Brussell, 13.11.2023

JOIN(2023) 37 final

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0 minn Novembru 2022 sa Ottubru 2023


RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0 minn Novembru 2022 sa Ottubru 2023

I – Introduzzjoni

1.Il-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża 1 ta’ Marzu 2022 ikkonfermat li t-tisħiħ sostanzjali tal-mobbiltà militari huwa vitali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea, b’mod partikolari fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dan jippermetti lill-forzi tal-Istati Membri tal-UE jirrispondu malajr u fuq l-iskala meħtieġa għall-kriżijiet li jinqalgħu fil-fruntieri esterni tal-UE u lil hinn minnhom, inkluż billi jċaqilqu l-materjal militari kemm jista’ jkun malajr u mingħajr xkiel. F’konformità mal-Boxxla Strateġika, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari 2.0 2 jipprovdi qafas komprensiv biex jiġi żviluppat network ta’ mobbiltà militari konness sew, b’ħinijiet iqsar ta’ reazzjoni u b’infrastruttura u kapaċitajiet tat-trasport li jkunu kapaċi, siguri, sostenibbli u reżiljenti.

2.Dan l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari 2.0 jirrifletti l-ħidma kontinwa tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji differenti tal-Unjoni biex jimplimentaw l-azzjonijiet identifikati fl-oqsma prijoritarji ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni. Dan jinkludi wkoll, fejn meħtieġ, il-progress li sar fl-oqsma differenti mill-aħħar rapport ta’ progress tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobbiltà Militari tal-2018, li ġie ppreżentat f’Settembru 2021 3 .

3.Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprovdi approċċ strateġiku li għandu l-għan li jinvolvi b’mod effettiv firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż fl-Istati Membri. B’hekk jiffaċilita l-koerenza u r-rabtiet bejn l-attivitajiet tal-Istati Membri – inkluż permezz tal-proġetti PESCO rilevanti differenti, b’mod partikolari dwar il-Mobbiltà Militari u ċ-Ċentri Loġistiċi 4 – u l-fergħat ta’ ħidma fil-livell tal-UE fil-firxa sħiħa ta’ suġġetti. Kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni, l-ewwel “avveniment annwali” dwar il-mobbiltà militari sar f’Ġunju 2023, taħt il-patroċinju tal-Presidenza Żvediża tal-Kunsill, li laqqa’ flimkien esperti mill-istituzzjonijiet tal-UE, proġetti PESCO u sħab rilevanti bħan-NATO.

II – IL-KURITURI MULTIMODALI U Ċ-ĊENTRI LOĠISTIĊI

A.Finanzjament ta’ infrastruttura tat-trasport ta’ użu doppju

4.Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 fih baġit ta’ EUR 1,69 biljun għall-kofinanzjament tal-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. F’Settembru 2021, il-Kummissjoni nediet l-ewwel sejħa għal proposti ta’ proġetti. Inizjalment, kien ippjanat li l-Kummissjoni tniedi sejħiet annwali għal proposti ta’ proġetti b’baġits indikattivi ta’ EUR 330 miljun 5 .

5.Wara l-aggressjoni mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni saħħet b’mod sinifikanti l-appoġġ tagħha għall-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju għall-mobbiltà militari u aċċellerat l-evalwazzjoni tal-proposti u antiċipat il-baġit disponibbli.

 

6.F’Mejju 2022, il-Kummissjoni għamlet għotjiet lil 22 proġett għal total ta’ EUR 339 miljun ta’ kofinanzjament tal-UE fi 15-il Stat Membru fil-modi kollha tat-trasport 6 .

7.Il-Kummissjoni avvanzat mat-tieni sejħa għall-proposti u nedietha mill-ġdid f’Mejju 2022 b’baġit indikattiv ta’ EUR 330 miljun. L-Istati Membri wieġbu għas-sejħa b’żieda fl-imgħax u l-ammont mitlub għall-kofinanzjament tal-UE b’total ta’ EUR 1,39 biljun, li kien erba’ darbiet aktar mill-baġit allokat. Minħabba l-kwalità għolja tal-proġetti u l-urġenza li jkun hemm rispons għall-ambjent ġeopolitiku l-ġdid, il-Kummissjoni għażlet 35 proġett għal total ta’ EUR 616 miljun f’kofinanzjament tal-UE 7 f’Novembru 2022.

8.B’hekk, b’kollox hemm 57 proġett li għaddejjin fi 18-il Stat Membru għal kofinanzjament mill-UE ta’ EUR 944 miljun. 35 % ta’ dak l-ammont huwa allokat għall-ferroviji, 28 % għat-toroq, 21 % għall-ajruporti u 16 % għall-proġett tal-infrastruttura marittima. L-aktar tipi komuni ta’ proġetti kkofinanzjati jinkludu titjib fil-kapaċità ferrovjarja (l-aktar biex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ta’ ferroviji ta’ 740 m); titjib fl-awtostradi (speċjalment vijadotti u pontijiet tat-toroq) u fil-kapaċità tal-ajruporti; żieda fil-kapaċitajiet ta’ ġestjoni multimodali kif ukoll titjib tal-kapaċità u tal-konnettività tal-portijiet.

9.It-tielet u l-aħħar sejħa għall-proposti tnediet f’Mejju 2023 bl-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-proġetti f’Settembru 2023 bil-għan li jintuża l-baġit li jifdal ta’ madwar EUR 790 miljun. It-tielet sejħa ġġenerat l-ogħla interess mill-Istati Membri s’issa: 22 Stat Membru applikaw ma’ 112-il proġett għal kofinanzjament totali mitlub mill-UE ta’ EUR 3,7 biljun u b’hekk laħqu rata ta’ sottoskrizzjoni żejda ta’ 4,7. Il-Kummissjoni hija mistennija tippubblika d-Deċiżjoni dwar l-għoti għat-tielet sejħa fil-bidu tal-2024. Bl-eżekuzzjoni tat-tielet sejħa, huwa probabbli ħafna li l-baġit ġenerali disponibbli għall-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju għall-mobbiltà militari skont dan il-QFP se jiġi eżawrit.

10.Fl-aħħar, fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew informali ta’ Granada ta’ Ottubru 2023, il-mexxejja tal-UE kkonfermaw mill-ġdid l-enfasi tagħhom fuq il-mobbiltà militari 8 .

11.Fil-15 ta’ Ġunju 2023, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment approva l-“Inizjattiva Strateġika Ewropea ta’ Sigurtà PLUS”. L-inizjattiva tagħmel aktar fondi disponibbli għall-investimenti fis-sigurtà u d-difiża – sa EUR 8 biljun matul il-perjodu kurrenti ta’ perspettiva finanzjarja pluriennali 2021-2027 b’ambitu usa’ billi tinkludi b’mod partikolari l-mobbiltà militari u l-infrastruttura kritika bħala oqsma addizzjonali. Il-Bank Ewropew tal-Investiment jirrikonoxxi l-ambjent ġeopolitiku mibdul, li rriżulta fi ħtiġijiet ta’ finanzjament akbar f’diversi oqsma relatati mas-sigurtà Ewropea u s-settur tad-difiża inklużi l-ktajjen tal-provvista tiegħu. Minħabba n-natura ta’ dawn l-assi u investimenti, il-pass li jmiss se jkun li jiġu identifikati proġetti potenzjali. Diġà għaddejjin diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar kif dan il-qasam jista’ jiġi appoġġat.

B.Reviżjoni tan-networks trans-Ewropej tat-trasport

12.Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha biex tirrevedi r-Regolament dwar in-networks trans-Ewropej tat-trasport fl-14 ta’ Diċembru 2021 9 . Din fiha żewġ aspetti ewlenin li jiffaċilitaw il-mobbiltà militari fl-UE u lil hinn minnha: l-ewwel nett, jissaħħu diversi rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport, speċjalment għall-ferroviji; u t-tieni, il-mapep aġġornati f’ċerti każijiet jirriflettu wkoll il-ħtiġijiet militari. Fis-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata li tirrifletti s-sitwazzjoni ġeopolitika mibdula 10 .

13.Il-proċess ta’ reviżjoni tan-networks trans-Ewropej tat-trasport huwa soġġett għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja li jfisser li l-Kunsill u l-Parlament jeħtiġilhom jaqblu dwar it-test tar-Regolament finali bbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill qabel dwar l-Approċċ Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2022 11 . Sadanittant, il-Parlament Ewropew adotta r-rapport u l-mandat ta’ negozjar tiegħu fit-13 ta’ April 2023 12 . Dan fih proposta għal Artikolu 47a ġdid dwar il-mobbiltà militari. B’mod partikolari, l-Artikolu jkun jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta’ mobbiltà militari meta jibnu jew jaġġornaw l-infrastruttura fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport 13 . Barra minn hekk, l-Artikolu l-ġdid jimpenja lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-movimenti militari fuq skala kbira b’avviż qasir 14 .

14.Sal-lum, saru erba’ trilogi politiċi mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni bl-istennija li n-negozjati jistgħu jiġu konklużi mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill sa tmiem l-2023 u r-Regolament jista’ jidħol fis-seħħ fir-rebbiegħa tal-2024.

C.Rekwiżiti Militari

15.Bil-ħsieb li jiġu allinjati aktar l-istandards tan-network trans-Ewropew tat-trasport u tan-network tat-trasport militari tal-UE, fit-23 ta’ Ottubru 2023 il-Kunsill adotta r-rekwiżiti militari riveduti inkluż l-Anness II “Kurituri tat-Trasport Multimodali”. Il-proċess ta’ reviżjoni kien jinkludi wkoll konsultazzjonijiet man-NATO. L-ambitu estiż tar-rekwiżiti militari jinkludi ċentri loġistiċi, infrastruttura tal-katina tal-provvista tal-fjuwil, lezzjoni identifikata dwar il-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u kriterji militari għall-evalwazzjoni ta’ proposti ta’ proġetti ta’ infrastruttura b’użu doppju.

16.L-anness il-ġdid dwar l-Infrastruttura tal-Katina tal-Provvista tal-Fjuwil 15 jiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi, il-faċilitajiet u t-tagħmir tal-fjuwil biex jiġi żgurat li dawn ikunu kapaċi jappoġġaw b’mod effettiv movimenti militari fuq skala kbira filwaqt li jżommu l-interoperabbiltà ma’ sħab strateġiċi, bħan-NATO. Dan fih l-istess rekwiżiti bħall-istandards użati min-NATO, li kienu kondiviżi mal-Persunal Militari tal-UE (EUMS) 16 . Billi jsir parti mir-Rekwiżiti Militari, dan l-anness jiftaħ il-possibbiltà għal kofinanzjament futur potenzjali ta’ proġetti infrastrutturali tal-katina tal-provvista tal-fjuwil b’użu doppju taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, biex jinċentiva lill-Istati Membri jinvestu fl-infrastruttura tal-katina tal-provvista tal-fjuwil tagħhom.

D.L-ippjanar tal-infrastruttura fit-tul għal movimenti ta’ forzi militari b’ avviż qasir u fuq skala kbira

17.Is-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) inkluż l-EUMS ipprovdew lill-Istati Membri b’nota ta’ spjegazzjoni dwar il-metodoloġija tal-approċċ u l-iskeda ta’ żmien ta’ studju biex jidentifikaw il-possibbiltajiet għal movimenti b’avviż qasir fuq skala kbira biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-fjuwil, l-ippjanar tal-infrastruttura fit-tul u l-aħjar użu ta’ din l-infrastruttura. Ix-xogħol fuq l-istudju nbeda u għandu jitlesta sar-rebbiegħa tal-2024. L-ewwel pass li tnieda f’Lulju ta’ din is-sena u li bħalissa għadu għaddej f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri se jidentifika l-kurituri ewlenin għal movimenti ta’ persunal u materjal militari b’avviż qasir u fuq skala kbira f’każ ta’ kunflitt jew għal eżerċizzji militari. It-tieni pass se jkun li jiġu identifikati d-diskrepanzi fl-infrastruttura fuq il-kurituri ewlenin iddefiniti bħala prijorità għall-movimenti militari. Fit-tielet pass, se jkun meħtieġ li jiġu identifikati azzjonijiet biex jittaffew id-diskrepanzi u jiġi żgurat li l-persunal u l-materjal militari jkunu jistgħu jimxu mingħajr xkiel. Bl-għan ġenerali li tingħata prijorità aħjar lill-investimenti meħtieġa li jippromwovu movimenti militari fuq skala kbira b’avviż qasir, l-istudju jappoġġa l-objettiv li jinbena network strutturat sew, inkluża l-kapaċità li jiġu ttrasportati u jinħażnu oġġetti perikolużi u li jkun hemm fjuwil disponibbli fil-kwantitajiet it-tajba.

18.Din il-ħidma se żżid is-sinerġiji bejn il-politika tat-TEN-T u l-Mobbiltà Militari tal-UE filwaqt li tuża riżorsi skarsi bl-aktar mod effiċjenti. L-azzjonijiet identifikati biex jittaffew id-diskrepanzi u biex tissaħħaħ il-mobbiltà militari se jservu bħala kontribut importanti għall-kofinanzjament futur taħt il-FNE kif ukoll għall-prijoritajiet ta’ investiment nazzjonali tal-Istati Membri. L-analiżi se sservi wkoll bħala bażi biex il-Bank Ewropew tal-Investiment jidentifika, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, proġetti b’użu doppju b’valur miżjud għoli għad-difiża.

19.L-analiżi se tippermetti wkoll lill-Istati Membri jikkoordinaw aħjar l-ippjanar tagħhom ma’ Stati Membri oħrajn biex jiżguraw l-istess kwalità tal-infrastruttura fuq il-kuritur kollu li jkopri diversi Stati Membri. Dan se jwassal ukoll għal koordinazzjoni aħjar bejn il-Ministeri tad-Difiża u l-Ministeri tal-Infrastruttura tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-analiżi se tikkontribwixxi għal kooperazzjoni u sinkronizzazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri meta jinvestu fl-infrastruttura u b’hekk tippromwovi konnettività aħjar fit-trattament ta’ movimenti militari fuq skala kbira fil-livell Ewropew.

E.Aċċess għall-ispazju tal-ajru u għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ispazju tal-ajru (SES u SESAR)

20.L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u s-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti komplew bil-kooperazzjoni tagħhom fl-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi tal-ispazju tal-ajru u tan-navigazzjoni bl-ajru għall-avjazzjoni ċivili u militari fil-kuntest tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u l-proġett ta’ modernizzar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) relatat. Kwalunkwe nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi militari u ċivili jista’ joħloq riskji għall-militar f’termini ta’ aċċess għall-ispazju tal-ajru u l-użu tas-servizzi tan-navigazzjoni. F’xi każijiet, dan jista’ jkun ukoll sfida, b’mod partikolari meta l-militar ikun qed jipprovdi servizzi lill-utenti ċivili. L-inklużjoni tal-ġestjoni tal-avjazzjoni u tat-traffiku tal-ajru fl-inizjattiva tal-Mobbiltà Militari, kif rifless fl-aħħar aġġornament tar-Rekwiżiti Militari 17 , hija rikonoxximent tal-importanza tagħhom biex jingħelbu d-diskrepanzi fl-interoperabbiltà. Soġġett għal aġġornament futur tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ użu doppju 18 , dan jippermetti fil-futur li l-komunità tal-avjazzjoni militari tieħu sehem fis-sejħiet għal proposti għall-mobbiltà militari tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Barra minn hekk, l-importanza dejjem tikber tat-tagħmir b’użu doppju se teħtieġ li tqis ir-rwol tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) bħala l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni ċivili. 

III – MIŻURI TA’ APPOĠĠ REGOLATORJU

A. Permessi għal moviment transfruntier

21.Il-Programm A tal-EDA dwar “l-Ottimizzazzjoni tal-Proċeduri ta’ Permess għall-Moviment Transfruntier fl-Ewropa” jarmonizza u jissimplifika l-proċeduri u jiżviluppa soluzzjonijiet fit-territorji, fl-ispazji tal-ajru u fl-ilmijiet interni tal-Istati Membri kontribwenti. Fit-12 ta’ Settembru 2023, id-Danimarka saret l-aħħar firmatarju taż-żewġ Arranġamenti Tekniċi: wieħed għas-superfiċje u ieħor għad-dominju tal-ajru. Għalhekk, l-Arranġamenti Tekniċi għad-dominji tas-superfiċje u tal-ajru issa huma ffirmati minn 25 Stat Membru kontribwenti, inkluża n-Norveġja. Bħalissa, l-Istati Membri kontribwenti qed jiżviluppaw, b’appoġġ mill-EDA, Arranġament Tekniku biex jindirizzaw id-dominju marittimu, bil-proċedura ta’ firma li mistennija titnieda fil-bidu tal-2024.

22.Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Arranġamenti Tekniċi ffirmati, l-EDA żviluppat Matriċi ta’ Monitoraġġ tal-Implimentazzjoni (IMM) li tippermetti l-monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni tad-diversi attivitajiet skont l-Arranġamenti. Barra minn hekk, network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-mobbiltà militari se jipprovdi feedback siewi mill-Istati Membri fid-dawl ta’ emendi futuri. L-EDA se taħdem flimkien mal-Istati Membri tal-UE biex torganizza eżerċizzju ta’ simulazzjoni jew workshop li se jiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa tal-Arranġamenti Tekniċi u se tittestja wkoll il-mudell żviluppat għall-permess annwali għall-Arranġamenti Tekniċi tas-Superfiċje.

23.Sabiex tesplora l-possibbiltajiet li tlaqqa’ flimkien il-proġetti PESCO “Mobbiltà Militari” u “Network ta’ Ċentri Loġistiċi”, l-EDA organizzat l-ewwel laqgħa mal-Istati Membri ta’ koordinazzjoni fil-5 ta’ Lulju 2023. Abbażi tal-eżiti, l-EDA se tkompli tinvestiga l-possibbiltajiet flimkien mal-Istati Membri parteċipanti. Barra minn hekk, il-proġetti qablu li jiżguraw il-parteċipazzjoni inkroċjata fil-laqgħat tagħhom biex jippromwovu sinerġiji u koordinazzjoni.

B. Diġitalizzazzjoni tal-proċessi loġistiċi

24.Il-programm ta’ ħidma annwali tal-2021 tal-Fond Ewropew għad-Difiża kien jinkludi proposta għall-iżvilupp ta’ sistema diġitali għall-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni relatata mal-mobbiltà militari (minn hawn ’il quddiem SDMMS). Il-Kummissjoni ħabbret l-offerent rebbieħ fil-21 ta’ Lulju 2022: huwa konsorzji mmexxija mill-Estonja li jikkonsistu f’kumpaniji minn disa’ Stati Membri 19 flimkien man-Norveġja li se jirċievu finanzjament ta’ aktar minn EUR 9 miljun għall-iżvilupp tas-sistema diġitali. Il-ftehim ta’ għotja ġie ffirmat fl-aħħar ta’ Diċembru 2022, u f’Jannar 2023 saret l-ewwel laqgħa ta’ tnedija. Id-durata ġenerali tal-proġett hija ta’ 30 xahar, u għalhekk is-sistema diġitali għall-iskambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni relatata mal-mobbiltà militari għandha tkun disponibbli sa nofs l-2025. Din is-sistema diġitali se tiffaċilita l-iskambju dirett u sigur ta’ informazzjoni bejn il-gvernijiet parteċipanti li jitolbu u japprovaw kwalunkwe moviment militari.

25.L-enfasi ewlenija tal-proġett SDMMS matul l-ewwel sena kienet fuq l-istabbiliment ta’ struttura ta’ ħidma u l-integrazzjoni sħiħa tal-partijiet ikkonċernati kollha għall-proġett. Sa tmiem l-ewwel sena tal-proġett, l-għan huwa li jintlaħaq qbil dwar ir-rekwiżiti funzjonali u mhux funzjonali kollha biex jiġu stabbiliti l-għanijiet u l-pjanijiet dettaljati għall-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġett. Barra minn hekk, il-benefiċċji operazzjonali u l-pjan tal-kostijiet se jiġu żviluppati sabiex jiġu vvalutati aħjar il-valuri tal-bidliet li se jiġu introdotti fis-sistema. Dan kollu huwa l-bażi importanti għall-iżvilupp li ġej tas-sistema kollha.

C. Dwana

26.Flimkien mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri kontribwenti, l-EDA qed taħdem fuq ir-reviżjoni tal-“Valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-kisbiet u r-riskji għall-iżvilupp ta’ Sistema Doganali Militari (MCS)” li se tkun il-bażi għall-isforzi ulterjuri kollha. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tistenna l-ewwel riżultati tanġibbli tal-proġett SDMMS qabel ma tibda bit-tħejjija ta’ emendi legali għal-Leġiżlazzjoni Doganali tal-UE. L-emendi legali se jiżguraw li jkun hemm qafas legali għall-użu tas-sistema mill-Istati Membri u li s-sistema tkun allinjata mal-proċeduri doganali kif stabbilit fil-Leġiżlazzjoni Doganali tal-UE.

D. Loġistika Msaħħa

27.Fid-dawl tat-twettiq ta’ kunċett għal network tal-IT tal-loġistika fl-UE kollha biex jippermetti l-iskambju ta’ data loġistika fost diversi parteċipanti, fl-ewwel nofs tal-2023 l-EDA ppreżentat is-sejbiet ta’ studju li mmappja sistemi nazzjonali tal-IT tal-loġistika u software għall-Ippjanar tar-Riżorsi tal-Intrapriżi (ERP), inklużi l-kapaċitajiet nazzjonali ta’ Traċċar u Rintraċċar u applikazzjonijiet oħrajn tal-IT bħas-Servizzi taż-Żona Funzjonali tal-Loġistika tan-NATO (LOGFAS). Is-sejbiet tal-istudju se jservu bħala bażi għat-tieni studju li għandu l-għan li jipprovdi kunċett kif jiġi stabbilit network federat ta’ komunikazzjoni loġistika.

28.Fir-rigward tal-użu tal-Manifattura Addittiva – magħrufa b’mod komuni bħala stampar 3D fil-kuntest ta’ loġistika militari – il-Proġett tal-Kategorija B tal-EDA li ġie stabbilit reċentement “Manifattura Addittiva għal Appoġġ Loġistiku” għandu l-għan li jelabora u jiddetermina standards komuni bil-għan li tittejjeb l-interoperabbiltà. B’appoġġ għal dawn l-attivitajiet, l-EDA wettqet diversi studji li ġew ippreżentati matul l-2023. F’dan ir-rigward, wieħed mill-istudji pprovda linja gwida għall-Forzi Armati minn perspettiva legali biex jintużaw soluzzjonijiet tal-Manifattura Addittiva (AM) f’xenarji militari differenti.

IV – REŻILJENZA U TĦEJJIJA

A.Kapaċitajiet strateġiċi tat-trasport

29.F’konformità mal-Boxxla Strateġika 20 , l-Istati Membri tal-UE qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fid-dominju tal-ajru billi jiżviluppaw il-kapaċità li jwettqu b’mod konġunt operazzjonijiet tas-sigurtà tal-ajru, inklużi l-appoġġ tal-ajru, is-salvataġġ u l-evakwazzjoni, is-sorveljanza u l-kompiti ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu kkoordinat tal-assi tal-ajru militari b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, l-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll l-intenzjoni li jsaħħu l-kollaborazzjoni u s-sħubija bejn l-istrutturi u l-inizjattivi tal-UE u dawk multilaterali fid-dominju tal-ajru, bħall-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru (EATC). F’dan ir-rigward, l-EUMS u n-nazzjonijiet parteċipanti tal-EATC 21 iffirmaw Arranġament Tekniku (TA) fit-28 ta’ Ġunju 2023. Dan it-TA jistandardizza l-proċeduri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-EUMS għas-servizzi tat-trasport bl-ajru tal-EATC favur il-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-UE għall-evakwazzjoni ajrumedika strateġika u t-trasport bl-ajru. F’każ ta’ urġenza, atturi oħrajn tal-UE, eżempju l-Kapaċità ta’ Ppjanar u Tmexxija Ċivili għal missjonijiet ċivili tal-PSDK u ċ-Ċentru ta’ Rispons għall-Kriżijiet f’każ ta’ kriżi konsulari jistgħu jieħdu vantaġġ minn dawn il-proċeduri wkoll. Is-seba’ nazzjonijiet tal-EATC allokaw Sigħat Ekwivalenti ta’ Titjir (EFH) għad-dispożizzjoni tal-EUMS mingħajr ebda kost fuq bażi volontarja sabiex jittestjaw dawn il-proċeduri għal sena.

Il-kooperazzjoni bejn l-EUMS u l-EATC se sservi bħala l-ewwel pass għal kooperazzjoni aktar profonda bejn iż-żewġ entitajiet. Barra minn hekk, dan it-TA jista’ jkun mudell eżemplari għal proġetti u inizjattivi oħrajn, bħall-faċilitazzjoni tal-iskjerament għall-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE 22 .

30.Il-ħidma kompliet fil-qafas tal-EDA biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet meħtieġa tat-trasport bil-baħar u tat-trasport bl-ajru, f’konformità mar-Rapport tal-2020 dwar ir-Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża u f’assoċjazzjoni ma’ proġetti PESCO rilevanti. Il-proġett dwar il-Merkanzija Tattika Futura ta’ Daqs Medju qed jiżviluppa dokument ta’ gwida għall-iżvilupp industrijali kif ukoll studju li għandu jiġi ffinanzjat taħt il-Programm ta’ Ħidma tal-Fond Ewropew għad-Difiża tal-2022. Il-proġett dwar Trasport Strateġiku bl-Ajru għal Tagħbija Akbar min-Normal qed jiżviluppa r-rekwiżiti komuni ta’ livell għoli filwaqt li s-sejħa għal studju f’dan id-dominju skont il-Programm ta’ Ħidma tal-Fond Ewropew għad-Difiża tal-2023 hija miftuħa għall-proposti ta’ proġetti. Il-proġett dwar Ħelikopter ta’ Tagħbija Medja tal-Ġenerazzjoni li Jmiss beda f’Ġunju 2023 u bħalissa qed jiġbor l-inputs tal-Istati Membri għall-pjanijiet futuri tagħhom għall-ħelikopters, kemm f’termini ta’ aġġornament tal-flotot eżistenti kif ukoll ta’ żvilupp ta’ pjattaformi ġodda.

31.Fir-rigward tal-ħtieġa militari għal trasport ferrovjarju speċjalizzat, sforz kollaborattiv bejn l-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni u l-EDA wassal għall-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet fil-Proposta għal Regolament dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja 23 li tippermetti l-prijoritizzazzjoni tal-movimenti militari taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, l-EDA dalwaqt se tniedi studju dwar il-Kapaċità Ferrovjarja tal-UE biex tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kapaċità eżistenti tal-assi ferrovjarji nazzjonali u kummerċjali użati mill-militar bil-għan li jiġu ddefiniti rekwiżiti possibbli għal assi speċjalizzati tat-trasport ferrovjarju u għall-infrastruttura ferrovjarja għall-użu militari.

B.Protezzjoni kontra r-riskji għas-sigurtà

32.Wara t-talba tal-Kunsill 24 , il-Kummissjoni, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar in-Network u s-Sistemi ta’ Informazzjoni (NIS) u s-SEAE qed jiżviluppaw xenarji ta’ riskju taċ-ċibersigurtà. L-enfasi inizjali hija fuq is-settur tat-telekomunikazzjoni u tal-elettriku. Madankollu, setturi kritiċi oħrajn, bħat-trasport, se jiġu vvalutati f’edizzjonijiet futuri tal-eżerċizzju. Huwa meħtieġ network reżiljenti u robust ta’ kondiviżjoni tad-data b’livell għoli ta’ ċibersigurtà biex jappoġġa kondiviżjoni effettiva tad-data diġitali fost il-partijiet ikkonċernati u l-operaturi ċivili u militari rilevanti. Dan in-network jista’ jisfrutta l-infrastruttura tal-UE bħall-Programm ta’ Konnettività Sigura tal-Unjoni (IRIS²).

33.F’Jannar 2023, daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (CER) 25 . Filwaqt li d-difiża hija barra mill-ambitu tagħha, se ttejjeb ir-reżiljenza fiżika tal-entitajiet li joperaw infrastruttura kritika fi 11-il settur, inkluż it-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u bil-baħar. Għalhekk, din tikkontribwixxi biex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi essenzjali fis-settur tat-trasport meħtieġa wkoll għall-mobbiltà militari. Pilastru ewlieni tal-qafas il-ġdid tas-CER huwa l-Grupp tar-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi, li fih l-esperti tal-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni jiddiskutu, inter alia, it-theddid għall-infrastruttura kritika. Bħala rispons għat-theddida akbar ta’ sabotaġġ fir-rigward tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna, il-Kunsill adotta wkoll Rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika f’Diċembru 2022 26 . It-trasport ġie identifikat bħala wieħed mill-erba’ setturi ewlenin li tindirizza r-Rakkomandazzjoni.

34.F’Ġunju 2023, l-EDA u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni ppreżentaw ir-riżultati ta’ studju ta’ riċerka li jivvaluta l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastruttura kritika tal-enerġija relatata mad-difiża 27 , inkluż it-trasport. Fil-kuntest tal-Forum ta’ Konsultazzjoni għall-Enerġija Sostenibbli fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà, kompliet il-ħidma biex jiġi esplorat kif jiżdied l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, inkluż, pereżempju, billi jiġu analizzati r-rekwiżiti militari fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-idroġenu għal vetturi u infrastruttura loġistiċi militari tqal. Barra minn hekk, f’Mejju 2023, l-EDA u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni organizzaw eżerċizzju ta’ simulazzjoni biex jivvalutaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni għall-enerġija ekoloġika fuq ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-infrastruttura tal-enerġija kritika relatata mad-difiża, inkluża l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tat-trasport militari tal-Istati Membri. 

35.L-EDA kontinwament enfasizzat il-ħtieġa għal network reżiljenti u robust ta’ kondiviżjoni tad-data b’livell għoli ta’ ċibersigurtà li jappoġġa kondiviżjoni effettiva tad-data diġitali fost il-partijiet ikkonċernati u l-operaturi ċivili u militari rilevanti.

36.F’konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar Prospettiva Ġdida rigward ir-Rabta bejn il-Klima u s-Sigurtà, adottata f’Ġunju 2023 28 , is-SEAE, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-EDA se janalizzaw modi biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fit-trasport militari billi jippromwovu l-adozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji assoċjati.

V – SĦUBIJIET

A.L-UE U N-NATO

37.It-tielet Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u n-NATO, iffirmata fl-10 ta’ Jannar 2023 fi Brussell 29 , tirrikonoxxi r-riżultati li kisbu l-UE u n-NATO dwar il-Mobbiltà Militari. Id-Djalogu Strutturat bejn l-UE u n-NATO jkompli jsir b’mod regolari biex jiġbor flimkien il-persunal rilevanti kollu miż-żewġ organizzazzjonijiet. Dan wera li huwa qafas effettiv biex jiġi ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE u biex jiġu diskussi oqsma rilevanti ta’ kooperazzjoni ulterjuri, bil-għan li jiġu żgurati l-koerenza u r-rinforz reċiproku. Saru skambji fil-fond fil-livell tal-esperti b’mod partikolari b’enfasi fuq ir-reżiljenza ċibernetika u l-infrastruttura tat-trasport li jippermettu lil kull naħa tifhem aħjar il-prijoritajiet rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tan-NATO pparteċipaw fl-ewwel avveniment annwali ta’ Mobbiltà Militari f’Ġunju 2023 u l-Kmand ta’ Abilitazzjoni tal-Appoġġ Konġunt tan-NATO jieħu sehem f’laqgħat rilevanti tal-proġett PESCO dwar il-Mobbiltà Militari fuq bażi informali.

38.Il-parteċipazzjoni ta’ Alleati tan-NATO mhux tal-UE fi proġetti PESCO rilevanti tkompli tipprovdi valur miżjud, inkluż minn perspettiva trans-Atlantika u ta’ bejn l-UE u n-NATO. Minbarra l-Istati Uniti, il-Kanada u n-Norveġja, il-Kunsill awtorizza l-istedina tar-Renju Unit biex jipparteċipa fil-proġett PESCO tal-Mobbiltà Militari f’Novembru 2022. Il-konklużjoni tal-Arranġament Amministrattiv mal-proġett tinsab fl-istadji finali tagħha. Barra minn hekk, f’Marzu 2023, il-Kunsill qabel li jistieden lill-Kanada biex tingħaqad maċ-Ċentri Loġistiċi tan-Network tal-Proġett PESCO. L-Arranġament Amministrattiv għall-parteċipazzjoni tal-Kanada jinsab ukoll fl-istadji finali tal-ftehim. Ir-rappreżentanti ta’ dawn is-sħab diġà ġew mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-proġetti rispettivi sakemm jiġu ffinalizzati l-arranġamenti legali.

39.F’Jannar 2023, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO ħabbru l-istabbiliment ta’ Task Force ddedikata bejn in-NATO u l-UE dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika. Fid-29 ta’ Ġunju 2023, it-Task Force bejn l-UE u n-NATO dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika ppreżentat rapport ta’ valutazzjoni li jidentifika l-isfidi kurrenti tas-sigurtà u jippreżenta rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika. Dan jinkludi t-trasport fl-erba’ setturi ewlenin (flimkien ma’ dak tal-enerġija, diġitali u tal-ispazju) li fuqhom għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jirreferi d-Djalogu Strutturat dwar il-Mobbiltà Militari. Dan jirrakkomanda b’mod speċifiku kooperazzjoni msaħħa relatata mal-infrastruttura tat-trasport bl-għan li jiġu akkomodati l-piż, id-daqs jew l-iskala tat-trasport militari.

B.Il-konnessjoni ma’ sħab oħrajn

40.Bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni tan-networks trans-Ewropej tat-trasport, imsemmi hawn fuq, il-proposta emendata testendi l-Kurituri Ewropej tat-Trasport (fir-Regolament kurrenti msejħa l-Kurituri Ewlenin tan-Network) għall-Ukrajna u l-Moldova. L-estensjoni tal-Kurituri tibni fuq l-isforzi l-oħrajn tal-Unjoni biex issaħħaħ il-konnettività tat-trasport ta’ dawn il-pajjiżi mal-UE, bħall-inizjattiva tal-Korsiji ta’ Solidarjetà mnedija f’Mejju 2022 mill-Kummissjoni biex tgħin lill-Ukrajna żżomm ir-rotot kummerċjali tagħha miftuħa wara l-imblukkar tar-Russja tal-portijiet tal-Ukrajna.

VI – KONKLUŻJONIJIET U T-TRIQ ’IL QUDDIEM

41.Sena wara t-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Militari 2.0, tnedew azzjonijiet rilevanti fl-erba’ oqsma prijoritarji ewlenin, li juru progress kontinwu u li jirriflettu s-sens kondiviż ta’ urġenza fid-dawl tal-kuntest tas-sigurtà li qed jiddeterjora. Sabiex jintlaħaq l-objettiv komuni ta’ network ta’ mobbiltà militari li jiffunzjona tajjeb, il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha huma mistiedna jkomplu bl-azzjonijiet rispettivi tagħhom bħala parti minn approċċ ta’ gvern sħiħ ikkoordinat. Wegħda aġġornata u mtejba ta’ mobbiltà militari mill-Istati Membri, jekk jiġi deċiż hekk mill-Kunsill, tkompli tikkontribwixxi dan l-għan, filwaqt li tibni fuq il-ħidma ta’ proġetti PESCO rilevanti fi ħdan ambitu usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari 2.0.

42.Ir-Rapport ta’ Progress li jmiss se jiġi ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Novembru 2024.

(1)

  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7371-2022-INIT/mt/pdf

(2)

  Pjan ta’ Azzjoni dwar il-mobbiltà militari 2.0.pdf (europa.eu)

(3)

Rapport Konġunt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari minn Ottubru 2020 sa Settembru 2021 {JOIN(2021)26 final}.

(4)

Network ta’ Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24.5.2022 dwar l-għażla ta’ proġetti ta’ Mobbiltà Militari wara s-sejħa għall-proposti tal-2021 għal għotjiet taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Settur tat-trasport skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 5763, {C(2022) 3261 final}.

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-11.4.2023 dwar l-għażla ta’ proġetti ta’ Mobbiltà Militari wara s-sejħa għall-proposti tal-2022 għal għotjiet taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Settur tat-trasport skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 5763, {C(2023) 2298 final}.

(7)

Id-dikjarazzjoni ta’ Granada, Kunsill Ewropew, 6 ta’ Ottubru 2023, https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2023/10/06/granada-declaration

(8)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (COM(2021) 812).

(9)

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (COM/2022/384 final).

(10)

  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15058-2022-INIT/mt/pdf

(11)

  https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-9-2023-0147_MT.html#_section1

(12)

“1. Meta jibnu jew jagħmlu ammeljorament tal-infrastruttura fuq in-network trans-Ewropew tat-trasport, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa, ir-rilevanza u l-fattibbiltà li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu III, bl-għan li jakkomodaw il-piż, id-daqs jew l-iskala tat-trasport militari ta’ truppi u materjal.”

(13)

“2. Sa ... [sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha twettaq studju biex tidentifika l-possibbiltajiet għal movimenti fuq skala kbira b’avviż qasir madwar l-Unjoni, inklużi rotti strateġiċi, bil-ħsieb li jittejjeb l-użu doppju tal-infrastruttura tan-network trans-Ewropew tat-trasport. L-istudju għandu jipprovdi elementi għall-ippjanar tal-infrastruttura fit-tul għal skopijiet ta’ mobbiltà b’użu doppju. Matul dak l-istudju, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri.”

(14)

Ara “Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE u lil hinn minnha”, ST 10440/23, l-Anness XI, approvat mill-Kunsill tal-UE fit-23 ta’ Ottubru 2023 (TBD).

(15)

Dokument “Il-Kriterji u l-Istandards Tekniċi tan-NATO għall-Faċilitajiet tal-Pol”, “AC/4-N(2017)0002 (INV)”, bid-data tad-19 ta’ Jannar 2017, emendat fid-9 ta’ Ġunju 2023.

(16)

Anness II rivedut tar-Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE u lil hinn minnha (ST 11373/19) tas-27 ta’ Marzu 2023.

(17)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1328 tal-10 ta’ Awwissu 2021 li jispeċifika r-rekwiżiti tal-infrastruttura applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet ta’ infrastruttura b’użu doppju skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, C/2021/5859, ĠU L 288, 11.8.2021.

(18)

Il-Litwanja, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Bulgarija, il-Polonja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja

(19)

Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi ċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, ST 7371/22, tal-21 ta’ Marzu 2022.

(20)

BE, DE, ES, FR, IT, LU u NL.

(21)

 L-UE qed tiżviluppa l-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu tal-UE (EU RDC) li tikkonsisti f’sa 5 000 truppa. Din l-EU RDC se tkun strument militari robust, flessibbli u skalabbli li jżid mas-sett ta’ għodod wiesa’ tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet.

(22)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-kapaċità infrastrutturali ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea, li jemenda d-Direttiva 2012/34/UE u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 (COM/2023/443 final).

(23)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ Pożizzjoni Ċibernetika tal-Unjoni Ewropea; ST09364/22, 23 ta’ Mejju 2022

(24)

Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi

(25)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat għall-Unjoni kollha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

(26)

https://eda.europa.eu/publications-and-data/impacts-of-climate-change-on-defence-related-critical-energy-infrastructure

(27)

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Prospettiva ġdida rigward ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà: Nindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża {JOIN(2023) 19 final}.

(28)

https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2023/01/10/eu-nato-joint-declaration-10-january-2023/