Brussell, 7.7.2023

JOIN(2023) 25 final/2 DOWNGRADED on 10.10.2023

2023/0276(NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1)Fi XXX il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/XXX, li tistabbilixxi qafas biex jiġi indirizzat l-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna permezz tal-forniment ta’ droni u l-komponenti tagħhom manifatturati b’komponenti ta’ oriġini internazzjonali, inkluż mill-Ewropa.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-UE lejn l-Iran ta’ komponenti użati fil-manifattura ta’ Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (Unmanned Aerial Vehicles, UAVs).

(3)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi wkoll projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għall-appoġġ tal-programm tal-UAVs tal-Iran jew involuti fih, u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għalihom. Persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/XXX.

(4)Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu, l-Unjoni hija meħtieġa li tieħu azzjoni ulterjuri sabiex timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/XXX.

(5)Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu proposta għal Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

2023/0276 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/XXX dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna 1 ,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna 2 .

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. Dawn l-oġġetti u t-teknoloġija huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju 3 . Din il-projbizzjoni ġiet implimentata bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014.

(3)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ militari u teknoloġiku tar-Russja, jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. Din il-projbizzjoni ġiet implimentata bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 u dawn l-oġġetti u t-teknoloġija huma elenkati fl-Anness VII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 4 .

(4)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tar-Russja lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja. Din il-projbizzjoni ġiet implimentata bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 u dawn l-oġġetti u t-teknoloġija huma elenkati fl-Anness XXIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014.

(5)Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 5 .

(6)Fl-20 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill żied tliet individwi Iranjani u entità Iranjana mal-lista ta’ dawk soġġetti għal miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni 2014/145/PESK u -Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u t-twassil ta’ Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (Unmanned Aerial Vehicles, UAVs) użati mir-Russja fil-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna. Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill żied ukoll erba’ individwi Iranjani u erba’ entitajiet Iranjani ma’ dik il-lista. Fil-25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill żied erba’ individwi Iranjani oħra ma’ dik il-lista.

(7)Fi xx/xx/xx, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/XXX dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/XXX tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ komponenti użati fil-manifattura ta’ UAVs lejn l-Iran. Tipprevedi wkoll projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għall-appoġġ tal-programm tal-UAVs tal-Iran jew involuti fih, u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għalihom. Persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/XXX.

(8)Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħhom.

(9)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(10)Jenħtieġ li l-proċedura għall-emendar tal-lista stabbilita fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament tkun tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lill-entitajiet jew lill-korpi magħżula, sabiex ikollhom l-opportunità jippreżentaw osservazzjonijiet.

(11)Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi ggarantita ċertezza ġuridika massima fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati f’konformità ma’ dan ir-Regolament isiru pubbliċi. Jenħtieġ li kull ipproċessar ta’ data personali jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 6 u r-Regolament (UE) 2018/1725 7 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(12)Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jieħdu skont dan ir-Regolament u dwar informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

(13)Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż pieni kriminali kif xieraq, u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li dawk il-pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i)pretensjoni għat-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta ma’ wieħed minnhom;

(ii)pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ indennizz ta’ kwalunkwe forma;

(iii)pretensjoni għal kumpens marbut ma’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)kontropretensjoni;

(v)pretensjoni għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(b)“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ liema forma hi u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, sew jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew mhux, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li toriġina mit-tranżazzjoni jew tkun marbuta magħha;

(c)“awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness I;

(d)“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(f)“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inklużi, iżda mhux limitati għal:

(i)flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii)depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii)titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, titoli obbligazzjonarji u kuntratti ta’ derivattivi;

(iv)mgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi)ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

(vii)dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(g)“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta’ portafolli;

(h) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-kapaċità tal-Iran li timmanifattura Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (Unmanned Aerial Vehicles, UAVs) kif elenkat fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

1a. Għandu jkun ipprojbit it-tranżitu tal-oġġetti u t-teknoloġija esportati mill-Unjoni permezz tat-territorju tal-Iran, kif imsemmi fil-paragrafu 1.

2.Għandu jkun ipprojbit:

(a) l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew it-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran;

(b) l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

3. B’deroga mill-paragrafi 1, 1a u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, it-tranżitu jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jiddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għal:

(a) skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi; jew

(b) skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ event li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew tal-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni, li jkunu taw skont il-paragrafu 3 jekk iqisu li tali annullament, sospensjoni, modifika jew revoka hija meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1.Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew li huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għall-programm tal-UAVs tal-Iran, jew li jappoġġaw jew huma involuti fih, kif elenkat fl-Anness III, għandhom jiġu ffriżati; u

(b) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness III, għandhom jiġu ffriżati.

2.L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha tkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, jew għall-benefiċċju tagħhom.

Artikolu 3a

B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b’dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inkluż pagamenti għall-prodotti tal-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għal imposti ta’ servizzi pubbliċi;

(b)  maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)  maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)  meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, minn tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)  se jitħallsu f’kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, jew jinħarġu minn tali kont, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

Artikolu 3b

B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness III, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)  il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)  id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness III; u

(d)  ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 3c

B’deroga mill-Artikolu 3 u bil-kundizzjoni li jkun dovut pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness III skont kuntratt jew ftehim li jkun ġie konkluż mill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness III, jew skont obbligu li rriżulta għalihom, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, skont il-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)     Il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness III; u

(b)     Il-ħlas ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 3(2).

Artikolu 3d

1. L-Artikolu 3, il-paragrafu 2 ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li rċevew fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dejjem jekk kwalunkwe żieda f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b’tali tranżazzjoni ta’ dan it-tip, mingħajr dewmien.

2.L-Artikolu 3, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a)  mgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) pagamenti dovuti minħabba kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3; jew

(c) pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali mgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1.

Artikolu 3e

L-Artikolu 3 ma għandux japplika għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi li huma meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a) in-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u l-entitajiet u l-korpi l-oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b) organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c) organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d) organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, f’appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (Office for the Coordination of Humanitarian Affairs, OCHA);

(e) l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

Artikolu 4

1.Persuni fiżiċi responsabbli għall-programm tal-UAVs tal-Iran, jew li jappoġġaw jew huma involuti fih, u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness III, ma għandhomx jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, jew jgħaddu minnu.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu tal-persuni nazzjonali proprji.

Artikolu 4a

1.L-applikazzjoni tal-Artikolu 4 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)  bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b) bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha;

(c) taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)  taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

2.Il-paragrafu 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

Artikolu 4b

1.L-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mill-miżuri imposti fl-Artikolu 4 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi, u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

2. Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4a għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru tal-Kunsill wieħed jew aktar bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. F’każ li membru tal-Kunsill wieħed jew aktar joġġezzjonaw, il-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

3. Meta, skont l-Artikolu 4b, il-paragrafi 1 u 2, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, tal-persuni elenkati fl-Anness III, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat lill-persuna kkonċernata minnha.

Artikolu 5

1.Minkejja r-regoli applikabbli dwar ir-rapportar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)jipprovdu immedjatament kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal informazzjoni dwar kontijiet u ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 3, il-paragrafu 1 jew informazzjoni miżmuma dwar fondi u riżorsi ekonomiċi fit-territorju tal-Unjoni li jappartjenu, huma proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III u li għadhom ma ġewx trattati bħala ffriżati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi obbligati li jagħmlu dan, kif ukoll informazzjoni dwar il-forniment, il-bejgħ, l-esportazzjoni jew it-trasferiment tal-oġġetti u t-teknoloġija fl-Anness II, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti jew jinsabu, u għandhom jittrażmettu tali informazzjoni lill-Kummissjoni direttament jew permezz tal-Istat Membru; u

(b)jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

4.    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar u l-amministraturi tar-reġistri uffiċjali fejn ikunu rreġistrati persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw informazzjoni li tinkludi data personali, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni Ewropea.

5.    Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità mar-Regolament preżenti, mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725 sa fejn ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tar-Regolament preżenti biss u sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

1.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)fondi ffriżati skont l-Artikolu 3 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 2, 3a, 3b u 3c fi żmien ġimagħtejn minn meta jingħataw dawk l-awtorizzazzjonijiet u;

(b)awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 4b;

(c)ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u problemi ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni minnufih b’kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li:

(a)temenda l-Anness III abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill fir-rigward tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/XXX;

(b)temenda l-Anness II abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill fir-rigward tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/XXX; u

(c)temenda l-Anness I abbażi tal-informazzjoni fornita mill-Istati Membri.

2.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1(a), inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp ikkonċernati jekk l-indirizz ikun magħruf jew, jekk l-indirizz ma jkunx magħruf, tgħarraf id-deċiżjoni lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp ikkonċernati permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u f’kull każ tipprovdi lit-tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.Meta jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-osservazzjonijiet jew l-evidenza l-ġdida ppreżentata u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, u b’riżultat ta’ dan tista’ temenda l-Anness III skont il-proċedura ta’ għoti ta’ setgħa fil-paragrafu 1(a). Il-persuna fiżika jew ġuridika għandha tiġi infurmata dwar l-eżitu tar-rieżami.

Artikolu 8

1.L-Anness III għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi.

2.L-Anness għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.

Artikolu 9

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni, inkluż fejn hu xieraq pieni kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavati minn tali ksur.

2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 10

1.Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I;

(b)l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness III fil-lista kkonsolidata, elettronika, tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(c)l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

3.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni hija maħtura bħala “kontrollur” skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-paragrafu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

1.L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu disponibbli, imwettqa bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew ta’ diretturi jew impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.

2.L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx jagħtu lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.Ma għandha tiġi ssodisfata ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, jekk il-pretensjoni ssir minn:

(a)  persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness III;

(b)kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Iranjan;

(c)  kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt it-tmexxija tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) u (b).

2.Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ din il-pretensjoni.

3.Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxja jew b’intenzjoni, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, għandhom:

(a)jirrapportaw fi żmien sitt ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness III, skont liema jiġi l-aħħar, fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu, huma l-proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi; u

(b)jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fil-verifika ta’ tali informazzjoni.

3.In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3.

4.L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bl-informazzjoni li jkun irċieva skont il-paragrafu 2(a).

5.Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

6.Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u sa fejn ikun meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss.

Artikolu 14

1.Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)it-tħejjija u l-emendar tal-Anness III;

(b)l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness III fil-lista kkonsolidata, elettronika, tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(c)l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni hija maħtura bħala “kontrollur” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

1.L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness I.

2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.

3.Fejn dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tkun notifikata, infurmata jew li ssir xi forma oħra ta’ komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness I.

Artikolu 16

Kwalunkwe informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew riċevuta minnha f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża mill-Kummissjoni għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta biss.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ xi Stat Membru;

(c)għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L , , p. .
(2)    ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13.
(3)    ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.
(4)    ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1.
(5)    ĠU L 272I, 20.10.2022, p. 5.
(6)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(7)    ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

Brussell, 7.7.2023

JOIN(2023) 25 final/2 DOWNGRADED on 10.10.2023

ANNESSI

tal-Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna


ANNESS I

Siti web b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions  

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions  

IĊ-ĊEKJA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html  

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/  

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/sanktsioonid-ekspordi-ja-relvastuskontroll/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/  

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html  

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx  

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/  

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955  

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/  

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539  

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions  

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato  

MALTA

https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties  

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions  

IL-PORTUGALL

https://portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548  

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi  

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu  

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Directorate-General for Financial Stability, Financial Services and Capital Markets Union (DG FISMA)

Rue Joseph II 54

B-1049 Brussels, Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

ANNESS II

Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 2

Noti Ġenerali, Akronimi u Abbrevjazzjonijiet, u Definizzjonijiet fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/821 japplikaw għal dan l-Anness, bl-eċċezzjoni tal-“Parti I – Noti Ġenerali, Akronimi u Abbrevjazzjonijiet, u Definizzjonijiet, Noti Ġenerali tal-Anness I, il-punt 2”.

Id-definizzjonijiet tat-Termini użati fil-Lista Militari Komuni (Common Military List, CML) tal-Unjoni Ewropea (2020/C 85/01) japplikaw għal dan l-Anness.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, oġġetti mhux ikkontrollati li fihom komponent wieħed jew aktar elenkati f’dan l-Anness mhumiex soġġetti għall-kontrolli skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Kategorija 3 – Elettronika

3A601    Ċirkwiti integrati kif ġej:

       a.    Mikroċirkwit mikrokontrollur;

       b.    Matriċi ta’ Gates Programmabbli mill-Utent (Field Programable Gate Array, FPGA);

       c.    Proċessur tas-sinjali;

       d.    Analizzatur tas-sinjali;

       e.    Konvertitur Analogu-Diġitali (Analogue-to-Digital Converter, ADC);

       f.    Regolatur tal-vultaġġ;

       g.    Kodifikatur tal-vidjo;

       h.    Memorja; jew

       i.    Amplifikatur “MMIC”.

3A602    Komponenti elettroniċi, kif ġej:

       a.    Filtru “RF” jew filtru ta’ Interferenza Elettromanjetika (Electromagnetic Interference, EMI).

Kategorija 6 – Sensuri u lasers

6A601    Sensuri jew tagħmir ottiku u l-komponenti tagħhom, kif ġej:

       a.    Tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni u komponenti ddisinjati apposta tagħhom;

b.    Tagħmir għall-immaġni ta’ viżjoni diretta li jopera fl-ispettru viżibbli jew infrared, u li jinkorpora t-tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni; jew

       c.    Sensuri termali għall-kameras.

6A602    Sistemi jew tagħmir tal-kameras kif ġej:

       a.    Kameras li jissodisfaw il-kriterji tan-Nota 3 ta’ 6A003.b.4 1 ;

b.    Kameras li jinkorporaw xi wieħed mis-sensuri elenkati f’6A601; jew

c.    Sistemi ta’ stħarriġ mill-ajru.

Kategorija 7 – Navigazzjoni u avjonika

7A601    Sistemi ta’ Navigazzjoni Inerzjali, Unitajiet ta’ Kejl Inerzjali (Inertial Measuring Units, IMU), aċċellerometri jew ġiroskopji.

7A602    Apparat għall-għajnuna bir-radjunavigazzjoni għall-inġenji tal-ajru u l-komponenti tagħhom.

7A603    Radars iddisinjati apposta għall-“UAVs” u l-komponenti tagħhom.

Kategorija 9 – Ajruspazju u propulsjoni

9A601    “UAVs” jew “iġfna tal-ajru” mingħajr ekwipaġġ, iddisinjati biex ikollhom titjira kkontrollata ’l barra mill-“viżjoni naturali” diretta tal-“operatur”.

9A602    Magni b’turbini tal-gass Aero (turboprop, turboġett, turbofan jew turboxaft) għall-inġenji tal-ajru, u l-komponenti tagħhom.

9A603    Magni ta’ inġenji tal-ajru, minbarra dawk speċifikati f’9A602 kif ġej:

a.    Magni tal-kombustjoni interna bil-pistuni reċiprokanti jew rotatorji mqabbdin bi spark għall-inġenji tal-ajru u l-komponenti tagħhom.

b.    Magni tal-kombustjoni interna bil-pistuni mqabbda bil-kompressjoni għall-inġenji tal-ajru u l-komponenti tagħhom.

9A604    Unitajiet ta’ kontroll tat-titjir u unitajiet ta’ kontroll mill-bogħod, għall-“UAVs”.

ANNESS III

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

(1)    Ara l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/821