28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/52


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.11053 — GROUP CREDIT AGRICOLE / MICHELIN / WATEA)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 72/11)

1.   

Fil-21 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Crédit Agricole Leasing & Factoring (“CAL&F”, Franza), ikkontrollata mill-Grupp Crédit Agricole (“GCA”, Franza),

Compagnie Financière Michelin (“CFM”, Franza), ikkontrollata mill-Compagnie Générale des Estabilsements Michelin (“Michelin”, Franza),

Watèa (Franza), ikkontrollata minn Michelin.

GCA, permezz ta’ CAL&F, u Michelin, permezz ta’ CFM, se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Watèa.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

GCA huwa grupp reċiproku li joffri firxa wiesgħa ta’ servizzi bankarji u relatati mal-assikurazzjoni globalment u joffri wkoll soluzzjonijiet ta’ finanzjament għall-kiri permezz tas-sussidjarja tiegħu CAL&F attiva fi Franza, il-Belġju, in-Netherlands, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Italja, il-Marokk, Spanja u l-Portugall,

Michelin timmanifattura u tiddistribwixxi tyres għall-industriji tal-karozzi u industriji oħra globalment,

Watèa hija kumpanija maħluqa minn Michelin fl-2021 li toffri servizzi ta’ kiri tal-flotta u ta’ ġestjoni tal-flotta fi Franza bil-għan li tappoġġa gruppi kbar u SMEs fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-flotot tal-vetturi kummerċjali tagħhom lejn mobilità aktar ekoloġika.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.11053 — GROUP CREDIT AGRICOLE / MICHELIN / WATEA

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.