IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.11.2023
COM(2023) 703 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (“id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa”)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (“id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa”)
1.INTRODUZZJONI
Id-Direttiva (UE) 2019/1024 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku
ġiet adottata fl-20 ta’ Ġunju 2019 u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 2019.
Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tistabbilixxi l-qafas legali għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, bħall-informazzjoni ġeografika, tar-reġistru tal-artijiet, statistika jew legali, miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku jew minn ċerti impriżi pubbliċi, u tad-data tar-riċerka ffinanzjata pubblikament. Għandha l-għan li tixpruna l-potenzjal soċjoekonomiku tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, pereżempju billi tagħmilha aktar disponibbli faċilment għan-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u medji, billi żżid il-provvista tad-data dinamika u settijiet tad-data b’impatt ekonomiku partikolarment qawwi, u billi tippromwovi l-kompetizzjoni u t-trasparenza fis-suq tal-informazzjoni. Hija waħda mill-miżuri mfassla biex jixprunaw l-ekonomija tad-data tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali.
Id-Direttiva (UE) 2019/1024 introduċiet il-kunċett ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli. Dawn huma definiti bħala dokumenti li l-użu mill-ġdid tagħhom hu assoċjat ma’ benefiċċji importanti għas-soċjetà u l-ekonomija. Għalhekk huma soġġetti għal sett separat ta’ regoli li jiżguraw li jkunu disponibbli mingħajr ħlas u b’formati li jinqraw mill-magni. L-Istati Membri jridu jagħmluhom disponibbli b’interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) u, meta rilevanti, għal tniżżil massiv. L-ambitu tematiku tas-settijiet tad-data ta’ valur għoli jagħtih l-Anness I tad-Direttiva li jelenka sitt kategoriji tematiċi (il-ġeospazju, l-osservazzjoni tad-Dinja u l-ambjent, il-meteoroloġija, l-istatistika, il-kumpaniji u s-sjieda tal-kumpaniji, il-mobbiltà).
Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tistabbilixxi setgħa waħda tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati.
2.BAŻI ĠURIDIKA
L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness I billi żżid kategoriji tematiċi ġodda ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli biex ikunu jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024, id-delega tas-setgħa hija mogħtija lill-Kummissjoni għal ħames (5) snin mis-16 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni trid tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames (5) snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, għajr jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet (3) xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA
Skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva biex temenda l-Anness I tagħha billi żżid kategoriji tematiċi ġodda ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli li jkunu jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.
3.1.
SETGĦAT EŻERĊITATI TUL IL-PERJODU TA’ RAPPORTAR
S’issa l-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024.
Is-sitt kategoriji inizjali previsti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/1024 pprovdew ambitu tematiku biżżejjed biex titfassal l-ewwel lista ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa delegata tagħha li temenda l-Anness I u żżid kategoriji tematiċi ġodda ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli. Il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar l-eżerċitar tas-setgħa delegata ladarba tiġbor evidenza dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-ewwel lista ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli. Bi tħejjija, il-Kummissjoni diġà kkummissjonat studju biex jgħinha tagħraf kategoriji tematiċi ġodda possibbli.
KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa għal estensjoni taċita tad-delega tas-setgħa prevista fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024 għal perjodu ta’ ħames (5) snin, f’konformità mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva. Dan għaliex jista’ jkun hemm bżonn jiżdiedu kategoriji tematiċi ġodda ta’ settijiet tad-data ta’ valur għoli bbażati fuq l-għoti tas-setgħa mogħtija skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024 fis-snin li ġejjin. Jibqa’ partikolarment importanti li l-qafas legali jagħti l-flessibbiltà meħtieġa biex ikun tista’ tiġi aġġustata skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq u biex il-Kummissjoni tkun tista’ tkopri oqsma tematiċi ġodda tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fil-futur.
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tar-rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva (UE) 2019/1024.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.