Brussell, 28.11.2023

COM(2023) 757 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Grilji, il-konnessjoni nieqsa - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji


1.Introduzzjoni

Il-grilji elettriċi interkonnessi u stabbli huma s-sinsla ta’ suq tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb. L-Unjoni Ewropea għandha wieħed mill-aktar networks tal-elettriku estensivi u reżiljenti fid-dinja 1 , li jkopri aktar minn 11-il miljun kilometru fis-suq intern tagħha u jiżgura li jiġi pprovdut elettriku ta’ kwalità għolja lill-konsumaturi tagħha kuljum.

Bis-saħħa tar-Regolament tal-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (“TEN-E”), l-UE għażlet aktar minn 100 Proġett ta’ Interess Komuni (“PCIs”) tal-elettriku u ffaċilitat il-ħruġ tal-permessi u l-kostruzzjoni tagħhom, inkluż permezz ta’ finanzjament – b’mod partikolari permezz tal-fondi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Dan għen fl-iżvilupp ta’ infrastruttura fiżika tal-enerġija adattata għal Suq Uniku ġenwin u biex isir progress lejn il-mira ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 15 % sal-2030 2 . Matul il-kriżi tal-enerġija, swieq tal-elettriku interkonnessi sew ġabu benefiċċji siewja f’termini ta’ żieda fis-sigurtà tal-provvista, aċċess għal elettriku bi prezz kompetittiv minn pajjiżi ġirien u integrazzjoni aktar rapida tal-enerġiji rinnovabbli. Bis-swieq tal-UE issa akkoppjati bis-sħiħ, it-tlestija tan-network tal-infrastruttura hija l-pass li jmiss biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ enerġija affordabbli u nadifa għall-konsumaturi.

Minkejja dawn l-avvanzi, in-networks tal-enerġija tal-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw sfidi ġodda u sinifikanti. Dawn se jkunu jeħtieġu jaqdu domanda dejjem akbar marbuta mal-mobbiltà nadifa, mat-tisħin u mat-tkessiħ, mal-elettrifikazzjoni tal-industrija u mal-bidu tal-produzzjoni tal-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Bejn issa u l-2030, il-konsum tal-elettriku huwa mistenni jiżdied b’madwar 60 %. In-networks se jkunu jeħtieġu wkoll jintegraw sehem kbir ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli. Il-kapaċità tal-ġenerazzjoni eolika u solari trid tiżdied minn 400 GW fl-2022 għal mill-inqas 1 000 GW sal-2030, inkluż akkumulazzjoni kbira ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta sa 317-il GW 3 , li għandhom jiġu konnessi mal-art. Għalhekk, il-grilji jeħtieġ li jadattaw għal sistema tal-elettriku aktar deċentralizzata, diġitalizzata u flessibbli b’miljuni ta’ pannelli solari fuq il-bejt u b’komunitajiet tal-enerġija lokali li jikkondividu r-riżorsi.

L-ippjanar u t-tħaddim tan-networks Ewropej tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku jridu jikkorrelataw ukoll mal-ippjanar u mat-tħaddim tal-infrastruttura l-ġdida tal-idroġenu, mal-ħżin tal-enerġija, mal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-mobbiltà elettronika u mal-infrastruttura tas-CO2.

B’riżultat ta’ dawn ix-xejriet, in-network tal-Ewropa jrid jaġġorna u jespandi malajr. Il-Pjan ta’ 10 snin għall-Iżvilupp tan-Network (TYNDP) tal-ENTSO-E juri li fis-7 snin li ġejjin, l-infrastruttura ta’ trażmissjoni transfruntiera għandha tirdoppja, b’kapaċità addizzjonali ta’ 23 GW li tiġi inkorporata sal-2025 u 64 GW oħrajn sal-2030 4 .

Lil hinn mill-ħtiġijiet transfruntiera, il-biċċa l-kbira tal-investiment se jkun fi ħdan il-fruntieri, kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, il-grilji ta’ distribuzzjoni huma mistennija li jikbru u li jinbidlu biex jiġu konnessi ammonti kbar ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli deċentralizzata, u domanda flessibbli ġdida (“tagħbijiet”) bħall-pompi tas-sħana u l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi 5 . Dawn jiksbu rwoli ġodda, billi jsiru faċilitaturi ta’ firxa ta’ soluzzjonijiet ġodda li tirrikjedi s-sistema. Dawn se jkollhom bżonn jinbidlu fi grilji intelliġenti, isiru diġitali, immonitorjati f’ħin reali, kontrollabbli mill-bogħod u siguri ċibernetikament, bir-riċerka u bl-innovazzjoni jkollhom rwol importanti. Barra minn hekk, madwar 40 % tal-grilji ta’ distribuzzjoni tal-Ewropa ilhom aktar minn 40 sena u jeħtieġu jiġu modernizzati. L-industrija tistma li sal-2030 huwa meħtieġ investiment ta’ madwar EUR 375-425 biljun fil-grilji ta’ distribuzzjon 6 . B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tistma li f’dan id-deċennju huma meħtieġa EUR 584 biljun f’investimenti 7 għall-grilji elettriċi. Dan jirrappreżenta parti sinifikanti mill-investiment ġenerali meħtieġ għat-tranżizzjoni nadifa fis-settur tal-elettriku.

Diġà minn issa, il-ħtieġa li dawn l-isfidi jiġu indirizzati hija ċara. F’bosta pajjiżi, il-proġetti tal-ġenerazzjoni rinnovabbli jiffaċċjaw żminijiet twal ta’ stennija biex jiksbu drittijiet ta’ konnessjoni. Iż-żmien ta’ stennija għall-permessi għat-tisħiħ tal-grilja huwa ta’ bejn 4 snin u 10 snin, u ta’ 8 snin sa 10 snin għall-voltaġġi għoljin. L-ammonti b’lura ta’ konnessjonijiet fil-grilja ta’ distribuzzjoni qegħdin jiżdiedu b’mod rapidu, b’diversi eluf ta’ talbiet ġodda fix-xahar għal operatur wieħed tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSO) ta’ daqs medju. Meta ma jkun hemm l-ebda ċarezza jew ċertezza dwar l-iskedi ta’ żmien u l-kostijiet tal-konnessjoni, proġetti ta’ ġenerazzjoni ppjanati ġodda jitwaqqfu jew jiġu abbandunati. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tkopri r-regolamentazzjoni rilevanti għad-DSOs, b’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni tippromwovi, għall-ewwel darba, azzjoni mmirata lejn in-networks ta’ distribuzzjoni. Hawnhekk, jistgħu jinqalgħu ostakli sinifikanti fil-provvista meta n-negozji u l-unitajiet domestiċi jfittxu aċċess għal enerġija nadifa affordabbli b’soluzzjonijiet li jvarjaw mill-integrazzjoni ta’ assi flessibbli tal-enerġija bħall-vetturi b’emissjonijiet żero sar-rispons tad-domanda għall-investimenti fis-substazzjonijiet u oħrajn. Barra minn hekk, fl-Ewropa kollha, il-proġetti ta’ interkonnessjoni jbatu minn eċċess fil-kostijiet minħabba l-inflazzjoni u ż-żieda fir-rati tal-imgħax, filwaqt li jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet biex jinkiseb tagħmir bħal kejbils jew substazzjonijiet fil-ħin. In-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa jżid ma’ dawn il-problemi. Iż-żminijiet ta’ stennija għal prodotti ġodda jistgħu jieħdu sal-2032.

Din ma hijiex biss kwistjoni Ewropea. Il-ħtieġa li l-grilji jespandu hija rikonoxxuta globalment. L-Istati Uniti jistmaw il-ħtieġa li jespandu s-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku tagħhom b’60 % sal-2030. Il-Korporazzjoni tal-Grilja tal-Istat taċ-Ċina ħabbret investiment ta’ CNY 1 020 biljun (EUR 132 biljun) fil-grilji tal-enerġija fl-2022-23. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tivvaluta l-ħtieġa ta’ aktar minn 80 miljun km ta’ grilji madwar id-dinja sal-2040 – l-ekwivalenti tal-grilja globali eżistenti kollha tal-lum – u tistma madwar 1 500 GW ta’ proġetti rinnovabbli avvanzati li qegħdin jistennew fi kjuwijiet tal-konnessjoni mal-grilja 8 .

L-UE qiegħda tqiegħed il-grilji fiċ-ċentru tal-aġenda tagħha. Id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli 9 tissimplifika l-ħruġ tal-permessi tan-networks meħtieġa għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Ir-Regolament u d-Direttiva 10 għal suq intern għall-elettriku fihom regoli rilevanti għall-iżvilupp ta’ grilji fir-rigward tal-ippjanar, it-tariffi tan-network u r-rwoli tal-ENTSO-E u tal-entità tal-UE għad-DSO. Il-proposta dwar l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti tinkludi t-teknoloġiji tal-grilja fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Iżda l-iskala tal-isfida hija tali li hija meħtieġa attenzjoni politika dedikata biex jiġi żgurat li l-grilji jsiru faċilitatur, mhux ostaklu għat-tranżizzjoni nadifa rapida tal-UE 11 . Barra minn hekk, il-ħtieġa li jittejbu l-modernizzazzjoni u l-interkonnettività tal-grilja elettrika, li tiġi żgurata l-manutenzjoni tagħhom u li dawn jiġu ttrasformati biex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli hija talba taċ-ċittadini tal-UE 12 . Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni impenjat ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex tiddiskuti l-problemi u l-azzjonijiet possibbli.

Filwaqt li tibni fuq din il-ħidma, il-Kummissjoni tippreżenta din il-Komunikazzjoni bi pjan ta’ azzjoni ta’ 14-il punt biex tagħmel il-grilji elettriċi tal-Ewropa aktar b’saħħithom, aktar interkonnessi, aktar diġitalizzati u aktar reżiljenti għaċ-ċibersigurtà. Il-miżuri elenkati jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-qafas legali miftiehem u għandhom jitwettqu malajr biex jagħmlu differenza fiż-żmien għall-objettivi tal-2030.

2.Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Grilja

Il-Kummissjoni poġġiet fil-fokus il-kwistjonijiet tal-grilji f’diversi fora u proċessi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Forum għall-Infrastruttura tal-Enerġija 13 f’Copenhagen u l-Jiem ta’ PCI 14 fi Brussell u, aktar reċentement, is-Summits tal-PCI tal-Grilja Intelliġenti 15 organizzati mill-promoturi tal-PCI bl-appoġġ tal-Kummissjoni f’Ljubljana u fi Bratislava. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Settembru 2023 ġie organizzat Forum ta’ Livell Għoli dwar il-“Futur tal-Grilji tagħna” mill-ENTSO-E 16 , bil-patroċinju tal-Kummissjoni, biex jiddiskuti mal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw il-katina kollha tal-provvista, il-prospetti u l-isfidi għall-iżvilupp tal-grilji.

Abbażi tal-eżitu ta’ din il-ħidma, il-Kummissjoni identifikat seba’ sfidi orizzontali biex jitħaffef il-pass tal-iżvilupp tal-grilja fl-Ewropa. Dawn huma 1) l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-PCIs eżistenti u l-iżvilupp ta’ proġetti ġodda; 2) it-tisħiħ tal-ippjanar fit-tul tan-network; 3) l-introduzzjoni ta’ qafas regolatorju ta’ appoġġ u li jibqa’ validu fil-futur; 4) isir użu aħjar mill-grilji eżistenti u dawn isiru aktar intelliġenti; 5) it-titjib fl-aċċess għall-finanzjament; 6) l-iżgurar ta’ proċessi ta’ ħruġ tal-permessi aktar rapidi u aktar effiċjenti; u 7) it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista.

Għal kull wieħed minn dawn is-seba’ oqsma, it-taqsimiet li ġejjin tal-Pjan ta’ Azzjoni jiġbru fil-qosor l-ixprunaturi ewlenin tal-problema u jidentifikaw azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin imfassla apposta dwar kif għandhom jiġu indirizzati fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju.

I.L-AĊĊELLERAZZJONI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI (PCIs) U L-IŻVILUPP TA’ PROĠETTI ĠODDA

Mill-2013, il-qafas tat-TEN-E kien il-mezz ewlieni biex jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku fi ħdan is-Suq Uniku. Dan għen biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet infrastrutturali transfruntieri, jintgħażlu Proġetti ta’ Interess Komuni (“PCI”), jiġi żgurat appoġġ politiku u titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom bi ħruġ tal-permessi simplifikat. L-istatus tal-PCI kien strumentali wkoll fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament ta’ appoġġ, bħala tikketta rikonoxxuta b’mod wiesa’ li tagħti kumdità addizzjonali lill-istituzzjonijiet ta’ finanzjament tal-valur għoli ta’ proġett, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment 17 .

Maż-żmien, il-qafas tat-TEN-E se jikseb aktar importanza, f’konformità mat-tkabbir mistenni fil-ħtiġijiet tal-grilja transfruntiera, biex jiġu integrati u ttrasportati ammonti kbar ta’ elettriku rinnovabbli ġdid madwar l-Ewropa fejn huwa l-aktar meħtieġ. Il-PCIs se jappoġġaw ukoll lill-Istati Membri biex jilħqu l-mira ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 15 %. Interkonnessjonijiet transfruntiera aħjar għandhom potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-kostijiet fil-livell tas-sistema: il-proġetti transfruntiera jistgħu jnaqqsu l-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b’EUR 9 biljun fis-sena sal-2040, filwaqt li l-investimenti meħtieġa fil-kapaċità u fil-ħżin transfruntiera jammontaw għal EUR 6 biljun fis-sena.

L-ewwel lista tal-Unjoni skont it-TEN-E rivedut adottata fit-28 ta’ Novembru 2023 tgħin biex jinħoloq network ta’ infrastruttura adattat għal futur dekarbonizzat billi jiġu identifikati 166 PCI u Proġett ta’ Interess Reċiproku (PMIs) 18 . Dan jinkludi fokus imġedded fuq l-elettriku bi 68 proġett (12 minnhom ħżin), ħames proġetti ta’ grilji intelliġenti u, għall-ewwel darba, kategorija ġdida dwar l-infrastruttura lil hinn mill-kosta bi 12-il proġett.

Dawn il-85 proġett jindirizzaw l-aktar ostakli urġenti fin-networks tat-TEN-E tal-UE. Madwar nofshom huma ppjanati li jiġu kkummissjonati bejn l-2027 u l-2030. It-tlestija f’waqtha tagħhom hija kruċjali biex jiġi żgurat li jista’ jkollhom impatt f’dan id-deċennju. L-evitar tan-nuqqasijiet u d-dewmien li fixklu t-tlestija tal-PCI fil-passat jirrikjedi sforz addizzjonali ta’ monitoraġġ tal-progress u t-tneħħija rapida tal-ostakli u x-xkiel għall-implimentazzjoni.

Barra minn hekk, it-TYNDP komprensiv tat-TEN-E madwar l-Unjoni kollha jidentifika ħtiġijiet sinifikanti addizzjonali tas-sistema għall-2040 u lil hinn. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn PCIs ġodda fil-listi sussegwenti tal-Unjoni fis-snin li ġejjin. Biex dan iseħħ, huwa meħtieġ sforz biex jitħaffu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ sensiela robusta ta’ proġetti ġodda li jridu jiġu inklużi fil-listi aġġornati tal-PCIs, kull sentejn.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal proġetti futuri se jkollhom jiġu koperti mill-finanzjament tas-suq, qiegħda tiżdied il-pressjoni biex jiġi pprovdut appoġġ pubbliku addizzjonali għal proġetti transfruntiera, biex jiġi limitat l-impatt fuq it-tariffi u b’konsegwenza ta’ dan fuq il-kostijiet tal-enerġija għall-konsumaturi finali. Madankollu, hemm diskrepanza bejn il-ħtiġijiet dejjem jikbru, identifikati u r-riżorsi tal-UE disponibbli. Il-baġit disponibbli skont is-CEF-Enerġija 2021-27 tnaqqas fir-Regolament finali meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni u kien maħsub biex jaqdi għadd limitat ta’ kategoriji ta’ proġetti kif stabbilit fir-Regolament TEN-E preċedenti. Ir-reviżjoni tat-TEN-E fl-2022 espandietl l-ambitu tiegħu għal kategoriji ġodda għal lil hinn mill-kosta, għall-elettrolizzaturi, għall-infrastruttura tal-idroġenu, għall-ħżin tal-enerġija, għall-ħżin tas-CO2 u għall-grilji intelliġenti tal-gass, filwaqt li l-allokazzjoni baġitarja ma nbidlitx.

Il-ħtiġijiet dejjem akbar tan-network u baġit limitat mifrux fost aktar kategoriji jnaqqsu l-impatt tal-istrument u joħolqu distakk potenzjali ta’ finanzjament għan-networks tal-enerġija transfruntiera. Barra minn hekk, is-CEF-Enerġija huwa limitat għall-PCIs u ma jkoprix il-ħtiġijiet tad-DSO lokali. Possibbiltajiet oħrajn ta’ finanzjament tal-UE bħall-Fond ta’ Koeżjoni, il-FEŻR, l-RRF jew il-Fond għall-Modernizzazzjoni huma disponibbli għall-grilji elettriċi iżda xi wħud ma humiex utilizzati biżżejjed. Il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza 19 jallokaw madwar EUR 13-il biljun għall-grilji, li jkopru r-riformi u l-investimenti fl-infrastruttura tal-grilja, fis-sistemi tal-enerġija intelliġenti, fil-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija u fid-diġitalizzazzjoni tan-networks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni.

Peress li l-investiment insuffiċjenti fil-grilji ta’ distribuzzjoni u fil-ħżin diġà qed ixekkel l-isforzi taċ-ċittadini u tan-negozji, jidher li huwa meħtieġ approċċ ġdid għall-identifikazzjoni u għall-appoġġ tal-proġetti tal-grilji lokali biex jiġu evitati lakuni fil-futur.

Azzjoni 1: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (TSOs) għandhom isaħħu l-appoġġ għat-tħejjija tal-PCIs u tal-PMI, l-implimentazzjoni aktar rapida u l-finanzjament

Biex titħaffef it-tlestija tal-PCIs fil-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-promoturi tal-proġetti se jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tal-PCIs u tal-PMIs diġà identifikati. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ proġetti prijoritarji ġodda jeħtieġ li jiġi promoss.

-Abbażi ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tal-implimentazzjoni tal-proġetti, il-promoturi tal-proġetti għandhom jaġġornaw lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar il-progress u jidentifikaw kwistjonijiet li għandhom jiġu solvuti, inkluż dwar il-ħruġ tal-permessi. Għal dak il-għan, kull wieħed mill-Gruppi ta’ Livell Għoli eżistenti għandu jsegwi mill-qrib il-proġetti prijoritarji, inkluż permezz ta’ laqgħat ministerjali annwali biex jiżgura tmexxija politika u segwitu mill-qrib tal-progress fl-implimentazzjoni bl-involviment tal-pajjiżi sħab, fejn rilevanti. Il-Gruppi ta’ Livell Għoli se jappoġġaw ukoll l-identifikazzjoni ta’ proġetti prijoritarji futuri possibbli.

-B’ħarsa ’l quddiem, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-ħtiġijiet ta’ investiment għall-finanzjament pubbliku futur għall-proġetti infrastrutturali kemm fit-trażmissjoni kif ukoll fid-distribuzzjoni, li jkopru wkoll l-infrastruttura tal-ħżin, tal-idroġenu u tas-CO2.

II.TITJIB TAL-IPPJANAR TAL-GRILJA FIT-TUL GĦAL SEHEM OGĦLA TA’ SORSI TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI U ŻIEDA FL-ELETTRIFIKAZZJONI

Xenarju tal-enerġija li qiegħed jinbidel malajr jirrikjedi ppjanar dinamiku u komprensiv fit-tul tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ valutazzjonijiet lil hinn mill-kosta u fuq l-art kif ukoll bejn is-setturi inklużi l-idroġenu, l-infrastruttura tal-irriċarġjar għas-settur tat-trasport, it-tisħin u t-tkessiħ, id-diossidu tal-karbonju, il-proċessi industrijali elettrifikati, u l-gass.

Hemm ukoll viżibbiltà insuffiċjenti fit-tul tal-ħtiġijiet tan-network, b’mod partikolari fil-livell tad-DSO, fejn il-ħtiġijiet qegħdin jiżdiedu. Barra minn hekk, grilja enerġetika li tibqa’ valida fil-futur tirrikjedi enfasi akbar fuq il-koordinazzjoni fl-ippjanar tan-network u fl-iskambju tad-data bejn it-TSOs, id-DSOs, il-ġeneraturi, l-aggregaturi, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar, l-operaturi u l-amministrazzjonijiet tal-infrastruttura tal-idroġenu li jmexxu t-tnedija tal-pompi tas-sħana, għal fehim komuni tal-ħtiġijiet futuri tan-network.

Lil hinn mit-tagħbijiet il-ġodda meħtieġa għall-elettromobbiltà, l-integrazzjoni tal-irriċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali għandha impatt sostanzjali fuq il-grilji elettriċi. Dan jirrikjedi t-traspożizzjoni f’waqtha tar-RED riveduta, l-implimentazzjoni tar-regolament adottat reċentement dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (“AFIR”) u l-adozzjoni ta’ kodiċi ġdid tan-network dwar il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda 20 . Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha 21 , se ttejjeb il-ħidma bl-għan li tipproponi s-soluzzjonijiet ta’ politika, regolatorji u ta’ standardizzazzjoni meħtieġa għall-iċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali fl-Ewropa.

Azzjoni 2: L-ENTSO-E għandu jttejjeb l-ippjanar minn fuq għal isfel lejn l-2050 billi jintegra l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sistema lil hinn mill-kosta u fuq l-art u jkompli jikkunsidra l-idroġenu

L-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trażmissjoni transfruntiera jibni fuq 10 snin ta’ esperjenza fl-ippjanar tan-network pan-Ewropew permezz tal-pjanijiet ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network (TYNDP). Ir-Regolament TEN-E rivedut adottat fl-2022 għamel pass ulterjuri billi għamel id-direzzjoni fit-tul stabbilita mill-Istati Membri dwar l-ambizzjonijiet reġjonali lil hinn mill-kosta sal-2050 il-punt tat-tluq għall-eżerċizzju tal-ippjanar tan-network lil hinn mill-kosta, u naqqas id-distakk bejn l-aspettattivi tal-politika u l-iżvilupp tal-grilja. Din il-loġika strateġika fit-tul li bħalissa hija implimentata fl-ewwel pjanijiet għall-iżvilupp tan-network lil hinn mill-kosta (ONDPs) li mistennija jsiru f’Jannar 2024 għandha tiġi estiża għall-bqija tan-network Ewropew bl-objettiv li tlaqqa’ flimkien l-ippjanar tan-network lil hinn mill-kosta u fuq l-art taħt qafas komuni permezz tal-proċess li jmiss tat-TYNDP.

F’dak ir-rigward, mill-ewwel trimestru tal-2024 wara l-pubblikazzjoni tal-ewwel ONDPs, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-ENTSO-E fl-iżvilupp ulterjuri tat-TYNDP. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat ippjanar integrat tas-sistema tal-enerġija, it-trasport bl-idroġenu għandu jiġi rifless aħjar biex jipprovdi aspettattivi sodi tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura tal-idroġenu, li għalihom għandhom jiġu kkunsidrati l-istrateġiji tal-idroġenu tal-Istati Membri fejn dawn jeżistu, inkluż għall-produzzjoni tal-idroġenu lil hinn mill-kosta u t-trasport ulterjuri tiegħu għad-domanda. Għal dak il-għan, il-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur tal-idroġenu għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fit-tħejjija tal-ONDPs futuri. L-ENTSO-E għandu jkompli jsaħħaħ is-sinerġiji bejn it-trasportaturi tal-enerġija differenti fit-TYNDP, filwaqt li jiżgura l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti għas-setturi tad-distribuzzjoni, tal-ħżin, tal-idroġenu, tas-CO2, u tal-gass fid-dawl tal-ippjanar progressivament integrat tas-sistema tal-enerġija ladarba dawn is-setturi jilħqu maturità adegwata.

Fl-aħħar nett, fil-livell nazzjonali, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema jivvalutaw ulterjorment il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tas-sistemi tal-enerġija tagħhom meta jippjanaw in-networks ta’ trażmissjoni, inkluż il-potenzjal tal-ħżin tal-enerġija 22 . Dan għandu jsir f’konformità mal-qafas leġiżlattiv rivedut li ġej dwar id-Disinn tas-Suq tal-Elettriku.

It-TSOs u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu ddisinjati, ippjanati u żviluppati biżżejjed proġetti ta’ trażmissjoni tal-elettriku biex jissodisfaw il-ħtiġijiet infrastrutturali identifikati tal-UE għall-2030, l-2040 u l-2050, filwaqt li jitqiesu l-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs). Meta jiġu identifikati l-ħtiġijiet għall-iżvilupp tan-network iżda jkun hemm nuqqas ta’ proġetti konkreti biex jintlaħqu dawk il-ħtiġijiet, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji tagħhom għandhom iħeġġu lit-TSOs jiżviluppaw kunċetti ġodda ta’ proġetti.

Azzjoni 3: L-Entità tal-UE għad-DSO għandha tappoġġa l-ippjanar tal-grilja tad-DSO billi tidentifika l-eżistenza u l-karatteristiċi tal-pjanijiet ta’ żvilupp tad-distribuzzjoni

Il-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network (NDPs) tad-distribuzzjoni affidabbli, komprensivi, li jħarsu ’l quddiem u trasparenti se jkunu essenzjali biex jiġu inkorporati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u d-domanda flessibbli u biex jitnaqqas id-dewmien futur fit-talbiet għall-konnessjoni. Id-DSOs 23 diġà għandhom mandat legali mid-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku biex jiżviluppaw NDPs biennali minn 5 sa 10 snin u jissottomettuhom lill-NRAs tagħhom wara konsultazzjoni mal-utenti rilevanti kollha tas-sistema. Barra minn hekk, l-Entità tal-UE għad-DSO għandha kompiti legali stabbiliti fir-Regolament dwar is-Suq Intern tal-Elettriku biex tippromwovi l-ippjanar tan-networks ta’ distribuzzjoni f’koordinazzjoni mal-ippjanar tan-networks ta’ trażmissjoni u biex tikkoopera mal-ENTSO-E u tadotta l-aħjar prattiki dwar l-ippjanar koordinat tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, inkluż l-iskambju tad-data bejn l-operaturi għall-ippjanar tan-network. Madwar 2 560 DSO fl-UE jkopru 10 miljun kilometru ta’ grilji ta’ distribuzzjoni 24 , li fihom spettru wiesa’ ta’ daqsijiet ta’ kumpaniji u disparitajiet fil-konċentrazzjonijiet nazzjonali. Id-DSOs iż-żgħar jistgħu jiffaċċjaw sfidi addizzjonali minħabba riżorsi limitati. Aktar minn 900 DSO – żgħar, medji u kbar – huma membri tal-entità tal-UE għad-DSO.

Din l-azzjoni tikkomplementa u tappoġġa l-ħidma inizjali dwar ir-rekwiżiti legali. L-Entità tal-UE għad-DSO għandha, sa nofs l-2024, tesplora studji tal-każ u l-aħjar prattiki u tippubblika rakkomandazzjonijiet biex ittejjeb l-ippjanar tan-network ta’ distribuzzjoni 25 f’koordinazzjoni mill-qrib mal-ENTSO-E u mat-TSOs, kif ukoll mar-rappreżentanti rilevanti tal-utenti tan-network, bħas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-elettromobbiltà jew it-tisħin u t-tkessiħ, filwaqt li tqis l-inċertezzi li jaffettwaw l-aktar l-attivitajiet tad-DSOs, u d-daqs eteroġenu tad-DSOs 26 . Skambji trasparenti u regolari mal-partijiet ikkonċernati minn rappreżentanti reġjonali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tal-elettromobbiltà, tat-tisħin u tat-tkessiħ, tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-NDPs tad-distribuzzjoni se jkunu essenzjali. Pereżempju, il-pjanijiet nazzjonali, muniċipali u tad-ditti privati dwar l-infrastruttura tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi, il-provvista tal-enerġija mix-xatt f’portijiet marittimi, l-użu tal-pompi tas-sħana jew inkella l-varar tat-tisħin distrettwali se jkollhom impatt sostanzjali fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-grilji ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, li min-naħa tagħhom jippermetti opportunità għal swieq ta’ flessibbiltà ġodda, u jeħtieġ li jiġu integrati fl-ippjanar tan-network, biex jiġi żgurat li l-bini meħtieġ tan-network jitwettaq malajr.

Kondiviżjoni adegwata tad-data se tappoġġa wkoll lid-DSOs fl-ippjanar tal-ħtiġijiet tan-network biex jitqassru ż-żminijiet tal-konnessjoni mal-grilja. Għal dak il-għan, l-utenti tan-network għandhom jipprovdu data dwar il-kapaċitajiet tal-potenza u l-postijiet tal-proġetti rispettivi tagħhom biex jappoġġaw lid-DSOs fil-fehim ta’ xejriet ġodda tal-fluss tal-enerġija fi ħdan il-grilji tagħhom. Barra minn hekk, l-NRAs, f’kooperazzjoni mal-ACER u s-CEER, għandhom, sar-raba trimestru tal-2024, jipprovdu gwida lid-DSOs dwar l-ippjanar u jippromwovu l-konsistenza fost il-pjanijiet 27 . Il-Kummissjoni, flimkien mal-Entità ttal-UE għad-DSO, se ssaħħaħ ukoll mill-2024 l-appoġġ tagħhom għat-tfassil u għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal PCIs għal proġetti ta’ grilji intelliġenti.

Għalhekk, l-ixprunatur ewlieni biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-pjan ta’ investiment huwa li jiġu stabbiliti pjanijiet komprensivi għall-iżvilupp tan-network. Il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li jikkomplementaw dawn, jistgħu jkunu għodod effettivi fl-appoġġ tal-iżvilupp ta’ networks ta’ distribuzzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ riformi li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tinkludi azzjonijiet relatati mal-grilja fil-proċess iterattiv mal-Istati Membri dwar il-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom għall-Enerġija u l-Klima.

III.INTRODUZZJONI TA’ INĊENTIVI REGOLATORJI GĦALL-BINI TAL-GRILJA LI JĦARES ’IL QUDDIEM

Fost l-ixprunaturi ewlenin li għandhom impatt fuq il-livell u fuq l-effettività tal-investimenti fl-iżvilupp tan-network hemm il-qafas regolatorju. Il-grilji huma tipikament assi regolati u l-investimenti jitħallsu mill-konsumaturi kollha permezz ta’ tariffi tan-network. Għalhekk, kostijiet ogħla tal-iżvilupp tas-sistema tal-enerġija normalment iwasslu għal żieda fit-tariffi tan-network, u għalhekk fil-prezzijiet tal-konsumatur, minkejja li l-prezzijiet finali tal-konsumatur jeħtieġ li jibqgħu affordabbli. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-iżvilupp tal-proġett għal dawk ibbażati fuq il-ħtiġijiet kurrenti tas-sistema tista’ żżid il-kostijiet futuri tas-sistema u, b’hekk, il-kostijiet għall-konsumaturi. Għalhekk huwa importanti l-ftehim tal-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa ta’ investimenti antiċipatorji.

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta b’mod partikolari se jintroduċu benefiċċji kbar għas-soċjetà, li x’aktarx jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri ospitanti. Dan iwassal għal kumplessitajiet fil-qbil dwar il-kondiviżjoni xierqa tal-kostijiet, inkluż għall-interkonnetturi ibridi.

L-għoti ta’ inċentivi regolatorji xierqa jibda billi jiġi stabbilit qafas regolatorju ta’ appoġġ li jġib ċertezza fl-investiment. Dan jitlob ftehim rapidu dwar ir-riforma tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku bid-dispożizzjonijiet tiegħu li jirrikonoxxu l-importanza ta’ investimenti antiċipatorji, garanzija għall-aċċess għat-trażmissjoni għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u li jiġu kkunsidrati kemm il-CAPEX kif ukoll għal OPEX fit-tariffi tan-network.

Madankollu, tali riforma ewlenija tal-metodoloġiji tariffarji tirrikjedi l-bilanċ xieraq bejn, minn naħa, l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri tal-infrastruttura, l-aċċettazzjoni ta’ grad ogħla ta’ inċertezza li assi tal-infrastruttura jista’ ma jintużax bis-sħiħ mill-kummissjonar tagħha u li jiġi permess l-irkupru bikri tal-kostijiet relatati fuq naħa, u, min-naħa l-oħra, l-affordabbiltà għall-konsumaturi li jġarrbu l-kostijiet permezz tat-tariffi tan-network. It-telf tal-benesseri soċjoekonomiku minħabba d-dewmien fit-titjib tan-network meħtieġ biex jiġu konnessi s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u d-domanda flessibbli ħafna drabi jkun akbar mill-kost inizjali addizzjonali tal-investimenti antiċipatorji. Barra minn hekk, minħabba l-ħajja twila tal-assi tan-network, jista’ jseħħ tnaqqis sinifikanti fil-kostijiet fil-futur meta l-investimenti tal-lum diġà jkunu qegħdin jikkunsidraw il-ħtiġijiet li ġejjin.

Azzjoni 4: Il-Kummissjoni għandha tipproponi prinċipji gwida li jidentifikaw il-kundizzjonijiet li skonthom għandhom jingħataw investimenti antiċipatorji fil-proġetti tal-grilja

Il-proposta għar-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku magħmula mill-Kummissjoni tindika b’mod ċar li għandhom jintużaw investimenti antiċipatorji għall-proġetti rilevanti tan-network. Fl-istess ħin, l-użu tiegħu għandu jibqa’ proporzjonali għall-ħtiġijiet.

L-investimenti antiċipatorji jistgħu jkunu rilevanti pereżempju għall-investiment f’networks lil hinn mill-kosta li jibqgħu validi fil-futur li jippermettu espansjonijiet futuri ta’ grilji interkonnessi fuq il-baħar; għal żoni b’potenzjal ta’ PV fuq l-art għoli mhux sfruttat bħal żoni ta’ aċċellerazzjoni rinnovabbli stabbiliti f’konformità mar-RED; għall-konnessjonijiet mal-grilja mal-portijiet għall-provvista tal-enerġija mix-xatt, jew għall-bini ta’ grilji intelliġenti li jappoġġaw l-iċċarġjar tal-infrastruttura tal-vetturi elettriċi tal-pjanijiet nazzjonali jew tal-pjanijiet muniċipali għat-tnedija tal-pompa tas-sħana.

Filwaqt li tikkomplementa l-ħidma fuq l-investimenti antiċipatorji li qiegħda titwettaq mill-Forum ta’ Copenhagen 28 , il-Kummissjoni, b’appoġġ mill-ACER, mill-ENTSO-E u mill-Entità tal-UE għad-DSO u f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kemm fuq in-naħa tal-provvista tal-elettriku kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda, sal-ewwel trimestru tal-2025 se tipproponi gwida li tidentifika l-kundizzjonijiet li skonthom normalment għandha tkun mistennija l-approvazzjoni ta’ investimenti antiċipatorji, filwaqt li jitqiesu livelli differenti ta’ ċertezza fl-iżvilupp ta’ proġetti u modi kif jiġu indirizzati l-livelli differenti, bħal permezz tal-provvista kondizzjonali tal-investimenti antiċipatorji.

Azzjoni 5: Il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida dwar il-kondiviżjoni transfruntiera tal-kostijiet għal proġetti lil hinn mill-kosta

In-networks lil hinn mill-kosta se jkunu magħmula minn proġetti ta’ trażmissjoni radjali u ibridi li jevolvu lejn grilja interkonnessa futura. Il-konnessjoni tal-gżejjer tal-enerġija u ta’ proġetti kbar oħrajn lil hinn mill-kosta se tintroduċi benefiċċji kbar għas-soċjetà, li x’aktarx jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiżi ospitanti. Dan jippreżenta sfidi fil-qbil fuq il-kondiviżjoni xierqa tal-kostijiet, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji għall-konsumatur u għall-produttur iżda wkoll l-inċertezza inerenti tal-investimenti futuri u t-twaqqit tagħhom. Proġetti ibridi li jagħmlu interkonnessjoni bejn il-pajjiżi filwaqt li jgħaqqdu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta se jiffaċċjaw karatteristiċi partikolari addizzjonali. Dan se jirrikjedi wkoll iż-żieda fl-infrastruttura tat-trasport mir-reġjuni kostali lejn reġjuni mingħajr kosta fl-Ewropa biex jiġi żblukkat għadd akbar ta’ proġetti tat-teknoloġija eolika fuq l-art u lil hinn mill-kosta.

Filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-iżvilupp tan-network lil hinn mill-kosta, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet dwar il-prinċipji għall-kollaborazzjoni – inkluż dwar il-kostijiet – sa mill-istadju tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tan-network biex tiġi aċċellerata l-feġġa ta’ proġetti transfruntieri ġodda. L-ENTSO-E għandu jiżviluppa ulterjorment għodod effettivi ta’ mmudellar biex jitqiesu aħjar il-ħtiġijiet tal-Istati Membri għall-informazzjoni rilevanti għall-bidu ta’ tali skambji. Barra minn hekk, l-approċċi kurrenti dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet għandhom jikkunsidraw kumplessitajiet ġodda, bħal proġetti ibridi lil hinn mill-kosta. Il-Kummissjoni se tindirizza dawn l-isfidi fi gwida li għandha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-NRAs f’tali attivitajiet sa Ġunju 2024. Laqgħat dedikati mal-Istati Membri fil-livelli politiċi u tekniċi se jmexxu l-ħidma dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza sensiela ta’ laqgħat mal-Istati Membri biex jiskambjaw ideat u jappoġġawhom fis-sejba ta’ ftehimiet dwar proġetti partikolari.

IV.L-INĊENTIVAR TA’ UŻU AĦJAR TAL-GRILJI

Il-kjuwijiet fuq il-konnessjonijiet mal-grilja jikkawżaw dewmien twil fit-tqegħid tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-fluss. Dawn spiss ikunu r-riżultat ta’ informazzjoni insuffiċjenti għall-promoturi tal-proġetti iżda wkoll tal-modalitajiet tal-proċess tal-ħruġ tal-permessi. Għalhekk, li jkun hemm viżibbiltà rigward il-kapaċitajiet tal-grilja disponibbli jgħin biex it-talbiet għall-konnessjoni jiġu diretti lejn fejn jistgħu jiġu ttrattati bl-aktar mod malajr. Bosta operaturi tas-sistema għamlu l-mapep tal-kapaċità tal-ospitar tal-grilja disponibbli, iżda b’ċarezza u bi kwalità diverġenti 29 . Min-naħa l-oħra, xi amministrazzjonijiet bdew modi prattiċi pijunieri biex jiġu prijoritizzati l-applikazzjonijiet jew biex ma jiġux inċentivati talbiet abbużivi, u b’hekk għenu biex jitnaqqas ix-xogħol b’lura u jitnaqqsu ż-żminijiet ta’ stennija.

Sabiex jittejjeb l-użu tal-grilji eżistenti, jeħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni tal-promoturi tal-proġetti dwar l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji għal grilji intelliġenti u effiċjenti, inklużi teknoloġiji promossi minn Orizzont Ewropa, il-grad ta’ użu tagħhom madwar l-Ewropa u l-benefiċċji diġà pprovduti għal proġetti oħrajn.

Fl-aħħar nett, ma hemmx biżżejjed inċentivi għall-adozzjoni ta’ grilja intelliġenti, ta’ effiċjenza tan-network u ta’ teknoloġiji innovattivi minħabba l-istrutturi tariffarji prevalenti b’enfasi fuq il-CAPEX. Il-kumpens insuffiċjenti tal-OPEX sa issa fil-biċċa l-kbira marbut mal-kostijiet tar-riżorsi umani ma jirriflettix b’mod adegwat il-kostijiet dejjem jiżdiedu tad-diġitalizzazzjoni, tal-ipproċessar tad-data jew tal-akkwist ta’ flessibbiltà.

Azzjoni 6: L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jaqblu fuq definizzjonijiet armonizzati għall-kapaċità ta’ ospitar tal-grilja disponibbli għall-operaturi tas-sistema u għandhom jistabbilixxu ħarsa ġenerali pan-UE

L-operaturi tas-sistema għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti, li tinftiehem, dettaljata u aġġornata regolarment dwar il-kapaċitajiet ta’ ospitar tal-grilja u l-volumi ta’ talbiet għall-konnessjoni, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jistabbilixxu oqfsa għal ftehimiet ta’ konnessjoni mhux tad-ditti, fejn rilevanti.

Mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, l-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet regolatorji, għandhom jaħdmu lejn definizzjonijiet armonizzati għall-kapaċità ta’ ospitar tal-grilja disponibbli. Dan għandu jwassal għal ħarsa ġenerali pan-UE tal-kapaċitajiet ta’ ospitar tal-grilja disponibbli 30 biex l-utenti ġodda tan-network jikkollegaw, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ talbiet għall-konnessjoni li jkunu qegħdin jiġu pproċessati. Tali ħarsa ġenerali għandha tqis l-immappjar tal-kapaċità li diġà sar mit-TSOs u mid-DSOs, meta jkun applikabbli. Sa nofs l-2025, l-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jistabbilixxu ħarsa ġenerali pan-UE li għandha tagħti viżibbiltà lill-iżviluppaturi tal-proġetti meta jkunu qed jikkunċettwalizzaw il-proġetti tagħhom, bħal proġetti infrastrutturali ġodda tal-irriċarġjar rinnovabbli jew tal-vetturi elettriċi u jgħinu lill-iżviluppaturi jistmaw ir-riskju ta’ dewmien fl-approvazzjoni tat-talba għall-konnessjoni u, għalhekk, ikollhom previżjoni aktar ċara dwar meta l-proġetti jistgħu jibdew jirċievu dħul. Dan se jkun ta’ benefiċċju għal proġetti ġodda għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għal domanda flessibbli bħall-ħżin jew l-EVs. Xi operaturi tas-sistema diġà jipprovdu din il-viżibbiltà llum lokalment. Barra minn hekk, l-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema fid-diġitalizzazzjoni u fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri għat-talbiet għall-konnessjoni mal-grilja, pereżempju billi joħorġu gwida u rakkomandazzjonijiet, sa mhux aktar tard minn nofs l-2025.

Tali ħarsa ġenerali tista’ tappoġġa ulterjorment lill-NRAs biex jifhmu fejn fin-network il-konnessjonijiet flessibbli (mhux sodi) jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-sistema sakemm iseħħ il-bini meħtieġ tal-grilja. Meta l-iżvilupp tan-network ikun is-soluzzjoni strutturali tal-problema tal-kapaċità, għandhom jitfasslu oqfsa ta’ konnessjoni mhux sodi sabiex l-operaturi tas-sistema ma jdewmux il-bini tal-grilja. F’każijiet oħrajn, fejn l-iżvilupp tal-grilja jista’ ma jkunx soluzzjoni ekonomika, il-konnessjonijiet mhux sodi jistgħu jitqiesu bħala soluzzjoni fit-tul 31 .

L-NRAs għandhom jipprovdu wkoll qafas ċar biex ma jinċentivawx l-applikazzjoni għal talba għall-konnessjoni meta t-talba ma tkunx sostanzjata minn proġett solidu u ma tkunx impenjata biżżejjed minn żviluppatur, jew it-talbiet ta’ kapaċitajiet żejda lil hinn minn dak meħtieġ għall-proġett, biex jiġi evitat li r-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ konnessjoni tingħata lil proġetti li huma inqas probabbli li jimmaterjalizzaw jew li l-pjan kummerċjali ewlieni tagħhom ikun li jbigħu d-dritt għal konnessjoni, fejn dan ikun permess. Pereżempju, proġetti ta’ ġenerazzjoni li huma finanzjarjament marbuta jew li jħallsu għall-kostijiet tal-konnessjoni mal-grilja meta jitolbu konnessjoni huma inqas probabbli li ma jipproċedux bil-proġetti tagħhom.

Azzjoni 7: L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jippromwovu l-użu tal-grilja intelliġenti, l-effiċjenza tan-network u t-teknoloġiji innovattivi

It-teknoloġiji kummerċjali li jistgħu jtejbu ħafna l-funzjonament tal-grilji elettriċi huma faċilment disponibbli iżda ma jintużawx biżżejjed 32 . Madankollu, tali teknoloġiji jistgħu jwasslu għal kostijiet aktar baxxi għall-konsumaturi billi jnaqqsu t-telf tan-network 33 . Filwaqt li jkunu konxji tal-pipeline eżistenti ta’ proġetti fejn tali teknoloġiji diġà jkunu ntwerew, kif ukoll il-benefiċċji kkwantifikati li jkunu introduċew, jistgħu jipprovdu argumenti ċari lill-promoturi tal-proġetti li għadhom qed jikkunsidraw l-użu tagħhom. Għalhekk, għandu jkun hemm żieda fil-viżibbiltà għall-assi teknoloġiċi disponibbli għall-varar rapidu kif ukoll għal soluzzjonijiet innovattivi għall-grilji intelliġenti u effiċjenza aħjar tan-network, bħall-klassifikazzjoni dinamika tal-linja (DLR), kejbils superkondutturi b’temperatura għolja (HTS), kumpensaturi sinkroniċi statiċi (STATCOM), konvertituri tas-sors tal-vultaġġ (VSC) fis-sistemi HVDC, salvaviti HVDC jew transformers tal-ispostament tal-fażi (PST) 34 .

L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jaġġornaw b’mod konġunt it-Technopedia 35 , filwaqt li jagħtu ċarezza dwar dawn l-elementi u jiżguraw li t-teknoloġiji li qegħdin jintużaw fi proġetti pilota madwar l-Ewropa rilevanti għal proġetti ta’ grilji intelliġenti elettriċi u għaż-żieda fl-effiċjenza tan-network ikunu koperti, inklużi dawk it-teknoloġiji żviluppati taħt il-programmi Orizzont Ewropa jew Orizzont2020. It-Technopedia għandha tinforma dwar il-każijiet tal-użu u l-benefiċċji u għandha tiġi aġġornata sal-aħħar tal-2024 u mill-inqas kull sena, sabiex il-promoturi jkunu jistgħu jqisuhom b’mod xieraq fil-kunċettwalizzazzjoni tal-proġetti rispettivi tagħhom, u l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu jħeġġu l-użu tagħhom lill-promoturi. L-aġġornamenti għandhom jitqassmu fis-Summits futuri tal-Grilja Elettrika Intelliġenti organizzati bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Entità tal-UE għad-DSO.

Biex tkompli tippromwovi l-grilji intelliġenti, l-effiċjenza tan-network u t-teknoloġiji innovattivi, il-Kummissjoni se tiffaċilita ulterjorment permezz tal-kodiċijiet tan-network li ġejjin li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni ta’ riżorsi tal-enerġija deċentralizzati fis-swieq.

Azzjoni 8: L-ACER, fir-rapport dwar it-tariffi li jmiss tagħha, għandha tirrakkomanda l-aħjar prattiki fir-rigward tal-promozzjoni ta’ grilji intelliġenti u teknoloġiji tal-effiċjenza tan-network permezz tad-disinn tat-tariffi, filwaqt li tiffoka fuq il-kunsiderazzjoni tal-OPEX flimkien mal-CAPEX u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji

Il-grilji huma tipikament iffinanzjati permezz ta’ tariffi tan-network, ikkomplementati bl-introjtu mill-konġestjoni għal proġetti ta’ trażmissjoni transfruntiera. It-tariffi tan-network tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għandhom jiġu aġġornati regolarment, b’kunsiderazzjoni effiċjenti kemm tal-OPEX kif ukoll tal-CAPEX, biex titqies is-sistema tal-enerġija li qiegħda tinbidel lejn id-dekarbonizzazzjoni u biex jitqies ir-rwol dejjem aktar attiv tad-DSOs. Hemm bżonn li tiġi rikonoxxuta żieda fil-kostijiet operazzjonali fil-varar u fl-operat tan-networks tagħna, inkluż għas-sigurtà fiżika u għaċ-ċibersigurtà. Ir-rekwiżiti tal-effiċjenza jistimulaw lill-operaturi tan-network biex inaqqsu l-kostijiet u biex jaħdmu b’mod aktar effiċjenti 36 . L-NRAs għandhom jirrieżaminaw regolarment l-istabbiliment jew il-metodoloġiji tat-tariffi tan-network tagħhom, inkluż kif jistabbilixxu inċentivi fit-tul, jappoġġaw l-ispostament tad-domanda massima u jinċentivaw il-varar ta’ teknoloġiji li jżidu l-effiċjenza u l-operabbiltà tal-grilji (ara l-azzjoni preċedenti), bħal permezz ta’ skemi ta’ remunerazzjoni bbażati fuq l-output jew il-prestazzjoni. Għalhekk, it-tariffi tan-network jeħtieġ li jevolvu mas-sistema tal-enerġija. Approċċi innovattivi bħall-kondiviżjoni tal-benefiċċji 37 jistgħu jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Xi Stati Membri qegħdin jintroduċu prattiki ġodda, pereżempju l-NRA Taljana 38 qiegħda timxi minn regolamentazzjoni bbażata fuq l-input għal primjums biex iżżid il-kapaċità ta’ trasferiment u l-inċentivi għall-effiċjenza tal-CAPEX u qed jikkunsidraw kemm l-OPEX kif ukoll il-CAPEX fl-2024. L-ACER għandha tappoġġa ulterjorment lill-NRAs billi tirrakkomanda l-aħjar prattiki fir-rapport dwar it-tariffi li jmiss 39 li huwa dovut f’Jannar 2025, abbażi ta’ konsultazzjonijiet bir-reqqa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u sussegwentement tappoġġa lill-NRAs fl-implimentazzjoni tagħhom.

Kif stabbilit mir-Regolament dwar l-Elettriku, il-metodoloġiji tat-tariffi għandhom jipprovdu inċentivi xierqa, inkluż fit-tul, li jiżguraw ir-riflettività tal-kostijiet, li tissaħħaħ b’kunsiderazzjoni bir-reqqa dwar id-distribuzzjoni tal-kostijiet bejn il-produtturi u l-konsumaturi. Dan huwa partikolarment rilevanti meta wieħed iqis li l-iżvilupp tan-network huwa dejjem aktar xprunat mill-ħtieġa li jiġu konnessi żoni fejn jistgħu jiġu ġġenerati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, xejra li għandha tiġi riflessa fil-livell xieraq ta’ imposti ta’ injezzjoni u konnessjoni biex jiġu koperti l-kostijiet relatati.

V.TITJIB FL-AĊĊESS GĦALL-FINANZI

Il-finanzjament tat-tisħiħ u tal-adattamenti meħtieġa tal-grilja se jirrikjedi mobilizzazzjoni ta’ riżorsi kbar, qrib nofs triljun, f’kuntest fejn ir-riżorsi pubbliċi huma ristretti u l-inflazzjoni u r-rati tal-imgħax li qegħdin jiżdiedu qegħdin jaffettwaw il-proġetti. Hemm ukoll kwistjonijiet emerġenti bil-klassifikazzjoni tal-kreditu u bl-aċċess għall-kapital għall-promoturi tal-proġetti. L-operaturi tal-grilja, kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni, qegħdin jiffaċċjaw żieda bla preċedent fil-volum tan-nefqa kapitali. Pereżempju, id-daqs u l-estensjoni rapida tal-programm ta’ investiment ta’ kumpanija jistgħu jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha, b’konsegwenzi negattivi fl-aċċess għall-finanzi. Dawn kollha jirrikjedu sforz ġdid biex jiġu identifikati prodotti u strumenti ta’ finanzjament imfassla apposta biex jappoġġaw l-investimenti fil-grilja.

Azzjoni 9: Il-Kummissjoni għandha tidentifika mudelli ta’ finanzjament imfassla apposta u ssaħħaħ id-djalogu biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-finanzjament privat

Filwaqt li tibni fuq id-Djalogu tal-Investituri dwar l-Enerġija, sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni se tniedi proċess imsaħħaħ mal-investituri (inklużi l-fondi tal-pensjonijiet), l-aġenziji ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistema biex tidentifika u tindirizza l-ostakli għall-finanzjament inkluż permezz ta’ self bankarju, strumenti bbażati fuq is-suq (dejn u ekwità), garanziji u finanzjament imħallat. Meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-mudelli ta’ negozju tal-operaturi tas-sistema, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tesplora strumenti ta’ finanzjament biex tipprovdi l-aktar soluzzjonijiet xierqa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment, inklużi garanziji jew mekkaniżmi ta’ finanzjament simili li jikkatalizzaw il-finanzjament privat.

Il-Kummissjoni u l-BEI se jesploraw ulterjorment il-ħtieġa ta’ għodod u strumenti ta’ finanzjament biex jappoġġaw l-investimenti fil-grilja b’mod ġenerali, fil-kuntest tal-InvestEU. 

Il-Kummissjoni se tiżgura l-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn din il-ħidma u l-ħidma rilevanti dwar l-aċċess għall-finanzjament kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija mir-Riħ (azzjoni 8) u teknoloġiji rinnovabbli oħrajn biex tiġi żgurata integrazzjoni koerenti tas-sistema tal-elettriku futura.

Azzjoni 10: Il-Kummissjoni għandha żżid il-viżibbiltà fuq l-opportunitajiet mill-programmi ta’ finanzjament tal-UE għall-grilji intelliġenti u l-modernizzazzjoni tal-grilji ta’ distribuzzjoni

Il-grilji ta’ distribuzzjoni huma eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti differenti ta’ finanzjament tal-UE. Sorsi ewlenin ta’ finanzjament huma l-fondi reġjonali (FEŻR), il-fondi ta’ koeżjoni (FK) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) inkluż il-komponent REPowerEU tagħha. Il-FEŻR u l-FK jistgħu jikkofinanzjaw l-iżvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti, grilji u proġetti ta’ ħżin. Fil-programmi operazzjonali tagħhom għall-perjodu 2021-27, l-Istati Membri, b’kollox, allokaw biss EUR 4,7 biljun li jwasslu għal investimenti ta’ EUR 6 biljun. L-ammonti allokati jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri wkoll peress li xi Stati Membri użaw l-RRF biex jappoġġaw tali investimenti. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni, iffinanzjat permezz ta’ parti mid-dħul mill-EU ETS 40 , u l-RRF jistgħu jikkontribwixxu għal parti mill-ħtiġijiet ta’ investiment.

Jekk jimmodifikaw il-programmi operazzjonali tagħhom għall-fondi reġjonali u ta’ koeżjoni, l-Istati Membri bi ħtieġa kbira ta’ modernizzazzjoni tal-grilja ta’ distribuzzjoni u ta’ varar lokali tal-grilja intelliġenti għandhom jikkunsidraw l-għażliet disponibbli biex iżidu l-allokazzjonijiet għal dan is-settur. Il-Kummissjoni se tibda mill-ewwel trimestru tal-2024 proċess biex taħdem mal-Istati Membri dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-grilji ta’ distribuzzjoni, inkluż permezz ta’ laqgħa dedikata ta’ livell għoli. Il-Kummissjoni se tressaq ukoll assistenza teknika dedikata fi ħdan l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex tgħin lill-intrapriżi jħejju l-applikazzjonijiet ta’ finanzjament tagħhom u se tikkollabora mal-Entità tal-UE għad-DSO biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar din l-azzjoni fost il-membri tad-DSO tagħha.

VI.AĊĊELLERAZZJONI TAL-VARAR PERMEZZ TA’ ĦRUĠ TAL-PERMESSI AKTAR RAPIDU U TA’ INVOLVIMENT PUBBLIKU

Il-proġetti infrastrutturali jiltaqgħu ma’ proċeduri kumplessi u twal ta’ ħruġ tal-permessi peress li jkopru distanzi twal li ħafna drabi jkunu mifruxa fuq diversi ġuriżdizzjonijiet. Dan jinvolvi li jkollhom jgħaddu minn proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi differenti f’diversi lingwi bi stabbilimenti u bi skadenzi varji. Xi wħud minn dawn il-problemi huma marbuta ma’ restrizzjonijiet fin-numru ta’ persunal u fid-diġitalizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proċess tal-kisba tal-ħruġ tal-permessi ambjentali meħtieġa għal proġetti transfruntieri xi drabi jkun diffiċli, speċjalment għal proġetti mifruxa fuq żoni naturali protetti jew ħabitats ta’ ċerti speċijiet, b’mod partikolari fejn l-għarfien dwar il-ħabitats u l-ispeċijiet protetti preżenti ma jkunx komplut. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali spiss tiffaċċja tħassib pubbliku sinifikanti li, fl-agħar każijiet, jista’ jwassal għal proċeduri twal fi qrati. Ir-rekwiżiti leġiżlattivi minimi ta’ spiss ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw it-tħassib tal-komunitajiet lokali milquta mill-kostruzzjoni ta’ proġetti fil-viċinanza tagħhom, u l-ambizzjoni għall-involviment pubbliku għandha tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ.

Ir-Regolament TEN-E u aktar reċentement ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 ta’ emerġenza joffru soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet, madankollu għadhom ma ġewx adottati biżżejjed.

Azzjoni 11: Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aċċellerazzjoni tal-ħruġ tal-permessi billi tipprovdi gwida u appoġġ tekniku dwar kif għandhom jiġu implimentati l-għodod leġiżlattivi eżistenti u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri ta’ aċċellerazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet volontarji skont ir-Regolament tal-Kunsill ta’ emerġenza 41  (l-Artikolu 6) u huma mħeġġa jittrasponu malajr id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) bl-għan li jaċċelleraw l-iżvilupp tan-networks tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni meħtieġa biex jintegraw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema. L-iżvilupp tan-network huwa dejjem aktar xprunat mill-ħtieġa li jiġu integrati ammonti kbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistema, u għalhekk jista’ jkun hemm potenzjal importanti għall-Istati Membri biex jaħtru oqsma infrastrutturali dedikati f’konformità mar-Regolament u mad-Direttiva rispettivament.

Il-Pjattaforma tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-permessi stabbiliti fl-2022 uriet li hija forum utli għall-iskambju tal-aħjar prattiki u tipprovdi kjarifiki u appoġġ ta’ gwida. Il-ħidma tal-Pjattaforma se tiġi intensifikata. B’mod partikolari, se tiġi organizzata laqgħa ministerjali dedikata biex jiġi żgurat li jkun hemm tmexxija politika biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ ħruġ tal-permessi identifikati. Għal appoġġ ulterjuri, il-Kummissjoni se twettaq studju fl-2024 li jivvaluta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tal-permessi tar-Regolament TEN-E. Dan se jippermetti b’mod speċjali l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki. Abbażi tas-sejbiet tal-istudju, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu biex jaċċelleraw ir-reġimi ta’ ħruġ tal-permessi tagħhom. Il-Kummissjoni se tappoġġa din il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-Pjattaforma tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-permessi.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-ministeri rilevanti u mal-awtoritajiet tal-ħruġ tal-permessi, inkluż fil-kuntest tal-Patt tas-Sindki, biex ixxerred u tappoġġa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-RED III u tar-Regolament tal-Kunsill ta’ emerġenza u l-RED riveduta fir-rigward tal-grilji ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-Pjattaforma tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti se tiskambja ulterjorment dwar il-partikolaritajiet tal-ħruġ tal-permessi tal-grilji intelliġenti elettriċi bl-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri rispettivi.

Sa mhux aktar tard minn nofs l-2025, fid-dawl tal-ostakli għall-ħruġ tal-permessi li jiltaqgħu magħhom il-proġetti infrastrutturali tal-enerġija, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar id-deżinjazzjoni ta’ oqsma infrastrutturali dedikati għall-proġetti tal-grilja meħtieġa biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif previst mir-RED riveduta. Il-Kummissjoni se taġġorna sar-raba trimestru tal-2024, jekk ikun meħtieġ, il-gwida eżistenti dwar is-simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għall-PCIs 42 u għall-PMIs u l-gwida dwar l-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-enerġija u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura 43 kif meħtieġ biex dawn jiġu adattati għall-oqfsa leġiżlattivi riveduti tat-TEN-E u l-RED u għad-dispożizzjonijiet ta’ ħruġ tal-permessi ta’ simplifikazzjoni tagħhom.

Fl-aħħar nett, mill-2024, il-Kummissjoni se tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-grilja permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI). Ir-Regolament tat-TSI 44 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirċievu, permezz ta’ proġetti awtonomi jew multinazzjonali, għarfien espert tekniku għall-aċċellerazzjoni tal-ħruġ tal-permessi. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu mit-TSI pprovdut mill-Kummissjoni biex jaġġornaw is-sistemi tagħhom biex jittrattaw applikazzjonijiet għal proċeduri ta’ ħruġ tal-permessi u ta’ konnessjoni, pereżempju permezz tad-diġitalizzazzjoni. Barra minn hekk, kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ 45 , sa tmiem is-sena l-Kummissjoni se tniedi għodda online dedikata biex tappoġġa lill-Istati Membri, fost l-oħrajn, billi tipprovdi tweġibiet għal mistoqsijiet prattiċi li jsiru ta’ spiss mill-Istati Membri relatati mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet riveduti dwar il-ħruġ tal-permessi.

Azzjoni 12: Il-Kummissjoni għandha tniedi Patt għall-Impenn għal involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati u appoġġ regolatorju

Il-kwantifikazzjoni u l-monetizzazzjoni tal-evitar b’suċċess ta’ kunflitti u dewmien jistgħu jkunu ta’ sfida f’qafas regolatorju kumpless għall-bini ta’ infrastruttura mifruxa fuq diversi ġuriżdizzjonijiet u kompetenzi. Filwaqt li l-aħjar prattiki huma promossi u kondiviżi fost il-promoturi tal-proġetti, hemm il-ħtieġa li l-qafas ta’ involviment għall-partijiet ikkonċernati jissaħħaħ fi sforz regolari u kollettiv biex jittaffa l-impatt fuq il-komunitajiet u fuq in-natura, filwaqt li l-benefiċċji jiġu ridistribwiti lill-komunitajiet u tissaħħaħ il-protezzjoni tan-natura.

Biex tindirizza l-oppożizzjoni pubblika potenzjali u tiżgura l-ogħla standard fl-involviment tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni se tniedi, fl-okkażjoni tal-edizzjoni tal-2023 tal-Jiem tal-Enerġija tal-PCI, Patt għall-Impenn mal-Istati Membri, l-NRAs, l-operaturi tas-sistema u s-soċjetà ċivili għal involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati u l-ħtieġa ta’ appoġġ regolatorju adegwat (ara l-Anness II).

VII.TISĦIĦ TAL-KTAJJEN TAL-PROVVISTA TAL-GRILJA

L-industrija tal-UE hija mexxejja globali fil-manifattura ta’ komponenti għas-sistemi tal-enerġija, bħal fuq kejbils u substazzjonijiet HVDC, elementi fundamentali biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet lil hinn mill-kosta tal-UE.

Madankollu, il-promoturi tal-proġetti tal-grilja jimmarkaw żminijiet twal u li dejjem jiżdiedu ta’ tmexxija għall-akkwist ta’ komponenti speċifiċi tal-grilja, xi drabi ta’ diversi snin anke għall-aktar Proġetti urġenti ta’ Interess Komuni, inkluż minħabba provvista stretta ta’ xi komponenti jew żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. Fl-istess ħin, il-manifatturi tal-UE qegħdin jiffaċċjaw ostakli biex jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala minħabba d-differenzi fl-ispeċifiċitajiet tal-prodott. Iż-żieda qawwija fid-domanda globali għat-teknoloġiji tal-grilja elettrika tista’ testendi ż-żminijiet ewlenin saħansitra aktar. Għalhekk, il-kapaċità tal-manifattura tal-UE hija mistennija li tiżdied b’mod sinifikanti, filwaqt li s-sħubija tal-UE se tkompli ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur.

Iż-żieda fil-kompetizzjoni globali fis-suq għall-kejbils u għas-sistemi HVDC u HVAC, li għadhom jiġu fornuti prinċipalment domestikament fl-Ewropa, hija pożittiva ħafna sakemm ikun hemm kundizzjonijiet ekwi. Sabiex titrawwem ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija, hija meħtieġa attenzjoni bir-reqqa biex jiġi żgurat li tali kundizzjonijiet ekwi jibqgħu fis-seħħ mingħajr l-ebda spazju għal prattiki kummerċjali inġusti.

Barra minn hekk, irid jiġi żgurat li ma jinħolqux riskji għas-sigurtà. Madankollu, id-dipendenza fuq fornituri ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari minn pajjiżi mhux allinjati mal-valuri u l-pożizzjonijiet tal-UE, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet kritiċi infrastrutturali tal-enerġija tal-UE tista’ tippreżenta riskji għas-sigurtà 46 – kemm direttament f’termini taċ-ċibersigurtà 47 kif ukoll fir-rigward tal-użu tad-dipendenzi tal-katina tal-provvista bħala arma.

Id-dipendenza fuq fornituri ta’ pajjiżi terzi ta’ riskju għoli għal komponenti kritiċi tista’ toħloq vulnerabbiltajiet ċibernetiċi għall-grilja, inklużi interkonnetturi għal pajjiżi terzi. Id-Direttiva dwar in-Networks u s-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS 2) 48 tirrikjedi li l-entitajiet fis-settur tal-enerġija jieħdu miżuri ta’ sigurtà fir-rigward tal-ktajjen tal-provvista tagħhom bħala parti mill-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà. L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika li ġej, li bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat mill-koleġiżlaturi, se jtejjeb b’mod konsiderevoli s-sigurtà tal-katina tal-provvista billi jirrikjedi ċ-ċibersigurtà fid-disinn għall-prodotti tal-hardware u tas-software b’karatteristiċi diġitali li jaċċessaw is-suq tal-UE, kif ukoll obbligi għall-manifatturi biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott.

Barra minn hekk, l-operaturi tal-grilja tal-UE jiffaċċjaw sfidi biex jiksbu aċċess suffiċjenti għall-materja prima, bħar-ram jew l-azzar. Minħabba l-objettivi ambizzjużi tal-varar, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni domestika u d-diversifikazzjoni tal-provvisti ta’ materja prima u tal-komponenti ewlenin se jkollhom jiġu segwiti domestikament u permezz ta’ ftehimiet jew sħubijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi affidabbli, rispettivament. L-Att dwar il-Materja Prima Kritika se jgħin biex jiġi żgurat li l-Ewropa tilħaq tali objettivi, inkluż permezz ta’ produzzjoni domestika u sħubijiet strateġiċi. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u strateġika. Il-kummerċ ħieles u ftehimiet bilaterali oħrajn, li jkopru l-enerġija, il-materja prima u l-ktajjen tal-provvista tat-teknoloġija nadifa, u l-istrateġija Global Gateway, se jikkontribwixxu wkoll għal dan il-għan.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-proġetti ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ma’ pajjiżi terzi, bħall-PMIs, li għandhom l-għan li jesportaw ammonti sinifikanti ta’ elettriku rinnovabbli lejn l-UE ma għandhomx joħolqu dipendenzi ġodda f’termini ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa jaffettwa l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu ta’ persunal tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, tal-manifatturi tal-kejbils HVDC u ta’ fornituri oħrajn tas-sistema tal-enerġija. Dan jinkludi l-ħtieġa li jinkisbu ħiliet diġitali u teknoloġiċi avvanzati ulterjuri, bħall-awtomatizzazzjoni, il-kontroll, il-big data u l-analitika avvanzata, biex jiġu identifikati u kkontrollati l-isfidi tan-network kif ukoll biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji meħtieġa 49 .

Il-ħtiġijiet importanti ta’ hawn fuq għal ktajjen tal-provvista reżiljenti u effettivi tal-manifattura tal-grilja ġew indirizzati fil-proposta għal Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (it-teknoloġiji tal-grilja huma proposti fost it-teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti u l-Akkademji b’Emissjonijiet Żero Netti jindirizzaw l-isfidi tal-ħiliet) u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ (iż-żieda fiċ-ċertezza tad-domanda tal-grilja billi tiġi stabbilita pjattaforma diġitali tal-UE għall-ippjanar tal-irkant tal-enerġija eolika u wegħdiet nazzjonali). L-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti se jippermettu l-appoġġ ta’ katina tal-provvista reżiljenti tal-grilja b’mod partikolari permezz ta’ ħruġ tal-permessi aktar rapidu għal kapaċità ġdida ta’ manifattura, forza tax-xogħol b’ħiliet akbar u permezz ta’ offerti u rkanti pubbliċi mfassla kif xieraq.

Għodod oħrajn ta’ infurzar tal-Kummissjoni huma disponibbli għall-industrija tal-UE, biex jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi, jiġu miġġielda prattiki kummerċjali inġusti 50 , jew biex jiġu rrimedjati l-assimetriji bejn l-UE u pajjiżi terzi fil-ftuħ tas-suq fis-setturi tal-akkwist pubbliku (Strument għal Akkwist Internazzjonali). Barra minn hekk, fir-rigward tar-riskji relatati mas-sigurtà u mal-ordni pubbliku, ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-UE dwar l-Investiment Dirett Barrani (FDI) 51 jippermetti l-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-FDIs. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali tal-UE huma mmirati biex jippromwovu l-investimenti rinnovabbli, inkluż permezz tal-aċċess għall-grilji tal-enerġija, bl-għan li jiddiversifikaw l-akkwist u jippermettu l-aċċess għas-suq f’pajjiżi terzi filwaqt li jippreservaw is-sigurtà tal-provvista.

Azzjoni mmirata addizzjonali u komplementari f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni se tappoġġa titjib ulterjuri fil-ktajjen tal-provvista tal-grilji. L-isforzi fl-allinjament tad-disinji tal-prodotti madwar l-UE jippermettu lill-fornituri jiffokaw fuq it-twassil tal-kwantità, minflok ma jużaw il-ħin u r-riżorsi umani f’disinn u f’manifattura mfassla apposta. Tali allinjamenti jservu mhux biss biex iżidu l-aċċess tal-fornituri għas-suq intern, iżda wkoll biex iżidu l-kompetizzjoni, inaqqsu l-kostijiet u jżidu l-output tal-manifattura bl-istess kapaċitajiet ta’ manifattura.

Azzjoni 13: L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkollaboraw mal-fornituri tat-teknoloġija biex jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet teknoloġiċi komuni u biex tittejjeb il-viżibbiltà tal-pipelines tal-proġetti tal-grilja, biex jiġu ffaċilitati l-investimenti fil-kapaċità tal-manifattura u biex jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista

L-istandards, li jindirizzaw il-katina tal-valur kollha tal-grilji u tat-tagħmir tal-elettriku, huma kritiċi biex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-installazzjonijiet elettriċi, jiffaċilitaw is-sigurtà tal-katina tal-provvista, l-interoperabbiltà, jippermettu l-investimenti fin-network tal-elettriku, jiffrankaw il-kostijiet u b’hekk iħaffu l-varar u l-modernizzazzjoni.

Bħala l-ewwel ħtieġa u waħda imminenti, l-ispeċifikazzjonijiet kurrenti mit-TSOs lejn il-manifatturi tal-grilja ta’ spiss ikunu mfassla apposta ħafna, li jfisser li l-isforzi u r-riżorsi tal-katina tal-provvista jeħtieġ li jintużaw fuq talbiet speċjali ta’ disinn għal virtwalment kull TSO fl-Ewropa. Il-kollaborazzjoni fost it-TSOs lejn qbil dwar talbiet għal speċifikazzjoni komuni tnaqqas il-kostijiet, taċċellera t-twettiq tal-proġett, iżżid l-ammont ta’ output mal-faċilitajiet tal-manifattura diġà eżistenti li l-fornituri jistgħu jipproduċu u tippermetti aċċess aħjar tal-fornituri madwar l-UE għal swieq oħrajn fl-Ewropa. L-ewwel tentattivi biex jintlaħaq qbil dwar rekwiżiti komuni twettqu, mibdija minn Orizzont Ewropa tal-UE 52 u f’xi każijiet minn xi TSOs, filwaqt li għadhom implimentati b’modi diverġenti minn TSOs 53 differenti. Il-ħtieġa li f’dan ir-rigward tkompli ssir kollaborazzjoni u li jiġu ssimplifikati ulterjorment l-ispeċifikazzjonijiet ġiet enfasizzata mill-ENTSO-E fid-diskussjonijiet fl-avveniment ta’ livell għoli dwar il-Futur tal-Grilji tagħna 54 .

Il-Kummissjoni se titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESO) jipprovdu riżultat tanġibbli tal-Ftehim tas-Sessjoni ta’ Ħidma, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollh (ENTSO-E, TSOs u manifatturi) dwar speċifikazzjonijiet komuni tal-prodott li għandhom jiġu miftiehma sa tmiem l-2024. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom jiġu varati mit-TSOs madwar l-UE fl-akkwisti tagħhom stess u l-awtoritajiet regolatorji għandhom iħeġġuhom fid-disinji tariffarji. Il-ħidma għandha tiġi kkoordinata mill-qrib mal-grupp ta’ ħidma tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea dwar is-sistema tal-elettriku ekoloġiku. Jekk jitqies meħtieġ, dan jista’ jkun l-ewwel pass lejn l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u fl-aħħar mill-aħħar standards tal-UE għall-katina tal-valur kollha tal-grilja elettrika.

F’kooperazzjoni mal-linja ta’ ħidma ta’ hawn fuq mill-ESOs, il-Forum ta’ Livell Għoli se jidentifika lakuni fl-istandardizzazzjoni u se jipproponi pjan direzzjonali sal-ewwel trimestru tal-2024. L-enfasi se tkun fuq kwistjonijiet strateġiċi bbażati fuq ix-xejriet kurrenti tas-suq u tan-negozju, inklużi restrizzjonijiet ġeopolitiċi, l-impatt fuq in-negozju Ewropew u l-iffaċilitar tal-kummerċ globali.

L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO flimkien mal-operaturi tal-grilja, għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi sar-raba trimestru tal-2024 biex jipprovdu viżibbiltà miżjuda lill-manifatturi fil-pjanijiet ta’ akkwist tagħhom li ġejjin għat-tagħmir u għas-sistemi fuq il-livelli kollha ta’ vultaġġ. Din l-azzjoni tista’ tgħin lill-manifatturi tat-teknoloġiji tal-grilja jħejju aħjar il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom u l-forza tax-xogħol tas-sengħa u/jew jippjanaw l-islots tal-produzzjoni tagħhom biex jipprovdu fil-ħin għall-ħtiġijiet tal-espansjoni tal-grilja. B’riżultat ta’ dan, jistgħu jiġu evitati ostakli potenzjali fil-ktajjen tal-provvista tat-teknoloġija. Din l-azzjoni għandha tieħu ispirazzjoni mill-pjattaforma diġitali interattiva tal-UE li fuqha se jiġi ppubblikat l-ippjanar tal-irkant tal-Istati Membri, kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Enerġija mir-Riħ.

Azzjoni 14: Il-Kummissjoni għandha tippromwovi rekwiżiti tekniċi komuni għall-konnessjoni tal-ġenerazzjoni u tad-domanda

L-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti għall-konnessjoni ta’ domanda ġdida u proġetti ta’ ġenerazzjoni ġodda għandhom implikazzjonijiet importanti fuq id-disinn u r-rekwiżiti tal-prodott. Illum, tali rekwiżiti tekniċi huma diverġenti ħafna madwar l-Ewropa, u jirrikjedu lill-manifatturi jadattaw għal tali talbiet lokalment u jfixklu l-aċċess tagħhom għas-suq uniku tal-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta u tipproponi miżuri biex tippromwovi rekwiżiti tekniċi komuni fir-reviżjonijiet tal-kodiċijiet tan-network dwar ir-rekwiżiti għall-ġeneraturi u l-kodiċi tal-konnessjoni tad-domanda, sal-2025, biex tiżgura li l-manifatturi jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-aċċess għas-suq uniku.

1.KONKLUŻJONIJIET

Il-grilji elettriċi huma storja ta’ suċċess tassew Ewropea tal-integrazzjoni, tal-kooperazzjoni u tal-appoġġ reċiproku. Ir-rwol indispensabbli tal-grilji elettriċi fit-tranżizzjoni tal-enerġija jagħmilha ta’ importanza kbira li jiġi żgurat li jiġu stabbiliti l-inċentivi x-xierqa, u li jiġu mminimizzati l-ostakli u r-riskji bla bżonn. Il-modernizzazzjoni tal-grilja, l-espansjoni u t-tisħiħ intelliġenti huma meħtieġa ħafna kemm fil-livelli ta’ trażmissjoni kif ukoll, dejjem aktar, ta’ distribuzzjoni biex jippermettu t-tranżizzjoni tal-enerġija fis-setturi ekonomiċi kollha. Il-grilji jeħtieġ li jkunu lesti għall-ħtiġijiet tas-sistema l-ġdida, speċjalment l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u d-domanda flessibbli. Dawn l-isfidi fl-iżvilupp tan-network jissarrfu fi ħtiġijiet ta’ investiment għoljin li jammontaw għal nofs triljun euro sal-2030.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Grilja jidentifika għadd ta’ miżuri interkonnessi li jistgħu jitlestew fit-18-il xahar li ġejjin biex jiġi pprovdut qafas ta’ investiment adegwat għall-grilji. Pereżempju, ippjanar tan-network affidabbli u ta’ kwalità għolja flimkien ma’ qafas abilitanti għal investimenti antiċipatorji f’żoni bi pjanijiet sodi għall-varar ta’ enerġija rinnovabbli, elettromobbiltà jew ta’ pompi tas-sħana, flimkien ma’ proċeduri ssimplifikati għall-ħruġ tal-permessi għal dawk il-proġetti tal-grilja, jista’ jżid b’mod sostanzjali l-kapaċitajiet ta’ ospitar tal-grilja għal sorsi ġodda ta’ enerġija rinnovabbli u sorsi ta’ flessibbiltà għas-sistema.

Filwaqt li l-azzjonijiet identifikati għandhom jinbdew fl-iskeda ta’ żmien proposta mill-organizzazzjonijiet rispettivi, dawn jistgħu jipproduċu biss l-effett sħiħ tagħhom permezz ta’ impenn b’saħħtu u fit-tul tal-atturi rilevanti kollha, pubbliċi u privati, biex jikkollaboraw fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Huwa biss billi naħdmu flimkien li jkun possibbli li jinżamm il-momentum biex nagħmlu l-grilji tagħna adattati għall-isfida.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi fi ħdan il-Forum għall-Infrastrutturi tal-Enerġija ta’ Copenhagen pjattaforma dedikata, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, mal-ACER, mal-ENTSO-E u mal-Entità tal-UE għad-DSO, mal-BEI, mal-manifatturi u mal-NGOs, biex timmonitorja regolarment il-progress u tirrapporta fil-laqgħa annwali tal-Forum dwar it-twettiq ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni.



ANNESS I – IL-PJAN TA’ AZZJONI EWROPEW DWAR IL-GRILJA FIL-QOSOR

KATEGORIJA

AZZJONIJIET

SKEDA TA’ ŻMIEN

L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-PCIs u l-iżvilupp ta’ proġetti ġodda

1.Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u t-TSOs għandhom isaħħu l-appoġġ għat-tħejjija tal-PCIs u l-PMI, l-implimentazzjoni u l-finanzjament aktar rapidi

Mill-2024

Titjib tal-ippjanar tal-grilja fit-tul għal sehem ogħla ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u żieda fl-elettrifikazzjoni

2.L-ENTSO-E għandu jttejjeb l-ippjanar minn fuq għal isfel lejn l-2050 billi jintegra l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sistema lil hinn mill-kosta u fuq l-art u jkompli jikkunsidra l-idroġenu

Mill-ewwel trimestru tal-2024

3.L-Entità tal-UE għad-DSO għandha tappoġġa l-ippjanar tal-grilja tad-DSO billi tidentifika l-eżistenza u l-karatteristiċi tal-pjanijiet ta’ żvilupp tad-distribuzzjoni

Sa nofs l-2024

Introduzzjoni ta’ inċentivi regolatorji għall-bini tal-grilja li jħares ’il quddiem

4.Il-Kummissjoni għandha tipproponi prinċipji gwida li jidentifikaw il-kundizzjonijiet skont liema għandhom jingħataw investimenti antiċipatorji fil-proġetti tal-grilja

L-ewwel trimestru tal-2025

5.Il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida dwar il-kondiviżjoni transfruntiera tal-kostijiet għal proġetti lil hinn mill-kosta

Sa nofs l-2024

L-inċentivar ta’ użu aħjar tal-grilji

6.L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jaqblu dwar definizzjonijiet armonizzati għall-kapaċità ta’ ospitar tal-grilja disponibbli għall-operaturi tas-sistema u jistabbilixxu ħarsa ġenerali pan-UE

Mill-adozzjoni

7.L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jippromwovu l-użu tal-grilja intelliġenti, l-effiċjenza tan-network u t-teknoloġiji innovattivi

Ir-raba’ trimestru tal-2024

8.L-ACER, fir-rapport dwar it-tariffi li jmiss tagħha, għandha tirrakkomanda l-aħjar prattiki fir-rigward tal-promozzjoni ta’ grilji intelliġenti u teknoloġiji tal-effiċjenza tan-network permezz tad-disinn tat-tariffi, filwaqt li tiffoka fuq il-kunsiderazzjoni tal-OPEX flimkien mal-CAPEX u l-kondiviżjoni tal-benefiċċji

L-ewwel trimestru tal-2025

Titjib fl-aċċess għall-finanzi

9.Il-Kummissjoni għandha tidentifika mudelli ta’ finanzjament imfassla apposta u għandha ssaħħaħ id-djalogu biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-finanzjament 

Mill-adozzjoni

10.Il-Kummissjoni għandha żżid il-viżibbiltà fuq l-opportunitajiet għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE għall-grilji intelliġenti u l-modernizzazzjoni tal-grilji ta’ distribuzzjoni

Mill-ewwel trimestru tal-2024

Aċċellerazzjoni tal-varar permezz ta’ ħruġ tal-permessi aktar rapidu u ta’ involviment pubbliku

11.Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aċċellerazzjoni tal-ħruġ tal-permessi billi tipprovdi gwida u appoġġ tekniku dwar kif għandhom jiġu implimentati l-għodod leġiżlattivi eżistenti u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri ta’ aċċellerazzjoni

2024-25

12.Il-Kummissjoni għandha tniedi Patt għall-Impenn għal involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati u appoġġ regolatorju

Mill-adozzjoni

Tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista tal-grilja

13.L-ENTSO-E u l-Entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkollaboraw mal-fornituri tat-teknoloġija biex jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet teknoloġiċi komuni u biex tittejjeb il-viżibbiltà tal-pipelines tal-proġetti tal-grilja , biex jiġu ffaċilitati l-investimenti fil-kapaċità tal-manifattura u fil-ktajjen tal-provvista siguri

Ir-raba trimestru tal-2024

14.Il-Kummissjoni għandha tippromwovi rekwiżiti tekniċi komuni għall-konnessjoni tal-ġenerazzjoni u tad-domanda

Sal-2025



ANNESS II – PATT GĦALL-IMPENN

L-iżgurar ta’ involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-grilja

Il-pedament tat-tranżizzjoni enerġetika u l-irkupru ekonomiku tagħna se jkun sistema tal-elettriku li għaliha l-enerġija rinnovabbli se tikkontribwixxi għal madwar nofs il-ġenerazzjoni fl-2030 u li se tiġi dekarbonizzata kompletament sew qabel l-2050. Se nkunu qegħdin nużaw il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli b’pass li huwa ħafna drabi aktar mgħaġġel mil-lum li se jirrikjedi infrastruttura Ewropea integrata u interkonnessa. L-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tal-grilji elettriċi b’mod parallel mal-iskala enormi tal-enerġiji rinnovabbli hija għalhekk kruċjali għall-ixprunar tal-Ewropa lejn is-sigurtà tal-enerġija u l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħha.

L-ebda wieħed minn dawn ma jista’ jinkiseb waħdu jew għad-detriment tal-protezzjoni ambjentali tal-ħabitats l-aktar vulnerabbli tagħna. Ir-Regolament TEN-E rivedut se jkompli jservi bħala qafas ta’ gwida għall-identifikazzjoni u għall-bini ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs) jekk u fejn meħtieġ biex jiġu konnessi d-domanda u l-provvista madwar l-Ewropa. Il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kemm jekk fl-istadju tal-għażla għat-tikketta tal-PCI kif ukoll jekk aktar tard, matul il-ground routing u l-kostruzzjoni, issaħħu biex ikunu aktar inklużivi, aktar trasparenti u responsabbli lejn il-fehmiet u l-ħtiġijiet ta’ dawk il-komunitajiet affettwati mill-kostruzzjoni. Filwaqt li l-aħjar prattiki huma promossi u kondiviżi fost il-promoturi tal-proġetti, id-dewmien fl-iżvilupp tal-grilja kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni għadu jseħħ minħabba n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni mill-komunitajiet affettwati minn proġetti infrastrutturali tal-enerġija. Il-kwantifikazzjoni u l-monetizzazzjoni tal-benefiċċji tal-involviment ta’ suċċess tal-partijiet ikkonċernati u l-evitar tad-dewmien jistgħu jkunu ta’ sfida f’qafas regolatorju kumpless għall-bini ta’ infrastruttura mifruxa fuq diversi ġuriżdizzjonijiet u kompetenzi. Hemm bżonn li jissaħħaħ il-qafas ta’ involviment lejn il-pubbliku fi sforz kollettiv regolari u sinifikanti li jisfrutta l-fiduċja u l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-grilja, inaqqas l-impatt fuq il-komunitajiet u n-natura, ixerred mill-ġdid il-benefiċċji u jsaħħaħ il-protezzjoni tan-natura.

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Grilji, il-konnessjoni nieqsa: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Grilji”, il-Kummissjoni tħabbar it-tnedija ta’ Patt għall-Impenn biex jiġi żgurat involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-grilja, flimkien mal-Istati Membri, l-ACER u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-ENTSO-E u l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, l-Entità tal-UE għad-DSO u l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni, il-promoturi tal-proġetti u s-soċjetà ċivili, li jitolbu:

1.It-tfassil u t-twettiq ta’ sforzi ta’ komunikazzjoni nazzjonali u Ewropej dwar ir-rwol ewlieni tal-grilji ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni enerġetika;

2.Sforz konġunt ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali fl-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-grilja u tal-enerġija rinnovabbli u tal-aħjar prattiki adottati u/jew rakkomandati fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE;

3.Impenn mill-Istati Membri biex isaħħu l-involviment tagħhom fil-fora ta’ kooperazzjoni reġjonali bħall-Gruppi ta’ Livell Għoli stabbiliti sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-PCIs, filwaqt li tingħata prijorità lil dawk l-aktar maturi u konkreti. Din il-ħidma se tinvolvi l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u l-promoturi tal-proġetti, kif ukoll ir-regolaturi nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati;

4.Djalogu miftuħ bejn il-ministeri, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni dwar appoġġ regolatorju adegwat għal attivitajiet ta’ involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati abbażi ta’ kapitoli dedikati dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati li jakkumpanjaw il-pjanijiet ta’ investiment tal-grilja;

5.Il-provvediment għall-kundizzjonijiet organizzazzjonali meħtieġa fost il-partijiet kollha involuti fil-proċessi ta’ ħruġ tal-permessi jew ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati allinjati mal-ħtiġijiet sinifikanti għall-varar tal-grilja.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet kollha li jaderixxu mal-Patt għall-Impenn f’fora xierqa ta’ kooperazzjoni relatati mal-grilja, bħall-Jiem tal-Enerġija tal-PCI, il-Forum għall-Infrastrutturi tal-Enerġija (il-Forum ta’ Copenhagen) u l-Pjattaforma tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (il-Pjattaforma tal-NCA) sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-erba’ pilastri tal-Patt. F’dawn il-fora, il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll il-progress miksub minn dawn l-inizjattivi, kif ukoll se tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki li jispiraw sforzi ulterjuri mill-partijiet kollha fl-iżvilupp u fis-sostenn ta’ proċessi ta’ involviment li jżidu l-isfida tal-grilja tal-UE.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, lill-promoturi tal-proġetti u lis-soċjetà ċivili biex jissieħbu fil-Patt għall-Impenn u jikkontribwixxu permezz tal-azzjonijiet kollettivi tagħhom għal qafas abilitanti għall-involviment bikri, regolari u sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-grilja.

(1)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/speech_23_4377  

(2)

Ir-Regolament dwar il-Governanza (UE) 2018/1999, l-Artikolu 2(11)

(3)

F’Jannar 2023, l-Istati Membri qablu fuq livell reġjonali fuq l-ambizzjonijiet kombinati li jwasslu għal miri kumulattivi lil hinn mill-kosta ta’ madwar 111-il GW sal-2030 u 317-il GW sal-2050. Dan jitqabbel ma’ madwar 971 MW tal-kapaċità installata totali fuq l-art u lil hinn mill-kosta fl-2023 (l-istimi tal-Kummissjoni ta’ 971 452 MW ibbażati fuq id-data tal-pajjiż tal- Pjattaforma ta’ Trasparenza tal-ENTSO-E )

(4)

  System needs study – Opportunities for a more efficient European power system in 2030 and 2040 , TYNDP 2022, ENTSO-E, Mejju 2023

(5)

Rapport tal-Kummissjoni dwar Il-promozzjoni tal-elettromobbiltà permezz tal-politika dwar il-bini , Frar 2023

(6)

Ara Connecting the dots, imwettaq minn Eurelectric f’kooperazzjoni mal-E.DSO. Is-sehem tal-grilji tal-kostijiet totali tal-provvista tal-enerġija evolva minn medja ta’ 27 % fl-10 snin preċedenti, għal 37 % f’dan id-deċennju – ara Investment needs assessment tal-Kummissjoni SWD(2023) 68 final

(7)

  Implementing the REPower EU Action Plan , SWD(2022) 230 final

(8)

  Electricity Grids and Secure Energy Transitions , AIE, Ottubru 2023

(9)

  https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2023/10/09/renewable-energy-council-adopts-new-rules/  

(10)

  Ir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944

(11)

  https://www.ft.com/content/4c843612-1890-49bb-83eb-ddbe4495d6c9  

(12)

  Konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa , proposta 3 dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija u t-trasport, miżura 4 (p. 45)

(13)

  https://energy.ec.europa.eu/topics/infrastructure/energy-infrastructure-forum_en  

(14)

  https://energy.ec.europa.eu/topics/infrastructure/projects-common-interest/pci-energy-days_en  

(15)

2023: https://www.pcisummit.eu/live-stream/ ; 2022: https://www.sincrogrid.eu/en/News/ArticleID/442/Recordings-of-the-Smart-Grid-PCIs-Summit  

(16)

  https://www.entsoe.eu/eugridforum/  

(17)

  The European Investment Bank’s role in cross-border infrastructure projects , BEI, Mejju 2023

(18)

Il-PMIs se jorbtu lill-Istati Membri tal-UE mal-pajjiżi ġirien, u se jikkontribwixxu għall-miri tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija u l-klima, u dan jista’ pereżempju jappoġġa l-impenji ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija SEE

(19)

Abbażi tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza inklużi l-kapitoli RePowerEU ta’ 21 Stat Membru (HR, EE, EL, HU, IT, PL, RO, MT, AT, ES, SI, SK, CZ, PT, LT, LV, CY, DE, BE, BG, FI)

(20)

L-RED riveduta tinkludi rekwiżiti fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar tal-enerġija jkunu jistgħu jappoġġaw il-funzjonalitajiet intelliġenti tal-irriċarġjar u, fejn xieraq, l-irriċarġjar bidirezzjonali, u għandhom jistabbilixxu miżuri biex jiżguraw li l-EVs u l-batteriji jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod mhux diskriminatorju fis-servizzi ta’ flessibbiltà. L-AFIR jistabbilixxi miri ta’ varar obbligatorji għal infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku u jirrikjedi li, mill-bidu tal-2024, il-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ġodda jew rinnovati kollha jridu jkunu kapaċi jirriċarġjaw b’mod intelliġenti. Sa tmiem l-2024, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-kontribut potenzjali tal-iċċarġjar bidirezzjonali għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-utenti u tas-sistema u għaż-żieda tas-sehem tal-elettriku rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu miżuri xierqa. Il-kodiċi tan-network li jmiss għall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, li bħalissa qiegħed jiġi abbozzat, se jistabbilixxi l-qafas regolatorju għall-parteċipazzjoni ta’ ċċarġjar bidirezzjonali fis-servizzi tal-grilja flimkien ma’ teknoloġiji oħrajn biex tiġi pprovduta flessibbiltà bl-għan li jiġi indirizzat kwalunkwe ostaklu regolatorju li jifdal. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tadotta l-kodiċi tan-network matul l-2025.

(21)

Bħall- Forum dwar it-Trasport Sostenibbli u l- Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti

(22)

C/2023/1729 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija

(23)

DSOs żgħar li jaqdu inqas minn 100 000 klijent jew sistemi iżolati żgħar jistgħu jiġu eżentati

(24)

Stima tal-Kummissjoni ta’ 2 558 DSO ibbażata fuq id-data tal-Eurelectric: Distribution grids in Europe, Facts and Figures 2020 , Diċembru 2020

(25)

Pereżempju, id-data tal-kejl mit-transformers, l-invertituri u l-konsumaturi f’livell ta’ vultaġġ baxx tista’ tintuża bħala input fil-kalkoli tal-fluss tat-tagħbija li bihom huwa possibbli li tiġi kkalkolata l-influwenza ta’ konnessjonijiet PV ġodda fuq il-vultaġġ u t-tagħbijiet abbażi tar-riżervi individwali tat-taqsima tal-grilja korrispondenti, u dan jillimita l-ippjanar tal-iżvilupp tal-grilja għal dak li fil-fatt huwa meħtieġ ( Distribution grids: The energy transition’s backbone , Geode, Mejju 2023)

(26)

Ara pereżmpju dawk investigati mill- Osservatorju tal-Operaturi tas-Sistema tad-Distribuzzjoni 2022 tal-JRC (il-kapitolu 4.7), JRC, April 2023

(27)

  CEER Views on Electricity Distribution Network Development Plans , CEER, Novembru 2021

(28)

 https://energy.ec.europa.eu/system/files/2023-06/Conclusions%209th%20EIF_13%20June%20FINAL.pdf

(29)

  Power System of the Future: Keys to delivering capacity on the distribution grid , Eurelectric, Settembru 2023

(30)

Ara eżempji fil-livell ta’ distribuzzjoni fi Spanja u fir- Repubblika Ċeka

(31)

  CEER Paper on Alternative Connection Agreements , CEER, Mejju 2023

(32)

  The benefits of innovative grid technologies , CurrENT, Diċembru 2021

(33)

Pereżempju, minħabba l-livelli ogħla ta’ vultaġġ (u kurrent aktar baxx), it-telf tan-network huwa aktar baxx f’termini relattivi fil-grilji ta’ trażmissjoni milli fid-distribuzzjoni: madwar 0,5 % - 3 % fit-trażmissjoni kontra 2-14 % fid-distribuzzjoni. Report on Power Losses , CEER, Marzu 2020

(34)

L-Osservatorju tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nadifa:  Smart grids in the European Union , Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Ottubru 2023

(35)

  https://entsoe.eu/Technopedia/  

(36)

  Report on regulatory frameworks for European energy networks 2022 , CEER, Jannar 2023

(37)

  Benefit-based incentive regulation to promote efficiency and innovation in addressing system needs , L-Iskola ta’ Firenze tar-Regolamentazzjoni, Ġunju 2023

(38)

  https://energy.ec.europa.eu/events/9th-energy-infrastructure-forum-2023-06-12_en  

(39)

  https://www.acer.europa.eu/Publications/ACER_electricity_network_tariff_report.pdf  

(40)

Il-Fond għall-Modernizzazzjoni juża parti mid-dħul tal-EU ETS biex jappoġġa l-investimenti fil-modernizzazzjoni tan-networks tal-enerġija fit-13-il Stat Membru tal-UE bi dħul aktar baxx. Matul il-perjodu 2021-2030, EUR 57 biljun se jkunu disponibbli taħt l-MF, jekk wieħed jassumi prezz tal-EU ETS ta’ EUR 75/tCO₂.

(41)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli , ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36–44

(42)

  Streamlining environmental assessment procedures for energy infrastructure Projects of Common Interest (PCIs) , il-Kummissjoni Ewropea, 2013

(43)

  Gwida dwar l-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-enerġija u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura , il-Kummissjoni Ewropea, 2018

(44)

  Ir-Regolament (UE) 2021/240 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku , ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1–16

(45)

COM(2023) 669 final Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ

(46)

  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi  

(47)

  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/553 tat-3 ta’ April 2019 dwar iċ-ċibersigurtà fis-settur tal-enerġija

(48)

  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha

(49)

  Skills needs developments, vocational education and training systems in the changing electricity sector , minn industriAll, is-Sindikat Ewropew, mill-Federazzjoni Ewropea tal-Unions tas-Servizzi Pubbliċi (EPSU) u mill-Eurelectric, b’appoġġ mill-UE

(50)

Ara l-ftuħ reċenti ta’ investigazzjoni kummerċjali dwar kejbils tal-fibra ottika, fil-ĠU C2023/891 Avviż ta’ bidu ta’ proċediment li jikkonċerna l-kejbils tal-fibra ottika

(51)

Ir-Regolament (UE) 2019/452 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

(52)

  https://interopera.eu/  

(53)

Eż. ul-programm ta’ 2 GW tal-TenneT għall-grilji lil hinn mill-kosta ( https://www.tennet.eu/about-tennet/innovations/2gw-program )

(54)

  Konklużjonijiet tal-avveniment tal-ENTSO-E “Il-Futur tal-Grilji tagħna” sessjoni 3 dwar “In-nies u l-akkwist”