Brussell, 3.3.2023

COM(2023) 108 final

2023/0056(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-iskop ewlieni tal-proposta huwa li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) adottat waqt il-laqgħa annwali tagħha f’Settembru 2022 jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni. In-NAFO hija l-organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li hija responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral li huma taħt ir-responsabbiltà tagħha. Il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tan-NAFO japplikaw biss għaż-Żona Regolatorja tan-NAFO li tinsab fl-ibħra internazzjonali u li hija ddefinita bħala ż-żona li tinsab lil hinn miż-żona li fiha s-sajd jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istati kostali. L-UE ilha mill-1979 Parti Kontraenti tan-NAFO.

Skont il-Konvenzjoni NAFO, il-miżuri ta’ konservazzjoni li l-Kummissjoni tan-NAFO tadotta huma vinkolanti (l-Artikoli XIV, VI.8 u VI.9) u l-Partijiet Kontraenti huma obbligati jimplimentawhom.

Ir-Regolament (UE) 2019/833 implimenta fil-liġi tal-Unjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO u ġie emendat fl-2021 u fl-2022 biex jimplimenta l-miżuri adottati min-NAFO fl-2019, fl-2020 u fl-2021. Din il-proposta tkopri l-emendi adottati min-NAFO waqt il-laqgħa annwali tagħha f’Settembru 2022. Dawk l-emendi daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2022 u japplikaw minn dik id-data.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija konsistenti mar-Regolament (UE) 2019/833.

Il-proposta hija konformi mal-Parti VI tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (li tittratta l-politika esterna), u li tipprevedi li l-Unjoni twettaq is-sajd estern tagħha f’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha u ssejjes l-attivitajiet tas-sajd tal-UE fuq il-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-sajd.

Il-proposta tikkumplimenta kemm ir-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni ta’ flotot tas-sajd esterni, li jipprevedi li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, u kemm ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jipprevedi l-inklużjoni tal-lista tan-NAFO tal-bastimenti li jwettqu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU) fil-lista tal-Unjoni tal-bastimenti li jwettqu l-IUU.

Din il-proposta ma tkoprix l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE li ddeċidew dwarhom in-NAFO. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), huwa l-Kunsill li għandu d-dritt jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi u dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE minħabba li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE). Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta se tiżgura li jintlaħqu l-obbligi tal-UE marbutin man-NAFO mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

Għażla tal-istrument

L-istrument magħżul jemenda r-Regolament (UE) 2019/833.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux rilevanti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-iskop ta’ din il-proposta huwa li temenda r-Regolament (UE) 2019/833 billi timplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li ġew adottati waqt il-laqgħa annwali tan-NAFO f’Settembru tal-2022. L-esperti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u r-rappreżentanti tal-industrija ġew ikkonsultati kemm fil-perjodu ta’ qabel il-laqgħa annwali tan-NAFO li matulha ġew adottati dawn il-miżuri u kemm waqt in-negozjati li saru fin-NAFO.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta timplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO li ġew adottati f’konformità mal-pariri xjentifiċi u ta’ kontroll tal-kumitati permanenti tan-NAFO.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhix rilevanti. Din il-proposta timplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti u li tapplika direttament għall-Istati Membri.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta mhix marbuta mal-idoneità regolatorja u mas-simplifikazzjoni (il-programm imsejjaħ REFIT).

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta timplimenta l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar adottati fil-laqgħa annwali tan-NAFO ta’ Settembru 2022 dwar: (i) dmirijiet ġodda tal-Istati Membri tal-bandiera relatati mas-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u rekwiżiti ta’ bastimenti għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ riċerka; (ii) regolamentazzjoni ta’ tkarkir bi prova mal-ewwel dħul f’Diviżjoni għal vjaġġ tas-sajd; (iii) aġġustamenti għall-għeluq tar-redfish fid-diviżjoni 3M; (iv) il-projbizzjoni tal-ħatt l-art, tat-trażbord u taż-żamma abbord tal-kelb il-baħar ta’ Greenland; u (v) l-kontroelenkar tal-bastimenti IUU minn organizzazzjonijiet reġjonali oħra għall-ġestjoni tas-sajd.

Il-proposta tiddelega wkoll lill-Kummissjoni s-setgħat li temenda r-Regolament (UE) 2019/833 dwar id-dmirijiet tal-Istati Membri relatati mas-sottomissjoni tal-pjanijiet ta’ riċerka u r-rekwiżiti tal-bastimenti biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka, jekk in-NAFO temenda tali miżuri fil-futur. Huwa meħtieġ l-implimentazzjoni fil-pront ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni biex il-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jistadu bl-istess mod bħall-bastimenti tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn tan-NAFO fl-istaġuni tas-sajd futuri.

 

2023/0056 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 implimenta fid-dritt tal-Unjoni l-iktar regoli aġġornati għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO). Sussegwentement, dan ir-Regolament ġie emendat sabiex jimplimenta l-miżuri tan-NAFO adottati waqt il-laqgħat annwali tagħha fl-2019, l-2020 u l-2021 3 .

(2)Sussegwentement, fl-44 Laqgħa Annwali tagħha f’Settembru 2022 in-NAFO adottat għadd ta’ miżuri legalment vinkolanti għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward ta’ dmirijiet ġodda tal-Istati Membri tal-bandiera relatati mas-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u rekwiżiti ta’ bastimenti biex jitwettqu attivitajiet ta’ riċerka, ir-regolamentazzjoni ta’ tkarkir bi prova mal-ewwel dħul f’Diviżjoni fuq vjaġġ tas-sajd, l-aġġustamenti għall-għeluq tar-redfish fit-3M, il-projbizzjoni tal-ħatt l-art, tat-trażbord u taż-żamma abbord tal-kelb il-baħar ta’ Greenland u l-kontroelenkar ta’ bastimenti illegali, mhux rappurtati u mhux regolati (IUU) minn organizzazzjonijiet reġjonali oħra għall-ġestjoni tas-sajd.

(3)Dawk il-miżuri huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO, u jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi. Wara li l-Miżuri ta’ Konservazzjoni u ta’ Infurzar tan-NAFO (CEM) daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2022, dawn bdew jorbtu lill-Partijiet Kontraenti kollha tan-NAFO. Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, dawn iridu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni sal-punt li fih mhumiex diġà previsti mid-dritt tal-Unjoni.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat sabiex jimplimenta dawn il-miżuri l-ġodda tan-NAFO.

(5)Ċerti dispożizzjonijiet tas-CEM x’aktarx jiġu emendati waqt il-Laqgħat Annwali tan-NAFO li ġejjin wara li ddaħħlu miżuri ġodda b’rabta mal-pjanijiet ta’ riċerka fuq is-sajd. Sabiex tali emendi futuri tas-CEM jiġu implimentati malajr fid-dritt tal-Unjoni, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dmirijiet tal-Istat Membru b’rabta mas-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u ta’rekwiżiti marbutin mal-bastimenti biex jwettqu l-attivitajiet ta’ riċerka.

(6)Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 4 . B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ li jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom jenħtieġ li jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(7)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) 2019/833

Ir-Regolament (UE) 2019/833 b’dan huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istat Membru tal-bandiera għandu:

(a) javża lill-Kummissjoni, b’mod elettroniku u fil-format preskritt fl-Anness II.C tas-CEM imsemmi fil-punt 5 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u qabel il-bidu tar-riċerka, bil-bastimenti kollha tar-riċerka intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu li huma awtorizzati biex iwettqu attivitajiet tar-riċerka fiż-Żona Regolatorja;

(b) jipprovdi pjan ta’ riċerka lill-Kummissjoni għall-bastimenti kollha intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu li huma awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ riċerka fiż-Żona Regolatorja, mhux inqas minn 40 jum qabel il-laqgħa tal-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO ta’ Ġunju, fil-każijiet ta’ stħarriġiet u ta’ attivitajiet ta’ riċerka ġodda mhux rikorrenti u fejn il-qabdiet miżmuma abbord matul l-attivitajiet ta’ riċerka jkunu maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni. F’każijiet oħra, il-pjan ta’ riċerka għandu jiġi pprovdut mhux inqas minn 10 ijiem qabel il-bidu tar-riċerka;

(c) jiżgura li l-pjan ta’ riċerka ta’ stħarriġiet imwettaq fiż-Żona Regolatorja li jimmiraw għal stokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(i)    identifikazzjoni tal-bastiment;

(ii)    skop,

(iii)    sommarju ta’ metodi jew proċeduri xjentifiċi,

(iv)    post u dati tal-attività ta’ riċerka,

(v)    isem tal-investigatur prinċipali,

(vi)    jekk il-qabdiet miżmuma abbord humiex se jiġu kkummerċjalizzati,

(vii)    qabda totali stmata tar-riċerka tal-ispeċijiet fil-mira tal-istħarriġ u jekk osservatur b’għarfien espert xjentifiku suffiċjenti hux se jkun abbord,

(viii)    informazzjoni dwar meta r-riżultati tar-riċerka se jiġu ppreżentati lill-Kunsill Xjentifiku    tan-NAFO,

(ix)    fejn rilevanti, kwalunkwe talba għal deroga mid-dispożizzjonijiet f’dan    il-punt, u

(x)    fejn rilevanti, indikazzjoni li l-attività tikkostitwixxi stħarriġ jew riċerka ġdida mhux rikorrenti; u

(d) jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni dwar il-bidu u t-tmiem tal-attivitajiet ta’ riċerka minn bastimenti impjegati temporanjament fir-riċerka, inkluż matul vjaġġi tas-sajd li fihom iseħħu kemm attivitajiet kummerċjali kif ukoll ta’ riċerka.”

(2)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Il-bastimenti involuti fir-riċerka għandhom:

(a)    iżommu abbord kopja tal-pjan ta’ riċerka u kwalunkwe tibdil tiegħu    bil-lingwa Ingliża f’kull ħin, u

(b)    għal stħarriġiet imwettqa fiż-Żona Regolatorja li jimmiraw stokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd, l-istivar tal-qabdiet meħuda f’attivitajiet ta’ riċerka separatament bi xbieki, plywood, kaxex jew mezzi oħra mill-qabdiet l-oħra kollha li jsiru fi vjaġġi tas-sajd li fihom jitwettqu kemm attivitajiet kummerċjali kif ukoll ta’ riċerka, u l-post tal-qabdiet li jsiru f’attivitajiet ta’ riċerka għandhom jiġu indikati fil-pjan tal-istivar.”

(3)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Sakemm ma jkunx appoġġat mod ieħor mill-opinjoni tal-Kunsill Xjentifiku tan-NAFO, il-bastimenti tar-riċerka li jwettqu stħarriġiet imwettqa fiż-Żona Regolatorja li jkollhom fil-mira stokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd u li jżommu abbord qabdiet miksuba matul tali attivitajiet ta’ riċerka bl-iskop li jikkummerċjalizzaw dawn il-qabdiet għandhom:

(a)    jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u rappurtar fil-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament,

(b)    ikollhom osservatur b’għarfien espert suffiċjenti abbord,

(c)    jgħoddu dawn il-qabdiet mal-kwota rilevanti tal-Istat Membru u mal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd    stabbiliti fl-opportunitajiet tas-sajd.”

(4)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew fis-CEM, il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni marbutin mat-teħid tal-ħut fiż-Żona Regolatorja, b’mod partikulari d-daqs tal-malji, il-limiti tad-daqs u ż-żoni u l-istaġuni magħluqin, ma għandhomx jillimitaw lill-bastimenti tar-riċerka.”

(5)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri tal-bandiera f’konformità mal-paragrafu 2 lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO mingħajr dewmien.”

(6)Fl-Artikolu 6, il-paragrafu (1)(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) jagħlaq is-sajd għar-redfish fid-Diviżjoni 3M f’24:00 UTC tal-jum li fih ikun stmat li l-qabda totali rrappurtata tkun laħqet il-100 % tat-TAC għar-redfish fid-Diviżjoni 3M, kif innotifikat f’konformità mal-paragrafu 3;”

(7)Fl-Artikolu 8, jiżdied il-paragrafu (5):

“5. Mal-ewwel dħul tiegħu f’Diviżjoni fi vjaġġ tas-sajd, bastiment jista’ jagħmel tkarkir bi prova wieħed għal massimu ta’ 3 sigħat. Jekk l-istokkijiet soġġetti għal limiti tal-qabdiet aċċessorji jkunu jikkostitwixxu l-ikbar perċentwal, skont il-piż, tal-qabda totali li jkun hemm minn dak il-ġbir, dan is-sajd ma għandux jitqies bħala sajd dirett għal dawk l-istokkijiet, u l-bastiment għandu jibdel il-pożizzjoni tiegħu minnufih f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(b). Il-bastimenti għandhom jidentifikaw kull tkarkir bi prova li jagħmlu f’konformità ma dan il-paragrafu u jirreġistraw il-koordinati tal-pożizzjoni tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull tkarkir bi prova li jkunu għamlu fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd.”

(8)Fl-Artikolu 12, il-paragrafu (9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9. Għandu jkun ipprojbit is-sajd dirett , iż-żamma, it-trażbord, jew il-ħatt l-art tal-kelb il-baħar ta’ Greenland (Somniosus microcephalus) sħiħ jew parti minnu fiż-Żona Regolatorja.”

(9)Fl-Artikolu 44, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) inkluż fil-lista tal-IUU tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku 5 , il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar 6 , il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali 7 , il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku 8 ,il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan 9 , il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran 10 , il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal 11 , il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana 12 , l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk 13 , il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan 14 , l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku 15 , u l-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali 16 .”

(10)Fl-Artikolu 50,fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (m):

“(m) id-dmirijiet tal-Istat Membru tal-bandiera fir-rigward tal-pjanijiet ta’ riċerka tal-Artikolu 4(2).”

(11)Fl-Artikolu 50,fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (n):

“(n) ir-rekwiżiti għal bastimenti impenjati fir-riċerka tal-Artikolu 4(3), (4), u (5).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 32), ir-Regolament (UE) 2022/2037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 275, 25.10.2022 p. 11).
(4)

   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)    Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marini Ħajjin tal-Antartiku mfassla f’Canberra fl-20 ta’ Mejju 1980 u daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1982 (ĠU L 252, 5.9.1981, p. 26).
(6)    Il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar li saret f’Canberra fl-10 ta’ Mejju 1993 u daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 1994 (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 27).
(7)    Il-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika tal-Costa Rika (Konvenzjoni ta’ Antigua) li saret f’Washington fl-14 ta’ Novembru 2003 u daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2010 (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 22).
(8)    Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 u daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Jannar 1997 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 34).
(9)    Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean tal-Indja iffirmat f’Ruma fil-25 ta’ Novembru 1993 u daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu 1996 (ĠU L 236, 5.10.1995, p. 25).
(10)    Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran oriġinarjament ifformulat f’Ruma fl-24 ta’ Settembru 1949 u li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Frar 1952 (ĠU L 190, 4.7.98, p. 37).
(11)    Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, li ġiet iffirmata f’Londra fit-18 ta’ Novembru 1980 u li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1982, li l-Komunità Ewropea ssieħbet fiha fit-13 ta’ Lulju 1981 ( ĠU L 227, 12.8.1981, p. 22 ).
(12)    Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fit-Tramuntana tal-Oċean Paċifiku li saret f’Tokyo fl-24 ta’ Frar 2012 u daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2015 (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 14).
(13)    Il-Konvenzjoni tal-Ħarsien u l-Amministrazzjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku li saret f’Windhoek, in-Namibja, l-20 ta’ April 2001 u daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ April 2003 (ĠU L 234, 31.8.2002, p. 40).
(14)    Il-Ftehim dwar is-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (SIOFA) iffirmat f’Ruma fis-7 ta’ Lulju 2016 u daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 196, 18.7.2006, p. 5 u ĠU L 76, M, 16.3.2007, p. 78).
(15)    Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku li saret f’Auckland fl-14 ta’ Novembru 2009 u daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Awwissu 2012 (ĠU L 67, 6.3.2012, p. 1).
(16)    Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent li saret f’Honolulu fil-5 ta’ Settembru 2000 u daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ġunju 2004 (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).