Brussell, 20.9.2023

COM(2023) 538 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

skont l-Artikolu tar-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jiżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu


1.Introduzzjoni

Fl-20 ta’Ġunju 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2019/1157 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċċittadini tal-UE u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu 1 (ir-“Regolament”). Ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2019 u japplika mit-2 ta’ Awwissu 2021 2 .

Ir-Regolament ikopri d-dokumenti msemmija jew stabbiliti mid-Direttiva 2004/38/KE (id-“Direttiva dwar il-Moviment Liberu”) 3 : karti tal-identità, dokumenti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-UE, u karti ta’ residenza għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru.

Skont id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, l-Istati Membri għandhom joħorġu u jġeddu karti tal-identità liċ-ċittadini tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu f’konformità mal-liġijiet nazzjonali 4 . Dan ikopri, b’mod partikolari, l-użu tagħhom biex joħorġu 5 u jidħlu 6 fit-territorju ta’ Stat Membru jew għar-reġistrazzjoni ta’ residenza mal-awtoritajiet rilevanti 7 . Il-karti tal-identità jistgħu jintużaw miċ-ċittadini tal-UE meta jivvjaġġaw minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz. Għalhekk jistgħu jintużaw ukoll biex jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen. Fl-istess ħin, huwa importanti li wieħed jinnota li la r-Regolament u lanqas id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu ma jirrikjedu li l-Istati Membri jintroduċu karti tal-identità fejn ma jkunux previsti skont il-liġi nazzjonali 8 .

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti, u f’dan il-każ l-Istati Membri jkunu meħtieġa joħorġu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni liċ-ċittadini tal-UE 9 . L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll joħorġu karti ta’ residenza lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE 10 u, mal-applikazzjoni, joħorġu dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti 11 kif ukoll karti ta’ residenza permanenti 12 . Filwaqt li dawn id-dokumenti ta’ residenza mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar, il-pussess ta’ karta ta’ residenza jew karta ta’ residenza permanenti jeżenta lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-UE mir-rekwiżiti tal-viża 13 .

Ir-Regolament jiffaċilita l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE billi jipprevedi karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza aktar sikuri. Qabel l-adozzjoni tar-Regolament, kienu jeżistu differenzi konsiderevoli bejn il-livelli ta’ sigurtà tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri u d-dokumenti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u l-membri tal-familja tagħhom. Dawk id-differenzi żiedu r-riskju ta' falsifikazzjoni u frodi tad-dokumenti u kienu jwasslu wkoll għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini waqt l-eżerċitar tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-data personali, sentejn, u 11-il sena, rispettivament, wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tar-Regolament sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, u kull sitt snin sussegwenti, u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

L-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-UE għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapporti msemmija f’dik id-dispożizzjoni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Frontex wettqet analiżi tal-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-kampjuni tal-karta tal-identità pprovduti lill-Kummissjoni mill-Istati Membri 14 .

2.Implimentazzjoni tar-Regolament

2.1.Implimentazzjoni teknika

2.1.1.Valutazzjoni teknika tal-karti tal-identità maħruġa

L-għan tal-valutazzjoni teknika mwettqa mill-Frontex kien li tivverifika l-konformità tal-karti tal-identità tal-Istati Membri mal-format, l-istandards minimi tas-sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament. Dan kien jinkludi l-verifika tal-konformità tal-karti tal-identità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards minimi tas-sigurtà stabbiliti fid-Dokument 9303 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organisation, ICAO) “Dokumenti tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magna” 15 u r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (d), (f) u (g) tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 16 kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1954 17 , b’ċerti limitazzjonijiet minħabba l-kapaċitajiet tekniċi tal-Frontex 18 . Il-Frontex eżaminat l-aħħar mudelli ta’ karti tal-identità li nħarġu mill-Istati Membri.

Ħlief għall-karta tal-identità Griega (ara t-Taqsima 2.4.2), il-karti tal-identità kollha analizzati nstabu li kienu konformi mar-Regolament fir-rigward ta’ dawk il-partijiet li l-Frontex setgħet tivverifika. Madankollu, il-Frontex identifikat il-kwistjonijiet li ġejjin rigward xi karti tal-identità oħra 19 :

·uħud mill-karti tal-identità li ġew eżaminati ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tad-daqs minimu tar-ritratt;

·uħud mill-karti tal-identità li ġew eżaminati ma kinux jinkludu l-karatteristiċi kollha tas-sigurtà biex jipproteġu kontra s-sostituzzjoni tar-ritratti;

·uħud mill-karti tal-identità eżaminati fihom devjazzjonijiet mill-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tat-tqassim stabbiliti mill-ICAO (pereż. l-informazzjoni hija indikata f’żona differenti).

Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mal-Istati Membri li l-karti tal-identità tagħhom huma kkonċernati mis-sejbiet tal-Frontex.

Abbażi tal-analiżi tagħha, il-Frontex għamlet ir-rimarki operazzjonali li ġejjin:

·“L-istampar qawsalla, peress li huwa metodu ta’ stampar speċjali, iżid ir-robustezza tal-istampar offset u jiffaċilita l-kontrolli fejn isiru. L-amalgamazzjoni gradwali tal-kuluri għandha tkun identifikabbli u tingħaraf.”

·“[Ir-] rekwiżit għad-daqs tar-ritratt huwa rilevanti biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-identità u biex jiġu identifikati frodi tad-dokumenti bħall-frodi b’impostura u l-istampar żejjed tar-ritratti, żewġ tipi ta’ frodi li kienu fost l-aktar tipi komuni ta’ frodi tad-dokumenti/tal-identità f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk, daqs akbar tar-ritratt tad-detentur huwa kruċjali għall-verifiki tal-identità u tal-awtentiċità tad-dokumenti. F’każijiet fejn ir-ritratt ikun l-uniċi identifikaturi bijografiċi disponibbli biex isostnu verifika tal-identità, id-daqs tar-ritratt isir saħansitra aktar sinifikanti.”

·“L-introduzzjoni ta’ ritratt addizzjonali ta’ detentur hija miżura biex tiżdied ir-robustezza tal-karti tal-identità kontra s-sostituzzjoni tar-ritratti u ssir aktar reżistenti għall-manipulazzjonijiet tar-ritratti. Ir-ritratt addizzjonali għandu jkun ta’ kwalità biżżejjed biex jiżgura li jkun jista’ jitqabbel mar-ritratt ewlieni u għandu jkun verifikabbli faċilment fuq l-ewwel linja.

2.1.2.Aspetti oħra marbuta mal-implimentazzjoni teknika rigward il-karti tal-identità

Kif inhu permess mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament, żewġ Stati Membri jużaw deżinjazzjoni nazzjonali oħra stabbilita sew fil-lingwa uffiċjali minflok “karta tal-identità” 20 . Ħames Stati Membri jinkludu test bil-braille fuq il-karta 21 .

Bħalissa 13-il Stat Membru jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament li jinkorporaw interfaċċa doppja jew mezz ta’ ħżin separat. F’konformità mal-Artikolu 3(10) tar-Regolament, 14-il Stat Membru jaħżnu data għas-servizzi elettroniċi, bħall-gvern elettroniku u n-negozju elettroniku, fil-karti tal-identità tagħhom, b’mod li tkun fiżikament jew loġikament separata mid-data bijometrika maħżuna fiċ-ċippa tal-kard.

2.1.3.Ġbir ta' identifikaturi bijometriċi

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw lit-tfal ta’ bejn is-6 snin u t-12-il sena mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’ meta joħorġu l-karti tal-identità tagħhom 22 . Bħalissa, 19-il Stat Membru jużaw din il-possibbiltà. L-Istati Membri stabbilew ukoll diversi miżuri għall-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi fir-rigward tal-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u ta’ persuni vulnerabbli, bħal manwali apposta jew ħinijiet tal-ftuħ 23 .

Fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, kien biss għadd żgħir ta’ Stati Membri li rrappurtaw diffikultajiet bil-ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi, prinċipalment marbuta mal-kwalità tax-xbieha tal-wiċċ jew il-marki tas-swaba’ meħuda. 22 Stat Membru jużaw jew qed jesploraw l-użu ta’ apparati ta’ reġistrazzjoni mobbli għall-ħruġ ta’ karti tal-identità lil persuni li ma jkunux jistgħu jżuru l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ tali karti 24 . 12-il Stat Membru jiġbru l-immaġni tal-wiċċ permezz ta’ reġistrazzjoni diretta, għalkemm xi wħud minn dawn jaċċettaw ukoll li l-applikant jipprovdi ritratt minflok.

2.1.4.Frodi tad-dokumenti

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li għadhom qed jiffaċċjaw każijiet ta’ karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza frodulenti maħruġa f’konformità mar-Regolament. Madankollu, mhuwiex possibbli li tingħata ħarsa ġenerali dettaljata tas-sitwazzjoni rilevanti għar-Regolament, peress li l-Istati Membri ma jimmonitorjawx speċifikament l-għadd ta’ imposturi li jiġu rrapportati (kemm imposturi b’xebh 25 kif ukoll frodaturi b’mod ġenerali 26 ) bl-użu ta’ karti tal-identità jew dokumenti ta’ residenza maħruġa f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, jew l-għadd ta’ persuni li jirrapportaw li jkunu vittmi ta’ serq tal-identità. Fil-ħames Stati Membri li pprovdew l-għadd ta’ imposturi rrapportati mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, in-numri varjaw bejn 22 u 57 rapport dwar dokumenti frodulenti.

2.1.5.Obbligu ta’ rapportar skont ir-Regolament

It-taqsimiet ta’ hawn taħt joffru sinteżi tal-obbligi ta’ rapportar differenti li huma previsti fir-Regolament. Il-Kummissjoni tissokta l-kuntatti tagħha mal-Istati Membri li għadhom ma pprovdewx informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet differenti.

2.1.5.1.Ir-rapportar skont l-Artikolu 9

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaħtru mill-inqas awtorità ċentrali waħda bħala punt ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni tar-Regolament u jikkomunikaw l-isem ta’ dik l-awtorità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Sa Ġunju 2023, 19-il Stat Membru kkomunikaw dak l-isem lill-Kummissjoni.

2.1.5.2.Ir-rappurtar skont l-Artikolu 11(7)

Skont l-Artikolu 11(7) tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom iżommu lista tal-awtoritajiet kompetenti b’aċċess għad-data bijometrika maħżuna fuq il-mezz ta’ ħżin fil-karti tal-identità u jikkomunikaw dawn il-listi lill-Kummissjoni darba fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblika ġabra ta' tali listi nazzjonali online.

Sa Ġunju 2023, 22 Stat Membru kkomunikaw il-lista tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom lill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni għamlet il-lista disponibbli għall-pubbliku. 27

2.1.5.3.Rapportar skont l-Artikolu 14(3)

Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaħtru entitajiet responsabbli mill-istampar tal-karti tal-identità u tal-karti ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE jikkomunikaw l-isem ta’ dawn il-korpi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

Sa Ġunju 2023, 22-il Stat Membru kkomunikaw il-korpi responsabbli għall-istampar tad-dokumenti skont ir-Regolament lill-Kummissjoni.

2.1.6.L-għadd ta’ dokumenti maħruġa f’format konformi mar-Regolament

Sa April 2023, l-Istati Membri rrapportaw li ħarġu aktar minn 53 miljun karta tal-identità, kważi 900 000 dokument ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-UE u aktar minn 950 000 karta ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE f’format konformi mar-Regolament.

2.2.Perjodi ta’ eliminazzjoni gradwali għall-karti tal-identità u d-dokumenti tal-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru

2.2.1.Karti tal-identità

L-Artikolu 5 tar-Regolament jipprevedi li l-karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ma jibqgħux validi meta jiskadu jew sat-3 ta’ Awwissu 2031, skont liema data tiġi l-ewwel. Karti tal-identità li ma jissodisfawx ċerti standards minimi ta’ sigurtà jew li ma jinkludux parti funzjonali li tinqara minn magna ma jibqgħux validi mal-iskadenza tagħhom jew sat-3 ta’ Awwissu 2026.

Fit-tweġibiet għall-kwestjonarju, għaxar Stati Membri indikaw li l-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ 10 snin japplika għall-karti tal-identità tagħhom li kienu jinħarġu qabel, ħames Stati Membri indikaw li l-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ 5 snin japplika għall-karti tal-identità tagħhom li kienu joħorġu qabel u seba’ Stati Membri indikaw l-applikabbiltà taż-żewġ perjodi minħabba formati differenti li qed jiċċirkolaw bħalissa.

2.2.2.Karti ta’ residenza tal-membri tal-familja li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru

L-Artikolu 8 tar-Regolament jipprevedi li l-karti ta’ residenza li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ma humiex se jibqgħu validi wara li jiskadu jew mit-3 ta’ Awwissu 2026 (perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ 5 snin), skont liema data tiġi l-ewwel. Il-karti ta’ residenza li ma jissodisfawx ċerti standards minimi ta’ sigurtà jew li ma jinkludux parti funzjonali li tinqara minn magna ma humiex se jibqgħu validi wara li jisakdu jew mit-3 ta’ Awwissu 2023 (perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ sentejn), skont liema data tiġi l-ewwel.

Fit-tweġibiet għall-kwestjonarju, 11-il Stat Membru indikaw li l-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ 5 snin japplika għall-kards ta’ residenza tagħhom li kienu jinħarġu qabel, sitt Stati Membri indikaw li l-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ sentejn japplika għall-karti tal-identità tagħhom li kienu joħorġu qabel u sitt Stati Membri indikaw l-applikabbiltà taż-żewġ perjodi minħabba formati differenti li qed jiċċirkolaw bħalissa.

2.3.Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-data personali

2.3.1.Libertà ta’ moviment u ta’ residenza

Ir-Regolament jaffettwa b’mod pożittiv id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza skont l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il- “Karta”) billi jindirizza d-diffikultajiet tas-sigurtà u r-rikonoxximent kemm tal-karti tal-identità kif ukoll tad-dokumenti ta’ residenza. Permezz tal-inklużjoni ta’ data bijometrika (immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’), id-dokumenti maħruġa f’konformità mar-Regolament jippermettu verifika aktar affidabbli tad-dokument u identifikazzjoni aħjar tal-individwi.

Minn mindu bdew jinħarġu l-karti tal-identità f’format li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament, l-Istati Membri ma rrapportaw l-ebda kwistjoni li ċ-ċittadini tagħhom esperjenzaw fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ tali dokumenti fi Stati Membri oħra.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, it-tariffi għall-ħruġ tad-dokumenti koperti mir-Regolament ma żdidux wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Fejn it-tariffi żdiedu, iż-żieda ġiet irrapportata bħala waħda żgħira u f’konformità mal-kostijiet tal-karatteristiċi ta’ sigurtà mtejba tad-dokumenti.

2.3.2.Ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali

Il-limitazzjonijiet għad-dritt għall-privatezza u għad-data personali (l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta) iridu jkunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u jkunu proporzjonati għall-kisba ta’ objettiv leġittimu 28 . F’dan il-kuntest, ir-Regolament jipprevedi l-ipproċessar ta’ data personali tad-detentur tad-dokument, inkluża data bijometrika. Il-ħżin ta' immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba' fuq il-karti ta' residenza u tal-identità, kif diġà previst fir-rigward tal-passaporti bijometriċi 29 u l-permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi 30 , jirrappreżenta taħlita xierqa ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni affidabbli b'riskju mnaqqas ta' frodi, bl-iskop li tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti ta' residenza u tal-identità 31 .

L-emendi għall-proposta tal-Kummissjoni introdotti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill matul il-proċess leġiżlattiv żiedu l-possibbiltà li tali data bijometrika dwar dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE tinħażen 32 . Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fil-kwestjonarju, bħalissa 13-il Stat Membru jinkludu mezz sigur ta’ ħżin bl-identifikaturi bijometriċi tad-detentur (l-immaġni tal-wiċċ u possibbilment żewġ marki tas-swaba’) fid-dokumenti ta’ residenza li jinħarġu liċ-ċittadini tal-UE.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-ipproċessar tad-data bijometrika, għandu jiġi osservat li din hija prevista mil-liġi, jiġifieri l-Artikolu 3(5) tar-Regolament. Dik il-limitazzjoni għad-dritt għall-privatezza u d-data personali tissodisfa objettiv ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni u l-frodi tad-dokumenti, li tiżdied minħabba nuqqas ta’ omoġeneità fir-rigward tal-formati u l-karatteristiċi tas-sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni u l-frodi tippromwovi l-aċċettazzjoni tal-karti tal-identità fl-Istati Membri għajr dak li joħroġhom, filwaqt li tiffaċilita d-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE 33 . Ir-riskju ta’ frodi għandu jittieħed bis-serjetà, b’mod partikolari permezz ta’ karti tal-identità ffalsifikati jew abbuż ta’ drittijiet 34 .

L-Artikolu 3(5) huwa s-suġġett ta’ żewġ proċeduri ta’ referenza preliminari li għaddejjin bħalissa (ara t-Taqsima 2.4.3). Fir-rigward tal-adegwatezza tal-ħżin tad-data bijometrika fil-karti tal-identità, il-Qorti diġà rrikonoxxiet li l-ħżin tal-marki tas-swaba’ fuq mezz ta’ ħżin sigur ħafna jista’ jnaqqas ir-riskju tal-iffalsifikar tal-passaporti u jiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet responsabbli għall-verifika tal-awtentiċità ta’ tali dokumenti 35 . Skont l-Avukat Ġenerali Medina, Dan japplika wkoll għall-użu tal-karti tal-identità fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-moviment liberu 36 .

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat il-proporzjonalità tal-aċċettazzjoni u l-ħżin tal-marki tas-swaba’. Hija sabet li dan il-proċess la huwa ta’ natura intima, peress li ż-żewġ marki tas-swaba’ huma karatteristiċi li ħżddieħor jista’ jarahom, u lanqas ma jikkawża inkonvenjenza fiżika jew mentali partikolari lill-persuna kkonċernata 37 . Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet l-ebda indikazzjoni li r-reġistrazzjoni tal-marki tas-swaba’ u t-teħid tax-xbieha tal-wiċċ jirriżultaw f’interferenza iktar serja ma’ dawk id-drittijiet minħabba li dawn twettqu fl-istess ħin 38 . Ikkonkludiet ukoll li ma jeżistix metodu ugwalment xieraq iżda inqas intrużiv, meta mqabbel mat-teħid u l-ħażna tal-marki tas-swaba’, għall-kisba, b’mod ugwalment effettiv, tal-għan tar-Regolament 39 .

Fl-aħħar nett, ir-Regolament jipprevedi garanziji msaħħa għall-ġbir u l-ħżin tal-marki tas-swaba’ 40 . Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 japplika fir-rigward tad-data personali, inkluż id-data bijometrika, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Bħala regola, l-Istati Membri jridu jivverifikaw l-immaġni tal-wiċċ, u l-marki tas-swaba’ jistgħu jiġu ċċekkjati biss f’każ ta’ dubju. Il-marki tas-swaba’ jistgħu jittieħdu biss minn persunal kwalifikat u debitament awtorizzat u ċċekkjati minn persunal awtorizzat kif xieraq u biss fejn meħtieġ mil-liġi. Barra minn hekk, id-data bijometrika maħżuna għall-fini tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità jew tad-dokumenti ta’ residenza trid tinżamm b’mod sigur ħafna u biss sakemm jinġabar id-dokument. Barra minn hekk, il-Premessa 21 tiddikjara b’mod espliċitu li r-Regolament ma jistax jikkostitwixxi bażi legali għall-ħolqien jew iż-żamma ta’ bażijiet tad-data ta’ data bijometrika fil-livell nazzjonali jew Ewropew.

Mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni ma ġiet mgħarrfa dwar ebda attakk jew ksur li rnexxew fuq il-mezz ta’ ħżin sikur inkluż fid-dokumenti koperti.

Fil-kawża Landeshauptstadt Wiesbaden, l-Avukat Ġenerali Medina apeta kkonkluda li r-Regolament u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(5) tiegħu ma jikkostitwixxix limitazzjoni mhux ġustifikata tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta 42 .

2.4.Informazzjoni oħra dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament

2.4.1.Impatt tal-pandemija tal-COVID-19

Id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, it-2 ta’ Awwissu 2021, seħħet matul il-pandemija tal-COVID-19. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-Kummissjoni kienet fittxet feedback mingħand l-Istati Membri dwar l-impatt tal-pandemija fuq it-tħejjijiet rilevanti tal-Istati Membri f’Marzu 2021. Fit-tweġibiet tagħhom, seba’ Stati Membri pproponew li jikkunsidraw li jipposponu d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament.

Abbażi tal-feedback li rċeviet, f’Lulju 2021 43 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri li kienet iddeċidiet li ma tipproponix li tipposponi d-dħul fis-seħħ tar-Regolament sabiex ma tipperikolax l-introduzzjoni ppjanata tal-Istati Membri li kienu lesti li joħorġu dokumenti konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament sat-2 ta’ Awwissu 2021.

Il-Kummissjoni ssuġġeriet lil dawk l-Istati Membri li kienu indikaw dewmien potenzjali biex jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiżguraw li l-perjodu ta’ validità indikat fid-dokument jikkorrispondi kif xieraq għall-perjodi ta’ eliminazzjoni gradwali stabbiliti mill-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament (ara t-Taqsima 2.2).

Dan ikun ifisser, pereżempju, li l-karti tal-identità mhux konformi maħruġa wara t-2 ta’ Awwissu 2021, u li jkunu koperti mill-perjodu itwal ta’ eliminazzjoni gradwali, jenħtieġ li jindikaw mhux aktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2031 bħala d-data ta’ tmiem il-validità tagħhom, anki jekk Stat Membru normalment joħroġ tali karti tal-identità b’perjodu ta’ validità ta’ 10 snin. Inkella, il-karti tal-identità kkonċernati ma jibqgħux validi meta jiġi applikat tal-Artikolu 5 tar-Regolament filwaqt li jkunu għadhom jidhru validi minħabba li d-dokument ikun jindika data aktar tard. Bl-istess mod, il-karti tal-identità mhux konformi maħruġa wara t-2 ta’ Awwissu 2021 u koperti mill-perjodu iqsar ta’ eliminazzjoni gradwali jenħtieġ li jindikaw mhux aktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2026 bħala d-data tat-tmiem tal-validità tagħhom.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ħeġġet bil-qawwa lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li d-dokumenti joħorġuhom konformi mar-Regolament mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

F’termini ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati indikaw li kienu llimitaw il-validità tad-dokumenti kkonċernati u/jew innotifikaw lid-detenturi kif xieraq.

2.4.2.Proċeduri ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni

Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Bulgarija, il-Greċja u l-Portugall talli naqsu milli jimplimentaw ir-Regolament 44 . Il-proċeduri ta’ ksur jikkonċernaw nuqqasijiet minn dawk l-Istati Membri li joħorġu dokumenti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament f’format li jikkonforma mar-rekwiżiti tiegħu.

Fil-każ tal-Bulgarija, dan jikkonċerna n-nuqqas li jinħarġu karti tal-identità konformi, dokumenti ta’ residenza taċ-ċittadini tal-UE u karti ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

Fil-każ tal-Greċja, dan jikkonċerna n-nuqqas li jinħarġu karti tal-identità konformi.

Fil-każ tal-Portugall, dan jikkonċerna n-nuqqas li jinħarġu karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza konformi taċ-ċittadini tal-UE.

2.4.3.Kawżi fil-qrati b’rilevanza għar-Regolament

Mid-dħul fis-seħħ tiegħu, kien hemm żewġ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li jikkonċernaw ir-Regolament, u b’mod partikolari l-legalità tal-inklużjoni tal-marki tas-swaba’ fil-karti tal-identità. Dawn iż-żewġ kawżi għadhom pendenti.

L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari pendenti, Landeshauptstadt Wiesbaden 45 , tikkonċerna l-validità tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament, li jipprevedi li l-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu mgħammra b’mezz ta’ ħażna sikur ħafna bl-immaġni tal-wiċċ tad-detentur u żewġ marki tas-swaba’ f’formati interoperabbli.

Il-Qorti nazzjonali tar-rinviju staqsiet jekk l-Artikolu 21(2) TFUE huwiex il-bażi legali korretta għar-Regolament, jekk l-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba’ jikkonformax mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data, u jekk l-allegat nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data jistax ikollu impatt fuq il-validità tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament.

Fil-konklużjonijiet tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2023 46 , l-Avukat Ġenerali Medina kkonkluda li r-Regolament kien ġie adottat b’mod korrett abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali enfasizza li dan id-dritt jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti l-oħra tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant il-karti tal-identità nazzjonali juru l-istess funzjonijiet bħal dawk li jagħmlu għal dawn ir-residenti, li jimplika li prova tal-identità affidabbli u awtentika biss tiffaċilita t-tgawdija sħiħa tal-moviment liberu.

L-Avukat Ġenerali Medina qies ukoll li l-Artikolu 3(5) ma jikkostitwixxix limitazzjoni mhux ġustifikata tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara wkoll it-Taqsima 2.3.2). Fl-aħħar nett, l-Avukat Ġenerali kien tal-fehma li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma kinux obbligati jwettqu valutazzjoni tal-impatt matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament.

It-tieni talba pendenti għal deċiżjoni preliminari, Kinderrechtencoalitie Vlaanderen and Liga voor Mensenrechten 47 , tikkonċerna l-Artikolu 3(5) u (6) u l-Artikolu 14 tar-Regolament, u l-kompatibbiltà tagħhom, fost l-oħrajn, mad-dritt għall-privatezza u għad-data personali u d-dritt għall-moviment liberu. Għadha ma ġiet ippubblikata l-ebda Opinjoni f’dan il-każ.

2.4.4.Informazzjoni li waslet mingħand iċ-ċittadini

Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ lmenti u ittri mingħand iċ-ċittadini dwar id-dokumenti koperti mir-Regolament. Il-biċċa l-kbira ta’ dik il-korrispondenza kienet tikkonċerna kwistjonijiet mhux relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament, b’mod partikolari l-proċeduri amministrattivi nazzjonali marbuta mal-ħruġ ta’ karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza fl-Istati Membri u d-dewmien f’dawn il-proċeduri. L-ittri u l-ilmenti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tar-Regolament kienu jikkonċernaw prinċipalment l-inklużjoni obbligatorja tal-marki tas-swaba’ (f’dan il-kuntest, ara t-Taqsima 2.3.2).

2.5.Żviluppi rilevanti oħra

2.5.1.Id-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ 48 . L-istrateġija nnotat li ladarba l-ivvjaġġar globali jirkupra mill-pandemija tal-COVID-19, jistgħu jkunu mistennija żidiet qawwija fil-flussi tal-passiġġieri. Dan se jagħti impetu ġdid lill-proċess tad-diġitalizzazzjoni li diġà kien inbeda qabel il-pandemija, u se jirrikjedi modi innovattivi biex jiġu ffaċilitati u aċċellerati l-kontrolli fil-fruntieri fil-portijiet tad-dħul internazzjonali. Id-dokumentazzjoni diġitali hija kemm aktar effiċjenti kif ukoll aktar sigura. Il-Kummissjoni ħabbret li, wara valutazzjoni profonda u l-konsultazzjonijiet meħtieġa, beħsiebha tippreżenta proposta għal Regolament dwar id-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar.

Bl-introduzzjoni ta’ dokumenti diġitali tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar bejn il-fruntieri esterni, ittaffi l-pressjoni u l-konġestjonijiet fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri u tqassar il-ħinijiet ta’ stennija kif ukoll iżżid is-sigurtà u l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri. Għandha wkoll l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-moviment liberu għaċ-ċittadini tal-UE u għall-membri tal-familja tagħhom.

Standard għad-dokumenti diġitali tal-ivvjaġġar (l-hekk imsejjaħ Kredenzjali tal-Ivvjaġġar Diġitali) ġie stabbilit mill-ICAO, kif sar storikament għad-dokument fiżiku tal-Passaport elettroniku u d-data elettronika li tinsab fiċ-ċippa tiegħu 49 . Il-kredenzjali tal-Ivvjaġġar Diġitali jistgħu jiġu derivati minn passaport jew karta tal-identità eżistenti. Il-vjaġġaturi jkollhom kopja tad-data maħżuna fuq il-mezz ta’ ħżin tad-dokument tal-ivvjaġġar fiżiku replikata f’applikazzjoni ospitata fuq apparat, bħal mowbajl (il-marki tas-swaba’ mhumiex inklużi). Il-vjaġġaturi jkunu jistgħu jibagħtu l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar bil-quddiem, filwaqt li jagħtu lill-awtoritajiet il-ħin biex jiffiltraw l-informazzjoni u jħaffu kwalunkwe verifika applikabbli fil-fruntieri.

Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq il-ġbir tal-evidenza u l-valutazzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija ta’ proposta bħal din.

2.5.2.L-Identità Diġitali Ewropea

Fit-3 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni pproponiet qafas għal Identità Diġitali Ewropea 50 , li se jkun disponibbli għaċ-ċittadini, għar-residenti u għan-negozji tal-UE biex jidentifikaw lilhom infushom online u offline għas-servizzi pubbliċi u privati. Ir-Regolament propost jipprova jistabbilixxi qafas sikur li jippermetti liċ-ċittadini jorbtu l-identitajiet diġitali nazzjonali tagħhom mal-attributi u l-kredenzjali diġitali li jippermettulhom jissostitwixxu varjetà ta’ karti fiżiċi u passes u b’hekk jissimplifikaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Il-proposta għal Identità Diġitali Ewropea, li bħalissa qed tiġi nnegozjata, hija allinjata mal-objettivi tar-Regolament. Il-karti tal-identità maħruġa f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament fihom informazzjoni sigura f’mezz ta’ ħżin li jista’ jintuża mill-Istati Membri biex jidentifikaw persuna b’mod sigur, li jippermetti li tintuża biex tinħoloq Identità Diġitali Ewropea. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-mezz ta’ ħżin sigur tal-karti tal-identità maħruġa skont ir-Regolament biex jgħammru l-karti b’funzjonalità tal-eID.

Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku provviżorju dwar l-elementi ewlenin tal-proposta 51 .

3.Konklużjoni

Id-dritt għall-moviment liberu huwa dritt taċ-ċittadinanza tal-UE li huwa partikolarment għal qalb iċ-ċittadini tal-UE, u karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza siguri u affidabbli għandhom rwol kruċjali biex jiġu evitati l-ostakli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Il-possibbiltà għaċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw fl-UE mingħajr passaport u li jużaw biss karta tal-identità hija waħda mill-benefiċċji konkreti tad-dritt tal-moviment liberu. Barra minn hekk, in-natura li teżenta l-viża tal-karti ta’ residenza maħruġa lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru tiffaċilita l-ħajja tal-familja maċ-ċittadin tal-UE li jkunu qed jakkumpanjaw. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-benefiċċji ma jiġux abbużati minn atturi malizzjużi, jibqa’ meħtieġ livell għoli ta’ sigurtà għal tali dokumenti. 

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regolament f’konformità mar-rwol tagħha bħala gwardjan tat-trattati.

 

(1)

   ĠU L 188, 12.7.2019, p. 67.

(2)

   Fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Kumitat Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea adotta d-Deċiżjoni Nru 50/2023 li tinkorpora r-Regolament fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja wara li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kostituzzjonali.

(3)

   Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)

   L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(5)

   L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(6)

   L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(7)

   L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(8)

   Id-Danimarka u l-Irlanda ma joħorġux karti tal-identità.

(9)

   L-Artikolu 8 (1) u (2) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(10)

   L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(11)

   L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(12)

   L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(13)

   L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.

(14)

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament, fir-rigward tal-karti ta’ residenza l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess format kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1954. Minħabba l-użu ta’ format stabbilit, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Frontex twettaq valutazzjoni simili bħal dik għall-karti tal-identità. Barra minn hekk, ma ntalbet l-ebda valutazzjoni teknika fir-rigward tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE, peress li l-Artikolu 6 tar-Regolament ma jipprevedix karatteristiċi speċifiċi ta’ sigurtà fir-rigward ta’ tali dokumenti.

(15)

   ICAO Doc 9303, Machine Readable Travel Documents, Eighth Edition, 2021.

(16)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(17)

   Ir-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002, (ĠU L 286, 1.11.2017, p. 9).

(18)

   B’mod partikolari, il-konformità tal-medium ta’ memorja kienet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll imwettaq mill-Frontex.

(19)

   Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-Kummissjoni ma tiżvelax liema karti tal-identità huma affettwati.

(20)

   Iċ-Ċekja (občanský průkaz) u l-Portugall (Cartão de Cidadão).

(21)

   Ara l-Premessa 35 tar-Regolament.

(22)

   It-tfal ta' taħt is-6 snin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba'.

(23)

   Ara l-Premessa 27 tar-Regolament.

(24)

   Ara l-Premessa 35 tar-Regolament.

(25)

   L-użu ta’ dokument validu ta’ ħaddieħor.

(26)

   Xi ħadd li juża kards kontrafatti jew iffalsifikati.

(27)

    https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/eu-citizenship/movement-and-residence_mt

(28)

   Pereżempju, is-Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Mediaset, C-524/15, EU:C:2018:197, il-paragrafu 41.

(29)

   L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004.

(30)

   L-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(31)

   Il-Premessa 18 tar-Regolament.

(32)

   It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament.

(33)

   L-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafu 75.

(34)

   L-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu jippermetti restrizzjonijiet għal-liġi għal-libertà tal-moviment f’każijiet ta’ frodi u abbuż tad-drittijiet.

(35)

   Is-Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C-291/12, EU:C:2013:670, il-paragrafu 41.

(36)

   L-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafu 82.

(37)

   Is-Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C-291/12, EU:C:2013:670, il-paragrafu 48; ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs A u oħrajn, C-70/18, EU:C:2019:823, il-parafrafu 58 u l-opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C-61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafu 79.

(38)

   Is-Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C-291/12, EU:C:2013:670, il-paragrafu 50.    Ara wkoll l-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafu 89.

(39)

   Is-Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C-291/12, EU:C:2013:670, il-paragrafu 51. Ara wkoll l-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafu 95.

(40)

   Ara l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament u l-Premessi 19 sa 22 u 40 u l-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C-61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafi 98–103.

(41)

     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(42)

   L-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2023:520, il-paragrafu 108.

(43)

   Ares(2021)4724281.

(44)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/inf_23_3445  

(45)

Il-Kawża C-61/22.

(46)

   L-Opinjoni tad-29 ta’ Ġunju 2023, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2023:520.

(47)

Il-Kawża C-280/22.

(48)

   COM(2021) 277 final.

(49)

   Il-prinċipji Ewlenin ta’ Gwida għall-Iżvilupp tal-Kredenzjali tal-Ivvjaġġar Diġitali (DTC, Digital Travel Credential), disponibbli fuq: https://www.icao.int/Security/FAL/TRIP/PublishingImages/Pages/Publications/Guiding%20core%20principles%20for%20the%20development%20of%20a%20Digital%20Travel%20Credential%20%20%28DTC%29.PDF  

(50)

   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward l-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea (COM(2021) 281 final).

(51)

    https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_3556