Brussell, 31.10.2023

COM(2023) 686 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Ir-Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar il-perjodu addizzjonali għall-issodisfar tal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kjoto (meħtieġ skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE u d-Deċiżjoni 13/CMP.1 tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto)

{SWD(2023) 348 final}


Rapport dwar il-perjodu addizzjonali għall-issodisfar tal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kjoto

Dan ir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah jikkostitwixxu r-Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar il-perjodu addizzjonali għall-issodisfar tal-impenji skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-Protokoll ta’ Kjoto”), għat-tieni perjodu ta’ impenn (2013–2020) tal-Protokoll ta’ Kjoto (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ il-perjodu true-up), kif meħtieġ skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 1 , f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto 2 . 

Dawn se jiġu trażmessi lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) sal-24 ta’ Ottubru 2023.

L-informazzjoni fir-Rapport se tiffaċilita l-valutazzjoni tal-konformità tal-Unjoni Ewropea (UE) mal-impenji tagħha skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kjoto għat-tieni perjodu ta’ impenn. Din il-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq it-tqabbil tal-kwantità ta’ unitajiet validi għat-tieni perjodu ta’ impenn irtirati sa tmiem il-perjodu true-up mal-emissjonijiet aggregati għat-tieni perjodu ta’ impenn. Il-perjodu addizzjonali għat-twettiq tal-impenji ntemm fid-9 ta’ Settembru 2023.

L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda qablu li jissodisfaw l-impenji kwantifikati tagħhom għal limitazzjoni u tnaqqis tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto għat-tieni perjodu ta’ impenn għall-Protokoll ta’ Kjoto b’mod konġunt, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tiegħu 3 . L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda qablu dwar impenn kwantifikat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jillimita l-emissjonijiet annwali medji tagħhom ta’ gassijiet serra matul it-tieni perjodu ta’ impenn sa 80 % tat-total tal-emissjonijiet tas-sena bażi tagħhom, li huwa rifless fl-Emenda ta’ Doha.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 4 tistabbilixxi t-termini tal-ftehim ta’ twettiq konġunt kif ukoll il-livelli rispettivi tal-emissjonijiet ta’ kull Parti għal dak il-ftehim. Il-livelli ta’ emissjonijiet jiddefinixxu l-ammonti assenjati tal-Istati Membri u tal-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn. Dawn il-livelli ta’ emissjonijiet ġew iddeterminati abbażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni għall-perjodu 2013–2020 taħt il-“Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija” 5 .

L-ammont assenjat konġunt tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-Iżlanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto huwa ugwali għall-perċentwal imniżżel għall-Unjoni, għall-Istati Membri tagħha u għall-Iżlanda fit-tielet kolonna tal-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto kif sostitwit mill-Emenda ta’ Doha (80 %) tal-emissjonijiet tas-sena bażi tagħha mmultiplikati bi tmienja.

F’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-Protokoll ta’ Kjoto, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fl-1 ta’ Frar 2020 ma jaffettwax l-impenji skont it-tieni perjodu ta’ impenn.

L-ammont assenjat konġunt li jirriżulta minn dan il-kalkolu huwa 37 604 433 280 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 6 . L-ammont assenjat tal-UE huwa ddeterminat f’konformità mat-termini tal-ftehim ta’ twettiq konġunt u huwa ekwivalenti għal 15 813 089 338 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 7 . L-ammonti assenjati aggregati tal-Istati Membri u l-Iżlanda huma ta’ 21 791 343 942 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2.

Irtirar ta’ Unitajiet ta’ Kjoto

Il-Protokoll ta’ Kjoto ġie ratifikat mill-UE, li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ewropea, u l-Istati Membri fil-31 ta’ Mejju 2002. Fil-Konferenza ta’ Doha dwar it-Tibdil fil-Klima f’Diċembru 2012, il-partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto adottaw l-Emenda ta’ Doha li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, li beda fl-1 ta’ Jannar 2013 u spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2020 (“l-Emenda ta’ Doha”). L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda nnotifikaw it-termini tal-ftehim biex jissodisfaw b’mod konġunt l-impenji tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-Iżlanda skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kjoto fit-tieni perjodu ta’ impenn f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tiegħu 8 .  Fiż-żmien tal-ftehim, it-28 pajjiż li ġejjin kienu Stati Membri: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

L-għadd kumulattiv totali ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 li jrid jiġi rtirat skont it-twettiq konġunt huwa kkalkulat bħala s-somma tal-kwantità ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fil-kontijiet tal-irtirar fir-reġistri tal-UE, is-27 Stat Membru, ir-Renju Unit u l-Iżlanda, u jammonta għal 33 731 035 055 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2.

Riport ta’ Unitajiet ta’ Kjoto

Peress li ma hemm l-ebda tielet perjodu ta’ impenn previst skont il-Protokoll ta’ Kjoto, l-UE mhux se titlob li l-unitajiet jiġu riportati.

Il-kwantità totali ta’ unitajiet fil-kontijiet ta’ depożitu tal-Istati Membri mitluba li jiġu riportati mill-Istati Membri se tiġi rrapportata fir-rapporti tal-Istati Membri fuq il-perjodu addizzjonali għat-twettiq tal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kjoto.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13–40.

(2)

Id-Deċiżjonijiet 5/CMP.1, 13/CMP.1, 15/CMP.1, 22/CMP.1, 27/CMP.1, 1/CMP.8, 1/CMP.17, 3/CMP.11 u 4/CMP.11.

(3)

FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1339 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-impenji taħtha, ĠU L 207, 4.8.2015. p. 1-14.

(5)

Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020, ĠU L 140, 5.6. 2009.

(6)

  FCCC/IRR/2016/UE  

(7)

  FCCC/IRR/2016/UE

(8)

FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1