Brussell, 20.3.2023

COM(2023) 173 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

rieżami tal-funzjonament tar-Regolament (UE) 2022/1369 għat-tnaqqis koordinat fid-domanda għall-gass

{SWD(2023) 63 final}


I.Introduzzjoni

Matul l-2022, ir-Russja użat il-provvisti tal-gass bħala arma politika. F’dan il-kuntest, f’Awwissu 2022, l-UE adottat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 ta’ emerġenza, biex titnaqqas id-domanda għall-gass bi 15 % b’mod ikkoordinat biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369, l-Istati Membri jridu jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex inaqqsu d-domanda għall-gass bi 15 %, u dan isir obbligatorju f’każ li tiġi ddikjarata twissija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-pjanijiet ta’ emerġenza tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament biex jirriflettu l-miżuri implimentati u jirrapportaw it-tnaqqis fid-domanda miksub kull xahrejn lill-Eurostat. L-Artikolu 9 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha twettaq rieżami, li abbażi tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD/2023/63 li jakkumpanjah, il-Kummissjoni tipprovdi analiżi tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass minn Awwissu 2022, analiżi bbażata fuq xenarji tal-projezzjonijiet tar-riforniment tal-ħażniet taħt estensjonijiet differenti potenzjali għat-tnaqqis fid-domanda u eżaminazzjoni tat-tnaqqis fil-passat u r-riskji pożittivi u negattivi għall-2023–2024.

Il-kwistjoni ġiet diskussa mal-Grupp tal-Koordinazzjoni dwar il-Gass 1 , li jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri u assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw il-fornituri, l-operaturi tal-infrastruttura, in-negozjanti u l-konsumaturi ewlenin tal-gass. Il-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, matul il-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Frar, esprimew il-fehim tagħhom tal-importanza ta’ tnaqqis kontinwu fid-domanda bħala miżura partikolarment kosteffettiva biex tiġi ppreservata u msaħħa s-sigurtà tal-provvista.

II.Miżuri meħuda u t-tnaqqis fid-domanda miksub

Mill-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369, l-UE rnexxielha tiddiversifika lil hinn mill-gass Russu 2 u rnexxielha tnaqqas id-domanda tagħha għall-gass bi 19 % minn Awwissu 2022 sa Jannar 2023, meta mqabbel mal-medja tal-5 snin preċedenti matul dak l-istess perjodu, u dan jikkorrispondi għal 41,5 bcm. It- Tabella 2 (ara l-Anness) turi li t-tnaqqis fid-domanda varja minn xahar għal xahar, u minn Stat Membru għal Stat Membru, u dan jirrifletti ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti. Fil-każ ta’ twissija tal-Unjoni, l-eżenzjonijiet mit-tnaqqis obbligatorju fid-domanda, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369, jirriflettu wkoll dawn iċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti.

Il-livelli attwali tal-ħżin huma relattivament għoljin għaż-żmien tas-sena, il-prezzijiet tal-gass naqsu b’mod kostanti mill-ogħla livelli f’Awwissu (filwaqt li għadhom ogħla b’mod sinifikanti mill-medja fit-tul), u s-sigurtà tal-provvista hija żgurata għall-bqija ta’ din ix-xitwa 2022/2023. Madankollu, it-Taqsima III se turi li s-suq tal-gass tal-UE għadu ristrett, u li mingħajr ebda tnaqqis fid-domanda għall-gass lil hinn mill-31 ta’ Marzu, l-Istati Membri aktarx mhux se jissodisfaw l-obbligu tal-ħżin tagħhom ta’ 90 % sal-31 ta’ Ottubru, u dan ipoġġi f’riskju s-sigurtà tal-provvista matul ix-xitwa 2023/2024, possibbilment bi skarsezzi tal-gass jew bir-ritorn ta’ prezzijiet għoljin ħafna tal-gass.

L-Illustrazzjoni 1 turi l-konsum tal-gass tal-UE minn Awwissu 2022 sa Jannar 2023 (linja ħadra; “Attwali”) meta mqabbel mal-medja tal-istess perjodu matul il-5 snin preċedenti (linja blu; “Referenza”) u l-mira għat-tnaqqis ta’ 15 % (linja ħamra; “Mira”) kif ġiet iddefinita għal bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, u kif tapplika skont din il-proposta għax-xhur l-oħra. L- Illustrazzjoni   1 turi wkoll li l-konsum tal-gass fix-xitwa huwa ogħla mis-sajf b’mod sinifikanti. Fil-fatt, id-domanda fi Q2 u fi Q3 hija madwar nofs id-domanda fi Q1 u Q4.

Illustrazzjoni 1: Il-konsum ta’ referenza, il-konsum fil-mira (jiġifieri, ir-referenza -15 %) u l-konsum reali (Awwissu 2022 – Jannar 2023); EU27 (bcm)

Sors: Kalkoli tal-ENER/CET ibbażati fuq is-sottoserje IC_CAL_MG, fis-serje tal-Eurostat NRG_CB_GASM f’mcm mis-7 ta’ Marzu 2023, 11:00.

Setturi

Għal analiżi fil-fond tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass, hija meħtieġa l-pubblikazzjoni frekwenti tad-domanda settorjali għall-gass. Bħalissa, l-Eurostat jirrapporta l-konsum tal-gass skont is-settur tad-domanda 3 fuq bażi annwali biss, b’dewmien ta’ sena. Għalhekk disaggregazzjoni affidabbli tat-tfaddil tal-gass skont is-settur jew disaggregazzjoni tat-tnaqqis strutturali meta mqabbel ma’ dak mhux strutturali abbażi ta’ sett ta’ data uffiċjali li jkopri l-UE kollha, ma hijiex possibbli.

Il-Kummissjoni 4 , bl-użu ta’ data awżiljarja, tistma li fil-perjodu Awwissu–Diċembru 2022, it-tnaqqis fl-unitajiet domestiċi kien jammonta għal madwar 50 % u dak fl-industrija għal 43 %, filwaqt li s-settur tal-enerġija kien jirrappreżenta biss 7 % tat-tnaqqis globali fid-domanda għall-gass, minħabba d-disponibbiltà baxxa tal-enerġija idroelettrika u tal-kapaċità nukleari 5 . L-industrija kienet responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-tnaqqis fid-domanda fis-sajf u fil-ħarifa, filwaqt li l-unitajiet domestiċi kienu responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-tnaqqis fid-domanda (u l-konsum) fix-xitwa. Aħna nistmaw li madwar wieħed minn sitta tat-tnaqqis totali kien ikkawżat mit-temperatura, li jfisser li jista’ jiġi attribwit għal xitwa (bikrija) aktar moderata milli kienet fil-perjodu ta’ referenza, u dan jikkorrispondi għal 5 bcm minn tnaqqis totali ta’ 30 bcm bejn Awwissu u Diċembru.

Miżuri tal-Istati Membri rrapportati fil-Pjanijiet ta’ Emerġenza

L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 jistipulaw li l-Istati Membri jridu jinnotifikaw il-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda implimentati, permezz ta’ aġġornament tal-pjanijiet ta’ emerġenza tagħhom. Il-maġġoranza tal-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-Pjanijiet ta’ Emerġenza aġġornati tagħhom.

Skont il-pjanijiet aġġornati, il-miżuri fuq terminu qasir ikopru żewġ tipi ewlenin ta’ miżuri: (1) kampanji ta’ informazzjoni dwar l-iffrankar tal-gass u (2) miżuri biex jitnaqqsu t-tisħin u t-tkessiħ.

·Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw kampanji ta’ komunikazzjoni. F’xi każijiet, il-kampanji joħolqu wkoll sensibilizzazzjoni dwar l-iskemi ta’ sussidju eżistenti għall-effiċjenza enerġetika, li huma mmirati l-aktar lejn l-unitajiet domestiċi u l-SMEs.

·Limitazzjoni tat-temperatura: il-biċċa l-kbira tal-pjanijiet jinkludu restrizzjonijiet fuq it-tisħin u t-tkessiħ fil-bini pubbliku; xi Stati Membri jestendu din il-limitazzjoni għall-uffiċċji u l-ħwienet.

·Diversi Stati Membri imponew limitazzjonijiet tat-tidwil, li normalment jikkonċernaw il-bini u l-monumenti pubbliċi iżda f’xi każijiet il-ħwienet ukoll.

Għal miżuri fuq terminu medju, l-Istati Membri nnotifikaw miżuri għall-bdil tal-fjuwil, sussidji għar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini jew is-sostituzzjoni ta’ apparati ineffiċjenti. Bħala miżuri fit-tul, l-Istati Membri spiss jipprovdu appoġġ dirett lill-klijenti li jinvolvi sussidji jew tnaqqis fit-taxxi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, pompi tas-sħana jew effiċjenza enerġetika (anke permezz ta’, pereżempju, awditi).

III.Prospetti għax-xitwa li jmiss

Filwaqt li l-UE naqqset b’suċċess id-domanda bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023, u ddiversifikat lil hinn mill-importazzjonijiet Russi, din it-taqsima tesplora jekk dan huwiex biżżejjed biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għall-provvista fix-xitwa 2023/2024 jekk ir-Regolament (UE) 2022/1369 jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2023. It- Tabella 1 turi l-livelli tal-ħżin għal Ottubru 2023 u Marzu 2024, taħt estensjonijiet differenti ta’ tnaqqis fid-domanda potenzjali, abbażi tal-aħħar informazzjoni u data disponibbli dwar is-suq 6 . L- Illustrazzjoni 2   tipproġetta l-livelli tar-riforniment tal-ħażniet għall-4 xenarji. It- Tabella 1 turi li f’każ ta’ ebda tnaqqis fid-domanda għall-gass jew f’każ ta’ tnaqqis limitat wara l-1 ta’ April (Xenarji A jew B), l-Istati Membri aktarx li mhux se jikkonformaw mal-obbligu tar-riforniment tal-ħażniet ta’ 90 % sal-31 ta’ Ottubru 2023, kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2022/1032, u, għalhekk, is-sigurtà tal-provvista għax-xitwa 2023-24 ma tistax tiġi żgurata. Jekk it-tnaqqis ta’ -15 % fid-domanda għall-gass ikompli wara l-1 ta’ April sal-31 ta’ Ottubru, mill-inqas, l-obbligi tal-ħżin ta’ 90 % aktarx li jintlaħqu (Xenarji C u D). Estensjoni tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 naqqset ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista b’mod deċiżiv għax-xitwa 2024/2025.

Fir-rapport tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2022 7 , l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (“AIE”) tistma li jista’ jkun hemm nuqqas fil-provvista fl-2023 sakemm ma jittiħdux azzjonijiet addizzjonali biex jiġi ffrankat il-gass.

Tabella 1: Il-livelli tal-ħżin ta’ kull xahar skont l-estensjoni tat-tnaqqis fid-domanda

Suppożizzjonijiet tax-xenarju Ħżin (bcm) fi tmiem:

Ottubru 2023

Marzu 2024

A: L-ebda estensjoni

69

0

B: Estensjoni għal bejn Awwissu 2023 u Marzu 2024

80

28

C: Estensjoni għal bejn April 2023 u Ottubru 2023

95

9

D: Estensjoni ta’ sena għal bejn April 2023 u Marzu 2024

95

43

 Sors: Kalkoli tal-ENER/CET.

·Xenarju A: L-ebda estensjoni: Jekk minflok ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fid-domanda, il-livelli tal-ħżin jilħqu biss 69 bcm sal-aħħar ta’ Ottubru 2023, b’mod sinifikanti taħt l-obbligu tal-ħżin ta’ 90 % (89,4 bcm). Barra minn hekk, il-livelli tal-ħżin se jkunu eżawriti għalkollox sa Frar 2024, u dan jimplika tħassib serju ħafna dwar is-sigurtà tal-provvista għax-xitwa 2024/2025.

·Xenarju B: Estensjoni ta’ 8 xhur għal bejn Awwissu 2023 u Marzu 2024: F’dan ix-xenarju, ir-riforniment tal-ħażniet isir bil-mod wisq, u l-ħażniet jilħqu biss 80 bcm sal-aħħar ta’ Ottubru, li huwa ferm taħt l-obbligu ta’ ħżin ta’ 90 % (89,4 bcm). Barra minn hekk, il-livelli tal-ħżin jonqsu għal inqas minn 30 % (28 bcm) sa tmiem ix-xitwa li jmiss (28 % fl-aħħar ta’ Marzu 2024), u dan jikkawża tħassib serju dwar is-sigurtà tal-provvista u jagħmilha diffiċli li jitwettaq riforniment tal-ħażniet b’mod suffiċjenti għax-xitwa ta’ wara 2024/2025.

·Xenarju C: Estensjoni ta’ 7 xhur għal bejn April u Ottubru 2023: F’dan ix-xenarju, jitwettaq riforniment tal-ħażniet suffiċjenti sal-aħħar ta’ dan is-sajf ta’ 95 % (95 bcm) sal-aħħar ta’ Ottubru 2023, u jilħqu l-obbligu tal-ħżin ta’ 90 % (89,4 bcm). Madankollu, minħabba li d-domanda anki f’xitwa normali hija d-doppju ta’ dik fis-sajf, il-ħażniet ikunu kważi eżawriti sal-aħħar tax-xitwa li jmiss (9 bcm sal-aħħar ta’ Marzu 2024). Dan jimplika tħassib serju ħafna dwar is-sigurtà tal-provvista u jagħmilha diffiċli ħafna li jsir riforniment tal-ħażniet b’mod suffiċjenti għax-xitwa ta’ wara 2024/2025.

·Xenarju D: Estensjoni ta’ sena għal bejn April 2023 u Marzu 2024: Bi tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 %, il-livelli tal-ħżin jilħqu 95 bcm sal-aħħar ta’ Ottubru 2023, u jilħqu l-obbligu tal-ħżin ta’ 90 % (89,4 bcm). Sal-aħħar ta’ Marzu 2024, il-livelli tal-ħżin ikunu ta’ madwar 43 bcm.

Illustrazzjoni 2: Il-livelli tal-ħżin ta’ kull xahar skont l-estensjoni tat-tnaqqis fid-domanda

Sors: Kalkoli tal-ENER/CET.

Barra minn hekk, u filwaqt li jikkomplementaw l-analiżi preċedenti fl- Illustrazzjoni 1 u fit- Tabella 1 , għadd ta’ fatturi u riskji għal din is-sena u għax-xitwa li jmiss li jistgħu jżidu l-konsum tal-gass 8 . Dawn jinkludu rikorrenza possibbli tad-domanda globali għal-LNG (limitata peress li l-UE tibqa’ s-suq primjum 9 ), rikorrenza tad-domanda għall-gass industrijali u t-treġġigħ lura tal-bidla mill-gass għall-faħam (it-tnejn xprunati minn prezzijiet tal-gass aktar baxxi fl-2023), kundizzjonijiet tat-temp li jistgħu jaffettwaw id-domanda għat-tisħin fix-xitwa 10 ,, u ġenerazzjoni baxxa tal-enerġija nukleari u idroelettrika (minħabba nixfiet), kif ukoll aktar interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass. Il-kapaċità nukleari Franċiża bħalissa hija inqas mid-disponibbiltà fl-2022, il-livelli tal-ilma fl-Italja huma fil-livelli tal-2022 li, b’mod simili, jindikaw ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika baxxa u l-prezzijiet baxxi tal-gass diġà wasslu għal bidla mill-faħam għall-gass fl-ewwel ġimgħat tal-2023 (ara t-taqsima IV.3 SWD/2023/63). Jekk dawn ir-riskji jkomplu jimmaterjalizzaw, se jillimitaw is-suq tal-gass globali u Ewropew u dan jista’ jaffettwa r-riforniment tal-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art meħtieġa għax-xitwa 2023-2024, il-livelli tal-prezzijiet tal-gass u l-volatilità ta’ dawn il-prezzijiet.

IV.Perspettiva

Minkejja titjib sinifikanti minn Awwissu 2022, is-sitwazzjoni fis-suq globali tal-gass għadha ristretta fl-2023. Diversi fatturi (it-temp, l-importazzjonijiet Russi li fadal, id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi tal-elettriku u r-restrizzjonijiet ulterjuri fis-swieq globali tal-LNG) jistgħu jagħmlu l-istaġun tar-riforniment tal-ħażniet tal-2023 diffiċli. Huwa importanti li, għall-kuntrarju tal-istaġun tar-riforniment preċedenti, ir-riforniment tal-ħażniet tal-2023 ma jistax jibbaża fuq is-60 bcm tal-gass bil-pipeline Russu li kien għadhom jiġu importati fl-UE fl-2022. Sabiex jiġu limitati r-riskji għas-sigurtà tal-provvista u l-impatti korrispondenti fuq is-suq, huwa meħtieġ tnaqqis kontinwu fid-domanda. Sabiex jiġi deċiż jekk u kif għandu jiġi żgurat dan it-tnaqqis fid-domanda għall-gass fl-Unjoni, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma partikolarment importanti:

1)Il-provvista globali tal-gass naturali għadha ristretta. Is-sehem tal-gass bil-pipeline Russu fl-importazzjonijiet totali tal-UE naqas minn 49 % qabel Jannar 2022, għal inqas minn 10 % f’Jannar 2023. Fl-2022, matul l-istaġun tar-riforniment, l-importazzjonijiet bil-pipelines Russi kienu ogħla b’mod sinifikanti minn dawk mistennija fl-2023. Għalhekk huwa meħtieġ tnaqqis fid-domanda fid-dawl ta’ dawn il-provvisti Russi mnaqqsa.

2)Tnaqqis fid-domanda jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet. Filwaqt li l-agħar impatti ekonomiċi ġew evitati fl-2022, is-swieq globali tal-gass għadhom limitati ħafna fl-2023. Il-prezzijiet tal-gass laħqu l-ogħla livelli storiċi fl-2022 bi prezz massimu ta’ aktar minn EUR 320/MWh fis-26 ta’ Awwissu u huma inqas minn EUR 45/MWh, iżda xorta f’livell id-doppju tan-norma storika. Matul il-laqgħa tal-Grupp tal-Koordinazzjoni dwar il-Gass tas-16 ta’ Frar 2023, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-gass irrikonoxxew ir-rwol fundamentali tat-tnaqqis fid-domanda biex titnaqqas il-pressjoni fuq suq ristrett u biex titrażżan il-volatilità tal-prezzijiet tal-gass.

3)L-istess spirtu ta’ solidarjetà prevalenti fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369 għandu jkompli. Il-qafas ġuridiku attwali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2017/1938 għadu insuffiċjenti biex jindirizza l-interruzzjonijiet ta’ fornitur ewlieni tal-gass li jdumu aktar minn 30 jum. L-interruzzjonijiet fit-tul xorta jistgħu jwasslu għal riskju ta’ azzjoni mhux ikkoordinata mill-Istati Membri, u dan jhedded li jipperikola s-sigurtà tal-provvista fi Stati Membri ġirien u li jpoġġi piż addizzjonali fuq l-industrija, fuq il-konsumaturi, u fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-Unjoni. Filwaqt li xi Stati Membri huma aktar esposti għall-interruzzjonijiet minn oħrajn, kwalunkwe diffikultà jew nuqqas fil-provvista tal-gass tikkawża ħsara lill-ekonomiji tal-Istati Membri kollha.

4)Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni “Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura” tal-20 ta’ Lulju 2022, huwa irħas għaċ-ċittadini u għall-industrija li jkomplu jnaqqsu d-domanda b’mod proattiv, b’mod proporzjonat u maneġġevoli b’mod dimostrabbli milli jiffaċċjaw tnaqqis mhux ikkoordinat aktar ’il quddiem.

5)Tnaqqis fid-domanda ta’ -15 % huwa konformi mal-obbligu tal-ħżin ta’ 90 %: Ix-xenarji C u D juru li livell ta’ ambizzjoni ta’ tnaqqis ta’ -15 % li jibda mill-1 ta’ April 2023 huwa xieraq u meħtieġ, u jippermetti lill-UE tilħaq l-obbligi ta’ ħżin ta’ 90 % fl-aħħar ta’ Ottubru, inkluża l-possibbiltà li jseħħu riskji moderati ta’ tnaqqis (eż. inqas provvista ta’ LNG, livelli idro baxxi jew temp moderatament aktar kiesaħ mill-medja).

6)It-tkomplija tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass hija urġenti biex tingħata ċertezza lill-parteċipanti fis-suq. Ir-Regolament attwali jiskadi fl-31 ta’ Marzu 2023, fi tmiem l-istaġun tax-xitwa. It-tkomplija tal-isforz ta’ tnaqqis mill-1 ta’ April tipprovdi ċarezza u tevita messaġġi mhux kontinwi dwar l-inċentivi.

7)Hija biss estensjoni tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass li tkopri 12-il xahar li tiżgura riforniment tal-ħażniet suffiċjenti matul is-sajf biex ikun hemm konformità mar-regolament dwar il-ħżin u sigurtà tal-provvista fix-xitwa li ġejja, kif ippreżentat fit-taqsima III. B’kuntrast għal dan, estensjoni għall-perjodu ta’ tnaqqis bejn Awwissu u Marzu ma tħallix biżżejjed żmien biex jitwettaq riforniment tal-ħażniet fil-livell xieraq ta’ 90 %, u twassal għal tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista lejn tmiem ix-xitwa li jmiss. It-temp kiesaħ waħdu se jnaqqas il-ħażniet kważi għalkollox sal-31 ta’ Marzu 2024. Alternattivament, b’estensjoni għal April sa Ottubru, il-ħażniet ikunu kważi kompletament eżawriti sal-31 ta’ Marzu 2024, anki mingħajr temperaturi kesħin u mingħajr ma jimmaterjalizza ebda riskju negattiv ieħor. Fi kliem ieħor, estensjonijiet iqsar minn 12-il xahar jistgħu jwasslu għal xirjiet ta’ paniku, l-Istati Membri jibdew jixtru bi prezzijiet dejjem ogħla minn ta’ xulxin (mingħajr ma jaslu aktar provvisti tal-gass fis-suq tal-UE), prezzijiet għoljin u nuqqasijiet possibbli. Analiżi aktar dettaljata tista’ tinstab fit-taqsima VI SWD/2023/63.

8)Perjodu itwal jagħti aktar flessibbiltà biex jiġi ottimizzat it-tixrid tal-isforzi għat-tnaqqis fid-domanda maż-żmien. B’mod partikolari dan inaqqas il-possibbiltà ta’ żidiet qawwija fil-prezzijiet u għalhekk jillimita l-kost tax-xiri tal-gass għall-Istati Membri għall-istess volumi. Għalhekk, estensjoni b’perjodu ta’ tnaqqis ta’ 12-il xahar tippermetti aktar flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-karatteristiċi differenti bejn l-Istati Membri, peress li xi Stati Membri jsibuha aktar faċli li jnaqqsu d-domanda fis-sajf (frontloading) u oħrajn isibuha aktar faċli biex inaqqsu d-domanda fix-xitwa (backloading). Barra minn hekk, dan jippermetti l-flessibbiltà bejn is-setturi: peress li d-domanda residenzjali hija baxxa fis-sajf, estensjoni minn April sa Ottubru tpoġġi l-piż b’mod sproporzjonat fuq l-industrija u s-settur tal-enerġija inqas flessibbli, li jiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija.

9)Minħabba l-monitoraġġ ta’ kull xahrejn u n-nuqqas ta’ rappurtar aktar settorjali matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, in-natura u d-distribuzzjoni settorjali ta’ dan it-tnaqqis fid-domanda ma humiex mifhuma għalkollox. Dan illimita l-kapaċità tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet settorjali u l-iffrankar potenzjali (l-enerġija, l-industrija, ir-residenti u s-servizzi) u b’hekk li jfasslu miżuri aktar kosteffettivi.

 

V.ANNESS

It- Tabella 2  tiġbor fil-qosor it-tnaqqis ta’ kull xahar fid-domanda għall-gass meta mqabbel mal-perjodu ta’ referenza. Dan juri li l-miżuri volontarji tad-domanda laħqu l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 15 % bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023. It-tnaqqis ta’ 19,2 % tal-UE jikkorrispondi għal madwar 41,5 bcm, meta mqabbel ma’ mira ta’ 15 % ta’ madwar 32,5 bcm għal dawn is-6 xhur u mira ta’ madwar 45,3 bcm għal bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023.

Tabella 2: Tnaqqis fid-domanda għall-gass Awwissu 2022 sa Jannar 2023

Stat Membru

Aww.

Sett.

Ott.

Nov.

Diċ.

Jan.

Aww.-Jan.

EU27

-13,5 %

-14,0 %

-24,4 %

-25,0 %

-12,4 %

-22,2 %

-19,2 %

L-Awstrija

-26,7 %

-11,3 %

-24,0 %

-16,9 %

-13,6 %

-23,9 %

-19,2 %

Il-Belġju

-1,0 %

-6,0 %

-20,5 %

-29,7 %

-9,8 %

-18,3 %

-16,0 %

Il-Bulgarija

-14,9 %

-17,8 %

-32,7 %

-21,2 %

-21,8 %

-29,4 %

-23,9 %

Il-Kroazja

-21,7 %

-23,1 %

-20,0 %

-25,6 %

-27,6 %

-24,2 %

-24,1 %

Ċipru

-

-

-

-

-

-

-

Iċ-Ċekja

-15,0 %

-9,1 %

-22,9 %

-18,8 %

-10,9 %

-24,0 %

-17,7 %

Id-Danimarka

-21,7 %

-23,3 %

-31,1 %

-33,4 %

-13,7 %

-26,5 %

-24,9 %

L-Estonja

-37,1 %

-31,7 %

-46,9 %

-32,3 %

-32,4 %

-38,0 %

-36,2 %

Il-Finlandja

-35,7 %

-57,4 %

-62,6 %

-58,3 %

-65,1 %

-63,1 %

-58,5 %

Franza

1,6 %

-2,5 %

-27,8 %

-29,3 %

-8,3 %

-19,2 %

-17,1 %

Il-Ġermanja

-28,0 %

-14,7 %

-28,6 %

-28,3 %

-4,7 %

-18,6 %

-19,4 %

Il-Greċja

4,5 %

-26,3 %

-42,0 %

-23,0 %

-12,6 %

-36,7 %

-22,7 %

L-Ungerija

-18,7 %

5,0 %

-33,9 %

-19,8 %

-17,5 %

-27,4 %

-21,0 %

L-Irlanda

11,3 %

2,1 %

-8,8 %

-10,3 %

9,5 %

-4,3 %

-0,3 %

L-Italja

-5,2 %

-14,0 %

-19,8 %

-22,7 %

-18,5 %

-22,7 %

-18,6 %

Il-Latvja

-42,6 %

-52,7 %

-72,7 %

-15,2 %

0,9 %

-37,0 %

-31,8 %

Il-Litwanja

-43,6 %

-45,0 %

-50,8 %

-46,0 %

-11,9 %

-51,5 %

-40,5 %

Il-Lussemburgu

-36,4 %

-26,1 %

-35,5 %

-33,2 %

-17,5 %

-25,0 %

-27,7 %

Malta

4,6 %

-1,1 %

-11,2 %

43,6 %

27,0 %

21,9 %

+12,1 %

In-Netherlands

-29,7 %

-32,6 %

-33,3 %

-35,1 %

-17,5 %

-32,2 %

-29,5 %

Il-Polonja

-26,7 %

-25,4 %

-23,7 %

-8,3 %

-5,3 %

-12,0 %

-14,9 %

Il-Portugall

-10,7 %

-17,0 %

-12,0 %

-8,9 %

-18,6 %

-34,9 %

-17,1 %

Ir-Rumanija

-25,2 %

-20,7 %

-27,5 %

-21,8 %

-15,9 %

-21,0 %

-21,2 %

Is-Slovakkja*

10,6 %

5,5 %

2,1 %

-2,7 %

23,6 %

-7,8 %

+4,6 %

Is-Slovenja

-13,7 %

-10,9 %

-22,2 %

-11,7 %

-12,4 %

-14,7 %

-14,2 %

Spanja

2,6 %

0,7 %

-6,2 %

-21,8 %

-24,4 %

-23,9 %

-13,7 %

L-Iżvezja

-27,3 %

-35,7 %

-41,8 %

-51,0 %

-38,0 %

-41,9 %

-40,2 %

Nota: Bidla fil-konsum tal-gass 2022 ara l-medja tal-2017–2021. Ċipru ma jużax gass naturali.

Sors: Kalkoli tal-ENER/CET ibbażati fuq is-sottoserje IC_CAL_MG f’TJ (GCV), fis-serje tal-Eurostat NRG_CB_GASM mis-7 ta’ Marzu 2023, 11:00.

* Id-data tal-Eurostat għas-Slovakkja bħalissa qiegħda tiġi rieżaminata.

(1)

  Reġistru ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn (europa.eu)

(2)

Fl-2022, il-provvisti tal-gass Russi lejn l-UE naqsu b’47 % minn 152 bcm fl-2021 għal 80 bcm. Dawn ġew sostitwiti prinċipalment mill-Istati Uniti li żiedu l-esportazzjonijiet tagħhom minn 21 bcm għal 50 bcm u r-Renju Unit li żied il-provvisti minn 6 għal 24 bcm. Aktar żidiet fil-provvista tal-gass lejn l-UE ġew min-Norveġja (+10 bcm), mill-Ażerbajġan (+3 bcm), mill-Qatar (+2 bcm) u minn Trinidad u Tobago (+1 bcm).

(3)

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija hija l-uniku settur li għalih hemm disponibbli data uffiċjali tal-Eurostat; Tnaqqis ta’ 2,1 % bejn Awwissu 2022 u Jannar 2023 ibbażat fuq is-sottoserje TI_EHG_MAP f’TJ (BVBA) fis-serje tal-Eurostat NRG_CB_GASM, mis-7 ta’ Marzu 2023, 11:00.

(4)

DĠ Ċentru Konġunt tar-Riċerka

(5)

Filwaqt li tuża perjodi ta’ referenza differenti, l-analiżi preliminari minn Bruegel (2023) u l-AIE (2023), bl-użu ta’ data awżiljarja, tistma kobor simili.

(6)

Suppożizzjonijiet:

-Livelli tal-ħżin mis-7 ta’ Marzu 2023 (58,5 bcm fl-aħħar tal-5 ta’ Marzu).

-Provvista mhux mill-pipeline Russu ugwali għall-medja tal-aħħar 7 xhur tal-2022.

-Provvista tal-LNG ugwali għall-medja tal-aħħar 7 xhur tal-2022, flimkien ma’ 15 bcm/a (1,25 bcm/xahar) minn April 2023.

-L-ebda gass mir-Russja permezz tal-pipeline.

-Domanda medja tal-perjodu ta’ referenza, bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis perċentwali kif iddikjarat.

-Esportazzjonijiet lejn l-Iżvizzera bħal fl-2021 (l-aktar data reċenti disponibbli; 2,2 bcm/a, li minnhom 1/3 fis-sajf u 2/3 fix-xitwa).

-Esportazzjonijiet lejn l-Ukrajna u l-Moldova ta’ 0,5 bcm/xahar.

(7)

IEA (2022): How to Avoid Gas Shortages in the European Union in 2023. A practical set of actions to close a potential supply-demand gap, How to Avoid Gas Shortages in the European Union in 2023 – Analysis - IEA  

(8)

 IEA (2022): How to Avoid Gas Shortages in the European Union in 2023. A practical set of actions to close a potential supply-demand gap, How to Avoid Gas Shortages in the European Union in 2023 – Analysis - IEA

(9)

Partijiet oħra fis-suq globali ma jikkompetux ’il fuq minn ċertu livell ta’ prezzijiet tal-gass naturali peress li jaqilbu għal fjuwils oħra.

(10)

Skont l-ENTSOG, xitwa kiesħa ħafna li sseħħ bi probabbiltà ta’ 5 % żżid id-domanda b’24 bcm. Ara l-Illustrazzjoni 1 (bi tnaqqis fid-domanda preżunt ta’ 15 %) fil-prospettiva tal-provvista għax-xitwa 2022/2023 tal-ENTSOG, disponibbli fuq: https://entsog.eu/sites/default/files/2022-10/SO0038-22_Winter%20Supply%20Outlook_2022-23_2.pdf . Dan huwa konformi mal-kalkoli tal-ENER/CET ta’ domanda addizzjonali ta’ 28 bcm għas-sena kollha f’każ li t-tnaqqis fid-domanda ta’ 15 % jiġi applikat mhux għad-domanda medja tal-aħħar 5 snin iżda għall-ogħla domanda tal-perjodu 2014-2021 għal kull xahar (id-data ta’ kull xahar ma hijiex disponibbli għas-snin preċedenti).