IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.11.2023
COM(2023) 699 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
dwar id-delega tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) ġie adottat fit-12 ta’ Settembru 2018.
Bir-Regolament (UE) 2018/1240 ġiet stabbilita l-ETIAS għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viża. L-ETIAS għandha tipprovdi awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għal dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi wara li tivvaluta jekk il-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri hijiex se toħloq riskju għas-sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta’ epidemija. Billi twettaq valutazzjoni tal-viżitaturi qabel il-wasla fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, l-ETIAS għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà, għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u għall-faċilitazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri.
Skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati. L-Artikolu 89(2) jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu inizjali ta’ 5 snin mid-9 ta’ Ottubru 2018 u jistipula l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tiegħu. Il-perjodu inizjali ta’ 5 snin skada fit-8 ta’ Ottubru 2023.
2.BAŻI ĠURIDIKA
Skont l-Artikolu 89(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati għal perjodu inizjali ta’ 5 snin mid-9 ta’ Ottubru 2018 u l-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mill-inqas 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin. Dan ir-rapport għandu l-għan li jissodisfa dak ir-rekwiżit.
L-Artikolu 89(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 jipprevedi li d-delega tas-setgħa tiġi estiża awtomatikament għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għat-tali estensjoni sa mhux aktar tard minn 3 xhur qabel ma jintemm kull perjodu.
3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA
3.1Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni
F’konformità mal-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240, il-Kummissjoni kkonsultat esperti nominati mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ grupp ta’ esperti u konsultazzjonijiet bil-miktub matul it-tħejjija tal-atti delegati meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri kollha ġew mistiedna jinnominaw esperti biex jieħdu sehem f’dawn il-konsultazzjonijiet; il-Parlament Ewropew ġie mistieden ukoll jipparteċipa.
Id-dokumenti rilevanti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt, kif previst fl-Artikolu 89(5) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u fil-Fehim Komuni dwar l-atti delegati. Matul it-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-atti delegati, ġew ikkunsidrati l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-konsultazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat regolarment lill-Istati Membri dwar il-progress li sar bl-abbozzi tal-atti delegati.
3.2Atti delegati adottati
Matul il-perjodu tar-rapportar, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha, billi adottat l-atti delegati li ġejjin. It-tabella ta’ hawn taħt turi liema atti fihom il-miżuri speċifiċi adottati skont is-setgħat mogħtija rilevanti fir-Regolament (UE) 2018/1240.
|
Att Delegat
|
Setgħat
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/969 tat-22 ta’ Frar 2019 dwar l-għodda li tippermetti li l-applikanti jagħtu jew jirtiraw il-kunsens tagħhom għal perjodu addizzjonali ta’ żamma tal-fajl tal-applikazzjoni tagħhom
|
L-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/970 tat-22 ta’ Frar 2019 dwar l-għodda li l-applikanti jistgħu jiċċekkjaw l-istatus tal-applikazzjonijiet tagħhom kif ukoll il-perjodu ta’ validità u l-istatus tal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar tagħhom biha
|
L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1240
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/971 tas-26 ta’ Frar 2019 dwar id-definizzjoni tar-rekwiżiti tas-servizz ta’ kont sigur li jippermetti li l-applikanti jagħtu kull informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali mitluba
|
L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/946 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 515/2014 fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biex ikopri l-ispejjeż għall-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar
|
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2020 li tissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 fir-rigward tal-immarkar
|
L-Artikolu 36(4) u l-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240
|
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/916 tat-12 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar fir-rigward tal-lista predeterminata tal-gruppi ta’ impjiegi użata fil-formola tal-applikazzjoni
|
L-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2021 dwar id-definizzjoni ulterjuri tas-sigurtà, tal-immigrazzjoni illegali jew tar-riskji għoljin tal-epidemija
|
L-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/1612 tas-16 ta’ Frar 2022 li tispeċifika l-kontenut u l-format tal-lista predeterminata ta’ għażliet li għandhom jintużaw biex tintalab informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali
|
L-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2023 li tissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240, biex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-korrispondenza bejn id-data preżenti f’rekord, f’allert jew f’fajl tas-sistemi ta’ informazzjoni l-oħra tal-UE li jiġu kkonsultati u fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-ETIAS
|
L-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni li tispeċifika l-kontenut u l-format tal-mistoqsijiet u s-sett ta’ mistoqsijiet predeterminati addizzjonali
|
L-Artikolu 17(5) u (6) tar-Regolament (UE) 2018/1240
|
3.3Oġġezzjoni għall-atti delegati
Skont l-Artikolu 89(6) tar-Regolament (UE) 2018/1240, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika, li jistgħu jiġu estiżi b’xahrejn oħra. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat f’dan il-perjodu, dan ma jidħolx fis-seħħ. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għal ebda wieħed mill-atti delegati msemmija hawn fuq.
3.4Ħtieġa għall-estensjoni tas-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati
Filwaqt li kważi l-atti delegati kollha ġew adottati qabel tmiem il-perjodu inizjali ta’ 5 snin għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati, erba’ atti delegati oħra ma ġewx adottati f’dak il-perjodu inizjali.
|
Atti delegati
|
Setgħat
|
|
Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar tal-kostijiet tal-operat u l-manutenzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) bl-għan li jinbidel l-ammont tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u dwar l-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-kostijiet imġarrba biex jiġu personalizzati u awtomatizzati l-kontrolli fil-fruntieri sabiex tiġi implimentata l-ETIAS
|
L-Artikolu 18(4) u l-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240
|
|
Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-metodi ta’ ħlas u l-proċess ta’ ġbir tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar
|
L-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
|
Atti delegati tal-Kummissjoni biex jiġu estiżi l-perjodi tranżizzjonali u ta’ grazzja previsti wara d-dħul fis-seħħ tal-ETIAS
|
L-Artikolu 83(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1240
|
|
Atti delegati tal-Kummissjoni għall-bdil tal-ammont tat-tariffa tal-ETIAS għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar
|
L-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240.
|
L-adozzjoni ta’ żewġ atti delegati għadha pendenti. Dawn huma r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar tal-kostijiet tal-operat u l-manutenzjoni tal-ETIAS bl-għan li jinbidel l-ammont tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u dwar l-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-kostijiet imġarrba biex jiġu personalizzati u awtomatizzati l-kontrolli fil-fruntieri sabiex tiġi implimentata l-ETIAS (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar tal-kostijiet”) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar il-metodi ta’ ħlas u l-proċess ta’ ġbir tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.
Ir-raġuni għad-dewmien fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti hija li ngħatat prijorità lill-emenda ta’ ċerti atti delegati li kienu diġà ġew adottati, li kellhom jiġu modifikati wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1134 għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u tar-Regolament (UE) 2021/1152 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tal-ETIAS. Tal-ewwel introduċa regoli ġodda dwar l-użu tal-ETIAS mill-awtoritajiet tal-viża u l-awtoritajiet kompetenti biex jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza, filwaqt li tal-aħħar jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà bejn l-ETIAS, minn naħa waħda, u sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u d-data tal-Europol, min-naħa l-oħra, u l-kundizzjonijiet għall-konsultazzjoni tad-data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u d-data tal-Europol mill-ETIAS għall-fini li jiġu identifikati awtomatikament il-hits.
Barra minn hekk, l-adozzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar ir-rappurtar tal-kostijiet ġiet posposta minħabba li:
a)għal dan il-għan ma kinitx meħtieġa implimentazzjoni teknika mill-Istati Membri jew mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA); u
b)id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu applikabbli biss wara d-dħul fis-seħħ tal-ETIAS.
Fattur ieħor li għamilha impossibbli li l-atti delegati kollha meħtieġa jiġu adottati fil-ħin kien id-dewmien fid-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) minħabba għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi. Peress li l-EES u l-ETIAS huma sistemi interdipendenti, u l-ETIAS ma tistax tibda topera qabel l-EES, il-bidliet fl-iskeda ta’ żmien għall-bidu tal-operat tal-EES inevitabbilment dewmu l-implimentazzjoni tal-ETIAS.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni teħtieġ estensjoni tad-delega tas-setgħa minħabba li ċerti atti delegati addizzjonali jistgħu jiġu adottati biss wara li tibda topera l-ETIAS. Dawn huma:
-Atti delegati tal-Kummissjoni biex jiġu estiżi l-perjodi tranżizzjonali u ta’ grazzja previsti wara d-dħul fis-seħħ tal-ETIAS (l-Artikolu 83(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1240); u
-Att(i) delegat(i) tal-Kummissjoni għall-bdil tal-ammont tat-tariffa tal-ETIAS għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.
Peress li l-ETIAS ma bdietx topera, mhuwiex possibbli li tinġabar biżżejjed informazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-perjodi tranżizzjonali u ta’ grazzja jeħtiġux li jiġu estiżi lil hinn mid-durata inizjali tagħhom ta’ 6 xhur jew jekk it-tariffa tal-ETIAS għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkunx teħtieġ li tiġi modifikata.
Anke lil hinn mill-adozzjoni tal-atti delegati pendenti kollha, l-għoti tas-setgħa li jiġu adottati jew emendati dawn l-atti xorta se jibqa’ meħtieġ sabiex jippermetti l-flessibbiltà meħtieġa fl-implimentazzjoni u fl-operat tal-ETIAS u biex l-atti jiġu aġġustati għal kwalunkwe żvilupp rilevanti.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni tqis li eżerċitat is-setgħat delegati tagħha fi ħdan il-kompetenza tal-mandat mogħti lilha bir-Regolament (UE) Nru 2018/1240.
Minħabba l-ispjegazzjoni mogħtija fit-Taqsima 3, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa ċara għal estensjoni taċita tad-delega tas-setgħa prevista fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240 għal perjodu ta’ 5 snin.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.