IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.6.2023
COM(2023) 294 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR IR-REGOLA TAD-DAZJU INFERJURI RIVEDUTA FL-INVESTIGAZZJONIJIET ANTI-DUMPING U ANTISUSSIDJI FL-UE
Rieżami u evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikoli 7(2a), 8(1) u 9(4) tar-REGOLAMENT (UE) 2016/1036 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' Ġunju 2016 u tat-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 12(1), tat-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 13(1), u tat-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 15(1) tar-REGOLAMENT (UE) 2016/1037 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-8 ta' Ġunju 2016
Rieżami u Evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri fl-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji
1.Introduzzjoni
Fit-8 ta’ Ġunju 2018, daħlu fis-seħħ regoli anti-dumping u antisussidji ġodda biex jimmodernizzaw u jsaħħu l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE. Waħda mill-bidliet ewlenin kienet tikkonċerna kif l-UE tapplika regola magħrufa bħala r-“regola tad-dazju inferjuri” (RDI). L-Artikolu 23(4) il-ġdid tar-Regolament bażiku dwar l-Anti-Dumping (“RBAD”) u l-Artikolu 32a(2) tar-Regolament bażiku dwar l-Antisussidji (“RBAS”) jirrikjedu li l-Kummissjoni tippreżenta rieżami u evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar ir-regola tad-dazju inferjuri sad-9 ta’ Ġunju 2023 u jekk ikun xieraq, takkumpanjahom bi proposta leġiżlattiva. Dan ir-rieżami jkopri każijiet mibdija wara d-9 ta’ Ġunju 2018 u konklużi sal-aħħar ta’ Marzu 2023. Huwa jiddeskrivi kif ġew applikati d-dispożizzjonijiet il-ġodda u l-impatt, jekk ikun hemm, fuq il-livell tal-miżuri.
Sfond
Skont ir-regoli tad-WTO, il-livell ta’ dazju anti-dumping jew antisussidji ma jistax ikun ogħla mill-ammont ta’ dumping jew ta’ sussidjar, iżda jkun preferibbli li d-dazju jkun aktar baxx jekk dak il-livell ikun biżżejjed biex jitneħħa d-dannu lill-industrija domestika. Din ir-rata tiġi kkalkulata billi l-prezzijiet tal-importazzjoni jitqabblu mal-kost tal-produzzjoni (COP) tal-industrija tal-UE flimkien ma’ marġni ta’ profitt raġonevoli (il-“marġni tal-bejgħ taħt il-prezz”).
Qabel Ġunju 2018, l-UE kienet tapplika dejjem ir-RDI f’investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji. Madankollu, bl-għan li jsaħħu l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, il-koleġiżlaturi qiesu li xi tipi ta’ distorsjonijiet huma partikolarment dannużi u li, b’riżultat ta’ hekk, dazju bbażat fuq id-dixxiplini eżistenti tar-RDI ma jkoprix il-firxa sħiħa tad-dannu kkawżat minnhom. Minn banda, dan jikkonċerna prattiki ta’ sussidjar u ċerti tipi ta’ miżuri li jfixklu l-prezz ta’ kwalunkwe materja prima (kemm jekk mhux ipproċessata kif ukoll jekk ipproċessata, inkluża l-enerġija) li joħolqu vantaġġ mhux dovut għall-kumpaniji fis-suq tal-pajjiż ikkonċernat.
F’konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni l-ġdida, f’investigazzjonijiet antisussidji, ma għadux possibbli li tiġi applikata r-RDI. L-ammont tad-dazju kumpensatorju huwa stabbilit fil-livell tas-sussidji kumpensabbli stabbiliti.Ir-RDI tapplika biss meta jkun jista’ jiġi konkluż b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-miżuri fuq il-bażi tal-ammont tas-sussidju. Dan ifisser li l-miżuri antisussidji jikkumpensaw bis-sħiħ u awtomatikament is-sussidji li jkun irċieva l-esportatur u b’hekk jippermettu lill-UE tindirizza l-effetti dannużi u ta’ distorsjoni tal-importazzjonijiet sussidjati b’mod aktar rigoruż.
Fl-investigazzjonijiet anti-dumping, l-applikazzjoni tar-RDI ġiet modifikata wkoll. Filwaqt li r-RDI għadu japplika f’każijiet bħal dawn, f’ċerti ċirkostanzi speċjali (jiġifieri l-preżenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-materja prima) il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri fil-livell tal-marġni sħiħ tad-dumping u mhux fil-livell tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz potenzjalment aktar baxx, minħabba li jitqies neċessarju li jitneħħa d-dannu addizzjonali mġarrab mill-industrija li jirriżulta mid-distorsjonijiet tal-materja prima. Il-kundizzjonijiet kumulattivi rilevanti huma:
oIrid ikun hemm distorsjonijiet sinifikanti fil-materja prima. Dawn jikkonsistu fi: skemi ta’ pprezzar doppju, dazji tal-esportazzjoni, soprataxxa fuq l-esportazzjoni, kwota tal-esportazzjoni, projbizzjoni tal-esportazzjoni, taxxa fiskali fuq l-esportazzjonijiet, rekwiżiti ta’ liċenzjar, prezz minimu tal-esportazzjoni, rifużjoni, tnaqqis jew irtirar tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), restrizzjoni fuq il-punt tal-iżdoganar tal-merkanzija għall-esportaturi, lista ta’ esportaturi kkwalifikati, obbligu tas-suq domestiku, estrazzjoni ristretta jekk il-prezz ta’ materja prima jkun ferm aktar baxx meta mqabbel mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi. Din il-lista tista’ tiġi emendata jekk l-“Inventarju dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ materja prima industrijali” tal-OECD, jew kwalunkwe bażi tad-data tal-OECD li tissostitwixxi dan l-inventarju, tidentifika tipi oħra ta’ miżuri.
oDawn id-distorsjonijiet iridu jikkonċernaw mill-inqas materja prima waħda li tammonta, individwalment, għal aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, fil-pajjiż esportatur;
oIl-prezz tal-materja prima distorta jrid ikun ferm aktar baxx mill-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi;
oIl-Kummissjoni trid tistabbilixxi li livell ogħla ta’ miżuri jkun konformi mal-interess tal-Unjoni billi teżamina l-informazzjoni pertinenti kollha bħall-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur, il-kompetizzjoni għall-materja prima u l-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni.
2.Ir-regola tad-dazju inferjuri fl-investigazzjonijiet anti-dumping - l-Artikolu 7(2a) tar-RBAD
2.1.Il-proċedura
Biex il-Kummissjoni teżamina kif jenħtieġ li tapplika r-RDI, irid ikollha biżżejjed evidenza ta’ “distorsjonijiet sinifikanti tal-materja prima” li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq. Dawn id-distorsjonijiet jiġu eżaminati fl-investigazzjoni biss wara li l-Kummissjoni tkun stabbiliet li l-marġnijiet tad-dumping ikunu ogħla mill-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz. Skont ir-regoli ġenerali tad-WTO u tal-UE, il-livell tad-dazju impost ma jistax ikun ogħla mill-marġni tad-dumping li rriżulta, u għalhekk l-analiżi tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet u tal-kundizzjonijiet legali ssir irrilevanti f’dawn iċ-ċirkostanzi.
2.2.L-investigazzjonijiet
Il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping definittivi f’34 każ mibdija koperti minn dan ir-rieżami. Lista tal-każijiet tinsab fl-Anness 1.
Minn dawk l-34 investigazzjoni, il-kwistjoni ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-materja prima tqajmet fi 13-il każ.
2.2.1.Marġnijiet tad-dumping aktar baxxi mill-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz - distorsjonijiet sinifikanti mhux eżaminati
F’erba’ investigazzjonijiet (Estrużjonijiet tal-aluminju miċ-Ċina (2021); Prodotti tal-ħadid/azzar illaminati ċatti fis-sħana mit-Turkija (2021); Prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ mill-Indoneżja (2021) u elettrodi tal-Grafit miċ-Ċina (2022)) il-marġnijiet tad-dumping li nstabu kienu aktar baxxi mill-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz. Għalhekk, il-Kummissjoni ma eżaminatx id-distorsjonijiet tal-materja prima peress li l-miżuri setgħu jiġu imposti biss fil-livell tal-marġnijiet tad-dumping.
2.2.2.Marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz aktar baxxi mill-marġnijiet tad-dumping – distorsjonijiet sinifikanti eżaminati
Għad-disa’ każijiet li jifdal, il-marġnijiet tad-dumping kienu ogħla, għal xi kumpaniji, mill-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-RBAD.
Fi tlieta minn dawn id-disa’ każijiet (Siliċju tal-Kalċju (2022), Prodotti tal-aluminju llaminati ċatti (2021) u Fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni (2021) – kollha miċ-Ċina), il-materja prima kienet tammonta individwalment għal aktar minn 17 % tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, f’Siliċju tal-kalċju, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza biex issostni l-allegazzjonijiet li l-prezz tal-elettriku fil-provinċji tat-Tramuntana tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kien distort minn skema ta’ pprezzar doppju u, barra minn hekk, l-ebda produttur esportatur li kkoopera ma kien jinsab f’dak ir-reġjun. Produttur wieħed ipprovda wkoll evidenza li r-rati tal-elettriku huma ogħla fir-reġjun tiegħu milli f’dawk identifikati fl-ilment. Fir-rigward taż-żewġ każijiet dwar il-prodotti tal-aluminju, il-prezzijiet domestiċi tal-ingotti tal-aluminju, li ġie allegat li kellhom distorsjonijiet, ma kinux ferm aktar baxxi mill-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi. F’Fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni, kien hemm fluttwazzjoni tal-prezzijiet ’l fuq u ’l isfel mill-prezzijiet referenzjarji internazzjonali. B’riżultat ta’ hekk, f’dawn it-tliet investigazzjonijiet, il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 7(2a) tar-RBAD ma ġewx issodisfati u l-miżuri ġew imposti fil-livell tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.
Fi Prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ mill-Indja (2021), id-distorsjonijiet relatati mal-kromu ammontaw għal aktar minn 17 % tal-kostijiet tal-produzzjoni. Il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għal produttur esportatur Indjan wieħed, Chromeni, kien aktar baxx mill-marġni tad-dumping. Madankollu, Chromeni fil-fatt ma użax il-materja prima soġġetta għad-distorsjonijiet u għalhekk ma kinitx meħtieġa analiżi ulterjuri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) u 7(2b) tar-RBAD.
F’żewġ investigazzjonijiet oħra (Ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana mill-Indoneżja u ċ-Ċina (2020)), il-kwistjoni tad-distorsjonijiet tal-materja prima kienet kif ġej. Fir-rigward tal-Indoneżja, kienu jeżistu distorsjonijiet fuq il-mineral tan-nikil li ammontaw għal aktar minn 17 % tal-kostijiet tal-produzzjoni. Dawn id-distorsjonijiet kienu jinkludu projbizzjoni fuq l-esportazzjoni, dazju tal-esportazzjoni, rekwiżit ta’ liċenzjar u kwota de facto tal-esportazzjoni. Il-prezz imħallas għall-mineral tan-nikil kien ferm aktar baxx (b’aktar minn 30 %) mill-prezz fis-suq internazzjonali rappreżentattiv (il-Filippini). Għaċ-Ċina, instabu distorsjonijiet sinifikanti inkluż dazju tal-esportazzjoni jew rekwiżit ta’ liċenzjar fuq xi materja prima (ruttam tal-azzar inossidabbli, ferrosiliċju, ħadid fondut grezz u ferrokromu tan-nikil, vanadju u ferronikil). Instab li mill-inqas wieħed minnhom jirrappreżenta aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott investigat. Il-prezzijiet għal din il-materja prima ewlenija kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi u għalhekk kienu jeżistu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-RBAD. Madankollu, it-test tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-RBAD sab li l-impatt tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Indoneżja, fil-livell tal-marġni tad-dumping, ikun sproporzjonat minħabba l-effetti negattivi qawwija antiċipati fuq il-ktajjen tal-provvista u fuq il-vijabbiltà finanzjarja ta’ utent sinifikanti wieħed li ammonta għal 30 % sa 40 % tal-konsum tal-UE. Dwar l-impatt fuq il-ktajjen tal-provvista, il-Kummissjoni nnotat li produtturi oħrajn tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, għalkemm għandhom kapaċitajiet ta’ riżerva sinifikanti, bilkemm kienu fornewh lill-utent inkwistjoni. Barra minn hekk, il-volumi potenzjali tal-importazzjonijiet minn pajjiżi esportaturi oħrajn kienu limitati. Barra minn hekk, l-utent affettwat diġà jkollu bżonn jorganizza mill-ġdid il-ktajjen tal-valur biex jevita l-impatt tal-miżuri bbażati fuq il-marġni aktar baxx tal-bejgħ taħt il-prezz minħabba l-impatt probabbli fuq il-profittabbiltà ta’ dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni osservat li l-kapaċità tal-utent li ż-żidiet kbar fil-kostijiet jgħaddihom lill-klijenti tiegħu kienet dubjuża peress li l-kompetituri ewlenin tal-utent fis-suq downstream kienu l-istess produtturi tal-Unjoni ta’ SSHR. B’riżultat ta’ hekk, ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tiġi applikata rata ogħla ta’ dazju u għalhekk il-miżuri ġew imposti bir-rata aktar baxxa biex jiġi eliminat id-dannu lill-industrija tal-UE.
Fit-tliet każijiet li jifdal, ir-RDI ġiet modulata għal xi wħud mill-esportaturi jew għall-esportaturi kollha.
L-ewwel każ anti-dumping fl-UE fejn ġiet modulata r-RDI kien Nitrat tal-ammonju tal-urea (“UAN”) mir-Russja (2019). Instabu distorsjonijiet fir-rigward tal-gass naturali, l-inputs ewlenin tal-materja prima għall-UAN, jiġifieri d-dazju tal-esportazzjoni, ir-rekwiżiti tal-liċenzjar u l-ipprezzar doppju. Il-prezzijiet tal-gass naturali kienu ferm aktar baxxi mill-prezz Waidhaus (il-prezz tal-gass Russu esportat fil-fruntiera Ġermaniża/Ċeka). Għall-kumpaniji esportaturi kollha li kkooperaw, il-marġnijiet tad-dumping kienu ogħla mill-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz. Fit-test tal-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri fil-livell ogħla ta’ dumping ma jaffettwawx b’mod negattiv il-katina tal-provvista fl-UE u li kwalunkwe impatt ikun limitat u mhux sproporzjonat. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fertilizzanti dak iż-żmien kienu jammontaw b’mod ġenerali għal 1 % tal-kostijiet tal-biedja. Għal azjendi agrikoli speċjalizzati li jiddependu aktar fuq l-UAN, dan jista’ jammonta għal sa 10 % tal-kostijiet tal-produzzjoni, u żieda fid-dazji, anki fl-ogħla livell propost, ikollha impatt ta’ madwar 3 % fuq il-kostijiet. Minħabba li l-produtturi tal-Unjoni mhux biss ġarrbu dannu mid-dumping, iżda sofrew minn distorsjonijiet addizzjonali tal-kummerċ meta mqabbla mal-produtturi esportaturi tar-Russja, il-Kummissjoni kkonkludiet li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. B’riżultat ta’ hekk, il-miżuri bbażati fuq il-marġnijiet tad-dumping varjaw minn 20 % sa 31,9 % meta mqabbla mal-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz li jvarjaw minn 13,7 % sa 16,3 % li kieku kienu japplikaw fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet fil-materja prima.
F’żewġ investigazzjonijiet oħrajn (Azzar miksi bil-kromu elettrolitiku (ECCS) miċ-Ċina (2022) u Aċidu Xaħmi mill-Indoneżja (2023)) ir-RDI ġie modulat għal esportatur wieħed li kkoopera u għal “L-oħrajn kollha” f’kull wieħed mill-każijiet.
Fl-investigazzjoni tal-ECCS dwar iċ-Ċina, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-rigward ta’ kumpanija waħda biss (Handan Jintai), minħabba li l-marġni tad-dumping tagħha kien ogħla mill-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz. L-investigazzjoni żvelat li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti fil-forma ta’ rifużjonijiet tal-VAT fuq kojls illaminati fis-sħana u li l-prezzijiet osservati għal dik il-materja prima f’suq rappreżentattiv mingħajr distorsjoni kienu bejn 30 % u 50 % ogħla minn dawk imħallsa minn Handan Jintai. Kien hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fiċ-Ċina bil-potenzjal li żżid il-provvista globali, tnaqqas il-prezzijiet u timmina l-effettività tal-miżura jekk ma tkunx stabbilita fil-livell tad-dumping. Barra minn hekk, l-utenti jkollhom aċċess għall-ECCS mill-industrija tal-Unjoni jew minn pajjiżi terzi oħra, anki jekk l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu minħabba d-dazju ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien fl-interess tal-Unjoni li timponi dazji ogħla għal dik il-kumpanija (53,9 % minflok 23,9 %). Id-dazju għall-pajjiż kollu għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx kien ibbażat fuq il-marġni ta’ dumping ogħla li rriżulta għal Handan Jintai. Għal raġunijiet ta’ interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-RBAD, il-Kummissjoni ddeċidiet li jenħtieġ li l-miżuri jieħdu l-forma ta’ ammont fiss għal kull tunnellata.
Fl-investigazzjoni ta’ Aċidu Xaħmi, il-marġni tad-dumping għal esportatur wieħed li kkoopera, P.T. Musim Mas kien ogħla mill-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz. Għal dik il-kumpanija, l-investigazzjoni sabet distorsjonijiet sinifikanti fil-forma ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni relatata maż-żejt tal-palm mhux raffinat u ż-żejt tal-lewż tal-palm mhux raffinat. Din il-materja prima kienet tammonta għal aktar minn 40 % u 50 % rispettivament tal-kost tal-produzzjoni filwaqt li l-prezzijiet instab li kienu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet prevalenti fis-suq internazzjonali. Meta applikat it-test tal-interess tal-Unjoni taħt 7(2b) tar-RBAD, il-Kummissjoni sabet li kien hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fl-Indoneżja li tista’ żżid il-provvista globali, tnaqqas il-prezzijiet u timmina l-effettività tal-miżura jekk ma tkunx stabbilita fil-livell tad-dumping. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-produtturi tal-Unjoni jew pajjiżi terzi oħrajn jistgħu jfornu lill-utenti, anke jekk l-importazzjonijiet mill-Indoneżja naqsu. Għalhekk, kien xieraq li l-miżuri jiġu imposti fil-livell ogħla (46,4 % minflok 30,5 %) għal P.T. Musim Mas.
2.3.Evalwazzjoni
F’konformità mal-leġiżlazzjoni riveduta u msaħħa dwar l-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ (“TDI”), l-UE qieset li kien meħtieġ li jiġu indirizzati distorsjonijiet sinifikanti fil-materja prima fil-pajjiżi esportaturi li jagħtu lil xi produtturi esportaturi vantaġġ inġust konsiderevoli fil-kostijiet tagħhom tal-inputs ewlenin. Dawn il-prattiki jaggravaw id-dannu kkawżat lill-industrija tal-UE mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Il-bidliet introdotti bħala parti mill-pakkett ta’ modernizzazzjoni jiggarantixxu li d-dixxiplini riveduti tar-RDI joffru protezzjoni suffiċjenti kontra prattiki ta’ distorsjoni detrimentali bħal dawn fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Importanti li l-istrument anti-dumping ikun mgħammar b’mod adegwat biex jindirizza d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn vantaġġi inġusti u artifiċjali li jkunu ta’ benefiċċju għal xi esportaturi u joħolqu distorsjoni fil-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.
L-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda turi li huma prattiċi, fattibbli u li għandhom impatt meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Fl-istess ħin, ir-regoli tfasslu biex jiżguraw li l-applikazzjoni tar-RDI, li huma l-pedament tar-regoli anti-dumping tal-UE, tkun tista’ titwarrab biss f’ċirkostanzi partikolari ħafna, meta dan ikun iġġustifikat.
L-analiżi tal-każijiet ikkonċernati wriet li:
·Ir-regoli huma dettaljati u differenzjati biżżejjed biex jindirizzaw il-ħafna xenarji differenti li jistgħu jinħolqu f’dan il-kuntest.
·L-investigazzjonijiet taħt rieżami ma żvelawx li l-limitu ta’ 17 % (jiġifieri, il-materja prima trid tammonta individwalment għal aktar minn 17 % tal-kostijiet tal-produzzjoni) ma jibqax adegwat. Fil-fatt, dan il-limitu ppermetta lill-industrija tinvoka d-dispożizzjonijiet fl-istadju tal-ilment fi 38 % tal-każijiet anti-dumping mibdija fil-perjodu tar-rieżami. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet kollha kkonfermaw li l-allegazzjonijiet li jinsabu fl-ilment dwar li l-livell limitu kien qed jintlaħaq kienu korretti.
·L-analiżi, minkejja li b’mira speċifika, għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ biżżejjed u tindirizza d-distorsjonijiet kollha tal-materja prima li jkollhom impatt konkret fuq il-kostijiet tal-produzzjoni u b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ taġixxi meta jkun ġustifikat. Fl-istess waqt, hija ma tippenalizzax lill-kumpaniji li ma jibbenefikawx minn distorsjonijiet fil-materja prima, eż. meta l-kumpaniji esportaturi ma jużawx il-materja prima inkwistjoni.
·It-test tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) huwa salvagwardja addizzjonali kruċjali biex jiġi żgurat li ma jiġux imposti miżuri ogħla meta dan ikollu impatt negattiv, pereżempju, fuq l-utenti jew fuq il-katina tal-valur. Eżami taż-żewġ każijiet meta l-miżuri ma ġewx imposti f’livell ta’ dumping ogħla minħabba kunsiderazzjonijiet tal-interess tal-Unjoni (Ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati fis-sħana mill-Indoneżja u miċ-Ċina) wera li l-livell aktar baxx tal-miżuri kellu impatt materjali fuq il-volumi tal-importazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin, ippermettew li utent ewlieni, u impjegatur sinifikanti fl-Unjoni, ikompli jimporta mingħajr ma kien affettwat b’mod negattiv minn livell ogħla ta’ dazji.
·Ir-regoli mhumiex diskriminatorji, kif muri mill-fatt li l-modulazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri ġiet applikata f’każijiet li jikkonċernaw ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indoneżja.
3.ir-regola tad-dazju inferjuri fl-investigazzjonijiet antisussidji - l-Artikoli 12(1) u 15(1) tar-RBAS
3.1.Il-proċedura
Il-bidliet introdotti f’Ġunju 2018 fl-Artikoli 12(1) u 15(1) tar-RBAS effettivament naqqsu l-applikazzjoni tar-RDI għall-każijiet meta l-Kummissjoni ssib li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tistabbilixxi l-ammont ta’ miżuri fil-livell tas-sussidji kumpensabbli misjuba. Meta dan it-test tal-interess tal-Unjoni, wara li jitqiesu l-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, l-importaturi u l-utenti tal-Unjoni, juri li jkun fl-interess tal-Unjoni li jiġu applikati miżuri antisussidju, il-Kummissjoni timponi dazji kompensatorji f’dak il-livell (ogħla).
3.2.L-investigazzjonijiet
Il-Kummissjoni imponiet miżuri kompensatorji fi tmien każijiet mibdija mit-8 ta’ Ġunju 2018 ’l hawn. F’sitta minn dawn il-każijiet, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet anti-dumping separati dwar l-istess prodotti mill-istess oriġini. Lista tal-każijiet tinsab fl-Anness 2.
Fil-każijiet kollha, skont it-test tal-interess tal-Unjoni fl-Artikolu 15(1), il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri kompensatorji fil-livell tal-ammont totali tas-sussidji kumpensabbli. Fi tnejn minn dawk il-każijiet, (Bijodiżil mill-Indoneżja (2019) u Prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu mill-Eġittu (2020)), dik il-konklużjoni kienet diġà ntlaħqet fl-istadju proviżorju skont l-Artikolu 12(1).
Rigward iż-żewġ każijiet antisussidji li ma kien hemm l-ebda investigazzjoni anti-dumping separata għalihom dwar l-istess prodotti mill-istess oriġini, il-Kummissjoni sabet li l-ammont ta’ sussidjar kien aktar baxx mill-marġnijiet ta’ bejgħ taħt il-prezz – għalhekk l-ammont sħiħ ta’ sussidju kien jiġi impost ukoll skont ir-regoli ta’ qabel il-modernizzazzjoni.
Is-sitwazzjoni fis-sitt investigazzjonijiet li kien hemm investigazzjonijiet anti-dumping u kompensatorji separati għalihom turi riżultati differenti.
Qabel ir-reviżjoni/tisħiħ tat-TDI, ir-RDI applikabbli f’investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji kienet tfisser li kien hemm livell wieħed biss ta’ eliminazzjoni tad-dannu għaż-żewġ proċedimenti peress li koprew l-istess importazzjonijiet. Għalhekk, il-miżuri anti-dumping u kompensatorji kkombinati ġew limitati bil-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Bil-bidliet introdotti f’Ġunju 2018, is-sitwazzjoni hija differenti. B’mod ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-każijiet meta l-kunsiderazzjonijiet tal-interess tal-Unjoni jiddettaw mod ieħor, il-miżuri kompensatorji imposti issa huma addizzjonali għal kwalunkwe dazju anti-dumping separat, li diġà jkopri l-marġni sħiħ tad-dannu stabbilit f’dawk il-każijiet.
Dan jidher fl-investigazzjonijiet AD u AS dwar il-fojl tal-aluminju miċ-Ċina. Ġew imposti miżuri anti-dumping fil-livelli tal-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz li jvarjaw bejn 23.6 % u 28.5 %. Qabel il-modernizzazzjoni, il-livell sħiħ ta’ miżuri imposti kemm għall-AD kif ukoll għall-AS kien ikun limitat għal dak il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Madankollu, skont ir-regoli attwali, il-Kummissjoni imponiet miżuri antisussidji fil-livelli sħaħ tas-sussidjar li rriżulta, mingħajr ma naqqset il-miżuri anti-dumping separati skonthom, peress li ma kienx kontra l-interess tal-Unjoni li tagħmel hekk. Dan irriżulta fi protezzjoni addizzjonali li tvarja bejn 0,7 % u 18,2 %.
Fl-investigazzjonijiet AD u AS separati dwar l-Azzar inossidabbli llaminat ċatt fil-kiesaħ (SSCR) mill-Indja (2022) u d-drappijiet tal-fibra tal-ħġieġ (GFF) miċ-Ċina (2020), kien hemm ukoll impatt fuq il-livell tal-miżuri. Il-bidliet leġiżlattivi rriżultaw f’livell ogħla ta’ miżuri għal xi esportaturi milli kien ikun il-każ skont ir-regoli preċedenti. Fl-SSCR, il-livell finali tal-miżuri għal Chromeni Steels Private Ltd. kien jinkludi l-ammont sħiħ tas-sussidjar ta’ 7,5 % u rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 35,3 % li diġà tkopri l-marġni tad-dannu. B’mod simili fil-każ tal-GFF, ġie impost l-ammont sħiħ ta’ sussidju ta’ 17 % fuq Yuntianhua Group flimkien ma’ rata ta’ dazju tad-dumping ta’ 37,6 % li tkopri wkoll il-marġni sħiħ tad-dannu. F’dawn iż-żewġ każijiet, qabel il-bidliet, il-livell finali kumplessiv tal-miżuri kien ikun limitat għal-livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu.
Min-naħa l-oħra, fl-investigazzjonijiet AD u AS dwar il-Kejbils tal-fibra ottika miċ-Ċina (2022), il-miżuri AD u CVD ikkombinati imposti kienu bbażati fuq l-ammonti tad-dumping u tas-sussidju u, filwaqt li kienu sinifikanti (ivarjaw bejn 19,7 % u 44 %), huma kienu taħt il-marġni tad-dannu. Għalhekk, ir-regoli l-ġodda ma seta’ jkollhom l-ebda impatt peress li l-livell tal-miżura kien jikkorrispondi mal-livell massimu ta’ protezzjoni permess skont ir-regoli tad-WTO.
3.3.Evalwazzjoni
Is-sussidjar minn pajjiżi terzi huwa tħassib dejjem jikber u huwa importanti li jintwera li meta tali prattiki jikkawżaw ħsara lill-produtturi tal-Unjoni, dawn jiġu indirizzati b’mod robust. Bl-impożizzjoni ta’ miżuri kompensatorji f’livell li jirrifletti bis-sħiħ l-ammonti ta’ sussidjar, l-UE turi li tindirizza l-effetti dannużi serji ta’ din il-prattika kummerċjali inġusta b’mod rigoruż, filwaqt li tiżgura wkoll protezzjoni adegwata tal-industrija tal-UE u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.
Dan huwa partikolarment evidenti fejn hemm miżuri AD u AS separati imposti fuq l-istess prodotti mill-istess oriġini. Kif spjegat fit-Taqsima 1.5.4, din id-dispożizzjoni għamlet differenza sinifikanti f’għadd ta’ investigazzjonijiet AD u AS separati dwar l-istess prodotti mill-istess oriġini, b’mod partikolari f’Fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni, SSCR u GFF billi żiedet il-livell ikkombinat ta’ protezzjoni għall-industrija tal-UE. Dan ifisser li issa hemm benefiċċju ċar għall-industrija biex tressaq ilment antisussidji flimkien ma’ lmenti anti-dumping, minħabba li dan jista’ jwassal għal protezzjoni addizzjonali u fl-istess ħin adegwata xorta.
Barra minn hekk, huwa ċar li, minn mindu saret il-modernizzazzjoni, l-investigazzjonijiet antisussidji identifikaw modi dejjem aktar kumplessi ta’ kif jingħataw is-sussidji, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju transfruntier. Minħabba l-evoluzzjoni ta’ dawn il-prattiki partikolarment dannużi, il-Kummissjoni tqis li huwa imperattiv li tkompli tapplika miżuri kompensatorji biex tpatti għall-ammonti sħaħ ta’ sussidji li jirriżultaw, meta jkun iġġustifikat. Fl-istess ħin, it-test tal-interess tal-Unjoni jżomm bilanċ u flessibbiltà kruċjali fis-sistema li tippermetti lill-Kummissjoni tqis l-interess tal-operaturi ekonomiċi kollha.
4.Ir-regola tad-dazju inferjuri fl-impenji - l-Artikoli 8(1) tar-RBAD u l-Artikolu 13(1) tar-RBAS
Il-Kummissjoni ma aċċettat l-ebda impenn ġdid fuq il-prezzijiet fl-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji mibdija mid-dħul fis-seħħ tal-pakkett ta’ modernizzazzjoni ’l quddiem.
5.Rieżami tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-RBAD – perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni
Il-bidliet fil-modernizzazzjoni introduċew obbligu fuq il-Kummissjoni biex tinforma lill-partijiet interessati kollha tliet ġimgħat qabel (inbidlu għal erba’ ġimgħat f’Ġunju 2020 wara rieżami) jekk ikun biħsiebha timponi miżuri anti-dumping proviżorji jew le (divulgazzjoni minn qabel). Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni tista’ tirreġistra l-importazzjonijiet biex tevita l-kumulazzjoni ta’ riżerva li tista’ timmina l-effett rimedjali tad-dazji, filwaqt li tippermetti l-ġbir retroattiv tad-dazji għal dak il-perjodu, jekk ikun meħtieġ.
L-Artikolu 9(4) tar-RBAD ġie emendat ukoll biex jippermetti lill-Kummissjoni tanalizza, f’każijiet fejn l-importazzjonijiet ma kinux irreġistrati, jekk kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni li kkawżat dannu addizzjonali. Jekk l-analiżi tkun uriet li dan kien il-każ, il-Kummissjoni tista’ tirrifletti dak id-dannu addizzjonali billi taġġusta il-marġni tad-dannu ’l fuq.
Il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping definittivi f’34 każ mibdija wara t-8 ta’ Ġunju 2018. Il-Kummissjoni imponiet miżuri proviżorji fi 22 minnhom u ma rreġistratx importazzjonijiet fi 11-il każ. L-aħħar kolonna fl-Anness 1 tagħti d-dettalji tal-każijiet.
L-analiżi tal-11-il każ żvelat dan li ġej:
oFl-investigazzjonijiet dwar Fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni (2021) u Siliċju tal-kalċju (2022) - it-tnejn miċ-Ċina, l-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni naqsu b’medja ta’ 47 % u 36 % rispettivament. Fl-investigazzjoni dwar il-Monoetilenglikol mill-Arabja Sawdija (2021), l-importazzjonijiet kienu 15,3 % inqas fil-perjodu.
oFl-investigazzjonijiet li jikkonċernaw Roti tat-triq tal-azzar (2020) u Prodotti tal-aluminju llaminati ċatti (2021) – it-tnejn li huma miċ-Ċina, ma kien hemm l-ebda żieda fl-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni.
oFl-investigazzjoni dwar Sistemi ta’ Elettrodi tal-grafit miċ-Ċina (2022), filwaqt li l-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni żdiedu b’ 5,5 %, dan ma kienx sostanzjali.
oFil-ħames investigazzjonijiet li jifdal (Ċerta karta termali tqila mill-Korea (2020); Monoetilenglikol mill-Istati Uniti (2021); Plywood tal-betula mir-Russja (2021); Azzar miksi bil-kromu elettrolitiku (ECCS) miċ-Ċina u mill-Brażil (2022)), il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet żdiedu b’mod sostanzjali fil-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni. Iż-żidiet varjaw minn 39 % għall-Monoetilenglikol sa kważi 99 % għall-Plywood tal-betula. Biex tindirizza d-dannu addizzjonali kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet li żdiedu b’mod sostanzjali, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti xierqa biex iżżid il-livelli tal-eliminazzjoni tad-dannu. Ħlief għall-miżuri fuq l-ECCS miċ-Ċina u l-Brażil, il-miżuri fil-każijiet l-oħra kienu bbażati fuq il-marġni tad-dumping. B’riżultat ta’ hekk, l-aġġustament għal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ma kellux impatt fuq il-livell tal-miżuri imposti, peress li d-dazji kienu limitati mill-marġnijiet ta’ dumping rispettivi, li hija l-protezzjoni massima permessa skont id-dritt tad-WTO u tal-UE. Fil-każijiet tal-ECCS, l-aġġustament ta’ 4,1 % biex jiġi indirizzat id-dannu addizzjonali fil-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni kellu impatt fuq il-livell tal-miżuri finali.
6.Konklużjoni
Ir-rieżami u l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet modernizzati rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni riveduta tar-RDI juru li dawn laħqu bis-sħiħ l-objettivi maħsuba tagħhom li jipprovdu rimedji suffiċjenti kontra d-dumping u s-sussidjar.
Il-bidliet leġiżlattivi inkwistjoni ġew abbozzati bir-reqqa biex jagħtu protezzjoni aktar robusta kontra tipi partikolarment dannużi ta’ distorsjonijiet sinifikanti tal-materja prima u prattiki ta’ sussidjar ġenerali. F’sa 38 % tal-każijiet anti-dumping mibdija fil-perjodu ta’ rieżami, l-industrija tal-UE ssenjalat distorsjonijiet sinifikanti fil-materja prima kif definit fil-leġiżlazzjoni l-ġdida. F’xi wħud minn dawk il-każijiet, il-Kummissjoni setgħet tadotta miżura f’livell ogħla milli kien jiġi impost qabel il-bidliet leġiżlattivi rispettivi. Rieżami tal-prattika juri li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-limiti attwali huma suffiċjenti u adegwati biex jiżguraw protezzjoni xierqa u bbilanċjata kontra d-distorsjonijiet tal-materja prima. Bl-istess mod, it-tneħħija tal-LDR fil-prattika antisussidji pprovdiet protezzjoni ogħla lill-produtturi tal-UE esposti għal importazzjonijiet sussidjati.
It-test tal-interess tal-Unjoni żgura li l-prattika msaħħa tad-difiża tal-kummerċ tibqa’ mmirata u bbilanċjata.
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ma qisitx li jkun xieraq li tħejji proposta leġiżlattiva biex takkumpanja r-rieżami u l-evalwazzjoni attwali, kif previst mill-Artikolu 23(4) tar-RBAD u l-Artikolu 32a(2) tar-RBAS.Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet imsemmijin fuq, filwaqt li tqis il-prijoritajiet tal-politika dejjem jevolvu u l-kuntest ġeopolitiku dejjem aktar diffiċli.
Anness 1
MIŻURI ANTI-DUMPING
|
PRODOTT
|
PAJJIŻ
|
MIŻURI PROVIŻORJI
|
MIŻURI DEFINITTIVI
|
DISTORSJONIJIET TAL-MATERJA PRIMA ALLEGATI
|
DISTORSJONIJIET TAL-MATERJA PRIMA
EŻAMINATI JEKK IL-MARĠNI TA’ DUMPING > MID-DANNU
|
DISTORSJONIJIET TAL-MATERJA PRIMA / INTERESS TAL-UNJONI
|
KUNDIZZJONIJIET ISSODISFATI
|
L-ARTIKOLU 9(4) – IMPORTAZZJONIJIET IRREĠISTRATI
IVA/LE
|
|
Taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju
|
Ir-Russja, Trinidad u Tobago
L-Istati Uniti
|
Regolament Proviżorju
|
Regolament definittiv
|
Ir-Russja: IVA
Trinidad u Tobago/l-Istati Uniti: LE
|
IVA
|
Gass naturali
>50 % COP
Prezz ferm aktar baxx mill-parametru referenzjarju
Interess tal-Unjoni - IVA
|
IVA
|
IVA
|
|
Roti tat-triq tal-azzar
|
Iċ-Ċina
|
Regolament Proviżorju
|
Regolament definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
LE
L-ebda żieda fl-importazzjonijiet
|
|
Ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta
|
L-Eġittu
Iċ-Ċina
|
-
|
Regolament definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
-
|
|
Ċerti alkoħols tal-polivinil
|
Iċ-Ċina
|
_
|
Regolament definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
-
|
|
Ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati fis-sħana
|
L-Indoneżja
Iċ-Ċina
It-Tajwan
|
Regolament Proviżorju
|
Regolament definittiv
|
L-Indoneżja u ċ-Ċina: IVA
It-Tajwan: LE
|
L-Indoneżja u ċ-Ċina: IVA
|
Iċ-Ċina: Materja prima ewlenija > 17 % COP
Prezz aktar baxx mill-parametru referenzjarju.
L-Indoneżja: Mineral tan-Nikil > 17 % COP
Prezz aktar baxx mill-parametru referenzjarju.
Interess tal-Unjoni: LE
|
LE
|
IVA
|
|
Ċerta karta termali tqila
|
Il-Korea
|
Regolament proviżorju
|
Regolament definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
LE
71 % żieda fl-importazzjonijiet.
Il-marġni ta’ dannu żdied minn 16,9 % għal 17,6 %
|
|
Estrużjonijiet tal-aluminju
|
Iċ-Ċina
|
Regolament proviżorju
|
Regolament definittiv
|
IVA
|
LE
|
-
|
-
|
IVA
|
|
Prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar
|
It-Turkija
|
Regolament proviżorju
|
Regolament definittiv
|
IVA
|
LE
|
-
|
-
|
IVA
|
|
Aluminju llaminat ċatt
|
Iċ-Ċina
|
Regolament proviżorju
|
Regolament definittiv
|
IVA
|
IVA
|
Ingotti tal-aluminju > 17 % COP
Il-prezz mhuwiex ferm aktar baxx mill-parametru referenzjarju
|
LE
|
LE
L-ebda żieda fl-importazzjonijiet
|
|
Kejbils fibrottiċi
|
Iċ-Ċina
|
-
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
MHUX APPLIKABBLI
|
|
Prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ
|
L-Indja
L-Indoneżja
|
Regolament proviżorju
|
Regolament Definittiv
|
IVA
|
L-INDJA: IVA
|
L-Indja: Esportatur li mhux juża materja prima
|
LE
|
IVA
|
|
Monoetilenglikol
|
L-Arabja Sawdija
L-Istati Uniti
|
Regolament proviżorju
|
Regolament definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
LE
L-Istati Uniti: 39 % żieda fl-importazzjonijiet
Marġni ta’ dannu aġġustat għall-Arabja Sawdija: L-ebda żieda fl-importazzjonijiet
|
|
Plywood tal-betula
|
Ir-Russja
|
Regolament Proviżorju
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
LE
Żieda ta’ 98,6 % fl-Importazzjonijiet - Marġni ta’ dannu aġġustat skont il-fattur ta’ 1,02
|
|
Fojl tal-aluminju għall-modifikazzjoni
|
Iċ-Ċina
|
Regolament proviżorju
|
Regolament Definittiv
|
IVA
|
IVA
|
Ingotti tal-aluminju
> 17 % COP
Il-prezzijiet mhumiex ferm aktar baxx mill-parametru referenzjarju.
|
LE
|
LE
47 % tnaqqis fl-importazzjonijiet
|
|
Torrijiet tal-Azzar għar-Riħ
|
Iċ-Ċina
|
-
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
MHUX APPLIKABBLI
|
|
Qfieli tal-ħadid jew tal-azzar
|
Iċ-Ċina
|
-
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
MHUX APPLIKABBLI
|
|
Siliċju tal-kalċju
|
Iċ-Ċina
|
Regolamenti proviżorji
|
Regolament definittiv
|
IVA
|
IVA
|
Elettriku = 20 % tas-COP - L-ebda evidenza ta’ pprezzar doppju
|
LE
|
LE
36 % tnaqqis fl-importazzjonijiet
|
|
Sistemi ta’ Elettrodi tal-Grafit
|
Iċ-Ċina
|
Regolament Proviżorju
|
Regolament definittiv
|
IVA
|
LE
|
-
|
-
|
LE
5,5 % żieda fl-importazzjonijiet
|
|
Polimeri superassorbenti
|
Ir-Repubblika tal-Korea
|
-
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
MHUX APPLIKABBLI
|
|
Azzar reżistenti għall-korrużjoni
|
Ir-Russja
It-Turkija
|
-
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
MHUX APPLIKABBLI
|
|
Azzar miksi bil-kromu elettrolitiku
|
Iċ-Ċina
Il-Brażil
|
Regolament proviżorju
|
Regolament definittiv
|
Iċ-Ċina: IVA
Il-Brażil: LE
|
IVA
|
Kojls illaminati bis-sħana (HRC) > 17 % tas-COP.
Prezzijiet ferm aktar baxxi mill-parametru referenzjarju.
Interess tal-Unjoni: IVA
|
IVA
|
LE
Żieda ta’ 58 % fl-importazzjonijiet– marġni ta’ dannu aġġustat b’4,1 %
|
|
Madum taċ-ċeramika
|
L-Indja
It-Turkija
|
-
|
Regolament Definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
MHUX APPLIKABBLI
|
|
Roti tal-aluminju għall-użu fit-triq
|
Il-Marokk
|
Regolament Proviżorju
|
Regolament definittiv
|
LE
|
-
|
-
|
-
|
IVA
|
|
Aċidu xaħmi
|
L-Indoneżja
|
-
|
Regolament definittiv
|
IVA
|
IVA
|
Materja prima CPO >40 % u CPKO>50 % tas-COP.
Prezzijiet ferm aktar baxxi mill-parametru referenzjarju.
Interess tal-Unjoni: IVA
|
IVA
|
MHUX APPLIKABBLI
|
Anness 2
MIŻURI KOMPENSATORJI