IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.9.2023
COM(2023) 524 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-evalwazzjoni tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tar-Regolament (UE) 2018/1139 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea
SOMMARJU EŻEKUTTIV
Il-Kummissjoni Ewropea wettqet evalwazzjoni tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”) u tar-Regolament (UE) 2018/1139 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (). L-evalwazzjoni vvalutat l-effettività tar-Regolament fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu, l-effiċjenza, ir-rilevanza fir-rispons għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, il-koerenza ma’ leġiżlazzjoni u azzjonijiet ta’ politika oħra tal-UE, u l-valur miżjud tal-UE ġenerali tiegħu. L-evalwazzjoni vvalutat ukoll il-prestazzjoni tal-EASA fir-rigward tal-objettivi, tal-mandat u tal-kompiti tagħha. Dan ir-rapport huwa ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 124 tar-Regolament (UE) 2018/1139. Jippreżenta s-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni, filwaqt li jenfasizza l-kisbiet kemm tal-EASA kif ukoll tar-Regolament fir-rigward tal-objettiv ġenerali li jiġi stabbilit u li jinżamm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni. Ir-rapport jidentifika wkoll oqsma li fihom huwa meħtieġ titjib futur, bħal finanzjament xieraq tal-attivitajiet tal-EASA. Is-sejbiet ippreżentati f’dan ir-rapport huma żviluppati ulterjorment f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni() dedikat u huma appoġġati minn data miġbura fi studju kkuntrattat mill-Kummissjoni biex jiġu evalwati kemm l-EASA kif ukoll ir-Regolament().
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (KE) 2018/1139 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2018. Bis-sikurezza bħala l-prerekwiżit għal settur tal-avjazzjoni kompetittiv, l-objettiv prinċipali tar-Regolament huwa li jistabbilixxi u jżomm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni. Ir-Regolament għandu wkoll l-għan li, fost l-oħrajn, jiffaċilita, fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament, il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, jipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha fis-suq intern tal-avjazzjoni, jikkontribwixxi għal livell għoli u uniformi ta’ ħarsien tal-ambjent, kif ukoll jippromwovi, madwar id-dinja, il-fehmiet tal-Unjoni dwar l-istandards tal-avjazzjoni ċivili u r-regoli tal-avjazzjoni ċivili, bl-istabbiliment ta’ kooperazzjoni xierqa ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
L-objettivi tar-Regolament jintlaħqu, fost l-oħrajn, permezz tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti li jkopru l-oqsma ewlenin kollha tal-avjazzjoni ċivili, inklużi l-ajrunavigabbiltà, l-operazzjonijiet tal-ajru, l-ekwipaġġ tal-ajru, l-ajrudromi, u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Ir-Regolament ikopri wkoll teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari droni (sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord).
L-objettivi tar-Regolament jintlaħqu prinċipalment bl-għajnuna tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”) li hija inkarigata għal firxa wiesgħa ta’ responsabbiltajiet.
F’termini tal-ambitu ġeografiku tiegħu, ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha tal-UE. Huwa applikabbli wkoll fl-Iżvizzera, fin-Norveġja, fl-Iżlanda u fil-Liechtenstein, li huma membri tal-EASA bis-saħħa tal-ftehimiet tal-Unjoni ffirmati ma’ dawk il-pajjiżi().
Inizjalment, l-EASA ġiet stabbilita fl-2002 u bdiet topera fl-2003
. Minn dak iż-żmien, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regolament (KE) Nru 1108/2009(
) wessgħu l-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni u r-responsabbiltajiet tal-EASA. L-EASA għandha s-sede tagħha f’Cologne, b’uffiċċji fi Brussell, f’Washington, f’Beijing, f’Singapore u f’Panama City.
Ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 216/2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni(
). Fil-valutazzjoni tal-Impatt tal-2015 tagħha() li tappoġġa r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni identifikat il-problemi ewlenin li ġejjin tal-qafas legali eżistenti f’dak iż-żmien:
-is-sistema regolatorja eżistenti setgħet ma kinitx kapaċi biżżejjed li tidentifika u timmitiga r-riskji għas-sikurezza fit-terminu medju sa twil;
-is-sistema regolatorja eżistenti ma kinitx proporzjonata peress li ħolqot piżijiet eċċessivi, speċjalment għal operaturi iżgħar;
-is-sistema regolatorja eżistenti ma kinitx reattiva biżżejjed għall-iżviluppi tas-suq; u
-kien hemm differenzi fir-riżorsi madwar l-Istati Membri li ħolqu riskji potenzjali għas-sikurezza u li kkontribwew għan-nuqqas ta’ fiduċja fost l-Istati Membri.
Konsegwentement, biex jiġu indirizzati dawk il-problemi, il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015 identifikat l-objettivi speċifiċi li ġejjin tar-Regolament rivedut:
-li jiġu eliminati r-rekwiżiti mhux neċessarji u li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jkun proporzjonat għar-riskji assoċjati ma’ tipi differenti ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni;
-li jiġi żgurat li t-teknoloġiji l-ġodda u l-iżviluppi tas-suq jiġu integrati b’mod effiċjenti u jiġu ssorveljati b’mod effettiv;
-li jiġi stabbilit proċess kooperattiv ta’ ġestjoni tas-sikurezza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex jiġu identifikati u mmitigati b’mod konġunt ir-riskji għall-avjazzjoni ċivili;
-li jiġu eliminati d-diskrepanzi fis-sistema regolatorja u li tiġi żgurata l-konsistenza tagħha, eż., mal-politiki ambjentali; u
-li tinħoloq sistema ta’ ħidma effettiva għall-akkomunament u l-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija.
Ir-Regolament jirrikjedi li mhux aktar tard mit-12 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tar-Regolament kif ukoll tal-prestazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tal-objettivi, tal-mandati u tal-kompiti tagħha. Ir-Regolament jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill is-sejbiet ta’ dik l-evalwazzjoni. Konsegwentement, dan ir-rapport l-ewwel jippreżenta l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex twettaq l-evalwazzjoni u mbagħad jippreżenta s-sejbiet u l-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni.
2.METODOLOĠIJA TAL-EVALWAZZJONI
Il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-evalwazzjoni vvalutat l-effettività tar-Regolament fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu, l-effiċjenza, ir-rilevanza fir-rispons għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, il-koerenza ma’ leġiżlazzjoni u azzjonijiet ta’ politika oħra tal-UE, u l-valur miżjud tal-UE ġenerali tiegħu. L-evalwazzjoni vvalutat ukoll il-prestazzjoni tal-EASA fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha. L-evalwazzjoni tkopri l-perjodu bejn Awwissu 2018 u Diċembru 2022. Madankollu, spiss id-data kompluta kienet disponibbli biss għall-perjodu sal-aħħar tal-2021. L-evalwazzjoni kienet appoġġata minn studju ta’ appoġġ estern().
L-evalwazzjoni hija bbażata fuq evidenza kwalitattiva u kwantitattiva miġbura permezz ta’ riċerka estensiva bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni. Inġabret aktar evidenza permezz ta’ intervisti u kwestjonarji mxerrda fost id-diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti (linji tal-ajru, ajruporti, manifatturi ta’ prodotti ajrunawtiċi, NAAs, istituzzjonijiet u aġenziji fil-livell tal-UE). Barra minn hekk, kien hemm żewġ workshops iddedikati organizzati mal-industrija u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni mmirati lejn il-ġbir tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.
Minkejja l-isforzi kollha li saru biex jinġabru provi biżżejjed neċessarji għall-evalwazzjoni tar-Regolament, ma setgħux jiġu evalwati l-aspetti kollha minħabba n-nuqqas ta’ data suffiċjenti. Dan kien parzjalment minħabba li r-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta aktar regoli dettaljati f’xi oqsma ġodda koperti minnu. Filwaqt li f’xi każijiet, eż., fil-qasam tad-droni, tali ħidma hija pjuttost avvanzata, f’oqsma oħra, eż., fis-servizzi fuq l-art jew fiċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir tal-art tal-ATM/ANS, ix-xogħol għadu kif beda. Għalhekk, kien impossibbli li jiġi evalwat jekk ir-Regolament issodisfax l-objettivi ddikjarati kollha tiegħu.
Barra minn hekk, ir-Regolament introduċa bidliet pjuttost limitati meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu u, għalhekk, il-partijiet ikkonċernati kellhom diffikultajiet biex jiddiżakkoppjaw il-kostijiet ta’ konformità relatati mar-Regolament mill-kostijiet ta’ konformità li jirriżultaw mir-rekwiżiti eżistenti minn qabel. Konsegwentement, l-analiżi tal-effiċjenza użat stimi imperfetti ta’ dawn il-kostijiet ta’ konformità.
Barra minn hekk, il-perjodu ta’ evalwazzjoni kien ġeneralment atipiku minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-avjazzjoni, kemm matul il-pandemija nnifisha kif ukoll wara dan, matul il-perjodu ta’ rkupru li għadu għaddej. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, id-dħul mill-passiġġieri fl-2020 u fl-2021 naqas b’mod sinifikanti. L-ajruporti rrapportaw telf sinifikanti fl-2020 u d-dejn tal-ajruporti żdied. It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru kien akkumpanjat mill-kapaċità limitata tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) li jnaqqsu l-livelli tan-nefqa tagħhom. L-ANSPs kellhom jimmaniġġaw id-diskrepanza fid-dħul billi jużaw jew ir-riżorsi tagħhom stess, jew permezz ta’ self jew injezzjoni ta’ ekwità mis-sidien tagħhom (li fil-biċċa l-kbira huma l-Istati Membri). Ir-rati ta’ impjieg fl-industrija tal-avjazzjoni naqsu wkoll minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 affettwat direttament il-kapaċità tal-Aġenzija li timplimenta r-Regolament, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet il-ġodda tiegħu. Għalhekk, il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sfidi sinifikanti għal din l-evalwazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għad-disponibbiltà tad-data u d-diffikultajiet relatati mal-interpretazzjoni tagħha.
Sabiex tiġi żgurata disponibbiltà aħjar tad-data għall-evalwazzjonijiet futuri, il-Kummissjoni rrieżaminat u pproponiet reviżjonijiet għas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni li tinsab fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015. Is-sistema riveduta tqis l-iżviluppi reċenti u t-tipi addizzjonali ta’ data, li saru disponibbli mill-pubblikazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015. Il-punti tad-data rispettivi se jinġabru kull sena mill-EASA, u għandhom jiffaċilitaw l-effettività u l-effiċjenza tal-evalwazzjoni li jmiss.
Minħabba l-kumplessità tal-qafas legali ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni (li jinsab prinċipalment fid-diversi atti ta’ implimentazzjoni u delegati adottati abbażi tar-Regolament), din l-evalwazzjoni tiffoka fuq ir-rwol u l-impatt tar-Regolament innifsu. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tidħolx f’valutazzjoni dettaljata tar-regoli fl-oqsma tekniċi differenti koperti mill-atti ta’ implimentazzjoni u delegati.
3.SEJBIET TAL-EVALWAZZJONI
Fir-rigward tal-attivitajiet tat-tfassil tar-regoli, l-EASA għandha l-għan li tiżgura approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni meta tipproponi rekwiżiti u proċeduri. Madankollu, in-natura “inklużiva” tal-proċess tat-tfassil tar-regoli (jiġifieri l-ibbilanċjar tal-ħtiġijiet u tal-approċċi ppreferuti tal-industrija u dawk tal-NCAs) f’xi każijiet twassal għall-iżvilupp ta’ regoli preskrittivi. Għandhom isiru aktar sforzi biex jintlaħaq bilanċ bejn ir-rekwiżiti legali u miżuri mhux vinkolanti u aktar flessibbli bħal mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida.
Ċerti kompiti tal-EASA relatati mal-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji tal-avjazzjoni jinsabu fil-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar is-SES2+(). Tali titjib importanti relatat mas-sikurezza jinkludi t-titjib tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni bil-ħolqien ta’ dipendenza reċiproka aktar robusta bejn il-korp ta’ rieżami tal-prestazzjoni tal-SES u l-EASA, ir-rwol dejjem akbar tal-maniġer tan-network (il-ħolqien ta’ inċentivi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali) u r-regoli l-ġodda dwar il-forniment ta’ servizz ta’ informazzjoni komuni għall-operazzjonijiet tal-avjazzjoni mingħajr bdot abbord. Sfortunatament, il-proċess leġiżlattiv dwar is-SES2+ għadu għaddej.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-EASA, ir-riżultati pożittivi huma dovuti l-aktar għall-effettività fit-tul tal-attivitajiet tal-EASA fl-oqsma tat-tfassil tar-regoli, taċ-ċertifikazzjoni u tal-istandardizzazzjoni aktar milli għall-impatt speċifiku tar-Regolament.
Fil-perjodu ta’ rapportar, is-settur tal-avjazzjoni ffaċċja tliet kriżijiet ewlenin (il-pandemija tal-COVID-19, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna) li għalihom l-EASA setgħet tirrispondi b’mod effettiv u effiċjenti.
B’mod ġenerali, il-prestazzjoni tal-EASA fir-rigward tal-attivitajiet tat-tfassil tar-regoli, taċ-ċertifikazzjoni u tal-istandardizzazzjoni hija pożittiva ħafna. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq l-attivitajiet tal-EASA, u ġegħlitha tiffoka fuq dawk l-isfidi l-ġodda u ddevjatha mill-ħidma normali tagħha.
Huwa meqjus li r-Regolament żied il-kostijiet għall-partijiet ikkonċernati (primarjament minħabba rekwiżiti ġodda u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni u delegati). Minkejja dan, il-partijiet ikkonċernati identifikaw benefiċċji f’termini ta’ aktar sikurezza. Il-partijiet ikkonċernati kellhom fehmiet differenti fir-rigward tal-proporzjonalità tal-kostijiet u tal-benefiċċji tar-Regolament.
Il-konsultazzjonijiet tal-Korpi Konsultattivi tal-EASA saru aktar effettivi. Approċċ kooperattiv aħjar wassal għal titjib sinifikanti fil-funzjonament tal-istruttura konsultattiva tal-EASA u fir-relazzjoni bejn l-EASA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Ir-Regolament kien effettiv b’mod ġenerali fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu. Minkejja l-limitazzjonijiet tas-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni, hemm indikazzjonijiet b’saħħithom li l-EASA u r-Regolament ikkontribwew għall-integrazzjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport bl-ajru u dan irriżulta f’benefiċċji sinifikanti għas-sikurezza, għall-effiċjenza, għall-ambjent u f’kundizzjonijiet ekwi mtejba għall-industrija tal-avjazzjoni.
Minkejja xi oqsma identifikati għat-titjib (eż. il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni konsistenti tar-regoli fl-oqsma kollha tas-sikurezza tal-avjazzjoni), il-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni tal-Unjoni jqisu l-kwalità ġenerali tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-Unjoni bħala għolja ħafna. L-EASA wettqet il-kompiti ewlenin tagħha ddefiniti mir-Regolament: jiġifieri l-attivitajiet taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti, tat-tfassil tar-regoli u tal-istandardizzazzjoni huma ġeneralment perċepiti bħala effettivi b’xi riżervi żgħar (eż. proċess tat-tfassil tar-regoli twil wisq meta mqabbel ma’ pass mgħaġġel tal-iżviluppi teknoloġiċi). Barra minn hekk, l-EASA baqgħet effettiva minkejja restrizzjonijiet dejjiema fir-riżorsi mill-2018, parzjalment minħabba li tista’ timpjega persunal b’għarfien espert avvanzat fi gradi għoljin minn kmieni, u b’hekk tikseb l-għarfien u l-effiċjenza.
Barra minn hekk, l-effettività tal-EASA tintwera mir-rwol li kellha b’rispons għax-xokkijiet esterni u għall-pressjonijiet politiċi: ġie rrapportat feedback pożittiv ħafna fir-rigward tar-rwol tal-EASA waqt il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl-iżgurar ta’ operazzjonijiet sikuri tat-titjir matul il-pandemija tal-COVID-19 u fil-perjodu ta’ wara l-pandemija, jew fir-reazzjoni tagħha għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Filwaqt li r-Regolament jassenja lill-EASA rwol wiesa’ ħafna fl-appoġġ għall-implimentazzjoni, ir-restrizzjonijiet eżistenti fuq ir-riżorsi jillimitaw il-kapaċità tal-EASA li twettaq dawk il-kompiti kompletament. Għalhekk, l-ammont ta’ xogħol futur tal-EASA għandu jiġi vvalutat bir-reqqa fid-dawl tar-riżorsi limitati tagħha. Ir-Regolament ma jipprovdix prijoritizzazzjoni għall-attivitajiet differenti tal-EASA u ma jagħmel l-ebda rabta diretta mar-riżorsi tagħha. Pereżempju, il-kompiti tal-Aġenzija fl-innovazzjoni u fir-riċerka jirrikjedu bilanċ bejn l-immaniġġar tal-kompiti ewlenin kurrenti tal-EASA u l-ħtieġa li ssir ħidma fuq oqsma futuri.
L-EASA u r-Regolament urew li jipprovdu qafas regolatorju armonizzat li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sikurezza u li jiżgura li l-operaturi kollha jaderixxu mal-istess standards. L-EASA kkontribwiet ukoll għall-istandardizzazzjoni tar-regolamenti fl-Unjoni, u dan wassal għal kooperazzjoni u għal koordinazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Madankollu, biex tinżamm il-kapaċità tal-EASA li tirreaġixxi b’mod effettiv għax-xokkijiet esterni u li tibqa’ involuta bis-sħiħ f’objettivi usa’ tal-politika tal-UE (eż., objettivi ambjentali), huwa essenzjali li l-Aġenzija jkollha livell adegwat ta’ riżorsi, kemm f’termini ta’ persunal kif ukoll ta’ finanzi, li tuża r-riżorsi limitati tagħha b’mod għaqli, u li tadatta l-kompiti tagħha skont il-prijoritajiet.
L-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni applikat mill-EASA huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament. Madankollu, il-ħtieġa għal bilanċ aħjar bejn iċ-ċertezza legali u l-flessibbiltà tar-rekwiżiti, diġà identifikata fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015 bħala waħda mill-problemi tal-qafas eżistenti minn qabel, għadha ma ntlaħqitx bis-sħiħ.
Għalkemm hemm kunsens wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati (u fl-EASA nnifisha) dwar il-ħtieġa li jiġi segwit approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u inqas preskrittiv, għad hemm xi reżistenza għal dan l-approċċ. Filwaqt li l-partijiet ikkonċernati mill-industrija tal-avjazzjoni jippreferu regoli bbażati fuq il-prestazzjoni/mhux preskrittivi, l-awtoritajiet għandhom it-tendenza li jivvalutaw regoli aktar preskrittivi peress li jipprevedu aktar ċertezza legali.
L-introduzzjoni ta’ aktar flessibbiltà fil-proċess tat-tfassil tar-regoli żżid l-effettività tat-tfassil tar-regoli tal-EASA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-materjali ta’ gwida żviluppati mill-EASA jgħinu biex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tar-regolamenti.
L-effettività tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-Korpi Konsultattivi tal-EASA hija fil-biċċa l-kbira tagħha pożittiva u l-EASA għandha rwol ċentrali fir-rispett tal-proċess dovut bil-liġi meta tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha mingħajr bidliet ad hoc fil-proċeduri.
Il-feedback tal-partijiet ikkonċernati enfasizza li r-relazzjonijiet fil-Korpi Konsultattivi tal-EASA tjiebu b’mod sinifikanti matul is-snin, u nbidlu minn approċċ kompetittiv għal wieħed kooperattiv. Sabiex ittejjeb ulterjorment l-effettività tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-EASA nediet rieżami tal-attivitajiet tal-Korpi Konsultattivi fl-2022 li rriżulta fl-istabbiliment ta’ gruppi addizzjonali li jiffukaw fuq suġġetti speċifiċi.
Il-valur tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fi stadju bikri (jiġifieri, permezz ta’ gruppi ta’ tfassil tar-regoli u gruppi oħra dedikati għas-suġġett) huwa ġeneralment rikonoxxut mill-EASA, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija tal-avjazzjoni. Madankollu, konsultazzjonijiet aktar immirati tal-partijiet ikkonċernati barra mill-Korpi Konsultattivi jistgħu jtejbu ulterjorment l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-EASA.
F’termini ta’ effiċjenza, l-EASA rnexxiet b’mod ġenerali fl-implimentazzjoni tar-riżorsi finanzjarji li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ġie estiż (u qed ikompli jiġi estiż) l-ambitu tal-kompiti tal-EASA filwaqt li r-riżorsi mhux dejjem żdiedu kif xieraq. Dan irriżulta fi sfida għall-EASA biex twettaq il-missjonijiet tagħha fit-tul.
L-EASA setgħet iżżomm rati għoljin ta’ implimentazzjoni tal-baġit, billi għamlet użu mir-riżorsi finanzjarji annwali disponibbli matul is-snin. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq l-attivitajiet tal-EASA u fuq id-dħul tagħha mit-tariffi u mill-imposti. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni kellhom ukoll impatt fuq ir-riżorsi operazzjonali tal-EASA, u b’hekk kien meħtieġ li l-EASA torganizza lilha nnifisha mill-ġdid skont dawn il-prijoritajiet il-ġodda u tadatta/tħarreġ il-persunal tagħha għal sfidi ġodda tal-avjazzjoni.
Irrispettivament mill-pandemija tal-COVID-19, l-EASA affaċċjat tnaqqis kostanti f’termini ta’ riżorsi umani (ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time - FTEs) li rriżulta fi sfida għall-EASA biex twettaq il-kompiti tagħha. Fil-fatt, filwaqt li l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015 stmat li l-introduzzjoni tar-Regolament tkun tirrkjedi FTEs addizzjonali, in-numru attwali ta’ FTEs fl-EASA fil-fatt naqas matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni. Dan it-tnaqqis huwa partikolarment notevoli meta titqies l-espansjoni tal-kompiti tal-EASA.
Is-sussidju tal-Unjoni lill-EASA ma jirriflettix ħtiġijiet emerġenti mhux previsti. Għad irid jiġi vvalutat jekk il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għadhiex biżżejjed biex tiffinanzja l-kompiti tal-EASA. Dan jirrikjedi li l-EASA tfittex finanzjament għal dawk l-attivitajiet xi mkien ieħor (eż., permezz ta’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa). Il-kompiti emerġenti l-ġodda tal-EASA jirrikjedu analiżi fil-fond tal-kapaċità tagħha li twettaqhom b’mod effiċjenti. Huwa neċessarju wkoll li l-EASA tħejji għal avvenimenti mhux mistennija li jista’ jkollhom impatt fuq l-operazzjonijiet u l-flussi tad-dħul tagħha.
Għalkemm l-EASA wriet il-kapaċità tagħha li tuża b’mod effiċjenti l-baġit annwali tagħha u li tiġġenera dħul permezz tal-attivitajiet tagħha, in-numru dejjem akbar ta’ kompiti tal-EASA jirrikjedi valutazzjoni fir-rigward tad-disponibbiltà tar-riżorsi neċessarji. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk l-Unjoni tkunx moqdija aħjar b’Aġenzija li tkun iffinanzjata bis-sħiħ mit-tariffi tal-utenti.
Id-diskussjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji fit-tul tal-EASA hija marbuta mill-qrib mad-diskussjoni li għaddejja dwar il-baġit tal-EASA għas-snin 2025-2027 fejn l-EASA qed tiffaċċja sfidi importanti biex tibbilanċja l-baġit tagħha, li jirriżultaw, fost l-oħrajn, minn żidiet fil-kostijiet ikkawżati mill-inflazzjoni u mill-ħtieġa li tiġi aġġornata l-infrastruttura tal-IT tal-EASA. Minħabba dawk ir-restrizzjonijiet baġitarji fuq perjodu ta’ żmien qasir li jirriżultaw mil-limitazzjonijiet skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) kurrenti tal-2021-2027, l-EASA se jkollha tikkunsidra r-riorganizzazzjoni u r-ristrutturar tal-metodi ta’ ħidma kurrenti tagħha.
Minbarra l-kwistjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, element importanti ieħor f’dan il-kuntest huwa l-grad ta’ flessibbiltà fil-pjan ta’ stabbiliment tal-EASA għal karigi li huma ffinanzjati permezz tat-tariffi u l-imposti tal-utenti. Bħalissa, il-pjan ta’ stabbiliment, li jiddefinixxi l-għadd ta’ karigi tal-EASA madwar l-organizzazzjoni irrispettivament mis-sors ta’ finanzjament, ixekkel lill-EASA fil-ġenerazzjoni ta’ dħul sostenibbli mit-tariffi minn applikazzjonijiet ġodda, l-involviment tagħha fi programmi tal-UE ffinanzjati mit-tariffi jew servizzi oħra (eż. fl-oqsma bħall-operaturi ta’ pajjiżi terzi jew l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti) peress li l-EASA ma tistax tirrekluta aktar persunal għal dawn il-kompiti. Pjan ta’ stabbiliment aktar flessibbli jista’ jiffaċilita wkoll ir-reklutaġġ ta’ speċjalisti meħtieġa għal kompiti bħall-proġetti ta’ ċertifikazzjoni, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni jew kompiti speċifiċi attribwiti lill-EASA skont ir-regolament futur Refuel Aviation (eż. fir-rigward tal-istandards tal-fjuwil, it-tikkettar ambjentali jew il-kompiti ta’ rapportar dwar fjuwils sostenibbli).
Għalhekk, il-pjan ta’ stabbiliment tal-EASA għandu jipprevedi flessibbiltà finanzjarja neċessarja.
Ir-Regolament huwa meqjus bħala li jwassal għal żieda fil-kostijiet għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, primarjament minħabba ż-żieda fir-rekwiżiti l-ġodda u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni u delegati. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ikkonċernati identifikaw ukoll benefiċċji f’termini ta’ aktar sikurezza. Filwaqt li l-kostijiet tas-sorveljanza tal-EASA tqiesu li kienu fil-biċċa l-kbira ġġustifikati, il-partijiet ikkonċernati qajmu tħassib dwar id-diffikultà tal-konformità ma’ xi wħud mir-rekwiżiti tal-implimentazzjoni, speċjalment għal pajjiżi u għal operaturi iżgħar. Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż previsti fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015 għadhom ma seħħewx, madankollu, użu aħjar tal-għodod offruti mir-Regolament għandu jnaqqas il-kostijiet tal-konformità u operazzjonali għall-partijiet ikkonċernati f’perjodu ta’ żmien medju sa twil.
Sabiex tkompli tiżdied l-effiċjenza tal-qafas eżistenti, għandu jsir aktar sforz biex jiġi żviluppat qafas regolatorju anqas preskrittiv u aktar ibbażat fuq il-prestazzjoni. Barra minn hekk, għandha tingħata aktar attenzjoni għall-impatt fuq il-kost ta’ rekwiżiti ġodda żviluppati fil-qafas tar-Regolament fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati (b’fokus partikolari fuq entitajiet żgħar).
Ir-Regolament huwa ġeneralment koerenti internament u esternament. Fi ftit oqsma speċifiċi biss, ir-Regolament ma huwiex koerenti bis-sħiħ mal-qafas regolatorju tal-SES, u ma’ xi standards internazzjonali, b’mod partikolari l-istandards u l-prattiki rakkomandati żviluppati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Għalhekk, huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi żgurata l-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni u allinjament aħjar mal-istandards adottati fil-livell internazzjonali.
Il-feedback tal-partijiet ikkonċernati dwar il-koerenza interna tar-Regolament kien ġeneralment pożittiv. Madankollu, xi partijiet ikkonċernati nnotaw xi interpretazzjonijiet diverġenti tar-regoli ta’ implimentazzjoni u inkoerenzi bejn l-Istati Membri.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-valur miżjud tal-UE, l-EASA tissodisfa r-rwol tagħha fl-iżgurar tal-applikazzjoni ta’ regoli u ta’ standards komuni għas-sikurezza tal-avjazzjoni u fil-kooperazzjoni fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent, tar-riċerka u tal-innovazzjoni kif ukoll fir-rwol tagħha fil-kooperazzjoni internazzjonali.
Ir-Regolament kiseb benefiċċji li ma setgħux jinkisbu fil-livell nazzjonali jew permezz ta’ korpi internazzjonali oħra. Regolament fis-seħħ ikun ippreferut minn sistema aktar frammentata b’sett differenti ta’ regoli f’livelli differenti. Benefiċċju ewlieni ta’ qafas regolatorju għall-Unjoni kollha jikkonsisti fil-provvista ta’ rekwiżiti komuni madwar l-Unjoni.
Ir-Regolament għandu wkoll valur miżjud meta mqabbel mal-qafas legali eżistenti minn qabel, prinċipalment minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni estiż tiegħu li jkopri oqsma ġodda importanti bħall-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, iċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir tal-art tal-ATM u l-ħarsien tal-ambjent.
Madankollu, il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tas-settur tal-avjazzjoni ċivili qed jiżviluppaw kontinwament u l-EASA trid tkompli tadatta għal dawk il-ħtiġijiet. Xi wħud mir-rekwiżiti l-ġodda tar-Regolament għad iridu jiġu pprovduti permezz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni addizzjonali (eż., dwar is-servizzi fuq l-art), u xi oqsma ġodda oħra se jkollhom jiġu indirizzati fil-futur qrib (eż., Operazzjonijiet tal-Ispazju tal-Ajru Ogħla() jew żviluppi teknoloġiċi fl-ATM).
L-EASA għad għandha rwol importanti u preponderanti fl-armonizzazzjoni tar-regoli, fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni, u fl-appoġġ tal-atturi kollha fl-avjazzjoni Ewropea u tal-pubbliku ġenerali.
L-EASA rnexxiet ukoll fl-istabbiliment ta’ relazzjonijiet mas-sħab internazzjonali tal-avjazzjoni, inkluż fl-ICAO, li rriżulta fir-rikonoxximent reċiproku tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi. Dan iffaċilita l-aċċettazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi tal-avjazzjoni tal-Unjoni. L-EASA tinsab fuq quddiem nett fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi, bħal sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u ta’ inġenji tal-ajru elettriċi, fost l-oħrajn. Dan juri wkoll il-kapaċità tal-Unjoni li żżomm il-kompetittività internazzjonali tagħha.
Fl-isforz tagħha li tarmonizza r-regoli u li ttejjeb il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-avjazzjoni, l-EASA trid tadatta b’mod konsistenti għal ambjent kumpless ħafna u li jinbidel malajr.
Kemm ir-Regolament kif ukoll l-EASA huma meqjusa bħala rilevanti għall-ħtiġijiet kurrenti u futuri tas-settur tal-avjazzjoni. Ir-Regolament huwa rilevanti fl-indirizzar ta’ ħtiġijiet emerġenti ewlenin li jħallu impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni bħat-teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali.
Madankollu, hemm tħassib dwar il-kapaċità tal-Aġenzija li twettaq dawk il-kompiti l-ġodda mingħajr ma toħloq riperkussjonijiet negattivi fuq il-kompiti ewlenin tagħha tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Huwa importanti li jiġi vvalutat jekk l-EASA għandhiex biżżejjed riżorsi biex twettaq in-numru dejjem akbar ta’ kompiti tagħha.
L-innovazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi jħallu impatt fuq l-ambjent diġà kumpless li fih l-EASA twettaq il-missjonijiet tagħha. L-użu tal-apprendiment awtomatiku u tal-intelliġenza artifiċjali huma fil-qalba ta’ ħafna għodod ġodda. Żviluppi bħal dawn għandhom ukoll implikazzjonijiet possibbli fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni u għalhekk jeħtieġ li jiġu indirizzati b’attenzjoni mill-EASA. L-EASA għandu jkollha l-għarfien espert tekniku neċessarju, għandha tħarreġ lill-persunal tagħha u għandha tibqa’ involuta fil-proġetti ta’ riċerka u fil-programmi ta’ innovazzjoni rilevanti.
L-EASA għandha ssegwi l-isforzi tagħha biex tħejji għal bidliet teknoloġiċi ewlenin fl-avjazzjoni, bħal riskji jew xejriet emerġenti, mudelli ġodda ta’ negozju jew teknoloġiji fixkiela u tiżgura li l-ħiliet u l-kompetenzi tal-persunal tagħha kif ukoll is-sistemi u l-proċessi tagħha jikkorrispondu għal dawk il-ħtiġijiet teknoloġiċi u ta’ innovazzjoni ġodda.
L-EASA għandha tkompli tesplora modi ġodda biex tibqa’ aġġornata mal-innovazzjonijiet teknoloġiċi reċenti u biex tivvaluta kif xieraq l-impatt tagħhom fuq l-avjazzjoni. Il-kooperazzjoni kontinwata ma’ aġenziji u ma’ organizzazzjonijiet oħra tal-Unjoni involuti fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni għandha tkompi tiġi sfruttata biex jissaħħu l-għarfien u d-data dwar prodotti u teknoloġiji ġodda, tipi ta’ operat ġodda u mudelli ta’ negozju ġodda.
Għandhom jitrawmu proġetti ta’ riċerka dwar teknoloġiji emerġenti biex jiġi żgurat li l-ħiliet u l-kompetenzi fl-EASA kif ukoll fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu aġġornati u li l-EASA tkun tista’ tikkontribwixxi għall-introduzzjoni sikura u rapida ta’ dawk it-teknoloġiji l-ġodda fis-suq. L-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi f’ambjent sikur (sandboxes) jista’ jibbenefika minn flessibbiltà regolatorja addizzjonali.
4.KONKLUŻJONIJIET
B’mod ġenerali, ir-Regolament kien ta’ suċċess u kkontribwixxa għal kundizzjonijiet ekwi sikuri u effiċjenti għall-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni u għall-indirizzar tal-aspetti ambjentali tal-avjazzjoni. Dan huwa l-aktar grazzi għall-attivitajiet tat-tfassil tar-regoli u taċ-ċertifikazzjoni tal-EASA, kif ukoll bis-saħħa ta’ rispons f’waqtu u effettiv għax-xokkijiet esterni. L-effettività tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati bejn l-EASA, l-industrija tal-avjazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) żdiedet matul is-snin. L-EASA kienet ukoll fil-biċċa l-kbira tagħha effiċjenti fl-użu adegwat tal-baġit annwali disponibbli tagħha.
B’mod ġenerali, kemm l-EASA kif ukoll ir-Regolament ikkontribwew għall-integrazzjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport bl-ajru b’benefiċċji ġenerali għas-sikurezza, għall-ħarsien tal-ambjent, għall-effiċjenza u għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-industrija tal-avjazzjoni.