Strasburgu, 21.11.2023

COM(2023) 901 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Stħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2024


Ninvestu fil-futur kompetittiv tal-UE:

Stħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2024

1.Introduzzjoni

Wara rkupru qawwi fl-2022, l-attività ekonomika fl-UE naqset minħabba inflazzjoni għolja u kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti. Reazzjoni politika rapida, deċiżiva u kkoordinata ppermettiet lill-ekonomija tirkupra u tindirizza l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. L-UE rnexxielha tinnaviga l-kriżi tal-enerġija li rriżultat, u naqqset id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi mingħajr il-ħtieġa ta’ razzjonament tal-gass u rnexxiela tevita reċessjoni. Għalkemm l-ekonomija majnat fl-2023 u r-riskji u l-inċertezzi huma għoljin, inkluż minħabba s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, qatt ma kien hemm daqshekk nies jaħdmu fl-UE, u l-qgħad laħaq livell baxx storiku, għalkemm b’varjazzjoni madwar l-Istati Membri u r-reġjuni. Filwaqt li għad fadal sfidi strutturali, il-kisbiet reċenti juru li l-Ewropa taħdem l-aħjar meta taħdem flimkien.

Kif enfasizzat fid-dikjarazzjoni ta’ Granada, l-UE hija impenjata li ssaħħaħ il-kompetittività tagħha fit-tul u tibni bażi ekonomika reżiljenti billi tindirizza l-isfidi strutturali tagħha. Avvenimenti ġeopolitiċi ta’ tfixkil urew il-ħtieġa li l-UE tkompli ssaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha u tibqa’ kompetittiva f’suq globali, filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla lura. L-UE se tkompli ssegwi l-politika kummerċjali miftuħa u ġusta tagħha, tinvesti fi sħubijiet u tiddefendi ruħha kontra prattiki inġusti, pereżempju miċ-Ċina. L-UE teħtieġ ktajjen tal-provvista reżiljenti u diversifikati biex issaħħaħ is-sigurtà ekonomika, partikolarment fil-materja prima kritika, il-komponenti teknoloġiċi, u t-tagħmir. Biex ikompli jissaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv tal-UE, huwa kruċjali li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-ġestjoni tal-bidla demografika, filwaqt li jiżdiedu l-investimenti u titrawwem l-innovazzjoni. Is-sett ta’ għodod tad-demografija tal-Kummissjoni jappoġġa lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw politiki li jindirizzaw l-isfidi f’soċjetà li qed tixjieħ. L-aħjar użu mis-suq uniku, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (small and medium-sized enterprises, SMEs) u l-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex jiġu appoġġati l-investimenti privati, huma daqstant ieħor kruċjali.

L-UE qed titbiegħed mill-fjuwils fossili. Abbażi tal-impenji taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Ewropa qed timbotta biex tiddekarbonizza l-industriji, l-enerġija, il-bini u t-trasport u aċċellerat b’mod sinifikanti t-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa. Il-ħolqien ta’ industrija b’saħħitha ta’ teknoloġija nadifa u l-użu tagħha, inkluż bl-implimentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar Pjan Industrijali ta’ Green Deal (Green Deal Industrial Plan, GDIP) 1 , se jappoġġa l-kompetittività. Proċeduri ta’ permessi aktar mgħaġġla kif introdotti fid-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli u regolament ta’ emerġenza dwar il-permessi se jagħmlu l-enerġija rinnovabbli aktar abbundanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet proposta biex ittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE u l-protezzjoni tiegħu mill-manipulazzjoni tas-suq, kif ukoll tagħti spinta lill-investiment ġdid fl-enerġija.

L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE qed jagħtu spinta lit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-ħiliet u l-impjiegi biex isaħħu l-kompetittività tal-UE fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-implimentazzjoni kontinwa tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF), inkluż l-introduzzjoni ta’ kapitoli ddedikati REPowerEU fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza (recovery and resilience plans, RRPs) tal-Istati Membri, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (Technical Support Instrument, TSI), u l-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, għad għandhom rwol ċentrali fit-tiswir ta’ aġendi ta’ riforma u ta’ investiment fl-Istati Membri kollha. Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (Strategic Technologies for Europe Platform, STEP) proposta se tiżgura aktar sinerġiji fost l-istrumenti eżistenti tal-UE, inkluż il-programm InvestEU, għall-użu rapidu ta’ teknoloġiji kritiċi. S’issa, l-RRF għamlet pagamenti ta’ ’l fuq minn EUR 175 biljun, aktar minn EUR 210 biljun ġew żborżati taħt il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, u EUR 13,44 biljun f’garanziji tal-UE u 119-il operazzjoni ġew approvati fil-qafas ta’ InvestEU. Orizzont Ewropa mmobilizza ’l fuq minn EUR 24 biljun fix-xjenza u l-innovazzjoni. B’mod parallel, il-Kummissjoni vvalutat b’mod pożittiv l-aġendi ta’ investiment u riforma taħt REPowerEU li jammontaw għal EUR 54 biljun. Biex tkompli tiżgura l-finanzjament u tottimizza r-riżorsi għall-prijoritajiet politiċi tal-UE, ir-reviżjoni mmirata tal-qafas finanzjarju multiannwali tal-UE jeħtieġ li tiġi adottata malajr.

Iċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew se jqis l-implimentazzjoni li għaddejja tal-RRPs u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, u jesplora kif dawn jikkumplimentaw lil xulxin f’termini ta’ finanzjament u riżultati ta’ politika. L-enfasi se tkun b’mod partikolari fuq il-komplementarjetajiet bejn l-RRF u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li juru kif ir-riformi qed jaġixxu bħala faċilitaturi ewlenin għall-investimenti f’livelli differenti. Se tipprovdi wkoll orjentazzjonijiet fid-dawl tar-rieżami ta’ nofs it-terminu li jmiss tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Din se tkun opportunità biex jiġu vvalutati l-programmi u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi emerġenti fl-Istati Membri tal-UE u fir-reġjuni tagħhom.

Ir-Rieżami tal-Governanza Ekonomika jenħtieġ li jiġi konkluż malajr. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jaħdmu fuq il-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tar-regoli fiskali tal-UE, ippreżentati fis-26 ta’ April 2023. Il-qafas riformat se joħloq ċarezza u prevedibbiltà għall-politika fiskali futura, filwaqt li jippromwovi s-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir ekonomiku fl-istess ħin. Ladarba l-qafas fiskali riformat ikun ġie adottat, l-Istati Membri se jibdew iħejju l-ewwel pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju, li jiddeskrivu l-politiki fiskali, strutturali u ta’ investiment għall-4 sa 5 snin li ġejjin. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jaqblu malajr dwar qafas riformat.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli ta’ din is-sena jenfasizza l-aġenda tal-politika soċjoekonomika tal-UE, filwaqt li jqis il-pajsaġġ makroekonomiku, soċjali u ġeopolitiku li qed jevolvi. Il-gwida ssegwi approċċ strutturat ibbażat fuq l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva, allinjat mal-ħidma tal-UE biex isir progress kontinwu lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi wkoll l-aspetti ewlenin taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2024.

2.L-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva

2.1 Stabbiltà makroekonomika

L-ekonomija tal-UE għadha reżiljenti minkejja majnar. Fl-2022, l-attività ekonomika kienet għadha qed tirkupra, u l-PDG żdied bi 3,4 % minħabba inflazzjoni li qed tiżdied. Matul l-2023, l-inflazzjoni, li għadha għolja iżda li qed tonqos gradwalment, u l-issikkar tal-politika monetarja rriżultaw fi tkabbir aktar dgħajjef. Min-naħa l-oħra, l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol qed ikomplu jkunu inkoraġġanti, bil-qgħad jibqa’ qrib il-livelli baxxi storiċi. It-tbassir tal-ħarifa jipprevedi li l-ekonomija tal-UE tikber b’0,6 % modest fl-2023, imbagħad tirkupra b’1,3 % fl-2024 u b’1,7 % fl-2025. L-inflazzjoni mistennija tkompli tonqos, u tilħaq 2,4 % fl-2025 fl-UE. Dan, flimkien ma’ pagi ogħla u suq tax-xogħol li għadu b’saħħtu, se jikkontribwixxi għal irkupru gradwali tal-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi. 

Ir-riskji relatati ma’ dejn għoli u diverġenzi fil-prezzijiet jibqgħu rilevanti. Filwaqt li l-ambjent inflazzjonarju ffaċilita tnaqqis tad-dejn aktar mgħaġġel minn djun għoljin, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti jistgħu jirriżultaw f’tensjonijiet akbar marbuta ma’ dejn għoli, kemm fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku. Dan jaffettwa b’mod partikolari lill-Istati Membri fejn is-servizz tad-dejn jeħtieġ trasferimenti kbar tad-dejn, jew fejn is-settur privat jiffaċċja żidiet qawwija fil-ħlasijiet tal-imgħax. Barra minn hekk, differenzi kontinwi fil-prezzijiet u żidiet fil-kostijiet bejn il-pajjiżi jżidu l-prospett ta’ telf fil-kompetittività fl-Istati Membri bl-aktar żidiet qawwija fil-prezzijiet. Dan joħloq riskju partikolari fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro peress li l-allinjament mill-ġdid tal-kostijiet u l-prezzijiet domestiċi permezz ta’ bidliet fir-rata tal-kambju nominali mhijiex għażla 2 . Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija fih l-analiżi tal-Kummissjoni tal-evoluzzjoni tal-iżbilanċi u r-riskji emerġenti 3 . Fir-rebbiegħa li jmiss, se jitħejjew rieżamijiet fil-fond għal 12-il Stat Membru. Għal Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Iżvezja wara r-rieżamijiet fil-fond se jsegwu l-iżbilanċi jew l-iżbilanċi eċċessivi identifikati din ir-rebbiegħa, filwaqt li għas-Slovakkja l-analiżi fil-fond se tivvaluta r-riskju ta’ żbilanċi emerġenti ġodda.

Bil-klawżola liberatorja ġenerali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir li tiskadi fi tmiem l-2023, il-politika fiskali jeħtieġ li tappoġġa l-politika monetarja fit-tnaqqis tal-inflazzjoni u fis-salvagwardja tas-sostenibbiltà fiskali, filwaqt li tipprovdi biżżejjed spazju għal investimenti addizzjonali u tappoġġa t-tkabbir fit-tul 4 . Il-koordinazzjoni tal-politika fiskali hija essenzjali biex tgħin lill-politika monetarja treġġa fil-ħin l-inflazzjoni għall-mira tagħha għal żmien medju Il-gvernijiet jenħtieġ li jadottaw politiki fiskali kkoordinati u prudenti biex iżommu d-dejn f’livelli prudenti jew ipoġġu l-proporzjonijiet tad-dejn fuq triq plawżibbli ’l isfel. Jenħtieġ li jwaqqfu l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija relatati mal-kriżi kemm jista’ jkun malajr u jużaw l-iffrankar li jirriżulta biex inaqqsu d-defiċits. Filwaqt li jibqgħu flessibbli fid-dawl tal-inċertezza għolja, il-kisba ta’ pożizzjoni fiskali restrittiva, kif mistenni fl-2023 u l-2024, se tikkontribwixxi għar-restawr tal-buffers fiskali maż-żmien u b’hekk għat-titjib tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku f’xi Stati Membri. Minbarra l-ħtieġa li tinżamm strateġija fiskali prudenti, l-investiment pubbliku jeħtieġ li jinżamm u, fejn meħtieġ jiżdied, biex jappoġġa t-tkabbir fit-tul u t-tranżizzjoni ekoloġika. Għal dak il-għan, il-gvernijiet jenħtieġ li jsostnu livell għoli ta’ investiment pubbliku biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, isaħħu l-produttività u r-reżiljenza. Dan se jeħtieġ titjib fil-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa, pereżempju billi tiġi ottimizzata t-taħlita tat-taxxa. Se jkun kruċjali wkoll li titħaffef l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza, inkluż il-kapitoli REPowerEU tagħhom, u jsir użu sħiħ mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni.

Miżuri ta’ emerġenza fiskali meħuda biex jirrispondu għax-xokk tal-prezzijiet tal-enerġija jenħtieġ li jitwaqqfu kemm jista’ jkun malajr. Appoġġ fiskali fit-tul mhux immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti mhuwiex l-għodda korretta fis-sitwazzjoni attwali, peress li jżid il-pressjonijiet inflazzjonarji u jikkontribwixxi għal politika monetarja stretta fit-tul. Dan jillimita wkoll l-ispazju fiskali għall-infiq produttiv, pereżempju fuq investimenti ekoloġiċi u diġitali. L-appoġġ lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli jenħtieġ li jiġi pprovdut b’mod immirat permezz ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali u xbieki ta’ sikurezza soċjali stabbiliti. Jekk ikunu meħtieġa miżuri ta’ appoġġ, dawn jenħtieġ li jkunu ffukati fuq il-protezzjoni ta’ unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli u jippreservaw inċentivi biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika.

Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 5 , il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

2.2 Sostenibilità  ambjentali

L-azzjonijiet meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha għenu biex il-prezzijiet tal-enerġija jqarrbu lejn il-livelli ta’ qabel il-kriżi, filwaqt li l-investimenti f’sorsi ta’ enerġija nadifa jgħinu biex jistabbilizzaw il-provvista futura. Il-prezzijiet tal-gass naturali naqsu b’madwar 84 % meta mqabbla mal-livelli rekord-għoli tas-sena l-oħra iżda għadhom 78 % ’l fuq mil-livelli ta’ qabel il-kriżi u l-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa naqsu wkoll (b’-78 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet). Madankollu, il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE jibqgħu għoljin bħala medja meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi u l-bqija tad-dinja. Filwaqt li l-UE żiedet ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tagħha, il-kundizzjonijiet tas-suq għadhom soġġetti għal inċertezza, inkluż minħabba l-kriżi fil-Lvant Nofsani. Minn Frar 2022, l-UE temmet l-importazzjonijiet kollha tal-faħam Russu, naqqset l-importazzjonijiet taż-żejt Russu b’madwar 90 % u l-importazzjonijiet totali tal-gass Russu b’madwar żewġ terzi u se tkompli dawn l-isforzi fil-futur. Il-livelli tal-ħażna tal-gass naturali huma fl-ogħla livelli rekord qabel iż-żmien, ta’100 % f’Novembru 2023. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-qafas tal-UE dwar it-tnaqqis tad-domanda mill-Istati Membri saħħet it-tħejjija tal-UE għal din ix-xitwa, u l-għodda għall-aggregazzjoni tad-domanda AggregateEU qed tagħti riżultati konkreti. Minħabba l-kundizzjonijiet imtejba fis-swieq tal-enerġija kif ukoll il-ħtieġa li jiġu adottati politiki fiskali prudenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jeliminaw malajr is-sussidji fuq il-fjuwils fossili. Jenħtieġ li dawn jirrikorru biss għal miżuri mmirati ta’ appoġġ għall-enerġija jekk ikun hemm aktar żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u jiffaċilitaw l-introduzzjoni rapida u l-introduzzjoni gradwali ta’ alternattivi affordabbli għall-enerġija nadifa għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji permezz ta’ riformi u investimenti xierqa.

L-Istati Membri qed jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-kapitoli REPowerEU tal-RRPs, ikkumplimentati minn fondi tal-politika ta’ koeżjoni. S’issa, 23 Stat Membru ppreżentaw il-kapitoli REPowerEU tagħhom, li jammontaw għal pakkett ta’ EUR 54 biljun. Il-miżuri ta’ REPowerEU jinkludu r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ permessi biex titħaffef it-tnedija ta’ enerġiji rinnovabbli u faċilitajiet ta’ ħażna, iż-żieda fil-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ valur f’materja prima u teknoloġiji kritiċi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-appoġġ tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u s-sistemi ta’ enerġija intelliġenti skont l-objettiv tal-politika Ewropa Ekoloġika għandu wkoll rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ diversi azzjonijiet ewlenin taħt l-inizjattiva REPowerEU. Il-finanzjament tal-UE għal dawn l-azzjonijiet mill-objettivi ta’ politika kollha u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Fund, JTF) jammonta għal EUR 47 biljun. Id-disponibbiltà ta’ dawn l-istrumenti ta’ finanzjament differenti tfisser li objettivi komuni jistgħu jintlaħqu b’mod aktar effettiv, pereżempju permezz tal-kombinazzjoni ta’ riformi RRF/REPowerEU dwar il-permessi u l-konnessjoni ta’ aktar enerġiji rinnovabbli mal-grilja permezz ta’ investimenti fil-livell nazzjonali u reġjonali.

Il-pjanijiet nazzjonali aġġornati dwar l-enerġija u l-klima (national energy and climate plans, NECPs) jeħtieġ li jiġu żviluppati bis-sħiħ u implimentati malajr. L-NECPs aġġornati tal-Istati Membri jenħtieġ li jippreżentaw politiki aktar ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija f’konformità mal-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2030. Huma mistennija li jqisu bis-sħiħ l-aħħar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (country-specific recommendations, CSRs), ippubblikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, jirriflettu l-miżuri tal-enerġija u l-klima fl-RRPs tagħhom, u jesploraw sinerġiji ma’ strumenti oħra ta’ ppjanar taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-Kummissjoni se toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri għall-abbozzi tal-NECPs tagħhom f’Diċembru 2023 u tistenna li dawn jitqiesu bis-sħiħ fl-NECPs finali, li għandhom isiru sa Ġunju 2024. L-NECPs se jgħinu biex jikkonsolidaw l-ippjanar strateġiku, jimmobilizzaw l-investiment pubbliku u privat 6 kif ukoll isaħħu ċ-ċertezza tal-investitur biex iwettaq il-miri tal-klima u l-enerġija tal-2030 tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE b’mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990. Dan jenħtieġ li jiġi kkombinat ma’ sforzi biex jitreġġa’ lura t-telf ta’ riżorsi naturali, jiġu żviluppati prattiki agrikoli sostenibbli, jiġu ppreservati s-servizzi tal-ekosistema u jkun hemm adattament aħjar u aktar rapidu għal klima aktar avversa, b’mod partikolari fil-qasam tar-reżiljenza tal-ilma. Sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà baġitarja u jiġu evitati xokkijiet finanzjarji fil-futur, hemm ħtieġa dejjem akbar li l-Istati Membri jikkunsidraw u jippreparaw għall-impatt fiskali ta’ avvenimenti eċċessivi tat-temp u perikli klimatiċi oħra fl-ippjanar baġitarju tagħhom fuq terminu medju.

It-tisħiħ tal-industrija tal-UE b’emissjonijiet żero netti huwa essenzjali biex jiġu pprovduti t-teknoloġiji u l-komponenti meħtieġa biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex l-industrija tal-Ewropa tibqa’ kompetittiva. Il-kompetittività futura tal-industrija tal-UE b’emissjonijiet żero netti se tiġi ddeterminata minn provvista stabbli ta’ enerġija affordabbli u dejjem aktar nadifa, id-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u finanzjament privat u pubbliku adegwat. Id-disponibbiltà ta’ materja prima affordabbli, il-ftuħ kontinwu tal-kummerċ, u ambjent tan-negozju ta’ appoġġ huma wkoll essenzjali. Filwaqt li jibnu fuq is-saħħiet tas-suq uniku, il-GDIP u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti għandhom l-għan li jipprovdu ambjent li jkun aktar ta’ appoġġ għat-tkabbir tal-kapaċità tal-manifattura tal-UE għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Il-proposta STEP se tagħti spinta lill-kapaċità ta’ investiment tal-UE biex tappoġġa din l-espansjoni, akkumpanjata minn żvilupp xieraq tal-ħiliet, filwaqt li tgħin biex jiġu ssalvagwardjati l-koeżjoni u s-Suq Uniku. Il-ħtiġijiet totali ta’ investiment fil-ktajjen tal-provvista tal-UE għal ħames teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti (riħ, solari, batteriji, pompi tas-sħana u elettrolizzaturi) jammontaw għal EUR 92 biljun sal-2030. F’dan ir-rigward, il-Pakkett Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ se jappoġġa kumpaniji fis-settur tar-riħ u jtejjeb il-kompetittività tagħhom. B’mod aktar ġenerali, l-involviment mal-partijiet interessati industrijali, inkluż djalogi ta’ tranżizzjoni nadifa, se jgħin lill-industrija tal-UE biex tibni l-mudell kummerċjali tagħha għat-trasformazzjoni ekoloġika. Ir-riċerka u l-innovazzjoni se jkollhom rwol kruċjali f’din it-trasformazzjoni u se jeħtieġu qafas ta’ politika favur l-innovazzjoni. Biex twettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-industrija tal-UE teħtieġ ukoll issaħħaħ it-tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari tagħha, b’mod partikolari fl-irkupru u s-sostituzzjoni ta’ materja prima kritika u l-użu ta’ materja prima sekondarja biex timmassimizza ż-żamma tal-valur. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffukaw fuq it-tneħħija ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, fejn il-qligħ baġitarju potenzjali huwa stmat sa EUR 300 biljun fis-sena 7 . Barra minn hekk, it-tranżizzjoni klimatika tal-industrija tal-UE se tkun megħjuna mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, li se jgħin biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi ma’ produtturi mhux tal-UE u tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

2.3 Produttività

Filwaqt li l-produttività hija l-mutur ewlieni tal-kompetittività, it-tkabbir medju tal-produttività fl-UE staġna matul l-aħħar għaxar snin. Il-produttività tax-xogħol għal kull siegħa maħduma żdiedet b’6 % biss mill-2015. Ir-rapport il-ġdid dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività li se jiġi ppubblikat mill-Kummissjoni f’Jannar 2024 se jservi bħala l-bażi għal ċiklu ta’ governanza annwali u għal diskussjoni dwar is-suq uniku u l-kompetittività u l-produttività fit-tul, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew. Trasformazzjoni diġitali li b’mod ġenerali mhux uniformi u li timxi bil-mod u nuqqas ta’ ħiliet f’diversi setturi jirrappreżentaw diffikultajiet kbar għat-tkabbir tal-produttività. Hemm bżonn ta’ azzjoni politika deċiżiva biex jiġi appoġġat il-finanzjament privat tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ inċentivi tat-taxxa mfassla tajjeb, sħubijiet pubbliċi-privati u kundizzjonijiet aħjar għan-negozji ġodda u l-kumpaniji li qed jespandu bħal permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, stabbilit skont il-Programm Orizzont Ewropa. Iż-żieda fir-riċerka u l-innovazzjoni fin-negozji u fis-settur pubbliku hija partikolarment importanti biex tissaħħaħ il-produttività f’reġjuni li esperjenzaw tkabbir kajman f’dawn l-aħħar snin. Filwaqt li aktar żgħażagħ fl-UE jtemmu l-edukazzjoni terzjarja, iż-żieda fl-għadd ta’ gradwati STEM, l-indirizzar tad-disparitajiet bejn il-ġeneri u t-titjib tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol jistgħu jkomplu jsaħħu l-produttività. 

It-tisħiħ tal-produttività jiddependi fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet qafas, l-approfondiment tas-suq uniku u r-rispett għall-istat tad-dritt. In-negozji tal-UE llum huma mgħobbija b’ostakli amministrattivi li jxekklu l-kapaċità tagħhom li jinvestu bejn il-fruntieri u jlestu b’mod effettiv it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Huma meħtieġa sforzi konġunti biex jiġu infurzati r-regoli eżistenti, jitneħħew id-diffikultajiet, u jiġu esplorati oqsma għal aktar integrazzjoni 8 . Il-Kummissjoni ressqet l-ewwel proposti leġiżlattivi biex jitnaqqsu l-obbligi ta’ rappurtar fil-livell Ewropew b’25 %, mingħajr ma jiġu mminati l-objettivi ta’ politika tal-inizjattivi kkonċernati. L-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom ukoll iżidu l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam biex jikkorrispondu għall-livell ta’ ambizzjoni. Iż-żieda fil-produttività teħtieġ inċentivi qawwija permezz tas-sistema tat-taxxa u l-benefiċċji u edukazzjoni u taħriġ effettivi biex tiżdied il-provvista tax-xogħol u d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol flessibbli u bil-ħiliet. Is-swieq kapitali tal-UE profondi u integrati huma kruċjali għall-kompetittività globali tal-UE, bħala mezz biex jinkiseb l-investiment privat fl-ekonomija tal-UE, inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Jinħtieġu wkoll aktar sforzi biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-innovazzjoni u jitnaqqsu l-ostakli u d-diffikultajiet fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi. Ir-rispett għall-istat tad-dritt, b’mod partikolari s-sistemi ġudizzjarji indipendenti, ta’ kwalità u effiċjenti, iċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi huma wkoll determinanti ewlenin ta’ ambjent tan-negozju li jrawwem l-investiment u l-innovazzjoni.

It-trawwim ta’ ambjent tan-negozju ġust u favorevoli għall-SMEs huwa kruċjali għat-tisħiħ tas-suq uniku. Il-pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs jinkludi proposta biex jiġu miġġielda l-pagamenti tard. Għandu l-għan li jwassal għal ġustizzja fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, itejjeb il-likwidità u r-reżiljenza tal-SMEs u jagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji tal-UE. Il-pakkett jinkludi wkoll proposti biex jinħatar rappreżentant iddedikat għall-SMEs u proposta biex tiġi introdotta t-Tassazzjoni tal-Uffiċċju Prinċipali (Head Office Taxation, HOT) biex jiġi ssimplifikat il-qafas tat-tassazzjoni għall-SMEs li joperaw bejn il-fruntieri. In-Negozju fl-Ewropa: Il-qafas għall-proposta dwar it-Tassazzjoni fuq l-Introjtu se jiffaċilita kemm in-negozji kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa billi jintroduċi sett uniku ta’ regoli biex tiġi ddeterminata l-bażi għat-taxxa ta’ gruppi ta’ kumpaniji li joperaw f’aktar minn pajjiż wieħed. It-tieqa għall-SMEs tal-programm InvestEU tgħin ukoll lill-SMEs jadattaw għal prattiki kummerċjali sostenibbli u tiffinanzja negozji ġodda li jiżviluppaw teknoloġiji ġodda ta’ sostenibbiltà. L-appoġġ għall-SMEs huwa mistenni li jilħaq aktar minn EUR 200 biljun sal-2027 taħt il-programmi ta’ finanzjament tal-UE 9 . 

It-triq tat-tkabbir tal-UE tiddependi ħafna fuq l-adozzjoni tad-diġitalizzazzjoni. Filwaqt li t-teknoloġiji diġitali joffru vantaġġi kompetittivi, servizzi mtejba u swieq estiżi għal ditti kbar, il-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-SMEs għadu irregolari fl-Istati Membri u s-setturi kollha. Ħafna SMEs tradizzjonali m’għandhomx ir-riżorsi u l-ħiliet biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-diġitalizzazzjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa għall-progress f’dan il-qasam. Is-sħubija tal-ħiliet diġitali fuq skala kbira għandha l-għan li tgħin biex jintlaħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali tal-UE li 80 % tan-nies jiġu mgħammra b’ħiliet diġitali bażiċi, tinkiseb konverġenza bejn il-ġeneri, u li jkun hemm 20 miljun speċjalista tal-ICT impjegati sal-2030. Il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali se jistabbilixxu l-miżuri konkreti li kull Stat Membru beħsiebu jieħu biex jindirizza n-nuqqasijiet, f’konformità mas-sejbiet tal-ewwel rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali. Diversi żviluppi regolatorji, inkluż il-qafas għall-IA, l-Att dwar id-Data, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, se jsaħħu l-potenzjal tal-Ewropa li tikkompeti fil-livell globali. Il-proposta tal-UE għal qafas legali dwar l-IA, hija l-ewwel qafas komprensiv tat-tip tiegħu; filwaqt li għandha l-għan li ttaffi r-riskji b’mod proporzjonat, tipprovdi ċ-ċertezza legali li hija meħtieġa biex tiġi introdotta IA affidabbli fuq skala Ewropea.

It-tnaqqis tad-differenzi fil-produttività fl-UE jeħtieġ fokus ukoll fuq dawk ir-reġjuni fejn il-produttività staġnat u li jistgħu jibbenefikaw minn kumplimentarjetajiet bejn l-RRF u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-livell reġjonali. Id-disparitajiet fl-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-mobilità u l-infrastruttura diġitali ta’ kwalità għolja huma aċċentwati aktar fiż-żoni rurali u ultraperiferiċi. Dan jintwera wkoll f’żoni urbani li għandhom kompetittività ogħla u livelli ogħla ta’ kapital uman 10 . Pereżempju, inqas minn 25 % tal-popolazzjoni ta’ bejn il-25 u l-64 sena fir-reġjuni rurali tal-UE rċeviet edukazzjoni postsekondarja, meta mqabbla ma’ 44 % fl-ibliet 11 . Is-sinerġiji bejn l-RRF u l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni huma essenzjali biex jingħata appoġġ fil-livell reġjonali.

2.4 Ġustizzja

Is-suq tax-xogħol tal-UE qed ikompli jaħdem b’mod qawwi b’mod ġenerali minkejja tkabbir ekonomiku aktar bil-mod, anki jekk id-disparitajiet reġjonali jippersistu, b’xi gruppi tal-popolazzjoni jibbenefikaw inqas. Ir-rata ta’ impjieg laħqet livell rekord ta’ 75,4 % fil-Q2-2023, filwaqt li r-rata tal-qgħad niżlet għal 6,0 %, li hija l-inqas rata li qatt ġiet irreġistrata għall-UE. Filwaqt li xi Stati Membri għamlu progress sinifikanti, oħrajn irreġistraw rati ta’ qgħad li għadhom ogħla minn 11 % 12 . Fl-istess ħin, ir-riżultati tas-suq tax-xogħol juru disparitajiet reġjonali notevoli fi ħdan l-Istati Membri.

Il-livelli għoljin ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet huma ostaklu kbir għat-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-kompetittività u jeħtieġu azzjoni mmirata. F’dan is-suq tax-xogħol strett, aktar minn żewġ terzi tal-impjegaturi ma jistgħux isibu t-talent li jeħtieġu 13 . In-nuqqasijiet huma komuni fil-kura tas-saħħa, STEM (partikolarment fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni), f’xogħolijiet b’rabtiet ekoloġiċi u ċerti okkupazzjonijiet tas-servizz. It-talenti tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabilità u gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati oħra huma meħtieġa ħafna fis-suq tax-xogħol 14 . Aktar minn 20 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija inattiva, inkluż 8 miljun żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Jenħtieġ li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza 15 .

L-azzjonijiet ta’ politika fil-livelli xierqa jenħtieġ li jkunu mmirati lejn iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol biex jittejbu l-impjiegi u l-eżiti soċjali. Dawn jinkludu politiki attivi msaħħa tas-suq tax-xogħol, aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u affordabbli, kif ukoll sistemi ta’ kura fit-tul, tat-taxxa u tal-benefiċċji li jappoġġaw ix-xogħol (inkluż billi t-tassazzjoni tinbidel minn fuq ix-xogħol għal objettivi ambjentali u klimatiċi), kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u possibbiltajiet għal migrazzjoni legali ġestita 16 , filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali. Iż-żieda fl-użu tal-ġestjoni algoritmika u tal-IA fuq il-post tax-xogħol tista’ tgħin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet iżda teħtieġ viġilanza. It-tisħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità u inklużivi jibqa’ prijorità ewlenija, kif ukoll sforzi aktar b’saħħithom ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għat-tranżizzjoni doppja. Nuqqas ta’ ħiliet bażiċi kif ukoll ħiliet STEM avvanzati, lakuni fit-tagħlim u nuqqas ta’ għalliema joħolqu sfidi dejjem akbar għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-momentum tal-inizjattivi mnedija skont is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 17 jenħtieġ li jitkompla.

Minkejja żidiet notevoli fil-pagi fl-UE fl-2022 u fil-bidu tal-2023, dawn baqgħu taħt ir-rati għoljin ta’ inflazzjoni u rriżultaw f’kapaċità tal-akkwist imnaqqsa, li affettwaw l-aktar lil dawk b’introjtu baxx. Il-pagi reali fl-UE naqsu b’3,7 % fl-2022, u dan żied ir-riskju ta’ faqar fost dawk li jaħdmu 18 . Fil-ġejjieni, l-iżviluppi fil-pagi se jkollhom isibu bilanċ bejn l-irkupru tal-kapaċità tal-akkwist mitlufa tal-ħaddiema, l-evitar ta’ effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni u s-salvagwardja tal-kompetittività tal-UE. Djalogu soċjali b’saħħtu u negozjar kollettiv effettiv huma importanti aktar minn qatt qabel biex jinkisbu eżiti bbilanċjati tal-iffissar tal-pagi.

Il-ħtieġa għal politiki ta’ protezzjoni u inklużjoni soċjali adegwati u sostenibbli għadha għolja. Fid-dawl tal-bidliet demografiċi u s-swieq tax-xogħol li qed jevolvu malajr, sistemi ta’ protezzjoni soċjali sostenibbli huma essenzjali, filwaqt li jiżguraw aċċess għall-protezzjoni soċjali u appoġġ adegwat għall-introjtu. Dan huwa meħtieġ ukoll biex jittaffa l-impatt tal-inflazzjoni għolja u t-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku. Dan jenħtieġ li jiġi kkombinat ma’ appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u aċċess għal servizzi essenzjali għal persuni li m’għandhomx riżorsi 19 . Huma meħtieġa tranżizzjonijiet ġusti għal kulħadd, pereżempju biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jkunu affordabbli għal dawk b’introjtu aktar baxx u li l-ebda reġjun ma jitħalla lura. 

Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mal-RRPs nazzjonali, jappoġġaw lill-Istati Membri fil-progress lejn il-miri nazzjonali tagħhom tal-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar. Bl-Istati Membri jinkludu riformi u investimenti sinifikanti fis-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali fl-RRPs tagħhom, EUR 140 biljun (madwar 28 %) tal-kostijiet stmati tal-RRPs jikkontribwixxu għall-politiki soċjali, inklużi madwar EUR 73 biljun għall-edukazzjoni u l-ħiliet 20  u madwar EUR 43 biljun għall-kura tas-saħħa. Fil-qafas tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), EUR 109 biljun huma investiti wkoll fil-qasam tal-politika soċjali. Is-sinerġiji bejn l-RRF u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni huma viżibbli b’mod ċar. Pereżempju, diversi Stati Membri introduċew riformi fl-RRPs tagħhom li joħolqu intitolamenti legali għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (childhood education and care, ECEC). Fl-istess ħin, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (speċjalment l-FSE+ u l-FEŻR), f’xi każijiet megħjuna mill-investimenti tal-RRP, jintużaw b’mod partikolari biex jiġu żviluppati servizzi tal-ECEC u jinbnew kindergartens b’rispons għaż-żieda fid-domanda. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni spiss jibnu fuq riformi mibdija taħt l-RRPs u diġà jiffinanzjaw xi wħud mill-ħtiġijiet. Dawn jistgħu jimmiraw ukoll lejn ħtiġijiet reġjonali partikolari jew gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni bħar-Rom (eż. billi jkun hemm investimenti fil-livell reġjonali fl-edukazzjoni inklużiva jew finanzjamenti tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol).

L-implimentazzjoni kontinwa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tibqa’ prijorità politika biex tiġi promossa l-konverġenza soċjali ’l fuq fl-UE. Biex tipprovdi analiżi aktar sistematika tal-iżviluppi soċjali u tal-impjiegi fl-Istati Membri, il-proposta tal-Kummissjoni għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024 21 tinkludi fokus aktar b’saħħtu fuq il-pajjiż fil-forma ta’ analiżi pajjiż b’pajjiż, ibbażata fuq il-prinċipji ta’ Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 22 .

3.L-UE tiffinanzja t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali

Il-finanzjament tal-UE wera li huwa għodda essenzjali għall-finanzjament tal-azzjonijiet meħtieġa biex titrawwem is-sostenibbiltà kompetittiva fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-użu effettiv u flessibbli ta’ strumenti eżistenti taħt il-baġit tal-UE, notevolment il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, u l-introduzzjoni ta’ strumenti ġodda, b’mod partikolari l-RRF u l-kapitoli REPowerEU tagħha, jippermettu lill-UE tindirizza l-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin tagħha b’mod dirett, flimkien ma’ l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. Permezz tal-programm InvestEU, l-UE qed tipprovdi garanziji biex timmobilizza investimenti privati għall-ogħla prijoritajiet ta’ politika bħat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-innovazzjoni u l-investimenti u l-ħiliet soċjali, kif ukoll appoġġ għall-SMEs. U l-JTF qed jgħin lir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni ekoloġika biex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u joħolqu impjiegi ġodda. Kull strument għen biex jindirizza l-lakuni fil-finanzjament u l-ostakli tal-investiment permezz tal-fokus u s-saħħiet tiegħu stess, filwaqt li s-sinerġiji qed isiru evidenti faċilment. Il-komplementarjetà tista’ tidher fuq għadd ta’ linji differenti, b’mod partikolari relatati man-natura tar-riformi, id-dimensjoni ġeografika tal-investimenti u ż-żmien, u tista’ titrawwem permezz tal-appoġġ ipprovdut taħt it-TSI.

L-RRF tikkomplementa l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni b’riformi trasformattivi. Ir-riformi abilitanti jgħinu biex jitneħħew l-ostakli fl-investiment u tiġi ffaċilitata u aċċellerata t-tnedija tal-investiment tal-fondi nazzjonali u fil-livell tal-UE. Dan jinkludi r-riformi trasformattivi appoġġati f’kull pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taħt l-RRF, flimkien mal-kundizzjonijiet abilitanti meħtieġa taħt il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni. Pereżempju, ir-riformi tal-RRF li jisfruttaw il-proċessi tal-għoti ta’ permessi għat-tranżizzjoni ekoloġika anki taħt l-umbrella tar-REPowerEU, itejbu d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u joħolqu klima li ma tagħmilx ħsara lill-investiment billi jindirizzaw l-ostakli regolatorji, bħat-tnaqqis tal-burokrazija. Riformi estensivi tas-suq tax-xogħol fl-RRF, flimkien mal-kundizzjonijiet abilitanti fil-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, spiss jindirizzaw sfidi strutturali li ilhom jeżistu, fejn jikkomplementaw l-investimenti pereżempju fil-ħiliet u l-protezzjoni soċjali. Fl-aħħar nett, il-fondi kollha jibbenefikaw minn dawk ir-riformi li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, bħal dawk li jindirizzaw il-korruzzjoni jew li jindirizzaw kwistjonijiet tal-istat tad-dritt.

Flimkien, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-investimenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiżguraw kopertura nazzjonali, reġjonali u lokali komprensiva, inkluż lil hinn mill-2026. Flimkien mal-politika ta’ koeżjoni, l-implimentazzjoni tal-RRPs hija opportunità biex jiġu indirizzati oqsma differenti. Barra minn hekk, bl-iskeda ta’ żmien itwal għall-implimentazzjoni tagħhom, il-programmi ta’ koeżjoni se jkomplu jżommu l-momentum iġġenerat mill-RRF, u b’hekk jiżguraw livell għoli ta’ investiment pubbliku u jingranaw l-investiment privat fit-tul. Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni, l-Istati Membri għandhom l-opportunità li jirrieżaminaw il-programmi ta’ koeżjoni li jallokaw il-fondi sabiex jindirizzaw dawk l-oqsma fejn hemm ħtiġijiet urġenti u sfidi emerġenti, filwaqt li jimmassimizzaw is-sinerġiji.

Kaxxa 1. Eżempji ta’ komplementarjetà bejn l-RRF u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027

-Fi Spanja, l-azzjoni kkombinata tal-RRP u tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni qed ittejjeb il-ġestjoni tal-ilma. L-RRP jintroduċi riforma li taġġorna l-Liġi dwar l-Ilma, ir-regolamenti tagħha u leġiżlazzjoni sekondarja oħra biex jiġi żgurat qafas legali li jgħin biex jissaħħu u jiżdiedu l-investimenti fis-settur tal-ġestjoni tal-ilma, filwaqt li l-politika ta’ koeżjoni tiffinanzja dawk is-sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma, li jnaqqsu t-telf ta’ riżorsi u jtejbu l-effiċjenza fis-sistemi ta’ distribuzzjoni.

-Fil-Kroazja, l-RRP jappoġġa l-introduzzjoni ta’ xift wieħed fl-iskejjel primarji kollha bħala l-bażi għall-introduzzjoni ta’ mudell tal-iskola ta’ ġurnata sħiħa. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni jżidu b’mod sinifikanti ma’ dan billi jiffinanzjaw diversi aspetti tal-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni primarja, inkluż billi jiffinanzjaw infrastruttura u tagħmir li jippermettu l-implimentazzjoni ta’ mudell ta’ skola ta’ ġurnata sħiħa fl-iskejjel li diġà qed joperaw f’xift wieħed.

-L-RRP Sloven jinkludi riforma li se tagħmel it-trasport pubbliku tal-passiġġieri tas-Slovenja aktar effiċjenti billi tistabbilixxi entità ta’ koordinazzjoni ġdida. Dan se jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni f’dan is-settur, bħall-aġġornament tal-ferroviji u l-appoġġ għal modi sostenibbli ta’ trasport.

4.Karatteristiċi tas-Semestru Ewropew 2024

L-implimentazzjoni tal-RRPs u l-komplementarjetà ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE se jinkwadraw is-Semestru Ewropew fl-2024. Filwaqt li l-implimentazzjoni li għaddejja tal-RRPs se tkompli twettaq ir-riformi u l-investimenti, b’rispons għas-CSRs, dan iċ-ċiklu se jesplora wkoll kif l-azzjonijiet taħt l-RRPs jinteraġixxu ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika komuni.

Ir-rapporti tal-pajjiżi u r-rieżamijiet fil-fond se jidentifikaw sfidi strutturali u emerġenti biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-kompetittività f’kull Stat Membru. Ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2024 se jinkludu evalwazzjoni tal-progress li sar lejn l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali inklużi l-miri tal-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, u fl-indirizzar ta’ firxa ta’ ostakli għall-industrija li jfixklu t-tranżizzjonijiet doppji. Is-Semestru Ewropew se jkompli jkun mezz ewlieni għall-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, anki f’kuntest ta’ aktar attenzjoni għall-benesseri sostenibbli u inklużiv lil hinn mill-PDG.

Is-CSRs tal-2024 se jiffukaw fuq għażla limitata ta’ sfidi u se jagħtu dettalji dwar il-ħtiġijiet ewlenin ta’ investiment għar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027. Filwaqt li l-RRPs qed jiġu implimentati u żdiedu miżuri addizzjonali permezz tal-kapitoli tar-REPowerEU, l-isfidi ta’ politika li fadal jew dawk ġodda se jiġu identifikati fir-rapporti tal-pajjiżi u, fejn applikabbli, fil-kuntest ta’ rieżamijiet fil-fond. Ir-rapporti tal-pajjiżi, flimkien mal-proposti għas-CSRs, se jiffurmaw il-pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2024 li għandu jiġi adottat f’Ġunju 2024. Iċ-ċiklu l-ġdid se jinforma wkoll ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni li jmiss.

L-involviment tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra se jkompli jkun fattur ewlieni. Kooperazzjoni mill-qrib hija vitali, u din hija miksuba permezz ta’ laqgħat regolari fl-istadji ewlenin tas-Semestru u tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-Istati Membri huma mħeġġa jinvolvu ruħhom b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili. Id-djalogu interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill se jkompli, filwaqt li jiżgura r-responsabbiltà demokratika u l-kollaborazzjoni dwar il-governanza ekonomika.

5.Konklużjoni

B’reazzjoni għal dinja li qed tinbidel, l-UE hija ddedikata għat-tisħiħ tal-kompetittività fit-tul tagħha permezz ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiżgura l-ġustizzja soċjali. Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-impatti soċjali u ekonomiċi u tipproponi rakkomandazzjonijiet biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-kompetittività ta’ kull Stat Membru, filwaqt li jiġu promossi l-awtonomija strateġika miftuħa u t-tkabbir nett żero u tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, filwaqt li jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali. F’dan ir-rigward, iċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew se jiffoka speċifikament fuq l-iżgurar u l-espansjoni tas-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-implimentazzjoni tal-RRPs u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jidentifika oqsma bi ħtiġijiet ulterjuri ta’ investiment u riforma fil-livell nazzjonali u reġjonali.

(1)

COM (2023) 62 final.

(2)

COM (2023) 903 u SWD (2023) 903

(3)

COM (2023) 902 u SWD (2023) 902

(4)

COM (2023) 900.

(5)

COM(2023) 141 final. 

(6)

B’mod ġenerali, se jkunu meħtieġa investimenti addizzjonali ta’ aktar minn EUR 620 biljun fis-sena biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u tar-REPowerEU kif ukoll investimenti ta’ EUR 92 biljun sal-2030 biex jintlaħqu l-objettivi tal-att dwar l-industrija b’emissjonijiet żero netti.

(7)

Il-Kummissjoni Ewropea, 2022, Sett ta’ għodod għar-riforma ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent fl-Ewropa.

(8)

Komunikazzjoni, It-30 Sena mis-Suq Uniku, COM (2023) 162 final.

(9)

Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs, il-paġna 12, in-nota 61 f’qiegħ il-paġna: Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs (europa.eu) .

(10)

EU Regional Competitiveness Index 2.0 – 2022 edition; https://ec.europa.eu/regional_policy/sources/work/rci_2022/eu-rci2_0-2022_en.pdf

(11)

Eurostat, EDAT_LFS_9913.

(12)

ES u EL irreġistraw rati ta’ qgħad ta’ >11 % f’Q2-2023, u ES, EL, IT, RO u SE rreġistraw rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ >20 % (b’SK, HR, u PT ftit taħt il-limitu). Sors: Eurostat.

(13)

European Commission (2023), Employment and Social Developments in Europe.

(14)

Pereżempju, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa kienet ta’ 70,3 % fi Q2-2023, 5,1 punti perċentwali taħt il-medja tal-forza tax-xogħol. Ir-responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa jżommu aktar minn 7 miljun mara fl-UE milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol.

(15)

L- istrateġiji tal-Unjoni tal-Ugwaljanza jippromwovu l-ugwaljanza u l-inklużjoni tan-nisa u tal-gruppi żvantaġġati, bħall-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, ta’ minoranza razzjali jew etnika, inklużi r-Rom.

(16)

B’mod partikolari permezz tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE, imnedija fil-15 ta’ Novembru 2023 bħala parti mill- pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Ħiliet u t-Talent .

(17)

  European Year of Skills (europa.eu) .

(18)

Eurofound (2023), Minimum wages in 2023: Annual review.

(19)

  F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva .

(20)

 Data mis-6 ta’ Novembru 2023, ibbażata fuq il-metodoloġija tal-ittaggjar tal-pilastri għat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-RRF. Id-data dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet tikkorrispondi għall-miżuri allokati għall-qasam ta’ politika “Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal”, “Edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u għolja”, “Tagħlim għall-adulti”, “Kapital uman fid-diġitalizzazzjoni” jew “Ħiliet u impjiegi ekoloġiċi” bħala qasam ta’ politika primarju jew sekondarju.

(21)

Commission proposal for a Joint Employment Report 2024 - COM(2023) 904

(22)

Il-qafas ta’ Konverġenza Soċjali ġie diskuss u żviluppat f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Ara https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9481-2023-INIT/mt/pdf .