25.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/6


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.11180 – PRADA / ZEGNA / FEDELI)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 262/06)

1.   

Fit-13 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Prada S.p.A. (“Prada”, l-Italja), indirettament ikkontrollata minn Miuccia Bianchi Prada,

Ermenegildo Zegna N.V. (“Zegna”, in-Netherlands), ikkontrollata minn Monterubello s.s. (l-Italja),

Luigi Fedeli e Figlio S.r.l. (“Fedeli”, l-Italja), ikkontrollata minn Luigi Fedeli.

Prada u Zenga se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Fedeli (2).

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

Prada hija attiva fis-settur tal-lussu, fid-disinn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti tal-ġilda ta’ kwalità għolja, basktijiet, żraben, aċċessorji tal-moda u ġojjelli. Hija topera wkoll ftehimiet ta’ liċenzjar fis-setturi tax-xedd tal-għajnejn u tal-fwejjaħ. Prada hija attiva wkoll fis-settur tal-ikel u x-xorb,

Zegna hija attiva fid-disinn, fil-ħolqien u fid-distribuzzjoni ta’ malji u aċċessorji lussużi bil-marka tad-ditta Zegna, kif ukoll ta’ ħwejjeġ tan-nisa, ħwejjeġ tal-irġiel, u aċċessorji bil-marki tad-ditta Thom Browne u Tom Ford. Zegna timmanifattura u tiddistribwixxi wkoll drappijiet u tessuti,

Fedeli hija negozju ta’ familja Taljana mwaqqaf fl-1934 f’Monza, attiva fl-industrija tat-tessuti ta’ livell għoli, u tispeċjalizza fil-produzzjoni tal-każimir u tessuti għall-ġersijiet.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (3) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.11180 – PRADA / ZEGNA / FEDELI

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz ta’ email jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Indirizz Postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  Fedeli se tkun ikkontrollata bi sħab minn Prada, Zegna u Fedeli. Luigi Fedeli ma jikkontrollax impriżi oħra, u lanqas ma jwettaq aktar attivitajiet ekonomiċi f’ismu stess, u għalhekk mhuwiex meqjus bħala impriża kkonċernata skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(3)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.