European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4208

24.7.2024

P9_TA(2023)0405

Qafas tal-UE għas-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u l-ħaddiema fis-settur kulturali u kreattiv

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2023 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas tal-UE għas-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u tal-ħaddiema fis-setturi kulturali u kreattivi (2023/2051(INL))

(C/2024/4208)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 46, 151, 153, 157, 165, 167 u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 12, 13, 15, 27, 28, 30 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO dwar l-Istatus tal-Artist tas-27 ta’ Ottubru 1980, il-Konvenzjoni tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali u d-Dikjarazzjoni adottata matul il-Konferenza Dinjija tal-UNESCO dwar il-Politiki Kulturali u l-Iżvilupp Sostenibbli (MONDIACULT 2022),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-ILO,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Stuttgart tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 1983,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017, approvata mill-mexxejja tas-27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-Ministri tal-Kultura tal-G20 tat-30 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Cáceres (1) adottata fil-laqgħa informali tal-Ministri għall-Kultura tal-UE fil-25-26 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2000 fil-Kawża C-178/97 (2),

wara li kkunsidra l-atti rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tax-xogħol u l-politika soċjali, bħad-Direttiva (UE) 2018/957 li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (3), ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (4), id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (5), id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (6), u d-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra l-atti rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tat-trattament ugwali bħad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 li tikkonċerna t-trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa fl-impjiegi u fix-xogħol (8), li tinkludi wkoll sistemi ta’ sigurtà soċjali, id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (9), u d-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (10), u d-Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpaniji elenkati u miżuri relatati (In-Nisa fuq il-Bordijiet),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (11),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali (12) u d-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (13),

wara li kkunsidra l komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 intitolata “Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura” (COM(2018)0267),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 intitolata “Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura (COM(2018)0268),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2020 intitolata “Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li Jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni” (COM(2020)0784 final),

wara li kkunsidra l-Ftehimiet Qafas tas-Sħab Soċjali Ewropej dwar it-Telexogħol (2002) u d-Diġitalizzazzjoni (2020),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021–2027) (14),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (15),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (16),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (17),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (COM(2021)0102),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2022 dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (COM(2022)0317),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2022 intitolata “Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom” (2022/C 374/02),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2023 intitolata “Insaħħu d-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea: nisfruttaw il-potenzjal kollu tiegħu biex niksbu tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2023)0040),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Settembru 2023 intitolata “Id-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali: l-iffaċilitar tal-moviment liberu fis-Suq Uniku” (COM(2023)0501),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (18),

wara li kkunsidra l-Perspettiva tal-Industrija Ewropea tal-Midja tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fis-17 ta’ Mejju 2023 (SWD(2023)0150),

wara li kkunsidra l-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għall-apprendiment tul il-ħajja,

wara li kkunsidra l-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 u r-Rapport tal-Parlament dwar qafas strateġiku ġdid tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali wara l-2020 (inkluża protezzjoni aħjar tal-ħaddiema mill-esponiment għal sustanzi ta’ ħsara, mill-istress okkupazzjonali u minn leżjonijiet minħabba movimenti ripetittivi) (2021/2165(INI)),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2018/C 189/01),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (2019/C 387/01),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2021 dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2022 dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023-2026 (2022/C 466/01),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti (2006/2249(INI)) u tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE (2020/2261(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura (2018/2091(INI)) u tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Istrateġija tal-UE għar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali (2022/2047(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708(RSP)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni, fil-kultura u fis-settur awdjoviżiv (2020/2017(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar ir-Rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt (2021/2025(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: pjan ta’ azzjoni b’appoġġ għall-irkupru u t-trasformazzjoni (2021/2017(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE (2021/2007(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż (2020/2243(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (2021/2162(INI)) u r-rapport BUDG-CONT, bħala mandat ikkonfermat mill-plenarja fl-10 ta’ Mejju 2023, dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (2022/0162(COD)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2021 dwar l-introduzzjoni ta’ numru Ewropew tas-Sigurtà Soċjali b’karta tal-impjieg personali (2021/2620(RSP)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti u adegwat għal sfidi ġodda (2022/2046(INI))

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2023 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: L-impjieg u l-prioritajiet soċjali għall-2023 (2022/2151(INI)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali (2023/2536(RSP)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2023 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar traineeships ta’ kwalità fl-Unjoni (2020/2005(INL),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2021 intitolata “Il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli ’l quddiem” (2021/2058(INI)),

wara li kkunsidra l-istudju li twettaq għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ta’ Novembru 2023, intitolat “Qafas tal-UE għas-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u tal-ħaddiema fis-setturi kulturali u kreattivi – Valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew”  (20) (l-“Istudju tal-EPRS dwar l-EAVA), u r-rapport ta’ Mejju 2021, ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, intitolat “Is-Sitwazzjoni tal-Artisti u l-Ħaddiema Kulturali u l-Irkupru Kulturali ta’ wara l-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea: Rakkomandazzjonijiet ta’ Politika”  (21),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) tal-esperti tal-Istati Membri intitolat “L-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u kreattivi” ta’ Ġunju 2023 (22),

wara li kkunsidra r-rapport, tal-4 ta’ Ġunju 2021 tal-Grupp ta’ Ħidma MMK tal-Esperti tal-Istati Membri intitolat “Towards gender equality in the cultural and creative sectors (Lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi kulturali u kreattivi)”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Vuċijiet tal-Kultura ta’ Ġunju 2021 intitolat “Status u Kundizzjonijiet ta’ Ħidma ta’ Artisti u Professjonisti Kulturali u Kreattivi”  (23),

wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni intitolat “Status u Kundizzjonijiet ta’ Ħidma ta’ Artisti u Professjonisti Kulturali u Kreattivi ”, Network Ewropew ta’ Esperti dwar il-Kultura u l-Qasam Awdjoviżiv (EENCA) (2020) (24),

wara li kkunsidra l-istudju tal-UNESCO intitolat “Culture and working conditions for artists: implementing the 1980 Recommendation concerning the Status of the Artist” (2019),

wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta’ Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0304/2023),

A.

billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (“setturi kulturali u kreattivi”) jaqdu rwol essenzjali biex jiżguraw it-twassil tal-kultura bħala ben pubbliku u d-drittijiet kulturali taċ-ċittadini Ewropej; billi l-kultura, l-arti, il-wirt kulturali, u d-diversità kulturali huma ta’ valur kbir għas-soċjetà Ewropea mill-perspettiva kulturali, edukattiva, demokratika, ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ekonomika u tal-innovazzjoni u jirrappreżentaw setturi strateġiċi għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, u għalhekk għandhom jiġu appoġġati minn finanzjament suffiċjenti u oqfsa ta’ politika ambizzjużi, filwaqt li jitqiesu s-sinerġiji ma’ politiki settorjali oħra;

B.

billi l-artisti, l-awturi u l-kreaturi kulturali kollha huma s-sors kreattiv tal-kultura Ewropea tagħna li fuqha huma mibnija s-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna; billi l-espressjonijiet u x-xogħlijiet kulturali u kreattivi ħafna drabi huma r-riżultat tal-kontribuzzjonijiet essenzjali ta’ persuni li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi (“professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi”) f’funzjonijiet, rwoli u kapaċitajiet differenti, li jvarjaw mill-ħolqien ta’ xogħlijiet għal appoġġ tekniku u għall-immaniġġjar tal-proġetti inkluż appoġġ għal attivitajiet ta’ programmazzjoni, ta’ riċerka u dawk kuratorjali, kif ukoll għall-komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-udjenzi, fost l-oħrajn; billi l-eżistenza ta’ tali espressjonijiet u xogħlijiet tiddependi, għalhekk, fuq jekk il-professjonisti kollha tas-setturi kulturali u kreattivi jirċivux rikonoxximent u appoġġ adegwati;

C.

billi wieħed jista’ jsegwi l-attivitajiet artistiċi bħala dilettant jew bħala professjonist, u b’hekk tiżdied il-kompetizzjoni f’ambjent diġà kompetittiv ħafna; billi d-distinzjoni legali bejniethom mhux dejjem hija stabbilita b’mod ċar u tista’ tvarja fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u fil-prattiki nazzjonali; billi hemm bżonn li jiġu żviluppati politiki komprensivi biex jiġi żgurat li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jgħixu bil-prattika tagħhom;

D.

billi 7,7 miljun persuna kienu f’impjieg kulturali madwar l-Istati Membri fl-2022, li jammonta għal 3,8 % tal-impjiegi totali (25); billi l-impatt ekonomiku rilevanti tas-setturi kulturali u kreattivi, li jirrappreżenta 4,2 % tal-PDG tal-UE u 1,0 % tan-nefqa kollha tal-amministrazzjoni pubblika (26), jaġixxi wkoll bħala faċilitatur tat-tkabbir sostenibbli f’setturi differenti u għall-iżvilupp lokali u reġjonali;

E.

billi, irrispettivament mir-rwol jew l-istatus tagħhom bħala ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha, il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jistgħu jkunu kkaratterizzati minn prekarjetà, instabbiltà u n-natura intermittenti tal-ħidma tagħhom, bi dħul imprevedibbli, setgħa ta’ negozjar aktar dgħajfa fir-relazzjonijiet mal-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom, kuntratti fuq żmien qasir, kopertura ta’ sigurtà soċjali dgħajfa jew l-assenza tagħha, u nuqqas ta’ aċċess għall-appoġġ għall-qgħad; billi l-firxa tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi fi ħdan u fost il-pajjiżi, minħabba differenzi fis-setturi u t-tipi ta’ xogħol fi ħdan is-setturi tvarja u tista’ twassal għal differenzi fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol; billi l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol fis-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġ li jittejbu drastikament, kif enfasizzat mid-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20 ta’ Ruma ta’ Ottubru 2021 (27);

F.

billi s-setturi kulturali u kreattivi huma magħmula l-aktar minn individwi kif ukoll organizzazzjonijiet u intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, organizzazzjonijiet ġestiti minnhom infushom u kooperattivi kulturali; billi aktar mid-doppju tan-numru ta’ professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jaħdmu għal rashom milli l-popolazzjoni ġenerali (32 % meta mqabbel ma’ 14 %) u l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi spiss ikunu involuti f’forom ta’ impjieg li jiddevjaw minn arranġamenti ta’ xogħol tradizzjonali u li huwa inqas probabbli mill-persuna medja li taħdem li jkollhom impjieg permanenti, li jkunu impjegati, jaħdmu full time jew ikollhom impjieg wieħed, li spiss jikkombinaw l-impjieg u l-impjieg għal rashom, inkluż li jaħdmu waħidhom għal rashom, fis-setturi kulturali u kreattivi u f’setturi oħra bħas-servizzi jew l-edukazzjoni; billi li wieħed ikollu impjiegi multipli jista’ jaffettwa b’mod sever il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi għandhom it-tendenza li jkollhom karrieri bbażati fuq proġetti u livell għoli ta’ mobilità;

G.

billi n-nuqqas ta’ qafas ta’ impjieg speċifiku għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi skont il-liġi nazzjonali f’xi Stati Membri u dawn l-arranġamenti ta’ xogħol atipiċi, spiss interrotti minn jew b’mod parallel ma’ perjodi sinifikanti ta’ ħin mhux remunerat imqatta’ fuq riċerka artistika, il-ħolqien ta’ xogħlijiet jew provi, flimkien ma’ dħul irregolari, iwasslu għal pagamenti irregolari u perjodi ta’ kontribuzzjoni mhux kontinwi li jillimitaw severament il-kapaċità kontributorja tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi u l-aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali; billi, bħala konsegwenza, l-aċċess tagħhom għall-benefiċċji rilevanti, b’mod partikolari r-reġimi tal-benefiċċji tal-qgħad, il-livelli tal-benefiċċji matul l-irtirar, il-liv annwali u tal-mard, il-liv tal-familja u tal-indukrar, kif ukoll l-aċċess tagħhom għall-indukrar tat-tfal, spiss ikun limitat; billi, anke meta l-kopertura tkun disponibbli fuq bażi volontarja, il-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li jaħdmu għal rashom għandhom rata ta’ kopertura baxxa; billi din is-sitwazzjoni tista’ tiġi aggravata mid-determinazzjoni żbaljata tal-istatus tal-impjieg tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi;

H.

billi l-progressjoni tal-karriera u s-sostenibbiltà tal-karriera fis-setturi kulturali u kreattivi spiss jiddependu mill-karatteristiċi soċjoekonomiċi u huma kkundizzjonati mill-età, il-ġeneru, l-oriġini etnika, id-diżabbiltà u l-klassi; billi l-ħaddiema tas-setturi kulturali u kreattivi li jkunu f’nofs il-karriera, il-ħaddiema b’diżabbiltà, il-ħaddiema minn gruppi etniċi minoritarji u minn sfondi tal-klassi tal-ħaddiema jistgħu jiffaċċjaw kundizzjonijiet agħar ta’ kwalità tax-xogħol; billi l-progress u s-sostenibbiltà tal-karriera fis-setturi kulturali u kreattivi huma mimlija sfidi u l-prospetti tal-karriera għandhom it-tendenza li jmorru għall-agħar bl-età; billi b’mod speċifiku rata ogħla ta’ impjieg indipendenti hija evidenti għall-ħaddiema ta’ età akbar fis-setturi kulturali u kreattivi, li tpoġġihom f’riskju ogħla ta’ prekarjetà;

I.

billi l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, li kixfet il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol prekarji tagħhom; billi l-UNESCO stmat li globalment aktar minn 10 miljun ħaddiem fis-setturi kulturali u kreattivi tilfu l-impjieg tagħhom fl-2020 (28); billi l-mekkaniżmi kontra l-kriżi kellhom rwol ewlieni matul u wara l-pandemija tal-COVID-19 fl-indirizzar tal-isfidi fis-setturi kulturali u kreattivi; billi, għalkemm is-setturi kulturali u kreattivi għaddew minn tranżizzjoni sinifikanti bħala riżultat tal-pandemija, id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, li jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet essenzjali, is-setturi ma rkuprawx bis-sħiħ mit-telf imġarrab matul il-pandemija, u dan ħalla impatt dejjiemi fuq l-għajxien tal-persuni li jaħdmu fis-setturi; billi l-kriżi tal-COVID-19 issottolinjat il-fraġilità tal-istrutturi organizzattivi u tal-prattiki tax-xogħol eżistenti minn qabel, b’mod partikolari għall-professjonisti vulnerabbli bi status ta’ impjieg prekarju, bħal dawk li jaħdmu fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ impjiegi atipiċi jew ristretti għal proġett;

J.

billi l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi għandhom it-tendenza li jkollhom intitolamenti baxxi għall-irtirar bħala riżultat tan-natura atipika u xi kultant prekarja tax-xogħol tagħhom li jista’ jkollha impatt fuq il-livell ta’ kontribuzzjonijiet jew kriterji tal-eliġibbiltà oħra meħtieġa; billi l-artisti jistgħu jkomplu jipprattikaw wara l-età uffiċjali tal-irtirar;

K.

billi djalogu soċjali settorjali li jiffunzjona tajjeb, fil-livell nazzjonali u tal-UE, u livelli għoljin ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv għandhom rwol essenzjali fil-bini ta’ setturi professjonali u sostenibbli billi jiffaċilitaw suq tax-xogħol inklużiv li jrawwem kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi pagi ġusti u adegwati; billi l-kopertura limitata tan-negozjar kollettiv fis-setturi kulturali u kreattivi (29) f’diversi Stati Membri tikkontribwixxi għal kwalità fqira tal-impjiegi, pagi baxxi u aċċess limitat għall-protezzjoni soċjali; billi t-trade unions jiffaċċjaw sfidi fl-organizzazzjoni tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi minħabba x-xejriet ta’ xogħol intermittenti, it-tibdil fil-postijiet tax-xogħol, il-kombinazzjoni ta’ attivitajiet professjonali u fid-dawl tal-għadd ogħla ta’ professjonisti li jaħdmu għal rashom fis-settur; billi għadd ta’ organizzazzjonijiet ma jipparteċipawx fin-negozjar kollettiv, u ħafna gruppi okkupazzjonali għadhom mhux rappreżentati; billi l-isfidi l-ġodda li qed jiffaċċjaw is-setturi, bħad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda għandhom jiġu riflessi f’sistemi moderni u effettivi ta’ negozjar kollettiv;

L.

billi x-xogħol mhux iddikjarat idgħajjef id-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti, ifixkel politiki orjentati lejn it-tkabbir sostenibbli, joħloq riskji serji għas-sostenibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew, u jrawwem kompetizzjoni inġusta; billi l-prevalenza ta’ xogħol parzjalment jew kompletament mhux iddikjarat li jeskludi lill-professjonisti mill-protezzjoni tal-liġi tax-xogħol u l-kopertura tas-sigurtà soċjali hija kwistjoni ta’ tħassib serju fis-setturi kulturali u kreattivi; billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) taqdi rwol kruċjali fit-twettiq ta’ spezzjonijiet miftiehma u konġunti sabiex jittejbu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u biex jiġu miġġielda l-frodi u l-abbuzi ta’ natura transfruntiera fuq il-ħaddiema;

M.

billi d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi, fil-pensjonijiet u fil-kura huma preżenti wkoll fis-setturi kulturali u kreattivi; billi n-nisa huma f’minoranza f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħatra ta’ pożizzjonijiet maniġerjali u ta’ tmexxija (30); billi n-nisa fuq medja jaqilgħu inqas mill-kontropartijiet maskili tagħhom fl-istess okkupazzjoni (31) u f’tipi ta’ kuntratti li jistgħu jaffettwaw serjament il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż permezz ta’ sigħat tax-xogħol mhux konvenzjonali u irregolari, il-ħtieġa li jivvjaġġaw għax-xogħol u netwerking intensiv, kif ukoll in-nuqqas ta’ infrastruttura tal-kura; billi, bħala konsegwenza, in-nisa spiss ikollhom karrieri komparattivament iqsar, speċjalment fis-settur awdjoviżiv;

N.

billi l-fastidju sesswali fis-setturi kulturali u kreattivi huwa tliet darbiet ogħla (32) milli fil-forza tax-xogħol medja; billi n-nisa jsofru b’mod sproporzjonat mill-fastidju u mill-abbuż, anke online, kif wera biċ-ċar l-eżempju tal-moviment MeToo; billi dan jista’ jinvolvi r-riskju ta’ awtoċensura, li jħalli impatt negattiv fuq it-tip ta’ espressjonijiet artistiċi li jipproduċu n-nisa u jnaqqas il-libertà tal-espressjoni u l-progressjoni tal-karriera tagħhom; billi l-vjolenza u l-molestja abbażi tal-ġeneru fis-setturi kulturali u kreattivi jsaħħu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri (33); billi tali ostakli sistemiċi se jirrikjedu approċċ integrat għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tiegħu; billi l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 190) u r-Rakkomandazzjoni (Nru 206) huma l-ewwel standards tax-xogħol internazzjonali li jipprovdu qafas komuni biex jipprevjenu, jirrimedjaw u jeliminaw il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol;

O.

billi xi Stati Membri adottaw miżuri ta’ inċentivar biex iħeġġu lill-kumpaniji, fuq bażi volontarja, jipparteċipaw fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-vittmi ta’ vjolenza u fastidju abbażi tal-ġeneru, billi jagħtuhom tnaqqis possibbli tal-kontribuzzjoni tal-impjegaturi għas-sistemi tas-sigurtà soċjali meta jimpjegawhom b’kuntratt indefinit, li jista’ jservi bħala eżempju ta’ prattika tajba;

P.

billi l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi minn gruppi żvantaġġati, inklużi nisa, żgħażagħ, nisa minn minoranzi etniċi u ġeografiċi jew dawk bi status ta’ residenza differenti, persuni bi sfond soċjoekonomiku vulnerabbli, persuni b’diżabbiltà u persuni LGBTIQ+, kif ukoll nisa u żgħażagħ, għandhom inqas aċċess għal karrieri artistiċi u kulturali u inqas opportunitajiet biex jiżviluppaw karrieri fit-tul fis-settur, u dan ikabbar ir-riskju ta’ nuqqas ta’ sostituzzjoni ġenerazzjonali fis-setturi kulturali u kreattivi;

Q.

billi m’hemm l-ebda qafas ġuridiku speċifiku f’għadd ta’ Stati Membri għal kwalunkwe kategorija ta’ professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; billi għadd ta’ Stati Membri qegħdin fil-proċess li jaġġornaw il-qafas legali tagħhom sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi billi jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi kulturali u kreattivi; billi diversi Stati Membri inkludew fir-riformi leġiżlattivi tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi;

R.

billi l-mobbiltà hija element importanti tal-attività artistika professjonali u tal-iżvilupp tal-karriera u tikkontribwixxi biex jiżdiedu d-dħul u l-predittività finanzjarja fit-tul; billi ħafna artisti ta’ spiss jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri; billi l-mobbiltà hija importanti għall-istudenti u għall-professjonisti żgħażagħ fis-setturi kulturali u kreattivi biex iwessgħu l-edukazzjoni tagħhom, jiksbu settijiet ta’ ħiliet diversifikati u jirrikonoxxu firxa usa’ ta’ prospetti ta’ karriera attraenti; billi, mill-banda l-oħra, l-mobbiltà artistika tinvolvi sfidi speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni soċjali u t-tassazzjoni, li jeħtieġu miżuri speċifiċi; billi l-livell għoli ta’ mobbiltà jista’ jwassal ukoll għal xogħol mhux iddikjarat (34); billi l-istrumenti ta’ finanzjament attwali li jappoġġjaw il-mobbiltà għandhom jiġu adattati aħjar għall-karatteristiċi speċifiċi tas-setturi; billi l-produzzjonijiet artistiċi spiss jinvolvu professjonisti tas-CSS mhux biss Ewropej iżda anke ta’ pajjiżi terzi li l-mobbiltà tagħhom tista’ tiġi ostakolata mid-diffikultà fl-akkwist ta’ viżi għal terminu ta’ żmien medju;

S.

billi l-aċċess għall-edukazzjoni artistika jippromwovi l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi; billi l-programm Erasmus+ kien dak li kellu l-aktar suċċess evidenti tal-Unjoni fl-ilħuq tal-objettivi ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva; billi n-nuqqas attwali ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kompetenzi artistiċi u l-ħiliet u l-kwalifiki kreattivi qed ixekkel il-mobbiltà transfruntiera tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi;

T.

billi s-setturi kulturali u kreattivi għaddejjin minn bidliet sinifikanti, li jirrikjedu valutazzjoni tal-ħiliet meħtieġa fis-setturi u l-iżvilupp ta’ politiki biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi attwali fil-ħiliet; billi l-Patt għall-Ħiliet 2020 u s-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 komplew jenfasizzaw il-ħtieġa li l-ħiliet, speċjalment il-ħiliet trasversali, personali u diġitali, jiġu integrati fis-sistemi edukattivi bl-għan li tiġi żviluppata t-tranżizzjoni tat-talent u tal-karriera, inkluż permezz ta’ taħriġ tekniku u vokazzjonali permezz ta’ sħubijiet tal-ħiliet fuq skala kbira fi ħdan l-ekosistema usa’ tas-setturi kulturali u kreattivi, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali;

U.

billi l-pass mgħaġġel tat-trasformazzjoni diġitali, aċċellerat matul il-pandemija tal-COVID-19, u l-użu dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali (IA) qed joħolqu opportunitajiet u impjiegi ġodda, jiffaċilitaw mudelli ta’ negozju u forom ta’ produzzjoni ġodda u jiddiversifikaw l-arranġamenti tax-xogħol, u jsaħħu wkoll l-aċċess għall-kultura għal udjenzi usa’, u b’hekk jikkontribwixxu għad-dinamiżmu tas-setturi u t-trasformazzjoni tagħhom; billi dan, madankollu, ġab miegħu ċerti sfidi u inċertezzi li rriżultaw f’telf ta’ impjiegi, l-ispostament tal-ħaddiema u telf ta’ kontroll fuq xogħolhom, inklużi sfidi relatati mal-awtur u s-sjieda tal-kreazzjonijiet u mad-diversità; billi d-diġitalizzazzjoni ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi kulturali bejn il-fruntieri; billi din ix-xejra mxiet id f’id mal-użu dejjem akbar ta’ prattiki kuntrattwali abbużivi u koerċittivi minn pjattaformi tal-media kbar, li jheddu r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u adegwati tal-kreaturi Ewropej;

V.

billi r-remunerazzjoni ġusta għall-użu tax-xogħol kreattiv tagħhom hija ċentrali għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-awturi u tal-kompożituri, peress li din hija l-bażi tal-qligħ tagħhom bħala kreatur professjonali; billi l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u s-sistema globali tagħhom għandhom rwol importanti biex jippermettu lill-ħallieqa jiġu remunerati b’mod ġust, inkluż permezz tan-negozjar ta’ tariffi mal-utenti, u fil-kontribut għall-promozzjoni tad-diversità u l-espressjoni kulturali;

W.

billi d-Dikjarazzjoni ta’ Stuttgart tirrifletti viżjoni Ewropea magħquda, fejn il-mexxejja esprimew ir-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien lejn destin komuni u x-xewqa li tiġi affermata l-identità Ewropea u li jsir progress lejn unjoni dejjem eqreb fost il-popli tagħha; billi d-Dikjarazzjoni tqis ir-rwol tal-kultura bħala komponent importanti biex jintlaħaq dan l-għan;

Is-settur kulturali u dak kreattiv: niġbru l-popli tal-Ewropa flimkien

1.

Iqis li s-setturi kulturali u kreattivi (setturi kulturali u kreattivi) għandhom rwol fundamentali biex il-bniedem jiffjorixxi u jippromwovi l-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Ewropa, id-demokrazija vibranti u l-prosperità u l-inklużività tas-soċjetajiet tagħna; iqis, barra minn hekk, li jistħoqqilhom appoġġ minħabba l-valur intrinsiku tal-arti u l-kultura;

2.

Jissottolinja li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi huma essenzjali għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u li l-ħidma tagħhom tikkontribwixxi biex il-komunitajiet isiru konnessi, tibni l-identità tal-popli tal-Ewropa, filwaqt li tippromwovi d-diversità kulturali u d-djalogu universali Ewropej;

3.

Jissottolinja r-responsabbiltà tal-Unjoni, skont l-Artikolu 167 tat-TFUE, biex tagħti l-kontribut tagħha ħalli jiffjorixxu l-kulturi tal-Istati Membri u, skont l-Artikolu 3 tat-TUE, biex tissalvagwardja u ttejjeb il-wirt kulturali tal-Ewropa; iqis li storikament il-wirt kulturali Ewropew aġixxa bħala ċentru ta’ attrazzjoni u influwenza madwar id-dinja, iżda ż-żamma ta’ dan ir-rwol ewlieni jirrikjedi investiment sinifikanti fis-setturi kulturali u kreattivi u l-politiki li jsaħħuhom, biex b’hekk jissaħħu d-drittijiet kulturali tal-poplu;

“Status ta’ artist”

4.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO tal-1980 dwar l-Istatus tal-Artisti, li għaliha huma kollha firmatarji; jinnota li r-rapporti ta’ implimentazzjoni sussegwenti juru li jeħtieġ li jsir aktar biex ikun hemm konformità mar-Rakkomandazzjoni; iqis li l-bidliet fl-aħħar erba’ deċennji, b’mod partikolari dawk marbuta mad-diġitalizzazzjoni, inlużi l-IA, il-forom atipiċi ta’ xogħol li dejjem jiżdiedu, jirrikjedu li l-Istati Membri jadattaw l-azzjonijiet tagħhom kontinwament sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiġi stabbilit qafas konsistenti u solidu ta’ drittijiet; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti tal-UNESCO biex itejbu l-informazzjoni u l-ġbir tad-data dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi u jinfurmaw it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza;

5.

Jinnota li l-esperti identifikaw in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi u ta’ rikonoxximent tal-ispeċifiċitajiet tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom (35) bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għal kopertura dgħajfa ta’protezzjoni soċjali tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu s-sitwazzjoni speċifika tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, permezz tal-faċilitazzjoni mill-Kummissjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati u aġġustati, fejn ikun meħtieġ, ir-regoli differenti li japplikaw għall-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom, bil-għan li tiġi żgurata, minn naħa waħda, l-applikazzjoni bla xkiel tal-kundizzjonijiet marbuta mal-istatus tagħhom, għal dawk li għandhom tali status skont il-liġi nazzjonali; u li tinkiseb konverġenza u li tittejjeb, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni għal dawk li mhumiex koperti minn tali status, filwaqt li jiġi promoss ix-xogħol transnazzjonali fl-Ewropa;

6.

Jappella lill-Kummissjoni timmappja d-definizzjonijiet eżistenti tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi madwar l-Istati Membri bil-ħsieb li jikkontribwixxu għal fehim komuni li għandu jiġi rifless fit-tfassil tal-politika u fl-istatistika kulturali tal-UE; iqis li tali approċċ għandu jiġi allinjat ukoll mar-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO tal-1980;

Aċċess għall-protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti

7.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma introduċewx status speċifiku għall-artisti u professjonisti oħra tas-setturi kulturali u kreattivi biex jagħmlu dan, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi għal protezzjoni soċjali adegwata li tikkonforma mal-istandards minimi f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (2019/C 387/01); jistieden lill-Istati Membri jagħlqu l-lakuni eżistenti fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari fid-dawl tas-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lil dawk l-Istati Membri li diġà għandhom “status ta’ artist” fis-seħħ biex jimmonitorjaw regolarment l-adegwatezza tiegħu u jtejbuh fejn meħtieġ fl-istess dawl, filwaqt li jiżguraw il-kopertura tal-professjonisti kollha tas-setturi kulturali u kreattivi, u b’mod partikolari ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, u jaġġustawha għall-isfidi l-ġodda li jġibu magħhom id-diġitalizzazzjoni u l-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar lil dawk l-Istati Membri li f’dawn l-aħħar snin wettqu tali rieżami u adattament;

8.

Jisħaq fuq ix-xejriet tax-xogħol atipiċi fil-karrieri kulturali u kreattivi u l-livell għoli ta’ mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jirriżultaw fi sfidi, komuni madwar l-Unjoni, fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; iqis li, għalhekk, huma meħtieġa azzjonijiet immirati u koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-Unjoni biex jiġi ffaċilitat li l-professjonisti kollha tas-setturi kulturali u kreattivi, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom, fi ħdan l-UE jkollhom aċċess universali, effettiv u simplifikat għal skemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u komprensivi; ifakkar fir-rilevanza ta’ skemi ta’ introjtu minimu adegwati u aċċessibbli għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li spiss jesperjenzaw perjodi ta’ riżorsi finanzjarji insuffiċjenti, irregolari jew inċerti, u jissottolinja li skemi bħal dawn m’għandhomx jissostitwixxu remunerazzjoni ġusta u adegwata u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-setturi kulturali u kreattivi;

9.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw l-akkwist, il-preservazzjoni u l-portabbiltà tad-drittijiet fl-iskemi kollha biex jippermettu lill-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, li spiss jikkombinaw jew jibdlu l-impjiegi jew jgħaddu bejn l-istatus ta’ ħaddiem u ta’ min jaħdem għal rasu, jindirizzaw l-introjtu instabbli u frammentat, ix-xogħol mhux imħallas u l-insigurtà tal-impjiegi, u jissalvagwardjaw standard minimu għall-introjtu tagħhom, billi jadattaw b’mod effettiv l-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali biex jiżguraw aċċess komprensiv għall-benefiċċji soċjali, inklużi l-benefiċċji tal-qgħad, fi skemi ta’ protezzjoni soċjali bbażati fuq il-kontribuzzjonijiet u li jkollhom kopertura adegwata, kif ukoll jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-każ ta’ skemi volontarji ta’ protezzjoni soċjali; jafferma li d-dritt għal remunerazzjoni ġusta u proporzjonata derivata mid-drittijiet tal-awtur u minn drittijiet relatati għandu jkun kompatibbli mas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal pensjoni kontributorja, peress li l-karrieri kreattivi mhumiex limitati skont l-età;

10.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ddeterminat b’mod korrett l-istatus ta’ impjieg tal-persuni li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi li jikkorrispondi għall-arranġamenti tax-xogħol attwali tagħhom; jisħaq li l-ħaddiema kollha huma koperti mill-acquis tal-UE fil-qasam tal-liġi tax-xogħol kif ukoll mil-liġi nazzjonali tax-xogħol u fost l-oħrajn ikollhom id-dritt għal paga minima, negozjar kollettiv, ħin tax-xogħol u protezzjoni tas-saħħa, id-dritt għal-liv imħallas u aċċess imtejjeb għall-protezzjoni kontra l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, il-benefiċċji tal-qgħad u tal-mard, kif ukoll il-pensjonijiet kontributorji għall-anzjani; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tax-xogħol u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Ispezzjoni tal-Ħaddiema tal-ILO Nru 81, u li tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura l-klassifikazzjoni korretta tal-persuni li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi;

Sfidi f’sitwazzjonijiet transfruntiera

11.

Jissottolinja l-importanza ġenerali tal-mobbiltà transfruntiera għall-iffaċilitar tal-ħidma kreattiva tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi u l-espansjoni tal-opportunitajiet għall-kisba ta’ esperjenza professjonali ġdida barra mill-pajjiż;

12.

Jisħaq li l-iżgurar ta’ koordinazzjoni u portabbiltà bla xkiel tad-drittijiet fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri huwa importanti biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li juru livell għoli ta’ mobbiltà tal-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 b’mod korrett u konsistenti; jisħaq fuq l-importanza tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapidi tar-reviżjoni tagħhom;

13.

Jinnota li b’mod partikolari għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema mhux standard, għadha sfida li jinnavigaw is-sistemi differenti fis-seħħ; jiddispjaċih li ħafna ostakli amministrattivi, finanzjarji, fiskali u lingwistiċi għall-mobbiltà, b’mod partikolari l-portabbiltà transfruntiera tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, għadhom jippersistu, spiss minħabba differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; jissottolinja li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu spiss jiffaċċjaw kontribuzzjonijiet multipli lejn assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa f’diversi Stati Membri, mingħajr ma jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom; jitlob koordinazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell tal-Unjoni biex jitnaqqsu d-distakki bejn is-sistemi nazzjonali biex jiġi żgurat li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li jaħdmu f’diversi pajjiżi jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet soċjali tagħhom;

14.

Jemmen li l-promozzjoni tal-informazzjoni dwar ir-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Ewropa dwar il-mobbiltà transfruntiera tal-artisti fil-livell tal-UE hija meħtieġa u utli għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-punti ta’ informazzjoni dwar il-mobbiltà eżistenti jew, fejn mhux stabbiliti, jistabbilixxu punti ta’ informazzjoni dwar il-mobbiltà ffinanzjati b’mod adegwat bħala punti uniċi ta’ servizz li huma faċilment aċċessibbli fil-lingwi kollha tal-UE u li se jgħinu lill-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jiġbru l-informazzjoni settorjali rilevanti kollha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-mobbiltà, il-fiskalità u l-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali tagħhom;

15.

Jemmen li l-iskambju awtomatizzat ta’ informazzjoni permezz tal-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali (EESSI), li għandu l-għan li, permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva, jippermetti lill-professjonisti mobbli jaħdmu fl-Ewropa mingħajr xkiel, u li dan għandu potenzjal kbir għas-setturi kulturali u kreattivi; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-EESSI jindirizza l-ispeċifiċitajiet tax-xejriet tax-xogħol u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fis-setturi kulturali u kreattivi u li l-professjonisti kollha tas-setturi kulturali u kreattivi jkunu koperti, filwaqt li tibni fuq il-Komunikazzjoni reċenti dwar id-diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (36);

16.

Jinnota l-impenn reċenti tal-Kummissjoni fl-attivitajiet pilota tal-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali (ESSPASS) u jħeġġiġha taċċellera l-implimentazzjoni tagħhom; itenni t-talba ripetuta tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva għal inizjattiva ESSPASS, li tista’ tiżgura identifikazzjoni, traċċabbiltà, aggregazzjoni u portabbiltà effettivi tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u ttejjeb l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fis-suq tax-xogħol biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-ħaddiema u l-kumpaniji tal-Unjoni; jisħaq li huwa kruċjali li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-kopertura tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet bejn il-fruntiera fil-forma ta’ għodda diġitali faċli; jissottolinja li verifika rapida tal-istatus u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tista’ tgħin fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u n-nuqqas ta’ konformità mal-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi fis-seħħ fil-pajjiż ospitanti, il-frodi u l-abbuż tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u tippermetti lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-ispettorati tax-xogħol u l-fornituri tal-kura tas-saħħa jivverifikaw il-konformità, permezz ta’ kontroreferenzjar bejn il-bażijiet tad-data; jissottolinja li l-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali (ESSP) jagħmilha wkoll aktar faċli għall-ħaddiema biex jittraċċaw u jitolbu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-benefiċċji tagħhom bħad-drittijiet tal-pensjoni, jiffaċilita l-portabbiltà tagħhom u jipprevjeni aħjar il-frodi soċjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħas-sottokuntrattar abbużiv, l-impjieg indipendenti fittizju, ix-xogħol mhux iddikjarat u n-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jitlob li tintuża s-soluzzjoni ESSPASS fis-setturi kulturali u kreattivi, sabiex jiġi żgurat li din tindirizza l-ispeċifiċitajiet tas-setturi u l-ħtiġijiet partikolari ta’ dawk li jaħdmu għal rashom;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, jiffaċilitaw, permezz tal-għoti ta’ informazzjoni faċilment aċċessibbli, l-applikazzjoni sħiħa tal-ftehimiet kollettivi applikabbli fil-pajjiż tad-destinazzjoni għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi stazzjonati u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata protezzjoni xierqa meta tali professjonisti jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u biex jiġu miġġielda l-irregolaritajiet ta’ natura transfruntiera;

18.

Jilqa’ l-azzjoni l-ġdida dwar il-mobbiltà Kultura Ċċaqlaq l-Ewropa fil-qafas tal-programm Ewropa Kreattiva, li joffri għotjiet ta’ mobbiltà lill-artisti u professjonisti oħra tas-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu u jtejbu tali inizjattivi u jgħammruhom b’finanzjament aktar adegwat biex jippermettu l-espansjoni ta’ din l-iskema sabiex tintlaħaq l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ professjonisti u udjenzi tas-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll jippromwovu koproduzzjonijiet Ewropej, li jinvolvu wkoll pajjiżi mhux tal-UE;

19.

Jenfasizza l-importanza ta’ kompetizzjonijiet u inizjattivi madwar l-Unjoni kollha li juru r-rikkezza u d-diversità tal-kultura Ewropea u li jikkontribwixxu għal sens ta’ appartenenza u identità Ewropej bħall-Premju Ċinematografiku Ewropew tal-Udjenza u l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi u tkompli ssaħħaħ il-kompetizzjonijiet jew l-inizjattivi organizzati esklussivament fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll tippromwovi u tiffaċilita kompetizzjonijiet u inizjattivi ġodda, bħall-kompetizzjoni tal-kant annwali fost l-Istati Membri biex jippromwovu l-kultura u t-turiżmu;

Remunerazzjoni, prattiki u finanzjamenti ġusti

20.

Jafferma bil-qawwa li x-xogħol kulturali huwa attività professjonali u, bħala tali, irid ikun remunerat b’mod ġust u adegwat li jirrifletti l-livell effettiv ta’ edukazzjoni, kompetenzi u esperjenzi professjonali u li jipprovdi standard ta’ għajxien deċenti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li s-setturi tas-setturi kulturali u kreattivi huma kkunsidrati bħala setturi b’pagi baxxi, bi 38 % tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi fl-inqas tliet deċili tal-pagi (37); jilqa’ l-adozzjoni riċenti tad-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38); jistieden lill-Istati Membri jittrasponu dik id-Direttiva malajr, b’kunsiderazzjoni partikolari għas-setturi kulturali u kreattivi;

21.

Jiddeplora l-forom kollha ta’ xogħol mhux imħallas jew mhux imħallas biżżejjed, bħall-prattika li jiġi offrut ħlas għal xogħol kulturali u kreattiv fil-forma ta’ esponiment, li jinkludi wkoll li ma jingħaddx il-ħin tax-xogħol moħbi bħala ħin ta’ xogħol, u t-traineeships mhux imħallsa (39), li jirriżultaw minn żbilanċi tal-poter mifruxa fir-relazzjoni kuntrattwali;

22.

Jesprimi dispjaċir għall-prevalenza ta’ prattiki ta’ ħlas tard fis-setturi kulturali u kreattivi li jħallu impatt serju fuq is-solvenza kemm ta’ persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll ta’ SMEs li joperaw fis-settur u li jkabbru d-disparitajiet soċjoekonomiċi fost il-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/7/UE (40) inkluż għall-impriżi fis-setturi kulturali u kreattivi;

23.

Ifakkar fl-importanza tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-setturi kulturali u kreattivi u tal-implimentazzjoni xierqa tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat li l-awturi u l-artisti, fil-kapaċità tagħhom bħala detenturi tad-drittijiet, jitħallsu b’mod ġust għall-isfruttament tax-xogħol tagħhom; jitlob it-traspożizzjoni u l-infurzar sinifikattivi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur (41), allinjati mal-objettivi tagħha;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw remunerazzjoni adegwata, ġusta, xierqa u proporzjonata għall-artisti u l-kreaturi għall-isfruttament tax-xogħol artistiku tagħhom, b’mekkaniżmi xierqa u permezz ta’ djalogu soċjali speċifiċi għas-settur, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

25.

jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess legali għall-kontenut u l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-piraterija u użi illegali oħra, b’mod partikolari fis-suq uniku diġitali;

26.

Iqis ir-remunerazzjoni ġusta u adegwata tal-awturi u tal-kompożituri bħala parti essenzjali mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien tagħhom; jinsab imħasseb dwar l-użu ta’ diversi forom ta’ kuntratti ta’ “akkwiżizzjoni” li jistgħu jwasslu għal prattika abbużiva u koerċittiva li tevita r-regoli u l-prinċipji tal-UE dwar ir-remunerazzjoni ġusta u li tikkonferma żbilanċi profondi tal-poter bejn il-partijiet kontraenti; huwa mħasseb dwar l-użu dejjem akbar ta’ dawn il-kuntratti li spiss jitqiegħdu taħt ġuriżdizzjonijiet barranin f’ċerti setturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-arranġamenti kuntrattwali fis-setturi kulturali u kreattivi jkunu f’konformità sħiħa mal-Artikoli 18, 19 u 20 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur, biex jinfurzaw id-drittijiet tal-awturi u tal-artisti f’dan ir-rigward; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni f’dak ir-rigward; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ “akkwiżizzjoni”, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi u l-ġuriżdizzjoni li spiss jevitaw ir-regoli Ewropej, u l-ħtieġa li dawn jiġu indirizzati flimkien ma’ kwalunkwe prattika oħra ta’ ħsara imposta fuq il-kreaturi fid-dawl tal-inizjattivi eżistenti u li ġejjin;

27.

Jinsab imħasseb dwar prattiki koerċittivi ta’ akkwiżizzjoni li jheddu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien tal-kreaturi Ewropej; jilqa’ l-istudju li jmiss li l-Kummissjoni se tniedi dwar din il-kwistjoni u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-inizjattivi meħtieġa biex tindirizza din il-prattika fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li tqis il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

28.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi għall-prevenzjoni ta’ xogħol mhux iddikjarat biex jirrikonoxxi u jirregola ħin ta’ xogħol mhux irreġistrat u biex jeradikaw il-prattiki ta’ impjiegi indipendenti falzi fis-setturi kulturali u kreattivi, inkluż billi jsaħħu l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tax-xogħol u bl-involviment tas-sħab soċjali; jisħaq fuq ir-rwol tal-ELA f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fl-għoti ta’ informazzjoni għall-professjonisti mobbli tas-setturi kulturali u kreattivi, fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fl-ispezzjonijiet konġunti u kkonċertati u fil-valutazzjonijiet tar-riskju rigward l-isfidi speċifiċi għas-settur;

29.

Jemmen li, filwaqt li jirrikonoxxi l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol partikolari li huma komuni fis-setturi, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jridu jiġu rispettati;

30.

Jissottolinja l-importanza li jinżammu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-rikonoxximent ta’ mard okkupazzjonali rilevanti relatat mal-attivitajiet speċifiċi fis-setturi kulturali u kreattivi, il-kumpens għal dan il-mard u l-prevenzjoni tiegħu;

31.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament stabbli u prevedibbli u biex jiddiversifikaw is-sorsi ta’ appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi, biex iżommu lura minn tnaqqis finanzjarju għall-finanzjament eżistenti u biex iżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom għas-setturi, filwaqt li jikkontribwixxu għal prevedibbiltà akbar għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li jirċievu dawk il-fondi;

32.

Jemmen li l-fondi pubbliċi fis-setturi kulturali u kreattivi għandhom ir-responsabbiltà li jippromwovu prattiki ġusti u jappella għall-integrazzjoni ta’ prinċipji ġusti fl-istrateġiji ta’ finanzjament tagħhom, b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali; jinsisti li l-impenji istituzzjonali professjonali kollha tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi għandhom ikunu remunerati b’mod ġust u għandha tiġi ttrattata s-sostituzzjoni tal-impjiegi permezz ta’ volontarjat fittizju;

33.

Jistieden lill-finanzjaturi pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali, jintroduċu u jinfurzaw klawżola soċjali permezz ta’ termini u kundizzjonijiet dwar l-użu tal-finanzjament u l-akkwist pubbliċi biex jiżguraw remunerazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi ġusti u adegwati tul il-katina sħiħa ta’ sottokuntrattar, b’kont meħud tal-perspettiva tal-ġeneru biex jiġi garantit aċċess ugwali għall-ħolqien u r-riżorsi tal-produzzjoni u l-pagi ugwali, f’konformità mal-ftehimiet kollettivi fejn dawn jeżistu, u jippromwovu l-kisba ta’ soluzzjonijiet negozjati b’mod kollettiv fejn għadhom ma jeżistux;

34.

Iqis li l-programmi u l-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni fis-setturi kulturali u kreattivi, bħal Ewropa Kreattiva, għandhom jiżguraw konformità mal-obbligi tax-xogħol u soċjali kollha skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-setturi kulturali u kreattivi; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li ċ-ċiklu li jmiss tal-programmi tal-Unjoni fis-setturi kulturali u kreattivi jikkonforma ma’ tali prinċipji, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ kundizzjonalità soċjali, simili għal oqsma oħra ta’ politika tal-UE, li tkopri fost l-oħrajn, l-obbligu li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jiġu remunerati b’mod ġust għall-ħidma tagħhom, inkluż il-ħin iddedikat għar-riċerka, il-provi, it-tħejjija u l-applikazzjoni b’mod retroattiv, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-applikanti u s-setturi kulturali u kreattivi b’mod ġenerali, kif ukoll filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta biex il-piżijiet amministrattivi ma jiżdidux b’mod sproporzjonat;

35.

Ifakkar li l-proċeduri biex wieħed japplika għall-finanzjament tal-UE, inklużi dawk għall-programm Ewropa Kreattiva, għadhom ta’ piż kbir wisq u joħolqu ostakli bla bżonn għall-benefiċjarji potenzjali kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tissimplifika dawn il-proċeduri biex tiżgura aċċess ġust għall-finanzjament tal-Unjoni;

36.

Jemmen li finanzjament pubbliku huwa fundamentali biex tiġi żgurata ekosistema sostenibbli, diversa u demokratika kulturali u kreattiva; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu b’mod sostanzjali l-appoġġ finanzjarju għas-setturi kulturali u kreattivi u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mira ta’ nfiq minimu ta’ 2 % tan-nefqa pubblika tal-gvern fis-setturi kulturali u kreattivi, li tiġġenera sa 4 % tal-PDG tal-UE; jistieden lill-atturi kollha tal-Unjoni jżidu l-finanzjament għall-kultura fil-programmi kollha tal-Unjoni u jsaħħu s-sinerġiji, kif ukoll jintroduċu l-bidliet meħtieġa fis-sorveljanza tal-QFP biex jitqiesu l-investimenti fil-kultura fil-baġit Ewropew kollu;

37.

Jiddispjaċih li l-maġġoranza tal-Istati Membri ma laħqux mira ta’ investiment ta’ 2 % tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza għas-setturi kulturali u kreattivi li għandu jiġi inkluż fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (NRRP) tal-Istati Membri, kif mitlub mill-Parlament;

Ir-rwol tas-sħab soċjali u n-negozjar kollettiv

38.

Ifakkar li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi għandhom il-libertà u d-dritt li jiffurmaw u jingħaqdu ma’ trade unions u organizzazzjonijiet professjonali biex jirrappreżentawhom u biex jipparteċipaw sistematikament u tabilħaqq fil-proċess tat-tfassil ta’ politiki kulturali, soċjali u tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu d-djalogu soċjali fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u settorjali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, filwaqt li jiżguraw li l-professjonisti kollha tas-setturi kulturali u kreattivi fis-setturi kollha jkunu rappreżentati kif ukoll jiżguraw livell għoli ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv, b’tali mod li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u pagi ġusti u adegwati; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tad-dritt għan-negozjar kollettiv fis-setturi kulturali u kreattivi;

39.

Jinnota li r-rati ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv tal-Istati Membri fis-setturi kulturali u kreattivi jvarjaw b’mod sinifikanti; iqis li negozjar kollettiv b’saħħtu jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jiżgura protezzjoni adegwata tal-paga minima, remunerazzjoni ġusta, drittijiet tal-ħaddiema, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, kif ukoll dispożizzjonijiet għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw id-djalogu soċjali fil-livelli kollha u n-negozjar kollettiv u jtejbu l-kopertura tiegħu fis-setturi kulturali u kreattivi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex flimkien mas-sħab soċjali, jaħdmu biex jilħqu kopertura tan-negozjar kollettiv ta’ mill-inqas 80 % sal-2030, li għandha tiġi riflessa wkoll fis-setturi kulturali u kreattivi, u jirrieżaminaw b’mod regolari l-progress lejn l-ilħuq ta’ din il-mira;

40.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-“Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom individwalment”, inkluż awturi u artisti tal-ispettaklu li jaħdmu għal rashom waħedhom, li toffri protezzjoni akbar għall-kreaturi u għall-persuni li jaħdmu għal rashom fis-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni japplikaw il-Linji Gwida b’mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni tal-Linji Gwida mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bl-appoġġ tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni kif ukoll konsultazzjonijiet mas-Sħab Soċjali Ewropej kif ukoll mal-awturi, l-artisti, l-artisti tal-ispettaklu u l-ħaddiema kulturali, sabiex tiżgura li dawn jiġu applikati b’mod konsistenti;

41.

Jissottolinja li l-biċċa l-kbira tal-persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom fis-setturi kulturali u kreattivi jiffaċċjaw diffikultajiet biex jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jinnota li, anke jekk ma jkunux integrati bis-sħiħ fin-negozju tal-prinċipal tagħhom bl-istess mod bħall-ħaddiema, ċerti persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom jistgħu ma jkunux kompletament indipendenti mill-prinċipal tagħhom jew jista’ jkun li ma jkollhomx biżżejjed setgħa ta’ negozjar; jisħaq għalhekk li n-negozjar kollettiv għal persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom huwa għodda effettiva biex jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, inkluż il-paga;

42.

Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jistinkaw biex jiggarantixxu pagi ġusti u adegwati fis-setturi kulturali u kreattivi, li jirriflettu l-livell effettiv ta’ edukazzjoni, ħiliet, kompetenzi u esperjenzi professjonali; jistieden lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, jippromwovu ftehimiet kollettivi dwar l-iffissar tal-pagi fis-setturi kulturali u kreattivi;

Edukazzjoni, opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp tal-karriera

43.

Jinsab imħasseb dwar l-ispazju dejjem iktar limitat iddedikat għall-edukazzjoni artistika fil-kurrikuli nazzjonali fl-edukazzjoni primarja u sekondarja; jinnota bi tħassib li l-ostakli finanzjarji spiss ifixklu l-aċċess għal edukazzjoni għolja fl-arti u fil-kultura għaż-żgħażagħ li ġejjin minn sfond vulnerabbli jew żvantaġġat, notevolment il-persuni li għandhom diżabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ekwu għall-edukazzjoni artistika, b’mod partikolari l-edukazzjoni għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għat-tisħiħ tad-dixxiplini artistiċi, permezz ta’ approċċ STEAM, fl-istadji kollha tal-edukazzjoni f’attivitajiet kurrikulari u ekstrakurrikulari; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta mudelli potenzjali biex jikkumpensaw lill-organizzazzjonijiet artistiċi u kulturali pubbliċi li jiffaċilitaw aċċess bla ħlas għaż-żgħażagħ taħt it-18-il sena għall-avvenimenti kulturali u l-edukazzjoni;

44.

Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta’ ċarezza u informazzjoni pprovduta dwar il-kundizzjonijiet u l-prattiki tax-xogħol lill-istudenti u lill-gradwati żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol, inkluż il-fehim tal-istatus tal-ħaddiem u dak tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu jew isaħħu miżuri inklużivi biex jiżguraw li ż-żgħażagħ, speċjalment dawk tipikament żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ impjieg, prattiki ġusti u d-drittijiet tagħhom, fost l-oħrajn skont il-qafas applikabbli tad-drittijiet tal-awtur, u l-obbligi skont il-liġi tax-xogħol tal-Unjoni u dik nazzjonali;

45.

Jenfasizza li l-aċċess għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni huwa fundamentali għar-riċerka artistika u l-iżvilupp tal-karriera tal-għalliema u tal-professjonisti żgħażagħ fis-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-edukazzjoni tal-arti għolja tkun integrata bis-sħiħ fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex itejbu l-valur tal-lawrji artistiċi u kulturali relatati u s-sistemi awtomatiċi ta’ rikonoxximent reċiproku u ċertifikazzjoni tad-diplomi u kwalifiki u ħiliet oħra, l-eżiti tat-tagħlim u l-perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż li jippermettu l-komparabbiltà u jiżguraw il-portabbiltà transfruntiera tal-kompetenzi u l-ħiliet artistiċi tal-ħaddiema tas-setturi kulturali u kreattivi;

46.

Jinsisti fuq l-importanza li jsir investiment fit-tagħlim tul il-ħajja għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; jisħaq fuq l-importanza tal-mobbiltà fil-livell tal-UE għall-iskambju ta’ ideat u prattiki, il-promozzjoni tal-kollaborazzjoni interkulturali u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-karriera, inklużi opportunitajiet ta’ taħriġ, fis-setturi kulturali u kreattivi; jemmen li huma meħtieġa sforzi doppji biex jissaħħu u jitwessgħu l-opportunitajiet għall-iskambju edukattiv u professjonali fil-livell Ewropew biex dawn isiru aktar inklużivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jfasslu aħjar il-ħtiġijiet tat-taħriġ tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi u jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom dwar il-kultura, l-edukazzjoni u l-impjiegi biex dawn jindirizzaw b’mod aktar adegwat l-isfidi partikolari tas-setturi kulturali u kreattivi;

47.

Jisħaq fuq ir-rwol li l-mikrokredenzjali jista’ jkollhom meta jintużaw b’mod koerenti u standardizzat, anke fil-ħiliet u l-kompetenzi diġitali u kreattivi, filwaqt li jirrikonoxxu l-komplementarjetà tagħhom għall-kwalifiki formali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw ekosistema Ewropea għall-mikrokredenzjali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u jiżguraw il-portabbiltà tagħhom madwar l-Ewropa;

48.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ sistemi ta’ appoġġ għat-tranżizzjoni bejn impjiegi fis-seħħ għall-artisti u l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi li jeħtieġu taħriġ mill-ġdid; jemmen li dan huwa ta’ importanza partikolari għall-professjonisti li l-impjiegi tagħhom huma affettwati fost l-oħrajn mid-diġitalizzazzjoni jew dawk li l-prattika tagħhom tiddependi fuq il-kapaċitajiet fiżiċi tagħhom, bħal żeffiena, kantanti u mużiċisti; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u fil-kuntest tal-objettivi tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet u l-Patt għall-Ħiliet, jinvestu fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid permezz ta’ skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja u programmi ta’ żvilupp tal-ħiliet, inkluż permezz ta’ sħubijiet mal-atturi rilevanti kollha, il-ġbir ta’ prattiki tajbin, sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali, li jippermettu lill-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jiżviluppaw għarfien u ħiliet diġitali, intraprenditorjali, legali u oħrajn rilevanti ġodda, inkluż il-litteriżmu fl-IA, il-ħiliet personali u trasversali, kemm fi ħdan kif ukoll barra s-setturi kulturali u kreattivi;

49.

Jilqa’ l-iżvilupp tal-Qafas tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali Ewropew li se jibni fuq id-diversità kulturali u kreattiva; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet fis-sistemi nazzjonali tal-iskejjel u edukattivi tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Direttiva dwar traineeships ta’ kwalità u jenfasizza l-importanza li jkun hemm traineeships ta’ kwalità mħallsa fis-setturi kulturali u kreattivi;

50.

Jistieden lis-sħab soċjali jippromwovu t-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-kunsilli tal-ħiliet fejn dawn ikunu jeżistu u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

51.

Jemmen li l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi jistgħu jappartjenu għal aktar minn settur wieħed, bħas-setturi tad-divertiment u tal-isport; jemmen li dawn is-setturi għandhom ukoll rwol fundamentali biex iqarrbu l-popli tal-Ewropa permezz tal-esperjenzi li għexu tal-kompetizzjonijiet tal-Unjoni; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li tiġi żgurata ekosistema b’saħħitha u bbilanċjata fis-setturi kollha tas-setturi kulturali u kreattivi, tad-divertiment u tal-isport;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-miżuri kontra l-fastidju u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol fis-setturi kulturali u kreattivi

52.

Jenfasizza li n-nisa spiss ikunu vittmi tas-sessiżmu, tal-istereotipi tas-sessi u tal-fastidju sesswali u tipikament jaqilgħu inqas mill-irġiel f’pożizzjonijiet ekwivalenti; jistieden lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jeqirdu l-fastidju sesswali fis-setturi kulturali u kreattivi u biex jiżguraw post tax-xogħol sikur u b’saħħtu, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u jistenna bil-ħerqa li tiġi adottata malajr; jistieden lill-Istati Membri, bil-kollaborazzjoni tas-sħab soċjali, għal traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi tad-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi u sabiex isaħħu l-miżuri tat-trasparenza fil-pagi vinkolanti fis-setturi kulturali u kreattivi, bħad-dritt għall-informazzjoni fuq il-livelli tal-pagi, ir-rapportar mill-kumpaniji u n-negozjar kollettiv; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u fejn ma jkunux stabbiliti, joħloq mekkaniżmi u strutturi ġodda ta’ inċentivi u ta’ appoġġ biex jiżguraw opportunitajiet indaqs fil-karrieri, b’mod partikolari għan-nisa, għal persuni minn sfondi żvantaġġati u li jappartjenu għal minoranzi, inkluż, meta xieraq, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament;

53.

Jinnota li s-setturi kulturali u kreattivi, spiss minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u strutturi żbilanċjati ta’ poter juru esponiment ogħla mill-medja għall-intimidazzjoni u d-diskriminazzjoni, b’86 % tal-unions fl-industrija tad-divertiment jesprimu tħassib dwar il-fastidju sesswali li jseħħ fuq il-post tax-xogħol jew f’ambjenti relatati max-xogħol (42); jinnota li, fis-settur tad-divertiment, is-sottosetturi tad-divertiment dirett u tal-produzzjoni tal-films/tat-televiżjoni huma partikolarment affettwati (43);

54.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, ineħħu l-ostakli sistemiċi li jagħmlu lill-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, vulnerabbli u joħolqu rispons settorjali komprensiv u koordinat biex jipprevjenu, jindirizzaw u jeliminaw il-vjolenza u l-fastidju, inkluż billi jipprovdu linji ċari ta’ responsabbiltà fil-proċeduri ta’ rapportar u protezzjoni, jistabbilixxu u jipprovdu riżorsi xierqa għal strutturi indipendenti għar-rappurtar kunfidenzjali ta’ prattiki inġusti u jiksbu gwida u konsulenza legali, jinvestigaw bir-reqqa l-każijiet irrappurtati, iqajmu kuxjenza, u jistabbilixxu linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-fastidju permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għall-awtoritajiet kompetenti;

55.

Jisħaq li l-artisti nisa u l-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi madwar l-Unjoni għandu jkollhom aċċess akbar għar-riżorsi ta’ ħolqien u produzzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali biex jippromwovu d-djalogu soċjali, inkluż permezz tan-negozjar kollettiv, dwar l-indirizzar tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri billi jiżguraw paga ugwali għal xogħol b’valur ugwali, rappreżentazzjoni fil-maniġment u f’pożizzjonijiet oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll jipproteġu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; iħeġġeġ lis-sħab soċjali jippromwovu l-inklużjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fit-tmexxija tagħhom u fost in-negozjaturi; jistieden lill-Istati Membri f’dan ir-rigward biex jittrasponu u jinfurzaw id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata malajr (44); jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet attivi fis-setturi kulturali u kreattivi jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jipprevjenu l-fastidju fuq il-post tax-xogħol f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom;

56.

Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, biex jagħmlu dan mingħajr dewmien; jappella wkoll għall-adozzjoni rapida tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza r-ratifika tal-Konvenzjoni rigward dawk id-dispożizzjonijiet li jolqtu l-kompetenzi tal-UE;

Libertà artistika

57.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-libertà tal-kreazzjoni u tal-espressjoni artistika fl-Ewropa kollha, li tikkontribwixxi għas-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali u kundizzjonijiet ekwi għall-artisti biex jiżviluppaw l-attività tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tespandi, bħala parti mir-rapporti dwar l-istat tad-dritt, il-kapitolu dwar il-monitoraġġ tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media biex ikopri l-aspetti kollha tal-libertà tal-espressjoni, inklużi l-libertajiet artistiċi u akkademiċi; jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rieżami tagħha tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, tiffoka aktar, permezz ta’ inizjattivi xierqa, fuq il-promozzjoni u d-difiża tal-libertà tal-artisti biex joħolqu mingħajr ċensura, interferenza politika jew intimidazzjoni, inkluż li jiġi żgurat li jitgawdew id-drittijiet kulturali taċ-ċittadini Ewropej;

58.

Jinsisti li kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol ġusti u livell deċenti u sostenibbli ta’ remunerazzjoni, kif ukoll aċċess adegwat għas-sigurtà soċjali, huma kruċjali biex tiġi ggarantita l-libertà tal-espressjoni artistika għall-ħallieqa kollha, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għalihom biex jiżviluppaw l-attività tagħhom; ifakkar fid-dmir tal-Istati Membri u tal-Unjoni li jipproteġu, jiddefendu u jassistu lill-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi biex iħarsu l-libertà tal-kreazzjoni u tal-espressjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ proattiv tal-Kummissjoni, jiżviluppaw linji gwida għall-protezzjoni tal-libertà artistika bħala valur tal-UE;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkonsolidaw u jespandu l-miżuri, kif xieraq, biex jappoġġaw lill-artisti u professjonisti oħra tas-setturi kulturali u kreattivi f’riskju, speċjalment bħala konsegwenza tal-gwerra jew tal-instabbiltà ġeopolitika, biex jiddefendu l-libertà tal-espressjoni artistika tagħhom;

Sfidi diġitali

60.

Jenfasizza li l-awtomatizzazzjoni u l-IA saru għodda utli għall-ħolqien artistiku u li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi kulturali u kreattivi u jarrikkixxu l-opportunitajiet għall-iżvilupp tagħha, ikkawżati mill-ħolqien ta’ profili okkupazzjonali ġodda, speċjalment meta jiġu implimentati b’mod iċċentrat fuq il-bniedem, sabiex il-bnedmin isiru sors u benefiċjarju ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi; jinsab, madankollu, imħasseb dwar l-effetti taż-żieda fl-awtomatizzazzjoni li jirriżultaw mill-użu tal-apprendiment awtomatiku, ir-robotika u teknoloġiji oħra bbażati fuq id-data bħall-produzzjoni assistita tal-kontenut, kif ukoll it-taħdit sovrapost artifiċjali, it-traduzzjoni tat-traskrizzjoni awtomatika tat-taħdit, kif ukoll estrazzjoni awtomatizzata tal-metadata u t-tixrid ta’ sistemi tal-IA ġenerattiva b’saħħithom biex jiġġeneraw il-kontenut, inkluż l-użu tad-deepfakes mingħajr kunsens, li jista’ joħloq sfida partikolari għall-artisti u professjonisti oħra tas-setturi kulturali u kreattivi f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, id-drittijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom, il-kontroll fuq xogħolhom, jew li jsofru minn kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jiddeterjoraw;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mas-sħab soċjali, tiżviluppa approċċ strateġiku fil-livell tal-Unjoni biex tantiċipa l-effetti fuq l-impjiegi, il-metodi tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, it-titjib tal-ħiliet, it-tiġdid tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda tas-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jiżviluppaw, bħala parti minn dan l-approċċ strateġiku, taħriġ u edukazzjoni, inkluż il-litteriżmu fl-IA, u pjanijiet ta’ azzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u appoġġ finanzjarju speċifiku għas-settur u miżuri biex jiġi żgurat aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata għal dawk affettwati mid-diġitalizzazzjoni u t-telf ta’ impjiegi relatati mal-IA;

62.

Jitlob b’mod aktar speċifiku l-promozzjoni tad-djalogu soċjali u l-konsultazzjonijiet mas-setturi kulturali u kreattivi biex jiġu żgurati l-ugwaljanza, id-diversità kulturali, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja fis-sistemi tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex tiżgura t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tas-sistemi u l-algoritmi tal-IA, tevita preġudizzju u diskriminazzjoni mhux intenzjonati fis-setturi kulturali u kreattivi u tiżgura trattament ugwali, inklużjoni u l-aħjar użu tat-teknoloġiji diġitali biex jiġu appoġġjati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, it-tgawdija tad-drittijiet tagħhom u b’mod partikolari d-dritt għal remunerazzjoni ġusta, xierqa u proporzjonata, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur;

63.

Jenfasizza li l-ġestjoni algoritmika tippreżenta sfidi ġodda għall-futur tax-xogħol, bħall-kontroll u s-sorveljanza abilitati mit-teknoloġija għall-monitoraġġ tal-progress, il-ħin u l-prestazzjoni, u tinvolvi impatt sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b’mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom u d-dritt għall-privatezza u d-dinjità tal-bniedem, kif ukoll trattament diskriminatorju fil-proċessi ta’ reklutaġġ u oqsma oħra, jekk ma tkunx żgurata sorveljanza umana suffiċjenti; jinsab imħasseb, barra minn hekk, li l-IA tista’ ddgħajjef il-libertà u l-awtonomija tan-nies, inkluż fuq il-post tax-xogħol; jisħaq li s-soluzzjonijiet tal-IA fis-setturi kulturali u kreattivi jridu jkunu trasparenti u jevitaw kwalunkwe implikazzjoni negattiva għall-ħaddiema u għandhom jiġu nnegozjati bejn is-sħab soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni xierqa lill-effetti tal-IA fuq id-drittijiet u l-benessri tal-ħaddiema f’post tax-xogħol dejjem aktar diġitalizzat fil-ħidma leġiżlattiva attwali u futura, inkluż billi tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-IA fuq il-post tax-xogħol;

64.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-isfidi maħluqa mill-kontenut iġġenerat mill-IA, u li jinqalgħu minn mudelli ta’ negozju li kontinwament qed jevolvu li jirriskjaw li jinħolqu lakuni regolatorji, kif ukoll l-impatt tar-riċerka u l-iżvilupp tal-IA u tat-teknoloġiji relatati dwar is-setturi kulturali u kreattivi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ awturi u r-remunerazzjoni ġusta tal-awturi u l-artisti; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa sa liema punt ir-Regolament Ġenerali Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Data jista’ jipprovdi salvagwardji veloċi u effettivi kontra scraping mhux awtorizzat ta’ data personali minn sistemi tal-IA u jekk l-eċċezzjonijiet eżistenti tat-test u tal-estrazzjoni tad-data humiex ibbilanċjati b’mod adegwat biex jissodisfaw it-test fi tliet stadji anke fil-kuntest ta’ IA ġenerattiva; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-fornituri tal-IA ġenerattiva jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali eventwali u, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, jiddokumentaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku sommarju dettaljat biżżejjed tal-użu tad-data tat-taħriġ protetta skont il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur;

65.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekosistema kulturali kollha tkun ibbilanċjata tajjeb sabiex kull parti tagħha tkun tista’ tiffjorixxi; jemmen li l-ħidma lejn l-irkupru sħiħ ta’ wara l-COVID, l-integrazzjoni u l-ġestjoni tal-innovazzjoni diġitali u t-tisħiħ ulterjuri tas-setturi, kif ukoll termini u kundizzjonijiet aħjar għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi fis-setturi, hija ta’ importanza kbira; jinnota li forom organizzattivi innovattivi ġodda ta’ assoċjazzjoni, bħall-organizzazzjonijiet awtoġestiti u l-kooperattivi kulturali, qed isiru dejjem aktar rilevanti fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjawhom u n-networks tagħhom, filwaqt li jiżguraw l-istess livell ta’ rikonoxximent billi jqisu l-ispeċifiċitajiet tagħhom meta jipproponu inizjattivi, sabiex jiggarantixxu standards għoljin ta’ trasparenza, il-parteċipazzjoni sħiħa u attiva tagħhom, inkluż fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-protezzjoni tal-ħaddiema tagħhom fil-livell nazzjonali u Ewropew; jistieden lill-Istati Membri joħolqu ambjent ta’ appoġġ għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jiffaċilitaw politika dwar l-innovazzjoni li trawwem il-kompetittività tan-negozji kreattivi, il-produttività tagħhom u biżżejjed finanzjament;

66.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ reviżjoni urġenti tal-liġijiet dwar it-tħaddim tat-tfal li saru ineffettivi bil-prevalenza wiesgħa ta’ kreaturi ta’ kontenut taħt l-età fuq il-media soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu dispożizzjonijiet biex jipproteġu lill-kreaturi tal-kontenut minorenni mir-riskji tal-isfruttament, filwaqt li jqisu l-isfidi l-ġodda maħluqa minn teknoloġiji ġodda u minn pjattaformi tal-media soċjali;

Proposti għal miżuri tal-Unjoni

67.

Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 153, u l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposti għal strumenti leġiżlattivi li jistabbilixxu Qafas komprensiv tal-Unjoni (“il-Qafas”) dwar is-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u ta’ professjonisti oħra fis-setturi kulturali u kreattivi (“professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi”) partikolarment. Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, li b’hekk tikkontribwixxi għad-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tagħhom, kif ukoll deċiżjoni waħda jew aktar għall-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ data xierqa u għall-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaforma Ewropea, bil-ħsieb li jiġu fformulati standards ta’ kwalità u jiġu rieżaminati l-iżviluppi rilevanti fir-rigward tal-istatus u s-sitwazzjoni tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li tiġi żgurata perspettiva tal-ġeneru, bil-parteċipazzjoni sħiħa tas-sħab soċjali, kif ukoll għar-rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni tas-sitwazzjoni speċifika tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness għal dan;

68.

Iqis l-infiq pubbliku għall-kultura bħala investiment soċjali li għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib; jitlob l-inklużjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fis-setturi kulturali u kreattivi fil-Linji Gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (45);

69.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex taġġorna l-Aġenda l-Ġdida għall-Kultura u tinkludi t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi bħala qasam ta’ prijorità; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-prijoritajiet politiċi tagħha għall-2024-2029 it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien u r-remunerazzjoni ġusta fis-setturi kulturali u kreattivi;

70.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-livell ta’ ambizzjoni għall-prijorità ewlenija “Artisti u professjonisti kulturali: l-għoti tas-setgħa lis-setturi kulturali u kreattivi” fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2023-2026, b’azzjonijiet aktar ambizzjużi u riżultati mmirati li jiffukaw fuq l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi;

71.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi fl-Unjoni u dwar żviluppi rilevanti abbażi tad-data miġbura, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti inklużi fil-Qafas;

72.

Iqis li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-proposti mitluba għandha tkun koperta minn allokazzjonijiet baġitarji eżistenti; jisħaq li, minħabba s-sinifikat tas-setturi kulturali u kreattivi għall-ekonomiji tal-Unjoni u tal-Istati Membri, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-proposti jwasslu għal kisbiet finanzjarji u ta’ effiċjenza sostanzjali, u għalhekk se jkunu ta’ benefiċċju kemm f’termini ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali, kif indikat b’mod ċar fl-Istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew tal-EPRS ;

°

° °

73.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Istati Membri.

(1)   https://spanish-presidency.consilium.europa.eu/media/keantfog/c%C3%A1ceres-declaration.pdf

(2)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2000, Barry Banks and Others vs Theatre royal de la Monnaie, Kawża C-178/97, ECLI:EU:C:2000:169.

(3)   ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(4)   ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(5)   ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(6)   ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.

(7)   ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33.

(8)   ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(9)   ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(10)   ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21.

(11)   ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(12)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.

(13)   ĠU L 131, 20.5.2017, p. 1.

(14)   ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34, rettifika fil-ĠU 2022, L 166, p. 196.

(15)   ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21.

(16)   ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(17)   ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.

(18)   ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1.

(19)   ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.

(20)   https://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document/EPRS_STU(2023)747426

(21)   https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/652250/IPOL_STU(2021)652250_EN.pdf

(22)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, L-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi — Rapport tal-grupp tal-MMK (Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni) tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE — Rapport finali, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2766/46315

(23)   https://voicesofculture.eu/wp-content/uploads/2021/07/VoC-Brainstorming-Report-Working-Conditions-2.pdf

(24)   https://ec.europa.eu/culture/news/study-artists-working-conditions-published

(25)  Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/w/ddn-20230824-1

(26)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Government_expenditure_on_cultural,_broadcasting_and_publishing_services&oldid=593681

(27)   https://www.consilium.europa.eu/media/52730/g20-leaders-declaration-final.pdf

(28)  UNESCO, “Re-Shaping Policies for Creativity” (It-Tfassil mill-Ġdid tal-Politiki għall-Kreattività).

(29)  Nota tal-Eurofound dwar ix-xejriet tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi kreattivi pprovduta fuq talba tar-rapporteurs, 29 ta’ Mejju 2023.

(30)   http://www.womarts.eu/upload/01-LI-WOMART-1-20-6.pdf, p. 34 u s.

(31)   https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/EARN_GR_GPGR2__custom_6350417/default/table?lang=en [PMMR1] PAG. 60; https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---sector/documents/publication/wcms_865323.pdf

(32)  Nota tal-Eurofound dwar ix-xejriet tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi kreattivi pprovduta fuq talba tar-rapporteurs, 29 ta’ Mejju 2023.

(33)  ILO, “Policy Brief on sexual harassment in the entertainment industry” (Dokument ta’ Sintesi dwar il-fastidju sesswali fl-industrija tad-divertiment), Novembru 2020.

(34)  L-awtorità Ewropea tax-Xogħol, Studju dwar “Different forms of cross-border declared work, including through countries countries” (Forom differenti ta’ xogħol transfruntier mhux iddikjarat, inkluż permezz ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi), Settembru 2021, p. 13; https://www.ela.europa.eu/sites/default/files/2022-01/Study-report-on-different-forms-of-cross-border-UDW.2021_EN.pdf

(35)   https://eenca.com/eenca/assets/File/EENCA%20publications/Study%20on%20the%20status%20and%20working%20conditions%20of%20artists%20and%20creative%20professionals%20-%20Final%20report.pdf

(36)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE: l-iffaċilitar tal-moviment liberu fis-Suq Uniku, tas-6 ta’ Settembru 2023, COM(2023)0501.

(37)  Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-Eurofound.

(38)  Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).

(39)   https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2023-0239_MT.html

(40)  Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2011/7/oj).

(41)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2019/790/oj).

(42)  Nota ta’ Politika dwar il-fastidju sesswali fl-industrija tad-divertiment, ILO, 2020 https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/@ed_dialogue/@actrav/documents/publication/wcms_761947.pdf

(43)  Nota ta’ Politika tal-ILO dwar il-fastidju sesswali fl-industrija tad-divertiment (2020)

(44)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1158/oj).

(45)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296 tal-21 ta’ Novembru 2022 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjieg (ĠU L 304, 24.11.2022, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2296/oj).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1: l-objettiv ġenerali tal-Qafas

L-objettiv ġenerali tal-proposti huwa li l-Kummissjoni hija mitluba tissottometti huwa li jiġi stabbilit qafas tal-Unjoni dwar is-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-artisti u professjonisti oħra fis-setturi kulturali u kreattivi (“professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi”) (il-Qafas”) sabiex itejjeb is-sitwazzjoni professjonali u soċjali tagħhom.

Rakkomandazzjoni 2: strumenti inklużi fil-Qafas

Il-qafas għandu jkun magħmul mill-proposti li ġejjin għal strumenti leġiżlattivi, b’mod partikolari:

Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti; u

Deċiżjoni waħda jew aktar li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-2022 tal-Unjoni, jew jikkomplementawh, f’oqsma rilevanti u li jistabbilixxu mekkaniżmu għal kooperazzjoni strutturata u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu fformulati standards ta’ kwalità u jiġu rieżaminati l-iżviluppi rilevanti fir-rigward tal-istatus u s-sitwazzjoni tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaforma. Dak il-mekkaniżmu għandu jiżgura li s-sħab soċjali jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

Rakkomandazzjoni 3: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposti għal strumenti leġiżlattivi

Il-Qafas għandu jkopri l-professjonisti kollha tas-setturi kulturali u kreattivi fil-funzjonijiet, ir-rwoli u l-kapaċitajiet differenti meħtieġa għar-realizzazzjoni ta’ espressjonijiet u xogħlijiet kulturali u kreattivi, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom.

Il-Qafas għandu jiffoka fuq l-oqsma li ġejjin, fost l-oħrajn:

permezz ta’ Direttiva, dwar il-punti li ġejjin:

id-determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod xieraq l-istatus tagħhom;

l-iżvilupp ta’ miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tas-setturi kulturali u kreattivi, b’mod partikolari biex jiġu żgurati remunerazzjoni ġusta u adegwata, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u prattiki tax-xogħol ġusti;

permezz ta’ Deċiżjoni waħda jew aktar, inkluża Deċiżjoni li tistabbilixxi pjattaforma Ewropea dwar is-sitwazzjoni soċjali u professjonali tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, dwar il-punti li ġejjin:

it-titjib tal-istatus tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi;

l-istabbiliment ta’ kriterji għal fehim u rikonoxximent komuni tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi u s-sitwazzjoni speċifika tagħhom fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-kriterji jkollhom l-għan li jiżguraw, minn naħa, l-applikazzjoni bla xkiel tal-kundizzjonijiet marbuta mal-istatus tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, ta’ dawk li għandhom tali status taħt id-dritt nazzjonali, u li jiksbu konverġenza u li jtejbu, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni għal dawk li mhumiex koperti minn tali status.

il-faċilitazzjoni tal-aċċess effettiv tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi għas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali;

it-titjib tar-rappreżentanza għall-ħaddiema tas-setturi kulturali u kreattivi u n-negozjar kollettiv tagħhom f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni;

il-promozzjoni tax-xogħol transnazzjonali fl-Ewropa, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni u l-portabbiltà tad-drittijiet fost is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tal-mobbiltà transfruntiera fis-setturi kulturali u kreattivi;

l-introduzzjoni ta’ termini u kundizzjonijiet dwar l-użu tal-finanzjament pubbliku biex jiġu żgurati r-remunerazzjoni lill-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għalihom, biex titmexxa ’l quddiem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’konformità mal-ftehimiet kollettivi fejn dawn jeżistu, u biex tiġi promossa l-kisba ta’ soluzzjonijiet negozjati b’mod kollettiv fejn għadhom ma jeżistux;

l-integrazzjoni tal-edukazzjoni għolja tal-arti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku u l-validazzjoni tal-eżiti ta’ tagħlim u perjodi ta’ studju barra l-pajjiż fis-setturi kulturali u kreattivi u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ u tal-iżvilupp tal-karriera u tranżizzjonijiet għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi;

it-tneħħija ta’ ostakli sistematiċi għall-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi kulturali u kreattivi;

il-garanzija effettiva tal-libertà artistika bħala parti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi.

Il-Kummissjoni għandha tanalizza s-sitwazzjoni tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Unjoni, timmonitorja l-iżviluppi rilevanti kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Qafas. Għandha tirrapporta kull sentejn dwar is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Unjoni, dwar żviluppi rilevanti u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas.

Rakkomandazzjoni 4: l-objettivi speċifiċi tad-Deċiżjoni(jiet) li tistabbilixxi/jistabbilixxu pjattaforma Ewropea

Għandha tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea permezz ta’ Deċiżjoni waħda jew aktar. Il-pjattaforma Ewropea għandha ssegwi, fost l-oħrajn, l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

li jtejjeb l-għarfien dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż fir-rigward tal-kawżi u d-differenzi reġjonali f’tali kundizzjonijiet, permezz ta’ għodod ibbażati fuq l-evidenza, analiżi komparattiva u strumenti metodoloġiċi rilevanti għall-ġbir tad-data li jibnu fuq ix-xogħol tal-atturi rilevanti;

tali data għandha tkopri l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-istatus tal-impjieg, il-livelli ta’ remunerazzjoni, l-aċċess għas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali, ir-rappreżentanza u d-difiża kollettivi u l-kopertura minn ftehimiet kollettivi, l-esponiment għal ostakli għall-inklużjoni u forom ta’ diskriminazzjoni u vjolenza abbażi tal-ġeneru, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-libertà artistika; tali data għandha tkun diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, id-diżabbiltà, il-post ġeografiku, id-daqs tal-kumpanija u s-settur speċifiku sa fejn ikun disponibbli;

li jittejjeb il-fehim reċiproku tas-sistemi u l-prattiki differenti, inkluż permezz ta’ mmappjar tad-definizzjonijiet eżistenti ta’ professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Istati Membri kollha, biex titnaqqas il-frammentazzjoni u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati, b’mod partikolari l-aspetti transfruntiera u l-istatistika kulturali fil-livell tal-Unjoni;

li tiġi żviluppata analiżi tal-effettività ta’ miżuri ta’ politika differenti;

li jiġu stabbiliti għodod u prattiki għal tagħlim reċiproku u għall-kondiviżjoni effiċjenti ta’ informazzjoni u esperjenzi, bil-mira għall-konverġenza fost l-approċċi tal-Istati Membri, inkluż pereżempju bank ta’ għarfien ta’ prattiki u miżuri differenti meħuda;

li jiġu żviluppati għodod, bħal linji gwida għall-applikazzjoni, manwali ta’ prattiki tajba u prinċipji kondiviżi, għat-titjib tas-sitwazzjoni fl-oqsma kollha koperti bl-ambitu tiegħu u biex jiġu evalwati l-esperjenzi b’għodod rilevanti;

li jiġu ffaċilitati u appoġġjati forom differenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri billi jżidu l-kapaċità tagħhom, biex jiffaċilitaw il-mobbiltà transkonfinali u t-twettiq ta’ attivitajiet konġunti, u biex jevalwaw l-esperjenzi ta’ tali kooperazzjoni meħuda mill-Istati Membri parteċipanti; b’mod partikolari, il-pjattaforma għandha torganizza skambji ta’ fehmiet mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, ma’ dawk li jfasslu l-politika u mal-partijiet ikkonċernati biex titrawwem il-mobbiltà, b’enfasi akbar fuq l-inklużjoni, u l-indirizzar tal-ostakli relatati mad-diżabbiltà;

li tiġi żviluppata strateġija ta’ edukazzjoni u taħriġ li tqis l-ispeċifiċitajiet tas-setturi kulturali u kreattivi;

li tiġi żviluppata u, fejn xieraq, tittejjeb il-kapaċità ta’ taħriġ għall-awtoritajiet rilevanti u biex jiġi żviluppat qafas għat-twettiq ta’ taħriġ konġunt, inkluż bl-involviment tas-sħab soċjali;

li titqajjem kuxjenza dwar il-problemi rilevanti u s-soluzzjonijiet disponibbli fost il-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi, it-trade unions u organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-ħaddiema oħra, u l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri.

li jiffaċilita l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-objettivi stabbiliti mill-Qafas.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4208/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)