Brussell, 27.3.2023

COM(2023) 182 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-ħżin tal-gass abbażi tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill





{SWD(2023) 73 final}


1.Introduzzjoni

Is-swieq tal-gass kienu diġà bdew juru tensjoni konsiderevoli fl-2021, u l-prezzijiet tal-gass żdiedu b’mod sinifikanti. L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fi Frar 2022, ikkawżat sensiela ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass u għamlet il-prezzijiet tal-gass fis-swieq globali ħafna aktar volatili. Għall-UE u għall-ġirien immedjati tagħha, li kienu jiddependu fuq il-provvista tal-gass Russu, dawn l-iżviluppi kienu jeħtieġu reazzjoni u miżuri b’saħħithom għall-indirizzar tal-provvista u tad-domanda.

Il-firxa tal-iżbilanċi fis-suq tal-gass u l-biża’ ta’ interruzzjonijiet serji fil-provvista, segwiti minn restrizzjonijiet potenzjalment serji fil-provvista kemm għall-industrija kif ukoll għall-unitajiet domestiċi, wasslu għal rispons regolatorju mingħajr preċedent. Dan ikkontribwixxa għas-sigurtà tal-provvista tal-gass u żgura li l-prezzijiet tal-gass immoderaw ruħhom fix-xitwa 2022/2023.

Il-ħżin tal-gass diġà kien parti importanti mill-pjanijiet ta’ tħejjija tal-Kummissjoni għall-gass biex tlaħħaq mad-domanda fix-xitwa 2022/2023 u għas-snin li ġejjin, kif enfasizzat ukoll fil-pjan REPowerEU 1 u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura 2 . B’mod speċifiku, il-ħażniet tal-gass mimlija sew jiżguraw li l-gass ikun disponibbli kemm għall-unitajiet domestiċi privati kif ukoll għan-negozji matul l-istaġun tat-tisħin tax-xitwa.

Bħala miżura oħra, ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass 3 , adottat mill-koleġiżlaturi fis-27 ta’ Ġunju 2022, kien jirrikjedi li l-Istati Membri kollha b’kapaċità ta’ ħżin tal-gass jiżguraw li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tagħhom jimtlew sa mill-inqas 80 % tal-kapaċità tagħhom sal-1 ta’ Novembru 2022. Mill-2023 ’il quddiem, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass se jkollhom jimtlew sa 90 % tal-kapaċità tagħhom sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena.

Bħala salvagwardja addizzjonali għal livell adegwat tal-mili tal-ħażniet tal-gass fis-snin li ġejjin, ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jistipula li kull operatur tas-sistema tal-ħżin fl-UE jrid jiġi ċċertifikat. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi rrifjutata jew għandha twassal għal rimedji jekk l-awtoritajiet rilevanti jikkonkludu li persuna jew entità li direttament jew indirettament tikkontrolla jew teżerċita kwalunkwe dritt fuq is-sistema tal-ħżin tista’ tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE.

Dan ir-rapport iqis l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass abbażi ta’ informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-miżuri tagħhom għall-ħżin tal-gass u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tagħhom, ikkomplementata minn data mill-Eurostat, f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (UE) 2017/1938. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li s-siti tal-ħżin tal-gass tagħhom ikunu mimlijin u analiżi tal-prezzijiet tal-gass fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin.

2.Il-bażi ġuridika u l-kuntest tar-rapport annwali

Fl-1 ta’ Novembru 2022, kienu mtlew 94,9 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE. Dan kien ferm ogħla mill-mira ta’ 80 %, u l-Istati Membri kollha laħqu l-mira tagħhom stabbilita mir-Regolament 4 . Fil-31 ta’ Diċembru 2022, il-livell tal-mili fl-UE kien għadu 83,4 %. F’termini ta’ ħżin, l-UE dehret imħejjija sew għax-xitwa 2022/2023.

L-Artikolu 6d(5) tar-Regolament dwar il-Ħżin jiddikjara li l-Kummissjoni trid tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn ir-rapporti jridu jinkludu:

·ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin;

·ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

·ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u mal-miri tal-mili;

·analiżi tal-effetti potenzjali ta’ dan ir-Regolament fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar potenzjali tal-gass fir-rigward tal-Artikolu 6b(4).

Ir-rapport jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-bażi tal-għarfien dwar l-aħjar prattiki għall-mili tas-siti tal-ħżin.

3.Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin

Ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jipprevedi li l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri tal-mili. Dawn għandu jkollhom l-għan li jużaw miżuri bbażati fuq is-suq fejn possibbli biex jevitaw tfixkil bla bżonn fis-suq. Madankollu, il-miżuri jistgħu jinkludu miżuri regolatorji, inċentivi finanzjarji jew kumpens lill-parteċipanti fis-suq.

Ir-Regolament dwar il-Ħżin jipprovdi lista illustrattiva ta’ miżuri u għodod potenzjali li l-Istati Membri jistgħu jieħdu għal dak l-iskop. Biex tikseb feedback dwar dawn is-suġġerimenti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2022, fejn staqsiethom dwar il-miżuri li ħadu u l-għodod li użaw biex jiżguraw li jimtlew is-siti tal-ħżin tagħhom. Il-kwestjonarju talab ukoll l-opinjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-effettività tal-miżuri tagħhom u l-punti pożittivi u negattivi tagħhom.

Skont l-Istati Membri, il-miżuri li ġejjin ikkontribwew b’mod effettiv biex jimtlew is-siti tal-ħżin tagħhom fil-ħin:

1.L-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-operaturi tal-faċilitajiet tal-ħżin fuq il-livell minimu tal-mili li għandu jinkiseb, f’konformità mal-objettiv nazzjonali;

2.L-offerti tal-kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq;

3.L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għal meta l-kapaċità totali sottoskritta tkun taħt il-livell minimu tal-mili, pereżempju termini miftiehma minn qabel mal-parteċipanti fis-suq għall-volum komplementari;

4.L-iżgurar li l-kapaċitajiet prenotati jintużaw b’mod effettiv billi jiġi applikat mekkaniżmu “tużah jew titilfu” jew billi jiġu imposti penali għan-nuqqas ta’ konformità;

5.Fl-aħħar nett, jekk ma jkunx probabbli li l-miżuri msemmija hawn fuq jipproduċu r-riżultati mixtieqa, id-deżinjazzjoni ta’ entità biex tixtri l-kapaċità nieqsa mis-suq tal-operaturi.

Barra minn hekk, b’referenza għall-Anness Ib tar-Regolament (UE) 2022/1032, l-Awstrija u l-Ġermanja kkonkludew ftehim dwar il-mira tal-mili u t-trajettorja għall-mili skont l-Artikolu 6a, peress li dawk l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-faċilitajiet tal-ħżin Haidach u 7Fields 5 .

Il-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tal-piżijiet tar-Regolament jipprevedi li l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin fit-territorji tagħhom jaħżnu volumi ta’ gass f’pajjiżi ġirien li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-konsum annwali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri għamlu użu limitat minn strumenti kkoordinati biex jimlew il-ħażniet tal-gass.

F’Settembru 2022, l-Italja u l-Greċja ffirmaw memorandum ta’ qbil dwar il-ħżin tal-gass. Dan jippermetti lill-konsenjaturi mis-Sistema Nazzjonali Griega ta’ Trażmissjoni tal-Gass Naturali jaħżnu sa 1,14 TWh ta’ gass fl-Italja. Ftehimiet bħal dan huma kruċjali għall-Istati Membri li ma għandhom l-ebda kapaċità ta’ ħżin tal-gass fit-territorji tagħhom stess. Il-gvern Estonjan organizza x-xiri ta’ 1 TWh bħala riżerva strateġika nazzjonali li għandha tinħażen f’sit tal-ħżin fil-Latvja.

Matul is-seminar 6 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, ħafna assoċjazzjonijiet Ewropej li huma membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, filwaqt li rrikonoxxew l-effettività tar-Regolament, irrakkomandaw aktar użu ta’ għodod ibbażati fuq is-suq biex jimplimentawh b’mod effiċjenti, speċjalment biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ħżin.

L-Istati Membri għamlu investimenti mingħajr preċedent matul l-2022 biex jagħmlu l-infrastruttura Ewropea tal-gass aktar reżiljenti u biex iżidu l-aċċess għall-gass naturali likwifikat (LNG) f’reġjuni dipendenti ħafna fuq il-gass Russu. Għalhekk, is-sitwazzjoni fl-2023 evolviet b’mod sinifikanti u l-Istati Membri issa jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-għodod ibbażati fuq is-suq u jistgħu jiddependu inqas fuq għodod aktar “intervenzjonisti” li kienu meħtieġa minħabba n-nuqqas ta’ infrastruttura jew biex jipprevjenu l-manipulazzjoni tas-suq minn operaturi tal-ħżin mhux tal-UE.

B’riżultat tal-miżuri kollha, il-mira tal-mili ta’ 80 % għall-2022 inqabżet. Sal-1 ta’ Novembru 2022, imtlew 94,9 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE, u l-Istati Membri kollha laħqu aktar minn 80 % (ara t-tabella u l-illustrazzjoni ta’ hawn taħt). Il-Latvja, li kienet l-uniku Stat Membru b’ċifra inqas minn 80 %, ikkwalifikat għal obbligu ta’ ħżin imnaqqas minħabba l-kapaċità kbira ta’ ħżin meta mqabbla mal-konsum nazzjonali. Il-livell tal-mili milħuq mil-Latvja qabeż bil-kbir il-mira mnaqqsa tagħha ta’ Novembru stabbilita fir-rigward tal-konsum tagħha stess.

Tabella: Il-livelli tal-mili fl-1 ta’ Novembru 2022

Livell tal-mili (%)

Volum ta’ ħidma (gass) (TWh)

AT

93,1

95,5

BE

100

7,6

BG

90,4

5,8

CZ

94,9

43,8

DE

99,2

245,2

DK

99,3

9,9

ES

94,8

35,3

FR

100

132,6

HR

97,0

4,8

HU

86,0

67,7

IT

95,5

193,4

LV

57,7

24,1

NL

91,8

138,9

PL

98,9

36,4

PT

98,3

4,0

RO

96,8

32,8

SE

92,9

0,1

SK

91,3

38,8

UE

94,9

1 116,21

Sors: Bażi tad-data tal-AGSI fl-1 ta’ Novembru 2022

Illustrazzjoni: Il-livell tal-mili tal-ħżin tal-UE u t-trajettorja tal-UE għall-2022

4.Siti tal-ħżin fl-UE li qabel kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha

Fl-2021, Gazprom kienet proprjetarja jew kienet topera madwar 10 % tal-kapaċità tal-ħżin tal-UE. Is-siti tal-ħżin ta’ Gazprom, ma ġewx mimlija mill-ġdid qabel il-bidu tax-xitwa 2021/2022 u kienu kważi mbattla fl-aħħar tal-istaġun meta l-gass jiġi rtirat mill-ħżin. Dawn is-siti ta’ Gazprom, kienu responsabbli għat-tnaqqis tal-livell medju tal-mili tas-siti tal-ħżin tal-UE b’6 sa 8 punti perċentwali fi tmiem l-2021 meta mqabbla mas-snin preċedenti.

Il-graff li ġejja turi l-iżvilupp tal-volumi tal-gass f’siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha (linja miksura oranġjo) u s-siti l-oħrajn tal-UE (linja miksura blu). Il-linja s-sewda turi l-gass maħżun tas-siti kollha tal-UE flimkien.

Illustrazzjoni: L-iżvilupp tal-volumi tal-gass f’siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha

Fis-sajf tal-2022, l-Istati Membri b’siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha ħadu miżuri biex jipproteġu s-sigurtà tal-enerġija tagħhom:

·Il-Ġermanja nnazzjonalizzat is-siti tagħha ta’ Gazprom, li qabel kienu proprjetà ta’ Gazprom Germania. L-isem tal-entità l-ġdida huwa SEFE Securing Energy for Europe GmbH.

·Is-sit tal-Awstrija ngħata lil operatur ieħor skont ir-regoli introdotti reċentement “tużah jew titilfu”. Fis-17 ta’ Frar 2023, il-Ġermanja u l-Awstrija ffirmaw ftehim biex jieħdu responsabbiltà konġunta għall-użu u l-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali Haidach u 7Fields u biex jittrasportaw volumi ta’ gass maħżun f’każ ta’ skarsezzi. Il-ftehim isegwi memorandum ta’ qbil miftiehem bejn Berlin u Vjenna f’Lulju 2022. Fil-passat, iż-żewġ faċilitajiet tal-ħżin, li jinsabu fl-Awstrija, kienu diġà ntużaw kemm mill-kumpaniji Ġermaniżi kif ukoll minn dawk Awstrijaċi.

·Fin-Netherlands, il-gvern ħatar entità mmexxija mill-Istat imsejħa Energiebeheer Nederland biex tittrasporta l-gass lejn il-faċilità tal-ħżin ta’ Bergermeer bl-użu ta’ kapaċità ta’ ħżin mhux użata, inkluża l-kapaċità li kienet proprjetà ta’ Gazprom.

·Iċ-Ċekja applikat il-prinċipju “tużah jew titilfu” biex il-parteċipanti fis-suq b’kapaċità ta’ ħżin żejda, ogħla minn ċertu livell limitu, jiġu mġiegħla jagħtu lura slots għall-injezzjoni lill-gvern. Skont dan il-prinċipju, il-kapaċità ta’ ħżin ta’ Gazprom fis-sit ta’ Damborice ġiet irtirata u mqiegħda taħt il-miżuri speċjali tal-irkant tal-gvern. Dawn jinkludu l-possibbiltà ta’ rkanti bla ħlas u pagamenti lin-negozjanti bi skambju għall-ħżin tal-gass.

B’riżultat tal-miżuri, is-siti tal-ħżin li qabel kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha mtlew sa medja ta’ 94 % sal-1 ta’ Novembru 2022 meta mqabbla ma’ livell tal-mili ta’ 26 % fl-1 ta’ Novembru 2021.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-effettività tal-miżuri tal-Istati Membri, li abolixxew jew li naqqsu l-influwenza ta’ Gazprom fuq il-ħżin tal-gass. Tqabbel il-kapaċità ta’ ħżin aggregat li kienet proprjetà ta’ Gazprom jew li kienet operata minnha għal kull pajjiż f’Novembru 2021 u f’Novembru 2022.

Tabella: Il-kapaċità tas-siti tal-ħżin li kienu proprjetà ta’ Gazprom jew li kienu operati minnha skont il-pajjiż fl-2021 u l-livelli tal-mili korrispondenti f’Novembru 2021 u f’Novembru 2022

Pajjiż

Kapaċità li kienet proprjetà ta’/operata minn Gazprom fl-2021 (TWh)

Livell tal-mili fl-1 ta’ Novembru 2021

Livell tal-mili fl-1 ta’ Novembru 2022

AT

32,3

20 %

91 %

CZ

2,2

45 %

85 %

DE

58,2

27 %

94 %

NL

19,3

30 %

99 %

TOTAL

112,0

26 %

94 %

5.Għodda għall-aggregazzjoni tad-domanda skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576

Ir-Regolament (UE) 2022/2576, adottat mill-Kunsill fid-19 ta’ Diċembru 2022 wara proposta mill-Kummissjoni 7 , jipprevedi għodda għall-aggregazzjoni tad-domanda li se tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE fl-iżgurar ta’ provvisti suffiċjenti tal-gass fil-ħin għax-xitwa 2023-2024. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt introdott mir-Regolament se jkun kruċjali biex jiġi evitat li l-kumpaniji Ewropej jagħmlu offerta għall-istess gass u jgħollu l-prezzijiet b’mod eċċessiv bħala konsegwenza.

Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jaggregaw id-domanda għall-volumi tal-gass ekwivalenti għal 15 % tal-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin. Lil hinn minn 15 %, l-aggregazzjoni se tkun volontarja iżda bbażata fuq l-istess mekkaniżmu.

Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni tat kuntratt lil fornitur ta’ servizz biex jistabbilixxi s-servizzi meħtieġa bil-għan li jaggrega d-domanda għall-gass minn kumpaniji Ewropej u jqabbilha fil-ħin mal-aktar offerti tal-provvista kompetittivi għall-istaġun tal-mili tal-ħażniet li jmiss. Wara li d-domanda tkun tqabblet mal-provvista, il-kumpaniji jistgħu jikkonkludu b’mod volontarju kuntratti ta’ xiri mal-fornituri tal-gass, jew individwalment jew b’mod konġunt. Dan huwa partikolarment ta’ benefiċċju għal kumpaniji iżgħar u kumpaniji minn pajjiżi mingħajr kosta b’inqas firxa globali jew setgħa ta’ negozjar. Ix-xiri konġunt jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-industrija li tikkonsma l-gass, bħall-fertilizzanti u ċ-ċeramika.

Biex jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ xiri konġunt, l-Istati Membri tal-UE, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u l-atturi industrijali mill-UE jingħaqdu f’fora differenti sabiex jipprovdu l-għarfien espert u l-pariri tagħhom lill-Kummissjoni. Huma jagħmlu dan permezz ta’ bord ta’ tmexxija ad hoc, gruppi reġjonali u grupp konsultattiv tal-industrija.

6.Ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tas-sistema tal-ħżin, inklużi l-operaturi tas-sistema tal-ħżin li huma kkontrollati mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, ikun iċċertifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn awtorità oħra ddeżinjata mill-Istat Membru. Dan sabiex jiġi żgurat li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew kwalunkwe interess essenzjali ieħor ta’ sigurtà fl-UE jew fi kwalunkwe Stat Membru ma jkunux ipperikolati minn influwenza fuq l-operatur tas-sistema tal-ħżin.

Ir-Regolament dwar il-Ħżin jipprevedi li l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward tal-operaturi tas-sistemi tal-ħżin li joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art b’kapaċità ta’ aktar minn 3,5 TWh meta, irrispettivament mill-għadd ta’ operaturi tas-sistema tal-ħżin, il-faċilitajiet tal-ħżin totali kienu mtlew fil-31 ta’ Marzu 2021 u fil-31 ta’ Marzu 2022 f’livell li, bħala medja, kien inqas minn 30 % tal-kapaċità massima tagħhom jew fi żmien 150 jum ta’ xogħol mid-data tal-wasla ta’ notifika. Għal dawn is-siti tal-ħżin, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tkun diġà ppruvat toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sal-1 ta’ Novembru 2022.

Għall-operaturi l-oħrajn kollha tas-sistema tal-ħżin, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sat-2 ta’ Jannar 2024 jew fi żmien 18-il xahar mid-data tal-wasla ta’ notifika.

Il-Kummissjoni trid tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta’ xogħol minn tali notifikazzjoni. Imbagħad, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid tqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa.

L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid toħroġ id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta’ xogħol mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni.

F’Ottubru 2022 ġie ppreżentat abbozz wieħed biss ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Kummissjoni Federali Belġjana għar-Regolamentazzjoni dwar l-Elettriku u l-Gass (CREG).

Biex tappoġġa lill-Istati Membri bil-ħruġ ta’ abbozzi ta’ ċertifikazzjonijiet, il-Kummissjoni organizzat sessjoni speċjali tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass biex tipprovdi gwida prattika lill-operaturi u lis-sidien ta’ ċertifikazzjoni tal-ħażniet. Il-Kummissjoni fakkret li ċ-ċertifikazzjoni għandha tnaqqas kwalunkwe riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell reġjonali, nazzjonali jew tal-UE kollha li jirriżulta, fost affarijiet oħra, minn:

(a) sjieda, provvista jew relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-inċentivi u l-ħila tal-operatur tas-sistema tal-ħżin li jimla l-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

(b) id-drittijiet u l-obbligi tal-UE fir-rigward ta’ pajjiż mhux tal-UE li jirriżultaw skont id-dritt internazzjonali, inkluż kwalunkwe ftehim konkluż ma’ xi pajjiż mhux tal-UE wieħed jew aktar li l-UE hija parti miegħu u li jindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(c) id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta’ pajjiż mhux tal-UE li jirriżultaw skont ftehimiet konklużi mill-Istati Membri kkonċernati ma’ pajjiż mhux tal-UE wieħed jew aktar, sa fejn dawk il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt tal-UE; jew

(d) kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifika oħra tal-każ.

Issir enfasi fuq ir-riskju tas-sigurtà tal-provvista li jirriżulta mis-sjieda li jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-ħila li jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin. Element ċentrali wieħed għall-abbozz tad-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni huwa l-kunċett ta’ “influwenza deċiżiva”, li huwa s-sjieda jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża jew parti minnhom, jew drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża.

7.Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili

Ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jipprevedi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u infurzar biex jinżamm rendikont tal-livelli tal-mili fl-Istati Membri. Dan jiżgura progress kontinwu fil-mili mill-ġdid tal-ħżin filwaqt li jħalli ċertu grad ta’ flessibbiltà biex jiġi injettat aktar jew inqas gass skont il-prezzijiet tas-suq f’dak iż-żmien. Dan ir-rekwiżit jintroduċi miri intermedjarji ta’ xahrejn, iżda jippermetti devjazzjoni fi ħdan marġni ta’ tolleranza ta’ 5 %.

Jekk Stat Membru jiddevja b’mod sostanzjali u sostnut mit-trajettorja għall-mili u jipperikola l-mira tal-mili, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass u mal-Istati Membri kkonċernati, toħroġ Rakkomandazzjoni lil dak l-Istat Membru jew lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament. Jekk ikun hemm nuqqasijiet kontinwi fir-rigward tar-rispett tal-miri minimi tal-mili skont ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tista’ toħroġ Deċiżjoni dwar is-segwitu.

L-Istati Membri kollha kkonformaw mal-miri intermedjarji stabbiliti għall-2022 u l-livell minimu tal-mili tagħhom ma esperjenzax devjazzjoni sostanzjali jew sostnuta mill-mira. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu miżuri fl-2022 biex tiżgura l-konformità mat-trajettorji għall-mili u mal-miri tal-mili.

Fil-25 ta’ Novembru 2022, permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni 8 , il-Kummissjoni stabbiliet il-miri intermedji tal-mili tal-ħażniet tal-gass li l-Istati Membri jridu jissodisfaw fl-2023 sabiex jilħqu l-mira tal-ħżin tal-gass ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru 2023. Kif previst skont ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ddefinixxa l-miri intermedji għall-1 ta’ Frar, għall-1 ta’ Mejju, għall-1 ta’ Lulju u għall-1 ta’ Settembru 2023 għal dawk l-Istati Membri b’ħażna taħt l-art fit-territorju tagħhom u konnessa maż-żona tas-suq tagħhom. Dawn il-miri kienu bbażati fuq il-proposti magħmula mill-Istati Membri, ir-rati ta’ mili tal-ħames snin preċedenti u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista.

Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass u lill-Kumitat għall-Ħżin tal-Gass li ġie stabbilit reċentement. Anki għas-sena 2023, soġġett għal marġni ta’ ħames punti perċentwali, dawn il-miri vinkolanti huma l-livelli limitu minimi li jeħtieġ li jiġu rrispettati mill-Istati Membri biex jiġi żgurat ċertu livell ta’ sigurtà tal-provvista u biex jiġi żgurat il-mili mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-ħżin għax-xitwa 2023-2024.

Tabella:    Miri intermedji għall-2023 għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, kif adottati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2301

Stat Membru

Mira intermedja tal-1 ta’ Frar

Mira intermedja tal-1 ta’ Mejju

Mira intermedja tal-1 ta’ Lulju

Mira intermedja tal-1 ta’ Settembru

AT

49 %

37 %

52 %

67 %

BE

30 %

5 %

40 %

78 %

BG

45 %

29 %

49 %

71 %

CZ

45 %

25 %

30 %

60 %

DE

45 %

10 %

30 %

65 %

DK

45 %

40 %

60 %

80 %

ES

59 %

62 %

68 %

76 %

FR

41 %

7 %

35 %

81 %

HR

46 %

29 %

51 %

83 %

HU

51 %

37 %

65 %

86 %

IT

45 %

36 %

54 %

72 %

LV

45 %

41 %

63 %

90 %

NL

49 %

34 %

56 %

78 %

PL

45 %

30 %

50 %

70 %

PT

70 %

70 %

80 %

80 %

RO

40 %

41 %

67 %

88 %

SE

45 %

5 %

5 %

5 %

SK

45 %

25 %

27 %

67 %

 

Sabiex tistabbilixxi l-livelli tal-mili, il-Kummissjoni qieset l-istimi tal-Istati Membri u valutazzjoni tal-livell tekniku minimu meħtieġ, filwaqt li qieset il-kapaċità tal-mili u tal-irtirar ta’ kull sit sabiex jintlaħaq livell ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru 2023.

8.Analiżi tal-effetti potenzjali fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar tal-gass

Analiżi kawżali rigoruża tkun teħtieġ data minn xenarju kontrofattwali, fejn ir-Regolament dwar il-Ħżin ma kienx jeżisti iżda fatturi oħra (eż. żviluppi globali) li jinfluwenzaw il-provvista u d-domanda tal-gass Ewropej matul il-perjodu li fih ir-Regolament dwar il-Ħżin kien fis-seħħ ma nbidlux. L-informazzjoni għal xenarju kontrofattwali ma kinitx disponibbli b’mod dettaljat biżżejjed. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet analiżi preskrittiva u inqas kawżali.

Għalkemm il-livell massimu tal-prezz seħħ f’nofs Awwissu/tard f’Awwissu, ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda rabta diretta bejn il-mili tal-ħażniet tal-gass u ż-żieda fil-prezz. Pereżempju, iż-żidiet drastiċi fil-prezzijiet seħħew f’mument ta’ rati ta’ injezzjoni ta’ ħżin pjuttost tas-soltu u fissi. B’kuntrast għal dan, meta bdiet toqrob l-iskadenza finali biex tintlaħaq il-mira tal-mili fl-1 ta’ Novembru, li rriżultat fi sforzi addizzjonali għall-ħżin tal-gass minħabba l-bidu tal-istaġun tat-tisħin, il-prezzijiet kienu diġà sostanzjalment aktar baxxi f’Ottubru u f’Novembru meta mqabbla max-xhur preċedenti.

L-illustrazzjoni ta’ hawn taħt turi l-proporzjon tal-valuri tal-2022 fuq il-medja tal-2019-2021 kemm għall-injezzjonijiet tal-ħżin kif ukoll għall-prezzijiet. Proporzjon tal-prezz ta’ 1 ifisser li l-prezzijiet tal-2022 kienu ugwali għall-medja tal-2019-2021. Proporzjon akbar minn 1 ifisser li l-prezzijiet kienu ogħla fl-2022; proporzjon ta’ 5 ifisser li l-prezzijiet kienu ħames darbiet ogħla fl-2022 mill-medja tal-2019-2021. L-istess kalkolu japplika għal-linja dwar l-injezzjoni tal-ħżin.

Skont din l-illustrazzjoni, il-prezzijiet massimi relattivi ma kinux jikkoinċidu mal-livelli massimi relattivi tal-injezzjoni ta’ ħżin. B’kuntrast għal dan, id-data disponibbli tindika li l-fluttwazzjonijiet fil-provvista seta’ kellhom rwol aktar sinifikanti fiż-żidiet drastiċi fil-prezzijiet tal-gass.

Madankollu, ma nistgħux neskludu li l-mili determinat tal-ħżin mill-operaturi b’interventi regolatorji jew mingħajrhom mill-Istati Membri bħala parti mir-Regolament dwar il-Ħżin iffaċilita żieda qawwija temporanja tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni hija konxja mill-asserzjonijiet li riforniment aktar gradwali tal-ħżin, inkluż bl-użu tal-flessibbiltà li rriżultat mill-miri intermedjarji tal-2022 stabbiliti fil-livell tal-UE, seta’ għen biex jiġu mmitigati l-iżviluppi fil-prezzijiet.

Abbażi tad-data disponibbli, ma hija possibbli l-ebda konklużjoni ċara dwar rabta potenzjali bejn il-miri tal-ħżin u l-iżviluppi fil-prezzijiet. L-injezzjoni kontinwa tal-ħżin naqqset ir-riskju li l-livelli tal-ħżin potenzjalment jitnaqqsu għal livell perikoluż.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jipprovdi aktar dettalji dwar il-metodoloġija u r-riżultati kwantitattivi tal-analiżi.

Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar it-Tnaqqis tad-Domanda għall-Gass 9 , l-Istati Membri naqqsu d-domanda għall-gass tagħhom bi 19 % bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023 meta mqabbla mal-medja tal-aħħar ħames snin (ara l-illustrazzjoni ta’ hawn taħt). Dan ikkumpensa b’mod sinifikanti għan-nuqqas ta’ gass Russu, bi 42 biljun metru kubu ta’ gass iffrankati bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023, u pprovda flessibbiltà għas-suq tal-gass. Fi sfond ta’ tensjoni fis-suq tal-gass, ġie rikonoxxut fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass fi Frar 2023 li t-tnaqqis fid-domanda kien l-aktar miżura effiċjenti peress li ż-żieda fil-provvista hija limitata mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni globali u hija soġġetta għal kompetizzjoni globali.

Matul is-sajf tal-2022, it-tnaqqis fid-domanda ffaċilita l-injezzjonijiet tal-ħżin, filwaqt li l-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda llimitaw l-irtirar matul ix-xitwa 2022/2023. Għalhekk, dan żgura li kien hemm biżżejjed livelli tal-ħżin biex ilaħħqu ma’ perjodi ta’ kesħa fix-xitwa.

Għalhekk, mill-bidu tax-xitwa 2022/2023, il-flessibbiltà maħluqa mit-tnaqqis fid-domanda għenet biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-gass minn livelli għoljin rekord għal livelli ta’ qabel il-gwerra fi Frar 2023.

9.Konklużjoni

L-Istati Membri għamlu sforzi sostanzjali u mingħajr preċedent fl-2022 biex jerġgħu jimlew il-ħażniet. Il-mira ta’ 80 % tar-Regolament tal-UE dwar il-Ħżin għall-2022 inqabżet. Sal-1 ta’ Novembru 2022, imtlew 94,9 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE. Fi tmiem l-2022, il-livell medju kien għadu għoli, jiġifieri 83,4 %. Dan il-livell għoli tal-mili għen ħafna biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fix-xitwa 2022/23, li min-naħa tagħha naqqset il-primjum tar-riskju fis-suq tal-gass fi tmiem is-sena.

L-Istati Membri ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri tal-mili, inklużi l-miri intermedjarji. Xi Stati Membri laħqu livelli tal-mili ferm ogħla mill-miri tagħhom. L-Istati Membri kollha laħqu t-trajettorji tal-mili u l-miri tal-mili minimi tagħhom tal-UE fl-2022. Il-mekkaniżmu tal-miri intermedjarji minimi għen biex jagħti lill-Istati Membri biżżejjed lok biex jistabbilixxu l-miżuri tagħhom stess.

L-Istati Membri kollha bil-ħażniet użaw sensiela ta’ miżuri, kif previst fir-Regolament dwar il-Ħżin. Il-piż tal-miżuri differenti jvarja bejn l-Istati Membri. Bħala l-ewwel għażla, huma użaw miżuri bbażati fuq is-suq. Aktar miżuri ppreferuti kienu jinkludu l-obbligu li jinħażnu xi volumi minimi ta’ gass, l-offerti ta’ kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq, flimkien ma’ inċentivi biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin u biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet kuntrattati jintużaw b’mod effettiv.

Bl-obbligu li jiġu ċċertifikati l-operaturi u s-sidien tal-ħżin, ir-Regolament dwar il-Ħżin kellu l-għan li jgħin biex tiġi evitata kwalunkwe influwenza detrimentali ta’ pajjiżi mhux tal-UE fuq il-mili tas-siti tal-ħżin. Fl-2022, ġie ppreżentat abbozz ta’ ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni, segwit minn opinjoni pożittiva.

Għalkemm ma ġie ċċertifikat l-ebda sit tal-ħżin ieħor, l-Istati Membri ħadu miżuri fi stadju bikri biex jipprevjenu lill-pajjiżi mhux tal-UE milli jinfluwenzaw b’mod negattiv il-mili tas-siti tal-ħżin. Huma rrapportaw li s-sidien tal-ħażniet li kienu qegħdin jiġu nazzjonalizzati u dwar il-ħatra ta’ entitajiet tal-Istat responsabbli għall-mili. Għalkemm l-Istati Membri għad iridu jippreżentaw l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni, bħalissa ma hemm l-ebda evidenza li l-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin għas-sigurtà tal-provvista għadu f’riskju. Il-biċċa l-kbira taċ-ċertifikazzjonijiet se jkollhom jinħarġu fl-2023 biex jiġi żgurat in-nuqqas ta’ influwenza detrimentali fuq is-sidien u l-operaturi tal-ħażniet.

Abbażi tad-data disponibbli, huwa impossibbli li jiġi konkluż jekk, u sa liema punt, il-miri tal-mili stabbiliti mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass kellhomx effett fuq il-prezzijiet tal-gass. Dawn jiddependu fuq ħafna fatturi relatati man-nuqqas ta’ ħżin bħall-provvisti tal-pipelines, id-disponibbiltà tal-LNG, l-iffrankar tal-gass, it-temp u l-primjum marbut mas-sigurtà tar-riskji tal-provvista perċepiti mis-suq. Abbażi tal-kontributi riċevuti, jidher li hemm lok għal miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miri tal-UE b’modi aktar effiċjenti biex jiġu evitati t-trajettorji għall-mili li jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-prezzijiet b’mod negattiv.

Bir-Regolament dwar il-Ħżin, din hija l-ewwel darba li l-Istati Membri qed iwettqu u jimplimentaw miżuri ta’ ħżin f’qafas komuni li jippermetti u jinkoraġġixxi kombinazzjonijiet ta’ miżuri bbażati fuq is-suq u regolatorji biex jiġi żgurat livell minimu tal-mili. Din hija wkoll l-ewwel darba li l-Istati Membri qed jiżviluppaw arranġamenti speċifiċi biex jaqsmu r-riżorsi tal-ħżin u l-kostijiet relatati bejn il-fruntieri, għalkemm dan għadu limitat. Fi tmiem ix-xitwa 2022/2023, il-Kummissjoni beħsiebha titlob lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-esperjenzi tagħhom b’dawn l-arranġamenti.

(1)

COM(2022) 639 final.

(2)

COM(2022) 360 final.

(3)

IR-REGOLAMENT (UE) 2022/1032 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAD-29 TA’ ĠUNJU 2022 LI JEMENDA R-REGOLAMENTI (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 FIR-RIGWARD TAL-ĦŻIN TAL-GASS, ĠU L 173, 30.6.2022, p. 22.

(4)

  Infrastruttura tal-gass fl-Ewropa – Aggregated Gas Storage Inventory (agsi.gie.ue)

(5)

Ftehim ippubblikat fir-reġistru uffiċjali tal-Awstrija: https://www.ris.bka.gv.at/eli/bgbl/III/2023/16 .

(6)

  Reġistru ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn (europa.eu)

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2576 li jsaħħaħ is-solidarjetà permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet u skambji transfruntieri tal-gass, ĠU L 335, 29.12.2022, p. 1.

(8)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2301 tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi t-trajettorja għall-mili b’miri intermedjarji għall-2023 għal kull Stat Membru b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tiegħu u interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu (C/2022/8593), ĠU L 305, 25.11.2022, pp. 5-8.

(9)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

ST/11568/2022/INIT, ĠU L 206, 8.8.2022, pp. 1-10.