IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 614 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Latvja tal-2023 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja
{SWD(2023) 614 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Latvja tal-2023 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022,f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lil-Latvja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-24 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-Latvja għall-2023. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill Ewropew approva fit-23 ta’ Marzu 2023 u l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.
(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.
(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030, strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.
(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(6)Ir-Regolament REPowerEU adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-prezz tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.
(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli tal-governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu wkoll reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li ħadu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-għan huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.
(9)Fit-30 ta’ April 2021, il-Latvja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Latvja. Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Latvja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(10)Fil-25 ta’ April 2023, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u, fis-17 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Latvja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż għal-Latvja tal-2023 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tal-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Latvja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(12)Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal-Latvja u ppubblikat ir-riżultati tagħha. Hija kkonkludiet li l-Latvja mhijiex qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mas-self estern u l-akkomodazzjoni jibqgħu ħfief; ir-riskji għall-kompetittività huma pertinenti, iżda b’mod ġenerali jidhru kontenuti fil-futur qrib. It-twessigħ riċenti tad-defiċit tal-kont kurrenti kien sinifikanti, iżda d-defiċit huwa mistenni li jonqos sostanzjalment din is-sena u aktar fl-2024. Il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta tal-Latvja, li tjiebet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar 10 snin, hija mistennija li tibqa’ ġeneralment stabbli. Madankollu, il-pressjonijiet fuq l-inflazzjoni u l-pagi, jekk persistenti, jirriskjaw li jdgħajfu l-kompetittività tal-Latvja, b’mod partikolari peress li l-inflazzjoni bażika hija ferm ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro. Filwaqt li t-tkabbir fil-prezzijiet tad-djar ġie elevat reċentement, is-sopravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar ma tidhirx li hija sostanzjali. Barra minn hekk, it-tkabbir fil-prezzijiet tad-djar naqas lejn l-aħħar tal-2022, is-self ipotekarju kien dgħajjef, u d-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa limitat u qed jonqos f’termini ta’ introjtu tal-unitajiet domestiċi. Il-Latvja qed tiffaċċja sfidi ekonomiċi strutturali ewlenin relatati ma’ tnaqqis fil-provvista tax-xogħol, li kkontribwixxa għal żidiet rapidi fil-kost ta’ unità lavorattiva u jirriskja li jfixkel il-kompetittività fuq terminu medju. It-tfassil tal-politika huwa ġeneralment favorevoli, għalkemm xi sforzi addizzjonali jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati r-riskji mill-vulnerabbiltajiet identifikati. Il-politiki li jissalvagwardjaw il-kompetittività, inklużi miżuri biex tiżdied il-kwalità u l-kwantità tal-provvista tax-xogħol, ikunu importanti f’dak ir-rigward. It-tqassir tal-proċess tal-permessi għall-kostruzzjoni jgħin biex jappoġġa l-provvista tad-djar u jtejjeb is-sitwazzjoni tas-suq tad-djar.
(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja naqas minn 7,1 % tal-PDG fl-2021 għal 4,4 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 43,7 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 40,8 % fi tmiem l-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE; ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Latvja, billi fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li l-Latvja tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha għall-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.
(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż ntlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu kumpens għall-kost għat-tisħin (ibbażat fuq is-sors tal-enerġija użat) u tnaqqis fil-kontijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi; benefiċċji ta’ kull xahar għal unitajiet domestiċi vulnerabbli u familji bit-tfal kif ukoll indiċjar aktar bikri tal-pensjonijiet; għotjiet lil kumpaniji li jużaw ħafna enerġija u kumpens għaż-żieda fil-kostijiet tal-elettriku għall-kumpaniji. Il-Kummissjoni tistma li l-kost baġitarju nett ta’ dawn il-miżuri huwa ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li huwa stmat għal 0,2 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, il-kost stmat tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 1,2 % tal-PDG fl-2022, minn 5,0 % fl-2021.
(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 il-Latvja żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll lil-Latvja biex iżżomm taħt kontroll it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali.
(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali fl-2022 kienet newtrali, fil-livell ta’ 0,0 % tal-PDG, li kienet xierqa f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, il-Latvja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,1 % tal-PDG fl-2022 (1,3 % tal-PDG fl-2021). Minħabba restrizzjonijiet fuq il-kapaċità u żieda fil-prezzijiet tal-kostruzzjoni, xi investimenti ffinanzjati mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE fl-2022 ġew posposti, u dan wassal għal tnaqqis żgħir fin-nefqa. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 1,2 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk, il-Latvja ma ppreżervatx l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, li mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,3 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali kumplessiva. Għalhekk, il-Latvja żammet taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment.
(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa kawt fl-2023 u wara. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jistaġna fl-2023 u jikber bi 2,0 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ogħla ta’ 1,4 % fl-2023 u 2,8 % fl-2024, li jirrifletti l-inkorporazzjoni ta’ rilaxxi ġodda ta’ data meta mqabbla mal-Programm ta’ Stabbiltà, jiġifieri reviżjonijiet tad-data tat-tkabbir tal-PDG tal-2022 kif ukoll l-istima rapida għall-ewwel trimestru tal-2023, li t-tnejn li huma jpoġġu t-tkabbir tal-PDG ogħla milli kien mistenni qabel. Madankollu, f’termini nominali, it-tkabbir tal-PDG huwa eqreb fiż-żewġ tbassiriet bi tkabbir ta’ 11,7 % u 5,5 % mistenni għall-2023 u l-2024, rispettivament, fil-Programm ta’ Stabbiltà u t-tbassir ta’ tkabbir ta’ 10,5 % u 5,6 % għas-snin rispettivi mill-Kummissjoni.
(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż se jonqos għal 4,0 % tal-PDG fl-2023. L-aġġustament tad-defiċit fl-2023 jirrifletti prinċipalment l-iżviluppi fin-nefqa. Kontribuzzjoni li tnaqqas id-defiċit hija mistennija mill-eliminazzjoni gradwali tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-pandemija u n-nefqa f’somma f’daqqa fl-2022 għall-ħolqien ta’ riżerva nazzjonali tal-gass mhijiex prevista għall-2023. Dan l-iffrankar huwa mistenni li jkun parzjalment ikkumpensat minn miżuri ta’ nfiq inklużi fil-pakkett baġitarju tal-2023, bħal żieda fil-pagi għall-amministrazzjoni pubblika u l-persunal mediku, nefqa kurrenti ogħla għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, ix-xjenza, ir-riċerka u l-edukazzjoni għolja kif ukoll pakkett sostanzjali ta’ investiment pubbliku għad-difiża u s-sigurtà interna. Barra minn hekk, huwa mistenni nfiq ogħla għall-pensjonijiet u l-allowances minħabba koeffiċjenti ta’ indiċjar ogħla. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 40,8 % tal-PDG fl-2022 għal 39,6 % tal-PDG fl-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,8 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa konformi mal-proġezzjoni tad-defiċit fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ftit ogħla ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 39,8 % fl-aħħar tal-2023.
(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jintlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu prinċipalment f’miżuri estiżi mill-2022. Il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pproġettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 1,0 % tal-PDG fl-2023. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, u ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,1 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel maż-0,5 % tal-PDG fl-2022). Il-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna huwa pproġettat li jiżdied b’0,1 pp. tal-PDG meta mqabbel mal-2022. Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern tal-2023 huwa mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 1,2 % tal-PDG.
(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Latvja tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Latvja tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali f’sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Saret ukoll rakkomandazzjoni biex il-Latvja tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li titqies l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jsir użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (- 0,9 % tal-PDG), fil-kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi pożizzjoni fiskali newtrali fl-2022 (0,0 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribut espansiv ta’ 0,5 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ immirati għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,4 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll il-kostijiet ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,1 % tal-PDG). Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali mhijiex dovuta għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) huwa xprunat minn miżuri ta’ nefqa inklużi fil-pakkett baġitarju tal-2023, bħaż-żieda fil-pagi għall-persunal amministrattiv u mediku, in-nefqa kurrenti addizzjonali li tiffinanzja l-onkoloġija, ix-xjenza u r-riċerka u nefqa kurrenti diskrezzjonali oħra għall-amministrazzjoni nazzjonali kif ukoll infiq ogħla għall-pensjonijiet u l-allowances. F’konklużjoni, it-tkabbir pproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali mhuwiex konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 2,2 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,0 punt perċentwali. Għaldaqstant, il-Latvja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u hija pproġettata li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħax-xiri ta’ vetturi elettriċi għat-trasport pubbliku, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ bini b’aktar minn appartament wieħed u proprjetajiet kummerċjali, l-immodernizzar tan-networks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tas-servizzi ta’ salvataġġ, iċ-ċentralizzazzjoni tal-pjattaformi u s-sistemi diġitali tal-governanza fis-settur pubbliku, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi fin-negozji, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-broadband kif ukoll it-trawwim tad-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-edukazzjoni, li huma fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE.
(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 2,5 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ appoġġ biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u n-nuqqas tan-nefqa attwali relatata mal-pandemija tal-COVID-19 u l-finalizzazzjoni fl-2023 tal-investiment biex jiġi appoġġat l-irkupru mill-pandemija. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jiżdied bi ftit għal 39,7 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,7 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 40,5 % fi tmiem l-2024, prinċipalment minħabba l-PDG nominali aktar baxx.
(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.
(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment. Meta jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali, u l-ħtieġa li l-iżbilanċ jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD, ikun xieraq titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PGD għall-2024. Sabiex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx it-3,0 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Dan se jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażika, li hija ferm ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro, u li jista’ jwassal għal telf fil-kompetittività jekk ikun persistenti. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 1,0 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, jiddependu fuq l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u l-iffrankar relatat għandu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir fin-nefqa primarja netta taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata għall-2024. Barra minn hekk, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun xieraq li jkun hemm inqas tkabbir fin-nefqa primarja netta fl-2024.
(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment tikber għal 1,3 % fl-2024 li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata.
(26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jiżdied minn 5,5 % tal-PDG fl-2023 għal 6,1 % tal-PDG fl-2024. Dan jirrifletti kemm investiment ogħla ffinanzjat fil-livell nazzjonali kif ukoll investiment ogħla ffinanzjat mill-UE, inkluż permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(27)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 2,2 % tal-PDG fl-2025 u għal 0,7 % sal-2026. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG sal-2024 u jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 39,7 % tal-PDG fl-2024 għal 38,9 % tal-PDG fl-2026.
(28)Id-dħul mit-taxxa tal-Latvja bħala sehem mill-PDG huwa ferm inqas mill-medja tal-UE. Dan jillimita l-għoti ta’ servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali. Il-kapital u l-proprjetà huma relattivament mhux intaxxati biżżejjed meta mqabbla mal-medja tal-UE u joffru potenzjal biex jiżdied id-dħul mit-taxxa. Barra minn hekk, il-Latvja tiġbor dħul relattivament baxx mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol minkejja rati tat-taxxa relattivament għoljin. Dan jissuġġerixxi li huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa u tiġi indirizzata l-ekonomija klandestina. Il-faqar u l-inugwaljanza għadhom għoljin, b’mod partikolari minħabba l-infiq baxx fuq il-protezzjoni soċjali. L-adegwatezza tax-xibka ta’ sikurezza soċjali tjiebet, iżda r-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għadu għoli, b’mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli. Ir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fix-xjuħija huwa l-ogħla fl-UE (45,9 % meta mqabbel mad-19,5 % fl-UE fl-2021) u għadu għoli ħafna għall-persuni b’diżabilità (41,2 % meta mqabbel mad-29,7 % fl-UE fl-2021). L-aċċess għas-servizzi soċjali individwali bbażati fuq il-ħtiġijiet u l-kwalità tagħhom jibqgħu sfida minħabba n-nuqqasijiet u l-ammont kbir ta’ xogħol tal-ħaddiema soċjali kif ukoll id-disparitajiet bejn il-muniċipalitajiet. Is-sistema tal-kura fit-tul hija frammentata, bi progress limitat fit-tranżizzjoni minn servizzi ta’ kura istituzzjonali għall-kura fid-dar u servizzi bbażati fil-komunità. L-adegwatezza u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni soċjali huma limitati minħabba nuqqas ta’ finanzjament fit-tul. L-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa bħala sehem tal-PDG huwa baxx meta mqabbel mal-medja tal-UE, u l-pjanijiet baġitarji fuq terminu medju jistennew li dan jonqos, b’mod partikolari minn 5,6 % tal-PDG fl-2022 għal 3,6 % fl-2026 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023. Dan huwa wkoll ferm inqas mill-finanzjament pubbliku meħtieġ għall-kura tas-saħħa ta’ 6 % tal-PDG sal-2027 kif indikat fil-Linji Gwida tal-Politika dwar is-Saħħa Pubblika 2021-2027. Filwaqt li t-tnaqqis huwa prinċipalment minħabba li l-appoġġ temporanju għall-COVID-19 qed jitneħħa gradwalment, hemm ukoll nuqqas ta’ pjanijiet għal finanzjament sostenibbli tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, il-Latvja qed tiffaċċja nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, speċjalment ta’ infermiera. B’riżultat ta’ dan, l-aċċess fil-ħin u ugwali għall-kura tas-saħħa huwa limitat.
(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja tinsab fi stadju avvanzat. Il-Latvja ppreżentat talba waħda għal pagament, li jikkorrispondu għal disa' stadji importanti u li jirriżultaw fi żborż globali ta’ EUR 201 miljun. Bħala riżultat ta’ ċirkostanzi oġġettivi relatati maż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-materjali tal-kostruzzjoni, u r-restrizzjonijiet fil-katina tal-provvista minħabba l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Latvja beħsiebha tippreżenta modifiki għall-pjan, kif ukoll kapitolu REPowerEU biex taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Latvja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(30)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Latvja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġiċi u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, kif ukoll jiġi bbilanċjat l-iżvilupp territorjali fil-Latvja.
(31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Latvja qed tiffaċċja sfidi relatati mal-aċċess għall-finanzi, l-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika.
(32)Il-fluss tal-kreditu tas-settur privat ammonta għal 1 % tal-PDG fl-2021, li kien konsiderevolment taħt ir-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija. Dan iwassal għal aktar tnaqqis fid-dejn tas-settur privat, li huwa fost l-aktar baxxi fl-UE. Dan it-tkabbir dgħajjef tal-kreditu sa ċertu punt jirrifletti domanda dgħajfa iżda huwa influwenzat ukoll minn għadd ta’ sfidi min-naħa tal-provvista. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sabuha partikolarment diffiċli biex jiksbu kreditu. Dan huwa parzjalment dovut għar-riskju ta’ kreditu ogħla tagħhom, iżda wkoll minħabba l-kost għoli tal-kreditu u l-burokrazija żejda. Barra minn hekk, il-likwidità fqira tal-assi disponibbli għall-kollateral tagħmilha partikolarment diffiċli li wieħed jikseb kreditu barra mir-reġjun ta’ Riga. Dan joħloq ostaklu sinifikanti kemm għas-self ipotekarju kif ukoll għas-self lin-negozji. L-isforzi ta’ politika ffukaw prinċipalment fuq l-appoġġ tas-self billi kkombinawh ma’ għotjiet pubbliċi. Madankollu, dan iġib miegħu kost sinifikanti għall-baġit tal-gvern u għalhekk mhuwiex mod sostenibbli biex is-self jingħata spinta. It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq il-provvista tal-kreditu jeħtieġ titjib ġenerali fit-trasparenza u l-fiduċja tal-ambjent tan-negozju, inkluż tnaqqis fid-daqs tal-ekonomija sotterranja. Barra minn hekk, it-titjib tal-proċess ta’ insolvenza biex tinkiseb rata għolja ta’ ristrutturar tan-negozju u possibbilment rati ogħla ta’ rkupru tas-self inaqqas ir-riskji perċepiti tal-banek u jżid is-self. Skemi mmirati ta’ self u garanzija jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu r-riskji ta’ likwidità ffaċċjati minn banek meta jaċċettaw kollateral fi swieq relattivament illikwidi. Skemi ta’ self pubbliku għal oqsma ta’ investimenti strateġikament importanti bħat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp reġjonali, jistgħu jżidu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq bankarju jew jimlew lakuna fis-suq fejn il-finanzjament bankarju jkun għali wisq jew mhux disponibbli. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ garanzija u self pubbliċi joffru mod ferm aktar kosteffiċjenti ta’ appoġġ għat-teħid b’self privat minn skemi ta’ għotjiet. Minbarra l-ostakli għall-finanzjament bankarju, is-suq Latvjan għal sorsi alternattivi ta’ finanzjament huwa sottożviluppat u għandu l-potenzjal li jtejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għal finanzjament.
(33)Il-Latvja żgurat l-indipendenza tagħha mill-gass Russu wara d-deċiżjoni tal-parlament f’Lulju 2022 li tieqaf tixtri l-gass naturali Russu mill-1 ta’ Jannar 2023. Il-fornituri domestiċi tal-gass setgħu jsibu sorsi alternattivi ta’ gass naturali bis-saħħa tal-importazzjonijiet ta’ gass naturali likwifikat (liquified natural gas, LNG) mit-terminal tal-LNG Litwan ta’ Klaipeda u t-terminal il-ġdid Finlandiż tal-LNG f’Inkoo. Is-sitwazzjoni attwali wriet il-ħtieġa li titħaffef l-introduzzjoni bil-mod ta’ installazzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Latvja għandha wieħed mill-ogħla ishma ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE għalkemm dan is-sehem staġna mill-2020 sal-2021. Il-Latvja tibbenefika jekk taċċellera l-isforzi tagħha fl-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx, li hija l-aktar soluzzjoni vijabbli u fit-tul biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja diġà jinkludi miżuri biex jitneħħew l-ostakli regolatorji għall-użu tal-enerġija eolika fuq l-art. Madankollu, jistgħu jsiru aktar sforzi biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli għall-ġenerazzjoni, it-tisħin u t-tkessiħ tal-elettriku. Dan ikun jinvolvi l-immodernizzar tal-grilja tal-elettriku, il-promozzjoni tal-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-elettriku rinnovabbli, il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija (ir-rispons tad-domanda u l-ħżin), it-titjib ulterjuri tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-istabbiliment ta’ qafas legali u inċentivi għall-promozzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija. It-tlestija tas-sinkronizzazzjoni tal-Latvja mal-grilja tal-elettriku tal-UE żżid il-kapaċità ta’ trażmissjoni sabiex sehem dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u fuq l-art ikun jista’ jiġi integrat fil-grilja. In-network tal-elettriku Latvjan, bħal dak ta’ Stati Membri Baltiċi oħra, għadu espost peress li huwa sinkronizzat mal-grilja tal-elettriku BRELL (il-Belarussja, ir-Russja, l-Estonja, il-Litwanja u l-Latvja). Is-sinkronizzazzjoni reġjonali tan-network tal-elettriku mal-bqija tal-UE qed tagħmel progress iżda għad trid titlesta. Għal dak l-għan, hija meħtieġa kooperazzjoni mal-Estonja u l-Litwanja. Il-konsum tal-gass naturali tal-Latvja naqas bi 30 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Il-Latvja tista’ tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024.
(34)Jenħtieġ li l-Latvja taċċellera l-isforzi tagħha biex iżżid il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika biex tiddekarbonizza l-istokk tal-bini tagħha kif ukoll it-trasport u l-industrija u tistabbilixxi miżuri ġodda ta’ finanzjament u appoġġ biex jintlaħqu l-miri ta’ rinnovazzjoni tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħha.
(35)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u ż-żamma ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, in-nuqqas ta’ ħaddiema ġie rrapportat f’25 minn 436 okkupazzjoni li kienu jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-elettriċisti u l-inġiniera mekkaniċi. In-nuqqas ta’ ħaddiema ġie rrappurtat bħala fattur li llimita l-produzzjoni fl-industrija u l-kostruzzjoni.
(36)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(37)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għal-Latvja, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), u (4) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet u r-Raba’ rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2023 u fl-2024 il-Latvja tieħu azzjoni biex:
1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.
Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment fl-2024 għal mhux aktar minn 3,0 %.
Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.
Twessa’ t-tassazzjoni, inklużi tal-proprjetà u l-kapital, u ssaħħaħ l-adegwatezza tal-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali.
2.Tkompli l-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha u tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tiegħu b’mod rapidu. Tkompli bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
3.Ittejjeb l-aċċess għal finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ skemi ta’ self u garanzija pubbliċi bl-għan li tiffaċilita l-investimenti ta’ importanza strateġika, b’mod partikolari fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp reġjonali.
4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ fuq l-art u lil hinn mill-kosta kif ukoll mix-xemx, tiddiversifika l-provvisti u r-rotot tal-enerġija, issaħħaħ il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, pereż. permezz ta’ finanzjament u miżuri ta’ appoġġ ġodda biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul. Tiżgura kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjonijiet biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u titkompla s-sinkronizzazzjoni mal-grilja tal-elettriku tal-UE. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President