IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.6.2023
COM(2023) 356 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
L-ewwel rapport biennali dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għar-riċerka u l-innovazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.6.2023
COM(2023) 356 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
L-ewwel rapport biennali dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għar-riċerka u l-innovazzjoni
1.Introduzzjoni
Fi sfond globali kkaratterizzat minn tensjonijiet ġeopolitiċi akbar u ż-żieda fil-frammentazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tad-dinja li tirriżulta, l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċċja l-isfida tad-diversifikazzjoni u tas-sostituzzjoni tas-sorsi tal-provvista għall-materja prima kritika u għall-enerġija nadifa. Jeħtieġ ukoll li l-Unjoni Ewropea tagħti spinta lill-kapaċità tagħha stess biex ikollha s-sovranità teknoloġika f’relazzjoni mill-qrib ma’ sħab affidabbli, u b’hekk tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha.
Il-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku 1 jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-iżvilupp teknoloġiku, il-manifattura u l-installazzjoni ta’ prodotti b’emissjonijiet żero netti u l-provvista tal-enerġija jiżdiedu bil-kbir fid-deċennju li ġej. L-Ewropa hija attur ewlieni fl-innovazzjoni u għandha wħud mill-aqwa xjenzati u riċerkaturi fid-dinja. Abbażi ta’ dawn il-punti sodi, il-Kummissjoni taħdem mas-sħab biex tiżviluppa u tuża t-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, b’approċċ miftuħ iżda assertiv.
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) 2 , il-Kummissjoni ppreżentat strateġija biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I abbażi tat-trasparenza u r-rispett tad-drittijiet u l-valuri fundamentali. Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għat-trasparenza fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar ir-R&I, filwaqt li jiġu segwiti l-kundizzjonijiet ekwi u t-trasparenza reċiproka bbilanċjata 3 u l-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata kooperazzjoni multilaterali bbażata fuq ir-regoli, li fiha, ir-R&I għandhom jaqdu rwol ċentrali 4 .
Il-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali hija implimentata permezz tal-modulazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi individwali, l-insegwiment tat-trasparenza reċiproka u l-kundizzjonijiet ekwi. Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali tappoġġa s-sħubijiet multilaterali biex jipprovdu soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi globali u tiżdied ir-reżiljenza tal-UE. Din hija strumentali għall-Global Gateway 5 , l-istrateġija tal-UE biex tingħata spinta lill-investiment madwar id-dinja fid-diġitalizzazzjoni, fil-klima u fl-enerġija, fit-trasport, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fir-riċerka.
Dan huwa l-ewwel rapport biennali li jqis il-progress lejn l-objettivi tal-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali. Jipprovdi stampa tal-pożizzjoni tal-UE fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I fl-oqsma tematiċi kollha. Jinkludi wkoll riflessjoni fuq id-diplomazija dwar ix-xjenza biex l-Approċċ Globali għar-R&I jkompli jiġi integrat fil-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE 6 .
2.L-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn tal-UE lejn it-trasparenza internazzjonali u l-valuri fundamentali fir-riċerka u l-innovazzjoni
L-UE żviluppat sett komuni ta’ prinċipji u valuri għar-R&I u nediet djalogu multilaterali ma’ pajjiżi sħab u fora internazzjonali dwar il-valuri u l-prinċipji għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I. L-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tmexxi bl-eżempju biex tippreserva t-trasparenza fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I, filwaqt li tistabbilixxi miżuri restrittivi meta jkun meħtieġ. Hija implimentat b’suċċess dispożizzjonijiet ġodda għall-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi ma’ Orizzont Ewropa. |
2.1 Valuri u prinċipji fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I
Il-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali tiddikjara li l-valuri u l-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I għandhom jiġu diskussi mas-sħab internazzjonali permezz ta’ djalogu multilaterali. Dan l-approċċ ġie approvat mill-Kunsill fi tliet settijiet ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill relatati mar-R&I 7 , kif ukoll mid-Dikjarazzjoni ta’ Marsilja 8 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I. Il-Kummissjoni ospitat il-laqgħa inawgurali tad-djalogu multilaterali f’format virtwali fit-8 ta’ Lulju 2022, li għaliha attendew rappreżentanti minn 46 pajjiż 9 u diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati.
Id-djalogu qed jiġi implimentat permezz ta’ workshops iffukati fuq il-valuri u l-prinċipji tar-R&I 10 , li għandhom l-għan li jiddiskutu terminoloġija komuni, jaqsmu l-esperjenza dwar l-implimentazzjoni prattika u jidentifikaw il-prattiki tajba. Id-diskussjonijiet iqisu u jibnu fuq il-Patt għar-R&I fl-Ewropa 11 u jaħdmu f’fora internazzjonali bħall-G7, il-G20, il-Kunsill Globali tar-Riċerka, l-OECD u l-UNESCO. L-eżitu mill-workshops se jiġi kkonsolidat permezz ta’ laqgħat ta’ “teħid ta’ rendikont”, li se jsiru matul l-2023, u avveniment ministerjali fl-2024 bil-parteċipazzjoni prevista ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi u organizzazzjonijiet involuti fid-djalogu multilaterali.
L-UE kienet ukoll partikolarment attiva fid-difiża tal-libertà akkademika, b’mod partikolari permezz tal-proġett Inspireurope+ iffinanzjat permezz tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCAs) taħt Orizzont Ewropa. Il-proġett għandu l-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni tranżazzjonali billi jsaħħaħ u jxerred prattiki tajba biex jiġu appoġġati r-riċerkaturi f’riskju, pereżempju minħabba l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, it-teħid tal-kontroll bil-forza fl-Afganistan mir-reġim Taliban de facto jew ir-repressjoni interna fir-Russja jew it-tluq furzat mir-Russja bħala riżultat tal-oppożizzjoni tagħhom għall-gwerra ta’ aggressjoni tal-pajjiż kontra l-Ukrajna 12 .
L-UE qiegħda quddiem nett fil-promozzjoni u l-adozzjoni ta’ prattiki tax-xjenza miftuħa permezz tal-inizjattivi ta’ kollaborazzjoni internazzjonali, bħall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. L-inizjattiva tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa hija involuta wkoll f’kooperazzjoni bireġjonali u bilaterali, bħall-esplorazzjoni ta’ rabtiet potenzjali mal-Pjattaforma Afrikana tax-Xjenza Miftuħa. L-UE tikkontribwixxi wkoll għall-allinjament u għall-kollaborazzjoni internazzjonali dwar ix-xjenza miftuħa billi tkun kopresident ta’ grupp ta’ ħidma ddedikat tal-G7. Huwa meħtieġ aktar allinjament internazzjonali tal-politiki, tar-regoli u tal-azzjoni għall-kondiviżjoni miftuħa tad-data dwar l-għarfien xjentifiku u r-riċerka u għall-prinċipji li jiggwidaw il-bidliet għall-valutazzjoni tar-riċerka, pereżempju fi ħdan il-Koalizzjoni għall-Avvanz tal-Valutazzjoni tar-Riċerka.
Id-diplomazija dwar ix-xjenza 13 llum taqdi rwol dejjem akbar, minħabba għadd ta’ fatturi bħal: il-kumplessità dejjem akbar tal-isfidi globali, il-pressjonijiet fuq il-beni komuni globali, l-impatt tat-teknoloġiji emerġenti, b’mod partikolari bil-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u t-tfittxija għall-awtonomija strateġika miftuħa u s-sovranità teknoloġika tal-UE. L-isforzi diplomatiċi fix-xjenza fl-UE għadhom fil-biċċa l-kbira mhux ikkoordinati, nieqsa mis-sinerġiji u minn approċċ mifrux mal-UE kollha 14 .. Tali nuqqasijiet joħolqu vulnerabbiltajiet f’ambjent ġeopolitiku, xjentifiku u teknoloġiku li qed jinbidel malajr, ma’ atturi internazzjonali oħra li jużaw id-diplomazija dwar ix-xjenza b’mod ħafna aktar immirat.
Il-Kunsill talab ukoll lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiżviluppaw aġenda Ewropea dwar id-diplomazija dwar ix-xjenza fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Approċċ Globali u dwar il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Mid-diskussjonijiet li saru fis-Sotto-Grupp tal-Forum taż-ŻER dwar l-Approċċ Globali u ma’ gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati, tfaċċaw erba’ pilastri tad-diplomazija dwar ix-xjenza 15 u abbażi ta’ dan qed ikomplu d-diskussjonijiet, kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
2.2. Id-dimensjoni internazzjonali ta’ Orizzont Ewropa u l-politika ta’ assoċjazzjoni tiegħu
Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I hija kruċjali biex jiġi żgurat l-aċċess għat-talent, għall-għarfien, għall-infrastrutturi u għas-swieq fid-dinja kollha, biex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-isfidi globali u biex jiġu implimentati l-impenji globali. L-UE hija katalizzatur ewlieni għall-internazzjonalizzazzjoni tar-R&I, ma’ Orizzont Ewropa — il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni — li jattira l-aqwa riċerkaturi, innovaturi u kumpaniji intensivi fl-għarfien 16 .
It-trasparenza għad-dinja hija trademark ta’ Orizzont Ewropa. Proġetti kollaborattivi jistgħu jinkludu sħab minn madwar id-dinja kollha. Ħlief għal ftit każijiet, is-sħab minn pajjiżi b’introjtu baxx u medju huma awtomatikament eliġibbli għall-finanzjament tal-UE, filwaqt li l-pajjiżi industrijalizzati huma ġeneralment mistennija li jġibu l-finanzjament tagħhom stess għal proġetti.
Fl-ewwel żewġ programmi ta’ ħidma biennali ta’ Orizzont Ewropa (għall-2021-2022 u l-2023-2024), madwar 21 % tas-suġġetti tar-riċerka kollaborattiva kollha ħeġġew b’mod attiv il-kooperazzjoni internazzjonali. Tnedew ukoll inizjattivi speċifiċi, immirati lejn il-kooperazzjoni mal-Afrika u mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCAs) huma l-aktar komponent internazzjonali f’Orizzont Ewropa 17 u huma essenzjali fl-istabbiliment ta’ sħubijiet internazzjonali bejn l-organizzazzjonijiet tar-R&I. Fost ir-riċerkaturi individwali magħżula skont il-fellowships postdottorali tal-MSCA, 38 % huma minn barra l-UE 18 . Ankrati fost l-oħrajn mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa għandhom dimensjoni internazzjonali b’saħħitha 19 (ara t-taqsima 4).
Fi ħdan Orizzont Ewropa, l-UE kompliet tiffinanzja l-aċċess tranżnazzjonali għall-infrastrutturi tar-riċerka, inkluż dawk immexxija miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni 20 , għall-utenti minn pajjiżi terzi. L-UE tippromwovi programmi ta’ aċċess internazzjonali fi ħdan il-Grupp tal-G7 ta’ uffiċjali għolja dwar l-infrastrutturi globali tar-riċerka 21 . Fl-2022, il-Kummissjoni u l-Istati Membri appoġġaw id-Dikjarazzjoni ta’ Brno 22 , li għandha l-għan li trawwem ekosistema globali ta’ infrastrutturi tar-riċerka.
Filwaqt li l-Programmi Qafas preċedenti kienu miftuħa għall-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea, Orizzont Ewropa joffri għall-ewwel darba l-possibbiltà li jiġu assoċjati pajjiżi terzi li jinsabu fi kwalunkwe post fid-dinja, li għandhom kapaċità tajba fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni 23 u li jaqsmu valuri komuni mal-UE. New Zealand hija l-ewwel pajjiż lil hinn mill-viċinanza diretta tal-UE li miegħu ġew iffinalizzati negozjati ta’ assoċjazzjoni f’Diċembru 2022. In-negozjati mal-Kanada għadhom għaddejjin u t-tnedija tan-negozjati mar-Repubblika tal-Korea tħabbret fis-Summit bejn l-UE u l-Korea f’Mejju 2023. Qed tiġi kkunsidrata wkoll l-possibbiltà tat-tnedija tan-negozjati mal-Ġappun.
Fil-viċinat tal-UE, Orizzont Ewropa jikkonferma l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mal-programm għal pajjiżi terzi li jappartjenu għall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, għall-pajjiżi aderenti, kandidati u potenzjalment kandidati, kif ukoll għall-pajjiżi tal-politika Ewropea tal-viċinat. S’issa hemm 16-il pajjiż li diġà huma assoċjati mal-programm: l-Albanija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia, l-Iżlanda, l-Iżrael, il-Kosovo*, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Ukrajna 24 . L-UE qed taħdem aktar biex tikkonkludi l-proċess ta’ assoċjazzjoni mar-Renju Unit, u n-negozjati formali mal-Marokk għadhom għaddejjin.
3.Ir-riekwilibriju tal-Approċċ Globali tal-UE għar-R&I: lejn kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u reċiproċità
L-UE stabbiliet impenji konġunti mas-sħab prijoritizzati, bħall-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti), il-Kanada, il-Ġappun, l-Indja, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u l-Unjoni Afrikana, biex timplimenta kundizzjonijiet qafas imfassla ħalli jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jiġu promossi l-valuri kondiviżi (ara aktar dettalji fit-Taqsima 5 hawn taħt). Il-Kummissjoni implimentat l-Artikolu 22(5) u (6) tar-Regolament Orizzont Ewropa 25 biex tissalvagwardja l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-UE. Hija żviluppat linji gwida dwar l-interferenza barranija, prinċipji gwida dwar il-valorizzazzjoni tal-għarfien, kodiċi ta’ prattika għall-ġestjoni tal-assi intellettwali u kodiċi ta’ prattika dwar l-istandardizzazzjoni 26 . |
Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel malajr żvelaw ir-riskji severi assoċjati mad-dipendenzi tal-UE f’diversi setturi strateġiċi 27 . Dan jitlob li tingħata attenzjoni għal kif il-kapaċità teknoloġika hija distribwita fost l-atturi ekonomiċi ewlenin 28 . Is-sovranità teknoloġika teħtieġ kemm l-għarfien xjentifiku meħtieġ għall-bini, għall-operat u għall-fehim tat-teknoloġiji kritiċi, kif ukoll l-aċċess għall-komponenti u għall-materjali meħtieġa għat-trasferiment tat-teknoloġiji mil-laboratorju għas-suq 29 .
L-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa jagħmilha possibbli li tiġi limitata l-parteċipazzjoni għal entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi assoċjati jew oħrajn speċifikati kif identifikati fil-programm ta’ ħidma biex jiġu ssalvagwardjati l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-UE. Jistgħu jiġu applikati wkoll restrizzjonijiet għal entitajiet stabbiliti f’pajjiżi li huma eliġibbli iżda li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn pajjiż mhux eliġibbli jew minn entità stabbilita f’pajjiż mhux eliġibbli. Il-parteċipazzjoni kienet limitata skont l-Artikolu 22(5) għal 49 suġġett fil-programm ta’ ħidma tal-2021-2022 u għal 31 suġġett fil-programm ta’ ħidma tal-2023-2024, li jammontaw għal 4 % u għal 3,5 % rispettivament tal-baġits ta’ dawn il-programmi ta’ ħidma 30 . Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(5) intużaw għal suġġetti relatati mar-riċerka kwantistika, l-ispazju u l-materja prima kritika. L-użu tal-Artikolu 22(5) huwa eċċezzjonali u ġġustifikat kif xieraq.
Fejn xieraq u ġġustifikat kif xieraq, l-Artikolu 22(6) tar-Regolament Orizzont Ewropa jippermetti l-inklużjoni ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà addizzjonali biex jitqiesu r-rekwiżiti speċifiċi tal-politika jew in-natura u l-objettivi tal-azzjoni. Il-Kummissjoni għamlet użu minn dan l-Artikolu ma’ pajjiżi terzi fejn dehrilha li l-kundizzjonijiet qafas li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fil-kooperazzjoni fir-R&I ma kinux fis-seħħ.
Biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet imwettqa fi ħdan Orizzont Ewropa jikkonformaw mar-regoli ta’ sigurtà applikabbli skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni implimentat proċedura ta’ skrinjar tas-sigurtà għall-proġetti li jinvolvu informazzjoni sensittiva jew klassifikata, jew informazzjoni jew materjali soġġetti għal restrizzjonijiet fuq is-sigurtà nazzjonali. Is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali wasslet għal domanda dejjem akbar għal proċedura ta’ skrinjar tas-sigurtà għall-proġetti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.
Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida dwar l-indirizzar tal-interferenza barranija fir-R&I 31 . Dan id-dokument jiddeskrivi l-aħjar prattiki biex jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-UE u l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka fis-salvagwardja tal-libertà akkademika, tal-integrità u tal-awtonomija istituzzjonali tagħhom, kif ukoll is-sejbiet u l-assi tar-riċerka tagħhom. Fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma SIGRE tal-G7 32 , il-Kummissjoni, flimkien ma’ sħab tal-istess fehma, żviluppat prinċipji komuni għas-sigurtà tar-riċerka.
Sabiex jagħti spinta lill-valur iġġenerat mill-għarfien, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien 33 . L-għarfien tal-komunità xjentifika dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali, inkluż id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI), huwa meħtieġ għall-promozzjoni tal-użu effettiv u tal-implimentazzjoni effettiva tal-għarfien, u biex l-aċċess għall-assi protetti mill-PI u l-kondiviżjoni tagħhom ikunu aktar faċli. Biex ittejjeb il-kollaborazzjoni dwar l-istandards globali, il-Kummissjoni tista’ ssegwi aktar koordinazzjoni ma’ sħab tal-istess fehma, billi tibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kodiċi ta’ prattika għall-ġestjoni tal-assi intellettwali u dwar il-kodiċi ta’ prattika dwar l-istandardizzazzjoni 34 .
4.Il-ġbir flimkien tal-isforzi globali biex jiġu indirizzati flimkien l-isfidi globali
4.1.It-tmexxija tal-isforzi globali lejn tranżizzjoni ekoloġika ġusta
L-UE kkontribwiet għall-adozzjoni tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal fil-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità (COP 15) fit-18 ta’ Diċembru 2022 u għall-ftehim dwar it-Trattat tan-NU dwar l-Ibħra Internazzjonali fil-Konferenza Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità tal-Baħar ta’ Żoni lil Hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali fl-4 ta’ Marzu 2023. Hija ffirmat id-Dikjarazzjoni tal-Alleanza għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċean Atlantiku biex trawwem il-kooperazzjoni fir-riċerka dwar l-oċeani fl-Atlantiku u t-tielet dikjarazzjoni konġunta tal-Laqgħa Ministerjali dwar ix-Xjenza tal-Artiku biex tkompli tappoġġa r-riċerka dwar l-Artiku. Hija saħħet ukoll l-involviment tagħha fl-innovazzjoni tal-missjonijiet; u kompliet tippromwovi r-rwol ewlieni tagħha fl-appoġġ tal-kooperazzjoni multilaterali fir-R&I biex twassal soluzzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza għall-ġestjoni sostenibbli tal-art, tal-oċeani u tal-ħamrija, għas-sistemi tal-agrikoltura u tal-ikel, għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-politiki dwar l-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija, il-klima, il-forestrija u l-politiki tal-bijodiversità, u l-osservazzjoni tad-Dinja. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll pjattaforma internazzjonali għall-ġestjoni tal-għarfien biex tikkondividi l-informazzjoni dwar l-istandards, il-gwida u l-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-qafas tal-inizjattiva dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. |
Sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, avvanzi xjentifiċi ulterjuri huma kritiċi għall-protezzjoni u għar-restawr tal-kapital naturali, għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u tal-industrija b’sustanzi kimiċi u materjali li huma sikuri u sostenibbli mid-disinn, għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tat-tniġġis, għall-immodernizzar tal-infrastruttura tagħna u għaż-żieda tar-reżiljenza tagħha, għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-benesseri pubbliċi, u għat-tfassil ta’ sistemi sostenibbli tal-ikel u tal-ilma. Bħala parti mill-isforzi tagħha biex trawwem tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u inklużiva u f’konformità mal-istrateġija tal-Global Gateway 35 u impenji internazzjonali oħra, l-UE appoġġat ukoll lill-pajjiżi sħab tagħha biex jaċċessaw id-data ambjentali u jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar il-progress permezz ta’ inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-għarfien u l-kapaċitajiet u t-tisħiħ tal-interfaċċa bejn ix-xjenza u l-politika.
Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani 36 enfasizzat il-ħtieġa li jinbena l-għarfien dwar l-oċeani biex l-oċeani jiġu protetti u ġestiti b’mod sostenibbli. Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-Kummissjoni ffirmat dikjarazzjoni politika 37 f’isem l-UE li tistabbilixxi l-Alleanza l-ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Oċean Atlantiku mal-Arġentina, mal-Brażil, mal-Kanada, ma’ Cabo Verde, mal-Marokk, mal-Afrika t’Isfel u mal-Istati Uniti. Filwaqt li jirriflettu l-ambitu internazzjonali tal-missjoni ta’ Orizzont Ewropa “Nirrestawraw l-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna sal-2030”, l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali jitwettqu fi ħdan il-Fanal Atlantiku-Artiku u l-Fanal tal-Mediterran tal-missjoni, kif ukoll mal-pajjiżi sħab tal-Baħar l-Iswed.
Fi ħdan Missjoni Innovazzjoni, 38 il-Kummissjoni ppromwoviet l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Permezz ta’ tmexxija konġunta tal-missjoni tal-Idroġenu Nadif, il-Kummissjoni beħsiebha żżid il-kompetittività tal-kostijiet tal-idroġenu nadif billi tnaqqas il-kostijiet minn tarf sa tarf tiegħu u billi tiżviluppa mill-inqas 100 wied tal-idroġenu madwar id-dinja sal-2030. Bl-appoġġ tal-missjoni “Bliet newtrali għall-klima u intelliġenti” ta’ Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni qed tmexxi b’mod konġunt ukoll il-missjoni ta’ Tranżizzjonijiet Urbani biex taħdem ma’ 300 belt madwar id-dinja ħalli ssaħħaħ il-viżjonijiet b’emissjonijiet żero netti tagħhom, iżżid l-azzjoni u taċċellera l-implimentazzjoni.
Fil-livell multilaterali, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ infurmat bl-evidenza għat-tfassil tal-politika, sawret l-aġendi u kkontribwiet għall-ħidma ta’ għadd ta’ organizzazzjonijiet, inklużi: il-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja – dwar l-użu aħjar tal-assi Ewropej ta’ osservazzjoni tad-Dinja (bħal Copernicus); il-Forum Internazzjonali tal-Bijoekonomija u fora multilaterali oħra ta’ kooperazzjoni – dwar il-bijoekonomija; il-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima – dwar ix-xjenza tal-klima; il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika 39 – dwar il-bijodiversità; il-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi u l-Alleanza Globali dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi 40 ; l-inizjattiva tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel; u s-Sħubija Globali tan-NU għall-Ħamrija permezz tal-missjoni “Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa” ta’ Orizzont Ewropa.
Fi ħdan il-Bahaus Ewropea l-Ġdida (NEB), il-Kummissjoni stabbiliet pjattaforma internazzjonali għall-ġestjoni tal-għarfien biex tikkondividi informazzjoni dwar l-istandards, il-gwida u l-opportunitajiet ta’ finanzjament ħalli tintegra d-dimensjonijiet tas-sostenibbiltà, l-inklużjoni u l-estetika/il-kwalità tal-esperjenza fil-bini u fl-ispazji pubbliċi. Ċerti inizjattivi huma miftuħa għal entitajiet minn pajjiżi terzi, soġġetti għal kundizzjonijiet differenti ta’ parteċipazzjoni: il-Komunità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, il-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, il-Premjijiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fi ħdan il-programmi tal-UE 41 .
4.2.Il-promozzjoni tat-tranżizzjoni diġitali
L-UE saħħet l-attivitajiet konġunti ta’ riċerka b’mod partikolari f’teknoloġiji diġitali ewlenin u f’networks u servizzi intelliġenti, inkluż bl-adozzjoni tal-Att Bażiku Uniku li jistabbilixxi l-impriżi konġunti fi ħdan Orizzont Ewropa 42 . L-UE żviluppat sħubijiet diġitali internazzjonali mal-Amerka Latina, mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore, f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tal-2030 43 (ara wkoll it-taqsima 5). |
L-UE hija b’saħħitha fir-riċerka u l-iżvilupp industrijali, b’mod partikolari fit-teknoloġija tal-vetturi, tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u fis-setturi tas-saħħa, u għandha tradizzjoni soda fir-riċerka kwantistika u fir-robotika. Filwaqt li l-UE hija b’saħħitha fil-manifattura avvanzata u fil-materjali avvanzati, huwa meħtieġ li jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi f’oqsma teknoloġiċi u fi ktajjen tal-valur ewlenin, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-big data, il-cloud computing, iċ-ċibersigurtà, il-komunikazzjonijiet siguri, ir-robotika u l-mikroelettronika. Ir-regolamentazzjoni, il-governanza u l-istandardizzazzjoni tat-teknoloġiji diġitali se jkunu fatturi kritiċi biex jiġu massimizzati l-opportunitajiet diġitali, filwaqt li jitnaqqsu l-isfidi jew it-theddid li joħolqu 44 .
L-UE tappoġġa lill-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp u lil dawk emerġenti, b’attenzjoni partikolari għall-Afrika, filwaqt li trawwem il-konnettività diġitali permezz ta’ pakketti tal-ekonomija diġitali ffinanzjati permezz ta’ inizjattivi ta’ Tim Ewropa 45 . Dawn il-pakketti huma mfassla biex jippromwovu mudell ta’ żvilupp diġitali ċċentrat fuq il-bniedem. L-UE żiedet ukoll l-appoġġ tagħha għal proġetti ta’ tnedija u ta’ konnettività tal-broadband u stabbiliet ċentri tad-data reġjonali għall-forniment ta’ servizzi bbażati fl-ispazju fl-Afrika, fl-Amerka Latina u fil-Karibew, u fl-Asja, f’konformità mal-istrateġija tal-Global Gateway 46 . Barra minn hekk, sar progress fl-istabbiliment ta’ fergħat reġjonali taċ-Ċentru Diġitali għall-Iżvilupp (D4D) 47 , b’mod partikolari fl-Afrika, fl-Amerka Latina u fil-Karibew, u fir-reġjuni tal-Asja u tal-Paċifiku. Bit-tnedija tal-Alleanza Diġitali mal-istati tal-Amerka Latina u tal-Karibew fl-2023, l-UE saħħet is-sħubija diġitali bireġjonali biex tindirizza d-distakk diġitali u tikseb trasformazzjoni diġitali inklużiva fir-reġjun.
Bl-istabbiliment ta’ sħubijiet u koalizzjonijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma, l-UE tista’ tfassal standards teknoloġiċi internazzjonali etiċi, sikuri u inklużivi 48 . L-UE kella r-rwol ta’ mexxejja globali fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-Att dwar il-Governanza tad-Data), dwar l-ekonomija tal-pjattaformi (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali), dwar intelliġenza artifiċjali affidabbli ċċentrata fuq il-bniedem (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u dwar id-drittijiet u l-libertajiet online (l-Att dwar il-Libertà tal-Media, id-Dikjarazzjoni għall-Futur tal-Internet, id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali). Hija nnegozjat f’korpi multilaterali 49 biex ittejjeb il-funzjonament tal-ekonomija diġitali globalment u biex tipproġetta l-valuri tal-UE madwar id-dinja. Din tippromwovi ċiberspazju globali, miftuħ, stabbli u sigur ibbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u ta’ normi, regoli u prinċipji mhux vinkolanti ta’ mġiba responsabbli tal-Istat.
4.3.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-saħħa globali
Il-Kummissjoni adottat l-istrateġija tal-UE għas-saħħa globali u l-ewwel rapport dwar l-istat tat-tħejjija għas-saħħa, li jikkontribwixxi għall-aġenda fuq perjodu ta’ żmien medju u twil dwar is-sigurtà tas-saħħa u t-tħejjija u t-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa. Il-Kummissjoni ppromwoviet il-koordinazzjoni internazzjonali tal-provi tal-pjattaformi Ewropej iffinanzjati mill-UE permezz tal-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Provi. Hija kompliet il-kooperazzjoni fuq l-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A), iffinanzjat ir-riċerka dwar il-COVID-19 u mard infettiv ieħor, u appoġġat il-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji (CEPI). L-UE stabbiliet it-tielet programm tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP) bħala impriża konġunta fi ħdan Orizzont Ewropa, biex tindirizza l-mard infettiv u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika fl-Afrika sub-Saħarjana. |
L-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa globali 50 tidentifika r-riċerka u l-innovazzjoni bħala faċilitaturi ewlenin għal saħħa aħjar, flimkien mad-diġitalizzazzjoni u ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. Din l-istrateġija kienet akkumpanjata mill-ewwel rapport dwar l-istat tat-tħejjija għas-saħħa 51 , li jenfasizza l-progress li sar fl-oqsma ta’ tħejjija u rispons, inkluż fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I, mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, b’fokus b’mod partikolari fuq kontromiżuri mediċi.
Il-Kummissjoni kompliet bil-kooperazzjoni tagħha mal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A) 52 u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa li għandhom l-istess fehma, fl-Ewropa u barra minnha, permezz ta’ sħubijiet Ewropej u alleanzi internazzjonali 53 . Il-Kummissjoni żiedet it-tħejjijiet għal sħubijiet Ewropej ġodda ma’ sħab internazzjonali 54 u kompliet tappoġġa impenji internazzjonali fil-livell reġjonali, bħall-inizjattiva PerMed UE-Afrika bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani 55 .
Is-“Saħħa Globali EDCTP3” huwa t-tielet programm tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw u huwa stabbilit bħala impriża konġunta fi ħdan Orizzont Ewropa 56 . Bi sħubija li qed tikber li bħalissa tinkludi 15-il pajjiż Ewropew u 25 pajjiż Afrikan, l-impriża konġunta għandha l-għan li taċċellera l-iżvilupp kliniku ta’ prodotti ġodda jew imtejba tat-teknoloġija tas-saħħa għall-identifikazzjoni, it-trattament u l-prevenzjoni ta’ mard infettiv relatat mal-faqar u mard infettiv ittraskurat, inkluż mard (ri)emerġenti , fl-Afrika sub-Saħarjana. L-għotjiet kollha tal-programm Saħħa Globali EDCTP3 jirrikjedu li l-benefiċjarji jiżguraw li l-prodotti jew is-servizzi żviluppati bis-saħħa tal-istudji kliniċi jsiru disponibbli, affordabbli u aċċessibbli għall-pubbliku b’termini ġusti u raġonevoli.
4.4.Il-promozzjoni tal-innovazzjoni
Il-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali tirrikonoxxi l-importanza ta’ kooperazzjoni internazzjonali fl-innovazzjoni u tippromwovi sħubijiet internazzjonali fl-innovazzjoni li huma ta’ benefiċċju għal dawk kollha involuti, ma’ pajjiżi u reġjuni li joffru trasparenza reċiproka għall-intraprenditorija u l-investiment, pereżempju mal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Uniti (Silicon Valley) u fl-Afrika (aġenda ta’ innovazzjoni bejn l-UA u l-UE).
Id-dimensjoni internazzjonali tal-aġenda Ewropea l-ġdida għall-innovazzjoni 57 tikkontribwixxi għat-trawwim, għall-attrazzjoni u għaż-żamma tat-talent madwar id-dinja u l-involviment ta’ sħab internazzjonali ewlenin fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi rilevanti. Dan jeħtieġ qafas imtejjeb biex jiġu attirati intraprendituri barranin, inkluż trattament aktar favorevoli tal-ekwità, proċeduri ssimplifikati ta’ elenkar, aktar kapital disponibbli minn investituri istituzzjonali u aktar opportunitajiet għan-nisa fl-investiment ta’ riskju.
Is-sensibilizzazzjoni globali tal-UE fl-innovazzjoni tkompli tissaħħaħ bl-attivitajiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li dan l-aħħar aġġorna l-qafas strateġiku tiegħu 58 biex jallinjah mal-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali. Fl-istess ħin, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) qed jippromwovi l-programm tiegħu ta’ fieri kummerċjali barra mill-pajjiż, li jgħin lill-benefiċjarji tal-EIC jippromwovu l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom fis-swieq barranin u jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta’ negozju fil-fieri kummerċjali internazzjonali l-aktar popolari.
5.Il-modulazzjoni tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi u mar-reġjuni ta’ prijorità
Aktar minn 20 % tas-suġġetti fi ħdan Orizzont Ewropa kienu mmirati speċifikament lejn il-kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li jrawmu sinerġiji ma’ programmi oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI). Minħabba l-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni enfasizzat fuq miżuri ta’ appoġġ iddedikati għall-Ukrajna u ffaċilitat il-parteċipazzjoni tagħha f’Orizzont Ewropa u Euratom, inkluż il-ftuħ ta’ uffiċċju ta’ Orizzont Ewropa f’Kiev. Il-ftehim ta’ kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn l-UE u l-Ukrajna ġġedded fl-2022 u b’hekk sar effettiv mit-8 ta’ Novembru 2019 għal perjodu ta’ 5 snin. Għall-ewwel darba, is-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent issa huma assoċjati ma’ Orizzont Ewropa. Ir-relazzjonijiet jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-Balkani tal-Punent dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport 59 . Abbażi tad-diskussjonijiet attwali dwar il-pjan direzzjonali konġunt għall-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni, l-UE u ċ-Ċina se jikkooperaw fuq żewġ inizjattivi ewlenin tar-riċerka f’oqsma ta’ interess reċiproku, filwaqt li jkollhom approċċ ristrett dwar azzjonijiet relatati mal-innovazzjoni. Flimkien mal-Unjoni Afrikana (UA), l-UE żviluppat abbozz ta’ aġenda konġunta għall-innovazzjoni bejn l-UA u l-UE u approvat id-dikjarazzjoni ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran. Hija nediet “Inizjattiva Afrikana” u “Inizjattiva Mediterranja” ddedikati fi ħdan Orizzont Ewropa, kull waħda b’investiment totali tal-UE ta’ madwar EUR 300 miljun. L-UE intensifikat ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Uniti permezz tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, mal-Kanada, ma’ New Zealand u mar-Repubblika tal-Korea b’mod partikolari permezz ta’ negozjati dwar l-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa, mal-Ġappun inkluż fil-kuntest tal-Presidenza Ġappuniża tal-G7 fl-2023, u mal-Indja bit-tnedija tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja. Il-Kummissjoni kompliet timplimenta l-pjan direzzjonali strateġiku UE-CELAC 60 dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni għall-2021-2023 u se tiddiskuti l-kooperazzjoni futura fit-tieni nofs tal-2023. L-UE approvat ukoll pjan ta’ azzjoni għall-2023-2027 biex timplimenta s-sħubija strateġika bejn l-ASEAN u l-UE u impenjat ruħha li tippromwovi l-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku, inkluż mal-Awstralja, mar-Repubblika tal-Korea, ma’ New Zealand u ma’ Singapore. |
5.1.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi industrijalizzati u ma’ ekonomiji emerġenti
Il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti ssaħħet b’mod sinifikanti f’konformità mal-ambizzjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali u fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar aġenda ġdida bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-bidla globali 61 . Is-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Ġunju 2021 nieda formalment il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti (TTC bejn l-UE u l-Istati Uniti), li wassal għal flussi ta’ ħidma ġodda u attivi fl-iffissar tal-istandards, fl-intelliġenza kwantistika u artifiċjali u fir-riċerka relatata mal-klima u t-teknoloġija nadifa. Il-ħidma attiva fuq l-elettromobbiltà u l-interoperabbiltà mal-grilji intelliġenti fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tat-TTC bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-teknoloġija klimatika u nadifa ħejjiet rakkomandazzjonijiet għall-infrastruttura pubblika għall-iċċarġjar tal-elettromobbiltà.
F’konformità mal-approċċ multidimensjonali tal-Komunikazzjoni Konġunta “UE-Ċina – Perspettiva Strateġika” 62 , il-Kummissjoni kompliet iżżid l-isforz tagħha biex tikkalibra mill-ġdid il-kooperazzjoni fir-R&I maċ-Ċina. Għaddejjin diskussjonijiet dwar pjan direzzjonali konġunt għall-futur tal-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni, inkluż dwar sett ta’ kundizzjonijiet qafas. L-ambitu tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina jirrifletti l-fatt li r-rivalità sistemika ggwadanjat importanza u li d-diskussjonijiet dwar il-pjan direzzjonali juru riżultati pożittivi dwar il-kundizzjonijiet qafas relatati mar-riċerka 63 iżda nuqqas ta’ progress dwar il-kundizzjonijiet qafas relatati mal-innovazzjoni 64 . Għaldaqstant, fil-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa tal-2023-2024, il-kooperazzjoni fir-R&I bejn l-UE u ċ-Ċina tkompli permezz ta’ żewġ inizjattivi ewlenin tar-riċerka, waħda dwar l-ikel, l-agrikoltura u l-bijoteknoloġija, u waħda dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. Madankollu, minħabba t-tħassib sinifikanti dwar l-użu tal-proprjetà intellettwali ġġenerata fi ħdan Orizzont Ewropa, l-Artikolu 22(6) tar-Regolament Orizzont Ewropa ġie applikat biex tiġi evitata l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet Ċiniżi f’azzjonijiet ta’ innovazzjoni 65 .
Mal-Kanada, l-Awstralja u New Zealand, il-kooperazzjoni kompliet f’oqsma ta’ prijorità reċiproka, bħas-saħħa u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. F’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni mar-reġjun Indo-Paċifiku, il-Kummissjoni kkonkludiet sħubijiet diġitali internazzjonali 66 mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea u ma’ Singapore. Il-kooperazzjoni mal-Indja kisbet momentum bit-tnedija ta’ Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja 67 li se jiffoka fuq it-teknoloġiji tal-enerġija diġitali, ekoloġika u nadifa, kif ukoll fuq il-kummerċ u l-ktajjen tal-valur reżiljenti. L-Indja qablet ukoll li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kofinanzjament għal suġġetti speċifiċi fil-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa tal-2023-24.
Il-kooperazzjoni fir-R&I bejn l-UE u l-Brażil rat it-tiġdid ta’ 5 snin tal-ftehim xjentifiku u teknoloġiku bilaterali u l-iffirmar ta’ arranġament amministrattiv ma’ tliet aġenziji Brażiljani ta’ finanzjament tar-riċerka biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kofinanzjament għall-entitajiet Brażiljani li jipparteċipaw f’Orizzont Ewropa. Il-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Messiku ppermettiet it-tnedija tal-“Puerta Horizonte Europa-Mexico”, li tipprovdi appoġġ u kofinanzjament għall-parteċipazzjoni tal-Messiku f’Orizzont Ewropa, filwaqt li huwa mistenni li jiġi ffirmat arranġament amministrattiv mal-Arġentina dwar Copernicus fl-2023. Il-ftehim bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċilì dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija ġie imġedded b’mod taċitu sal-2027.
5.2.L-integrazzjoni tal-kooperazzjoni fil-viċinat tal-UE
L-implimentazzjoni tal-aġenda tal-Balkani tal-Punent dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport għamlet progress tajjeb. L-aġenda għandha l-għan li tippromwovi l-eċċellenza xjentifika u li tirriforma s-sistemi edukattivi tar-reġjun, toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ u tgħin fil-prevenzjoni tal-eżodu ta’ mħuħ. Għall-ewwel darba, is-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent huma assoċjati ma’ Orizzont Ewropa.
Fl-ewwel konferenza ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran dwar ir-R&I, ġew approvati tliet pjanijiet direzzjonali tar-R&I dwar is-saħħa, it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli 68 . Il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa tal-2023-2024 nieda “inizjattiva Mediterranja” li hija mmirata lejn it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli, u li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet stabbiliti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Il-kooperazzjoni fir-R&I tkompli permezz tal-Fanal tal-Mediterran tal-missjoni ta’ Orizzont Ewropa “Nirrestawraw l-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna sal-2030”, l-inizjattiva BlueMed, is-Sħubija Blu dwar l-Oċeani Sostenibbli u s-Sħubija fir-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona tal-Mediterran (PRIMA) 69 .
Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-kooperazzjoni reġjonali fir-R&I tas-Sħubija tal-Lvant uriet li hija aktar importanti minn qatt qabel għall-promozzjoni fir-reġjun tal-valuri u tal-prinċipji għar-R&I. Id-dimensjoni tar-R&I tas-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan li tagħti spinta lill-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tal-pajjiżi sħab billi tkompli tintegrahom mas-sistemi tar-R&I tal-UE, minħabba l-perspettiva Ewropea tal-Georgia, tal-Moldova u tal-Ukrajna.
Tkompli l-kooperazzjoni fir-R&I mal-Iżvizzera u mar-Renju Unit; f’dan l-aħħar każ, l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni jissaħħu aktar wara li jiġi konkluż il-proċess ta’ assoċjazzjoni tal-pajjiż ma’ Orizzont Ewropa.
5.3.L-approfondiment tas-sħubijiet tal-UE mal-Afrika, mal-Amerka Latina u mal-Karibew, u mal-Asja tax-Xlokk
Il-Kummissjoni wettqet l-impenn tagħha li tagħti spinta lill-appoġġ għall-kooperazzjoni fir-R&I mal-Afrika, billi żviluppat abbozz ta’ aġenda konġunta tal-innovazzjoni bejn l-UA u l-UE flimkien mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-Istati Membri. Din l-aġenda ġiet rikonoxxuta fid-dikjarazzjoni finali tas-sitt Summit bejn l-UE u l-UA tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fi Frar 2022, ġiet diskussa fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati f’Novembru 2022 u ġiet approvata waqt laqgħa tal-uffiċjali għolja fl-4 ta’ Mejju 2023. Wara s-suċċess tal-“Inizjattiva tal-Afrika” fi ħdan il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa tal-2021-2022, il-Kummissjoni adottat “Inizjattiva tal-Afrika II” ġdida fi ħdan il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa tal-2023-2024 70 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma tal-Għarfien tal-Afrika 71 , gateway għad-data u l-informazzjoni dwar l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-Afrika, biex tappoġġa analiżi integrata għat-tfassil tal-politika.
Il-pakkett ta’ investiment ta’ Global Gateway bejn l-Afrika u l-Ewropa, li tħabbar fis-sitt Summit bejn l-UE u l-UA msemmi hawn fuq, jappoġġa l-aġenda ta’ innovazzjoni bejn l-UA u l-UE, iċ-ċentri reġjonali ta’ eċċellenza dwar it-tranżizzjoni ekoloġika fl-Afrika sub-Saħarjana, l-osservazzjoni tad-dinja u t-teknoloġiji spazjali, u l-investimenti fl-edukazzjoni u l-konnettività diġitali 72 . Qed jiġu żviluppati inizjattivi ewlenin f’konformità mal-prijoritajiet tal-NDICI 73 , bħall-Inizjattiva Ewlenija tad-Data bejn l-UE u l-UA, il-Pont Afrikan-Ewropew għall-Innovazzjoni Diġitali, il-EurAfrica Gateway biex il-kosta tal-Afrika tiġi konnessa, u n-network futur ta’ kejbils tal-fibrottika biex jittejbu l-infrastrutturi diġitali reġjonali fl-Afrika tal-Punent, tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Eżempji oħra huma l-inizjattivi ta’ Tim Ewropa dwar il-manifattura u l-aċċess għall-mediċini, il-vaċċini u t-teknoloġija tas-saħħa; dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-Afrika sub-Saħarjana; dwar is-sigurtà tas-saħħa/OneHealth; istituti tas-saħħa diġitali u tas-saħħa pubblika.
Għall-Komunità tal-Istati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC), l-enfasi kienet fuq l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali strateġiku UE-CELAC dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni għall-2021-2023 74 . L-ewwel Summit bejn l-UE u s-CELAC tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fi 8 snin se jsir bejn is-17 u t-18 ta’ Lulju 2023 u se jiġi segwit minn laqgħa ta’ uffiċjali għolja tal-inizjattiva konġunta UE-CELAC dwar ir-R&I fit-tieni nofs tal-2023, li se twitti t-triq għal laqgħa ministerjali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Id-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja Konġunti 75 fis-Summit Kommemorattiv bejn l-UE u l-ASEAN fl-14 ta’ Diċembru 2022 appellat għall-approfondiment tal-kollaborazzjoni fl-edukazzjoni, fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni. Din approvat ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2023-2027 għall-implimentazzjoni tas-Sħubijiet Strateġiċi bejn l-ASEAN u l-UE 76 , li jenfasizza t-teknoloġiji ekoloġiċi, l-ispazju u ż-żoni tal-baħar bħala prijoritajiet għall-kooperazzjoni fir-R&I. L-UE ħabbret it-tnedija ta’ pakkett ta’ investiment ta’ EUR 10 biljun fi ħdan Global Gateway fir-reġjun tal-ASEAN permezz ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa, li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE fir-reġjun Indo-Paċifiku.
5.4.Il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna
Il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna tikser il-liġi internazzjonali, u ddgħajjef kemm is-sigurtà kif ukoll l-istabbiltà Ewropej u globali. L-UE ddeċidiet li ma tinvolvix ruħha f’kooperazzjoni ulterjuri fir-R&I mal-entitajiet Russi. Il-parteċipazzjoni tal-entitajiet pubbliċi Russi fi proġetti kurrenti jew futuri ntemmet. 77 Is-sanzjonijiet u l-miżuri jeskludu lill-entitajiet legali kollha stabbiliti fir-Russja, fil-Belarussja, jew f’territorji li ma humiex ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna mill-parteċipazzjoni fil-programm fi kwalunkwe kapaċità. Madankollu, il-persuni fiżiċi stabbiliti fir-Russja, fil-Belarussja, jew f’territorji li ma humiex ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna xorta jistgħu jipparteċipaw fl-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie li jippermettu li jinżammu kuntatti bejn il-persuni mal-komunità xjentifika Russa u Belarussa. F’dan il-kuntest, is-sitwazzjoni tax-xjenzati Russi u Belarussi li jinsabu f’diffikultajiet minħabba li jopponu l-gwerra jew ir-reġim hija rikonoxxuta, f’konformità mal-komunikazzjoni tal-ministri tax-xjenza tal-G7 ta’ Ġunju 2022 78 .
Il-Kummissjoni ffokat fuq l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ appoġġ iddedikati għall-Ukrajna 79 u ffaċilitat il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fis-sejħiet ta’ Orizzont Ewropa u tal-Euratom. Skema ddedikata ta’ fellowship, MSCA4Ukraine, tappoġġa r-riċerkaturi spostati mill-Ukrajna u tippermettilhom ikomplu l-attivitajiet ta’ riċerka tagħhom fl-UE. Fl-2022, il-ftehim ta’ kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn l-UE u l-Ukrajna ġġedded għal 5 snin, b’effett retroattiv mit-8 ta’ Novembru 2019. F’konformità mal-kuntest politiku li qed jevolvi, il-Kummissjoni se tkompli tikkoordina mal-Istati Membri u tippromwovi r-rwol tar-R&I fl-oqfsa politiċi u operazzjonali relatati mal-irkupru u mar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, kif enfasizzat ukoll fil-komunikat tal-Ministri dwar ix-xjenza u t-teknoloġija tal-G7 ta’ Mejju 2023 80 .
6.Konklużjonijiet
Dan l-ewwel rapport biennali dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għar-R&I juri li l-UE għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali u fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja. L-UE żammet it-trasparenza fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I u ppromwoviet djalogu multilaterali dwar il-valuri u l-prinċipji. Hija implimentat b’suċċess id-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE ma’ Orizzont Ewropa. L-UE żviluppat impenji konġunti mas-sħab internazzjonali, li jgħinu fit-tfassil tal-governanza globali. B’mod assertiv, issalvagwardjat l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija u s-sigurtà tagħha, filwaqt li saħħet l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. L-UE użat ir-rwol ewlieni tagħha fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni multilaterali fir-R&I biex twassal soluzzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza ħalli tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti u s-sigurtà tas-saħħa, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet, filwaqt li żviluppat sħubijiet internazzjonali biex jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi f’oqsma teknoloġiċi u ktajjen tal-valur ewlenin. Hija stabbiliet sħubijiet internazzjonali għall-innovazzjoni ma’ pajjiżi u ma’ reġjuni li joffru trasparenza reċiproka għall-intraprenditorija u l-investiment.
Fl-isfond ta’ ambjent ġeopolitiku kumpless u li qed jevolvi b’mod dinamiku, aggravat mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-Approċċ Globali għar-R&I wera l-effettività u r-rilevanza tiegħu u għadu l-qafas strateġiku xieraq għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-R&I. Ix-xjenza u t-teknoloġija qed jieħdu rwol dejjem aktar importanti fil-politika barranija. Irid ikun hemm aktar sinerġiji mal-azzjoni esterna tal-UE, b’mod partikolari mal-Global Gateway. Barra minn hekk, għandu jkun hemm aktar riflessjoni fuq kif għandha tiġi promossa d-diplomazija dwar ix-xjenza fl-Ewropa. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali u se tirrapporta dwar dan lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fit-tieni rapport biennali li huwa mistenni fl-2025.
COM (2023) 62 final.
COM (2021) 252 final.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, 28/09/2021, Dokument 12301/21.
Riżoluzzjoni dwar approċċ globali għar-riċerka u l-innovazzjoni, 6 ta’ April 2022, 2021/3001(RSP).
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, Il-Portal Globali, JOIN (2021) 30 final.
Ara l-punt 34 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tat-28/09/2021, Dokument 12301/21; dwar il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tas-26/11/2021, Dokument 14308/21; u dwar il-prinċipji u l-valuri għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-10/06/2022, Dokument 10125/22.
Organizzata taħt il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, il-konferenza ta’ Marsilja dwar l-Approċċ Globali għar-R&I saret fit-8 ta’ Marzu 2021. Dan irriżulta fl-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Presidenza dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fir-R &I.
Dawn huma Stati Membri tal-UE, pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa u pajjiżi bi ftehim ta’ kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija mal-UE.
Dawn il-valuri u l-prinċipji huma dawk stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2022, Dokument 10125/22. Il-workshops huma mfassla u organizzati b’mod konġunt mal-Istati Membri u/jew mas-sħab internazzjonali u mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Sotto-Grupp tal-Forum taż-ŻER dwar l-Approċċ Globali.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa.
Għal iktar informazzjoni: Inspireurope+ .
Id-diplomazija dwar ix-xjenza hawnhekk tinftiehem bħala l-użu dirett jew indirett tax-xjenza, tal-evidenza xjentifika u tal-kooperazzjoni xjentifika biex isir avvanz f’għanijiet diplomatiċi. Dan it-terminu jinkludi x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, kif ukoll ix-xjenzi soċjali u umanistiċi.
Tools for an EU Science Diplomacy, il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017.
L-użu tad-diplomazija dwar ix-xjenza biex jiġu indirizzati l-isfidi ġeopolitiċi f’dinja frammentata u multipolari; Id-diplomazija Ewropea ssir aktar strateġika, effettiva u reżiljenti permezz ta’ evidenza u prospettiva xjentifiċi; It-tisħiħ tad-diplomazija dwar ix-xjenza fid-delegazzjonijiet u fl-ambaxxati tal-UE u tal-Istati Membri u t-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diplomazija globali dwar ix-xjenza; Il-bini tal-kapaċitajiet għad-diplomazija dwar ix-xjenza Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea, Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu, SWD (2018) 307.
L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jirrappreżentaw madwar 50 % tal-parteċipazzjonijiet totali ta’ Orizzont Ewropa minn organizzazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Għal ħafna pajjiżi, aktar minn 50 % tal-parteċipazzjonijiet totali tagħhom fil-proġetti ta’ Orizzont Ewropa jseħħu permezz tal-MSCA: l-Istati Uniti tal-Amerka (77,5 %); l-Arġentina (76,5 %), l-Indoneżja, Singapore, New Zealand (75 %); il-Ġappun (66,7 %); l-Awstralja (62,2 %); iċ-Ċilì (57,1 %); il-Kanada (54,1 %).
Dan huwa bbażat fuq l-ewwel data minn Orizzont Ewropa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet ukoll azzjoni ddedikata dwar it-trawwim tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-MSCA ( MSCAdvocacy ) , li tivvaluta pereżempju l-kundizzjonijiet qafas għall-kooperazzjoni fit-taħriġ u l-mobilità tar-riċerkaturi ma’ pajjiżi li għandhom ftehim bilaterali ta’ kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija fis-seħħ mal-UE.
Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013, (– il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013), ara l-Artikolu 8 tiegħu.
Ara: Aċċess miftuħ għall-Infrastrutturi tar-Riċerka tal-JRC (europa.eu)
GSO – Grupp ta’ Uffiċjali Għolja (GSO) dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka globali (gsogri.org)
Brno Declaration on Fostering a Global Ecosystem of Research Infrastructures (icri2022.cz)
Issir referenza għal pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1)(d) tar-Regolament (UE) 2021/695 tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa.
* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSC 1244 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
L-Ukrajna hija assoċjata wkoll mal-programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.
Ir-Regolament (UE) 2021/695 tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/498 tal-1 ta’ Marzu 2023 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar l-istandardizzazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/499 tal-1 ta’ Marzu 2023 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar il-ġestjoni tal-assi intellettwali għall-valorizzazzjoni tal-għarfien fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
Ara inter alia: Ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE u l-invażjoni tal-Ukrajna: il-mezzi ewlenin tal-impatt (europa.eu)
Crespi, F., Caravella, S., Menghini, M., u Salvatori, C. (2021). European Technological Sovereignty: An emerging framework for policy strategy. Intereconomics, 56(6), 348-354.
Edler, J., Blind, K., u Frietsch, R. (2020). Technological Sovereignty: From Demand to Concept. Disponibbli fuq: https://www.isi.fraunhofer.de/en/presse/2020/presseinfo-11-Technologiesouveraenitaet.html .
Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) għamlet użu mill-Artikolu 22(5) f’azzjoni waħda fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2023, f’azzjoni waħda fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2022, u f’żewġ azzjonijiet fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2021.
Il-Kummissjoni Ewropea, L-indirizzar tal-interferenza barranija fir-R&I , l-14 ta’ Jannar 2022. Din qed jiġi indirizzata wkoll fil-ħidma tan-Network tal-Għarfien tal-UE dwar iċ-Ċina.
Il-Grupp ta’ Ħidma tal-G7 dwar is-Sigurtà u l-Integrità tal-Ekosistema Globali tar-Riċerka, “Common values and principles on research security and research integrity”, Ġunju 2022.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2415 tat-2 ta’ Diċembru 2022 dwar il-prinċipji gwida għall-valorizzazzjoni tal-għarfien.
Pereżempju, il-kollaborazzjoni internazzjonali dwar l-istandards tal-kodiċi Ewropej għall-inġinerija strutturali tippermetti t-titjib tal-kapaċità regolatorja u tal-kwalità tal-infrastruttura.
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, Il-Portal Globali, JOIN/2021/30 final.
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli, Komunikazzjoni Konġunta dwar l-aġenda tal-UE għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani, JOIN(2022) 28 final.
Missjoni Innovazzjoni hija forum internazzjonali ewlieni, li jlaqqa’ lill-pajjiżi responsabbli għal 90 % tal-finanzjament tal-innovazzjoni pubblika għall-enerġija.
Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-istabbiliment ta’ Servizz Globali ta’ Appoġġ għall-Għarfien.
Fil-ħames Assemblea Ambjentali tan-NU, ġiet adottata riżoluzzjoni importanti, li twitti t-triq għal ftehim legalment vinkolanti globali dwar it-tniġġis tal-plastik.
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: sbuħija, sostenibbiltà, flimkien. (europa.eu)
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014, (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, COM(2021) 118 final.
Cagnin, C., Muench, S., Scapolo, F., Störmer, E., Vesnic-Alujevic, L. “Shaping and securing the EU’s open strategic autonomy by 2040 and beyond.” Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.
L-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa tikkombina r-riżorsi tal-UE, tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-settur privat.
L-espansjoni ta’ BELLA (il-bini tar-rabtiet tal-Ewropa mal-Amerka Latina) jew taċ-ċentri ta’ Copernicus fil-pajjiżi tal-Amerka Latina u fil-Filippini huma eżempji ċari.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Diplomazija Diġitali tal-UE, Dokument 11406/22.
Eż., Il-G7, il-G20, l-OECD, l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali, l-Istitut tal-Inġiniera Elettriċi u Elettroniċi.
https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7153
https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7154
https://www.who.int/publications/m/item/act-accelerator-outcomes-report--2020-22
B’mod partikolari: in-network informali tal-Kapijiet ta’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali tar-Riċerka dwar is-Saħħa; il-Kollaborazzjoni Globali ta’ Riċerka għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv; l-Alleanza Globali dwar il-Mard Kroniku, il-Konsorzju Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Mard Rari, u l-Konsorzju Internazzjonali għall-Mediċina Personalizzata. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll l-inizjattiva tal-Intelligence dwar l-Epidemiji minn Sorsi Miftuħa (EIOS).
Din tinkludi: l-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u sħubija Ewropea futura ġdida dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi; l-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta dwar il-Mard Newrodeġenerattiv, Programm Konġunt Ewropew dwar il-mard rari u sħubija Ewropea futura ġdida dwar il-mard rari.
Il- proġett PerMed UE-Afrika għandu l-għan li jibni rabtiet bejn l-Ewropa u l-Afrika fil-Mediċina Personalizzata.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni Ġdida, COM(2022) 332 final.
20190605-gb57-17-strategic_framework_for_eit_community_global_outreach_activities.pdf (europa.eu)
Is-CELAC hija l-Komunità tal-Istati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.
Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, Aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti, JOIN(2020)22 final.
Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, UE-Ċina – Perspettiva strateġika JOIN(2019) 5 final.
Dawn jinkludu x-xjenza miftuħa, l-etika u l-integrità tar-riċerka, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-R&I.
Dawn jinkludu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-riċerka prenormattiva, il-valutazzjoni tal-konformità u l-istandardizzazzjoni, l-aċċess għall-akkwisti tal-gvern, l-oqfsa regolatorji ġusti u trasparenti.
L-azzjonijiet ta’ innovazzjoni huma azzjonijiet b’livell għoli ta’ żvilupp teknoloġiku u eqreb lejn is-suq.
Suġġetti ewlenin inklużi fl-ambitu ta’ kull Sħubija: Ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista tas-semikondutturi; il-5G/is-6G; iċ-ċibersigurtà; ir-regolamentazzjoni tal-Pjattaformi, tad-Data u tal-IA; il-Kummerċ Diġitali; l-identità diġitali u l-firem diġitali; it-tnaqqis tad-distakk fil-ħiliet diġitali u l-inklużjoni diġitali.
L-UE u l-Indja: Kunsill ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (europa.eu)
UfM-Ministerial-Declaration-RI-EN-270622.pdf (ufmsecretariat.org)
Ara rispettivament: http://www.bluemed-initiative.eu/ , https://bluepartnership.eu/ , u PRIMA: Sħubija fir-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona tal-Mediterran (prima-med.org)
Pereżempju, il-Kummissjoni kompliet bl-iżvilupp tas-Sħubija Konġunta fit-Tul bejn l-UE u l-Afrika dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli u estendiet l-ambitu tagħha għall-idroġenu rinnovabbli.
Il-konnettività diġitali tiffoka fuq il-konnessjoni tal-Ewropa u l-Afrika permezz ta’ kejbils sottomarini, ir-reġjuni tal-Afrika permezz ta’ sinsla tal-fibrottika u reġjuni mhux moqdija permezz ta’ komunikazzjoni bis-satellita, u fuq l-appoġġ ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni diġitali fir-reġjun.
Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.
Intemmet 117-il parteċipazzjoni minn entitajiet Russi (pubbliċi jew relatati mal-pubbliku), l-aktar abbażi tal-ħames pakkett ta’ sanzjonijiet, ara l-Artikolu 5l tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.07.2014, p. 1). Dan l-artikolu jipprevedi xi eċċezzjonijiet, pereżempju fil-qasam tal-kooperazzjoni spazjali u nukleari. Fl-2022, intemmet 37 parteċipazzjoni Belarussa f’Orizzont Ewropa, abbażi tar- Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1986 tal-15 ta’ Novembru 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja .
Microsoft Word - G7 Science Ministers Declaration_20220613 (bundesregierung.de)
L- ERA4Ukraine toffri ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet eżistenti kollha fil-livell Ewropew u nazzjonali, inkluż MSCA4Ukraine , l-offerti ta’ impjieg tal-ERC u l-iskema ta’ fellowship tal-JRC-EUI (Istitut Universitarju Ewropew) .
https://www8.cao.go.jp/cstp/kokusaiteki/g7_2023/230513_g7_communique.pdf