Brussell, 20.6.2023

JOIN(2023) 20 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR “STRATEĠIJA EWROPEA TA’ SIGURTÀ EKONOMIKA”


1. Strateġija biex tissaħħaħ is-Sigurtà Ekonomika Ewropea

Il-pandemija globali, il-gwerra illegali u mhux provokata tar-Russja fl-Ukrajna, l-azzjonijiet ekonomiċi ostili, l-attakki ċibernetiċi u infrastrutturali, l-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni u ż-żieda globali fit-tensjonijiet ġeopolitiċi kixfu riskji u vulnerabbiltajiet fis-soċjetajiet, fl-ekonomiji u fil-kumpaniji tagħna li ma kinux jeżistu sa ftit snin ilu.

Matul dawn l-aħħar snin l-UE rnexxielha timxi ’l quddiem biex twettaq il-prijoritajiet tagħna u fl-istess ħin biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet, kemm dwar is-sigurtà tal-enerġija, it-tħejjija għall-pandemija, jew ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna, il-ktajjen tal-provvista u t-teknoloġiji ewlenin b’mod aktar ġenerali.

Madankollu, din l-esperjenza żvelat ukoll li, f’xi każijiet, l-Ewropa ma kinitx ippreparata biżżejjed għal riskji ġodda u emerġenti li nħolqu fil-kuntest ġeopolitiku aktar diffiċli li ninsabu fih. Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet ir-riskji li ktajjen tal-provvista kkonċentrati ħafna jistgħu joħolqu għall-funzjonament tal-ekonomija Ewropea. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wriet kif id-dipendenza żejda fuq pajjiż wieħed, speċjalment wieħed b’valuri, mudelli u interessi sistemikament diverġenti, tnaqqas l-għażliet strateġiċi tal-Ewropa u tpoġġi l-ekonomiji u ċ-ċittadini tagħna f’riskju. L-Istati Membri u n-negozji kellhom ukoll iġorru l-ispiża tal-koerċizzjoni ekonomika, inklużi projbizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet Ewropej u bojkotts ta’ ditti Ewropej, imfassla biex iġiegħluhom jimxu u jikkonformaw mal-prijoritajiet politiċi ta’ pajjiż ieħor. Dawn ix-xejriet kollha joħolqu riskju dirett għall-funzjonament tas-soċjetajiet, l-ekonomiji u l-kummerċ globali tagħna – kif ukoll sfida diretta għall-interessi strateġiċi tal-UE u l-kapaċità li taġixxi.

Biż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi u l-integrazzjoni ekonomika globali aktar profonda minn qatt qabel, ċerti flussi u attivitajiet ekonomiċi jistgħu jippreżentaw riskju għas-sigurtà tagħna. Aktar minn qatt qabel, is-sigurtà tagħna hija marbuta mill-qrib mal-kapaċità li nagħmlu lilna nfusna aktar reżiljenti u nnaqqsu r-riskji li jirriżultaw mir-rabtiet ekonomiċi li qisnihom favorevoli tul l-aħħar deċennji. Il-bidliet teknoloġiċi profondi qed iżidu mal-intensità ta’ din il-kompetizzjoni u jagħmlu l-isfidi ekonomiċi u ta’ sigurtà aktar kumplessi.

Realtajiet ġeopolitiċi u teknoloġiċi ġodda jirrikjedu li nadattaw l-approċċ tagħna, biex nippreservaw il-maġġoranza l-kbira tar-rabtiet ekonomiċi siewja ħafna tal-Ewropa mad-dinja filwaqt li niżguraw li r-riskji l-ġodda li qed niffaċċjaw, li huma limitati iżda kritiċi, jiġu indirizzati b’mod effettiv.

L-UE mhijiex waħedha f’dan il-proċess: il-pajjiżi madwar id-dinja kollha bdew jindirizzaw l-isfidi għas-sigurtà ekonomika tagħhom. Xi ekonomiji avvanzati diġà adottaw strateġiji ddedikati u issa qed jimplimentawhom. L-ekonomiji li qed jiżviluppaw qed jieħdu azzjoni wkoll, u qed jiddiversifikaw ir-rabtiet ekonomiċi tagħhom biex inaqqsu d-dipendenzi dannużi u jżidu l-produzzjoni lokali. Din ix-xejra tirrifletti l-fatt li huwa biss billi nlestu l-approċċi tradizzjonali għas-sigurtà nazzjonali b’miżuri ġodda biex nissalvagwardjaw is-sigurtà ekonomika tagħna li nistgħu niżguraw il-prosperità, is-sovranità u s-sikurezza tagħna fl-era attwali. Il-ħidma flimkien mal-alleati, is-sħab u s-settur tan-negozju tagħna biex nartikolaw u nwettqu viżjoni ta’ sigurtà ekonomika se sservi bħala multiplikatur tal-forzi.

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea għamlet ħafna biex twieġeb għal sfidi speċifiċi f’dawn l-aħħar snin, issa teħtieġ approċċ strateġiku komprensiv għas-sigurtà ekonomika, it-tneħħija tar-riskji u l-promozzjoni tal-vantaġġ teknoloġiku tagħha f’setturi kritiċi. L-għan huwa li tipprovdi qafas għal valutazzjoni u ġestjoni robusti tar-riskji għas-sigurtà ekonomika fil-livelli tal-UE, nazzjonali u tan-negozju filwaqt li jiġi ppreservat u jiżdied id-dinamiżmu ekonomiku. Dan huwa aktar u aktar importanti li jiġi stabbilit fi żmien meta dawn ir-riskji qed jevolvu b’mod rapidu u jingħaqdu mat-tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali. Eżempju ewlieni ta’ dan huwa l-ħeffa li biha qed jitfaċċaw teknoloġiji kritiċi ġodda u li jċajpru l-linja li tifred is-settur ċivili minn dak militari.

Il-punt tat-tluq għal din l-istrateġija hu li jkollna stampa ċara tar-riskji u li nirrikonoxxu t-tensjonijiet inerenti li jeżistu bejn it-tisħiħ tas-sigurtà ekonomika tagħna, u l-iżgurar li l-Unjoni Ewropea tkompli tibbenefika minn ekonomija miftuħa.

L-UE hija waħda mill-aktar destinazzjonijiet attraenti għall-kumpaniji globali u għall-investiment. L-ekonomiji tagħna jirnexxu permezz ta’ kummerċ u investiment miftuħin u bbażati fuq ir-regoli, konnettività transfruntiera sigura u kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn l-elementi se jibqgħu muturi kritiċi tal-kompetittività u r-reżiljenza Ewropej hekk kif inħaffu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Jeħtieġ li nserrħu fuq il-kummerċ u fuq is-Suq Uniku biex nixprunaw il-kompetizzjoni u niżguraw li jkollna aċċess għall-materja prima, it-teknoloġiji, u inputs oħrajn li huma kruċjali biex jagħtu spinta lill-kompetittività u r-reżiljenza tagħna u biex isostnu l-impjiegi u t-tkabbir attwali u futuri. Bl-istess mod, irridu li s-sħab tagħna madwar id-dinja jkomplu jibbenefikaw mill-aċċess għas-swieq, il-kapital u t-teknoloġiji Ewropej għat-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija nadifa u reżiljenti.

Il-kisba ta’ dan il-bilanċ tajjeb hija essenzjali u tista’ jiżgura li l-interessi ekonomiċi u ta’ sigurtà tagħna jsaħħu lil xulxin. Il-kisba ta’ dan se tiddependi fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin: (1) il-promozzjoni tal-kompetittività tagħna stess; (2) il-protezzjoni tagħna nfusna mir-riskji tas-sigurtà ekonomika; u (3) is-sħubija mal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ pajjiżi li jikkondividu t-tħassib jew l-interessi tagħna dwar is-sigurtà ekonomika.

Il-prijoritajiet ta’ Strateġija ta’ Sigurtà Ekonomika tal-UE

-Il-promozzjoni tal-kompetittività tagħna stess billi nagħmlu l-ekonomija u l-ktajjen tal-provvista tagħna aktar reżiljenti u nsaħħu l-innovazzjoni u l-kapaċità industrijali, filwaqt li nippreservaw l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna. Dan jista’ jinkiseb billi napprofondixxu s-Suq Uniku, ninvestu fl-ekonomija tal-futur permezz ta’ politiki makroekonomiċi u ta’ koeżjoni sodi, bin-NextGenerationEU, billi ninvestu fil-kapital uman inkluż permezz tat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea. Se jirrikjedi d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u tas-swieq tal-esportazzjoni, jew it-trawwim tal-bażi industrijali u tar-riċerka f’oqsma strateġiċi bħas-semikondutturi avvanzati, il-computing kwantistiku, il-bijoteknoloġija, l-industriji b’emissjonijiet żero netti, l-enerġija nadifa jew il-materja prima kritika.

-Il-protezzjoni tagħna nfusna minn riskji għas-sigurtà ekonomika identifikati b’mod komuni, billi nimplimentaw aħjar l-għodod li diġà stabbilejna, bħad-difiża kummerċjali, is-sussidji barranin, is-sigurtà tal-5G/6G, l-iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani u l-kontrolli tal-esportazzjoni, kif ukoll l-istrument il-ġdid biex niġġieldu kontra l-koerċizzjoni ekonomika. B’mod parallel, jeħtieġ li nivvalutaw l-effettività tas-sett ta’ għodod tal-UE u nespanduh fejn meħtieġ biex nindirizzaw uħud mir-riskji l-ġodda li qed niffaċċjaw, pereżempju marbuta mal-esportazzjonijiet jew l-investimenti ’l barra f’sett ristrett ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin b’applikazzjonijiet militari (eż. fl-oqsma tal-Kwantistika, is-Semikondutturi Avvanzati, l-Intelliġenza Artifiċjali).

-Is-sħubija ma’ pajjiżi li jikkondividu t-tħassib tagħna dwar is-sigurtà ekonomika kif ukoll dawk li għandhom interessi komuni u li huma lesti li jikkooperaw magħna biex tinkiseb it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar reżiljenti u sigura. Fil-prattika dan ifisser li naħdmu flimkien mal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ sħab biex insaħħu s-sigurtà ekonomika, inrawmu ktajjen tal-valur reżiljenti u sostenibbli u nsaħħu l-ordni ekonomiku internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-istituzzjonijiet multilaterali. Dan ifisser ukoll sħubija ma’ pajjiżi li mexjin lejn direzzjoni simili għat-tneħħija tar-riskji, it-tkomplija u l-finalizzazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, u l-investiment fl-iżvilupp sostenibbli u rabtiet siguri madwar id-dinja permezz tal-Global Gateway.

Il-prinċipji fundamentali għal kwalunkwe miżura dwar is-sigurtà ekonomika li tirriżulta minn din l-istrateġija se jkunu: il-proporzjonalità biex niżguraw li l-għodod tagħna jkunu konformi mal-livell tar-riskju u nillimitaw kwalunkwe effett konsegwenzjali negattiv mhux intenzjonat fuq l-ekonomija Ewropea u globali, u l-preċiżjoni biex niddefinixxu eżattament liema oġġetti, setturi jew industriji ewlenin huma mmirati u niżguraw li l-miżuri jirrispondu għar-riskji nfushom.

Din l-istrateġija tibni fuq il-ħidma li diġà bdiet fil-livell Ewropew, filwaqt li tagħti ħarsa kritika lejn ir-reżiljenza u l-vulnerabbiltajiet tal-Unjoni sabiex l-ekonomija u l-industrija Ewropej isiru aktar kompetittivi u reżiljenti u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tagħna. Dan ivarja minn investiment akbar fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali permezz tan-NextGenerationEU u l-inklużjoni ta’ aktar investimenti privati għall-pilastri tal-politika industrijali tal-UE bħall-Atti dwar iċ-Ċipep, il-Materja Prima Kritika u l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. Dan ġie affermat mill-ġdid mid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, li fiha l-Mexxejja qablu dwar il-ħtieġa li jissaħħu r-reżiljenza u s-sovranità Ewropej f’oqsma bħall-enerġija, is-saħħa u l-prodotti farmaċewtiċi, is-sigurtà tal-ikel u l-kapaċitajiet ta’ difiża. Din l-istrateġija twieġeb ukoll għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se teħtieġ azzjoni konġunta fil-politiki interni u esterni kollha. Din se tirrikjedi wkoll parteċipazzjoni lil hinn minn dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. Is-settur privat se jkun sieħeb essenzjali u diġà jinsab avvanzat fil-ħidma tiegħu għat-tneħħija tar-riskji. Il-maniġers tal-assi globali biddlu b’mod radikali l-allokazzjonijiet tagħhom tal-kapital b’reazzjoni għar-riskji dejjem jikbru u dejjem aktar kumplessi li jeżistu fl-ekonomija globali. It-tiftix ta’ ktajjen tal-provvista reżiljenti u diversifikati li jtejbu s-sigurtà ekonomika se jkun parti ewlenija minn strateġija kummerċjali fit-tul li tipproteġi mhux biss l-interessi tal-azzjonisti iżda wkoll l-interess ġenerali. L-identifikazzjoni tar-riskji ewlenin u t-tfassil tar-reazzjonijiet ta’ politika għandhom jisfruttaw l-għarfien tal-kumpaniji Ewropej li diġà qed jaħdmu biex itaffu ħafna minn dan it-theddid.

Din il-Komunikazzjoni twitti t-triq għal diskussjoni dwar is-sigurtà ekonomika mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jinħoloq qafas komuni għat-tneħħija tar-riskji u l-protezzjoni tas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni. Din il-Komunikazzjoni se tgħin biex tiġi definita l-istrateġija li għandha tiggwida l-valutazzjoni komuni tar-riskji, l-użu ta’ għodod eżistenti u l-identifikazzjoni ta’ lakuni possibbli fl-arsenal tas-sigurtà ekonomika tal-UE li għalih se niżviluppaw rispons komuni.

2. L-identifikazzjoni tar-riskji għas-sigurtà ekonomika Ewropea

L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li tipproteġi s-sigurtà ekonomika tal-UE u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija tagħna, filwaqt li taħdem biex tiżgura li nżommu u nkabbru l-vantaġġ teknoloġiku li għandna. Dan ifisser investiment fil-kompetittività tal-UE, id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista, u r-rispons għal prattiki bħall-koerċizzjoni ekonomika. Hija għandha l-għan li tevita l-ħrib ta’ teknoloġiji emerġenti sensittivi, kif ukoll ta’ oġġetti oħra b’użu doppju, lejn destinazzjonijiet ta’ tħassib li joperaw strateġiji ta’ fużjoni ċivili-militari.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, neħtieġu stampa ċara tar-riskji u l-evoluzzjoni tagħhom maż-żmien. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni u l-Istati Membri se japprofondixxu l-analiżi tagħhom tal-ktajjen tal-provvista kritiċi, jittestjawhom għall-istress u jistabbilixxu l-livell tar-riskju.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli identifikaw il-kategoriji wiesgħa u mhux eżawrjenti ta’ riskji għas-sigurtà ekonomika li ġejjin, jiġifieri riskji relatati ma’: (1) ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista; (2) is-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika; (3) is-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija; u (4) id-dipendenzi ekonomiċi bħala arma jew il-koerċizzjoni ekonomika. Dawn ir-riskji jistgħu jseħħu tul il-katina tal-valur kollha, mill-ħolqien tal-għarfien u r-riċerka bażika sal-kummerċjalizzazzjoni u l-manifattura fuq skala kbira.

It-tipi ta’ riskji li jiffaċċjaw l-ekonomiji Ewropej

Riskji għar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, inkluża s-sigurtà tal-enerġija – Riskji ta’ żidiet fil-prezzijiet, in-nuqqas ta’ disponibbiltà jew l-iskarsezza ta’ prodotti jew inputs kritiċi fl-UE, inklużi iżda mhux limitati għal dawk marbuta mat-Tranżizzjoni Ekoloġika, dawk meħtieġa għal provvista stabbli u diversifikata tal-enerġija u tal-prodotti farmaċewtiċi. 

Riskji għas-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika – Riskju ta’ tfixkil jew sabotaġġ ta’ infrastrutturi kritiċi, bħall-pipelines, il-kejbils taħt il-baħar, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-trasport jew in-networks tal-komunikazzjoni elettronika, li jimminaw il-forniment sigur u affidabbli ta’ oġġetti u servizzi jew is-sigurtà tad-data fl-UE. 

Riskji relatati mas-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġijaRiskju għall-avvanzi teknoloġiċi tal-UE, il-kompetittività teknoloġika, u l-aċċess għal teknoloġija mill-aktar avvanzata, inkluż permezz ta’ prattiki malizzjużi fl-isfera diġitali bħall-ispjunaġġ jew il-ħrib illeċitu tal-għarfien. F’xi każijiet, hemm ir-riskju li l-ħrib tat-teknoloġija jsaħħaħ il-kapaċitajiet militari/ta’ intelligence ta’ dawk li jistgħu jużawhom biex jimminaw il-paċi u s-sigurtà, speċjalment għal teknoloġiji b’użu doppju, bħall-Kwantistika, is-Semikondutturi Avvanzati jew l-Intelliġenza Artifiċjali, u għalhekk jirrikjedu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju speċifiċi.

 
Riskju li l-politiki kummerċjali jintużaw bħala arma jew riskju ta’ koerċizzjoni ekonomikaRiskju li pajjiżi terzi jimmiraw lejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u n-negozji tal-UE permezz ta’ miżuri li jaffettwaw il-kummerċ jew l-investiment biex iġibu bidla fil-politika li taqa’ fl-ispazju leġittimu tat-tfassil tal-politika.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li ċerti riskji elenkati hawn fuq jistgħu jwasslu wkoll biex jheddu s-sigurtà nazzjonali f’ċerti ċirkostanzi. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, bil-ħrib tat-teknoloġija b’użu doppju, l-investiment dirett barrani li jhedded is-sigurtà u l-ordni pubbliku; l-esportazzjonijiet b’użu doppju jew l-investimenti ’l barra f’sett ristrett ta’ teknoloġiji avvanzati li jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet militari u tal-intelligence ta’ atturi li jistgħu jużaw dawn il-kapaċitajiet biex jheddu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali; u t-trattament sigur ta’ informazzjoni sensittiva

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li tidentifika u tivvaluta, b’mod kollettiv mal-Istati Membri tal-UE u b’kontributi minn partijiet ikkonċernati privati, ir-riskji għas-sigurtà ekonomika tal-UE li jheddu l-interessi ewlenin tagħha f’parametri definiti b’mod ċar, filwaqt li tqis il-kuntest ġeopolitiku li qed jevolvi u, fejn xieraq, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li dan ikun proċess dinamiku u kontinwu.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipproponi l-proċess li ġej, li għandu jitwettaq mal-Istati Membri u, fejn xieraq, f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli:

·Ir-riskji għar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista, li għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, billi tiġi approfondita l-analiżi tad-dipendenzi strateġiċi tal-UE, b’enfasi partikolari fuq id-dipendenzi li huma aktar probabbli li jintużaw bħala arma għal skopijiet ġeopolitiċi.

·Ir-riskji għas-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika, li għandhom ikomplu jiġu vvalutati f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022.

·Ir-riskji relatati mas-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija, li għandhom jiġu vvalutati abbażi ta’ lista ta’ teknoloġiji kritiċi strateġiċi għas-sigurtà ekonomika. Fir-rigward tar-riskji l-aktar sensittivi, il-Kummissjoni se tipproponi lista ta’ teknoloġiji b’użu doppju għall-valutazzjoni tar-riskju li tista’ tiġi adottata mill-Kunsill sa Settembru 2023. Il-lista se tkun ibbażata fuq kriterji definiti b’mod ristrett u li jħarsu ’l quddiem bħan-natura abilitanti u trasformattiva ta’ teknoloġija, ir-riskju ta’ fużjoni ċivili u militari, u r-riskju tal-użu ħażin tagħhom għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li t-teknoloġiji ta’ prijorità jiġu vvalutati b’mod kollettiv mal-Istati Membri sa tmiem l-2023, bil-ħsieb li jiġu identifikati l-miżuri rilevanti ta’ protezzjoni u promozzjoni.

·Ir-riskji li d-dipendenzi ekonomiċi jintużaw bħala arma jew ir-riskji ta’ koerċizzjoni ekonomika, li għandhom jiġu vvalutati inkluż fil-kuntest tal-qbil reċenti dwar strument tal-UE kontra l-koerċizzjoni.

Bil-ħsieb li jinżamm approċċ koerenti, immirat u aġġornat għas-sigurtà ekonomika, jenħtieġ li l-Kunsill jagħmel rieżami, abbażi tal-kontribut tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, tar-Rappreżentant Għoli, tal-progress ġenerali dwar il-valutazzjoni tar-riskju f’dawn l-erba’ oqsma kull sitt xhur, u jirrapporta kull sena lill-Kunsill Ewropew.

Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-Istati Membri, se jsaħħu l-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC) sabiex tiżdied il-kapaċità tagħha li tidentifika t-theddid għas-sigurtà ekonomika tal-UE. 

3. It-twettiq tal-istrateġija tas-sigurtà ekonomika

 
Biex jittaffew dawn ir-riskji, l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà Ekonomika hija bbażata fuq:

1)Il-promozzjoni tal-kompetittività u t-tkabbir tal-UE, it-tisħiħ tas-Suq Uniku, l-appoġġ għal ekonomija b’saħħitha u reżiljenti, u t-trawwim tal-bażi teknoloġika, industrijali u tar-riċerka tal-UE.

2)Il-protezzjoni tas-sigurtà ekonomika permezz ta’ firxa ta’ politiki u għodod, inklużi strumenti ġodda mmirati fejn meħtieġ.

3)Is-sħubija u t-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi madwar id-dinja.

3.1 Il-promozzjoni tal-bażi ekonomika, il-kompetittività u t-tkabbir tal-UE

Is-Suq Uniku huwa l-aħjar assi tal-UE biex l-ekonomija tagħha tibqa’ prospera, innovattiva u reżiljenti. Ħafna drabi huwa assoċjat ma’ ekonomiji ta’ skala għall-kooperazzjoni transfruntiera fl-UE u ma’ kundizzjonijiet ekwivalenti. Fl-istess ħin, permezz tal-politiki kummerċjali, l-investiment tal-Global Gateway u politiki oħra tagħha, l-UE qed timmobilizza s-Suq Uniku biex iżżomm il-ktajjen tal-provvista globali miftuħin u ssawwar l-istandards, li jkomplu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista tal-UE. L-implimentazzjoni tan-NextGenerationEU u tal-Fondi ta’ Koeżjoni qed tiskatta riformi u investimenti kbar f’firxa wiesgħa ta’ setturi, inklużi infrastrutturi kritiċi, u diġà qed tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE.

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni adottat diversi proposti konkreti biex iżżid ir-reżiljenza u ssaħħaħ il-ktajjen tal-provvista. L-Istrateġija Industrijali tal-UE identifikat diversi miżuri biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-Suq Uniku, bħall-alleanzi industrijali biex jiġu aċċellerati l-attivitajiet fit-teknoloġija nadifa, il-materja prima, il-proċessuri u s-semikondutturi, id-data, l-edge u l-cloud; proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni biex jinġabru flimkien ir-riżorsi għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji; il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari; it-tisħiħ tal-ħiliet ekoloġiċi u diġitali; u strateġija ġdida biex tiżgura t-tmexxija tal-UE fl-iffissar tal-istandards globali. Bl-istess mod, it-tranżizzjoni tal-enerġija f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u ta’ RepowerEU hija kruċjali biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE. Diġà sar progress sinifikanti f’dan il-qasam iżda se jiġu identifikati aktar sforzi meħtieġa fir-rapport li jmiss dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-proposta għall-Att dwar il-Materja Prima Kritika għandha l-għan li tiffaċilita l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika fl-UE, tnaqqas id-dipendenzi u żżid it-tħejjija. L-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep se jiżgura provvista sigura ta’ semikondutturi, filwaqt li l-Att propost dwar Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti se jgħin biex tiżdied il-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti fl-UE. L-inizjattivi jinkludu mekkaniżmi ta’ governanza effettivi li jippermettu kooperazzjoni f’waqtha u skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri.

Dawn l-inizjattivi għandhom ukoll impatt dirett fuq l-iżgurar ulterjuri tal-ktajjen tal-provvista u l-aċċess għar-riżorsi (dejjem aktar sfidati minn kompetituri strateġiċi, kif enfasizzat mill-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża), ilkoll vitali għal Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea innovattiva, kompetittiva u reżiljenti. L-adozzjoni tagħhom f’waqtha hija għalhekk ta’ importanza vitali għas-sigurtà ekonomika tal-Ewropa.

L-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza għandu l-għan li jiżgura d-disponibbiltà u ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti kritiċi f’każ ta’ emerġenzi futuri. Fil-futur, l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza se jippermetti l-monitoraġġ ta’ prodotti u servizzi strateġiċi, inkluż it-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista u n-nuqqasijiet relatati, u jirreaġixxi malajr u kollettivament ladarba jkun meħtieġ.

Hemm bżonn urġenti ta’ aktar investimenti biex jiġu żgurati kemm it-tmexxija kif ukoll il-kompetittività tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji emerġenti strateġiċi. Sabiex jiġu attirati l-investimenti privati, il-Kummissjoni qed tkompli tiżviluppa l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll Regolament ġdid biex tistabbilixxi Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (Strategic Technologies for Europe Platform, STEP). Din il-Pjattaforma se tappoġġa l-iżvilupp, il-manifattura jew it-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur rispettivi fl-Unjoni ta’ teknoloġiji profondi u diġitali, teknoloġiji nodfa, u bijoteknoloġiji biex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan se jippermetti lill-Unjoni tnaqqas jew tevita d-dipendenzi strateġiċi.

Il-Kummissjoni se tirrapporta wkoll sa tmiem l-2023 dwar l-għażliet li jiżguraw appoġġ adegwat u mmirat b’mod strateġiku għall-iżvilupp tat-teknoloġija b’użu doppju, wara rieżami tal-ambitu tal-istrumenti eżistenti.

3.2 Il-protezzjoni mir-riskji tas-sigurtà ekonomika

L-UE diġà stabbiliet għodod u miżuri speċifiċi għat-tneħħija tar-riskji biex tipproteġi mir-riskji tas-sigurtà ekonomika. Minħabba li r-riskji qed ikomplu jevolvu, jeħtieġ li nivvalutaw l-effettività ta’ dawn l-għodod fl-indirizzar tagħhom u nikkunsidraw aġġornamenti jew għodod ġodda li jistgħu jkunu meħtieġa.

L-indirizzar tar-riskju li d-dipendenzi ekonomiċi jintużaw bħala arma u l-koerċizzjoni ekonomika

Id-dipendenzi strateġiċi, li jistgħu jwasslu għal riskji ta’ sigurtà ekonomika, jistgħu jiġu aggravati minn politiki mhux tas-suq u prattiki użati minn pajjiżi terzi li jaqilbu l-bilanċ. Il-Kummissjoni se tagħmel użu rigoruż tal-Istrumenti ta’ Difiża Kummerċjali biex tindirizza politiki u prattiki inġusti u se tkun lesta li tuża r-Regolament dwar is-Sussidji Barranin biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti mas-Suq Uniku.

Bħala rispons għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-mira ta’ pressjoni ekonomika deliberata f’dawn l-aħħar snin, l-UE adottat l-Istrument tal-UE Kontra l-Koerċizzjoni. L-objettiv tal-istrument huwa l-ewwel u qabel kollox li jiskoraġġixxi lill-pajjiżi milli jirrestrinġu jew jheddu li jirrestrinġu l-kummerċ jew l-investiment biex iġibu bidla fil-politika leġittima fl-UE, iżda jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-UE tieħu kontromiżuri bħala l-aħħar rimedju. L-UE se tikkoopera wkoll ma’ pajjiżi sħab biex timmonitorja każijiet ta’ koerċizzjoni u tivvaluta u tidentifika l-ambitu għal risponsi kkoordinati.

Investimenti ’l ġewwa li jaffettwaw is-sigurtà u l-ordni pubbliku

Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani (IDB) ħoloq mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni għall-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiskambjaw informazzjoni, iqajmu tħassib relatat mas-sigurtà u jidentifikaw soluzzjonijiet relatati ma’ IDB speċifiku bil-ħsieb li jiġu żgurati l-protezzjoni tas-sigurtà u l-ordni pubbliku. Minn Ottubru 2020, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu rieżami ta’ aktar minn 1,000 tranżazzjoni ta’ IDB. Il-Kummissjoni tinsab ukoll fil-proċess li tevalwa l-qafas attwali u se tipproponi r-reviżjoni tiegħu qabel tmiem l-2023. L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx mekkaniżmi nazzjonali ta’ skrinjar tal-IDB għandhom jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien.

Is-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija

Il-kapaċità li jiġu żviluppati u aġġornati teknoloġiji ġodda hija essenzjali għas-sigurtà ekonomika tal-UE, peress li tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi u tippermettilna nipproteġu jew noħolqu vantaġġ teknoloġiku.

Il-ftuħ u l-kooperazzjoni internazzjonali huma fil-qalba tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) Ewropej. Sabiex tgħin fil-prevenzjoni tal-ħrib tat-teknoloġija ffinanzjata mill-UE, il-Kummissjoni tista’ pereżempju, f’każijiet debitament ġustifikati, teskludi ċerti entitajiet ta’ pajjiżi terzi jew entitajiet tal-UE kkontrollati minn ċerti pajjiżi terzi milli jipparteċipaw fi proġetti ta’ implimentazzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni u kapaċitajiet diġitali biex tipproteġi l-assi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà strateġiċi tal-Unjoni. Tista’ tivvaluta wkoll l-impatt tat-trasferiment tar-riżultati ta’ Orizzont Ewropa (inkluża l-proprjetà intellettwali) iġġenerat mir-riċerka ffinanzjata mill-UE lil pajjiżi terzi mhux assoċjati u toġġezzjona għal tali trasferimenti.

Il-Kummissjoni żviluppat ukoll Sett ta’ Għodod dwar l-Indirizzar tal-Interferenza Barranija tar-R&I, li jgħin biex titqajjem kuxjenza u tinbena r-reżiljenza fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha fil-livelli nazzjonali u settorjali biex tissaħħaħ is-sigurtà tar-riċerka b’mod aktar wiesa’.

Għal teknoloġiji meqjusa bħala kritiċi għas-sigurtà ekonomika (identifikati skont it-taqsima 2 hawn fuq), il-Kummissjoni, wara valutazzjoni, se tipproponi miżuri biex ittejjeb is-sigurtà tar-riċerka filwaqt li tiżgura infurzar sistematiku u rigoruż tal-għodod imsemmija hawn fuq u tidentifika u tindirizza kwalunkwe lakuna li jifdal. Se tagħmel dan filwaqt li tippreserva l-ftuħ tas-sistema tagħna, li hija l-pedament għall-ekonomiji innovattivi tagħna.

L-istandardizzazzjoni hija importanti bħala parti mill-influwenza tas-“setgħa ta’ persważjoni” fuq il-forma tal-iżviluppi teknoloġiċi, u għalhekk għandha effett indirett fuq is-sigurtà ekonomika tal-UE (inkluż billi tippermettilha tillimita l-possibbiltajiet ta’ użu abbużiv ta’ teknoloġiji li jistgħu jheddu s-sigurtà ekonomika tagħha). Kif stabbilit fl-istrateġija ta’ standardizzazzjoni tal-UE, jeħtieġ li l-UE tkun tista’ ssawwar standards internazzjonali f’konformità mal-valuri u l-interessi tagħha – u mal-acquis legali tagħha. Fir-rigward tal-atti futuri dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-data jew ir-reżiljenza ċibernetika, l-UE se taħdem fuq standards Ewropej u lejn standards internazzjonali kongruenti flimkien mas-sħab. Bl-istess mod, l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, speċjalment il-privattivi, se jikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni tal-ħrib tat-teknoloġija

Skont l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà tagħha tal-2020, l-UE qed tuża miżuri biex tiġġieled kontra l-prattiki malizzjużi fl-isfera diġitali biex tipproteġi ruħha minn influwenza illeġittima, spjunaġġ industrijali u ħrib illeċitu tal-għarfien. L-Att propost dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika se jtejjeb iċ-ċibersigurtà, għas-settur pubbliku u dak privat, tal-hardware u tas-software mibjugħa fl-Unjoni. L-UE se tkompli tindirizza s-serq bl-użu taċ-ċibernetika tal-proprjetà intellettwali, inkluż permezz ta’ Settijiet ta’ Għodod tal-UE Ibridi u Ċiberdiplomatiċi, biex twieġeb għal tali attivitajiet malizzjużi.

Il-protezzjoni tas-sigurtà ekonomika permezz tal-protezzjoni tal-infrastruttura

L-UE adottat id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi u d-Direttiva Riveduta dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistema tal-informazzjoni (id-Direttiva NIS2). Dawn jipprovdu qafas legali aġġornat u komprensiv biex tissaħħaħ kemm ir-reżiljenza fiżika kif ukoll dik diġitali tal-infrastruttura kritika (inklużi l-enerġija, it-trasport, is-saħħa, l-infrastruttura diġitali, l-ilma u l-ikel). B’segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2022, diġà qed jitwettqu azzjonijiet immirati biex jiġi żgurat rispons komuni tal-UE għall-inċidenti.

Biex jiżdiedu s-sigurtà u r-reżiljenza tan-networks tal-5G, is-Sett ta’ Għodod tal-5G jistabbilixxi sett ta’ miżuri li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha, inklużi miżuri li jirrestrinġu jew jeskludu l-fornituri b’riskju għoli. Fil-15 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri li għadhom ma applikawx kompletament dawn il-miżuri għall-fornituri b’riskju għoli biex jagħmlu dan mingħajr dewmien.

L-Att propost dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika se jkollu wkoll rwol importanti fl-iżgurar tal-katina tal-provvista għall-infrastruttura kritika tal-UE. Qed jiġu żviluppati wkoll valutazzjonijiet u xenarji tar-riskju ċibernetiku speċifikament għas-setturi tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika u tal-enerġija u se jservu biex jiggwidaw l-azzjonijiet appoġġati skont l-Att propost dwar is-Solidarjetà Ċibernetika, b’mod partikolari l-ittestjar ikkoordinat tal-entitajiet kritiċi.

Koordinazzjoni aħjar tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju

Xi teknoloġiji strateġiċi huma ta’ natura ta’ użu doppju u jeħtieġu attenzjoni speċifika. Taħt it-taqsima 2 hawn fuq, l-UE se tidentifika lista ta’ teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà ekonomika u se tivvaluta r-riskji tagħhom b’mod kollettiv. Filwaqt li huma soġġetti għal qafas multilaterali u tal-UE, id-deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju huma prinċipalment f’idejn l-Istati Membri.

L-arkitettura stabbilita għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju – bir-reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni bħala dawk li jistabbilixxu l-istandards – f’dawn l-aħħar deċennji indirizzat l-objettivi tal-politika ta’ sigurtà tal-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin rawmet il-ftuħ u klima favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni u n-nonproliferazzjoni b’mod ġenerali. L-UE se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-ħidma tar-reġimi multilaterali, għalkemm l-effettività tagħha hija mxekkla mill-fatt li hija biss membru ta’ wieħed mir-Reġimi ta’ Kontroll Multilaterali eżistenti, u osservatur f’reġim ieħor.

Madankollu, fid-dawl tal-isfidi l-ġodda relatati maż-żieda fil-potenzjal militari ta’ firxa ta’ teknoloġiji strateġiċi, il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, iż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi u r-riskji għas-sigurtà nazzjonali, xi Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi żiedu l-kontrolli nazzjonali biex jillimitaw l-esportazzjoni ta’ teknoloġiji kritiċi barra mill-proċessi stabbiliti fir-reġimi multilaterali għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, jew f’xi każijiet bnew fuqhom, bħat-tagħmir tal-manifattura għal ċipep semikondutturi avvanzati jew tagħmir relatat mal-computing kwantistiku. Żvilupp reċenti wera wkoll il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà fir-reġim, biex ikun hemm rispons għal avvenimenti attwali u li qed jinbidlu malajr.

Ir-Regolament tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ġie rivedut fl-2021 biex jindirizza aħjar ir-riskji assoċjati mas-sigurtà, it-teknoloġija u l-ambjent kummerċjali li qed jevolvu malajr, b’enfasi partikolari fuq l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji sensittivi u emerġenti. Dan jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lil Stat Membru wieħed jintroduċi kontrolli tal-esportazzjonijiet ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, li jammontaw għal effett koordinat u transfruntier, fost l-Istati Membri tal-UE u appoġġjat mill-Kummissjoni, tal-kontrolli tal-esportazzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom hija prerogattiva nazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet bħalissa qed jiġu ttestjati.

Il-ħtieġa għal azzjoni aktar rapida u kkoordinata fil-livell tal-UE fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjonijiet saret urġenti peress li proliferazzjoni mhux koordinata ta’ kontrolli nazzjonali mill-Istati Membri toħloq lakuni u ddgħajjef l-effettività tal-kontrolli tal-esportazzjonijiet u l-integrità tas-Suq Uniku. Hekk kif qed jiġu żviluppati aktar teknoloġiji li huma kruċjali għas-sigurtà nazzjonali u soġġetti għall-kontrolli nazzjonali, id-diverġenzi possibbli bejn l-Istati Membri jdgħajfu s-sigurtà ekonomika tal-UE kollha kemm hi. Sabiex dan ma jseħħx, jenħtieġ li r-Regolament attwali jiġi implimentat bis-sħiħ. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tibda riflessjoni li tibni fuq il-qafas eżistenti biex jiġi żviluppat approċċ Ewropew aktar ikkoordinat li jmur lil hinn mill-obbligu attwali li tiġi żgurata t-trasparenza fost l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għalhekk se tressaq proposta mhux aktar tard mill-ħarifa ta’ din is-sena biex ittejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas attwali. Jenħtieġ li tagħmlu adatt għall-iskop tiegħu fl-ambjent tat-teknoloġija u tas-sigurtà li qed jinbidel malajr, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala attur globali f’kuntest fejn ir-reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet jinsabu taħt pressjoni, b’rispett sħiħ tal-kompetenzi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri.    

Investimenti ’l barra

L-UE u l-Istati Membri għandhom ukoll interess komuni li jevitaw li s-sett limitat ta’ avvanzi teknoloġiċi, li huma vvalutati bħala ewlenin għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari u tal-intelligence ta’ atturi li jistgħu jużawhom biex jimminaw il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, ikun xprunat mill-kapital, il-kompetenzi u l-għarfien tal-kumpaniji tagħna.

Il-kontrolli strateġiċi tal-kummerċ u tal-investiment jeħtieġu approċċ olistiku li jippermettilna nipproteġu l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħna. Dan iqajjem il-mistoqsija dwar il-ħtieġa li jiġu soġġetti għal kontrolli mhux biss oġġetti esportati, iżda wkoll ċerti investimenti ’l barra biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-ħrib tat-teknoloġija u l-għarfien prattiku bħala parti minn dak l-investiment.

Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar kooperazzjoni biex jiġi evitat il-ħrib ta’ teknoloġiji emerġenti sensittivi, kif ukoll ta’ oġġetti oħra b’użu doppju, lejn destinazzjonijiet ta’ tħassib li joperaw strateġiji ta’ fużjoni ċivili u militari, u biex jiġi evitat il-mili tal-vojt (backfilling) ta’ kwalunkwe esportazzjoni u investiment ikkontrollati.

Il-Kummissjoni se teżamina liema riskji għas-sigurtà jistgħu jirriżultaw minn investimenti ’l barra, flimkien mal-Istati Membri. Hija se tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Istati Membri ddedikat ġdid, biex jassisti f’dawn il-kompiti, u jibni mekkaniżmu ġdid ta’ kooperazzjoni strutturat u kunfidenzjali. Il-Kummissjoni, b’kontribut minn dan il-grupp ta’ esperti l-ġdid, se twettaq ukoll attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u konsultazzjonijiet man-negozji u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, u ma’ pajjiżi sħab, kif xieraq.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se teżamina miżuri possibbli biex tindirizza r-riskji għas-sigurtà relatati ma’ investimenti ’l barra, bil-ħsieb li tipproponi inizjattiva qabel tmiem is-sena. .

Fil-qosor, neħtieġu l-unità fil-livell tal-UE għal użu aktar kuraġġuż u aktar mgħaġġel tal-istrumenti eżistenti tal-UE meta jkunu meħtieġa u approċċ aktar assertiv għall-infurzar. Jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li dawn jintużaw fil-potenzjal sħiħ tagħhom biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà, filwaqt li jitqiesu wkoll l-impatti barra mill-UE. Jenħtieġ li n-negozji tal-UE jiġu mħeġġa wkoll jintegraw ir-riskji għas-sigurtà ekonomika fil-proċessi tad-diliġenza dovuta u tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom. Barra minn hekk, f’xi oqsma din il-Komunikazzjoni tidentifika l-ħtieġa li jissaħħu jew jiġu żviluppati għodod ġodda li jikkorrispondu għar-riskji tal-lum.

3.3 Sħubija dwar is-sigurtà ekonomika

L-UE ma tistax tikseb is-sigurtà ekonomika waħedha. Ir-rispons politiku tagħha lanqas ma jista’ jkun unilaterali. L-ekonomija globali se tibqa’ integrata u interkonnessa, u azzjoni effettiva tal-UE tiddependi fuq il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ oħrajn. It-trasparenza u l-kooperazzjoni huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-politiki tas-sigurtà ekonomika ma jkollhomx konsegwenzi mhux mixtieqa fuq pajjiżi terzi, b’mod partikolari fuq dawk l-aktar vulnerabbli. It-tneħħija tar-riskji fil-ktajjen tal-provvista u l-mitigazzjoni tad-disturbi jinvolvu d-diversifikazzjoni tal-provvista u l-aċċess għal sett varjat ta’ swieq tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-vulnerabbiltajiet tal-UE marbuta mad-dipendenzi kritiċi f’setturi strateġiċi huma simili ħafna għal dawk ta’ ħafna atturi globali oħrajn, inklużi l-eqreb sħab tagħha, filwaqt li l-pajjiżi kollha huma potenzjalment vulnerabbli għal diversi forom ta’ koerċizzjoni ekonomika.

Dan jagħmel argument b’saħħtu għall-kooperazzjoni mal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ sħab, inklużi sħab li ilhom żmien twil tal-istess fehma, bħall-membri tal-G7, kif ukoll ma’ oħrajn li magħhom naqsmu interessi komuni u li huma lesti li jikkooperaw magħna.

Din il-kooperazzjoni se tkun flessibbli, u se tvarja fil-forma, l-ambitu u t-tipi ta’ parteċipanti fil-funzjoni ta’ interessi kondiviżi u dipendenzi komuni u skont il-qasam ta’ politika speċifiku jew ir-riskji identifikati.

Kooperazzjoni bilaterali u multilaterali

L-UE qed tespandi bil-kbir l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali tagħha biex tkun attur aġli fejn dan ikun meħtieġ għal sigurtà ekonomika akbar. Dan huwa element ewlieni tar-rispons ta’ politika tal-Unjoni, li jimplimenta l-kunċett tas-sigurtà permezz tad-diversifikazzjoni tas-sħab. Diġà qed isseħħ kooperazzjoni intensiva dwar is-sigurtà ekonomika ma’ diversi sħab inklużi l-Istati Uniti u l-Indja bħala parti mill-Kunsilli tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC) rispettivi. Id-Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Ġappun se jinkorpora linja ta’ ħidma ddedikata dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà ekonomika.

Il-G7 jipprovdi triq importanti għall-kooperazzjoni dwar is-sigurtà ekonomika. Id-dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Hiroshima ta’ Mejju 2023 dwar ir-reżiljenza ekonomika u s-sigurtà ekonomika tikkonferma l-impenn tal-Mexxejja tal-G7 li jaħdmu flimkien u mas-sħab lil hinn mill-G7 biex isaħħu r-reżiljenza ekonomika globali u s-sigurtà ekonomika, billi jibnu ktajjen tal-provvista u infrastruttura kritika reżiljenti, jirrispondu għal prattiki dannużi bħall-politiki mhux tas-suq u l-koerċizzjoni ekonomika, u jevitaw il-ħrib ta’ teknoloġiji kritiċi u emerġenti.

L-akbar sett ta’ għodod ġeoekonomiċi possibbli – minn Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles għal Sħubijiet Diġitali, Alleanzi u Sħubijiet Ekoloġiċi, Sħubijiet dwar il-Materja Prima, u l-Klabb tal-Materja Prima u kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi fil-viċinat tal-UE – jippermettilna nirreaġixxu għal firxa wiesgħa ta’ sfidi relatati mas-sigurtà ekonomika bl-għodda xierqa għall-akbar koordinazzjoni u effett possibbli. Se nkomplu nużaw dawn l-istrumenti u nadattawhom biex nikkontribwixxu aħjar għar-reżiljenza tal-katina tal-provvista u għas-sigurtà ekonomika tal-UE.

Se nkomplu nagħmlu l-aħjar użu min-network vast tal-UE ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles permezz ta’ implimentazzjoni sħiħa filwaqt li naħdmu wkoll biex nespanduh. Dawn il-ftehimiet jiffaċilitaw it-tneħħija tar-riskji, id-diversifikazzjoni tan-negozji u t-tnaqqis tad-dipendenzi billi jiftħu swieq ġodda u jgħinu biex jinħolqu rabtiet ekonomiċi ta’ benefiċċju reċiproku, speċjalment f’reġjuni fejn inkella l-UE tħalli vojt li l-pajjiżi terzi jimlew, kif ukoll jappoġġjaw is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali.

Dimensjoni ewlenija tas-sigurtà ekonomika hija r-rieda tal-UE li ssaħħaħ is-sħubijiet tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jista’ jkollhom rwol akbar fil-ktajjen tal-valur globali. L-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE lil pajjiżi b’introjtu baxx u medju għall-industrijalizzazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tnaqqis tad-distakk diġitali mhuwiex biss siewi waħdu u joħloq effetti pożittivi għall-komunitajiet lokali, iżda jikkontribwixxi wkoll għar-reżiljenza ekonomika tagħna billi jippromwovi ekonomija globali aktar diversifikata.

F’dan ir-rigward, il-Global Gateway u s-Sħubija għall-Investimenti fl-Infrastruttura Globali se jkunu kruċjali fil-kontribut għas-sigurtà ekonomika tal-benefiċjarji tagħhom billi jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u l-integrazzjoni mal-ekonomiji globali. Dawn l-inizjattivi se jgħinu lill-UE u lis-sħab tagħha jindirizzaw l-isfidi ewlenin flimkien, inklużi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-użu ta’ infrastrutturi diġitali siguri, it-titjib tas-sistemi tas-saħħa u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, filwaqt li joffru lis-sħab alternattivi sostenibbli għal prattiki ta’ investiment li jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-koerċizzjoni ekonomika mill-kredituri tagħhom. Huma jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà ekonomika tal-UE, b’mod partikolari billi jgħinu jiddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista u jintegraw il-ktajjen tal-valur mas-sħab f’setturi ewlenin.

L-UE se tkompli tibni forom oħra ta’ kooperazzjoni ma’ diversi sħab dwar kwistjonijiet ta’ interess, pereżempju dwar materja prima kritika fi Klabb dwar il-Materja Prima Kritika.

Kooperazzjoni multilaterali

Fil-livell globali, il-kooperazzjoni multilaterali u l-qafas ibbażat fuq ir-regoli jipprovdu l-pedament għas-sigurtà ekonomika tal-UE u tal-membri kollha tal-komunità internazzjonali. Anke f’ambjent ta’ rivalità strateġika u kompetizzjoni ekonomika, hemm lok għal kooperazzjoni internazzjonali dwar sfidi komuni u ħtieġa għal regoli ċari li jiggarantixxu kummerċ ġust u miftuħ, u b’hekk ikun hemm ilqugħ għax-xejra li “dak li hu l-aktar b’saħħtu għandu raġun”, għall-frammentazzjoni ekonomika jew għall-protezzjoniżmu.

Għalhekk, l-interess tal-UE huwa li ssaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali permezz ta’ fora u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-G20, in-NU jew il-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp. Fil-qasam tal-kummerċ, l-UE se tkompli bl-isforzi tagħha biex tirriforma l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u terġa’ tistabbilixxi l-funzjoni tagħha tas-soluzzjoni tat-tilwim, minħabba r-rwol kritiku li għandha WTO effettiva fil-minimizzazzjoni tar-riskju ta’ mġiba arbitrarja u t-tnaqqis tal-ambitu tar-restrizzjonijiet kummerċjali possibbli.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, se:

Øjiżviluppaw mal-Istati Membri qafas għall-valutazzjoni tar-riskji li jaffettwaw is-sigurtà ekonomika tal-UE; dan jinkludi l-istabbiliment ta’ lista ta’ teknoloġiji li huma kritiċi għas-sigurtà ekonomika u l-valutazzjoni tar-riskji tagħhom bil-ħsieb li jitfasslu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

Øjinvolvu ruħhom fi djalogu strutturat mas-settur privat biex jiżviluppaw fehim kollettiv tas-sigurtà ekonomika u jħeġġuh iwettaq id-diliġenza dovuta u l-ġestjoni tar-riskju fid-dawl tat-tħassib dwar is-sigurtà ekonomika.

Øjappoġġaw aktar is-sovranità teknoloġika tal-UE u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur tal-UE, inkluż billi jiġu żviluppati teknoloġiji kritiċi permezz ta’ STEP.

Øjagħmlu rieżami tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani.

Øjesploraw għażliet biex jiżguraw appoġġ immirat adegwat għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’użu doppju.

Øjimplimentaw bis-sħiħ ir-regolament tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet dwar oġġetti b’użu doppju u jagħmlu proposta biex jiżguraw l-effettività u l-effiċjenza tiegħu.

Øjipproponu inizjattiva biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà relatati ma’ investimenti ’l barra.

Øjipproponu miżuri biex tittejjeb is-sigurtà tar-riċerka filwaqt li jiżguraw infurzar sistematiku u rigoruż tal-għodod eżistenti u jidentifikaw kwalunkwe lakuna li jifdal. 

Øjesploraw l-użu mmirat tal-istrumenti tal-PESK biex tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika tal-UE inkluż sett ta’ għodod Ibridi u taċ-Ċiberdiplomazija u sett ta’ għodod ta’ manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni barranija (FIMI).

Øjagħtu struzzjonijiet lill-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC) tal-UE biex taħdem speċifikament fuq id-detezzjoni ta’ theddid possibbli għas-sigurtà ekonomika tal-UE.

Øjiżguraw li l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-sigurtà ekonomika tal-UE jkunu integrati bis-sħiħ fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea u jintensifikaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà ekonomika.

Konklużjoni

F’dinja interkonnessa, l-ebda pajjiż ma jista’ jaġixxi waħdu biex jiżgura s-sigurtà ekonomika tiegħu. Fid-dinja tal-lum, l-interessi ekonomiċi u tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri, il-vulnerabbiltajiet u r-reazzjonijiet rarament jistgħu jitqiesu jew jiġu identifikati b’mod iżolat minn dawk ta’ Stati Membri oħra jew dawk tal-Unjoni kollha kemm hi. L-interessi tal-Istati Membri individwali huma marbuta b’mod inseparabbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-integrità tal-politika kummerċjali tal-UE u l-interessi tas-sigurtà tal-UE kollha kemm hi.

L-alternattiva għal approċċ tal-UE għas-sigurtà ekonomika hija li s-sħab tagħna jagħżlu l-alleanzi huma stess, filwaqt li atturi b’intenzjonijiet inqas tajbin ifittxu li jifirdu u jsaltnaw. Għalhekk, azzjoni komuni u kkoordinata tal-UE fil-politiki kollha, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri, hija essenzjali għas-sigurtà ekonomika tal-Unjoni. Il-muftieħ għas-suċċess se jkun li naġixxu flimkien.