Brussell, 20.2.2023

COM(2023) 89 final

2023/0040(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 2 , attwalment l-Italja hija awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT biex teżenta mill-VAT lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 65 000, sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2022, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex iżżid il-livell limitu tal-miżura eżistenti msemmija hawn fuq, minn EUR 65 000 għal EUR 85 000, mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja permezz ta’ ittra bid-data tat-8 ta’ Diċembru 2022. Permezz ta’ ittra bid-data tad-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li tinkludi l-possibbiltà li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat tagħhom ikun inqas minn ċertu fatturat annwali. Il-persuni taxxabbli li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni ma għandhomx għalfejn jimponu l-VAT fuq il-provvisti tagħhom u b’hekk ma jistgħux inaqqsu l-VAT fuq l-inputs tagħhom.

Il-possibbiltà li jiġu applikati regoli speċjali tal-VAT fosthom eżenzjonijiet jew ħelsien mit-taxxa gradwat għall-impriżi ż-żgħar, ġiet introdotta għall-ewwel darba bl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE 3 . Skont l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE 4 , li issa tfassal mill-ġdid bħala l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li ma użawx l-għażla prevista f’dik id-dispożizzjoni, wara setgħu jeżentaw mill-VAT biss lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000 jew l-ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

L-Italja qatt ma għamlet użu mill-għażla prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE. Fl-2007, talbet awtorizzazzjoni biex tidderoga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285, billi teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 30 000. Dik it-talba nibtet mill-istruttura ekonomika Taljana, li fil-biċċa l-kbira hija magħmula minn intrapriżi mikro li jkollhom għadd żgħir ħafna ta’ impjegati, u mix-xewqa tal-Italja li tissimplifika l-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar u li tiffaċilita l-ġbir tal-VAT għall-awtorità tat-taxxa nazzjonali. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2010, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE 5 . Il-miżura kellha karattru fakultattiv, li tippermetti lin-negozji ż-żgħar jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

Sussegwentement, l-Italja ġiet awtorizzata testendi d-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE 6 , imbagħad sal-31 ta’ Diċembru 2016, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE 7 , li żiedet ukoll il-limitu massimu ta’ eżenzjoni minn EUR 30 000 għal EUR 65 000, u wara dan sal-31 ta’ Diċembru 2019, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 8 . Fl-aħħar, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647, l-Italja ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Il-limitu ogħla mitlub mill-Italja jista’ jitqies bħala miżura li se tkompli tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità fuq in-negozji eliġibbli għall-eżenzjoni, b’mod partikolari fuq il-mikrointrapriżi, billi teħlishom mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma ta’ rekords tal-VAT jew il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

L-applikazzjoni tal-miżura speċjali se tippermetti lill-Italja tiffoka l-attivitajiet ta’ kontroll tagħha fuq persuni taxxabbli akbar u talloka aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u t-tisħiħ tal-infurzar tas-sistema attwali tal-VAT. Barra minn hekk, l-Italja tiddikjara li l-miżura speċjali tikkostitwixxi inċentiv sinifikanti għan-negozji li jkunu qed jinbdew u l-konsolidazzjoni tal-attività ekonomika tagħhom.

Il-miżura speċjali, li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-għanijiet stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

Il-miżura speċjali hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.

L-Italja rrappurtat li l-għadd ta’ intrapriżi eżistenti fl-Italja skont id-dikjarazzjonijiet ippreżentati fl-2020 għas-sena fiskali 2019 huwa ta’ 5,580,863. L-Italja ddikjarat li 63,441 biss minn 229,563 persuna taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa bejn EUR 65,001 u EUR 85,000 se jkunu jistgħu jissieħbu fl-iskema abbażi tal-kundizzjonijiet legali applikabbli. B’hekk il-miżura taffettwa ftit aktar minn 1,1 % tal-għadd totali ta’ intrapriżi.

Skont l-istimi pprovduti mill-Italja, l-introduzzjoni tal-miżura speċjali se twassal għal tnaqqis fil-ġbir tad-dħul mill-VAT ta’ madwar 0,06 % u għalhekk ma tkunx taffettwa b’mod sinifikanti l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jixraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżura ta’ deroga hija bi qbil mal-filosofija tad-Direttiva (UE) 2020/285 9 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar , li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT 10 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u ssimplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell domestiku kif ukoll fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu, u tiffaċilita l-konformità tan-negozju u l-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 85 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għall-eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands 11 u l-Belġju 12 ngħataw livell limitu ta’ EUT 25 000; il-Lussemburgu 13 ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja 14 , il-Latvja 15 u l-Estonja 16 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; l-Ungerija 17 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; il-Litwanja 18 ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja 19 ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; Malta 20 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; is-Slovenja 21 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; iċ-Ċekja 22 ngħatat livell limitu ta’ EUR 85 000; u r-Rumanija 23 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub mill-Italja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285. Din id-direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-Kummissjoni ilha tenfasizza b’mod konsistenti l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali 24 , li fiha mpenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż minn fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru 25 , li jirrikonoxxi li l-kostijiet tal-konformità fiskali għadhom għoljin fl-UE, u li tipikament, il-kostijiet tal-konformità ikunu sostanzjalment ogħla għall-kumpaniji ż-żgħar milli hi għall-kbar.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru li talabha u ma tikkostitwixxi ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli ż-żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATTI

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mill-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Valutazzjoni tal-impatti

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 65 000 għal EUR 85 000. Din iż-żieda fil-livell limitu hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 85 000. Għalhekk se jkollha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u minħabba li l-applikazzjoni tagħha hija limitata fiż-żmien, l-impatt tal-miżura se jkun limitat fi kwalunkwe każ.

Attwalment, abbażi tad-data disponibbli mill-2020, iż-żieda fil-livell limitu għal EUR 85 000 se tkun ta’ benefiċċju għal madwar 63 441 impriża addizzjonali, u dan se jwassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT ta’ madwar 0,06 %.

Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT għall-2023 huwa stmat mill-Italja li se jkun madwar EUR 80,8 miljun (0,06 % tad-dħul globali mill-VAT), u jista’ jitqies li hu negliġibbli.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud 26 , mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Italja mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

2023/0040 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647

 

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 27 , u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 28 , l-Italja kienet awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lill-persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 65 000, sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2022, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024 tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000 (“il-miżura speċjali”).

(3)Permezz ta’ ittra bid-data tat-8 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tal-Italja lill-Istati Membri l-oħra, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz ta’ ittra bid-data tad-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.

(4)Il-miżura speċjali hija konformi mal-emendi għad-Direttiva 2006/112/KE li saru permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 29 , li l-għan tagħhom huwa li jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar u jimmitigaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern.

(5)Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(6)Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, l-effett tal-miżura speċjali se jkun negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Italja li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.

(7)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 30 , ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Italja fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji bbażata fuq il-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

(8)Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u billi l-impatt fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT huwa negliġibbli, jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali.

(9)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti li l-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(12) ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk jixraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(10)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647 titħassar,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 14.5.2020, p. 7).
(3)    It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303).
(4)    Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta’ Settembru 2008 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 249, 18.09.2008, p. 13).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/688/UE tal-15 ta’ Ottubru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 35).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p. 11).
(9)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(10)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016) 148 final.
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).
(12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/88 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Renju tal-Belġju biex japplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 14, 21.1.2022, p. 23)
(13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1780 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 122).
(15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1261 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 4).
(16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/358 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 69, 26.2.2021, p. 4).    
(17)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/73 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni lill-Ungerija biex tapplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 12, 19.1.2022, p. 148).
(18)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/86 tat-22 ta’ Jannar 2021 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 30, 28.1.2021, p. 2).
(19)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1661 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 374, 10.11.2020, p. 4).
(20)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/753 tas-6 ta’ Mejju 2021 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 (ĠU L 163, 10.5.2021, p. 1)
(21)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/464 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 94, 23.3.2022, p. 4).    
(22)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/865 tal-24 ta’ Mejju 2022 li tawtorizza lir-Repubblika Ċeka biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 2.6.2022, p. 66).
(23)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 1).
(24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali (COM(2020) 103 final).    
(25)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru (COM(2020) 312 final).    
(26)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).    
(27)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(28)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 14.5.2020, p. 7).
(29)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(30)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).