Brussell, 25.10.2023

COM(2023) 667 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct)


F’dinja li qed tevolvi malajr, iffaċċjata b’bidliet ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi, ambjentali u kulturali kumplessi, kif ukoll tranżizzjonijiet multipli, l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità għolja huma essenzjali 1 għall-governanza tajba u għall-effettività tal-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri. Is-settur pubbliku jeħtieġ li jkun orjentat lejn l-azzjoni, jindirizza l-isfidi emerġenti, filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja pubblika. Minbarra li tindirizza x-xokkijiet esterni severi bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa ta’ importanza kbira għall-UE li tkompli tindirizza l-isfidi klimatiċi u ambjentali, tibni ekonomiji reżiljenti u sostenibbli kif ukoll soċjetajiet ġusti, u trawwem il-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-UE 2 , issawwar it-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi u l-ambjent tax-xogħol, tippromwovi d-demokrazija u taqdi rwol b’saħħtu fid-dinja.

It-twettiq ta’ din l-aġenda politika jiddependi fuq amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità għolja, kapaċi u reżiljenti fil-livelli kollha fl-Istati Membri. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jsarrfu l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE f’azzjonijiet domestiċi mfasslin tajjeb, ibbażati fuq il-post, infurmati dwar l-evidenza, lesti diġitalment u validi għall-futur. Huma jfasslu u jimplimentaw politiki kritiċi għall-kisba tan-newtralità klimatika u għall-aġenda dwar is-sostenibbiltà għall-2030. Dawn għandhom rwol importanti biex l-UE tkun lesta għall-era diġitali billi jiżguraw servizzi pubbliċi diġitali bla xkiel, siguri u interoperabbli għal Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ, jiżguraw l-adozzjoni tal-ħiliet diġitali fis-soċjetà kollha, irawmu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti u jsaħħu l-akkontabilità u s-sorveljanza pubblika tal-użu tagħhom. L-amministrazzjoni pubblika, is-settur privat, is-sħab soċjali u l-istituzzjonijiet edukattivi jsawru l-kompetittività tal-forza tax-xogħol u n-negozju billi jippromwovu l-ħiliet tal-futur 3 .

L-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali huma responsabbli biex jiżguraw il-ġestjoni soda u sostenibbli tal-baġits tal-UE u dawk nazzjonali. Huma jiġbru fondi u dħul pubbliċi u jimplimentaw direttament madwar terz tal-baġit tal-UE, inklużi l-Fondi ta’ Koeżjoni, in-Next Generation EU u l-element ċentrali tagħha, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). L-amministrazzjonijiet pubbliċi huma kruċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti taħt il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Plans, RRPs), kif ukoll tal-istrateġiji għall-iżvilupp reġjonali, li huma l-bażi tal-użu effettiv tal-Fondi ta’ Koeżjoni. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jimmaniġġjaw is-settur pubbliku, li huwa responsabbli għal 51,5 % tal-PDG tal-UE 4 , li jimpjega madwar 21 % tal-forza tax-xogħol tal-UE 5 , li jammonta għal 19,8 % tal-valur miżjud gross totali tal-UE 6 u kull sena joħloq suq b’valur ta’ madwar EUR 670 biljun permezz ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi u l-provvista 7 .

L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tat-tkabbir fir-reġjuni kollha 8 . Il-kwalità tal-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell reġjonali u lokali hija prerekwiżit għal politiki bbażati fuq il-post, il-kompetittività reġjonali u l-attraenza għall-investiment 9 . Dan huwa importanti biex jiġu evitati n-nasbiet tal-iżvilupp, b’mod partikolari f’reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi huma essenzjali għall-governanza demokratika u għar-rispett tal-istat tad-dritt. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jippreservaw u jtejbu l-fiduċja tal-pubbliku u jiddefendu d-demokrazija 10 permezz ta’ standards għoljin ta’ integrità, trasparenza, akkontabilità u bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni 11 . Dawn jiżguraw it-tfassil parteċipattiv tal-politika, il-kwalità, l-inklużività, u l-prossimità tas-servizzi 12 , oqfsa regolatorji xierqa li jużaw l-aħjar għarfien xjentifiku u l-evidenza disponibbli, inkluż l-użu etiku tal-IA u teknoloġiji diġitali oħra, u billi jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Amministrazzjonijiet pubbliċi li jiffunzjonaw tajjeb jaqdu l-ħtiġijiet tan-nies, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli, u lin-negozji billi jneħħu l-ostakli li jifdal, inaqqsu l-piż amministrattiv, u japprofondixxu l-funzjonament tas-Suq Uniku u l-applikazzjoni tal-erba’ libertajiet fundamentali tiegħu.

L-istandards tal-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri huma wkoll punt ta’ referenza għall-pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati, li jallinjaw il-liġijiet u l-prattiki tagħhom ma’ dawk tal-UE u jiffaċċjaw sfidi simili, bħat-tranżizzjonijiet doppji u t-tibdil demografiku. L-amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità diġà hija rekwiżit “fundamentali” għall-adeżjoni, kif inhu l-istat tad-dritt.

L-effikaċja tal-gvern fl-UE kollha jenħtieġ li titjieb 13 . L-amministrazzjonijiet pubbliċi ġeneralment irnexxielhom iżommu l-funzjonijiet kritiċi matul il-kriżi tal-COVID-19 14 , iżda l-kriżi kabbret il-lakuni fit-tħejjija diġitali, l-inkonsistenzi fl-ippjanar strateġiku u fil-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet. Għad hemm differenzi importanti f’termini ta’ kwalità tas-servizzi u tat-tfassil tal-politika fl-Istati Membri 15 . Permezz tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fl-anness iddedikat dwar l-amministrazzjoni pubblika fir-rapporti tal-pajjiżi, il-Kummissjoni ffukat dejjem aktar l-attenzjoni tagħha fuq il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika.

Implimentazzjoni aħjar tal-politika tal-UE u prestazzjoni amministrattiva aħjar jistgħu jiffrankaw lin-nies u lin-negozji tal-UE biljuni ta’ euro kull s-sena. L-Istati Membri jistgħu jiffrankaw EUR 64,2 biljun fis-sena billi jtejbu l-prestazzjoni amministrattiva tagħhom. Il-kumpaniji jistgħu jiffrankaw EUR 2,2 biljun fis-sena fil-livell tal-UE jekk il-proċeduri amministrattivi u l-kostijiet biex jiġi stabbilit negozju jkunu allinjati ma’ dawk tal-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni 16 . Fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru 17 , l-Ewropej esprimew l-aspettattiva tagħhom li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru inqas burokratiċi (48 %), iwasslu s-servizzi b’aktar ħeffa (47 %), ikunu aktar trasparenti u eqreb tan-nies. Huma jqisu wkoll lill-Kummissjoni bħala faċilitatur li jtejjeb ir-reazzjonijiet waqt kriżijiet, u bħala faċilitatur importanti għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien, biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru aktar effiċjenti u effettivi.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jantiċipaw il-bidliet, minbarra li jwieġbu għalihom 18 . Għal dan l-għan huma jridu jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jippjanaw b’mod ta’ gvern sħiħ, li jadattaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom għall-bidliet teknoloġiċi rapidi, u jirrieżaminaw u jkunu kontinwament innovattivi fit-tfassil tal-politika 19 u l-għoti ta’ servizzi orjentati lejn iċ-ċittadini. Fl-istess ħin, minbarra l-ippjanar strateġiku li għaddej fil-qafas tal-eżerċizzju tal-baġit pluriennali jew l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni tal-UE, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jippromwovu attivitajiet u kapaċitajiet progressivi, bħalma hija l-prospettiva strateġika f’kooperazzjoni mad-dinja akkademika, mar-riċerkaturi u mal-gruppi ta’ riflessjoni apposta.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jiltaqgħu ma’ diffikultajiet dejjem akbar biex jiżguraw forza tax-xogħol professjonali u stabbli 20 . Wieħed biss minn kull seba’ Ewropej iqis l-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala impjegatur attraenti 21 . L-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali inqas żviluppati u popolati jiffaċċjaw saħansitra aktar ostakli biex jattiraw it-talent. Id-data demografika turi li t-tixjiħ f’diversi Stati Membri se jikkawża mewġiet kbar ta’ rtirar fis-servizzi taċ-ċivil tagħhom fl-10 snin li ġejjin. B’rekwiżiti speċifiċi u żminijiet twal ta’ reklutaġġ, l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma esposti għal riskji serji biex jiżguraw il-kontinwità, l-istabbiltà, l-adattabilità u l-prestazzjoni tajba. It-tagħlim għall-adulti huwa baxx f’xi Stati Membri, u dan jillimita l-ġabra ta’ ħiliet li l-amministrazzjonijiet jistgħu jużaw 22 . Barra minn hekk, l-esternalizzazzjoni tal-għarfien espert għandha t-tendenza li tnaqqas il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jitgħallmu u jsaħħu l-esperjenza rigward il-ġestjoni ta’ kompiti aktar kumplessi.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-isfidi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni użat firxa ta’ għodod biex tappoġġa t-trasformazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri 23 . L-RRF tappoġġa firxa ta’ riformi u investimenti biex jittejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi fil-livelli kollha 24 . L-istrument ta’ Appoġġ Tekniku (Technical Support Instrument, TSI) 25 jipprovdi għarfien espert għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ riformi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri permezz ta’ analiżi tematika u tal-pajjiżi, il-bini tal-kapaċitajiet, il-gwida u l-faċilitazzjoni għall-iskambju bejn il-pari 26 . L-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju tal-Informazzjoni tal-Kummissjoni 27 estenda l-appoġġ tiegħu għall-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri għall-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll għall-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin tal-UE.

Il-Kummissjoni żżomm impenn kontinwu ma’ amministrazzjonijiet pari b’mod partikolari permezz ta’ żewġ networks komplimentari, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Amministrazzjoni Pubblika 28 u n-Network Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EUPAN) 29 , li għandhom l-għan li jaqsmu l-għarfien u l-prattiki. Din il-kollaborazzjoni ssaħħet permezz ta’ laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Esperti u laqgħat Ministerjali informali aktar frekwenti, li wasslu għal konklużjonijiet dwar l-isfidi komuni ffaċċjati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod partikolari l-Konklużjonijiet tal-Laqgħa Ministerjali informali ta’ Liżbona 30 u d-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu 31 . L-iskambji jindirizzaw diversi oqsma ewlenin bħaż-żieda fl-attraenza ġenerali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-immodernizzzar tal-marka tagħhom bħala impjegaturi moderni, it-trasformazzjoni diġitali u l-ekoloġika, l-iżvilupp tal-kapaċità fl-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha jew it-trawwim ta’ sinerġiji bejn il-proġetti implimentati taħt it-TSI, l-RRF u programmi oħra ffinanzjati mill-UE jew fil-livell nazzjonali. 

Appoġġ mill-RRF għar-riformi u l-investimenti fl-amministrazzjonijiet pubbliċi

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tidher b’mod prominenti f’diversi RRPs li jirrappreżentaw baġit stmat ta’ EUR 1,8 biljun. Ir-riformi u l-investimenti ewlenin jindirizzaw fost l-oħrajn id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, iċ-ċibersigurtà (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Spanja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja), is-sistemi ġudizzjarji u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv (il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Kroazja, il-Latvja, l-Italja, Malta, is-Slovakkja, ir-Rumanija, is-Slovenja), il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-informaturi (l-Estonja, il-Greċja, Ċipru, il-Kroazja, Spanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Latvja, ir-Rumanija, is-Slovakkja).

L-esperjenza mill-programmi tal-UE, inkluż it-TSI, kif ukoll il-Konklużjonijiet imsemmija hawn fuq tal-laqgħat Ministerjali informali taħt l-EUPAN, jindikaw l-interess tal-Istati Membri għal kooperazzjoni usa’ u aktar profonda bejniethom u mal-Kummissjoni. Għalhekk, f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tressaq ġabra ta’ azzjonijiet (minn hawn ’il quddiem il-“ComPAct”) biex tassisti aħjar lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fit-tħejjija għall-ħtiġijiet tar-riforma attwali u fl-antiċipazzjoni ta’ xejriet futuri, abbażi tal-prinċipji tal-amministrazzjoni pubblika.

It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew

Minkejja varjetà kbira ta’ strutturi istituzzjonali u tradizzjonijiet legali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri jikkondividu sett ta’ valuri, kompiti u l-fehim ta’ amministrazzjoni tajba 32 , li jiffurmaw l-Ispazju Amministrattiv Ewropew 33 .

Ġabra komuni ta’ prinċipji ġenerali 34 li huma s-sisien l-kwalità fl-amministrazzjoni pubblika: 

·Viżjoni strateġika u tmexxija li tiżgura l-kapaċità, ir-reżiljenza u l-fiduċja sostnuta tal-pubbliku.

·Tfassil ta’ politika koerenti, antiċipatorja, infurmata mill-evidenza, parteċipatorja, lesta mill-aspett diġitali, u inklużiva.

·Servizz ċivili imparzjali, professjonali, ibbażat fuq il-mertu, kollaborattiv u effettiv, li jaħdem f’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin.

·Servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, innovattivi, iċċentrati fuq il-bniedem u aċċessibbli. 

·Is-sussidjarjetà, il-koordinazzjoni, l-akkontabilità, il-ftuħ tal-amministrazzjoni pubblika, l-integrità, u s-sorveljanza tal-proċessi amministrattivi.

·Finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, imsejsa fuq sistemi ta’ kontabilità pubblika integrati u komprensivi bbażati fuq id-dovuti.

Bil-ComPAct, il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb l-Ispazju Amministrattiv Ewropew billi tippromwovi dawn il-prinċipji u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-modernizzazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri. Il-ComPAct jirrispetta u ma jaffettwax il-kompetenzi u l-karatteristiċi speċifiċi tal-Istati Membri. L-azzjonijiet se jiġu ffinanzjati permezz tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE u permezz ta’ networks ta’ kooperazzjoni eżistenti. Il-ComPAct se jagħmel l-aħjar użu mill-esperjenza diġà miksuba permezz tal-programmi tal-UE, inkluż it-TSI, kif ukoll l-iskambji eżistenti fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza u l-EUPAN, u se joffri opportunitajiet ġodda u mtejba għall-amministrazzjonijiet fil-livelli kollha fl-Istati Membri biex jikkooperaw u jitgħallmu minn xulxin. Il-ComPAct jelabora wkoll dwar l-esperjenza tal-Kummissjoni permezz tal-użu tal-istrateġiji tagħha dwar ir-riżorsi umani, l-aspetti diġitali u l-ekoloġizzazzjoni 35 .

Il-ComPAct huwa tweġiba għas-sejħiet mill-Istati Membri 36 , il-Parlament Ewropew 37 u l-Kumitat tar-Reġjuni 38 biex il-Kummissjoni trawwem il-kooperazzjoni u d-djalogu politiku kif ukoll biex tgħin fit-titjib tal-kapaċità u l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali fl-Ewropa.

Il-ComPAct se jgħin ukoll lill-pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati tal-UE fit-triq tagħhom biex jibnu amministrazzjonijiet pubbliċi aħjar billi jipprovdilhom opportunitajiet biex iżidu l-involviment tagħhom fl-iskambju u t-tagħlim bejn il-pari. Dan jista’ jsir ukoll billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-TSI għall-pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati. 

Integrazzjoni aċċellerata: Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati bħala osservaturi fil-proġetti tat-TSI

L-iżvilupp ta’ amministrazzjoni pubblika professjonali u bi prestazzjoni tajba huwa wieħed mill-“prinċipji fundamentali” għall-adeżjoni mal-UE. Fil-kuntest ta’ inizjattiva dwar l-“integrazzjoni aċċellerata”, il-kandidati għat-tkabbir tal-UE issa jistgħu jipparteċipaw f’diversi proġetti tal-Istati Membri, filwaqt li jindirizzaw il-problemi komuni flimkien. Pereżempju, l-Albanija tipparteċipa bħala osservatur fi proġett mal-Portugall, Spanja u n-Netherlands dwar il-ġestjoni aħjar tal-parteċipazzjoni ċivika u tat-teknoloġiji emerġenti. il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Moldova huma osservaturi fi proġett mal-Estonja dwar politika strateġika u sostenibbli dwar l-akkwist pubbliku.

Il-ComPAct huwa magħmul minn tliet pilastri:

·Pilastru 1: L-aġenda dwar il-Ħiliet tal-Amministrazzjoni Pubblika 

It-trawwim tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha, biex dawn jiġu megħjuna jiżviluppaw il-forzi tax-xogħol tagħhom għall-isfidi attwali u futuri.

·Pilastru 2: Il-kapaċità għad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għat-trasformazzjoni diġitali tagħhom.

·Pilastru 3: Il-kapaċità ta’ rwol ta’ tmexxija fit-tranżizzjoni ekoloġika

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex imexxu t-tranżizzjoni ekoloġika u jibnu r-reżiljenza.

Pilastru 1: L-aġenda dwar il-Ħiliet tal-Amministrazzjoni Pubblika

Is-swieq tax-xogħol għaddejjin minn trasformazzjonijiet strutturali, b’mod partikolari minħabba t-tibdil demografiku 39 u t-tranżizzjonijiet doppji. F’dan l-isfond, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiffaċċjaw kompetizzjoni qawwija għat-talent, speċjalment f’oqsma li jeħtieġu settijiet ġodda ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi. It-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi wkoll żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni tal-impjegati taċ-ċivil f’attivitajiet ta’ apprendiment għall-adulti 40 , kif ukoll fir-rikonsiderazzjoni tal-proċessi tax-xogħol biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-awtomatizzazzjoni, tad-data u tal-interoperabbiltà. Dan għandu jwassal ukoll biex jiġu kkunsidrati modi ġodda ta’ kooperazzjoni mas-settur privat, b’mod partikolari ma’ negozji ġodda u l-SMEs 41 . It-tmexxija tat-tranżizzjoni ekoloġika tirrikjedi approċċ multidixxiplinari għat-tfassil tal-politiki, kapaċitajiet b’saħħithom ta’ koordinazzjoni u ppjanar fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u ħiliet ta’ komunikazzjoni b’saħħithom. Dawn il-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-forza tax-xogħol u r-rekwiżiti għaliha, kif ukoll l-iżviluppi fil-postijiet tax-xogħol jeħtieġu azzjonijiet immirati biex jinħoloq ambjent tax-xogħol attraenti. Id-djalogu mas-sħab soċjali, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak reġjonali, jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent abilitanti biex jiġu indirizzati dawn id-diversi sfidi.

L-aġenda għall-Ħiliet tal-Amministrazzjoni Pubblika se tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jibnu amministrazzjonijiet pubbliċi reżiljenti, attraenti, trasparenti u bi prestazzjoni għolja billi tgħammarhom b’firxa wiesgħa ta’ għodod għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forzi tax-xogħol tagħhom. Dan se jikkomplementa l-miżuri implimentati skont l-RRPs, fejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi spiss tkun akkumpanjata minn titjib fil-ħiliet diġitali, inkluż biex jitjiebu l-ħiliet dwar l-analitika tad-data, l-IA u ċ-ċibersigurtà. Xi RRPs fihom riformi li għandhom l-għan li jistabbilixxu ċentri ta’ kompetenza għall-impjegati taċ-ċivil u jtejbu l-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

L-azzjonijiet taħt dan il-pilastru se jagħtu riżultati u jkunu konsistenti mal-Aġenda għall-Ħiliet tal-UE u l-azzjonijiet tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Dawn jistgħu jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 60 % tal-adulti kollha fit-taħriġ kull sena, u għall-miri nazzjonali 42 . L-azzjonijiet taħt dan il-pilastru se jiġu implimentati primarjament permezz tat-TSI. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni mal-amministrazzjonijiet pari fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza u n-network EUPAN, in-Netwerk tad-Diretturi tal-Istituti u l-Iskejjel tal-Amministrazzjoni Pubblika (DISPA) u l-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni. Se jkunu involuti networks u korpi rilevanti oħra tal-UE u internazzjonali.

1.L-Iskambju ta’ Kooperazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika (PACE)

L-Istati Membri appellaw għal “mobilità msaħħa tal-ħaddiema pubbliċi fl-Ewropa” 43 , li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet u l-ħolqien ta’ komunitajiet ta’ prattika. Diversi strumenti tal-UE diġà jappoġġaw l-iskambji settorjali ta’ esperjenza u tagħlim reċiproku 44 .

Il-Kummissjoni, biex tippromwovi aktar l-iskambju tal-esperjenza bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattiki, hija lesta li żżid u tikkonsolida l-appoġġ tagħha għall-PACE. Dan tal-aħħar jibni fuq esperjenza pożittiva, jiġifieri programm pilota ta’ skambju għall-maniġers intermedji stabbilit fl-2021 mill-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala riżultat ta’ laqgħa Ministerjali informali tal-EUPAN taħt il-Presidenza Portugiża 45 . Dawn l-iskambji se jappoġġaw, fuq bażi mmexxija mid-domanda, il-ħtiġijiet organizzattivi speċifiċi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi bħall-implimentazzjoni tar-riformi, l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ politika jew l-introduzzjoni ta’ approċċi ġodda ta’ ġestjoni. Dawn se jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ komunità Ewropea ta’ impjegati taċ-ċivil.

Skambji bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri

Bħala parti mill-inizjattiva ewlenija PACE tal-2023 taħt it-TSI 46 , aktar minn 300 impjegat taċ-ċivil jieħdu sehem f’aktar minn 70 skambju ppjanat iffaċilitat mit-TAIEX. Mat-18-il Stat Membru jipparteċipaw fl-iskambju tal-esperjenza dwar modi ġodda ta’ ħidma, dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki ekoloġiċi, dwar it-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika, dwar strateġiji u mudelli biex jiġi attirat it-talent u għall-iżvilupp tal-karriera, dwar l-immodernizzar tal-funzjoni tar-riżorsi umani tagħhom, dwar il-promozzjoni tat-tmexxija, l-apprendiment organizzazzjonali, l-etika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa mill-qrib, tikkontribwixxi għall-kondiviżjoni tal-għarfien u tista’ tipparteċipa bħala entità amministrattiva pari 47 . L-iskambji jibnu fuq proġetti bilaterali preċedenti u jippermettu lill-Istati Membri jespandu l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku.

Il-Kummissjoni:

·Se tiżviluppa l-PACE għal programm ta’ skambju annwali bħala parti mit-TSI, biex tiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema taċ-ċivil Ewropej fl-Istati Membri, bl-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni. Il-PACE se jipprovdi qafas operazzjonali komuni u finanzjament adegwat għal skambji mmirati, li matulhom l-impjegati taċ-ċivil se jiġu inkorporati f’amministrazzjoni oħra għal perjodu stabbilit. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

L-Istati Membri huma mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv fil-PACE u f’għodod oħra ta’ skambju bejn il-pari tal-UE billi jipprijoritizzaw u jikkoordinaw il-ħtiġijiet, jospitaw skambji, u jipprovdu feedback dwar modi kif jista’ jsir titjib. Huma jistgħu jwessgħu l-parteċipazzjoni fl-iskambji billi jippromwovu t-taħriġ fil-lingwi barranin għall-impjegati taċ-ċivil tagħhom.

2. Kooperazzjoni għat-taħriġ u l-bini tal-kapaċità

It-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet huma kompiti enormi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, minħabba l-istima ta’ disa’ miljun membru tal-persunal fl-amministrazzjonijiet ċentrali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri kollha u madwar 41 miljun impjegat fis-settur pubbliku fl-UE kollha 48 . L-istituti nazzjonali, l-iskejjel tal-amministrazzjoni pubblika jew l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ apposta għandhom rwol ewlieni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri biex jiġu żviluppati l-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-impjegati taċ-ċivil għal ġestjoni mtejba tal-politiki pubbliċi. It-taħriġ u l-bini tal-kapaċità spiss iħabbtu wiċċhom ma’ taħlita ta’ kompetizzjoni għolja għall-finanzjament, ma’ ammont kbir ta’ xogħol, u mad-disponibbiltà skarsa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ. Barra minn hekk, il-varjetà kbira ta’ suġġetti ġodda tagħmilha diffiċli li jiġu koperti l-aspetti kollha fil-livell nazzjonali. Kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni tista’ tindirizza xi wħud minn dawn l-isfidi, kif ukoll skambji attivi ma’ sħab internazzjonali dwar prattiki tajba.

Il-programm ta’ Taħriġ Doganali tal-UE – Nibnu l-Għarfien Espert tal-Ġestjoni Doganali flimkien.

Taħt il-Programm ta’ Taħriġ Doganali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu ċ-Ċentri ta’ Kompetenza ta’ Taħriġ dwar suġġetti doganali speċifiċi permezz ta’ ftehim ta’ sħubija. L-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) jipprovdi/u ta’ kull sena taħriġ lil Stati Membri oħra, iżommu ruħhom aġġornati dwar is-suġġett u jaħdmu ma’ ħarrieġa u ma’ dipartimenti tat-taħriġ minn Stati Membri oħra. Mill-2014 ’l hawn, ġew imħarrġa madwar 1 000 uffiċjal tad-dwana u ġew organizzati madwar 130 avveniment komuni tat-tagħlim.

Il-promozzjoni tal-e-Apprendiment dwar suġġetti tal-amministrazzjoni pubblika se tippermetti l-aċċess dirett tal-impjegati taċ-ċivil kollha fl-Istati Membri u se tiffaċilita wkoll it-tagħlim b’ritmu awtonomu. L-oqsma milħuqa mill-korsijiet u l-materjali ta’ taħriġ jistgħu jiġu estiżi b’mod sinifikanti bis-saħħa tat-traduzzjoni fil-lingwi tal-UE, u dan jippermetti aċċess usa’ għal amministrazzjonijiet iżgħar.

Il-Kummissjoni diġà żviluppat opportunitajiet ta’ e-Taħriġ, pereżempju dwar l-interoperabbiltà, it-trasformazzjoni diġitali, l-intraprenditorija, il-kompetenza finanzjarja u tas-sostenibbiltà, in-networks tat-tagħlim 49 u l-komunitajiet ta’ prattika 50 .

Il-Kummissjoni:

·Se twaqqaf Network ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza għall-forniment ta’ taħriġ tematiku għall-impjegati taċ-ċivil fl-UE kollha. In-network se joħloq katalgu ta’ taħriġ komuni u se jiffaċilita l-offerta ta’ taħriġ lill-impjegati taċ-ċivil permezz taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza fl-Istati Membri dwar suġġetti speċifiċi, bħad-dwana, l-istat tad-dritt, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-integrità, it-tranżizzjoni ekoloġika, l-akkwist pubbliku innovattiv, l-użu ta’ evidenza xjentifika fit-tfassil tal-politika jew fl-IA. Dan il-mudell se jikkontribwixxi biex jipprovdi katalogu akbar ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE kollha u għas-sostenibbiltà finanzjarja tat-taħriġ, filwaqt li jżid l-effiċjenza tal-investiment. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ fl-iżvilupp tal-kapaċità tagħhom li jivvalutaw il-ħtiġijiet tat-taħriġ u li jsaħħu l-politiki ta’ taħriġ tagħhom għall-impjegati taċ-ċivil. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se twaqqaf programm ta’ Tmexxija tal-Amministrazzjoni Pubblika tal-UE ffukat fuq il-maniġers superjuri fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri. Approċċ mifrux mal-UE kollha li jinkludi t-tfassil ta’ kurrikuli komuni, eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba se jippermetti li l-maniġers jitħejjew aħjar għall-kumplessità tat-tmexxija pubblika, speċjalment peress li għandhom rwol kruċjali biex imexxu ’l quddiem u jimplimentaw riformi fl-amministrazzjoni pubblika, jisfruttaw it-talent u jixprunaw l-innovazzjoni. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tiżviluppa taqsima tal-amministrazzjoni pubblika fuq il-pjattaforma tal-Akkademja tal-UE 51 b’korsijiet u programmi ta’ taħriġ apposta, li jvarjaw minn dawk orizzontali, bħat-tfassil tal-politika, il-kokreazzjoni u l-metodi ta’ deliberazzjoni biex iċ-ċittadini jiġu involuti fl-ippjanar, l-istat tad-dritt, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-integrità u l-ġestjoni tal-proġetti, għal korsijiet u programmi oħrajn aktar speċjalizzati, bħall-ġestjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, l-interoperabbiltà jew il-ġestjoni tat-theddid ċibernetiku. Il-korsijiet tal-e-Apprendiment jistgħu jiġu kkomplementati bi gwida u materjali ta’ taħriġ eżistenti mħejjija mill-Kummissjoni dwar suġġetti tal-UE u marbuta ma’ sorsi nazzjonali u internazzjonali. [mit-tieni trimestru tal-2024]

L-adozzjoni usa’ ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ tista’ tiġi kkomplementata mill-Istati Membri b’riżorsi għat-titjib tal-ħiliet u l-bini tal-kapaċità skont il-Politika ta’ Koeżjoni.

3. Kooperazzjoni għal kapaċità amministrattiva fil-livell reġjonali u lokali

L-amministrazzjonijiet pubbliċi reġjonali u lokali huma l-eqreb tan-nies u għandhom rwol ewlieni fl-għoti tas-servizzi ta’ prossimità. Huma jimplimentaw 70 % tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, 90 % tal-politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, u 65 % tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 52 . Dawn jixprunaw l-aġenda pubblika tal-innovazzjoni, jippjanaw u jimplimentaw investimenti bl-użu ta’ fondi tal-UE permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-post, u huma fuq quddiem nett tal-impatti tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ċivili u l-koeżjoni soċjali. Huma wkoll qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet u t-tħassib f’livell lokali, f’termini ta’ protezzjoni ambjentali, akkomodazzjoni, mobilità, kultura u edukazzjoni 53 .

L-amministrazzjonijiet pubbliċi reġjonali u lokali jesperjenzaw ħafna mill-isfidi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali, iżda għandhom ukoll l-ispeċifiċitajiet tagħhom stess. Il-biċċa l-kbira tal-amministrazzjonijiet lokali huma relattivament żgħar, spiss ma jkollhomx biżżejjed riżorsi u ma jkollhomx esperti 54 . Firxa ta’ responsabbiltajiet teħtieġ kuntatt dirett man-nies. Il-mobilità professjonali u l-aċċess għat-taħriġ u l-għarfien għandhom it-tendenza li jkunu relattivament limitati, il-karrieri għandhom it-tendenza li jkunu itwal, u l-ġabra ta’ ħiliet tiddependi fuq il-livell ġenerali tal-iżvilupp lokali u l-attività ekonomika. Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, kif ukoll il-kuntesti soċjoekonomiċi u ġeografiċi differenti, l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali jirrikjedu appoġġ speċifiku biex iħejju politiki mfassla apposta għall-ispeċifiċitajiet lokali, kif ukoll jiżviluppaw strateġiji fuq l-iskala territorjali it-tajba li jindirizzaw kwistjonijiet kumplessi bħall-interazzjoni urbana-rurali, l-għoti ta’ permessi, l-akkwist pubbliku ekoloġiku, l-innovazzjoni u fatturi ewlenin oħra ta’ żvilupp lokali bbilanċjat. Il-kapaċità u l-kapaċitajiet limitati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri fil-livell reġjonali u lokali jistgħu wkoll ifixklu l-użu effettiv tal-finanzjament disponibbli, inkluż dak li jsir permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Il-Kummissjoni:

·Se tkompli tespandi l-aċċess tal-entitajiet reġjonali u lokali għat-TSI, fuq bażi mmexxija mid-domanda, inkluż permezz ta’ inizjattivi bħall-inizjattiva ewlenija tat-TSI dwar li “Negħlbu l-ostakli għall-iżvilupp reġjonali” 55 . [mir-raba’ trimestru tal-2023]

·Se torganizza Jum annwali tal-Amministrazzjoni Pubblika Lokali fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, ospitata b’mod konġunt mill-Kummissjoni. L-avveniment se jagħti lill-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali opportunità biex jiddiskutu l-isfidi speċifiċi ta’ governanza tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-organizzazzjonijiet umbrella tal-UE tal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali se jkunu involuti fil-kontribut għad-diskussjonijiet u t-tagħlim reċiproku. L-avveniment se jidentifika modi speċifiċi u prattiċi li bihom il-Kummissjoni tista’ tappoġġja l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom għall-modernizzazzjoni u l-bini tal-kapaċità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora aktar modi biex tiffaċilita l-ħolqien ta’ konsorzji u sħubiji ta’ awtoritajiet lokali li jistgħu jiġbru flimkien il-kompetenzi meħtieġa biex jittrattaw proġetti fuq skala kbira. [mit-tielet trimestru tal-2024]

·Se tapprofondixxi r-riċerka tagħha dwar il-limitazzjonijiet u l-opportunitajiet tal-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali; u twettaq studji u stħarriġiet immirati li se jservu bħala l-bażi tal-edizzjonijiet li jmiss tar-Rapport dwar il-Koeżjoni. [mit-tielet trimestru tal-2024]

4. Għodod għall-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika

Sabiex jiġi żgurat li l-kapaċità u l-professjonaliżmu jkunu stabbli, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jantiċipaw l-iżvilupp fit-tul tal-forza tax-xogħol tagħhom u l-ħiliet li se jeħtieġu. Madankollu, l-ippjanar tal-forza tax-xogħol, l-analiżi sistematika tad-data tar-riżorsi umani u l-antiċipazzjoni tal-profili tal-impjiegi għadhom relattivament limitati. Katalogu ta’ referenza ta’ oqfsa ta’ kompetenza, il-“Passaport tal-kompetenzi ewlenin”, jgħin biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet u jittejbu l-approċċi ta’ reklutaġġ u ta’ żvilupp tal-karriera.

Il-“Passaport” se jkun ibbażat fuq oqfsa ta’ kompetenza nazzjonali u tal-UE eżistenti 56 , bħat-tfassil tal-politika, il-ġestjoni tal-fondi, l-akkwist pubbliku, it-tassazzjoni, id-dwana, l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku u l-ġestjoni tal-proġetti. Dan se jiġi estiż għal oqsma ġodda 57 bħall-ħiliet diġitali, il-ħiliet intraprenditorjali, il-ħiliet ta’ tmexxija, il-ġestjoni tal-investimenti, kif ukoll l-innovazzjoni.

Il-mudell ta’ kompetenza “Tfassil ta’ Politika Innovattiva” għat-tfassil tal-politika

Dan il-qafas ta’ kompetenza ġie żviluppat mill-Kummissjoni u jkopri kompetenzi trażversali rilevanti għal dawk li jfasslu l-politika matul iċ-ċiklu ta’ politika. Dan jistabbilixxi perspettiva orjentata lejn il-futur għal rwoli differenti fit-tfassil tal-politika. Is-36 kompetenza jinqasmu f’seba’ gruppi: l-għoti tal-pariri f’livell ta’ politika, l-innovazzjoni, il-ħidma abbażi ta’ evidenza, it-tħejjija għall-futur, l-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati, il-kollaborazzjoni, u l-komunikazzjoni. Dan il-qafas jikkomplementa l-qafas immirat lejn ir-riċerkaturi (ix-“Xjenza għall-politika”), li l-kompetenzi tiegħu jinqasmu f’ħames gruppi: il-fehim tal-politika, il-parteċipazzjoni fit-tfassil tal-politika, il-komunikazzjoni, l-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati, u l-kollaborazzjoni.

Abbażi ta’ oqfsa ta’ kompetenza eżistenti, il-Kummissjoni żviluppat diversi għodod biex tivvaluta l-ħiliet meħtieġa għal oqsma differenti ta’ kompetenza u se tesplora l-ħtieġa tal-Istati Membri għal għodod simili.

Barra minn hekk, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġu data u informazzjoni tematika biex jitgħallmu aktar dwar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-kompetenzi tagħhom. Id-data komparattiva dwar l-amministrazzjoni pubblika għadha relattivament limitata.

Il-Kummissjoni:

·Se tiżviluppa “Passaport ta’ kompetenzi ewlenin” applikabbli għall-impjiegi u r-rwoli fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, inklużi l-ħiliet ta’ tmexxija. Il-“Passaport” se jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jfasslu politiki moderni u avvanzati biex jiżviluppaw ir-riżorsi umani tagħhom, iħejju għall-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri u jgħinu fil-mobilità intra-UE tal-impjegati taċ-ċivil. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tappoġġa lill-Istati Membri fl-immodernizzar tal-politiki tagħhom dwar ir-riżorsi umani, billi tiggwida u tiġġestixxi t-trasferiment ta’ oqfsa ta’ kompetenza u għodod tar-riżorsi umani (pereżempju, biex jiġu identifikati lakuni fil-ħiliet fil-forza tax-xogħol tagħhom) fil-kuntest organizzazzjonali tagħhom. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se taġġorna u tespandi s-Sett ta’ Għodod għall-Kwalità tal-Amministrazzjoni Pubblika 58 biex tiggwida l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tiżviluppa metodoloġiji għall-indikaturi rilevanti tal-amministrazzjoni pubblika, tgħin fit-titjib tal-għodod eżistenti għall-produzzjoni tad-data, twettaq studji madwar l-UE dwar suġġetti rilevanti, bħall-attraenza tal-amministrazzjoni pubblika, l-effetti tal-bidliet demografiċi u l-futur tal-impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika. Se tippromwovi fuq il-Portal tal-Amministrazzjoni Pubblika firxa wiesgħa ta’ data u ta’ informazzjoni dwar l-istatus u l-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

Pilastru 2: Il-kapaċità għad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa

Id-deċennju Diġitali jistabbilixxi l-miri, sal-2030, li 100 % tas-servizzi pubbliċi ewlenin ikunu aċċessibbli online għan-nies u għan-negozji, u jagħti lin-nies kollha aċċess għar-rekords mediċi tagħhom online u għal identifikazzjoni elettronika sigura (eID) rikonoxxuta fl-UE kollha filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-persuni li ma għandhomx aċċess sħiħ għas-servizzi diġitali jew li għandhom din il-kapaċità limitata. Id-diġitalizzazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi, l-involviment fi tħejjijiet tekniċi għall-provvediment ta’ kartieri tal-identità diġitali Ewropej sal-2026, iż-żieda fl-iskambji awtomatizzati ta’ evidenza u informazzjoni 59 biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi diġitali ffukati fuq l-utent u biex jitjiebu l-ħiliet diġitali tal-persunal huma prerekwiżiti importanti biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jilħqu dawn il-miri. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu joħolqu titjib fl-effiċjenza li jammonta għal bejn EUR 439 miljun u EUR 1,3 biljun fis-sena billi jżidu l-użu tas-servizzi pubbliċi diġitali b’sa 80 % sal-2030 60 . It-titjib fl-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali jista’ jwassal għal iffrankar sa EUR 6,3 miljun għan-nies, u bejn EUR 5,7 u EUR 19,2 biljun għan-negozji 61 . L-objettivi tad-Deċennju Diġitali jiggwidaw lill-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz tat-trasformazzjoni diġitali tagħhom stess u jappoġġaw l-adattament tagħhom għall-bidliet teknoloġiċi.

L-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji diġitali u l-użu tagħhom jirrikjedu adattament attiv tal-qafas legali 62 : mill-użu tal-għodod diġitali, għad-disponibbiltà, l-iskambju u l-interoperabbiltà tad-data, għall-użu etiku tal-IA u teknoloġiji diġitali oħra. Minbarra t-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet diġitali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jħaddnu l-interoperabbiltà, jisfruttaw id-disponibbiltà akbar ta’ ammont kbir ta’ data, jiddiġitalizzaw il-proċeduri amministrattivi, u jkunu lesti għall-IA. Jenħtieġ li jsaħħu wkoll il-kooperazzjoni tagħhom dwar il-governanza diġitali fl-UE biex jikkondividu u jiżviluppaw b’mod konġunt soluzzjonijiet, jevitaw il-frammentazzjoni, jiġbru flimkien ir-riżorsi tal-ipproċessar tad-data u jtejbu l-kondiviżjoni tad-data. Dan inaqqas id-distakk diġitali billi jagħmel is-servizzi pubbliċi aktar inklużivi u aċċessibbli għal kulħadd.

L-azzjonijiet taħt dan il-pilastru se jiġu implimentati primarjament permezz tat-TSI u mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħall-Programm Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2.

5. Amministrazzjoni pubblika diġitali li tibqa’ valida fil-futur

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jadottaw teknoloġiji diġitali filwaqt li jbiddlu l-mod li bih joperaw. Huma mistennija jipprovdu servizzi mingħajr xkiel u faċli għall-utent għan-nies, għan-negozji, u għall-persunal tagħhom stess. Dan ta’ spiss jinvolvi trasformazzjoni (diġitali) profonda biex jitfasslu mill-ġdid il-proċessi attwali jew jinbidlu l-politiki, tiġi ssimplifikata l-ħajja ta’ kuljum tan-nies u jittejjeb l-ambjent tan-negozju billi titnaqqas il-burokrazija.

Permezz tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni diġitali tal-UE, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jikkollaboraw b’mod aktar effettiv, jallinjaw l-isforzi tagħhom mal-objettivi tal-UE kollha, u jistabbilixxu infrastrutturi u servizzi diġitali u tad-data aktar reżiljenti u sostenibbli. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi l-qafas għall-iskambju effettiv u sigur tad-data u l-interoperabbiltà bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni strutturata bejn l-uffiċċji tat-trasformazzjoni diġitali tal-Istati Membri, normalment l-Uffiċjali Ewlenin tal-Informazzjoni, huwa essenzjali għall-interoperabbiltà tas-settur pubbliku tal-UE. Dan jiffaċilita proġetti konġunti ta’ innovazzjoni, jippermetti l-użu mill-ġdid ta’ teknoloġiji ttestjati, u jnaqqas il-kost u r-riskju tal-investiment, u jippermetti l-introduzzjoni aktar rapida u aktar sikura ta’ servizzi pubbliċi diġitali konnessi 63 . Barra minn hekk, id-Direttiva NIS2 64 tirrikjedi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jieħdu miżuri taċ-ċibersigurtà xierqa u proporzjonati u jiżguraw il-forniment sigur tas-servizzi tagħhom. Fl-2023, ġew allokati EUR 30 miljun fil-Programm Ewropa Diġitali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà.

Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-governanza pubblika fl-UE kollha billi tiġbor u tanalizza d-data, prinċipalment minn mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti jew emerġenti 65 , u billi tikkondividi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet. Qed tistudja wkoll l-impatt, ir-riskji u l-opportunitajiet tal-IA u tat-teknoloġiji emerġenti għall-amministrazzjonijiet pubbliċi 66 .

It-TSI diġà appoġġa 180 riforma ta’ trasformazzjoni diġitali fl-Istati Membri kollha biex jiġu żviluppati strateġiji għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali ġodda, tissaħħaħ il-governanza diġitali, jinħolqu prototipi, jew jiġu ttestjati soluzzjonijiet ġodda. Fl-istess ħin, il-RRPs jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’37 % tan-nefqa diġitali, jew EUR 53 biljun, iddedikati għas-servizzi pubbliċi diġitali u l-gvern elettroniku. Ir-riformi għandhom l-għan li jintroduċu jew itejbu soluzzjonijiet tal-e-Gvern, bħall-użu tal-e-Identifikazzjoni, biex jiżguraw l-interoperabbiltà tal-pjattaformi diġitali pubbliċi u biex itejbu l-ġbir u l-ġestjoni tad-data. L-investimenti għandhom l-għan li jintegraw it-teknoloġiji avvanzati fil-proċessi tal-gvern, kif ukoll li jsaħħu ċ-ċibersigurtà. L-investimenti ppjanati fil-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027 li jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali jammontaw għal aktar minn EUR 39 biljun. Dan jinkludi EUR 11,2 biljun previsti għas-servizzi diġitali u għad-diġitalizzazzjoni tan-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. 

Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni pubblika-privata “GovTech” li tixpruna l-innovazzjoni fis-settur pubbliku u tgħin biex is-servizzi pubbliċi jsiru aktar aċċessibbli, inklużivi u effiċjenti. Iċ-ċentru tal-għarfien u spazju virtwali li juri l-esperjenzi jippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti, bħad-dinjiet virtwali u l-Web 4.0, fis-settur pubbliku (Public Sector Tech Watch) 67 . Il-Kummissjoni tikkofinanzja Faċilitajiet tal-Ittestjar u tal-Esperimentazzjoni bl-IA għal Bliet u għal Komunitajiet Intelliġenti permezz ta’ proġett ta’ ħames snin li jiswa EUR 40 miljun u li jiffoka fuq il-klima, l-ambjent, il-mobilità u infrastrutturi lokali oħra. 

Jistgħu jiġu stabbiliti sinerġiji aħjar bejn l-għoti ta’ appoġġ tekniku u l-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa għall-implimentazzjoni tad-Deċennju Diġitali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli tikkondividi prattiki tajbin u tippromwovi b’mod attiv il-pilotaġġ u l-adozzjoni operazzjonali taħt it-TSI ta’ mudelli u prototipi żviluppati taħt diversi programmi oħra tal-UE (b’mod partikolari Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali u l-Ġustizzja).

Il-Kummissjoni:

·Se tappoġġa lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni diġitali u relatata mad-data u tkompli tixprunhom biex jintegraw it-teknoloġiji tal-IA fl-operat tagħhom b’mod sikur u affidabbli, biex jissorveljaw it-teknoloġiji tal-IA, isaħħu ċ-ċibersigurtà u jfasslu u jimplimentaw politiki pubbliċi, inkluż biex jappoġġaw il-konverġenza tal-prattiki tal-akkwist pubbliku. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tippromwovi l-użu sostenibbli u effettiv ta’ teknoloġiji emerġenti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ standards miftuħa jew bl-appoġġ għal servizzi pubbliċi transfruntieri bl-użu ta’ teknoloġiji deċentralizzati bħat-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit (eż. il-blockchain). [mill-ewwel trimestru tal-2024]

L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw opportunitajiet eżistenti u ġodda biex iżidu t-tħejjija diġitali tagħhom, inkluż permezz ta’ appoġġ tekniku u parteċipazzjoni f’komunitajiet ta’ prattika. Huma mħeġġa wkoll jippromwovu dawn l-opportunitajiet fl-amministrazzjonijiet tagħhom u jappoġġaw l-integrazzjoni sigura tal-IA u ta’ teknoloġiji diġitali oħra fl-operazzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, il-pjattaforma tal-IA fuq talba se tappoġġa l-adozzjoni ta’ teknoloġiji tal-IA affidabbli, etiċi u trasparenti mill-industrija u mis-settur pubbliku. Barra minn hekk, huma jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv f’Konsorzji Ewropej tal-Infrastruttura Diġitali eżistenti u futuri għal xejriet u programmi emerġenti bħad-dinjiet virtwali u CitiVerses.

6. Oqfsa, linji gwida, u għodod għat-trasformazzjoni diġitali

L-UE għandha l-għan li tiżgura li s-servizzi jkunu aċċessibbli għall-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni, f’konformità mal-valuri u l-prinċipji miftiehma fil-qasam diġitali 68 bħall-prinċipju ta’ “darba biss” u ċ-ċentralità tal-bniedem. Iż-żieda fl-interoperabbiltà hija essenzjali f’dan ir-rigward, peress li tippermetti armonizzazzjoni legali, organizzazzjonali, semantika u teknika għall-iskambju transfruntier tad-data, kif irrakkomandat mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. L-interoperabbiltà hija kruċjali biex jiġu eliminati l-ostakli għas-Suq Uniku u biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi diġitali interkonnessi. Ġew żviluppati soluzzjonijiet interoperabbli speċifiċi f’diversi oqsma 69 , bħad-dwana, l-akkwist pubbliku jew il-leġiżlazzjoni 70 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet speċifiċi biex ittejjeb il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali permezz ta’ aktar diġitalizzazzjoni 71 . Bil-parteċipazzjoni tagħha fil-moviment Living-in.EU, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-bliet u lill-komunitajiet biex iżidu s-soluzzjonijiet diġitali interoperabbli u miftiehma b’mod komuni biex jipprovdu servizzi aktar infurmati, innovattivi u ta’ kwalità għolja lin-nies u lin-negozji.

L-isforzi lejn l-interoperabbiltà huma multidimensjonali u jinkludu l-interkonnessjoni tal-infrastrutturi rilevanti, bħall-infrastrutturi tal-cloud, il-qafas legali li jmiss dwar l-identità diġitali, li jipprevedi speċifikazzjonijiet komuni għall-Kartieri tal-Identità Diġitali tal-UE, u l-ispazji tad-data għall-amministrazzjoni pubblika 72 .

Sistema Teknika ta’ Darba Biss

Ir- Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika 73 jipprovdi l-qafas legali għall-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data għall-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jikkondividu l-informazzjoni b’mod affidabbli. Sa Diċembru 2023, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jistabbilixxu spazju tad-data minn gvern għal gvern, magħruf bħala s-Sistema Teknika ta’ Darba Biss. Dan se jiffaċilita u jħaffef b’mod sinifikanti l-proċeduri amministrattivi transfruntieri għall-kondiviżjoni tad-data u d-dokumenti koperti mill-Gateway Diġitali Unika. Għalhekk se jkun aktar faċli għan-nies li jistudjaw, jiċċaqalqu, jaħdmu, jirtiraw, u għall-kumpaniji u l-SMEs biex iwettqu attivitajiet ta’ negozju fl-UE kollha. Is-sistema se tgħaqqad l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE kollha sabiex ikunu jistgħu jiskambjaw dokumenti u data uffiċjali meħtieġa għal dawn il-proċeduri amministrattivi fuq talba taċ-ċittadini jew tal-kumpaniji.

Il-Kummissjoni:

·Se tappoġġa t-twassil ta’ servizzi amministrattivi online kompletament aċċessibbli bl-użu tal-Gateway Diġitali Unika, l-inizjattiva tal-e-Gvern, biex tiġi diġitalizzata l-amministrazzjoni pubblika u l-iskambju awtomatizzat ta’ evidenza ġestit bis-Sistema Teknika ta’ Darba Biss u l-verifika tal-awtentiċità tal-evidenza permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern 74 . Se tkompli tiffaċilita l-interoperazzjoni tal-ispazji komuni Ewropej tad-data u tippromwovi aktar l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi bejn il-fruntieri, permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali. [mir-raba’ trimestru tal-2023]

·Se tiżviluppa għodod għal aktar interoperabbiltà u għall-forniment ta’ servizzi bla xkiel, b’mod partikolari tista’ tistabbilixxi Ċentru ta’ Appoġġ għal Ewropa Interoperabbli, li jappoġġa lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-istabbiliment ta’ valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà u fil-promozzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, kif ukoll l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu, bħal dik għall-bliet u l-komunitajiet intelliġenti. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tippubblika ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet ta’ finanzjament għat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-sinerġiji bejniethom. [mir-raba’ trimestru tal-2024]

·Se tappoġġa l-federazzjoni tal-kapaċitajiet tal-cloud fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex trawwem il-bażi teknoloġika tagħhom u ttejjeb it-twassil tagħhom tas-servizzi pubbliċi 75 . Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni se takkwista pjattaforma għall-middleware intelliġenti b’sors miftuħ, tippubblika gwida dwar l-akkwist pubbliku tas-servizzi tal-cloud u trawwem l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-cloud tal-amministrazzjoni pubblika. [mir-raba’ trimestru tal-2024]

L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw l-opportunitajiet li jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tagħhom, bħat-TSI u mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament tal-UE kif ukoll it-taħriġ u l-għodod immirati. Huma jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fl-isforzi tal-Kummissjoni biex jiġi ffaċilitat l-iskambju elettroniku tad-data bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi bejn il-fruntieri u biex titjieb l-interoperabbiltà tagħhom. Huma jistgħu jużaw ukoll l-appoġġ tal-Kummissjoni biex jiddiġitalizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom permezz tal-leġiżlazzjoni, il-finanzjament, l-iżvilupp ta’ għodod tal-IT u l-promozzjoni ta’ strumenti nazzjonali ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ.

Pilastru 3: Il-kapaċità ta’ rwol ta’ tmexxija fit-tranżizzjoni ekoloġika

L-UE impenjat ruħha li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u li tagħti spinta lill-użu effiċjenti tar-riżorsi filwaqt li tiżgura l-ġustizzja soċjali u l-inklużività. Id-dekarbonizzazzjoni rapida tal-produzzjoni tal-elettriku u l-użu tal-enerġija huwa l-ewwel stadju importanti, li jeħtieġ li jiġi kkomplementat minn bidliet aktar profondi f’setturi bħall-kostruzzjoni, it-trasport, il-kummerċ, l-agrikoltura, l-iskart u l-ġestjoni tal-ilma. Il-bliet huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi peress li jirrappreżentaw 70-80 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE u 80 % tal-popolazzjoni tal-UE. It-tibdil fil-klima jirrikjedi li tingħata spinta lir-reżiljenza tal-infrastruttura, kif ukoll kapaċità li tindirizza sfidi bħal temp estrem, diżastri naturali frekwenti, nuqqas ta’ ilma, eċċ. Dawn huma mistennija li jkollhom impatt negattiv fuq il-bijodiversità, b’effetti profondi fuq l-ambjent, u min-naħa l-oħra fuq il-produzzjoni tal-ikel u l-bjar tal-karbonju.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom rwol ewlieni fit-tiswir tal-kundizzjonijiet għall-ekonomiji u s-soċjetajiet biex jilħqu l-miri ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija għall-2030, u għandhom ikunu ta’ eżempju. Jeħtieġ li jintegraw it-tranżizzjoni ekoloġika fl-oqsma ta’ politika u fil-livelli ta’ governanza kollha, abbażi ta’ ppjanar integrat, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt b’saħħithom, u konsultazzjonijiet wiesgħa biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Jeħtieġ li jadattaw il-finanzi pubbliċi biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u l-ġustizzja soċjali permezz ta’ politiki tat-taxxa xierqa, ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, ta’ finanzi sostenibbli, u ta’ investimenti li jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Jenħtieġ li jippromwovu l-integrazzjoni sistematika ta’ miżuri li jappoġġaw ekosistemi b’saħħithom, infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fid-deċiżjonijiet pubbliċi u privati. Jeħtieġ li jiżguraw kapaċità adegwata għal riformi u investimenti ekoloġiċi fil-livelli kollha tal-gvern 76 .

L-azzjonijiet taħt dan il-pilastru se jiġu implimentati primarjament permezz tat-TSI.

7. It-tiswir tat-tranżizzjoni ekoloġika

Il-Kummissjoni kostantement għamlet sforzi biex tibni qafas komprensiv biex tilħaq l-objettiv tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, tal-protezzjoni ambjentali u tal-effiċjenza enerġetika fl-UE. Pereżempju, il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, toffri assistenza teknika lill-Istati Membri dwar valutazzjonijiet ex post tal-politiki u l-miżuri, u r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni tappoġġa t-tħejjija tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima u l-istrateġiji fit-tul, l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta, l-ibbaġitjar ekoloġiku u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Hija tibni l-kapaċità biex tidentifika u tikkondividi prattiki ta’ politiki u ta’ miżuri tajbin, u biex tistabbilixxi djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija 77 . 

L-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-bidliet trasformattivi fis-sistemi tal-enerġija. Barra minn hekk, minħabba t-theddid emerġenti fis-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi tal-enerġija, dawn jeħtieġu kapaċità adegwata ta’ rispons għall-emerġenzi. Biex jagħmlu dan, jenħtieġ li jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom, b’mod partikolari billi jtejbu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattiki tajba, jiffaċilitaw l-analiżi tal-interdipendenzi transsettorjali u transfruntieri, u jwettqu eżerċizzji ta’ ttestjar 78 . B’mod aktar wiesa’, jeħtieġ li jżidu r-riformi għall-effiċjenza enerġetika u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-mobilità, l-ekonomija ċirkolari, il-bijodiversità u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, il-kwalità tal-arja, il-valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku u l-bini ta’ xenarji, l-użu tal-art u l-forestrija.

Il-Kummissjoni:

·Se tappoġġa lill-Istati Membri fl-aġġornament tal-Istrateġiji u l-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, f’konformità mal-linji gwida 79 , kif ukoll fl-issodisfar ta’ obbligi ġodda, bħal dawk li jirriżultaw mir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tippromwovi l-implimentazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, inkluż l-adozzjoni ta’ gwida dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u gwida oħra rilevanti għall-ambjent. Dan se jgħin biex jinbnew il-kapaċità u l-għodod għall-ibbaġitjar pubbliku ekoloġiku, l-ekoloġizzazzjoni tal-investimenti pubbliċi u l-akkwist pubbliku ekoloġiku (pereżempju, billi jissaħħaħ l-użu ta’ approċċi li jirriflettu l-kostijiet u l-benefiċċji soċjetali u ambjentali fit-tul, inklużi l-valuri tal-kapital naturali, u l-kriterji tal-effiċjenza enerġetika). [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tippromwovi għodod u metodi għall-valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku u l-prevenzjoni tar-riskju, bħal valutazzjonijiet tar-riskju speċifiċi għal settur jew għal politika (il-Valutazzjoni tar-Riskju Nazzjonali għall-Ġestjoni tad-Diżastri taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; il-valutazzjonijiet tar-riskju makrofinanzjarju) u l-valutazzjonijiet tar-riskju lokali (bħal fis-sett ta’ għodod għall-Adattament għall-Klima). [mill-ewwel trimestru tal-2024]

·Se tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw kapaċitajiet biex jippjanaw, ifasslu u jimplimentaw miżuri ta’ restawr tal-ekosistema u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħala miżuri kosteffettivi u ambjentalment pożittivi biex jinżammu s-servizzi essenzjali tal-ekosistema. [mit-tieni trimestru tal-2024]

·Se tuża r-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali 80 biex tidentifika l-kawżi ewlenin tal-implimentazzjoni ineffiċjenti tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali mill-Istati Membri bil-ħsieb li jitfasslu miżuri ta’ appoġġ biex tittejjeb il-governanza ambjentali. [mit-tieni trimestru tal-2025]

8. Il-promozzjoni tal-ekoloġizzazzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika

Minbarra li jsawru t-tranżizzjoni ekoloġika, l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha jenħtieġ li jmexxu bl-eżempju, billi jadattaw il-ġestjoni organizzattiva tagħhom stess u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar l-ekoloġizzazzjoni 81 . L-ekoloġizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tista’ tinkludi prattiki għall-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-ġestjoni tal-assi, inklużi binjiet u spazji tax-xogħol reżiljenti għat-tibdil fil-klima, standards minimi għat-tul tal-ħajja dwar l-użu tal-IT u tagħmir ieħor, ir-riċiklaġġ, l-akkwist pubbliku ekoloġiku, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju proprji u l-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-RRF u l-Politika ta’ Koeżjoni jappoġġaw b’mod wiesa’ r-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-binjiet tal-amministrazzjoni pubblika u xi Stati Membri inkludew miżuri dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-flotot tagħhom u l-promozzjoni ta’ modi flessibbli ta’ ħidma għall-impjegati taċ-ċivil fl-RRPs tagħhom.

Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” 82 jirrikjedi li s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, pereżempju, jiġu kkunsidrati fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar, tal-politika u tal-investiment tas-sistemi tal-enerġija u tas-setturi mhux tal-enerġija. L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tistabbilixxi miri għat-tnaqqis annwali fil-konsum tal-enerġija għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha, għar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi fl-akkwist pubbliku.

Barra minn hekk, il-prattiki jistgħu jippromwovu l-kummerċ ġust u l-ikel sostenibbli, u l-parteċipazzjoni fi proġetti li jippromwovu l-bijodiversità u s-sostenibbiltà f’kuntesti urbani u mhux urbani; u jinkoraġġixxu mġiba li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent tal-impjegati tagħhom (eż. meta jivvjaġġaw lejn ix-xogħol jew jivvjaġġaw fuq xogħol).

L-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-UE (EMAS)

Il-Kummissjoni stabbiliet din l-iskema biex tgħin lill-organizzazzjonijiet itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom billi jiffrankaw l-enerġija u riżorsi oħra, filwaqt li tiffoka fuq il-konformità legali u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persunal. Din tipprovdi metodu għall-evalwazzjoni u t-tnaqqis tal-impatti ambjentali tagħhom u sistema ta’ governanza b’verifika indipendenti minn partijiet terzi għal aktar kredibbiltà. Mal-286 amministrazzjoni pubblika fl-Ewropa kollha diġà impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom u diġà huma rreġistrati fl-iskema.

Il-Kummissjoni:

·Se tiżviluppa aktar gwida dwar l-użu tal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-UE, biex iżżid it-tnaqqis tal-impronta ambjentali tal-organizzazzjonijiet, u tappoġġa l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-iskema. [mir-raba’ trimestru tal-2023]

·Se tippromwovi u tappoġġa l-użu ta’ metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju organizzazzjonali; tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar it-tranżizzjoni ekoloġika. [mit-tieni trimestru tal-2024]

·Se tiffaċilita l-aċċess għall-appoġġ tekniku u gwida għad-dekarbonizzazzjoni u għat-titjib tas-sostenibbiltà ġenerali tal-bini, kif ukoll għat-tisħin effiċjenti fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod partikolari fil-livell lokali. [mit-tieni trimestru tal-2024]

It-triq ’il quddiem

Il-ComPAct jipproponi azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati gradwalment, primarjament permezz tat-TSI u mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament tal-UE bl-għan li tiġi promossa l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa kollha u tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta’ prinċipji li huma fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-ComPAct skont ir-rekwiżiti ta’ rapportar tat-TSI. It-tagħlimiet meħuda se jiggwidaw lill-Kummissjoni lejn saħansitra għodod tal-UE mmirati aħjar li jappoġġaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-futur.

L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-ComPAct bil-pass tagħhom stess u skont il-ħtiġijiet u l-kuntesti istituzzjonali rispettivi tagħhom. Huma jistgħu jagħżlu mill-azzjonijiet imressqa mill-ComPAct, li huma mmexxija mid-domanda. L-għodod, il-metodoloġiji, l-appoġġ bejn il-pari, l-esperjenzi u l-iskambji tal-prattiki mressqa se jgħinu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jitgħallmu, ikunu innovattivi, u jtejbu l-prattiki u l-prestazzjoni.

Il-ComPAct se jikkomplementa u jżid il-valur lil forom eżistenti oħra ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE, bħan-Network Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EUPAN), in-Network tad-Diretturi tal-Istituti u l-Iskejjel tal-Amministrazzjoni Pubblika (DISPA), kif ukoll f’fora internazzjonali u bejn networks ta’ esperti.

Il-ComPAct se jkun jista’ juża l-potenzjal sħiħ tiegħu permezz ta’ impenn qawwi mill-atturi u l-partijiet ikkonċernati kollha fl-Ispazju Amministrattiv Ewropew biss. Għall-implimentazzjoni tal-ComPAct, il-Kummissjoni se tinteraġixxi ma’ awtoritajiet fl-Istati Membri li jiġġestixxu l-iżvilupp tal-amministrazzjoni pubblika f’livelli differenti, istituti li jipprovdu taħriġ, entitajiet oħra fejn xieraq, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati bħas-sħab soċjali, id-dinja akkademika u l-esperti. Dan l-impenn kontinwu se jkun fundamentali wkoll biex jiġu identifikati temi rilevanti u azzjonijiet futuri fejn l-appoġġ tal-UE għall-amministrazzjonijiet pubbliċi jista’ jġib valur miżjud. Il-grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza se jkompli jkun pjattaforma ewlenija għad-djalogu. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tikkontribwixxi għad-djalogu politiku fil-laqgħat ministerjali organizzati taħt il-Presidenzi tal-UE. L-involviment attiv tal-Istati Membri u r-rieda msaħħa tagħhom li jaqsmu l-esperjenzi ta’ riforma tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom, li jitgħallmu minn oħrajn u li jappoġġawhom, se jkunu deċiżivi biex jintlaħqu l-għanijiet u l-ambizzjoni tal-ComPAct.

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021 .

(2)

COM (2023) 168 final dwar Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 .

(3)

 COM (2020) 274 final dwar L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza .

(4)

 Data mill- Eurostat (2021).

(5)

 Dan jinkludi data mill- Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE għas-setturi tal-amministrazzjoni pubblika, tad-difiża, tas-sigurtà soċjali obbligatorja, tal-edukazzjoni, u tas-saħħa (2022).

(6)

 Data mill- Eurostat (2020).

(7)

Din iċ-ċifra tirreferi għall-offerti pubbliċi li jaqbżu l-valuri tal-kuntratt speċifiċi ppubblikati fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (is-serje S):   https://simap.ted.europa.eu/en_GB/web/simap/european-public-procurement .

(8)

 Il-Kummissjoni Ewropea, It-8 Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali .

(9)

COM (2023) 32 final dwar L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa .

(10)

  Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea .

(11)

  Pakkett kontra l-korruzzjoni .

(12)

 Pereżempju, permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz għall-permessi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ proġetti b’emissjonijiet żero netti. COM (2023) 62 final dwar Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti .

(13)

Il-Bank Dinji, l-Indiċi tal-Effikaċja tal-Gvern.

(14)

OECD (2023), Amministrazzjonijiet pubbliċi aktar reżiljenti wara l-COVID-19 . Rapport mill-proġett tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku dwar “It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi wara l-kriżi tal-COVID-19 permezz tal-CAF 2020”.

(15)

It-tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-UE, l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali tal-UE, il-Prospettiva tal-Politika Regolatorja tal-OECD.

(16)

Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-kost ta’ prestazzjoni insuffiċjenti fl-amministrazzjoni pubblika. Pubblikazzjoni li trid toħroġ.

(17)

Ewrobarometru Speċjali 523 Nifhmu l-fehmiet tal-Ewropej dwar il-ħtiġijiet ta’ riformas (April 2023).

(18)

L-Orizzont Ewropa sponsorja L-Osservatorju tal-Innovazzjoni fis-Settur Pubbliku (Observatory of Public Sector Innovation, OPSI) tal-OECD, li jipprovdi gwida u pariri mfassla apposta dwar modi kif il-gvernijiet jistgħu jappoġġaw l-innovazzjoni, inklużi approċċi ta’ innovazzjoni antiċipatorja.

(19)

Il-Kummissjoni Ewropea, SWD (2022) 346, L-Appoġġ u l-Irbit tat-Tfassil tal-Politika fl-Istati Membri mar-Riċerka Xjentifika .

(20)

OECD (2023), It-tisħiħ tal-attraenza tas-servizz pubbliku fi Franza: Lejn Approċċ Territorjali .

(21)

Ara n-nota 17 f’qiegħ il-paġna (Ewrobarometru).

(22)

Suġġett speċifiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2021/C 66/01 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha (2021-2030) .

(23)

Il-Parlament Ewropew (2016), Ir-Riforma tas-Settur Pubbliku: Kif jintuża l-baġit tal-UE biex jinkoraġġiha .

(24)

  It-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza .

(25)

  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku .

(26)

Il-Kummissjoni Ewropea, SWD (2021) 101,  Appoġġ lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE biex iwettqu r-riformi u jitħejjew għall-future .

(27)

  TAIEX .

(28)

Il-Kummissjoni Ewropea, C(2021) 9535 final, It-twaqqif tal-grupp ta’ esperti dwar l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza .

(29)

  EUPAN – Network Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika .

(30)

  Laqgħa informali tal-Ministri tal-Amministrazzjoni Pubblika tal-UE (2021) .

(31)

  Id-dikjarazzjoni ta’ Strasburgu dwar il-valuri u l-isfidi komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (2022) .

(32)

Studju tal-Aġenzija Żvediża għall-Amministrazzjoni Pubblika mwettaq fi ħdan l-EUPAN (2023), Amministrazzjoni tajba fil-pajjiżi Ewropej .

(33)

Terminu użat biex jiddeskrivi konverġenza dejjem akbar tal-prattiki amministrattivi fost l-Istati Membri abbażi ta’ valuri u ta’ prinċipji kondiviżi, lejn standards u approċċi komuni tal-operat.

(34)

Abbażi tal-Prinċipji tal-Amministrazzjoni Pubblika, SIGMA (il-kollaborazzjoni EU – OECD). Reviżjoni prevista għall-2023.

(35)

Il-Kummissjoni Ewropea, C(2022) 2229 final, Strateġija ġdida dwar ir-Riżorsi Umani għall-Kummissjoni ; C(2022) 4388 final, L-istrateġija diġitali tal-Kummissjoni Ewropea ; C(2022) 2230 final, L-ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni .

(36)

Ara n-nota 31 f’qiegħ il-paġna (id-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu).

(37)

Il-Parlament Ewropew (2019), Ir-Riżoluzzjoni dwar il-valutazzjoni ta’ kif il-baġit tal-UE jintuża għar-riforma tas-settur pubbliku .

(38)

Il-Kumitat tar-Reġjuni (2019), It-titjib tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jissaħħu l-investimenti u r-riformi strutturali fl-2021-2027 .

(39)

 Kummissjoni Ewropea, COM(2023) 577 final, It-Tibdil demografiku fl-Ewrope: sett ta’ għodod għall-azzjoni .

(40)

Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol .

(41)

Ara, pereżempju, Il-pjattaforma Ewropea GovTech .

(42)

  Il-Kummissjoni hija sodisfatta bil-miri tal-Istati Membri għal Ewropa aktar soċjali sal-2030 .

(43)

Ara n-nota 31 f’qiegħ il-paġna (id-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu).

(44)

Fis-setturi bħal tad-dwana u tat-tassazzjoni ( Programm ta’ Avvenimenti ta’ Tagħlim Komuni ) , l-impjiegi pubbliċi ( Network Ewropew tas-Servizzi tal-Impjiegi Pubbliċi ) , il-ġestjoni tal-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u ta’ Tranżizzjoni Ġusta ( REGIO Peer2Peer + ) , l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku ( Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern) ) , l-implimentazzjoni tal-istrateġija tad-data u l-IA ( Grupp ta’ Ħidma dwar iċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali rigward l-IA fl-amministrazzjonijiet pubbliċi ) , ir-riċerka u l-innovazzjoni ( Eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku dwar l-isfidi tal-politika tar-R&I ) , il-pubblikazzjonijiet uffiċjali ( Forum Ewropew tal-Gazzetti Uffiċjali ) .

(45)

Ara n-nota 30 f’qiegħ il-paġna (laqgħa informali tal-ministri tal-amministrazzjoni pubblika).

(46)

  L-inizjattiva ewlenija PACE tal-2023 .  

(47)

Permezz tal-baġit għall-ispejjeż amministrattivi tagħha.

(48)

 Il-persunal tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali huwa stmat fuq il-bażi ta’ rapporti nazzjonali. Dan in-numru mhuwiex ibbażat fuq metodoloġija armonizzata dwar l-ambitu tal-amministrazzjoni pubblika. Il-persunal tas-settur pubbliku huwa kkalkulat bl-użu tad-data tal-Eurostat mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE (2022).

(49)

Bħalma huwa n-Network tal-UE ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili .

(50)

Bħalma hija l-Pjattaforma tal-Komunità tax-Xerrejja Pubbliċi .  

(51)

  L-Akkademja tal-UE .

(52)

 Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni - Il-Patt Ekoloġiku bi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali (2020/C 79/01).

(53)

In-nefqa mill-gvernijiet lokali tal-UE f’dawn is-setturi fl-2021 kienet tirrappreżenta rispettivament 71 % (il-protezzjoni ambjentali), 70 % (l-Akkomodazzjoni u l-faċilitajiet komunitarji), 53 % (ir-Rikreazzjoni, il-kultura u r-reliġjon), u 36 % (l-Edukazzjoni) tan-nefqa totali mill-gvern ġenerali.

(54)

Mas-69 % tal-muniċipalitajiet irrappurtaw li jbatu minn nuqqas ta’ esperti b’ħiliet ta’ valutazzjoni klimatika u ambjentali, u ta’ persunal b’għarfien espert tekniku u tal-inġinerija. Stħarriġ dwar il-Muniċipalitajiet tal-BEI 2022-2023 .

(55)

  L-inizjattiva ewlenija tat-TSI tal-2024 - Negħlbu l-ostakli għall-iżvilupp reġjonali .  

(56)

Ordni korrispondenti: l-Oqfsa ta’ Kompetenza għal dawk li jfasslu l-politika u għar-riċerkaturi , l-Oqfsa ta’ Kompetenza tal-UE għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni , l-Oqfsa ta’ Kompetenza tal-UE għall-professjonisti tal-akkwist pubbliku , l-Oqfsa ta’ Kompetenza tal-UE għat-Tassazzjoni , l-Oqfsa ta’ Kompetenza Doganali tal-UE , l-Interoperabbiltà tas-Settur Pubbliku , u l-Metodoloġija tal-Ġestjoni tal-Proġetti .

(57)

Filwaqt li jitqiesu l-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini , il- Qafas Ewropew għall-Kompetenza Intraprenditorjali u l- Qafas ta’ Kompetenza tal-UE għas-Sostenibbiltà .

(58)

  Sett ta’ Għodod għall-Kwalità tal-Amministrazzjoni Pubblika (edizzjoni tal-2017).  

(59)

  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1463 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” .

(60)

Ara n-nota 16 f’qiegħ il-paġna (ir-Rapport dwar il-kost ta’ prestazzjoni insuffiċjenti fl-amministrazzjoni pubblika).

(61)

Il-Kummissjoni Ewropea, SWD (2022) 721, Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt għall-proposta tal-Att dwar Ewropa Interoperabblil .

(62)

 Il-qafas regoltorju relatat mas-settur diġitali jinkludi l-Att dwar id-Data  propost, id- Direttiva dwar id-data miftuħa u r- Regolament ta’ implimentazzjoni dwar settijiet tad-data ta’ valur għoli , l- Att dwar il-Governanza tad-Data , l- Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali propost, l- Att dwar Ewropa Interoperabbli propost, l- Att dwar is-Swieq Diġitali , u l- Att dwar is-Servizzi Diġitali .

(63)

Il-Kummissjoni Ewropea, COM/2022/710 final, Politika msaħħa dwar l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku .

(64)

  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha .

(65)

Wara ħidma reċenti dwar ix-xenarju tal-monitoraġġ tal-interoperabbiltà u t-trasformazzjoni diġitali u l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet biex jiġi ssimplifikat il-monitoraġġ Ewropew tal-politiki diġitali miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

(66)

  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, AI Watch. Ix-xenarju Ewropew tal-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali mis-Settur Pubbliku , ix-xenarju Ewropew tal-Użu tat-Teknoloġija Blockchain mis-Settur Pubbliku u d-Dinjiet virtwali tal-ġenerazzjoni li jmiss: opportunitajiet, sfidi u l-implikazzjonijiet tal-politika .

(67)

Ara JoinUp .

(68)

  Dikjarazzjoni ta’ Berlin dwar Soċjetà Diġitali u Gvern Diġitali Bbażat fuq il-Valuri .

(69)

  Pjattaforma Joinup .

(70)

L- Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana jissimplifika l-iskambju elettroniku tad-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa għall-proċess tal-iżdoganar tal-merkanzija; L- Ispazju tad-Data dwar l-Akkwist Pubbliku jiffaċilita ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-akkwist pubbliku fl-UE; Skemi ta’ identifikazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Ewropea tal-UE jew l-identifikaturi tal-ġurisprudenza, għal skambji transfruntieri fil-qasam legali.

(71)

Il-Kummissjoni Ewropea, COM(2023) 501 final, Diġitalizzazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali: l-iffaċilitar tal-moviment liberu fis-Suq Uniku .

(72)

Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2022) 45 final, Spazju Komuni Ewropew tad-Data .

(73)

  Ir-Regolament (UE) 2018/1724li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 .

(74)

 Bħalissa s-sistema tappoġġa 95 proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva f’19-il qasam ta’ politika differenti relatati mas-suq uniku.

(75)

Imħabbra fl-Istrateġija Ewropea għad-Data u mtennija fid-Dikjarazzjoni tas-27 Stat Membru dwar il-Bini tal-cloud tal-ġenerazzjoni li jmiss għan-negozji u s-settur pubbliku fl-UE.

(76)

Diversi Stati Membri għandhom miżuri tal-RRP li jindirizzaw l-ibbaġitjar ekoloġiku, it-tassazzjoni ekoloġika u l-akkwist pubbliku ekoloġiku.

(77)

  Il-pjattaforma Ewropea dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima ; Il-Missjoni tal-UE: Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti ; L-inizjattiva tal- Patt tas-Sindki ; Pjattaformi ta’ Djalogu dwar il-Klima u l-Enerġija .

(78)

It-testijiet tal-istress tal-entitajiet li joperaw infrastruttura kritika fis-settur tal-enerġija skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2023/C 20/01 jenħtieġ li jitlestew sa tmiem l-2023.

(79)

  Linji gwida dwar l-istrateġiji u l-pjanijiet tal-adattament tal-Istati Membri .

(80)

  Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali .

(81)

Il-Kummissjoni Ewropea, C(2022) 2230 final, L-Ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni .

(82)

  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika u d-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika.