Brussell, 3.3.2023

COM(2023) 107 final

2023/0054(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, 1 (“il-Ftehim”) b’rabta mal-adozzjoni prevista minnu ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment tas-Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni tal-partijiet, li jimpenjaw ruħhom li jorganizzaw djalogi komprensivi, u li jippromwovu aktar kooperazzjoni bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess reċiproku. Il-Ftehim ġie ffirmat fil-11 ta' Mejju 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2018.

2.2.Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni

L-Artikolu 111(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kunsill ta’ Kooperazzjoni, li jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Ftehim, u li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Jeżamina kull kwistjoni maġġuri li tinħoloq ġewwa l-qafas tal-Ftehim u kull kwistjoni oħra bilaterali jew internazzjonali ta' interess ta' bejn xulxin bil-għan li jinkisbu l-għanijiet immedjati ta' dan il-Ftehim. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa, bi qbil reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet.

Skont l-Artikolu 112(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew korpi li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn is-sottokumitati jew il-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw. Kemm l-UE kif ukoll l-Iraq esprimew interess fit-twaqqif ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni

Matul it-tielet sessjoni tiegħu, jew, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel jew wara f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, 2 il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta deċiżjoni rigward l-istabbiliment ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, inkluża l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu (“l-att previst”), f’konformità mal-Artikolu 112(2) tal-Ftehim.

L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp sabiex jassisti lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fit-twettiq ta’ dmirijietu.

F’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi qbil komuni tal-Partijiet indikati fil-Ftehim innifsu. Il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim biex jiġi stabbilit Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u biex jiġu adottati t-termini ta’ referenza tiegħu. Kemm l-UE kif ukoll l-Iraq esprimew interess fit-twaqqif ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija bbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni kif stabbilit fl-Anness mehmuż ma’ din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ attwali

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra ffirmat fl-11 ta’ Mejju 2012, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2018.

L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, huma parti għall-Ftehim.

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, meħuda skont l-Artikolu 112(2) tal-Ftehim u bi qbil komuni tal-Partijiet skont l-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, se tippermetti l-ħolqien ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ attwali

L-objettiv ewlieni tal-att previst huwa relatat mal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-Iraq.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 209 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 209 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0054 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/1107 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2018.

(2)Skont l-Artikolu 111(1) tal-Ftehim, jiġi stabbilit Kunsill ta’ Kooperazzjoni li se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 112(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati jew korpi li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn il-kumitati jew il-korpi u kif għandhom jiffunzjonaw.

(3)L-Unjoni u l-Iraq it-tnejn esprimew interess fit-twaqqif ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp sabiex jiġi ffaċilitat djalogu dedikat dwar l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni u l-Iraq u tiġi promossa l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni fl-Iraq.

(4)Matul it-tielet sessjoni tiegħu, jew, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel jew wara f’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, 5 il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u dwar l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu.

(5)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, jew, jekk xieraq, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel jew wara, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni kif jinsab fl-Anness mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni — l-istabbiliment ta’ sottokumitati speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tagħhom.

2. Bidliet tekniċi żgħar fil-formulazzjoni tal-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1107 tal-20 ta' Lulju 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, ĠU L 203, 10.8.2018, p. 1.
(2)     Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq tat- 8 ta’ Ottubru 2013 li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, ĠU L 352, 24.12.2013, p. 68.
(3)     Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, Il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti minn 61 sa 64.
(4)     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1107 tal-20 ta' Lulju 2018 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, ĠU L 203, 10.8.2018, p. 1.
(5)     Id-Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq tat- 8 ta’ Ottubru 2013 li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, ĠU L 352, 24.12.2013, p. 68.

Brussell, 3.3.2023

COM(2023) 107 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp







ANNESS

Deċiżjoni Nru 3/2022 tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Iraq dwar l-istabbiliment ta’ Sottokumitat speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu

IL-KUNSILL TAL-KOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, fuq in-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 112 tiegħu,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, fuq in-naħa l-oħra, (minn hawn 'l hemm imsejjaħ “il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-11 ta’ Mejju 2012 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2018.

(2)L-Artikolu 112 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jiġi assistit fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta’ Kooperazzjoni u li jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp speċjalizzat ieħor li jista’ jassistih fit-twettiq ta’ dmirijietu, u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ tali sottokumitati jew korpi u kif jiffunzjonaw.

(3)F’konformità mal-Artikolu 10(1) tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Koperazzjoni, il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(4)L-istabbiliment ta’ Sottokumitat ġdid speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jiffaċilita djalogu dedikat dwar l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Iraq u jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fl-Iraq.

(5)Sabiex dan is-sottokumitat isir operattiv fil-ħin, jeħtieġ li din id-deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp huwa b’dan stabbilit.

It-termini ta’ referenza tiegħu kif stabbiliti fl-Anness I huma b’dan adottati.

Magħmul fi […],

   Għall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq

   Il-Presidenza



ANNESS I

Termini ta’ referenza tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, taħt il-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

Artikolu 1

Fil-laqgħat tiegħu, is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jista’ jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni fi kwalunkwe wieħed mill-oqsma jew fl-oqsma kollha li jkopri relatati mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jista’ jiddiskuti wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi relatati mal-oqsma rilevanti ta’ kooperazzjoni bilaterali.

Artikolu 2

Is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Huwa għandu jirrapporta u jibgħat il-konklużjonijiet tiegħu lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni wara kull laqgħa.

Artikolu 3

Is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

Bil-qbil tal-Partijiet, is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jista’ jistieden esperti għal-laqgħat tiegħu, u jista’ jismagħhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda tal-laqgħat tiegħu kif xieraq.

Artikolu 4

Is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jkun ippresedut mill-Partijiet b’mod alternat, skont ir-regoli dwar il-presidenza supplenti tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u minn rappreżentant tal-Iraq, min-naħa l-oħra.

Artikolu 5

Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Iraq għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji permanenti għas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Il-komunikazzjonijiet kollha li jikkonċernaw is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandhom jintbagħtu liż-żewġ segretarji permanenti.

Artikolu 6

Is-sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jiltaqa’ kull meta jiddettaw iċ-ċirkostanzi wara ftehim tal-Partijiet, abbażi ta' talba bil-miktub minn waħda mill-Partijiet, u tal-anqas darba fis-sena. Kull laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandha ssir f’post determinat mill-Partijiet u fi żmien miftiehem minnhom.

Malli jirċievi talba minn waħda mill-Partijiet għal laqgħa, is-Segretarju Permanenti tal-Parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.

F’każ ta’ urġenza partikolari, il-laqgħat tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jistgħu jissejħu b’avviż iqsar, soġġett għall-qbil tal-Partijiet.

Qabel kull laqgħa, il-president tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tal-Partijiet.

Il-laqgħat tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandhom jissejħu b’mod konġunt miż-żewġ segretarji permanenti, li jaġixxu bi qbil mas-segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

Artikolu 7

Il-punti għall-inklużjoni fl-aġenda għandhom jitressqu quddiem is-segretarji permanenti mill-inqas 15-il jum ta’ xogħol qabel il-laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Kwalunkwe dokumentazzjoni anċillari għandha tkun ipprovduta lis-Segretarji Permanenti mill-inqas għaxart (10) ijiem tax-xogħol bil-quddiem.

Abbażi ta’ dawn il-punti, għandha titfassal u tintbagħat aġenda proviżorja, bid-dokumentazzjoni ta’ sostenn disponibbli, lis-segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, bi qbil bil-miktub taż-żewġ Segretarji Permanenti, jistgħu jiġu miżjuda punti f’limiti iqsar ta’ żmien.

Artikolu 8

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 9

Il-minuti għandhom jittieħdu għal kull laqgħa tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Kopja tal-minuti u tal-konklużjonijiet ta’ kull laqgħa għandhom jiġu trażmessi lis-Segretarji tal-Kumitat tal-Koperazzjoni.