l-integrità tal-istruttura tal-vettura;

(b)il-veloċità massima skont id-disinn, ir-regolatur tal-veloċità, l-apparat li jillimita l-veloċità u l-ispeedometer;

(c)l-apparat tal-ibbrejkjar;

(d)l-istering;

(e)il-kamp ta’ viżjoni;

(f)il-wajpers tal-windscreen;

(g)il-ħġieġ u l-installazzjoni tiegħu;

(h)l-apparat ta’ viżjoni indiretta;

(i)it-tidwil u l-installazzjonijiet tat-tidwil;

(j)in-naħa ta’ barra u l-aċċessorji tal-vettura f’pożizzjoni fit-triq, inklużi t-tagħmir tax-xogħol u l-istruttura li titbandal;

(k)l-apparati ta’ twissija akustika u l-installazzjoni tagħhom;

(l)is-sistemi ta’ tisħin, tneħħija tas-silġ u tneħħija taċ-ċpar;

(m)l-ispazji għall-pjanċi tar-reġistrazzjoni;

(n)il-pjanċa u l-markatura statutorji;

(o)id-dimensjonijiet;

(p)il-mases, inkluża l-massa b’tagħbija massima fit-triq;

(q)it-tankijiet tal-fjuwil;

(r)it-tajers;

(s)il-ger tar-rivers;

(t)il-binarji;

(u)l-igganċjar mekkaniku;

(v)il-pożizzjonijiet bilqiegħda u s-sistemi ta’ trażżin tas-sewwieq u ta’ okkupanti oħrajn;

(w)il-manwal tal-operatur għall-użu fit-triq;

(x)il-kontrolli tal-operatur għall-użu fit-triq;

(y)l-informazzjoni, it-twissijiet u marki fit-triq.

L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jistabbilixxu regoli dettaljati għal kwalunkwe element ieħor, fejn dan ikun meħtieġ, minħabba l-progress tekniku u xjentifiku, u biex tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 1.

L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu wkoll, fejn xieraq, regoli dettaljati dwar dawn li ġejjin:

(a)il-proċeduri tal-ittestjar magħżula minn fost dawk elenkati fl-Artikolu 21(3);

(b)il-metodi tal-ittestjar;

(c)il-valuri ta’ limitu jew il-parametri, b’rabta ma’ kwalunkwe wieħed mill-elementi elenkati fl-ewwel subparagrafu;

(d)deskrizzjoni tat-tagħmir jew tal-partijiet li għandu jkun mgħammar bihom il-makkinarju mobbli mhux tat-triq;

(e)karatteristiċi speċifiċi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq.

L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jispeċifikaw il-klassijiet jew il-kategoriji kkonċernati mir-regoli dettaljati u jistgħu jipprovdu regoli dettaljati differenti għal klassijiet jew kategoriji differenti ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

Artikolu 16

It-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq

1.Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq ma għandux jitqiegħed għad-disponibbiltà fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz, sakemm ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament.

2.Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jkun konformi ma’ dan ir-Regolament biss jekk ikunu ġew issodisfati l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, li jikkorrispondu għal dak il-makkinarju.

KAPITOLU III

PROĊEDURA TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE

Artikolu 17

Applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-UE

1.Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tissottometti applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-UE fi kwalunkwe Stat Membru.

L-applikazzjoni għal approvazzjoni tal-UE għandha tiġi sottomessa lil awtorità tal-approvazzjoni.

Fil-każ fejn l-applikant għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun stabbilit barra mill-Unjoni, dak l-applikant għandu jaħtar rappreżentant uniku stabbilit fl-Unjoni biex jirrappreżentah quddiem l-awtorità tal-approvazzjoni.

2.L-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tikkonsisti fl-approvazzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq kollu kemm hu permezz ta’ operazzjoni waħda.

3.Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni waħda biss għal approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq fi Stat Membru wieħed biss u lil awtorità tal-approvazzjoni waħda biss hemmhekk.

4.Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni separata għal approvazzjoni tat-tip tal-UE għal kull tip li għandu jiġi approvat.

Artikolu 18

Folder tal-informazzjoni

1.Meta jissottometti applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(1), l-applikant għal approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jipprovdi lill-awtorità tal-approvazzjoni b’folder tal-informazzjoni.

2.Il-folder tal-informazzjoni għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)dokument ta’ informazzjoni;

(b)id-data, it-tpinġijiet, ir-ritratti u l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha;

(c)id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;

(d)kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-awtorità tal-approvazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ applikazzjoni.

3.Il-folder tal-informazzjoni għandu jiġi fornut f’format stampat, jew f’format elettroniku li huwa aċċettat mis-servizz tekniku u mill-awtorità tal-approvazzjoni.

4.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mudelli għad-dokument ta’ informazzjoni u għall-folder tal-informazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

KAPITOLU IV

IT-TWETTIQ TAL-PROĊEDURI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar it-twettiq tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE

1.L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE waħda biss għal kull tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

2.L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jivverifikaw dawn kollha li ġejjin:

(a) il-konformità tal-arranġamenti tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 22; u

(b) il-konformità tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.

Jekk awtorità tal-approvazzjoni ssib li tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, għalkemm huwa konformi mar-rekwiżiti tekniċi rilevanti, jippreżenta riskju serju, hija tista’ tirrifjuta li tagħti approvazzjoni tat-tip tal-UE. F’dak il-każ, hija għandha tibgħat minnufih lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni fajl dettaljat li jispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u li jistabbilixxi l-evidenza għas-sejbiet tagħha.

3.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn bir-rifjut jew bl-irtirar tagħha ta’ kwalunkwe approvazzjoni tat-tip tal-UE mingħajr dewmien, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.

4.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tgħaqqad pakkett ta’ informazzjoni li jkun jikkonsisti f’dawn kollha li ġejjin:

(a)folder tal-informazzjoni akkumpanjat mir-rapporti tat-testijiet u d-dokumenti l-oħrajn kollha miżjuda mis-servizz tekniku jew mill-awtorità tal-approvazzjoni mal-folder tal-informazzjoni matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;

(b)indiċi li jelenka l-kontenut tal-pakkett ta’ informazzjoni, innumerat b’mod adegwat jew immarkat mod ieħor sabiex jidentifika b’mod ċar il-paġni kollha u l-format ta’ kull dokument sabiex jippreżenta rekord tal-passi suċċessivi fil-ġestjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, b’mod partikolari d-dati tar-reviżjonijiet u tal-aġġornamenti. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha żżomm l-informazzjoni li jkun fih il-pakkett ta’ informazzjoni disponibbli għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-validità tal-approvazzjoni kkonċernata.

5.Il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għas-sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku msemmija fil-paragrafu 3 u fl-Artikoli 20(3), 25(3) u 26(5). Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format tad-dokumenti elettroniċi li għandhom isiru disponibbli permezz ta’ dik is-sistema, il-mekkaniżmu ta’ skambju, il-proċeduri sabiex l-awtoritajiet jiġu informati dwar l-għoti ta’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE, dwar l-emendi, ir-rifjuti u l-irtirar tagħhom u dwar il-miżuri ta’ sigurtà rilevanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 20

Ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE

1.Meta tingħata approvazzjoni tat-tip tal-UE, għandu jinħareġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE mill-awtorità tal-approvazzjoni lill-applikant għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jibqa’ validu sakemm tkun valida l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jiġi emendat mill-awtorità tal-approvazzjoni meta tiġi emendata l-approvazzjoni tat-tip tal-UE rilevanti.

2.Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jkun fih dawn kollha li ġejjin:

(a)il-pakkett ta’ informazzjoni;

(b)l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet;

(c)l-isem u l-kampjun tal-firma tal-persuna awtorizzata biex tiffirma ċertifikat ta’ konformità u dikjarazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fil-kumpanija;

(d)kampjun mimli taċ-ċertifikat ta’ konformità.

3.Iċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandhom ikunu nnumerati f’konformità ma’ sistema armonizzata stabbilita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2). L-awtorità tal-approvazzjoni għandha, fi żmien xahar mill-ħruġ taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, tibgħat lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, flimkien mad-dokumenti mehmuża, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.

4.Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinħareġ abbażi tal-mudell stabbilit mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2). Fir-rigward ta’ kull tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha:

(a)timla t-taqsimiet rilevanti kollha taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, inkluża l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet mehmuża miegħu;

(b)tikkompila l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni;

(c)toħroġ iċ-ċertifikat mimli, flimkien mad-dokumenti mehmuża tiegħu, lill-applikant għal approvazzjoni tat-tip tal-UE, mingħajr dewmien.

5.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mudell għall-iskeda tar-riżultati tat-testijiet kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

6.Fil-każ ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE li għaliha, f’konformità mal-Artikolu 29, ikunu ġew imposti restrizzjonijiet fir-rigward tal-validità tagħha, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jispeċifika dawk ir-restrizzjonijiet.

7.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ rekwiżiti jew atti applikabbli u tehmeż dik il-lista maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-mudell għal tali lista permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

Artikolu 21

It-turija tal-konformità għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE

1.Għall-fini tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, għandha tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.

2.L-applikant għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu juri l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli billi jistabbilixxi dokumentazzjoni teknika.

3.Jekk l-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament jirrikjedu li jsiru testijiet, id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi rapporti rilevanti tat-testijiet li jirriżultaw mill-proċeduri ta’ ttestjar li ġejjin:

(a)l-ittestjar imwettaq mill-manifattur;

(b)l-ittestjar imwettaq minn servizz tekniku maħtur biex iwettaq tali attività jew is-servizz tekniku intern akkreditat, imsemmi fl-Artikolu 40, ta’ dak il-manifattur;

(c)l-ittestjar imwettaq mill-manifattur taħt is-superviżjoni ta’ servizz tekniku maħtur biex iwettaq tali attività, minbarra servizz tekniku intern akkreditat imsemmi fl-Artikolu 40.

4.Għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, għandhom jiġu aċċettati komponenti jew unità teknika separata li jkunu approvati skont it-tip f’konformità mal-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 167/2013 jew fir-Regolament (UE) 2018/858, jekk ikunu installati u integrati b’mod korrett fil-makkinarju mobbli mhux tat-triq u ma jaffettwawx il-konformità ta’ dak il-makkinarju mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.

5.Il-format tar-rapporti tat-testijiet imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ġenerali kif stipulati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

6.L-applikant għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità tal-approvazzjoni kemm-il makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun meħtieġ skont l-atti delegati rilevanti adottati skont dan ir-Regolament għat-twettiq tat-testijiet meħtieġa minn dawk l-atti delegati.

It-testijiet meħtieġa għandhom jitwettqu fuq makkinarju mobbli mhux tat-triq li huwa rappreżentattiv tat-tip li għandu jiġi approvat.

Madankollu, l-applikant għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE jista’ jagħżel, soġġett għall-ftehim mal-awtorità tal-approvazzjoni, makkinarju mobbli mhux tat-triq li ma huwiex rappreżentattiv ta’ dak it-tip, iżda jikkombina wħud mill-aktar karatteristiċi sfavorevoli fir-rigward tal-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ. Jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar virtwali biex jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess tal-għażla.

7.Soġġett għall-qbil tal-awtorità tal-approvazzjoni, il-metodi ta’ ttestjar virtwali jistgħu jintużaw bħala alternattivi għall-proċeduri tal-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 3 fuq talba tal-applikant fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 9.

8.Il-metodi ta’ ttestjar virtwali għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 9.

9.Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati miksuba permezz ta’ ttestjar virtwali jkunu sinifikanti daqs dawk miksuba permezz ta’ ttestjar fiżiku, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 li jistabbilixxi r-rekwiżiti, li l-konformità magħhom tista’ tiġi ttestjata permezz ta’ ttestjar virtwali, u l-kundizzjonijiet li taħthom għandu jsir l-ittestjar virtwali.

Artikolu 22

Konformità tal-arranġamenti tal-produzzjoni

1.Awtorità tal-approvazzjoni li tagħti approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tivverifika, jekk ikun meħtieġ b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, li jkunu saru arranġamenti ta’ produzzjoni adegwati biex jiġi żgurat li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq fil-produzzjoni jikkonforma mat-tip approvat u mal-pjanijiet ta’ kontroll iddokumentati, li għandhom jiġu miftiehma mad-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal kull approvazzjoni.

2.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tivverifika li d-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun ħareġ għadd suffiċjenti ta’ kampjuni ta’ ċertifikati ta’ konformità f’konformità mal-Artikolu 27 u li d-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun għamel arranġamenti adegwati biex jiżgura li d-data fiċ-ċertifikati ta’ konformità tkun korretta.

3.Awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tieħu l-miżuri meħtieġa b’rabta ma’ dik l-approvazzjoni biex tivverifika, jekk ikun meħtieġ b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jibqgħu adegwati sabiex il-makkinarju mobbli mhux tat-triq fil-produzzjoni jkompli jikkonforma mat-tip approvat u li ċ-ċertifikati ta’ konformità jkomplu jikkonformaw mal-Artikolu 27.

4.L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tista’ twettaq kwalunkwe wieħed mill-kontrolli jew mit-testijiet, meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, fuq kampjuni meħuda fil-bini tad-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, inklużi l-faċilitajiet tal-produzzjoni.

5.Meta awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat approvazzjoni tat-tip tal-UE tistabbilixxi li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 mhux qed jiġu applikati, jiddevjaw b’mod sinifikanti mill-arranġamenti u l-pjanijiet ta’ kontroll miftiehma jew ma jibqgħux jitqiesu bħala adegwati, minkejja li l-produzzjoni titkompla, hija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-proċedura għall-konformità tal-produzzjoni tiġi segwita b’mod korrett jew tirtira dik l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li taddotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 dwar l-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni.

KAPITOLU V

EMENDI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.Id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtorità tal-approvazzjoni li tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE bi kwalunkwe bidla fid-dettalji rreġistrati fil-pakkett ta’ informazzjoni.

2.Dik l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tiddeċiedi liema mill-proċeduri stipulati fl-Artikolu 24 għandha tiġi segwita.

3.Fejn meħtieġ u wara li tikkonsulta mad-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tiddeċiedi li jeħtieġ li tingħata emenda tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

4.Id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għandha tiġi emendata għandu jissottometti applikazzjoni għall-emenda ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għandha tiġi emendata.

5.Meta l-awtorità tal-approvazzjoni tistabbilixxi li, għall-finijiet li ssir emenda għal approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-ispezzjonijiet jew it-testijiet jeħtieġ li jiġu ripetuti, hija għandha tinforma lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għandha tiġi emendata b’dan.

Il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 24 għandhom japplikaw biss jekk, abbażi ta’ dawk l-ispezzjonijiet jew it-testijiet, l-awtorità tal-approvazzjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għadhom qed jiġu ssodisfati.

Artikolu 24

Emendi għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE

1.Meta l-awtorità tal-approvazzjoni tivverifika li d-dettalji rreġistrati fil-pakkett ta’ informazzjoni jkunu nbidlu, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tagħti emenda għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għaliha tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 23.

2.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tindika l-emenda bħala “reviżjoni” jekk ma jkunx meħtieġ li l-ispezzjonijiet jew it-testijiet jiġu ripetuti.

F’każ bħal dan, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ il-paġni riveduti tal-pakkett ta’ informazzjoni kif meħtieġ, filwaqt li timmarka kull paġna riveduta biex turi b’mod ċar in-natura tal-bidla u d-data tal-ħruġ mill-ġdid. Verżjoni kkonsolidata u aġġornata tal-pakkett ta’ informazzjoni, akkumpanjata minn deskrizzjoni dettaljata tal-bidliet, għandha titqies li tissodisfa dak ir-rekwiżit.

3.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tindika l-emenda bħala “estensjoni” jekk isseħħ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)ikunu meħtieġa aktar spezzjonijiet jew testijiet;

(b)tkun inbidlet kwalunkwe informazzjoni fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti mehmuża tiegħu;

(c)rekwiżiti ġodda taħt kwalunkwe att delegat adottat skont dan ir-Regolament isiru applikabbli għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip.

4.Kull meta jinħarġu paġni emendati tal-pakkett ta’ informazzjoni jew verżjoni kkonsolidata u aġġornata ta’ dak il-pakkett, l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni mehmuż maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għandu jiġi emendat b’dan sabiex tintwera d-data tal-aktar estensjoni jew reviżjoni reċenti, jew id-data tal-aktar konsolidazzjoni reċenti tal-verżjoni aġġornata.

5.Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda emenda għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq jekk ir-rekwiżiti l-ġodda msemmija fil-paragrafu 3(c) ikunu, mil-lat tekniku, irrilevanti għal dak it-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

Artikolu 25

Il-ħruġ u n-notifika tal-emendi

1.Fil-każ ta’ reviżjoni, id-dokumenti riveduti jew il-verżjoni kkonsolidata u aġġornata, kif xieraq, inkluż l-indiċi rivedut għall-pakkett ta’ informazzjoni, għandhom jinħargu mill-awtorità tal-approvazzjoni lid-detentur tal-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE.

2.Fil-każ ta’ estensjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE rivedut indikat b’numru tal-estensjoni u inkrementat f’konformità man-numru ta’ estensjonijiet suċċessivi diġà mogħtija. Dak iċ-ċertifikat għandu juri b’mod ċar ir-raġuni għall-estensjoni u d-data tal-ħruġ mill-ġdid taċ-ċertifikat aġġornat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. It-taqsimiet rilevanti kollha ta’ dak iċ-ċertifikat, id-dokumenti mehmuża miegħu, u l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni għandhom jiġu aġġornati.

Dak iċ-ċertifikat aġġornat u d-dokumenti mehmuża miegħu għandhom jinħarġu mill-awtorità tal-approvazzjoni lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

3.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika kwalunkwe emenda li ssir għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.

 
KAPITOLU VI

IL-VALIDITÀ TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE

Artikolu 26

Tmiem tal-validità

1.L-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE għandhom jingħataw għal durata mhux limitata.

2.Approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha ssir invalida f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)il-produzzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE titwaqqaf definittivament b’mod volontarju;

(b)ir-rekwiżiti ġodda applikabbli għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE jsiru obbligatorji għat-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, u ma jkunx possibbli li l-approvazzjoni tat-tip tiġi aġġornata f’konformità mal-Kapitolu V;

(c)il-validità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tiskadi bis-saħħa ta’ restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 29(3);

(d)l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tkun ġiet irtirata f’konformità mal-Artikolu 22(5).

Madankollu, fil-każ tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-approvazzjoni tat-tip tal-UE u ċ-ċertifikat rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandhom isiru invalidi 18-il xahar wara d-data tal-applikabbiltà tar-rekwiżiti l-ġodda msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

3.Meta jiġi affettwat varjant wieħed biss fi ħdan tip wieħed jew verżjoni waħda fi ħdan varjant, l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq inkwistjoni għandha ssir invalida biss sa fejn ikunu kkonċernati l-varjant jew il-verżjoni partikolari.

4.Meta l-produzzjoni ta’ tip partikolari ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq titwaqqaf b’mod definittiv, id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinnotifika b’dan lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq.

5.Fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 4, l-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn b’dan, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.

6.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, f’każijiet fejn approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq tkun waslet biex issir invalida, id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinnotifika b’dan lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tikkomunika mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha rilevanti lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.

7.Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tispeċifika, b’mod partikolari, id-data tal-produzzjoni u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura tal-aħħar makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott.

 
KAPITOLU VII

IĊ-ĊERTIFIKAT TA’ KONFORMITÀ U L-PJANĊA STATUTORJA BIL-MARKATURA

Artikolu 27

Iċ-ċertifikat ta’ konformità

1.Il-manifattur għandu jagħti ċertifikat ta’ konformità biex jakkumpanja kull makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiġi manifatturat f’konformità mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE.

2.Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jingħata mingħajr ħlas lill-utent finali flimkien mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. L-għoti tiegħu ma jistax jiddependi minn talba espliċita jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni addizzjonali lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

3.Iċ-ċertifikat ta’ konformità jista’ jiġi pprovdut f’format stampat jew f’format elettroniku.

Madankollu, jekk ix-xerrej jitlob, fil-ħin tax-xiri tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, format stampat ta’ dak iċ-ċertifikat, dak iċ-ċertifikat għandu jiġi pprovdut f’format stampat mingħajr ħlas.

4.Għal perjodu ta’ 10 snin wara d-data tal-produzzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, il-manifattur għandu, fuq talba tas-sid tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, joħroġ ċertifikat ta’ konformità duplikat bi ħlas li ma jaqbiżx il-kost tal-ħruġ tiegħu. Il-kelma “duplikat” għandha tkun viżibbli b’mod ċar, bil-lingwa li biha jkun tfassal dak iċ-ċertifikat ta’ konformità, fuq il-wiċċ ta’ kwalunkwe ċertifikat duplikat.

5.Il-manifattur għandu juża l-mudell għaċ-ċertifikat ta’ konformità adottat mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2). Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jitfassal b’tali mod li jipprevjeni l-falsifikazzjoni. Għal dak il-għan, l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jipprevedu li l-format użat fiċ-ċertifikat għandu jkun protett minn diversi karatteristiċi ta’ sigurtà. Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jitfassal b’lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru. Kwalunkwe awtorità tal-approvazzjoni tista’ titlob mill-manifattur li jkollu ċ-ċertifikat ta’ konformità tiegħu tradott fil-lingwi uffiċjali tagħha.

6.Il-persuna awtorizzata biex tiffirma ċ-ċertifikati ta’ konformità għandha tkun fl-organizzazzjoni tal-manifattur u debitament awtorizzata mill-maniġment biex tinvolvi bis-sħiħ ir-responsabbiltà legali tal-manifattur fir-rigward tad-disinn u l-kostruzzjoni jew tal-konformità tal-produzzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq.

7.Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jimtela fl-intier tiegħu u mingħajr ma jkun fih restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, minbarra dawk previsti f’dan ir-Regolament.

8.Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu, għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat f’konformità mal-Artikolu 29(2), juri fit-titolu tiegħu l-frażi “Għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, approvat skont it-tip bl-applikazzjoni tal-Artikolu 29(2) ta’ [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal l-isem sħiħ u d-data ta’ dan ir-regolament - att adottat] (approvazzjoni provviżorja)”.

9.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-manifattur jista’ jibgħat iċ-ċertifikat ta’ konformità b’mezzi elettroniċi lill-awtorità tar-reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru.

Artikolu 28

Pjanċa statutorja bil-markatura ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq

1.Il-manifattur ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jwaħħal pjanċa statutorja b’markatura ma’ kull makkinarju mobbli mhux tat-triq manifatturat f’konformità mat-tip approvat.

2.Il-pjanċa statutorja bil-markatura għandha tkun f’konformità mal-mudell stabbilit mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2). L-ewwel tali atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – 30 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.].

KAPITOLU VIII

TEKNOLOĠIJI ĠODDA JEW KUNĊETTI ĠODDA

Artikolu 29

Eżenzjonijiet għal teknoloġiji ġodda jew kunċetti ġodda

1.L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tista’ tiġi sottomessa fir-rigward ta’ tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jinkorpora teknoloġiji jew kunċetti ġodda li huma inkompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.

2.L-awtorità tal-approvazzjoni għandha, wara li tivvaluta li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma ssodisfati, tagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)l-applikazzjoni tiddikjara r-raġunijiet għaliex it-teknoloġiji jew il-kunċetti inkwistjoni huma inkompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli;

(b)l-applikazzjoni tiddeskrivi l-implikazzjonijiet b’rabta mal-aspetti koperti tat-teknoloġija l-ġdida u l-miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat mill-inqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni b’rabta mal-aspetti koperti bħal dak ipprovdut mir-rekwiżiti li minnhom tintalab l-eżenzjoni;

(c)id-deskrizzjonijiet u r-riżultati tat-testijiet imwettqa minn servizz tekniku maħtur biex iwettaq tali attività jew mis-servizz tekniku intern akkreditat, imsemmi fl-Artikolu 38, ta’ dak il-manifattur, juru li l-kundizzjoni fil-punt (b) hija ssodisfata.

3.L-għoti ta’ tali approvazzjoni tat-tip tal-UE li teżenta teknoloġiji ġodda jew kunċetti ġodda għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. Dik l-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni għandhom jingħataw permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

Fejn xieraq, tali att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija minnu hijiex soġġetta għal xi restrizzjoni, inkluż perjodu ta’ validità.

Fil-każijiet kollha, l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tkun valida għal mill-inqas 36 xahar.

4.Sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tagħti approvazzjoni tat-tip tal-UE provviżorja.

Madankollu, tali approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tkun valida biss fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, fir-rigward ta’ tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert mill-eżenzjoni mitluba, u l-Istati Membri li l-awtorità tal-approvazzjoni tagħhom aċċettat dik l-approvazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5.

L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip provviżorja tal-UE għandha tinforma lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet tal-approvazzjoni oħrajn mingħajr dewmien permezz ta’ fajl li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dak il-paragrafu huma ssodisfati.

In-natura provviżorja u l-validità territorjali limitata għandhom jidhru fl-intestatura taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip u fl-intestatura taċ-ċertifikat ta’ konformità. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tipprevedi mudelli għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

5.Awtorità tal-approvazzjoni, għajr l-awtorità msemmija fil-paragrafu 4, tista’ taċċetta bil-miktub l-approvazzjoni tat-tip tal-UE provviżorja msemmija fil-paragrafu 4, sabiex il-validità ta’ dik l-approvazzjoni provviżorja tiġi estiża fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

6.Meta l-Kummissjoni tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika minnufih lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip provviżorja msemmija fil-paragrafu 3 li l-approvazzjoni provviżorja se tiġi rrevokata 6 xhur wara d-data tal-applikabbiltà tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.

Madankollu, il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jista’ jitqiegħed fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz fl-Istat Membru li tiegħu l-awtorità tal-approvazzjoni tkun tat dik l-approvazzjoni u fi kwalunkwe Stat Membru li tiegħu l-awtorità tal-approvazzjoni tkun aċċettat dik l-approvazzjoni, jekk:

(a)dak il-makkinarju kien manifatturat f’konformità mal-approvazzjoni tat-tip provviżorja tal-UE qabel waqaf ikun validu;

(b)dak il-makkinarju jkollu l-pjanċa u l-markatura statutorji meħtieġa minn dan ir-Regolament;

(c)iċ-ċertifikat ta’ konformità provviżorju jakkumpanja dak il-makkinarju; u

(d)id-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Emenda sussegwenti tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni

7.Meta l-Kummissjoni tawtorizza l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 29, hija għandha tieħu l-passi meħtieġa minnufih biex temenda l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni kkonċernati għall-iżviluppi tekniċi.

8.Hekk kif l-atti rilevanti jkunu ġew emendati, kwalunkwe restrizzjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-eżenzjoni għandha titneħħa.

9.Jekk ma jkunux ittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu emendati l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni, tawtorizza lill-Istat Membru, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2), sabiex jestendi l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

KAPITOLU IX

KLAWŻOLI TA’ SALVAGWARDJA

Artikolu 31

Evalwazzjoni nazzjonali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq suspettat li jippreżenta riskju serju jew li ma jkunx konformi

1.Meta, abbażi tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom stess, jew abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn awtorità tal-approvazzjoni jew minn manifattur jew abbażi tal-ilmenti, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru ikollha biżżejjed raġunijiet biex temmen li makkinarju mobbli mhux tat-triq jippreżenta riskju serju jew ma huwiex konformi ma’ dan ir-Regolament, hija għandha twettaq evalwazzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

2.L-operaturi ekonomiċi rilevanti u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni rilevanti għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Artikolu 32

Proċeduri nazzjonali biex jiġi ttrattat makkinarju mobbli mhux tat-triq li jippreżenta riskju serju jew li ma jkunx konformi

1.Meta, wara li tkun wettqet l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 31, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq issib li makkinarju mobbli mhux tat-triq jippreżenta riskju serju, hija għandha tesiġi mingħajr dewmien li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi xierqa kollha mingħajr dewmien biex jiġi żgurat li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat ma għadux jippreżenta dak ir-riskju.

2.Meta, wara li tkun wettqet l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 31, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq issib li makkinarju mobbli mhux tat-triq ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament u li ma jippreżentax riskju serju kif imsemmi fil-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tesiġi mingħajr dewmien li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi xierqa kollha f’perjodu raġonevoli sabiex dak il-makkinarju jinġieb f’konformità. Dak il-perjodu għandu jkun proporzjonat mas-serjetà tan-nuqqas ta’ konformità.

3.L-operaturi ekonomiċi għandhom, f’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 13, jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi xierqa kollha fir-rigward tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq kollu kkonċernat li jkunu qiegħdu fis-suq, irreġistraw jew daħħlu fis-servizz.

4.Meta l-operaturi ekonomiċi ma jeħdux miżuri korrettivi xierqa fil-perjodu rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 jew 2 jew meta r-riskju jkun jeħtieġ azzjoni rapida, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri restrittivi provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni, inkluża projbizzjoni miċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi, jew id-dħul fis-servizz tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat, fis-suq nazzjonali tagħhom, jew biex jirtiraw tali makkinarju minn dak is-suq jew biex isejħuh lura.

5.L-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/1020 għandu japplika għall-miżuri restrittivi msemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 33

Miżuri korrettivi u restrittivi fil-livell tal-Unjoni

1.L-awtorità tas-sorveljanza tas-suq li tieħu miżuri korrettivi jew restrittivi f’konformità mal-Artikolu 32 għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn mingħajr dewmien, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020.

31 Hija għandha wkoll tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni dwar is-sejbiet tagħha. Fil-każijiet ta’ makkinarju mhux tat-triq li jippreżenta riskju serju, il-miżuri korrettivi jew restrittivi għandhom jiġu nnotifikati wkoll permezz tas-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni Rapida (RAPEX) imsemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill .

L-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, inkluża d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat, l-oriġini tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità jew ir-riskju involut, in-natura u t-tul tal-miżuri korrettivi u restrittivi nazzjonali meħuda, u l-argumenti mressqa, meta dawk l-argumenti jitressqu mill-operatur ekonomiku rilevanti.

2.L-Istat Membru li jieħu l-miżura korrettiva jew restrittiva għandu jindika jekk ir-riskju jew in-nuqqas ta’ konformità huwiex dovut għal dawn li ġejjin:

(a)in-nuqqas tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament; jew

(b)in-nuqqasijiet fl-atti regolatorji rilevanti adottati skont dan ir-Regolament.

3.L-Istati Membri għajr l-Istat Membru li jieħu l-miżuri korrettivi jew restrittivi għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, fi żmien xahar wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, dwar kwalunkwe miżura korrettiva jew restrittiva li jkunu adottaw u dwar kwalunkwe informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom relatata man-nuqqas ta’ konformità jew mar-riskju tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat, kif ukoll, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura nazzjonali nnotifikata, tal-oġġezzjonijiet tagħhom.

4.Meta, fi żmien 3 xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni minn Stat Membru ieħor jew mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura nazzjonali nnotifikata, l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri korrettivi jew restrittivi simili mingħajr dewmien fit-territorji tagħhom fir-rigward tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat.

5.Meta, fi żmien 3 xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, Stat Membru ieħor jew il-Kummissjoni jqajmu oġġezzjoni fir-rigward ta’ miżura nazzjonali nnotifikata, jew meta l-Kummissjoni tikkunsidra li miżura nazzjonali nnotifikata tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri kkonċernati u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti mingħajr dewmien.

6.Abbażi tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi dwar miżuri korrettivi jew restrittivi armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2).

7.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika minnufih id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 6 lill-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-miżuri li jinsabu fl-atti msemmija fil-paragrafu 6 mingħajr dewmien u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

8.Meta l-Kummissjoni tqis li miżura nazzjonali nnotifikata ma hijiex ġustifikata jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira jew jadatta l-miżura, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 6.

9.Meta r-riskju jew in-nuqqas ta’ konformità jiġi attribwit għal nuqqasijiet fl-atti regolatorji adottati skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-emendi meħtieġa għall-atti kkonċernati.

10.Meta miżura korrettiva titqies li hija ġustifikata f’konformità ma’ dan l-Artikolu jew tkun soġġetta għall-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, dik il-miżura għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas għad-detenturi ta’ reġistrazzjonijiet għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq affettwat. Meta t-tiswijiet ikunu twettqu għas-spejjeż tad-detentur tar-reġistrazzjoni qabel l-adozzjoni tal-miżura korrettiva, il-manifattur għandu jirrimborża l-kost ta’ tali tiswijiet sal-kost tat-tiswijiet meħtieġa minn dik il-miżura korrettiva.

KAPITOLU X

L-GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI TEKNIKA

Artikolu 34

Informazzjoni maħsuba għall-utenti

1.Il-manifattur ma għandu jipprovdi l-ebda informazzjoni teknika relatata mad-dettalji previsti f’dan ir-Regolament li jvarjaw mid-dettalji approvati mill-awtorità tal-approvazzjoni.

2.Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli għall-utenti l-informazzjoni rilevanti kollha u l-istruzzjonijiet meħtieġa li jiddeskrivu kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni marbuta mal-użu ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi pprovduta fil-manwal tal-operatur għall-użu fit-triq.

4.Il-manwal tal-operatur għall-użu fit-triq, inkluż it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2, għandu jkun disponibbli mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq u jiġi pprovdut:

(a)bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jitqiegħed fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz; u

(b)f’format stampat jew elettroniku.

Meta l-manwal tal-operatur jiġi pprovdut f’format elettroniku, il-manifattur għandu jipprovdi l-informazzjoni f’format stampat jew fuq karta dwar kif għandu jiġi aċċessat jew jinstab dak il-manwal, bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jitqiegħed fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz.

 
KAPITOLU XI

IL-ĦATRA U N-NOTIFIKA TAS-SERVIZZI TEKNIĊI

Artikolu 35

Rekwiżiti relatati ma’ servizzi tekniċi

1.L-awtoritajiet tal-approvazzjoni responsabbli mill-ħatra għandhom jiżguraw li, qabel ma jaħtru servizz tekniku skont l-Artikolu 37, dak is-servizz jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu.

2.Servizz tekniku għandu jiġi stabbilit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jkollu personalità ġuridika, ħlief għal servizz tekniku li jappartjeni għal awtorità tal-approvazzjoni tat-tip u ħlief għal servizz tekniku intern akkreditat tal-manifattur, kif imsemmi fl-Artikolu 38.

3.Servizz tekniku għandu jkun korp terz indipendenti mill-proċess tad-disinn, tal-manifattura, tal-provvista jew tal-manutenzjoni tal-apparat mobbli mhux tat-triq li huwa jivvaluta.

Korp li jappartjeni għal assoċjazzjoni ta’ impriżi jew federazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-impriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-forniment, l-assemblaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li huwa jivvaluta, jittestja jew jispezzjona jista’, bil-kundizzjoni li jintwerew l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu.

4.Servizz tekniku, l-ogħla livell tal-maniġment tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom jinħatru f’konformità mal-Artikolu 37(1) ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur jew dak li jagħmel il-manutenzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq li huma jivvalutaw, u lanqas ma għandhom jirrappreżentaw il-partijiet involuti f’dawk l-attivitajiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ivvalutat imsemmi fil-paragrafu 3 li huwa meħtieġ għat-tħaddim tas-servizz tekniku jew l-użu ta’ tali makkinarju mobbli mhux tat-triq għal skopijiet personali.

5.Servizz tekniku għandu jiżgura li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew tas-sottokuntratturi tiegħu ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar.

6.Servizz tekniku u l-persunal tiegħu għandhom iwettqu l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikunu nħatru bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u bil-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom, speċjalment tali pressjonijiet jew inċentivi li joħorġu minn persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

7.Servizz tekniku għandu jkun kapaċi jwettaq il-kategoriji kollha ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar f’konformità mal-Artikolu 37(1), billi juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tiegħu, li huwa għandu:

(a)persunal b’ħiliet xierqa, għarfien tekniku speċifiku u taħriġ vokazzjonali, kif ukoll esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompitu;

(b)deskrizzjonijiet tal-proċeduri rilevanti għall-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom qed ifittex li jinħatar, li jiżguraw it-trasparenza u r-riproduċibbiltà ta’ dawk il-proċeduri;

(c)il-proċeduri għat-twettiq tal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom qed ifittex li jinħatar, li jqisu kif xieraq il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq inkwistjoni, u n-natura tal-massa jew tas-serje tal-proċess tal-produzzjoni; u

(d)il-mezzi meħtieġa biex iwettaq b’mod xieraq il-kompiti konnessi mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom qed ifittex li jinħatar u li għandu aċċess għat-tagħmir jew il-faċilitajiet kollha meħtieġa.

Barra minn hekk, huwa għandu juri lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra l-konformità tiegħu mar-regoli stipulati fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 41 li huma rilevanti għall-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar.

8.Is-servizzi tekniċi, l-ogħla livell tal-maniġment tagħhom u l-persunal responsabbli mill-valutazzjoni għandhom ikunu imparzjali. Huma ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom jinħatru.

9.Is-servizzi tekniċi għandhom jagħmlu polza tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà relatata mal-attivitajiet tagħhom, sakemm ir-responsabbiltà ma tiġix preżunta mill-Istat Membru f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

10.Il-persunal ta’ servizz tekniku għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħtih effett, ħlief b’rabta mal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra jew fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom ikunu protetti.

Artikolu 36

Is-sussidjarji tas-servizzi tekniċi u s-sottokuntrattar minnhom

1.Is-servizzi tekniċi jistgħu jissottokuntrattaw uħud mill-attivitajiet li għalihom ikunu nħatru f’konformità mal-Artikolu 37(1) jew jafdaw it-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet f’idejn sussidjarja biss bil-qbil tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom.

2.Meta servizz tekniku jissottokuntratta kompiti speċifiċi konnessi mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar jew jirrikorri għal sussidjarja, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarja jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35 u għandu jinforma b’dan lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra.

3.Is-servizzi tekniċi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa minn kwalunkwe wieħed jew waħda mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji tagħhom, kull fejn dawn ikunu stabbiliti.

4.Is-servizzi tekniċi għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja u l-kompiti mwettqa minnhom.

Artikolu 37

Il-ħatra tas-servizzi tekniċi

1.Is-servizzi tekniċi għandhom jinħatru għal waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ attivitajiet li ġejjin, skont il-qasam ta’ kompetenza tagħhom:

(a)il-kategorija A: is-servizzi tekniċi li jwettqu t-testijiet imsemmija f’dan ir-Regolament fil-faċilitajiet tagħhom stess;

(b)il-kategorija B: is-servizzi tekniċi li jissorveljaw it-testijiet imsemmija f’dan ir-Regolament, fejn tali testijiet jitwettqu fil-faċilitajiet tal-manifattur jew fil-faċilitajiet ta’ parti terza;

(c)il-kategorija Ċ: is-servizzi tekniċi li jivvalutaw u jimmonitorjaw fuq bażi regolari l-proċeduri tal-manifattur għall-kontroll tal-konformità tal-produzzjoni;

(d)il-kategorija D: is-servizzi tekniċi li jissorveljaw jew iwettqu testijiet jew spezzjonijiet għas-sorveljanza tal-konformità tal-produzzjoni.

2.Awtorità tal-approvazzjoni tista’ tinħatar bħala servizz tekniku għal waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.Is-servizzi tekniċi ta’ pajjiż terz, minbarra dawk maħtura f’konformità mal-Artikolu 38, jistgħu jiġu nnotifikati għall-finijiet tal-Artikolu 41, iżda biss jekk tali aċċettazzjoni tas-servizzi tekniċi tkun prevista minn ftehim bilaterali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dan ma għandux iżomm lil servizz tekniku stabbilit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 35(2) milli jistabbilixxi sussidjarji f’pajjiżi terzi, diment li s-sussidjarji jkunu direttament ġestiti u kkontrollati mis-servizz tekniku maħtur.

Artikolu 38

Servizzi tekniċi interni akkreditati tal-manifattur

1.Servizz tekniku intern akkreditat ta’ manifattur jista’ jinħatar biss biex iwettaq l-attivitajiet taħt il-kategorija A, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 37(1). Dak is-servizz tekniku għandu jikkostitwixxi parti separata u distinta mill-impriża u ma għandux ikun involut fid-disinn, il-manifattura, il-provvista jew il-manutenzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, tas-sistemi, tal-komponenti jew tal-unitajiet tekniċi separati li huwa jivvaluta.

2.Servizz tekniku intern akkreditat għandu jinħatar mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru u jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) is-servizz tekniku intern akkreditat għandu jkun akkreditat minn korp nazzjonali ta’ akkreditament kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 u f’konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 39;

(b)is-servizz tekniku intern akkreditat u l-persunal tiegħu għandhom ikunu identifikabbli mil-lat organizzattiv u jkollhom metodi ta’ rapportar fl-impriża li jkunu jifformaw parti minnha li jiżguraw l-imparzjalità tagħhom u juruha lill-korp nazzjonali ta’ akkreditament rilevanti;

(c)la s-servizz tekniku intern akkreditat u lanqas il-persunal tiegħu ma għandhom jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikunu nħatru;

(d)is-servizz tekniku intern akkreditat għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu esklussivament lill-impriża li jagħmel parti minnha.

3.Servizz tekniku intern akkreditat ma għandux bżonn jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 41, iżda l-informazzjoni dwar l-akkreditazzjoni tiegħu għandha tingħata mill-impriża li jagħmel parti minnha jew mill-korp nazzjonali ta’ akkreditament lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra fuq talba ta’ dik l-awtorità.

Artikolu 39

Regoli għall-valutazzjoni tas-servizzi tekniċi u tas-servizzi tekniċi interni akkreditati

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 dwar ir-regoli li magħhom is-servizzi tekniċi għandhom jikkonformaw għall-valutazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 40 u l-akkreditazzjoni ta’ servizzi tekniċi interni f’konformità mal-Artikolu 38.

Artikolu 40

Valutazzjoni tal-ħiliet tas-servizzi tekniċi

1.L-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tfassal rapport ta’ valutazzjoni li juri li s-servizz tekniku kandidat ikun ġie vvalutat għall-konformità tiegħu mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament. Dak ir-rapport jista’ jinkludi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ minn korp ta’ akkreditament.

2.Il-valutazzjoni li fuqha jkun ibbażat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandha ssir f’konformità mar-regoli stipulati f’att delegat imsemmi fl-Artikolu 39. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jiġi rivedut mill-inqas kull 3 snin.

3.Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni fuq talba. F’tali każijiet, meta l-valutazzjoni ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ minn korp nazzjonali ta’ akkreditament li jiċċertifika li s-servizz tekniku jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’dokument ta’ sostenn li jiċċertifika l-kompetenza tas-servizz tekniku u l-arranġamenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-servizz tekniku jiġi mmonitorjat regolarment mill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra u li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament.

4.L-awtorità tal-approvazzjoni li jkollha l-ħsieb li tinħatar bħala servizz tekniku f’konformità mal-Artikolu 37(2) għandha tiddokumenta l-konformità permezz ta’ valutazzjoni mwettqa minn awdituri indipendenti mill-attività li tkun qed tiġi vvalutata. Tali awdituri jistgħu jkunu mill-istess organizzazzjoni, sakemm ikunu ġestiti separatament mill-persunal li jwettaq l-attività vvalutata.

5.Servizz tekniku intern akkreditat għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 41

Proċeduri għan-notifika

1.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem, l-indirizz, inkluż l-indirizz elettroniku, il-persuni responsabbli u l-kategorija ta’ attivitajiet fir-rigward ta’ kull servizz tekniku li jkunu ħatru, kif ukoll kwalunkwe modifika sussegwenti għal dawk il-ħatriet. L-att ta’ notifika għandu jiddikjara għal liema suġġetti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament inħatru s-servizzi tekniċi.

2.Servizz tekniku jista’ jwettaq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 37(1) f’isem l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra responsabbli mill-approvazzjoni tat-tip biss jekk ikun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.Is-servizz tekniku msemmi fil-paragrafu 2 jista’ jinħatar minn diversi awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-ħatra u jiġi nnotifikat mill-Istati Membri ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-ħatra, irrispettivament mill-kategorija jew kategoriji ta’ attivitajiet li se jwettaq f’konformità mal-Artikolu 37(1).

4.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla rilevanti sussegwenti fil-ħatra.

5.Meta organizzazzjoni speċifika jew korp kompetenti li jwettqu attività mhux inkluża f’dawk imsemmija fl-Artikolu 37(1) ikollhom bżonn jinħatru b’applikazzjoni tal-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament, in-notifika għandha ssir f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

6.Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista u dettalji tas-servizzi tekniċi nnotifikati f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Bidliet fil-ħatriet

1.Meta awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tkun aċċertat ruħha jew tkun ġiet informata li servizz tekniku maħtur minnha ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira l-ħatra, kif xieraq, skont is-serjetà tan-nuqqas li jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti jew dawk l-obbligi. L-Istat Membru li jkun innotifika dan is-servizz tekniku għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha timmodifika l-informazzjoni ppubblikata msemmija fl-Artikolu 41(6) b’dan.

2.Fil-każ ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tal-ħatra, jew fejn is-servizz tekniku jkun waqqaf l-attività tiegħu, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tieħu passi xierqa biex tiżgura li l-fajls ta’ dak is-servizz tekniku jiġu pproċessati minn servizz tekniku ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra jew għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fuq talba tagħhom.

Artikolu 43

Kontestazzjoni għall-kompetenza tas-servizzi tekniċi

1.Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubji, jew meta jinġieb dubju għall-attenzjoni tagħha, rigward il-kompetenza ta’ servizz tekniku jew l-issodisfar kontinwu minn servizz tekniku tar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa soġġett.

2.L-Istat Membru tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għall-ħatra jew iż-żamma tal-ħatra tas-servizz tekniku kkonċernat.

3.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.

4.Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li servizz tekniku ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti għall-ħatra tiegħu, hija għandha tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra.

Il-Kummissjoni għandha titlob lil dak l-Istat Membru biex jissospendi, jirrestrinġi jew jirtira l-ħatra, fejn meħtieġ.

Fejn Stat Membru jonqos milli jieħu l-miżuri korrettivi neċessarji, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi li tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira l-ħatra tas-servizz tekniku kkonċernat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 46(2). Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat dwar dawk l-atti ta’ implimentazzjoni u għandha taġġorna l-informazzjoni ppubblikata msemmija fl-Artikolu 41(6) b’dan.

Artikolu 44

Obbligi operazzjonali tas-servizzi tekniċi

1.Is-servizzi tekniċi għandhom iwettqu l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikunu nħatru f’isem l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra u f’konformità mal-proċeduri tal-ittestjar u tal-valutazzjoni previsti f’dan ir-Regolament. .

2.Is-servizzi tekniċi għandhom jissorveljaw jew għandhom huma stess iwettqu t-testijiet meħtieġa għall-approvazzjoni jew għall-ispezzjonijiet kif stabbilit f’dan ir-Regolament. Is-servizzi tekniċi ma għandhomx iwettqu testijiet, valutazzjonijiet jew spezzjonijiet li għalihom ma jkunux ġew debitament maħtura mill-awtorità tal-approvazzjoni tagħhom.

3.Is-servizzi tekniċi għandhom il-ħin kollu:

(a)jippermettu lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom tkun xhieda tas-servizz tekniku matul il-valutazzjoni tal-konformità, kif xieraq; u

(b)mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35(10) u l-Artikolu 45, jipprovdu lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom tali informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ attivitajiet tagħhom li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif jista’ jintalab.

4.Meta servizz tekniku jsib li r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament ma jkunux ġew issodisfati minn manifattur, huwa għandu jirrapporta dan lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra sabiex din tal-aħħar titlob lill-manifattur jieħu l-miżuri korrettivi xierqa u sussegwentement ma toħroġx ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip, sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri korrettivi xierqa għas-sodisfazzjon tal-awtorità tal-approvazzjoni.

5.Meta, matul il-monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni wara l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip, servizz tekniku li jkun qed jaġixxi f’isem l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra jsib li makkinarju mobbli mhux tat-triq ma għadux konformi ma’ dan ir-Regolament, huwa għandu jirrapporta dan lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa previsti fl-Artikolu 22.

Artikolu 45

Obbligi ta’ informazzjoni tas-servizzi tekniċi

1.Is-servizzi tekniċi għandhom jinformaw lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom b’dawn li ġejjin:

(a)kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li ltaqgħu miegħu u li jista’ jirrikjedi rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip;

(b)kwalunkwe ċirkostanza li taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra tagħhom u l-kundizzjonijiet għaliha;

(c)kwalunkwe talba għall-informazzjoni li jkunu rċevew mingħand l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward l-attivitajiet tagħhom.

2.Fuq talba mill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom, is-servizzi tekniċi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra tagħhom u dwar kwalunkwe attività oħra mwettqa, inklużi attivitajiet transfruntiera u sottokuntrattar.

KAPITOLU XII

ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI U ATTI DELEGATI

Artikolu 46

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-“Kumitat Tekniku — Vetturi Agrikoli” (TC-AV), stabbilit skont l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, li huwa kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.Meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 47

Eżerċizzju tad-delega

1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(5), fl-Artikolu 15(2), fl-Artikolu 21(9), fl-Artikolu 22(6) u fl-Artikolu 39 għal perjodu ta’ 5 snin minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: …. -jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ.]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(5), fl-Artikolu 15(2), fl-Artikolu 21(9), fl-Artikolu 22(6) u fl-Artikolu 39 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Hekk kif tadotta att delegat, inkluż att delegat li jirrevedi, li jemenda jew li jħassar, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 21(9), l-Artikolu 22(6) u l-Artikolu 39 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

 
KAPITOLU XIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 48

Emenda għar-Regolament (UE) 2019/1020

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1020, jiżdied il-punt li ġej:

“71. [Ir-Regolament XXX] “dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020”.

Artikolu 49

Forum

1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, tippresiedi u timmaniġġa Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“il-Forum”).

Il-Forum għandu jkun magħmul minn rappreżentanti maħtura minn kull Stat Membru li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom.

Kull meta jkun xieraq, is-servizzi tekniċi, ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-industrija u tal-operaturi ekonomiċi rilevanti, kif ukoll tal-partijiet ikkonċernati involuti fi kwistjonijiet ta’ sikurezza, jistgħu jiġu mistiedna bħala osservaturi għall-Forum f’konformità mar-regoli ta’ proċedura msemmija fil-paragrafu 6.

2.Il-kompiti konsultattivi tal-Forum għandu jkollhom bħala l-objettiv tagħhom il-promozzjoni tal-aħjar prattiki, sabiex jiġu ffaċilitati l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament.

Il-Forum għandu jikkunsidra:

(a)kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni uniformi tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament;

(b)ir-riżultati tal-attivitajiet relatati mal-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq;

(c)il-kwistjonijiet ta’ rilevanza ġenerali fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament b’rabta mal-valutazzjoni, il-ħatra u l-monitoraġġ tas-servizzi tekniċi;

(d)il-ksur minn operaturi ekonomiċi;

(e)l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi jew restrittivi stipulati fil-Kapitolu IX;

(f)l-ippjanar, il-koordinazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq.

3.Bħala parti mill-kompitu konsultattiv tiegħu u b’kont meħud tal-eżitu tal-kunsiderazzjonijiet taħt il-paragrafu 2, il-Forum jista’ jesprimi opinjoni jew joħroġ rakkomandazzjoni.

4.Meta jesprimi opinjoni jew joħroġ rakkomandazzjonijiet, il-Forum għandu jagħmel ħiltu biex jilħaq kunsens. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq tali kunsens, il-Forum għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu jew joħroġ ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed. L-Istati Membri li jkollhom pożizzjonijiet diverġenti jistgħu jitolbu li l-pożizzjonijiet tagħhom u r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati jiġu rreġistrati fl-opinjoni jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum.

5.Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis debitament l-opinjonijiet espressi mill-Forum f’konformità mal-paragrafu 2.

6.Il-Forum għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

7.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)l-Artikoli 30(2) u 32 tar-Regolament (UE) Nru 2019/1020 ma għandhomx japplikaw;

(b)ir-referenzi għall-“ADCO”, fl-Artikoli 11(8), 30(1) u (3), 31(2) u 33 tar-Regolament (UE) 2019/1020, għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Forum.

Artikolu 50

Penali

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-penali jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – il-jum eżatt li jiġi qabel id-data tal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament.], jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

2.It-tipi ta’ ksur li huma soġġetti għal penali għandhom jinkludu:

(a)li jsiru dikjarazzjonijiet foloz matul il-proċeduri tal-approvazzjoni jew il-proċeduri li jwasslu għal sejħa lura mis-suq;

(b)il-falsifikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip jew għall-konformità waqt is-servizz;

(c)ir-rifjut tal-għoti ta’ data jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu għal sejħa lura, rifjut jew irtirar tal-approvazzjoni tat-tip;

(d)ir-rifjut li jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni;

(e)l-operaturi ekonomiċi jagħmlu disponibbli fis-suq jew idaħħlu fis-servizz makkinarju mobbli mhux tat-triq soġġett għal approvazzjoni mingħajr tali approvazzjoni jew il-falsifikazzjoni tad-dokumenti jew tal-markaturi b’dik l-intenzjoni;

(f)l-operaturi ekonomiċi ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom;

(g)in-nuqqas ta’ konformità mis-servizzi tekniċi fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ħatra tagħhom.

Artikolu 51

Rieżami

1.Sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – 60 xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

2.Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandu jqis kwalunkwe standard Ewropew jew internazzjonali relatat u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

3.Sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – 48 xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.], l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dawn li ġejjin:

(a)l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq stipulati f’dan ir-Regolament.

(b)l-għadd ta’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE mogħtija skont dan ir-Regolament minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.];

(c)ir-rekwiżiti nazzjonali għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal serje żgħira, għall-approvazzjoni individwali nazzjonali u għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, u l-għadd ta’ tali approvazzjonijiet mogħtija minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.].

Artikolu 52

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

B’deroga minn dan ir-Regolament, sa …[jekk jogħġbok daħħal id-data: 8 snin mid-data tal-applikazzjoni], l-Istati Membri jistgħu japplikaw kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi fuq makkinarju mobbli mhux tat-triq li jitqiegħed fis-suq bejn …. [Jekk jogħġbok daħħal id-data tal-applikazzjoni] u …[jekk jogħġbok daħħal id-data: 8 snin mid-data tal-applikazzjoni]. Matul dak il-perjodu, il-manifattur jista’ jagħżel li japplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

Artikolu 53

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal id-data – 36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.]

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

(1)    Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.
(3)    Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra.
(4)    Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika.
(5)    Fil-21 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament ġdid dwar il-prodotti tal-makkinarju biex jissostitwixxi d-Direttiva attwali dwar il-Makkinarju. Bħad-Direttiva attwali, ir-regolament propost mhux se jkopri l-aspetti ta’ sikurezza relatati maċ-ċirkolazzjoni ta’ makkinarju mobbli fit-toroq pubbliċi. In-negozjati interistituzzjonali dwar ir-regolament propost għadhom għaddejjin. Ir-regolament propost jista’ jinstab fuq: https://ec.europa.eu/docsroom/documents/45508 .
(6)    Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).
(8)    Fl-2008, ġie adottat qafas leġiżlattiv ġdid biex jittejjeb is-suq uniku għall-prodotti u biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għat-tqegħid ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti fis-suq tal-UE. Dan il-pakkett ta’ miżuri għandu l-għan li jtejjeb is-sorveljanza tas-suq u li jagħti spinta lill-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-konformità. Huwa jiċċara wkoll l-użu tal-markatura CE u joħloq sett ta’ għodod ta’ miżuri għall-użu fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti ( https://ec.europa.eu/growth/single-market/goods/new-legislative-framework_en ) .
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġġornament u simplifikazzjoni tal-acquis Komunitarju, 11.02.2003, COM(2003) 71 final ( https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2003:0071:FIN:en:PDF ) .
(10)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa, COM(2021) 350 final ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2021:350:FIN ) .
(11)    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2019) 283 final ( https://transport.ec.europa.eu/system/files/2021-10/SWD2190283.pdf ).
(12)    “Study on the EU harmonisation of the requirements for the road circulation of mobile machinery”. ECORYS, 2016. Disponibbli fuq: https://single-market-economy.ec.europa.eu/sectors/mechanical-engineering/mobile-machinery_en .
(13)    Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1198-Road-circulation-requirements-for-mobile-machinery_mt .
(14)    Id-dokumenti ta’ ħidma huma disponibbli fit-taqsima tal-librerija tal-grupp ta’ interess CIRCABC “New legislative initiative - Road circulation approval requirements for non-road mobile machinery”.
(15)    “Cost/benefit analysis study for Impact Assessment on road circulation of Non-road mobile machinery”, PPMI, 2019. Disponibbli fuq: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c0d598e2-17d8-11ea-8c1f-01aa75ed71a1/language-mt .
(16)    Id-dokument ta’ ħidma “NRMM-2019.03 MS Targeted Consultation Feedback” li jiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-konsultazzjoni mmirata mwettqa mill-Kummissjoni dwar id-differenzi bejn is-sistemi ta’ approvazzjoni tal-Istati Membri għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq. Disponibbli fit-taqsima tal-librerija tal-grupp ta’ interess CIRCABC “New legislative initiative - Road circulation approval requirements for non-road mobile machinery”.
(17)    Id-dokumenti ta’ ħidma, bħal “NRMM-2019.07 Draft Minutes Workshop NRMM 9 Dec 2019 rev1”, li jiġbor fil-qosor id-diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati, huma disponibbli fit-taqsima tal-librerija tal-grupp ta’ interess CIRCABC “New legislative initiative - Road circulation approval requirements for non-road mobile machinery”.
(18)    L-eżiti tal-konsultazzjoni pubblika huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1198-Road-circulation-requirements-for-mobile-machinery/public-consultation_mt .
(19)    Id-dokumenti ta’ ħidma, bħal “NRMM-2021.05 Draft Minutes Workshop NRMM 6 May 2021”, li jiġbor fil-qosor id-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, huma disponibbli fit-taqsima tal-librerija tal-grupp ta’ interess CIRCABC “New legislative initiative - Road circulation approval requirements for non-road mobile machinery”.
(20)    Id-dokument ta’ ħidma “NRMM-2022.02 220608_Presentation Workshop NRMM 08.06”, disponibbli fit-taqsima tal-librerija tal-grupp ta’ interess CIRCABC “New legislative initiative - Road circulation approval requirements for non-road mobile machinery”.
(21)    Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra.
(22)    ĠU C […], […], p. […].
(23)    Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).
(24)    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).
(25)    Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra.
(26)    Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).
(27)    Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(28)    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(29)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.02.2011, p. 13).
(30)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(31)

   Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

(32)    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).