Brussell, 17.11.2023

COM(2023) 709 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali


   RAPPORT TAL-KUMMISSJONI    

LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali ( 1 ) (minn hawn ’il quddiem, “id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali”) tistabbilixxi r-regoli biex jiġi stabbilit approċċ komuni maħsub biex jevita, jipprevjeni jew inaqqas, skont il-prijorità, l-effetti ta’ ħsara, inklużi l-fastidju u d-disturb waqt l-irqad, ikkawżati mill-esponiment għall-istorbju ambjentali.

Għal dan l-għan, id-Direttiva tirrikjedi li l-esponiment għall-istorbju jiġi vvalutat bl-użu tal-istess metodoloġija madwar l-UE. Dawn il-metodi huma ddefiniti fl-Anness II tad-Direttiva. Dan l-Anness irid, għalhekk, jinżamm aġġornat mal-iżviluppi tekniċi, inkluż l-aġġustamenti biex jiġi kkoreġut il-metodu eżistenti għall-iżbalji identifikati mill-utenti finali.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex tadatta ċerti Annessi, inkluż l-Anness II, f’konformità mal-progress tekniku u xjentifiku.

L-Artikolu 6(2) jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a li jemendaw l-Anness II sabiex jiġu stabbiliti metodi ta’ valutazzjoni komuni għad-determinazzjoni ta’ Lden u Lnight.”

2. BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 12a tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali. Skont dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu ta’ 5 snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mistennija tħejji rapport dwar is-setgħat delegati, sa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin.

Skont l-Artikolu 12a(2), id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni, mhux iktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed, id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1226 tal-21 ta’ Diċembru 2020 2 .

Din id-direttiva delegata emendat l-Anness II tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali, biex tadattah għall-progress xjentifiku u tekniku. Jiġifieri, l-emenda għall-Anness II aġġornat il-metodu għall-kalkolu tal-livelli tal-istorbju, li jipprovdi dettalji tekniċi dwar il-proċeduri, jistabbilixxi l-formuli u jagħti l-valuri tal-input meħtieġa għall-kalkolu tal-livelli tal-istorbju li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Waqt it-tħejjija tad-direttiva delegata, il-Kummissjoni kkooperat ma’ esperti tekniċi u xjentifiċi tal-Istati Membri biex tivvaluta liema adattamenti kienu meħtieġa filwaqt li jitqiesu l-avvanzi tekniċi u xjentifiċi fil-kalkolu tal-istorbju ambjentali. Dan il-proċess sar f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istorbju, magħmul minn Stati Membri, il-partijiet ikkonċernati tal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, l-NGOs, iċ-ċittadini u d-dinja akkademika 3 . 

(1)

 ĠU L 189 , 18.7.2002, p. 12, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tat-22 ta’ Ottubru 2008, bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/996 tad-19 ta’ Mejju 2015, bir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-5 ta’ Ġunju 2019, bir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-20 ta’ Ġunju 2019, bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/367 tal-4 ta’ Marzu 2020 u bid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1226 tal-21 ta’ Diċembru 2020.

(2)

 ĠU L 269, 28.7.2021, p. 65-142

(3)

 Ara b’mod partikolari t-12 u t-13-il laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istorbju: https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/meetings/consult?lang=mt&meetingId=19771&fromExpertGroups=2809 ; https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/meetings/consult?lang=mt&meetingId=22455&fromExpertGroups=2809