|
11.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 283/14 |
P9_TA(2023)0050
Il-vjolenza fuq l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Guinea Ekwatorjali, b'mod partikolari l-każ ta' Julio Obama Mefuman
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar il-vjolenza fuq l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Guinea Ekwatorjali, b'mod partikolari l-każ ta' Julio Obama Mefuman (2023/2552(RSP))
(2023/C 283/04)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Guinea Ekwatorjali ilha mill-1979 immexxija mir-reġim ta' Teodoro Obiang Nguema, li ilu żmien twil jinjora u jikser id-drittijiet tal-bniedem, u dan wassal għal atti barbari, bħall-persekuzzjoni ta' mijiet ta' avversarji politiċi, persuni li jikkritikaw lill-gvern u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
B. |
billi erba' membri tal-moviment tal-oppożizzjoni tal-Guinea Ekwatorjali, Movimiento para la Liberacion de Guinea Ecuatorial Tercera Republic (MLGE3R), jiġifieri żewġ ċittadini b'ċittadinanza doppja ta' Spanja u l-Guinea Ekwatorjali, Julio Obama Mefuman u Feliciano Efa Mangue, u żewġ ċittadini tal-Guinea Ekwatorjali li jgħixu fi Spanja, Martín Obiang Ondo Mbasogo u Bienvenido Ndong Ono, inħatfu fis-Sudan t'Isfel lejn l-aħħar tal-2019 u ntbagħtu lejn il-Guinea Ekwatorjali fuq l-ajruplan presidenzjali ta' Teodoro Obiang; |
|
C. |
billi Obama Mefuman u Efa Mangue ġew miċħuda l-assistenza konsulari, ġew ipproċessati mingħajr garanziji ta' proċess ġust u, f'Marzu 2020, fil-Guinea Ekwatorjali, ġew ikkundannati għal 60 u 90 sena ħabs, rispettivament, fuq akkużi ta' terroriżmu u parteċipazzjoni f'allegat tentattiv ta' kolp ta' stat kontra l-President Obiang fl-2017; billi t-tnejn li huma allegatament ġew ittorturati ripetutament; |
|
D. |
billi Obama Mefuman miet fil-15 ta' Jannar 2023 f'Mongomo; |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa l-mewt taċ-ċittadin Spanjol Obama Mefuman waqt li kien f'kustodja u jżomm lir-reġim dittatorjali tal-Guinea Ekwatorjali responsabbli għal dan; jappella għar-ripatrijazzjoni tal-kadavru u għar-rilaxx tat-tliet membri l-oħra tal-MLGE3R; iħeġġeġ lill-Guinea Ekwatorjali tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli; |
|
2. |
Jiddeplora l-istrateġija sistematika u organizzata tar-reġim dittatorjali ta' Obiang ta' persekuzzjoni u repressjoni politika tal-avversarji politiċi kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni barbara tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż u n-nuqqas ta' spazju demokratiku tiegħu għall-avversarji politiċi u l-persuni li jikkritikaw lill-gvern, li jwassal għal detenzjoni arbitrarja, fastidju, ħtif, trasferimenti furzati, tortura, qtil u sentenzi tal-mewt; |
|
3. |
Jitlob b'insistenza l-waqfien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persekuzzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni demokratika u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi; |
|
4. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Guinea Ekwatorjali jikkonformaw minnufih mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li d-detenuti kollha jkunu protetti mit-tortura u t-trattament ħażin, jinżammu f'kundizzjonijiet umani, jiġu ġġudikati fi proċessi ġusti u jkollhom aċċess għall-familji u l-avukati tagħhom; |
|
5. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Gvern tal-Guinea Ekwatorjali, juru l-akbar determinazzjoni meta jitolbu t-tmiem tal-persekuzzjoni u r-repressjoni politika kollha u inkjesta internazzjonali indipendenti dwar il-mewt ta' Obama Mefuman u dwar is-sitwazzjoni usa' tal-priġunieri politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob ukoll is-sospensjoni ta' kwalunkwe tip ta' kooperazzjoni militari, tal-pulizija u rigward is-sigurtà u jisħaq li kwalunkwe tip ta' kooperazzjoni mar-reġim irid ikun soġġett għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u t-trasparenza demokratika; |
|
6. |
Jitlob lill-UE tissanzjona lill-membri tar-reġim li wettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
7. |
Huwa mħasseb ferm dwar l-azzjonijiet ekstraterritorjali tal-Gvern tal-Guinea Ekwatorjali, inklużi l-attakki kontra u l-ħtif ta' dissidenti politiċi li għandhom ċittadinanza jew huma residenti f'pajjiżi terzi, inkluż fi ħdan l-UE; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-EUROPOL, lill-EUROJUST u lill-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri biex isaħħu l-protezzjoni għaċ-ċittadini tal-UE u għal dawk residenti fl-UE. |
|
8. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-EUROPOL, lill-EUROJUST, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Unjoni Afrikana, lill-Comunidade dos Países de Língua Portuguesa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern tal-Guinea Ekwatorjali. |