|
21.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 257/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “La tagħmilx ħsara lill-koeżjoni — Prinċipju trasversali li jikkontribwixxi għall-koeżjoni bħala objettiv u valur ġenerali tal-UE”
(2023/C 257/01)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
|
1. |
jilqa’ l-introduzzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” fit-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, fejn huwa definit bħala “l-ebda azzjoni ma għandha tfixkel il-proċess ta’ konverġenza jew tikkontribwixxi għad-disparitajiet reġjonali” (1), iżda jiddispjaċih li r-rapport ma jipprovdi l-ebda għarfien fil-fond biex tinkiseb stampa ċara tal-problemi (ħsara għall-koeżjoni) u s-soluzzjonijiet possibbli; |
|
2. |
jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u objettiv trasversali li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappoġġja bis-sħiħ. Jirrimarka li l-kriżijiet reċenti staġnaw il-konverġenza u affettwaw b’mod partikolari l-aktar ċittadini vulnerabbli; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta’ lok fejn jinbet il-populiżmu u l-estremiżmu fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin; |
|
3. |
jirringrazzja lill-Parlament Ewropew (2) talli talab lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex ikun involut fl-implimentazzjoni u t-tfassil tal-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-proposti ta’ din l-Opinjoni meta tiżviluppa aktar il-prinċipju; |
|
4. |
jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni jappellaw għal sensibilizzazzjoni ġenerali li ma ssir l-ebda ħsara lill-koeżjoni fil-politiki u l-inizjattivi kollha tal-Unjoni, u fl-implimentazzjoni tas-suq intern, inklużi r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat; |
|
5. |
ifakkar li, skont l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politiki u l-azzjonijiet Ewropej kif ukoll il-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp armonjuż ġenerali u l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni. Jinsisti li, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni, politiki oħra tal-UE huma marbuta b’dan l-objettiv. Jinnota li bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu fis-seħħ biex dan jiġi żgurat; |
|
6. |
jitlob mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri li l-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni jinbidel minn kunċett għal realtà; |
|
7. |
iwissi lill-Kummissjoni li l-prinċipju għadu ’l bogħod milli jintuża bħala għodda biex titwettaq il-koeżjoni, u jirriskja li jikkomprometti l-iskop tal-politika ta’ koeżjoni fiha nnifisha. Il-politika ta’ koeżjoni hija u għandha tibqa’ l-għodda ewlenija għal żvilupp armonjuż tal-Unjoni għar-reġjuni kollha; |
|
8. |
jipproponi interpretazzjoni wiesgħa tal-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni, li tkopri l-politiki Ewropej kollha b’impatt spazjali kif ukoll il-politiki nazzjonali rilevanti, u li tinkludi rekwiżit li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ koeżjoni tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli; |
|
9. |
jipproponi li l-Kummissjoni tapplika regola obbligatorja “ikkonforma jew spjega” marbuta mal-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għal kwalunkwe inizjattiva proposta; |
|
10. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-analiżi tal-aspetti ta’ koeżjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew, b’mod partikolari permezz tal-anness dwar il-prestazzjoni ekonomika u soċjali fil-livell reġjonali tar-rapporti tal-pajjiżi; ikun saħansitra aktar utli jekk jipprovdi sitwazzjoni attwali ta’ koeżjoni fil-livell NUTS 2 fl-Istati Membri u jinkludi analiżi tal-politiki eżistenti li tista’ tispjega s-sitwazzjoni u l-miżuri possibbli biex jissolvew id-disparitajiet reġjonali; |
Kif tista’ ssir ħsara lill-koeżjoni
|
11. |
jirrikonoxxi li l-eżistenza ta’ ħafna tipi ta’ disparitajiet flimkien man-nuqqas ta’ data dwar l-effetti tal-politiki fir-reġjuni u l-bliet tagħna, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tagħmilha diffiċli li jinkiseb għarfien aktar profond dwar il-ħsara li qed issir għall-koeżjoni u li jiġu proposti soluzzjonijiet maniġġabbli; |
|
12. |
jirrimarka li, minbarra l-politika ta’ koeżjoni, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ xi politiki tal-UE jikkontribwixxu għall-proċess ta’ konverġenza filwaqt li oħrajn jistgħu jmorru kontrih; jenfasizza li mhux biss il-politiki ta’ finanzjament iżda wkoll l-inizjattivi regolatorji jew il-ftehimiet kummerċjali jista’ jkollhom impatt sinifikanti u joħolqu ostakli għall-iżvilupp ta’ reġjuni inqas żviluppati, anke jekk jidhru “għomja għar-realtajiet territorjali”; |
|
13. |
jinnota, pereżempju, li kwalunkwe laxkar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat spiss ikun ta’ benefiċċju akbar għall-Istati Membri aktar żviluppati; |
|
14. |
iqis li s-sinerġiji potenzjali bejn il-fondi tal-UE li għandhom dimensjoni territorjali jistgħu jiġu sfruttati aħjar; |
|
15. |
jenfasizza li, minkejja ħafna semplifikazzjonijiet introdotti mill-Kummissjoni, il-kumplessità tal-fondi tal-UE u r-regoli għall-użu tagħhom għadhom jagħmluha diffiċli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jibbenefikaw mill-programmi tal-UE; |
|
16. |
jirrimarka li l-kapaċità limitata tal-atturi lokali u reġjonali li jaċċessaw opportunitajiet ta’ finanzjament u li jmexxu proġetti tirriżulta wkoll minn nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ ħiliet tekniċi jew kapaċità li jiġi pprovdut il-kofinanzjament mistenni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja b’mod partikolari lill-Istati Membri b’rati baxxi ta’ assorbiment permezz ta’ miżuri għall-bini tal-kapaċità; |
|
17. |
jikkondividi l-fehma fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni li l-użu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kien ċentralizzat ħafna fil-livell tal-Istati Membri u ma kellux konsultazzjoni mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet (3); |
|
18. |
jiddispjaċih li skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri li jirrapportaw dwar id-distribuzzjoni tal-fondi fid-diversi reġjuni; jargumenta favur informazzjoni u trasparenza aħjar dwar id-destinazzjoni tal-flus u jappella sabiex jiġu implimentati programmi ta’ investiment futuri fil-livell lokali jew reġjonali; |
|
19. |
jenfasizza li l-programmi u l-fondi differenti tal-UE li joperaw b’mod parallel, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, REACT-EU, JTF (Fond għal Tranżizzjoni Ġusta), FEŻR (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u FSE+ (Fond Soċjali Ewropew Plus) jobbligaw lill-awtoritajiet maniġerjali jaħdmu b’regoli u dmirijiet ta’ implimentazzjoni differenti, li joħloq inċertezzi u jwassal għal bidu aktar bil-mod f’xi wħud mill-programmi; |
|
20. |
jiddispjaċih li ma hemm l-ebda ħarsa ġenerali ċara dwar l-effett ikkombinat ta’ għadd kbir ta’ regolamenti tal-UE kemm b’mod ġenerali kif ukoll fuq xulxin. Jenfasizza li dan jillimita l-possibbiltà ta’ għażliet spazjali integrali u jagħmilha diffiċli li jiġu implimentati regolamenti individwali, u li jeħtieġ li jsiru għażliet meta tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija (permezz ta’ investimenti pereżempju f’networks tat-tisħin/pannelli solari), l-applikazzjoni tat-tħaddir (pereżempju, fil-forma ta’ siġar) fl-ambjent, il-provvista ta’ mobbiltà sostenibbli u l-bini ta’ akkomodazzjoni suffiċjenti u sostenibbli; |
|
21. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, anke bħala parti mill-politika ta’ koeżjoni, tista’ ssir ħsara mhux intenzjonata li tnaqqas l-impatt tagħha; l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jallokaw livelli massimi ta’ finanzjament lil reġjuni inqas żviluppati u reġjuni fi tranżizzjoni, u dan ixekkel il-proċess ta’ konverġenza. Jappella sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jottimizzaw l-użu tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni f’reġjuni inqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni, inkluż bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu li jmiss tal-programmi 2021-2027; |
|
22. |
jinnota li l-koeżjoni tista’ tiġi pperikolata wkoll mill-fatt li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ntuża biex jirreaġixxi b’mod sistematiku għall-kriżijiet reċenti; jenfasizza li għalkemm dan seta’ kkontribwixxa għall-prevenzjoni ta’ twessigħ ulterjuri tad-disparitajiet, il-prinċipji ta’ koeżjoni ta’ programmazzjoni strateġika bbażata fuq l-evidenza, sħubija u governanza f’diversi livelli xorta għandhom jiġu rispettati fi kwalunkwe strument ta’ rispons għall-kriżijiet; |
|
23. |
jenfasizza li l-KtR jirrifjuta kwalunkwe tentattiv ta’ ċentralizzazzjoni tal-programmi tal-UE u mhux se jaċċetta li l-livell lokali u reġjonali jiġi injorat aktar fil-programmi futuri tal-UE. Jenfasizza li l-ġestjoni kondiviża kienet ta’ suċċess u ma għandhiex tiddgħajjef minn programmi ġestiti ċentralment; |
L-implimentazzjoni tal-prinċipju permezz ta’ valutazzjoni ex ante msaħħa, evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, kontinwa u ex post tal-impatti territorjali tal-politiki rilevanti kollha tal-UE
|
24. |
jenfasizza li t-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni jitlob li jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u l-verifika rurali “sabiex il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta’ territorji differenti tal-UE jitqiesu aħjar”; jilqa’ l-fatt li, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ valutazzjonijiet tal-impatt territorjali (verifika reġjonali) fil-politiki rilevanti tal-UE kemm fl-istadju tat-tfassil tagħhom kif ukoll f’dak tal-evalwazzjoni; |
|
25. |
jenfasizza l-ħtieġa ta’ valutazzjoni ex ante sistematika tal-impatti territorjali differenzjati potenzjali fuq it-tipi kollha ta’ reġjuni tal-politiki l-ġodda kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali fil-fażi tad-disinn tagħhom bħala l-aktar għodda effettiva biex il-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni jitqiegħed fil-prattika; |
|
26. |
jirrimarka li l-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tal-2016 jimpenja lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt, kull meta jkun possibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti territorjali; iqis li l-pakkett tal-KE tal-2021 għal Regolamentazzjoni aħjar (4) jipprovdi qafas għall-valutazzjoni tal-impatti territorjali; madankollu, jiddispjaċih li l-istipulazzjoni li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-enfasi tagħhom twassal fil-prattika għal valutazzjoni jew sottovalutazzjoni ta’ spiss limitata ħafna tal-impatti territorjali. Ifakkar fl-impenji ripetuti tal-Kummissjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin (5) biex issaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali; |
|
27. |
għalhekk, jirrakkomanda t-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatti territorjali differenzjati potenzjali u l-effetti negattivi fuq il-koeżjoni fis-sett ta’ għodod tal-KE għal Regolamentazzjoni Aħjar b’diversi modi:
|
|
28. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar il-mudelli u l-metodi tal-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali bl-appoġġ tal-JRC (Ċentru Konġunt tar-Riċerka) u l-ESPON; |
|
29. |
jistieden lill-Kummissjoni tagħti kapaċità għal servizz iddedikat biex jappoġġja lid-direttorati ġenerali fil-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali u jipprovdi taħriġ obbligatorju dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali lill-uffiċjali kollha tal-Kummissjoni li jittrattaw il-valutazzjonijiet tal-impatt; |
|
30. |
itenni t-talba tiegħu lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju biex jinkludi membru permanenti maħtur mill-KtR sabiex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jagħtu kas it-territorji; |
|
31. |
huwa ħerqan li jassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali tagħha; joffri b’mod partikolari li jgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet rilevanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni u jgħin fl-identifikazzjoni ta’ esperti fil-livelli lokali u reġjonali biex jieħdu sehem fil-workshops tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali; |
|
32. |
jirrimarka li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jista’ jkollu rwol aktar b’saħħtu fl-aġenda tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar, pereżempju billi jwettaq valutazzjoni tal-impatt territorjali huwa stess dwar politiki tal-UE li potenzjalment jistgħu jagħmlu ħsara lill-koeżjoni, jekk dan jingħata mezzi addizzjonali; |
|
33. |
jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi implimentat il-prinċipju la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni anke fil-fażi ta’ evalwazzjoni (ex post, ta’ nofs it-terminu u li għadu għaddej), sabiex ma jkunx eżerċizzju ta’ mmarkar tal-kaxxi ta’ darba matul il-valutazzjoni ex ante, billi jiġi mmonitorjat u evalwat l-impatt tal-politiki settorjali tal-UE fuq il-koeżjoni; |
|
34. |
jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, l-introduzzjoni fil-pakkett tal-KE għal Regolamentazzjoni Aħjar rakkomandazzjoni li l-leġiżlazzjoni jew il-programmi evalwati għandhom iħarsu lejn l-impatti diretti possibbli fuq il-koeżjoni jew l-(in)konsistenzi mal-politika ta’ koeżjoni; rapporti (ekwivalenti għar-Rapport dwar il-Koeżjoni) prodotti fil-kuntest tal-politiki settorjali għandu jkollhom parti ddedikata għall-effetti ta’ koeżjoni; |
|
35. |
ifakkar fil-valur miżjud li r-RegHub jipprovdi, permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, għall-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni implimentata tal-UE; itenni l-appell biex isir użu sħiħ mill-pjattaforma Fit for Future, RegHub u l-KtR innifsu, biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha evidenza dettaljata tal-impatt fil-prattika; |
|
36. |
jenfasizza l-ħtieġa ġenerali għal data u għodod statistiċi fil-livell lokali u reġjonali biex jappoġġjaw il-valutazzjoni ex ante u l-evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-politiki/strumenti tal-UE fuq il-koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-indikaturi u l-indiċijiet komprensivi (minbarra l-PDG per capita) bħall-Indiċi tal-Progress Soċjali tal-UE jew l-Indiċi tal-Kompetittività Reġjonali jirriflettu l-aspetti kollha tal-iżvilupp armonjuż hekk kif jistgħu jitfaċċaw sorsi ġodda ta’ disparitajiet. Jappella sabiex jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-Eurostat u l-JRC għall-iżvilupp tal-osservatorji urbani u rurali. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi għall-ġbir ta’ data u informazzjoni fil-livell lokali biex jevalwaw l-impatt tal-leġiżlazzjoni u l-politiki; |
L-implimentazzjoni tal-prinċipju permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tal-politiki/fondi tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali
|
37. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissemplifika l-politiki u l-fondi ta’ investiment biex tiżgura sinerġiji u komplementarjetajiet sabiex jintlaħqu l-objettivi magħżula. Jappella sabiex il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta kif ukoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jiġu rregolati b’fondi oħra skont l-istess Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; |
|
38. |
jenfasizza il-ħtieġa li jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u Orizzont Ewropa sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fir-reġjuni kollha tal-UE, li jippermettu lill-UE tikkompeti fuq skala globali billi tinvesti fl-eċċellenza reġjonali u jistgħu jkunu soluzzjoni għan-nassa tal-iżvilupp tar-reġjuni bi dħul medju; |
|
39. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, fil-ġestjoni tal-finanzjament tal-UE, biex tqis il-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni u l-potenzjal għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali lil hinn mill-PDG; |
|
40. |
iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jwettqu valutazzjoni tal-impatt territorjali ex ante sistematika sabiex l-ebda politika nazzjonali ma tkun “għamja għar-realtajiet territorjali”, bl-użu tat-tagħlimiet meħuda mill-Azzjoni Pilota tal-Aġenda Territorjali 2030 “Nifhmu kif il-politiki settorjali jsawru l-(iż)bilanċi spazjali”; |
|
41. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-ministeri, l-aġenziji u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni differenti biex jagħmlu l-aħjar użu mis-sinerġiji u l-komplementarjetajiet potenzjali bejn il-politiki u l-flussi ta’ finanzjament differenti u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda dupplikazzjoni jew ħsara għall-koeżjoni; |
|
42. |
itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u kwalunkwe suċċessur tagħha jintegraw b’mod dirett l-approċċ tal-politika ta’ koeżjoni bbażat fuq programmazzjoni strateġika bbażata fuq l-evidenza, governanza f’diversi livelli u s-sħubija; |
|
43. |
jenfasizza li livelli differenti ta’ gvern jeħtieġ li jaħdmu flimkien fi sħubija biex iwasslu l-koeżjoni fil-prattika, inkluż billi jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta’ politiki/strumenti differenti tal-UE; |
|
44. |
jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw kwalunkwe wieħed mir-reġjuni tagħhom li l-iżvilupp tagħhom għadu lura fil-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi u jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-ħiliet biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-programmi tal-UE. |
Brussell, l-24 ta’ Mejju 2023.
Vasco ALVES CORDEIRO
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Ara paġna 30 tal-Cohesion in Europe towards 2050, Eighth Report on Economic, Social and Territorial Cohesion (Koeżjoni fl-Ewropa lejn l-2050, it-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) (http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/cohesion-report/) (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Rapport A9-0210/2022 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE: it-8 Rapport dwar il-Koeżjoni (2022/2032(INI)).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Rapport ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza” (ĠU C 157, 3.5.2023, p. 12).
(4) Better regulation: guidelines and toolbox (Regolamentazzjoni aħjar: linji gwida u sett ta’ għodod – mhux disponibbli bil-Malti).
(5) Ara l-komunikazzjonijiet tal-KE Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (2021) u Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE (2022).