Brussell, 17.5.2023

COM(2023) 257 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Riforma doganali: Inwasslu lill-Unjoni Doganali għall-livell li jmiss


1. Introduzzjoni

Wasal iż-żmien li l-Unjoni Doganali tittieħed għal-livell li jmiss, u tiġi mgħammra b’qafas aktar b’saħħtu li jippermettilna nipproteġu aħjar liċ-ċittadini tagħna u lis-Suq Uniku tagħna. Se nipproponi pakkett ambizzjuż għal approċċ Ewropew integrat biex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju doganali u jiġu appoġġati l-kontrolli effettivi mill-Istati Membri. Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Lulju 2019 1 .

L-Unjoni Doganali hija tabilħaqq storja ta’ suċċess tal-integrazzjoni u tal-prosperità Ewropea: l-Unjoni Ewropea tibbenefika bil-kbir mill-fatt li hija konnessa mal-bqija tad-dinja permezz tal-kummerċ internazzjonali, filwaqt li l-merkanzija tista’ tiċċaqlaq liberament fis-Suq Uniku tal-UE, l-akbar żona ta’ suq uniku integrata fid-dinja 2 . Fl-2021, il-valur tal-kummerċ tal-UE ma’ pajjiżi oħra ammonta għal EUR 4,3 triljun, u dan jammonta għal 14 % tal-kummerċ dinji, filwaqt li sa 56 miljun impjieg fl-UE huma dipendenti fuq il-kummerċ intra-UE 3 .

Id-dwana hija l-gwardjan tal-fruntiera esterna tal-UE għall-merkanzija u għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista tagħna. Id-dwana tissorvelja l-merkanzija kollha li tidħol jew li titlaq mill-Unjoni Doganali, 24 siegħa kuljum u 365 jum fis-sena, tipproċessa 691,5 miljun dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, 17,5-il miljun moviment ta’ tranżitu, u 486,3 miljun dikjarazzjoni tal-esportazzjoni fl-2021 4 . Id-dwana tidentifika r-riskji, abbażi tal-kummerċ u tal-intelligence tas-sigurtà u twettaq kontrolli biex tiżgura li r-regoli tal-UE jiġu infurzati. Fl-2021, id-dwana ġabret aktar minn EUR 50 biljun fis-sena f’taxxi u madwar EUR 25 biljun f’dazji doganali. 75 % tad-dazji miġbura jmorru għall-finanzjament tal-baġit tal-UE, li jirrappreżenta 8 % tad-dħul tal-baġit tal-UE. Fi żmien meta l-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-investiment pubbliku żdiedu, huwa ta’ importanza strateġika li d-dwana fl-UE tiġi mgħammra bl-għodod biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, it-tariffi doganali u miżuri kummerċjali oħra jipproteġu lill-UE kontra prattiki kummerċjali inġusti. Ir-rwol tad-dwana fil-protezzjoni tal-UE qed imur dejjem aktar lil hinn mit-tariffi, bl-infurzar ta’, flimkien ma’ awtoritajiet oħra, standards eż., dwar is-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà, u s-sikurezza, speċjalment permezz ta’ projbizzjonijiet u restrizzjonijiet 5 , pereżempju t-traffikar ta’ drogi u ta’ armi tan-nar illegali.

Il-bidu tas-snin 2020 ġie mmarkat minn bidliet kbar fil-pajsaġġ ġeopolitiku li wasslu għal interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista globali, filwaqt enfasizzaw mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE tidentifika u tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi tagħha. Dan għandu jsir permezz ta’ taħlita ta’ miżuri, kif stabbilit fil-Pjan Industrijali Ekoloġiku tal-UE 6 . Biex in-negozji tal-UE jirnexxu f’din l-era l-ġdida u biex iżommu u jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ produzzjoni fi ħdan is-Suq Uniku, b’mod partikolari fl-industriji kritiċi, huwa kruċjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi ma’ produtturi mhux tal-UE. Il-kompetizzjoni internazzjonali tista’ taħdem biss għall-benefiċċju reċiproku tas-sħab kummerċjali meta r-regoli jiġu applikati u infurzati. L-indirizzar ta’ metodi inġusti ta’ kompetizzjoni u ta’ produzzjoni li jimminaw l-istandards tas-saħħa, tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-UE jew jisfruttaw l-ambjent jew ix-xogħol furzat, huwa ta’ benefiċċju għall-UE u għas-sħab kummerċjali tagħha.

Unjoni Doganali li tiffunzjona tajjeb hija għalhekk fundamentali għall-kompetittività, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-UE. Unjoni Doganali riformata u msaħħa se tippreserva l-integrità tas-Suq Uniku, u b’hekk tgħin biex iżżomm il-kompetittività tal-UE fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji. Dan ifisser li l-monitoraġġ u l-kontroll effettivi tal-ktajjen tal-provvista għall-merkanzija fil-fruntiera esterna tal-UE huma, aktar minn qatt qabel, ta’ importanza strateġika għall-UE.

2. Id-dwana fi tranżizzjoni u taħt pressjoni

Id-Dwana Ewropea għadha ma tiffunzjonax bħala “ħaġa waħda”. Dan iħalli lill-Unjoni Doganali f’idejn l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha. Il-bidliet inkrementali introdotti matul is-snin kienu meħtieġa […]. Madankollu, f’dinja li qed tinbidel malajr, dawn ma humiex biżżejjed biex tiġi indirizzata l-iskala tal-isfidi li tiffaċċja d-Dwana. L-Unjoni Doganali ma hijiex “adegwata għall-użu” Grupp ta’ Persuni Għorrief dwar il-futur tad-dwana 7  

Matul il-kriżijiet riċenti, u minkejja l-limitazzjonijiet tal-qafas attwali, id-dwana irnexxielha tikseb riżultati u malajr. Id-dwana kellha rwol essenzjali fir-rispons koordinat u b’saħħtu tal-UE għall-invażjoni Russa mhux provokata tal-Ukrajna: mill-infurzar tal-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni - inkluż fuq l-użu doppju u l-merkanzija militari - u l-kontrolli fuq l-importazzjoni, għall-appoġġ tal-għajnuna umanitarja permezz ta’ eżenzjonijiet mid-dazju u korsiji ħodor. Dan seħħ biss sena wara r-rwol deċiżiv tad-dwana matul il-pandemija tal-COVID-19 fil-monitoraġġ tat-tranżitu ta’ vaċċini u ta’ tagħmir mediku li jsalvaw il-ħajja, filwaqt li adattat għat-tfixkil u ċ-ċaqliq tal-ktajjen tal-provvista globali. Fl-istess ħin, it-tmiem tal-perjodu tranżitorju wara t-tluq tar-Renju Unit mill-UE effettivament biddel il-konfini tal-Unjoni Doganali fl-2021; sfida tremenda li d-dwana rnexxielha tiġġestixxi b’suċċess.

Madankollu, dawn il-kriżijiet enfasizzaw ukoll il-ħtieġa inkontestabbli għal modernizzazzjoni strutturali biex id-Dwana tal-UE ssir kapaċità strateġika tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-Regolament tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) kurrenti 8 u l-qafas ta’ governanza li jirriżulta minnu, il-leġiżlazzjoni doganali u t-tariffi komuni huma kompetenza esklużiva tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni, l-aktar importanti permezz tat-twettiq tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kontrolli fil-prattika. Skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), din l-istruttura twassal għal diskrepanzi sostanzjali u fil-biċċa l-kbira mhux mixtieqa fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali madwar l-Istati Membri, li ddgħajjef l-Unjoni Doganali, tfixkel l-interess finanzjarju tal-UE u tippermetti lill-operaturi mhux konformi [biex] jimmiraw lejn punti ta’ dħul tal-UE b’livelli aktar baxxi ta’ kontrolli 9 . Dawn l-istess dgħufijiet u lakuni huma sfruttati wkoll minn kummerċ mhux konformi u minn operazzjonijiet kriminali organizzati, li jimminaw is-sigurtà tal-UE u l-integrità tas-Suq Uniku. Studji indipendenti juru b’mod konsistenti r-rati għoljin ta’ nonkonformità tal-prodotti importati f’setturi differenti tal-manifattura, bħas-sustanzi kimiċi 10 u l-ġugarelli 11 . Il-prodotti mhux konformi li jidħlu fl-UE jfixklu l-kompetittività ta’ negozji konformi u joħolqu riskji serji għas-saħħa u l-ħajja tal-konsumaturi tal-UE, b’korrimenti relatati mal-prodott u mwiet prematuri li jikkawżaw uġigħ bla qies għal dawk affettwati. Rapport riċenti sab li 95 % tal-prodotti mibjugħin permezz ta’ postijiet tas-suq online ma humiex konformi mal-liġijiet dwar is-sustanzi kimiċi b’modi differenti 12 . F’dan ir-rigward, il-kostijiet tas-soċjetà huma stmati li jlaħħqu EUR 76,6 biljun fis-sena 13 .

Id-dwana qed tkun dejjem aktar mgħobbija b’firxa dejjem akbar ta’ kompiti. F’dawn l-aħħar snin, l-UE qablet fuq għadd sinifikanti ta’ leġiżlazzjoni ambizzjuża ħafna li tistabbilixxi standards ambjentali, ta’ sikurezza, ta’ saħħa, soċjali u diġitali li jsawru l-mod kif in-negozji joperaw fi ħdan u lil hinn mis-Suq Uniku. Eżempji reċenti jinkludu r-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti aġġornat 14 , ir-Regolament biex tiġi mminimizzata d-deforestazzjoni xprunata mill-UE 15 , ir-Regolament biex jiġu pprojbiti prodotti magħmulin b’xogħol furzat 16 , il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri tal-UE 17 u l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà 18 . Sal-lum, il-merkanzija jeħtieġ li tikkonforma ma’ aktar minn 370 biċċa mil-leġiżlazzjoni tal-UE li d-dwana għandha d-dmir li tinforza. Iż-żieda kostanti tal-kompiti relatati mal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet, irriżultat fi pressjoni sinifikanti fuq id-dwana. Barra minn hekk, mingħajr superviżjoni ċentrali tal-katina tal-provvista, l-UE ma għandhiex viżibbiltà sħiħa u kontroll sħiħ fuq liema merkanzija tidħol u toħroġ mis-Suq Uniku. Dan idgħajjef mhux biss il-kredibbiltà tal-politiki settorjali tal-UE, iżda jillimita wkoll is-setgħa tal-UE bħala attur ġeopolitiku.

Din l-isfida hija intensifikata minn żieda drastika fil-volumi tal-kummerċ, xprunata fil-biċċa l-kbira mit-tkabbir straordinarju tal-kummerċ elettroniku li jiġġenera għadd esponenzjali ta’ pakketti żgħar ta’ merkanzija ta’ valur baxx. Ir-riforma tal-VAT tal-2017 dwar il-kummerċ elettroniku, li kellha l-għan li twieġeb għat-tkabbir qawwi tal-kummerċ elettroniku, introduċiet diversi simplifikazzjonijiet għall-ġbir tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku u neħħiet l-eżenzjoni mill-VAT fuq il-merkanzija importata 19 . Filwaqt li r-riforma ma neħħietx l-eżenzjoni mid-dazju doganali ta’ EUR 150, hija introduċiet l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali elettronika, u dan wassal għal biljun dikjarazzjoni doganali addizzjonali fl-2022, minbarra d-dikjarazzjoni doganali standard, li diġà rduppjat kważi minn 376,8 miljun oġġett fl-2019 għal 691,5 miljun oġġett fl-2021. Barra minn hekk, iż-żamma tal-eżenzjoni mid-dazju doganali għall-merkanzija sa EUR 150 ħalliet lok għall-abbuż sistematiku ta’ dak il-limitu permezz ta’ sottovalutazzjoni u qsim tal-kunsinni. Madwar 65 % tal-kunsinni tal-kummerċ elettroniku huma sottovalutati 20 bil-għan li jevitaw id-dazji doganali, filwaqt li l-istudji jissuġġerixxu li 66 % tal-prodotti mixtrija online ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE 21 . Fl-aħħar nett, id-differenza bejn il-VAT u t-trattament doganali tal-merkanzija tal-kummerċ elettroniku tagħmel is-sistema kumplessa għall-partijiet involuti. Illum, id-dwana ma għandhiex il-mezzi biex tinforza b’mod xieraq ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali dwar il-kummerċ elettroniku transfruntier. Jeħtieġ li jkun hemm reġim doganali mfassal apposta għall-kummerċ elettroniku.

Ir-Riforma Doganali tal-2013 li tistabbilixxi l-KDU, fis-seħħ minn Mejju 2016, mexxiet lid-Dwana tal-UE lejn ambjent mingħajr karti, integrat u kompletament elettroniku. L-implimentazzjoni tal-IT tar-riforma għadha għaddejja u se titlesta sal-aħħar tal-2025. Din tiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi eżistenti mingħajr ma tibdel il-prinċipji sottostanti. Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-Komunikazzjoni “L-Unjoni Doganali tittieħed għall-Livell li Jmiss: Pjan ta’ Azzjoni” 22 , li ġiet appoġġata ferm mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru 2020, it-tlestija kontinwa tal-implimentazzjoni tal-KDU hija meħtieġa iżda ma hijiex biżżejjed biex tindirizza l-isfidi emerġenti. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza li s-sistemi tal-IT Doganali jiġu diġitalizzati bis-sħiħ sal-2025 iżda talab għal riforma ulterjuri biex il-KDU jittejjeb u biex jiġi adattat, b’mod partikolari biex jindirizza “l-isfidi u r-riskji li jirriżultaw mill-kummerċ elettroniku” 23 . L-approċċ attwali tal-konnessjoni tas-sistemi tal-IT nazzjonali fil-livell tal-UE qed jilħaq il-limitu tiegħu. Mhux biss il-fatt li l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ 27+1 sistema tal-IT, u biex il-kummerċ jiġi konness ma’ sistemi nazzjonali differenti huwa għali, iżda l-veloċità tal-adattament għall-bidla qed issir bil-mod u d-data doganali tibqa’ frammentata.

3. Il-livell li jmiss – prinċipji u karatteristiċi ewlenin tar-riforma

Biex iġġib bidla gradwali fl-Unjoni Doganali li se tibqa’ valida matul fid-deċennji li ġejjin, il-Kummissjoni issa ressqet l-aktar riforma ambizzjuża u komprensiva tal-Unjoni Doganali mit-twelid tagħha fl-1968, ibbażata fuq tliet prinċipji ewlenin:

1.Unjoni Doganali effiċjenti bi proċeduri doganali ssimplifikati u modernizzati, sabiex in-negozji leġittimi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali b’ċertezza li l-kompetituri tagħhom isegwu huma wkoll il-firxa wiesgħa ta’ regoli infurzati taħt il-qafas doganali, irrispettivament minn fejn il-merkanzija tidħol fl-UE.

2.Unjoni Doganali ġeopolitika, li kapaċi tiddefendi aħjar l-interess finanzjarju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif ukoll is-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa, l-interessi u l-valuri ekonomiċi jew ambjentali tal-UE, biex tikkoordina r-restrizzjonijiet kummerċjali u ssawwar il-kooperazzjoni doganali internazzjonali, billi tiġbor flimkien il-kompetenza u l-għarfien espert fil-livell ċentrali fl-Awtorità Doganali tal-UE.

3.Unjoni Doganali aġli u reżistenti għall-futur, li tadatta b’mod flessibbli għall-bidliet fil-ktajjen tal-provvista, kemm jekk għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji fid-deċennju li għaddej, kif ukoll għall-iżviluppi futuri fil-ġestjoni tal-katina tal-provvista. Dan se jiġi appoġġat mill-Pjattaforma tad-Data Doganali l-ġdid tal-UE li huwa mfassal biex jevolvi b’rekwiżiti ġodda fl-operazzjonijiet doganali matul iż-żmien, għall-kuntrarju tas-sistemi tal-IT tradizzjonali li huma mibnija għal proċessi u għal skopijiet speċifiċi biss.

Kaxxa 1: Ir-riforma Doganali fil-qosor

Din ir-riforma tfittex li tistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni aktar kosteffiċjenti u kosteffettiv li jirregola l-Unjoni Doganali, ibbażat fuq sħubija ġdida bejn l-awtoritajiet doganali tal-UE u bejn id-dwana u n-negozju, b’żewġ objettivi ġenerali:

(I)It-tnaqqis tal-kostijiet ta’ konformità għall-amministrazzjonijiet u n-negozji permezz ta’ proċeduri simplifikati u modernizzati (Kapitolu 4)

(II)Id-Dwana tal-UE tiġi permessa tipproteġi aħjar l-interess finanzjarju u mhux finanzjarju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif ukoll tas-Suq Uniku , abbażi ta’ ġestjoni tar-riskju komuni u madwar l-UE kollha u kontrolli aktar armonizzati (Kapitolu 5)

Dawn iż-żewġ objettivi huma marbutin b’mod inerenti: Aktar ma jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ kontroll; aktar proċeduri jistgħu jiġu ssimplifikati. Aktar ma jiġu ssimplifikati l-proċeduri, aktar ikunu jistgħu jiżdiedu riżorsi biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu. Sabiex twettaq din l-ambizzjoni, ir-riforma tipproponi li jiġu stabbiliti żewġ faċilitaturi ewlenin: l-Awtorità Doganali tal-UE u l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.

Il-funzjoni ewlenija tal-Awtorità Doganali tal-UE (ara wkoll il-Kaxxa 5) se tkun li tiġbor flimkien l-għarfien espert u l-kompetenzi li bħalissa huma mifruxa madwar l-UE, biex tmexxi, tikkoordina u tappoġġa lill-awtoritajiet doganali nazzjonali fl-UE. Dan se jippermetti superviżjoni msaħħa tal-katina tal-provvista, bl-awtoritajiet doganali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali “jaġixxu bħala parti waħda” fir-rigward tal-kontroll tal-fruntiera esterna tal-UE għall-merkanzija.

Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE l-ġdid (ara wkoll il-Kaxxa 3) se jkun il-wiċċ u l-magna tal-Unjoni Doganali u prerekwiżit għat-tisħiħ tas-superviżjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri. Maż-żmien se jintegra u se jissostitwixxi l-infrastruttura eżistenti tal-IT Doganali u fl-istess ħin se jtejjeb l-interoperabbiltà ma’ oqsma ta’ politika relatati (ara wkoll il-Kapitolu 6). B’hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha se jiffrankaw il-biljuni fil-kostijiet tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tal-IT kull sena meta mqabbla mal-istatus quo 24 .

In-negozjanti se jaraw tnaqqis annwali fil-kostijiet tal-konformità ta’ madwar EUR 2,7 biljun fis-sena minħabba l-proċeduri simplifikati. Barra minn hekk, ir-riforma se tiżgura diversi biljuni ta’ dħul pubbliku addizzjonali fl-UE, billi tnaqqas il-frodi fiskali u doganali u tindirizza sottovalwazzjoni. Ir-reġim tal-kummerċ elettroniku mfassal apposta se jipprovdi wkoll dħul addizzjonali, stmat għal EUR 1 biljun fis-sena.

4. Proċeduri doganali aktar sempliċi – Sħubija ġdida bejn id-dwana u n-negozju

Ir-riforma tkopri tliet saffi ta’ simplifikazzjonijiet: L-ewwel sett ta’ miżuri se jnaqqas il-formalitajiet għan-negozjanti kollha, iżda mingħajr ma jnaqqas il-kapaċitajiet ta’ kontroll tad-dwana. It-tieni sett ta’ simplifikazzjonijiet se jkun applikabbli biss għal grupp magħżul ta’ “operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)”, li jibni fuq u jtejjeb il-kunċett eżistenti ta’ Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) 25 . Fl-aħħar nett, ir-riforma se tistabbilixxi reġim doganali mfassal apposta għall-kummerċ elettroniku, biex inaqqas il-kostijiet ta’ konformità marbuta mal-ipproċessar tal-kummerċ elettroniku u jistabbilixxi trasparenza sħiħa għall-konsumaturi. It-trasparenza hija l-prinċipju gwida ġenerali ta’ din ir-riforma: aktar ma n-negozjanti jkunu trasparenti mad-dwana dwar il-ktajjen tal-provvista tagħhom, inqas ma jkun hemm bżonn ta’ interferenza fil-prattika. Dan jirrappreżenta bidla fundamentali fir-relazzjoni bejn id-dwana u n-negozju li se tnaqqas il-formalitajiet amministrattivi u l-burokrazija bla bżonn filwaqt li tagħti spinta lill-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskju.

Kaxxa 2: Simplifikazzjonijiet maġġuri għan-negozji u għall-awtoritajiet

Is-simplifikazzjonijiet ewlenin ta’ din ir-riforma jinkludu:

·Interfaċċa unika tal-UE. Id-data doganali se jkollha tiġi sottomessa biss lill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, għall-kuntrarju ta’ interfaċċi multipli mill-111-il sistema separata fis-seħħ madwar l-UE llum. Minħabba li l-informazzjoni tinkiseb minn data stabbli dwar il-katina tal-provvista, id-dokumenti ta’ sostenn jeħtieġ li jiġu sottomessi darba biss għal kunsinni multipli. L-obbligu li jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet standardizzati se jitneħħa u se jiġi sostitwit bl-obbligu li l-atturi rilevanti jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti fil-ħin. B’dan il-mod, il-merkanzija konformi tista’ tgħaddi mingħajr l-ebda intervent doganali 26 .

·Punt Uniku ta’ Servizz Doganali. L-Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika) tan-negozjanti se jkollhom amministrazzjoni doganali waħda bħala sieħeb waqt li joperaw madwar l-UE. Minflok ma jkollhom x’jaqsmu ma’ 27 amministrazzjoni doganali nazzjonali bi prattiki differenti, in-negozjanti se jagħmlu skambju ma’ amministrazzjoni doganali waħda fil-post tal-istabbiliment tagħhom, iffaċilitata mill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Dan l-approċċ jista’ jiġi estiż għan-negozjanti kollha wara rieżami bir-reqqa fl-2035.

·Proċessi tal-importazzjoni tal-kummerċ elettroniku aktar sempliċi u trasparenti. Il-pjattaformi se jitqiesu bħala l-importaturi tal-merkanzija li jbigħu u jridu jirrapportaw dak il-bejgħ lid-dwana. Dan se jiżgura trasparenza sħiħa għaċ-ċittadini tal-UE, li ma għadhomx jirriskjaw li jiffaċċjaw tariffi ta’ konformità mhux mistennija mill-operaturi postali jew dawk express.

·Metodu ssimplifikat ta’ 4 kategoriji biex jiġu kkalkolati d-dazji għal merkanzija ta’ valur baxx. Ir-riforma se tintroduċi sistema ġdida għal kunsinni ta’ valur baxx li tissimplifika b’mod sostanzjali l-klassifikazzjoni u l-valwazzjoni ta’ merkanzija ta’ valur baxx, mingħajr ma toħloq lakuni għall-frodi. Din se tippermetti t-tneħħija tal-eżenzjoni mid-dazju doganali għal merkanzija li tiswa sa EUR 150, li bħalissa hija sors ta’ frodi doganali u tal-VAT.

Il-proċessi doganali jirriflettu r-realtà kumplessa tal-kummerċ internazzjonali, li jinvolvi għadd kbir ta’ atturi bħall-fornituri, in-negozjanti, it-trasportaturi u l-fornituri tas-servizzi. Illum, l-informazzjoni tinġabar f’dikjarazzjonijiet multipli għal kull kunsinna ta’ merkanzija irrispettivament mid-daqs tagħha, u fi stadji differenti: qabel id-dħul jew il-ħruġ, mal-wasla, għal ħażna temporanja u għat-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura doganali. Id-dikjaranti jeħtieġ li jkunu familjari ma’ 27 ambjent nazzjonali differenti tal-IT. Jista’ jkun li jkollhom bżonn jipprovdu wkoll dokumenti ta’ sostenn relatati mal-oriġini jew mal-manifattura ta’ merkanzija skont in-natura tagħha, bħal meta l-produzzjoni tagħha tista’ tkun f’riskju li tikser il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-projbizzjoni u r-restrizzjoni (eż., il-ġeolokalizzazzjoni tal-foresta fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni jew informazzjoni dwar il-manifatturi kkundannati għax-xogħol furzat). Il-formalitajiet u d-diversi proċessi għandhom spejjeż amministrattivi u għandhom kost għan-negozju.

Fl-istess ħin, id-dwana tista’ tinforza biss ir-regoli meta tkun taf minn qabel liema merkanzija qed titlaq jew qed tasal u tista’ tiddeċiedi jekk u fejn huma meħtieġa l-interventi u l-kontrolli. F’dinja ideali, il-proċeduri għal flussi kummerċjali konformi għalhekk ikunu sempliċi, aċċessibbli u awtomatizzati bis-sħiħ. Id-dwana mbagħad tkun tista’ tiffoka r-riżorsi tagħha biex timmira r-riskji aħjar u twettaq kontrolli bl-inqas mod li jkun ta’ tfixkil. Biex dan iseħħ, l-attenzjoni tad-dwana trid tinbidel minn fokus fuq il-konformità tal-proċess tal-kunsinni individwali, lejn fokus fuq il-problemi u r-riskji tal-ktajjen tal-provvista ġenerali, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom. Għalhekk, din ir-riforma doganali se ssaħħaħ il-kapaċità tad-dwana li tissorvelja l-ktajjen tal-provvista u tintervjeni, fejn meħtieġ (ara wkoll il-Kapitolu 5). L-interoperabbiltà ma’ bażijiet tad-data rilevanti oħra, li jippermettu rabtiet bħal dawk bejn it-Tieqa Unika Doganali għall-iskambju taċ-ċertifikati u r-reġistru tal-Passaport Diġitali tal-Prodotti 27 , se tkun strumentali fl-iffaċilitar tal-kontrolli doganali u tal-infurzar billi tipprovdi informazzjoni standardizzata f’forma elettronika.

Kaxxa 3: Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE - inħaddnu r-rivoluzzjoni tad-data industrijali

Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jkun il-wiċċ u l-magna tal-Unjoni Doganali. Dan se jiġbor, jipproċessa, jikkonnettja u jaħżen id-data rilevanti kollha, u b’hekk jiddefinixxi mill-ġdid il-mod li bih tiġi pprovduta l-informazzjoni, li tintuża għas-superviżjoni doganali u li tiġi kondiviża mal-awtoritajiet sħab. Se jmexxi wkoll analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE huwa faċilitatur ewlieni u prerekwiżit għal:

·Il-proċeduri ssimplifikati u t-tnaqqis fil-kostijiet tal-konformità kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtoritajiet bl-istess mod. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta lid-dwana b’konnessjoni diretta mal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, minflok ma’ diversi sistemi nazzjonali. Dan jippermetti filing multiplu u tista’ tiġi pprovduta informazzjoni stabbli darba u terġa’ tintuża għall-importazzjonijiet jew għall-esportazzjonijiet sussegwenti.

·Analiżi tar-riskju komuni u madwar l-UE kollha li tirfed ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, ibbażata fuq data ċentralizzata, li b’mod aktar effiċjenti u effettiv tipproteġi l-fruntiera esterna tal-UE għall-merkanzija (il-Kapitolu 5). L-informazzjoni pprovduta lill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se tintuża għall-analiżi tar-riskju tal-UE u nazzjonali. Lil hinn mill-Awtorità Doganali tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni, l-OLAF, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), u taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Europol u l-Frontex, se jkollhom aċċess għall-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, u dan isaħħaħ b’mod sostanzjali l-kapaċitajiet analitiċi tagħhom. Dan jippermetti ħarsa ġenerali madwar l-UE tar-riskji u jfisser li r-riskji jistgħu jiġu indirizzati madwar l-UE kollha, irrispettivament mill-post fejn tidħol il-merkanzija, u b’hekk jappoġġa l-ġestjoni tar-riskju tal-UE u dik nazzjonali.

4.1 Simplifikazzjonijiet għan-negozjanti kollha

Fis-sistema attwali, il-formalitajiet doganali normalment jieħu ħsiebhom dikjarant, li mhux neċessarjament ikun l-importatur jew l-esportatur. Fis-sistema l-ġdida, kull kunsinna waħda se tkun marbuta ma’ operatur wieħed, li se jkun responsabbli għall-konformità mal-pagamenti tad-dazju u mar-regoli dwar il-prodotti. L-importaturi u l-esportaturi se jkunu responsabbli għall-ħlas tad-dazji u tat-taxxi applikabbli u biex jiżguraw il-konformità mad-diversi rekwiżiti proċedurali u leġiżlattivi.

F’din is-sħubija ġdida innovattiva, in-negozji se jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni li normalment ikollhom jipprovdu lid-dwana dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tagħhom direttament permezz ta’ interfaċċa tal-IT waħda – il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Atturi differenti involuti fil-moviment tal-merkanzija, bħat-trasportaturi jew l-operaturi tal-imħażen, se jdaħħlu wkoll l-elementi tad-data rilevanti tagħhom permezz tal-għodda l-ġdida. Se ssir enfasi fuq il-ġbir ta’ data diretta minn sistemi ta’ negozju u kummerċjali, pjattaformi tal-web u sorsi oħra bi tnaqqis komplementari fuq id-dipendenza fuq data ta’ partijiet terzi u fil-proċessi doganali b’mod ġenerali. Informazzjoni stabbli dwar il-ktajjen tal-provvista li ma hijiex mistennija li tinbidel fit-terminu qasir tista’ tiġi pprovduta darba u tintuża mill-ġdid għall-importazzjonijiet jew għal esportazzjonijiet sussegwenti. Maż-żmien, din se tiżviluppa f’ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-katina tal-provvista u l-attivitajiet tan-negozji.

Din is-sħubija ma toħloq l-ebda lakuna ġdida li l-attivitajiet kriminali jistgħu jisfruttaw: id-dwana se jkollha l-informazzjoni kollha li teħtieġ f’ħin reali dwar liema merkanzija tkun se tasal u meta (ara wkoll il-Kapitolu 5). L-analiżi tar-riskju doganali se tissaħħaħ bil-ġbir ta’ data aħjar dwar il-katina tal-provvista u bl-introduzzjoni ta’ analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera u li, taħt ċerti kundizzjonijiet, tista’ tikkontribwixxi għall-analiżi tal-valutazzjoni tat-theddid żviluppata minn aġenziji oħra tal-Unjoni, inklużi l-Europol u l-Frontex, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom. Id-dwana se jkollha perspettiva tal-ktajjen tal-kummerċ u tal-provvista li għaddejjin. Flimkien mal-awtoritajiet sħab, tista’ tintervjeni fi kwalunkwe kunsinna skont l-analiżi tar-riskju tagħha qabel it-tagħbija, mad-dħul, matul it-trasport jew fid-destinazzjoni.

4.2 Simplifikazzjonijiet għall-“Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)”

Grupp żgħir ta’ “Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)” magħżula se jibbenefika minn simplifikazzjonijiet saħansitra akbar li jnaqqsu l-burokrazija u l-formalitajiet għall-minimu 28 . Il-flussi kummerċjali trasparenti se jkunu jistgħu jiċċaqilqu permezz ta’ “korsiji ħodor” mingħajr interazzjoni doganali formali u mingħajr piż amministrattiv, filwaqt li d-dwana se titlob kontroll biss jekk ikun meħtieġ. Il-kunċett ta’ “Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)” jibni fuq l-istatus attwali tal-AEO filwaqt li jaġġornah u jsaħħu. Bħall-AEOs, l-“Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)” se jkollhom jikkonformaw ma’ għadd ta’ kriterji mmirati biex jiżguraw li jkunu operaturi affidabbli bħal li jkollhom rekord legali nadif, livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet u tal-katina tal-provvista tagħhom, u solvenza finanzjarja. Barra minn hekk, se jkollhom bżonn joperaw sistema elettronika, li tagħmel disponibbli data f’ħin reali dwar il-moviment tal-kunsinni tagħhom u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti rilevanti kollha permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE.

Peress li d-Dwana tal-UE se jkollha ħarsa ġenerali sħiħa lejn il-katina tal-provvista għal dawn l-“Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)”, dawn jistgħu jiġu awtorizzati mid-dwana biex jissorveljaw huma stess il-konformità tal-merkanzija tagħhom taħt ċerti kundizzjonijiet, jirrilaxxaw il-merkanzija f’isem l-awtoritajiet doganali u jħallsu d-dazji perjodikament, mingħajr ma jippreżentaw dikjarazzjonijiet doganali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet għal kull kunsinna. Id-dwana se tkun tista’ twettaq analiżi tar-riskju u tivverifika l-informazzjoni fuq bażi kontinwa u titlob kontroll kull meta tqis li dan ikun meħtieġ. Il-kwalità, il-koerenza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni riċevuta se jippermettu l-monitoraġġ tal-affidabbiltà tal-operatur. Jekk ikun meħtieġ, id-dwana tista’ tirrevoka jew tissospendi l-awtorizzazzjoni tal-fiduċja u l-verifika jekk l-“Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)” ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji li għandhom jiġu awtorizzati jew f’każ ta’ kondotta ħażina.

4.3 Reġim doganali mfassal apposta għall-kummerċ elettroniku

Filwaqt li tibni fuq il-modernizzazzjoni b’suċċess tal-VAT 29 , din ir-riforma tistabbilixxi reġim doganali mfassal apposta għall-kummerċ elettroniku 30 . Lura fl-2017, l-Istati Membri tal-UE qablu li jneħħu l-eżenzjoni mill-VAT għall-merkanzija importata vvalutata sa EUR 22 mill-2021, bil-ħsieb li jadattaw ir-regoli tal-VAT għar-realtajiet tal-bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija, skattati mit-tkabbir straordinarju tal-kummerċ elettroniku. Qabel din ir-riforma, il-kummerċ elettroniku kien punt dgħajjef ħafna. Merkanzija ta’ valur baxx ma ġietx iddikjarata lid-dwana, u dan irriżulta f’nuqqas sħiħ ta’ superviżjoni tal-katina tal-provvista. Minn Lulju 2021, il-merkanzija importata kollha hija soġġetta għall-VAT u koperta minn dikjarazzjoni doganali diġitali. Dan jinkludi merkanzija b’valur sa EUR 150 li għalihom bħalissa ma hemm l-ebda dazju doganali dovut.

Se jiġu stabbiliti proċeduri ġodda biex jissimplifikaw ulterjorment ir-reġim attwali u biex dan jiġi allinjat mar-regoli tal-VAT għall-kummerċ elettroniku. Peress li d-dwana ma għandhiex il-mezzi biex tinforza kif xieraq ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali dwar il-kummerċ elettroniku transfruntier, il-pjattaformi diġitali se jsiru “importaturi meqjusa” (minflok konsumaturi) u se jitqiesu responsabbli għall-formalitajiet u l-pagamenti doganali kollha. Dawn se jitolbu d-dazji doganali fil-mument tal-bejgħ u jħallsu d-dazji lill-Istati Membri rispettivi kif diġà jagħmlu għall-VAT 31 .

Barra minn hekk, se jiġi introdott metodu ssimplifikat għall-kalkolu tad-dazji tal-importazzjoni applikabbli għal merkanzija ta’ valur baxx mibjugħin permezz ta’ bejgħ mill-bogħod lill-konsumaturi fit-Tariffa Doganali Komuni rieżaminata. Flimkien mal-użu tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, dan il-metodu ssimplifikat huwa mistenni li jikkumpensa għal żieda potenzjali fil-kostijiet amministrattivi tar-reġim tal-kummerċ elettroniku. Dan se jkun ibbażat fuq sistema ta’ kategorizzazzjoni b’4 saffi b’rati ta’ dazju ad valorem rispettivi 32 ta’ 5 % (eż., għall-ġugarelli, l-oġġetti tad-dar), 8 % (eż. għall-prodotti tal-ħarir, l-oġġetti tal-ħġieġ), 12 % (eż. għall-pożati, il-makkinarju elettriku) u 17 % (eż. għaż-żraben). Dan se jissimplifika r-regoli, b’mod simili għal dak li diġà huwa pprattikat minn sħab internazzjonali bħall-Kanada 33 , filwaqt li jagħlaq lakuna, li bħalissa qed twassal għal dħul mitluf ta’ mill-inqas EUR 1 biljun għall-baġits tal-UE.

Peress li d-dwana se tirċievi informazzjoni rilevanti mill-pjattaforma dwar il-bejgħ kollu, ir-regoli l-ġodda se jippermettu wkoll lid-dwana tinforza aħjar il-konformità mar-rekwiżiti tal-prodott. Jekk id-dwana tiltaqa’ ma’ problema relatata ma’ pakkett, hija tista’ tinvestiga ulterjorment jekk din tikkonċernax każ iżolat jew problema sistemika. Barra minn hekk, id-dwana tista’ tikkontribwixxi għall-infurzar tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà inkorporati fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali 34 .

Finalment, ir-regoli l-ġodda se jiċċaraw ir-responsabbiltajiet fil-proċess tal-importazzjoni, u b’hekk se jżidu t-trasparenza fil-kummerċ elettroniku. Dan se jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE minn sorpriżi mhux pjaċevoli, bħal kostijiet mhux mistennija u formalitajiet doganali ta’ piż. Il-konsumaturi se jkollhom trasparenza fuq il-kost sħiħ tax-xiri online tagħhom u jħallsu għalih f’daqqa, kif diġà jagħmlu għall-VAT. Barra minn hekk, se jkollhom aktar fiduċja li l-prodotti li jixtru mhux se jkunu ta’ ħsara għalihom jew għall-ambjent, u b’hekk in-negozju jingħata inċentiv biex jipproduċi b’mod sostenibbli.

5. Is-superviżjoni tal-katina tal-provvista bħala kapaċità ġeostrateġika – approċċ ġdid għall-ġestjoni tar-riskju fil-fruntiera tal-UE għall-merkanzija.

Kaxxa 4: Kapaċitajiet ewlenin tal-qafas il-ġdid tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju

Ir-riforma se tintroduċi qafas ta’ governanza ġdid għall-ġestjoni tar-riskju tal-UE, li jinvolvi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Doganali tal-UE l-ġdida (ara wkoll il-Kaxxa 5) kif ukoll sorveljanza tas-suq u awtoritajiet rilevanti oħra. Huwa importanti li s-sħubija l-ġdida man-negozji tirfed dan il-qafas ta’ governanza l-ġdid.

Ir-riforma se tistabbilixxi erba’ kapaċitajiet li huma kruċjali biex jipprovdu ġestjoni tar-riskju għall-protezzjoni tal-fruntiera komuni tal-UE għall-merkanzija:

1.Kapaċità ċentrali ta’ analiżi tar-riskju fil-qalba tal-Awtorità Doganali tal-UE l-ġdida, li tisfrutta l-ammont kbir tad-data ġdida fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE;

2.Mekkaniżmu biex jiżgura implimentazzjoni aktar armonizzata tal-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli fil-fruntiera komuni tal-UE għall-merkanzija;

3.Qafas ta’ kooperazzjoni ta’ diversi awtoritajiet li jimmaniġġaw is-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali.

4.Proċess għall-formazzjoni ta’ opinjoni komuni dwar il-prijoritizzazzjoni tar-riskju

Sabiex jiġu bbilanċjati l-ħtiġijiet u r-riżorsi, il-kontrolli doganali huma bbażati l-aktar fuq ġestjoni tar-riskju awtomatizzata u mmirata. Bħalissa, l-Istati Membri jużaw sistemi nazzjonali b’data nazzjonali biex jagħmlu dan, mingħajr superviżjoni tal-katina tal-provvista madwar l-UE. F’dan il-mument, la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom ħarsa ġenerali sħiħa madwar l-UE tal-kunsinni, tal-operaturi jew tal-ktajjen tal-provvista għall-finijiet tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kontroll.

Il-QEA identifikat sfidi u nuqqasijiet strutturali fil-ġestjoni tar-riskji finanzjarji li jxekklu l-interessi finanzjarji tal-UE. Il-ġestjoni tar-riskju fl-UE għandha nuqqas ta’ karatteristiċi importanti, bħal: analiżi fil-livell tal-UE kollha, ibbażata fuq data mill-importazzjonijiet kollha tal-UE; tekniki xierqa għall-estrazzjoni ta’ data; u metodi xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji finanzjarji għall-importazzjonijiet li jirriżultaw mill-kummerċ elettroniku u applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri hija neċessarja biex tipprevjeni lill-importaturi frodulenti milli jimmiraw punti ta’ dħul fil-fruntieri b’livell ta’ kontrolli iktar baxx.

Id-dwana hija saħansitra anqas mgħammra biex timmaniġġa r-riskji mhux finanzjarji: il-qafas attwali tal-ġestjoni tar-riskju ma jkoprix b’mod adegwat l-għadd dejjem jiżdied u l-kumplessità tal-liġijiet tal-UE li jirrikjedu li d-dwana tikkontrolla l-konformità tal-prodotti tal-importazzjonijiet. Is-sinerġiji ma’ politiki relatati jibqgħu mhux sfruttati. Ma hemm l-ebda approċċ komuni għall-prijoritizzazzjoni tar-riskji mhux finanzjarji. Minflok, ir-riskji bħalissa huma prijoritizzati b’mod mhux strutturat u mhux organizzat, li jwassal għal 27 approċċ nazzjonali differenti għall-kontroll tal-fruntiera tal-UE għall-merkanzija u li jiftaħ il-bieb għar-ridirezzjonar, għaċ-ċirkomvenzjoni u għall-frodi.

Fi kliem sempliċi, l-Unjoni Doganali tal-UE ma għandhiex qafas effettiv tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju biex tipproteġi l-fruntiera tal-UE għall-merkanzija. Ħames prinċipji ta’ gwida jiffurmaw il-bażi kunċettwali għal qafas olistiku tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju,li jaħdmu għal standards komuni filwaqt li jirrikonoxxu karatteristiċi nazzjonali/reġjonali/settorjali speċifiċi:

1.Ġestjoni tar-riskju personalizzata, l-ibbilanċjar tal-prinċipji ċentrali u tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali/reġjonali/settorjali u l-ġestjoni tar-riskji mhux finanzjarji u finanzjarji;

2.Ġestjoni tar-riskju dinamika, li tadatta għal pajsaġġ tar-riskju li qed jinbidel b’mod kostanti u għodod ta’ detezzjoni;

3.Ġestjoni tar-riskju inklużiva, li tibni fuq il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra u ma’ “operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)”;

4.Ġestjoni tar-riskju xprunata mid-data, li tisfrutta b’mod effiċjenti u komprensiv id-data kollha disponibbli;

5.Ġestjoni tar-riskju effettiva, li tiżgura applikazzjoni aktar armonizzata tal-kontrolli doganali fil-fruntiera esterna unika.

Ma hemm l-ebda fruntiera doganali bejn l-Istati Membri u l-kontrolli minn uffiċjal doganali wieħed jaqdu lill-Istati Membri kollha. Deċiżjoni dwar l-intensità tal-kontroll relatata ma’ ċerti riskji - pereżempju l-infurzar ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja - għandha impatt fuq l-UE kollha. Għalhekk, il-ġestjoni tar-riskju tal-UE jeħtieġ li tkun ibbażata fuq prijoritizzazzjoni tar-riskji komuni tal-EU-27 . Għar-riskji finanzjarji, il-Kummissjoni diġà tistabbilixxi ċerti oqsma ta’ kontroll prijoritarji u kriterji komuni ta’ riskju, li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri. Bl-għadd dejjem akbar ta’ riskji mhux finanzjarji li għandhom jiġu ġestiti mid-dwana, din ir-riforma tintroduċi proċess simili għal dawk ir-riskji mhux finanzjarji. Din il-prijoritizzazzjoni tar-riskju se tiggwida lill-Awtorità Doganali tal-UE (ara wkoll il-Kaxxa 5) fl-eżekuzzjoni tal-ġestjoni tar-riskju operazzjonali fil-livell tal-UE u lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għad-deċiżjonijiet ta’ kontroll tagħhom. Peress li din hija wkoll kwistjoni politika, fil-futur tista’ tkun soġġetta għal skambji dwar il-kejl tar-riskju u l-prijoritizzazzjoni f’livell politiku fil-Kunsill.

Minħabba t-tipi differenti ta’ riskji mhux finanzjarji (sikurezza, sigurtà, ambjentali, eċċ.), l-aktar strateġija ta’ infurzar effiċjenti tiddependi min-natura tal-leġiżlazzjoni settorjali. Fir-riskji mhux finanzjarji kollha, hemm bżonn kbir ta’ kooperazzjoni strateġika u operazzjonali aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet doganali u dawk mhux doganali (eż., l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-awtoritajiet tat-taxxa). Tali koordinazzjoni għandha tibda bi tfassil ta’ politika aktar inklużiv u olistiku, billi jitqiesu r-rwoli u s-sinerġiji possibbli tal-awtoritajiet rispettivi upstream. Dan għandu jwitti t-triq għal approċċ aktar strateġiku għall-infurzar tal-istandards tal-prodotti fis-Suq Uniku. Approċċ strateġiku bħal dan jeħtieġ li jiġi kkomplementat operazzjonalment bil-kondiviżjoni tad-data u bl-analiżi tar-riskju konġunta 35 . Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, li jibni fuq l-Ambjent ta' Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana (UE CSW) u s-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni l-ġdida (ICS 2), se jippermetti l-użu konġunt tad-data, li jmur lil hinn mill-kontroverifika awtomatizzata tal-awtorizzazzjonijiet jew mill-iskambju ta’ dokumenti, bil-għan li jiżviluppa strateġiji komuni għall-ġestjoni tar-riskju. L-introduzzjoni tal-Passaport Diġitali tal-Prodotti se tikkomplementa dan billi tippermetti l-identifikazzjoni diġitali tal-prodotti, fuq bażi individwali, ta’ lott jew ta’ mudell, u se tiżgura l-aċċess għad-data dwar il-provenjenza, il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi jew ta’ materja prima kritika u informazzjoni oħra relatata mal-kompożizzjoni u s-sostenibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, l-informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti oħra dwar sustanzi kimiċi ristretti, jew dwar ktajjen tal-provvista mhux konformi identifikati fi kwalunkwe Stat Membru, tista’ tikkontribwixxi direttament għall-analiżi tar-riskju komuni, filwaqt li ttejjeb l-intelliġenza għad-deċiżjonijiet ta’ kontroll tal-Istati Membri kollha 36 .

Kaxxa 5: Il-kompiti tal-Awtorità Doganali tal-UE

L-ewwel nett, l-Awtorità Doganali tal-UE se tiġbor flimkien l-għarfien espert doganali f’livell ċentrali biex twettaq il-ġestjoni tar-riskju tal-UE, filwaqt li tisfrutta għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju l-għadd kbir ta’ data aġġornata b’mod kostanti fil-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Abbażi ta’ din l-analiżi, l-Awtorità Doganali tal-UE se toħroġ rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll lill-awtoritajiet doganali nazzjonali, li se jkollhom japplikawhom jew jiġġustifikaw għala ma applikawhomx. Il-ġestjoni komuni tar-riskju, tradotta f’applikazzjoni aktar armonizzata tal-kontrolli doganali, se tgħin biex tinħoloq fruntiera esterna komuni vera għall-merkanzija. Dan se jkun kruċjali fl-indirizzar tax-“xiri fuq il-fruntiera”, prattika prevalenti li ddgħajjef l-integrità tas-Suq Uniku fejn in-negozjanti jimmiraw l-aktar rabta dgħajfa tal-fruntiera esterna tal-UE biex jippermettu prodotti illeċiti jidħlu fis-Suq Uniku. Il-ġestjoni tar-riskju tal-UE u dik nazzjonali se jinformaw u se jsaħħu lil xulxin. L-awtoritajiet doganali nazzjonali se jkomplu jwettqu analiżi u ġestjoni tar-riskju nazzjonali mfasslin għall-profil tar-riskji ta’ Stat Membru partikolari, abbażi ta’ intelligence mtejba ħafna pprovduta mill-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u n-networks kollaborattivi li se jappoġġa.

It-tieni, l-Awtorità Doganali tal-UE se tikkoordina l-ġestjoni operazzjonali tal-kriżijiet. Skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE, l-Awtorità Doganali tal-UE se tiżviluppa protokolli u proċeduri għal xenarji ta’ kriżi differenti u se tiżgura l-applikazzjoni tagħhom. L-Awtorità Doganali tal-UE se tkun ukoll l-interlokutur doganali ċentrali għall-awtoritajiet mhux doganali (eż., is-sorveljanza tas-suq, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluża l-EUROPOL) inkarigat mill-preservazzjoni tal-integrità tas-Suq Uniku 37 . Filwaqt li l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jipprovdi l-IT u jirfed id-data, filwaqt li jiżgura l-integrazzjoni ta’ sorsi tad-data innovattivi bħall-Passaport Diġitali tal-Prodotti, l-Awtorità Doganali tal-UE se tiżgura kooperazzjoni u koordinazzjoni operazzjonali mal-entitajiet rilevanti inkluż mal-Aġenziji tal-UE bħall-Europol u l-Frontex. Hemm sinerġiji qawwija bejn dawn iż-żewġ kompiti, peress li l-kapaċità l-ġdida tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju fl-Awtorità Doganali tal-UE se tippermetti wkoll immirar ħafna aktar rapidu, effettiv u komprensiv tar-riskji relatati mal-kriżi u kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn diversi aġenziji milli huwa attwalment possibbli.

It-tielet, il-Kummissjoni tista’ tqabbad lill-Awtorità Doganali tal-UE tiżviluppa u żżomm il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE u tissorvelja l-migrazzjoni u l-integrazzjoni tas-sistemi tal-IT doganali eżistenti maż-żmien. Barra minn hekk, jekk jitqies xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiddelega l-eżekuzzjoni ta’ programmi Doganali futuri ffinanzjati mill-baġit tal-UE.

6. Skeda ta’ żmien tar-riforma

Ir-riforma se tiġi implimentata f’diversi passi matul l-10 snin sal-15-il sena li ġejjin. Dan se jiżgura l-konsolidazzjoni tar-riforma tal-2016 qabel ma l-benefiċċji tal-mudell il-ġdid jimmaterjalizzaw gradwalment mingħajr ma jfixklu l-operazzjonijiet doganali. Filwaqt li xi dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament tal-KDU l-ġdid se japplikaw ftit wara l-adozzjoni, se jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu xi wħud mill-prattiki attwali jitkomplew.

Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jiġi żviluppat u implimentat maż-żmien, se jibni fuq xi u se jintegra sistemi tal-IT doganali eżistenti oħra u l-Passaport Diġitali tal-Prodotti, inklużi dawk li għandhom jiġu implimentati skont ir-riforma tal-IT tal-KDU li għaddejja bħalissa. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jiġi stabbilit għall-ewwel darba f’forma ewlenija biex jgħin fl-indirizzar tal-aktar kwistjoni urġenti, il-kummerċ elettroniku. Ir-reġim doganali mfassal apposta għall-kummerċ elettroniku se japplika mill-2028 ’il quddiem, meta l-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jidħol fl-ewwel fażi operazzjonali limitata. Fit-tieni pass, is-sistemi tal-IT doganali li diġà huma ċentralizzati 38 se jibdew jemigraw lejn il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, u wara dan tista’ sseħħ il-migrazzjoni tas-sistemi tal-IT nazzjonali li jifdal. In-negozjanti jistgħu jibdew jużaw il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE mill-1 ta’ Jannar 2032 u se jkunu obbligati jagħmlu dan mill-1 ta’ Jannar 2038 ’il quddiem.

L-Awtorità Doganali tal-UE għandha tassumi l-kompiti tagħha fl-1 ta’ Jannar 2028 u se tkun operazzjonali minnufih fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha fil-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet. Din se tespandi gradwalment l-ambitu tagħha flimkien mal-introduzzjoni tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, filwaqt li fil-futur jista’ jkollha l-kompitu li tmur lil hinn minn dak li huwa stipulat f’din il-proposta ta’ riforma. Sal-2028, is-Servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu bl-attivitajiet tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskju li huma konsistenti ma’ u li jgħinu biex iwittu t-triq għall-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma. L-introduzzjoni ta’ infrastruttura ewlenija, bħall-ICS2 u s-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS2), u l-kapaċitajiet imsaħħa għall-analitika tad-data fi ħdan il-Kummissjoni, mhux biss se jgħinu biex l-Unjoni Doganali tal-UE tiġi ġestita aħjar fi żmien qasir, iżda se tiżgura wkoll li l-Awtorità Doganali tal-UE tkun mgħammra biex twettaq il-kompiti tagħha mill-bidu.

7. Lil hinn mir-riforma – Nimmodernizzaw id-Dwana globalment

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2021 “Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” 39 għamlet it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji bħala pilastru ewlieni tal-politika kummerċjali tal-UE. Bl-istess mod, il-modernizzazzjoni doganali ma għandhiex tieqaf fil-fruntieri tal-Unjoni Doganali tal-UE. L-isfidi ppreżentati mill-emerġenza klimatika u mill-kummerċ elettroniku huma globali b’mod awtomatiku u jeħtieġu rieżami bir-reqqa tal-kooperazzjoni doganali globalment.

Il-multilateraliżmu u l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli jibqgħu komponent ewlieni tal-istrateġija kummerċjali globali tal-UE. Din hija r-raġuni għala r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tibqa’ prijorità ewlenija għall-UE. Barra minn hekk, fl-2021, l-UE żviluppat viżjoni ambizzjuża biex timmodernizza l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) 40 . Filwaqt li laqgħet ir-rivoluzzjoni tad-data industrijali u ppromwoviet ktajjen tal-valur sostenibbli, din wasslet għall-Pjan Strateġiku tad-WCO għall-2022-2025, u b’hekk ifformat id-diskussjonijiet globali dwar ir-riforma doganali. Biex nimxu ’l quddiem, jeħtieġ li nagħmlu aktar: il-komunità doganali globali jeħtieġ li tinvolvi ruħha f’riflessjoni strutturali dwar ir-riforma tad-WCO biex id-dwana ssir kapaċità strateġika fit-tranżizzjoni doppja fuq livell dinji, billi tispira ruħha mir-riforma doganali tal-UE.

Sabiex id-dwana dinjija tkun adattata għall-era diġitali, fl-2022 l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha approvaw “Strateġija tad-Data tad-WCO” ġdida, li għandha l-għan li toħloq “ekosistema globali tad-data”. Din teħtieġ skambju strutturat u komprensiv ta’ informazzjoni doganali fil-livell globali, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-kunfidenzjalità kummerċjali u tad-data personali. Il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jkun mudell fl-implimentazzjoni globali tal-Istrateġija tad-Data tad-WCO. Sħab internazzjonali li jispiraw li jistabbilixxu sistemi ta’ ġestjoni tad-data simili u interoperabbli se jsaħħu sostanzjalment il-kapaċitajiet tad-dwana biex timmonitorja u tikkontrolla l-ktajjen tal-provvista globali b’mod effiċjenti.

Barra minn hekk, l-UE għandha tieħu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ politika doganali ekoloġika globali. Hemm diversi oqsma li fihom id-dwana globali tista’ tappoġġa l-objettivi ambjentali. Minbarra l-ekoloġizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali nfushom 41 , l-immodernizzar tal-klassifikazzjoni tal-merkanzija f’konformità mal-objettivi tat-tranżizzjonijiet doppji għandu jkun parti mir-rieżami strateġiku li għaddej tal-konvenzjoni dwar is-sistema armonizzata 42   43 . L-għażliet għall-ekoloġizzazzjoni tal-klassifikazzjoni tas-sistemi armonizzati (SA) ivarjaw mill-ħruġ ta’ listi ta’ merkanzija ambjentali, għat-tibdil tal-istruttura tas-SA, jew saħansitra għall-alterazzjonijiet fil-klassifikazzjoni nnifisha, abbażi ta’ kriterji ambjentali ġodda. Tali rieżami jista’ jgħin ukoll biex isaħħaħ ir-reżiljenza u jindirizza l-isfidi potenzjali tal-provvista f’setturi li huma essenzjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika. Klassifikazzjoni standardizzata tal-prodotti ambjentali tipprovdi bażi importanti għall-pajjiżi biex jikkalibraw bir-reqqa t-tariffi u l-miżuri regolatorji fuq dawn il-prodotti u tkun għodda effettiva biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-politika kummerċjali tal-UE fid-WTO, fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, u f’forom ġodda ta’ involviment, inkluż fi sħubijiet netti żero.

Lil hinn mill-kooperazzjoni multilaterali, l-UE tikkoopera wkoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE abbażi ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali. In-network kbir ta’ tali ftehimiet tal-UE qed jiffaċilita l-kummerċ u jinkludi wkoll impenji dwar il-kooperazzjoni doganali li jaħdmu għall-benefiċċju reċiproku tagħna billi jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu u jidentifikaw il-frodi, il-kuntrabandu jew l-attivitajiet kriminali flimkien.

Madankollu, ħafna minn dawn il-ftehimiet huma skaduti fir-rigward tal-għoti tal-għodod u l-informazzjoni għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-ktajjen tal-provvista internazzjonali lid-dwana. Illum, l-informazzjoni tiġi skambjata ma’ pajjiżi sħab fuq talba. Ir-riforma Doganali tal-UE se tiffaċilita, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, skambju aktar sistemiku ta’ informazzjoni doganali u saħansitra ta’ sinjali ta’ riskju. L-approċċ futur għall-kooperazzjoni doganali internazzjonali se jkollu jirrifletti wkoll ix-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel u l-ħtieġa li jiġu żgurati ktajjen tal-provvista kritiċi u li tiġi kkontrollata ċ-ċirkomvenzjoni ta’ politiki kruċjali tal-UE, bħas-sanzjonijiet.

8. Konklużjoni

Aktar minn nofs seklu wara l-fondazzjoni tagħha, l-Unjoni Doganali tibqa’ pilastru ewlieni tal-integrazzjoni tal-UE. Hija l-pedament tas-Suq Uniku u l-qafas regolatorju tiegħu mmirat lejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji. Il-bidliet drastiċi riċenti fil-ġeopolitika u fl-ekonomija dinjija biddlu l-kummerċ globali u jħarrxu l-ħtieġa li l-Unjoni Doganali u l-qafas regolatorju u ta’ governanza tagħha jiġu modernizzati.

Din ir-riforma hija l-aktar tentattiv ambizzjuż u komprensiv biex l-Unjoni Doganali tkun magħmula aktar adattata għad-deċennji li ġejjin. Biex id-dwana tal-UE tingħata s-setgħa li taqdi bl-aħjar mod lill-UE, liċ-ċittadini tagħha u lin-negozji tagħha. Biex tinħoloq Unjoni tad-dwana tal-UE vera, li taġixxi bħala waħda.

L-industrija tal-UE teħtieġ kundizzjonijiet ekwi, u ċ-ċittadini u l-konsumaturi jridu prodotti sikuri u standards ambjentali u soċjali. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew biex jaqblu malajr fuq il-proposti ppreżentati llum sabiex iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji li jġib miegħu il-fatt li joperaw f’Unjoni Doganali bi fruntiera komuni ġestita b’mod effiċjenti għall-merkanzija.

(1)

    Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li Jmiss 2019-2024 , paġna 16.

(2)

   Imkejjel skont il-parità tal-kapaċità tal-akkwist, il-Perspettiva Ekonomika Dinjija tal-FMI.

(3)

      International trade in goods - Statistics Explained (europa.eu) .

(4)

      EU Customs Union – unique in the world (europa.eu) . 

(5)

   Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, Integrated EU prohibitions and restrictions list : kalendarju indikattiv u lista mill-avviż legali tal-1.1.2022, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022.

(6)

   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, COM(2023) 62 final.

(7)

     Putting more Union in the European Customs: Ten proposals to make the EU Customs Union fit for a Geopolitical Europe, Rapport mill-Grupp ta’ Persuni Għorrief dwar ir-Riforma tal-Unjoni Doganali tal-UE , Brussell Marzu 2022.

(8)

   Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1–101).

(9)

   Rapport Speċjali tal-QEA 04/2021: Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE .

(10)

   Abbażi tal-aħħar rapport ta’ infurzar ta’ REACH u tas-CLP, sa 28 % tal-importazzjonijiet ma humiex konformi ma’ REACH u mar-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ (CLP). Skont rapport riċenti tas-CEFIC (Kunsill Ewropew għall-Industrija Kimika), fl-2020 80 % tal-oġġetti mhux konformi li kien fihom sustanzi kimiċi pprojbiti jew ristretti ġew minn barra l-UE/iż-ŻEE.

(11)

   Fl-2016-2021, ġugarelli perikolużi li nstabu fis-suq tal-UE kienu jirrappreżentaw aktar minn kwart tat-total tat-twissijiet RAPEX / Safety Gate, bi proporzjon sinifikanti ta’ ġugarelli mhux sikuri li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-UE (85 % miċ-Ċina biss).

(12)

      EEB report on Online Platforms : Role and Responsibility in Ecodesign policy.

(13)

   Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti” (SWD (2021) 168 final).

(14)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2021)346).

(15)

   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (COM(2021) 706).

(16)

   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (COM(2022)453).

(17)

   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, COM/2021/564 final.

(18)

     Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(19)

   Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(20)

   Copenhagen Economics (2016), E-commerce imports into Europe: VAT and Customs treatment.

(21)

    https://www.beuc.eu/publications/beuc-x-2021-004_is_it_safe_to_shop_on_online_marketplaces.pdf  

(22)

   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, L-Unjoni Doganali tittieħed għal-Livell li Jmiss: Pjan ta’ Azzjoni (COM(2020) 581 final).

(23)

   Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2023 dwar it-30 anniversarju tas-Suq Uniku: niċċelebraw il-kisbiet u nħarsu lejn żviluppi futuri ( 2022/3015(RSP ).

(24)

   Il-benefiċċji u l-iffrankar tal-kostijiet huma saħansitra aktar evidenti meta mqabbla ma’ xenarju kontrofattwali ta’ introduzzjoni nazzjonali mhux ikkoordinata ta’ pjattaformi tad-data, u dan ikompli jifframmenta l-Unjoni Doganali.

(25)

   L-istatus tal-AEO huwa awtorizzazzjoni standard iċċertifikata maħruġa mill-amministrazzjonijiet doganali. Din tiċċertifika li operatur ekonomiku jkun issodisfa ċerti standards rigward, pereżempju, is-sikurezza u s-sigurtà, il-konformità mar-regoli doganali, u s-solvenza finanzjarja.

(26)

     Dan jeskludi merkanzija li hija soġġetta għal restrizzjonijiet.

(27)

     Kif introdott fil-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (COM(2022) 142 final).

(28)

   B’kuntrast għal dan, l-obbligu li jipprovdu ċerta informazzjoni minima ta’ qabel it-tagħbija u ta’ qabel il-wasla jrid jibqa’.

(29)

   Nota f’qiegħ il-paġna 9. Ara wkoll VAT EU legislation (europa.eu) .

(30)

     Ir-regoli l-ġodda se jqisu kif xieraq in-negozjati multilaterali fid-WTO jew is-sħubijiet diġitali konklużi mal-Ġappun, mal-Korea u ma’ Singapore.

(31)

     Il-pjattaformi se jkunu responsabbli wkoll għall-iżgurar li l-bejjiegħa mill-bogħod ikunu rreġistraw ma’ organizzazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produtturi dik il-merkanzija li hija soġġetta għal responsabbiltà estiża tal-produtturi, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ma’ bejjiegħa oħra.

(32)

     “Dazju impost bħala perċentwali tal-valur tas-servizzi jew prodotti importati, aktar milli fuq il-piż tagħhom jew in-numru ta’ unitajiet.”

(33)

   Ara https://www.wto.org/english/tratop_e/msmes_e/canada_sept21_e.pdf .

(34)

   Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1–102).

(35)

     Sabiex jiffaċilita din il-kollaborazzjoni transfruntiera, il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE se jinbena f’allinjament mill-qrib mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (COM(2017) 134 final) u l-qafas ta’ kooperazzjoni relatat kif propost mill-Kummissjoni bl-Att dwar Ewropa Interoperabbli (COM (2022) 720 final).

(36)

     Pereżempju, l-aċċess dirett għall-bażi tad-data tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jippermetti l-kontroll tal-eżistenza ta’ numru ta’ reġistrazzjoni validu għal kull sustanza manifatturata jew importata minn entità ġuridika waħda għal kwantità ta’ tunnellata waħda jew aktar. Mingħajr tali reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-suq ma huwiex permess. Bl-istess mod, l-aċċess għall-bażi tad-data tal-ECHA jippermetti lis-servizzi doganali jikkontrollaw id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni meta l-Kummissjoni tkun tat eżenzjoni għal sustanzi pprojbiti skont il-leġiżlazzjoni REACH. Bħalissa, l-awtoritajiet doganali spiss jiffaċċjaw problemi fil-kontroll ta’ din l-informazzjoni peress li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni huma indirizzati lill-utent u mhux lill-importatur tas-sustanza.

(37)

     Se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet li jinvestigaw reati kriminali u/jew li jappoġġaw investigazzjonijiet kriminali kif ukoll mal-Frontex li għandha l-mandat li ssib, tipprevjeni u tiġġieled il-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni tal-UE.

(38)

   Dawn jinkludu: CRMS2, ICS 2, EU CSW-CERTEX, CCI.

(39)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva, COM/2021/66/ final.

(40)

   L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) hija organizzazzjoni intergovernattiva li taħdem fuq kwistjonijiet relatati mad-dwana bħall-klassifikazzjoni tal-komoditajiet, il-valwazzjoni, ir-regoli tal-oriġini, is-sigurtà tal-katina tal-provvista, u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ.

(41)

   Pereżempju, bl-iżvilupp tal-istandards tal-UE simili għall-EMAS globalment ukoll, taħt il-qafas tad-WCO.

(42)

   Rapport tal-istudju esploratorju tad-WCO dwar Rieżami Strateġiku Possibbli tas-SA huwa mistenni fl-2024.

(43)

   Is-Sistema Armonizzata hija n-nomenklatura ta’ prodotti internazzjonali b’diversi użi żviluppata mill-WCO. Din tintuża mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi madwar id-dinja bħala l-bażi għall-klassifikazzjoni doganali tagħhom.