IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.3.2023
COM(2023) 177 final
2023/0089(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttivi 2009/102/KE u (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ aktar espansjoni u titjib tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 377 final} - {SWD(2023) 177 final} - {SWD(2023) 178 final} - {SWD(2023) 179 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-kumpaniji huma fil-qalba tas-suq uniku. Bis-saħħa tal-attivitajiet u l-investimenti kummerċjali tagħhom, inkluż fuq bażi transfruntiera, dawn għandhom rwol ewlieni fil-kontribut għall-prosperità ekonomika, għall-kompetittività tal-UE u fit-twettiq tat-tranżizzjoni doppja tal-UE għal ekonomija sostenibbli u diġitali. Għal dan il-għan, il-kumpaniji jeħtieġu qafas legali prevedibbli li jwassal għat-tkabbir u adattat biex jiffaċċjaw l-isfidi ekonomiċi u soċjali ġodda f’dinja dejjem aktar diġitali. Filwaqt li l-kumpaniji huma stabbiliti skont id-dritt nazzjonali, il-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE tistabbilixxi qafas legali li jsaħħaħ iċ-ċertezza legali fis-suq uniku kollu u l-prevedibbiltà għalihom. Dan il-qafas tal-liġi dwar il-kumpaniji, li jinkludi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tar-reġistri tan-negozju, jeħtieġ li jżomm aġġornat ma’ żviluppi u sfidi ġodda. Huwa b’dan l-objettiv li l-Kummissjoni qiegħda tressaq din il-proposta.
F’konformità mal-objettivi tad-diġitalizzazzjoni tal-UE stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, din il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-iżviluppi fid-diġitalizzazzjoni u fit-teknoloġija li biddlu sostanzjalment kif joperaw ir-reġistri kummerċjali, u kif ir-reġistri kummerċjali, il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi jinteraġixxu ma’ xulxin fuq kwistjonijiet relatati mal-liġi dwar il-kumpaniji. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet b’mod ċar ir-rwol ewlieni tal-għodod diġitali fl-iżgurar tal-kontinwità tal-interazzjonijiet tal-kumpaniji mar-reġistri kummerċjali u mal-awtoritajiet. Din il-proposta għandha l-għan ukoll li tintroduċi miżuri tal-liġi dwar il-kumpaniji biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-espansjoni transfruntiera li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) bħalissa qed jiffaċċjaw fis-suq uniku, f’konformità mal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020 u Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali.
Din il-proposta se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ suq uniku aktar integrat u diġitalizzat u tirriżulta fi tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kumpaniji stmat għal madwar EUR 437 miljun fis-sena. Dan se jillimita wkoll piżijiet ġodda sa fejn ikun possibbli billi jibni fuq ir-reġistri kummerċjali nazzjonali u l-interkonnessjoni tagħhom permezz tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS), filwaqt li jqis sistemi nazzjonali u tradizzjonijiet legali differenti.
B’mod partikolari, il-proposta tagħmel sforz biex ittejjeb it-trasparenza dwar il-kumpaniji fis-suq uniku permezz tal-użu ta’ għodod diġitali bħall-BRIS, ittejjeb l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji u toħloq fiduċja bejn ir-reġistri u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż billi toħloq awtoritajiet pubbliċi aktar konnessi. Din għandha wkoll l-għan li tabolixxi u tnaqqas il-formalitajiet fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni tal-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera u li tagħmel l-istabbiliment ta’ sussidjarji u fergħat fi Stati Membri oħrajn anqas ħela ta’ żmien u aktar kosteffettiv, inkluż bl-użu tal-“prinċipju ta’ darba biss” (fejn il-kumpaniji ma jintalbux jissottomettu l-istess informazzjoni lir-reġistri tan-negozju aktar minn darba). B’dan il-mod, din tistinka biex tnaqqas il-piż amministrattiv ġenerali għall-kumpaniji u għal partijiet ikkonċernati oħrajn f’sitwazzjonijiet transfruntiera u tagħmilha aktar faċli għall-SMEs biex jespandu madwar l-UE.
Sabiex jissaħħaħ l-operat aktar bla xkiel tas-suq intern, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-aċċess għal u l-użu transfruntier tad-data tal-kumpaniji jkunu jistgħu jsiru faċilment u mingħajr piż amministrattiv, u b’hekk tiġi sostnuta l-attività ekonomika u jinħoloq ambjent ekonomiku aktar sikur u aktar favorevoli għall-kumpaniji, għall-konsumaturi u għal partijiet ikkonċernati oħrajn (investituri, kredituri, impjegati). Dawn il-kundizzjonijiet min-naħa tagħhom huma essenzjali biex jiffaċilitaw l-operat tal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, u jgħinuhom isibu modi kif jesploraw u jespandu għal swieq oħrajn tal-UE, u għalhekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku.
Għalkemm f’dinja dejjem aktar diġitalizzata hemm sejħiet aktar b’saħħithom għal trasparenza mill-investituri, mill-kredituri, mill-konsumaturi u mill-kumpaniji nfushom, l-aċċess għall-informazzjoni tal-kumpaniji mir-reġistri kummerċjali f’sitwazzjonijiet transfruntiera għadu mfixkel minn ostakoli. L-informazzjoni dwar il-kumpaniji meħtieġa mill-partijiet ikkonċernati għadha ma hijiex disponibbli biżżejjed fir-reġistri kummerċjali nazzjonali u/jew transfruntiera permezz tal-BRIS, u l-partijiet ikkonċernati jiltaqgħu ma’ diffikultajiet meta jfittxuha. Il-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE diġà tipprevedi rekwiżiti armonizzati ta’ divulgazzjoni dwar kumpaniji b’responsabbiltà limitata, iżda xi data importanti (eż. dwar l-amministrazzjoni ċentrali tal-kumpaniji u l-post prinċipali tan-negozju jew tal-gruppi tal-kumpaniji) għadha ma hijiex disponibbli fil-livell tal-UE u rarament biss, fir-reġistri tal-Istati Membri. Lanqas ma hemm informazzjoni fil-livell tal-UE dwar entitajiet oħrajn, bħas-sħubijiet, li għandhom rwol importanti fl-ekonomiji ta’ ħafna Stati Membri.
Is-sejħiet għal trasparenza jfissru wkoll li l-informazzjoni tal-kumpaniji għandha tkun affidabbli. Il-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet u l-pubbliku jeħtieġ li jkunu jistgħu jafdaw li l-informazzjoni dwar il-kumpaniji tkun akkurata, aġġornata u affidabbli sabiex ikunu jistgħu jużawha għal skopijiet kummerċjali, fi proċeduri amministrattivi jew fi proċedimenti tal-qorti. Il-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE tinkludi biss standards minimi parzjali għall-kontrolli ex ante. Filwaqt li l-Istati Membri kollha jwettqu sa ċertu punt skrutinju ex ante tad-dokumenti u l-informazzjoni tal-kumpaniji, il-proċeduri nazzjonali jvarjaw. Dan spiss iwassal għal fiduċja insuffiċjenti fl-informazzjoni dwar il-kumpanija rreġistrata minn Stati Membri oħrajn.
L-użu dirett tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji spiss jiġi mfixkel jew ma jkunx possibbli f’sitwazzjonijiet transfruntiera minħabba ostakoli amministrattivi frekwenti. Dawn joħolqu piżijiet għall-kumpaniji u jista’ jkollhom saħansitra effett ta’ deterrent, b’mod partikolari għall-SMEs. Pereżempju, meta jistabbilixxu sussidjarja jew fergħa fi Stat Membru ieħor, il-kumpaniji għadhom ma jistgħux jibbażaw fuq il-prinċipju ta’ darba biss, u jeħtieġ li jerġgħu jissottomettu d-data tagħhom stess, li teżisti fir-reġistri kummerċjali nazzjonali tagħhom, għar-reġistri ta’ Stati Membri oħrajn. Spiss ikunu jeħtieġu li jiksbu dawn id-dokumenti legalizzati (apostille). Il-kumpaniji spiss jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet simili meta jkunu jridu jużaw l-informazzjoni tagħhom mir-reġistru kummerċjali nazzjonali, pereżempju meta jittrattaw ma’ awtoritajiet kompetenti jew fi proċedimenti tal-qorti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-estratti tal-kumpanija, li ta’ spiss jintużaw minn kumpaniji u minn professjonisti legali biex jikkonfermaw l-informazzjoni u jidentifikaw kumpaniji għal ħafna skopijiet differenti, ivarjaw u ma jistgħux jintużaw f’sitwazzjonijiet transfruntiera mingħajr formalitajiet kumplikati u li jiswew il-flus.
L-objettivi ġenerali ta’ din il-proposta huma li ttejjeb it-trasparenza u l-fiduċja fl-ambjent kummerċjali, tikseb servizzi pubbliċi transfruntiera aktar diġitalizzati u konnessi għall-kumpaniji, u espansjoni transfruntiera aktar faċli għall-SMEs li jwasslu, min-naħa tagħhom, għal suq uniku aktar integrat u diġitalizzat.
Biex jinkiseb dan, il-proposta se:
·żżid l-ammont ta’ data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali u/jew fil-BRIS u ttejjeb l-affidabbiltà tagħha;
·tippermetti l-użu dirett tad-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali meta jiġu stabbiliti fergħat u sussidjarji transfruntiera, u f’attivitajiet u sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn.
Din il-proposta hija inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2023 bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin skont l-ambizzjoni ewlenija tal-Kummissjoni ta’ “Ewropa lesta għall-era diġitali”.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta għandha l-għan li tikkomplementa r-regoli eżistenti dwar il-iġi dwar il-kumpaniji tal-UE li huma kodifikati fid-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji Kkodifikata). Din għandha l-għan li żżid l-ammont ta’ data tal-kumpaniji disponibbli pubblikament fir-reġistri kummerċjali u/jew permezz tal-BRIS, ittejjeb l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali u tiffaċilita l-użu tagħha meta jiġu stabbiliti fergħat u sussidjarji transfruntiera u f’attivitajiet u sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn. F’dan il-kuntest, il-proposta se tibni fuq u testendi d-dispożizzjonijiet eżistenti fid-Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji Kkodifikata.
Id-Direttiva (UE) 2019/1151 (id-Direttiva dwar id-Diġitalizzazzjoni) iffokat fuq li tagħmel il-proċeduri tal-liġi dwar il-kumpaniji kompletament online u pprovdiet regoli għall-formazzjoni kompletament online tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata, ir-reġistrazzjoni tal-fergħat u s-sottomissjoni kompletament online tad-dokumenti fir-reġistri kummerċjali. Din il-proposta tikkomplementa din id-Direttiva iżda tiffoka fuq kwistjonijiet oħrajn fejn id-diġitalizzazzjoni hija meħtieġa fil-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari billi tindirizza d-disponibbiltà u l-affidabbiltà tal-informazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali u fil-BRIS, u l-użu tagħha f’sitwazzjonijiet transfruntiera.
Il-proposta tibni fuq u testendi l-użu tal-BRIS mingħajr ma tbiddel il-funzjonament jew l-infrastruttura tagħha. Il-BRIS hija bbażata fuq l-obbligi legali stabbiliti mid-Direttiva 2012/17/UE u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042. Il-proposta se tagħmel aktar informazzjoni dwar il-kumpaniji disponibbli permezz tal-BRIS u se tintroduċi aktar skambji bejn ir-reġistri kummerċjali (biex jiġi applikat il-prinċipju ta’ darba biss) permezz tal-BRIS. Se tgħaqqad ukoll il-BRIS mas-sistemi l-oħrajn fil-livell tal-UE ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti se jikkontribwixxu direttament għall-objettivi tad-diġitalizzazzjoni stabbiliti fil-Komunikazzjoni Il-Kumpass Diġitali tal-2030, b’mod partikolari biex joqorbu lejn l-ilħuq tal-mira ta’ 100 % tas-servizzi pubbliċi ewlenin li jkunu disponibbli online għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej sal-2030 u l-ħolqien ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi konnessi, inkluż permezz tal-użu tal-prinċipju ta’ darba biss. Il-proposta se tkun konformi wkoll mal-approċċ stabbilit fil-Komunikazzjoni Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, li ssottolinjat l-importanza tal-għodod diġitali għan-negozji biex jaċċessaw l-informazzjoni, jinteraġixxu mal-awtoritajiet u jgawdu aċċess għall-ġustizzja.
Il-miżuri proposti għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-espansjoni transfruntiera mill-SMEs b’mod partikolari billi jneħħu jew inaqqsu l-formalitajiet meħtieġa biex jużaw l-informazzjoni tal-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera u meta jistabbilixxu sussidjarji u fergħat fi Stati Membri oħrajn. Dawn iwieġbu wkoll direttament għall-Komunikazzjonijiet Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020 u Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali. B’mod partikolari, l-istrateġija għall-SMEs semmiet li “il-Kummissjoni se tikkonsulta u tivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali dwar id-dritt soċjetarju biex tiffaċilita l-espansjoni bejn il-fruntieri u l-espansjoni tal-SMEs.”
B’mod ġenerali, il-proposta se tkun rilevanti biex twieġeb għas-sejħa mill-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2022, għall-“ikkompletar tas-Suq Uniku, b’mod partikolari għad-dimensjoni diġitali u sservizzi” u “monitoraġġ mill-qrib u l-prevenzjoni ta’ konġestjonijiet kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli mhux ġustifikati li għad fadal u ta’ piżijiet amministrattivi filwaqt li jiġu evitati oħrajn ġodda.”
Il-proposta, b’mod partikolari permezz tal-miżuri tagħha biex ittejjeb il-kontrolli ex ante tad-data tal-kumpaniji u żżid it-trasparenza, se tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-abbuż tal-istrutturi tal-liġi dwar il-kumpaniji u għall-impożizzjoni effettiva tas-sanzjonijiet tal-UE kontra dawn il-kumpaniji.
Il-proposta tikkomplementa u hija koerenti ma’ inizjattivi oħrajn li għaddejjin bħalissa rilevanti għad-diġitalizzazzjoni. Pereżempju, hemm rabta mill-qrib mar-Regolament eIDAS u l-proposta tal-2021 biex jiġi emendat dak ir-Regolament fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea. Id-Direttiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-2019 diġà kienet tinkludi l-użu ta’ servizzi ta’ identifikazzjoni u fiduċja elettroniċi permezz tar-Regolament eIDAS għall-identifikazzjoni elettronika fil-proċeduri tal-liġi dwar il-kumpaniji. Il-proposta attwali tibbaża wkoll fuq l-użu ta’ servizzi fiduċjarji (eż. biex jiġi żgurat li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE u l-prokura diġitali tal-UE proposti jkunu ċċertifikati biżżejjed biex wieħed jibbaża fuqhom f’sitwazzjonijiet transfruntiera) u se tkun allinjata mal-mezzi diġitali l-ġodda, eż. il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali introdotta bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja tal-qafas eIDAS.
Il-proposta tikkomplementa wkoll regoli u inizjattivi oħrajn tal-UE li għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza fuq il-kumpaniji. Dan jinkludi d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, li tiffoka fuq informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, jew ir-Regolament dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza, li jkopri informazzjoni dwar entitajiet insolventi disponibbli f’reġistri ta’ insolvenza. B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li torbot il-BRIS mas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja (BORIS) u mas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza (IRI), filwaqt li ma tbiddilx jew ma tevadix ir-regoli u l-limiti għall-aċċess tal-informazzjoni disponibbli f’dawk l-interkonnessjonijiet. Din il-proposta hija rilevanti għall-inizjattivi ta’ tassazzjoni reċenti, eż. il-proposta biex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa, peress li aktar trasparenza u data tal-kumpaniji aktar affidabbli se jgħinu lill-awtoritajiet tat-taxxa jaħdmu bħala parti minn dawn l-inizjattivi l-oħrajn.
Il-proposta tikkomplementa wkoll inizjattivi oħrajn tal-UE li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-informazzjoni jew il-proċeduri transfruntiera, bħar-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika (ir-Regolament SDG) jew il-proposta għal punt uniku ta’ aċċess Ewropew. Filwaqt li din il-proposta tistabbilixxi proċedura tal-liġi dwar il-kumpaniji u regoli speċifiċi relatati mal-informazzjoni dwar il-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali u/jew permezz tal-BRIS u tippermetti l-użu dirett tagħha fuq bażi transfruntiera, ir-Regolament SDG jipprevedi regoli ġenerali għall-għoti online ta’ informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza rilevanti għall-funzjonament tas-suq intern. Dan jeskludi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu proċeduri relatati mar-reġistrazzjoni inizjali ta’ attività ta’ negozju mar-reġistru kummerċjali u l-proċeduri li jikkonċernaw il-kostituzzjoni ta’ jew kwalunkwe preżentazzjoni sussegwenti minn kumpaniji jew ditti skont it-tifsira tal-Artikolu 54(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) peress li dawn il-proċeduri jeħtieġu approċċ komprensiv immirat lejn l-iffaċilitar ta’ soluzzjonijiet diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija. Madankollu, biex jiġu żgurati sinerġiji mal-SDG, l-Istati Membri se jagħmlu l-informazzjoni dwar il-proċeduri online stabbiliti f’din il-proposta disponibbli fuq is-siti web aċċessibbli permezz tal-SDG. Il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew, li jiffoka l-aktar fuq informazzjoni dwar is-suq finanzjarju relatata mal-entità u mal-prodott għall-investituri u li għandu l-għan li jaqdi l-ħtiġijiet tas-suq, se jimmira utenti maħsuba differenti, li jaċċessaw u jużaw informazzjoni differenti b’mod differenti mill-BRIS li din il-proposta tibbaża fuqha.
Din il-proposta tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-utenti diretti bħall-kumpaniji, partijiet ikkonċernati oħrajn u awtoritajiet pubbliċi biex jaċċessaw u jużaw fil-kuntest transfruntier data uffiċjali affidabbli u aġġornata tal-kumpaniji bbażata fuq l-obbligi legali mir-reġistri kummerċjali. Għalhekk, din ma tkoprix l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji minn reġistri kummerċjali għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, li hija regolata mid-Direttiva dwar id-Data Miftuħa. Bl-istess mod, il-proposta ma tkoprix l-obbligu tar-reġistri kummerċjali bħala reġistri kummerċjali tal-istatistika, li huwa regolat mir-Regolament dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju.
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet għat-tneħħija tal-legalizzazzjoni jew formalitajiet simili bħall-apostille għal informazzjoni ċċertifikata tal-kumpaniji miksuba mir-reġistri kummerċjali huma komplementari għar-Regolament dwar id-Dokumenti Pubbliċi. Dan ikopri dokumenti pubbliċi għaċ-ċittadini (pereżempju, ċertifikat tat-twelid, att notarili taż-żwieġ, sentenza) u jipprevedi li l-kopji ċċertifikati tagħhom maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-UE jridu jiġu aċċettati bħala awtentiċi mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor tal-UE mingħajr il-ħtieġa ta’ timbru tal-awtentiċità (jiġifieri l-apostille).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 50(1) u (2) tat-TFUE, li jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw dispożizzjonijiet sabiex tinkiseb il-libertà tal-istabbiliment. Din il-bażi ġuridika diġà ntużat mil-leġiżlatur tal-UE biex jaġixxi fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji. B’mod partikolari, l-Artikolu 50(2)(b) għandu l-għan li jiżgura “kollaborazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi nazzjonali kompetenti sabiex tiġi aċċertata s-sitwazzjoni speċjali fl-Unjoni tad-diversi attivitajiet konċernati.” L-Artikolu 50(2)(c) jippermetti l-abolizzjoni ta’ proċeduri u prattiki amministrattivi li jkunu ta’ xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment. L-Artikolu 50(2)(f) jippermetti “l-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment”, kemm fir-rigward tal-istabbiliment ta’ fergħat kif ukoll ta’ sussidjarji. L-Artikolu 50(2)(g) jippermetti miżuri ta’ koordinazzjoni li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-kumpaniji u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Billi ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, tneħħi l-ostakoli amministrattivi għal-libertà tal-istabbiliment, inkluż meta jiġu stabbiliti sussidjarji u fergħat transfruntiera, u billi tipprovdi rekwiżiti armonizzati ġodda ta’ divulgazzjoni, din il-proposta se tikkontribwixxi għall-kisba tal-libertà ta’ stabbiliment kif stabbilit fl-Artikolu 50 tat-TFUE.
L-Artikolu 50 tat-TFUE huwa kkombinat mal-Artikolu 114(1) tat-TFUE, li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Din il-proposta għandha wkoll l-għan li tindirizza l-frammentazzjoni tal-approċċi regolatorji nazzjonali għall-użu transfruntier u l-aċċettazzjoni tal-informazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali kif ukoll ta’ atti notarili jew amministrattivi fil-kuntest ta’ proċeduri skont id-Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji Kkodifikata. Bl-introduzzjoni ta’ kontrolli uniformi tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji qabel ma tiddaħħal fir-reġistri kummerċjali sabiex tittejjeb l-affidabbiltà tagħha, billi jitneħħew l-ostakoli amministrattivi għall-użu ta’ din l-informazzjoni f’sitwazzjonijiet transfruntiera inklużi proċeduri amministrattivi jew tal-qorti u billi jiġi introdott Ċertifikat tal-Kumpaniji armonizzat tal-UE, din il-proposta se tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 114 tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku tal-UE billi jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni tal-kumpaniji u l-użu tagħha f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Hemm valur miżjud qawwi jekk wieħed jaġixxi fil-livell tal-UE minħabba li l-problemi li din il-proposta tindirizza ma humiex limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed iżda huma ta’ natura transfruntiera, b’mod partikolari minħabba diskrepanzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. L-Istati Membri ma jistgħux iwasslu titjib suffiċjenti għal dawk il-problemi waħedhom.
Sabiex jiżdied l-ambitu tad-data disponibbli tal-kumpaniji fil-livell tal-UE permezz tal-BRIS, hija meħtieġa azzjoni koordinata biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom id-data fir-reġistri kummerċjali tagħhom u li d-data tkun aċċessibbli f’format komparabbli u multilingwi ċentralment fil-livell tal-UE permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Din is-sistema diġà teżisti u hija operazzjonali fil-livell tal-UE. Bl-istess mod, hija meħtieġa azzjoni koordinata biex jiġi żgurat li jkun hemm kontrolli komuni tad-data tal-kumpaniji qabel ma tiddaħħal fir-reġistri kummerċjali nazzjonali biex tittejjeb l-affidabbiltà tagħha u jiġi ffaċilitat l-użu tagħha f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Barra minn hekk, sabiex ikun jista’ jsir użu transfruntier tad-data tal-kumpaniji, inkluża l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss, jeħtieġ li jitneħħew l-ostakoli f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Bl-istess mod, il-valur miżjud mir-rabta tas-sistemi ta’ interkonnessjoni fil-livell tal-UE tar-reġistri jista’ jinkiseb ukoll permezz ta’ azzjoni tal-UE.
L-Istati Membri li jaġixxu b’mod individwali se jkomplu japplikaw ir-regoli tagħhom stess f’dan ir-rigward, bi ftit li xejn prospetti li dawn ir-regoli jindirizzaw is-sitwazzjonijiet transfruntiera b’mod kompatibbli. Għalhekk jidher li mingħajr ebda azzjoni fil-livell tal-UE, miżuri differenti meħuda fil-livell nazzjonali x’aktarx jirriżultaw f’soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti. L-SMEs ukoll ikomplu jiffaċċjaw ostakoli, li jagħmlu l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment aktar diffiċli u l-kostijiet li jirriżultaw jaffettwaw lill-kumpaniji b’mod partikolari. F’dan il-kuntest, l-intervent immirat tal-UE fil-forma ta’ din il-proposta jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-miżuri introdotti b’din il-proposta huma proporzjonati għall-objettivi tagħha li żżid l-ammont u l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali u/jew permezz tal-BRIS, u li tippermetti l-użu dirett tagħha f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Id-dispożizzjonijiet proposti huma mmirati sew peress li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet tal-utenti diretti (eż. kumpaniji, partijiet ikkonċernati oħrajn u awtoritajiet pubbliċi) biex jużaw data uffiċjali tal-kumpaniji affidabbli u aġġornata mir-reġistri kummerċjali fil-kuntest transfruntier (ara t-Taqsima 1.3 tal-valutazzjoni tal-impatt). Il-proposta tiffoka fuq aspetti transfruntiera u tintroduċi soluzzjonijiet li l-Istati Membri ma setgħux jiksbu waħedhom. L-elementi ta’ armonizzazzjoni huma limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħqu l-objettivi meħtieġa filwaqt li jiġu rrispettati t-tradizzjonijiet legali nazzjonali, inklużi dawk b’involviment notarili fil-proċeduri tal-liġi dwar il-kumpaniji u, fejn possibbli, tiġi pprovduta flessibbiltà lill-Istati Membri biex jilħqu r-rekwiżiti f’konformità mad-dritt u s-sistemi nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, il-proposta ma tintroduċi l-ebda sistema ġdida, iżda tibni fuq l-użu tas-sistema eżistenti u operazzjonali ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kif ukoll fuq ir-Regolament eIDAS u l-proposta tal-2021 biex jiġi emendat dak ir-Regolament fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea.
Il-pakkett ta’ miżuri preferuti jista’ jindirizza bl-aħjar mod l-objettivi minħabba li se jagħmel ħafna mill-informazzjoni disponibbli transfruntiera u se jgħaqqad lill-BRIS ma’ żewġ sistemi oħrajn tal-UE ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dan se jżid ħafna t-trasparenza fuq il-kumpaniji tal-UE fis-suq uniku. Se jġib ukoll benefiċċji sinifikanti f’termini ta’ ċertezza legali akbar peress li se jipprevedi kontrolli ex ante u se jintroduċi wkoll ir-rekwiżiti proċedurali komuni addizzjonali biex l-informazzjoni tal-kumpanija tinżamm aġġornata. Barra minn hekk, se jkollu l-akbar impatt pożittiv fuq l-iffaċilitar tal-użu dirett tad-data tal-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera peress li mhux biss se japplika l-prinċipju ta’ darba biss għall-istabbiliment ta’ sussidjarji u fergħat transfruntiera, iżda jintroduċi wkoll iċ-Ċertifikat tal-Kumpanija tal-UE u jabolixxi formalitajiet bħall-apostille (ara t-Taqsima 7.2 tal-valutazzjoni tal-impatt).
Il-pakkett ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi magħżula. L-analiżi b’diversi kriterji mwettqa għall-għażliet ta’ politika kollha, li qieset l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tagħhom, uriet li l-għażliet kollha kellhom benefiċċju nett pożittiv u li l-miżuri preferuti kklassifikaw l-ogħla fl-analiżi (ara t-Taqsima 6.5 tal-valutazzjoni tal-impatt u l-Anness 4 dwar il-metodoloġija).
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-inizjattiva ppjanata mhux se tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha billi timmira lejn kwistjonijiet transfruntiera speċifiċi (jiġifieri l-ħtiġijiet tal-utenti diretti biex jaċċessaw u jużaw data tal-kumpaniji uffiċjali transfruntiera minn reġistri kummerċjali). Dan ma setax jinkiseb mill-Istati Membri waħedhom.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta tieħu l-forma ta’ direttiva li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 u d-Direttiva 2009/102/KE. Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tirregola l-liġi dwar il-kumpaniji fil-livell tal-UE u d-Direttiva 2009/102/KE tikkumplimentaha b’dispożizzjonijiet speċifiċi għal kumpaniji b’membru wieħed.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-proposta għandha l-għan li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda, u sa fejn ikun meħtieġ tikkomplementa dawk eżistenti, sabiex iżżid l-ammont ta’ data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali u/jew permezz tal-BRIS u ttejjeb l-affidabbiltà tagħha. Għandha l-għan ukoll li tippermetti l-użu dirett tad-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali meta jiġu stabbiliti fergħat u sussidjarji transfruntiera u f’attivitajiet u sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn. Għalhekk, ma saret l-ebda evalwazzjoni tar-regoli eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni wettqet attivitajiet ta’ konsultazzjoni wiesgħa bħala parti minn din l-inizjattiva biex tiġbor il-fehmiet tal-gruppi rilevanti tal-partijiet ikkonċernati. Dawn inkludew ir-reġistri tan-negozju, l-awtoritajiet nazzjonali bħall-awtoritajiet tat-taxxa u tal-liġi tax-xogħol, il-kumpaniji, inklużi l-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, il-professjonisti legali involuti fil-proċeduri tal-liġi dwar il-kumpaniji, it-trade unions, kif ukoll l-investituri, il-kredituri, iċ-ċittadini u l-esperti akkademiċi. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni inkludew valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, konsultazzjoni pubblika, konsultazzjoni speċifika tal-SMEs, intervisti mmirati ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin, intervisti ma’ professjonisti legali speċjalizzati fil-liġi dwar il-kumpaniji, kif ukoll diskussjonijiet ma’ esperti fil-liġi dwar il-kumpaniji mill-ministeri tal-Istati Membri u r-reġistri kummerċjali fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji. L-informazzjoni miġbura kienet inkluża fil-proposta.
Il-Kummissjoni ġabret feedback dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu fis-sajf tal-2021, b’diversi partijiet ikkonċernati (inklużi l-awtoritajiet pubbliċi (reġistri kummerċjali), l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, il-kumpaniji, iċ-ċittadini u l-professjonisti legali) jipprovdu feedback. Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Aġġornament tal-liġi dwar il-kumpaniji diġitali saret mill-21 ta’ Diċembru 2021 sat-8 ta’ April 2022. Il-Kummissjoni rċeviet 83 tweġiba minn assoċjazzjonijiet tan-negozju, ċittadini tal-UE, awtoritajiet pubbliċi, kumpaniji, professjonisti legali u nutara, istituzzjonijiet akkademiċi/ta’ riċerka, organizzazzjonijiet mhux governattivi kif ukoll trade unions. Il-konsultazzjoni speċifika tal-SMEs, permezz ta’ “bord tal-SMEs”, saret bejn it-2 ta’ Mejju u l-10 ta’ Ġunju 2022. 158 parti ikkonċernata wieġbu, bil-maġġoranza tat-tweġibiet sottomessi mill-SMEs fil-forma ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Barra minn hekk, ġew organizzati stħarriġiet elettroniċi mmirati (ma’ reġistri kummerċjali, awtoritajiet pubbliċi, prattikanti legali, organizzazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji u kumpaniji individwali) u żewġ workshops virtwali, ma’ kumpaniji u ma’ reġistri kummerċjali, bħala parti minn studju estern tal-kuntrattur imwettaq għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva.
Matul dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni, il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-SMEs, ikkonfermaw li ltaqgħu ma’ diffikultajiet meta kienu qed ifittxu informazzjoni dwar il-kumpaniji. Dan kien jinkludi l-fatt li l-informazzjoni dwar il-kumpaniji fi Stati Membri differenti ma kinitx komparabbli, li ma kienx possibbli li tinstab informazzjoni rilevanti dwar il-kumpaniji fil-livell tal-UE iżda din setgħet tinstab biss fir-reġistri kummerċjali nazzjonali, u diffikultajiet lingwistiċi. Il-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati (kumpaniji, awtoritajiet, organizzazzjonijiet tan-negozju, reġistri tan-negozju, trade unions, professjonisti legali, ċittadini) esprimew l-appoġġ tagħhom biex l-informazzjoni aktar armonizzata tal-kumpaniji ssir disponibbli fil-livell tal-UE, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet tan-negozju enfasizzaw li ma għandu jiġi impost l-ebda kost addizzjonali fuq il-kumpaniji. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati (b’mod partikolari l-awtoritajiet, ir-reġistri kummerċjali u l-professjonisti legali) qiesu wkoll li jkun utli li l-BRIS tintrabat mal-interkonnessjonijiet tal-UE tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u r-reġistri tal-insolvenza.
Fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni, ħafna partijiet ikkonċernati enfasizzaw l-importanza ta’ data affidabbli tal-kumpaniji. L-importanza ta’ kontrolli adegwati biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali ġiet issottolinjata b’mod partikolari mill-professjonisti legali, inklużi n-nutara. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kkonfermaw ukoll li l-kumpaniji, inklużi l-SMEs, jiffaċċjaw diffikultajiet meta jużaw l-informazzjoni li diġà tinsab fir-reġistru kummerċjali nazzjonali tagħhom, meta jittrattaw mal-awtoritajiet kompetenti jew fi proċedimenti tal-qorti jew meta jistabbilixxu sussidjarji jew fergħat fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li tiġi pprovduta traduzzjoni ċċertifikata tad-dokumenti tal-kumpanija u li d-dokumenti tal-kumpanija jiġu legalizzati (apostille). Il-partijiet ikkonċernati b’mod ġenerali esprimew appoġġ għall-miżuri ppjanati biex jiffaċilitaw l-użu transfruntier tad-data tal-kumpaniji. Pereżempju, ħafna rispondenti, b’mod partikolari l-SMEs, qiesu li n-nuqqas ta’ ħtieġa li informazzjoni tiġi ppreżentata mill-ġdid meta jiġu stabbiliti sussidjarji/fergħat fi Stat Membru ieħor jew meta jkun hemm estratt ta’ kumpanija komuni jnaqqas il-kostijiet amministrattivi. Il-konsultazzjonijiet mal-avukati prattikanti speċjalizzati fil-liġi tal-kumpaniji kkonfermaw ukoll li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss u t-tneħħija tal-formalitajiet inaqqsu l-kostijiet u ż-żmien meħtieġ għall-proċeduri. Il-professjonisti legali, inklużi n-nutara, appoġġaw l-idea ta’ estratt ta’ kumpanija komuni.
Il-Kummissjoni organizzat ukoll għadd ta’ laqgħat bilaterali ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji li jirrappreżentaw lin-negozji, lill-professjonisti legali u lill-impjegati biex jiddiskutu kwistjonijiet tal-akbar rilevanza għalihom. Organizzat ukoll għadd ta’ intervisti ma’ professjonisti legali li jaħdmu fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, li taw eżempji konkreti ta’ piż amministrattiv, kostijiet u ħin meħtieġa għall-proċeduri, flimkien ma’ ħtiġijiet prattiċi għal titjib.
Fl-2021-2022, saru tliet laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (CLEG), li laqqgħu flimkien lir-rappreżentanti tal-Istati Membri mill-ministeri responsabbli għal-liġi tal-kumpaniji, biex jiddiskutu l-kwistjonijiet ewlenin tal-politika li huma parti mill-inizjattiva tal-Aġġornament tal-liġi dwar il-kumpaniji diġitali. B’mod ġenerali, l-esperti tal-Istati Membri kienu miftuħa u esprimew appoġġ għall-miżuri ppjanati skont din il-proposta. B’mod ġenerali, l-Istati Membri qiesu li jtejbu t-trasparenza tad-data tal-kumpaniji importanti u appoġġaw l-estensjoni tad-data tal-kumpaniji disponibbli fil-BRIS. Ir-rabta ta’ sistemi differenti ta’ interkonnessjoni tar-reġistri mal-BRIS tqieset utli. Fid-diskussjonijiet, l-Istati Membri qajmu mistoqsijiet dwar l-impatt potenzjali fuq ir-reġistri kummerċjali nazzjonali u raw xi sfidi hawnhekk; huma staqsew ukoll dwar ir-relazzjoni bejn il-miżuri proposti u r-regoli eżistenti tal-UE u dawk nazzjonali. B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrikonoxxew ukoll l-importanza ta’ data affidabbli tal-kumpaniji u esprimew il-fehmiet tagħhom dwar kif il-kontrolli ex ante tal-informazzjoni tal-kumpaniji għandhom iħarsu lejn il-kontrolli nazzjonali diġà fis-seħħ. Kien hemm appoġġ minn ħafna Stati Membri għall-miżuri biex jiġi ffaċilitat l-użu transfruntier tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji (eż. l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss għall-istabbiliment ta’ sussidjarji u fergħat transfruntiera, l-estratt komuni tal-kumpaniji u t-tneħħija tal-formalitajiet tal-legalizzazzjoni). L-Istati Membri pprovdew ukoll kummenti dwar dawn il-kwistjonijiet, eż. dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-estratt komuni tal-kumpaniji jew l-importanza li d-dokumenti tal-kumpanija jiġu ċċertifikati mir-reġistri.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni użat ukoll ir-riżultati ta’ studju estern tal-kuntrattur, imwettaq biex jgħin fil-ġbir tal-evidenza għal din l-inizjattiva. Dan kien jinkludi immappjar legali tas-sistemi nazzjonali tal-liġi tal-kumpaniji tal-Istati Membri kollha, stħarriġ elettroniku mmirat, inklużi żewġ workshops virtwali, u l-valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impatti ta’ miżuri potenzjali.
Il-Grupp ta’ Esperti Informali dwar il-Liġi tal-Kumpaniji li jikkonsisti minn 17-il akkademiku u prattikant tal-liġi tal-kumpaniji minn 12-il Stat Membru u pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles fassal żewġ rapporti dwar kwistjonijiet rilevanti għal din l-inizjattiva, dwar it-trasparenza tad-data dwar il-liġi tal-kumpaniji u dwar l-użu transfruntier tad-data tal-kumpaniji.
•
Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-12 ta’ Ottubru 2022. Fl-14 ta’ Ottubru waslet opinjoni pożittiva b’riżervi, u r-rakkomandazzjonijiet mill-Bord ġew indirizzati kif xieraq fil-verżjoni finali tal-valutazzjoni tal-impatt.
Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat l-għażliet ta’ politika taħt erba’ oqsma ewlenin rilevanti għal din l-inizjattiva. Ġew ivvalutati tliet għażliet ta’ politika biex aktar data dwar il-kumpaniji tkun disponibbli fir-reġistri kummerċjali u/jew fil-BRIS, li jikkonsistu f’raggruppamenti differenti ta’ data dwar il-kumpaniji u li jvarjaw f’termini ta’ jekk id-data hijiex diġà disponibbli fir-reġistri kummerċjali jew le kif ukoll f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri l-għadd ta’ kumpaniji koperti. L-għażla ppreferuta kienet li l-informazzjoni dwar is-sħubijiet, il-fergħat ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, l-istrutturi u s-sjieda tal-gruppi transfruntiera, il-post tal-ġestjoni u l-attività ekonomika ewlenija fir-reġistri nazzjonali/fil-BRIS tkun disponibbli. Ġew ivvalutati żewġ għażliet biex il-BRIS tiġi interkonnessa ma’ sistemi oħrajn fil-livell tal-UE ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u biex ikunu jistgħu jsiru tfittxijiet aħjar. L-għażla ppreferuta kienet li l-BRIS tiġi konnessa mas-sistemi BORIS u IRI, li jintuża l-identifikatur uniku Ewropew tal-kumpanija, u li jiġu introdotti funzjonalitajiet ġodda ta’ tiftix fil-BRIS. Ġew ivvalutati żewġ għażliet biex tiġi żgurata verifika adegwata tad-data tal-kumpanija qabel ma tiddaħħal fir-reġistru tan-negozju. L-għażla ppreferuta kienet li jiġi introdott obbligu li tiġi vverifikata lista armonizzata ta’ elementi u xi rekwiżiti proċedurali bażiċi komuni biex tiġi żgurata data affidabbli u aġġornata tal-kumpaniji. Barra minn hekk, ġew ivvalutati tliet għażliet li jippermettu l-użu transfruntier dirett tad-data tal-kumpaniji mir-reġistri kummerċjali f’sitwazzjonijiet transfruntiera. L-għażla ppreferuta kienet li jiġi introdott l-użu tal-prinċipju ta’ darba biss għall-istabbiliment ta’ sussidjarji jew ta’ fergħat fi Stat Membru ieħor, li jiġi pprovdut estratt armonizzat tal-kumpanija fl-UE, li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċerta data tal-kumpaniji, u li jitneħħew il-formalitajiet (apostille). L-għażla ta’ politika ġeneralment ippreferuta kienet tikkonsisti f’pakkett tal-miżuri magħżula taħt kull waħda mill-erba’ kwistjonijiet ewlenin. Dawn tqiesu bħala tisħiħ reċiproku u għalhekk huma kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati bl-aħjar mod l-objettivi ta’ din il-proposta. Pereżempju, il-pakkett mhux biss jagħmel aktar data tal-kumpaniji disponibbli u aċċessibbli aktar faċilment madwar l-UE, iżda jiżgura wkoll li din id-data tkun aktar affidabbli. Dan min-naħa tiegħu jkun il-prerekwiżit biex ikun jista’ jsir użu dirett ta’ din id-data fis-suq uniku kollu.
Il-pakkett ta’ miżuri preferuti, billi jagħmel aktar data dwar il-kumpaniji disponibbli għall-pubbliku fir-reġistri kummerċjali u fil-livell tal-UE permezz tal-BRIS u billi jtejjeb l-affidabbiltà tagħha, huwa mistenni li jnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji b’mod ġenerali u min-naħa tiegħu jagħmilha aktar faċli li jiġu aċċessati l-finanzi u jiġu stabbiliti n-negozji. Barra minn hekk, il-faċilitazzjoni tal-użu transfruntier ta’ din id-data meta jiġu stabbiliti sussidjarji jew fergħat ġodda fi Stat Membru ieħor jew f’sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn, inklużi proċeduri amministrattivi jew tal-qorti, hija mistennija li tirriżulta f’iffrankar sinifikanti tal-kostijiet rikorrenti. B’riżultat ta’ dan, għandha tagħmilha ħafna aktar faċli li jitwettqu attivitajiet kummerċjali transfruntiera u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal swieq ta’ Stati Membri oħrajn.
L-iffrankar rikorrenti tal-kostijiet (it-tnaqqis tal-piż amministrattiv) għall-kumpaniji li jistabbilixxu sussidjarji jew fergħat transfruntiera ġodda u għall-kumpaniji kollha li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet kummerċjali transfruntiera huwa stmat għal madwar EUR 437 miljun fis-sena. Fl-istess ħin, il-pakkett se jirriżulta f’kostijiet ta’ darba għal ċerti kumpaniji, jiġifieri għal dawk li bħalissa ma jirreġistrawx informazzjoni speċifika ma’ reġistru, stmati għal madwar EUR 311 miljun. Dawn se jkunu limitati mill-fatt li l-Istati Membri, pereżempju, ma għandhomx japplikaw it-tariffi tal-preżentazzjoni separatament għal kull oġġett ġdid ta’ data tal-kumpanija ppreżentat. Għalhekk, il-benefiċċji rikorrenti mistennija għall-kumpaniji jkunu ferm akbar mill-kostijiet ta’ darba, u l-inizjattiva se tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv għall-kumpaniji fis-suq uniku.
Dan il-pakkett huwa kontinwazzjoni tal-iżviluppi relatati mad-diġitalizzazzjoni li s’issa kienu qed iseħħu fil-liġi tal-kumpaniji. Iż-żieda fl-aċċessibbiltà u fl-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji, u konnessjonijiet aħjar bejn ir-reġistri kummerċjali bis-saħħa tal-prinċipju ta’ darba biss u anke l-konnessjoni ta’ sistemi oħrajn ta’ interkonnessjoni fil-livell tal-UE mal-BRIS, għandhom jiffaċilitaw il-ħidma tar-reġistri minħabba tfittxija aktar faċli għad-data tal-kumpaniji minn Stati Membri oħrajn u anqas ħtieġa li jintalbu dokumenti mill-kumpaniji. Minħabba l-ħtieġa li r-reġistri kummerċjali jadattaw is-sistemi tal-IT, il-kostijiet ta’ darba tal-pakkett huma stmati għal madwar EUR 5,4 miljun għar-reġistri kummerċjali kollha flimkien. Il-kostijiet rikorrenti, eż. biex titwettaq il-verifika ex ante tad-data tal-kumpaniji, huma stmati għal madwar EUR 4 miljun fis-sena għar-reġistri kollha. Madankollu, l-Istati Membri jkunu jistgħu jibnu fuq l-investimenti tal-IT li diġà saru għall-BRIS f’dawn l-aħħar snin, u l-kostijiet ta’ aġġustament għall-verifika għandhom ikunu limitati minħabba l-kontrolli ex ante diġà fis-seħħ f’ħafna Stati Membri. Huwa probabbli wkoll li se jkun hemm xi telf ta’ dħul għar-reġistri, li jitolbu tariffi għall-estratti tal-kumpaniji għall-użu transfruntier, stmati għal madwar EUR 7,9 miljun għar-reġistri kollha.
Fir-rigward tal-awtoritajiet l-oħrajn, aċċess aktar faċli għal aktar settijiet ta’ data affidabbli tal-kumpaniji jiffaċilita wkoll il-ħidma tagħhom peress li jistgħu jikkonsultaw id-data tal-kumpaniji direttament fir-reġistri kummerċjali u fil-BRIS u jirrikjedu anqas dokumenti mill-kumpaniji, li jirriżultaw f’xi ffrankar. Għalkemm l-awtoritajiet inkarigati mill-ħruġ ta’ apostilles se jitilfu d-dħul, stmat għal EUR 9,5 miljun fis-sena, it-tneħħija tal-apostilles hija mistennija li tnaqqas il-piż amministrattiv ġenerali minħabba l-inċertezza legali attwali u r-riżorsi umani relatati u ż-żmien meħtieġ biex din tinħareġ.
Il-pakkett huwa mistenni wkoll li jkun ta’ benefiċċju kbir għas-soċjetà b’mod ġenerali, inklużi l-konsumaturi, minħabba l-impatt pożittiv mistenni tiegħu fuq il-forniment ta’ data tal-kumpaniji aktar aċċessibbli u affidabbli madwar l-UE. Għalhekk se jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar informati meta jixtru minn jew jidħlu f’kuntratti ma’ kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Data tal-kumpaniji transfruntiera aktar disponibbli, aċċessibbli u affidabbli se tiffaċilita wkoll il-ġlieda kontra l-abbuż u l-frodi. Għalhekk, din l-inizjattiva se tgħin biex jinħoloq suq uniku aktar ġust.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta hija mistennija li twassal benefiċċji konsiderevoli ta’ simplifikazzjoni lill-kumpaniji, u b’mod partikolari lill-SMEs. Aċċess aktar faċli għad-data tal-kumpaniji u t-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi u finanzjarji għall-użu transfruntier tagħha se jkunu ta’ benefiċċju għall-SMEs b’mod partikolari peress li ma għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u amministrattivi ta’ kumpaniji kbar. L-SMEs se jibbenefikaw ukoll b’mod konsiderevoli minn ċertezza legali akbar peress li huma aktar affettwati minn regoli mhux ċari u kumplessi minn kumpaniji akbar. L-inizjattiva se tkun ta’ benefiċċju wkoll għan-negozji ġodda, peress li twieġeb għas-sejħiet biex tiffaċilita l-espansjoni tan-negozji ġodda fl-Istandard tal-UE għan-Negozji l-Ġodd.
Billi żżid it-trasparenza u l-fiduċja fis-suq kif ukoll tagħmilha aktar faċli li jiġu stabbiliti kumpaniji fi Stat Membru ieħor u jkollha impatt pożittiv fuq l-attivitajiet transfruntiera, il-proposta għandha tistimula l-kummerċ transfruntier, is-servizzi u l-flussi ta’ investiment u għalhekk tikkontribwixxi għall-kompetittività u t-tkabbir fis-suq uniku. Dawn il-miżuri se japplikaw għal madwar 16-il miljun kumpanija b’responsabbiltà limitata u 2 miljun sħubija fl-UE.
Il-proposta hija mistennija li ġġib iffrankar pożittiv u rikorrenti qawwi fil-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji, ta’ madwar EUR 437 miljun fis-sena. Fl-istess ħin, din tista’ tirriżulta f’xi kostijiet ġodda ta’ darba fuq il-kumpaniji biex jippreżentaw informazzjoni lir-reġistru, stmati li jammontaw madwar EUR 311 miljun. B’mod ġenerali, l-iffrankar rikorrenti għall-kumpaniji huwa mistenni li jkun ferm akbar mill-kostijiet ta’ darba relatati mal-preżentazzjoni ta’ data addizzjonali tal-kumpaniji.
Din il-proposta ttejjeb ulterjorment il-liġi dwar il-kumpaniji diġitali tal-UE permezz tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali. Pereżempju, din għandha l-għan li żżid id-disponibbiltà tal-informazzjoni tal-kumpaniji, b’mod partikolari fil-livell transfruntier, billi tagħmel aktar data tal-kumpaniji disponibbli online permezz tal-BRIS fuq il-portal tal-Ġustizzja Elettronika. Biex tkompli żżid it-trasparenza, se tgħaqqad il-BRIS ma’ sistemi oħrajn fil-livell tal-UE ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, li huma kollha disponibbli permezz tal-portal tal-Ġustizzja Elettronika. Din min-naħa tagħha se tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-ħolqien ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konnessi fil-livell tal-UE. Biex jitneħħa l-piż amministrattiv meta l-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi jużaw l-informazzjoni tal-kumpaniji madwar l-UE, din tintroduċi ċ-Ċertifikat diġitali tal-Kumpaniji tal-UE u l-prokura diġitali tal-UE u tapplika l-prinċipju ta’ darba biss għall-istabbiliment ta’ sussidjarji u ta’ fergħat transfruntiera, dan tal-aħħar bis-saħħa ta’ skambji elettroniċi siguri ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri permezz tal-BRIS. Il-proposta tiffoka fuq kopji elettroniċi u estratti tad-dokumenti jew l-informazzjoni tal-kumpaniji u tenfasizza l-importanza taċ-ċertifikazzjoni tagħhom f’konformità mar-Regolament eIDAS. Għalhekk hija lesta għal użu diġitali peress li tiddependi ħafna fuq l-użu tat-teknoloġiji u d-data diġitali. Tipprovdi wkoll soluzzjonijiet “diġitali b’mod awtomatiku” biex tiżdied it-trasparenza dwar il-kumpaniji tal-UE u l-proċeduri “diġitali b’mod awtomatiku” tal-liġi tal-kumpaniji biex jiġi ffaċilitat l-użu tad-data tal-kumpaniji fis-suq uniku kollu.
Filwaqt li l-proposta tiffoka primarjament fuq il-proċeduri online u l-kopji elettroniċi u l-estratti tad-dokumenti jew l-informazzjoni tal-kumpaniji, id-dispożizzjonijiet tagħha jqisu kemm l-ambjent fiżiku kif ukoll dak diġitali u jindirizzaw ukoll il-proċeduri fiżiċi, eż. kwalunkwe forma oħra ta’ formazzjoni ta’ kumpaniji minbarra kompletament online, u kopji stampati u estratti.
Bis-saħħa tal-possibbiltà akbar li jintużaw proċeduri u għodod diġitali bejn ir-reġistri kummerċjali u l-kumpaniji, kif ukoll bejn ir-reġistri kummerċjali, u applikazzjoni akbar tal-prinċipju ta’ darba biss, din il-proposta x’aktarx li jkollha xi impatti ambjentali pożittivi żgħar. Għalhekk, dan jitqies bħala konsistenti mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-miri tal-2030 u l-2040. Din il-proposta se tikkontribwixxi wkoll indirettament għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8 dwar ix-xogħol deċenti u t-tkabbir ekonomiku peress li se ttejjeb l-ambjent tan-negozju fis-suq uniku.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta se tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ stabbiliment fl-Istati Membri kollha, kif stabbilit mill-Artikolu 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Għandu jkun hemm impatt pożittiv fuq il-kumpaniji li jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mis-suq uniku, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta. Il-proposta se tirrikjedi ċertu pproċessar, inkluż id-divulgazzjoni ta’ data personali li se tinterferixxi mad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja personali kif stabbilit fl-Artikolu 7 u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. B’mod partikolari, il-proposta se tirrikjedi d-divulgazzjoni ta’ u l-aċċess transfruntier għal ċerta informazzjoni fir-rigward tal-entitajiet ġuridiċi (eż. sħubijiet), inkluża ċerta data personali bħal informazzjoni dwar is-sħab u l-azzjonisti b’membru uniku. Din id-data normalment tkun diġà żvelata pubblikament fl-Istati Membri, u din il-proposta tagħmel din id-data disponibbli b’mod transfruntier permezz tal-BRIS. L-Istati Membri jistgħu jipproċessaw ukoll xi data personali biex jivverifikaw id-data tal-kumpanija, li diġà huwa l-każ fl-Istati Membri. Ir-rabta tal-BRIS ma’ sistemi oħrajn ta’ interkonnessjoni tal-UE mhux se jkollha impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali peress li kull sistema se żżomm ir-regoli u r-rekwiżiti tagħha relatati mal-aċċess. Is-soluzzjonijiet proposti huma meħtieġa u proporzjonati biex itejbu t-trasparenza, joħolqu fiduċja bejn l-Istati Membri u jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni ta’ partijiet terzi meta jużaw l-informazzjoni tal-kumpaniji b’mod transfruntier u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. L-Istati Membri se jiżguraw ukoll il-protezzjoni tad-data personali f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta, il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data inkluża l-ġurisprudenza rilevanti.
Din il-proposta se żżid id-disponibbiltà tal-informazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali, b’mod partikolari fil-livell transfruntier. F’dan il-kuntest, trid tingħata attenzjoni speċifika lill-aċċessibbiltà tagħha għall-persuni b’diżabilità, minħabba l-ostakoli addizzjonali li jiffaċċjaw. Il-politiki tal-Unjoni dwar il-persuni b’diżabilità huma bbażati fuq il-liġi primarja tal-UE, inkluż l-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (dwar id-dritt tal-persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza tagħhom, l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni soċjali u okkupazzjonali fil-ħajja tal-komunità) u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD). Fost l-oħrajn, il-UN CRPD, li għaliha kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma partijiet, tirrikjedi li l-Istati Partijiet jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, għall-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet, inklużi t-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet u servizzi oħrajn miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku. F’konformità ma’ dan, l-Istrateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021-2030 tissottolinja li l-aċċessibbiltà għall-ambjenti mibnija u virtwali, għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), għall-prodotti u għas-servizzi, inklużi t-trasport u l-infrastruttura, hija faċilitatur tad-drittijiet u prerekwiżit għall-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità fuq bażi ugwali ma’ oħrajn. Konsegwentement, l-aċċess għall-informazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali għandu jingħata f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità previsti fil-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat l-aċċess għall-informazzjoni tal-kumpaniji pprovduta mir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri kollha fuq bażi ugwali ma’ utenti oħrajn, ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni ta’ jekk għandhomx jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta hija mistennija li jkollha xi impatt baġitarju għall-Istati Membri, li ġie stmat fil-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta u huwa deskritt fit-taqsima ta’ hawn fuq dwar il-valutazzjoni tal-impatt.
Fir-rigward tal-impatt fuq il-baġit tal-UE, din il-proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema BRIS. Dan se jirrikjedi l-iżvilupp ulterjuri tal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi eżistenti, aktar ħidma ta’ żvilupp tas-software fuq is-sistema u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali biex jistabbilixxu l-iżviluppi meħtieġa tal-IT fil-livell nazzjonali. Sabiex jitwettqu dawn il-kompiti, mhux se jkun meħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi attwali fil-Kummissjoni li taħdem fuq il-ġestjoni tan-negozju tal-BRIS (1 ekwivalenti full-time/FTE) u l-ġestjoni tal-proġetti (1,25 FTEs). Barra minn hekk, il-fondi previsti għall-manutenzjoni regolari tas-sistema BRIS (bħalissa madwar EUR 2 miljun fis-sena, ipprovduti mill-programm Ewropa Diġitali) se jkunu biżżejjed ukoll biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa skont din il-proposta.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri jittrasponu d-dispożizzjonijiet f’din il-proposta permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti nazzjonali tal-liġi tal-kumpaniji fis-CLEG u billi tipprovdi gwida kif meħtieġ (eż. billi torganizza workshops ta’ traspożizzjoni, tipprovdi pariri bilaterali). Il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti u tiżgura li din tkun konformi mal-proposta tal-Att dwar l-Ewropa Interoperabbli u mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, u b’hekk trawwem l-interoperabbiltà transfruntiera u transsettorjali fl-Ewropa. Il-monitoraġġ se jikkonsisti fl-analiżi tal-impatt tal-proposta fuq l-aċċessibbiltà u l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali u permezz tal-BRIS permezz ta’ kuntatti mmirati mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, diskussjonijiet mar-reġistri kummerċjali fi ħdan is-CLEG u abbażi ta’ informazzjoni li tista’ tinġabar permezz tal-BRIS jew sistemi oħrajn tal-UE ta’ interkonnessjoni tar-reġistri bħall-BORIS jew l-IRI. Il-monitoraġġ jinkludi wkoll analiżi sa liema punt l-użu dirett tad-data tal-kumpaniji transfruntier ġie ffaċilitat u sa liema punt il-miżuri introdotti minn din il-proposta qed jintużaw mill-partijiet ikkonċernati, eż. billi jiġu analizzati x-xejriet fl-istabbiliment ta’ sussidjarji u fergħat transfruntiera madwar l-UE jew billi jiġu vverifikati n-numri taċ-Ċertifikati tal-Kumpaniji tal-UE maħruġa. Ftit mill-informazzjoni rilevanti tista’ tinkiseb mill-BRIS u l-Kummissjoni tista’ tiġbor informazzjoni oħra permezz ta’ kuntatti mmirati mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, stħarriġ u, jekk ikun meħtieġ, studji mmirati. Għandu jitfassal rapport ta’ evalwazzjoni biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ din il-proposta ladarba tinkiseb biżżejjed esperjenza dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proposti. Dan janalizza wkoll il-potenzjal tal-interoperabbiltà transsettorjali ma’ sistemi oħra fil-livell tal-UE li jipprovdu mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, eż. fl-oqsma tat-tassazzjoni jew tas-sigurtà soċjali jew tas-Sistema Teknika ta’ Darba Biss skont ir-Regolament SDG, biex jibni fuq l-informazzjoni “diretta” dwar il-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali, l-interkonnessjoni tagħhom fil-livell tal-UE u l-użu tal-EUID biex jorbot l-informazzjoni disponibbli dwar kumpanija partikolari fis-sistemi differenti tal-UE, u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konnessi b’mod transfruntier fis-suq uniku. Jenħtieġ li l-għoti ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ma jimponix piż amministrattiv li mhux neċessarju fuq il-partijiet ikkonċernati rilevanti.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
Il-proposta hija emenda għad-Direttiva 2009/102/KE dwar ir-responsabbiltà privata limitata ta’ membru wieħed u għad-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar ċerti aspetti tal-liġi tal-kumpaniji. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ din id-Direttiva kumplessa, id-dokument ta’ spjegazzjoni, eż. fil-forma ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni, se jkun meħtieġ.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Emenda għad-Direttiva 2009/102/KE
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/102/KE huwa sostitwit. Id-dispożizzjoni l-ġdida għandha l-għan li tiżgura li l-identità tal-membru uniku tiġi dejjem iddivulgata fir-reġistri kummerċjali nazzjonali u ssir aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132
L-Artikolu 1 jestendi s-suġġett li jaqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2017/1132 għal dawk l-oqsma l-ġodda li għalihom din il-proposta żżid il-miżuri.
L-Artikolu 7 huwa estiż biex ikopri s-sħubijiet f’konformità mal-Artikolu 10.
L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dispożizzjoni ġdida li tintroduċi r-rekwiżit li jkun hemm kontroll amministrattiv jew ġudizzjarju preventiv u proċedura għall-kontroll tal-legalità tal-istrument ta’ kostituzzjoni kemm ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata kif ukoll ta’ sħubijiet f’modalità ta’ formazzjoni kompletament online, ibrida jew offline. Jekk sħubija ma jkollhiex strument ta’ kostituzzjoni, il-kontroll tal-legalità japplika għal kwalunkwe dokument li jipprovdi l-istess informazzjoni bħall-istrument ta’ kostituzzjoni.
L-Artikolu 13 emendat jinkludi, fejn speċifikat fid-dispożizzjonijiet rilevanti, sħubijiet taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsimiet 1 u 1A tad-Direttiva (UE) 2017/1132.
L-Artikolu 13a jinkludi definizzjonijiet relatati mal-Artikolu 14b il-ġdid dwar gruppi ta’ kumpaniji u mal-Artikolu 16d il-ġdid dwar l-eżenzjoni tal-legalizzazzjoni.
L-Artikolu 13b huwa emendat biex jiġi allinjat mar-reviżjoni tar-Regolament eIDAS fir-rigward tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
L-Artikolu 13c huwa emendat biex jiżgura li r-regoli nazzjonali dwar l-awtentiċità, l-akkuratezza, l-affidabbiltà u l-forma ġuridika xierqa ta’ dokumenti jew informazzjoni ma jipprevjenux l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, il-prokura diġitali tal-UE, id-dokumenti eżentati mil-legalizzazzjoni/mill-apostille u mit-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti.
L-Artikolu 13f emendat dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jinkludi informazzjoni dwar ir-regoli relatati mas-sħubijiet u informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri relatati mal-iskadenzi tal-preżentazzjoni u regoli oħrajn dwar iż-żamma tar-reġistru tal-informazzjoni aġġornata.
L-Artikolu 13g huwa emendat biex jinkludi l-prinċipju ta’ darba biss li bih kumpanija ma jkollhiex bżonn terġa’ tissottometti informazzjoni li tkun fir-reġistri tagħha stess meta tifforma kumpanija fi Stat Membru ieħor. Minflok, ir-reġistri jiskambjaw din l-informazzjoni, fejn ir-reġistru fejn għandha tiġi fformata l-kumpanija jiġbor din l-informazzjoni mir-reġistru tal-kumpanija.
L-Artikolu 13h huwa emendat biex ikun f’konformità mal-Artikolu 10 emendat.
L-Artikolu 13j huwa allinjat mal-Artikoli 10 u 15 emendati.
L-Artikolu 14 huwa emendat biex jinkludi fil-lista ta’ dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati fir-reġistru kummerċjali l-post tal-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju f’każ li dawn ma jkunux fl-istess Stat Membru bħall-post tal-uffiċċju rreġistrat.
L-Artikolu 14a il-ġdid jintroduċi lista ta’ dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati b’mod obbligatorju fir-reġistru kummerċjali permezz ta’ sħubijiet.
L-Artikolu 14b il-ġdid jintroduċi rekwiżit ta’ divulgazzjoni għal informazzjoni relatata mal-grupp. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi ssodisfat kemm mill-kumpanija omm aħħarija kif ukoll mis-sussidjarja. Jekk il-kumpanija omm aħħarija tkun stabbilita barra mill-UE, allura l-kumpanija omm intermedja tal-UE għandha twettaq ir-rekwiżit ta’ divulgazzjoni rilevanti. F’każ li l-ebda kumpanija omm intermedja ma tkun regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, il-kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru għandha tiddivulga l-informazzjoni meħtieġa. Il-kumpanija omm aħħarija tal-UE jew il-kumpanija omm intermedja tal-UE jew is-sussidjarja jeħtieġ li tiddivulga informazzjoni relatata mas-sussidjarji tal-grupp tal-UE u dawk mhux tal-UE. Din l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża wkoll mar-reġistri tas-sussidjarji. Viżwalizzazzjoni tal-grupp issir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
L-Artikolu 15 huwa sostitwit. Id-dispożizzjoni l-ġdida tintroduċi limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ bidliet fid-dokumenti u fl-informazzjoni fir-reġistru u dawk li għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku mir-reġistru. Din tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ proċeduri biex iżommu l-informazzjoni fir-reġistru kummerċjali aġġornata, inkluż l-istatus tal-kumpaniji.
L-Artikolu 16 huwa emendat biex jinkludi sħubijiet u informazzjoni divulgata relatati ma’ sħubijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, u l-informazzjoni tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 14b li għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru kummerċjali.
L-Artikolu 16a huwa emendat biex jinkludi informazzjoni dwar is-sħubijiet u l-gruppi fil-kamp ta’ applikazzjoni u biex jiżgura l-kompatibbiltà mal-proposta xxx tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali.
L-Artikolu 16b il-ġdid jintroduċi ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE armonizzat.
L-Artikolu 16c il-ġdid jipprovdi mudell standard għall-prokura Diġitali tal-UE li tista’ tintuża fi proċeduri transfruntiera fil-kuntest tad-Direttiva 2017/1132. Filwaqt li l-prokura għandha titfassal u tiġi revokata f’konformità mal-liġi nazzjonali, id-dispożizzjoni tintroduċi xi verifiki obbligatorji għal meta tkun qed titfassal. Il-prokura għandha tiġi ppreżentata fir-reġistru kummerċjali tal-kumpanija, u persuni terzi b’interess leġittimu għandu jkollhom aċċess għaliha.
L-Artikolu 16d il-ġdid jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kopji u l-estratti tad-dokumenti ta’ informazzjoni pprovduti, u kopji ċċertifikati veri mir-reġistri kummerċjali kif ukoll atti notarili u dokumenti amministrattivi u l-kopji ċċertifikati tagħhom, kif ukoll traduzzjonijiet iċċertifikati huma eżentati minn kwalunkwe forma ta’ legalizzazzjoni jew formalità simili sakemm jissodisfaw ċerti rekwiżiti minimi relatati mal-oriġini tad-dokument.
L-Artikolu 16e l-ġdid jipprevedi salvagwardji f’każ li l-awtoritajiet li lilhom jiġu ppreżentati l-kopji u l-estratti tad-dokumenti ta’ informazzjoni pprovduti, u l-kopji veri ċċertifikati mir-reġistri kummerċjali, ikollhom dubji dwar l-oriġini u l-awtentiċità tad-dokumenti. F’każ ta’ dubju, tiġi introdotta proċedura biex tiġi vverifikata l-oriġini tad-dokumenti permezz tar-reġistri.
L-Artikolu 16f il-ġdid jirrikjedi li l-Istati Membri jeżentaw mill-kopji ta’ traduzzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti mir-reġistri kummerċjali u li jintużaw f’sitwazzjonijiet transfruntiera fejn l-informazzjoni tkun aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz ta’ tikketti ta’ spjegazzjoni msemmija fl-Artikolu 18 jew fejn l-informazzjoni speċifika hija inkluża fiċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE msemmi fl-Artikolu 16b. Id-dispożizzjoni tillimita wkoll it-traduzzjonijiet iċċertifikati tal-istrument ta’ kostituzzjoni u l-istatuti jew dokumenti oħrajn ipprovduti mir-reġistri kummerċjali għal strettament meħtieġa.
L-Artikolu 17 huwa estiż biex japplika għall-informazzjoni li trid tiġi ddivulgata dwar is-sħubijiet.
L-Artikolu 18 huwa estiż biex japplika għal informazzjoni dwar sħubijiet u gruppi. Barra minn hekk, l-Artikolu 18 emendat jispeċifika liema data personali għandha ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dan jiċċara wkoll li l-Istati Membri ma għandhomx jaħżnu data personali trażmessa permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għal skopijiet speċifiċi sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.
L-Artikolu 19a il-ġdid jintroduċi regoli dwar it-tariffi li għandhom jiġu imposti għall-informazzjoni dwar is-sħubijiet disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri b’mod simili għar-regoli eżistenti għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata (jiġifieri l-Artikolu 19 attwali).
L-Artikolu 21 emendat japplika wkoll għall-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata dwar is-sħubijiet u l-gruppi.
L-Artikolu 22 huwa emendat biex jipprevedi r-rabtiet ta’ aċċess bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza.
L-Artikolu 24 emendat jinkludi l-atti ta’ implimentazzjoni ġodda rilevanti meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi.
L-Artikolu 26 huwa emendat biex japplika għas-sħubijiet.
L-Artikolu 28 emendat jispeċifika li l-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jelenka l-każijiet obbligatorji fejn għandhom jiġu applikati l-penali.
L-Artikolu 28a huwa emendat biex jispeċifika d-dettalji għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss għall-preżentazzjoni għall-fergħat (biex jiġi allinjat mar-regoli fl-Artikolu 13g (kif emendat) għall-istabbiliment ta’ sussidjarji transfruntiera) meta kumpanija tirreġistra fergħa fi Stati Membri oħrajn.
L-Artikolu 28b huwa emendat f’konformità mal-Artikolu 15 emendat.
L-Artikolu 30 huwa emendat billi jitħassar il-punt b tal-paragrafu 2 peress li dan issa huwa kopert mill-Artikolu 16b dwar iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE.
L-Artikolu 36 emendat jipprevedi li l-informazzjoni dwar il-fergħat ta’ pajjiżi terzi għandha ssir disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u jispeċifika liema informazzjoni għandha tiġi aċċessata mingħajr ħlas.
L-Artikolu 40 huwa emendat biex jirrikjedi li l-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Anness IIB jintroduċi l-lista ta’ sħubijiet fl-Istati Membri koperti mid-Direttiva.
2023/0089 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttivi 2009/102/KE u (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ aktar espansjoni u titjib tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1), l-Artikolu 50(2) u l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi inter alia regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri u sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dik is-sistema ilha operazzjonali minn Ġunju 2017 u bħalissa tgħaqqad ir-reġistri kollha tal-Istati Membri. Bi tweġiba għall-iżviluppi diġitali, id-Direttiva (UE) 2017/1132 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tipprovdi regoli għall-formazzjoni kompletament online ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, ir-reġistrazzjoni ta’ fergħat transfruntiera u s-sottomissjoni ta’ dokumenti lir-reġistri kummerċjali.
(2)F’dinja dejjem aktar diġitalizzata, l-għodod diġitali huma essenzjali biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet tan-negozju u l-interazzjonijiet tal-kumpaniji mar-reġistri u mal-awtoritajiet kummerċjali. Sabiex jiżdiedu l-fiduċja u t-trasparenza fl-ambjent tan-negozju u jiġu ffaċilitati l-operat u l-attivitajiet tal-kumpaniji fis-suq uniku, b’mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), kif speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, huwa kruċjali li l-kumpaniji, l-awtoritajiet u partijiet ikkonċernati oħrajn ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli dwar il-kumpaniji li tista’ tintuża mingħajr formalitajiet kumplikati f’kuntest transfruntier.
(3)Din id-Direttiva twieġeb għall-objettivi tad-diġitalizzazzjoni stabbiliti mill-Komunikazzjonijiet “Kumpass Diġitali tal-2030” u “Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea”, u għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-espansjoni transfruntiera tal-SMEs sottolinjata fil-Komunikazzjonijiet “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020” u “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”.
(4)L-aċċess għal informazzjoni affidabbli tal-kumpanji mir-reġistri u l-użu tagħha għadhom imfixkla minn ostakoli f’sitwazzjonijiet transfruntiera. L-ewwel nett, l-informazzjoni tal-kumpaniji li l-utenti, inklużi l-kumpaniji u l-awtoritajiet, qegħdin ifittxu għadha ma hijiex disponibbli biżżejjed fir-reġistri nazzjonali u/jew transfruntiera permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. It-tieni, l-użu ta’ din l-informazzjoni tal-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera, inklużi proċeduri amministrattivi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, proċedimenti fil-qorti jew l-istabbiliment ta’ sussidjarji jew fergħat transfruntiera, għadu mfixkel minn proċeduri u rekwiżiti li jieħdu ħafna ħin u li jiswew ħafna flus, inkluża l-ħtieġa ta’ apostille jew traduzzjoni tad-dokumenti tal-kumpaniji.
(5)Il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-kumpaniji nfushom, l-awtoritajiet u l-pubbliku inġenerali jeħtieġ li jkunu jistgħu jibbażaw fuq informazzjoni dwar il-kumpaniji għall-finijiet tan-negozju tagħhom jew fi proċeduri amministrattivi jew proċedimenti tal-qorti. Għalhekk, huwa meħtieġ li d-data tal-kumpaniji, li tiddaħħal f’reġistri kummerċjali u li tkun aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, tkun akkurata, aġġornata u affidabbli.
(6)L-introduzzjoni, permezz tad-Direttiva (UE) 2019/1151, ta’ standards għall-kontrolli fuq l-identità u l-kapaċità ġuridika ta’ persuni li jifformaw kumpanija, jirreġistraw fergħa jew idaħħlu dokumenti jew informazzjoni online kienet l-ewwel pass importanti. Issa huwa essenzjali li jittieħdu aktar passi biex tittejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistri sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħha fi proċeduri amministrattivi transfruntiera u fi proċedimenti tal-qorti.
(7)Filwaqt li l-Istati Membri kollha jwettqu, sa ċertu punt, skrutinju ex ante tad-dokumenti u l-informazzjoni tal-kumpanija qabel ma jiddaħħlu fir-reġistru kummerċjali, hemm approċċi differenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-intensità tal-kontrolli, tal-proċeduri applikabbli jew anke tal-persuna jew il-korp responsabbli għall-verifika tal-informazzjoni. Dan jirriżulta f’fiduċja insuffiċjenti fid-dokumenti tal-kumpaniji jew fl-informazzjoni fuq bażi transfruntiera u f’sitwazzjonijiet fejn id-dokumenti tal-kumpaniji jew l-informazzjoni minn reġistru kummerċjali fi Stat Membru wieħed xi drabi ma jiġux aċċettati bħala evidenza fi Stat Membru ieħor.
(8)Għalhekk, filwaqt li jiġu rrispettati t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri, huwa importanti li fl-Istati Membri kollha jiġi żgurat li jitwettqu ċerti kontrolli skont l-istess standards li jiggarantixxu livell għoli ta’ preċiżjoni u affidabbiltà tal-informazzjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu estiżi l-istandards kurrenti billi dawn isiru obbligatorji b’mod ġenerali, mhux biss għall-formazzjoni kompletament online tal-kumpaniji, iżda anke għal kwalunkwe forma oħra ta’ formazzjoni tal-kumpaniji. Bl-istess mod, fejn l-Istati Membri xorta jippermettu metodi oħrajn ta’ preżentazzjoni minbarra l-preżentazzjoni online, jenħtieġ li japplikaw l-istess standards sabiex l-informazzjoni kollha mdaħħla fir-reġistru tiġi soġġetta għall-istess standard.
(9)Fl-Istati Membri kollha jenħtieġ li jiġi żgurat kontroll amministrattiv jew ġudizzjarju preventiv, li jirrispetta t-tradizzjonijiet tal-Istati Membri inkluż l-involviment possibbli tan-nutara, sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji transfruntiera. Jenħtieġ li jitwettaq kontroll tal-legalità tal-istrument ta’ kostituzzjoni tal-kumpanija, tal-istatuti tal-kumpanija jekk ikunu jinsabu fi strument separat, u ta’ kwalunkwe emenda ta’ dawn l-istrumenti u statuti, minħabba li dawn huma l-aktar dokumenti importanti li jikkonċernaw il-kumpanija.
(10)Sabiex jitnaqqsu ulterjorment il-kostijiet u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi relatati mal-formazzjoni tal-kumpaniji, inkluż it-tul tal-proċeduri, u biex tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-kumpaniji fis-suq uniku, b’mod partikolari l-SMEs, l-użu tal-prinċipju ta’ “darba biss” jenħtieġ li jiġi estiż aktar fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji. Dan il-prinċipju diġà huwa rikonoxxut sew fl-Unjoni, inkluż taħt il-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tal-2030 bħala mezz li jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiskambjaw id-data u l-evidenza bejn il-fruntieri, u użata f’oqsma differenti, bħal pereżempju s-sistema teknika ta’ darba biss għall-iskambju awtomatizzat transfruntier ta’ evidenza taħt il-Gateway Diġitali Unika.
(11)L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” tinvolvi li l-kumpaniji ma jintalbux jissottomettu l-istess informazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi aktar minn darba. Pereżempju, jenħtieġ li l-kumpaniji ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jissottomettu d-dokumenti jew l-informazzjoni tal-kumpanija diġà sottomessa lir-reġistru fejn il-kumpanija tkun irreġistrata meta tinħoloq sussidjarja fi Stat Membru ieħor. Minflok, l-informazzjoni dwar il-kumpanija jenħtieġ li tiġi skambjata b’mod elettroniku, bejn ir-reġistru fejn il-kumpanija hija rreġistrata u r-reġistru fejn se tiġi rreġistrata sussidjarja, bl-użu tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Din l-informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli mir-reġistru kummerċjali lil kwalunkwe awtorità, korp jew persuna maħtura skont il-liġi nazzjonali biex tittratta kwalunkwe aspett tal-formazzjoni ta’ kumpanija.
(12)Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fir-rigward tal-kumpaniji fis-suq uniku, u biex jiġu ffaċilitati l-operat u l-attivitajiet transfruntiera tal-kumpaniji, huwa essenzjali li madwar l-Unjoni ssir disponibbli aktar informazzjoni tal-kumpaniji u li jiġi żgurat li din tkun komparabbli u tkun aċċessibbli aktar faċilment. Dan jenħtieġ li jsir billi jibni fuq l-informazzjoni tal-kumpanija li diġà teżisti fir-reġistri nazzjonali u billi ssir disponibbli fil-livell tal-Unjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, kif ukoll billi jiġi pprovdut aċċess għal aktar informazzjoni kemm fir-reġistri nazzjonali kif ukoll permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
(13)L-informazzjoni dwar il-post tal-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju hija importanti biex tiżdied it-trasparenza, u b’hekk tissaħħaħ iċ-ċertezza legali fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpaniji tal-Unjoni, inkluż meta jinvestu f’dawk il-kumpaniji. Din l-informazzjoni hija rilevanti wkoll f’kuntesti differenti bħal f’każijiet ta’ insolvenza jew ristrutturar, il-liġi tal-kompetizzjoni, il-finijiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali, jew għall-awtoritajiet meta jindirizzaw il-frodi jew l-abbuż, peress li tista’ tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ kumpaniji fittizji frawdolenti jew abbużivi. Dawn l-elementi jistgħu jipprovdu informazzjoni utli dwar kif il-kumpaniji qed iwettqu n-negozju u sa liema punt il-kumpaniji huma konnessi mal-Unjoni.
(14)L-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirreferi għall-amministrazzjoni ċentrali u għall-post prinċipali tan-negozju flimkien mal-uffiċċju rreġistrat bħala rabtiet deċiżivi mal-Unjoni, u huwa komuni li dawn ikunu jinsabu fl-istess Stat Membru. Madankollu, il-libertà ta’ stabbiliment, kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tinvolvi d-dritt ta’ kumpanija li jkollha l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat. F’dan il-każ, il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni sabiex jieħdu deċiżjonijiet informati u jipproteġu l-interessi tagħhom. Għalhekk, sabiex jiġi pprovdut aċċess aktar faċli għal din l-informazzjoni u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet, informazzjoni dwar l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn tinsab l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju, meta ma tkunx fl-Istat Membru tal-uffiċċju reġistrat, jenħtieġ li tiġi ddivulgata fir-reġistri kummerċjali nazzjonali u ssir disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
(15)Sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fit-tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ tipi differenti ta’ kumpaniji fis-suq uniku, huwa importanti li tissaħħaħ it-trasparenza u li jiġi pprovdut aċċess aktar faċli fuq bażi transfruntiera għal informazzjoni dwar l-hekk imsejħa “sħubijiet kummerċjali”. Dawn għandhom rwol importanti fl-ekonomija tal-Istati Membri u huma rreġistrati fir-reġistri kummerċjali nazzjonali kollha, iżda għad hemm differenzi bejn it-tipi ta’ sħubijiet u t-tipi ta’ informazzjoni disponibbli dwarhom madwar l-Unjoni, li jirriżultaw f’diffikultajiet fl-aċċess transfruntier għal din l-informazzjoni. Sabiex dan jiġi indirizzat, l-istess informazzjoni bażika dwar “sħubijiet kummerċjali” jenħtieġ li tiġi żvelata fl-Istati Membri kollha. Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għas-sħubijiet jenħtieġ li jirriflettu r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni eżistenti għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata iżda jridu jiġu adattati għall-karatteristiċi speċifiċi tas-sħubijiet. Pereżempju, ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni jenħtieġ li jkopru wkoll informazzjoni dwar is-sħab, inklużi dawk li huma awtorizzati jirrappreżentaw is-sħubija. Bħal fil-każ ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jirrikjedu li s-sħubijiet jiddivulgaw dokumenti jew informazzjoni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ minn din id-Direttiva. Meta dawn id-dokumenti jew informazzjoni addizzjonali jkun fihom data personali, jenħtieġ li l-Istati Membri jipproċessaw din id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(16)L-informazzjoni dwar “sħubijiet kummerċjali” jenħtieġ li tkun aċċessibbli wkoll fil-livell tal-Unjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri bl-istess mod bħal fil-każ tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata, b’ċerta informazzjoni li għandha tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas, u jenħtieġ li tiġi identifikata b’mod inekwivoku permezz tal-identifikatur uniku Ewropew (“EUID”).
(17)L-azzjonisti, l-investituri potenzjali, il-kredituri, l-awtoritajiet, l-impjegati u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom interess leġittimu li jkollhom aċċess għall-informazzjoni relatata mal-istruttura tal-grupp li għalih tappartjeni kumpanija. L-informazzjoni dwar il-gruppi ta’ kumpaniji hija importanti biex tiġi promossa t-trasparenza u biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-ambjent tan-negozju kif ukoll biex tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni effettiva ta’ skemi frawdolenti jew abbużivi li jistgħu jaffettwaw id-dħul pubbliku u l-kredibbiltà tas-suq uniku. Għalhekk, l-informazzjoni dwar l-istrutturi tal-grupp jenħtieġ li tiġi ddivulgata fir-reġistri kummerċjali u permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kemm għall-gruppi domestiċi kif ukoll għal dawk transfruntiera.
(18)Il-kumpaniji omm aħħarin regolati mil-liġi ta’ Stat Membru jenħtieġ li jiżvelaw lir-reġistri nazzjonali tagħhom informazzjoni bażika dwar il-kumpaniji sussidjarji kollha tagħhom peress li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu din l-informazzjoni. Fejn il-kumpanija omm aħħarija tkun regolata mil-liġi ta’ pajjiż terz, dan l-obbligu ta’ divulgazzjoni jenħtieġ li jiġi ssodisfat mill-kumpanija sussidjarja li tkun l-eqreb tal-kumpanija omm aħħarija fil-katina tal-kontroll iżda stabbilita fl-Unjoni u regolata mil-liġi ta’ Stat Membru. Fejn din il-kumpanija sussidjarja tkun kumpanija omm intermedja, din il-kumpanija omm intermedja jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar il-grupp kollu, jiġifieri l-kumpanija omm aħħarija u l-kumpaniji sussidjarji kollha tagħha. Meta l-grupp jinkludi diversi kumpaniji omm intermedji stabbiliti fl-Unjoni, il-grupp jenħtieġ li jagħżel liema kumpanija omm intermedja jenħtieġ li tissodisfa r-rekwiżit ta’ divulgazzjoni. Meta l-ebda kumpanija omm intermedja ma tkun regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, il-grupp jenħtieġ li jagħżel kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru biex tissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ divulgazzjoni.
(19)Sabiex tiġi pprovduta trasparenza mtejba dwar is-sussidjarji li jappartjenu għal grupp, l-informazzjoni tal-grupp u b’mod partikolari l-informazzjoni dwar il-kumpanija omm aħħarija u kwalunkwe kumpanija omm intermedja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll fir-reġistri tas-sussidjarji u, għal dak il-għan, jenħtieġ li tkun kondiviża mar-reġistri tal-kumpaniji sussidjarji permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri. Barra minn hekk, l-Istati Membri fejn ir-reġistri kummerċjali jkunu bbażati fuq struttura deċentralizzata jistgħu jiddeċiedu wkoll li jittrasferixxu l-informazzjoni meħtieġa bejn ir-reġistri nazzjonali permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
(20)Sabiex jiġi evitat piż bla bżonn, l-obbligu li tiġi aġġornata l-informazzjoni tal-grupp, mill-anqas darba fis-sena, jenħtieġ li jkun fuq il-kumpanija omm aħħarija jew, fejn applikabbli, fuq il-kumpanija omm intermedja jew fuq il-kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru. Jekk ma tkun seħħet l-ebda bidla fi żmien sena, din il-kumpanija omm jew il-kumpanija sussidjarja jenħtieġ li tikkonferma dan lir-reġistru tagħha, li jenħtieġ li jirreġistra u jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, kull kumpanija sussidjarja jenħtieġ li tkun responsabbli għaż-żamma tal-informazzjoni relatata mal-affiljazzjoni tagħha mal-grupp fir-reġistru tagħha aġġornata. F’dan ir-rigward, il-kumpanija omm aħħarija jew, fejn applikabbli, il-kumpanija omm intermedja jew il-kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru jenħtieġ li tipprovdi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni tal-grupp lis-sussidjarji (l-oħrajn) mingħajr dewmien sabiex is-sussidjarji jissodisfaw fil-ħin l-obbligu li jżommu l-informazzjoni relatata mal-grupp fir-reġistru tagħhom aġġornata.
(21)Gruppi ta’ kumpaniji jista’ jkollhom strutturi kumplessi. Għalhekk, viżwalizzazzjoni tal-istruttura tal-grupp ibbażata fuq il-katina ta’ kontroll jenħtieġ li tkun magħmula disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri biex tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-grupp u tiffaċilita fehim aħjar tal-metodu ta’ tħaddim tal-grupp. Din tkun imfassla abbażi ta’ informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ kull sussidjarja fl-istruttura tal-grupp sottomessa mill-kumpanija omm aħħarija jew, fejn applikabbli, mill-kumpanija omm intermedja jew mill-kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru.
(22)Minbarra l-istandards komuni għall-verifika tal-informazzjoni tal-kumpaniji qabel ma tiddaħħal fir-reġistru, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni fir-reġistru tinżamm aġġornata. Ir-rakkomandazzjoni dwar it-Task Force ta’ Azzjoni finanzjarja 24 “Trasparenza u sjieda benefiċjarja ta’ persuni ġuridiċi”, kif riveduta f’Marzu 2022, tinkludi rekwiżiti li l-informazzjoni tal-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali tinżamm akkurata u aġġornata. Huwa wkoll fl-interess tal-kumpaniji li jiżguraw li l-informazzjoni tagħhom tiġi aġġornata fir-reġistru minħabba li din l-informazzjoni, inkluż iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, jistgħu jiddependu fuqha partijiet terzi. Għalhekk, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jiddivulgaw il-bidliet fl-informazzjoni tal-kumpaniji mingħajr dewmien żejjed u jenħtieġ li r-reġistri jirreġistraw u jagħmlu disponibbli dawn il-bidliet fil-ħin. Filwaqt li l-iskadenza għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti kontabilistiċi hija regolata mid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-reġistri jenħtieġ li jagħmluhom ukoll disponibbli għall-pubbliku mingħajr dewmien żejjed. Barra minn hekk, sabiex tkompli tittejjeb l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji, jenħtieġ li l-kumpaniji jikkonfermaw darba fis-sena kalendarja li l-informazzjoni tagħhom fir-reġistru kummerċjali hija aġġornata, inkluż meta ma jkun hemm l-ebda bidla. Il-kumpaniji jistgħu jagħmlu dan flimkien mal-preżentazzjoni ta’ bidliet oħrajn jew meta jippreżentaw dokumenti tal-kontabbiltà.
(23)Sabiex l-informazzjoni tal-kumpaniji tinżamm aġġornata fir-reġistri, huwa importanti wkoll li jiġu identifikati kumpaniji li ma għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikomplu jiġu rreġistrati fir-reġistru kummerċjali. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ proċeduri trasparenti biex jivverifikaw, fejn ikun hemm dubji, l-istatus ta’ dawn il-kumpaniji. Filwaqt li l-kumpaniji jistgħu jissospendu temporanjament l-attività tagħhom għal raġunijiet validi, huwa importanti li l-istatus tagħhom fir-reġistru kummerċjali jiġi aġġornat kif xieraq. Pereżempju, l-indikaturi jistgħu jkunu l-fatt li kumpanija ma għandhiex bord tad-diretturi li jiffunzjona kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali, ma tkunx irreġistrat dokumenti ta’ kontabbiltà, jew nuqqas ta’ kwalunkwe attività ekonomika għal xi snin. B’mod simili, il-fatt li għadd kbir ta’ kumpaniji huma rreġistrati fl-istess indirizz jista’ jindika li xi wħud minn dawn il-kumpaniji setgħu ġew stabbiliti għal skopijiet abbużivi. Dawn il-proċeduri jenħtieġ li jinkludu l-possibbiltà li l-kumpaniji jispjegaw is-sitwazzjoni tagħhom u jipprovdu d-data meħtieġa, fi żmien skadenzi raġonevoli, u jenħtieġ li jiżguraw li l-istatus tal-kumpanija, pereżempju jekk tkunx magħluqa, stralċjata, xolta, ekonomikament attiva jew mhux attiva, jiġi aġġornat kif xieraq. Il-proċeduri jenħtieġ li jinkludu wkoll possibbiltà, bħala l-aħħar alternattiva, li titneħħa kumpanija mir-reġistru f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali. L-informazzjoni dwar dawn il-proċeduri jenħtieġ li tkun disponibbli għall-pubbliku f’konformità ma’ din id-Direttiva.
(24)Fis-suq uniku, il-kumpaniji jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu prova li l-kumpanija tagħhom hija legalment inkorporata fi Stat Membru permezz ta’ mezzi sempliċi u affidabbli, li huma rikonoxxuti fuq livell transfruntier minn Stati Membri oħrajn. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE armonizzat. Il-kumpaniji jistgħu japplikaw għal dan iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE biex jużawh għal skopijiet differenti, inkluż għal proċeduri amministrattivi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali u proċedimenti tal-qorti fi Stati Membri oħrajn jew quddiem istituzzjonijiet u korpi tal-UE. Dan iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE jenħtieġ li jinħareġ u jiġi ċċertifikat mir-reġistri kummerċjali nazzjonali, jenħtieġ li jinkludi informazzjoni essenzjali tal-kumpaniji użata minn kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera, inkluż l-isem tal-kumpanija, l-uffiċċju rreġistrat tagħha u r-rappreżentanti legali, u jenħtieġ li jkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE elettroniku jenħtieġ li jiġi awtentikat billi jintużaw servizzi fiduċjarji kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Dan iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE jkun aċċessibbli wkoll għal partijiet terzi, inklużi l-awtoritajiet, li jeħtieġu informazzjoni essenzjali affidabbli dwar il-kumpaniji. Filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jimponu tariffa għall-kisba ta’ Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, jenħtieġ li r-reġistri jkunu meħtieġa jipprovdu, fuq talba, kull kumpanija rreġistrata f’dak ir-reġistru biċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE tagħha stess mingħajr ħlas tal-anqas darba fis-sena. Ir-reġistri u l-awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn jenħtieġ li jaċċettaw Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE f’konformità ma’ din id-Direttiva.
(25)Sabiex jiġu ffaċilitati ulterjorment il-proċeduri transfruntiera għall-kumpaniji u jiġu ssimplifikati u mnaqqsa l-formalitajiet, bħall-apostille jew it-traduzzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita prokura diġitali tal-UE. Il-prokura diġitali tal-UE se tkun mudell standard multilingwi bbażat fuq mudell Ewropew komuni li l-kumpaniji jistgħu jagħżlu li jużaw f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Jenħtieġ li jkollha kontenut obbligatorju minimu, filwaqt li titfassal f’konformità ma’ rekwiżiti legali u formali nazzjonali. Il-prokura diġitali standard tal-UE tkun teżisti biss f’forma diġitali u jenħtieġ li tiġi awtentikata bl-użu ta’ servizzi fiduċjarji kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Barra minn hekk, sabiex tikkontribwixxi għal sigurtà ogħla tat-tranżazzjonijiet, il-prokura diġitali tal-UE jenħtieġ li tiġi ppreżentata fir-reġistru tal-kumpanija fejn partijiet terzi li jistgħu juru interess leġittimu jkunu jistgħu jikkonsultawha. B’mod partikolari, partijiet terzi, bħal avukati, nutara, istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji jew awtoritajiet kompetenti li lilhom tiġi ppreżentata l-prokura diġitali tal-UE, jistgħu b’hekk jivverifikaw l-eżistenza ta’ dawn is-setgħat fir-reġistru tal-kumpanija. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu wkoll li l-prokura diġitali tal-UE tiġi ppreżentata, barra minn hekk, f’reġistru ieħor f’konformità mal-liġi nazzjonali. Sabiex jingħelbu l-ostakoli lingwistiċi u sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom, il-mudell għal Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE u mudell standard tal-prokura diġitali tal-UE jenħtieġ li jkunu disponibbli fuq il-portal tal-Ġustizzja Elettronika fil-lingwi kollha tal-Unjoni.
(26)Il-kumpaniji spiss jiffaċċjaw diffikultajiet u ostakoli amministrattivi biex jużaw l-informazzjoni tal-kumpaniji, li diġà hija disponibbli fir-reġistru kummerċjali nazzjonali tagħhom, f’sitwazzjonijiet transfruntiera, inkluż meta jittrattaw mal-awtoritajiet kompetenti jew fi proċedimenti tal-qorti fi Stat Membru ieħor. Id-data tal-kumpanija disponibbli fir-reġistru kummerċjali ta’ Stat Membru wieħed spiss ma tiġix aċċettata fi Stat Membru ieħor mingħajr formalitajiet ikkumplikati li jiġġeneraw kostijiet u dewmien. Għalhekk, sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transfruntiera fis-suq uniku, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma tkun meħtieġa l-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili, bħal apostille, fir-rigward ta’ kopji ċċertifikati ta’ dokumenti u informazzjoni relatati ma’ kumpaniji miksuba mir-reġistri. L-istess approċċ jenħtieġ li jiġi applikat ukoll għal dokumenti u informazzjoni skambjati permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri (pereżempju, ċertifikati ta’ qabel l-operat) kif ukoll għal atti notarili jew għal dokumenti amministrattivi fil-kuntest tal-proċeduri skont din id-Direttiva li jintużaw f’kuntest transfruntier. Dawn il-proċeduri jinkludu l-formazzjoni ta’ kumpaniji u r-reġistrazzjoni ta’ fergħat fi Stat Membru ieħor, il-konverżjonijiet, l-fużjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntiera.
(27)Fl-istess ħin, sabiex jiġu evitati l-frodi jew il-falsifikazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jiġi ppreżentat id-dokument jew l-informazzjoni tal-kumpanija, fejn ikollhom dubju raġonevoli dwar l-awtentiċità tagħha, li jivverifikaw id-dokument jew l-informazzjoni permezz tar-reġistru tal-ħruġ jew ir-reġistru fl-Istat Membru tagħha, li jista’ jiskambja informazzjoni dwar l-awtentiċità tad-dokument permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Jenħtieġ li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jikkontribwixxi għall-fiduċja u għall-kooperazzjoni reċiproċi bejn l-Istati Membri fi ħdan is-suq uniku.
(28)L-istrumenti ta’ kostituzzjoni tal-kumpaniji xi drabi jitfasslu f’żewġ lingwi jew aktar, waħda minnhom spiss tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod wiesa’ mill-akbar numru possibbli ta’ utenti transfruntiera. Il-kumpaniji spiss ukoll jippubblikaw b’mod volontarju traduzzjoni tal-istrument ta’ kostituzzjoni tagħhom f’lingwa bħal din fuq is-siti web tagħhom. Barra minn hekk, ammont dejjem akbar ta’ informazzjoni tal-kumpaniji li tinsab fl-istrument ta’ kostituzzjoni hija disponibbli separatament u identifikabbli faċilment bl-assistenza ta’ tikketti multilingwi permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-informazzjoni tal-kumpaniji teħtieġ li tinħażen ukoll f’reġistri kummerċjali f’format li jinqara minn magna u b’tali mod li jista’ jsir tiftix jew bħala data strutturata, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1151, li se tiffaċilita t-traduzzjoni awtomatika ta’ din id-data. Dawn l-iżviluppi jagħmluha aktar faċli li wieħed jikkonsulta u juża din l-informazzjoni tal-kumpaniji f’sitwazzjonijiet transfruntiera mingħajr il-ħtieġa ta’ traduzzjoni uffiċjali. Għalhekk, ir-rekwiżiti legali għat-traduzzjonijiet ċertifikati tal-istrument ta’ kostituzzjoni u, bl-istess mod, ta’ dokumenti oħrajn ipprovduti mir-reġistru kummerċjali jenħtieġ li jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ u l-impożizzjoni tagħhom jenħtieġ li tkun permessa biss f’każijiet speċifiċi bħal fejn ikun hemm rekwiżit għal traduzzjonijiet ċertifikati tad-dokumenti li jridu jiġu ddivulgati jew fejn traduzzjoni ċertifikata tkun meħtieġa minn oqsma oħrajn tal-liġi, bħal fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji.
(29)Sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni tal-kumpaniji u jinħolqu amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konnessi fuq bażi transfruntiera fis-suq uniku, huwa importanti li s-sistemi ta’ interkonnessjoni jiġu konnessi fil-livell tal-Unjoni li diġà qed jiffunzjonaw li għandhom informazzjoni importanti dwar il-kumpaniji. Għalhekk, is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri (BRIS) jenħtieġ li tkun konnessa mas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja tal-UE (BORIS), stabbilita bid-Direttiva (UE) 2015/849 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843, li tgħaqqad ir-reġistri ċentrali nazzjonali li jkun fihom informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji u ta’ entitajiet legali, ta’ trusts u ta’ tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali, u mas-sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tal-Insolvenza tal-UE (IRI) stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/848. L-EUID jenħtieġ li jintuża biex jgħaqqad l-informazzjoni dwar kumpanija partikolari f’dawn is-sistemi. Madankollu, din il-konnessjoni bejn is-sistemi jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli u r-rekwiżiti dwar l-aċċess għall-informazzjoni stabbiliti taħt l-oqfsa rilevanti li jistabbilixxu dawk ir-reġistri u l-interkonnessjonijiet. Pereżempju, dan ifisser li utent tal-BRIS jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa BORIS biss jekk dak l-utent ikun intitolat għal aċċess għal BORIS skont ir-regoli u r-rekwiżiti rispettivi tiegħu.
(30)Sabiex il-kumpaniji, u b’mod partikolari l-SMEs, jiġu megħjuna jespandu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom b’mod transfruntier aktar faċilment, il-prinċipju ta’ “darba biss” jenħtieġ li jiġi żviluppat ulterjorment f’każijiet fejn il-kumpaniji jirreġistraw fergħat fi Stat Membru ieħor. L-informazzjoni dwar il-kumpanija li tirreġistra l-fergħa transfruntiera jenħtieġ li tinkiseb b’mod elettroniku mir-reġistru tal-kumpanija permezz tar-reġistru tal-fergħa permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni, bħal kwalunkwe skambju ieħor ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, se jitwettaq permezz ta’ trażmissjoni sigura bejn ir-reġistri nazzjonali, li jiżgura li l-informazzjoni tista’ tiġi fdata u jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa li tiġi ċċertifikata jew soġġetta għal kwalunkwe legalizzazzjoni jew formalità simili.
(31)Filwaqt li l-informazzjoni dwar il-fergħat transfruntiera tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata tal-UE diġà hija disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-informazzjoni dwar il-fergħat ta’ kumpaniji mhux tal-UE ma hijiex, anke jekk diġà hija ddivulgata fir-reġistri nazzjonali f’konformità mad-Direttiva (UE) 2017/1132. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal din l-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar dawn il-fergħat ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u xi informazzjoni minn din jenħtieġ li tkun bla ħlas, kif diġà huwa l-każ għall-fergħat transfruntiera tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata tal-UE.
(32)Id-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpanija, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rappreżentanti legali, is-sħab fi sħubijiet u persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-pubbliku fir-reġistri kummerċjali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fin-negozjati bejn il-kumpaniji u partijiet terzi. B’mod partikolari, partijiet terzi, bħal kredituri, investituri u sħab kummerċjali, iżda anke awtoritajiet u qrati, jenħtieġ li jkollhom ċertezza legali sħiħa dwar il-persuna li hija maħtura biex taġixxi f’isem il-kumpanija u li għandha s-setgħa li tidħol f’kuntratti jew twettaq negozju f’isem il-kumpanija. Fi sħubija, is-sħab spiss ikunu awtorizzati jirrappreżentaw is-sħubija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali. Bl-istess mod, bil-għan li jiġu protetti partijiet terzi, huwa meħtieġ li, meta l-ishma kollha ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata jkunu miżmuma minn azzjonist wieħed, l-identità ta’ dak l-azzjonist uniku, li jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika, issir aċċessibbli għall-pubbliku fir-reġistru kummerċjali. Minħabba li azzjonist uniku jista’ pereżempju jeżerċita s-setgħat tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew jikkonkludi kuntratti bejnu u bejn il-kumpanija kif irrappreżentata minnu, partijiet terzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jidentifikaw il-membru uniku sabiex ikunu jafu l-identità tal-persuna li teżerċita kontroll tal-kumpanija jew li tirrappreżenta l-kumpanija. Għalhekk, dawn il-persuni jenħtieġ li jiġu identifikati b’mod inekwivoku.
(33)Sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, partijiet terzi mhux biss jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar kumpaniji fl-Istat Membru tagħhom stess, iżda anke dwar kumpaniji fi Stat Membru ieħor. B’mod simili għal sitwazzjoni domestika, il-partijiet terzi jeħtieġ li jkollhom ċertezza legali dwar ir-rappreżentanti legali, is-sħab fi sħubijiet u persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, u dwar l-azzjonisti uniċi ta’ kumpaniji fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, din l-informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli fil-livell tal-Unjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri li tipprovdi aċċess għal din l-informazzjoni b’mod multilingwi u komparabbli, u b’hekk jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ partijiet terzi f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-identità tar-rappreżentanti legali, tas-sħab fi sħubijiet, u ta’ persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, kif ukoll ta’ azzjonisti uniċi, huwa meħtieġ li dawn il-persuni jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod inekwivoku. Il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza dwar l-identità eżatta ta’ dawn il-persuni hija partikolarment għolja f’sitwazzjonijiet transfruntiera fejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tipprovdi aċċess għal din l-informazzjoni dwar il-kumpaniji kollha b’responsabbiltà limitata u “sħubijiet kummerċjali”. Minħabba li s-sistemi nazzjonali għandhom approċċi diverġenti għall-identifikazzjoni ta’ dawn il-persuni, huwa meħtieġ li jiġu armonizzati l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu aċċessati fil-livell tal-Unjoni. Filwaqt li l-isem u l-kunjom ta’ dawn il-persuni jikkostitwixxu data personali li sservi biex jiġu identifikati, l-isem u l-kunjom ma jiggarantux identifikazzjoni unika fil-każijiet kollha u għalhekk jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’informazzjoni addizzjonali. Lanqas ma tkun biżżejjed li tiżdied biss is-sena tat-twelid f’dan ir-rigward minħabba l-prevalenza ta’ ċerti ismijiet, kemm l-isem propju kif ukoll il-kunjom u l-kombinazzjoni tagħhom, fl-Istati Membri u l-fatt li l-ismijiet popolari spiss isegwu ċikli annwali, bl-effett li ħafna persuni b’ismijiet identiċi jkunu twieldu fl-istess sena. Għalhekk huwa meħtieġ u proporzjonat li r-reġistri jintalbu jagħmlu disponibbli d-data tat-twelid sħiħa tar-rappreżentanti legali, tas-sħab fi sħubijiet, u ta’ persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, kif ukoll ta’ azzjonisti uniċi.
(34)L-Istati Membri jenħtieġ li jipproċessaw kwalunkwe data personali dwar ir-rappreżentanti legali, is-sħab fi sħubijiet u persuni oħrajn li jistgħu jirrappreżentaw legalment kumpanija, u dwar azzjonisti uniċi, inkluża d-data personali li għandha ssir disponibbli għall-pubbliku fir-reġistri, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproċessa d-data personali fil-kuntest ta’ din id-Direttiva f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jimplimentaw salvagwardji xierqa tal-protezzjoni tad-data sabiex jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.
(35)Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji mill-fatt li jkun hemm aktar informazzjoni dwar il-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali, huwa essenzjali li din l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-persuni b’diżabilità f’formati aċċessibbli. Skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, l-Istati partijiet għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, inter alia informazzjoni u komunikazzjonijiet, inklużi teknoloġiji u sistemi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet u servizzi oħrajn miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi rekwiżiti ġenerali ta’ aċċessibbiltà għas-siti web u għall-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku bil-għan li dawn isiru aktar aċċessibbli għall-utenti, b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità, u biex titrawwem l-interoperabbiltà. Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tħeġġeġ lill-Istati Membri jestendu l-applikazzjoni tagħha għal entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew ipprovduti lill-pubbliku. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fiha rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għal ċerti prodotti u servizzi inklużi s-siti web tagħhom u informazzjoni relatata. Minħabba d-diversità tal-korpi responsabbli għall-ġestjoni tar-reġistri kummerċjali, li jvarjaw minn qrati u awtoritajiet amministrattivi għal entitajiet privati, u l-attivitajiet diversi mwettqa mir-reġistri kummerċjali, jenħtieġ li jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni tal-kumpaniji pprovduta mir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri kollha fuq bażi ugwali ma’ utenti oħrajn.
(36)L-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiżdied l-ammont u li tittejjeb l-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali jew permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, u biex ikun jista’ jsir użu dirett mid-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali meta jiġu stabbiliti fergħat u sussidjarji transfruntiera u f’attivitajiet u sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(37)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar, fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.
(38)Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, tat-13 ta’ April 2016, jenħtieġ li din l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta’ effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud, u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkopri l-esperjenza prattika maċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE, il-prokura diġitali tal-UE u l-formalitajiet imnaqqsa f’sitwazzjonijiet transfruntiera għall-kumpaniji. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal għall-interoperabbiltà transsettorjali bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri (BRIS) u sistemi oħrajn li jipprovdu mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, bħal fl-oqsma tat-tassazzjoni jew tas-sigurtà soċjali jew tas-Sistema Teknika ta’ Darba Biss stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-għan li jinħolqu amministrazzjonijiet pubbliċi aktar konnessi b’mod transfruntier fis-suq uniku. Fl-aħħar, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta wkoll il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità meta dawn jaċċessaw l-informazzjoni tal-kumpaniji pprovduta mir-reġistri kummerċjali.
(39)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fil-[XX XX 2022/2023].
(40)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi 2009/102/KE u (UE) 2017/1132 jiġu emendati kif xieraq.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
“Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2009/102/KE
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/102/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:
Artikolu 3
Meta kumpanija ssir kumpanija b’membru wieħed minħabba li l-ishma kollha tagħha jkunu miżmuma minn persuna waħda, dak il-fatt, flimkien mal-identità tal-membru uniku, irid jiġi rreġistrat fil-fajl jew jiddaħħal fir-reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 68/151/KEE, u magħmul disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132.
L-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;
Artikolu 2
Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132
Id-Direttiva (UE) 2017/1132 hija emendata kif ġej:
(1)It-titolu tat-Titolu I huwa sostitwit b'dan li ġej:
“DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U L-ISTABBILIMENT U L-FUNZJONAMENT TAL-KUMPANIJI”;
(2)L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tieni inċiż:
“- sett komuni ta’ regoli dwar il-kontroll preventiv tal-informazzjoni tal-kumpaniji,”;
(b)l-inċiż li ġej jiddaħħal wara t-tielet inċiż:
“- ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fir-rigward tas-sħubijiet,”;
(3)fit-Titolu I, il-Kapitolu II, it-Taqsima 2, it-titolu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“Nullità tal-kumpanija u l-validità tal-obbligi tagħha”;
(4)fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness II, u fejn speċifikat, mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.”;
(5)L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 10
Kontroll preventiv
1.L-Istati Membri għandhom jipprevedu kontroll amministrattiv jew ġudizzjarju preventiv, fiż-żmien tal-formazzjoni ta’ kumpanija, tal-istrument ta’ kostituzzjoni, tal-istatuti tal-kumpanija u kwalunkwe emenda għal dawk id-dokumenti. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dawk id-dokumenti għandhom jitfasslu u jiġu ċċertifikati fil-forma legali xierqa.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet tagħhom dwar il-formazzjoni ta’ kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB jistabbilixxu proċedura għall-kontroll tal-legalità tal-istrument ta’ kostituzzjoni ta’ kumpanija, u għall-istatuti tagħha jekk ikunu jinsabu fi strument separat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-kontroll jitwettaq ukoll f’każ ta’ kwalunkwe emenda ta’ dawk id-dokumenti.
Permezz tal-kontroll tal-legalità, għandu jiġi aċċertat tal-anqas li:
(a)ir-rekwiżiti formali għall-istrument ta’ kostituzzjoni, u għall-istatuti jekk ikunu jinsabu fi strument separat, ikunu ssodisfati u li jiġi vverifikat l-użu korrett tal-mudelli msemmija fl-Artikolu 13h;
(b)il-kontenut minimu obbligatorju huwa inkluż;
(c)ma hemm l-ebda irregolarità legali sostantiva evidenti; kif ukoll
(d)l-kontribuzzjoni, kemm jekk ħlas fi flus jew f’kontribuzzjoni in natura, tkun tħallset, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Fejn, għall-formazzjoni ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IB, il-liġi nazzjonali ma tirrikjedix it-tfassil ta’ strumenti ta’ kostituzzjoni u statuti, il-proċedura għall-kontroll tal-legalità għandha tinkludi l-kontroll formali u sostantiv tad-dokumenti meħtieġa skont il-liġi nazzjonali għall-formazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji.
3.
L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għall-obbligu li jwettqu l-kontroll tal-legalità skont il-paragrafu 2, il-punti (b) u (c), ta’ dan l-Artikolu fejn il-mudelli msemmija fl-Artikolu 13h jintużaw mill-applikanti.
4.
Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13(4), il-punti (b) u (c), l-Artikolu 13(5) u (7), u l-Artikolu 13g(3), il-punti (a), (d), (e), (f), għandhom japplikaw mutatis mutandis għal forom oħrajn ta’ formazzjoni tal-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB li ma humiex kompletament online.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti regoli biex jivverifikaw l-identità tal-applikanti f’każ ta’ dawn il-forom oħrajn ta’ formazzjoni ta’ kumpaniji.
5.
Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal proċeduri kompletament online kif ukoll għal proċeduri oħrajn.”
(6)fit-Titolu I, il-Kapitolu III, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Proċeduri online u proċeduri oħrajn (formazzjoni, reġistrazzjoni u preżentazzjoni), divulgazzjoni u reġistri”;
(7)L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 13
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima u mit-Taqsima 1A għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness II, u fejn speċifikat, mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Annessi I, IIA u IIB.”;
(8)fl-Artikolu 13a, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(7) “grupp” tfisser kumpanija omm u l-kumpaniji sussidjarji kollha tagħha;
(8) “kumpanija sussidjarja” tfisser kumpanija kkontrollata minn kumpanija omm;
(9) “kumpanija omm aħħarija” tfisser kumpanija omm li tikkontrolla, direttament jew indirettament f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, kumpanija sussidjarja waħda jew aktar u li ma tkunx ikkontrollata minn kumpanija oħra;
(10) “kumpanija omm intermedja” tfisser kumpanija omm regolata mil-liġi ta’ Stat Membru li ma hijiex ikkontrollata minn kumpanija oħra regolata mil-liġi ta’ Stat Membru;
(11) “legalizzazzjoni” tfisser il-formalità għaċ-ċertifikazzjoni tal-awtentiċità tal-firma tad-detentur ta’ uffiċċju pubbliku, il-kapaċità li fiha l-persuna li tiffirma d-dokument tkun aġixxiet u, fejn xieraq, l-identità tas-siġill jew tat-timbru li jkollha;
(12) “formalità simili” tfisser iż-żieda taċ-ċertifikat previst mill-Konvenzjoni dwar l-Apostille.
_________________________
*
Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;
(9)L-Artikolu 13b huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ fi Stat Membru ieħor f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.
L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika fejn il-livelli ta’ assigurazzjoni ta’ dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014.”;
(10)L-Artikolu 13c huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kontrolli preventivi kif imsemmi fl-Artikolu 10.”;
(b)fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Dan il-paragrafu għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 16b, 16c, 16d u 16f.”;
(11)fl-Artikolu 13f, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-punti (a), (c) u (d), tinkludi wkoll informazzjoni fir-rigward tal-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti speċifikati fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jkopru wkoll ir-regoli msemmija fl-Artikolu 15 dwar il-preżentazzjoni tal-iskadenzi u dwar iż-żamma tal-informazzjoni fir-reġistri aġġornata.”;
(12)l-Artikolu 13 g jiġi emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta kumpanija elenkata fl-Anness II jew IIB tifforma kumpanija fi Stat Membru ieħor, ir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi fformata l-kumpanija għandu jirkupra, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 22, id-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpanija fundatriċi rilevanti għall-proċedura ta’ formazzjoni disponibbli fir-reġistru tal-Istat Membru fejn dik il-kumpanija tkun irreġistrata, u l-kumpanija ma għandhiex tintalab tipprovdi dik l-informazzjoni jew dawk id-dokumenti. Ir-reġistru jista’ jirkupra wkoll iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE skont l-Artikolu 16b.
Meta kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp tingħata mandat skont il-liġi nazzjonali biex titratta kwalunkwe aspett tal-formazzjoni ta’ kumpanija, u d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti, ir-reġistru tal-Istat Membru fejn tkun qed tiġi fformata l-kumpanija għandu jipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni miksuba lil dik l-awtorità, persuna jew korp.
L-Istati Membri għandhom japplikaw dan il-paragrafu għal kwalunkwe forma oħra ta’ formazzjoni ta’ kumpaniji minbarra dik kompletament online.”;
(b)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:
(i) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d) il-proċeduri biex tiġi vverifikata l-legalità tal-oġġett tal-kumpanija;”;
(ii) il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e) il-proċeduri biex tiġi vverifikata l-legalità tal-isem tal-kumpanija;”;
(c)il-paragrafu 4, il-punt (a) huwa mħassar;
(13)fl-Artikolu 13h(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza hija mħassra;
(14)L-Artikolu 13j huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwit b’dan li ġej:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni, inkluża kwalunkwe modifika tagħhom, ikunu jistgħu jiġu ppreżentati online mar-reġistru fejn il-kumpanija tkun irreġistrata.”;
(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4.
L-Artikoli 10(1) u (2) u 13g(2), (3), (4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni.”;
(c)jiżdied il-paragrafu li ġej:
“6.
L-Artikolu 10(1) u (2) u l-Artikolu 13g(2), (3), (4) u (5) għandhom japplikawmutatis mutandis għal kwalunkwe forma oħra ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni minbarra dik kompletament online mill-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB.”;
(15)L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:
(a)it-Titolu tal-Artikolu 14 huwa sostiwit b’dan li ġej:
“Artikolu 14
Dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati minn kumpaniji b’responsabbiltà limitata”;
(b)jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(l) il-post tal-amministrazzjoni ċentrali f’każ li ma jkunx fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat;
(m) il-post prinċipali tan-negozju f’każ li ma jkunx fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat.”;
(16)jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 14a
Dokumenti u informazzjoni li għandhom jiġu ddivulgati mis-sħubijiet
L-Istati Membri għandhom jiżguraw divulgazzjoni obbligatorja mit-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIB ta’ mill-anqas id-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:
(a)l-isem tas-sħubija;
(b)il-forma ġuridika tas-sħubija;
(c)l-uffiċċju rreġistrat tas-sħubija u l-Istat Membru fejn hija rrreġistrata;
(d)kwalunkwe bidla fl-uffiċċju rreġistrat tas-sħubija;
(e)in-numru ta’ reġistrazzjoni tas-sħubija;
(f)l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tas-sħab;
(g)l-istrument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk ikunu jinsabu fi strument separat, jekk dawn id-dokumenti jkunu meħtieġa mil-liġi nazzjonali;
(h)kwalunkwe emenda għall-istrumenti msemmija fil-punt (g), inkluża kwalunkwe estensjoni tad-durata tas-sħubija;
(i)wara kull emenda tad-dokument ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sa dak il-jum;
(j)id-dettalji tas-sħab li huma awtorizzati jirrappreżentaw is-sħubija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali, u informazzjoni dwar jekk is-sħab awtorizzati biex jirrappreżentaw is-sħubija jistgħux jagħmlu dan waħedhom jew humiex meħtieġa jaġixxu b’mod konġunt;
(k)fejn ikunu differenti mill-punt (j), id-dettalji tas-sħab ġenerali u, fil-każ ta’ sħubijiet limitati, id-dettalji tas-sħab limitati;
(l)id-dokumenti kontabilistiċi għal kull sena finanzjarja li huma meħtieġa li jiġu ppubblikati f’konformità mad-Direttivi tal-Kunsill 86/635/KEE* u 91/674/KEE** u d-Direttiva 2013/34/UE;
(m)l-istralċ tas-sħubija;
(n)kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ nullità tas-sħubija mill-qrati;
(o)id-dettalji tal-likwidaturi u s-setgħat rispettivi tagħhom, sakemm dawn is-setgħat ma humiex espressament u esklużivament derivati mil-liġi jew mill-istaturi tas-sħubija;
(p)kwalunkwe teminazzjoni ta’ likwidazzjoni u, fi Stati Membri fejn it-tneħħija mir-reġistru timplika konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kwalunkwe tneħħija bħal din;
(q)il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tas-sħubija f’każ li ma tkunx fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat;
(r)il-post prinċipali tan-negozju tas-sħubija f’każ li ma jkunx fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat.
Artikolu 14b
Informazzjoni dwar gruppi ta’ kumpaniji
1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija omm aħħarija regolata mil-liġi ta’ Stat Membru tiddivulga fir-reġistru fejn tkun irreġistrata tal-anqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-grupp tagħha:
(a)l-isem u l-forma ġuridika ta’ kull kumpanija sussidjarja;
(b)l-Istat Membru jew il-pajjiż terz fejn kull kumpanija sussidjarja tkun irreġistrata u n-numru tar-reġistrazzjoni tagħha;
(c)l-EUID ta’ kull kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru;
(d)l-isem tal-grupp, jekk ikun differenti mill-isem tal-kumpanija omm aħħarija.
(e)il-pożizzjoni ta’ kull kumpanija sussidjarja fl-istruttura tal-grupp iddeterminata abbażi tal-kontroll.
2. Meta l-kumpanija omm aħħarija tkun regolata mil-liġi ta’ pajjiż terz, il-kumpanija omm intermedja għandha tiddivulga l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Jekk ikun hemm aktar minn kumpanija omm intermedja waħda, waħda biss minnhom għandha tiddivulga dik l-informazzjoni. Il-kumpanija omm intermedja għandha tiddivulga wkoll l-isem tal-kumpanija omm aħħarija u l-pajjiż terz fejn hija rreġistrata l-kumpanija omm aħħarija.
Meta l-ebda kumpanija omm intermedja ma tkun regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, il-kumpanija sussidjarja regolata mil-liġi ta’ Stat Membru għandha tiddivulga l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Jekk ikun hemm aktar minn kumpanija sussidjarja waħda, waħda biss minnhom għandha tiddivulga l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-kumpanija sussidjarja għandha tiddivulga wkoll l-isem tal-kumpanija omm aħħarija u l-pajjiż terz fejn hija rreġistrata l-kumpanija omm aħħarija.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kumpanija omm aħħarija regolata mil-liġi ta’ Stat Membru jew, fejn applikabbli, il-kumpanija omm intermedja jew il-kumpanija sussidjarja msemmija fil-paragrafu 2, tiddivulga lir-reġistru fejn tkun irreġistrata l-proporzjon tal-kapital miżmum bejn il-kumpanija omm aħħarija u l-kumpaniji sussidjarji kollha tal-grupp.
4. Ir-reġistru tal-kumpanija omm aħħarija regolat mil-liġi ta’ Stat Membru jew, fejn applikabbli, tal-kumpanija omm intermedja jew tal-kumpanija sussidjarja msemmija fil-paragrafu 2, għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-paragrafi 1 sa 3, inkluża d-data meta din l-informazzjoni ġiet iddivulgata, jew meta ġiet aġġornata jew ikkonfermata f’konformità mal-paragrafu 6.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kumpanija omm aħħarija regolata mil-liġi ta’ Stat Membru jew, fejn applikabbli, il-kumpanija omm intermedja msemmija fil-paragrafu 2, tkun irreġistrata fi Stat Membru differenti minn kwalunkwe waħda mill-kumpaniji sussidjarji, ir-reġistru tal-kumpanija omm aħħarija jew, fejn applikabbli, tal-kumpanija omm intermedja, jikkondividi l-informazzjoni li ġejja mar-reġistru ta’ kull kumpanija sussidjarja rreġistrata fi Stat Membru differenti permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:
(a)
l-isem tal-kumpanija omm aħħarija, l-EUID tagħha u, jekk differenti mill-isem tal-kumpanija omm aħħarija, l-isem tal-grupp; jew
(b)
meta l-kumpanija omm aħħarija tkun regolata mil-liġi ta’ pajjiż terz, l-isem tal-kumpanija omm intermedja msemmija fil-paragrafu 2, l-EUID tagħha, l-isem tal-kumpanija omm aħħarija u l-pajjiż terz fejn tkun irreġistrata u, jekk differenti mill-isem tal-kumpanija omm aħħarija, l-isem tal-grupp.
Fejn ma jkun hemm l-ebda kumpanija omm intermedja u l-kumpanija sussidjarja msemmija fil-paragrafu 2 tkun irreġistrata fi Stat Membru differenti minn kumpaniji sussidjarji oħrajn, ir-reġistru ta’ dik il-kumpanija sussidjarja għandu jikkondividi l-isem tal-kumpanija sussidjarja, l-EUID tagħha, l-isem tal-kumpanija omm aħħarija u l-pajjiż terz fejn hija rreġistrata u, jekk differenti mill-isem tal-kumpanija omm aħħarija, l-isem tal-grupp bir-reġistru ta’ kull kumpanija sussidjarja oħra rreġistrata fi Stat Membru ieħor permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan il-paragrafu anke f’sitwazzjonijiet fejn il-kumpanija omm aħħarija jew, fejn applikabbli, il-kumpanija omm intermedja u l-kumpaniji sussidjarji jkunu rreġistrati fl-istess Stat Membru.
Ir-reġistru ta’ kull kumpanija sussidjarja għandu jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
6. Il-kumpanija omm aħħarija jew, fejn applikabbli, il-kumpanija omm intermedja jew il-kumpanija sussidjarja msemmija fil-paragrafu 2 għandha mill-anqas darba fis-sena, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mid-data tad-divulgazzjoni tad-dokumenti kontabilistiċi u, jekk ma tkun meħtieġa l-ebda divulgazzjoni bħal din, sa tmiem is-sena finanzjarja, taġġorna l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafi 1 sa 3, fejn applikabbli, jew tikkonferma li ma seħħet l-ebda bidla fl-istruttura tal-grupp.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija omm aħħarija regolata mil-liġi ta’ Stat Membru jew, fejn applikabbli, il-kumpanija omm intermedja jew il-kumpanija sussidjarja msemmija fil-paragrafu 2, tikkondividi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 mal-kumpaniji sussidjarji kollha regolati mil-liġi ta’ Stat Membru qabel id-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jew 2.
8. Fil-każ ta’ bidliet fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, kull kumpanija sussidjarja tal-grupp regolata mil-liġi ta’ Stat Membru, inkluża kwalunkwe kumpanija omm intermedja, għandha tiddivulga dawn il-bidliet fir-reġistru fejn tkun irreġistrata fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha jkunu saru l-bidliet.
9.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3, 5, 6 u 8, fejn applikabbli, għandha tkun disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
10. Is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandha tipprovdi fuq il-portal viżwalizzazzjoni tal-istruttura tal-grupp abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 jew 2, u fil-paragrafi 3, 6 u 8 u trażmessi permezz tas-sistema f’konformità ma’ dan l-Artikolu mir-reġistri.
11. Dan l-Artikolu ma japplikax fejn il-grupp jinkludi biss żewġ kumpaniji li l-kumpanija sussidjarja tagħhom tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/102/KE.
* Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).
** Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7)”;
______
(17)L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 15
Reġistri aġġornati
1. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB maħżuna fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 16 tinżamm aġġornata.
2. Dawn il-proċeduri għandhom jipprovdu mill-anqas dan li ġej:
(a)li l-kumpaniji elenkati fl-Anness II u IIB jirreġistraw kwalunkwe tibdil fid-dokumenti u fl-informazzjoni lir-reġistru, f’perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx 15-il jum tax-xogħol mid-data li fiha saru l-bidliet. Dan il-perjodu ta’ żmien ma għandux japplika għal bidliet fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 14b u d-dokumenti kontabilistiċi msemmija fl-Artikolu 14, il-punt (f), u l-Artikolu 14a, il-punt (l);
(b)li kwalunkwe bidla fid-dokumenti u fl-informazzjoni dwar il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB tiddaħħal fir-reġistru u tiġi ddivulgata, f’konformità mal-Artikolu 16(3), fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tat-tlestija tal-formalitajiet kollha meħtieġa għall-preżentazzjoni, inkluża l-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha, li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali;
(c)li l-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB jikkonfermaw darba kull sena kalendarja li l-informazzjoni dwar il-kumpanija fir-reġistru hija aġġornata u li r-reġistri jagħmlu disponibbli għall-pubbliku d-data meta l-kumpanija pprovdiet dik il-konferma jew aġġornat l-informazzjoni;
(d)li sabiex tiġi vverifikata informazzjoni speċifika tal-kumpanija, ir-reġistri jistgħu jikkonsultaw awtoritajiet jew reġistri rilevanti oħrajn fi ħdan il-qafas proċedurali stabbilit fil-liġi nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jivverifikaw, fejn jeżistu dubji, jekk il-kumpaniji rreġistrati fir-reġistri kif imsemmi fl-Artikolu 16 jissodisfawx ir-rekwiżiti biex ikomplu jiġu rreġistrati. Ir-regoli li jirregolaw dawn il-proċeduri għandhom jinkludu l-possibbiltà li l-kumpanija tikkoreġi l-informazzjoni rilevanti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, għandhom jiżguraw li l-istatus tal-kumpaniji jiġi aġġornat fir-reġistru kif xieraq u fejn ġustifikat jinkludu possibbiltà li l-kumpaniji jitneħħew mir-reġistru f’konformità mal-liġi nazzjonali.”;
(18)fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl f’reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji (“ir-reġistru”), għal kull waħda minn dawk il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB rreġistrati fih.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB ikollhom EUID, imsemmi fil-punt (9) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042*, li jippermettilhom jiġu identifikati b’mod inekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita f’konformità mal-Artikolu 22 (“is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri”). Dak l-identifikatur uniku għandu jinkludi, tal-anqas, elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini u n-numru tal-kumpanija f’dak ir-reġistru u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji ta’ identifikazzjoni.”;
____________
* Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042 tat-18 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2244 (ĠU L 225, 25.6.2021, p. 7.
(19)fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“7. Il-paragrafi 2, 3, 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għad-dokumenti u għall-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14a. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14b.”;
(20)Fl-Artikolu 16a, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopji u l-estratti elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni pprovduti mir-reġistru jkunu kompatibbli mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, imsemmija f’[PO: Referenza għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea].
6. Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-kopji tad-dokumenti u tal-informazzjoni kollha jew ta’ kwalunkwe parti minnhom imsemmija fl-Artikoli 14a u 14b.”;
(21)jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 16b
Ċertifikat tal-Kumpanija tal-UE
(a)l-isem tal-kumpanija;
(b)il-forma ġuridika tal-kumpanija;
(c)in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u l-Istat Membru fejn hija rreġistrat l-kumpanija;
(d)l-EUID tal-kumpanija;
(e)l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija;
(f)l-indirizz postali jew ta’ kuntatt tal-kumpanija;
(g)l-indirizz elettroniku tal-kumpanija;
(h) id-data tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija;
(i)l-ammont tal-kapital sottoskritt;
(j)l-istatus tal-kumpanija;
(k)id-dettalji ta’ kwalunkwe persuna li jew bħala korp jew bħala membri ta’ kwalunkwe korp bħal dan hija awtorizzata mill-kumpanija biex tirrappreżentaha fir-rigward ta’ partijiet terzi u fi proċedimenti ġudizzjarji u jekk dawk il-persuni jistgħux jagħmlu dan waħedhom jew humiex meħtieġa jaġixxu b’mod konġunt;
(l)l-iskop tal-kumpanija;
(m)id-durata tal-kumpanija;
(n)dettalji tas-sit web tal-kumpanija fejn dawn id-dettalji jiġu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali.
(a) l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tas-sħab;
(b) id-dettalji tas-sħab ġenerali u, fil-każ ta’ sħubijiet limitati, id-dettalji dwar sħab limitati;
(c) id-dettalji tas-sħab li huma awtorizzati jirrappreżentaw is-sħubija ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE pprovdut mir-reġistru f’format elettroniku ġie awtentikat permezz ta’ servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, sabiex ikun garantit li ġie pprovdut mir-reġistru u li l-kontenut tiegħu huwa kopja vera tal-informazzjoni miżmuma mir-reġistru jew li huwa konsistenti mal-informazzjoni li fih. Dan għandu jkun kompatibbli wkoll mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, imsemmija f’[PO: Referenza għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea].
Prokura diġitali tal-UE
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu proċeduri fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, il-kumpaniji elenkati fl-Annessi II u IIB jistgħu jużaw mudell standard tal-prokura diġitali tal-UE f’konformità ma’ dan l-Artikolu biex jawtorizzaw persuna tirrappreżenta l-kumpanija.
Il-prokura diġitali tal-UE għandha titfassal u tiġi revokata f’konformità mar-rekwiżiti legali u formali nazzjonali. Ir-rekwiżiti nazzjonali għat-tfassil tal-prokura diġitali tal-UE għandhom tal-anqas jinkludu l-verifika tal-identità, tal-kapaċità ġuridika u tal-awtorità għar-rappreżentanza tal-kumpanija tal-persuna li tagħti l-prokura.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prokura diġitali tal-UE tiġi awtentikata permezz ta’ servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, u kompatibbli mal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali msemmija f’[PO: Referenza għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea].
2. Il-prokura diġitali tal-UE għandha tiġi aċċettata bħala evidenza tal-intitolament tal-persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-kumpanija kif speċifikat fid-dokument.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1 jibagħtu l-prokura diġitali tal-UE, kwalunkwe emenda għaliha, u kwalunkwe revoka, lir-reġistru fejn il-kumpanija tkun irreġistrata.
4. L-awtoritajiet kompetenti, ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 16, jew kwalunkwe parti terza oħra li tista’ turi interess leġittimu, għandu jkollhom aċċess għall-prokura diġitali tal-UE fir-reġistru tal-kumpanija.
5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-mudell standard tal-prokura diġitali tal-UE fuq il-portal fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
1. Fejn kopji u estratti ta’ dokumenti u informazzjoni pprovduti u ċċertifikati bħala kopji veri minn reġistru msemmi fl-Artikolu 16, inklużi traduzzjonijiet iċċertifikati, iridu jiġu ppreżentati fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu eżentati mill-forom kollha ta’ legalizzazzjoni u formalità simili.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE maħruġ f’konformità mal-Artikolu 16b, il-prokura diġitali tal-UE msemmija fl-Artikolu 16c u ċ-ċertifikati ta’ qabel l-operat trażmessi f’konformità mal-Artikoli 86n, 127a u 160n ikunu eżentati mil-legalizzazzjoni jew kwalunkwe formalità simili.
3. Fejn atti notarili, dokumenti amministrattivi, il-kopji ċċertifikati tagħhom u t-traduzzjonijiet maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest tal-proċeduri ta’ din id-Direttiva jridu jiġu ppreżentati fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu eżentati mill-forom kollha ta’ legalizzazzjoni u formalità simili.
Dan il-paragrafu japplika għal atti notarili elettroniċi, għal dokumenti amministrattivi, għall-kopji ċċertifikati u għat-traduzzjonijiet tagħhom fejn ikunu ġew awtentikati permezz ta’ servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, u għal dawk ibbażati fuq karta fejn ikollhom karatteristika teknika li tippermetti verifika elettronika tal-oriġini u l-awtentiċità tad-dokument bħal protokoll uniku jew numru ta’ identifikazzjoni.
Artikolu 16e
Salvagwardji f’każ ta’ dubju raġonevoli
1.
Fejn l-awtoritajiet fi Stat Membru ieħor li lilhom jiġu ppreżentati l-kopji u l-estratti tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti u ċċertifikati bħala kopji veri minn reġistru f’konformità mal-Artikolu 16d(1), jew iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE maħruġ f’konformità mal-Artikolu 16b, ikollhom dubju raġonevoli dwar l-oriġini u l-awtentiċità, inkluża l-identità tas-siġill jew tat-timbru, jew ikollhom raġuni biex jikkunsidraw li d-dokument ikun ġie ffalsifikat jew imbagħbas, huma jistgħu jippreżentaw talba għal informazzjoni lill-punt ta’ kuntatt:
(a) fir-reġistru li pprovda dawn il-kopji u l-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni, jew
(b) fir-reġistru tal-Istat Membru tal-awtorità li fiha ġew ippreżentati l-kopji u l-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni. Dak ir-reġistru għandu jivverifika permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri l-awtentiċità ta’ dawn il-kopji u l-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni mar-reġistru li jkun ipprovdihom.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-punt ta’ kuntatt rilevanti fir-reġistru tagħhom imsemmi fl-Artikolu 16.
2.
It-talbiet għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità jkollha dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument, inkluż tal-anqas in-nuqqas li tkun tista’ tawtentika l-estratt permezz ta’ metodi ta’ verifika elettronika. Kull talba għandha tkun akkumpanjata mill-kopja jew mill-estratt tad-dokument u mill-informazzjoni kkonċernati trażmessi elettronikament.
Reġistru għandu jirrifjuta, mingħajr eżami, talbiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu u għandu jinforma lill-awtorità li tkun ippreżentat it-talba dwar ir-rifjut.
3.
Il-punti ta’ kuntatt għandhom iwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1 f’perjodu ta’ mhux aktar minn 5 ijiem tax-xogħol.
4.
Jekk l-awtentiċità tal-kopji u tal-estratti tad-dokumenti u tal-informazzjoni ma tiġix ikkonfermata, l-awtorità rikjedenti tista’ tiddeċiedi li ma taċċettahomx.
Artikolu 16f
Eżenzjoni mit-traduzzjoni
(a)meta d-dokument jew l-informazzjoni tkun fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn id-dokument jew l-informazzjoni tiġi ppreżentata, jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, jew fi kwalunkwe lingwa oħra li dak l-Istat Membru jaċċetta b’mod espliċitu;
(b)meta l-informazzjoni tkun aċċessibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u identifikabbli permezz ta’ tikketti ta’ spjegazzjoni msemmija fl-Artikolu 18;
(c)meta l-informazzjoni speċifika tkun inkluża fiċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE msemmi fl-Artikolu 16b.
(22)fl-Artikolu 17, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“4. Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-informazzjoni dwar is-sħubijiet imsemmija fl-Artikolu 14a.”;
(23)L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 18
Id-disponibbiltà ta’ kopji elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni
1.
Il-kopji elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14, 14a u 14b għandhom ikunu wkoll disponibbli pubblikament permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli wkoll dokumenti u informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14, 14a u 14b għal tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk elenkati fl-Annessi II u IIB.
L-Artikolu 16a(3), (4) u (5) għandu japplika mutatis mutandis ukoll għall-kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni magħmula disponibbli għall-pubbliku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
2.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14, 14a, 14b, l-Artikoli 19(2) u 19a(2) ikunu disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri f’format ta’ messaġġ standard u aċċessibbli b’mezzi elettroniċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-istandards minimi għas-sigurtà tat-trażmissjoni tad-data jkunu rrispettati.
3.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizz ta’ tiftix bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fir-rigward ta’ kumpaniji rreġistrati fl-Istati Membri, sabiex permezz tal-portal tagħmel disponibbli:
(a) id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14, 14a, 14b, l-Artikoli 19(2) u 19a(2), inkluż għal tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk elenkati fl-Annessi II u IIB, fejn dawn id-dokumenti jiġu magħmulin disponibbli mill-Istati Membri;
(aa) id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 86g, 86n, 86p, 123, 127a, 130, 160g, 160n u 160p;
(b) it-tikketti ta’ spjegazzjoni, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jelenkaw dik l-informazzjoni u t-tipi ta’ dawk id-dokumenti.
4.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tan-negozju, l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid tal-persuni msemmija fl-Artikolu 14, il-punt (d), l-Artikolu 14a, il-punti (j) u (k), l-Artikoli 19(2), il-punt (g), 19a(2), il-punt (g), 30(1), il-punt (e) u 36(3), il-punt (f), iridu jkunu magħmulin disponibbli għall-pubbliku.
5.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali, l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid tal-persuni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/102/KE jridu jkunu magħmulin disponibbli għall-pubbliku.
6.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri, l-awtoritajiet jew il-persuni jew il-korpi maħtura skont il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri kopert minn din id-Direttiva ma jaħżnu ebda data personali trażmessa permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għall-finijiet tal-Artikoli 13g, 28a u 30a, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.”;
(24)jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 19a
Tariffi li għandhom jitħallsu għal dokumenti u informazzjoni fir-rigward ta’ sħubijiet
1. It-tariffi imposti għall-kisba tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14a permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ma għandhomx ikunu ogħla mill-kostijiet amministrattivi tagħhom, inklużi l-kostijiet tal-iżvilupp u manutenzjoni tar-reġistri.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri dwar il-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB:
(a) l-isem u l-forma ġuridika tas-sħubija;
(b) l-uffiċċju reġistrat tas-sħubija u l-Istat Membru fejn hija rreġistrata;
(c) in-numru tar-reġistrazzjoni tas-sħubija u l-EUID tagħha;
(d) dettalji tas-sit web tas-sħubija fejn dawn id-dettalji jiġu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali;
(e) l-istatus tas-sħubija, bħal meta hija magħluqa, imneħħija mir-reġistru, likwidata, xolta, ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali;
(f) l-għan tas-sħubija;
(g) id-dettalji tas-sħab li jirrappreżentaw is-sħubija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali, u informazzjoni dwar jekk is-sħab awtorizzati biex jirrappreżentaw is-sħubija jistgħux jagħmlu dan waħedhom jew humiex meħtieġa jaġixxu b’mod konġunt;
(h) informazzjoni dwar kwalunkwe fergħa miftuħa mis-sħubija fi Stat Membru ieħor inkluż l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-EUID u l-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-fergħa.”;
(25)fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“5. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-Artikoli 14a u 14b.”;
(26)fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“7. Għandhom jiġu stabbiliti konnessjonijiet bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, l-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja skont l-Artikoli 30(10) u 31(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill *u l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**.
L-istabbiliment ta’ konnessjonijiet f’konformità mal-ewwel subparagrafu ma għandux ibiddel jew jevita r-regoli u r-rekwiżiti relatati mal-aċċess tal-informazzjoni stabbilita taħt l-oqfsa rilevanti li jistabbilixxu dawk ir-reġistri u l-interkonnessjonijiet.”;
___
**
Ir-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (tfassil mill-ġdid), ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19–72.
(27)fl-Artikolu 24, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“2. Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll dan li ġej:
(a) il-lista dettaljata ta’ data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-metodi ta’ rkupru ta’ informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpanija fondatriċi u r-reġistru tal-kumpanija li tkun qed tiġi fformata kif imsemmi fl-Artikolu 13g(2a), u bejn ir-reġistru tal-kumpanija u r-reġistru tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikolu 28a(5);
(b) il-lista dettaljata tad-data, l-użu ta’ tikketti ta’ spjegazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14a, 14b u l-Artikolu 19a(2) li għandha ssir disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;
(c) il-lista dettaljata tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri kif imsemmi fl-Artikolu 14b(5);
(d) id-dettalji tekniċi u l-lista dettaljata tad-data għall-viżwalizzazzjoni tal-istruttura tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 14b(10);
(e) l-istandards tekniċi u t-tassonomija għad-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 16(6), filwaqt li jitqiesu l-istandards tekniċi diġà użati fir-reġistri tal-Istati Membri;
(f) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, it-tassonomija u l-mudelli multilingwi għaċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE msemmi fl-Artikolu 16b;
(g) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, it-tassonomija u l-mudell standard multilingwi tal-prokura diġitali tal-UE msemmija fl-Artikolu 16c;
(h) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-lista dettaljata tad-data li jiddefinixxu l-aċċessibbiltà reċiproka bejn l-interkonnessjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(7), li għandhom jinkludu l-użu tal-identifikatur uniku għall-kumpaniji attribwiti f’konformità mal-Artikolu 16;
(i) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-lista dettaljata tad-data li jiddefinixxu l-verifika msemmija fl-Artikolu 16e(1), il-punt (b).
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 164(2).”;
(28)fl-Artikolu 26, jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-kumpaniji elenkati fl-Anness IIB.”;
(29)L-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 28
Penali
L-Istati Membri għandhom jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi tal-anqas fil-każ ta’:
(a) in-nuqqas ta’ divulgazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni kif meħtieġ mill-Artikoli 14, 14a u 14b;
(b) in-nuqqas li jiġu ppreżentati bidliet fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 15(2);
(c) ommissjoni minn dokumenti kummerċjali jew minn kwalunkwe sit web tal-kumpanija tal-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 26.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu inforzati.”;
(30)fl-Artikolu 28a(4), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) jivverifika l-legalità tad-dokumenti u tal-informazzjoni sottomessi għar-reġistrazzjoni tal-fergħa, minbarra d-dokumenti u l-informazzjoni miksuba mir-reġistru tal-kumpanija f’konformità mal-paragrafu 5;”;
(31)fl-Artikolu 28a(5), jitħassar l-ewwel subparagrafu;
(32)fl-Artikolu 28 a, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“5a
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kumpanija elenkata fl-Annessi II jew IIB tirreġistra fergħa fi Stat Membru ieħor, ir-reġistru fejn il-fergħa tkun qed tiġi rreġistrata għandu jirkupra, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, id-dokumenti u l-informazzjoni dwar il-kumpanija rilevanti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni disponibbli fir-reġistru tal-Istat Membru fejn dik il-kumpanija tkun irreġistrata, u l-kumpanija ma għandhiex tintalab tipprovdihom. Ir-reġistru jista’ jirkupra wkoll iċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE skont l-Artikolu 16b. L-Istati Membri għandhom japplikaw ukoll dan il-paragrafu għal kwalunkwe forma oħra ta’ reġistrazzjoni ta’ fergħat minbarra dik kompletament online.
Meta kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp jingħata mandat skont il-liġi nazzjonali biex jittratta kwalunkwe aspett tar-reġistrazzjoni ta’ fergħa, u d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu huma meħtieġa għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti, ir-reġistru tal-Istat Membru fejn il-fergħa tkun qed tiġi rreġistrata għandu jipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni miksuba lil dik l-awtorità, persuna jew korp.”;
(33)fl-Artikolu 28b(1), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30 jew kwalunkwe modifika tiegħu jistgħu jiġu ppreżentati online f’konformità mal-Artikolu 15(2), il-punti (a) u (b).”;
(34)l-Artikolu 30(2), il-punt (c) huwa mħassar;
(35)fl-Artikolu 36, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“3.
Id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 37 għandhom ikunu magħmulin pubblikament disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(1) għandu japplika mutatis mutandis.
4.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:
(a)l-isem tal-kumpanija u l-isem tal-fergħa jekk ikun differenti mill-isem tal-kumpanijia;
(b)il-forma ġuridika tal-kumpanija;
(c)il-liġi tal-Istat li tirregola l-kumpanija;
(d)meta dik il-liġi hekk tkun teħtieġ, ir-reġistru li fih tkun irreġistrata l-kumpanija u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija f'dak ir-reġistru;
(e)l-indirizz tal-fergħa;
(f)id-dettalji tal-persuni li huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali:
— bħala korp tal-kumpanija kkostitwita skont il-liġi jew bħala membri ta’ kwalunkwe korp bħal dan
— bħala rappreżentanti permanenti tal-kumpanija għall-attivitajiet tal-fergħa.
Għandha tiġi ddikjarata l-firxa tas-setgħat tal-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw lill-kumpanija, kif ukoll jekk dawk il-persuni jistgħux jirrappreżentaw il-kumpanijawaħedhom jew jekk humiex rikjest li jaġixxu konġuntement;
(g)l-identifikatur uniku tal-fergħa f’konformità mal-paragrafu 5.
5.
L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 29(4) mutatis mutandis għall-fergħat ta’ kumpaniji minn pajjiżi terzi.”;
(36)L-Artikolu 40 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 40
Penali
L-Istati Membri għandhom jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni tal-kwistjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 29, 30, 31, 36, 37 u 38 u ta’ ommissjoni minn ittri u forom ta’ ordnijiet tal-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikoli 35 u 39.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu inforzati.”
(37)
jiddaħħal l-Anness IIB, kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 3
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [PO: sa mhux aktar tard mill-aħħar jum tal-24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [PO: l-aħħar jum tat-30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Rapportar u rieżami
1.Il-Kummissjoni għandha, mid-[PO: data ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport, b’mod partikolari billi jipprovdu data relatata mal-paragrafu 2.
2.Ir-rapport tal-Kummissjoni se jevalwa, fost oħrajn, li ġej:
(a)l-esperjenza prattika bl-użu taċ-Ċertifikat tal-Kumpaniji tal-UE;
(b)l-esperjenza prattika bl-użu tal-Prokura Diġitali tal-UE;
(c)l-esperjenza prattika bit-tnaqqis tal-formalitajiet f’sitwazzjonijiet transfruntiera għall-kumpaniji.
3.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll
(a)il-potenzjal għall-interoperabbiltà transsettorjali bejn is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali u sistemi oħrajn li jipprovdu mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;
(b)jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità meta jkollhom aċċess għall-informazzjoni tal-kumpanija pprovduta mir-reġistri kummerċjali.
4.Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta għal emenda ulterjuri tad-Direttiva (UE) 2017/1132.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
Werrej
1.FRAMEWORK OF THE PROPOSAL/INITIATIVE
1.1.Title of the proposal/initiative
1.2.Policy area(s) concerned
1.3.The proposal/initiative relates to:
1.4.Objective(s)
1.4.1.General objective(s)
1.4.2.Specific objective(s)
1.4.3.Expected result(s) and impact
1.4.4.Indicators of performance
1.5.Grounds for the proposal/initiative
1.5.1.Requirement(s) to be met in the short or long term including a detailed timeline for roll-out of the implementation of the initiative
1.5.2.Added value of Union involvement
1.5.3.Lessons learned from similar experiences in the past
1.5.4.Compatibility with the Multiannual Financial Framework and possible synergies with other appropriate instruments
1.5.5.Assessment of the different available financing options, including scope for redeployment
1.6.Duration and financial impact of the proposal/initiative
1.7.Method(s) of budget implementation planned
2.MANAGEMENT MEASURES
2.1.Monitoring and reporting rules
2.2.Management and control system(s)
2.2.1.Justification of the management mode(s), the funding implementation mechanism(s), the payment modalities and the control strategy proposed
2.2.2.Information concerning the risks identified and the internal control system(s) set up to mitigate them
2.2.3.Estimation and justification of the cost-effectiveness of the controls (ratio of "control costs ÷ value of the related funds managed"), and assessment of the expected levels of risk of error (at payment & at closure)
2.3.Measures to prevent fraud and irregularities
3.ESTIMATED FINANCIAL IMPACT OF THE PROPOSAL/INITIATIVE
3.1.Heading(s) of the multiannual financial framework and expenditure budget line(s) affected
3.2.Estimated financial impact of the proposal on appropriations
3.2.1.Summary of estimated impact on operational appropriations
3.2.2.Estimated output funded with operational appropriations
3.2.3.Summary of estimated impact on administrative appropriations
3.2.4.Compatibility with the current multiannual financial framework
3.2.5.Third-party contributions
3.3.Estimated impact on revenue
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2009/102/KE u (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-espansjoni u t-titjib ulterjuri tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Il-Liġi dwar il-Kumpaniji/is-suq uniku
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
☒ azzjoni ġdida
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
|
L-objettivi ġenerali ta’ din il-porposta huma:
–Trasparenza u fiduċja mtejba fl-ambjent tan-negozju
–Servizzi pubbliċi transfruntiera aktar diġitalizzati u konnessi għall-kumpaniji
–Espansjoni transfruntiera aktar faċli għall-SMEs
–Azzjoni tal-UE aktar effettiva kontra l-abbuż u l-frodi.
|
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Objettiv speċifiku Nru 1:
Iż-żieda tal-ammont u t-titjib tal-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali u/jew fis-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS).
Objettiv speċifiku Nru 2:
L-iffaċilitar tal-użu dirett tad-data tal-kumpaniji disponibbli fir-reġistri kummerċjali meta jiġu stabbiliti fergħat jew sussidjarji transfruntiera u f’attivitajiet u sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Ir-riżultati u l-impatt mistennija ta’ din il-proposta huma:
- Negozji: Data tal-kumpaniji aktar importanti disponibbli pubblikament fir-reġistri kummerċjali u fil-livell tal-UE permezz tal-BRIS u t-titjib tal-affidabbiltà tagħha se jnaqqsu l-piż amministrattiv ġenerali fuq il-kumpaniji u min-naħa tagħhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi u l-ħolqien tan-negozji. Il-faċilitazzjoni tal-użu transfruntier ta’ din id-data, meta jinħolqu sussidjarji jew fergħat ġodda transfruntiera jew f’sitwazzjonijiet transfruntiera oħrajn se tirriżulta f’iffrankar rikorrenti importanti tal-kostijiet u b’hekk se tiffaċilita sostanzjalment it-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali transfruntiera u se tiffaċilita l-aċċess għal swieq ta’ Stati Membri oħrajn.
- Reġistri Kummerċjali: Iż-żieda fl-aċċessibbiltà u fl-affidabbiltà tad-data tal-kumpaniji, u konnessjonijiet aħjar bejn ir-reġistri, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ darba biss u l-konnessjoni ta’ sistemi/reġistri oħrajn fil-livell tal-UE mal-BRIS, jenħtieġ li jiffaċilitaw il-ħidma tar-reġistri. Kostijiet ta’ darba għar-reġistri kummerċjali biex jadattaw is-sistemi tal-IT, u l-kostijiet rikorrenti, eż. biex iwettqu verifika ex ante tad-data tal-kumpanija.
- Awtoritajiet pubbliċi oħrajn: Aċċess aktar faċli għal aktar settijiet ta’ informazzjoni se jiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet, pereżempju fil-ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż. L-applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ darba biss u ta’ amministrazzjoni pubblika aktar konnessa permezz tad-diġitalizzazzjoni se tirriżulta fi tnaqqis tal-piż għall-awtoritajiet pubbliċi wkoll. L-awtoritajiet inkarigati mill-ħruġ ta’ apostille se jitilfu xi dħul mill-apostille iżda se jkollhom anqas piż amministrattiv minħabba l-inċertezza legali kurrenti u r-riżorsi umani u ż-żmien relatati meħtieġa biex joħorġu l-postille.
- Iċ-ċittadini u l-konsumaturi se jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli għal data affidabbli tal-kumpaniji. Is-soċjetà inġenerali se tibbenefika mill-inizjattiva peress li se tiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż u se tippromwovi għodod diġitali.
- Impatt ambjentali pożittiv, li jirriżulta prinċipalment minn possibbiltà akbar li jintużaw proċeduri u għodod diġitali bejn ir-reġistri kummerċjali u l-kumpaniji, kif ukoll bejn ir-reġistri kummerċjali fi Stati Membri differenti permezz tal-BRIS, u applikazzjoni akbar tal-prinċipju ta’ darba biss (jiġifieri pereżempju l-użu mnaqqas tal-karta, il-ħtieġa li wieħed jivvjaġġa).
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Indikatur Nru 1 (Objettiv Speċifiku Nru 1)
L-indikaturi se jkunu kif ġej:
- l-għadd ta’ talbiet għad-data tal-kumpaniji permezz tal-paġna “Sib kumpanija” tal-BRIS fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika,
- l-għadd ta’ talbiet għad-data tal-kumpaniji mill-Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja (BORIS) u l-Interkonnessjoni tar-Reġistru tal-Insolvenza (IRI),
- l-għadd ta’ entitajiet legali b’numru EUID (l-identifikatur tal-kumpanija awtomatikament attribwit lil kumpaniji li l-informazzjoni tagħhom hija disponibbli permezz tal-BRIS),
- fehmiet tal-partijiet ikkonċernati (kumpaniji, reġistri, awtoritajiet pubbliċi) sa fejn ikun possibbli li wieħed ifittex u jaċċessa d-data tal-kumpaniji fuq bażi transfruntiera.
L-indikaturi se jitkejlu skont il-linja bażi (eż. in-numri ta’ talbiet qabel ma tibda l-implimentazzjoni, l-aktar abbażi ta’ data statistika mill-BRIS). Il-mira hija żieda konsiderevoli fin-numri. Mira aktar preċiża ma hijiex possibbli peress li ċ-ċifri jiddependu wkoll minn diversi fatturi oħrajn mhux relatati mal-proposta (eż. is-sitwazzjoni ekonomika fis-suq uniku).
L-indikaturi se jiġu mmonitorjati fuq bażi annwali, li jibdew mhux aktar kmieni minn sena miż-żmien meta l-miżuri jiġu trasposti u jkunu operazzjonali għalkollox fl-Istati Membri, u għal durata ta’ 5 snin (biex jikkontribwixxu għar-rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva).
Indikatur Nru 2 (Objettiv Speċifiku Nru 2)
L-indikaturi se jkunu kif ġej:
- il-kostijiet għall-kumpaniji biex jistabbilixxu sussidjarji jew fergħat fi Stati Membri oħrajn,
- l-għadd ta’ estratti ta’ kumpaniji komuni maħruġa,
- il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati (kumpaniji, reġistri, awtoritajiet pubbliċi) sa fejn ikun possibbli li tintuża d-data tal-kumpaniji direttament fuq bażi transfruntiera,
L-indikaturi se jitkejlu skont il-linja bażi (eż. il-kostijiet qabel ma tibda l-implimentazzjoni, l-aktar abbażi ta’ data statistika mill-BRIS, mir-reġistri kummerċjali u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, fejn id-data hija disponibbli). Il-mira hija tnaqqis konsiderevoli fil-kostijiet jew żieda fl-għadd ta’ estratti ta’ kumpaniji komuni maħruġa, mira aktar preċiża ma hijiex possibbli peress li ċ-ċifri jiddependu wkoll fuq diversi fatturi oħrajn mhux relatati mal-proposta (eż. is-sitwazzjoni ekonomika fis-suq uniku).
L-indikaturi se jiġu mmonitorjati fuq bażi annwali, li jibdew mhux aktar kmieni minn sena miż-żmien meta l-miżuri jiġu trasposti u jkunu operazzjonali għalkollox fl-Istati Membri, u għal durata ta’ 5 snin (biex jikkontribwixxu għar-rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva).
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
L-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva se ssegwi approċċ gradwali. Mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, se tibda l-ħidma lejn l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni. B’mod parallel, se jitwettqu l-iżviluppi tekniċi fil-BRIS u fl-Istati Membri.
Kronoloġija ta’ implimentazzjoni proviżorja tista’ tiġi spjegata kif ġej:
- 2024 Adozzjoni tad-Direttiva
- 2025 Dħul fis-seħħ tad-Direttiva
- 2026 Adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni
- 2026-2027 Implimentazzjoni teknika fil-BRIS u fl-Istati Membri.
- 2027 Traspożizzjoni mill-Istati Membri.
- 2028 Implimentazzjoni u applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante)
Din l-inizjattiva tiffoka fuq kwistjonijiet transfruntiera fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji. Se ttejjeb id-disponibbiltà u l-affidabbiltà ta’ data tal-kumpaniji komparabbli u multilingwi fil-livell tal-UE u se tiffaċilita l-użu ta’ din id-data tal-kumpaniji fuq bażi transfruntiera. Hija meħtieġa azzjoni kkoordinata biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom id-data fir-reġistri kummerċjali tagħhom u li din id-data ssir aċċessibbli f’format komparabbli u multilingwi ċentralment fil-livell tal-UE permezz tal-BRIS. Hija meħtieġa azzjoni koordinata wkoll biex jiġi żgurat li jkun hemm kontrolli komuni tad-data tal-kumpaniji qabel ma tiddaħħal f’reġistri kummerċjali nazzjonali biex tittejjeb l-affidabbiltà tagħha u jiġi ffaċilitat l-użu tagħha f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Bl-istess mod, il-valur miżjud mir-rabta tas-sistemi ta’ interkonnessjoni fil-livell tal-UE tar-reġistri jista’ jinkiseb ukoll permezz ta’ azzjoni tal-UE.
Qafas legali koerenti għad-disponibbiltà transfruntiera tad-data tal-kumpaniji u għall-użu transfruntier tagħha jista’ jinkiseb esklużivament fil-livell tal-UE. L-Istati Membri ma jkunux jistgħu jwasslu għal titjib suffiċjenti għal dawk il-problemi waħedhom.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Il-proposta tqis it-tagħlimiet meħuda mill-istabbiliment u mill-operat tas-sistema tal-BRIS u min-negozjati, mit-traspożizzjoni u mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpaniji (id-Direttiva (UE) 2019/1151).
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettiv tal-Komunikazzjoni Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali li jiġu pprovduti servizzi pubbliċi ewlenin online għan-negozji Ewropej. Tindirizza wkoll l-ostakoli għall-espansjoni transfruntiera li jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) f’konformità mal-Komunikazzjonijiet Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020 u Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali. Din tikkontribwixxi wkoll għat-tneħħija tal-ostakoli u l-piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati li fadal fis-suq uniku kif mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Marzu 2022.
Din tistabbilixxi sinerġiji b’mod partikolari ma’:
- Id-Direttiva (UE) Nru 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu,
- Ir-Regolament (UE) 910/2014 95 (ir-regolament “e-IDAS”) u r-reviżjoni li għaddejja tiegħu, hekk kif jibni fuq il-qafas tekniku pprovdut minn dak ir-Regolament għas-servizzi tal-identifikazzjoni elettronika u tat-trust.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
L-inizjattiva tuża mill-ġdid l-elementi kostitwenti tal-eDelivery.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
durata limitata
–
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
☒ durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2025 sal-2028,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Il-metodu/i ta’ implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
☒ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–☒ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–
mill-aġenziji eżekuttivi
Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja lil:
– lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
– lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
– lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
– lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
– lill-korpi tal-liġi pubblika;
– lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
– lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
– lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima "Kummenti".
Kummenti
Il-proposta l-ġdida, fost affarijiet oħrajn, tuża u tespandi l-ambitu tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) eżistenti, li l-finanzjament mill-baġit tal-UE huwa obbligatorju skont id-dritt tal-UE, u li diġà qed jiġi ffinanzjat mill-Programm Ewropa Diġitali u ġestit mill-Kummissjoni. L-iżvilupp tal-IT meħtieġ minn din il-proposta l-ġdida ma jirrikjedix fondi addizzjonali meta mqabbel ma’ dawk li diġà qed jiġu pprovduti mill-Programm Ewropa Diġitali għall-manutenzjoni evoluttiva (żvilupp ġdid) u l-manutenzjoni konservattiva (tiswija tal-bugs) tal-BRIS (jiġifieri EUR 2 miljuni fis-sena), u lanqas riżorsi addizzjonali tal-persunal.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
L-implimentazzjoni tad-Direttiva se jiġi rieżaminat ħames snin wara l-applikazzjoni sħiħa tagħha. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar is-sejbiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Din l-inizjattiva tibni fuq is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) diġà eżistenti żviluppata mill-Kummissjoni (DĠ DIGIT). Din il-proposta għal Direttiva ġdida ma tbiddilx il-mod ta’ ġestjoni, il-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni ta’ finanzjament, il-modalitajiet ta’ pagament jew l-istrateġija ta’ kontroll diġà fis-seħħ għas-sistema u mħaddma mill-Kummissjoni.
Id-Direttiva proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-BRIS diġà stabbilita, li tipprovdi kanali diġitali għall-komunikazzjoni elettronika bejn ir-reġistri kummerċjali u bejniethom u l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, u tipprovdi modi ġodda biex tinkiseb din id-data (eż. permezz ta’ BORIS u IRI).
Din tirrikjedi l-iżvilupp ulterjuri ta’ speċifikazzjonijiet u standards tekniċi diġà eżistenti, aktar xogħol ta’ żvilupp tas-software diġà eżistenti u koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali.
Sabiex jintlaħqu dawn il-kompiti, din id-Direttiva proposta ma teħtieġx li żżid il-persunal attwali tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq il-ġestjoni tan-negozju (1 FTE) u l-ġestjoni tal-proġetti (1.25 FTEs) tal-BRIS, u ma teħtieġx li jiżdiedu l-fondi li diġà qed jiġu pprovduti mill-Programm Ewropa Diġitali għall-iżvilupp obbligatorju tas-sistema tal-BRIS (madwar EUR 2 miljun fis-sena).
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskji ewlenin identifikati huma relatati ma’:
(a) Il-qbiż taż-żmien u tal-kostijiet minħabba kwistjonijiet mhux previsti ta’ implimentazzjoni tal-IT fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-IT meħtieġ mill-Kummissjoni biex jitwessa’ l-ambitu tas-sistema tal-IT eżistenti tal-BRIS. Dan ir-riskju huwa mmitigat mill-fatt li s-sistema tal-BRIS diġà teżisti u li din hija matura, u hija bbażata fuq elementi kostitwenti li diġà huma eżistenti u maturi wkoll – jiġifieri l-element kostitwenti tal-eDelivery.
Dan ir-riskju diġà huwa indirizzat mis-sistemi ta’ kontroll intern standard eżistenti użati fil-BRIS, b’mod partikolari l-kontrolli tal-ġestjoni tal-proġetti li huma applikabbli għas-sistemi kollha żviluppati mill-Kummissjoni, (jiġifieri s-sorveljanza tal-governanza, il-ġestjoni tal-proġetti u tar-riskju) li jinkludu PM2, il-metodoloġija tal-ġestjoni tal-proġetti żviluppata mill-Kummissjoni.
(b) Dewmien fl-implimentazzjoni u fit-tnedija min-naħa tal-awtoritajiet rispettivi tal-Istati Membri. Dan ir-riskju huwa diġà mmitigat minn għodod stabbiliti ta’ komunikazzjoni u rapportar, ftehimiet ta’ kooperazzjoni, laqgħat ta’ segwitu regolari u billi jiġi pprovdut appoġġ tekniku lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Din l-inizjattiva ma taffettwax il-kosteffettività tal-kontrolli eżistenti tal-Kummissjoni.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Il-BRIS hija ġestita direttament mill-Kummissjoni. Il-komponent tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea (ECP) tas-sistema huwa żviluppat internament mid-DĠ DIGIT, filwaqt li l-komponent tal-Punt ta’ Aċċess Ewropew (EAP) huwa żviluppat għad-DĠ JUST minn kuntrattur magħżul permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati u mill-kandidati potenzjali
|
Minn pajjiżi terzi oħrajn
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
02.040501
|
Diff.
|
IVA
|
LE
|
LE
|
LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati jew minn kandidati potenzjali
|
minn pajjiżi terzi oħrajn
|
dħul assenjat ieħor
|
|
|
Mhux applikabbli
|
|
|
|
|
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–☑ Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas
finanzjarju pluriennali
|
Numru
|
Intestatura 1 : Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
|
02.040501
|
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
□ Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
02.040501
|
Impenji
|
(1a)
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
Linja baġitarja
|
Impenji
|
(1b)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(2b)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linja baġitarja
|
|
(3)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għal 02.040501
|
Impenji
|
=1a+1b +3
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
=2a+2b
+3
|
|
|
|
|
|
|
|
|
□ TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
(4)
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
□ TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
(6)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 1 : Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
=4+ 6
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
|
Pagamenti
|
=5+ 6
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
Jekk il-proposta/l-inizjattiva taffettwa iżjed minn intestatura operazzjonali waħda, irrepeti t-taqsima ta’ hawn fuq:
|
□TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
Impenji
|
(4)
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċifiċi (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
(6)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURI 1 sa 6
tal-qafas finanzjarju pluriennali
(Ammont ta’ referenza)
|
Impenji
|
=4+ 6
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
|
|
Pagamenti
|
=5+ 6
|
2.000
|
2.000
|
2.000
|
|
|
|
|
6.000
|
Intestatura tal-qafas
finanzjarju pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
Din it-taqsima jenħtieġ li timtela billi tintuża d-“data baġitarja ta’ natura amministrattiva” li, l-ewwel trid tiġi introdotta fl-
Anness tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva
(l-Anness 5 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli interni għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-unjoni Ewropea), li tittella’ fid-DECIDE għall-finijiet ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi.
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
DĠ JUST
|
|
Riżorsi umani
|
0.385
|
0.385
|
0.385
|
|
|
|
|
1.155
|
|
□ Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL TAD-DĠ JUST
|
Approprjazzjonijiet
|
0.385
|
0.385
|
0.385
|
|
|
|
|
1.155
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
0.385
|
0.385
|
0.385
|
|
|
|
|
1.155
|
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
2.385
|
2.385
|
2.385
|
|
|
|
|
7.155
|
|
|
Pagamenti
|
2.385
|
2.385
|
2.385
|
|
|
|
|
7.155
|
3.2.2.Output stmat iffinanzjat bl-approprjazzjonijiet operazzjonali
Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Indika l-objettivi u l-outputs
|
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
|
OUTPUTS
|
|
|
Tip
|
Kost medju
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru
|
Kost
|
Nru totali
|
Kost totali
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1Li jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) eżistenti
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
Sistema tal-IT
|
2.000
|
1
|
2.000
|
1
|
2.000
|
1
|
2.000
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 1
|
1
|
2.000
|
1
|
2.000
|
1
|
2.000
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 ...
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- Output
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-objettiv speċifiku Nru 2
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTALI
|
1
|
2.000
|
1
|
2.000
|
1
|
2.000
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–X
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
TOTAL
|
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
|
□ Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
2.25
|
2.25
|
2.25
|
|
|
|
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
□ Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full-Time: FTE)
|
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 xx yy zz
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 12 (AC, END, INT – Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
2.25
|
2.25
|
2.25
|
|
|
|
|
XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u persunal temporanju
|
Din il-proposta ma żżidx il-persunal attwali tas-servizzi tal-Kummissjoni li diġà qiegħed jaħdem fuq il-ġestjoni tan-negozju (1 FTE) u l-ġestjoni tal-proġetti (1,25 FTEs) tas-sistema BRIS.
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/l-inizjattiva:
–X
tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
Spjega liema riprogrammazzjoni hija meħtieġa, filwaqt li tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti. Ipprovdi tabella Excel f’każ ta’ riprogrammazzjoni kbira.
L-iżvilupp tal-BRIS diġà huwa kopert mill-Programm Ewropa Diġitali. Din il-proposta l-ġdida ma tirrikjedix baġit addizzjonali meta mqabbel mal-baġit li diġà qed jiġi pprovdut għall-iżvilupp tal-IT mill-Programm Ewropa Diġitali għall-manutenzjoni evoluttiva (żvilupp ġdid) u l-manutenzjoni konservattiva (tiswija tal-bugs) tal-BRIS (jiġifieri EUR 2 miljun fis-sena).
–
teħtieġ l-użu tal-marġni mhux allokat taħt l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali ddefiniti fir-Regolament dwar il-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati, l-ammonti korrispondenti, u l-istrumenti proposti li għandhom jintużaw.
–
teħtieġ reviżjoni tal-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–X
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Totali
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–☒
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–
fuq ir-riżorsi proprji
–
fuq dħul ieħor
–jekk jogħġbok, indika jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).