IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.7.2023
COM(2023) 461 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport ta’ nofs is-sena dwar l-implimentazzjoni ta’ self, ġestjoni tad-dejn u operazzjonijiet ta’ self relatati skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022)9700
1 ta’ Jannar 2023 - 30 ta’ Ġunju 2023
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self fl-ewwel nofs tal-2023
3.Kost tal-finanzjament u bilanċi tal-likwidità
4.Objettivi intermedji oħra f’H1 2023
5.Passi biex tkompli tiġi żviluppata l-ekosistema tal-Bonds tal-UE
6.Prospettiva tal-ħruġ għat-tieni nofs tal-2023
7.Konklużjoni
Anness: Strateġija ta’ Finanzjament tal-UE – Objettivi, Mezzi u Indikaturi ta’ Implimentazzjoni
1.Introduzzjoni
Il-Kummissjoni ilha tissellef fondi f’isem l-Unjoni Ewropea għal aktar minn 40 sena. F’dawn l-aħħar tliet sena, l-UE rat trasformazzjoni profonda tal-preżenza tagħha fis-swieq kapitali Ewropej u fl-użu tagħhom peress li timplimenta programmi kbar bħas-SURE, in-NextGenerationEU, u l-Assistenza Makrofinanzjarja (AMF)+ għall-Ukrajna. Bħalissa l-UE għandha ftit aktar minn EUR 400 biljun f’obbligazzjonijiet pendenti li jirriżultaw mill-ħruġ tal-bonds tagħha, li minnhom madwar EUR 370 biljun ilhom li nħarġu mill-2020.
Il-Kummissjoni nħtieġet playbook kompletament ġdid biex tiffinanzja b’suċċess il-ħruġ tal-bonds fuq din l-iskala. Meta stabbiliet in-NextGenerationEU, fasslet strateġija ta’ finanzjament diversifikata tat-tip implimentat mill-akbar emittenti sovrani taż-żona tal-euro. F’konformità mal-aħjar prattiki użati minn dawn l-emittenti, l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tuża strumenti differenti ta’ finanzjament (Bonds tal-UE u Kambjali tal-UE) u tekniki differenti ta’ finanzjament (sindakazzjonijiet u rkanti) biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fit-tul u fuq terminu qasir.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata ġie estiż f’Diċembru 2022 biex il-Kummissjoni tkun tista’ testendi l-benefiċċji ta’ din l-istrateġija tal-ġestjoni tad-dejn aktar flessibbli u kosteffiċjenti għall-AMF+ għall-Ukrajna u programmi potenzjali futuri oħra ta’ teħid u ta’ għoti b’self, biex b’hekk jinħoloq approċċ ta’ finanzjament unifikat għall-programmi kollha tal-UE ta’ teħid u ta’ għoti b’self. Skont dan l-approċċ ta’ finanzjament unifikat, il-Kummissjoni toħroġ Bonds tal-UE b’marka waħda, għall-kuntrarju tal-ġestjoni b’mod separat ta’ ħruġ deżinjati għal kull politika bħal ma kien il-każ fil-passat.
Kaxxa 1: Użu tar-rikavati mill-ħruġ ta’ Bonds tal-UE
Skont in-NextGenerationEU (NGEU), il-Kummissjoni tista’ tiġbor sa EUR 806.9 biljun bejn nofs l-2021 u l-2026 permezz tal-ħruġ ta’ Bonds tal-UE, li jagħmel lill-UE waħda mill-akbar emittenti ta’ dejn denominat f’euro f’dan il-perjodu. Sal-lum, ġew żborżati aktar minn EUR 183 biljun: EUR 153.4 biljun lill-Istati Membri skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) u EUR 29.8 biljun għall-baġit tal-UE. L-Istati Membri bħalissa qed jirrevedu l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex, fost l-oħrajn, jirriflettu l-allokazzjoni riveduta mhux rimborżabbli ta’ appoġġ, jitolbu self addizzjonali jekk ikunu jixtiequ dan, jew jaġġustaw għal prijoritajiet ġodda u opportunitajiet addizzjonali ta’ finanzjament, skont ir-REPowerEU. Ir-reviżjoni ta’ dawn il-pjanijiet se twassal għal żieda fl-użu tas-self tan-NGEU. Mal-preżentazzjoni, dawn il-pjanijiet iridu jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u mbagħad approvati mill-Kunsill.
Barra minn hekk, fl-2023, l-UE qed tipprovdi sa EUR 18-il biljun f’self preferenzjali ħafna tal-AMF+ lill-Ukrajna. Dawn se jiġu żborżati f’pagamenti regolari li jkopru madwar nofs il-ħtiġijiet ta’ finanzjament fuq terminu qasir tal-Ukrajna għall-2023 kif stmat mill-awtoritajiet Ukreni u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Fl-ewwel nofs tal-2023, diġà ġew żborżati EUR 9 biljuni lill-Ukrajna skont il-programm AMF+.
Fl-20 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament iddedikat għall-Ukrajna b’massimu ta’ EUR 50 biljun f’għotjiet u self għall-2024-2027. Huwa antiċipat li EUR 33 biljun se jieħdu l-forma ta’ self, li għandu jiġi ffinanzjat mill-ħruġ ta’ Bonds tal-UE li jibda fl-2024 soġġett għall-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Dan ir-rapport ta’ nofs is-sena, prodott f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022)9700, jirrieżamina l-ewwel sitt xhur ta’ implimentazzjoni tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat. Ma jevalwax kif intużaw ir-rikavati, inkluż għan-nefqa ekoloġika, billi dak se jkun kopert f’rapporti separati skont ir-Regolamenti għal kull strument. Huwa jħares ukoll lejn il-passi li l-Kummissjoni qed tieħu biex tkompli tiżviluppa l-ekosistema tal-Bonds tal-UE – bl-għan li tiżdied il-likwidità tal-Bonds tal-UE u jiġi ffaċilitat trattament tas-suq li jirrifletti l-volumi tal-ħruġ u s-saħħa tal-kreditu tal-UE. Fl-aħħar nett, jipprovdi prospettiva għall-ħruġ ta’ Bonds tal-UE fit-tieni nofs tal-2023.
L-anness ta’ dan ir-rapport jippreżenta wkoll l-istrateġija ġenerali tal-ġestjoni tad-dejn li tiggwida l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat. Il-Kummissjoni fformulat dan b’rispons għal rakkomandazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) li titlob il-formulazzjoni ta’ tali strateġija u l-ispeċifikazzjoni ta’ indikaturi li jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha. L-objettivi u l-mezzi li jirfdu l-istrateġija huma ppreżentati fl-anness, flimkien mal-indikaturi li l-Kummissjoni se tuża biex timmonitorja l-implimentazzjoni tagħha.
Ir-rapport ta’ kull sitt xhur huwa parti minn fluss regolari ta’ informazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, li jipprovdi trasparenza u akkontabbiltà dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-UE tal-ġestjoni tad-dejn. Bl-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata ssir l-approċċ ċentrali għall-operazzjonijiet ta’ teħid u ta’ għoti b’self tal-UE fir-Regolament Finanzjarju, dan ir-rapport u r-rapportar futur kollu qed jitħejjew f’konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament Finanzjarju, li jirrikjedi rapportar regolari u komprensiv dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tal-UE dwar it-teħid b’self u dik tal-ġestjoni tad-dejn.
2.Implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self fl-ewwel nofs tal-2023
Fl-ewwel nofs tal-2023, il-Kummissjoni kompliet issegwi l-objettivi tagħha li tiġbor fondi fis-swieq b’mod effettiv u effiċjenti billi tapplika l-approċċ tagħha ta’ finanzjament unifikat. B’dan il-mod, il-Kummissjoni setgħet, minkejja l-volatilità tas-suq, tissodisfa l-impenji ta’ żborż kollha tagħha skont in-NextGenerationEU u l-AMF+ fil-ħin. Fl-istess ħin, l-ammonti tal-ħruġ u l-maturitajiet baqgħu fil-parametri stabbiliti minn qabel, u t-termini ta’ finanzjament kienu f’konformità ma’ dawk ta’ emittent tad-daqs u l-klassifikazzjoni favorevoli tal-UE. It-taqsimiet ta’ hawn taħt jippreżentaw uħud mill-komponenti ewlenin tal-operazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ teħid u ta’ għoti b’self fl-ewwel nofs tal-2023. Aktar dettalji dwar l-eżekuzzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament tal-Kummissjoni matul dak il-perjodu jinsabu fl-Anness.
Eżekuzzjoni tal-pjan ta’ finanzjament għall-ewwel nofs tal-2023
F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni ħabbret il-pjan ta’ finanzjament tagħha għal Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju 2023. Dan kien l-ewwel pjan ta’ finanzjament li kopra mhux biss in-NextGenerationEU, iżda wkoll programmi oħra ta’ teħid u ta’ għoti b’self, b’mod partikolari l-AMF+ għall-Ukrajna.
Fl-ewwel nofs tal-2023, il-Kummissjoni ħabbret operazzjonijiet ta’ finanzjament fit-tul sa massimu ta’ EUR 80 biljun u eventwalment ħarġet EUR 78 biljun f’Bonds tal-UE, b’maturità medja ta’ madwar 14-il sena. Il-Kummissjoni użat taħlita ta’ sindakazzjonijiet (60 %) u rkanti (40 %). Il-15-il tranżazzjoni kienu mifruxa fuq is-sitt xhur sħaħ biex tiġi żgurata preżenza regolari fis-suq. Fl-ewwel nofs tal-2023 (H1 2023), ġie implimentat għadd ogħla ta’ tranżazzjonijiet milli fit-tieni nofs tal-2022, li jirrifletti l-mira ogħla ta’ finanzjament f’H1 2023 (sa EUR 80 biljun f’H1 2023 vs. EUR 50 biljun f’H2 2022). It-tranżazzjonijiet kienu wkoll ta’ daqs medju aktar baxx minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u volatili prevalenti fl-ewwel nofs tal-2023.
It-tranżazzjonijiet fl-ewwel sitt xhur tal-2023 ġabu l-ammont pendenti totali tal-Bonds tal-UE għal ftit aktar minn EUR 400 biljun li minnhom aktar minn EUR 44 biljun inġabru billi nħarġu bonds ekoloġiċi tal-NGEU. Fl-ewwel nofs tal-2023, il-Kummissjoni ġabret EUR 7.732 biljun billi użat żewġ bonds ekoloġiċi eżistenti. Dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet żiedu l-ammont pendenti ta’ dawn iż-żewġ bond u b’hekk ikkontribwew għall-bini ta’ kurva likwida ħafna tal-bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU f’dak li huwa mistenni li jkun l-akbar programm ta’ bonds ekoloġiċi madwar id-dinja.
Fl-ewwel nofs tal-2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll Kambjali tal-UE ta’ tlieta u ta’ sitt xhur permezz ta’ rkanti darbtejn fix-xahar biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fuq terminu qasir, b’EUR 18.7 biljun f’Kambjali tal-UE pendenti fl-aħħar ta’ Ġunju 2023. Intużaw 12-il irkant biex jinħarġu 24 Kambjala tal-UE, b’daqs medju ta’ madwar EUR 1 biljun kull wieħed.
Żborżi
Wara dawn it-tranżazzjonijiet, l-UE setgħet tkompli l-finanzjament bla xkiel tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri permezz ta’ żborż f’waqtu tar-rikavat. Il-Kummissjoni għamlet l-iżborżi kollha lill-Istati Membri skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza meta dawn kienu dovuti, bħala medja fi żmien sitt ijiem tax-xogħol mill-awtorizzazzjoni tal-iżborż. Ma kien hemm l-ebda dewmien.
Fl-ewwel nofs tal-2023, il-Kummissjoni żborżat EUR 14.7 biljun lill-Istati Membri skont l-RRF. Minn dawn, EUR 12.7 biljuni kienu fil-forma ta’ appoġġ mhux rimborsabbli u EUR 2.0 biljun fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni ttrasferiet ukoll, fl-ewwel nofs tal-2023, EUR 6.9 biljun għall-baġit tal-UE biex tikkontribwixxi għal programmi bħal Orizzont Ewropa, il-Fond InvestEU, ReactEU, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (EU Civil Protection Mechanism, RescEU), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
B’mod ġenerali, mill-bidu tan-NextGenerationEU fis-sajf tal-2021, il-Kummissjoni għamlet EUR 184.2 biljun disponibbli: EUR 153.4 biljun f’appoġġ u self mhux rimborżabbli għall-Istati Membri (EUR 106.3 biljun f’appoġġ mhux rimborżabbli u EUR 47.1 biljun f’self) skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u EUR 30.9 biljun għall-programmi ta’ nfiq l-oħra ffinanzjati min-NextGenerationEU.
Flimkien ma’ dawn l-iżborżi għan-NextGenerationEU, fl-ewwel nofs tal-2023, il-Kummissjoni żborżat EUR 9 biljun lill-Ukrajna skont il-programm AMF+, iffinanzjati mill-ħruġ ta’ bonds skont l-approċċ ta’ finanzjament unifikat. B’mod ġenerali, fl-ewwel nofs tal-2023 il-Kummissjoni żborżat total ta’ madwar EUR 30 biljun għall-NGEU u l-AMF+ għall-Ukrajna flimkien. Il-pass tal-iżborżi tan-NGEU ġie influwenzat mir-reviżjoni li għaddejja tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza mill-Istati Membri. Skont il-qafas ġuridiku, l-Istati Membri għandhom sa Awwissu 2023 biex jitolbu self addizzjonali u l-Kummissjoni trid timpenja l-l30 % li jifdal tal-appoġġ mhux rimborsabbli u s-self addizzjonali sa l-aħħar tal-2023. Fl-istess ħin, il-prijoritajiet il-ġodda tar-REPowerEU, bir-riżorsi addizzjonali, jeħtieġ li jiġu riflessi wkoll. L-Istati Membri kollha għalhekk qed jiffukaw l-isforzi tagħhom biex jirrevedu l-pjanijiet tagħhom biex jilħqu dawn l-iskadenzi legali u l-prijoritajiet il-ġodda.
Domanda tal-investituri u likwidità tas-suq sekondarju
Minkejja l-volatilità fir-rati osservata matul il-perjodu, it-tranżazzjonijiet komplew igawdu mill-appoġġ qawwi tas-suq, bi tranżazzjonijiet sindakati fl-ewwel nofs tal-2023 ikunu bejn sitta u 15-il darba sottoskritti żżejjed. L-UE tibbenefika minn bażi ta’ investituri bilanċjata sew u diversifikata b’rappreżentanza tajba ta’ tipi differenti ta’ investituri u minn madwar id-dinja kollha
.
Dan l-appoġġ qawwi huwa rifless fi premiums ta’ ħruġ ġodda (new issue premiums, NIPs)
konsistentement baxxi mitluba mill-investituri bħala konċessjoni meta l-UE toħroġ bonds permezz ta’ sindakazzjoni. In-NIPs kienu kemxejn aktar baxxi milli kienu fit-tieni nofs tal-2022. Għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-premium ta’ ħruġ medju ġdid kien ftit inqas minn żewġ punti bażi, bl-inqas wieħed fil-livell ta’ punt wieħed bażi u l-ogħla fil-livell ta’ tliet punti bażi. Il-livell modest tal-konċessjoni tal-prezz mal-ħruġ jirrifletti l-fatt li l-UE baqgħet emittent regolari u prevedibbli matul dan il-perjodu. Dan, flimkien mad-domanda qawwija kontinwa mill-investituri, huwa sinjal ta’ fiduċja mis-swieq, u jipprovdi fiduċja li l-UE tista’ tkompli tqiegħed il-bonds tagħha b’suċċess.
Fatturat tas-suq sekondarju trimestrali tal-bonds tal-UE u tal-gvernijiet Ewropej (% tal-volum pendenti)
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea bbażata fuq data ta’ Bloomberg.
Nota: Is-suq tal-bonds tal-gvernijiet Ewropej (European government bond, EGB) hawnhekk jinkludi sovrani taż-żona tal-euro, il-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Fund, EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).
Id-data għal dan is-suq ma kinitx disponibbli għall-Q1 2023.
Il-likwidità fis-suq sekondarju tal-Bonds tal-UE baqgħet ukoll bħal difl-istess livell osservat fis-swieq tal-bonds tal-gvernijiet Ewropej (European government bonds, EGBs), meta mqabbla mal-ammonti pendenti. Din il-likwidità ngħatat spinta fl-ewwel nofs tal-2023 permezz tal-użu estensiv tal-linji eżistenti ta’ finanzjament, b’70 % tal-volum ta’ finanzjament mobilizzat permezz ta’ taps. Tnedew ukoll linji ġodda ta’ finanzjament biex jipprovdu lis-suq linji ta’ valur referenzjali.
3.Kost tal-finanzjament u bilanċi tal-likwidità
Kost tal-finanzjament
Fl-ewwel nofs tal-2023, il-kostijiet tal-ġestjoni tal-imgħax u tad-dejn żdiedu f’konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq. Il-kost tal-finanzjament
għal Jannar sa Ġunju 2023 huwa stmat li huwa qrib it-3.2 %, meta mqabbel mat-2.6 % fis-semestru preċedenti.
Mill-bidu tal-2022, il-pass taż-żieda fir-rati tal-imgħax għall-emittenti kollha inkluża l-UE kien wieħed mill-aktar qawwi osservat fis-swieq finanzjarji f’dawn l-aħħar deċennji. Ir-rati tal-imgħax fuq Bonds tal-UE ta’ 10 snin żdiedu minn 0.09 % fiż-żmien tal-bond inawgurali tan-NextGenerationEU ta’ 10 snin f’Ġunju 2021 għal 1.53 % f’Mejju 2022, 2.82 % f’Novembru 2022, u 3.05 % fl-aktar ħruġ reċenti f’Ġunju 2023. Ġew osservati żidiet komparabbli għall-emittenti ewrosovrani kklassifikati tajjeb ħafna. Pereżempju, ir-rati tal-imgħax fuq bonds tal-Gvern Ġermaniż ta’ 10 snin żdiedu minn madwar -0.20 % f’Ġunju 2021 għal qrib 1.0 % f’Mejju 2022, 2.56 % fl-aħħar ta’ Diċembru 2022, u 2.39 % f’Ġunju 2023. Biex tindirizza ż-żieda qawwija bla preċedent fil-kostijiet tat-teħid b’self , il-Kummissjoni pproponiet, bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas pluriennali 2021-2027, li jiġi stabbilit strument speċjali esklużivament biex ikopri l-kostijiet tal-imgħax maqbuża.
Ir-rendimenti fuq il-Bonds tal-UE kienu konsistentement ogħla minn dawk imħallsa minn emittenti sovrani kbar, minkejja l-likwidità msaħħa, l-affidabbiltà kreditizja għolja, u l-provvista kostanti tal-Bonds tal-UE. Id-diverġenza bejn ir-rendimenti fuq il-Bonds tal-UE u dawk ta’ sovrani kbar fil-biċċa l-kbira tista’ tiġi spjegata mill-konvenzjoni tas-suq stabbilita tal-ipprezzar tal-Bonds tal-UE mal-kurva tal-iswap. Analiżi reċenti minn Bruegel
uriet li l-ipprezzar tal-iswap huwa l-mutur ewlieni għall-biċċa l-kbira tal-premium imħallas mill-UE u emittenti oħra pprezzati b’mod simili lill-EGBs b’xi indikazzjoni li dan il-fattur jammonta għal 90 % tal-premium.
Il-movimenti fil-kurva tal-iswap relattivi għall-prezz ta’ sovrani kbar huma xprunati minn firxa ta’ fatturi tekniċi u strutturali mhux relatati mal-kwalità sottostanti tal-bonds jew mal-effiċjenza tal-programm ta’ ħruġ tal-UE. L-ewwel u qabel kollox fost dawn il-kunsiderazzjonijiet hemm il-preferenza tal-investituri għal bonds sovrani stabbiliti li jistgħu jintużaw faċilment u bl-irħis bħala kollateral, preferenza li hija aċċentwata fi żminijiet ta’ stress fis-suq. Dawn il-fatturi kienu evidenti ħafna lejn l-aħħar tal-ewwel trimestru, wara t-taqlib bankarju fl-Istati Uniti u l-akkwiżizzjoni ta’ Credit Suisse minn UBS fl-Ewropa.
Hekk kif naqsu l-biżgħat għall-istabbiltà finanzjarja, il-firxa bejn bonds sottosovrani jew supranazzjonali (sub-sovereign or supranational bonds, SSA) u bonds tal-gvernijiet Ewropej reġgħu lura għal-livelli osservati fil-bidu tas-semestru. Il-firxa ta’ Bonds tal-UE ta’ 10 snin vs bunds Ġermaniżi ta’ 10 snin kienet ta’ 62 punt bażi fit-30 ta’ Ġunju 2023, inqas mill-ogħla livell ta’ 83 punt bażi f’Marzu 2023, u f’konformità mal-livelli li dehru fil-bidu tas-semestru.
Sabiex l-ipprezzar tal-Bonds tal-UE jinġieb f’konformità mal-volumi sottostanti, mal-likwidità u mal-affidabbiltà kreditizja tal-programm, il-Kummissjoni qed tieħu passi (ara t-Taqsima 5) biex toħloq kundizzjonijiet li jwasslu għan-negozjar u l-ipprezzar tal-Bonds tal-UE simili għal dawk ta’ emittenti sovrani, likwidi u kbar. Il-kisba ta’ dan ir-riżultat tiddependi wkoll fuq li l-parteċipanti fis-suq jadattaw il-konvenzjonijiet u l-valutazzjoni tagħhom tal-Bonds tal-UE. Filwaqt li hemm sinjali inkoraġġanti li din il-bidla għaddejja, tista’ tieħu ż-żmien.
Mmaniġġjar tal-likwidità
Il-Kummissjoni żammet preżenza regolari u prevedibbli fis-swieq finanzjarji f’konformità mal-pjan ta’ finanzjament imħabbar f’Diċembru 2022, b’dati ppjanati għall-irkanti u s-sindakazzjonijiet. Madankollu, il-ħruġ ta’ flus kien aktar bil-mod milli kien ippjanat inizjalment, li wassal għal medja ogħla ta’ bilanċi tal-flus fl-ewwel nofs tal-2023, b’medja ta’ EUR 36.8 biljun meta mqabbla ma’ EUR 25.1 biljun fis-semestru preċedenti. Il-Kummissjoni naqqset id-dħul tal-flus tagħha permezz tal-ħruġ ta’ Kambjali biex tiżgura preżenza kontinwa fis-suq filwaqt li timminimizza ż-żieda fil-bilanċi tal-flus.
L-ammonti ogħla ta’ parteċipazzjonijiet tal-likwidità ma ssarrfux f’kostijiet materjali għall-programmi appoġġati. Dawn ammontaw għal EUR 23.3 miljun fuq il-bilanċi tal-flus minn Jannar sa Ġunju 2023. Dawn il-kostijiet se jiġu kondiviżi b’mod proporzjonali bejn il-baġit tal-UE u l-benefiċjarji tas-self fi tmiem l-2023.
4.Objettivi intermedji oħra f’H1 2023
Fit-12 ta’ Ġunju 2023, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat is-sejbiet tar-rapport speċjali tagħha dwar l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn tan-NextGenerationEU. F’dan ir-rapport, il-QEA vvalutat jekk il-Kummissjoni kinitx żviluppat sistemi effettivi għall-ġestjoni tad-dejn miġbur għall-finanzjament tan-NextGenerationEU. Ir-rapport jipprovdi rieżami komprensiv tal-istabbiliment u l-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-UE sal-lum, akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet utli għal azzjonijiet futuri.
Il-QEA kkonkludiet li “l-Kummissjoni malajr żviluppat sistema tal-ġestjoni tad-dejn li ppermettiet li l-fondi meħtieġa għan-NextGenerationEU jiġu mislufa b’mod f’waqtu (…)’’ u li ‘‘(…) il-kostijiet tat-teħid b’self kienu jirriflettu l-pożizzjoni tas-suq tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ssodisfat ukoll ir-rekwiżiti regolatorji ewlenin kollha rigward il-portafoll tad-dejn u l-ġestjoni tar-riskju.”
Ir-rapport inkluda wkoll ħames rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib fil-ġestjoni tad-dejn tal-Kummissjoni: (i) tistabbilixxi funzjoni separata ta’ middle-office; (ii) issaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji; (iii) timplimenta strateġija dwar il-forza tax-xogħol; (iv) tfassal objettivi ċari tal-ġestjoni tad-dejn u l-indikaturi relatati; u (v) tiżgura l-konsistenza fid-dokumentazzjoni interna.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA huma kontribut pożittiv għall-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fis-swieq kapitali (ara t-Taqsima 5 hawn taħt). Il-Kummissjoni diġà qed taħdem biex timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-ħin.
Dan ir-rapport diġà jwieġeb ir-raba’ rakkomandazzjoni tal-QEA, li tappella għall-elaborazzjoni ta’ strateġija globali tal-ġestjoni tad-dejn biex tinforma l-implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ ta’ finanzjament unifikat tagħha. L-anness ta’ dan ir-rapport jippreżenta tali strateġija tal-ġestjoni tad-dejn, billi jibda mill-objettivi primarji li jiggwidawha, u l-mod li bih jiġu implimentati l-lievi ewlenin għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-istrateġija hija appoġġata minn sett ta’ indikaturi li se jintużaw għall-monitoraġġ tal-mod li bih tiġi implimentata l-istrateġija. Dawn l-indikaturi se jiġu aġġornati u kkummentati f’edizzjonijiet futuri.
5.Passi biex tkompli tiġi żviluppata l-ekosistema tal-Bonds tal-UE
L-istabbiliment ta’ approċċ ta’ finanzjament unifikat minn Jannar 2023 irrappreżenta objettiv intermedjarju ewlieni fil-bini ta’ qafas robust biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-UE bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Dan l-approċċ jippermetti lill-Kummissjoni tippjana, teżegwixxi u tikkomunika l-ħruġ kollu b’mod aġli u koerenti, skont qafas komuni ta’ riskju, ta’ konformità, u ta’ governanza għall-operazzjonijiet kollha ta’ teħid b’self.
Madankollu, minkejja din it-trasformazzjoni li għaddejja tal-UE bħala emittent u l-bidla gradwali fit-trattament tal-Bonds tal-UE
, is-swieq għadhom jittrattaw u jipprezzaw il-Bonds tal-UE mal-kurva tal-iswap. Sabiex tappoġġa tranżizzjoni lejn metodu ta’ pprezzar li jirrifletti aħjar l-elementi fundamentali tal-ħruġ tal-UE, il-Kummissjoni qed tieħu għadd ta’ azzjonijiet biex tappoġġa l-evoluzzjoni u l-likwidità tal-Bonds tal-UE.
Sabiex tiffaċilita n-negozjar ta’ Bonds tal-UE fis-suq sekondarju, f’Q4 2023, il-Kummissjoni se timplimenta qafas biex tipprovdi lill-investituri kwotazzjonijiet tal-ipprezzar għat-titoli tal-UE. Il-qafas se jiġi implimentat permezz tan-negozjanti primarji tal-UE li se jipprovdu dawn il-kwotazzjonijiet permezz ta’ pjattaformi ta’ negozjar użati b’mod wiesa’, u b’hekk itejbu l-identifikazzjoni tal-prezz tat-titoli tal-UE u jnaqqsu l-inċertezza dwar l-eżekuzzjoni tal-negozju għan-negozjanti u l-investituri. Din is-sistema ta’ kwotazzjoni se tippermetti lill-investituri jafdaw li l-prezzijiet tas-suq ikkwotati għat-titoli tal-UE fuq pjattaformi ta’ negozjar huma affidabbli u appoġġati min-negozjanti primarji tal-UE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi n-Network tan-Negozjanti Primarji ġiet emendata biex tistabbilixxi dawn l-arranġamenti l-ġodda. Dawn l-arranġamenti se jidħlu fis-seħħ fil-ħarifa u jintużaw bħala parti mis-sistema għall-għażla ta’ negozjanti primarji li għandhom jingħataw mandati ta’ tmexxija u ta’ tmexxija konġunta mis-sena d-dieħla.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet tagħmel tħejjijiet għal faċilità ta’ riakkwist (‘‘repo’’) biex tappoġġa lill-parteċipanti fis-suq fin-negozjar tal-bonds tagħha. Permezz tal-faċilità repo, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli t-titoli tagħha fuq bażi temporanja, u b’hekk tgħin lin-negozjanti primarji tal-UE jipprovdu l-likwidità fil-Bonds tal-UE. Jeħtieġ li, l-ewwel, il-Kummissjoni takkwista u tibni l-kapaċitajiet meħtieġa biex timplimenta tali faċilità repo, li se tkun operazzjonali f’nofs l-2024.
Il-Kummissjoni qed tkompli wkoll l-involviment attiv tagħha mal-parteċipanti fis-suq biex tidentifika l-aktar mod effettiv biex tkompli ttejjeb il-likwidità tal-Bonds tal-UE u tippermetti li dawn jiġu nnegozjati u pprezzati b’modi simili għall-bonds tal-gvernijiet Ewropej. Għal dak l-għan, f’Ġunju 2023, il-Kummissjoni nediet l-istħarriġ inawgurali tagħha dwar l-investituri, li fittex feedback mill-investituri dwar ir-rwol tal-indiċijiet tal-EGBs bħala valuri referezjali fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-investituri u dwar ir-rilevanza perċepita tal-inklużjoni tal-Bonds tal-UE f’tali indiċijiet. Il-Kummissjoni qed tkompli wkoll tħares lejn modi kif ittejjeb l-użu tal-Bonds tal-UE bħala kollateral fi tranżazzjonijiet garantiti bilaterali.
Qed isir ukoll progress fl-implimentazzjoni tas-servizz ta’ ħruġ tal-UE (EU issuance service, EIS), li se jibda jopera fil-bidu ta’ Jannar 2024. B’dan is-servizz, il-Kummissjoni se timxi mill-użu ta’ sistema ta’ saldu li tinkludi fornituri kummerċjali ta’ servizzi ta’ saldu għal infrastruttura ta’ saldu bbażata fuq l-Eurosistema għall-Bonds tal-UE maħruġa wara din id-data. Il-Bonds tal-UE saldati permezz tal-EIS se jibbenefikaw mill-integrazzjoni fl-infrastruttura ta’ ħlas u saldu tal-Eurosistema (Target/Target2S) – bħala bonds tal-gvernijiet Ewropej – li tiffaċilita l-użu tagħhom bħala kollateral fl-Eurosistema.
6.Prospettiva tal-ħruġ għat-tieni nofs tal-2023
Fit-28 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-pjan ta’ finanzjament tagħha ta’ kull sitt xhur għal Lulju sal-aħħar ta’ Diċembru 2023. Fit-tieni nofs tal-2023, il-Kummissjoni biħsiebha toħroġ EUR 40 biljun f’Bonds tal-UE, ikkumplementati minn Kambjali tal-UE ta’ terminu qasir. Il-Kummissjoni se tuża dawn il-fondi biex tiffinanzja n-NextGenerationEU (inklużi pagamenti possibbli skont ir-REPowerEU) u l-AMF+ għall-Ukrajna. Aktar ħruġ fuq skala ħafna iżgħar huwa possibbli wkoll skont il-programmi eżistenti tal-AMF u tal-MES.
Filwaqt li ħruġ ġdid ta’ appoġġ għall-Ukrajna permezz tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Ukrajna se jinvolvi ħruġ addizzjonali biex ikompli jiġi pprovdut is-self lill-Ukrajna, dan il-ħruġ se jibda biss fl-2024 ladarba tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Faċilità.
Il-mira ta’ finanzjament għat-tieni nofs tal-2023 tirrifletti l-ħtiġijiet ta’ żborż mistennija ta’ diversi benefiċjarji, b’mod partikolari l-Istati Membri tal-UE skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Bħalissa, l-Istati Membri qed jirrevedu l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jirriflettu l-allokazzjonijiet riveduti ta’ appoġġ mhux rimborżabbli, jitolbu self addizzjonali jekk ikunu jixtiequ dan, jew jaġġustaw għal prijoritajiet ġodda u opportunitajiet ta’ finanzjament addizzjonali, skont ir-REPowerEU. F’dan l-isfond, ħruġ ta’ bond ta’ EUR 40 biljun se jippermetti lill-UE tiġbor l-ammonti meħtieġa filwaqt li żżomm preżenza regolari fis-suq matul it-tieni nofs tas-sena.
7.Konklużjoni
Fl-ewwel sitt xhur tal-2023, l-approċċ ta’ finanzjament unifikat ippermetta lill-Kummissjoni tiġbor qrib it-EUR 80 biljun għan-NextGenerationEU u l-AMF+ għall-Ukrajna b’rati proporzjonali mal-pożizzjoni tagħha fis-suq. Mit-30 ta’ Ġunju 2023, inġabru kważi EUR 250 biljun skont l-approċċ ta’ finanzjament unifikat għall-finanzjament tan-NextGenerationEU u tal-AMF+ għall-Ukrajna. Id-disponibbiltà ta’ bilanċi kbar fil-bidu tat-tieni nofs tas-sena, flimkien ma’ tnaqqis temporanju fir-ritmu tal-iżborżi hekk kif l-Istati Membri jirrevedu l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, hija riflessa fi ħruġ ipprogrammat aktar baxx ta’ bonds (EUR 40 biljun) fit-tieni nofs tas-sena.
Matul l-ewwel nofs tal-2023, ir-rati tal-imgħax żdiedu ftit, mhux biss għall-UE iżda għall-emittenti (sovrani) kollha. Il-pass taż-żieda huwa aktar bil-mod mis-sena l-oħra, u r-rati bdew jistabbilizzaw hekk kif is-swieq stennew li tlestiet ħafna miż-żieda fir-rati tal-banek ċentrali meħtieġa biex ittaffi l-inflazzjoni. Il-perjodu ra volatilità konsiderevoli b’rispons għall-aspettattivi tas-suq li qed jinbidlu dwar aktar żidiet fir-rati. Il-ħruġ ta’ Bonds tal-UE ntlaqa’ minn domanda qawwija u kostanti mill-investituri matul dan il-perjodu, minkejja l-isfond ta’ volatilità tas-suq.
Il-konvenzjoni tas-suq li permezz tagħha l-UE tiġi pprezzata mal-kurva tal-iswap twassal biex l-UE tħallas premium ogħla mir-rati mħallsa minn emittenti sovrani tal-EGBs. Dan aggrava ż-żieda sottostanti fir-rati tas-suq. L-approċċ il-ġdid ta’ finanzjament unifikat għall-ħruġ ta’ Bonds tal-UE huwa pass kbir ’il quddiem fil-konsolidazzjoni tal-preżenza fis-suq tal-UE. Madankollu, il-Kummissjoni qed tieħu aktar passi biex tinkoraġġixxi l-ipprezzar ta’ Bonds tal-UE f’konformità ma’ dak tal-bonds ta’ emittenti sovrani bi klassifikazzjoni għolja sabiex jitnaqqsu l-premiums li tħallas fuq il-ħruġ tagħha. Dawn il-miżuri jinkludu sistema ta’ kwotazzjoni tal-prezzijiet li għandha ssir operazzjonali din il-ħarifa u l-istabbiliment ta’ faċilità repo (nofs l-2024). Qed tinkoraġġixxi wkoll lis-suq biex itejjeb l-użu tal-Bonds tal-UE bħala kollateral u jirrikonoxxihom bħala li jistħoqqilhom jiġu inklużi fl-indiċijiet tas-suq tal-bonds sovrani.
Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport speċjali tal-QEA dwar l-operazzjonijiet tal-imaniġġjar tad-dejn tan-NextGenerationEU huma kontributi apprezzati għall-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-pożizzjoni tal-UE fis-swieq euro-kapitali. Il-Kummissjoni diġà qed taħdem biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet fil-ħin, bl-objettivi u l-indikaturi deskritti fl-anness ta’ dan ir-rapport bħala l-ewwel pass.
Anness: Strateġija ta’ Finanzjament tal-UE – Objettivi, Mezzi u Indikaturi ta’ Implimentazzjoni
Għan ta’ dan l-Anness
Dan l-anness jinkwadra l-objettivi primarji li jiggwidaw l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tagħha biex tiffinanzja l-programmi kollha tal-UE ta’ teħid u ta’ għoti b’self (jiġifieri l-approċċ ta’ finanzjament unifikat). Huwa jippreżenta sensiela ta’ indikaturi għat-traċċar tal-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tal-istrateġija, jiġifieri l-ħruġ ta’ bonds, il-ħruġ ta’ kambjali, l-ġestjoni tal-likwidità, u l-komunikazzjoni.
Objettivi tal-finanzjament tal-UE
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa mill-qafas ġuridiku tal-UE li tissellef mis-swieq kapitali internazzjonali f’isem l-UE għall-implimentazzjoni ta’ programmi speċifiċi tal-UE. Il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi dawn il-programmi tispeċifika l-ammonti u l-perjodi ta’ żmien li fihom għandhom jinġabru l-ammonti, u tistipula r-regoli dwar l-użu ta’ rikavat. Fil-ġbir ta’ fondi f’dan il-qafas, il-Kummissjoni għandha żewġ objettivi primarji:
·Effettività: L-iżgurar li l-UE tkun tista’ tissodisfa l-impenji skont il-programmi ta’ assistenza finanzjarja relatati hekk kif dawn isiru dovuti għal pagament.
·Effiċjenza: Il-kisba tal-aktar kundizzjonijiet finanzjarji vantaġġużi għall-UE fuq perjodu medju sa fit-tul:
I.permezz tal-ippjanar tajjeb u l-eżekuzzjoni bla xkiel tat-tranżazzjonijiet,
II.billi jinkisbu l-aħjar termini possibbli fil-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq,
III.filwaqt li tibqa’ fil-kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji tal-baġit tal-UE kif stabbilit, b’mod partikolari, mill-kopertura baġitarja disponibbli għall-operazzjonijiet rilevanti u fil-qafas tal-immaniġjar tar-riskji għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-UE, kif stabbilit fil-Politika ta’ livell għoli tal-Kummissjoni dwar ir-riskju u l-konformità.
Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, fl-2021, il-Kummissjoni stabbiliet strateġija ta’ finanzjament diversifikata għall-finanzjament tan-NextGenerationEU (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021)2502) kif deskritt fir-rapport ewlieni.
L-għan ġenerali huwa li tinħoloq u tinżamm kurva ta’ rendiment kompleta u likwida ħafna fil-maturitajiet tal-valuri referenzjali kollha li jipprovdi lill-investituri assi finanzjarju aċċessibbli u affidabbli għall-investiment u għan-negozjar. Dan, min-naħa tiegħu, jiżgura l-aktar kundizzjonijiet ta’ finanzjament vantaġġużi għall-UE bħala emittent filwaqt li jiżgura l-ġestjoni xierqa tar-riskji relatati.
Il-mezzi biex jintlaħqu l-objettivi
Fl-implimentazzjoni tal-approċċ ta’ finanzjament tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel l-aħjar użu mill-elementi kollha li huma taħt il-kontroll tagħha bil-ħsieb li tilħaq l-objettivi primarji tagħha ta’ effiċjenza u effettività. Dawn l-elementi jkopru ħames dimensjonijiet ewlenin:
a)Il-programm tal-Bonds tal-UE: Il-Kummissjoni torganizza l-ħruġ tal-bonds tagħha billi tagħmel użu mill-maturitajiet tal-valuri referenzjali kollha tul il-kurva kollha (sa 30 snin). Fl-għażla tat-termini xierqa għall-ħruġ, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-livelli ta’ tifdija futuri li jirriżultaw jibqgħu fil-livelli meħtieġa biex jiġu protetti l-limiti massimi tal-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE u l-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE. Fl-istess ħin tagħti attenzjoni mill-qrib lill-preferenzi tal-investituri u lill-profil tal-bonds pendenti, peress li tforni lis-suq fuq bażi regolari sett ibbilanċjat sew ta’ maturitajiet. Fl-organizzazzjoni tal-ħruġ, il-Kummissjoni tuża tranżazzjonijiet sindakati u rkantijiet. Il-formati differenti għandhom karatteristiċi differenti iżda hija mfittxija taħlita xierqa tat-tnejn għall-eżekuzzjoni b’suċċess tal-programmi ta’ finanzjament. Hekk kif il-programm ta’ ħruġ isir stabbilit sew, l-użu ta’ rkantijiet għall-ħruġ ta’ bonds għandu jkompli jevolvi u jikber fuq tul ta’ żmien għal livelli komparabbli ma’ dawk ta’ emittenti sovrani tal-istess kalibru bħall-UE u bir-rispett dovut għall-kundizzjonijiet tas-suq u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament.
b)Il-programm tal-Kambjali tal-UE: Il-Kummissjoni timplimenta programm ta’ Kambjali tal-UE li jipprovdi l-UE aċċess għas-suq monetarju (maturitajiet sa sena permezz ta’ rkant). Dan il-programm jintuża bħala għodda essenzjali għall-ġestjoni tar-riskji biex jinżammu livelli suffiċjenti ta’ flus f’kull ħin u jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet imprevedibbli tas-suq finanzjarju jew il-ħtiġijiet ta’ finanzjament.
c)Ġestjoni tal-likwidità: Il-Kummissjoni tieħu approċċ prudenti għall-ġestjoni intern ta’ flussi tal-flus, li jiżgura li l-impenji kollha ta’ pagament jiġu onorati fil-ħin u jevita nuqqasijiet ta’ likwidità. Hija tagħmel ħilitha wkoll biex tiġġestjona l-bilanċi tal-likwidità fuq il-bażi ta’ żborżi previsti biex iżżomm il-bilanċi tal-likwidità f’konformità mal-ħtiġijiet u tillimita kull kost reali jew tal-opportunità li jirriżulta mill-bilanċi.
d)Network tan-Negozjanti Primarji: Implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ finanzjament teħtieġ appoġġ minn Network tan-Negozjanti Primarji b’saħħtu, li jkun jista’ jiddistribwixxi l-ħruġ lil bażi globali ta’ investituri u jiġġestjona u jġorr ir-riskji finanzjarji relatati mal-irkanti u s-sindakazzjonijiet. Il-Kummissjoni tipprova żżomm miftuħ in-Network tan-Negozjanti Primarji tagħha, biex tippermetti li tipparteċipa firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Fl-istess ħin, għandha l-għan li ssostni l-kompetizzjoni u tisfrutta l-ħiliet fil-grupp biex tgħin tiżgura l-implimentazzjoni u l-iżvilupp b’suċċess tal-istrateġija ta’ finanzjament, inkluż l-appoġġ għal-likwidità tas-suq sekondarju tal-ħruġ tal-UE.
e)Komunikazzjoni ma’ diversi partijiet ikkonċernati tas-suq u emittenti pari: Il-Kummissjoni tiżgura komunikazzjoni regolari, miftuħa u f’waqtha mal-parteċipanti fis-suq li hija prekundizzjoni biex tibqa’ emittent affidabbli u fdat. Il-Kummissjoni għalhekk tikkomunika b’mod trasparenti dwar aspetti tal-pjanijiet ta’ finanzjament tagħha u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament. Il-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ kull sitt xhur jikkostitwixxu l-pedament ta’ din il-komunikazzjoni, li jħabbru l-ammonti fil-mira u d-dati għas-sindakazzjonijiet u l-irkanti matul is-sitt xhur sussegwenti. Permezz ta’ komunikazzjoni konsistenti u effettiva dwar l-attivitajiet tagħha bħala emittent regolari u fuq skala kbira, l-UE tipprova kemm tapprofondixxi l-bażi ta’ investituri tagħha kif ukoll twessagħha (ġeografikament). Permezz tal-ġestjoni proattiva ta’ relazzjonijiet mal-investituri, il-Kummissjoni tibni u ssostni l-fiduċja mal-bażi tal-investituri tagħha u tikseb fehim komplut tal-ħtiġijiet tagħhom.
L-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ hawn fuq hija appoġġata minn sett ta’ kontrolli, li jinkludu żewġ “linji ta’ difiża” indipendenti mil-lat organizzazzjonali. Dawn jippermettu li t-tranżazzjonijiet jiġu eżegwiti u saldati b’mod effiċjenti u jgħinu biex tiġi inkwadrata l-imġiba tal-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-programm. Il-kontrolli ex ante u ex post jiżguraw ukoll li l-ħruġ tal-UE jitwettaq f’konformità mal-governanza u jqis il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq.
Kunsiderazzjonijiet finali
Il-lievi ewlenin tal-programm jippermettu lill-UE tagħmel l-aħjar użu mill-klassifikazzjoni għolja tal-kreditu tagħha filwaqt li jipprovdu lill-investituri sekwenza regolari u prevedibbli ta’ ħruġ imdaqqas. Dan min-naħa tiegħu joħloq pjattaforma għall-UE biex tattira domanda qawwija minn investituri b’aptit baxx għar-riskju u ħtiġijiet ta’ investiment kbir, u minn investituri bi ħtiġijiet ta’ investiment xprunati mir-regolamentazzjoni (banek ċentrali, teżori tal-banek, maniġers tal-assi, fondi ta’ pensjoni u kumpaniji tal-assigurazzjoni).
It-Tabella 1 ta’ hawn taħt tippreżenta xi indikaturi li jistgħu jitqiesu meta tiġi ttraċċata l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-ħames elementi ewlenin tal-approċċ ta’ finanzjament tal-UE u b’hekk il-progress tagħha lejn l-objettivi globali tagħha ta’ effettività u effiċjenza. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar dawn l-indikaturi fir-rapport tagħha ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, tal-ġestjoni tad-dejn u dawk relatati ta’ għoti b’self skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022)9700 u se tikkummenta dwar kull żvilupp notevoli osservat.
Billi twettaq l-attivitajiet ta’ hawn fuq b’mod profiċjenti, il-Kummissjoni tista’ twassal l-aktar eżiti kosteffettivi mill-ħruġ tagħha f’isem il-benefiċjarji, inkluż il-baġit tal-UE, li jġarrab il-kostijiet għal appoġġ mhux rimborżabbli ffinanzjat minn self. Il-kost tal-finanzjament għall-ħruġ tal-UE, ikkalkulat fuq il-bażi tal-medja ponderata tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tagħha, huwa ddeterminat b’mod predominanti minn fatturi lil hinn mill-kontroll tal-UE – prinċipalment, ir-rati usa’ tas-suq iżda bħalissa wkoll il-movimenti fil-kurva tal-iswap relattivi mar-rata tas-suq. Il-kost assolut tal-finanzjament għall-operazzjonijiet tal-UE huwa għalhekk affettwat prinċipalment minn fatturi oħra għajr l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat. Madankollu, implimentazzjoni sostnuta u effettiva hija importanti għall-pożizzjoni tal-UE fis-suq u għall-isforzi tagħha biex gradwalment iġġib in-negozjar u l-ipprezzar tal-Bonds tal-UE aktar f’konformità mal-proċessi użati għas-sovrani likwidi tal-EGBs. Huwa għal din ir-raġuni li metrika tal-kost ma titqiesx bħala indikatur xieraq għall-valutazzjoni tal-użu mill-Kummissjoni tal-mezzi taħt il-kontroll tagħha biex jintlaħqu l-objettivi primarji ta’ effiċjenza u effettività.
Għalkemm mhumiex indikaturi li jistgħu jiġu influwenzati mill-mod kif il-Kummissjoni tuża l-lievi għad-dispożizzjoni tagħha skont l-istrateġija ta’ finanzjament, l-informazzjoni dwar il-volumi u l-kostijiet hija b’mod ċar ta’ importanza ċentrali biex ikun hemm fehim ta’ kif qed jevolvi l-programm ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni għalhekk se tinkludi informazzjoni dwar il-volumi globali u l-kost medju tal-finanzjament fir-rapporti tagħha ta’ kull sitt xhur.
Huwa mfakkar li d-dimensjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ maniġġjar tad-dejn li għandhom jitwettqu huma stabbiliti fid-deċiżjoni annwali tal-Kummissjoni dwar it-teħid b’self u l-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ kull sentejn li jakkumpanjawha, li jillimitaw l-esponiment ġenerali tal-baġit tal-UE u tal-benefiċjarji tas-self.
Tabella 1: Indikaturi ta’ implimentazzjoni dwar l-użu tal-mezzi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ effiċjenza u effettività tal-Kummissjoni
|
Mezzi
|
Indikatur
|
Valur f’H1 2023 (sakemm ma jkunx indikat mod ieħor)
|
Kummentarju dwar l-eżekuzzjoni f’H1 2023
|
|
1)Implimentazzjoni tal-programm tal-Bonds tal-UE
|
a)Ħruġ regolari tul il-kurva kollha
Ħruġ regolari tal-Bonds tal-UE (u l-bonds ekoloġiċi tal-NGEU) fil-maturitajiet kollha tul il-kurva (sa 30 snin) biex jiġu pprovduti tipi differenti ta’ investituri opportunitajiet ta’ investiment bħala mod kif tinżamm domanda qawwija tal-investituri u b’hekk il-flessibbiltà biex jiġu ddeterminati l-volumi tal-ħruġ u l-maturitajiet għal tranżazzjonijiet individwali fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet tas-suq.
|
I.Tqassim tal-maturità tal-programm ta’ ħruġ
|
1-4 sena: 22 %
4-8 sena: 15 %
8-12 sena: 17 %
12-17 snin: 11 %
17-23 sena: 16 %
23-31 sena: 19 %
|
F’H1 2023, il-Kummissjoni segwiet l-objettiv tagħha permezz ta’ ħruġ regolari ta’ bonds fit-termini differenti kollha biex tipprovdi lill-kurva tal-UE likwidità fis-segmenti kollha. It-tranżazzjoni ta’ finanzjament kienu mifruxa fuq is-semestru sħiħ biex tiġi żgurata preżenza regolari fis-suq. Tul is-semestru, sar għadd akbar ta’ tranżazzjonijiet mis-semestru preċedenti minħabba a) il-mira ta’ finanzjament ta’ H1 2022 sa massimu ta’ EUR 80 biljun (meta mqabbla ma’ EUR 50 biljun f’H1 2022) u b) id-daqs medju aktar baxx tat-tranżazzjonijiet fid-dawl tal-kundizzjonijiet diffiċli u valatili tas-suq meta tfassal il-pjan ta’ finanzjament għall-ewwel nofs tal-2023.
Filwaqt li tiġi żgurata preżenza fil-meded ta’ maturità kollha tal-valuri referenzjali, il-ħruġ kien, bħala medja, immirat kemxejn lejn it-tarf it-twil tal-kurva (b’maturità medja ta’ ħruġ ta’ 13.5 snin), fid-dawl tal-ħtieġa li t-tifdijiet jinfirxu fuq tul ta’ żmien iżda wkoll domanda aktar qawwija mill-investituri għall-Bonds tal-UE b’data twila.
Il-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi nżamm ukoll għalkemm f’livell aktar baxx mis-semestru preċedenti, f’konformità man-nefqiet ekoloġiċi rapportati kumulattivi mill-Istati Membri u kalibrazzjoni xierqa tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi għal dawn in-nefqiet.
|
|
|
|
II.Distribuzzjoni f’waqtha tal-ħruġ
|
Seba’ sindakazzjonijiet u tmien irkanti ta’ bonds, li jirriżultaw f’minn 2 sa 3 ħruġ kull xahar.
|
|
|
|
|
III.Ħruġ ekoloġiku
|
Madwar EUR 8 biljun permezz ta’ taps għall-bonds tal-2048 u tal-2033.
|
|
|
|
b)Il-kisba ta’ bilanċ xieraq ta’ rkanti u sindakazzjonijiet
L-użu ta’ tekniki differenti ta’ finanzjament b’bilanċ xieraq, skont il-volumi totali ta’ ħruġ u l-kundizzjonijiet tas-suq, sabiex jiġu mmaniġġjati r-riskji ta’ eżekuzzjoni, tittejjeb il-likwidità tas-suq sekondarju u jittejbu l-kostijiet tas-self.
|
IV.Tqassim Irkant / sindakazzjoni f’%
|
Madwar 40 % tal-ħruġ ta’ bonds permezz ta’ rkant.
|
F’H1 2023, il-Kummissjoni żiedet is-sehem ta’ bonds maħruġa permezz ta’ rkantijiet għal kważi 40 %, livell ogħla mis-semestri preċendenti ta’ finanzjament. Dan kien f’konformità mal-objettiv tal-espansjoni tal-użu ta’ din it-teknika, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-suq (pereż. il-kapaċità ta’ assorbiment tas-suq) u l-ħtiġijiet ta’ ħruġ (pereż. l-abbiltà li jiġu sfruttati bonds eżistenti permezz ta’ rkant vs il-ħtieġa għal ħruġ ta’ linji ġodda permezz ta’ sindakazzjonijiet).
|
|
|
c)L-istabbiliment ta’ bonds kbar u likwidi ta’ valur referenzjali
L-użu ta’ Bonds tal-UE biex il-volum pendenti ta’ linji differenti jinġieb f’livelli proporzjonati ma’ linji kbar u likwidi ta’ valur referenzjali.
|
I.Ħruġ permezz ta’ bonds ġodda vs volum maħruġ permezz ta’ taps
|
·EUR 18-il biljun permezz ta’ bonds ġodda
·EUR 60.2 biljun permezz ta’ taps
|
Bil-ħsieb tal-likwidità tat-titoli tagħha, il-Kummissjoni użat it-tranżazzjonijiet tagħha biex tuża l-linji eżistenti ta’ finanzjament, b’70 % tal-volum ta’ finanzjament mobilizzat permezz ta’ taps.
Tnedew linji ġodda ta’ finanzjament biex jipprovdu lis-suq linji ġodda ta’ valuri referenzjali, meta meħtieġ, fuq il-kurva u bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tan-negozjanti primarji tal-UE. Matul is-semestru tnedew bonds ġodda ta’ tliet snin, ta’ 10 snin u ta’ 15-il sena.
B’riżultat ta’ dan, l-ammont medju pendenti għal kull bond żdied b’madwar EUR 4 biljun għal aktar minn EUR 13-il biljun sa tmiem is-semestru, li għen biex tittejjeb il-likwidità tal-bonds.
|
|
|
d)
|
II.Veloċità tal-użu ta’ bonds ġodda
|
xahrejn
|
|
|
|
e)
|
III.Daqs medju tal-bonds pendenti
|
13-14-il biljun
|
|
|
|
f)
|
IV.Fatturat relattiv mal-volum tal-ħruġ
|
Madwar 80 % tul H2 2022
|
|
|
|
g)
|
V.fatturat assolut
|
EUR 241 miljun fl-2016 u EUR 236 miljun fl-2022.
|
|
|
|
d)Il-ġestjoni tal-profil ta’ maturità tal-ħruġ tal-Bonds tal-UE b’kunsiderazzjoni xierqa għal:
·Il-marġni ta’ manuvra addizzjonali temporanju (għal self relatat mal-NGEU) u l-marġni ta’ manuvra permanenti (għall-AMF+) skont il-baġit tal-UE
·Tifdija futura ta’ żborżi f’kull sena partikolari
·Ħtiġijiet ta’ riportament stabbli fil-futur
·Il-ħtieġa li tiġi protetta l-klassifikazzjoni tal-UE biex jiġu żgurati kostijiet tas-self baxxi fit-tul u domanda qawwija mill-bażi tal-investituri ewlenin.
|
I.Maturità medja tal-ħruġ
|
13-14-il sena
|
F’H1 2023, il-ħruġ ta’ bonds kellu maturità medja ta’ 13-14-il sena. Dan irrifletta l-objettiv tal-Kummissjoni li tifrex il-profil tat-tifdijiet fuq tul ta’ żmien filwaqt li, fl-istess ħin, tattira l-investituri għat-tranżazzjonijiet tas-suq primarju tal-UE. Il-maturità medja baqgħet taħt il-maturità medja massima ta’ 17-il sena stabbilita fid-deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self għall-2023.
Iż-żmien medju sal-maturità tad-dejn pendenti baqa’ stabbli (fil-livell ta’ madwar 12-il sena) – xprunat l-aktar minn ħruġ fil-passat.
Ir-rifinanzjament baqa’ wkoll stabbli, riflessjoni tal-ħruġ fil-passat u l-profil tat-tifdija relatat.
|
|
2)
|
|
II.Żmien medju sal-maturità tad-dejn pendenti
|
Madwar 12-il sena
|
|
|
3)
|
|
III.Ir-rifinanzjament ta’ terminu qasir, jiġifieri l-perċentwal ta’ stokk pendenti tal-bonds u l-kambjali li jimmaturaw fit-12-il xahar li ġejjin
|
Anqas minn 10 %
|
|
|
4)
|
|
IV.Ir-rifinanzjament ta’ terminu medju, jiġifieri l-perċentwal ta’ stokk pendenti tal-bonds u l-kambjali li jimmaturaw fil-ħames snin li ġejjin
|
Anqas minn 30 %
|
|
|
5)Implimentazzjoni tal-programm tal-Kambjali tal-UE
|
Ħruġ regolari ta’ Kambjali tal-UE b’maturitajiet sa sena permezz ta’ rkant biex jattiraw investituri addizzjonali (jew portafolli addizzjonali ta’ investituri eżistenti) u jappoġġaw il-ġestjoni tal-likwidità.
|
I.Volum pendenti ta’ Kambjali tal-UE
|
EUR 15-20 biljun
|
Il-Kummissjoni żammet il-ħruġ skont il-programm ta’ Kambjali tal-UE fil-livell minimu fid-dawl tal-ħtiġijiet baxxi ta’ likwidità u finanzjament suffiċjenti fit-tul. Saru żewġ irkanti fix-xahar, sempliċement biex ikopru t-tifdijiet. Id-dejn pendenti skont il-programm tal-Kambjali tal-UE b’hekk baqa’ stabbli fil-livell ta’ madwar EUR 15-20 biljun matul il-perjodu.
|
|
6)
|
|
II.Għadd ta’ rkanti tal-Kambjali tal-UE
|
12
|
|
|
7)Ġestjoni tal-likwidità
|
Il-ġestjoni ta’ pula ta’ likwidità bil-ħsieb tal-obbligi ta’ pagament, il-ħtiġijiet ta’ żborż u l-kostijiet taż-żamma ta’ flus, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq tal-kontijiet.
|
I.Għadd ta’ fallimenti ta’ pagamenti minħabba nuqqas ta’ likwidità
|
L-ebda
|
Il-Kummissjoni ssodisfat b’suċċess il-ħtiġijiet ta’ żborż u ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ saldu matul is-semestru.
|
|
8)Network tan-Negozjanti Primarji
|
L-attrazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li turu impenn qawwi biex jiġi appoġġat il-ħruġ tal-UE
|
I.Għadd ta’ istituzzjonijiet li ffirmaw impenji ta’ sottoskrizzjoni għal tranżazzjonijiet matul l-aħħar sitt xhur
|
19
|
Il-Kummissjoni kompliet tiġi appoġġata min-negozjanti primarji tal-UE u r-rotazzjoni li kienet fis-sindakazzjonijiet li għenet lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mill-banek kollha eliġibbli biex ikunu parti minn sindakat.
|
|
9)Komunikazzjoni ma’ diversi partijiet ikkonċernati tas-suq u emittenti pari:
|
Iż-żamma u l-bini tal-fiduċja mal-bażi tal-investituri, il-parteċipanti fis-suq u l-emittenti pari biex jappoġġaw id-domanda għad-dejn tal-UE u jtejbu l-fehim tal-UE dwar id-dinamika tas-suq u l-ħtiġijiet tal-investituri
|
I.Devjazzjonijiet mit-twaqqit imħabbar minn qabel għall-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ finanzjament
|
L-ebda
|
Il-Kummissjoni żammet komunikazzjoni regolari u prevedibbli mas-swieq, f’konformità ma’ avviżi preċedenti. Ma kien hemm l-ebda devjazzjoni mill-mira inizjali ta’ finanzjament mħabbra matul is-semestru.
Il-Kummissjoni ppubblikat b’mod regolari statistika tal-investituri li baqgħet stabbli u kompliet tara żieda fil-bażi diversifikata tal-investituri tagħha.
|
|
|
|
II.Devjazzjoni mill-volumi mħabbra fil-pjan ta’ finanzjament
|
Inqas minn EUR 2 biljun jew inqas minn 2 %.
|
|
|
|
|
III.Statistika dwar id-distribuzzjoni tal-investituri
|
Għal kull tip: maniġers tal-fondi 31.4 %, teżori tal-banek 30.3 %, banek ċentrali/istituzzjonijiet uffiċjali 16.4 %, fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet 14.7 %, banek 5.2 %, fondi spekulattivi 2.0 %
Għal kull pajjiż/reġjun: Ir-Renju Unit 21.0 %, il-Ġermanja 12.9 %, Franza 12.9 %, Benelux 9.7 %, il-pajjiżi Nordiċi 8.7 %, l-Italja 8.4 %, l-Asja-Paċifiku 5.5 %, l-Iberja 9.6 %, il-pajjiżi l-oħra tal-UE 7.0 %, il-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa 2.2 %, Kontinent Amerikan 0.4 %, il-Lvant Nofsani u l-Afrika 1.5 %
|
|