Brussell, 10.2.2023

COM(2023) 70 final

2023/0032(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 93 għall-Anness 10, Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, il-Volum I – Għajnuniet għan-Navigazzjoni bir-Radju tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna:

(i) il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għall-adozzjoni prevista tal-Emenda 93 għall-Anness 10 — Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, il-Volum I — Għajnuniet għan-Navigazzjoni bir-Radju, u

(ii) il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni wara li l-ICAO tħabbar l-adozzjoni tal-Emenda 93 għall-Anness 10 — Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, il-Volum I — Għajnuniet għan-Navigazzjoni bir-Radju tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali f’Ittri rispettivi lill-Istati, li jistiednu lill-Istati kontraenti tagħha biex jinnotifikaw id-diżapprovazzjoni tagħhom, jinnotifikaw xi differenzi jew il-konformità mal-miżuri adottati.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Il-Konvenzjoni ta’ Chicago daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO bi sħubija ta’ 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Tul il-perjodu 2022-2025, hemm sitt Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u prattiki rakkomandati (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull wieħed minn dawn l-Annessi jew kull emenda f’xi Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem ta’ dak il-perjodu itwal ta’ żmien li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.

Wara l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, l-Istati tal-ICAO jeħtieġ jikkonformaw ma’ dawk il-miżuri, jew jinnotifikaw id-diżapprovazzjoni tagħhom jew xi differenzi minn dawn il-miżuri qabel ma jidħlu fis-seħħ u jsiru legalment vinkolanti.

Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jqis li mhux prattiku għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jikkonforma għalkollox r-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

2.3.L-atti previsti tal-ICAO u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

Fil-228 sessjoni tiegħu jew f’xi sessjoni konsegwenti, il-Kunsill tal-ICAO mistenni jadotta:

-    L-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I b’rabta ma’

a) l-appoġġ biex tiddaħħal sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS) tal-kostellazzjonijiet multipli b’żewġ frekwenzi (DFMC) billi jiżdiedu dispożizzjonijiet għal frekwenzi operattivi addizzjonali għas-sistema tal-pożizzjonament globali (GPS), is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GLONASS) u s-sistema tal-awmentazzjoni bis-satellita (SBAS), u billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet għas-Sistema l-ġdida tan-Navigazzjoni bis-Satellita BeiDou (BDS) u għas-sistema Galileo;

u

b) l-appoġġ biex jittaffa l-gradjent jonosferiku għas-sistema tal-awmentazzjoni bbażata fuq l-art (GBAS), li joħroġ mis-sitt laqgħa tal-Panel tas-Sistemi tan-Navigazzjoni (NSP/6).

L-atti previsti għandhom l-għanijiet li ġejjin:

Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I b’rabta mal-appoġġ biex tiddaħħal sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS) tal-kostellazzjonijiet multipli b’żewġ frekwenzi (DFMC) billi jiżdiedu dispożizzjonijiet għal frekwenzi operattivi addizzjonali għas-sistema tal-pożizzjonament globali (GPS), is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GLONASS) u s-sistema tal-awmentazzjoni bis-satellita (SBAS), u billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet għas-Sistema l-ġdida tan-Navigazzjoni bis-Satellita BeiDou (BDS) u għas-sistema Galileo

L-emenda b’rabta mal-GNSS tad-DFMC hija maħsuba biex tirrifletti l-evoluzzjoni kontinwa tal-infrastruttura dinjija tal-GNSS u tiffaċilita t-twettiq tagħha mill-avjazzjoni ċivili internazzjonali. Bħala parti mill-evoluzzjoni, diversi kostellazzjonijiet tal-GNSS li joffru sinjali bi frekwenza doppja qed jidħlu fis-servizz mill-Istati Uniti (il-modernizzazzjoni tal-GPS), mill-Federazzjoni Russa (il-modernizzazzjoni ta’ GLONASS), mill-Unjoni Ewropea (il-kostellazzjoni Galileo) u miċ-Ċina (il-kostellazzjoni tas-Sistema tan-Navigazzjoni bis-Satellita BeiDou (BDS)). Għadd ta’ Stati u reġjuni qed jippjanaw ukoll li jużaw sistemi tal-awmentazzjoni bis-satellita (SBASs) tad-DFMC. Il-GNSS tad-DFMC toffri opportunità biex tibqgħu jittejbu r-robustezza, il-prestazzjoni tan-navigazzjoni u l-benefiċċji operazzjonali tal-GNSS. L-użu tal-frekwenzi doppji se jgħin biex jittaffew il-vulnerabbiltajiet b’rabta mad-disturb jonosferiku u l-interferenza tal-frekwenza tar-radju. Id-disponibbiltà ta’ kostellazzjonijiet multipli se tgħin biex jittaffew ix-xintillazzjoni jonosferika u r-riskju li ma jkunx hemm biżżejjed satelliti f’kostellazzjoni waħda. Dan l-avvanz tekniku se jipprovdi bosta benefiċċji operattivi mil-lat ta’ sikurezza u effiċjenza, fosthom affidabbiltà operattiva aħjar għall-applikazzjonijiet tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza (CNS), jiżdied l-użu tal-operazzjonijiet tal-avviċinament bl-istrumenti 3D madwar id-dinja bi qbil mal-miri dinjin tan-Navigazzjoni Bbażata fuq il-Prestazzjoni (PBN), jibdew jitħaddmu kunċetti u applikazzjonijiet operattivi innovattivi, u tissokta r-razzjonalizzazzjoni kontinwa tal-għajnuniet għan-navigazzjoni konvenzjonali.

L-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I b’rabta mal-appoġġ biex jittaffa l-gradjent jonosferiku għas-sistema tal-awmentazzjoni bbażata fuq l-art (GBAS)

Din l-emenda hija maħsuba biex l-ajruporti jkunu jistgħu jottimizzaw il-kopertura tal-volum tas-servizz GBAS tagħhom diment li d-disponibbiltà tas-servizz GBAS tibqa’ aċċettabbli. Dan hu partikolarment meħtieġ fil-każ ta’ ajruport kbir jew stazzjon wieħed fuq l-art tal-GBAS li jappoġġa bosta runways, għax is-SARPS attwali jillimitaw impliċitament id-distanza massima permessa bejn l-istazzjon fuq l-art u l-limitu/i tar-runways.

L-Emenda hija prevista li tibda tapplika mit-2 ta’ Novembru 2023.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.L-Emendi proposti u r-relazzjoni tagħhom mar-regoli eżistenti tal-Unjoni

Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I b’rabta mal-appoġġ biex tiddaħħal sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS) tal-kostellazzjonijiet multipli b’żewġ frekwenzi (DFMC) billi jiżdiedu dispożizzjonijiet għal frekwenzi operattivi addizzjonali għas-sistema tal-pożizzjonament globali (GPS), is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GLONASS) u s-sistema tal-awmentazzjoni bis-satellita (SBAS), u billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet għas-Sistema l-ġdida tan-Navigazzjoni bis-Satellita BeiDou (BDS) u għas-sistema Galileo

Din l-emenda għall-Anness 10 tal-ICAO, il-Volum I, għandha effett fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tan-navigazzjoni bl-ajru, u funzjonijiet oħra tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom. Fil-punt CNS.TR.100 (a) tal-Anness VIII (Parti-CNS) tar-Regolament (UE) 2017/373, ir-referenza għandha tiġi emendata għall-aħħar emenda tal-Volum I.

Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I b’rabta mal-appoġġ biex jittaffa l-gradjent jonosferiku għas-sistema tal-awmentazzjoni bbażata fuq l-art (GBAS)

Din l-emenda għall-Anness 10 tal-ICAO, il-Volum I, għandha effett ukoll fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tan-navigazzjoni bl-ajru, u funzjonijiet oħra tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom. Fil-punt CNS.TR.100 (a) tal-Anness VIII (Parti-CNS) tar-Regolament (UE) 2017/373, ir-referenza għandha tiġi emendata għall-aħħar emenda tal-Volum I.

3.2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju armonizzat fil-livell internazzjonali.

Barra minn hekk, bl-adozzjoni ta’ dawk l-istandards se jkunu jistgħu jintużaw ajrunawtikament il-programmi ewlenin tal-GNSS tal-UE bħal Galileo, u l-modernizzazzjoni kontinwa tas-Sistema Ewropea tan-Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) biex tappoġġa l-applikazzjonijiet f’kull fażi tat-titjir, bħan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, kif previst fil-Pjan Regolatorju tal-ATM. B’hekk, se tiżdied ukoll ir-robustezza tal-GNSS mill-interferenzi f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-41 Assemblea tal-ICAO.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, tal-Kummissjoni Ewropea, u tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fil-Bord tas-Sistemi tan-Navigazzjoni, bl-appoġġ tal-esperti ta’ EUROCONTROL, għenu biex tissawwar il-proposta dwar l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I.

Il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun mbagħad li din l-Emenda tiġi appoġġata.

Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, jekk il-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emendi proposti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago mingħajr bidla sostanzjali, għandha tkun li ma tiġix notifikata diżapprovazzjoni u li jkun hemm il-konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva lill-Istati tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-Istandards tal-ICAO li jkun għadhom kif ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Istandards (it-2 ta’ Novembru 2023), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta mad-differenzi minn dawk l-Istandards partikolari, abbażi tad-dokument preparatorju sottomess fiż-żmien preskritt mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati għaż-żmien meħtieġ biex titlesta l-implimentazzjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew parti għall-ftehim 1 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tal-liġijiet internazzjonali li jirregolaw lill-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont il-liġijiet internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-korp leġiżlattiv tal-Unjoni. 2

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-ICAO hu korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”).

F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali, iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn huma atti li għandhom effetti legali. Fil-fatt, ladarba jiġu adottati u jsiru effettivi, l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati adottati mill-ICAO huma vinkolanti għall-Istati Kontraenti kollha tal-ICAO. Ċerti effetti legali ta’ dawn l-atti jistgħu jiddependu fuq in-notifiki tad-diżapprovazzjoni u tad-differenzi, u fuq it-termini ta’ dawk in-notifiki.

Barra minn hekk, sa fejn ikun possibbli, dawn l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati huma riflessi fil-liġijiet tal-Unjoni, u għalhekk jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas ma jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għall-pożizzjoni tad-Deċiżjoni proposta fir-rigward ta’ dawk in-notifiki hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru għandha tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att adottat huma relatati mal-politika komuni tat-trasport.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0032 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-Emenda 93 għall-Anness 10, Telekomunikazzjoni Ajrunawtika, il-Volum I – Għajnuniet għan-Navigazzjoni bir-Radju tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din il-Konvenzjoni stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)L-Istati Membri huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Hemm sitt Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jiddeżinjahom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4)Il-Kunsill tal-ICAO, fil-228 sessjoni tiegħu, se jadotta l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

(5)L-għan ewlieni tal-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago hu l-appoġġ biex tiddaħħal sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS) tal-kostellazzjonijiet multipli b’żewġ frekwenzi (DFMC) billi jiżdiedu dispożizzjonijiet għal frekwenzi operattivi addizzjonali għas-sistema tal-pożizzjonament globali (GPS), is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GLONASS) u s-sistema tal-awmentazzjoni bis-satellita (SBAS), u billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet għas-Sistema l-ġdida tan-Navigazzjoni bis-Satellita BeiDou (BDS) u għas-sistema Galileo. Din tgħin ukoll biex jittaffa l-gradjent jonosferiku għas-sistema tal-awmentazzjoni bbażata fuq l-art (GBAS).

(6)Jixraq tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO, billi li l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali se tkun vinkolanti skont il-liġi internazzjonali u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 3 .

(7)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew f’xi sessjoni konsegwenti b’rabta mal-adozzjoni tal-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago prevista, kif deskritt fl-Ittra lill-Istat 2021/41, jenħtieġ li tkun li tappoġġa u tikkonforma ma’ dawn l-Emendi fl-intier tagħhom. Din il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

(8)Ladarba tiġi adottata u ssir effettiva, l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago se tkun vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tal-ICAO, inkluż l-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

(9)Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat li jqis li mhux prattiku għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jikkonforma għalkollox r-regolamenti jew il-prattiki tiegħu ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali.

(10)Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull wieħed minn dawn l-Annessi jew kull emenda f’xi Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati Kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem ta’ dak il-perjodu itwal ta’ żmien li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.

(11)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mill-Kunsill tal-ICAO, li jrid iħabbar is-Segretarju Ġenerali tal-ICAO bil-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, jenħtieġ li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u tikkonforma mal-Emendi. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li differenza minn dawk is-SARPs partikolari tiġi nnotifikata lill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni b’rabta ma’ differenza bħal dik jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni.

(12)Din il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew f’xi sessjoni konsegwenti għandha tkun li tiġi li tappoġġa l-Emenda 93 għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali proposta fl-intier tagħha.

(2)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, jekk il-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda 93 proposta għall-Anness 10, il-Volum I tal-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tiġix notifikata diżapprovazzjoni u li jkun hemm il-konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li differenza minn dawk is-SARPs partikolari tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien preskritt u mill-inqas xahrejn qabel xi skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tissottometti dokument preparatorju lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li jkunu se jiġu notifikati lill-ICAO f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(2)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 ( ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1 )