IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.3.2023
COM(2023) 155 final
2023/0083(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2023) 137 final} - {SWD(2023) 59 final} - {SWD(2023) 60 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.
KUNTEST TAL-PROPOSTA
·Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jakkumpanja l-proposta għal Direttiva li tippromwovi t-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/771, id-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2017/2394. Il-proposta twettaq il-prijorità tal-Kummissjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, speċifikament il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettiv tiegħu ta’ konsum sostenibbli.
Meta l-prodotti tal-konsumatur isiru difettużi, ta’ sikwit il-konsumaturi ma jippruvawx isewwuhom, iżda jarmuhom qabel iż-żmien, minkejja li jkunu jistgħu jissewwew u jintużaw għal żmien itwal. Dan iseħħ taħt il-garanzija legali tad-Direttiva dwar il-Bejgħ tal-Oġġetti (SGD, Sale of Goods Directive) meta l-konsumaturi jagħżlu sostituzzjoni minflok tiswija, u barra mill-garanzija legali, meta l-konsumaturi jiġu skoraġġuti milli jsewwu minħabba għażliet u kundizzjonijiet ta’ tiswija subottimali. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ oġġetti rikondizzjonati huwa limitat ukoll, u dan ma jisfruttax il-potenzjal li l-oġġetti jerġgħu jintużaw minn utenti differenti.
Ir-rimi prematur ta’ oġġetti li jistgħu jissewwew mixtrija mill-konsumaturi jwassal għal żieda fl-iskart, u jiġġenera emissjonijiet ta’ gassijiet serra u domanda akbar għal riżorsi siewja fil-produzzjoni ta’ oġġetti ġodda. Il-problema tar-rimi prematur ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi u li jkunu jistgħu jissewwew teżisti madwar l-UE fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ dawn l-oġġetti. Aktar minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (65–74 %) kienu favur soluzzjonijiet fil-livell tal-UE.
It-talbiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa jinkludu sejħa għal dritt għat-tiswija, b’mod partikolari fil-Proposta 5 dwar il-konsum, l-imballaġġ u l-produzzjoni sostenibbli u l-Proposta 11 dwar it-Tkabbir Sostenibbli u l-innovazzjoni. Din il-proposta dwar il-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti hija parti mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal din is-sejħa.
Permezz tal-promozzjoni tal-konsum sostenibbli, din id-Direttiva għandha l-għan li żżid it-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti difettużi vijabbli mixtrija mill-konsumaturi waqt li tkun għadha tgħodd il-garanzija legali u wara.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Kummissjoni qed issegwi l-objettiv ta’ konsum sostenibbli tal-Patt Ekoloġiku b’mod komprensiv u f’diversi inizjattivi li jindirizzaw aspetti differenti tar-rimi prematur kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda.
Min-naħa tal-provvista, il-proposta għal Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (ESPR, Ecodesign for Sustainable Products Regulation), tistabbilixxi l-qafas għall-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti fil-fażi tal-produzzjoni, b’mod partikolari, dwar ir-rekwiżiti tad-disinn tal-prodott u d-disponibbiltà ta’ partijiet ta’ rikambju.
Min-naħa tad-domanda, il-proposta għal Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika (ECGT, “empowering consumers for the green transition”) tipprevedi informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti fil-punt tal-bejgħ. Dan jippermetti lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri sostenibbli.
Skont il-proposta għal Regolament dwar regoli armonizzati għall-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (l-Att dwar id-Data), l-utenti ta’ prodotti konnessi jenħtieġ li jkollhom aċċess għad-data li jiġġeneraw matul l-użu tagħhom u għandu jkollhom id-dritt li jagħtu tali data lil kwalunkwe parti li jkunu jridu. Tali aċċess għad-data se jkun relevanti għas-sewwejja indipendenti.
Jekk prodott isir difettuż fil-fażi ta’ wara l-bejgħ, l-SGD jipprovdi lill-konsumaturi b’rimedji kontra l-bejjiegħa fir-rigward ta’ difetti li jkun hemm fiż-żmien meta l-oġġetti ġew ikkunsinnati u li joħorġu fid-dieher fil-perjodu ta’ responsabbiltà minimu ta’ sentejn (2). Skont l-SGD, il-konsumaturi jagħżlu bejn tiswija u sostituzzjoni mingħajr ħlas. Ma jistgħux jitolbu r-rimedju magħżul jekk ikun impossibbli jew jiswa b’mod sproporzjonat meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor.
L-effett ikkombinat tal-ESPR u l-ECGT se jtejjeb is-sostenibbiltà tal-prodotti u jippromwovi x-xiri sostenibbli. Madankollu, dawn ma jindirizzawx il-kwistjonijiet li jiskoraġġixxu lill-konsumaturi milli jsewwu fil-fażi ta’ wara l-bejgħ. Din l-inizjattiva timla dan il-vojt u tiffoka fuq il-fażi tal-użu tal-oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi. Tippromwovi t-tiswija bħala rimedju fil-qafas tal-garanzija legali tal-SGD u tipprovdi lill-konsumaturi u lin-negozji b’għodod ġodda li jippromwovu t-tiswija wara l-perjodu tal-garanzija legali.
It-tliet inizjattivi huma komplementari u jiġġeneraw sinerġiji billi jistabbilixxu approċċ komprensiv biex jintlaħaq l-objettiv komuni ta’ konsum sostenibbli. Huma mfassla biex ikollhom effett kumulattiv u flimkien ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ prodott.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jiżguraw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Din il-proposta tikkontribwixxi għall-funzjonament aħjar tas-suq intern billi tistabbilixxi sistema ta’ regoli armonizzata li tippromwovi t-tiswija għall-bejgħ ta’ oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi kemm fil-perjodu tal-garanzija legali kif ukoll warajh.
L-SGD tarmonizza b’mod sħiħ ir-rimedji disponibbli għall-konsumaturi fi ħdan il-qafas ta’ garanzija legali għan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċitar ta’ dawn ir-rimedji. Ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE bl-għan li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tindirizza l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti li jkunu nxtraw mill-konsumaturi fl-UE. Din id-Direttiva temenda b’mod immirat l-għażla bejn ir-rimedji ta’ tiswija u sostituzzjoni sabiex tippromwovi t-tiswija, jiġifieri konsum aktar sostenibbli, bl-użu tal-istess bażi ġuridika tal-Artikolu 114 TFUE.
Lil hinn mis-SGD, l-Istati Membri individwali diġà introduċew, jew qed jikkunsidraw li jintroduċu, regoli li jippromwovu t-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi. Id-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali obbligatorji li jippromwovu l-konsum sostenibbli fil-kuntest kuntrattwali joħolqu ostakli attwali jew potenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, li jaffettwaw b’mod negattiv it-tranżazzjonijiet transfruntiera fis-suq intern. Pereżempju, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jiffaċċjaw kostijiet ta’ tranżazzjoni addizzjonali biex jiksbu l-parir legali meħtieġ sabiex isiru jafu dwar ir-rekwiżiti tal-liġi tal-pajjiż fir-residenza abitwali tal-konsumatur, applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008. Il-fornituri ta’ servizzi tat-tiswija jistgħu jiġu skoraġġuti milli joffru s-servizzi tagħhom f’aktar minn Stat Membru wieħed peress li jkollhom bżonn jadattaw il-kuntratti ta’ tiswija tagħhom kif xieraq.
Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali differenti u d-differenzi li jirriżultaw fil-prattiki tas-suq jirriżultaw f’livell ta’ trasparenza baxx b’rabta mal-għażliet u l-kundizzjonijiet tat-tiswija. Dan jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jaċċessaw servizzi ta’ tiswija, b’mod partikolari bejn fruntiera u oħra peress li fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati l-kumplessità fit-tranżazzjonijiet transfruntiera hija saħansitra ogħla milli f’kuntest nazzjonali. Id-domanda limitata tal-konsumatur li tirriżulta tfixkel l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiswija, speċjalment bejn fruntiera u oħra. Hekk kif it-teknoloġiji diġitali jevolvu u aktar oġġetti jinkludu karatteristiċi diġitali li jistgħu jiġu aċċessati mill-bogħod, is-servizzi ta’ tiswija mill-bogħod u bejn fruntiera u oħra x’aktarx li jkomplu jiżviluppaw aktar fil-futur. L-ostakli li jiskoraġġixxu d-domanda tal-konsumatur għat-tiswija indirettament jiskoraġġixxu wkoll il-moviment transfruntier tal-oġġetti, bħall-partijiet ta’ rikambju u t-tagħmir tat-tiswija li huma meħtieġa għas-servizzi ta’ tiswija.
Għaldaqstant, ċerti aspetti tat-tiswija barra mir-responsabbiltà eżistenti tal-bejjiegħ jeħtieġ li jiġu armonizzati sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku fir-rigward tar-relazzjoni bejn konsumatur u sewwej, tiżdied iċ-ċertezza legali u jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li huma rappreżentati l-aktar fis-settur tat-tiswija.
Skont l-Artikolu 114(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur. L-SGD għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern filwaqt li jikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Din id-Direttiva żżid l-objettiv addizzjonali li tippromwovi l-konsum sostenibbli, ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni ekoloġika, u b’hekk tiżgura wkoll livell għoli ta’ ħarsien ambjentali.
•Sussidjarjetà
Il-problemi indirizzati minn din id-Direttiva huma ta’ natura transfruntiera u fuq skala Ewropea u dinjija.
L-SGD diġà armonizzat bis-sħiħ ċerti regoli dwar il-bejgħ ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi. Peress li din il-proposta tibdel aspett wieħed ta’ dawn ir-regoli sabiex tippromwovi t-tiswija skont il-garanzija legali, jeħtieġ li l-bidla ssir fil-livell tal-UE.
Fin-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, l-inizjattivi nazzjonali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-SGD x’aktarx isegwu u jieħdu approċċi differenti li jippromwovu t-tiswija lil hinn mill-garanzija legali f’konformità mal-għan ta’ konsum aktar sostenibbli. Filwaqt li jistgħu jibbenefikaw lill-konsumaturi u lill-ambjent fil-livell nazzjonali, fl-istess ħin joħolqu jew iżidu l-frammentazzjoni tas-suq intern.
Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jintlaħaq l-objettiv ġenerali ta’ suq intern li jiffunzjona b’konsum aktar sostenibbli ta’ oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi. Huwa biss permezz ta’ azzjoni tal-UE li jista’ jinkiseb l-effett mixtieq tal-promozzjoni tat-tiswija u l-użu mill-ġdid fil-kuntest tal-bejgħ transfruntier b’mod konsistenti fis-suq intern kollu.
•Proporzjonalità
Din id-Direttiva tressaq approċċ bilanċjat li jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. Għall-promozzjoni tat-tiswija fil-kuntest tal-garanzija legali, il-liġijiet nazzjonali huma emendati fl-anqas livell possibbli biex jintlaħaq l-objettiv. Din il-proposta ma tinterferixxix ma’ arranġamenti nazzjonali dwar il-perjodi ta’ responsabbiltà li huma stabbiliti sew. L-emenda tikkonċerna biss lil dawk ir-regoli li diġà huma armonizzati bis-sħiħ.
Barra mill-garanzija legali, l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE hija limitata biss għal dawk l-għażliet, jiġifieri l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija standardizzata u l-obbligu tat-tiswija, li għandhom dimensjoni tas-suq intern. Meta soluzzjoni fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari l-pjattaforma tat-tiswija, tkun effettiva bl-istess mod, din tkun l-għażla ppreferuta. Id-disinn tal-istandard Ewropew għas-servizzi ta’ tiswija huwa msawwar bħala impenn volontarju biex tiġi evitata interferenza estensiva mal-liġijiet nazzjonali dwar il-forniment tas-servizzi.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jimmiraw lejn konsum aktar sostenibbli, huma mfassla apposta għall-ħtiġijiet li jridu jindirizzaw u huma ta’ natura mmirata u huma mfassla bir-reqqa f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni u l-intensità tagħha.
•Għażla tal-istrument
L-istrument preferut huwa dak ta’ direttiva awtonoma. Minn naħa waħda tinkludi emenda mmirata għall-SGD fir-rigward tar-rimedji skont il-garanzija legali, u min-naħa l-oħra, regoli kuntrattwali ġodda dwar il-promozzjoni tat-tiswija lil hinn mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont l-SGD. Direttiva hija l-aktar strument xieraq hawnhekk, peress li tiżgura l-effett ta’ armonizzazzjoni u ċ-ċertezza legali mixtieqa, filwaqt li tippermetti wkoll lill-Istati Membri jinkorporaw il-miżuri armonizzati fil-liġijiet nazzjonali tagħhom mingħajr xkiel.
Barra minn hekk, bħala miżura mhux regolatorja, il-Kummissjoni beħsiebha tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ standard Ewropew għas-servizzi ta’ tiswija.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
F’konformità mal-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, ġiet implimentata strateġija ta’ konsultazzjoni estensiva biex matul iċ-ċiklu ta’ politika ta’ din il-proposta tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa fost il-partijiet ikkonċernati. L-istrateġija ta’ konsultazzjoni inkludiet lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, in-negozji u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-esperti akkademiċi u l-awtoritajiet nazzjonali. Saru diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni:
·sejħa għal evidenza għal perjodu ta’ 12-il ġimgħa mill-11 ta’ Jannar 2022 sal-5 ta’ April 2022, li rriżultat fi 325 kontribuzzjoni
·Konsultazzjoni pubblika miftuħa online għal perjodu ta’ 12-il ġimgħa mill-11 ta’ Jannar 2022 sal-5 ta’ April 2022, li rriżultat fi 331 kontribuzzjoni
·stħarriġ tal-konsumaturi u tan-negozji, esperimenti dwar l-imġiba u intervisti mmirati fil-kuntest tal-istudju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt
·laqgħat bilaterali mmirati mal-partijiet ikkonċernati
·sessjoni ta’ ħidma mal-Istati Membri fis-7 ta’ April 2022
Konsultazzjoni pubblika miftuħa
Fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qablu mal-eżistenza tal-problema rigward iż-żmien aktar qasir li matulu jintużaw il-biċċa l-kbira tal-oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi. Fost il-kategoriji kollha tal-partijiet ikkonċernati, il-kawżi ewlenin għat-tnaqqis fit-tul tal-ħajja tal-oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi kienu jinkludu d-diffikultà għall-konsumaturi biex isewwu l-prodotti huma stess kif ukoll l-inkonvenjenza, il-kostijiet għoljin jew in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi ta’ tiswija għall-konsumaturi.
Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk kollha li wieġbu qablu li l-għoti ta’ inċentivi għat-tiswija ta’ prodotti minflok ix-xiri ta’ prodotti ġodda f’każ ta’ difetti, kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-garanzija legali, huwa objettiv ta’ min isegwih biex jiġi promoss il-konsum sostenibbli. Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kollha qablu wkoll li l-għoti ta’ inċentivi għax-xiri u l-użu ta’ oġġetti rikondizzjonati huwa objettiv importanti għall-promozzjoni ta’ konsum sostenibbli. Maġġoranza ċara ta’ dawk kollha li wieġbu qiesu lill-UE bħala l-livell xieraq fejn tittieħed azzjoni.
Maġġoranza żgħira tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE, il-partijiet ikkonċernati tan-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi li wieġbu qiesu li l-għażla li tiġi prijoritizzata t-tiswija kull meta tkun irħas mis-sostituzzjoni hija sistema effettiva. Il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-ambjent qiesu li l-miżura ma kinitx effettiva.
Nofs il-partijiet ikkonċernati kollha li wieġbu qiesu l-impenji volontarji li jippromwovu t-tiswija bħala miżuri effettivi. B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati tan-negozju qiesu li din il-miżura kienet effettiva, filwaqt li l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet ambjentali li wieġbu u nofs l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi qiesu li l-miżura ma kinitx effettiva.
Dwar l-obbligu tal-produttur li jsewwi bi prezz, maġġoranza żgħira ta’ dawk li wieġbu qiesu li dan għandu japplika meta d-difetti jirriżultaw minn tkagħbir bl-użu, u nofshom qiesu li dan jenħtieġ li japplika fejn joħorġu difetti wara li tkun skadiet il-garanzija legali. Il-partijiet ikkonċernati tan-negozju kellhom fehma differenti: kienet biss minoranza li qieset li d-difetti li jirriżultaw mit-tkagħbir bl-użu jenħtieġ li jiġu koperti.
Sejħa għal evidenza
Is-sejħa għall-evidenza ddeskriviet l-għażliet ta’ politika dwar il-promozzjoni tat-tiswija fis-sistema ta’ rimedji tal-SGD, dwar l-obbligu ta’ tiswija u l-impenji volontarji li jippromwovu t-tiswija.
Il-partijiet ikkonċernati minn kategoriji differenti (organizzazzjonijiet/assoċjazzjonijiet tan-negozju, kumpaniji, organizzazzjonijiet mhux governattivi) appoġġaw l-għażla li tipprijoritizza t-tiswija fejn tkun irħas jew bl-istess kost tas-sostituzzjoni fil-kuntest tal-garanzija legali. Dwar l-obbligu ta’ tiswija, il-partijiet ikkonċernati tan-negozju enfasizzaw li tali obbligu jenħtieġ li jitħallas mill-konsumatur. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati appoġġaw l-għażla ta’ impenji volontarji li jippromwovu t-tiswija.
Sessjoni ta’ ħidma mal-Istati Membri
Ħafna Stati Membri għadhom ma ħadux pożizzjoni dwar il-miżuri deskritti. Ġeneralment, il-miżuri li jipprijoritizzaw it-tiswija fi ħdan is-sistema ta’ rimedji tal-SGD sabu aktar appoġġ minn miżuri li jipprovdu tipi oħra ta’ inċentivi lill-konsumaturi biex jagħżlu t-tiswija (bħal estensjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà wara t-tiswija). Xi Stati Membri appoġġaw it-tiswija bħala r-rimedju primarju meta l-kost tagħha jkun inqas mill-kost tas-sostituzzjoni jew daqsu.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma appoġġawx l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ tiswija fuq l-operaturi ekonomiċi. Xi wħud minnhom argumentaw li obbligu jkun piż eċċessiv u x’aktarx iżid il-prezz tal-oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi. Dawk l-Istati Membri li appoġġaw l-obbligu ta’ tiswija indikaw li l-kostijiet tat-tiswija jenħtieġ li ma jiżdidux b’konsegwenza tal-obbligu u li l-produttur, mhux il-bejjiegħ, jenħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà tat-tiswija.
Dwar l-obbligu li tinħareġ kwotazzjoni għat-tiswija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-SGD, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma ħadux pożizzjoni. Xi wħud appoġġaw miżura bħal din filwaqt li xi wħud żammew lura minnha.
Ġbir ta’ data fil-kuntest tal-istudju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt
Il-ġbir tad-data fil-kuntest tal-istudju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt kien jinkludi eżerċizzju ta’ xiri bil-moħbi, stħarriġ tal-konsumaturi b’żewġ esperimenti integrati tal-konsumatur, stħarriġ tan-negozju u intervisti mal-partijiet ikkonċernati. Dawn jipprovdu data biex tiġi definita l-problema u biex issir il-valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta’ politika.
L-eżerċizzju ta’ xiri bil-moħbi, immirat lejn il-bejjiegħa bl-imnut, irriżulta f’600 osservazzjoni dwar l-esperjenzi tal-konsumaturi meta jippruvaw isewwu fil-kuntest tal-garanzija legali jew barra minnha u dwar ir-raġunijiet għaliex il-prodotti ma jissewwewx mill-bejjiegħa.
L-istħarriġ tal-konsumaturi u l-esperimenti integrati dwar sitwazzjonijiet fi ħdan l-SGD irriżultaw f’1,000 tweġiba minn kull Stat Membru (inklużi 10 Stati Membri) u pprovdew kontribut dwar l-esperjenzi tal-konsumatur meta jippruvaw isewwu jew jixtru oġġetti użati. It-tieni esperiment tal-konsumatur li jkopri sitwazzjonijiet barra mill-perjodu ta’ garanzija legali rriżulta fi 800 osservazzjoni għal kull Stat Membru (inklużi 10-il Stat Membru) u pprovda data dwar l-ostakli għat-tiswija, informazzjoni dwar it-tiswija u l-probabbiltà li konsumatur isewwi f’ċirkostanzi differenti.
L-istħarriġ kummerċjali li sar fost il-produtturi, il-bejjiegħa u s-sewwejja rriżulta fi 80 tweġiba sħiħa u 284 tweġiba parzjali. Ipprovda data għall-analiżi tas-suq tat-tiswija u l-prattiki tas-suq rigward it-tiswija u s-sostituzzjoni ta’ oġġetti difettużi. Fl-aħħar nett, 21 intervista mal-partijiet ikkonċernati pprovdew għarfien dwar id-definizzjoni tal-problema u l-prattiki tas-suq.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB, Regulatory Scrutiny Board) tal-Kummissjoni ħareġ opinjoni negattiva għall-ewwel darba fit-30 ta’ Settembru 2022. Fl-24 ta’ Jannar 2023, wara l-abbozz inizjali, saritlu reviżjoni sinifikanti, l-RSB ta opinjoni pożittiva b’aktar kummenti. L-Anness 1 tal-valutazzjoni tal-impatt jispjega kif ġew indirizzati l-kummenti tal-RSB.
Ġew eżaminati diversi għażliet ta’ politika dwar l-indirizzar tar-rimi prematur ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi kemm fil-garanzija legali kif ukoll barra minnha.
L-għażliet ivvalutati għall-promozzjoni tat-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti taħt il-garanzija legali jinkludu: il-prijoritizzazzjoni tat-tiswija fis-sistema ta’ rimedji tal-SGD kull meta tkun irħas mis-sostituzzjoni; it-tiswija ssir ir-rimedju primarju; l-estensjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà fil-kuntest tat-tiswija; l-allinjament tal-perjodu ta’ obbligazzjoni ta’ oġġetti rikondizzjonati ma’ oġġetti ġodda; u s-sostituzzjoni ta’ oġġetti difettużi b’oġġetti rikondizzjonati.
L-għażliet ivvalutati biex jiġu ffaċilitati u mħeġġa t-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti lil hinn mill-garanzija legali jinkludu: l-għoti ta’ informazzjoni dwar it-tiswija mill-produtturi u permezz ta’ pjattaforma ta’ pariġġar dwar it-tiswija u l-oġġetti rikondizzjonati fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-UE; it-titjib tat-trasparenza u l-kundizzjonijiet għat-tiswija permezz ta’ impenji volontarji; l-obbligu li s-sewwejja joħorġu kwotazzjoni ta’ tiswija dwar il-prezz u l-kundizzjonijiet tat-tiswija; u l-obbligu tal-produtturi li jsewwu oġġetti soġġetti għal rekwiżiti ta’ tiswija skont il-liġi tal-Unjoni jew isewwu l-prodotti kollha bl-impożizzjoni ta’ prezz.
Il-pakkett tal-għażliet ippreferuti jinkludi għażliet miż-żewġ raggruppamenti, b’enfasi fuq l-indirizzar tat-tiswija barra mill-garanzija legali. L-akbar sehem ta’ difetti kien f’dan ix-xenarju u għalhekk għandu l-ogħla potenzjal ta’ żieda fl-għadd ta’ tiswijiet. Abbażi ta’ analiżi ta’ diversi kriterji u kost-benefiċċji kif ukoll valutazzjoni kwalitattiva tal-proporzjonalità tad-diversi għażliet li ġew ikkunsidrati, ġiet proposta taħlita ta’ sitt għażliet ta’ politika preferuti biex jiġu indirizzati l-problemi:
–il-prijoritizzazzjoni tat-tiswija kull meta tkun irħas mis-sostituzzjoni fl-ambitu tal-garanzija legali.
–pjattaforma online fil-livell nazzjonali, it-tlaqqigħ tal-konsumaturi mas-sewwejja u l-promozzjoni ta’ oġġetti rikondizzjonati.
–obbligu fuq is-sewwejja biex, meta jintalbu, jagħtu kwotazzjoni dwar il-prezz u l-kundizzjonijiet għat-tiswija f’forma standardizzata (Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija).
–obbligu biex il-produtturi ta’ oġġetti li għalihom japplikaw rekwiżiti ta’ tiswija skont id-dritt tal-Unjoni jsewwu oġġetti barra mill-ambitu tal-garanzija legali u jimponu prezz għal dan.
–obbligu fuq il-produtturi li jinfurmaw dwar l-obbligu applikabbli tagħhom li jsewwu.
–standard volontarju ta’ tiswija faċli tal-UE (Standard Ewropew għas-servizzi ta’ tiswija).
Il-pakkett ta’ għażliet ippreferuti jżid it-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi kemm fil-garanzija legali kif ukoll barra minnha billi jindirizza bosta mill-motivaturi li ġew identifikati fir-rigward tar-rimi prematur ta’ dawn l-oġġetti.
Il-prijoritizzazzjoni tat-tiswija meta mqabbla mas-sostituzzjoni fi ħdan is-sistema ta’ rimedji tal-SGD se tixpruna l-imġiba tal-konsumatur lejn konsum sostenibbli u żżid it-tiswijiet ta’ oġġetti vijabbli tal-konsumatur fil-perjodu tal-garanzija legali.
Lil hinn mill-garanzija legali se jkun hemm diversi miżuri li jagħmlu t-tiswija aktar faċli u aktar attraenti għall-konsumaturi, filwaqt li jżidu t-tiswijiet u l-ħajja tal-oġġetti tal-konsum. Il-pjattaforma nazzjonali ta’ tiswija online u l-obbligu tal-produtturi li jinfurmaw dwar l-obbligu applikabbli tagħhom ta’ servizzi ta’ tiswija se jtejbu t-trasparenza tas-servizzi ta’ tiswija disponibbli. Il-kwotazzjoni vinkolanti dwar il-prezz u l-kundizzjonijiet tat-tiswija (il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija) se tindirizza t-tħassib dwar il-prezzijiet tal-konsumatur u l-fatturi ta’ inkonvenjenza fil-proċess tat-tiswija permezz tat-trasparenza u l-prevedibbiltà u se tagħmilha aktar faċli biex jitqabblu l-offerti. L-obbligu ta’ tiswija se jippromwovi l-konsum sostenibbli billi jagħti lill-konsumaturi d-dritt li jitolbu tiswija mingħand il-produttur f’dak li jikkonċerna gruppi ta’ prodotti speċifiċi li huma maħsuba li jissewwew. L-istandard Ewropew għas-servizzi ta’ tiswija huwa żieda mhux regolatorja utli għall-miżuri vinkolanti li se jibnu l-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi ta’ tiswija. Il-funzjoni ta’ rikondizzjonar tal-pjattaforma nazzjonali żżid l-użu ta’ oġġetti rikondizzjonati li jġibu benefiċċji kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq in-naħa tal-provvista.
Il-pakkett ta’ għażliet ippreferuti jikkontribwixxi għal żieda fl-impjiegi, fl-investiment, u fil-kompetizzjoni fis-settur tat-tiswija tal-UE fis-suq intern, filwaqt li jġib benefiċċji għall-konsumaturi tal-UE (EUR 176,5 biljun f’iffrankar għall-konsumatur fuq 15-il sena, li jissarraf f’EUR 25 għal kull konsumatur fis-sena) u l-ambjent (iffrankar ta’ 18,4 miljun tunnellata ta’ CO2 fuq 15-il sena). Is-sewwejja indipendenti, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jibbenefikaw minn dan il-pakkett. In-negozji se jiffaċċjaw telf minħabba bejgħ mitluf u produzzjoni mnaqqsa ta’ oġġetti ġodda, iżda l-iffrankar sostanzjali tal-konsumatur huwa akbar mill-kostijiet għan-negozji. Għaldaqstant, it-telf tan-negozji jirrifletti trasferiment mid-dħul tan-negozju għall-benesseri tal-konsumatur. Il-konsumaturi x’aktarx ukoll jinvestu l-flus iffrankati fl-ekonomija ġenerali, li jwassal għal tkabbir u investiment.
·Drittijiet fundamentali
Il-pakkett iħalli impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Il-Karta). Jippromwovi d-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u titjib fil-kwalità tal-ambjent, kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta. B’mod partikolari, dan jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-iskart u l-użu ta’ riżorsi ġodda billi jżid it-tiswijiet kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-garanzija legali u b’hekk jestendi l-ħajja tal-oġġetti mixtrija mill-konsumaturi. Din il-proposta tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38 tal-Karta) billi ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur barra mill-ambitu tal-garanzija legali. Dan se jiġi żgurat billi
(a) l-konsumaturi jingħataw għodod li jtejbu t-trasparenza u l-kundizzjonijiet għat-tiswija.
(b) il-produtturi jiġu obbligati jsewwu ċerti oġġetti mixtrija mill-konsumaturi lil hinn mill-garanzija legali.
Dawn il-miżuri se jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-għażla tat-tiswija meta l-oġġetti jsiru difettużi u jipprevjenu lill-konsumaturi milli jixtru oġġetti ġodda ta’ sostituzzjoni bla bżonn, u b’hekk inaqqsu n-nefqa tal-konsumatur.
Filwaqt li din il-proposta tirregola ċerti prattiki kummerċjali li jikkonċernaw it-tiswija fid-dawl tal-objettiv tal-konsum sostenibbli, tissalvagwardja l-libertà kuntrattwali u twassal għal-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta). Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta għandhom l-għan li jagħtu spinta lis-suq tat-tiswija mingħajr ma joħolqu piż, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Din il-proposta tikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità (l-Artikolu 26 tal-Karta), peress li l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-pjattaforma online għat-tiswija anke għall-persuni b’diżabilità u b’hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-servizzi ta’ tiswija. Barra minn hekk, il-proposta trid tiżgura d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47 tal-Karta), b’mod partikolari permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-infurzar biex tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-Direttiva.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta mhux ser ikollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni se tevalwa l-impatti ta’ din l-inizjattiva 5 snin wara li tidħol fis-seħħ. Dan jippermetti l-perjodu meħtieġ għall-applikazzjoni u l-ġbir tal-evidenza fl-Istati Membri. Il-progress se jiġi mmonitorjat abbażi ta’ sett ta’ indikaturi li jkopru l-pakkett kollu kemm hu u l-elementi individwali tiegħu. Id-data dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-inizjattiva se tikkontribwixxi wkoll għall-evalwazzjoni. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni se żżomm kuntatt mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.
Il-Kummissjoni se tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa li tadotta atti delegati mhux iktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sitt snin.
·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1: Suġġett, finijiet u kamp ta’ applikazzjoni
L-Artikolu 1(1) jindika s-suġġett ta’ din id-Direttiva, li huwa li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jiġu stabbiliti regoli komuni li jippromwovu t-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi. Skont l-Artikolu 114(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur. Filwaqt li ssegwi l-istess għan tal-SGD, jiġifieri li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, bħala objettiv anċillari din id-Direttiva żżid ukoll il-protezzjoni ambjentali. B’mod partikolari, billi tippromwovi l-konsum sostenibbli permezz tat-tiswija u l-użu mill-ġdid, din id-Direttiva tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari u għat-tranżizzjoni ekoloġika.
L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li għandu japplika għat-tiswija ta’ oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi fil-każ ta’ difett tal-oġġetti li jseħħ jew li joħroġ fid-dieher barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2019/771. Dan jista’ jkun il-każ fejn id-difett kien għadu ma jeżistix fiż-żmien meta l-oġġetti ġew ikkonsenjati lill-konsumatur jew fejn in-nuqqas ta’ konformità joħroġ fid-dieher wara l-perjodu ta’ responsabbiltà. Fir-rigward ta’ dawn id-difetti, din id-Direttiva tintroduċi diversi dispożizzjonijiet, jiġifieri l-obbligu li tiġi pprovduta l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija (l-Artikolu 4), l-obbligu ta’ tiswija (l-Artikolu 5) bir-rekwiżit ta’ informazzjoni korrispondenti (l-Artikolu 6) u, il-pjattaforma għat-tiswija u r-rikondizzjonar (l-Artikolu 7). Din id-Direttiva tintroduċi wkoll bidliet fis-sistemi ta’ rimedji li jikkonċernaw difetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħa skont l-Artikolu 10 tal-SGD. B’mod partikolari, l-Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva jemenda l-għażla bejn tiswija u sostituzzjoni skont l-SGD b’mod immirat. F’konformità mal-SGD, l-Artikolu 12 japplika għal kuntratti ta’ bejgħ li jiġu konklużi bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa.
L-Artikolu 2: Definizzjonijiet
L-Artikolu (2) jintroduċi d-definizzjoni ta’ “sewwej”, li huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri servizz ta’ tiswija għal skopijiet kummerċjali, inklużi fornituri indipendenti ta’ servizzi ta’ tiswija, produtturi u bejjiegħa li joffru servizzi ta’ tiswija.
L-Artikolu 2(7) fih definizzjoni ta’ “rekwiżiti ta’ tiswija”, li hija relatata mal-obbligu tal-produttur li jsewwi oġġetti li jkunu koperti minn tali rekwiżiti ta’ tiswija previsti mill-atti legali tal-Unjoni (l-Artikolu 5). “Rekwiżiti ta’ tiswija” jenħtieġ li tfisser kwalunkwe rekwiżit skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II li jippermettu li prodott jissewwa. Dawn huma pereżempju rekwiżiti għaż-żarmar u d-disponibbiltà ta’ partijiet ta’ rikambju applikabbli għal prodotti jew komponenti speċifiċi ta’ prodotti, kif ukoll informazzjoni u għodod relatati mat-tiswija.
Barra minn hekk, l-Artikolu 2 jirreferi għal diversi definizzjonijiet li diġà huma stabbiliti fl-SGD u fl-ESPR.
L-Artikolu 3: Livell ta’ armonizzazzjoni
F’konformità mas-SGD, din id-Direttiva ssegwi approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa, fejn l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu ebda dispożizzjoni li tvarja minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom .
L-Artikolu 4: Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija
L-Artikolu 4(1) jintroduċi obbligu għas-sewwejja biex jipprovdu informazzjoni ewlenija standardizzata dwar is-servizzi ta’ tiswija tagħhom permezz tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija stabbilita fl-Anness I. Tali preżentazzjoni standardizzata se tippermetti lill-konsumaturi jivvalutaw u jqabblu s-servizzi ta’ tiswija faċilment. Il-konsumaturi se jkunu liberi li jiddeċiedu jekk għandhomx bżonn il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija f’każ partikolari, pereżempju fejn jagħtu jiksbu ħarsa ġenerali lejn l-kundizzjonijiet ewlenin tas-servizz ta’ tiswija jew sabiex iqabblu servizzi ta’ tiswija differenti. F’każijiet bħal dawn meta tkun meħtieġa u ġġib valur miżjud, il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-formola mingħand is-sewwejja fuq talba.
L-Artikolu 4(2) jistabbilixxi li s-sewwejja li mhumiex obbligati li jsewwu bis-saħħa tal-Artikolu 5 ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija meta ma jkollhomx l-intenzjoni li jipprovdu s-servizz ta’ tiswija, u b’hekk jiġi evitat piż bla bżonn fuq is-sewwejja.
Jekk is-sewwejja jġarrbu kostijiet li jkunu meħtieġa, pereżempju, biex jipprovdu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għall-ispezzjoni tal-oġġetti difettużi, huma jistgħu jitolbu lill-konsumatur iħallas dawn il-kostijiet limitati (l-Artikolu 4(3)).
L-Artikolu 4(4) jistabbilixxi l-parametri ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumatur meta jikkunsidraw it-tiswija. Dawn huma b’mod partikolari: il-prezz għat-tiswija jew, jekk il-prezz ma jkunx jista jiġi kkalkolat minn qabel, il-metodu ta’ kalkolu u l-prezz massimu, il-kundizzjonijiet ta’ tiswija, bħaż-żmien meħtieġ biex titlesta t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja matul iż-żmien tat-tiswija, il-post fejn il-konsumatur jgħaddi l-oġġetti għat-tiswija u d-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari bħall-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport, fejn rilevanti.
L-Artikolu 4(5) jipprojbixxi lis-sewwejja milli jbiddlu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għal 30 jum, ladarba din tiġi pprovduta. Dan jiżgura li l-konsumaturi jkollhom biżżejjed żmien biex iqabblu offerti ta’ tiswija differenti u jkunu protetti minn kundizzjonijiet li jinbidlu. Sabiex tiġi ssalvagwardjata l-libertà kuntrattwali tas-sewwejja, is-sewwejja li mhumiex obbligati li jsewwu skont l-Artikolu 5, jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jikkonkludux kuntratt, anki jekk ikunu pprovdew formola fuq talba tal-konsumatur. Jekk jiġi konkluż kuntratt għal forniment ta’ tiswija, is-sewwejja huma marbuta mal-informazzjoni mogħtija fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, li tikkostitwixxi wkoll parti integrali mill-kuntratt tal-għoti tas-servizzi ta’ tiswija.
Il-formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija se tagħmilha wkoll aktar faċli li tingħata informazzjoni dwar servizzi ta’ tiswija inkluż għal sewwejja mikro, żgħar u ta’ daqs medju, peress li l-Artikolu 4(6) jipprevedi li s-sewwejja jenħtieġ li jitqiesu li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni korrispondenti relatati ma’ servizz ta’ tiswija stabbiliti fid-Direttivi 2011/83/UE, 2006/123/KE u 2000/31/KE.
L-Artikolu 5: Obbligu ta’ tiswija
L-Artikolu 5 jintroduċi obbligu għall-produtturi li jsewwu difetti barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ fuq talba tal-konsumaturi u jimponu prezz.
F’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, l-Artikolu 5(1) jillimita l-obbligu ta’ tiswija għal oġġetti li għalihom ir-rekwiżiti ta’ tiswija huma stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni elenkati fl-Anness II ta’ din id-Direttiva, u fil-limiti tagħhom. Dawk l-oġġetti jinkludu gruppi ta’ prodotti koperti minn rekwiżiti ta’ tiswija skont il-qafas tal-ekodisinn, bħall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, l-apparat refriġeranti u l-vacuum cleaners. Ir-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II jiżguraw li l-prodotti rispettivi jistgħu jissewwew teknikament. L-obbligu ta’ tiswija jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ tiswija, fost l-oħrajn għall-komponenti koperti u l-perjodu li matulu japplikaw ir-rekwiżiti rispettivi ta’ tiswija. Għaldaqstant ir-rabta bejn l-obbligu ta’ tiswija u r-rekwiżiti ta’ tiswija eżistenti fl-atti legali tal-Unjoni fl-Anness II tiżgura li dan l-obbligu jkun jista’ jitwettaq fil-prattika u li l-operaturi ekonomiċi jingħataw ċertezza legali. L-obbligu ta’ tiswija skont din id-Direttiva, li jippermetti lill-konsumaturi jitolbu t-tiswija lill-produttur direttament fil-fażi ta’ wara l-bejgħ, jikkomplementa r-rekwiżiti min-naħa tal-provvista dwar il-possibbiltà tat-tiswija, filwaqt li jinkoraġġixxi d-domanda tal-konsumatur biex isewwi.
Skont l-Artikolu 5(1), il-produttur jista’ jwettaq l-obbligu ta’ tiswija mingħajr ħlas. Meta l-produttur isewwi bi prezz, tali servizzi ta’ tiswija jistgħu jsiru sors addizzjonali ta’ dħul u l-produttur ikollu interess li jilħaq ftehim dwar il-prezz mal-konsumatur biex jikkonkludi kuntratt. Il-pressjoni kompetittiva minn atturi oħra tat-tiswija x’aktarx li żżomm il-prezz aċċettabbli għall-konsumatur. Il-produttur jista’ jkollu wkoll interess li jwettaq l-obbligu mingħajr ħlas bħala parti minn garanzija kummerċjali dwar id-durabbiltà tal-prodotti tiegħu.
Il-produttur jenħtieġ li jkun eżentat mill-obbligu ta’ tiswija biss meta t-tiswija tkun impossibbli, pereżempju, fejn l-oġġett issirlu ħsara b’mod li t-tiswija ma tkunx tista’ ssir fil-livell tekniku (Artikolu 5(1) sentenza 2).
L-Artikolu 5(2) jirregola s-sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jixtru prodott minn produttur minn pajjiż terz stabbilit barra mill-Unjoni. Dan jipprovdi ċertezza legali għall-produtturi ta’ pajjiżi terzi billi jispeċifika kif ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligu ta’ tiswija meta jikkummerċjalizzaw oġġetti mixtrija mill-konsumaturi fl-Unjoni. Jipprovdi wkoll ċertezza legali lill-konsumaturi billi jispeċifika liema operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu javviċinaw fl-Unjoni fir-rigward tal-obbligu tat-tiswija ta’ produtturi minn pajjiżi terzi
Sabiex l-Anness II jinżamm aġġornat, l-Artikolu 5(4) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness II, pereżempju billi żżid gruppi ta’ prodotti ġodda meta jiġu adottati rekwiżiti ġodda ta’ tiswija fl-atti legali tal-Unjoni. L-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni għall-atti delegati se jiżgura li r-rekwiżiti futuri rilevanti kollha ta’ tiswija jkunu jistgħu jiġu integrati fl-Anness II.
L-Artikolu 6: Informazzjoni dwar l-obbligu ta’ tiswija
Jekk il-produtturi jkunu obbligati jsewwu l-oġġetti skont l-Artikolu 5, jeħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar dak l-obbligu u jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ tiswija (l-Artikolu 6). L-obbligu ta’ informazzjoni għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi jkunu konxji mill-obbligu ta’ tiswija, li jżid il-probabbiltà tat-tiswija. L-Artikolu 6 jippermetti flessibbiltà fil-mod kif l-informazzjoni ssir aċċessibbli sakemm il-produttur jagħmilha disponibbli b’mod ċar u li jinftiehem.
L-Artikolu 7: Pjattaforma online għat-tiswija u l-oġġetti soġġetti għar-rikondizzjonar
L-Artikolu 7 jintroduċi obbligu għall-Istati Membri biex jipprevedu mill-inqas pjattaforma nazzjonali waħda biex il-konsumaturi jitlaqqgħu mas-sewwejja. Dan se jgħin lill-konsumaturi jivvalutaw u jqabblu l-merti ta’ servizzi ta’ tiswija differenti u b’hekk jinċentivawhom li jagħżlu li jsewwu minflok jixtru oġġetti ġodda. Meta tkun diġà teżisti pjattaforma nazzjonali rilevanti li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati joħolqu pjattaformi ġodda.
L-Artikolu 7(1) jistabbilixxi għadd ta’ rekwiżiti li l-pjattaforma nazzjonali jeħtieġ li tikkonforma magħhom. L-ewwel nett, il-pjattaforma jenħtieġ li tinkludi funzjonijiet ta’ tiftix għall-oġġetti, il-post tas-servizzi ta’ tiswija u l-kundizzjonijiet ta’ tiswija, pereżempju, iż-żmien meħtieġ biex titlesta t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja, servizzi anċillari u standards ta’ kwalità għas-sewwejja (l-Artikolu 7(1)(a)). Il-pjattaforma jenħtieġ li tippermetti wkoll li l-konsumaturi jitolbu il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija direttament permezz tal-pjattaforma (l-Artikolu 7(1)(b)) sabiex ikunu jistgħu jiksbuha faċilment. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni fuq il-pjattaforma tkun preċiża, il-pjattaforma jenħtieġ li tippermetti lis-sewwejja jagħmlu aġġornamenti regolari (l-Artikolu 7(1)(c)). Barra minn hekk, sabiex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur, jenħtieġ li dan jippermetti li jintwerew tikketti speċjali f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li fuqhom is-sewwejja jindikaw il-konformità tagħhom mal-istandards tal-kwalità Ewropej jew nazzjonali relatati mat-tiswija (l-Artikolu 7(1)(d)). Biex tinħoloq sensibilizzazzjoni, il-pjattaforma jenħtieġ li tippermetti wkoll l-aċċessibbiltà permezz ta’ siti web nazzjonali konnessi mal-Gateway Diġitali Unika (l-Artikolu 7(1)(e)).
Biex jippromwovi r-rikondizzjonar tal-oġġetti, l-Artikolu 7(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjattaforma online tinkludi wkoll funzjoni ta’ tiftix biex jinstabu bejjiegħa ta’ oġġetti soġġetti għal rikondizzjonar u xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar.
L-Artikolu 7(3) jiċċara li r-reġistrazzjoni tal-atturi tat-tiswija u r-rikondizzjonar fuq il-pjattaforma hija volontarja. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu min jista’ jaċċessa l-pjattaforma tat-tiswija u kif jenħtieġ li tiġi aċċessata, sakemm is-sewwejja kollha fl-UE jiġu ttrattati bl-istess mod. Jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaċċessaw il-pjattaforma mingħajr ħlas.
L-Artikolu 12: Emenda għall-SGD
L-Artikolu 12 jadatta b’mod immirat il-kundizzjonijiet armonizzati li jirregolaw l-eżerċitar tal-għażla bejn ir-rimedji ta’ tiswija u sostituzzjoni skont l-Artikolu 13(2) SGD. Dan l-artikolu jistipula li l-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, sakemm ir-rimedju magħżul, ma jkunx impossibbli jew, meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor, jimponi kostijiet sproporzjonati fuq il-bejjiegħ. Filwaqt li dan il-prinċipju se jitħares, l-Artikolu 12 iżid sentenza oħra mal-Artikolu 13(2) SGD biex jippromwovi t-tiswija minflok is-sostituzzjoni, filwaqt li jiddikjara li jenħtieġ li l-bejjiegħ dejjem isewwi l-oġġetti meta l-kostijiet għas-sostituzzjoni jkunu daqs jew ogħla mill-kostijiet tat-tiswija. B’riżultat ta’ dan, il-konsumatur ikun jista’ jagħżel sostituzzjoni bħala rimedju meta tkun irħas mit-tiswija biss.
2023/0083 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, din id-Direttiva ssegwi l-objettiv li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tippromwovi konsum aktar sostenibbli, u b’hekk tikkomplementa l-objettiv tad-Direttiva (UE) 2019/771.
(2)Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, u b’mod partikolari biex jiġi ffaċilitat il-forniment transfruntier ta’ servizzi u l-kompetizzjoni fost is-sewwejja ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi fis-suq intern, iridu jinħolqu regoli uniformi li jippromwovu t-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ u barra minnha stabbilita mid-Direttiva (UE) 2019/771. L-Istati Membri diġà daħħlu, jew qed jikkunsidraw li jdaħħlu, regoli li jippromwovu t-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi barra mir-responsabbiltà eżistenti tal-bejjiegħ stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2019/771. Ir-regoli nazzjonali obbligatorji differenti f’dan il-qasam jikkostitwixxu ostakli reali jew potenzjali għall-funzjonament tas-suq intern, li jaffettwaw it-tranżazzjonijiet transfruntiera ta’ operaturi ekonomiċi li jaġixxu f’dak is-suq b’mod negattiv. Dawk l-operaturi jista’ jkollhom jadattaw is-servizzi tagħhom biex jikkonformaw mar-regoli nazzjonali obbligatorji differenti u jistgħu jiġu ffaċċjati b’kostijiet addizzjonali tat-tranżazzjoni biex jiksbu l-parir legali meħtieġ dwar ir-rekwiżiti tal-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-konsumatur, meta dan ikun japplika b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jadattaw il-kuntratti tagħhom għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija skont dan. B’mod partikolari, dan se jaffettwa, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li huma rappreżentati l-aktar fis-settur tat-tiswija. Il-frammentazzjoni legali tista’ taffettwa b’mod negattiv ukoll il-fiduċja tal-konsumatur fit-tiswija transfruntiera minħabba inċertezzi rigward fatturi li huma importanti fid-deċiżjoni li jissewwew l-oġġetti.
(3)Sabiex jitnaqqas ir-rimi prematur ta’ oġġetti vijabbli mixtrija mill-konsumaturi u biex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jużaw l-oġġetti tagħhom għal aktar żmien, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tiswija ta’ dawn l-oġġetti. It-tiswija jenħtieġ li tirriżulta f’konsum aktar sostenibbli, peress li x’aktarx tiġġenera ammont anqas ta’ skart ikkawżat minn oġġetti mormija, inqas domanda għar-riżorsi, inkluża l-enerġija, ikkawżata mill-proċess tal-manifattura u l-bejgħ ta’ oġġetti ġodda li jissostitwixxu oġġetti difettużi, kif ukoll livelli aktar baxxi ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Din id-Direttiva tippromwovi konsum sostenibbli bil-ħsieb li jinkisbu benefiċċji għall-ambjent filwaqt li tipproduċi wkoll benefiċċji għall-konsumaturi billi tevita kostijiet assoċjati ma’ xiri ġdid fuq medda qasira ta’ żmien.
(4)Ir-Regolament (UE)… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar il-Prodotti Sostenibbli tal-Ekodisinn] jistabbilixxi, b’mod partikolari, rekwiżiti min-naħa tal-provvista li jsegwu l-objettiv li l-prodott fil-fażi tal-produzzjoni jiġi ddisinjat b’mod aktar sostenibbli. Id-Direttiva (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika] tistabbilixxi rekwiżiti min-naħa tad-domanda li jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti fil-punt tal-bejgħ, li jenħtieġ li jippermettu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati u sostenibbli dwar ix-xiri. Din id-Direttiva tikkomplementa dawk ir-rekwiżiti min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, billi tippromwovi t-tiswija u l-użu mill-ġdid fil-fażi ta’ wara l-bejgħ kemm fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ kif ukoll barra minnha stabbilita bid-Direttiva (UE) 2019/771. B’hekk, din id-Direttiva ssegwi l-objettivi, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tippromwovi konsum aktar sostenibbli, ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni ekoloġika.
(5)Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw aspetti ta’ kuntratti għall-għoti ta’ servizzi ta’ tiswija għajr dawk armonizzati fil-liġi tal-Unjoni.
(6)Ir-rekwiżiti ta’ tiswija jenħtieġ li jinkludu r-rekwiżiti kollha skont l-atti legali tal-Unjoni li jiżguraw li l-oġġetti jkunu jistgħu jissewwew, inklużi, iżda mhux limitati, għar-rekwiżiti skont il-qafas tal-ekodisinn imsemmi fir-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli], biex ikopru firxa wiesgħa ta’ prodotti kif ukoll żviluppi futuri fi kwalunkwe qasam ieħor tad-dritt tal-Unjoni.
(7)Sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jidentifikaw u jagħżlu servizzi ta’ tiswija xierqa, il-konsumaturi jenħtieġ li jirċievu informazzjoni ewlenija dwar is-servizzi ta’ tiswija. Il-formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija jenħtieġ li tistabbilixxi parametri ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumaturi dwar meta jikkunsidraw jekk isewwux oġġetti difettużi jew le. Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi mudell ta’ format standardizzat. Format standardizzat għall-preżentazzjoni ta’ servizzi ta’ tiswija jenħtieġ li jippermetti li l-konsumaturi jivvalutaw u jqabblu s-servizzi ta’ tiswija faċilment. Tali format standardizzat jenħtieġ li jiffaċilita wkoll il-proċess tal-għoti ta’ informazzjoni dwar is-servizzi tat-tiswija, b’mod partikolari għan-negozji mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jipprovdu servizzi tat-tiswija. Sabiex jiġu evitati piżijiet addizzjonali minħabba rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali li jikkoinċidu, jenħtieġ li sewwej jitqies li jkun issodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni korrispondenti tal-atti legali rilevanti tal-UE fejn applikabbli, jekk il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija tkun imtliet b’mod korrett u tkun ingħatat lill-konsumatur. L-informazzjoni fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija jenħtieġ li tingħata lill-konsumaturi b’mod ċar u li jinftiehem u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva 2019/882.
(8)L-għażla libera tal-konsumatur li jiddeċiedi minn min għandu jsewwi l-oġġetti tiegħu jenħtieġ li tiġi ffaċilitata billi l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija tintalab mhux biss mingħand il-produttur, iżda wkoll mingħand il-bejjiegħ tal-oġġetti inkwistjoni jew sewwejja indipendenti, fejn applikabbli. Is-sewwejja jenħtieġ li jipprovdu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija meta l-konsumatur jitlob dik il-formola u s-sewwej ikollu l-intenzjoni li jipprovdi s-servizz ta’ tiswija, jew ikun obbligat li jsewwi, biss. Konsumatur jista’ jagħżel ukoll li ma jitlobx il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija u jikkonkludi kuntratt dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija ma’ sewwej skont informazzjoni prekuntrattwali pprovduta b’mezzi oħra skont id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(9)Hemm sitwazzjonijiet li fihom sewwej iġarrab il-kostijiet neċessarji biex jipprovdi l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-prezz inklużi fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. Pereżempju, is-sewwej jista’ jkollu bżonn jispezzjona l-oġġetti biex ikun jista’ jiddetermina d-difett jew it-tip ta’ tiswija li tkun meħtieġa, inkluża l-ħtieġa għal partijiet ta’ rikambju, u biex jagħti stima tal-prezz tat-tiswija. F'dawn il-każijiet, is-sewwej ikun jista’ biss jitlob lill-konsumatur iħallas il-kostijiet meħtieġa li jġarrab is-sewwej biex jipprovdi l-informazzjoni inkluża fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. F’konformità mal-informazzjoni prekuntrattwali u rekwiżiti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2011/83/UE, jenħtieġ li s-sewwej jinforma lill-konsumatur dwar tali kostijiet qabel ma l-konsumatur jitlob il-forniment tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. Il-konsumaturi jistgħu ma jitolbux l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija meta jqisu li l-kostijiet tal-formola jkunu għoljin wisq.
(10)Is-sewwejja jenħtieġ li ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tat-tiswija li jipprovdu fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, inkluż dwar il-prezz għat-tiswija, għal ċertu perjodu ta’ żmien. Dan jiżgura li l-konsumaturi jingħataw biżżejjed żmien biex iqabblu offerti ta’ tiswija differenti. Sabiex tiġi salvagwardjata kemm jista’ jkun il-libertà kuntrattwali tas-sewwejja, minbarra l-produtturi ta’ oġġetti li għalihom japplika obbligu ta’ tiswija, biex ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk jikkonkludux kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija jew le, jenħtieġ li s-sewwejja jibqgħu liberi li jiddeċiedu li ma jikkonkludux tali kuntratt, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn ikunu pprovdew il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. Jekk kuntratt għall-forniment għoti ta’ servizzi ta’ tiswija jiġi konkluż abbażi tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-tiswija u l-prezz li tkun tinsab f’dik il-formola jenħtieġ li tikkostitwixxi parti integrali mill-kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija, u b’hekk tiddefinixxi l-obbligi tas-sewwej skont dak il-kuntratt. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi kuntrattwali huwa rregolat mil-liġi nazzjonali applikabbli.
(11)Id-Direttiva (UE) 2019/771 timponi obbligu fuq il-bejjiegħa biex isewwu oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità li kien jeżisti fiż-żmien meta l-oġġetti ġew ikkunsinnati u li joħorġu fid-dieher fil-perjodu ta’ responsabbiltà. Skont dik id-Direttiva, il-konsumaturi mhumiex intitolati li għat-tiswija ta’ difetti li jaqgħu barra minn dak l-obbligu. B’konsegwenza ta’ dan, għadd kbir ta’ oġġetti difettużi iżda altrimenti vijabbli jitwarrbu qabel iż-żmien. Sabiex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jsewwu l-oġġett tagħhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn, din id-Direttiva jenħtieġ li timponi obbligu fuq il-produtturi biex isewwu oġġetti li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti ta’ tiswija imposti mill-atti legali tal-Unjoni. Dak l-obbligu ta’ tiswija jenħtieġ li jiġi impost, fuq talba tal-konsumatur, fuq il-produtturi ta’ tali oġġetti, peress li huma d-destinatarji ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ tiswija. Dak l-obbligu jenħtieġ li japplika għall-produtturi stabbiliti kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.
(12)Peress li l-obbligu ta’ tiswija impost fuq il-produtturi skont din id-Direttiva jkopri difetti li mhumiex dovuti għan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti ma’ kuntratt ta’ bejgħ, il-produtturi jistgħu jipprovdu tiswija għal prezz li jitħallas mill-konsumatur, għal kwalunkwe tip ta’ kunsiderazzjoni oħra jew b’xejn. Il-ħlas ta’ prezz jenħtieġ li jħeġġeġ lill-produtturi jiżviluppaw mudelli ta’ negozju sostenibbli, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija. Prezz bħal dan jista’ jqis, pereżempju, il-kostijiet lavorattivi, il-kostijiet tal-partijiet ta’ rikambju, il-kostijiet tal-operat tal-faċilità tat-tiswija u l-marġni abitwali. Il-prezz u l-kundizzjonijiet tat-tiswija għandhom jiġu miftiehma f’kuntratt bejn il-konsumatur u l-produttur u l-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jiddeċiedi jekk dak il-prezz u dawk il-kundizzjonijiet ikunux aċċettabbli. Il-ħtieġa għal kuntratt bħal dan u l-pressjoni kompetittiva minn sewwejja oħra jenħtieġ li jinkoraġġixxu lill-produtturi li huma obbligati li jsewwu biex iżommu l-prezz aċċettabbli għall-konsumatur. L-obbligu ta’ tiswija jista’ jitwettaq ukoll mingħajr ħlas meta d-difett ikun kopert minn garanzija kummerċjali, pereżempju fir-rigward tad-durabbiltà garantita tal-oġġetti.
(13)Il-produtturi jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu t-tiswija billi jissottokuntrattaw it-tiswija, pereżempju jekk il-produttur ma jkollux l-infrastruttura tat-tiswija jew jekk it-tiswija tkun tista’ titwettaq minn sewwej li jkun jinsab eqreb tal-konsumatur, fost l-oħrajn fejn il-produttur ikun stabbilit barra mill-Unjoni.
(14)Japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont ir-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli] jew il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li skonthom il-produtturi jenħtieġ li jipprovdu aċċess għal partijiet ta’ rikambju, informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew kwalunkwe għodda tas-software, firmware jew mezzi awżiljarji simili relatati mat-tiswija. Dawk ir-rekwiżiti jiżguraw il-fattibbiltà teknika tat-tiswija mhux biss min-naħa tal-produttur iżda wkoll min-naħa ta’ sewwejja oħra. Bħala konsegwenza, il-konsumatur jista’ jagħżel sewwej li jrid.
(15)L-obbligu ta’ tiswija jenħtieġ li jkun effettiv ukoll f’każijiet fejn il-produttur ikun stabbilit barra mill-Unjoni. Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jwettqu dan l-obbligu billi jirrikorru għand operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni, din id-Direttiva tipprevedi sekwenza ta’ operaturi ekonomiċi alternattivi bl-obbligu tat-tiswija tal-produttur f’każijiet bħal dawn. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-produtturi li jinsabu barra mill-Unjoni jorganizzaw u jwettqu l-obbligu tagħhom li jsewwu fl-Unjoni.
(16)Sabiex jiġi evitat piż żejjed fuq il-produtturi u sabiex jiġi żgurat li huma kapaċi jwettqu l-obbligu tagħhom li jsewwu, dak l-obbligu jenħtieġ li jkun limitat għal dawk il-prodotti li għalihom kwalunkwe rekwiżit ta’ tiswija ikun previst fl-atti legali tal-Unjoni, u fil-limitu tagħhom. Ir-rekwiżiti ta’ tiswija ma jobbligawx lill-produtturi jsewwu oġġetti difettużi, iżda jiżguraw li l-oġġetti jkunu jistgħu jissewwew. Tali rekwiżiti ta’ tiswija jistgħu jiġu stabbiliti fl-atti legali rilevanti tal-Unjoni. Fost l-eżempji hemm atti delegati adottati skont ir-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli] jew miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li joħolqu qafas biex tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tal-prodotti. Din il-limitazzjoni tal-obbligu ta’ tiswija tiżgura li dawk l-oġġetti li jistgħu jissewwew biss ikunu soġġetti għal tali obbligu. Ir-rekwiżiti rilevanti ta’ possibbiltà ta’ tiswija jinkludu rekwiżiti tad-disinn li jtejbu l-kapaċità li l-oġġetti jiġu żarmati u firxa ta’ partijiet ta’ rikambju li għandhom ikunu disponibbli għal perjodu minimu. L-obbligu ta’ tiswija jikkorrispondi mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ tiswija, pereżempju, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn jistgħu japplikaw biss għal ċerti komponenti tal-oġġetti jew jista’ jiġi stabbilit perjodu speċifiku ta’ żmien biex il-partijiet ta’ rikambju jkunu disponibbli. L-obbligu ta’ tiswija skont din id-Direttiva, li jippermetti lill-konsumaturi jitolbu t-tiswija lill-produttur direttament fil-fażi ta’ wara l-bejgħ, jikkomplementa r-rekwiżiti relatati man-naħa tal-provvista dwar il-possibbiltà ta’ tiswija li huma stipulati fir-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli], filwaqt li jinkoraġġixxi d-domanda tal-konsumatur għat-tiswija.
(17)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, din id-Direttiva telenka fl-Anness II gruppi ta’ prodotti rilevanti koperti minn tali rekwiżiti ta’ tiswija skont l-atti legali tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mar-rekwiżiti futuri ta’ possibbiltà ta’ tiswija skont l-atti legali tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward, b’mod partikolari, taż-żieda ta’ gruppi ġodda ta’ prodotti fl-Anness II meta jiġu adottati rekwiżiti ġodda ta’ tiswija. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ li jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(18)Filwaqt li din id-Direttiva timponi l-obbligu ta’ tiswija fuq il-produttur, tiffaċilita wkoll l-għażla tal-konsumatur ta’ servizzi ta’ tiswija minn sewwejja oħra. B’mod partikolari jenħtieġ li din l-għażla tiġi ffaċilitata billi l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija ma tintalabx biss mingħand il-produttur iżda wkoll mingħand sewwejja oħra bħall-bejjiegħ jew sewwejja indipendenti jew billi jsir tiftix permezz tal-pjattaforma ta’ tiswija online. Peress li l-konsumaturi jkollhom iħallsu għat-tiswija, x’aktarx li jqabblu l-opportunitajiet ta’ tiswija sabiex jagħżlu l-aktar servizzi ta’ tiswija xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom. Għalhekk, x’aktarx li javviċinaw lis-sewwejja indipendenti fil-viċinanza tagħhom jew lill-bejjiegħ qabel ma jikkuntattjaw produtturi li jistgħu, pereżempju, jkunu jinsabu f’distanza akbar u li għalihom il-prezz jista’ jkun ogħla minħabba l-kostijiet tat-trasport.
(19)F’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/771, jenħtieġ li produttur ikun eżentat mill-obbligu ta’ tiswija meta t-tiswija tkun impossibbli fattwalment jew legalment. Pereżempju, il-produttur jenħtieġ li ma jirrifjutax it-tiswija għal raġunijiet purament ekonomiċi, bħall-kostijiet tal-partijiet ta’ rikambju. Il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2019/771 jew id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill preċedenti diġà qed tuża l-kriterju dwar jekk it-tiswija tkunx impossibbli u li qed tiġi applikata mill-qrati.
(20)Sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumatur dwar id-disponibbiltà tat-tiswija u b’hekk il-probabbiltà tagħha, il-produtturi jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi bl-eżistenza ta’ dak l-obbligu. L-informazzjoni jenħtieġ li ssemmi l-oġġetti rilevanti koperti minn dak l-obbligu, flimkien ma’ spjegazzjoni li u sa fejn il-prodott ikun jista’ jissewwa, pereżempju permezz ta’ sottokuntratturi. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumatur u tingħata b’mod ċar u li jinftiehem, mingħajr ma jkollha tintalab mill-konsumatur, u b’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva 2019/882. Il-produttur huwa liberu li jiddetermina l-mezzi li bihom jinforma lill-konsumatur.
(21)Sabiex titħeġġeġ it-tiswija, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-eżistenza ta’ mill-anqas pjattaforma online waħda li tippermetti lill-konsumaturi jfittxu sewwejja xierqa fit-territorju tagħhom. Dik il-pjattaforma tista’ tkun pjattaforma eżistenti jew operata privatament, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. Dik il-pjattaforma jenħtieġ li tinkludi għodod ta’ paragun faċli għall-utent u indipendenti li jassistu lill-konsumaturi fil-valutazzjoni u t-tqabbil tal-merti ta’ fornituri differenti ta’ servizzi ta’ tiswija, biex b’hekk il-konsumaturi jiġu inċentivati jsewwu minflok jixtru oġġetti ġodda. Filwaqt li dik il-pjattaforma għandha l-għan li tiffaċilita t-tfittxija għal servizzi ta’ tiswija fir-relazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi, l-Istati Membri huma liberi li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha wkoll biex jinkludi relazzjonijiet bejn in-negozji kif ukoll inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità.
(22)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi kollha li jkunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ tiswija fl-Unjoni jkollhom aċċess faċli għall-pjattaforma online. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu liema sewwejja jistgħu jirreġistraw fuq il-pjattaforma online sakemm l-aċċess għal dik il-pjattaforma jkun raġonevoli u nondiskriminatorju għas-sewwejja skont id-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li s-sewwejja minn Stat Membru jkunu jistgħu jirreġistraw fuq il-pjattaforma online fi Stat Membru ieħor sabiex jipprovdu servizzi ta’ tiswija f’oqsma li l-konsumatur ikun fittex jenħtieġ li jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija transfruntier. L-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw diskrezzjoni kif jimlew il-pjattaforma online, pereżempju permezz ta’ awtoreġistrazzjoni jew estrazzjoni minn bażijiet tad-data eżistenti bil-kunsens tas-sewwejja, jew jekk ir-reġistranti għandhomx iħallsu tariffa ta’ reġistrazzjoni li tkopri l-kostijiet għat-tħaddim tal-pjattaforma. Biex tiġi garantita għażla wiesgħa ta’ servizzi ta’ tiswija fuq il-pjattaforma online, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-aċċess għall-pjattaforma online ma jkunx limitat għal kategorija speċifika ta’ sewwejja. Filwaqt li r-rekwiżiti nazzjonali, pereżempju, dwar il-kwalifiki professjonali meħtieġa, ikomplu japplikaw, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-pjattaforma online tkun miftuħa għas-sewwejja kollha li jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi wkoll li jiddeċiedu jekk u sa fejn l-inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità, bħall-kafetteriji tat-tiswija, jistgħu jirreġistraw fuq il-pjattaforma online, filwaqt li fejn rilevanti jqisu l-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza. Ir-reġistrazzjoni fuq il-pjattaforma online jenħtieġ li tkun dejjem possibbli fuq talba tas-sewwejja, dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli biex jaċċessaw il-pjattaforma online.
(23)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess faċli għall-pjattaforma online li tippermettilhom isibu servizzi ta’ tiswija xierqa għall-oġġetti difettużi tagħhom. Il-pjattaforma online jenħtieġ li tkun aċċessibbli wkoll għall-konsumaturi vulnerabbli, inklużi l-persuni b’diżabilità, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni relatata mal-aċċessibbiltà.
(24)Il-funzjoni tat-tiftix ibbażata fuq il-prodotti tista’ tirreferi għat-tip ta’ prodott jew il-marka kummerċjali. Peress li s-sewwejja ma jistgħux ikunu jafu d-difett speċifiku qabel ma jitolbu t-tiswija, ikun biżżejjed li fuq il-pjattaforma online jipprovdu informazzjoni ġenerika dwar l-elementi ewlenin tas-servizzi ta’ tiswija biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk isewwux l-oġġett inkwistjoni, b’mod partikolari ż-żmien medju biex iwettqu t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja, il-post fejn il-konsumatur jibgħat l-oġġetti għat-tiswija u d-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari. Is-sewwejja jenħtieġ li jitħeġġu jaġġornaw l-informazzjoni tagħhom fuq il-pjattaforma online b’mod regolari. Sabiex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi ta’ tiswija disponibbli fuq il-pjattaforma online, jenħtieġ li s-sewwejja jkunu jistgħu juru l-konformità tagħhom ma’ ċerti standards ta’ tiswija.
(25)Sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, il-pjattaforma online jenħtieġ li tinkludi l-possibbiltà li l-konsumaturi jitolbu dik il-formola direttament mingħand is-sewwej permezz tal-pjattaforma online. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tintwera b’mod prominenti fuq il-pjattaforma online. Biex titqajjem kuxjenza dwar il-pjattaformi nazzjonali ta’ tiswija online u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal tali pjattaformi madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjattaformi online tagħhom ikunu aċċessibbli permezz ta’ paġni web nazzjonali rilevanti konnessi mal-Gateway Diġitali Unika stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Biex titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi dwar il-pjattaforma online, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi xierqa, pereżempju jiffirmaw il-pjattaforma online fuq siti web nazzjonali relatati jew iwettqu kampanji ta’ komunikazzjoni.
(26)Sabiex jiġi promoss il-konsum sostenibbli ta’ oġġetti f’sitwazzjonijiet barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ, jenħtieġ li l-pjattaforma online tippromwovi wkoll oġġetti soġġetti għar-rikondizzjonar bħala alternattiva għat-tiswija jew għax-xiri ta’ oġġetti ġodda. Għal dak l-għan, il-pjattaforma online jenħtieġ li tinkludi funzjonalità li tippermetti lill-konsumaturi jsibu bejjiegħa ta’ oġġetti soġġetti għal rikondizzjonar jew negozji li jixtru oġġetti difettużi għal skopijiet ta’ rikondizzjonar, b’mod partikolari billi tippermetti funzjoni ta’ tiftix għal kull kategorija ta’ prodott. Tali bejjiegħa ta’ oġġetti soġġetti għal rikondizzjonar jew xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-pjattaforma abbażi tal-istess prinċipji u speċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għall-funzjonalità tat-tiswija.
(27)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippermetti l-iżvilupp ta’ standard ta’ kwalità Ewropew volontarju għas-servizzi ta’ tiswija, pereżempju billi tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-kooperazzjoni volontarja dwar standard bejn in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra jew billi toħroġ talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Standard Ewropew għas-servizzi ta’ tiswija jista’ jagħti spinta lill-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi tat-tiswija madwar l-Unjoni. Tali standard jista’ jinkludi aspetti li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumatur dwar it-tiswija, bħaż-żmien biex titlesta t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja, assigurazzjonijiet tal-kwalità bħal garanzija kummerċjali fuq it-tiswija, u d-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari bħall-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport offruti mis-sewwejja.
(28)Sabiex tiġi promossa t-tiswija fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2019/771, jenħtieġ li jiġu adattati l-kundizzjonijiet armonizzati li taħthom tista’ tiġi eżerċitata l-għażla bejn ir-rimedji ta’ tiswija u sostituzzjoni. Jenħtieġ li jinżamm il-prinċipju stabbilit fid-Direttiva (UE) 2019/771 li jintuża l-kunsiderazzjoni dwar jekk ir-rimedju magħżul jimponix kostijiet fuq il-bejjiegħ li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mar-rimedju l-ieħor, bħala wieħed mill-kriterji biex jiġi ddeterminat ir-rimedju applikabbli. Il-konsumatur jibqa’ intitolat li jagħżel it-tiswija minflok is-sostituzzjoni, sakemm it-tiswija ma tkunx impossibbli jew timponi kostijiet sproporzjonati fuq il-bejjiegħ meta mqabbla mas-sostituzzjoni. Madankollu, meta l-kostijiet tas-sostituzzjoni jkunu ogħla mill-kostijiet tat-tiswija, jenħtieġ li l-bejjiegħ dejjem isewwi l-oġġetti. Għaldaqstant, il-konsumatur ikun jista’ jagħżel is-sostituzzjoni bħala rimedju meta din tkun irħas mit-tiswija biss. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.
(29)Sabiex ikun jista’ jsir l-infurzar tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva permezz ta’ azzjonijiet rappreżentattivi, hija meħtieġa emenda tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill16. Biex l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri tagħhom jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet bejniethom u mal-Kummissjoni biex jinfurzaw il-konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Anness tar-Regolament 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill17 jeħtieġ li jiġi emendat.
(30)Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw, jenħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-applikazzjoni ta’ uħud mill-Artikoli ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, l-obbligi ta’ tiswija u ta’ għoti ta’ informazzjoni relatata dwar dan l-obbligu jenħtieġ li japplikaw għal kuntratti għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija wara [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. L-emenda tad-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tapplika biss għal kuntratti ta’ bejgħ konklużi wara [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ] biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u biex il-bejjiegħa jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rimedji emendati ta’ tiswija u sostituzzjoni.
(31)F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni18, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.
(32)Il-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi, bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Ir-regoli obbligatorji nazzjonali emerġenti li jippromwovu l-konsum sostenibbli permezz tat-tiswija tad-difetti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/771 x’aktarx li jvarjaw u jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern. L-Istati Membri ma jistgħux jemendaw ir-regoli kompletament armonizzati dwar id-difetti li huma fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/771. Tabilħaqq, l-objettiv ta’ din id-Direttiva jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ regoli komuni armonizzati bis-sħiħ li jippromwovu t-tiswija fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ u dik li ma taqax taħtha stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/771. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
(33)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tfittex li tiżgura rispett sħiħ b’mod partikolari għall-Artikoli 16, 26, 37, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Tikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-ambjent f’konformità mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi tippromwovi l-konsum sostenibbli tal-oġġetti u b’hekk tnaqqas l-impatti ambjentali negattivi li jinħolqu mir-rimi prematur ta’ oġġetti vijabbli. Din id-Direttiva tiżgura rispett sħiħ għall-Artikolu 38 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur billi ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur relatati ma’ difetti li jseħħu jew li joħorġu fid-dieher barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2019/771. Tiżgura wkoll ir-rispett għal-libertà ta’ intrapriża skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi tissalvagwardja l-libertà kuntrattwali u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiswija fis-suq intern. Din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà f’konformità mal-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi tiffaċilita l-aċċessibbiltà tal-pjattaforma online għall-persuni b’diżabbiltà. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għall-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust permezz ta’ mezzi effettivi ta’ infurzar.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett, finijiet u kamp ta’ applikazzjoni
1.Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni li jippromwovu t-tiswija ta’ oġġetti, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent.
2.Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tiswija ta’ oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi fil-każ ta’ difett tal-oġġetti li jseħħ jew li joħroġ fid-dieher barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2019/771.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.“konsumatur” tfisser konsumatur kif definit fl-Artikolu 2(2), tad-Direttiva (UE) 2019/771;
2.“sewwej” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, relatata mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna, tipprovdi servizz ta’ tiswija, inklużi produtturi u bejjiegħa li jipprovdu servizzi ta’ tiswija u fornituri ta’ servizzi ta’ tiswija kemm jekk indipendenti kif ukoll jekk affiljati ma’ tali produtturi jew bejjiegħa;
3.“bejjiegħ” tfisser produttur kif definit fl-Artikolu 2(3), tad-Direttiva (UE) 2019/771;
4.“produttur” tfisser manifattur kif definit fil-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli];
5.“rappreżentant awtorizzat” tfisser rappreżentant awtorizzat kif definit fil-punt (43) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli];
6.“importatur” tfisser importatur kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli];
7.“distributur” tfisser manifattur kif definit fil-punt (45) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli];
8.“oġġetti” tfisser oġġetti kif definita fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/771 għajr l-ilma, il-gass u l-elettriku;
9.“rikondizzjonar” tfisser importatur kif definit fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli];
10.“rekwiżiti ta’ tiswija” tfisser rekwiżiti skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II li jippermettu li prodott jissewwa inklużi rekwiżiti biex tittejjeb il-faċilità tiegħu ta’ żarmar, aċċess għal partijiet ta’ rikambju u informazzjoni u għodod relatati mat-tiswija applikabbli għal prodotti jew komponenti speċifiċi ta’ prodotti;
Artikolu 3
Livell ta’ armonizzazzjoni
L-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom .
Artikolu 4
Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma konsumatur jintrabat b’kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija, is-sewwej għandu jipprovdi lill-konsumatur, fuq talba, bil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija stabbilita fl-Anness I fuq mezz durabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 2 (11) tad-Direttiva 2019/771/UE.
2.Is-sewwejja l-oħra li mhumiex obbligati li jsewwu bis-saħħa tal-Artikolu 5 ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija meta ma jkollhomx l-intenzjoni li jipprovdu s-servizz ta’ tiswija.
3.Is-sewwej jista’ jitlob lill-konsumatur iħallas l-ispejjeż meħtieġa li jġarrab is-sewwej biex jipprovdi l-informazzjoni inkluża fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija.
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2011/83/UE, is-sewwej għandu jinforma lill-konsumatur dwar il-kostijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu qabel ma l-konsumatur jitlob il-forniment tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija.
4.Il-formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ tiswija li ġejjin b’mod ċar u li jinftiehem:
(a)l-identità tas-sewwej;
(b)l-indirizz ġeografiku fejn ikun stabbilit is-sewwej kif ukoll in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika tas-sewwej u, jekk disponibbli, mezzi oħra ta’ komunikazzjoni online li jippermettu lill-konsumatur jikkuntattja, u jikkomunika mas-sewwej malajr u b’mod effiċjenti;
(c)l-oġġett li għandu jissewwa;
(d) in-natura tad-difett u t-tip ta’ tiswija ssuġġerita;
(e) il-prezz jew, jekk il-prezz ma jistax jiġi kkalkulat raġonevolment bil-quddiem, il-mod li bih il-prezz għandu jiġi kkalkulat u l-prezz massimu għat-tiswija;
(f) iż-żmien stmat meħtieġ biex titlesta t-tiswija;
(g) id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja matul iż-żmien tat-tiswija u l-kostijiet ta’ sostituzzjoni temporanja, jekk ikun hemm, għall-konsumatur;
(h)il-post fejn il-konsumatur jgħaddi l-oġġetti għat-tiswija,
(i)fejn applikabbli, id-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari, bħall-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport, offruti mis-sewwej u l-kostijiet ta’ dawk is-servizzi, jekk ikun hemm, għall-konsumatur;
5.Is-sewwej ma għandux ibiddel il-kundizzjonijiet tat-tiswija speċifikati fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għal perjodu ta’ 30 jum kalendarju mid-data li fiha dik il-formola tkun ġiet ipprovduta lill-konsumatur, sakemm is-sewwej u l-konsumatur ma jkunux qablu mod ieħor. Jekk jiġi konkluż kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija fi żmien il-perjodu ta’ 30 jum, il-kundizzjonijiet ta’ tiswija speċifikati fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għandhom jikkostitwixxu parti integrali minn dak il-kuntratt.
6.Meta s-sewwej ikun ipprovda Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija kompluta u preċiża lill-konsumatur, din għandha titqies konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tas-servizz tat-tiswija stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), u l-Artikolu 6(1), il-punt a tad-Direttiva 2011/83/UE u l-Artikolu 22(1), il-punt (j), tad-Direttiva 2006/123/KE;
(b)ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-identità tas-sewwej u l-informazzjoni ta’ kuntatt stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), u l-Artikolu (6) (1), il-punti (b) u (c), tad-Direttiva 2011/83/UE, l-Artikolu 22(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/123/KE u l-Artikolu 5(1), il-punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva 2000/31/KE;
(c)ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-prezz stabbilit fl-Artikoli 5 (1), il-punt (c), u l-Artikolu 6(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2011/83/UE u l-Artikolu 22(1), il-punt (i) u (3), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/123/KE;
(d)ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti għall-prestazzjoni u l-ħin għat-twettiq tas-servizz ta’ tiswija stabbiliti fl-Artikoli 5 (1), il-punt (d), u l-Artikolu 6(1), il-punt (g), tad-Direttiva 2011/83/UE.
Artikolu 5
Obbligu ta’ tiswija
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tal-konsumatur, il-produttur għandu jsewwi, bi ħlas, b’xejn jew għal kwalunkwe tip ta’ kunsiderazzjoni oħra, oġġetti li r-rekwiżiti ta’ tiswija tagħhom huma previsti fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II. Il-produttur ma għandux ikun obbligat li jsewwi tali oġġetti meta t-tiswija tkun impossibbli. Il-produttur jista’ jissottokuntratta t-tiswija sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jsewwi.
2.Meta l-produttur li jkun obbligat li jsewwi skont il-paragrafu 1 jkun stabbilit barra mill-Unjoni, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fl-Unjoni għandu jwettaq l-obbligu tal-produttur. Meta l-produttur ma jkollu l-ebda rappreżentant awtorizzat fl-Unjoni, l-importatur tal-oġġett ikkonċernat għandu jwettaq l-obbligu tal-produttur. Jekk ma jkun hemm l-ebda importatur, id-distributur tal-oġġett ikkonċernat għandu jwettaq l-obbligu tal-produttur.
3.Il-produtturi għandhom jiżguraw li s-sewwejja indipendenti jkollhom aċċess għal partijiet ta’ rikambju u għal informazzjoni u għodod relatati mat-tiswija f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II.
4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15 biex temenda l-Anness II billi taġġorna l-lista ta’ atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ tiswija fid-dawl tal-iżviluppi leġiżlattivi.
Artikolu 6
Informazzjoni dwar l-obbligu ta’ tiswija
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-obbligu tagħhom li jsewwu skont l-Artikolu 5 jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ tiswija b’mod faċilment aċċessibbli, ċar u li jinftiehem, pereżempju permezz tal-pjattaforma online msemmija fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Pjattaforma online għat-tiswija u l-oġġetti soġġetti għar-rikondizzjonar
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun teżisti mill-anqas pjattaforma online waħda għat-territorju tagħhom li tippermetti lill-konsumaturi jsibu sewwejja. Dik il-pjattaforma għandha:
(a)jinkludu funzjonijiet ta’ tiftix fir-rigward ta’ oġġetti, il-post tas-servizzi ta’ tiswija, il-kundizzjonijiet tat-tiswija, inkluż il-ħin meħtieġ biex titlesta t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja u l-post fejn il-konsumatur jgħaddi l-oġġetti għat-tiswija, id-disponibbiltà u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi anċillari, inklużi l-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport, offruti mis-sewwejja, u l-istandards ta’ kwalità Ewropej jew nazzjonali applikabbli;
(b)tippermetti lill-konsumaturi jitolbu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija permezz tal-pjattaforma;
(c)jagħmlu aġġornamenti regolari tal-informazzjoni u s-servizzi ta’ kuntatt mis-sewwejja;
(d)jippermettu lis-sewwejja jindikaw l-aderenza tagħhom mal-istandards ta’ kwalità Ewropej jew nazzjonali applikabbli;
(e)jippermettu l-aċċessibbiltà permezz ta’ siti web nazzjonali konnessi mal-Portal Diġitali Uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1724.
(f)jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaforma online tinkludi wkoll funzjoni ta’ tiftix skont il-kategorija tal-prodott biex jinstabu bejjiegħa ta’ oġġetti soġġetti għal rikondizzjonar u xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar.
3.Ir-reġistrazzjoni fuq il-pjattaforma online għas-sewwejja, kif ukoll għall-bejjiegħa ta’ oġġetti soġġetti għal rinnovazzjoni u għax-xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rinnovazzjoni, għandha tkun volontarja. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-aċċess għall-pjattaforma f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. L-użu tal-pjattaforma online għandu jkun mingħajr ħlas għall-konsumaturi.
Artikolu 8
Infurzar
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi li jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.
2.Il-mezzi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lil korp wieħed jew iktar minn fost dawn li ġejjin, kif tistabbilixxi l-liġi nazzjonali, li jieħu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri biex jaraw li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva:
(a)korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;
(b)organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ambjent;
(c)organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li tittieħed azzjoni.
Artikolu 9
Informazzjoni għall-konsumaturi
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi skont din id-Direttiva, u dwar il-mezzi biex jiġu infurzati dawk id-drittijiet, tkun disponibbli għall-konsumaturi, inkluż fuq siti web nazzjonali konnessi mal-Gateway Diġitali Unika stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1724.
Artikolu 10
Natura obbligatorja
1.Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kwalunkwe ftehim kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom, jew ivarja l-effetti tagħhom, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.
2.Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lis-sewwej milli joffri lill-konsumatur arranġamenti kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva.
Artikolu 11
Pieni
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 4, 5 u 6 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.Sa 24-il xahar mid-dħul fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli u bil-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 12
Emendi għad-Direttiva (UE) 2019/771
Fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/771, tiżdied is-sentenza li ġejja:
B’deroga mill-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, meta l-kostijiet tas-sostituzzjoni jkunu daqs jew ogħla mill-kostijiet tat-tiswija, il-bejjiegħ għandu jsewwi l-oġġetti sabiex iġib dawk l-oġġetti f’konformità.”
Artikolu 13
Emendi għad-Direttiva (UE) 2020/1828
Fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiżdied il-punt 67:
“67. Id-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ x dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828 (ĠU L xx)”.
Artikolu 14
Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2394
Fl-Anness għar-Regolament (UE) 2017/2394, jiżdied il-punt 27 li ġej:
“27. Id-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ x dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2394, id-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828 (ĠU L xx)”.
Artikolu 15
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(4) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ sitt snin minn [xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sitt snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 16
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1.L-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kuntratti għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija konklużi qabel [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ].
2.L-Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva ma għandux japplika għal kuntratti ta’ bejgħ konklużi qabel [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ]
Artikolu 17
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [24 xahar mid-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn [24 xahar mid-dħul fis-seħħ].
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva u l-pjattaformi online nazzjonali dwar it-tiswija u l-oġġetti soġġetti għar-rikondizzjonar stabbiliti f’konformità ma’ din id-Direttiva.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 19
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President