29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Segwitu għall-inflazzjoni u l-miżuri tal-enerġija u r-reżiljenza enerġetika tal-UE għas-setturi ekonomiċi essenzjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 349/03)

Relatur:

Felipe MEDINA MARTÍN

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

26.6.2023

Adozzjoni fil-plenarja

12.7.2023

Sessjoni plenarja Nru

580

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

151/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-għan ta’ din l-Opinjoni tal-KESE huwa li tivvaluta l-impatt tal-kriżi tal-enerġija wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-kumpaniji Ewropej, il-ħaddiema tagħhom u ċ-ċittadini Ewropej kollha. Il-KESE jinnota li fl-ekonomija kollha tfaċċaw problemi ta’ firxa wiesgħa, bħal: żidiet sproporzjonati fl-ispejjeż tal-produzzjoni, ir-riorganizzazzjoni tal-katini tal-provvista, diffikultajiet fil-provvista tal-ikel u prodotti oħra, żieda fl-ispejjeż tal-investiment jew it-telf tal-kapaċità tal-akkwist għall-unitajiet domestiċi Ewropej.

1.2.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-livelli għoljin ta’ inflazzjoni fl-Ewropa minħabba l-ispejjeż tal-enerġija, l-ispejjeż tal-materja prima, segwiti mill-prezzijiet għas-servizzi u l-prodotti industrijali. L-inflazzjoni fl-Ewropa tinsab fl-ogħla livell tagħha mill-ħolqien tal-euro. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kontroll bħal dawk stabbiliti fid-dokument imfassal mill-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC). Dan għandu jinkludi, pereżempju, l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri stabbiliti fl-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill, li jipprevedi riforma importanti u t-tfassil mill-ġdid tas-suq tal-elettriku. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw l-atti tal-UE diġà adottati, bħall-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, li jgħin biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u biex jiġi approfondit is-suq intern.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-Qafas Temporanju ta’ Kriżi rivedut tal-UE jeħtieġ li jiġi riformat b’mod urġenti fid-dawl taż-żidiet enormi fl-ispejjeż li jirriżultaw mill-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija. Barra minn hekk, huwa jirrakkomanda li l-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat jiġi applikat b’tali mod li l-għajnuna prevista fir-Regolament dwar l-Emerġenzi tal-Enerġija u fil-kuntest tal-Qafas għall-Irkupru u r-Reżiljenza tapplika għas-setturi kollha affettwati mill-kriżi tal-enerġija, b’enfasi partikolari fuq is-setturi essenzjali, sabiex ma tiġix imminata l-kapaċità ta’ ħafna kumpaniji li jkampaw, jiġi evitat impatt negattiv fuq l-għoli tal-ħajja għall-konsumaturi u ma tiġix affettwata b’mod negattiv il-kapaċità tagħhom li jsibu prodotti bażiċi ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-KESE għal darb’oħra jappella biex tiġi introdotta “regola tad-deheb” li tippermetti li jitwettqu l-investimenti pubbliċi meħtieġa.

1.4.

Il-KESE jqis li l-unitajiet domestiċi u s-setturi ewlenin għandhom jibbenefikaw mill-pjani biex jitnaqqas l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Minkejja li f’xi setturi ġew irreġistrati profitti għoljin ħafna, b’żieda sostanzjali ta’ 26,8 % meta mqabbla mat-trimestru preċedenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ falliment fl-UE laħqu l-113,1, l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat, skont indiċi użat mill-Eurostat biex jitkejjel il-livell ta’ falliment fl-UE meta mqabbel mal-punt ta’ riferiment ta’ 100 fl-2015. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex jiżguraw li l-unitajiet domestiċi u s-setturi ewlenin ikunu jistgħu jakkwistaw l-enerġija b’mod kostanti meta jiġu implimentati miżuri biex titnaqqas id-domanda fil-ħinijiet ta’ domanda massima. Fl-istess ħin, xi kumpaniji, prinċipalment fis-settur tal-enerġija, żiedu l-profitti tagħhom fix-xifer tal-inflazzjoni eżistenti, kif jindika l-BĊE (1). Il-profitti f’dan is-settur komplew jixprunaw l-inflazzjoni fl-UE u jridu jiġu indirizzati.

1.5.

Il-kriżi tal-enerġija kellha impatt fuq l-ekonomija mil-lat ta’ inflazzjoni għolja, tkabbir ekonomiku dgħajjef, pressjoni qawwija fuq il-finanzi pubbliċi, u l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji, kif ukoll it-telf tal-kompetittività ekonomika esterna. Huwa u jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE, il-KESE jissuġġerixxi l-istabbiliment tal-kriterju “Green triple-T” (tailored, targeted and transition-proof) sabiex l-interventi futuri jkunu mfassla apposta, immirati u reżistenti għat-tranżizzjoni. Il-miżuri ta’ prezzijiet mhux selettivi, bħal-limitu massimu tal-prezz ta’ ċertu ikel, ma jagħmlu xejn ħlief itawlu l-perjodu ta’ inflazzjoni elevata fuq perjodu twil ta’ żmien.

1.6.

L-inflazzjoni għolja persistenti, b’mod partikolari minħabba l-prezzijiet tal-enerġija, toħloq telf ġenerali tal-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-kumpaniji Ewropej, li jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ ħafna familji, id-domanda interna u t-tkabbir. Dan, flimkien maż-żamma tal-politika monetarja ta’ żieda fir-rati tal-imgħax, jaffettwa wkoll b’mod negattiv ħafna kumpaniji. Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali fis-settur tal-enerġija huwa importanti biex jinstabu d-deċiżjonijiet adatti fil-livell nazzjonali.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ ffrankar u effiċjenza tal-enerġija fin-negozji u fl-unitajiet domestiċi li jippermettu li titnaqqas b’mod permanenti d-domanda għall-enerġija. F’dan ir-rigward, l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli għandha tiġi mħeġġa (billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet legali u fiskali meħtieġa, inkluża l-introduzzjoni ta’ “regola tad-deheb tal-investiment”) biex titnaqqas id-dipendenza tagħna mill-fjuwils fossili. Is-sitwazzjoni attwali għandha tintuża bħala lieva biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn garanziji ta’ nonrilokazzjoni marbuta ma’ għajnuna finanzjarja. Wasal iż-żmien li jsiru l-investimenti meħtieġa (u jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ qafas fiskali meħtieġa) fit-trasformazzjoni tal-enerġija tal-Ewropa biex titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili. Barra minn hekk, il-KESE jqis li għandhom jitkomplew il-bidliet proposti fir-REPowerEU biex jiġi ssemplifikat u aċċellerat l-għoti ta’ permessi għall-installazzjoni ta’ infrastrutturi tal-enerġija rinnovabbli. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jistudjaw x’għandu jsir biex il-prezz imħallas għall-enerġija eċċessiva fornuta fil-grilja jippermetti investimenti vijabbli biex tiġi massimizzata l-kapaċità li tiġi ġġenerata enerġija rinnovabbli u tiġi kondiviża meta taqbeż il-ħtiġijiet għall-użu proprju. It-tiġdid tad-disinn tas-suq tal-enerġija għandu jiġi inkluż fl-aġenda fit-tul tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu evitati interruzzjonijiet futuri fil-provvista tal-enerġija u prezzijiet eżorbitanti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-mewġa tal-inflazzjoni fl-Ewropa hija mifruxa u tista’ ssir distinzjoni b’mod ċar bejn żewġ fażijiet. L-ewwel waħda ġiet mill-perjodu ta’ rkupru wara l-lockdown tal-popolazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-qawmien mill-ġdid tas-setturi kollha f’daqqa waħda kkawża konġestjonijiet fil-ktajjen tal-provvista li żiedu l-kostijiet tal-materja prima u tat-trasport tal-merkanzija. Il-materja prima żdiedet b’101 % bejn Jannar 2020 u Marzu 2022 (2) u l-merkanzija b’545 % fl-istess perjodu (3).

2.2.

It-tieni fażi inflazzjonarja ġiet skattata mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-gwerra sussegwenti minn Frar 2022. F’din l-okkażjoni, ix-xokk kien jirrigwarda l-enerġija u xi prodotti li l-fornituri ewlenin tagħhom għall-UE kienu kemm ir-Russja kif ukoll l-Ukrajna: il-gass naturali, il-qamħ, iż-żejt tal-ġirasol u l-fertilizzanti. Bejn Frar u April 2022 il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti żdiedu bi 18,6 %, 16,8 %, 38,6 % u 16,7 % rispettivament (4). Sussegwentement, dawn l-ispejjeż ġew ikkontrollati, għalkemm f’Marzu 2023 l-indiċi tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-FMI kien 40,9 % ogħla mil-livelli ta’ Jannar 2020; u r-rati tal-merkanzija kienu 3,6 % ogħla.

2.3.

Dawn l-iżviluppi ġew riflessi fl-ekonomija globali u Ewropea fil-forma ta’ inflazzjoni. Ir-rata annwali ta’ bidla fl-HICP (5) taż-żona tal-euro laħqet il-11,5 % (Eurostat) f’Ottubru. Valuri li kien ilhom ma jintlaħqu sa mis-seklu li għadda u li, minkejja li mmoderaw f’dawn l-aħħar xhur (f’Marzu 2023 ir-rata kienet ta’ 8,3 %), jidher li huma diffiċli ħafna biex jitrażżnu. L-evidenza li x-xokk fil-prezzijiet mhuwiex temporanju, kif kien maħsub oriġinarjament, hija li l-inflazzjoni sottostanti (eskluża l-enerġija) qed tkompli tiżdied fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. Dan jista’ jfisser li l-politika monetarja mnedija mill-BĊE mhijiex qed tagħti r-riżultati mistennija.

3.   L-impatt tal-inflazzjoni fuq l-ekonomija Ewropea

3.1.

Il-KESE jinnota li l-perspettiva ekonomika marret għall-agħar wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022. Ix-xenarju ekonomiku previst għas-snin li ġejjin huwa mistenni (6) li jbatti meta mqabbel mal-2022, għalkemm dawn il-projezzjonijiet qed jitjiebu matul ix-xhur. Għalkemm fix-xitwa l-Kummissjoni Ewropea stmat żieda fil-PDG għall-UE kollha ta’ 0,8 % fl-2023 u żieda modesta ta’ 1,6 % fl-2024, fit-tbassir reċenti tar-rebbiegħa dawn il-perċentwali żdiedu għal 1,0 % u 1,7 % rispettivament. B’mod parallel, l-inflazzjoni hija mistennija li tonqos gradwalment, għalkemm b’pass aktar bil-mod milli kien previst fil-bidu (9,2 % fl-2022, 6,7 % fl-2023, 3,1 % fl-2024). Is-suq tax-xogħol ser ikun taħt piż minħabba r-rata baxxa tat-tkabbir u d-dejn tal-gvern qed jikber minħabba, fost l-oħrajn, iż-żieda rapida fir-rati tal-imgħax tal-BĊE, li ser titfa’ pressjoni fiskali fuq il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.

3.2.

Is- 96,5 miljun Ewropew li jgħixu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali huma l-aktar milquta mill-inflazzjoni għolja. 41 % tar-rispondenti tal-Ewrobarometru jsemmu l-prezzijiet, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja bħala waħda mill-aktar problemi importanti li qed jiffaċċja pajjiżhom, qabel is-saħħa (32 %) u s-sitwazzjoni ekonomika (19 %).

3.3.

L-UE esperjenzat qtugħ kważi totali fil-provvisti tal-gass mir-Russja minħabba d-deċiżjonijiet politiċi adottati, u kważi nofs l-Istati Membri ġew affettwati mit-tnaqqis fil-kunsinni b’xi mod jew ieħor. Iż-żieda fl-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, in-nuqqas ta’ ħaddiema u t-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista globali qed jaffettwaw b’mod negattiv il-ktajjen tal-provvista fl-Ewropa, kemm dawk tal-prodotti tal-ikel kif ukoll oħrajn. Skont il-perspettiva ekonomika tal-OECD, it-tkabbir globali huwa mistenni li jonqos drastikament għal madwar 2,2 % fl-2023.

3.4.

Skont il-BĊE, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija din kienet responsabbli għal żewġ terzi tad-divenzjali tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro. Skont il-Kummissjoni, bejn l-2019 u l-2022, iż-żieda fil-marġini tal-profitti kienet ta’ 54 % fis-settur tal-enerġija, fejn il-pagi żdiedu biss b’6 %. It-telfien ġenerali tal-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-kumpaniji Ewropej mhux biss qed jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ ħafna familji, iżda jekk din, is-sitwazzjoni ma tiġix rettifikata, tista’ taffettwa wkoll id-domanda domestika u t-tkabbir u b’hekk setturi tan-negozju oħrajn; dan kollu minħabba wkoll il-kontinwità tal-politika monetarja taż-żieda fir-rati tal-imgħax. Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali fis-settur tal-enerġija huwa importanti biex jinstabu d-deċiżjonijiet adatti fil-livell nazzjonali.

3.5.

Fl-istess ħin li l-prezzijiet tal-konsumatur għolew b’mod ġenerali fl-Ewropa, il-pagi kienu inqas volatili, u naqqru mill-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini Ewropej, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, li m’għandhomx l-għodod biex jipproteġu lilhom infushom kontra l-inflazzjoni. Fil-fatt, il-bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi diġà huma osservati minħabba t-telf tal-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi li qed jiffaċċjaw kriżi kbira fl-għoli tal-ħajja marbuta maż-żieda fil-kontijiet tal-enerġija u l-impatt tal-inflazzjoni. L-istrumenti applikati mill-Istati Membri biex jipproteġu lill-konsumaturi domestiċi vulnerabbli huma varjabbli ħafna u, f’xi każijiet, l-effettività tagħhom tista’ tkun limitata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis il-possibbiltà li tesplora standards minimi li għandhom jiġu applikati mir-regolaturi u minn dawk li jfasslu l-politika biex jipproteġu u jappoġġjaw lill-konsumaturi domestiċi vulnerabbli.

3.6.

Wieħed mis-setturi li qiegħed ibati minn impatt prinċipali tal-effett ikkombinat tal-pandemija u tal-gwerra kien dak tal-produzzjoni tal-ikel — l-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-industrija tal-ikel — u d-distribuzzjoni tal-ikel lill-konsumatur finali. Il-prossimità tal-gwerra u l-impatt tagħha fuq is-swieq tal-enerġija u tal-materja prima qed jikkawżaw distakk fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bejn l-Ewropa u s-swieq internazzjonali, meta wieħed iqis li l-prezzijiet Ewropej għolew l-aktar. Għalhekk, skont il-Commodity price dashboard (id-dashboard tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi) ta’ April 2023, ir-rata ta’ żieda fil-prezzijiet għall-biċċa l-kbira tal-prodotti agrikoli Ewropej hija aktar minn dik tad-dinja, speċjalment għall-prodotti tal-laħam. Din l-imġiba tiġġenera tliet effetti importanti. L-ewwel wieħed huwa li l-popolazzjoni Ewropea qed tesperjenza inflazzjoni b’mod aktar intensiv bil-firxa ta’ prodotti bażiċi. It-tieni huwa li l-prodotti tal-ikel Ewropej qed jitilfu l-kompetittività fuq livell internazzjonali. It-tielet huwa li l-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa għolew minħabba spejjeż tal-produzzjoni ogħla.

3.7.

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għal sfidi enormi fil-katina tal-provvista tal-ikel, lil hinn mill-ispirall tal-ispejjeż tal-enerġija: iż-żieda fil-prezzijiet ta’ inputs ewlenin (għalf, fertilizzant) u n-nuqqas ta’ ċerti prodotti bażiċi (eż. żjut veġetali u qamħ) meħtieġa biex tinżamm katina tal-provvista li tiffunzjona bis-sħiħ. L-effett domino taż-żieda fl-ispejjeż qed iwassal għal deċiżjonijiet biex titnaqqas il-produzzjoni tal-fertilizzanti, li se tkompli tixpruna żieda fil-prezzijiet. In-nixfiet esperjenzati matul is-sajf tal-2022 u x-xhur li għaddew fl-2023 fl-Ewropa kollha qed jitfgħu pressjonijiet akbar fuq il-prezzijiet billi jnaqqsu l-provvista disponibbli.

3.8.

Xi setturi ewlenin, inklużi n-negozji u l-ħaddiema, li ma jistgħux iwaqqfu l-attività tagħhom tkun xi tkun is-sitwazzjoni, qed iġarrbu piż doppju: inqas konsumaturi lesti jħallsu u spejjeż li qed jiżdiedu, b’mod partikolari l-kontijiet tal-enerġija għoljin m’għola s-sema. In-negozji tas-settur tal-ikel ippruvaw jillimitaw iż-żieda fl-ispejjeż biex jiżguraw prezzijiet kompetittivi għall-konsumaturi u issa qed jibżgħu minn kriżi tal-konsum (Hidalgo, M., 2023 (7); Eurocommerce, 2023). Dan l-aħħar, il-gvern ta’ Spanja ppubblika (8) fl-ewwel rapport tiegħu tal-osservatorju tal-marġnijiet li l-marġnijiet fost il-katina alimentari naqsu b’25 % mill-2021, u b’hekk huwa ċar li l-evoluzzjoni tal-marġnijiet tal-profitt hija eteroġenja ħafna.

Fl-istess ħin, xi kumpaniji, prinċipalment fis-settur tal-enerġija, żiedu l-profitti tagħhom fix-xifer tal-inflazzjoni eżistenti, kif jindika l-BĊE (9). Il-profitti f’dan is-settur komplew jixprunaw l-inflazzjoni fl-UE u jridu jiġu indirizzati.

3.9.

Il-Bank ta’ Spanja (10) jirreferi għall-effetti pożittivi ħafna li l-hekk imsejħa “eċċezzjoni Iberika” jew “mekkaniżmu Iberiku” kellhom fuq is-sistema tal-ipprezzar tas-suq tal-elettriku. Huwa jitkellem ukoll dwar l-impatt pożittiv, għalkemm aktar limitat, tat-tnaqqis tal-VAT fuq il-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil, għalkemm iżid li l-miżura kien ikollha kost aktar baxx kieku ffukat fuq l-għajnuna għall-familji b’introjtu aktar baxx. Il-Bank ta’ Spanja jirreferi wkoll għall-impatt pożittiv li ż-żidiet li għamel il-Gvern ta’ Spanja fil-paga interprofessjonali minima, il-pensjonijiet u l-introjtu vitali minimu kellhom itaffu l-effetti tal-inflazzjoni fuq l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx.

4.   L-impatt taż-żidiet fl-ispejjeż tal-enerġija fuq il-profittabbiltà tal-kumpaniji Ewropej

4.1.

Il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku u l-gass żdiedu sa bi 15-il darba mill-bidu tal-2021, b’effetti serji fuq il-konsumaturi u n-negozji. Il-gvernijiet Ewropej bdew jimplimentaw sett ta’ politiki b’risposta għal dan. Tip wieħed ta’ politika għandu l-għan li jtaffi l-impatt taż-żieda fl-ispejjeż fuq il-konsumaturi u n-negozji. Tip ieħor ta’ miżura jfittex li jistabbilizza u jnaqqas il-prezzijiet bl-ingrossa u jiżgura s-sigurtà tal-enerġija. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jwettqu riforma komprensiva tad-disinn tas-suq tal-elettriku u tas-sistema li tikkalkula l-prezz tal-elettriku f’konformità mal-Opinjoni TEN/793 (11).

4.2.

Il-mod li bih il-prezzijiet tal-enerġija jaffettwaw l-ispejjeż tan-negozji huwa varjat ħafna: l-ewwel nett, permezz tal-ispiża tal-provvista tal-elettriku nnifisha, it-tieni nett, indirettament permezz tal-impatti fuq il-bqija tal-katina tal-provvista u, it-tielet nett, permezz tal-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw minn dan. Bħala eżempju, studju mill-Bank ta’ Spanja ppubblikat ex ante fir-rebbiegħa tal-2022 (12) stima li żieda kumulattiva ta’ 25 % fl-ispiża tal-enerġija għan-negozji jkollha effett fuq it-tnaqqis tal-valur miżjud gross tagħhom b’1,6 % fl-2023. Madankollu, dan huwa l-impatt medju. L-istudju sab li xi setturi qed ibatu aktar minn oħrajn. Is-settur tal-estrazzjoni taż-żejt u l-gass naturali qed jibbenefika l-aktar. Is-setturi li jsofru l-aktar ħsara huma: is-sajd u l-akkwakultura, it-trasport fuq l-art, it-trasport fuq l-ilma, il-kummerċ u t-tiswija tal-vetturi bil-mutur, l-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem, l-edukazzjoni, it-trasport bl-ajru, l-attivitajiet tal-proprjetà immobbli, il-manifattura tal-kokk u tal-prodotti taż-żejt raffinat, is-servizzi tas-saħħa u soċjali, u s-servizzi tal-ospitalità. Xi wħud minn dawn is-setturi wrew l-importanza tagħhom għall-funzjonament bla xkiel tal-ekonomija tal-UE matul il-pandemija.}afna mis-setturi l-aktar affettwati mhumiex intensivi fl-użu tal-elettriku fl-attività tal-produzzjoni tagħhom, iżda huma konsumaturi kbar.

4.3.

Minbarra l-impatt dirett u indirett fuq il-valur miżjud gross tal-kumpaniji (il-marġnijiet), hemm mod ieħor kif wieħed jiġi affettwat fil-forma ta’ vulnerabbiltà finanzjarja akbar. Ir-rapport tal-Bank ta’ Spanja jidentifika l-aktar setturi milquta. Hemm grupp ta’ setturi partikolarment vulnerabbli, li mhux biss ikollhom dejn eċċessiv, iżda jkollhom ukoll rendiment negattiv fl-2023: il-kummerċ u t-tiswija ta’ vetturi bil-mutur; it-trasport bl-art u bil-pipelines; is-sajd u l-akkwakultura; l-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem; u l-industrija tat-tessuti, il-manifattura tat-tessuti, tal-ħwejjeġ, tal-ġilda u taż-żraben.

4.4.

Peress li l-istokkijiet kumulattivi tal-gass naturali fl-Ewropa qed jonqsu — il-volum maħżun f’Mejju 2023 kien ta’ 68 % (13) — se niffaċċjaw sfidi addizzjonali fil-ġestjoni tal-politika tagħna dwar l-enerġija. Id-differenza bejn il-kwantitajiet fornuti preċedentement mir-Russja u l-fornituri alternattivi għadha ma ġietx eliminata, u għalhekk il-prezzijiet x’aktarx li mhux ser jitbaxxew fl-immedjat. Dak li ġara, min-naħa l-oħra, huwa tnaqqis sinifikanti fid-domanda. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija jwasslu għal tnaqqis fil-kompetittività tal-industrija u l-ktajjen tal-provvista tagħna, li min-naħa tiegħu jiffavorixxi l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet barra mill-UE u b’hekk inaqqas l-indipendenza strateġika tal-Unjoni. L-impatt fuq l-unitajiet domestiċi, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, huwa partikolarment sinifikanti, b’perċentwal dejjem akbar ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew f’sitwazzjoni ta’ faqar. Dan ser ikun il-każ mill-inqas sal-2024 (14). Sabiex jiġu miġġielda dawn il-kwistjonijiet, il-KESE jirrakkomanda għadd ta’ miżuri li jinkludu garanziji ta’ lokalizzazzjoni marbuta ma’ appoġġ finanzjarju, aktar miżuri meħtieġa għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika għall-kumpaniji biex inaqqsu d-domanda, investimenti massivi u l-kundizzjonijiet ta’ qafas fiskali meħtieġa fl-espansjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

4.5.

B’riżultat ta’ dan, minħabba l-isplużjoni fl-ispejjeż tal-enerġija, ħafna kumpaniji u unitajiet domestiċi qegħdin dejjem aktar f’sitwazzjoni li potenzjalment thedded l-eżistenza tagħhom. Minkejja li x-xitwa kienet relattivament sħuna, ma nistgħux nistennew li l-kundizzjonijiet ambjentali dejjem ikunu favorevoli għalina. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jipproteġu lill-unitajiet domestiċi partikolarment vulnerabbli b’miżuri speċifiċi għalihom f’dan il-qasam.

4.6.

Fil-każ tal-kumpaniji, iż-żidiet massivi fl-ispejjeż tan-negozju, flimkien mal-fatt li l-konsumaturi qed joqogħdu lura milli jonfqu, jistgħu jwasslu għar-rilokazzjoni obbligatorja f’xi każijiet. Iżda dan ma jistax isir minn kumpaniji li jipprovdu servizz essenzjali għall-klijenti u għall-bqija tal-katina tal-provvista u ma jistgħux sempliċiment iwaqqfu l-operat tagħhom minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.

4.7.

Għalkemm għadd kbir ta’ setturi u l-ħaddiema tagħhom tqiesu bħala essenzjali matul il-pandemija tal-COVID-19, jispikka l-fatt li dan ir-rikonoxximent ma ngħatax ukoll fil-kriżi tal-enerġija attwali. S’issa, l-Istati Membri ma pprovdewx appoġġ speċifiku lil ħafna minn dawn is-setturi. Il-kumpaniji li jappartjenu għal dawn is-setturi u l-ħaddiema tagħhom għamlu sforzi biex jipproteġu lill-konsumaturi mill-marġni tagħhom stess u huwa diffiċli għalihom li jgħaddu lill-klijenti l-ispiża totali taż-żieda eżorbitanti fil-kontijiet tal-enerġija. Din mhijiex sitwazzjoni li tista’ tinżamm fit-tul. Bl-istess mod, il-KESE jqis li l-protezzjoni tan-nies mill-gvernijiet mhijiex qed isseħħ bl-istess intensità bħal fiż-żmien tal-pandemija.

4.8.

Ħafna kumpaniji qed jagħmlu bosta investimenti biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u jkollhom kapaċità akbar biex iżidu l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jemmen li l-kumpaniji jistgħu jaġixxu wkoll bħala aċċeleraturi għall-elettrifikazzjoni tat-trasport u jissostitwixxu l-gass għat-tisħin, u jaqdu rwol ewlieni fit-tranżizzjoni tal-enerġija u fil-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030. Madankollu, dan ser jirrikjedi qafas regolatorju favorevoli, bħall-għoti ta’ permessi u l-ġlieda kontra d-diżinċentiv tal-prezzijiet għall-produzzjoni ta’ aktar enerġija.

4.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-obbligi tar-REPowerEU u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jiġu allinjati mal-appoġġ u l-kapaċità tal-operaturi li jġarrbu l-kost tal-investimenti konsiderevoli li jinvolvu. Dawn il-miżuri ser ikunu importanti biex titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili, iżda l-obbligi għandhom ikunu marbuta mad-disponibbiltà tal-finanzjament, kemm pubbliku kif ukoll privat. It-tiġdid tad-disinn tas-suq tal-enerġija għandu jiġi inkluż fl-aġenda fit-tul tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu evitati interruzzjonijiet futuri fil-provvista tal-enerġija u prezzijiet eżorbitanti. Dan it-tiġdid għandu jikkunsidra t-taħriġ għall-forza tax-xogħol li se tkun involuta fis-settur.

Bl-istess mod, il-KESE jemmen li ż-żewġ programmi għandhom jirriflettu wkoll l-aspetti prattiċi relatati mad-disponibbiltà ta’ tagħmir u ħaddiema tas-sengħa fl-obbligi li jiġu installati stazzjonijiet tal-iċċarġjar veloċi għall-vetturi jew għal infrastruttura għall-fjuwils alternattivi. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-fondi żborżati permezz tal-proposti l-ġodda jkunu jistgħu jintużaw biex jiġi żgurat li din it-tranżizzjoni tkun tista’ titwettaq fil-ħin.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Studju tal-BĊE dwar l-inflazzjoni, 2023.

(2)  Indiċi tal-prezz primarju tal-prodotti tal-FMI, disponibbli fuq https://www.imf.org/en/Research/commodity-prices.

(3)  Indiċi ta’ Freightos Baltic, disponibbli fuq https://fbx.freightos.com/.

(4)  Indiċi tal-prezz primarju tal-prodotti tal-FMI, disponibbli fuq https://www.imf.org/en/Research/commodity-prices.

(5)  Eurostat, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/eurostat.

(6)  https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-forecast-and-surveys/economic-forecasts/spring-2023-economic-forecast-improved-outlook-amid-persistent-challenges_en.

(7)  Margins and profits of Spanish food retailers in 2022 (Il-marġnijiet u l-profitti tal-bejjiegħa bl-imnut tal-ikel Spanjoli fl-2022 — mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  OME Informe Trimestral 2023/T3 (bde.es) (Rapport Trimestrali 2023/T3 tal-OME — mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Studju tal-BĊE dwar l-inflazzjoni, 2023.

(10)  https://www.bde.es/f/webbe/SES/Secciones/Publicaciones/PublicacionesAnuales/InformesAnuales/22/Files/InfAnual_2022_En.pdf.

(11)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolamenti (UE) 2019/943 u (UE) 2019/942 kif ukoll id-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni” (COM(2023) 148 final — 2023/0077 (COD)) (ĠU C 293, 18.8.2023, p. 112).

(12)  Disponibbli fuq: https://www.bde.es/f/webbde/Secciones/Publicaciones/InformesBoletinesRevistas/InformesEstabilidadFinancera/22/IEF_2022_1_Rec1_4.pdf

(13)  Informazzjoni disponibbli fuq https://agsi.gie.eu/data-overview/eu

(14)   EIU (2023): Energy crisis will erode Europe’s competitiveness in 2023 (Il-kriżi tal-enerġija ser tnaqqar il-kompetittività tal-Ewropa fl-2023 — mhux disponibbli bil-Malti), disponibbli fuq: https://www.eiu.com/n/energy-crisis-will-erode-europe-competitiveness-in-2023/.