Brussell, 1.6.2023

COM(2023) 268 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-sikurezza marittima: fil-qalba tat-tbaħħir nadif u modern


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-sikurezza marittima: fil-qalba tat-tbaħħir nadif u modern

It-trasport marittimu huwa ta’ importanza strateġika għall-ekonomija tal-UE u għall-konnessjonijiet bejn u fi ħdan l-Istati Membri. B’75 % tal-kummerċ estern tal-UE jkun bil-baħar, settur marittimu li jiffunzjona, sikur, sigur, u aktar sostenibbli huwa essenzjali għall-kompetittività tal-kummerċ tagħna u biex il-prodotti u l-materjali jiġu fornuti lis-suq uniku tagħna. It-trasport marittimu ma huwiex biss l-arterja tal-ekonomija globalizzata tagħna iżda huwa essenzjali wkoll għall-gżejjer tagħna u għar-reġjuni marittimi periferali u remoti tagħna. Is-settur wera li huwa partikolarment reżiljenti matul il-pandemija tal-COVID-19, u ppermetta l-kummerċ kontinwu ta’ oġġetti essenzjali, bħall-provvisti tal-ikel u mediċi. Il-pandemija kienet tfakkira qawwija tar-rwol ewlieni li għandhom it-trasport marittimu u n-nies li jaħdmu fih u tal-ħtieġa li l-politiki tal-UE jikkunsidraw l-importanza tas-settur. Iċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi ġodda kkawżati mill-gwerra Russa kontra l-Ukrajna u l-bidliet fix-xejriet kummerċjali u tal-enerġija li jirriżultaw, enfasizzaw l-urġenza li tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-UE, inkluż is-settur marittimu tagħha.

Il-livell ta’ sikurezza marittima fl-ilmijiet tal-UE bħalissa huwa għoli ħafna, bi ftit fatalitajiet u bl-ebda tixrid kbir taż-żejt li jikkumpara mad-daqs tal-aċċidenti bit-tankers taż-żejt Erika u Prestige 1 . Madankollu, kull sena jiġu rrapportati aktar minn 2 000 aċċident u inċident tal-baħar 2 . Aċċident wieħed biss li jinvolvi bastiment tal-passiġġieri jew bastiment tal-merkanzija li jittrasporta materjal perikoluż jew noċiv jista’ jkollu impatt devastanti fuq il-ħaddiema, fuq iċ-ċittadini inġenerali, u fuq l-ambjent tal-baħar. It-tranżizzjoni lejn tbaħħir aktar nadif u aktar awtonomu twassal ukoll għal sfidi ġodda. Is-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà ambjentali tas-sistema tat-trasport huma ta’ importanza kbira u ma għandhomx jiġu kompromessi. L-UE għandha tiżviluppa politiki proattivi u preventivi u għandha tibqa’ mexxejja dinjija f’dan il-qasam abbażi ta’ sforzi kontinwi mal-awtoritajiet internazzjonali, nazzjonali u lokali, u mal-partijiet ikkonċernati inkluża s-soċjetà ċivili.

It-tranżizzjoni doppja diġitali u ta’ sostenibbiltà teħtieġ li t-trasport marittimu jgħaddi minn trasformazzjoni kbira. Is-settur, li jirrappreżenta 3 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra (GHG), jeħtieġ li jaqleb għal teknoloġiji, sistemi ta’ propulsjoni u fjuwils b’livell baxx u żero emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għandu jnaqqas ukoll l-emissjonijiet tiegħu ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u l-impatt ġenerali tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar inkluż l-iskart tal-plastik fil-baħar u l-istorbju taħt l-ilma. Fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni u l-mixja lejn sistemi tat-tbaħħir intelliġenti u awtonomi jġibu magħhom opportunitajiet u sfidi. Dawn it-trasformazzjonijiet jeħtieġu ambjent ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, inkluż finanzjament bħal dak ipprovdut fl-ambitu tas-sħubija dwar it-Trasport fuq l-Ilma b’Emissjonijiet Żero. 3 Jeħtieġ ukoll li fl-istess ħin isir sforz kbir ta’ taħriġ mill-ġdid u żvilupp professjonali tal-forza tax-xogħol, kif ukoll isiru miżuri biex jiġu attirati ħaddiema lejn is-settur, speċjalment żgħażagħ. Il-baħħara u l-ħaddiema fit-trasport marittimu huma l-aktar assi siewja tas-settur u jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru ta’ tranżizzjoni sikura u sostenibbli.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija ta’ mobbiltà sostenibbli u intelliġenti 4 u l-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero 5 stabbilew id-direzzjoni fil-livell tal-UE, b’ambizzjoni ġenerali għal trasport marittimu b’aċċidenti żero, skart żero, tniġġis żero, dekarbonizzat, intelliġenti, u reżiljenti. Bis-sett ta’ leġiżlazzjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, inkiseb progress kbir biex is-settur jiġi stabbilit fuq perkors aktar sostenibbli. Permezz tar-Regolament FuelEU Maritime 6 - li għandu l-għan li jħeġġeġ l-użu ta’ fjuwils sostenibbli fit-trasport marittimu - u l-estensjoni tal-Iskema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE għat-trasport marittimu 7 , l-UE adottat miżuri li se jixprunaw l-investimenti f’teknoloġiji u fjuwils nodfa u jiżguraw li s-settur jikkontribwixxi għall-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi ta’ tisħin globali ta’ 1,5°.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tirrevedi ħames biċċiet ta’ leġiżlazzjoni biex jiġu mmodernizzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza u s-sostenibbiltà marittima u li l-UE tiġi pprovduta b’għodod biex tappoġġa t-tbaħħir nadif u modern. L-għan huwa li jiġi żgurat li s-settur marittimu tal-UE jkun adegwat għall-użu tiegħu. Meħudin flimkien, dawn il-proposti huma l-pedament tal-isforzi tagħna biex jiġu żgurati traffiku u trasport marittimu effiċjenti, sostenibbli u sikuri fl-ilmijiet tal-UE u lil hinn minnhom, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-komunitajiet tal-kosta, tal-ambjent tal-baħar, u tal-oċeani b’saħħithom tagħna. B’mod parallel ma’ dan il-qafas legali robust, l-UE hija impenjata li taħdem fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex tistabbilixxi l-ogħla livell ta’ sikurezza u sigurtà, diġitalizzazzjoni, u ekoloġizzazzjoni u dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir. Il-koeżistenza ta’ tali regoli Ewropej u azzjoni tal-UE fl-OMI jiżguraw li jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku kif ukoll globalment, filwaqt li jiġu evitati r-riskji ta’ bdil tal-istat tal-bandiera u ta’ telf fl-interessi Ewropej.

Dan il-pakkett marittimu huwa magħmul minn ħames proposti ta’ reviżjoni relatati ma’:

-id-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera;

-id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port;

-id-Direttiva 2009/18/KE dwar l-investigazzjoni ta’ aċċidenti tat-trasport marittimu;

-id-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis mill-bastimenti u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet; u,

-ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

1.Il-qafas eżistenti tal-UE għas-sikurezza u s-sostenibbiltà marittima: sett robust ta’ leġiżlazzjoni li jeħtieġ li jiġi mmodernizzat

It-tliet Direttivi dwar ir-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera, il-kontroll mill-Istat tal-port u l-investigazzjoni tal-aċċidenti huma l-pilastri ewlenin tas-sikurezza marittima. Dawn jirriflettu l-obbligi internazzjonali imposti fuq l-Istati Membri bħala Stati tal-bandiera, tal-port u tal-kosta stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), li għaliha l-UE nnifisha hija parti kontraenti. L-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-sikurezza marittima tikkomplementa u timplimenta l-qafas legali internazzjonali, b’mod partikolari r-regoli u l-istandards dettaljati stabbiliti fil-Konvenzjonijiet ewlenin tal-OMI. L-inkorporazzjoni ta’ tali regoli u standards fis-sistema legali tal-UE tagħmel dawn id-dispożizzjonijiet azzjonabbli quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u b’hekk tiżgura l-infurzar uniformi tagħhom madwar l-UE u tiżgura kundizzjonijiet ekwi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi fis-settur. Fl-istess ħin, l-inkorporazzjoni ta’ regoli internazzjonali fid-dritt tal-UE u b’hekk l-allinjament tad-dritt tal-UE mar-regoli internazzjonali tiżgura li l-Istati tal-bandiera u l-operaturi tagħna jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi globalment u li nibqgħu nżommu l-kompetittività tat-tbaħħir tal-UE.

Is-sikurezza marittima hija organizzata madwar tliet linji ta’ difiża għal azzjoni pubblika filwaqt li s-sidien tal-vapuri u l-operaturi għandhom id-dmir li dejjem iżommu l-vapuri tagħhom adegwati għall-użu tagħhom. Ir-responsabbiltà primarja hija tal-Istat tal-bandiera li jrid jiżgura li l-vapur ikun tajjeb biex isalpa u li jkollu ċ-ċertifikati meħtieġa li juru konformità mar-regoli u mal-istandards internazzjonali. Għalhekk, l-Istat tal-bandiera huwa l-ewwel linja ta’ difiża. Madankollu, peress li r-regoli tal-Istat tal-bandiera japplikaw biss għal bastimenti li jtajru dik il-bandiera u peress li xi Stati tal-bandiera ma humiex lesti jew kapaċi jinfurzaw ir-regoli applikabbli fuq il-flotot tagħhom, l-uffiċjali tal-kontroll mill-Istat tal-port iwettqu spezzjonijiet ta’ vapuri barranin meta jkunu fil-portijiet. Għalhekk, il-kontroll mill-Istat tal-port huwa t-tieni linja ta’ difiża. Minkejja dawn iż-żewġ saffi ta’ prevenzjoni, xorta jistgħu jseħħu aċċidenti u ksur intenzjonali jew negliġenti tal-obbligi rilevanti. Il-kawżi tagħhom għandhom jiġu investigati biex jiġi żgurat titjib kontinwu, biex jiġi evitat milli aċċidenti simili jerġgħu jseħħu u biex jiġu ssanzjonati l-awturi ta’ attivitajiet illegali. Din hija t-tielet linja ta’ difiża.

Flimkien, dawn il-linji ta’ difiża għandhom l-għan li jiggarantixxu li r-regoli jiġu infurzati kif suppost u għalhekk għandhom iwasslu għal tnaqqis fl-inċidenti u fl-aċċidenti u fl-aħħar mill-aħħar għandhom jipprevjenu t-telf tal-ħajja umana u t-tniġġis ambjentali.

Kontroll tal-idoneità mwettaq fl-2018 ikkonkluda li dawn it-tliet Direttivi kienu ta’ valur miżjud, b’mod partikolari għall-implimentazzjoni u għall-infurzar armonizzati tar-regoli internazzjonali, u li kienu laħqu l-objettivi maħsuba tagħhom. Madankollu, il-verifika tal-idoneità indikat ukoll li kien hemm lok għal titjib u opportunitajiet għal aktar diġitalizzazzjoni, kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u appoġġ akbar mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA).

L-aċċidenti marittimi mhux biss jikkawżaw diżgrazzji u telf ekonomiku iżda għandhom impatt dirett fuq l-ambjent. Tniġġis rilaxxat mill-vapuri, b’mod aċċidentali, intenzjonali, jew b’negliġenza, bħal żejt, skart, drenaġġ jew sustanzi kimiċi għandu effett negattiv fuq l-ambjent tal-baħar u jista’ jniġġes b’mod sever il-ħabitats tal-baħar u tal-kosta. Tali tniġġis huwa għalhekk indirizzat permezz ta’ leġiżlazzjoni kumplimentari speċifika tal-UE dwar ir-rimi illegali, jiġifieri d-Direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti.

Din id-Direttiva ma tistabbilixxix standards dwar l-ispeċifikazzjoni ta’ tali rimi. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet huma regolati internazzjonalment permezz tal-Konvenzjoni MARPOL tal-OMI (għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti), li tiddetermina jekk rimi huwiex awtorizzat jew illegali. Ir-rwol tad-Direttiva, min-naħa l-oħra, huwa li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi ta’ natura kriminali, għar-rimi illegali. Huwa jipprevedi wkoll kollaborazzjoni dwar l-infurzar madwar l-UE bl-appoġġ tal-EMSA. Id-Direttiva tikkomplementa r-reġim internazzjonali billi tappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fl-identifikazzjoni tat-trasgressuri permezz ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza bis-satellita dwar it-tixrid potenzjali taż-żejt u permezz tar-reġim ta’ responsabbiltà tagħha li tiffaċilita l-penalizzazzjoni ta’ dawk li jniġġsu.

L-evalwazzjoni tad-Direttiva indikat diversi nuqqasijiet li r-reviżjoni proposta għandha l-għan li tindirizza. Dan jinkludi l-iżgurar li r-rimi illegali jiġi identifikat b’mod adegwat, li jiġi segwit il-ksur, li l-atturi tal-attivitajiet illegali jiġu ssanzjonati, u, b’konsegwenza ta’ dan, ir-rimi illegali fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqas u b’hekk jitnaqqsu l-impatti ambjentali. Ir-reviżjoni għandha l-għan, flimkien mad-Direttiva dwar il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet, li tiskoraġġixxi lis-sidien tal-vapuri u lill-operaturi kollha (irrispettivament mill-bandiera) minn kwalunkwe tip ta’ rimi illegali fl-ibħra Ewropej. Għandha ssir in-norma li l-iskart kollu ġġenerat dejjem jitwassal mill-vapuri għall-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet tal-UE.

L-EMSA għandha rwol ewlieni fil-qafas tal-UE dwar is-sikurezza marittima u kkontribwiet b’mod sinifikanti għar-riżultati inkoraġġanti miksuba fl-UE f’termini tal-iżgurar ta’ tbaħħir ta’ kwalità u kultura ta’ sikurezza. L-Aġenzija ġiet stabbilita fl-2002, wara d-diżastri marittimi ta’ Prestige u ta’ Erika, bl-għan speċifiku li tappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri fl-applikazzjoni u fil-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza marittima. Permezz taż-żjarat u l-ispezzjonijiet tagħha (il-kapaċità tal-awditjar), l-Aġenzija tinsab fil-qalba tal-valur miżjud tal-UE dwar is-sikurezza marittima bis-saħħa tal-għajnuna tagħha fl-infurzar u fil-faċilitar ta’ implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-regoli. L-Aġenzija jeħtieġ li tkompli talloka biżżejjed riżorsi għal dan il-kompitu ewlieni minkejja l-portafoll tagħha ta’ attivitajiet li qed jespandi, sabiex tkompli tipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-komunità marittima usa’.

Mill-2002, il-kompiti tal-Aġenzija fil-fatt espandew u issa l-EMSA toffri assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali f’firxa wiesgħa ta’ oqsma relatati mat-trasport marittimu, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-mandat tal-Aġenzija, ħlief għall-emenda dwar il-kooperazzjoni tal-Gwardja tal-Kosta, ġie rivedut l-aħħar fl-2013 u jeħtieġ li jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ambitu kurrenti tal-attivitajiet tal-EMSA, il-qafas regolatorju li qed jevolvi, b’mod partikolari dan il-pakkett marittimu, u l-iżviluppi fis-settur marittimu.

2.Allinjament mar-regolamenti internazzjonali u ambitu estiż għal qafas aktar effettiv

Wieħed mill-ixprunaturi ewlenin għar-reviżjoni tal-ħames testi leġiżlattivi huwa l-ħtieġa u l-benefiċċji tal-allinjament mar-regolamenti internazzjonali aġġornati. Il-koeżistenza ta’ standards u regoli allinjati ħażin toħloq piż u inċertezza legali għall-industrija u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u ddgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi u l-kompetittività tat-tbaħħir tal-UE. L-inkorporazzjoni ta’ regolamenti internazzjonali fid-dritt tal-UE għandha ssir b’mod li jiżgura applikabbiltà effettiva, uniformità u infurzar xierqa, u għalhekk tbaħħir ta’ kwalità.

Għad-Direttiva dwar l-Istat tal-bandiera, l-inkorporazzjoni tal-“Kodiċi ta’ Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI” (Kodiċi III) li ġie adottat fl-2013 u li ġie stabbilit fl-2016 hija ċentrali għar-reviżjoni. Il-Kodiċi III kien żvilupp ewlieni tal-OMI peress li jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ir-riżorsi u s-setgħat meħtieġa bħala Stat tal-bandiera biex jassumu l-obbligi internazzjonali tagħhom. Filwaqt li diġà kien il-każ għall-Istati Membri tal-UE mill-2009, il-Kodiċi III għamel ukoll l-awditu komprensiv relatat tal-OMI obbligatorju għall-partijiet kollha tal-OMI kull 7 snin.

Minħabba l-importanza tiegħu, l-infurzar tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar ix-Xogħol Marittimu li tirregola l-kwistjonijiet kollha relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-baħħara diġà ġie introdott fid-dritt tal-UE permezz ta’ att legali separat 8 li japplika għall-Istati tal-bandiera 9 . Ir-regoli soċjali huma tabilħaqq kritiċi għall-benesseri tal-ekwipaġġi u għas-sikurezza marittima (il-fattur uman huwa responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-inċidenti).

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port taġġorna u tallinja r-regoli tal-UE ma’ strumenti legali internazzjonali applikabbli ġodda, jiġifieri l-konvenzjoni dwar il-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra tal-OMI u l-konvenzjoni dwar it-Tneħħija tal-Fdalijiet tal-Bastimenti ta’ Nairobi. Sabiex tittejjeb l-effettività, l-Istati tal-port li jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port ikkoordinaw il-ħidma tagħhom b’mod sistematiku fuq bażi reġjonali. Il-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-kontroll mill-Istat tal-port 10 (minn hawn ’il quddiem il-“MtQ ta’ Pariġi”) stabbilit fl-1982 huwa l-ewwel minn disa’ strutturi intergovernattivi bħal dawn. L-24 Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha b’portijiet tal-baħar, kif ukoll il-Kanada, il-Federazzjoni Russa 11 u r-Renju Unit, huma membri tal-MtQ ta’ Pariġi. L-UE ma hijiex membru.

Il-kontroll mill-Istat tal-port tal-UE huwa bbażat fuq il-proċedura u l-għodod tal-MtQ ta’ Pariġi mill-2009 meta ġiet adottata d-Direttiva. Konsegwentement, għandhom jiġu inkorporati wkoll diversi żviluppi u titjib deċiżi matul l-aħħar 14-il sena fl-ambitu tal-MtQ ta’ Pariġi. Fir-rigward tad-Direttiva dwar l-investigazzjoni tal-aċċidenti, diversi definizzjonijiet u referenzi huma aġġornati biex iqisu l-bidliet fl-ambjent regolatorju internazzjonali, b’mod partikolari l-Kodiċi għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji tal-OMI, u biex iqisu kif xieraq is-sitwazzjoni tal-bastimenti fil-portijiet u l-aċċidenti li jaffettwaw lill-ħaddiema tal-portijiet.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għad-Direttivi dwar l-Istat tal-port u l-investigazzjoni tal-aċċidenti fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd fejn għad hemm tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza. Se tiġi pprovduta sistema volontarja ta’ kontroll mill-Istat tal-port għall-bastimenti tas-sajd twal aktar minn 24 metru li jidħlu fil-portijiet tal-UE għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu dawn l-ispezzjonijiet, u b’hekk tiġi offruta tieni linja ta’ difiża għal bastimenti ta’ dan it-tip. Fil-fatt, ir-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd hija tal-Istat tal-bandiera, peress li bastimenti tas-sajd iżgħar normalment ma jżurux portijiet barranin u, f’ħafna każijiet, ma jaqgħux taħt l-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali. L-investigazzjoni tal-aċċidenti issa se tkopri mhux biss bastimenti tas-sajd akbar iżda se tiġi estiża parzjalment biex tkopri l-aktar aċċidenti serji li jinvolvu bastimenti tas-sajd iżgħar li huma twal inqas minn 15-il metru, filwaqt li tiżgura li l-piż amministrattiv jinżamm għall-minimu meħtieġ.

Fir-rigward tat-tniġġis mill-bastimenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa estiż biex ikopri kompletament il-ħames Annessi tal-Konvenzjoni MARPOL tal-OMI 12 . Minbarra r-rimi illegali ta’ sustanzi likwidi taż-żejt u noċivi (il-kamp ta’ applikazzjoni kurrenti tagħha), id-Direttiva se tkopri r-rimi illegali ta’ sustanzi ta’ ħsara f’forma ppakkjata, drenaġġ, skart, u ilmijiet għar-rimi u residwi minn Sistemi tat-Tindif tal-Gassijiet tal-Egżost (purifikaturi). Dan huwa wkoll kontribut importanti għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, li jsegwu ambizzjonijiet ta’ tniġġis żero u ta’ mobbiltà sostenibbli u intelliġenti li jinkludu wkoll dawn is-sustanzi dannużi l-oħra.

Dan l-allinjament mal-Konvenzjoni MARPOL huwa ċentrali għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti. Dan ġie mitlub mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2019 meta ġiet adottata d-Direttiva riveduta dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għar-residwi u l-iskart tal-merkanzija 13 . L-intenzjoni kienet li jiġu kkumplimentati r-regoli dwar faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet aktar b’saħħithom miftiehma billi tiġi evitata sitwazzjoni li biha jista’ jiġi inċentivat, b’mod mhux intenzjonat, aktar rimi illegali fil-baħar.

Minħabba r-reviżjonijiet deskritti hawn fuq u l-iżviluppi usa’ fl-ambjent regolatorju ġenerali li saru mill-2013, il-mandat tal-EMSA jirrikjedi wkoll aġġornament biex jirrifletti aħjar ir-rwol dejjem jikber li l-Aġenzija għandha fl-appoġġ ta’ ħafna oqsma tat-trasport marittimu, inklużi s-sikurezza, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika, is-sigurtà, is-sorveljanza u l-ġestjoni tal-kriżijiet u d-diġitalizzazzjoni. Il-mandat rivedut mhux biss se jirrifletti l-kompiti li l-Aġenzija ġiet fdata bihom mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri mill-2013, iżda wkoll il-kompiti l-ġodda ta’ sikurezza u sostenibbiltà li joħorġu minn dan il-pakkett leġiżlattiv. Se jagħmel ukoll l-Aġenzija adattata għall-futur, billi jantiċipa l-iżviluppi, speċjalment fid-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni.

3.Spinta lejn aktar sostenibbiltà ambjentali

It-trasport marittimu bħalissa huwa wieħed mill-aktar mezzi ta’ trasport nodfa meta wieħed iqis il-volum tiegħu u s-sehem tal-merkanzija trasportata u l-kontribut tiegħu għall-UE u għall-ekonomija globali 14 . L-iżgurar ta’ tbaħħir ta’ kwalità u ta’ settur marittimu sikur huwa essenzjali biex tinżamm l-attraenza tiegħu. Madankollu, is-settur marittimu huwa wkoll emittent ewlieni tal-gassijiet serra u huwa responsabbli għal tniġġis sinifikanti tal-arja u tal-baħar li huwa ta’ ħsara għall-ambjent tal-baħar u għall-bijodiversità u għar-reżiljenza għall-karbonju tiegħu, kif ukoll għas-saħħa tal-popolazzjonijiet tal-kosta. Hekk kif setturi oħra tal-ekonomija, bħat-trasport bit-triq, qed jiddekarbonizzaw jew qed inaqqsu b’mod rapidu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa oħra, it-trasport marittimu se jkollu jagħti kontribut relattivament akbar għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet u t-tniġġis. Għalhekk, l-attenzjoni u l-azzjoni jeħtieġ li jkomplu.

B’dan il-pakkett, il-Kummissjoni għandha l-għan li tippromwovi t-tbaħħir ta’ kwalità u s-settur marittimu modern, nadif u b’saħħtu, konformi mal-obbligi internazzjonali u tal-UE rilevanti. Il-qafas leġiżlattiv tal-UE għandu jiskoraġġixxi u jissanzjona lil dawk li jduru jew li huma lesti li jduru mar-regoli waqt li jinċentiva l-investimenti fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji nodfa u prattiki sostenibbli. Dan huwa l-uniku mod biex jgħin fl-istabbiliment ta’ standards globali għoljin u biex tinżamm pożizzjoni ewlenija globalment għat-tbaħħir tal-UE.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istat tal-bandiera tintroduċi qafas aktar effettiv ibbażat fuq livell u kwalità adegwati tal-ispezzjonijiet tal-vapuri u s-sorveljanza ġenerali tal-flotta, il-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tal-Istat tal-bandiera u kejl aħjar tal-prestazzjoni tagħhom. Din se tkopri s-sikurezza l-ewwel iżda għandha tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-protezzjoni tal-ambjent. Meta regoli ambjentali aktar b’saħħithom isiru effettivi fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali, ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera li jinfurzahom tiġi estiża awtomatikament. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port se tkompli ttejjeb ukoll il-kapaċità tal-Istati Membri li jidentifikaw u jikkoreġu n-nuqqas ta’ konformità mhux biss mar-regoli u mal-istandards tas-sikurezza iżda wkoll ma’ dawk dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port temenda speċifikament il-profil tar-riskju tal-vapur li fuqu huwa bbażat l-immirar tal-vapuri għall-ispezzjonijiet, biex jitqiesu aktar il-fatturi ambjentali. Għall-bastimenti tal-merkanzija u tal-passiġġieri ta’ aktar minn 5 000 tunnellata gross (meqjusa bħala l-aktar niġġiesa), il-profil tar-riskju tal-vapur se jqis l-indikatur tal-intensità tal-karbonju tal-OMI tal-bastiment. Għall-vapuri kollha eliġibbli għall-kontroll mill-Istat tal-port, dan jaġġusta l-fattur ta’ ponderazzjoni biex jagħti aktar importanza lil nuqqasijiet u lil sekwestri relatati mal-ambjent identifikati qabel (fl-ambitu tal-Konvenzjonijiet tal-MARPOL, tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sistemi tal-Anti-fouling ta’ Ħsara) relatati mal-vapur taħt spezzjoni.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti se ttejjeb il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mhux biss billi tallinja l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mal-istandards internazzjonali, iżda wkoll billi tagħmel l-infurzar tar-regoli internazzjonali dwar it-tniġġis transfruntier mill-bastimenti aktar effettiv. Id-Direttiva l-ġdida għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-individwazzjoni u l-verifika tat-tniġġis, speċjalment ir-rimi illegali, biex jaġixxu b’mod aktar diliġenti u kkoordinat. Dan se jinkiseb bis-saħħa ta’ għodod diġitali mtejba, bini tal-kapaċità u taħriġ imfassal apposta, u permezz ta’ obbligu li jittellgħu rapporti fuq sistema integrata ospitata mill-EMSA. Ir-reviżjoni għandha tippermetti wkoll azzjoni nazzjonali adegwata f’każ ta’ ksur billi tistabbilixxi qafas aktar robust għall-penali u għall-applikazzjoni tagħhom, mingħajr ma taffettwa l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva dwar il-kriminalità ambjentali 15 .

Filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tad-Direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti ma jinkludix l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, fid-dawl tal-impatti tagħhom fuq il-kwalità tal-arja fiż-żoni tal-kosta u tal-port, il-Kummissjoni se tivvaluta kif dawn għandhom jiġu inklużi fil-futur abbażi ta’ data u esperjenza ġodda miġbura mill-EMSA fir-rigward tal-infurzar tar-rekwiżiti legali rilevanti dwar it-tniġġis tal-arja mill-kubrit (Sox) u mill-ossidi tan-nitroġenu (NOx) stabbiliti fl-Anness VI tal-MARPOL. Għal dan il-għan, ir-regolament rivedut propost dwar il-mandat tal-EMSA jiffoka aktar fuq il-kapaċità tal-Aġenzija li tipprovdi assistenza teknika għall-infurzar tar-regoli applikabbli dwar l-NOx u l-SOx f’dan il-qasam.

Matul is-snin, l-EMSA ntalbet dejjem aktar biex tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fit-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali tat-trasport marittimu. Sa mill-bidu tagħha, l-Aġenzija kopriet it-tniġġis tal-baħar u pprovdiet assistenza operazzjonali permezz ta’ kapaċità operazzjonali addizzjonali tassew effettiva ta’ bastimenti ta’ għat-tniġġis miż-żejt, disponibbli bħala riżerva f’każ ta’ tixrid taż-żejt. Bir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kubrit fl-2012, l-EMSA bdiet taqdi rwol ewlieni biex tgħin fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-emissjonijiet fl-arja mill-vapuri. Tali assistenza hija kemm teknika, bl-ospitar ta’ bażijiet ta’ data rilevanti li jirfdu l-kontrolli mill-Istati Membri, kif ukoll operazzjonali bis-servizzi ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-RPAS 16 li jew jintalbu mill-Istati Membri jew jikkomplementaw il-kapaċitajiet ta’ sorveljanza eżistenti tagħhom. Fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-vapuri, l-EMSA tospita s-sistema għar-rapportar, il-monitoraġġ u l-verifika tal-UE 17 . L-EMSA tassisti wkoll lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ riċiklaġġ tal-vapuri kif ukoll dwar l-istorbju taħt l-ilma u t-tniġġis tal-plastik.

L-EMSA tipprovdi wkoll għarfien espert tekniku u xjentifiku ewlieni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex javvanzaw il-ħidma fi ħdan l-OMI dwar il-kwistjonijiet ambjentali kollha fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku u billi joħorġu rapporti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, studji dwar kwistjonijiet emerġenti ta’ sostenibbiltà (telf ta’ kontejners, tneħħija ta’ gassijiet mill-merkanzija, karbonju iswed) kif ukoll gwida għall-awtoritajiet marittimi u tal-port bħal dik dwar l-elettriku mix-xatt.

Il-kompiti l-ġodda stabbiliti f’dan il-pakkett jeħtieġ li jiġu inkorporati aħjar fil-mandat rivedut u mqabbla ma’ riżorsi adegwati. Barra minn hekk, il-qafas legali l-ġdid għat-trasport marittimu stabbilit bħala parti mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” se jkompli jsaħħaħ l-isforz lejn is-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni se tkompli tibbaża fuq l-appoġġ tal-EMSA għall-implimentazzjoni tar-Regolament FuelEU Maritime u l-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu. L-assistenza dwar l-iżviluppi regolatorji fl-ambitu tal-OMI se tkun daqstant importanti. Prijorità ewlenija għall-futur hija li tiġi pprovduta analiżi proattiva tar-riskji għas-sikurezza marbuta mal-użu ta’ fjuwils alternattivi b’livell baxx u żero ta’ gassijiet serra filwaqt li tkompli tingħata għajnuna u jiġu ffaċilitati l-użu u l-iskjerament operazzjonali ta’ dawn il-fjuwils b’linji gwida u riċerka.

4.Id-diġitalizzazzjoni bħala faċilitatur

Id-diġitalizzazzjoni tinsab fiċ-ċentru tal-pakkett marittimu. L-iżviluppi tal-IT u t-teknoloġiji intelliġenti huma abilitanti ewlenin għal aktar kondiviżjoni tal-informazzjoni u trasparenza u għalhekk għall-infurzar tar-regoli. Id-diġitalizzazzjoni tnaqqas il-piż fuq l-operaturi u fuq l-amministrazzjonijiet, u tikseb qafas tal-UE aktar effettiv b’mod ġenerali u impatt aħjar f’termini ta’ effiċjenzi fil-katina loġistika. L-EMSA għandha rwol ċentrali bħala żviluppatur ospitanti u tekniku tas-sistemi u s-servizzi ta’ informazzjoni u monitoraġġ marittimi li jiżguraw l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà. Dawk is-sistemi u s-servizzi jsaħħu l-appoġġ lill-Istati Membri b’responsabbiltajiet bħala Stati tal-bandiera, tal-port u/jew tal-kosta.

Id-dipendenza fuq proċeduri bbażati fuq il-karta kienet partikolarment inadegwata matul il-pandemija tal-COVID-19 peress li ma kien hemm l-ebda mezz biex tiġi vverifikata u ffaċilitata estensjoni temporanja taċ-ċertifikati. Il-proposti dwar il-kontroll, kemm mill-Istat tal-bandiera kif ukoll mill-Istat tal-port, jipprevedu u jinċentivaw użu akbar ta’ soluzzjonijiet diġitali. Id-Direttiva riveduta dwar l-Istat tal-bandiera għandha l-għan li tiddiġitalizza l-bnadar tal-Istati Membri permezz ta’ reġistri taċ-ċertifikazzjoni elettronika li jikkondividu ċertifikati elettroniċi, filwaqt li tibni fuq soluzzjonijiet tal-IT ibbażati fuq l-EMSA u protokoll tekniku disponibbli b’mod komuni li jippermetti l-interoperabbiltà fil-livell tal-UE.

B’mod parallel, id-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port se tħeġġeġ l-użu ta’ ċertifikati elettroniċi (b’mod partikolari billi torbot l-użu tagħhom mal-profil tar-riskju tal-vapur) u tipprovdi għal għodda komuni tad-data, għodda ta’ validazzjoni u repożitorju fil-livell tal-UE. Il-ħruġ ta’ ċertifikati elettroniċi mill-Istati tal-bandiera (jew minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f’isimhom) se jiġi inċentivat permezz ta’ parametru ġdid miżjud mal-profil tar-riskju tal-vapuri li jippermetti li dawn il-vapuri ċċertifikati jiġu mmirati b’mod inqas frekwenti mill-ispezzjonijiet tal-kontroll mill-Istat tal-port.

L-użu ta’ teknoloġiji eżistenti u ġodda jista’ jgħin ukoll lis-settur jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti se ttejjeb l-effettività tagħha. L-identifikazzjoni ta’ allegati sustanzi niġġiesa se tiġi ffaċilitata mill-kapaċità integrata tad-diversi sistemi ospitati mill-EMSA (osservazzjoni tad-dinja biex jiġi identifikat it-tniġġis - CleanSeaNet 18 , għodda għall-ispezzjoni tal-portijiet - THETIS-EU 19 u sistema għall-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u għall-iskambju ta’ informazzjoni biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ allegati sustanzi niġġiesa - SafeSeaNet 20 ). Ir-rapportar sistematiku tad-data u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mmirata mal-amministrazzjonijiet nazzjonali se jwasslu għal infurzar aħjar, li fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’inqas tniġġis.

L-EMSA diġà għamlet avvanzi sinifikanti fid-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet u tas-servizzi tagħha offruti lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità marittima usa’ matul dawn l-aħħar snin. Is-sistemi u l-għodod diġitali tagħha saru referenza dinjija. Il-mandat tal-Aġenzija se jiġi rivedut biex jirrifletti l-kapaċità diġitali diġà estiża tagħha. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea permezz tas-sett ta’ data li jipprovdi speċifikazzjonijiet komuni għall-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri fil-portijiet u fil-bażi tad-data tal-vapuri li fiha informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-vapur kif ukoll rekords dwar l-eżenzjonijiet għar-rapportar tal-vapuri. L-Aġenzija qiegħda tiżviluppa wkoll kontinwament is-servizzi marittimi integrati tagħha li jappoġġaw is-sorveljanza mill-Istati Membri u minn aġenziji oħrajn tal-UE għal firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta.

Fl-ambitu tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-Aġenzija kisbet kompiti ġodda, bħall-istabbiliment ta’ għodod ta’ konformità għall-EU ETS u r-Regolament FuelEU Maritime, filwaqt li bniet fuq is-sistemi u s-servizzi eżistenti tagħha. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni Konġunta u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE 21 , l-Aġenzija għandha rwol importanti fl-għoti ta’ kapaċità ta’ sorveljanza msaħħa permezz tas-servizzi marittimi integrati tagħha u l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) volontarju kif ukoll assistenza għar-reżiljenza taċ-ċibersigurtà. Il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19 urew il-valur miżjud tal-EMSA li tappoġġa l-isforzi tas-sorveljanza marittima tal-UE, l-ippjanar ta’ kontinġenza, u t-tħejjija għall-kriżijiet u r-rispons għall-avvenimenti marittimi permezz ta’ ċentru ta’ sensibilizzazzjoni marittimu msaħħaħ 24/7. Il-forniment kontinwu ta’ provvista ta’ kwalità għolja ta’ tali servizzi jeħtieġ riżorsi adegwati fl-Aġenzija.

5.Il-promozzjoni tal-fiduċja u l-kooperazzjoni

Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza marittima dejjem ibbażat fuq kooperazzjoni msaħħa bejn l-atturi kollha involuti - il-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE, u l-partijiet ikkonċernati. Dan ġie estiż ukoll maż-żmien għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Fil-fatt, il-fiduċja fis-settur marittimu hija essenzjali, peress li mingħajrha, ma jistax ikun hemm tbaħħir b’sikurezza u ta’ kwalità, u bħala konsegwenza, l-ebda kummerċ bil-baħar.

L-EMSA nħolqot biex tiffaċilita l-ħidma konġunta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-UE biex tiżgura l-ogħla livell ta’ sikurezza fl-ilmijiet tal-UE u tul il-kosta tal-UE. Iż-żjarat tal-EMSA lill-amministrazzjonijiet marittimi jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha fil-verifika li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi applikata u infurzata b’mod adegwat mill-Istati Membri. Dawn jippermettu wkoll il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki kif ukoll tal-isfidi bejn l-Istati Membri. L-attivitajiet u s-servizzi tal-EMSA jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni u jżidu l-kollaborazzjoni kif ukoll il-bini tal-fiduċja fost l-amministrazzjonijiet marittimi fl-Ewropa, mal-pajjiżi ġirien u globalment, b’mod partikolari permezz tal-azzjoni konġunta tal-Istati Membri tal-UE fi ħdan l-OMI.

L-inizjattivi inklużi fil-pakkett marittimu għandhom l-għan li jkomplu japprofondixxu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fost il-partijiet kollha. Id-Direttiva dwar l-Istat tal-bandiera se tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati tal-bandiera dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet, kwistjonijiet ta’ tħassib komuni, is-sorveljanza ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti u kwistjonijiet ta’ konformità tal-Istat tal-bandiera b’mod ġenerali. Dan se jiġi ffaċilitat mis-sistemi ospitati mill-EMSA bħat-THETIS kif ukoll mill-Kummissjoni, li se tistabbilixxi grupp ta’ esperti dedikat.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port se ttejjeb il-koordinazzjoni li hija bbażata l-aktar fuq il-prinċipju tal-kondiviżjoni tal-piż tal-ispezzjoni u l-armonizzazzjoni. L-EMSA se tappoġġa l-implimentazzjoni permezz ta’ programm ġdid u msaħħaħ ta’ żvilupp u taħriġ professjonali (wara l-kwalifika) kemm għall-ispetturi tal-kontroll mill-Istat tal-port kif ukoll għall-ispetturi/għas-surveyors/għall-awdituri tal-Istat tal-bandiera.

Bħal fil-każ tal-kontroll mill-Istat tal-port, id-Direttiva dwar l-investigazzjoni tal-aċċidenti pprovdiet mill-bidu għal qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki. L-EMSA se tkompli żżid l-appoġġ tagħha lill-korpi nazzjonali tal-investigazzjoni tal-aċċidenti billi tagħmel disponibbli grupp ta’ esperti ta’ dixxiplini differenti li fuq talba jistgħu jkunu ta’ servizz. L-Aġenzija se tkun tista’ wkoll issellef għodod u tagħmir speċjalizzati lill-Istati Membri li jeħtieġu appoġġ addizzjonali, b’hekk tippermetti ekonomiji ta’ skala madwar l-UE.

L-EMSA se ttejjeb ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni u fl-infurzar aktar effettiv tad-Direttiva dwar it-tniġġis mill-bastimenti. Nuqqas kbir identifikat fl-evalwazzjoni tad-Direttiva kien in-nuqqas ta’ skambju konsistenti ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert biex jiġi identifikat, ivverifikat, infurzat u ppenalizzat it-tniġġis b’mod effettiv. L-EMSA se tipprovdi għodod ta’ monitoraġġ imtejba għall-iskambju tal-informazzjoni, gwida u taħriġ lill-awtoritajiet responsabbli għall-identifikazzjoni, il-verifika u l-ġbir tal-evidenza. Ir-reviżjoni se tinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ grupp ta’ esperti dedikat biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, se tipprovdi għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ambjentali oħra li tindirizza t-tniġġis tal-arja u tal-ilma kif ukoll ir-riċiklaġġ tal-vapuri.

Il-lista ta’ kompiti assenjati lill-Istati tal-port, tal-bandiera u tal-kosta qed tikber, b’mod partikolari minħabba t-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika, u qed jikbru wkoll il-ħiliet meħtieġa mill-entitajiet responsabbli. Dan qed iseħħ f’kuntest ta’ riżorsi aktar skarsi u aktar imġebbda tal-Istati Membri. B’riżultat ta’ dan, id-domanda għall-gwida, l-assistenza teknika, u l-għarfien espert mill-EMSA se jkomplu jikbru. L-Aġenzija għandu jkollha riżorsi adegwati biex tipprovdi għal din id-domanda akbar.

L-EMSA qed tgħin ukoll dejjem aktar lill-Kummissjoni tippromwovi soluzzjonijiet u standards tal-UE globalment. Eżempju wieħed bħal dan huwa kif il-qafas robust għall-kontroll mill-Istat tal-port żviluppat fl-UE sar referenza dinjija. Il-kooperazzjoni żviluppat bejn l-EMSA u Memoranda ta’ Qbil reġjonali oħra għall-kontroll mill-Istat tal-port bħall-MtQ ta’ Tokjo u l-MtQ tal-Mediterran fejn id-data dwar l-ispezzjonijiet hija kondiviża bejn l-MtQ. Minbarra l-ħidma tagħha mal-MtQ ta’ Pariġi, l-EMSA tiġġestixxi l-bażi tad-data tar-rapportar dwar l-immirar u l-ispezzjoni għall-MtQ tal-Mediterran.

Permezz tal-appoġġ tekniku tagħha, l-EMSA tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-UE fi ħdan l-OMI u tippromwovi l-kooperazzjoni globali biex jittejjeb it-tbaħħir sikur, nadif u modern. L-assistenza esterna ad hoc tista’ tiġi pprovduta lill-amministrazzjonijiet marittimi ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li tibni fuq il-portafoll tal-aġenzija tas-servizzi tal-bini tal-kapaċità. Tali assistenza, diġà permanenti għall-pajjiżi ġirien u kandidati, se tiġi ffaċilitata skont il-mandat rivedut.

6.Konklużjoni

Il-qafas tas-sikurezza marittima tal-UE jipprevedi tbaħħir ta’ kwalità fl-ilmijiet tal-UE, li jipproteġi l-kummerċ u l-passiġġieri, iċ-ċittadini b’mod ġenerali kif ukoll l-ambjent, jappoġġa s-suq uniku u jagħti spinta lir-rwol internazzjonali ewlieni tal-UE u lill-awtonomija strateġika. Il-politika marittima tal-UE ssaħħaħ il-kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri tal-UE filwaqt li tqis il-ħtieġa għall-protezzjoni tal-kompetittività tal-industrija tagħna u tal-interessi tal-UE globalment. Ċerta leġiżlazzjoni tal-UE tinfluwenza s-sikurezza marittima madwar id-dinja, pereżempju liġijiet tal-UE dwar standards minimi għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti u dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara. Barra minn hekk, permezz tal-għarfien espert, l-esperjenza u l-ambizzjoni politika tagħha, l-UE għandha rwol ewlieni fl-OMI, u tgħin lill-organizzazzjoni twettaq standards ogħla ta’ sikurezza u ambjentali.

Is-settur marittimu jinsab f’punt ta’ bidla. Dan is-settur beda trasformazzjoni kbira biex iżid is-sostenibbiltà ambjentali tiegħu u biex jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE kienet proattiva permezz tal-pakkett tagħha “lesti għall-mira ta’ 55 %” u kompliet bl-isforzi fi ħdan l-OMI biex tiżgura li t-tbaħħir globalment jagħti s-sehem ġust tiegħu fl-isforzi tagħna ta’ mitigazzjoni u tnaqqis tat-tniġġis tal-klima. It-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi ambjentali internazzjonali huwa ta’ importanza kbira billi jiġu adattati r-regoli dwar il-konformità u l-obbligazzjonijiet għall-imġiba illegali u t-tniġġis. Id-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunità enormi għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sostenibbiltà, iżda jeħtieġ li din tiġi sfruttata bis-sħiħ. Il-prospett ta’ vapuri awtonomi u ta’ sistemi intelliġenti jeħtieġ it-tħejjija, l-ittestjar, l-aġġornamenti regolatorji, u t-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza, tax-xogħol u tal-għajxien tal-baħħara u tal-ħaddiema tat-trasport marittimu b’mod ġenerali jeħtieġu wkoll aktar attenzjoni.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-ambjent ġeopolitiku l-ġdid wara l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzaw il-ħtieġa għal u l-benefiċċji ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati inġenerali. Li jkun hemm qafas robust tal-UE dwar is-sikurezza marittima stabbilit u EMSA mgħammra b’riżorsi jiffaċilita u jtejjeb tali kooperazzjoni u jgħin lill-amministrazzjonijiet marittimi tal-UE jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom. Fl-istess ħin, dan se jikkontribwixxi għal Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja, filwaqt li jsaħħaħ il-vuċi tal-UE fl-OMI u f’fora internazzjonali oħra.

Il-Kummissjoni tistieden lil-leġiżlaturi tal-UE biex jadottaw malajr l-inizjattivi leġiżlattivi inklużi f’dan il-pakkett sabiex jappoġġaw it-tbaħħir tal-UE ta’ kwalità għolja, nadif u modern.

(1)

L-aċċident ta’ MV Erika fl-1999, Franza (20 000 tunnellata ta’ żejt), l-aċċident ta’ MV Prestige fl-2002, Spanja (63 000 tunnellata ta’ żejt).

(2)

EMSA Annual Overview of Marine Casualties and Incidents, Il-Pjattaforma Ewropea ta’ Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar EMCIP

(3)

  Partnership - waterborne.eu

(4)

https://transport.ec.europa.eu/system/files/2021-04/2021-mobility-strategy-and-action-plan.pdf

(5)

COM(2019)640, COM/2021/400 final

(6)

COM(2021) 562 final – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

(7)

 COM(2021) 551 final - Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni

(8)

Id-Direttiva 2013/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ċerti responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-konformità mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 u l-infurzar tagħha, (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 1).

(9)

U permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port għall-parti tal-infurzar mill-istat tal-port - id-Direttiva 2013/38/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 1).

(10)

  www.parismou.org  

(11)

Wara l-invażjoni tal-Ukrajna, is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fil-MtQ ta’ Pariġi ġiet sospiża f’Mejju 2022.

(12)

Is-sitt wieħed ikopri l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u huwa parzjalment diġà kopert mil-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttiva dwar il-Kubrit) jew se jitqies aktar tard u huwa soġġett għal klawżola ta’ rieżami fid-direttiva riveduta dwar it-tniġġis mill-bastimenti (NOx, skart tal-baħar u storbju taħt l-ilma).

(13)

Id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tirrevoka d-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116).

(14)

   Rail and waterborne - best for low-carbon motorised transport, Studju mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2021

(15)

 Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttiva 2008/99/KE - COM/2021/851 final

(16)

Sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod

(17)

Il-modulu Thetis-MRV - https://www.emsa.europa.eu/tackling-air-emissions/greenhouse-gas.html

(18)

  Servizzi bbażati fuq is-Satelliti - CleanSeaNet service - EMSA - L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (europa.eu)

(19)

  THETIS EU - EMSA - L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (europa.eu)

(20)

  SafeSeaNet - EMSA - L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (europa.eu)

(21)

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aġġornament tal-Istrateġija dwar l-aġġornament tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE u tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Strateġija mtejba għas-Sigurtà Marittima kontra tħeddidiet marittimi li qegħdin jevolvu”, JOIN(2023) 8